Brussell, 3.11.2022

COM(2022) 569 final

2022/0353(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jiġu pprevenuti ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta’ Frar 2022, il-Polonja talbet estensjoni tad-deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT sabiex (i) tkompli tirrestrinġi għal 50 % id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri u l-leasing ta’ vetturi bil-mutur li ma jintużawx biss għal finijiet ta’ negozju, u fuq in-nefqa relatata ma’ dawk il-vetturi, u biex (ii) l-użu minn persuna taxxabbli jew mill-impjegati tiegħu ta’ vetturi li jkunu koperti mil-limitazzjoni msemmija hawn fuq dwar id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input għal finijiet oħra għajr l-attività tan-negozju li ssir mill-persuna taxxabbli, ma jiġix ittrattat bħala forniment ta’ servizzi bi ħlas.

F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Polonja permezz ta’ ittra bid-data tal-15 ta’ Marzu 2022. Permezz ta’ ittra bid-data tas-16 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis neċessarja biex tevalwa t-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

It-twettiq ta’ spezzjonijiet biex jiġi ddeterminat sa liema punt il-vetturi jintużaw għal finijiet ta’ negozju u għal finijiet oħra (b’mod partikolari għal finijiet privati mhux relatati man-negozju) joħloq diffikultajiet u piżijiet sinifikanti kemm għall-awtoritajiet tat-taxxa kif ukoll għall-persuni taxxabbli, u jista’ jwassal għal tilwim li jieħu ħafna ħin u li jiswa l-flus għaż-żewġ partijiet. Fil-prattika, xi kultant ikun saħansitra impossibbli li tiġi vverifikata d-diviżjoni reali bejn użu u ieħor tal-vetturi. Dan jista’ jirriżulta fi frodi tal-VAT jew f’attentat ta’ frodi (bħal żamma ta’ rekords mhux affidabbli), u b’konsegwenza jonqos id-dħul mit-taxxa. Minħabba l-għadd ta’ vetturi użati għal finijiet differenti, l-evażjoni tat-taxxa tista’ tkun sostanzjali.

Barra minn hekk, il-Polonja hija ddominata minn kumpaniji żgħar b’fatturat baxx (l-hekk imsejħa mikrointrapriżi), li ħafna drabi jkunu impriżi individwali jew kumpaniji li jimpjegaw biss għadd żgħir ta’ ħaddiema. Ta’ spiss dawn ikunu negozji tal-familja. F’intrapriżi żgħar bħal dawn, ħafna drabi ma jkunx hemm separazzjoni ċara tal-assi tal-kumpanija mill-assi privati tal-persuni li jwettqu attività ta’ negozju. F’każijiet bħal dawn, ikun diffiċli ħafna li ssir distinzjoni bejn l-użu privat tal-vetturi bil-mutur u l-użu tan-negozju u tkun teħtieġ infiq kbir u sproporzjonat, inkluż dak li jirriżulta mill-ħtieġa li tinżamm dokumentazzjoni dettaljata.

L-applikazzjoni tal-miżuri speċjali mitluba tirriżulta fit-tnaqqis tal-piżijiet u tal-kostijiet amministrattivi għall-intraprendituri. Il-persuni taxxabbli ma għandhomx għalfejn jissodisfaw għadd ta’ obbligi ta’ dokumentazzjoni u ta’ rapportar onerużi (eż. il-ħtieġa li tinżamm u tiġi rrappurtata, lill-amministrazzjoni tat-taxxa, l-hekk imsejħa data kilometrika, jiġifieri lista dettaljata tal-kilometri li nstaqu b’rabta mal-attività kummerċjali li tkun saret) li xi drabi tista’ tikkostitwixxi piż amministrattiv sproporzjonat.

