Brussell, 13.10.2022

COM(2022) 519 final

2022/0321(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (“id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru japplika miżura speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT jew biex jiġu evitati ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ April 2022, l-Italja talbet estensjoni tad-deroga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT li qed tapplika bħalissa. Il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni fit-2 ta’ Mejju 2022 u l-Italja tat il-kjarifiki mitluba fl-1 ta’ Ġunju 2022.

L-Italja qed titlob għal awtorizzazzjoni biex tkompli tidderoga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT billi tillimita għal 40 % d-dritt tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imposta fuq in-nefqa relatata mal-vetturi tat-triq bil-mutur li ma jintużawx kompletament għall-finijiet tan-negozju. Barra minn hekk, l-Italja qed titlob awtorizzazzjoni biex tkompli tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a) tal-istess Direttiva, billi teżenta mill-VAT l-użu għall-finijiet privati tal-vetturi inklużi fl-assi tan-negozju ta’ persuna taxxabbli, meta tali vetturi jkunu soġġetti għal restrizzjoni tad-dritt tat-tnaqqis.

F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, permezz tal-ittra tat-23 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Italja. Permezz tal-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Id-dritt tat-tnaqqis jista’ jkun diffiċli li jiġi eżerċitat meta l-oġġetti jkunu jistgħu jintużaw b’mod privat jew għall-finijiet tan-negozju mingħajr distinzjoni. F’dawn il-każijiet, jista’ jkun ikkumplikat li jiġi stabbilit il-proporzjon bejn l-użu għan-negozju u dak mhux għan-negozju, u t-twettiq ta’ spezzjonijiet biex jiġi kkonfermat tali proporzjon jista’ joħloq diffikultajiet sinifikanti u burokrazija żejda kemm għall-awtoritajiet tat-taxxa kif ukoll għall-persuni taxxabbli. Jista’ jwassal ukoll għal tilwim għali u li jieħu ħafna żmien. Fil-prattika, xi kultant ikun saħansitra impossibbli li jiġi verifikat l-użu reali tal-vetturi, li jista’ jirriżulta f’(tentattiv) ta’ frodi tal-VAT (bħal żamma tar-rekords mhux affidabbli), u b’konsegwenza ta’ dan, tnaqqis fid-dħul mill-VAT.

L-Italja hija ddominata minn kumpaniji żgħar (94,7 % tal-intrapriżi Taljani huma mikrointrapriżi) u ħafna mill-karozzi tal-kumpaniji fiċ-ċirkolazzjoni huma proprjetà ta’ dawn it-tipi ta’ intrapriża. Il-fatt li tali vetturi jintużaw fl-eżerċitar tal-attività ordinarja tan-negozju ma jipprekludix l-użu privat tagħhom. F’din is-sitwazzjoni, jiġifieri meta dawn il-vetturi jintużaw sa ċertu punt għall-finijiet privati, il-VAT għandha titħallas għall-użu privat. Fiċ-ċirkostanzi tal-Italja fejn in-nisġa ekonomika hija kważi kollha magħmula mill-mikrointrapriżi, l-ammont ta’ xogħol biex tiġi valutata u verifikata l-allokazzjoni tal-użu fl-isfera privata jew fl-isfera tan-negozju jkun jeħtieġ infiq sproporzjonat, inkluż dak li jirriżulta mill-ħtieġa li tinżamm dokumentazzjoni dettaljata.

Għal dawk ir-raġunijiet, l-Italja ġiet awtorizzata li tidderoga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT billi tillimita għal 40 % d-dritt tat-tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri ta’ vettura, inkluż il-kuntratti ta’ assemblaġġ u simili, il-manifattura, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-lokazzjoni u l-kiri, it-tiswija jew il-manutenzjoni, u n-nefqa fuq il-provvisti jew is-servizzi mwettqa fir-rigward tal-vetturi u l-użu tagħhom, inkluż il-lubrikanti u l-fjuwil, dment li l-vettura inkwistjoni ma tintużax esklużivament għall-finijiet tan-negozju. Il-miżuri speċjali jkopru l-vetturi bil-mutur kollha għajr it-tratturi agrikoli jew forestali, li normalment jintużaw għall-ġarr tal-persuni jew tal-oġġetti bit-triq u li jkollhom piż totali massimu ta’ inqas minn 3,5 tunnellata u inqas minn disa’ sits, inkluż is-sit tax-xufier.

