IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.9.2022
COM(2022) 506 final
2022/0309(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika Ellenika biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew li huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ bis-saħħa ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala wieħed anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.
Fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Greċja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni u fil-25 ta’ Settembru 2020, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346 tagħha, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Greċja bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirrispondi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom.
Fid-9 ta’ Marzu 2021, il-Greċja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bis-saħħa tar-Regolament SURE. B’segwitu għal din it-talba, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1346 ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/679 tat-23 ta’ April 2021.
Fl-1 ta’ Settembru 2022, il-Greċja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE għat-tielet darba.
F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Griegi biex tivverifika ż-żieda għall-għarrieda u qawwija fin-nefqa effettiva u ppjanata relatata direttament ma’ miżuri tas-suq tax-xogħol u miżuri relatati mas-saħħa, kawża tal-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dawn il-miżuri jappartjenu għall-miżuri eżistenti msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1346:
(a)Allowance speċjali għall-impjegati tas-settur privat li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ġew sospiżi, introdotta bl-Att Legali tal-14 ta’ Marzu 2020. Dik il-miżura għandha l-għan li tipproteġi l-impjiegi f’kumpaniji li jwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ordni pubblika jew li jappartjenu għal setturi ekonomiċi li huma affettwati b’mod qawwi mit-tifqigħa tal-COVID-19, u tikkonċerna l-għoti ta’ allokazzjoni speċjali kull xahar ta’ EUR 534 lill-impjegati li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ġew sospiżi. Il-miżura, li ilha fis-seħħ minn nofs Marzu 2020, ġiet estiża sal-31 ta’ Jannar 2022. Il-prekundizzjoni biex wieħed jibbenefika mill-iskema hija li l-impjegatur iżomm l-istess numru ta’ impjegati (jiġifieri l-istess impjegati eżatti) għal perijodu li jkun daqs il-perijodu li għalih il-kuntratt tax-xogħol kien ġie sospiż.
(b)Il-finanzjament mill-Istat tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-impjegati li jibbenefikaw mill-allokazzjoni speċjali msemmija fil-premessa (a). Il-prekundizzjoni biex wieħed jibbenefika mill-iskema hija li l-impjegatur iżomm l-istess numru ta’ impjegati (jiġifieri l-istess impjegati eżatti) għal perijodu li jkun daqs il-perijodu li għalih il-kuntratt tax-xogħol kien ġie sospiż.
Il-Greċja pprovdiet l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.
Wara li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni sabiex tingħata assistenza finanzjarja lill-Greċja skont ir-Regolament SURE b’appoġġ tal-miżura msemmija.
•Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672, li l-proposta qed issir bis-saħħa tiegħu.
Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi tas-saħħa pubblika maġġuri u biex jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu 2020.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġa ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u telf ta’ introjtu.
Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt dirett fuq is-soċjetà u fuq l-ekonomija kkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.
•Proporzjonalità
Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Hija ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bl-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.
Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istat Membru, hemm salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:
·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;
·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġi żgurat li jistgħu jingħataw riżorsi suffiċjenti lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll
·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.
2022/0309 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika Ellenika biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Wara talba mingħand il-Greċja fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346, ta assistenza finanzjarja lill-Greċja fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 2 728 000 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibilità ta’ 18-il xahar bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Greċja biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u jirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.
(2)Is-self kellu jintuża mill-Greċja biex jiġu ffinanzjati l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346.
(3)Wara t-tieni talba mill-Greċja fid-9 ta’ Marzu 2021, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/679 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346, ta assistenza finanzjarja addizzjonali ta’ EUR 2 537 000 000 lill-Greċja billi żied l-ammont massimu ta’ self għal EUR 5 265 000 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibbiltà ta’ 18-il xahar, bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Greċja biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirrispondi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema.
(4)Is-self addizzjonali kellu jintuża mill-Greċja biex jiġu ffinanzjati l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/679 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346.
(5)It-tifqigħa tal-COVID-19 għadha qed tipparalizza parti sostanzjali mill-forza tax-xogħol fil-Greċja. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika mill-Greċja fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, (a) u (b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346.
(6)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Greċja fl-2020, l-2021 u l-2022 biex titrażżan dik it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u l-impatt marbut mas-saħħa tagħha kellhom u għadu qed ikollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Fl-2020, il-Greċja kellha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 10.2 % u 206.3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament, li naqas għal 7.4 % u 193.3 % rispettivament fi tmiem l-2021. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, il-Greċja kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 4,3 % u 185,7 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2022. Skont il-previżjoni interim tas-sajf 2022 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Greċja huwa previst li jiżdied b’4.0 % fl-2022.
