Brussell, 28.9.2022

COM(2022) 496 final

2022/0303(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-adattament tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali għall-intelliġenza artifiċjali
(Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-IA)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2022) 344 final} - {SWD(2022) 318 final} - {SWD(2022) 319 final} - {SWD(2022) 320 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

·Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jakkumpanja l-proposta għal Direttiva dwar l-adattament tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali għall-intelliġenza artifiċjali (IA). Fi stħarriġ rappreżentattiv fl-2020 1 , ir-responsabbiltà kklassifikat fost l-ogħla tliet ostakli għall-użu tal-IA mill-kumpaniji Ewropej. Din ġiet iċċitata bħala l-aktar ostaklu estern rilevanti (43 %) għall-kumpaniji li qegħdin jippjanaw jadottaw l-IA, iżda li għadhom ma adottawhiex.

Fil-Linji Gwida Politiċi tagħha, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen stabbiliet approċċ Ewropew koordinat dwar l-IA 2 . Fil-White Paper tagħha dwar l-IA tad-19 ta’ Frar 2020 3 , il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippromwovi l-adozzjoni tal-IA u li tindirizza r-riskji assoċjati ma’ xi wħud mill-użi tagħha billi trawwem l-eċċellenza u l-fiduċja. Fir-Rapport dwar ir-Responsabbiltà għall-IA 4 li jakkumpanja l-White Paper, il-Kummissjoni identifikat l-isfidi speċifiċi li jirriżultaw mill-IA għar-regoli eżistenti dwar ir-responsabbiltà. Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa tad-9 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill laqa’ l-konsultazzjoni dwar il-proposti ta’ politika fil-White Paper dwar l-IA u talab lill-Kummissjoni tressaq proposti konkreti. Fl-20 ta’ Ottubru 2020, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva fuq inizjattiva proprja skont l-Artikolu 225 tat-TFUE li titlob lill-Kummissjoni tadotta proposta għal reġim ta’ responsabbiltà ċivili għall-IA abbażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE) 5 .

Ir-regoli nazzjonali attwali dwar ir-responsabbiltà, b’mod partikolari abbażi ta’ ħtija, ma humiex adatti biex jindirizzaw it-talbiet dwar responsabbiltà għad-danni kkawżati minn prodotti u servizzi li jużaw l-IA. Skont dawn ir-regoli, il-vittmi jeħtieġ li jagħtu prova ta’ azzjoni ħażina jew ommissjoni minn persuna li kkawżat id-dannu. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-IA, inklużi l-kumplessità, l-awtonomija u l-opaċità (l-hekk imsejjaħ effett “black box”), jistgħu jagħmluha diffiċli jew għali b’mod projbittiv għall-vittmi biex jidentifikaw il-persuna responsabbli u jagħtu prova tar-rekwiżiti għal talba dwar responsabbiltà b’suċċess. B’mod partikolari, meta jitolbu kumpens, il-vittmi jistgħu jġarrbu kostijiet bil-quddiem għoljin ħafna u jiffaċċjaw proċedimenti legali ferm itwal, meta mqabbla ma’ każijiet li ma jinvolvux l-IA. Għalhekk, il-vittmi jistgħu jiġu skoraġġuti għalkollox milli jitolbu kumpens. Dan it-tħassib ġie mtenni wkoll mill-Parlament Ewropew (PE) fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta’ Mejju 2022 dwar l-intelliġenza artifiċjali f’era diġitali.  6

Jekk vittma tressaq talba, il-qrati nazzjonali, affrontati bil-karatteristiċi speċifiċi tal-IA, jistgħu jadattaw il-mod li bih japplikaw ir-regoli eżistenti fuq bażi ad hoc biex jaslu għal riżultat ġust għall-vittma. Dan jikkawża inċertezza legali. In-negozji jkollhom diffikultajiet biex jipprevedu kif se jiġu applikati r-regoli eżistenti dwar ir-responsabbiltà, u b’hekk biex jivvalutaw u jassiguraw l-iskopertura għar-responsabbiltà tagħhom. L-effett jiġi amplifikat għan-negozji li jinnegozjaw bejn il-fruntieri, peress li l-inċertezza tkopri ġuriżdizzjonijiet differenti. Dan jaffettwa b’mod partikolari lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), li ma jistgħux jiddependu minn għarfien espert legali intern jew minn riżervi ta’ kapital.

L-istrateġiji nazzjonali tal-IA juru li diversi Stati Membri qegħdin jikkunsidraw, jew saħansitra qegħdin jippjanaw b’mod konkret, azzjoni leġiżlattiva dwar ir-responsabbiltà ċivili għall-IA. Għalhekk, huwa mistenni li, jekk l-UE ma tiħux azzjoni, l-Istati Membri se jadattaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar ir-responsabbiltà għall-isfidi tal-IA. Dan se jirriżulta f’aktar frammentazzjoni u f’kostijiet akbar għan-negozji attivi madwar l-UE.

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa li tinforma l-Valutazzjoni tal-Impatt ta’ din il-proposta, ikkonfermat il-problemi spjegati hawn fuq. Fl-opinjoni tal-pubbliku, l-effett “black box” jista’ jagħmilha diffiċli għall-vittma biex tagħti prova ta’ ħtija u kawżalità u jista’ jkun hemm inċertezza dwar kif il-qrati se jinterpretaw u japplikaw ir-regoli nazzjonali eżistenti dwar ir-responsabbiltà f’każijiet li jinvolvu l-IA. Barra minn hekk, din uriet tħassib pubbliku dwar kif azzjoni leġiżlattiva dwar l-adattament tar-regoli ta’ responsabbiltà mibdija minn Stati Membri individwali, u l-frammentazzjoni li tirriżulta, taffettwa l-kostijiet għall-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, u tipprevjeni l-adozzjoni tal-IA madwar l-Unjoni.

Għalhekk, l-objettiv ta’ din il-proposta huwa li tippromwovi t-tnedija ta’ IA affidabbli biex jiġu sfruttati l-benefiċċji kollha tagħha għas-suq intern. Din tagħmel dan billi tiżgura li l-vittmi tad-danni kkawżati mill-IA jiksbu protezzjoni ekwivalenti għall-vittmi tad-danni kkawżati mill-prodotti b’mod ġenerali. Dan inaqqas ukoll l-inċertezza legali tan-negozji li qegħdin jiżviluppaw jew jużaw l-IA fir-rigward tal-iskopertura possibbli tagħhom għar-responsabbiltà u jipprevjeni l-ħolqien ta’ adattamenti frammentati speċifiċi għall-IA tar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili.

·Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija parti minn pakkett ta’ miżuri li jappoġġaw l-introduzzjoni tal-IA fl-Ewropa billi jrawmu l-eċċellenza u l-fiduċja. Dan il-pakkett jinkludi tliet flussi ta’ ħidma komplementari:

proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi regoli orizzontali dwar sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-IA) 7 ;

reviżjoni tar-regoli settorjali u orizzontali dwar is-sikurezza tal-prodotti;

Ir-regoli tal-UE biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ responsabbiltà relatati mas-sistemi tal-IA.

Fil-proposta dwar l-Att dwar l-IA, il-Kummissjoni pproponiet regoli li jimmiraw lejn li jnaqqsu r-riskji għas-sikurezza u jipproteġu d-drittijiet fundamentali. Is-sikurezza u r-responsabbiltà huma żewġ naħat tal-istess munita: dawn japplikaw f’mumenti differenti u jsaħħu lil xulxin. Filwaqt li r-regoli biex tiġi żgurata s-sikurezza u jiġu protetti d-drittijiet fundamentali se jnaqqsu r-riskji, dawn ma jeliminawx dawk ir-riskji kompletament 8 . Meta riskju bħal dan jimmaterjalizza, xorta waħda jista’ jseħħ dannu. F’każijiet bħal dawn, se japplikaw ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ta’ din il-proposta.

Regoli effettivi dwar ir-responsabbiltà jipprovdu wkoll inċentiv ekonomiku għall-konformità mar-regoli dwar is-sikurezza u għalhekk jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-okkorrenza tad-danni 9 . Barra minn hekk, din il-proposta tikkontribwixxi għall-infurzar tar-rekwiżiti għas-sistemi tal-IA ta’ riskju għoli imposti mill-Att dwar l-IA, minħabba li n-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti jikkostitwixxi element importanti li jiskatta t-tnaqqis tal-oneru tal-provi. Din il-proposta hija konsistenti wkoll mar-regoli ġenerali 10 u settorjali proposti dwar is-sikurezza tal-prodotti applikabbli għall-prodotti ta’ makkinarju 11 u tagħmir tar-radju 12 li jużaw l-IA.

Il-Kummissjoni tieħu approċċ olistiku fil-politika tagħha dwar l-IA għar-responsabbiltà billi tipproponi adattamenti għar-responsabbiltà tal-produttur għal prodotti difettużi skont id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti kif ukoll l-armonizzazzjoni mmirata skont din il-proposta. Dawn iż-żewġ inizjattivi ta’ politika huma marbuta mill-qrib u jiffurmaw pakkett, peress li t-talbiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom jindirizzaw tipi differenti ta’ responsabbiltà. Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti tkopri r-responsabbiltà stretta tal-produttur għal prodotti difettużi, li twassal għal kumpens għal ċerti tipi ta’ danni, prinċipalment imġarrba minn individwi. Din il-proposta tkopri talbiet nazzjonali dwar responsabbiltà prinċipalment ibbażati fuq il-ħtija ta’ kwalunkwe persuna bil-ħsieb li jiġu kkumpensati kwalunkwe tip ta’ dannu u kwalunkwe tip ta’ vittma. Dawn jikkomplementaw lil xulxin biex jiffurmaw sistema ġenerali effettiva ta’ responsabbiltà ċivili.

Flimkien, dawn ir-regoli se jippromwovu l-fiduċja fl-IA (u f’teknoloġiji diġitali oħra) billi jiżguraw li l-vittmi jiġu kkumpensati b’mod effettiv jekk iseħħ dannu minkejja r-rekwiżiti preventivi tal-Att dwar l-IA u regoli oħra dwar is-sikurezza.

·Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija koerenti mal-istrateġija diġitali kumplessiva tal-Unjoni fil-kontribut tagħha biex tippromwovi teknoloġija li taħdem għan-nies, bħala wieħed mit-tliet pilastri ewlenin tal-orjentazzjoni u tal-objettivi ta’ politika mħabbrin fil-Komunikazzjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” 13 .

F’dan il-kuntest, din il-proposta għandha l-għan li tibni l-fiduċja fl-IA u li żżid l-adozzjoni tagħha. Dan se jikseb sinerġiji u huwa komplementari mal-[Att dwar ir-Reżiljenza Ċibernetika] 14 , li għandu wkoll l-għan li jżid il-fiduċja fil-prodotti b’elementi diġitali billi jnaqqas il-vulnerabbiltajiet ċibernetiċi u jipproteġi aħjar lill-utenti kummerċjali u konsumaturi.

Din il-proposta ma taffettwax ir-regoli stabbiliti mill-[Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA)], li jipprevedu qafas komprensiv u kompletament armonizzat għall-obbligi ta’ diliġenza dovuta għat-teħid ta’ deċiżjonijiet algoritmiku minn pjattaformi online, inkluża l-eżenzjoni tagħha tar-responsabbiltà għall-fornituri ta’ servizzi intermedjarji.

Barra minn hekk, bil-promozzjoni tat-tnedija tal-IA, din il-proposta hija marbuta mal-inizjattivi skont l-istrateġija Ewropea għad-data 15 . Din issaħħaħ ukoll ir-rwol tal-Unjoni biex tgħin fit-tiswir ta’ normi u standards globali u tippromwovi IA affidabbli li tkun konsistenti mal-valuri u mal-interessi tal-Unjoni.

Il-proposta għandha wkoll rabtiet indiretti mal-Patt Ekoloġiku Ewropew 16 . B’mod partikolari, it-teknoloġiji diġitali, inkluża l-IA, huma faċilitatur kritiku għall-ilħuq tal-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku f’ħafna setturi differenti (inklużi l-kura tas-saħħa, it-trasport, l-ambjent u l-biedja).

·Impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali ewlenin

Id-Direttiva se tikkontribwixxi għat-tnedija tal-IA. Il-kundizzjonijiet għat-tnedija u għall-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-IA fis-suq intern jistgħu jittejbu b’mod sinifikanti billi tiġi evitata l-frammentazzjoni u tiżdied iċ-ċertezza legali permezz ta’ miżuri armonizzati fil-livell tal-UE, meta mqabbla ma’ adattamenti possibbli tar-regoli dwar ir-responsabbiltà fil-livell nazzjonali. L-istudju ekonomiku 17 li jsostni l-Valutazzjoni tal-Impatt ta’ din il-proposta kkonkluda – bħala stima konservattiva – li miżuri ta’ armonizzazzjoni mmirati fuq ir-responsabbiltà ċivili għall-IA jkollhom impatt pożittiv ta’ 5 sa 7 % fuq il-valur tal-produzzjoni tal-kummerċ transfruntier rilevanti meta mqabbel max-xenarju bażi. Dan il-valur miżjud jiġi ġġenerat b’mod partikolari permezz ta’ frammentazzjoni mnaqqsa u ċertezza legali akbar fir-rigward tal-iskopertura għar-responsabbiltà tal-partijiet ikkonċernati. Dan inaqqas l-informazzjoni/ir-rappreżentanza legali tal-partijiet ikkonċernati, il-ġestjoni tar-riskju intern u l-kostijiet ta’ konformità, jiffaċilita l-ippjanar finanzjarju kif ukoll l-istimi tar-riskju għal skopijiet ta’ assigurazzjoni, u jippermetti lill-kumpaniji – b’mod partikolari lill-SMEs – jesploraw swieq ġodda bejn il-fruntieri. Abbażi tal-valur kumplessiv tas-suq tal-IA tal-UE affettwat mill-problemi relatati mar-responsabbiltà indirizzati minn din id-Direttiva, huwa stmat li din id-Direttiva se tiġġenera valur tas-suq addizzjonali ta’ bejn madwar EUR 500 miljun u madwar EUR 1,1 biljun.

F’termini ta’ impatti soċjali, id-Direttiva se żżid il-fiduċja tas-soċjetà fit-teknoloġiji tal-IA u l-aċċess għal sistema tal-ġustizzja effettiva. Din se tikkontribwixxi għal reġim effiċjenti ta’ responsabbiltà ċivili, adattat għall-ispeċifiċitajiet tal-IA, fejn talbiet ġustifikati għal kumpens ta’ dannu jirnexxu. Iż-żieda fil-fiduċja tas-soċjetà tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-kumpaniji kollha fil-katina tal-valur tal-IA, minħabba li t-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini se jikkontribwixxi għal adozzjoni aktar veloċi tal-IA. Minħabba l-effett ta’ inċentivar tar-regoli dwar ir-responsabbiltà, il-prevenzjoni ta’ lakuni fir-responsabbiltà tkun ukoll ta’ benefiċċju indirett għaċ-ċittadini kollha permezz ta’ livell ogħla ta’ protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza (l-Artikolu 114(3) tat-TFUE) u l-evitar tas-sorsi tar-riskji għas-saħħa (l-Artikolu 168(1) tat-TFUE).