In-negozji huma b’mod ġenerali favur ir-regoli ta’ tnaqqis li jirriżultaw mid-deroga mitluba. Il-miżuri adottati skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE jitqiesu bħala kompromess li rnexxa bejn ir-regoli aċċettati u ż-żamma tar-rekords li jagħtu prova tal-użu reali tal-vetturi għal attivitajiet kummerċjali, li tiswa ħafna flus, li tieħu ħafna ħin u li hija ineffiċjenti. L-aċċettazzjoni tas-simplifikazzjonijiet li jirriżultaw mid-deroga tar-regoli ġenerali hija evidenti mill-fatt li l-persuni taxxabbli adottaw tali regoli għal kważi 90 % tal-vetturi użati.

Għal dawn ir-raġunijiet, ir-Repubblika tal-Polonja ilha mill-1 ta’ April 2014 tapplika deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva tal-VAT. Il-miżuri speċifiċi msemmija qabel ġew estiżi sal-31 ta’ Diċembru 2019 u mbagħad sal-31 ta’ Diċembru 2022 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1837 2 u bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1594, 3 rispettivament.

Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali fuq il-piż amministrattiv kemm tal-kontribwenti kif ukoll tal-awtoritajiet tat-taxxa, qed jiġi propost li tiġi awtorizzata l-estensjoni tal-miżura ta’ deroga attwali. Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tkun valida għal perjodu limitat ieħor, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2025, sabiex ikun jista’ jsir rieżami tal-ħtieġa u tal-effettività tal-miżura ta’ deroga u tar-rata ta’ tqassim bejn l-użu tan-negozju u dak mhux tan-negozju li hija msejsa fuqha. Jenħtieġ li ma’ kull talba ta’ estensjoni jinhemeż rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat u din it-talba jenħtieġ li tintbagħat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2025.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ingħataw derogi simili b’rabta mad-dritt għal tnaqqis lil Stati Membri oħra 4 .

L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma tistax titnaqqas il-VAT. Sa dak iż-żmien, dan jawtorizza lill-Istati Membri jżommu l-esklużjonijiet li kienu fis-seħħ skont il-liġijiet nazzjonali fl-1 ta’ Jannar 1979. Fuq din il-bażi, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet ta’ “status quo” li jirrestrinġu d-dritt għal tnaqqis tal-VAT b’rabta ma’ vetturi korporattivi bil-mutur.

L-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti regoli dwar liema kategoriji ta’ nefqa jistgħu jkunu soġġetti għar-restrizzjoni fuq id-dritt għal tnaqqis ma rnexxewx 5 . Sakemm dawk ir-regoli jiġu armonizzati fil-livell tal-UE, derogi bħal din jitqiesu xierqa.

Għalhekk, il-miżuri proposti huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-miżura hija konsistenti mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Lulju 2020 - Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li tappoġġa l-Istrateġija ta’ Rkupru, 6 li tenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati kumpaniji ġodda u innovattivi, li jiffaċċjaw aktar kumplessità amministrattiva minn kumpaniji multinazzjonali kbar u fejn il-kostijiet tal-konformità għandhom it-tendenza li jkunu proporzjonalment ħafna ogħla għall-kumpaniji ż-żgħar milli għall-kumpaniji l-kbar. Hija kompatibbli wkoll mal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2017, 7 li jenfasizza l-ħtieġa li l-VAT għan-negozji ż-żgħar tiġi ssimplifikata. 

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenzi mhux esklużivi)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija msejsa, il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. B’mod partikolari, minħabba l-potenzjal li n-negozji ma jiddikjarawx ir-responsabbiltà sħiħa tagħhom u minħabba li l-verifika tad-data dwar il-mili hija ta’ piż fuq l-awtoritajiet tat-taxxa, ir-restrizzjoni ta’ 50 % se tissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT u se tevita l-evażjoni tat-taxxa fost l-oħrajn meta r-rekords li ma jinżammux kif suppost.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa possibbli li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq billi tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ir-Repubblika tal-Polonja hemżet rapport mar-rikjesta tagħha biex testendi l-miżura speċjali msemmija hawn fuq. Ir-rapport inkluda rieżami tar-restrizzjoni attwali fuq id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, kif previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/805/UE 8 , kif emendat bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1594 9 .

