Brussell, 13.10.2022

COM(2022) 520 final

2022/0322(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Bulgarija tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-17 ta’ Mejju 2022, il-Bulgarija talbet awtorizzazzjoni biex sal-31 ta’ Diċembru 2024, tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, li tippermetti lill-Bulgarija teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 51 130 fil-munita nazzjonali.

F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba tal-Bulgarija, permezz tal-ittra tas-26 ta’ Lulju 2022. Permezz tal-ittra tas-27 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Bulgarija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri biex japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluż il-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli li jkollhom inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li l-persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn timponi l-VAT fuq il-provvisti tagħha, u b’konsegwenza ta’ dan, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-inputs tagħha.

Skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, Stati Membri partikolari li aderew wara l-1 ta’ Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti tal-ammonti fil-munita nazzjonali bir-rata ta’ konverżjoni fil-ġurnata tal-adeżjoni tagħhom, kif speċifikat f’dik id-dispożizzjoni.

Skont il-punt (17) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva tal-VAT, il-Bulgarija tista’ teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mill-ekwivalenti ta’ EUR 25 600 fil-munita nazzjonali.

L-awtorizzazzjoni biex il-livell limitu tal-fatturat annwali jiżdied minn EUR 25 600 għal EUR 51 130 se tissimplifika l-piż amministrattiv fuq in-negozji eliġibbli għall-eżenzjoni u se tistimula l-iżvilupp ta’ tali negozji żgħar billi teħlishom mill-obbligu tal-VAT skont l-arranġamenti normali tal-VAT, bħaż-żamma tar-rekords tal-VAT jew is-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-VAT. Apparti hekk, l-introduzzjoni ta’ tali miżura speċjali se tirriżulta f’inqas piż fuq l-awtorità tat-taxxa billi tnaqqas ir-rekwiżit li jiġu ġestiti u spezzjonati persuni taxxabbli b’fatturat taħt il-livell limitu. Barra minn hekk, se jkun hemm effett pożittiv fuq il-livell ġenerali ta’ konformità mal-obbligu tal-VAT għal dawn il-persuni taxxabbli.

Il-miżura speċjali hija fakultattiva għalkollox għall-persuni taxxabbli. Għalhekk, in-negozji ż-żgħar li l-fatturat tagħhom ma jaqbiżx il-livell limitu xorta se jkollhom il-possibbiltà li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li japplikaw l-arranġamenti normali tal-VAT.

Skont l-istimi pprovduti mill-Bulgarija, l-introduzzjoni tal-miżura speċjali se twassal għal tnaqqis fil-ġbir tad-dħul mill-VAT ta’ madwar 1 % u għalhekk ma tkunx taffettwa b’mod sinifikanti l-ammont totali ta’ dħul mill-VAT jew l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali. B’mod aktar speċifiku, il-Bulgarija rrappurtat li, fl-2020, minn 319 666 persuna taxxabbli rreġistrata, 32 619 (jiġifieri 1 %) persuni taxxabbli kellhom fatturat annwali ta’ bejn EUR 25 600 u EUR 51 130 u setgħu jibbenefikaw mill-miżura speċjali.

Il-miżura speċjali li tissimplifika l-obbligi tal-operaturi ż-żgħar, hija konformi mal-objettivi stabbiliti mill-Unjoni Ewropea għan-negozji ż-żgħar.

Minħabba l-impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għan-negozji u għad-dipartiment tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT, jixraq li l-Bulgarija tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-miżura ta’ deroga hija konformi mal-objettivi tad-Direttiva (UE) 2020/285 li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar 2 , li rriżultat mill-pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT 3 , u għandha l-għan li toħloq skema moderna u simplifikata għal dawk in-negozji. B’mod partikolari, għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-livell domestiku u dak tal-UE, tnaqqas l-impatt negattiv tal-effett tal-livell limitu u tiffaċilita kemm il-konformità tan-negozji kif ukoll il-monitoraġġ mill-awtoritajiet tat-taxxa.

Barra minn hekk, il-livell limitu ta’ EUR 51 130 huwa konsistenti mad-Direttiva (UE) 2020/285, sa fejn jippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu l-livell limitu tal-fatturat annwali meħtieġ għal eżenzjoni mill-VAT f’livell mhux ogħla minn EUR 85 000 (jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali).