Fir-rigward tal-impatti ambjentali, id-Direttiva hija mistennija wkoll li tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-miri u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) relatati. L-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA huwa ta’ benefiċċju għall-ambjent. Pereżempju, is-sistemi tal-IA użati fl-ottimizzazzjoni tal-proċessi jnaqqsu l-ħela mill-proċessi (eż. billi jnaqqsu l-ammont ta’ fertilizzanti u pestiċidi meħtieġa, inaqqsu l-konsum tal-ilma bi produzzjoni ugwali, eċċ.). Id-Direttiva jkollha impatt pożittiv ukoll fuq l-SDGs minħabba li leġiżlazzjoni effettiva dwar it-trasparenza, ir-responsabbiltà u d-drittijiet fundamentali se tidderieġi l-potenzjal tal-IA biex tkun ta’ benefiċċju għall-individwi u għas-soċjetà lejn l-ilħuq tal-SDGs.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

·    Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-proposta hija l-Artikolu 114 tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri biex jiżguraw l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.

Il-problemi li din il-proposta timmira lejn li tindirizza, b’mod partikolari l-inċertezza legali u l-frammentazzjoni legali, ifixklu l-iżvilupp tas-suq intern u għalhekk jirrappreżentaw ostakli sinifikanti għall-kummerċ transfruntier fi prodotti u servizzi li jużaw l-IA.

Il-proposta tindirizza l-ostakli li jirriżultaw mill-fatt li n-negozji li jridu jipproduċu, ixerrdu u joperaw prodotti u servizzi li jużaw l-IA bejn il-fruntieri ma humiex ċerti dwar jekk ir-reġimi ta’ responsabbiltà eżistenti japplikawx għad-danni kkawżati mill-IA u kif. Din l-inċertezza tikkonċerna b’mod partikolari l-Istati Membri fejn in-negozji se jesportaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom jew fejn se joperawhom. F’kuntest transfruntier, il-liġi applikabbli għal responsabbiltà mhux kuntrattwali li tirriżulta minn tort jew delitt hija awtomatikament il-liġi tal-pajjiż fejn iseħħ id-dannu. Għal dawn in-negozji, huwa essenzjali li wieħed ikun jaf ir-riskji ta’ responsabbiltà rilevanti u li jkun jista’ jassigura lilu nnifsu kontrihom.

Barra minn hekk, hemm sinjali konkreti li għadd ta’ Stati Membri qegħdin jikkunsidraw miżuri leġiżlattivi unilaterali biex jindirizzaw l-isfidi speċifiċi maħluqa mill-IA fir-rigward tar-responsabbiltà. Pereżempju, l-istrateġiji tal-IA adottati fiċ-Ċekja 18 , fl-Italja 19 , f’Malta 20 , fil-Polonja 21 u fil-Portugall 22 jagħmlu referenza għal inizjattivi biex tiġi ċċarata r-responsabbiltà. Minħabba d-diverġenza kbira bejn ir-regoli eżistenti tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà ċivili, huwa probabbli li kwalunkwe miżura nazzjonali speċifika għall-IA dwar ir-responsabbiltà ssegwi approċċi nazzjonali differenti eżistenti u għalhekk iżżid il-frammentazzjoni.

Għalhekk, l-adattamenti tar-regoli dwar ir-responsabbiltà meħuda fuq bażi purament nazzjonali jżidu l-ostakli għat-tnedija ta’ prodotti u servizzi li jużaw l-IA fis-suq intern kollu u jikkontribwixxu aktar għall-frammentazzjoni.

·Sussidjarjetà

L-objettivi ta’ din il-proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod adegwat fil-livell nazzjonali minħabba li regoli nazzjonali diverġenti emerġenti jżidu l-inċertezza u l-frammentazzjoni legali, u joħolqu ostakli għat-tnedija ta’ prodotti u servizzi li jużaw l-IA fis-suq intern kollu. L-inċertezza legali taffettwa b’mod partikolari lill-kumpaniji attivi b’mod transfruntier billi timponi l-ħtieġa ta’ informazzjoni/rappreżentanza legali addizzjonali, kostijiet tal-ġestjoni tar-riskju u dħul mitluf. Fl-istess ħin, regoli nazzjonali differenti dwar it-talbiet għal kumpens għad-danni kkawżati mill-IA jżidu l-kostijiet tat-tranżazzjonijiet għan-negozji, speċjalment għall-kummerċ transfruntier, li jinvolvi ostakli sinifikanti fis-suq intern. Barra minn hekk, l-inċertezza legali u l-frammentazzjoni jaffettwaw b’mod sproporzjonat lin-negozji ġodda u lill-SMEs, li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji u s-sehem ewlieni tal-investimenti fis-swieq rilevanti.

Fin-nuqqas ta’ regoli armonizzati tal-UE għall-kumpens tad-danni kkawżati minn sistemi tal-IA, il-fornituri, l-operaturi u l-utenti tas-sistemi tal-IA minn naħa waħda u l-persuni li sofrew dannu min-naħa l-oħra se jiffaċċjaw 27 reġim differenti ta’ responsabbiltà, li jwasslu għal livelli differenti ta’ protezzjoni u għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fost in-negozji minn Stati Membri differenti.

Miżuri armonizzati fil-livell tal-UE jtejbu b’mod sinifikanti l-kundizzjonijiet għat-tnedija u għall-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-IA fis-suq intern billi jipprevjenu l-frammentazzjoni u jżidu ċ-ċertezza legali. Dan il-valur miżjud jiġi ġġenerat b’mod partikolari permezz ta’ frammentazzjoni mnaqqsa u ċertezza legali akbar fir-rigward tal-iskopertura għar-responsabbiltà tal-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, azzjoni tal-UE biss tista’ tikseb b’mod konsistenti l-effett mixtieq tal-promozzjoni tal-fiduċja tal-konsumatur fi prodotti u servizzi li jużaw l-IA billi tipprevjeni lakuni fir-responsabbiltà marbuta mal-karatteristiċi speċifiċi tal-IA fis-suq intern kollu. Dan jiżgura livell (minimu) konsistenti ta’ protezzjoni għall-vittmi (individwi u kumpaniji) kollha u inċentivi konsistenti biex jiġi prevenut id-dannu u tiġi żgurata r-responsabbiltà.

·Proporzjonalità

Il-proposta hija bbażata fuq approċċ fi stadji. Fl-ewwel stadju, l-objettivi jintlaħqu b’approċċ minimament invażiv; it-tieni stadju jinvolvi valutazzjoni mill-ġdid tal-ħtieġa ta’ miżuri aktar stretti jew estensivi.

L-ewwel stadju huwa limitat għall-miżuri ta’ oneru tal-provi biex jiġu indirizzati l-problemi speċifiċi għall-IA identifikati. Dan jibni fuq il-kundizzjonijiet sostantivi tar-responsabbiltà li jeżistu bħalissa fir-regoli nazzjonali, bħall-kawżalità jew il-ħtija, iżda jiffoka fuq miżuri mmirati relatati mal-provi, filwaqt li jiżgura li l-vittmi jkollhom l-istess livell ta’ protezzjoni bħal f’każijiet li ma jinvolvux sistemi tal-IA. Barra minn hekk, mid-diversi għodod disponibbli fid-dritt nazzjonali għat-tnaqqis tal-oneru tal-provi 23 , din il-proposta għażlet li tuża preżunzjonijiet konfutabbli bħala l-għodda l-inqas intervenzjonista. Tali preżunzjonijiet jinstabu b’mod komuni fis-sistemi nazzjonali ta’ responsabbiltà, u jibbilanċjaw l-interessi tar-rikorrenti u tal-intimati. Fl-istess ħin huma mfassla biex jinċentivaw il-konformità mad-dmirijiet eżistenti ta’ diliġenza stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jew dak nazzjonali. Il-proposta ma twassalx għal inverżjoni tal-oneru tal-provi, biex jiġi evitat li l-fornituri, l-operaturi u l-utenti tas-sistemi tal-IA jiġu esposti għal riskji ogħla ta’ responsabbiltà, li jistgħu jxekklu l-innovazzjoni u jnaqqsu l-użu ta’ prodotti u servizzi li jużaw l-IA.

It-tieni stadju inkluż fil-proposta jiżgura li, meta jiġi vvalutat l-effett tal-ewwel stadju f’termini ta’ protezzjoni tal-vittmi u l-użu tal-IA, jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi, regolatorji u ġurisprudenzjali futuri meta tiġi vvalutata mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu armonizzati elementi oħra tat-talbiet għal kumpens jew għodod oħra relatati ma’ talbiet ta’ responsabbiltà, inkluż għal sitwazzjonijiet meta responsabbiltà stretta tkun aktar xierqa, kif mitlub mill-Parlament Ewropew. Tali valutazzjoni x’aktarx tqis ukoll jekk tali armonizzazzjoni tkunx teħtieġ li tiġi akkumpanjata minn assigurazzjoni obbligatorja biex tiġi żgurata l-effettività.

·Għażla tal-istrument

Direttiva hija l-aktar strument xieraq għal din il-proposta, peress li tipprovdi l-effett mixtieq ta’ armonizzazzjoni u ċ-ċertezza legali, filwaqt li tipprovdi wkoll il-flessibbiltà li tippermetti lill-Istati Membri jinkorporaw il-miżuri armonizzati mingħajr frizzjoni fir-reġimi nazzjonali tagħhom ta’ responsabbiltà.

Strument obbligatorju jipprevjeni lakuni fil-protezzjoni li jirriżultaw minn implimentazzjoni parzjali jew l-ebda implimentazzjoni. Filwaqt li strument mhux vinkolanti jkun inqas intrużiv, ma huwiex probabbli li l-problemi identifikati jiġu indirizzati b’mod effettiv. Ir-rata ta’ implimentazzjoni ta’ strumenti mhux vinkolanti hija diffiċli li tiġi prevista u ma hemmx indikazzjoni suffiċjenti li l-effett persważiv ta’ rakkomandazzjoni jkun b’saħħtu biżżejjed biex jipproduċi adattament konsistenti tal-liġijiet nazzjonali.

Dan l-effett huwa saħansitra aktar improbabbli għal miżuri li jikkonċernaw id-dritt privat, li r-regoli dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali jiffurmaw parti minnhom. Dan il-qasam huwa kkaratterizzat minn tradizzjonijiet legali fit-tul, li jwasslu biex l-Istati Membri jsibuha bi tqila jsegwu riforma koordinata sakemm ma jkunux xprunati mill-prospett ċar ta’ benefiċċji tas-suq intern fl-ambitu ta’ strument vinkolanti tal-UE jew mill-ħtieġa li jadattaw għal teknoloġiji ġodda fl-ekonomija diġitali.

Id-diverġenzi sinifikanti eżistenti bejn l-oqfsa ta’ responsabbiltà tal-Istati Membri huma raġuni oħra għaliex rakkomandazzjoni x’aktarx li ma tiġix implimentata b’mod konsistenti.

1.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

·Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ġiet implimentata strateġija ta’ konsultazzjoni estensiva biex tiġi żgurata parteċipazzjoni wiesgħa tal-partijiet ikkonċernati matul iċ-ċiklu ta’ politika ta’ din il-proposta. L-istrateġija ta’ konsultazzjoni kienet ibbażata kemm fuq konsultazzjonijiet pubbliċi kif ukoll fuq diversi konsultazzjonijiet immirati (webinars, diskussjonijiet bilaterali ma’ kumpaniji u diversi organizzazzjonijiet).

Wara l-mistoqsijiet inizjali dwar ir-responsabbiltà li kienu parti mill-konsultazzjoni pubblika dwar il-White Paper dwar l-IA u r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-sikurezza u r-responsabbiltà, mit-18 ta’ Ottubru 2021 sal-10 ta’ Jannar 2022, infetħet konsultazzjoni pubblika online apposta biex jinġabru fehmiet minn varjetà wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi l-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-assoċjazzjonijiet tal-industrija, in-negozji, inklużi l-SMEs, u l-awtoritajiet pubbliċi. Wara li analizzat it-tweġibiet kollha li rċeviet, il-Kummissjoni ppubblikat eżitu sommarju u t-tweġibiet individwali fuq is-sit web tagħha 24 .

B’kollox, waslu 233 tweġiba minn rispondenti minn 21 Stat Membru, kif ukoll minn pajjiżi terzi. B’mod ġenerali, il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati kkonfermaw il-problemi bl-oneru tal-provi, bl-inċertezza legali u bil-frammentazzjoni u appoġġaw azzjoni fil-livell tal-UE.

Iċ-ċittadini tal-UE, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-istituzzjonijiet akkademiċi kkonfermaw b’mod qawwi l-ħtieġa ta’ azzjoni tal-UE biex jitnaqqsu l-problemi tal-vittmi bl-oneru tal-provi. In-negozji, filwaqt li rrikonoxxew l-effetti negattivi tal-inċertezza dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar ir-responsabbiltà, kienu aktar kawti u talbu għal miżuri mmirati biex tiġi evitata l-limitazzjoni tal-innovazzjoni.

Irriżultat stampa simili fir-rigward tal-għażliet ta’ politika. Iċ-ċittadini tal-UE, l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u l-istituzzjonijiet akkademiċi appoġġaw bis-sħiħ miżuri dwar l-oneru tal-provi u l-armonizzazzjoni tar-responsabbiltà indipendenti mill-ħtija (imsejħa “responsabbiltà stretta”) flimkien ma’ assigurazzjoni obbligatorja. In-negozji kienu aktar maqsuma fuq l-għażliet ta’ politika, b’differenzi li jiddependu parzjalment mid-daqs tagħhom. Ir-responsabbiltà stretta tqieset sproporzjonata mill-maġġoranza tar-rispondenti li kienu negozji. L-armonizzazzjoni tat-tnaqqis tal-oneru tal-provi kisbet aktar appoġġ, b’mod partikolari fost l-SMEs. Madankollu, in-negozji wissew kontra trasferiment totali tal-oneru tal-provi.

Għalhekk, l-għażla ta’ politika preferuta ġiet żviluppata u rfinata fid-dawl tal-feedback li wasal mill-partijiet ikkonċernati matul il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ħtiġijiet espressi u t-tħassib li tqajjem mill-gruppi rilevanti kollha tal-partijiet ikkonċernati.

·Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-proposta tibni fuq erba’ snin ta’ analiżi u involviment mill-qrib tal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-akkademiċi, in-negozji, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-Istati Membri u ċ-ċittadini. Il-ħidma preparatorja bdiet fl-2018 bit-twaqqif tal-Grupp ta’ Esperti dwar ir-Responsabbiltà u t-Teknoloġiji l-Ġodda (Formazzjoni ta’ Teknoloġiji Ġodda). Il-Grupp ta’ Esperti pproduċa Rapport f’Novembru 2019 25 li vvaluta l-isfidi li xi karatteristiċi tal-IA joħolqu għar-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili.

