IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.9.2022
COM(2022) 489 final
2022/0298(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2009/148/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol
{SEC(2022) 342 final} - {SWD(2022) 310 final} - {SWD(2022) 311 final} - {SWD(2022) 312 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Wieħed mill-objettivi tal-Unjoni Ewropea (UE) huwa li tippromwovi l-benesseri u l-iżvilupp sostenibbli, fuq il-bażi ta’ ekonomija tas-suq soċjali kompetittiva ħafna, bl-għan li jinkisbu okkupazzjoni sħiħa u progress soċjali. Id-dritt ta’ kull ħaddiem għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sikurezza u d-dinjità tiegħu huwa stabbilit fl-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-prinċipju numru 10 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li l-ħaddiema għandhom id-dritt għal livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tagħhom fuq il-post tax-xogħol.
Fil-linji gwida politiċi tagħha, il-President von der Leyen ħadet impenn li tippreżenta pjan Ewropew għall-ġlieda kontra l-kanċer, sabiex jappoġġa lill-Istati Membri fit-titjib tal-kontroll u tal-kura tal-kanċer. Din il-proposta twettaq l-impenn li sar fil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer, fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-2021-2027 sabiex ikompli jitnaqqas l-esponiment tal-ħaddiema għall-asbestos, li huwa sustanza karċinoġenika perikoluża ħafna. Din il-proposta, enfasizzata bħala waħda mill-prijoritajiet taħt l-azzjoni 3 - Ekonomija aktar b’saħħitha, ġustizzja soċjali u impjiegi - tal-
Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa (CoFE)
hija riżultat ewlieni tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni tal-2022
Il-protezzjoni tal-ħaddiema kontra l-esponiment għall-asbestos hija wkoll prijorità ewlenija għall-Parlament Ewropew. Fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Ottubru 2021, il-Parlament Ewropew stabbilixxa approċċ komprensiv sabiex jiġu indirizzati l-problemi dejjiema relatati mal-asbestos. Bi tweġiba għal dan, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar il-ħidma lejn futur mingħajr asbestos: approċċ Ewropew sabiex jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa minħabba l-asbestos. Tindirizza r-riskju għas-saħħa pubblika li jirriżulta mill-asbestos b’mod olistiku, u tippreżenta miżuri fil-livell tal-UE sabiex jiġi indirizzat l-asbestos matul iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu.
Il-kanċer okkupazzjonali huwa l-kawża predominanti tal-imwiet relatati max-xogħol fl-UE. Huwa kkawżat primarjament mill-esponiment għal sustanzi karċinoġeniċi bħall-asbestos. Sa 78 % tal-kanċers okkupazzjonali rikonoxxuti fl-Istati Membri huma relatati mal-asbestos. Meta jittieħdu man-nifs, il-fibri tal-asbestos fl-ajru jistgħu jwasslu, pereżempju, għal mesoteljoma u għal kanċer tal-pulmun, b’intervall medju ta’ 30 sena bejn l-esponiment u l-ewwel sinjali ta’ mard. Għalhekk, il-kanċers jistgħu jiżviluppaw għexieren ta’ snin wara l-esponiment fuq ix-xogħol, inkluż meta l-ħaddiema jkunu rtiraw mix-xogħol. Dan jagħmilha diffiċli li jiġu traċċati l-esponimenti tal-passat u li tiġi identifikata rabta kawżali bejn l-esponiment relatat max-xogħol u l-kanċers. Għal din ir-raġuni, in-numru ta’ persuni affettwati minn mard okkupazzjonali relatat mal-asbestos jista’ jiġi ssottovalutat.
Il-projbizzjoni progressiva fuq l-użu tal-asbestos fl-UE bdiet fl-1988 bil-projbizzjoni tal-kroċidolit (imsejjaħ ukoll asbestos blu) u sussegwentement ġiet estiża sabiex tkopri materjali oħrajn li fihom l-asbestos. Mill-2005, il-forom kollha tal-asbestos huma pprojbiti fl-UE.
