Brussell, 23.9.2022

COM(2022) 492 final

2022/0301(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Wieħed mill-kompiti tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (l-“Aġenzija”) huwa li tikkoopera ma’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-oqsma koperti mir-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (ir-Regolament (UE) 2019/1896) “inkluż permezz tal-istazzjonament operazzjonali possibbli ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri f’pajjiżi terzi” 1 . B’mod speċifiku, l-Aġenzija, bħala parti mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, għandha tiżgura l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri 2 , li komponent minnhom huwa l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fl-oqsma koperti mir-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta “b’enfasi partikolari fuq pajjiżi terzi ġirien u fuq pajjiżi ta’ oriġini jew ta’ tranżitu għall-immigrazzjoni irregolari 3 . L-Aġenzija tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi kompetenti fi kwistjonijiet koperti mir-Regolament sa fejn ikun meħtieġ għall-issodisfar tal-kompiti tagħha 4 u tista’ twettaq azzjonijiet relatata mal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri fit-territorju ta’ pajjiż terz soġġett għal ftehim ma’ dak il-pajjiż terz.

Skont l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896, f’ċirkostanzi li jeħtieġu l-istazzjonament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta f’pajjiż terz fejn il-membri tat-timijiet jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat. Jenħtieġ li tali ftehim dwar l-istatus ikun ibbażat fuq il-mudell li l-Kummissjoni fasslet kif previst fl-Artikolu 76(1) tal-istess regolament. Il-Kummissjoni adottat dan il-mudell fil-21 ta’ Diċembru 2021 5 .

Matul il-quċċata tal-kriżi Ewropea tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, mijiet ta’ eluf ta’ persuni li jfittxu l-ażil u migranti waslu fl-Unjoni Ewropea mill-Balkani tal-Punent, filwaqt li r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (“il-Maċedonja ta’ Fuq”) kienet fuq waħda mir-rotot primarji għall-moviment imħallat irregolari, fil-biċċa l-kbira mill-Greċja lejn is-Serbja. Filwaqt li l-għadd ta’ wasliet fl-Unjoni Ewropea naqas minn dak iż-żmien ‘l hawn, ir-rotta migratorja mill-Maċedonja ta’ Fuq għadha tintuża ħafna. L-għadd uffiċjali ta’ wasliet irregolari fil-Maċedonja ta’ Fuq fl-2021 huwa ta’ 20 874. Il-persuni f’moviment irregolari jibqgħu fil-mira ta’ gruppi kriminali organizzati involuti fil-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin ta’ persuni. Huma f’riskju ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem tul ir-rotta. Ħames migranti mietu fl-2021 waqt li kienu qed jiċċaqalqu fil-pajjiż.

Fl-2017, il-Kummissjoni Ewropea fetħet negozjati mal-Maċedonja ta’ Fuq għal ftehim dwar l-istatus abbażi tar-Regolament preċedenti dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (ir-Regolament (UE) 2016/1624). In-negozjati ġew iffinalizzati b’suċċess bl-inizjalar tal-abbozz tal-ftehim dwar l-istatus mill-Kummissjoni u l-Maċedonja ta’ Fuq fit-18 ta’ Lulju 2018. Madankollu, il-ftehim dwar l-istatus ma ġiex iffirmat immedjatament u, fl-2019, ir-Regolament imsemmi qabel tħassar u ġie sostitwit bir-Regolament (UE) 2019/1896.

Fid-29 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni rċeviet l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex tiftaħ negozjati mal-Maċedonja ta’ Fuq għal ftehim dwar attivitajiet operazzjonali li għandhom jitwettqu mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Maċedonja ta’ Fuq. Il-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-Maċedonja ta’ Fuq kellhom negozjati dwar il-ftehim dwar l-istatus fil-25 ta’ Awwissu 2022. Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu ntlaħqu u li l-ftehim hu aċċettabbli għall-Unjoni.

Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-bażi ġuridika għall-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

Is-sitwazzjoni tal-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen

Din il-proposta tibni fuq l-acquis ta’ Schengen fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Madankollu, l-Unjoni ma għandha l-ebda setgħa li tikkonkludi ftehim dwar l-istatus mal-Maċedonja ta’ Fuq b’mod li jorbot lin-Norveġja, lill-Iżlanda, lill-Iżvizzera u lil-Liechtenstein. Sabiex jiġi żgurat li l-gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor li jintbagħtu minn dawk il-pajjiżi lejn il-Maċedonja ta’ Fuq jibbenefikaw mill-istess status kif previst fil-ftehim dwar l-istatus, id-dikjarazzjonijiet konġunti mehmuża mal-ftehim dwar l-istatus jenħtieġ li jiddikjaraw ix-xewqa li jiġu konklużi ftehimiet simili bejn il-Maċedonja ta’ Fuq u kull wieħed minn dawk il-pajjiżi assoċjati.

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE; Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

It-tisħiħ tal-kontrolli tul il-fruntieri tal-Maċedonja ta’ Fuq se jkollu impatt pożittiv fuq il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni kif ukoll fuq il-fruntieri tal-Maċedonja ta’ Fuq innifisha. Il-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-istatus tkun marbuta mal-objettivi u l-prijoritajiet usa’ għall-kooperazzjoni kif stabbiliti fil-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Maċedonja ta’ Fuq 6 .

Il-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-istatus tista’ wkoll tappoġġa l-isforzi u l-impenji usa’ tal-Unjoni Ewropea biex tkompli tiżviluppa l-kapaċitajiet sabiex tikkontribwixxi għall-maniġġar ta’ rispons għall-kriżijiet u tippromwovi l-konverġenza dwar kwistjonijiet barranin u ta’ sigurtà bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) TFUE.

Il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea li tikkonkludi ftehim dwar l-istatus hija prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896, li jiddikjara “[f]’ċirkostanzi li jirrikjedu l-istazzjonament f’pajjiż terz ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti meta l-membri tat-timijiet se jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, l-Unjoni għandha […] tikkonkludi mal-pajjiż terz ikkonċernat”.

Skont l-Artikolu 3(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea għandu, fost l-oħrajn, ikollha kompetenza esklużiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni. L-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 jipprevedi ftehim dwar l-istatus irid jiġi “konkluż bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat”. Konsegwentement, il-ftehim li għandu jiġi konkluż mal-Maċedonja ta’ Fuq jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896, il-ftehim dwar l-istatus propost se jkun abbażi tal-mudell ta’ ftehim adottat mill-Kummissjoni fir-rigward tal-elementi l-ġodda, filwaqt li jibni fuq it-test tal-ftehim li diġà ntlaħaq mal-Maċedonja ta’ Fuq fl-2018.

Sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-ħtieġa għal approċċ komuni

Ftehim dwar l-istatus se jippermetti l-iskjerament fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq ta’ timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, bl-użu tal-possibbiltajiet kollha offruti mir-Regolament (UE) 2019/1896. Mingħajr tali għodda, l-iskjeramenti bilaterali mill-Istati Membri biss jistgħu jintużaw biex tiġi żviluppata u implimentata l-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri u tiġi appoġġata l-Maċedonja ta’ Fuq fil-ġestjoni ta’ għadd sinifikanti ta’ migranti li jfittxu li jgħaddu mit-territorju tagħha. Għalhekk huwa meħtieġ approċċ komuni għal ġestjoni aħjar tal-fruntieri tal-Maċedonja ta’ Fuq.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Billi dan se jkun ftehim ġdid, ma setgħet titwettaq l-ebda evalwazzjoni jew kontroll tal-idoneità tal-istrumenti eżistenti. L-ebda valutazzjoni tal-impatt ma hija meħtieġa għan-negozjati dwar il-ftehim dwar l-istatus.