L-input mir-rapport tal-Grupp ta’ Esperti ġie kkomplementat minn tliet studji esterni addizzjonali:

studju komparattiv tal-liġi bbażat fuq analiżi legali komparattiva tal-liġijiet Ewropej dwar il-ħtija ffoka fuq kwistjonijiet ewlenin relatati mal-IA 26 ;

studju dwar l-ekonomija tal-imġiba dwar l-impatti tal-adattamenti mmirati tar-reġim tar-responsabbiltà fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-konsumaturi, b’mod partikolari l-fiduċja u r-rieda tagħhom li jieħdu prodotti u servizzi li jużaw l-IA 27 ;

studju ekonomiku 28 li jkopri għadd ta’ kwistjonijiet: l-isfidi li jiffaċċjaw il-vittmi tal-applikazzjonijiet tal-IA meta mqabbla mal-vittmi ta’ apparati mhux tal-IA meta jippruvaw jiksbu kumpens għat-telf tagħhom; jekk u sa liema punt in-negozji ma humiex ċerti dwar l-applikazzjoni tar-regoli attwali dwar ir-responsabbiltà għall-operazzjonijiet tagħhom li jinvolvu l-IA, u jekk l-impatt tal-inċertezza legali jistax ixekkel l-investiment fl-IA; jekk aktar frammentazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar ir-responsabbiltà twassalx għal tnaqqis fl-effettività tas-suq intern għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tal-IA, u jekk u sa liema punt l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tar-responsabbiltà ċivili nazzjonali permezz tal-leġiżlazzjoni tal-UE tnaqqas dawn il-problemi u tiffaċilita l-użu ġenerali tat-teknoloġija tal-IA mill-kumpaniji tal-UE.

·Valutazzjoni tal-impatt

F’konformità mal-politika tagħha għal “Regolamentazzjoni Aħjar”, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta eżaminata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju tal-Kummissjoni. Il-laqgħa tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fis-6 ta’ April 2022 wasslet għal opinjoni pożittiva b’kummenti.

Ġew ivvalutati tliet għażliet ta’ politika:

Għażla ta’ politika 1: tliet miżuri biex jitnaqqas l-oneru tal-provi għall-vittmi li jkunu qed jippruvaw jagħtu evidenza tat-talba tagħhom għal responsabbiltà.

Għażla ta’ politika 2: il-miżuri taħt l-għażla 1 + l-armonizzazzjoni ta’ regoli ta’ responsabbiltà stretta għal każijiet ta’ użu ta’ IA bi profil ta’ riskju partikolari, flimkien ma’ assigurazzjoni obbligatorja.

Għażla ta’ politika 3: approċċ fi stadji li jikkonsisti fi:

l-ewwel stadju: il-miżuri taħt l-għażla 1;

it-tieni stadju: mekkaniżmu ta’ rieżami biex tiġi vvalutata mill-ġdid, b’mod partikolari, il-ħtieġa tal-armonizzazzjoni tar-responsabbiltà stretta għall-każijiet tal-użu tal-IA bi profil ta’ riskju partikolari (possibbilment flimkien ma’ assigurazzjoni obbligatorja).

L-għażliet ta’ politika tqabblu permezz ta’ analiżi b’diversi kriterji li tqis l-effettività, l-effiċjenza, il-koerenza u l-proporzjonalità tagħhom. Ir-riżultati tal-analiżi tal-bosta kriterji u tas-sensittività juru li l-għażla ta’ politika 3, li tnaqqas l-oneru tal-provi għal talbiet relatati mal-IA + rieżami mmirat rigward ir-responsabbiltà stretta, possibbilment flimkien ma’ assigurazzjoni obbligatorja, tikklassifika l-ewwel u għalhekk hija l-għażla ta’ politika preferuta għal din il-proposta.

L-għażla ta’ politika preferuta tiżgura li l-vittmi ta’ prodotti u servizzi li jużaw l-IA (persuni fiżiċi, negozji u kwalunkwe entità pubblika jew privata oħra) ma jkunux inqas protetti mill-vittmi ta’ teknoloġiji tradizzjonali. Dan iżid il-livell ta’ fiduċja fl-IA u jippromwovi l-adozzjoni tagħha.

Barra minn hekk, dan inaqqas l-inċertezza legali u jipprevjeni l-frammentazzjoni, u b’hekk jgħin lill-kumpaniji, u lill-biċċa l-kbira tal-SMEs kollha, li jridu jilħqu l-potenzjal sħiħ tas-suq uniku tal-UE billi jintroduċu prodotti u servizzi bli jużaw l-IA b’mod transfruntier. L-għażla ta’ politika preferuta toħloq ukoll kundizzjonijiet aħjar għall-assiguraturi biex joffru kopertura ta’ attivitajiet relatati mal-IA, li hija kruċjali għan-negozji, speċjalment għall-SMEs biex jimmaniġġjaw ir-riskji tagħhom. Huwa stmat li fl-2025 l-għażla ta’ politika ppreferuta se tiġġenera valur miżjud tas-suq tal-IA fl-EU-27 ta’ bejn madwar EUR 500 miljun u madwar EUR 1,1 biljun.

·Drittijiet fundamentali

Waħda mill-aktar funzjonijiet importanti tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili hija li jiġi żgurat li l-vittmi tad-danni jkunu jistgħu jitolbu kumpens. Billi jiggarantixxu kumpens effettiv, dawn ir-regoli jikkontribwixxu għall-protezzjoni tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust (l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li hawn taħt issir referenza għaliha bħala “il-Karta”) filwaqt li jagħtu wkoll inċentiv lil persuni potenzjalment responsabbli biex jipprevjenu d-danni, sabiex tiġi evitata r-responsabbiltà.

B’din il-proposta, il-Kummissjoni għandha l-għan li tiżgura li l-vittmi ta’ dannu kkawżat mill-IA jkollhom livell ekwivalenti ta’ protezzjoni skont ir-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili bħall-vittmi ta’ dannu kkawżat mingħajr l-involviment tal-IA. Il-proposta se tippermetti l-infurzar privat effettiv tad-drittijiet fundamentali u tippreżerva d-dritt għal rimedju effettiv fejn ir-riskji speċifiċi għall-IA jkunu mmaterjalizzaw. B’mod partikolari, il-proposta se tgħin fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, bħad-dritt għall-ħajja (l-Artikolu 2 tal-Karta), id-dritt għall-integrità fiżika u mentali (l-Artikolu 3), u d-dritt għall-proprjetà (l-Artikolu 17). Barra minn hekk, skont is-sistema u t-tradizzjonijiet tad-dritt ċivili ta’ kull Stat Membru, il-vittmi se jkunu jistgħu jitolbu kumpens għal dannu lil interessi legali oħra, bħall-ksur tad-dinjità personali (l-Artikoli 1 u 4 tal-Karta), ir-rispett għall-ħajja privata u tal-familja (l-Artikolu 7), id-dritt għall-ugwaljanza (l-Artikolu 20) u n-nondiskriminazzjoni (l-Artikolu 21).

Barra minn hekk, din il-proposta tikkomplementa aspetti oħra fil-politika dwar l-IA tal-Kummissjoni bbażata fuq rekwiżiti regolatorji u superviżorji preventivi mmirati direttament lejn l-evitar ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali (bħad-diskriminazzjoni). Dawn huma l-Att dwar l-IA, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-liġi tal-UE dwar in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali. Fl-istess ħin, din il-proposta ma toħloqx jew ma tarmonizzax id-dmirijiet ta’ diliġenza jew ir-responsabbiltà ta’ diversi entitajiet li l-attività tagħhom hija regolata skont dawk l-atti legali u, għalhekk, la toħloq talbiet dwar responsabbiltà ġodda u lanqas ma taffettwa l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà skont dawk l-atti legali l-oħra. Din il-proposta tintroduċi biss it-tnaqqis tal-oneru tal-provi għall-vittmi tad-danni kkawżati mis-sistemi tal-IA f’talbiet li jistgħu jkunu bbażati fuq id-dritt nazzjonali jew fuq dawn il-liġijiet l-oħra tal-UE. Billi tikkomplementa dawn il-linji l-oħra, din il-proposta tipproteġi d-dritt tal-vittma għal kumpens skont id-dritt privat, inkluż kumpens għal ksur tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRA

·Il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni u l-monitoraġġ, l-evalwazzjoni, il-programm ta’ monitoraġġ u r-rieżami mmirat

Din il-proposta tressaq approċċ fi stadji. Sabiex jiġi żgurat li tkun disponibbli biżżejjed evidenza għar-rieżami mmirat fit-tieni stadju, il-Kummissjoni se tfassal pjan ta’ monitoraġġ, li jagħti dettalji dwar kif u kemm spiss se tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa.

Il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ jista’ jkopri t-tipi ta’ data u evidenza li ġejjin:

ir-rapportar u l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni mill-Istati Membri rigward l-applikazzjoni ta’ miżura biex jitnaqqas l-oneru tal-provi fi proċeduri nazzjonali ta’ soluzzjoni ġudizzjarja jew barra mill-qorti;

l-informazzjoni miġbura mill-Kummissjoni jew mill-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq skont l-Att dwar l-IA (b’mod partikolari l-Artikolu 62) jew strumenti rilevanti oħra;

l-informazzjoni u l-analiżijiet li jappoġġaw l-evalwazzjoni tal-Att dwar l-IA u r-rapporti li għandhom jitħejjew mill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dak l-Att;

l-informazzjoni u l-analiżijiet li jappoġġaw il-valutazzjoni tal-miżuri ta’ politika futuri rilevanti skont il-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-“approċċ l-antik” biex jiġi żgurat li l-prodotti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni jissodisfaw rekwiżiti ta’ saħħa, ta’ sikurezza u ambjentali għoljin;

l-informazzjoni u l-analiżijiet li jappoġġaw ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur għall-iżviluppi teknoloġiċi (b’mod partikolari l-vetturi awtonomi u semiawtonomi) skont l-Artikolu 28c(2)(a) tagħha.

·Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

1. Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni (l-Artikolu 1)

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern billi tistabbilixxi rekwiżiti uniformi għal ċerti aspetti ta’ responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali għad-danni kkawżati mill-involviment tas-sistemi tal-IA. Dan isegwi r-Riżoluzzjoni 2020/2014(INL) tal-Parlament Ewropew u jadatta d-dritt privat għall-ħtiġijiet tat-tranżizzjoni għall-ekonomija diġitali.

L-għażla ta’ għodod legali adatti hija limitata, minħabba n-natura tal-kwistjoni tal-oneru tal-provi u l-karatteristiċi speċifiċi tal-IA li joħolqu problema għar-regoli eżistenti dwar ir-responsabbiltà. F’dan ir-rigward, din id-Direttiva tnaqqas l-oneru tal-provi b’mod immirat u proporzjonat ħafna permezz tal-użu ta’ divulgazzjoni u preżunzjonijiet konfutabbli. Din tistabbilixxi għal dawk li jfittxu kumpens għad-danni l-possibbiltà li jiksbu informazzjoni dwar sistemi ta’ IA ta’ riskju għoli li għandha tiġi rreġistrata/dokumentata skont l-Att dwar l-IA. Minbarra dan, il-preżunzjonijiet konfutabbli se jagħtu lil dawk li jfittxu kumpens għal dannu kkawżat mis-sistemi tal-IA oneru tal-provi aktar raġonevoli u ċans li jirnexxu b’talbiet dwar responsabbiltà ġustifikati.

Għodod bħal dawn ma humiex ġodda; dawn jistgħu jinstabu fis-sistemi leġiżlattivi nazzjonali. Għalhekk, dawn l-għodod nazzjonali jikkostitwixxu punti ta’ referenza utli dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imqajma mill-IA għar-regoli eżistenti dwar ir-responsabbiltà b’mod li jfixkel l-inqas possibbli r-reġimi legali nazzjonali differenti.

Barra minn hekk, meta ġew mistoqsija dwar bidliet aktar estensivi bħal inverżjoni tal-oneru tal-provi jew preżunzjoni mhux konfutabbli, in-negozji pprovdew feedback negattiv fil-konsultazzjonijiet. Miżuri mmirati biex itaffu l-oneru tal-provi fil-forma ta’ preżunzjonijiet konfutabbli ntgħażlu bħala modi pragmatiċi u xierqa biex jgħinu lill-vittmi jissodisfaw l-oneru tal-provi tagħhom bl-aktar mod immirat u proporzjonat possibbli.

L-Artikolu 1 jindika s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva: dan japplika għal talbiet skont id-dritt ċivili mhux kuntrattwali għad-danni kkawżati minn sistema tal-IA, fejn tali talbiet jitressqu taħt reġimi ta’ responsabbiltà bbażati fuq il-ħtija. Dan ifisser, speċifikament, reġimi li jipprevedu responsabbiltà statutorja biex jikkumpensaw għad-dannu kkawżat intenzjonalment jew minn att jew ommissjoni negliġenti. Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva jistgħu jidħlu mingħajr frizzjoni fis-sistemi eżistenti ta’ responsabbiltà ċivili, peress li jirriflettu approċċ li ma jindirizzax id-definizzjoni ta’ kunċetti fundamentali bħal “ħtija” jew “dannu”, minħabba li t-tifsira ta’ dawk il-kunċetti tvarja b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Għalhekk, lil hinn mill-preżunzjonijiet li tistabbilixxi, din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali li jiddeterminaw, pereżempju, liema parti għandha l-oneru tal-provi, liema grad ta’ ċertezza huwa meħtieġ fir-rigward tal-istandard tal-prova, jew kif tiġi ddefinita l-ħtija.

Barra minn hekk, din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli eżistenti li jirregolaw il-kundizzjonijiet tar-responsabbiltà fis-settur tat-trasport u dawk stabbiliti mill-Att dwar is-Servizzi Diġitali.

Filwaqt li din id-Direttiva ma tapplikax fir-rigward tar-responsabbiltà kriminali, tista’ tkun applikabbli fir-rigward tar-responsabbiltà tal-Istat. L-awtoritajiet tal-Istat huma koperti wkoll mid-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-IA bħala suġġetti tal-obbligi stabbiliti fih.

Din id-Direttiva ma tapplikax b’mod retroattiv, iżda biss għal talbiet għal kumpens għad-danni li jseħħu mid-data tat-traspożizzjoni tagħha.

Il-proposta għal din id-Direttiva ġiet adottata flimkien mal-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti 85/374/KEE, f’pakkett li għandu l-għan li jadatta r-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-era diġitali u l-IA, filwaqt li jiżgura l-allinjament meħtieġ bejn dawn iż-żewġ strumenti legali komplementari.

2.Definizzjonijiet (l-Artikolu 2)

Id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 isegwu dawk tal-Att dwar l-IA biex tiġi żgurata l-konsistenza.