L-ewwel azzjoni tal-UE mmirata lejn il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji speċifiċi tal-esponiment fuq il-post tax-xogħol għall-asbestos tmur lura għall-1983, meta ġiet adottata d-Direttiva tal-Kunsill 83/477/KEE. Din id-Direttiva ġiet emendata sostanzjalment diversi drabi sal-aktar verżjoni kodifikata riċenti tagħha, id-Direttiva 2009/148/KE (id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol). Barra minn hekk, peress li l-asbestos huwa sustanza karċinoġenika, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2004/37/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol (id-Direttiva dwar il-Karċinoġeni, il-Mutaġeni u s-Sustanzi Tossiċi għar-Riproduzzjoni (CMRD)) japplikaw kull meta dawn ikunu aktar favorevoli għas-saħħa u għas-sikurezza tal-ħaddiema. Dan jinkludi rekwiżit dwar il-minimizzazzjoni tal-esponiment peress li għadu ma kienx possibbli li jiġi identifikat limitu ta’ esponiment li taħtu l-esponiment għall-asbestos ma jinvolvix riskju ta’ kanċer. Għalhekk, u f’konformità mas-CMRD, l-impjegaturi għandhom jiżguraw li r-riskju relatat mal-esponiment tal-ħaddiema għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol jitnaqqas għal minimu u fi kwalunkwe każ sa livell baxx kemm jista’ jkun teknikament possibbli.
Id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol tipproteġi lill-ħaddiema kontra r-riskji għas-saħħa tagħhom li jinħolqu jew li x’aktarx jirriżultaw mill-esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol, inkluż billi tipprevjeni riskji bħal dawn. Skont id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol, għall-attivitajiet kollha li fihom il-ħaddiema huma jew jistgħu jkunu esposti għal trab mill-asbestos jew għal materjali li fihom l-asbestos, l-esponiment irid jitnaqqas għal minimu u fi kwalunkwe każ taħt il-limitu fiss vinkolanti ta’ esponiment fuq ix-xogħol ta’ 0,1 fibri/cm3 bħala medja ponderata skont il-ħin ta’ 8 sigħat (TWA). Dan jinkludi sitwazzjonijiet li fihom il-ħaddiema jerġgħu jidħlu fil-post tax-xogħol wara li jwettqu attivitajiet bħal demolizzjoni, xogħol ta’ tneħħija tal-asbestos, tiswija u manutenzjoni li fir-rigward tagħhom ikun prevedibbli li l-valur ta’ limitu stabbilit se jinqabeż minkejja l-użu ta’ miżuri preventivi tekniċi sabiex jiġu limitati l-konċentrazzjonijiet tal-asbestos fl-arja. Jekk il-valur ta’ limitu jinqabeż, iridu jiġu identifikati r-raġunijiet u l-impjegatur jeħtieġlu jieħu miżuri xierqa ta’ ġestjoni tar-riskju (RMMS) sabiex jirrimedja s-sitwazzjoni qabel ma jerġa’ jibda x-xogħol. Huwa speċifikat ukoll li jekk il-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol ma jkunx jista’ jiġi osservat b’mezzi oħrajn, l-impjegaturi jeħtiġilhom jipprovdu lill-ħaddiema b’tagħmir respiratorju u b’tagħmir ta’ sikurezza personali xieraq ieħor. Barra minn hekk, obbligi stretti f’termini ta’ protezzjoni, ta’ ppjanar u ta’ taħriġ diġà japplikaw għall-impjegaturi.
Filwaqt li l-estrazzjoni, il-manifattura u l-proċessar tal-asbestos huma pprojbiti, teżisti problema ta’ legat sostanzjali fl-UE, li tirrappreżenta sfida għas-saħħa pubblika u okkupazzjonali, peress li l-asbestos għadu preżenti f’ħafna bini antik, li x’aktarx jiġi rrinnovat, adattat jew jitwaqqa’ fis-snin li ġejjin. L-istrateġija tal-mewġa ta’ rinnovazzjoni taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew, b’mod partikolari għandha l-għan li taċċellera l-pass tar-rinnovazzjonijiet tal-bini fl-UE kollha. Peress li r-riskju ta’ esponiment għall-asbestos iseħħ l-aktar matul ix-xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni, ta’ manutenzjoni u ta’ demolizzjoni, huwa importanti li jissaħħu l-miżuri preventivi sabiex jiġi limitat aktar l-esponiment tal-ħaddiema għall-asbestos.