Stati Membri oħra ngħataw derogi simili li jeżentaw mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom huwa inqas minn ċertu livell limitu, kif previst fl-Artikoli 285 u 287 tad-Direttiva tal-VAT. In-Netherlands 4 u l-Belġju 5 ngħataw livell limitu ta’ EUR 25 000; l-Italja 6 ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; il-Lussemburgu 7 ngħata livell limitu ta’ EUR 35 000; il-Polonja 8 , il-Latvja 9 u l-Estonja 10 ngħataw livell limitu ta’ EUR 40 000; l-Ungerija 11 ngħatat livell limitu ta’ EUR 48 000; il-Litwanja 12 ngħatat livell limitu ta’ EUR 55 000; il-Kroazja 13 ngħatat livell limitu ta’ EUR 45 000; Malta 14 ngħatat livell limitu ta’ EUR 30 000; is-Slovenja 15 ngħatat livell limitu ta’ EUR 50 000; iċ-Ċekja 16 ngħatat livell limitu ta’ EUR 85 000; u r-Rumanija 17 ngħatat livell limitu ta’ EUR 88 500.

Jenħtieġ li d-derogi mid-Direttiva tal-VAT ikunu dejjem limitati fiż-żmien biex ikunu jistgħu jiġu vvalutati l-effetti tagħhom. Barra minn hekk, l-inklużjoni ta’ data ta’ skadenza tal-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024 hija allinjata mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2020/285. Dik id-Direttiva tipprevedi l-1 ta’ Jannar 2025 bħala d-data li fiha l-Istati Membri jkollhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali, li huma obbligati jadottaw sabiex jikkonformaw magħha.

Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-Kummissjoni ilha tenfasizza b’mod konsistenti l-bżonn li jkun hemm regoli aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. F’dan ir-rigward, f’Marzu 2020 il-Kummissjoni adottat Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali 18 , li fiha mpenjat ruħha li tkompli taħdem biex tnaqqas il-piż minn fuq l-SMEs. L-objettiv li jitnaqqas il-piż regolatorju għall-SMEs huwa wieħed mill-pilastri ta’ din l-istrateġija. Din il-miżura speċjali hija f’konformità ma’ tali objettivi, f’dak li jirrigwarda r-regoli fiskali. Hija konsistenti wkoll mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2020 dwar tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-istrateġija ta’ rkupru 19 , li jirrikonoxxi li l-kostijiet tal-konformità fiskali għadhom għoljin fl-UE, u li tipikament, il-kostijiet tal-konformità ikunu sostanzjalment ogħla għal kumpaniji żgħar milli għal dawk kbar.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija msejsa l-proposta, il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi għall-persuni taxxabbli żgħar u għall-awtorità tat-taxxa.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT huwa possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu għal proposta tal-Kummissjoni. L-aktar strument xieraq hija Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill billi din tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija mesjsa fuq talba li saret mill-Bulgarija u tikkonċerna biss dan l-Istat Membru partikolari.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għandha l-għan li żżid il-livell limitu tal-eżenzjoni attwali minn EUR 25 600 għal EUR 51 130 (fl-ekwivalenti fil-munita nazzjonali). Din iż-żieda hija miżura ta’ simplifikazzjoni li telimina ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 51 130. Għalhekk se jkollha impatt pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-awtorità tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni ristrett tad-deroga u l-applikazzjoni tagħha limitata fil-ħin, fi kwalunkwe każ, l-impatt tal-miżura se jkun limitat.

Attwalment, abbażi tad-data disponibbli mill-2020, hemm madwar 175 000 impriża żgħira li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jiġu eżentati mill-VAT. Iż-żieda fil-livell limitu għal EUR 51 130 se tkun ta’ benefiċċju għal madwar EUR 32 000 impriża addizzjonali, li se twassal għal tnaqqis fid-dħul mill-VAT ta’ inqas minn 1 %.

Il-miżura ta’ deroga se tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli se jkunu jistgħu jagħżlu l-arranġamenti regolari tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE. L-impatt baġitarju f’termini ta’ dħul mill-VAT għall-Bulgarija huwa stmat għal madwar EUR 56 miljun (1 % tad-dħul tal-VAT kumplessiv), li jista’ jitqies negliġibbli.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud 20 , mhu se jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mill-Bulgarija mid-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT għas-sena finanzjarja 2022 ’il quddiem.