L-Artikolu 2(6)(b) jipprevedi li t-talbiet għad-danni jistgħu jitressqu mhux biss mill-persuna leża iżda wkoll minn persuni li jirtu d-drittijiet tal-persuna leża jew li jkun ngħataw is-surroga għalihom. Is-surroga hija t-teħid minn parti terza (bħal kumpanija tal-assigurazzjoni) tad-dritt legali ta’ parti oħra li tiġbor dejn jew danni. Għalhekk persuna waħda hija intitolata li tinforza d-drittijiet ta’ persuna oħra għall-benefiċċju tagħha stess. Is-surroga tkopri wkoll l-eredi ta’ vittma deċeduta.

Barra minn hekk, l-Artikolu 2(6)(c) jipprevedi li azzjoni għad-danni tista’ titressaq ukoll minn xi ħadd li jaġixxi f’isem parti leża jew partijiet leżi, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tagħti aktar possibbiltajiet lill-persuni leżi minn sistema tal-IA biex ikollhom it-talbiet tagħhom ivvalutati minn qorti, anke f’każijiet fejn azzjonijiet individwali jistgħu jidhru li jiswew wisq jew ikunu wisq ikkumplikati biex jitressqu, jew fejn azzjonijiet konġunti jistgħu jinvolvu benefiċċju ta’ skala. Sabiex il-vittmi tad-danni kkawżati mis-sistemi tal-IA jkunu jistgħu jinfurzaw id-drittijiet tagħhom b’rabta ma’ din id-Direttiva permezz ta’ azzjonijiet rappreżentattivi, l-Artikolu 6 jemenda l-Anness I tad-Direttiva (UE) 2020/1828.

3.Divulgazzjoni tal-evidenza (l-Artikolu 3)

Din id-Direttiva għandha l-għan li tipprovdi lill-persuni li jkunu qegħdin ifittxu kumpens għal dannu kkawżat minn sistemi ta’ IA ta’ riskju għoli b’mezzi effettivi biex jidentifikaw lill-persuni potenzjalment responsabbli u l-evidenza rilevanti għal talba. Fl-istess ħin, tali mezzi jservu biex jeskludu lill-intimati potenzjali identifikati b’mod falz, jiffrankaw il-ħin u l-kostijiet għall-partijiet involuti u jnaqqsu l-għadd tal-kawżi għall-qrati.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva jipprevedi li qorti tista’ tordna d-divulgazzjoni ta’ evidenza rilevanti dwar sistemi speċifiċi ta’ IA ta’ riskju għoli li huma ssuspettati li kkawżaw dannu. It-talbiet għal evidenza huma indirizzati lill-fornitur ta’ sistema tal-IA, lil persuna li hija soġġetta għall-obbligi tal-fornitur stabbiliti mill-Artikolu 24 jew mill-Artikolu 28(1) tal-Att dwar l-IA jew lil utent skont l-Att dwar l-IA. It-talbiet għandhom jiġu appoġġati minn fatti u evidenza suffiċjenti biex tiġi stabbilita l-plawżibbiltà tat-talba kontemplata għad-danni u l-evidenza mitluba għandha tkun għad-dispożizzjoni tad-destinatarji. It-talbiet ma jistgħux jiġu indirizzati lil partijiet li ma għandhom l-ebda obbligu skont l-Att dwar l-IA u għalhekk ma għandhom l-ebda aċċess għall-evidenza.

Skont l-Artikolu 3(2), ir-rikorrent jista’ jitlob id-divulgazzjoni tal-evidenza minn fornituri jew utenti li ma humiex intimati biss f’każ li ma jkunux saru b’suċċess it-tentattivi proporzjonati kollha biex tinġabar l-evidenza mill-intimat.

Sabiex il-mezzi ġudizzjarji jkunu effettivi, l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jipprevedi li qorti tista’ tordna wkoll il-preservazzjoni ta’ tali evidenza.

Kif previst fl-Artikolu 3(4), l-ewwel subparagrafu, il-qorti tista’ tordna tali divulgazzjoni, biss sa fejn ikun meħtieġ biex issostni t-talba, minħabba li l-informazzjoni tista’ tkun evidenza kritika għat-talba tal-persuna leża fil-każ ta’ dannu li jinvolvi sistemi tal-IA.

Billi jillimita l-obbligu li tiġi ddivulgata jew ippreżervata evidenza meħtieġa u proporzjonata, l-Artikolu 3(4), l-ewwel subparagrafu, għandu l-għan li jiżgura l-proporzjonalità fid-divulgazzjoni tal-evidenza, jiġifieri li jillimita d-divulgazzjoni għall-minimu meħtieġ u jipprevjeni t-talbiet ġenerali.

L-Artikolu 3(4), it-tieni u t-tielet subparagafi għandhom l-għan ukoll li jilħqu bilanċ bejn id-drittijiet tar-rikorrent u l-ħtieġa li jiġi żgurat li tali divulgazzjoni tkun soġġetta għal salvagwardji biex jiġu protetti l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha kkonċernati, bħas-sigrieti tal-mestier jew l-informazzjoni kunfidenzjali.

Fl-istess kuntest, l-Artikolu 3(4), ir-raba’ subparagafu, għandu l-għan li jiżgura li r-rimedji proċedurali kontra l-ordni ta’ divulgazzjoni jew preżervazzjoni jkunu għad-dispożizzjoni tal-persuna soġġetta għaliha.

L-Artikolu 3(5) jintroduċi preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dmir ta’ diliġenza. Din hija għodda proċedurali, rilevanti biss f’każijiet li fihom l-intimat effettiv f’talba għad-danni jerfa’ l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ talba biex tiġi ddivulgata jew ippreżervata l-evidenza. L-intimat għandu jkollu d-dritt li jirribatti dik il-preżunzjoni. Il-miżura stabbilita f’dan il-paragrafu għandha l-għan li tippromwovi d-divulgazzjoni iżda wkoll li tħaffef il-proċedimenti tal-qorti.

4.Preżunzjoni ta’ rabta kawżali fil-każ ta’ ħtija (l-Artikolu 4)

Fir-rigward tad-dannu kkawżat mis-sistemi tal-IA, din id-Direttiva għandha l-għan li tipprovdi bażi effettiva għat-talba ta’ kumpens b’rabta mal-ħtija li tikkonsisti fin-nuqqas ta’ konformità mad-dmir ta’ diliġenza skont id-dritt tal-Unjoni jew dak nazzjonali.

Jista’ jkun ta’ sfida għar-rikorrenti biex jistabbilixxu rabta kawżali bejn tali nuqqas ta’ konformità u l-output prodott mis-sistema tal-IA jew in-nuqqas mis-sistema tal-IA li tipproduċi output li wassal għad-dannu rilevanti. Għalhekk, fl-Artikolu 4(1) ġiet stabbilita preżunzjoni konfutabbli mmirata ta’ kawżalità fir-rigward ta’ din ir-rabta kawżali. Tali preżunzjoni hija l-miżura l-inqas oneruża biex tiġi indirizzata l-ħtieġa ta’ kumpens ġust tal-vittma.

Il-ħtija tal-intimat trid tintwera mir-rikorrent skont ir-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli. Tali ħtija tista’ tiġi stabbilita, pereżempju, għan-nuqqas ta’ konformità ma’ dmir ta’ diliġenza skont l-Att dwar l-AI jew skont regoli oħra stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, bħal dawk li jirregolaw l-użu ta’ monitoraġġ u teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati għal xogħol fuq il-pjattaformi jew dawk li jirregolaw it-tħaddim ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord. Tali ħtija tista’ tiġi preżunta wkoll mill-qorti abbażi ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ ordni tal-qorti għad-divulgazzjoni jew il-preservazzjoni tal-evidenza skont l-Artikolu 3(5). Madankollu, huwa biss xieraq li tiġi introdotta preżunzjoni ta’ kawżalità meta jista’ jitqies probabbli li l-ħtija partikolari influwenzat l-output rilevanti tas-sistema tal-IA jew in-nuqqas tagħha, li tista’ tiġi vvalutata abbażi taċ-ċirkostanzi ġenerali tal-każ. Fl-istess ħin, ir-rikorrent xorta jrid juri li s-sistema tal-IA (jiġifieri l-output jew in-nuqqas tagħha li tipproduċi wieħed) wasslet għad-dannu.

Il-paragrafi (2) u (3) jagħmlu distinzjoni bejn, minn naħa, it-talbiet imressqa kontra l-fornitur ta’ sistema ta’ IA ta’ riskju għoli jew kontra persuna soġġetta għall-obbligi tal-fornitur skont l-Att dwar l-IA u, min-naħa l-oħra, it-talbiet imressqa kontra l-utent ta’ tali sistemi. F’dan ir-rigward, dan isegwi d-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet rilevanti rispettivi tal-Att dwar l-IA. Fil-każ ta’ talbiet ibbażati fuq l-Artikolu 4(2), il-konformità tal-intimat mal-obbligi elenkati f’dak il-paragrafu trid tiġi vvalutata wkoll fid-dawl tas-sistema tal-ġestjoni tar-riskju u r-riżultati tagħha, jiġifieri miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju, skont l-Att dwar l-IA.

F’każ ta’ sistemi tal-IA ta’ riskju għoli kif definiti mill-Att dwar l-IA, l-Artikolu 4(4) jistabbilixxi eċċezzjoni mill-preżunzjoni tal-kawżalità, meta l-intimat juri li hemm biżżejjed evidenza u għarfien espert li huma raġonevolment aċċessibbli għar-rikorrent biex jagħti prova tar-rabta kawżali. Din il-possibbiltà tista’ tinċentiva lill-intimati biex jikkonformaw mal-obbligi ta’ divulgazzjoni tagħhom, mal-miżuri stabbiliti mill-Att dwar l-IA biex jiġi żgurat livell għoli ta’ trasparenza tal-IA jew mar-rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni u reġistrazzjoni.

Fil-każ ta’ sistemi tal-IA ta’ riskju mhux għoli, l-Artikolu 4(5) jistabbilixxi kundizzjoni għall-applikabbiltà tal-preżunzjoni tal-kawżalità, fejn din tal-aħħar hija soġġetta għall-qorti li tiddetermina li huwa eċċessivament diffiċli għar-rikorrent li jagħti prova tar-rabta kawżali. Diffikultajiet bħal dawn għandhom jiġu vvalutati fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ ċerti sistemi tal-IA, bħall-awtonomija u l-opaċità, li jagħmlu l-ispjegazzjoni tal-funzjonament intern tas-sistema tal-IA diffiċli ħafna fil-prattika, u jaffettwaw b’mod negattiv il-kapaċità tar-rikorrent li juri r-rabta kawżali bejn il-ħtija tal-intimat u l-output tal-IA.

F’każijiet fejn l-intimat juża s-sistema tal-AI matul attività personali mhux professjonali, l-Artikolu 4(6) jipprevedi li l-preżunzjoni tal-kawżalità għandha tapplika biss jekk l-intimat ikun interferixxa materjalment mal-kundizzjonijiet tal-operat tas-sistema tal-IA jew jekk l-intimat kien meħtieġ u seta’ jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-operat tas-sistema tal-IA u jkun naqas milli jagħmel dan. Din il-kundizzjoni hija ġġustifikata mill-ħtieġa li jiġu bbilanċjati l-interessi tal-persuni leżi u tal-utenti mhux professjonali, billi jiġu eżentati mill-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-kawżalità l-każijiet li fihom l-utenti mhux professjonali ma jżidux riskju permezz tal-imġiba tagħhom.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4(7) jipprevedi li l-intimat għandu d-dritt li jirribatti l-preżunzjoni tal-kawżalità bbażata fuq l-Artikolu 4(1).

Tali regoli effettivi dwar ir-responsabbiltà ċivili għandhom il-vantaġġ addizzjonali li jagħtu lil dawk kollha involuti f’attivitajiet relatati mas-sistemi tal-IA inċentiv addizzjonali biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom rigward l-imġiba mistennija tagħhom.

5.Evalwazzjoni u rieżami mmirat (l-Artikolu 5)

Diversi sistemi legali nazzjonali jipprevedu reġimi ta’ responsabbiltà stretta differenti. L-elementi għal tali reġim fil-livell tal-Unjoni ġew issuġġeriti wkoll mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu fuq inizjattiva proprja tal-20 ta’ Ottubru 2020, li tikkonsisti f’reġim ta’ responsabbiltà stretta limitat għal ċerti teknoloġiji bbażati fuq l-AI u oneru tal-provi ffaċilitat skont regoli ta’ responsabbiltà bbażati fuq il-ħtija. Il-konsultazzjonijiet pubbliċi enfasizzaw ukoll preferenza għal reġim bħal dan fost ir-rispondenti (ħlief għan-negozji mhux SMEs), kemm jekk flimkien ma’ assigurazzjoni obbligatorja kif ukoll jekk le.

Madankollu, il-proposta tqis id-differenzi bejn it-tradizzjonijiet legali nazzjonali u l-fatt li t-tip ta’ prodotti u servizzi mgħammra b’sistemi tal-IA li jistgħu jaffettwaw lill-pubbliku inġenerali u jpoġġu f’riskju drittijiet legali importanti, bħad-dritt għall-ħajja, is-saħħa u l-proprjetà, u għalhekk jistgħu jkunu soġġetti għal reġim ta’ responsabbiltà stretta, għadhom ma humiex disponibbli b’mod wiesa’ fis-suq.

Qiegħed jiġi stabbilit programm ta’ monitoraġġ biex jipprovdi lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar inċidenti li jinvolvu sistemi tal-IA. Ir-rieżami mmirat se jivvaluta jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali, bħall-introduzzjoni ta’ reġim ta’ responsabbiltà stretta u/jew assigurazzjoni obbligatorja.

6.Traspożizzjoni (l-Artikolu 7)

Meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll dokumenti ta’ spjegazzjoni li jagħtu informazzjoni u jiddikjaraw b’mod ċar u preċiż biżżejjed, għal kull dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva, id-dispożizzjoni(jiet) nazzjonali li tiżgura/jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha. Dan huwa meħtieġ biex il-Kummissjoni tkun tista’ tidentifika, għal kull dispożizzjoni tad-Direttiva li tirrikjedi t-traspożizzjoni, il-parti rilevanti tal-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni li joħolqu l-obbligu legali korrispondenti fl-ordni legali nazzjonali, tkun xi tkun il-forma magħżula mill-Istati Membri.



2022/0303 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-adattament tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali għall-intelliġenza artifiċjali
(Id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-IA)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 29 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 30 ,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Intelliġenza Artifiċjali (“IA”) hija sett ta’ teknoloġiji abilitanti li jista’ jikkontribwixxi għal firxa wiesgħa ta’ benefiċċji fl-ispettru kollu tal-ekonomija u tas-soċjetà. Għandha potenzjal kbir għall-progress teknoloġiku u tippermetti mudelli ġodda ta’ negozju f’ħafna setturi tal-ekonomija diġitali.