Rieżami tar-restrizzjoni fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT li sar għar-rapport imsemmi iktar ’il fuq ikkonkluda b’mod partikolari li:

·il-miżura speċjali kkontribwiet għas-simplifikazzjoni tal-ġbir tal-VAT u l-prevenzjoni tal-evażjoni tal-VAT billi eliminat id-diffikultà li persuna taxxabbli tiddetermina l-proporzjon tal-użu ta’ vettura għal finijiet ta’ negozju u għal finijiet oħra (prinċipalment l-użu privat ta’ vetturi tan-negozju) li jwasslu għall-evitar u għall-evażjoni tat-taxxa fuq il-bejgħ;

·il-miżura speċjali kkontribwiet għas-simplifikazzjoni tal-obbligi tat-taxxa u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq il-persuni taxxabbli (speċjalment fis-settur tal-SMEs) u fuq l-amministrazzjoni tat-taxxa billi naqqset b’mod sinifikanti d-diffikultajiet assoċjati mal-verifika tal-korrettezza tat-tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xiri, li spiss iwasslu għal tilwim amministrattiv u fil-qorti li jiswa ħafna flus u li jieħu ħafna ħin (għaż-żewġ partijiet);

·ir-restrizzjoni ta’ 50 % fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input hija xierqa, peress li tikkorrispondi b’mod ġenerali mal-użu privat medju ta’ vettura minn persuna taxxabbli (l-użu ta’ proporzjon aktar baxx jew ogħla jirriżulta f’diskrepanzi eċċessivi bejn l-użu preżunt u reali tal-vettura għal finijiet ta’ negozju u dawk privati);

·il-miżura hija kompatibbli mal-prinċipju tan-newtralità u ma tirrestrinġix id-dritt għal tnaqqis sħiħ tat-taxxa fuq ix-xiri fuq l-ispejjeż relatati mal-vetturi tal-passiġġieri dment li l-persuna taxxabbli tissodisfa ċerti rekwiżiti taż-żamma tar-rekords li jikkonfermaw li l-vettura tintuża biss għall-attività tan-negozju.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija msejsa fuq talba li saret mill-Polonja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-proċedura għall-imposti tal-VAT u li tiġi evitata l-evażjoni tal-VAT. Għalhekk, hija għandha impatt potenzjalment pożittiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjonijiet. Il-miżura speċjali ġiet identifikata mill-Polonja bħala l-aktar soluzzjoni xierqa u hija komparabbli ma’ derogi oħra tal-passat u preżenti li ngħataw lil Stati Membri oħra.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-proposta mhux se jkollha impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni stabbilita sal-31 ta’ Diċembru 2025.

F’każ li l-Polonja tikkunsidra estensjoni addizzjonali tal-miżura speċjali lil hinn mill-2025, jenħtieġ li tippreżenta talba għal estensjoni lill-Kummissjoni flimkien ma’ rapport li jinkludi rieżami tal-limitu perċentwali sal-31 ta’ Marzu 2025.

2022/0353 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja tintroduċi miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 10 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta’ persuna taxxabbli għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) imposta fuq il-provvisti tal-merkanzija u tas-servizzi li tkun irċeviet għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. L-Artikolu 26(1), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva jistipula li, meta assi ta’ negozju jintuża għall-finijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tagħha jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra għajr dawk tan-negozju tagħhom, dan għandu jitqies bħala servizz bi ħlas, u għaldaqstant, ikun soġġett għall-VAT.

(2)Bis-saħħa tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/805/UE 11 , il-Polonja kienet awtorizzata biex, sal-31 ta’ Diċembru 2022, tillimita sa 50 % d-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri, jew il-lokazzjoni ta’ ċerti vetturi tat-triq bil-magna kif ukoll fuq in-nefqa marbuta magħhom, meta dawn il-vetturi ma jintużawx biss għal finijiet ta’ negozju, u biex il-persuna taxxabbli ma jkollhiex għalfejn tiddikjara l-VAT fuq l-użu mhux tan-negozju tal-vetturi koperti mir-restrizzjoni (il-“miżuri speċjali”).

