Brussell, 28.9.2022

COM(2022) 507 final

2022/0308(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Ċipru biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

   

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew li huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ bis-saħħa ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala wieħed anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

Fis-6 ta’ Awwissu 2020, Ċipru talab assistenza finanzjarja mill-Unjoni u fil-25 ta’ Settembru 2020, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lil Ċipru bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tiegħu biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u jirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

Fl-10 ta’ Marzu 2021, Ċipru talab assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. B’segwitu għal din it-talba, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1344 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/680 tat-23 ta’ April 2021.

Fil-5 ta’ Settembru 2022, Ċipru talab assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE għat-tielet darba.

F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Ċiprijotti biex tivverifika ż-żieda f’daqqa u severa fin-nefqa reali u ppjanata direttament relatata mal-miżuri tas-suq tax-xogħol ta’ Ċipru u mal-miżuri relatati mas-saħħa u kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jirrigwarda l-miżuri eżistenti msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1344:

(a)l-iskema li tappoġġa l-kumpaniji għal sospensjoni parzjali ta’ operazzjonijiet, li tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati ta’ negozji li qed jesperjenzaw tnaqqis fil-fatturat minħabba l-pandemija, bil-kundizzjoni taż-żamma tal-impjieg. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat maqlugħin fl-2018, skont liem ikun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020, ġiet estiża minn Jannar 2021 sa Awwissu 2021;

(b)l-‘iskema speċjali għal-lukandi u għall-akkomodazzjoni turistika’, li tipprovdi kumpens ta’ pagi biex jiġu appoġġati l-impjegati fl-industrija tal-lukandi u negozji oħra li jipprovdu akkomodazzjoni turistika u li l-impjegatur tagħhom issospenda għalkollox l-operazzjonijiet tagħhom jew esperjenza tnaqqis ta’ aktar minn 40 % fil-fatturat. Il-parteċipazzjoni fl-iskema hija bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Ottubru 2020, ġiet estiża minn Novembru 2020 sa Ottubru 2021;

(c) l-“iskema speċjali li tappoġġa negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew li huma affettwati mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji li huma soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja”, li tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati f’dawk in-negozji li ssospendew għalkollox l-operazzjonijiet tagħhom jew esperjenzaw tnaqqis ta’ aktar minn 40 % fil-fatturat, meta mqabbel ma’ 55 % fl-iskema oriġinali, bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Awwissu 2020, ġiet estiża u emendata minn Settembru 2020 sa Ottubru 2021;

(d)L-“iskema speċjali li tappoġġa negozji li jwettqu attivitajiet predefiniti speċjali” tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati tan-negozji li qed jiffaċċjaw tnaqqis ta’ mill-inqas 55 % fil-fatturat tagħhom, bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Awwissu 2020, ġiet estiża minn Settembru 2020 sa Diċembru 2020 u reġgħet ġiet estiża minn Diċembru 2020 sa Ottubru 2021;

(e)l-iskema ta’ sussidjar għal intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom li jimpjegaw sa 50 impjegat, li tipprovdi għotja ta’ somma sħiħa biex tappoġġa l-ispejjeż operatorji tan-negozji ż-żgħar u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom; Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed. L-ammonti tal-għotjiet f’daqqa ġew riveduti għal diversi kategoriji ta’ negozji fuq il-bażi tal-għadd ta’ impjegati. Barra minn hekk, ġew miftiehma għotjiet għan-negozji, li ssospendew l-operazzjonijiet tagħhom minn Marzu 2020 b’ammont ta’ EUR 10 000 għal massimu ta’ 9 impjegati u EUR 15 000 għal aktar minn 9 impjegati. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn April 2020 sa Mejju 2020, ġiet estiża u emendata għal Novembru 2020; L-iskema reġgħet ġiet estiża f’Marzu 2021 u April 2021, u kopriet negozji ta’ kwalunkwe għadd ta’ impjegati li kellhom jissospendu kompletament l-operazzjonijiet tagħhom skont id-Digrieti tal-Ministru tas-Saħħa.