(2)Fl-istess ħin, skont iċ-ċirkostanzi tal-applikazzjoni u l-użu speċifiċi tagħha, l-IA tista’ tiġġenera riskji u tagħmel ħsara lil interessi u lil drittijiet li huma protetti mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali. Pereżempju, l-użu tal-IA jista’ jaffettwa b’mod negattiv għadd ta’ drittijiet fundamentali, inklużi l-ħajja, l-integrità fiżika u fir-rigward tan-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali. Ir-Regolament (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [l-Att dwar l-IA] 31 jipprevedi rekwiżiti maħsuba biex inaqqsu r-riskji għas-sikurezza u għad-drittijiet fundamentali, filwaqt li strumenti oħra tad-dritt tal-Unjoni jirregolaw ir-regoli ġenerali 32 u settorjali dwar is-sikurezza tal-prodotti applikabbli wkoll għall-prodotti tal-makkinarju 33 u għat-tagħmir tar-radju 34 li jużaw l-IA. Filwaqt li tali rekwiżiti maħsuba biex inaqqsu r-riskji għas-sikurezza u d-drittijiet fundamentali huma maħsuba biex jipprevjenu, jimmonitorjaw u jindirizzaw ir-riskji u b’hekk jindirizzaw it-tħassib tas-soċjetà, dawn ma jipprovdux serħan individwali lil dawk li sofrew dannu kkawżat mill-IA. Ir-rekwiżiti eżistenti jipprevedu b’mod partikolari awtorizzazzjonijiet, kontrolli, monitoraġġ u sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward tas-sistemi tal-IA sabiex jiġi evitat id-dannu. Dawn ma jipprevedux kumpens lill-persuna leża għad-dannu kkawżat minn output jew min-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ output minn sistema tal-IA.

(3)Meta persuna leża tfittex kumpens għal dannu mġarrab, ir-regoli ġenerali tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà bbażata fuq il-ħtija normalment jirrikjedu li dik il-persuna turi att jew ommissjoni negliġenti jew intenzjonalment dannuża (“ħtija”) mill-persuna potenzjalment responsabbli għal dak id-dannu, kif ukoll rabta kawżali bejn dik il-ħtija u d-dannu rilevanti. Madankollu, meta l-IA taġixxi bejn l-att jew l-ommissjoni ta’ persuna u d-dannu, il-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti sistemi tal-IA, bħall-opaċità, l-imġiba awtonoma u l-kumplessità, jistgħu jagħmluha diffiċli żżejjed, jekk mhux impossibbli, għall-persuna leża biex tissodisfa dan l-oneru tal-provi. B’mod partikolari, jista’ jkun diffiċli żżejjed biex jiġi ppruvat li input speċifiku li għalih hija responsabbli l-persuna potenzjalment responsabbli kien ikkawża output speċifiku tas-sistema tal-IA li wassal għad-dannu inkwistjoni.

(4)F’każijiet bħal dawn, il-livell ta’ rimedju mogħti mir-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili jista’ jkun aktar baxx milli f’każijiet li fihom jkunu involuti teknoloġiji li ma fihomx IA fl-ikkaġunar tad-dannu. Tali lakuni fil-kumpens jistgħu jikkontribwixxu għal livell aktar baxx ta’ aċċettazzjoni soċjetali tal-IA u fiduċja fil-prodotti u s-servizzi li jużaw l-IA.

(5)Sabiex jinkisbu l-benefiċċji ekonomiċi u soċjetali tal-IA u tiġi promossa t-tranżizzjoni għall-ekonomija diġitali, huwa meħtieġ li jiġu adattati b’mod immirat ċerti regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili għal dawk il-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti sistemi tal-IA. Tali adattamenti jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-fiduċja tas-soċjetà u tal-konsumatur u b’hekk jippromwovu l-introduzzjoni tal-IA. Tali adattamenti jenħtieġ li jżommu wkoll il-fiduċja fis-sistema ġudizzjarja, billi jiżguraw li l-vittmi ta’ dannu kkawżat bl-involviment tal-IA jkollhom l-istess kumpens effettiv bħall-vittmi ta’ dannu kkawżat minn teknoloġiji oħrajn.

(6)Il-partijiet ikkonċernati interessati – il-persuni leżi li jsofru dannu, il-persuni potenzjalment responsabbli, l-assiguraturi – iħabbtu wiċċhom ma’ inċertezza legali dwar kif il-qrati nazzjonali, meta jiffaċċjaw l-isfidi speċifiċi marbuta mal-IA, jistgħu japplikaw ir-regoli eżistenti dwar ir-responsabbiltà f’każijiet individwali sabiex jiksbu riżultati ġusti. Fin-nuqqas ta’ azzjoni tal-Unjoni, tal-inqas xi Stati Membri x’aktarx li jadattaw ir-regoli tagħhom dwar ir-responsabbiltà ċivili biex jindirizzaw id-diskrepanzi fil-kumpens u l-inċertezza legali marbuta mal-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti sistemi tal-IA. Dan joħloq frammentazzjoni legali u ostakli għas-suq intern għan-negozji li jiżviluppaw jew jipprovdu prodotti jew servizzi innovattivi li jużaw l-IA. L-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju jkunu affettwati b’mod partikolari.

(7)L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li tikkontribwixxi għall-funzjonament xieraq tas-suq intern billi tarmonizza ċerti regoli nazzjonali ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali bbażata fuq ħtija, sabiex jiġi żgurat li l-persuni li jitolbu kumpens għal dannu kkawżat lilhom minn sistema tal-IA jgawdu minn livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak li jgawdu minnu l-persuni li jitolbu kumpens għal dannu kkawżat mingħajr l-involviment ta’ sistema tal-IA. Dan l-objettiv ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li l-ostakli rilevanti tas-suq intern huma marbuta mar-riskju ta’ miżuri regolatorji unilaterali u frammentati fil-livell nazzjonali. Minħabba n-natura diġitali tal-prodotti u tas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, din tal-aħħar hija partikolarment rilevanti f’kuntest transfruntier.

(8)L-objettiv li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u li jiġu evitati lakuni fil-kumpens f’każijiet li fihom huma involuti s-sistemi tal-IA jista’ għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(9)Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu armonizzati b’mod immirat aspetti speċifiċi tar-regoli dwar ir-responsabbiltà bbażata fuq il-ħtija fil-livell tal-Unjoni. Tali armonizzazzjoni jenħtieġ li żżid iċ-ċertezza legali u toħloq kundizzjonijiet ekwi għas-sistemi tal-IA, u b’hekk ittejjeb il-funzjonament tas-suq intern fir-rigward tal-produzzjoni u tat-tixrid ta’ prodotti u servizzi li jużaw l-IA.

(10)Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità, huwa xieraq li jiġu armonizzati b’mod immirat biss dawk ir-regoli dwar ir-responsabbiltà bbażata fuq il-ħtija li jirregolaw l-oneru tal-provi għall-persuni li jitolbu kumpens għad-dannu kkawżat mis-sistemi tal-IA. Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tarmonizzax l-aspetti ġenerali tar-responsabbiltà ċivili li huma regolati b’modi differenti mir-regoli nazzjonali dwar ir-responsabbiltà ċivili, bħad-definizzjoni ta’ ħtija jew kawżalità, it-tipi differenti ta’ dannu li jwasslu għal talbiet għad-danni, id-distribuzzjoni tar-responsabbiltà fuq diversi awturi ta' atti delittwali, l-imġiba kontributorja, il-kalkolu tad-danni jew tal-perjodi ta’ limitazzjoni.

(11)Il-liġijiet tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà tal-produtturi għad-danni kkawżati mid-difetti tal-prodotti tagħhom diġà huma armonizzati fil-livell tal-Unjoni bid-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE 35 . Madankollu, dawk il-liġijiet ma jaffettwawx ir-regoli tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà kuntrattwali jew mhux kuntrattwali, bħall-garanzija, ħtija jew responsabbiltà stretta, abbażi ta’ raġunijiet oħrajn għajr id-difett tal-prodott. Filwaqt li fl-istess ħin ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tfittex li tiċċara u tiżgura li l-persuna leża tkun tista’ titlob kumpens għad-danni kkawżati minn prodotti difettużi li jużaw l-IA, jenħtieġ għalhekk li jiġi ċċarat li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva ma jaffettwaw l-ebda dritt li persuna leża jista’ jkollha skont ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 85/374/KEE. Barra minn hekk, fil-qasam tat-trasport, id-dritt tal-Unjoni li jirregola r-responsabbiltà tal-operaturi tat-trasport jenħtieġ li jiġix affettwat minn din id-Direttiva.

(12)[L-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) 36 ] jarmonizza bis-sħiħ ir-regoli applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi intermedjarji fis-suq intern, li jkopru r-riskji tas-soċjetà li jirriżultaw mis-servizzi offruti minn dawk il-fornituri, inkluż fir-rigward tas-sistemi tal-AI li jużaw. Din id-Direttiva ma taffettwax id-dispożizzjonijiet tal-[Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA)] li jipprovdu qafas komprensiv u kompletament armonizzat għall-obbligi ta’ diliġenza dovuta għat-teħid ta’ deċiżjonijiet algoritmiku mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, inkluża l-eżenzjoni mir-responsabbiltà għat-tixrid ta’ kontenut illegali mtella’ mir-riċevituri tas-servizzi tagħhom fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.

(13)Minbarra fir-rigward tal-preżunzjonijiet li tistabbilixxi, din id-Direttiva ma tarmonizzax il-liġijiet nazzjonali dwar liema parti għandha l-oneru tal-provi jew liema grad ta’ ċertezza huwa meħtieġ fir-rigward tal-istandard ta’ prova. 

(14)Din id-Direttiva jenħtieġ li ssegwi approċċ ta’ armonizzazzjoni minima. Tali approċċ jippermetti lir-rikorrenti f’każijiet ta’ dannu kkawżat mis-sistemi tal-IA sabiex jinvokaw regoli aktar favorevoli tal-liġi nazzjonali. Għalhekk, il-liġijiet nazzjonali jistgħu, pereżempju, iżommu l-inverżjonijiet tal-oneru tal-provi taħt reġimi nazzjonali bbażati fuq il-ħtija, jew reġimi nazzjonali ta’ responsabbiltà indipendenti mill-ħtija (imsejħa “responsabbiltà stretta”) li minnhom diġà hemm varjetà kbira fil-liġijiet nazzjonali, li possibbilment japplikaw għal dannu kkawżat mis-sistemi tal-IA.

(15)Jenħtieġ li tiġi żgurata wkoll il-konsistenza mal-[Att dwar l-IA]. Għalhekk huwa xieraq li din id-Direttiva tuża l-istess definizzjonijiet fir-rigward tas-sistemi tal-IA, tal-fornituri u tal-utenti. Barra minn hekk, din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri biss it-talbiet għad-danni meta d-dannu jkun ikkawżat minn output jew min-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ output minn sistema tal-IA permezz tal-ħtija ta’ persuna, pereżempju l-fornitur jew l-utent skont [l-Att dwar l-IA]. Ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġu koperti t-talbiet dwar responsabbiltà meta d-dannu jkun ikkawżat minn valutazzjoni umana segwita minn att jew ommissjoni ta’ bniedem, filwaqt li s-sistema tal-IA pprovdiet biss informazzjoni jew parir li jkun tqies mill-attur uman rilevanti. F’dan l-aħħar każ, huwa possibbli li jiġi rintraċċat id-dannu għal att jew ommissjoni ta’ bniedem, peress li ma hemmx intervent mill-output tas-sistema tal-IA bejn l-att jew l-ommissjoni tal-bniedem u d-dannu, u b’hekk l-istabbiliment tal-kawżalità ma huwiex aktar diffiċli milli f’sitwazzjonijiet fejn sistema tal-IA ma tkunx involuta.

(16)L-aċċess għal informazzjoni dwar sistemi tal-IA speċifiċi ta’ riskju għoli li jkunu ssuspettati li kkawżaw dannu huwa fattur importanti biex jiġi aċċertat jekk għandhiex issir talba għal kumpens u biex jiġu ssostanzjati t-talbiet għal kumpens. Barra minn hekk, għas-sistemi tal-IA ta’ riskju għoli, [l-Att dwar l-IA] jipprevedi dokumentazzjoni speċifika, rekwiżiti ta’ informazzjoni u ta’ lloggjar, iżda ma jipprovdix dritt lill-persuna leża biex taċċessa dik l-informazzjoni. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli biex dawk li jkollhom għad-dispożizzjoni l-evidenza rilevanti jiddivulgawha, għall-finijiet li tiġi stabbilita r-responsabbiltà. Dan jenħtieġ li jipprovdi wkoll inċentiv addizzjonali biex ikun hemm konformità mar-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-[Att dwar l-IA] biex tiġi ddokumentata jew irreġistrata l-informazzjoni rilevanti.

(17)L-għadd kbir ta’ persuni li normalment ikunu involuti fit-tfassil, fl-iżvilupp, fl-użu u fl-operat ta’ sistemi tal-IA ta’ riskju għoli, jagħmilha diffiċli għall-persuni leżi biex jidentifikaw il-persuna potenzjalment responsabbli għad-dannu kkawżat u biex jagħtu prova tal-kundizzjonijiet għal talba għad-danni. Sabiex il-persuni leżi jitħallew jaċċertaw jekk talba għad-danni hijiex fondata sew, huwa xieraq li r-rikorrenti potenzjali jingħataw id-dritt li jitolbu lil qorti tordna d-divulgazzjoni tal-evidenza rilevanti qabel ma jippreżentaw talba għad-danni. Tali divulgazzjoni jenħtieġ li tiġi ordnata biss meta r-rikorrent potenzjali jippreżenta fatti u informazzjoni suffiċjenti biex jappoġġaw il-plawżibbiltà ta’ talba għad-danni u jkun għamel talba minn qabel lill-fornitur, lill-persuna soġġetta għall-obbligi ta’ fornitur jew lill-utent biex tiddivulga tali evidenza għad-dispożizzjoni tiegħu dwar sistemi tal-IA speċifiċi ta’ riskju għoli li huma ssuspettati li kkawżaw dannu, liema talba tkun ġiet miċħuda. L-ordni ta’ divulgazzjoni jenħtieġ li twassal għal tnaqqis ta’ litigazzjoni bla bżonn u tevita l-kostijiet għall-partijiet fil-kawża possibbli kkawżati minn talbiet li ma jkunux ġustifikati jew li x’aktarx ma jintlaqgħux. Ir-rifjut tal-fornitur, tal-persuna soġġetta għall-obbligi ta’ fornitur jew tal-utent qabel it-talba lill-qorti biex tiddivulga l-evidenza jenħtieġ li ma jwassalx għall-preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dmirijiet rilevanti ta’ diliġenza mill-persuna li tirrifjuta tali divulgazzjoni.

(18)Il-limitazzjoni tad-divulgazzjoni tal-evidenza fir-rigward tas-sistemi tal-IA ta’ riskju għoli hija konsistenti mal-[Att dwar l-IA], li jipprovdi ċerti dokumentazzjoni speċifika, żamma tar-rekords u obbligi ta’ informazzjoni għall-operaturi involuti fit-tfassil, fl-iżvilupp u fl-użu ta’ sistemi tal-IA ta’ riskju għoli. Tali konsistenza tiżgura wkoll il-proporzjonalità meħtieġa billi jiġi evitat li l-operaturi ta’ sistemi tal-IA li joħolqu riskju aktar baxx jew li ma joħolqu l-ebda riskju jkunu mistennija jiddokumentaw informazzjoni għal livell simili għal dak meħtieġ għal sistemi tal-IA ta’ riskju għoli skont [l-Att dwar l-IA].