Drittijiet fundamentali

F’konformità mal-premessa 88 tar-Regolament (UE) 2019/1896, il-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali rilevanti għall-oqsma koperti mill-ftehim dwar l-istatus fil-Maċedonja ta’ Fuq u tinforma lill-Parlament Ewropew b’dan.

Il-ftehim previst se jkun fih miżuri prattiċi relatati mar-rispett tad-drittijiet fundamentali u għandu jiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati bis-sħiħ matul l-attivitajiet organizzati fuq il-bażi tal-ftehim. Il-ftehim se jipprevedi mekkaniżmu tal-ilmenti indipendenti u effettiv f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2019/1896 biex jimmonitorja u jiżgura r-rispett għad-drittijiet fundamentali fl-attivitajiet kollha organizzati fuq il-bażi tal-ftehim.

Protezzjoni tad-data

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data għandu jiġi kkonsultat dwar id-dispożizzjonijiet tal-ftehim dwar l-istatus relatati mat-trasferimenti ta’ data jekk dawk id-dispożizzjonijiet ikunu sostanzjalment differenti mill-mudell tal-ftehim dwar l-istatus.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ftehim dwar l-istatus fih innifsu ma għandu l-ebda implikazzjoni finanzjarja. L-iskjerament attwali ta’ timijiet ta’ gwardji tal-fruntieri fuq il-bażi ta’ pjan operazzjonali jkun jinvolvi kostijiet imġarrba mill-baġit tal-Aġenzija. Operazzjonijiet futuri taħt ftehim dwar l-istatus se jiġu ffinanzjati permezz tar-riżorsi proprji tal-Aġenzija kif previst fiċ-ċiklu tal-baġit annwali tal-Unjoni.

Il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta diġà tifforma parti mill-baġit tal-Unjoni kif stabbilit fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Ftehim Qafas Finanzjarju Pluriennali.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus.

2022/0301 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 7 ,

Billi:

(1)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2022/XXX ta’ [...], il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (il-“Ftehim”) kien iffirmat minn [...] fi [.....], soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)Skont l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 , f’ċirkostanzi li jirrikjedu l-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta lejn pajjiż terz fejn il-membri tat-timijiet se jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, għandu jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat abbażi tal-Artikolu 218 tat-Trattat.

(3)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 9 ; Għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(4)F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka 10 , anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(5)Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq (il-“Ftehim”), huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni 11 .

Artikolu 2

Il-Kummissjoni għandha, f’isem l-Unjoni, tagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 22(1) tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha 12 .

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    L-Artikolu 10(1)(u) tar-Regolament (UE) Nru 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.
(2)    L-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) 2019/1896.
(3)    L-Artikolu 3(g) tar-Regolament (UE) 2019/1896.
(4)    L-Artikolu 73(1) tar-Regolament (UE) 2019/1896.
(5)    Il-Komunikazzjoni COM(2021) 829 - Mudell ta’ ftehim dwar l-istatus kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624.
(6)     http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2004/239(2)/2021-09-09 .
(7)    ĠU C, , p. .
(8)    Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624, (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(10)    Il-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, ĠU C 326, 26.10.2012, p. 299–303.
(11)    It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L, p..
(12)    Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea    mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Brussell, 23.9.2022

COM(2022) 492 final

ANNESS

tal-

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq



















FTEHIM BEJN 

L-UNJONI EWROPEA

U

IR-REPUBBLIKA TAL-MAĊEDONJA TA’ FUQ

DWAR

ATTIVITAJIET OPERAZZJONALI MWETTQA MILL-

AĠENZIJA EWROPEA GĦALL-GWARDJA TAL-FRUNTIERA U TAL-KOSTA FIR-

REPUBBLIKA TAL-MAĊEDONJA TA’ FUQ

L-Unjoni Ewropea,

U r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq,

minn hawn ’il quddiem individwalment imsejħa “Parti” u kollettivament bħala l-“Partijiet”,

BILLI jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“l-Aġenzija”) tikkoordina kooperazzjoni operattiva bejn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, inkluż fit-territorju tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq,

BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta’ ftehim dwar l-istatus għal sitwazzjonijiet meta l-membri tat-tim skjerati mill-Aġenzija jkollhom setgħat eżekuttivi fit-territorju tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq,

BILLI l-ftehim dwar l-istatus jista’ jipprevedi l-istabbiliment mill-Aġenzija ta’ uffiċċji antenna fit-territorju tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq biex tiġi ffaċilitata u mtejba l-koordinazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali u biex tiġi żgurata l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani u tekniċi tal-Aġenzija,

BILLI l-Partijiet se jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-dikjarazzjonijiet mehmuża ma’ dan il-Ftehim dwar l-Istatus,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, bħala pajjiż kandidat għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea mill-2005, tikkoopera mill-qrib mal-Unjoni fil-ġestjoni tal-flussi migratorji u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali u l-kriminalità transfruntiera,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-livell għoli ta’ protezzjoni tad-data personali fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u fl-Unjoni Ewropea; kif ukoll,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq rratifikat il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa Nru 108 tat-28 ta’ Jannar 1981 għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali u l-Protokoll addizzjonali tagħha;

Waqt LI TIKKUNSIDRA li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi huma prinċipji fundamentali li jirregolaw il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq rratifikat il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali tal-4 ta’ Novembru 1950, u li d-drittijiet li jinsabu fiha jikkorrispondu ma’ dawk fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-attivitajiet operazzjonali kollha tal-Aġenzija fit-territorju tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq jenħtieġ li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u/jew ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq huma parti,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li l-persuni kollha li jipparteċipaw f’attività operazzjonali jkunu obbligati jżommu l-ogħla standards ta’ integrità, kondotta etika, professjonaliżmu kif ukoll rispett għad-drittijiet fundamentali u li jissodisfaw l-obbligi imposti fuqhom mid-dispożizzjonijiet tal-pjan operazzjonali u l-kodiċi ta’ kondotta tal-Aġenzija,

iddeċidew li jikkonkludu dan il-Ftehim:

Artikolu 1 
Kamp ta’ applikazzjoni 

1.Dan il-Ftehim jirregola l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, fejn il-membri tat-tim jistgħu jeżerċitaw setgħat eżekuttivi.

2.L-iskjerament imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jsir fit-territorju tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

Artikolu 2 
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“attività operazzjonali” tfisser operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera;

(2)“Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 2019/1896 1 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jew kwalunkwe emenda għalih;

(3)“kontroll fuq il-fruntiera” tfisser l-attività mwettqa fuq fruntiera, skont u għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, bħala risposta esklussivament għal xi intenzjoni ta’ qsim jew l-att ta’ qsim ta’ dik il-fruntiera, irrispettivament minn kull konsiderazzjoni oħra, li tikkonsisti f’verifiki fuq il-fruntiera u sorveljanza fuq il-fruntiera;

(4)“timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri” tfisser timijiet iffurmati mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li għandhom jiġu skjerati tul operazzjonijiet konġunti fil-fruntieri esterni u interventi rapidi fil-fruntieri fil-fruntieri esterni fl-Istati Membri u f’pajjiżi terzi;

(5)“forum konsultattiv” tfisser il-korp konsultattiv stabbilit mill-Aġenzija skont l-Artikolu 108 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

(6)“korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta” tfisser il-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta previst fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

(7)“EUROSUR” tfisser il-qafas għall-iskambju ta’ informazzjoni u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta;

(8)“monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali” tfisser monitoraġġ tad-drittijiet fundamentali kif previst fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) 2019/1896;

(9)"Stat Membru ta’ oriġini" tfisser l-Istat Membru li minnu l-membru tal-persunal jiġi stazzjonat jew issekondat fil-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;

(10)“inċident” tfisser sitwazzjoni marbuta ma’ immigrazzjoni illegali, kriminalità transfruntiera, jew riskju għall-ħajjiet ta’ migranti f il-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea jew tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, matulhom jew qribhom;