(f) l-‘iskema ta’ benefiċċji tal-mard’, li tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati fis-settur privat u lil dawk li jaħdmu għal rashom, bil-kundizzjoni li jkunu jew ikklassifikati bħala persuni vulnerabbli skont lista ppubblikata mill-Ministeru tas-Saħħa, jitqiegħdu f’kwarantina mill-Awtoritajiet, jew ikunu infettati bil-COVID-19. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020, ġiet estiża minn Novembru 2020 sa Ġunju 2021;

Ċipru pprovda l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

Wara li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lil Ċipru bis-saħħa tar-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672, li l-proposta qed issir bis-saħħa tiegħu.

Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi tas-saħħa pubblika maġġuri u biex jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu 2020.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġa ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u telf ta’ introjtu.

Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt dirett fuq is-soċjetà u fuq l-ekonomija kkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

Proporzjonalità

Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Hija ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bl-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.

Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istat Membru, hemm salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;

·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġi żgurat li jistgħu jingħataw riżorsi suffiċjenti lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

2022/0308 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Ċipru biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Wara talba mingħand Ċiprufis- 6 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 2 , ta assistenza finanzjarja lil Ċipru fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 479 070 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibilità ta’ 18-il xahar bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali ta’ Ċipru biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u jirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

(2)Is-self kellu jintuża minn Ċipru biex jiġu ffinanzjati l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344.

(3)Wara t-tieni talba minn Ċiprufl- 10 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/680 3 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344, ta assistenza finanzjarja addizzjonali ta’ EUR 124 700 000 lil Ċipru billi żied l-ammont massimu ta’ self għal EUR 603 770 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibbiltà ta’ 18-il xahar, bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali ta’ Ċipru biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u jirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.

(4)Is-self addizzjonali kellu jintuża minn Ċipru biex jiġu ffinanzjati l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/680 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344.

(5)It-tifqigħa tal-COVID-19 qed tkompli tipparalizza parti sostanzjali mill-forza tax-xogħol f’Ċipru. Dan wassal għal żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika minn Ċipru fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, il-punti (c), (e) (f), (g),(h) u (i) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344.

(6)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati minn Ċipru fl-2020, l-2021 u l-2022 biex titrażżan dik it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u l-impatt marbut mas-saħħa tagħha kellhom u għadu qed ikollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Fl-2020, Ċipru  kellu defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 5.8 % u 115.0 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament, li naqas għal 1.7 % u 103.6 % rispettivament fi tmiem l-2021. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, Ċipru kien mistenni li jkollu defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 0.3 % u 93,9 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2022. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2022 tal-Kummissjoni, il-PDG ta’ Ċipru huwa previst li jonqos bi 3,2 % fl-2022.

(7)Fil-5 ta’ Settembru 2022, Ċipru talab assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni għal ammont ta’ EUR 29 200 000 bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tiegħu biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fl-2020, fl-2021 u fl-2022 u jirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom. B’mod partikolari, Ċipru estenda jew emenda aktar l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili stabbiliti fil-premessi 8 sa 13.

(8)Il-‘Liġi 27(I)/2020’ 4 , l-‘Liġi 49(I)/2020’ 5 , il-‘Liġi 140(I)/2020’ 6 u l-‘Liġi 36(I)2021’ 7 u l-Liġi 120(I)/2021’ 8 kienu l-bażi għall-introduzzjoni ta’ għadd ta’ atti  9 amministrattivi regolatorji ta’ kull xahar, li jiddeskrivu l-miżuri li jindirizzaw l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19. Abbażi ta’ dawk il-liġijiet, l-awtoritajiet introduċew l- “iskema li tappoġġa lill-kumpaniji għal sospensjoni parzjali tal-operazzjonijiet”, kif imsemmi fl-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Din tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati ta’ negozji li qed jesperjenzaw tnaqqis fil-fatturat minħabba l-pandemija, bil-kundizzjoni taż-żamma tal-impjieg. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-kontribuzzjonijiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat maqlugħin fl-2018, skont liem ikun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar. Il-miżura inizjalment kienet fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020 u sussegwentement ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Jannar 2021 sa Awwissu 2021.