(19)Il-qrati nazzjonali jenħtieġ li jkunu jistgħu, matul il-proċedimenti ċivili, jordnaw id-divulgazzjoni jew il-preservazzjoni tal-evidenza rilevanti relatata mad-dannu kkawżat minn sistemi tal-IA ta’ riskju għoli minn persuni li diġà huma obbligati li jiddokumentaw jew jirreġistraw informazzjoni skont [l-Att dwar l-IA], kemm jekk ikunu fornituri, persuni taħt l-istess obbligi bħall-fornituri, jew l-utenti ta’ sistema tal-IA, jew bħala intimati jew partijiet terzi għat-talba. Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom l-evidenza rilevanti għall-każ tinżamm minn entitajiet li ma jkunux partijiet għat-talba għad-danni iżda li jkunu taħt obbligu li jiddokumentaw jew jirreġistraw tali evidenza skont [l-Att dwar l-IA]. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġu previsti l-kundizzjonijiet li taħthom tali partijiet terzi għat-talba jistgħu jiġu ordnati jiddivulgaw l-evidenza rilevanti.

(20)Sabiex jinżamm il-bilanċ bejn l-interessi tal-partijiet involuti fit-talba għad-danni u ta’ partijiet terzi kkonċernati, il-qrati jenħtieġ li jordnaw id-divulgazzjoni tal-evidenza biss meta dan ikun meħtieġ u proporzjonat biex tiġi appoġġata t-talba jew it-talba potenzjali għad-danni. F’dan ir-rigward, id-divulgazzjoni jenħtieġ li tikkonċerna biss evidenza li hija meħtieġa għal deċiżjoni dwar it-talba rispettiva għad-danni, pereżempju l-partijiet tar-rekords jew tas-settijiet tad-data rilevanti biss meħtieġa biex jagħtu prova tan-nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżit stabbilit mill-[Att dwar l-IA]. Sabiex tiġi żgurata l-proporzjonalità ta’ tali miżuri ta’ divulgazzjoni jew ta’ preservazzjoni, il-qrati nazzjonali jenħtieġ li jkollhom mezzi effettivi biex jissalvagwardjaw l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha involuti, pereżempju l-protezzjoni tas-sigrieti tal-mestier skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 u tal-informazzjoni kunfidenzjali, bħal informazzjoni marbuta mas-sigurtà pubblika jew nazzjonali. Fir-rigward tas-sigrieti tal-mestier jew tal-allegati sigrieti tal-mestier li l-qorti tkun identifikat bħala kunfidenzjali skont it-tifsira tad-Direttiva (UE) 2016/943, il-qrati nazzjonali jenħtieġ li jingħataw is-setgħa li jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tas-sigrieti tal-mestier matul u wara l-proċedimenti, filwaqt li jinkiseb bilanċ ġust u proporzjonat bejn l-interess tad-detentur ta’ sigriet tal-mestier fiż-żamma tas-segretezza u l-interess tal-persuna leża. Dan jenħtieġ li jinkludi miżuri biex jiġi ristrett l-aċċess għal dokumenti li jkun fihom sigrieti tal-mestier u l-aċċess għal seduti jew dokumenti u traskrizzjonijiet tagħhom għal għadd limitat ta’ persuni. Meta jiddeċiedu dwar tali miżuri, il-qrati nazzjonali jenħtieġ li jqisu l-ħtieġa li jiżguraw id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, l-interessi leġittimi tal-partijiet u, fejn xieraq, ta’ partijiet terzi, u kwalunkwe ħsara potenzjali lil kwalunkwe parti, jew, fejn xieraq, lil partijiet terzi, li tirriżulta mill-approvazzjoni jew miċ-ċaħda ta’ tali miżuri. Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni proporzjonata ta’ miżura ta’ divulgazzjoni fil-konfront ta’ partijiet terzi f’talbiet għad-danni, il-qrati nazzjonali jenħtieġ li jordnaw id-divulgazzjoni minn partijiet terzi biss jekk l-evidenza ma tkunx tista’ tinkiseb mill-intimat.

(21)Filwaqt li l-qrati nazzjonali għandhom il-mezzi biex jinfurzaw l-ordnijiet tagħhom għad-divulgazzjoni permezz ta’ diversi miżuri, kwalunkwe tali miżura ta’ infurzar tista’ ddewwem it-talbiet għad-danni u b’hekk potenzjalment toħloq kostijiet addizzjonali għall-partijiet fil-kawża. Għall-persuni leżi, tali dewmien u spejjeż addizzjonali jistgħu jagħmlu r-rikors tagħhom għal rimedju ġudizzjarju effettiv aktar diffiċli. Għalhekk, meta intimat f’talba għad-danni jonqos milli jiddivulga evidenza għad-dispożizzjoni tiegħu ordnata minn qorti, huwa xieraq li tiġi stabbilita preżunzjoni ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawk id-dmirijiet ta’ diliġenza li dik l-evidenza kienet maħsuba li tagħti prova tagħhom. Din il-preżunzjoni konfutabbli se tnaqqas it-tul ta’ żmien tal-litigazzjoni u tiffaċilita proċedimenti tal-qorti aktar effiċjenti. L-intimat jenħtieġ li jkun jista’ jirribatti dik il-preżunzjoni billi jippreżenta evidenza li turi bil-kontra.

(22)Sabiex jiġu indirizzati d-diffikultajiet biex jiġi ppruvat li input speċifiku li għalih hija responsabbli l-persuna potenzjalment responsabbli kien ikkawża output speċifiku tas-sistema tal-IA li wassal għad-dannu inkwistjoni, huwa xieraq li tiġi pprovduta, taħt ċerti kundizzjonijiet, preżunzjoni ta’ kawżalità. Filwaqt li f’talba bbażata fuq il-ħtija, ir-rikorrent normalment ikollu jagħti evidenza tad-dannu, l-att jew l-ommissjoni ta’ bniedem li tikkostitwixxi ħtija tal-intimat u r-rabta ta’ kawżalità bejn dawn it-tnejn, din id-Direttiva ma tarmonizzax il-kundizzjonijiet skont liema l-qorti nazzjonali tistabbilixxi l-ħtija. Dawn jibqgħu rregolati mid-dritt nazzjonali applikabbli u, meta armonizzati, mid-dritt applikabbli tal-Unjoni. Bl-istess mod, din id-Direttiva ma tarmonizzax il-kundizzjonijiet relatati mad-dannu, pereżempju x’danni jistgħu jiġu kkumpensati, li huma rregolati wkoll md-dritt nazzjonali u tal-Unjoni applikabbli. Sabiex tiġi applikata l-preżunzjoni tal-kawżalità skont din id-Direttiva, il-ħtija tal-intimat jenħtieġ li tiġi stabbilita bħala att jew ommissjoni ta’ bniedem li ma tissodisfax dmir ta’ diliġenza skont id-dritt tal-Unjoni jew id-dritt nazzjonali li tkun maħsuba direttament biex tipproteġi mid-dannu li jkun seħħ. Għalhekk, din il-preżunzjoni tista’ tapplika, pereżempju, f’talba għad-danni għal dannu fiżiku meta l-qorti tistabbilixxi l-ħtija tal-intimat għan-nuqqas ta’ konformità mal-istruzzjonijiet tal-użu li huma maħsuba biex jipprevjenu dannu lil persuni fiżiċi. In-nuqqas ta’ konformità mad-dmirijiet ta’ diliġenza li ma kinux direttament maħsuba biex jipproteġu kontra d-dannu li seħħ ma jwassalx għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni, pereżempju n-nuqqas ta’ fornitur li jiddepożita d-dokumentazzjoni meħtieġa għand l-awtoritajiet kompetenti ma jwassalx għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni fit-talbiet għad-danni minħabba dannu fiżiku. Jenħtieġ li jkun meħtieġ ukoll li jiġi stabbilit li jista’ jitqies raġonevolment probabbli, abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-ħtija influwenzat l-output prodott mis-sistema tal-IA jew in-nuqqas tas-sistema tal-IA li tipproduċi output. Fl-aħħar nett, ir-rikorrent xorta jenħtieġ li jkun meħtieġ juri li l-output jew in-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ output wassal għad-dannu.

(23)Tali ħtija tista’ tiġi stabbilita fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-Unjoni li jirregolaw speċifikament sistemi tal-IA ta’ riskju għoli bħar-rekwiżiti introdotti għal ċerti sistemi tal-IA ta’ riskju għoli minn [l-Att dwar l-IA], rekwiżiti li jistgħu jiġu introdotti minn leġiżlazzjoni settorjali futura għal sistemi oħrajn tal-IA ta’ riskju għoli skont [l-Artikolu 2(2) tal-Att dwar l-IA], jew dmirijiet ta’ diliġenza li huma marbuta ma’ ċerti attivitajiet u li huma applikabbli irrispettivament minn jekk l-IA tintużax għal dik l-attività. Fl-istess ħin, din id-Direttiva la toħloq u lanqas tarmonizza r-rekwiżiti jew ir-responsabbiltà tal-entitajiet li l-attività tagħhom hija regolata skont dawk l-atti legali, u għalhekk ma toħloqx talbiet ġodda dwar responsabbiltà. L-istabbiliment ta’ ksur ta’ tali rekwiżit li jirrappreżenta ħtija se jsir skont id-dispożizzjonijiet ta’ dawk ir-regoli applikabbli tad-Dritt tal-Unjoni, peress li din id-Direttiva la tintroduċi rekwiżiti ġodda u lanqas taffettwa r-rekwiżiti eżistenti. Pereżempju, l-eżenzjoni tar-responsabbiltà għall-fornituri ta’ servizzi intermedjarji u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta li huma soġġetti għalihom skont [l-Att dwar is-Servizzi Diġitali] ma humiex affettwati minn din id-Direttiva. Bl-istess mod, il-konformità mar-rekwiżiti imposti fuq il-pjattaformi online biex tiġi evitata komunikazzjoni mhux awtorizzata lill-pubbliku ta’ xogħlijiet protetti bid-drittijiet tal-awtur trid tiġi stabbilita skont id-Direttiva (UE) 2019/790 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u liġi rilevanti oħra tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur. 

(24)F’oqsma mhux armonizzati mid-dritt tal-Unjoni, il-liġi nazzjonali tkompli tapplika u l-ħtija hija stabbilita skont il-liġi nazzjonali applikabbli. Ir-reġimi nazzjonali kollha ta’ responsabbiltà għandhom dmirijiet ta’ diliġenza, filwaqt li jqisu bħala standard ta’ kondotta espressjonijiet differenti tal-prinċipju kif persuna raġonevoli jenħtieġ li taġixxi, li jiżguraw ukoll l-operat sikur tas-sistemi tal-IA sabiex jiġi prevenut dannu lill-interessi legali rikonoxxuti. Tali dmirijiet ta’ diliġenza jistgħu pereżempju jirrikjedu li l-utenti tas-sistemi tal-IA jagħżlu għal ċerti kompiti sistema partikolari tal-IA b’karatteristiċi konkreti jew jeskludu ċerti segmenti ta’ popolazzjoni milli jkunu esposti għal sistema partikolari tal-IA. Il-liġi nazzjonali tista’ tintroduċi wkoll obbligi speċifiċi maħsuba biex jipprevjenu riskji għal ċerti attivitajiet, li huma applikabbli irrispettivament minn jekk l-IA tintużax għal dik l-attività, pereżempju regoli tat-traffiku jew obbligi mfassla speċifikament għas-sistemi tal-IA, bħal rekwiżiti nazzjonali addizzjonali għall-utenti ta’ sistemi tal-IA ta’ riskju għoli skont l-Artikolu 29(2) tal-[Att dwar l-IA]. Din id-Direttiva la tintroduċi dawn ir-rekwiżiti u lanqas ma taffettwa l-kundizzjonijiet biex tiġi stabbilita ħtija f’każ ta’ ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti.

(25)Anke meta tiġi stabbilita ħtija li tikkonsisti f’nuqqas ta’ konformità ma’ dmir ta’ diliġenza maħsub speċifikament biex jipproteġi kontra d-dannu li jkun seħħ, mhux kull ħtija jenħtieġ li twassal għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni konfutabbli li torbotha mal-output tal-IA. Tali preżunzjoni jenħtieġ li tapplika biss meta jkun jista’ jitqies raġonevolment probabbli, miċ-ċirkostanzi li fihom seħħ id-dannu, li tali ħtija influwenzat l-output prodott mis-sistema tal-IA jew in-nuqqas tas-sistema tal-IA li tipproduċi output li wassal għad-dannu. Pereżempju, jista’ jitqies raġonevolment probabbli li l-ħtija influwenzat l-output jew in-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ output, meta dik il-ħtija tikkonsisti fil-ksur ta’ dmir ta’ diliġenza fir-rigward tal-limitazzjoni tal-perimetru tal-operat tas-sistema tal-IA u d-dannu jkun seħħ barra mill-perimetru tal-operazzjoni. Għall-kuntrarju, ksur ta’ rekwiżit ta’ depożitar ta’ ċerti dokumenti jew ta’ reġistrazzjoni għand awtorità partikolari, anke jekk dan jista’ jkun previst għal dik l-attività partikolari jew anke jkun applikabbli b’mod espliċitu għall-operat ta’ sistema tal-IA, ma jistax jitqies bħala raġonevolment probabbli li jkun influwenza l-output prodott mis-sistema tal-IA jew in-nuqqas tas-sistema tal-IA li tipproduċi output.