(11)“operazzjoni konġunta” tfisser azzjoni kkoordinata jew organizzata mill-Aġenzija biex tappoġġa lill-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri bil-għan li jiġu indirizzati sfidi bħall-immigrazzjoni illegali, theddid preżenti jew futur fil-fruntieri tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq jew kriminalità transfruntiera, jew li jkollha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operazzjonali għall-kontroll ta’ dawn il-fruntieri;

(12)“membru tat-tim” tfisser membru tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta skjerat permezz ta’ tim tal-ġestjoni tal-fruntieri biex jipparteċipa f’attività operazzjonali;

(13)“Stat Membru” tfisser Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(14)“żona operazzjonali” tfisser iż-żona ġeografika fejn għandha ssir attività operazzjonali;

(15)“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa f’attività operazzjonali, billi jipprovdi tagħmir tekniku jew persunal tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta;

(16)data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal mezz ta’ identifikazzjoni bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni, data ta’ lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;

(17)“intervent rapidu fil-fruntiera” tfisser azzjoni mmirata biex twieġeb għal sitwazzjoni ta’ sfida speċifika u sproporzjonata fil-fruntieri tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq billi jiġu skjerati timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri fit-territorju tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għal perjodu limitat ta’ żmien biex jitwettqu kontrolli fuq il-fruntieri flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri;

(18)“Persunal statutorju” tfisser persunal impjegat mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta f’konformità mar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 2 ;

(19)“setgħat eżekuttivi” tfisser is-setgħat meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri li jitwettqu fit-territorju tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq matul attività operazzjonali kif previst fil-pjan operazzjonali.

Artikolu 3 
It-Tnedija ta’ Attivitajiet Operazzjonali

1.Attività operazzjonali skont dan il-Ftehim għandha titnieda permezz ta’ deċiżjoni bil-miktub tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija b’talba bil-miktub tal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. Tali talba għandha tinkludi deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, l-għanijiet possibbli u l-ħtiġijiet previsti, u l-profili tal-persunal meħtieġa, inkluż dak il-persunal li jkollu setgħat eżekuttivi, kif applikabbli.

2.Jekk id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jqis li l-attività operazzjonali mitluba x’aktarx tinvolvi jew twassal għal ksur serju u/jew persistenti tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali, id-direttur eżekuttiv ma għandux iniedi l-attività operazzjonali.

3.Jekk, wara li jirċievi talba skont il-paragrafu 1, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jqis li tkun meħtieġa aktar informazzjoni sabiex jiddeċiedi jekk inedix attività operazzjonali, huwa jista’ jitlob aktar informazzjoni, jew jawtorizza lill-esperti tal-Aġenzija jivvjaġġaw lejn ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq biex jivvalutaw is-sitwazzjoni hemmhekk. Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tiffaċilita tali vjaġġar.

4.Id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jiddeċiedi li ma jnedix attività operazzjonali jekk huwa jqis li jkun hemm kawża ġustifikata li tissospendiha jew titterminaha skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 18.

Artikolu 4 
Pjan Operazzjonali

1.Għal kull attività operazzjonali, l-Aġenzija għandha tfassal pjan operazzjonali skont l-Artikoli 38 u 74 tar-Regolament (UE) 2019/1896. Dan il-pjan operazzjonali għandu jiġi miftiehem bejn l-Aġenzija u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u għandu jkun vinkolanti fuq l-Aġenzija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Istati Membri parteċipanti.

2. Il-pjan operazzjonali għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzattivi u proċedurali tal-attività operazzjonali, inklużi:

(a)deskrizzjoni tas-sitwazzjoni, bil-modus operandi u l-għanijiet tal-użu, inkluż l-għan operazzjonali;

(b)iż-żmien previst li l-attività operazzjonali se tieħu biex tilħaq l-objettivi tagħha;

(c)iż-żona ta’ operazzjoni;

(d)deskrizzjoni tal-kompiti, inkluż dawk li jirrikjedu setgħat eżekuttivi, tar-responsabbiltajiet, inkluż fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u rekwiżit tal-protezzjoni tad-data, u tal-istruzzjonijiet speċjali għat-timijiet, inkluż dwar il-konsultazzjoni permessa ta’ bażijiet tad-data u l-armi tas-servizz, il-munizzjon u t-tagħmir permessi fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq;

(e)il-kompożizzjoni tat-tim tal-ġestjoni tal-fruntieri kif ukoll l-iskjerament ta’ persunal rilevanti ieħor/il-preżenza ta’ membri oħra tal-persunal statutorju tal-Aġenzija, inkluż osservaturi tad-drittijiet fundamentali;

(f)dispożizzjonijiet ta’ kmand u kontroll, inkluż l-ismijiet u l-gradi tal-gwardji tal-fruntieri jew persunal rilevanti ieħor tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq responsabbli għall-kooperazzjoni mal-membri tat-tim u l-Aġenzija, b’mod partikolari l-ismijiet u l-gradi ta’ dawk il-gwardji tal-fruntieri li għandhom il-kmand waqt il-perjodu tal-iskjerament, u post il-membri tat-tim fil-katina tal-kmand;

(g)it-tagħmir tekniku li se jintuża matul l-attività operazzjonali, inkluż ir-rekwiżiti speċifiċi bħal pereżempju l-kundizzjonijiet għall-użu, l-ekwipaġġ meħtieġ, it-trasport u loġistika oħra, u dispożizzjonijiet finanzjarji;

(h)dispożizzjonijiet dettaljati dwar ir-rappurtar immedjat ta’ inċidenti mill-Aġenzija lill-bord maniġerjali u lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri parteċipanti u tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq ta’ kwalunkwe inċident li jseħħ matul attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim;

(i)skema ta’ rapportar u evalwazzjoni li jkollha punti ta’ riferiment għar-rapport ta’ evalwazzjoni, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u d-data finali għas-sottomissjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni finali;

(j)[Imħalli vojt intenzjonalment];

(k)it-termini ta’ kooperazzjoni ma’ korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni għajr l-Aġenzija, pajjiżi terzi oħra jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(l)struzzjonijiet ġenerali dwar kif tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali matul l-attività operazzjonali inkluż il-protezzjoni tad-data personali u l-obbligi li jirriżultaw mill-istrumenti internazzjonali applikabbli tad-drittijiet tal-bniedem;

(m)proċeduri li bihom persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, vittmi tat-traffikar ta’ bnedmin, minorenni mhux akkumpanjati u persuni oħra f’sitwazzjonijiet vulnerabbli jiġu ggwidati lejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għal assistenza xierqa;

(n)proċeduri li jistabbilixxu mekkaniżmu biex jirċievu u jittrażmettu lill-Aġenzija u lir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq ilmenti (inkluż dawk ippreżentati skont l-Artikolu 8(5) hawn taħt) kontra kwalunkwe persuna li tipparteċipa f’attività operazzjonali, inkluż gwardji tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u membri tat-tim, li jallegaw ksur tad-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tagħhom f’attività operazzjonali tal-Aġenzija;

(o)arranġamenti loġistiċi inkluż l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-ambjent taż-żoni li fiha għandha sseħħ l-attività operazzjonali; kif ukoll,

(p)dispożizzjonijiet li jikkonċernaw uffiċċju antenna, kif stabbilit skont l-Artikolu 6.

3.Il-pjan operazzjonali u kwalunkwe emenda għalih jew adattamenti tiegħu għandhom ikunu soġġetti għall-ftehim tal-Aġenzija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Istati Membri ġirien tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u/jew li jmissu maż-żona ta’ operazzjoni, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri parteċipanti.

4.L-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni operazzjonali għall-finijiet tal-EUROSUR għandhom isiru f’konformità mar-regoli għall-istabbiliment u l-kondiviżjoni tal-istampi tas-sitwazzjoni speċifiċi li għandhom jiġu stabbiliti fil-pjan operazzjonali għall-attività operazzjonali kkonċernata.