Bl-istess mod, l-Italja hija awtorizzata li tidderoga mill-Artikolu 26(1), il-punt (a) tad-Direttiva tal-VAT, billi teżenta mill-VAT l-użu għall-finijiet privati tal-vetturi li huma parti mill-assi tan-negozju ta’ persuna taxxabbli, meta dawk il-vetturi jkunu koperti mill-miżuri speċjali ta’ hawn fuq.

L-awtorizzazzjoni għall-miżuri ta’ deroga msemmija hawn fuq ingħatat l-ewwel darba mill-Kunsill sal-31 ta’ Diċembru 2010, permezz tad-Deċiżjoni 2007/441/KE tat-18 ta’ Ġunju 2007 2 . Wara, il-miżuri ta’ deroga ġew estiżi erba’ darbiet wara talba mill-Italja: Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/748/UE tad-29 ta’ Novembru 2010 3 estendiethom għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013; Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/679/UE tal-15 ta’ Novembru 2013 4 , għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2016; Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1982 tat-8 ta’ Novembru 2016 5 , għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2019; u fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2138 tal-5 ta’ Diċembru 2019, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2022 6 .

It-talba attwali mill-Italja biex jiġu estiżi l-miżuri speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2025 hija bbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk preżentati fit-talbiet preċedenti. It-talba u l-informazzjoni mogħtija mill-Italja fl-1 ta’ Ġunju 2022 jinkludu spjegazzjoni tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt tat-tnaqqis.

Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali fuq il-piż amministrattiv kemm tal-kontribwenti kif ukoll tal-awtoritajiet tat-taxxa, qed jiġi propost li tiġi awtorizzata l-estensjoni mitluba, soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet. Kwalunkwe talba oħra ta’ estensjoni jenħtieġ li tiġi akkumpanjata minn rapport sostanzjat u ġustifikat li jirrieżamina l-ħtieġa u l-effettività tal-miżuri speċjali, u rieżami tal-perċentwal applikat għall-perjodu li jibda fl-1 ta’ Jannar 2023 sal-preżentazzjoni tat-talba u jenħtieġ li jintbagħtu lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2025.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Miżuri speċjali simili fir-rigward tad-dritt tat-tnaqqis, għalkemm bir-rata ta’ 50 %, ingħataw lil Stati Membri oħra 7 .

L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li fuqha ma titnaqqasx il-VAT. Sakemm isir dan, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-esklużjonijiet li kienu fis-seħħ taħt il-liġijiet nazzjonali fl-1 ta’ Jannar 1979. Abbażi ta’ dan, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet standstill li jirrestrinġu d-dritt tat-tnaqqis tal-VAT fir-rigward tal-vetturi bil-mutur korporattivi 8 .

L-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti r-regoli li permezz tagħhom il-kategoriji tan-nefqa jistgħu jkunu soġġetti għal restrizzjoni fuq id-dritt tat-tnaqqis, ma kellhomx suċċess 9 . Sakemm dawk ir-regoli jkunu armonizzati fil-livell tal-UE, miżuri speċjali bħal dawn attwali jitqiesu xierqa.

Il-miżuri proposti għalhekk huma konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-miżura hija konsistenti mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Lulju 2020, Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li Tappoġġa l-Istrateġija ta’ Rkupru 10 , li tenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġati l-kumpaniji li jħabbtu wiċċhom ma’ aktar kumplessità amministrattiva u fejn il-kostijiet ta’ konformità huma proporzjonalment ħafna ogħla, jiġifieri prinċipalment l-intrapriżi żgħar u medji. Hija kompatibbli wkoll mal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni tal-2017 11 , li jenfasizza l-ħtieġa li tiġi simplifikata l-VAT għan-negozji iżgħar. 