(26)Din id-Direttiva tkopri l-ħtija li tikkostitwixxi nuqqas ta’ konformità ma’ ċerti rekwiżiti elenkati stabbiliti fil-Kapitoli 2 u 3 tal-[Att dwar l-IA] għall-fornituri u għall-utenti ta’ sistemi tal-IA ta’ riskju għoli, li n-nuqqas ta’ konformità magħhom jista’ jwassal, taħt ċerti kundizzjonijiet, għal preżunzjoni ta’ kawżalità. L-Att dwar l-IA jipprevedi armonizzazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti għas-sistemi tal-IA, sakemm ma jkunx stabbilit espliċitament mod ieħor fih. L-att jarmonizza r-rekwiżiti speċifiċi għas-sistemi tal-IA ta’ riskju għoli. Għalhekk, għall-finijiet ta’ talbiet għad-danni li fihom tiġi applikata preżunzjoni ta’ kawżalità skont din id-Direttiva, il-ħtija potenzjali tal-fornituri jew tal-persuni soġġetti għall-obbligi ta’ fornitur skont [l-Att dwar l-IA] tiġi stabbilita biss permezz ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ tali rekwiżiti. Minħabba li fil-prattika jista’ jkun diffiċli għar-rikorrent li juri tali nuqqas ta’ konformità meta l-intimat ikun fornitur tas-sistema tal-IA, u b’konsistenza sħiħa mal-loġika tal-[Att dwar l-IA], din id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi wkoll li l-passi meħuda mill-fornitur fi ħdan is-sistema tal-ġestjoni tar-riskju u r-riżultati tas-sistema tal-ġestjoni tar-riskju, jiġifieri d-deċiżjoni li jiġu adottati jew li ma jiġux adottati ċerti miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju, jenħtieġ li jitqiesu fid-determinazzjoni ta’ jekk il-fornitur ikunx ikkonforma mar-rekwiżiti rilevanti skont l-Att dwar l-IA msemmi f’din id-Direttiva. Is-sistema ta’ ġestjoni tar-riskju stabbilita mill-fornitur skont [l-Att dwar l-IA] hija proċess iterattiv kontinwu matul iċ-ċiklu tal-ħajja tas-sistema tal-IA ta’ riskju għoli, fejn il-fornitur jiżgura l-konformità mar-rekwiżiti obbligatorji maħsuba biex jimmitigaw ir-riskji u jista’, għalhekk, ikun element utli għall-fini tal-valutazzjoni ta’ din il-konformità. Din id-Direttiva tkopri wkoll il-każijiet ta’ ħtija tal-utenti, meta din il-ħtija tkun tikkonsisti f’nuqqas ta’ konformità ma’ ċerti rekwiżiti speċifiċi stabbiliti mill-[Att dwar l-IA]. Barra minn hekk, il-ħtija tal-utenti ta’ sistemi tal-IA ta’ riskju għoli tista’ tiġi stabbilita wara nuqqas ta’ konformità ma’ dmirijiet oħra ta’ diliġenza stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali, fid-dawl tal-Artikolu 29(2) tal-[Att dwar l-IA].

(27)Filwaqt li l-karatteristiċi speċifiċi ta’ ċerti sistemi tal-IA, bħall-awtonomija u l-opaċità, jistgħu jagħmluha diffiċli żżejjed għar-rikorrent biex jissodisfa l-oneru tal-provi, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn tali diffikultajiet ma jkunux jeżistu minħabba li jista’ jkun hemm biżżejjed evidenza u għarfien espert disponibbli għall-ilmentatur biex jagħti prova tar-rabta kawżali. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, fir-rigward ta’ sistemi tal-IA ta’ riskju għoli li fihom ir-rikorrent jista’ raġonevolment jaċċessa evidenza u għarfien espert suffiċjenti permezz ta’ dokumentazzjoni u rekwiżiti ta’ lloggjar skont [l-Att dwar l-IA]. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-qorti jenħtieġ li ma tapplikax il-preżunzjoni.

(28)Il-preżunzjoni tal-kawżalità tista’ tapplika wkoll għal sistemi tal-IA li ma humiex sistemi tal-IA ta’ riskju għoli minħabba li jista’ jkun hemm diffikultajiet eċċessivi ta’ prova għar-rikorrent. Pereżempju, tali diffikultajiet jistgħu jiġu vvalutati fid-dawl tal-karatteristiċi ta’ ċerti sistemi tal-IA, bħall-awtonomija u l-opaċità, li jagħmel l-ispjegazzjoni tal-funzjonament intern tas-sistema tal-IA diffiċli ħafna fil-prattika, u jaffettwa b’mod negattiv il-kapaċità tar-rikorrent li jagħti prova tar-rabta kawżali bejn il-ħtija tal-intimat u l-output tal-IA. Qorti nazzjonali jenħtieġ li tapplika l-preżunzjoni fejn ir-rikorrent ikun jinsab f’pożizzjoni diffiċli żżejjed biex jagħti prova tal-kawżalità, peress li huwa meħtieġ li jiġi spjegat kif is-sistema tal-IA kienet immexxija mill-att jew mill-ommissjoni ta’ bniedem li tikkostitwixxi ħtija, biex jiġi prodott l-output jew in-nuqqas ta’ produzzjoni ta’ output li wassal għad-dannu. Madankollu, ir-rikorrent la jenħtieġ li jkun meħtieġ jispjega l-karatteristiċi tas-sistema tal-IA kkonċernata u lanqas kif dawn il-karatteristiċi jagħmluha aktar diffiċli li tiġi stabbilita r-rabta kawżali.

(29)L-applikazzjoni tal-preżunzjoni tal-kawżalità hija maħsuba biex tiżgura li l-persuna leża jkollha livell simili ta’ protezzjoni bħal dak f’sitwazzjonijiet fejn ma tkunx involuta l-IA u fejn għalhekk il-kawżalità tista’ tkun aktar faċli biex tiġi ppruvata. Madankollu, it-tnaqqis tal-oneru tal-provi tal-kawżalità mhux dejjem ikun xieraq skont din id-Direttiva meta l-intimat ma jkunx utent professjonali iżda pjuttost persuna li tuża s-sistema tal-IA għall-attivitajiet privati tagħha. F’ċirkostanzi bħal dawn, sabiex jiġu bbilanċjati l-interessi bejn il-persuna leża u l-utent mhux professjonali, jeħtieġ li jitqies jekk tali utenti mhux professjonali jistgħux iżidu mar-riskju li sistema tal-IA tikkawża dannu permezz tal-imġiba tagħhom. Jekk il-fornitur ta’ sistema tal-IA jkun ikkonforma mal-obbligi kollha tiegħu u, b’konsegwenza ta’ dan, dik is-sistema tqieset bħala sikura biżżejjed biex titqiegħed fis-suq għal użu partikolari minn utenti mhux professjonali u mbagħad tintuża għal dak il-kompitu, jenħtieġ li ma tapplikax preżunzjoni ta’ kawżalità għat-tnedija sempliċi tal-operat ta’ tali sistema minn tali utenti mhux professjonali. Utent mhux professjonali li jixtri sistema tal-IA u sempliċement iniediha skont l-iskop tagħha, mingħajr ma jinterferixxi materjalment mal-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet, jenħtieġ li ma jkunx kopert mill-preżunzjoni tal-kawżalità stabbilita minn din id-Direttiva. Madankollu, jekk qorti nazzjonali tiddetermina li utent mhux professjonali interferixxa materjalment mal-kundizzjonijiet tal-operat ta’ sistema tal-IA jew kien meħtieġ u kapaċi jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-operat tas-sistema tal-IA u naqas milli jagħmel dan, imbagħad jenħtieġ li tapplika l-preżunzjoni tal-kawżalità, fejn jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, meta l-utent mhux professjonali ma jikkonformax mal-istruzzjonijiet dwar l-użu jew ma’ dmirijiet oħra ta’ diliġenza applikabbli meta jagħżel l-ambitu tal-operat jew meta jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-prestazzjoni tas-sistema tal-IA. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-fornitur jenħtieġ li jiddetermina l-iskop maħsub ta’ sistema tal-IA, inkluż il-kuntest speċifiku u l-kundizzjonijiet tal-użu, u jelimina jew jimminimizza r-riskji ta’ dik is-sistema kif xieraq meta tkun qed tiġi ddisinjata u żviluppata s-sistema, filwaqt li jitqiesu l-għarfien u l-għarfien espert tal-utent maħsub.

(30)Peress li din id-Direttiva tintroduċi preżunzjoni konfutabbli, l-intimat jenħtieġ li jkun jista’ jirribatti, b’mod partikolari billi juri li l-ħtija tiegħu ma setgħetx ikkawżat id-dannu.

(31)Huwa meħtieġ li jiġi previst rieżami ta’ din id-Direttiva [ħames snin] wara t-tmiem tal-perjodu tat-traspożizzjoni. B’mod partikolari, jenħtieġ li dak ir-rieżami jeżamina jekk hemmx bżonn li jinħolqu regoli ta’ responsabbiltà stretta għal talbiet kontra l-operatur, sakemm ma jkunux diġà koperti minn regoli oħra tal-Unjoni dwar ir-responsabbiltà b’mod partikolari d-Direttiva 85/374/KEE, flimkien ma’ assigurazzjoni obbligatorja għall-operat ta’ ċerti sistemi tal-IA, kif issuġġerit mill-Parlament Ewropew 38 . F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, huwa xieraq li tiġi vvalutata tali ħtieġa fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u regolatorji rilevanti fis-snin li ġejjin, filwaqt li jitqiesu l-effett u l-impatt fuq l-introduzzjoni u l-użu tas-sistemi tal-IA, speċjalment għall-SMEs. Tali rieżami jenħtieġ li jqis, fost l-oħrajn, ir-riskji li jinvolvu dannu għall-valuri legali importanti bħall-ħajja, is-saħħa u l-proprjetà ta’ partijiet terzi li jiġu involuti għall-għarrieda permezz tal-operat ta’ prodotti jew servizzi li jużaw l-IA. Dak ir-rieżami jenħtieġ li janalizza wkoll l-effettività tal-miżuri previsti f’din id-Direttiva fit-trattament ta’ tali riskji, kif ukoll l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet xierqa mis-suq tal-assigurazzjoni. Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq ta’ tali rieżami, huwa meħtieġ li tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa li tkopri l-kwistjonijiet rilevanti.

(32)Minħabba l-ħtieġa li jsiru adattamenti għar-responsabbiltà ċivili nazzjonali u għar-regoli proċedurali biex titrawwem l-introduzzjoni ta’ prodotti u servizzi li jużaw l-IA taħt kundizzjonijiet tas-suq intern ta’ benefiċċju, l-aċċettazzjoni tas-soċjetà u l-fiduċja tal-konsumatur fit-teknoloġija tal-IA u fis-sistema tal-ġustizzja, huwa xieraq li tiġi stabbilita skadenza ta’ mhux aktar tard minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ] ta’ din id-Direttiva għall-Istati Membri biex jadottaw il-miżuri ta’ traspożizzjoni meħtieġa.

(33)F'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 39 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jżidu man-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom, f’każijiet ġustifikati, dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar:

(a)id-divulgazzjoni ta’ evidenza dwar sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali (IA) ta’ riskju għoli biex ir-rikorrent ikun jista’ jissostanzja talba għad-danni skont id-dritt ċivili mhux kuntrattwali bbażata fuq ħtija ;

(b)l-oneru tal-provi fil-każ ta’ talbiet skont id-dritt ċivili mhux kuntrattwali bbażati fuq il-ħtija mressqa quddiem il-qrati nazzjonali għad-danni kkawżati minn sistema tal-IA.

2.Din id-Direttiva tapplika għal talbiet għad-danni skont id-dritt ċivili mhux kuntrattwali bbażati fuq il-ħtija, f’każijiet li fihom id-dannu kkawżat minn sistema tal-IA jseħħ wara [it-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni].

Din id-Direttiva ma tapplikax għar-responsabbiltà kriminali.

3.Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa:

(a)ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-kundizzjonijiet ta’ responsabbiltà fil-qasam tat-trasport;

(b)kwalunkwe dritt li persuna leża jista’ jkollha skont ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 85/374/KEE;

(c)l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta kif stabbiliti fl-[Att dwar is-Servizzi Diġitali] u

(d)ir-regoli nazzjonali li jiddeterminaw liema parti għandha l-oneru tal-provi, liema grad ta’ ċertezza huwa meħtieġ fir-rigward tal-istandard tal-prova, jew kif tiġi definita l-ħtija, għajr fir-rigward ta’ dak li huwa previst fl-Artikoli 3 u 4.

4.L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu regoli nazzjonali li jkunu aktar favorevoli għar-rikorrenti biex jissostanzjaw talba għad-danni skont id-dritt ċivili mhux kuntrattwali kkawżati minn sistema tal-IA, dment li tali regoli jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“sistema tal-IA” tfisser sistema tal-IA kif definita fl-[Artikolu 3(1) tal-Att dwar l-IA];

(2)“sistema tal-IA ta’ riskju għoli” tfisser sistema tal-IA msemmija fl-[Artikolu 6 tal-Att dwar l-IA];

(3)“fornitur” tfisser fornitur kif definit fl-[Artikolu 3(2) tal-Att dwar l-IA];

(4)“utent” tfisser utent kif definit fl-[Artikolu 3(4) tal-Att dwar l-IA];

(5)“talba għad-danni” tfisser talba skont id-dritt ċivili mhux kuntrattwali bbażata fuq il-ħtija għal kumpens għad-danni kkawżati minn output ta’ sistema tal-IA jew min-nuqqas ta’ tali sistema li tipproduċi output fejn kellu jiġi prodott tali output;

(6)“rikorrent” tfisser persuna li tressaq talba għad-danni li:

(a)tkun ġiet leża minn output ta’ sistema tal-IA jew min-nuqqas ta’ tali sistema li tipproduċi output fejn kellu jiġi prodott tali output;

(b) tkun wirtet jew kienet surrogata bid-dritt ta’ persuna leża bis-saħħa tal-liġi jew tal-kuntratt; jew

(c)qiegħda taġixxi f’isem persuna leża waħda jew aktar, f’konformità mad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali.

(7)    “rikorrent potenzjali” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li qiegħda tikkunsidra iżda li għadha ma ressqitx talba għad-danni;

(8)    “intimat” tfisser il-persuna li kontriha titressaq talba għad-danni;

(9)    “dmir ta’ diliġenza” tfisser standard ta’ kondotta meħtieġ, stabbilit mid-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni, sabiex jiġi evitat dannu għall-interessi legali rikonoxxuti fil-livell tad-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni, inklużi l-ħajja, l-integrità fiżika, il-proprjetà u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

Artikolu 3

Divulgazzjoni ta’ evidenza u preżunzjoni konfutabbli ta’ nuqqas ta’ konformità

 

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali jingħataw is-setgħa, jew fuq talba ta’ rikorrent potenzjali li jkun talab qabel lil fornitur, persuna soġġetta għall-obbligi ta’ fornitur skont [l-Artikolu 24 jew l-Artikolu 28(1) tal-Att dwar l-IA] jew utent biex jiddivulga evidenza rilevanti għad-dispożizzjoni tiegħu dwar sistema ta’ IA speċifika ta’ riskju għoli li tkun suspettata li kkawżat dannu, iżda li ġiet miċħuda, jew rikorrent, sabiex tordna d-divulgazzjoni ta’ tali evidenza minn dawk il-persuni.

B’appoġġ għal dik it-talba, ir-rikorrent potenzjali jeħtieġlu jippreżenta fatti u evidenza suffiċjenti biex jappoġġa l-plawżibbiltà ta’ talba għad-danni.

2.Fil-kuntest ta’ talba għad-danni, il-qorti nazzjonali għandha tordna biss id-divulgazzjoni tal-evidenza minn waħda mill-persuni elenkati fil-paragrafu 1, jekk ir-rikorrent ikun għamel it-tenattivi proporzjonati kollha biex jiġbor l-evidenza rilevanti mill-intimat.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-qrati nazzjonali, fuq talba ta’ rikorrent, jingħataw is-setgħa li jordnaw miżuri speċifiċi biex jippreservaw l-evidenza msemmija fil-paragrafu 1.

4.Il-qrati nazzjonali għandhom jillimitaw id-divulgazzjoni ta’ evidenza għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex tiġi appoġġata talba potenzjali jew talba għad-danni u l-preservazzjoni għal dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex tiġi appoġġata tali talba għad-danni.