(9)Il-‘Liġi 27(I)/2020’, il-‘Liġi 49(I)/2020’, il-‘Liġi140 (I)/2020’, il-Liġi 36(I)/2021 u l-‘Liġi 120(I)2021’ u għadd ta’ atti amministrattivi regolatorji ta’ kull xahar  10  kienu l-bażi għall- ‘iskema speċjali għal unitajiet ta’ lukandi u akkommodazzjoni għat-turisti’, kif imsemmi fl-Artikolu 3,(e), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Din tipprovdi kumpens ta’ pagi biex jiġu appoġġati l-impjegati fl-industrija tal-lukandi u negozji oħra li jipprovdu akkomodazzjoni turistika u li l-impjegatur tagħhom issospenda għalkollox l-operazzjonijiet jew esperjenza tnaqqis ta’ aktar minn 40 % fil-fatturat. Il-parteċipazzjoni fl-iskema hija bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi. Il-miżura kienet inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Ottubru 2020 u sussegwentement ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Novembru 2020 sa Ottubru 2021.

(10)Barra minn hekk il-‘Liġi 27 (I)/2020’, il-Liġi 49(I)/2020’, il-‘Liġi 140(I)/2020’, il-Liġi 36(I)/2021 u l-‘Liġi 120(I)2021’ għadd ta’ atti amministrattivi regolatorji 11 kienu l-bażi għall- “iskema speċjali għall-appoġġ tan-negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew affettwati mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji li huma soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja”, kif imsemmi fl-Artikolu 3, (f), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Dik l-iskema tipprovdi kumpens tal-pagi lill-impjegati fl-industrija tal-lukandi u lil negozji oħra li jipprovdu akkomodazzjoni għat-turisti li ssospendew kompletament l-operazzjonijiet tagħhom jew li esperjenzaw tnaqqis fil-fatturat ta’ aktar minn 40 % meta mqabbel ma’ 55 % taħt l-iskema oriġinali, bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi. Il-miżura kienet inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Ġunju 2020 sa Awwissu 2020 u ġiet estiża u emendata biex tkopri l-perjodu minn Settembru 2020 sa Ottubru 2021.

(11)Barra minn hekk, il-‘Liġi 27(I)/2020’, il-‘Liġi 49(I)/2020’, il-‘Liġi 140(I)/2020’ il-Liġi 36(I)/2021 u l-‘Liġi 120(I)2021’ u għadd ta’ atti amministrattivi regolatorji 12 ta’ kull xahar kienu l-bażi għall- ‘Iskema Speċjali għal unitajiet ta’ lukandi u akkommodazzjoni għat-turisti’, kif imsemmi fl-Artikolu 3(g), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Dik l-iskema tipprovdi kumpens għall-introjtu għal 50 % tal-persunal tan-negozji li jingħaqdu mal-iskema. Il-kumpens ikopri 60 % tas-salarju tal-impjegat jew 60 % tal-unitajiet tal-assigurazzjoni soċjali tal-impjegat miksiba fis-sena ta’ referenza xierqa, skont liem ikun l-akbar ammont. Il-kumpens jinsab f’firxa ta’ bejn massimu ta’ EUR 1 214 u minimu ta’ EUR 360 fix-xahar. Il-parteċipazzjoni fl-iskema hija bil-kundizzjoni li jinżammu l-impjiegi. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ minn Ġunju 2020 sa Awwissu 2020, ġiet estiża minn Settembru 2020 sa Ottubru 2021.

(12)Barra minn hekk, l-‘iskema ta’ sussidju’ stabbilita minn ‘Baġit supplimentari, Qafas temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata l-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19’, kif imsemmi fl-Artikolu 3(h), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344, introduċiet sussidji għal intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom li jimpjegaw sa 50 impjegat. Ġiet mitluba biss dik il-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-kumpaniji b’membru wieħed. Dawn is-sussidji jipprovdu għotja ta’ somma sħiħa biex tappoġġa l-ispejjeż operatorji tan-negozji ż-żgħar u ta’ dawk li jaħdmu għal rashom. L-ammonti tal-għotjiet f’daqqa ġew riveduti għal diversi kategoriji ta’ negozji fuq il-bażi tal-għadd ta’ impjegati. Barra minn hekk, ġew miftiehma għotjiet għan-negozji, li ssospendew l-operazzjonijiet tagħhom minn Marzu 2020 b’ammont ta’ EUR 10 000 għal massimu ta’ 9 impjegati u EUR 15 000 għal aktar minn 9 impjegati. L-iskema ta’ sussidjar tista’ titqies li hija miżura simili għall-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, billi għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu. Il-miżura, inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn April 2020 sa Mejju 2020, ġiet estiża u emendata għal Novembru 2020; L-iskema reġgħet ġiet estiża f’Marzu 2021 u April 2021, u kopriet negozji ta’ kwalunkwe għadd ta’ impjegati li kellhom jissospendu kompletament l-operazzjonijiet tagħhom skont id-Digrieti tal-Ministru tas-Saħħa.