5.L-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali skont il-paragrafu (3)(i) ta’ dan l-Artikolu għandha titwettaq bi sħab mir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Aġenzija.

6.It-termini tal-kooperazzjoni mal-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni f’konformità mal-paragrafu (3)(k) ta’ dan l-Artikolu għandhom jitwettqu f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom u skont ir-riżorsi disponibbli.

Artikolu 5 
Rappurtar ta’ Inċidenti

L-Aġenzija u l-Ministeru tal-Intern tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq kull wieħed għandu jkollhom mekkaniżmu ta’ rapportar tal-inċidenti li jippermetti r-rapportar f’waqtu ta’ kwalunkwe inċident li jiltaqa’ miegħu matul attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim.

L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandhom jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-inkjesti u l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa dwar kwalunkwe inċident irrapportat permezz ta’ tali mekkaniżmu, bħall-identifikazzjoni ta’ xhieda u l-ġbir u l-produzzjoni ta’ evidenza, inkluż talbiet biex jinkisbu u, jekk ikun xieraq, jingħataw oġġetti konnessi ma’ inċident irrapportat. L-għoti ta’ tali oġġetti jista’ jkun soġġett għar-ritorn tagħhom fit-termini speċifikati mill-awtorità kompetenti li twassalhom.

Artikolu 6 
Uffiċċji Antenna

1.L-Aġenzija tista’ tistabbilixxi uffiċċji antenna fit-territorju tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq biex tiffaċilita u ttejjeb il-koordinazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali u biex tiżgura l-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani u tekniċi tal-Aġenzija. Il-post tal-uffiċċju antenna għandu jiġi stabbilit mill-Aġenzija wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

2.L-uffiċċji antenna għandhom jiġu stabbiliti skont il-ħtiġijiet operazzjonali u jibqgħu operazzjonali għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ biex l-Aġenzija twettaq attivitajiet operazzjonali fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. Soġġett għall-qbil tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, dak il-perjodu ta’ żmien jista’ jiġi estiż mill-Aġenzija.

3.Kull uffiċċju antenna għandu jkun ġestit minn rappreżentant tal-Aġenzija maħtur mid-direttur eżekuttiv bħala kap tal-uffiċċju antenna li għandu jissorvelja l-ħidma ġenerali tal-uffiċċju.

4.L-uffiċċji antenna għandhom, fejn applikabbli:

(a)jipprovdu appoġġ operazzjonali u loġistiku u jiżguraw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Aġenzija fiż-żoni ta’ operazzjonijiet ikkonċernati;

(b)jipprovdu appoġġ operazzjonali lir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq fiż-żoni operazzjonali kkonċernati;

(c)jimmonitorjaw l-attivitajiet tat-timijiet u jirrapportaw regolarment lill-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;

(d)jikkooperaw mar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni prattika tal-attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, inkluża kwalunkwe kwistjoni addizzjonali li setgħet qamet matul dawn l-attivitajiet;

(e)jappoġġaw lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni fil-kooperazzjoni tiegħu mar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kontribuzzjoni tagħhom għal attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija u, fejn meħtieġ, jikkoordinaw mal-kwartieri ġenerali tal-Aġenzija;

(f)jappoġġaw lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u lill-osservatur(i) tad-drittijiet fundamentali inkarigat(i) mill-monitoraġġ ta’ attività operazzjonali, biex, fejn meħtieġ, jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni bejn it-timijiet tal-Aġenzija u l-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq kif ukoll kwalunkwe kompitu rilevanti;

(g)jorganizzaw appoġġ loġistiku relatat mal-istazzjonament tal-membri tat-tim u mal-iskjerament u l-użu tat-tagħmir tekniku;

(h)jipprovdu kwalunkwe appoġġ loġistiku ieħor rigward iż-żona ta’ operazzjonijiet li għaliha jkun responsabbli uffiċċju antenna partikolari, bil-ħsieb li jiffaċilitaw it-tmexxija bla xkiel tal-attivitajiet operazzjonali organizzati mill-Aġenzija;

(i)jiżguraw il-ġestjoni effettiva tat-tagħmir tal-Aġenzija stess fl-oqsma koperti mill-attivitajiet tagħha, inklużi r-reġistrazzjoni possibbli il-manutenzjoni fit-tul ta’ dak it-tagħmir u kwalunkwe appoġġ loġistiku meħtieġ; kif ukoll,

(j)jappoġġaw persunal u/jew attivitajiet oħrajn tal-Aġenzija fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq kif miftiehem bejn l-Aġenzija u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

5.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandhom jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għat-twettiq tal-kompiti assenjati lill-uffiċċji antenna.

6.Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tipprovdi assistenza raġonevoli lill-Aġenzija biex tiżgura l-kapaċità operazzjonali tal-uffiċċji antenna.

Artikolu 7 
Uffiċjal ta’ Koordinazzjoni

1.Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-uffiċċji antenna kif deskritt fl-Artikolu 6, id-direttur eżekuttiv għandu jaħtar espert wieħed jew aktar mill-persunal statutorju tal-Aġenzija biex jiġu skjerati bħala uffiċjal(i) ta’ koordinazzjoni għal kull attività operazzjonali. Id-direttur eżekuttiv għandu jinnotifika lir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq b’tali ħatra.

2.Ir-rwol tal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni għandu jkun li:

(a)jaġixxi bħala interfaċċa bejn l-Aġenzija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u l-membri tat-tim, billi jipprovdi assistenza, f’isem l-Aġenzija, dwar il-kwistjonijiet kollha marbuta mal-kundizzjonijiet tal-iskjerament, lit-timijiet;

(b)jissorvelja l-implimentazzjoni korretta tal-pjan operazzjonali, inkluż, f’kooperazzjoni mal-osservatur(i) tad-drittijiet fundamentali, fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u jirrapporta lid-direttur eżekuttiv dwar dan;

(c)jaġixxi f’isem l-Aġenzija fl-aspetti kollha tal-iskjerament tat-timijiet u jirrapporta lill-Aġenzija dwar dawk l-aspetti kollha; kif ukoll,

(d)irawwem il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Istati Membri parteċipanti.

3.Fil-kuntest ta’ attivitajiet operazzjonali, id-direttur eżekuttiv jista’ jawtorizza lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni li jassisti ħalli jsolvi kwalunkwe nuqqas ta’ qbil dwar it-twettiq tal-pjan operazzjonali u l-iskjerament tat-timijiet.

4.Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha toħroġ biss struzzjonijiet li jkunu konformi mal-pjan operazzjonali lill-membri tat-tim. Jekk l-uffiċjal ta’ koordinazzjoni jqis li l-istruzzjonijiet maħruġa lill-membri tat-tim ma jkunux konformi mal-pjan operazzjonali jew mal-obbligi legali applikabbli, huwa għandu jikkomunika dan minnufih lill-uffiċjali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq li jwettqu rwol ta’ koordinazzjoni u lid-direttur eżekuttiv. Id-direttur eżekuttiv jista’ jieħu miżuri xierqa, inkluż is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-attività operazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 8 
Drittijiet Fundamentali

1.Fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dan il-Ftehim, il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jaġixxu f’konformità mal-istrumenti kollha applikabbli tal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-Konvenzjoni tal-1950 għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha, il-Konvenzjoni tal-1965 dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta’ Diskriminazzjoni Razzjali, il-Patt Internazzjonali tal-1966 dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-1984, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2006 dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

2.Il-membri tat-tim għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, iħarsu b’mod sħiħ id-drittijiet fundamentali, fosthom l-aċċess għall-proċeduri tal-asil, u d-dinjità umana u għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lil persuni vulnerabbli. Kwalunkwe miżura meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tal-poteri għandha tkun proporzjonata għall-finijiet ta’ tali miżuri. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, ma għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni fuq il-bażi ta’ raġunijiet bħal sess, razza, kulur, oriġini etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, ilsien, reliġjon jew twemmin, opinjoni politika jew opinjoni oħra, sħubija f’minoranza nazzjonali, proprjetà, twelid, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali f’konformità mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Miżuri li jinterferixxu mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistgħu jittieħdu minn membri tat-tim fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u/jew fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom meta jkun meħtieġ biss u proporzjonat għall-objettivi segwiti minn tali miżuri u jridu jirrispettaw l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’konformità mal-liġi internazzjonali, tal-Unjoni u nazzjonali applikabbli.