Fid-determinazzjoni ta’ jekk ordni għad-divulgazzjoni jew għall-preżervazzjoni tal-evidenza hijiex proporzjonata, il-qrati nazzjonali għandhom jikkunsidraw l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha, inklużi l-partijiet terzi kkonċernati, b’mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tas-sigrieti tal-mestier skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2016/943 u tal-informazzjoni kunfidenzjali, bħal informazzjoni marbuta mas-sigurtà pubblika jew nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta tiġi ordnata d-divulgazzjoni ta’ sigriet tal-mestier jew ta’ allegat sigriet tal-mestier li l-qorti tkun identifikat bħala kunfidenzjali skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva (UE) 2016/943, il-qrati nazzjonali jingħataw is-setgħa, fuq talba debitament motivata ta’ parti jew fuq inizjattiva tagħhom stess, biex jieħdu miżuri speċifiċi meħtieġa sabiex jippreżervaw il-kunfidenzjalità meta dik l-evidenza tintuża jew issir referenza għaliha fi proċedimenti legali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-persuna ordnata biex tiddivulga jew tippreżerva l-evidenza msemmija fil-paragrafi 1 jew 2 ikollha rimedji proċedurali xierqa b’rispons għal tali ordnijiet.

5.Meta intimat jonqos milli jikkonforma ma’ ordni minn qorti nazzjonali f’talba għad-danni biex jiddivulga jew jippreżerva l-evidenza għad-dispożizzjoni tiegħu skont il-paragrafi 1 jew 2, qorti nazzjonali għandha tippreżumi n-nuqqas ta’ konformità tal-intimat mad-dmir ta’ diliġenza rilevanti, b’mod partikolari fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 4(2) jew (3), li l-evidenza mitluba kienet maħsuba biex tagħti prova għall-finijiet tat-talba rilevanti għad-danni.

L-intimat għandu jkollu d-dritt li jirribatti dik il-preżunzjoni.

Artikolu 4

Preżunzjoni konfutabbli ta’ rabta kawżali fil-każ ta’ ħtija

1.Soġġetti għar-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu, il-qrati nazzjonali għandhom jippreżumu, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli ta’ responsabbiltà għal talba għad-danni, ir-rabta kawżali bejn il-ħtija tal-intimat u l-output prodott mis-sistema tal-IA jew in-nuqqas tas-sistema tal-IA li tipproduċi output, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) ir-rikorrent ikun wera jew il-qorti tkun assumiet skont l-Artikolu 3(5), il-ħtija tal-intimat, jew ta’ persuna li l-intimat ikun responsabbli għall-imġiba tagħha, li tikkonsisti fin-nuqqas ta’ konformità ma’ dmir ta’ diliġenza stabbilit fid-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali direttament maħsub biex jipproteġi kontra d-dannu li jkun seħħ;

(b)jista’ jitqies raġonevolment probabbli, abbażi taċ-ċirkostanzi tal-każ, li l-ħtija influwenzat l-output prodott mis-sistema tal-IA jew in-nuqqas tas-sistema tal-IA li tipproduċi output;

(c)ir-rikorrent ikun wera li l-output prodott mis-sistema tal-IA jew in-nuqqas tas-sistema tal-IA li tipproduċi output wassal għad-dannu.

2.Fil-każ ta’ talba għad-danni kontra fornitur ta’ sistema tal-IA ta’ riskju għoli soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli 2 u 3 tat-Titolu III tal-[Att dwar l-IA] jew persuna soġġetta għall-obbligi tal-fornitur skont [l-Artikolu 24 jew l-Artikolu 28(1) tal-Att dwar l-IA], il-kundizzjoni tal-paragrafu 1(a) għandha tiġi ssodisfata biss meta l-ilmentatur ikun wera li l-fornitur jew, meta rilevanti, il-persuna soġġetta għall-obbligi tal-fornitur, tkun naqset milli tikkonforma ma’ kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin stabbiliti f’dawk il-kapitoli, filwaqt li jitqiesu l-passi li ttieħdu fis-sistema tal-ġestjoni tar-riskju u r-riżultati tagħha skont [l-Artikolu 9 u l-Artikolu 16(a) tal-Att dwar l-IA]:

(a) is-sistema tal-IA hija sistema li tagħmel użu minn tekniki li jinvolvu t-taħriġ ta’ mudelli b’data li ma ġietx żviluppata abbażi ta’ settijiet ta’ data dwar it-taħriġ, il-validazzjoni u l-ittestjar li jissodisfaw il-kriterji tal-kwalità msemmija fl-[Artikolu 10(2) sa (4) tal-Att dwar l-IA];

(b) is-sistema tal-IA ma kinitx iddisinjata u żviluppata b’mod li tissodisfa r-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti fl-[Artikolu 13 tal-Att dwar l-IA];

(c)is-sistema tal-IA ma kinitx iddisinjata u żviluppata b’mod li jippermetti sorveljanza effettiva minn persuni fiżiċi matul il-perjodu li fih is-sistema tal-IA tkun qiegħda tintuża skont [l-Artikolu 14 tal-Att dwar l-IA];

(d)is-sistema tal-IA ma kinitx iddisinjata u żviluppata sabiex tikseb, fid-dawl tal-iskop maħsub tagħha, livell xieraq ta’ akkuratezza, robustezza u ċibersigurtà skont [l-Artikolu 15 u l-Artikolu 16(a), tal-Att dwar l-IA]; jew

(e)l-azzjonijiet korrettivi meħtieġa ma ttiħdux minnufih biex is-sistema tal-IA tinġieb f’konformità mal-obbligi stabbiliti fit-[Titolu III, Kapitolu 2 tal-Att dwar l-IA] jew biex tiġi rtirata jew imsejħa lura s-sistema, kif xieraq, skont [l-Artikolu 16(g), u l-Artikolu 21 tal-Att dwar l-IA].

3.Fil-każ ta’ talba għad-danni kontra utent ta’ sistema ta’ IA ta’ riskju għoli soġġett għar-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitoli 2 u 3 tat-Titolu III tal-[Att dwar l-IA], għandha tiġi ssodisfata l-kundizzjoni tal-paragrafu 1(a) meta r-rikorrent jagħti prova li l-utent:

(a)ma kienx konformi mal-obbligi tiegħu li juża jew jimmonitorja s-sistema tal-IA f’konformità mal-istruzzjonijiet ta’ użu li jakkumpanjawha jew, meta xieraq, jissospendi jew jinterrompi l-użu tagħha skont [l-Artikolu 29 tal-Att dwar l-IA]; jew

(b)espona s-sistema tal-IA għad-dħul ta’ data taħt il-kontroll tiegħu li ma hijiex rilevanti fid-dawl tal-iskop maħsub tas-sistema skont [l-Artikolu 29(3) tal-Att].

4.Fil-każ ta’ talba għad-danni li tikkonċerna sistema ta’ IA ta’ riskju għoli, qorti nazzjonali ma għandhiex tapplika l-preżunzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 li fiha l-intimat juri li hemm biżżejjed evidenza u għarfien espert disponibbli b’mod raġonevoli biex ir-rikorrent jagħti prova tar-rabta kawżali msemmija fil-paragrafu 1.

5.Fil-każ ta’ talba għad-danni li jikkonċernaw sistema tal-IA li ma hijiex sistema tal-IA ta’ riskju għoli, il-preżunzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss fejn il-qorti nazzjonali tqis li huwa diffiċli żżejjed għar-rikorrent biex jagħti prova tar-rabta kawżali msemmija fil-paragrafu 1.

6.Fil-każ ta’ talba għad-danni kontra intimat li uża s-sistema tal-IA matul attività personali u mhux professjonali, il-preżunzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 għandha tapplika biss meta l-intimat ikun interferixxa materjalment mal-kundizzjonijiet tal-operat tas-sistema tal-IA jew jekk l-intimat ikun meħtieġ u jkun jista’ jiddetermina l-kundizzjonijiet tal-operat tas-sistema tal-IA u jkun naqas milli jagħmel dan.

7.L-intimat għandu jkollu d-dritt li jirtira l-preżunzjoni stabbilita fil-paragrafu 1.

Artikolu 5

Evalwazzjoni u rieżami mmirat

1.Sa [DATA ħames snin wara t-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni], il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, akkumpanjat, meta xieraq, minn proposta leġiżlattiva.

2.Ir-rapport għandu jeżamina l-effetti tal-Artikoli 3 u 4 dwar l-ilħuq tal-objettivi segwiti minn din id-Direttiva. B’mod partikolari, dan għandu jevalwa l-adegwatezza ta’ regoli dwar ir-responsabbiltà stretta għal talbiet kontra l-operaturi ta’ ċerti sistemi tal-AI, sakemm ma jkunux diġà koperti minn regoli oħra dwar ir-responsabbiltà tal-Unjoni, u l-ħtieġa għall-kopertura tal-assigurazzjoni, filwaqt li jitqiesu l-effett u l-impatt fuq l-introduzzjoni u l-adozzjoni tas-sistemi tal-IA, speċjalment għall-SMEs.

3.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi programm ta’ monitoraġġ għat-tħejjija tar-rapport skont il-paragrafi 1 u 2, li jistabbilixxi kif u f’liema intervalli se tinġabar id-data u evidenza oħra meħtieġa. Il-programm għandu jispeċifika l-azzjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri fil-ġbir u fl-analiżi tad-data u ta’ evidenza oħra. Għall-finijiet ta’ dak il-programm, l-Istati Membri jikkomunikaw id-data u l-evidenza rilevanti lill-Kummissjoni, sal-[31 ta’ Diċembru tat-tieni sena sħiħa wara t-tmiem tal-perjodu ta’ traspożizzjoni] u sa tmiem kull sena sussegwenti.

Artikolu 6

Emenda għad-Direttiva (UE) 2020/1828

Fl-Anness I tad-Direttiva (UE) 2020/1828 40 , jiżdied il-punt (67) li ġej:

“(67) id-Direttiva (UE) …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ … dwar l-adattament tar-regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili mhux kuntrattwali għall-intelliġenza artifiċjali (id-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-IA) (ĠU L …, …, p. …).”.

Artikolu 7

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [sentejn wara d-dħul fis-seħħ]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President     Il-President 

(1)    European enterprise survey on the use of technologies based on AI, Ipsos 2020, Rapport finali p. 58
(
https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/f089bbae-f0b0-11ea-991b-01aa75ed71a1 )
(2)     https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/political-guidelines-next-commission_mt.pdf
(3)    Il-White Paper Dwar l-Intelliġenza Artifiċjali – Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja, 19.2.2020, COM(2020) 65 final
(4)    Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar l-implikazzjonijiet tas-sigurtà u tar-responsabbiltà tal-Intelliġenza Artifiċjali, tal-Internet tal-Oġġetti u tar-robotika, 19.2.2020, COM(2020) 64 final
(5)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar reġim ta’ responsabbiltà ċivili għall-intelliġenza artifiċjali (2020/2014(INL))
(6)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta’ Mejju 2022 dwar l-intelliġenza artifiċjali f’era diġitali (2020/2266(INI))
(7)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) (COM(2021 206 final).
(8)    Għadd żgħir biss ta’ każijiet ta’ użu tal-IA huma espressament ipprojbiti mill-Att dwar l-IA.
(9)    Il-Kummissjoni SWD(2021) 84 final, Valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali, p. 88.
(10)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti (COM/2021/346 final).
(11)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-makkinarju u l-prodotti relatati (COM(2021) 202 final).
(12)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/30 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 7, 12.1.2022, p. 6).
(13)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa, COM/2020/67 final.
(14)    Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on horizontal cybersecurity requirements for products with digital elements - COM(2022) 454 final
(15)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Strateġija Ewropea għad-data COM/2020/66 final.
(16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019) 640 final).
(17)    Deloitte, Study to support the Commission’s IA on liability for artificial intelligence, 2021 (“studju ekonomiku”).
(18)    Strateġija Nazzjonali għall-Intelliġenza Artifiċjali tar-Repubblika Ċeka, 2019: https://www.mpo.cz/assets/en/guidepost/for-the-media/press-releases/2019/5/NAIS_eng_web.pdf ; AI Watch, “National strategies on Artificial Intelligence – A European perspective”, edizzjoni tal-2021 – rapport tal-JRC-OECD: https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/619fd0b5-d3ca-11eb-895a-01aa75ed71a1 , p. 41.
(19)    2025 Strategia per l’innovazione tecnologica e la digitalizzazione del Paese: https://assets.innovazione.gov.it/1610546390-midbook2025.pdf ;.
(20)    Deloitte, Study to support the Commission’s IA on Responsibility for artificial intelligence, 2021, p. 96.
(21)    Ara Polityka Rozwoju Sztucznej. Inteligencji w Polsce na lata 2019 – 2027 (Politika għall-Iżvilupp tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-Polonja għall-2019-2027) ( www.gov.pl/attachment/0aa51cd5-b934-4bcb-8660-bfecb20ea2a9 ), 102-3.
(22)    AI Portugal 2030: https://www.incode2030.gov.pt/sites/default/files/julho_incode_brochura.pdf ; IA Watch, op. cit., p. 113.
(23)    Primarjament responsabbiltà stretta, inverżjoni tal-oneru tal-provi jew tnaqqis tal-oneru tal-provi fil-forma ta’ preżunzjonijiet irrefutabbli jew konfutabbli.
(24)    Dawn jistgħu jinstabu fuq < https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12979-Civil-liability-adapting-liability-rules-to-the-digital-age-and-artificial-intelligence/public-consultation_mt >
(25)    Liability for artificial intelligence and other emerging digital technologies, Novembru 2019, https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/1c5e30be-1197-11ea-8c1f-01aa75ed71a1  
(26)    Karner/Koch/Geistfeld, Comparative Law Study on Civil Liability for Artificial Intelligence, 2021, https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/8a32ccc3-0f83-11ec-9151-01aa75ed71a1/language-en .
(27)    Kantar, Behavioural Study on the link between challenges of Artificial Intelligence for Member States’ civil liability rules and consumer attitudes towards AI-enabled products and services, Rapport Finali 2021.
(28)    Deloitte, Study to support the Commission’s Impact Assessment on liability for artificial intelligence, 2021.
(29)    ĠU C , , p. .
(30)    ĠU C , , p. .
(31)    [Il-Proposta għal Regolament li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) - COM(2021) 206 final]
(32)    [Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti (COM(2021) 346 final)]
(33)    [Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-makkinarju u l-prodotti relatati (COM(2021) 202 final)]
(34)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/30 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali fil-punti (d), (e) u (f) tal-Artikolu 3(3) ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 7, 12.1.2022, p. 6)
(35)    Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar ir-responsabbiltà għal prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29).
(36)    [Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Intern għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) - COM(2020) 825 final]
(37)    Id-Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU L 157, 15.6.2016, p. 1).
(38)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Ottubru 2020 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar reġim ta’ responsabbiltà ċivili għall-intelliġenza artifiċjali (2020/2014(INL)) - ĠU C 404, 6.10.2021, p. 107.
(39)    ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(40)    Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).