(13) Barra minn hekk, il-‘Liġi 27(I)/2020’, il-‘Liġi 49(I)/2020’, il-‘Liġi140(I)/2020’, Il-Liġi 36(I)2021 u l-‘Liġi 120(I)2021’ u għadd ta’ atti amministrattivi regolatorji ta’ kull xahar 13 kienu l-bażi għall- ‘iskema li tappoġġa kumpaniji f’sospensjoni parzjali tal-operazzjonijiet’, kif imsemmi fl-Artikolu 3,(i), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344. Dik l-iskema tipprovdi kumpens ta’ pagi lill-impjegati fis-settur privat u lil dawk li jaħdmu għal rashom, bil-kundizzjoni li jew ikunu ġew ikklassifikati bħala persuni vulnerabbli skont lista ppubblikata mill-Ministeru tas-Saħħa, jew ikunu tqiegħdu f’kwarantina mill-Awtoritajiet, jew ikunu ġew infettati bil-COVID-19. Il-miżura kienet inizjalment fis-seħħ għall-perjodu minn Marzu 2020 sa Ġunju 2020 u ġiet estiża biex tkopri l-perjodu minn Novembru 2020 sa Ġunju 2021.

(14)Ċipru jissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Ċipru pprovda lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet bi EUR 777 840 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Din jikkostitwixxi żieda f’daqqa u qawwija minħabba li hija relatata ma’ estensjoni ta’ miżuri nazzjonali eżistenti dwar l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili li jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol f’Ċipru. Ċipru biħsiebu jiffinanzja EUR 144 870 000 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz ta’ fondi tal-Unjoni għall-baġit tal-UE.

(15)Il-Kummissjoni kkonsultat lil Ċipru u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili msemmija fit-talba tal-5 ta’ Settembru 2022, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(16)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li Ċipru jiġi megħjun jittratta l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku qawwi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(17)Minħabba li l-perjodu ta’ disponibbiltà indikat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 skada, huwa meħtieġ perjodu ta’ disponibbiltà ġdid għall-assistenza finanzjarja addizzjonali. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-assistenza finanzjarja ta’ 18-il xahar mogħti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 jenħtieġ li jiġi estiż bi 21-il xahar u bħala konsegwenza l-perjodu ta’ disponibbiltà totali jenħtieġ li jkun ta’ 39 xahar li jibda mill-ewwel jum wara li tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344.

(18)Jenħtieġ li Ċipru u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

(19)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(20)Jenħtieġ li Ċipru jinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn Ċipru jkun implimenta dik in-nefqa.

(21)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija ta’ Ċipru, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 hija emendata kif ġej:

(1)    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ Ċipru self li jammonta għal massimu ta’ EUR 632 970 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.”;

(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 39-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.

(c) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘4. L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, fejn rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għal dan, jew ta’ ftehim ta’ self emendat konkluż bejn Ċipru u l-Kummissjoni li jissostitwixxi l-ftehim oriġinali ta’ self.”;

(2)    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 3

Ċipru jista jiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)l-iskema ta’ liv speċjali għall-ġenituri, kif previst fil-“Liġi 27(I)/2020” u f-“Atti Amministrattivi Regolatorji 127/148/151/184/192/212/213/235/2020”, kif estiża;

(b)l-iskemi li jappoġġaw lill-kumpaniji għas-sospensjoni totali tal-operazzjonijiet, kif previst fil-“Liġi 27(I)/2020” u fl-“Atti Amministrattivi Regolatorji, 130/148/151/187/212/213/238/243/271/273/2020”, kif estiżi;