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-għoti tal-estensjoni tal-miżuri speċjali ma jistax jinkiseb mill-Italja. L-intervent tal-Kummissjoni meħtieġ biex tiġi preżentata proposta lill-Kunsill, li jista’ jawtorizza lill-Italja biex testendi l-miżuri speċjali.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan imfittex, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa u l-prevenzjoni ta’ ċerti tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa. B’mod partikolari, minħabba l-possibbiltà li n-negozji ma jiddikjarawx biżżejjed l-obbligazzjoni tagħhom u l-piż li tinvolvi l-verifika tad-data dwar il-kilometraġġ għall-awtoritajiet tat-taxxa, ir-restrizzjoni ta’ 40 % tissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT u tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa inter alia permezz taż-żamma mhux korretta tar-rekords.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Rikors għal deċiżjoni tal-Kunsill iwieġeb għar-rekwiżit tal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT li skontu deroga mir-regoli tal-VAT komuni hija possibbli biss wara awtorizzazzjoni mill-Kunsill, li qed jaġixxi unanimament dwar proposta tal-Kummissjoni.

F’dan il-każ partikolari, l-għan huwa li tiġi indirizzata biss l-Italja. Ir-rikors għal Deċiżjoni għalhekk huwa meħtieġ peress li tali strument jista’ jiġi indirizzat lil Stat Membru individwali u jkun vinkolanti biss għal dan l-Istat Membru.

L-għażla ta’ Att ta’ Implimentazzjoni hija meħtieġa peress li tattiva l-għażla miftuħa skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma twettqet l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba tal-Italja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma sar l-ebda rikors għall-għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u tipprevjeni l-evażjoni tal-VAT. Għalhekk, potenzjalment għandha impatt pożittiv kemm fuq in-negozji kif ukoll fuq l-amministrazzjonijiet. Il-miżuri ta’ deroga ġew identifikati mill-Italja bħala l-aktar soluzzjoni xierqa. Il-miżuri huma komparabbli ma’ derogi oħra tal-passat u dawk attwalment mogħtija lil Stati Membri oħra.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-miżuri speċjali jikkontribwixxu għas-simplifikazzjoni tal-obbligi ta’ konformità u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq il-persuni taxxabbli, b’mod speċjali fis-settur tal-SMEs, u l-amministrazzjoni tat-taxxa. Tnaqqas b’mod sinifikanti d-diffikultajiet assoċjati mal-verifika tal-korrettezza tat-tnaqqis tal-VAT tal-input, li spiss twassal għal tilwim amministrattiv u fil-qorti għali u li jieħu ħafna żmien.

Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza fuq it-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT).

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta mhu se jkollha l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE. Il-proposta għandha l-għan li tawtorizza lill-Italja tkompli tirrestrinġi d-dritt tat-tnaqqis għal ċerti vetturi u n-nefqa relatata għall-perjodu 2023-2025.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni stabbilita għall-31 ta’ Diċembru 2025.

Fil-każ li l-Italja tqis estensjoni ulterjuri tal-miżuri ta’ deroga wara l-2025, jenħtieġ li tippreżenta talba ta’ estensjoni lill-Kummissjoni akkumpanjata b’rapport li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni tal-perċentwal, mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu 2025.

2022/0321 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 12 , u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi dritt għall-persuni taxxabbli li jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) imposta fuq il-provvisti tal-oġġetti u s-servizzi li jużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. L-Artikolu 26(1), il-punt (a), ta’ dik id-Direttiva jqis l-użu tal-assi tan-negozju minn persuni taxxabbli jew mill-persunal tagħhom għall-użu privat, jew b’mod aktar ġenerali, għal finijiet għajr dawk tan-negozju tagħhom, bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas.

(2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE 13 tawtorizza lill-Italja tillimita d-dritt tat-tnaqqis tal-VAT skont l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE għal 40 % fir-rigward tax-xiri ta’ ċerti vetturi tat-triq bil-mutur, inkluż il-kuntratti ta’ assemblaġġ u simili, il-manifattura, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-lokazzjoni jew il-kiri, il-modifika, it-tiswija jew il-manutenzjoni, u n-nefqa relatata, inkluż il-lubrikanti u l-fjuwil, meta l-vettura inkwistjoni ma tkunx tintuża kompletament għall-finijiet tan-negozju. Għall-vetturi li tapplika għalihom dik il-limitazzjoni ta’ 40 %, l-Italja tirrikjedi li l-persuni taxxabbli ma jqisux l-użu għall-finijiet privati tal-vetturi inklużi fl-assi tan-negozju tal-persuni taxxabbli, bħala provvista ta’ servizzi f’konformità mal-Artikolu 26(1), il-punt (a), tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3)Id-Deċiżjoni 2007/441/KE se tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.