Din id-dispożizzjoni għandha tapplika mutatis mutandis għall-persunal kollu tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq li jipparteċipa f’attività operazzjonali.

3.L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija għandu jimmonitorja l-konformità ta’ kull attività operazzjonali mal-istandards applikabbli tad-drittijiet fundamentali. L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, jew id-deputat tiegħu jew tagħha, jista’ jwettaq żjarat fuq il-post fil-pajjiż terz; huwa għandu jipprovdi wkoll opinjonijiet dwar il-pjanijiet operazzjonali u jinforma lid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija dwar ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali relatati ma’ attività operazzjonali. Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tappoġġa l-isforzi ta’ monitoraġġ tal-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, kif mitlub.

4.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq jaqblu li jipprovdu lill-forum konsultattiv b’aċċess f’waqtu u effettiv għall-informazzjoni kollha li tikkonċerna r-rispett għad-drittijiet fundamentali fir-rigward ta’ kwalunkwe attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim, inkluż permezz ta’ żjarat fil-post fiż-żona operazzjonali.

5.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandu jkollhom mekkaniżmu ta’ lmenti kull wieħed biex jipproċessaw allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettqa mill-persunal tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom waqt attività operattiva mwettqa taħt dan il-Ftehim.

Artikolu 9 
Osservaturi tad-Drittijiet Fundamentali

1.L-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali tal-Aġenzija għandu jassenja mill-inqas monitoraġġ wieħed tad-drittijiet fundamentali għal kull attività operazzjonali biex, fost l-oħrajn, jassisti u jagħti pariri lill-uffiċjal ta’ koordinazzjoni.

2.L-osservatur tad-drittijiet fundamentali għandu jimmonitorja l-konformità mad-drittijiet fundamentali u jipprovdi pariri u assistenza dwar id-drittijiet fundamentali fit-tħejjija, it-twettiq u l-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali rilevanti. Dan għandu jinkludi, b’mod partikolari:

(a)is-segwitu tat-tħejjija tal-pjanijiet operazzjonali u r-rapportar lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali biex ikun jista’ jwettaq il-kompiti tiegħu kif previst fir-Regolament (UE) 2019/1896;

(b)it-twettiq ta’ żjarat, inkluż żjarat fit-tul, fejn tkun qed isiru l-attivitajiet operazzjonali;

(c)il-kooperazzjoni u l-kollegament mal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u l-provvista ta’ pariri u assistenza lilu;

(d)l-infurmar tal-uffiċjal ta’ koordinazzjoni u r-rapportar lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali dwar kull tħassib rigward ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali relatat mal-attività operazzjonali; kif ukoll,

(e)il-kontribut għall-evalwazzjoni tal-attività operazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 4(3)(i).

3.L-osservaturi tad-drittijiet fundamentali għandu jkollhom aċċess għaż-żoni kollha li fihom isseħħ l-attività operazzjonali u għad-dokumenti kollha rilevanti għall-implimentazzjoni ta’ dik l-attività.

4.Meta jkunu preżenti f’żona operazzjonali, l-osservaturi tad-drittijiet fundamentali għandhom jilbsu insinji li jippermettu li jiġu identifikati b’mod ċar bħala osservaturi tad-drittijiet fundamentali.

Artikolu 10 
Membri tat-Tim

1.Il-membri tat-tim għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti deskritti fil-pjan operazzjonali.

2.Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. Il-membri tat-tim għandhom jikkonformaw ukoll mad-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali applikabbli meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom.

3.Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw il-poteri fit-territorju tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq biss fuq struzzjonijiet minn u fil-preżenza ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex iwettqu kompiti speċifiċi u/jew jeżerċitaw setgħat speċifiċi fit-territorju tagħha fin-nuqqas tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tagħha soġġett għall-kunsens tal-Aġenzija jew tal-Istat Membru domiċiljari, kif xieraq.

4.Il-membri tat-tim li huma persunal statutorju tal-Aġenzija għandhom jilbsu l-uniformi tal-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta filwaqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-pjan operazzjonali.

Il-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju tal-Aġenzija għandhom jilbsu l-uniformi nazzjonali tagħhom filwaqt li jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor fil-pjan operazzjonali.

Waqt li jkunu fuq xogħol, il-membri kollha tat-tim għandhom ukoll jilbsu b’mod viżibbli identifikazzjoni personali u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom.

5.Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tawtorizza lill-membri tat-tim rilevanti biex iwettqu kompiti matul attività operazzjonali li teħtieġ l-użu tal-forza, inkluż il-ġarr u l-użu ta’ armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir ieħor, f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-pjan operazzjonali.

-Il-membri tat-tim li huma persunal statutorju tal-Aġenzija jistgħu jġorru u jużaw armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir ieħor soġġett għall-kunsens tal-Aġenzija.

-Il-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju tal-Aġenzija jistgħu jġorru u jużaw armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir ieħor soġġett għall-kunsens tal-Istat Membru ta’ oriġini rilevanti.

6.L-użu tal-forza, inklużi l-ġarr u l-użu ta’ armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir, għandu jiġi eżerċitat f’konformità mal-liġi nazzjonali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

-Għall-membri tat-tim li huma persunal statutorju tal-Aġenzija, tali awtorizzazzjoni għall-użu tal-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Aġenzija.

-Għall-membri tat-tim li mhumiex persunal statutorju tal-Aġenzija, tali awtorizzazzjoni għall-użu tal-forza fin-nuqqas ta’ awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tkun soġġetta għall-kunsens tal-Istat Membru domiċiljari rilevanti.

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-liġi nazzjonali, kwalunkwe użu tal-forza mill-membri tat-tim għandu jikkonforma mal-prinċipji tan-neċessità u tal-proporzjonalità, u mal-obbligu ta’ prekawzjoni. Kwalunkwe użu ta’ forza bħal dan irid jikkonforma bis-sħiħ ukoll mad-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali applikabbli, inklużi r-regoli stabbiliti fl-Anness V tar-Regolament (UE) 2019/1896.

7.L-Aġenzija għandha, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, tinforma lir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar l-armi tas-servizz, il-munizzjon u tagħmir ieħor li l-membri tat-tim jistgħu jġorru skont il-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu. Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq tista’ tipprojbixxi l-ġarr ta’ ċerti armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir ieħor, sakemm il-liġi tiegħu stess tapplika l-istess projbizzjoni għall-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-fruntieri tiegħu stess. Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha, qabel l-iskjerament tal-membri tat-tim, tinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kundizzjonijiet biex jintużaw. L-Aġenzija għandha tqiegħed din l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-ħruġ ta’ kwalunkwe permess għall-armi meħtieġ u tiffaċilita l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-trasport u l-ħżin ta’ armi, munizzjon u tagħmir ieħor għad-dispożizzjoni tal-membri tat-tim, kif definit fil-pjan operazzjonali, kif mitlub mill-Aġenzija.

8.L-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz jistgħu jintużaw f’awtodifiża leġittima u fid-difiża leġittima ta’ membri tat-tim jew ta’ persuni oħra f’konformità mal-liġi nazzjonali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. Kwalunkwe użu bħal dan għandu jirrispetta l-prinċipji rilevanti tad-dritt internazzjonali u tal-Unjoni.