Huwa stmat li bħalissa 4,1 sa 7,3 miljun ħaddiem huma esposti għall-asbestos. Ir-riskju ta’ dan l-esponiment huwa relatat l-aktar mat-trattament ta’ materjali li fihom l-asbestos u mat-tixrid ta’ fibri tal-asbestos matul ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, bħal matul ir-rinnovazzjoni, il-manutenzjoni, it-tiswija u d-demolizzjoni. Mill-ħaddiema kollha esposti għall-asbestos, 97 % jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni, inklużi okkupazzjonijiet relatati bħall-bini ta’ soqfa, il-plumbing, ix-xogħol ta’ mastrudaxxa jew it-twittija tal-art. L-esponiment għall-asbestos huwa preżenti wkoll f’setturi ekonomiċi oħrajn, eż. l-immaniġġar tal-iskart (2 % tal-ħaddiema esposti kollha), l-estrazzjoni u x-xogħol fil-barrieri, it-tifi tan-nar, l-iskavar u l-manutenzjoni tal-mini, u t-teħid ta’ kampjuni u l-analiżi tal-asbestos. Hemm ukoll riskju ta’ esponiment meta jissewwew jew jiġu żarmati bastimenti, pjattaformi tat-tħaffir, u mezzi tat-trasport bħall-ferroviji u l-inġenji tal-ajru b’iżolament tal-asbestos.
Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri għall-protezzjoni tal-ħaddiema minn esponiment għall-asbestos ikunu effettivi kemm jista’ jkun, id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol teħtieġ li tinżamm aġġornata b’għarfien xjentifiku ġdid żviluppat mill-aħħar reviżjoni sostanzjali tagħha.
Il-limitu attwali ta’ esponiment fuq ix-xogħol ta’ 0,1 fibri/cm3 fid-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol ġie stabbilit fl-2003 fuq il-bażi tal-għarfien xjentifiku u teknoloġiku disponibbli dak iż-żmien. Id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol tinkludi kundizzjonijiet minimi li għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba u tal-iżviluppi fit-teknoloġija f’dan il-qasam. Wara l-aħħar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi, hemm lok sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema esposti għall-asbestos u b’hekk tkompli titnaqqas il-probabbiltà li l-ħaddiema jaqbadhom mard relatat mal-asbestos. Barra minn hekk, erba’ Stati Membri diġà introduċew limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol aktar stretti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.
L-emenda proposta tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol se tagħmel il-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol skont id-Direttiva aktar effettiv billi taġġornah fuq il-bażi tal-aħħar evidenza xjentifika disponibbli. L-emenda proposta hija appoġġata mill-aħħar evalwazzjoni fil-fond tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol (evalwazzjoni ex post tal-2017 tad-Direttivi tal-UE dwar is-saħħa u sikurezza okkupazzjonali (OSH)) u mill-aktar valutazzjoni riċenti tal-implimentazzjoni tad-Direttivi tal-UE dwar is-saħħa u sikurezza okkupazzjonali, li tkopri l-perjodu mill-2013 sal-2017. L-aħħar evalwazzjoni fil-fond tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol ikkonkludiet li d-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol għadha rilevanti ħafna u li, sabiex tiżdied l-effettività tagħha fid-dawl tal-progress xjentifiku, għandu jiġi kkunsidrat it-tnaqqis tal-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol stabbilit fid-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol.