(4)Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ April 2022, l-Italja talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżuri speċjali awtorizzati bid-Deċiżjoni 2007/441/KE (“il-miżuri speċjali”) għal perjodu ulterjuri sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(5)Permezz tal-ittra tat-2 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni talbet aktar informazzjoni u bl-ittra tal-1 ta’ Ġunju 2022, l-Italja tat l-informazzjoni mitluba.

(6)Bi tweġiba għat-talba tal-Kummissjoni, l-Italja tat spjegazzjoni tal-limitazzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt tat-tnaqqis. L-Italja ssostni li rata ta’ 40 % għadha ġustifikata. Fit-talba tagħha, l-Italja ssostni wkoll li s-sospensjoni tar-rekwiżit li titqies il-VAT fuq l-użu privat ta’ vettura bil-mutur, meta l-vettura tkun ġiet soġġetta għal dik il-limitazzjoni, għadha meħtieġa biex tiġi evitata t-taxxa doppja. Issostni wkoll li dawk il-miżuri speċjali huma ġustifikati bil-ħtieġa għas-simplifikazzjoni tal-proċedura għall-ġbir tal-VAT u l-prevenzjoni tal-evażjoni tat-taxxa li tirriżulta miż-żamma mhux korretta tar-rekords u d-dikjarazzjonijiet tat-taxxa foloz.

(7)Permezz tal-ittra tat-23 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni għarrfet lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Italja, skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE. Permezz tal-ittra tal-24 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni għarrfet lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(8)L-applikazzjoni tal-miżuri speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa tal-Italja miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux se taffettwa b’mod negattiv ir-riżorsi proprji tal-Unjoni ġejjin mill-VAT.

(9)Għalhekk jixraq li tiġi estiża l-awtorizzazzjoni stabbilita fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE. L-estensjoni tal-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tkun limitata biż-żmien biex tippermetti evalwazzjoni tal-effettività tagħha u l-adegwatezza tar-restrizzjoni tal-perċentwal applikata għad-dritt tat-tnaqqis tal-VAT.

(10)Għalhekk jenħtieġ li l-Italja tiġi awtorizzata tkompli tapplika l-miżuri ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(11)L-Italja tista’ tqis li l-miżuri speċjali huma meħtieġa wara d-data ta’ skadenza tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE. Sabiex jiġi żgurat eżami fil-ħin ta’ kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’dik id-Deċiżjoni, jeħtieġ li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti għal tali talba.

(12)Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2007/441/KE hija emendata kif ġej:

1) L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 6

Ir-Repubblika Taljana tista’ titlob estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni sal-31 ta’ Marzu 2025. Tali rikjesta għandha tiġi preżentata lill-Kummissjoni u tkun akkumpanjata b’rapport, li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt tat-tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.”;

2) L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2025.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    ĠU L 165, 27.6.2007, p. 33.
(3)    ĠU L 318, 4.12.2010, p. 45.
(4)    ĠU L 316, 27.11.2013, p. 37.
(5)    ĠU L 305, 12.11.2016, p. 30.
(6)    ĠU L 324, 13.12.2019, p. 7.
(7)    Pereżempju: Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1997 tal-15 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1994 li tawtorizza lill-Kroazja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 408, 17.11.2021, p. 1–2); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1262 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 296, 10.9.2020, p. 6–7); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1493 tat-2 ta’ Ottubru 2018 li tawtorizza lill-Ungerija biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 44–46); Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1854 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/797/UE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 17–18).
(8)    Ara l-lista kompilata minn Madeleine Merkx (2018), VAT deduction and member state sovereignty: (still) a good idea?, World Journal of VAT/GST Law, 7:2, 53-75, DOI: 10.1080/20488432.2018.1550163.
(9)    KUMM (2004) 728 finali – Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 24, 29.1.2005, p. 10) irtirata fil-21 ta’ Mejju 2014 (ĠU C 153, 21.05.2014, p.3).
(10)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li Tappoġġa l-Istrateġija ta’ Rkupru (COM(2020)312 final).
(11)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017. (COM(2016) 710 final).
(12)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(13)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE tat-18 ta’ Ġunju 2007 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 33).