(c)l-iskemi li jappoġġaw lill-kumpaniji għas-sospensjoni parzjali tal-operazzjonijiet, kif previst fil-“Liġi 27(I)/2020” u mill-“Atti Amministrattivi Regolatorji, 131/188/239/2020”, kif emendati l-aħħar bil- “Liġi 120 (I)/2021” u l- “Att Amministrattiv Regolatorju 370/2021”;

(d)l-iskema speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fil-‘Liġi 27(I)/2020; u mill-“Atti Amministrattivi Regolatorji 129/148/151/186/237/322/2020”, kif estiża;

(e)l-iskema speċjali għal unitajiet ta’ lukandi u akkomodazzjoni turistika, kif previst bil- “Liġi 27 (I)/2020” u mill- “Atti Amministrattivi Regolatorji, 269/317/393/418/498/533/631/2020”, kif emendati l-aħħar bil- “Liġi 120 (I)/2021” u bl- “Att Amministrattiv Regolatorju 431/2021”;

(f)l-iskema speċjali li tappoġġa negozji relatati mal-industrija tat-turiżmu jew li huma affettwati mit-turiżmu jew assoċjati ma’ negozji li huma soġġetti għal sospensjoni totali obbligatorja, kif previst bil-“Liġi 27(I)/2020” u bl-“Atti Amministrattivi Regolatorji 270/318/394/419/499/534/632/2020”, kif estiża l-aħħar bil-Liġi 120(I)/2021” u bl- “Att Amministrattiv Regolatorju 432/2021”;

(g)l-iskema speċjali biex jiġu appoġġati negozji li jwettqu attivitajiet predefiniti speċjali, kif previst bil-“Liġi 27(I)/2020” u bl-“Atti Amministrattivi Regolatorji 272/320/396/420/500/535/633/2020”;kif l-aħħar emendat bil-“Liġi 120(I)/2021’ u bl-Att Amministrattiv Regolatorju 433/2021’;

(h)l-iskema ta’ sussidjar għal intrapriżi żgħar u żgħar ħafna u għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fil-“Baġit supplimentari, Qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat insostenn tal-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19”, għall-parti tan-nefqa relatata mal-appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u kumpaniji b’membru wieħed, kif estiża u emendata;

(i)l-iskema tal-benefiċċju tal-mard, kif previst bil- “Liġi 27 (I)/2020” u mill- “Atti Amministrattivi Regolatorji, 128/185/236/637/2020” kif emendata l-aħħar bil- “Liġi 120 (I)/2021” u bl- “Att Amministrattiv Regolatorju 273/2021”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta’ Ċipru.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.
(2)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1344 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Ċipru biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19 ĠU L 314, 29.9.2020, p. 13.
(3)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/680 tat-23 ta’ April 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1344 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika ta’ Ċipru biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ĠU L 144, 27.4.2021, p. 19.
(4)    Ε.Ε., Παρ.Ι(I), Αρ.4748, 27/3/2020
(5)    Ε.Ε., Παρ.Ι(I), Αρ.4756, 26/5/2020    
(6)    Ε.Ε., Παρ.Ι(I), Αρ.4780, 12/10/2020
(7)    Ε.Ε., Παρ.Ι(I), Αρ.4823, 29/3/2021
(8)

   Ε.Ε., Παρ.Ι(I), Αρ.4846, 16/7/2021

(9)    Ratti Amministrattivi Regolatorji, 131/188/239/2020 u Atti Amministrattivi Regolatorji 84/124/169/219/276/331/370/2021, kif estiżi.
(10)    ‘Atti Amministrattivi Regolatorji 269/317/393/418/498/533/631/2020’, u 13/81/121/166/216/271/329/368/402/431/2021 kif estiżi.
(11)    ‘Atti Amministrattivi Regolatorji, 270/318/394/419/499/534/632/2020’, u estiżi bl-‘Atti Amministrattivi Regolatorji 14/82/122/167/217/274/330/369/403/432/2021’.
(12)    ‘Atti Amministrattivi Regolatorji 272/320/396/420/500/535/633/2020’, u estiżi bl- ‘Atti Amministrattivi Regolatorji 404/433/2021’.
(13)    Atti Amministrattivi Regolatorji, 128/185/236/637/2020 u Atti Amministrattivi Regolatorji, 19/87/127/172/222/273/2021, kif estiżi.