9.Il-bażijiet tad-data nazzjonali għandhom jiġu aċċessati biss minn persuni awtorizzati mir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq tista’ tippermetti li d-data mill-bażijiet tad-data nazzjonali tagħha tiġi kondiviża mal-membri tat-tim f’konformità mal-pjan operazzjonali. Il-membri tat-tim għandhom jikkonsultaw biss id-data li tkun meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom.

10.Għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet operazzjonali, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tiskjera uffiċjali tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq responsabbli għall-ġestjoni tal-fruntieri li huma kapaċi u lesti jikkomunikaw bl-Ingliż biex iwettqu rwol ta’ koordinazzjoni f’isem ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

Artikolu 11 
Privileġġi u Immunitajiet tal-Proprjetà, Fondi, Assi u Operazzjonijiet tal-Aġenzija

1.Kwalunkwe bini tal-Aġenzija fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandu jkun invjolabbli. Għandu jkun eżentat minn tiftix, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni.

2.Il-proprjetà u l-assi tal-Aġenzija, inklużi l-mezzi tat-trasport, il-komunikazzjonijiet, l-arkivji, kwalunkwe korrispondenza, dokumenti, karti tal-identità u assi finanzjarji għandhom ikunu invjolabbli.

3.L-assi tal-Aġenzija jinkludu assi li huma mikrija minn Stat Membru jew huma propjetà jew koproprjetà tiegħu u offruti lill-Aġenzija. Mal-imbarkazzjoni tar-rappreżentant(i) tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, dawn għandhom jiġu ttrattati bħala assi fis-servizz tal-gvern u awtorizzati għal dan il-għan.

4.Ma tista’ tittieħed l-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tal-Aġenzija. Il-proprjetà u l-assi tal-Aġenzija ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda miżura amministrattiva jew legali ta’ restrizzjoni. Il-proprjetà tal-Aġenzija għandha tkun ħielsa mis-sekwestru għas-sodisfazzjon ta’ sentenza, deċiżjoni jew ordni.

5.Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tippermetti d-dħul u t-tneħħija ta’ oġġetti u tagħmir skjerati mill-Aġenzija fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għal finijiet operazzjonali.

6.L-Aġenzija għandha tkun eżentata mid-dazji kollha (inklużi d-dazji doganali) u t-taxxi kif ukoll minn kwalunkwe projbizzjoni u restrizzjoni fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fir-rigward ta’ oġġetti maħsuba għall-użu uffiċjali tagħha, irrispettivament minn jekk humiex trasportati mill-Aġenzija jew minn parti terza.

Artikolu 12 
Privileġġi u Immunitajiet tal-Membri tat-Tim

1.Il-membri tat-tim ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda forma ta’ inkjesta jew proċedimenti legali fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq jew mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ħlief fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2.Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġuriżdizzjoni ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq fir-rigward tal-atti kollha li jwettqu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.

Meta l-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq ikollhom l-intenzjoni li jibdew proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi kontra membru tat-tim quddiem kwalunkwe qorti tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw minnufih lid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija b’dan.

Wara li jirċievi tali notifika, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq jekk l-att inkwistjoni jkunx twettaq mill-membru tat-tim fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu jew tagħha. Jekk l-att twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment ma għandux jinbeda. Jekk l-att ġie ddikjarat li ma twettaqx fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista’ jiġi istitwit. Il-kwalifika mid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija għandha tkun vinkolanti fuq ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, li ma tistax tikkontestaha.

Sakemm issir din il-kwalifika, l-Aġenzija għandha żżomm lura milli tieħu kwalunkwe miżura maħsuba biex tipperikola l-prosekuzzjoni kriminali sussegwenti possibbli tal-membru tat-tim mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, inkluż l-iffaċilitar tar-ritorn tal-membru tat-tim ikkonċernat mir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq lejn l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu/tagħha.

3.Il-bidu ta’ proċedimenti mill-membri tat-tim għandu jipprekludihom milli jinvokaw l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kull kontrotalba relatata direttament mat-talba prinċipali.

4.Il-bini, l-abitazzjonijiet, il-mezzi ta’ trasport u l-komunikazzjonijiet, u l-proprjetà, inklużi kwalunkwe korrispondenza, dokumenti, dokumenti ta’ identità u assi tal-membri tat-tim għandhom ikunu invjolabbli, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni kif permess skont il-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu.

5.Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe dannu kkawżat minn membri tat-tim lil terzi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.

6.F’każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja jew mhux fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li huwa membru tal-persunal statutorju tal-Aġenzija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq tista’ titlob, permezz tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija, li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.

F’każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja jew mhux fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li mhuwiex membru tal-persunal statutorju tal-Aġenzija, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq tista’ titlob, permezz tad-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija, li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru domiċiljari kkonċernat.

7.Il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu obbligati jixhdu bħala xhieda fi proċedimenti legali fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

8.L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każ fejn jiġi istitwit kontrihom proċediment kriminali, ċivili jew amministrattiv mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. Il-proprjetà tal-membri tat-tim, li tkun ċertifikata mid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, għandha tkun ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fi proċedimenti kriminali, ċivili jew amministrattivi, il-membri tat-tim ma għandhom ikunu soġġetti għall-ebda restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ restrizzjoni.

9.Il-membri tat-tim għandhom, fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija, ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

10.Is-salarju u l-emolumenti mħallsa lill-membri tat-tim mill-Aġenzija u/jew mill-Istati Membri domiċiljari, kif ukoll kwalunkwe introjtu li membri tat-tim jirċievu minn barra r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ma għandhom jiġu ntaxxati fl-ebda forma fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

11.Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim u għandha tagħti eżenzjoni mid-dazji kollha (inklużi d-dazji doganali), it-taxxi, u l-imposti relatati għajr it-tariffi għall-ħżin, it-trasport u servizzi simili, fir-rigward ta’ tali Artikoli. Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tippermetti wkoll l-esportazzjoni ta’ tali oġġetti.

12.Il-bagalji personali tal-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn spezzjoni, dment li ma jkunx hemm raġunijiet serji sabiex ikun ikkunsidrat li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membri tat-tim konċernati jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.

13.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandhom jaħtru punti ta’ kuntatt li jkunu disponibbli f’kull ħin li għandhom ikunu responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni u azzjonijiet immedjati li għandhom jittieħdu f’każ li att imwettaq minn membru tat-tim jista’ jkun bi ksur tal-liġi kriminali kif ukoll għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-attivitajiet operazzjonali fir-rigward ta’ kwalunkwe proċediment ċivili u amministrattiv kontra membru tat-tim.

Sakemm tittieħed azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari, l-Aġenzija u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandhom jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-inkjesti u l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa fi kwalunkwe reat kriminali allegat li fir-rigward tiegħu l-Aġenzija jew ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq jew it-tnejn li huma għandhom interess, fl-identifikazzjoni ta’ xhieda u fil-ġbir u l-produzzjoni ta’ evidenza, inkluż it-talba biex jinkisbu u, jekk ikun xieraq, it-trasferiment ta’ oġġetti konnessi ma’ reat kriminali allegat. L-għoti ta’ tali oġġetti jista’ jkun soġġett għar-ritorn tagħhom fit-termini speċifikati mill-awtorità kompetenti li twassalhom.

Artikolu 13 
Membri tat-Tim Midruba jew Deċeduti

1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, id-direttur eżekuttiv għandu jkollu d-dritt li jieħu f’idejh, u jagħmel arranġamenti xierqa għar-ripatrijazzjoni ta’ kwalunkwe membru tat-tim midrub jew mejjet, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu.