2022/0322 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Bulgarija tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 21 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 287, il-punt (17), tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Bulgarija tista’ teżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (“il-VAT”) lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 25600 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-17 ta’ Mejju 2022, il-Bulgarija talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287, il-punt (17), tad-Direttiva 2006/12/KE u b’hekk teżenta mill-VAT lil persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jaqbiżx l-ekwivalenti ta’ EUR 51 130 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha (“il-miżura speċjali”). Il-miżura speċjali tkun applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-data sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 22 . Minn dik id-Direttiva jirriżulta li, mill-1 ta’ Jannar 2025, l-Istati Membri se jitħallew jeżentaw mill-VAT il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula minn persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom fi Stat Membru partikolari ma jaqbiżx il-livell limitu ta’ EUR 85 000 jew l-ekwivalenti fil-munita nazzjonali.

(3)Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba li għamlet il-Bulgarija lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-ittra bid-data tas-26 ta’ Lulju 2022. Permezz ta’ ittra bid-data tas-27 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Bulgarija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba.

(4)Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285, li tfittex li tnaqqas il-piż ta’ konformità tal-impriżi ż-żgħar u tevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

(5)Il-miżura speċjali se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli peress li xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(6)Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Bulgarija, il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa li l-Bulgarija tiġbor fl-istadju tal-konsum finali.

(7)Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 23 , ma għandu jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mill-Bulgarija fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT mis-sena finanzjarja 2022 ’il quddiem.

(8)Peress li l-miżura speċjali mistennija tnaqqas l-obbligi tal-VAT u għalhekk it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet ta’ konformità kemm għall-impriżi ż-żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u peress li mhux se jkun hemm impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li l-Bulgarija tiġi awtorizzata tintroduċi l-miżura speċjali.

(9)Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività u tal-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u tistipula regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar, u għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Bulgarija tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 287, il-punt (17), tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Bulgarija hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx jaqbeż l-ekwivalenti ta’ EUR 51 130 fil-munita nazzjonali bir-rata tal-konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Bulgarija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (OJ L 62, 2.3.2020, p. 13).
(3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT – Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu COM(2016)148 final.    
(4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1904 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 310, 6.12.2018, p. 25).    
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/88 tat-18 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tar-Renju tal-Belġju biex japplika għal perjodu ulterjuri l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 14, 21.1.2022, p. 23)
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/647 tal-11 ta’ Mejju 2020 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 151, 14.5.2020, p. 7).    
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2210 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 332, 23.12.2019, p. 155).
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1780 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 122).
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1261 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2408 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja sabiex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.9.2020, p. 4).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/358 tat-22 ta’ Frar 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/563 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 69, 26.2.2021, p. 4).    
(11)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/73 tat-18 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1490 fir-rigward tal-awtorizzazzjoni lill-Ungerija biex tapplika għal perjodu ulterjuri l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 12, 19.1.2022, p. 148).
(12)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/86 tat-22 ta’ Jannar 2021 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Litwanja sabiex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 30, 28.1.2021, p. 2).
(13)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1661 tat-3 ta’ Novembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1768 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 374, 10.11.2020, p. 4).
(14)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/753 tas-6 ta’ Mejju 2021 li tawtorizza lil Malta biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/279 (ĠU L 163, 10.5.2021, p. 1)
(15)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/464 tal-21 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/54/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni li ngħatat lir-Repubblika tas-Slovenja biex tkompli tapplika l-miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 94, 23.3.2022, p. 4).    
(16)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/865 tal-24 ta’ Mejju 2022 li tawtorizza lir-Repubblika Ċeka biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 151, 2.6.2022, p. 66).
(17)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1260 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1855 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.9.2020, p. 1).
(18)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali (COM(2020) 103 final).    
(19)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta’ Azzjoni għal tassazzjoni ġusta u sempliċi li tappoġġa l-Istrateġija ta’ Rkupru (COM(2020) 312 final).    
(20)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).    
(21)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(22)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta' informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (OJ L 62, 2.3.2020, p. 13).
(23)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).