(7)Fl-1 ta’ Settembru 2022, il-Greċja talbet għal assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni ta’ EUR 900 000 000 bil-ħsieb li tkompli tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha li wettqet fl-2020, fl-2021 u fl-2022 biex tittratta l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema. B’mod partikolari, il-Greċja kompliet testendi l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili stabbiliti fil-premessi (8) u (9).
(8)B’mod aktar speċifiku, it-talba tal-Greċja tappartjeni għall-‘Att Legali tal-14 ta’ Marzu 2020’, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (a), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346, li introduċa allokazzjoni speċjali għall-impjegati tas-settur privat li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ġew sospiżi. Dik il-miżura għandha l-għan li tipproteġi l-impjiegi f’kumpaniji li jwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ordni pubblika jew li jappartjenu għal setturi ekonomiċi li huma affettwati b’mod qawwi mit-tifqigħa tal-COVID-19, u tikkonċerna l-għoti ta’ allokazzjoni speċjali kull xahar ta’ EUR 534 lill-impjegati li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ġew sospiżi. Il-prekundizzjoni biex wieħed jibbenefika mill-iskema hija li min iħaddem iżomm l-istess għadd ta’ impjegati (jiġifieri l-istess impjegati eżatti) għal perjodu li jkun daqs il-perjodu li għalih il-kuntratt tax-xogħol kien ġie sospiż. Il-miżura ġiet estiża sal-31 ta’ Jannar 2022.
(9)L-awtoritajiet introduċew ukoll il-finanzjament mill-Istat tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-impjegati li jibbenefikaw mill-allokazzjoni speċjali msemmija fil-premessa (8), kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346. Il-prekundizzjoni biex wieħed jibbenefika mill-iskema hija li min iħaddem iżomm l-istess għadd ta’ impjegati (jiġifieri l-istess impjegati eżatti) għal perjodu li jkun daqs il-perjodu li għalih il-kuntratt tax-xogħol kien ġie sospiż.
(10)Il-Greċja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Greċja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 6 477 014 989 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li hija relatata ma’ estensjoni ta’ miżuri nazzjonali eżistenti direttament relatati mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili li jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Greċja. Il-Greċja beħsiebha tiffinanzja EUR 312 014 989 permezz tal-finanzjament tagħha stess.
(11)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Greċja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili msemmija fit-talba tal-1 ta’ Settembru 2022, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.
(12)Għalhekk, jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Greċja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku qawwi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.
(13)Minħabba li l-perjodu ta’ disponibbiltà indikat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346 skada, huwa meħtieġ perjodu ta’ disponibbiltà ġdid għall-assistenza finanzjarja addizzjonali. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-assistenza finanzjarja ta’ 18-il xahar mogħti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346 jenħtieġ li jiġi estiż bi 21-il xahar u bħala konsegwenza l-perjodu ta’ disponibbiltà totali jenħtieġ li jkun ta’ 39 xahar li jibda mill-ewwel jum wara li tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346.
(14)Jenħtieġ li l-Greċja u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim tas-self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.
(15)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.
(16)Jenħtieġ li l-Greċja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Greċja tkun implimentat dik in-nefqa.
(17)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Greċja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1346 hija emendata kif ġej:
(1)
L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Greċja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 6 165 000 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.”;
(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 39-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.
(c) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“4. L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, fejn rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għal dan, jew ta’ ftehim ta’ self emendat konkluż bejn il-Greċja u l-Kummissjoni li jissostitwixxi l-ftehim ta’ self oriġinali.”;
(2)
L-Artikolu 3 jinbidel b'dan li ġej:
“Artikolu 3
Il-Greċja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:
(a) allowance speċjali pprovduta lill-impjegati li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ġew sospiżi, kif previst fl-Artikolu 13 tal-Att Legali tal-14 ta’ Marzu 2020, kif estiż l-aħħar mil-Liġi 4778/2021 tad-19 ta’ Frar 2021 u d- “Deċiżjoni Ministerjali 3512/2021”;
(b) il-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-impjegati taħt il-miżura msemmija fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu, kif previst fl-Artikolu 13 tal-“Att Legali tal-14 ta’ Marzu 2020”, kif estiża l-aħħar mil-Liġi 4778/2021 tad-19 ta’ Frar 2021 u mid-Deċiżjoni Ministerjali 3512/2021”;
(c) allokazzjoni speċjali għall-professjonisti li jaħdmu għal rashom, kif previst fl-Artikolu 8 tal-“Att Legali tal-20 ta’ Marzu 2020”;
(d) skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif previst fl-Artikolu 31 tal-“Liġi 4690/2020”;
(e) il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegaturi għall-impjegati f’intrapriżi staġonali fis-settur terzjarju, kif previst fl-Artikolu 123 tal-“Liġi 4714/2020”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President