2.L-awtopsja għandha titwettaq fuq membru ta’ tim mejjet biss bil-kunsens espliċitu tal-Istat Membru domiċiljari kkonċernat u fil-preżenza ta’ rappreżentant tal-Aġenzija u/jew tal-Istat Membru domiċiljari kkonċernat. Jekk tali awtopsja titwettaq barra mir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tiġi infurmata bir-riżultati tal-awtopsja fuq talba.

3.Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Aġenzija għandhom jikkooperaw kemm jista’ jkun bil-ħsieb tar-ripatrijazzjoni bikrija ta’ membri tat-tim midruba jew mejtin.

Artikolu 14 
Dokument ta’ Akkreditazzjoni

1.L-Aġenzija għandha toħroġ dokument bil-Maċedonjan u bl-Ingliż lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri msemmijin fl-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim u fil-pjan operazzjonali (id-“dokument ta’ akkreditazzjoni”).

2.Id-dokument ta’ akkreditazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru tal-persunal: isem u nazzjonalità; il-grad jew it-titlu tal-impjieg; ritratt reċenti diġitalizzat u l-kompiti li huwa awtorizzat iwettaq matul l-iskjerament.

3.Għall-finijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, il-membri tat-tim għandhom ikunu obbligati jġorru d-dokument ta’ akkreditazzjoni fuq il-persuna tagħhom f’kull ħin.

4.Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tirrikonoxxi d-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, bħala li jagħti lill-membru tat-tim rilevanti dħul u soġġorn fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq mingħajr il-ħtieġa ta’ viża, awtorizzazzjoni minn qabel jew kwalunkwe dokument ieħor, sal-jum tal-iskadenza tiegħu.

5.Id-dokument tal-akkreditazzjoni għandu jiġi ritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-iskjerament. L-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandhom jiġu infurmati b’dan.

Artikolu 15 
Applikazzjoni għal Persunal tal-Aġenzija Mhux Skjerat bħala Membru tat-Tim

L-Artikoli 12, 13 u 14 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-persunal kollu tal-Aġenzija skjerat fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq li mhuwiex membru tat-tim, inkluż osservaturi tad-drittijiet fundamentali u l-persunal statutorju tal-Aġenzija skjerat f’uffiċċji antenna.

Artikolu 16 
Protezzjoni ta’ Data Personali

1.Il-komunikazzjoni ta’ data personali għandha sseħħ biss jekk tali komunikazzjoni tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq jew l-Aġenzija. L-ipproċessar ta’ data personali minn awtorità f’każ partikolari, inkluż it-trasferiment ta’ tali data personali lill-Parti l-oħra, għandu jkun soġġett għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għal dik l-awtorità. Il-Partijiet għandhom jiżguraw is-salvagwardji minimi li ġejjin bħala prekundizzjoni għal kwalunkwe trasferiment ta’ data:

(a)id-data personali trid tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data;

(b)id-data personali jeħtieġ li tinġabar għall-iskop speċifikat, espliċitu u leġittimu tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ma tiġix ipproċessata aktar mill-awtorità li tikkomunikaha jew mill-awtorità li tirċeviha b’mod mhux kompatibbli ma’ dak l-iskop;

(c)id-data personali għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għan li għalih tinġabar u/jew tiġi pproċessata aktar; b’mod partikolari, id-data personali kkomunikata f’konformità mal-liġi applikabbli għall-awtorità komunikanti tista’ tikkonċerna biss dawn li ġejjin:

L-isem;

Il-kunjom;

Id-data tat-twelid;

In-nazzjonalità;

Il-grad;

Il-paġna bid-data personali tad-dokument tal-ivvjaġġar;

Id-dokument ta’ akkreditazzjoni;

Ir-ritratt tal-karta tal-identità/tal-passaport/tad-dokument ta’ akkreditazzjoni;

L-indirizz tal-posta elettronika;

In-numru tal-mowbajl;

Id-dettalji tal-armi;

Id-durata tal-iskjerament;

Il-post tal-iskjerament;

In-numri ta’ identifikazzjoni tal-inġenju tal-ajru jew tal-bastiment;

Id-data tal-wasla;

L-ajruport tal-wasla/il-punt ta’ qsim tal-fruntiera mal-wasla;

In-numru tat-titjira tal-wasla;

Id-data tat-tluq;

L-ajruport tat-tluq/il-punt ta’ qsim tal-fruntiera mat-tluq;

In-numru tat-titjira tat-tluq;

L-Istat Membru/il-pajjiż terz domiċiljari;

L-awtorità li tiskjera;

Il-kompiti/il-profil operazzjonali;

Il-mezz ta’ trasport, u/jew;

Ir-rotta

tal-membri tat-tim, il-persunal tal-Aġenzija, l-osservaturi rilevanti, jew il-membri tal-programmi ta’ skambju tal-persunal;

(d)id-data personali għandha tkun eżatta u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata;

(e)id-data personali għandha tinżamm b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar mill-perjodu neċessarju għall-fini li għalih tkun inġabret id-data jew li kompliet tiġi pproċessata;

(f)id-data personali trid tiġi pproċessata b’mod li jiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali, filwaqt li jitqiesu r-riskji speċifiċi tal-ipproċessar, inkluża l-protezzjoni kontra l-ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telf, il-qerda jew il-ħsara aċċidentali, bl-użu ta’ miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa (“ksur tad-data”); il-Parti riċeventi għandha tieħu miżuri xierqa biex tindirizza kwalunkwe ksur tad-data, u għandha tinnotifika lill-Parti li tikkomunika dwar tali ksur mingħajr dewmien żejjed u fi żmien 72 siegħa;

(g)kemm l-awtorità li tikkomunika d-data kif ukoll l-awtorità li tirċeviha għandhom jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw mingħajr dewmien ir-rettifika jew it-tħassir, kif xieraq, tad-data personali jekk l-ipproċessar ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikulari għaliex dik id-data ma tkunx xierqa, relevanti, preċiża jew tkun eċċessiva fir-rigward tal-iskop tal-ipproċessar. Dan jinkludi n-notifika ta’ kull rettifika jew tħassir lill-Parti l-oħra;

(h)fuq talba, l-awtorità riċeventi għandha tinforma lill-awtorità komunikanti dwar l-użu tad-data kkomunikata;

(i)id-data personali tista’ tiġi kkomunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti:

l-Aġenzija; kif ukoll

il-Ministeru tal-Intern tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

Komunikazzjoni ulterjuri lil entitajiet oħrajn teħtieġ awtorizzazzjoni minn qabel tal-awtorità komunikanti kompetenti;

(j)l-awtorità komunikanti u l-awtorità riċeventi huma obbligati li jirreġistraw bil-miktub il-komunikazzjoni u l-wasla ta’ data personali;

(k)għandu jkun hemm sorveljanza indipendenti biex tissorvelja l-konformità mal-protezzjoni tad-data, inkluż biex jiġu spezzjonati tali rekords; is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt li jressqu lmenti lill-korp ta’ sorveljanza, u li jirċievu tweġiba mingħajr dewmien żejjed;

(l)is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt li jirċievu informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, jaċċessaw tali data u jirrettifikaw jew iħassru data mhux preċiża jew ipproċessata illegalment, soġġett għal limitazzjonijiet meħtieġa u proporzjonati għal raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku; kif ukoll

(m) is-suġġetti tad-data għandu jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għall-ksur tas-salvagwardji msemmija hawn fuq.

2.Kull Parti għandha twettaq reviżjonijiet perjodiċi tal-politiki u l-proċeduri tagħha stess li jimplimentaw din id-dispożizzjoni. Fuq talba mill-Parti l-oħra, il-Parti li tkun irċeviet it-talba tirrevedi l-politiki u l-proċeduri tagħha dwar l-ipproċessar tad-data personali sabiex taċċerta u tikkonferma li s-salvagwardji f’din id-dispożizzjoni jiġu implimentati b’mod effettiv. Ir-riżultati tar-rieżami se jiġu kkomunikati lill-Parti li tkun talbet ir-rieżami fi żmien raġonevoli.