(3)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/805/UE (kif emendata) se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022. Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-18 ta’ Frar 2022, il-Polonja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżuri speċjali, li jidderogaw mill-Artikolu 26(1), il-punt (a), u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, għal perjodu addizzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2025, sabiex tillimita d-dritt ta’ tnaqqis b’rabta man-nefqa fuq ċerti vetturi tat-triq bil-magna li ma jintużawx biss għal finijiet ta’ negozju u biex il-persuni taxxabbli ma jkollhomx għalfejn jittrattaw l-użu mhux tan-negozju ta’ dawn il-vetturi bħala forniment ta’ servizzi bi ħlas (“it-talba”).

(4)F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Polonja permezz tal-ittra bid-data tal-15 ta’ Marzu 2022. Permezz tal-ittra bid-data tas-16 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Polonja li kellha l-informazzjoni neċessarja kollha sabiex tikkunsidra t-talba.

(5)F’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE, flimkien mat-talba, il-Polonja ppreżentat rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-miżuri speċjali, inkluż rieżami tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT. Abbażi ta’ dik l-informazzjoni, il-Polonja hija tal-fehma li r-rata ta’ 50 % għadha ġġustifikata. Jidhrilha wkoll li d-deroga mir-rekwiżit fl-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE għadha neċessarja biex tiġi evitata tassazzjoni doppja. Dawk il-miżuri speċjali jiġu ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT u biex tiġi pprevenuta l-evażjoni tat-taxxa meta r-rekords ma jinżammux kif suppost u jkun hemm dikjarazzjonijiet foloz tat-taxxa.

(6)Il-miżuri speċjali li se jiġu applikati wara l-31 ta’ Diċembru 2022, se jkollhom biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa tal-Polonja li tinġabar fl-istadju tal-konsum finali, u mhux se jkollhom impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT.

(7)Għalhekk jixraq li din l-awtorizzazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE tiġi estiża. L-estensjoni tal-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tiġi limitata fil-ħin biex tippermetti li ssir evalwazzjoni tal-effettività tagħha u tar-restrizzjoni xierqa perċentwali applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT.

(8)Jekk il-Polonja tkun tal-fehma li l-miżuri speċjali jkunu meħtieġa lil hinn mid-data tal-iskadenza tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE, u sabiex jiġi żgurat eżami f’waqtu ta’ xi talba ta’ estenzjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għal talba ta’ dan it-tip.

(9)Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE għalhekk jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2025.

Kull talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2025. Din it-talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport, li jkun jinkludi rieżami tar-restrizzjoni perċentwali applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq il-bażi ta’ din id-Deċiżjoni.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Polonja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1837 tal-11 ta’ Ottubru 2016 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tkompli tapplika miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikolu168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 280, 18.10.2016, p. 28).
(3)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1594 tal-24 ta’ Settembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tintroduċi miżuri li jidderogaw mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 71–72).
(4)    Pereżempju: Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1997 tal-15 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1994 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 408, 17.11.2021, p. 1–2); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 44–46); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1854 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 17–18).
(5)    COM (2004) 728 final – Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 24, 29.1.2005, p. 10) irtirata fil-21 ta’ Mejju 2014 (ĠU C 153, 21.05.2014, p.3).
(6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li tappoġġa l-Istrateġija ta’ Rkupru Ekonomiku (COM(2020)312 final).
(7)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017. (COM(2016) 710 final).
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/805/UE tas-17 ta’ Diċembru 2013 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tintroduċi miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 353, 28.12.2013, p. 5, kif emendata).
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1594 tal-24 ta’ Settembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/805/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tintroduċi miżuri li jidderogaw mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 248 tas-27.9.2019, p. 71).
(10)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/805/UE tas-17 ta’ Diċembru 2013 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tintroduċi miżuri ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 353, 28.12.2013, p. 51).