3.Is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data skont dan il-Ftehim se jkunu soġġetti għal sorveljanza mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u ċ-Ċentru Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data Personali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

4.Il-Partijiet se jikkooperaw mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, bħala l-awtorità superviżorja tal-Aġenzija.

5.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandhom ifasslu rapport komuni dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu fi tmiem kull attività operazzjonali. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-uffiċjal għad-drittijiet fundamentali u lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Aġenzija kif ukoll liċ-Ċentru Nazzjonali għall-Protezzjoni tad-Data Personali tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

6.L-Aġenzija u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandhom jistabbilixxu regoli dettaljati dwar il-komunikazzjoni u l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-attivitajiet operazzjonali skont dan il-Ftehim f’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-pjanijiet operazzjonali rilevanti. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tal-liġijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. Huma għandhom jiddeskrivu, fost l-oħrajn, l-għan maħsub tal-komunikazzjoni, il-kontrollur(i) u r-rwoli u r-responsabbiltajiet kollha, il-kategoriji tad-data kkomunikata, il-perjodi speċifiċi taż-żamma tad-data, u s-salvagwardji minimi kollha. Fl-interess tat-trasparenza u l-prevedibbiltà, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku f’konformità mal-gwida rilevanti tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.

Artikolu 17 
Skambju ta’ Informazzjoni Klassifikata u Sensittiva Mhux Klassifikata

1.Kull skambju, kondiviżjoni jew disseminazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata fil-qafas ta’ dan il-Ftehim għandhom ikunu koperti minn arranġament amministrattiv separat konkluż bejn l-Aġenzija u l-awtoritajiet rilevanti tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, li għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni Ewropea.

2.Kwalunkwe skambju ta’ informazzjoni sensittiva mhux klassifikata fil-qafas ta’ dan il-Ftehim:

(a)għandu jiġu ttrattat mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 9(5) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 3 ;

(b)għandu jirċievi livell ta’ protezzjoni mill-Parti riċeventi li jkun ekwivalenti għal-livell ta’ protezzjoni offrut mill-miżuri applikati għal dik l-informazzjoni mill-Parti komunikanti f’termini ta’ kunfidenzjalità, integrità u disponibbiltà; kif ukoll

(c)għandu jitwettaq permezz ta’ sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni li tissodisfa l-kriterji ta’ disponibbiltà, kunfidenzjalità u integrità għal informazzjoni sensittiva mhux klassifikata, inkluż in-network ta’ komunikazzjoni msemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) 2019/1896.

3.Il-Partijiet għandhom jikkonformaw mad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati ma’ kwalunkwe data pproċessata fil-qafas ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 18 
Deċiżjoni ta’ Sospensjoni, Terminat u/jew 
L-Irtirar tal-Finanzjament għal Attività Operazzjonali

1.Jekk il-kundizzjonijiet għat-twettiq ta’ attività operazzjonali ma jibqgħux jiġu ssodisfati, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jtemm dik l-attività operazzjonali wara li jinforma lir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq bil-miktub.

2.Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew tal-pjan operazzjonali ma jkunux ġew rispettati mir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jirtira l-finanzjament tal-attività operazzjonali rilevanti, u/jew jissospendiha jew jitterminaha, wara li jinforma lir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq bil-miktub.

3.Jekk is-sigurtà ta’ kwalunkwe parteċipant f’attività operazzjonali skjerat fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq ma tkunx tista’ tiġi ggarantita, id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jissospendi jew itemm l-attività operazzjonali rilevanti jew aspetti tagħha.

4.Jekk id-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija jqis li jkun seħħ ksur tad-drittijiet fundamentali jew tal-obbligi ta’ protezzjoni internazzjonali li jkun ta’ natura serja jew li x’aktarx jippersisti jew li x’aktarx iseħħ b’rabta ma’ attività operazzjonali mwettqa skont dan il-Ftehim, huwa għandu jirtira l-finanzjament tal-attività operazzjonali rilevanti, u/jew jissospendih jew itemmu, wara li jinforma lir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

5.Ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq tista’ titlob lid-direttur eżekuttiv tal-Aġenzija biex jissospendi jew itemm attività operazzjonali jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew tal-pjan operazzjonali ma jiġux rispettati minn membru tat-tim. Tali talba għandha ssir bil-miktub u għandha tinkludi r-raġunijiet għal dan.

6.Is-sospensjoni, it-terminazzjoni jew l-irtirar tal-finanzjament skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mid-data tan-notifika lir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq. M’għandhom jaffettwaw l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew il-pjan operazzjonali qabel tali sospensjoni, terminazzjoni jew irtirar ta’ finanzjament.

Artikolu 19 
Ġlieda kontra l-Frodi

1.Jekk issir taf bl-eżistenza ta’ allegazzjonijiet kredibbli ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra marbuta mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha tinnotifika minnufih lill-Aġenzija, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u/jew lil kwalunkwe istituzzjoni, korp jew awtorità oħra tal-Unjoni Ewropea kompetenti f’tali kwistjonijiet.

2.Meta tali allegazzjonijiet ikunu relatati ma’ fondi tal-Unjoni Ewropea żborżati b’rabta ma’ dan il-Ftehim, ir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq għandha, f’konformità ma’ kwalunkwe mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni stabbilit applikabbli, tipprovdi l-assistenza kollha meħtieġa lill-istituzzjonijiet, lill-korpi u lill-awtoritajiet imsemmija hawn fuq fir-rigward tal-attivitajiet investigattivi fit-territorju tagħha.

Artikolu 20 
Implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim

1.Għar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat mill-Ministeru tal-Intern tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

2.Għall-Unjoni Ewropea, dan il-Ftehim għandu jiġi implimentat mill-Aġenzija.

Artikolu 21 
Soluzzjoni tat-Tilwim

1.Kull tilwima li tinqala’ b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi eżaminata b’mod konġunt mir-rappreżentanti tal-Aġenzija u mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

2.Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi solvut esklussivament permezz ta’ negozjati bejn il-Partijiet.

Artikolu 22 
Dħul fis-Seħħ, Emenda, Tul ta’ Żmien,  
Sospensjoni u Terminazzjoni tal-Ftehim

1.Dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni mill-Partijiet skont il-proċeduri legali interni tagħhom stess. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.

2.Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.Bidliet għal dan il-Ftehim għandhom isiru biss bil-kunsens reċiproku bil-miktub tal-Partijiet.

4.Dan il-Ftehim huwa konkluż għal perjodu indefinit. Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat jew sospiż permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b’mod unilaterali minn waħda mill-Partijiet.

F’każ ta’ terminazzjoni jew sospensjoni unilaterali, il-Parti li tixtieq ittemm jew tissospendi għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra b’dan bil-miktub. Terminazzjoni jew sospensjoni unilaterali ta’ dan il-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara x-xahar li matulu tkun ingħatat in-notifika.

5.In-notifiki li jsiru skont dan l-artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.


Magħmul bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bl-Irlandiż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, u bil-Maċedonjan, b’kull wieħed minn dawn it-testi ugwalment awtentiku. 

Għall-Unjoni Ewropea        Għar-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq

Magħmul fi XX, data, JJ/XX/SSSS.



DIKJARAZZJONI FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IR-RENJU TAN-NORVEĠJA, IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA U L-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet għall-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq jieħdu nota tar-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen. F’tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, minn naħa, u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq f’termini simili għal dawk tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tal-Maċedonja ta’ Fuq.

(1)

   Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624, (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1).

(2)

   ĠU UE L 56, 4.3.1968, p. 1.

(3)

   Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni (ĠU UE L 72, 17.3.2015, p. 41).