Il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) jivvaluta r-rilevanza xjentifika tal-limitu attwali ta’ esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos, sabiex jinforma t-tħejjija tal-proposta sabiex tiġi emendata d-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol. L-opinjoni xjentifika tal-RAC ġiet adottata f’Ġunju 2021. Hija kkonfermat li l-asbestos ma għandux livell ta’ esponiment sikur, li jfisser li kwalunkwe esponiment għall-asbestos jista’ eventwalment iwassal għal mard. Għalhekk, ġiet derivata relazzjoni bejn il-livelli ta’ esponiment u r-riskju assoċjat (relazzjoni bejn l-esponiment u r-riskju, ERR), li tesprimi r-riskju eċċessiv ta’ kanċer tal-pulmun u ta’ mortalità mill-mesoteljoma (ikkombinati) bħala funzjoni tal-konċentrazzjoni ta’ fibri fl-arja. Barra minn hekk, il-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (Advisory Committee on Safety and Health at Work, ACSH) qabel b’mod unanimu dwar il-ħtieġa li jitnaqqas il-limitu attwali ta’ esponiment fuq ix-xogħol.
It-tnaqqis tal-esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol billi jitnaqqas il-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol fl-UE kollha jgħin b’mod effettiv sabiex jiġu evitati każijiet u mwiet minħabba l-kanċer. Konsegwentement, itejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema billi żżid it-tul, il-kwalità u l-produttività tal-ħajja tax-xogħol tal-ħaddiema tal-UE u jiżgura livell minimu simili ta’ protezzjoni fl-UE kollha. Joħloq ukoll kundizzjonijiet ekwi għan-negozji, peress li jipprevjeni lill-kumpaniji li ma jiħdux miżuri xierqa milli jiksbu vantaġġ kompetittiv fuq dawk li jieħdu.
Jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni u minħabba l-perjodu ta’ latenza tal-konsegwenzi ta’ prevenzjoni ineffettiva (jiġifieri l-effetti fuq is-saħħa), in-negozji huma mistennijin iġarrbu kostijiet ogħla fil-futur u jbatu minn produttività mnaqqsa minħabba assenteiżmu u telf ta’ għarfien espert. Għall-Istati Membri, dan ikun iwassal għal żieda fil-kostijiet tas-sigurtà soċjali (eż. minħabba kostijiet ogħla għat-trattament mediku u benefiċċji tal-inkapaċità) u dħul mit-taxxa mitluf.
Ir-reviżjoni tal-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol skont id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol twassal għal armonizzazzjoni akbar tal-valuri ta’ limitu fl-UE, li hija mistennija twassal għal kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. Il-kumpaniji li lesti joperaw f’diversi Stati Membri se jibbenefikaw ukoll minn valuri ta’ limitu applikabbli ssimplifikati. Dan jista’ jirriżulta fi ffrankar, peress li jistgħu jiġu adottati soluzzjonijiet komuni fil-faċilitajiet kollha, għall-kuntrarju tal-ħtieġa li jiġu ddisinjati soluzzjonijiet speċifiċi għas-sit sabiex jiġu ssodisfati diversi rekwiżiti tal-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol.
L-azzjoni fil-livell tal-UE se toħloq ukoll kundizzjonijiet aktar ġusti għall-ħaddiema stazzjonati, transfruntiera u mobbli esposti għall-asbestos fis-settur tal-kostruzzjoni (li għandu numru sinifikanti ta’ ħaddiema stazzjonati li jiċċaqilqu minn sit għal ieħor, spiss f’diversi Stati Membri) kif ukoll distribuzzjoni aktar ġusta tal-kostijiet tal-kura tas-saħħa fl-Istati Membri.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din l-inizjattiva hija allinjata mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b’mod partikolari mal-prinċipju 10 tiegħu dwar id-dritt għal ambjent tax-xogħol f’saħħtu, sikur u adattat sew, u mal-pjan ta’ azzjoni tiegħu. Ir-reviżjoni tal-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos tgħin sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema.
Din l-inizjattiva tibni wkoll fuq l-impenn li għamlet il-Kummissjoni fil-qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol għall-2021-2027 u fil-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer li tkompli tnaqqas il-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos fid-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol fl-2022.
Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (id-“Direttiva Qafas dwar l-OSH”) u s-CMRD ma għandhomx effett fuq regoli aktar stretti jew speċifiċi skont id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Ir-Regolament REACH (fis-seħħ mill-2007) ħoloq, fost l-oħrajn, żewġ approċċi regolatorji distinti tal-UE: restrizzjonijiet u awtorizzazzjonijiet.
Mill-1988, ġew ipprojbiti t-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ kroċidolit u ta’ prodotti li fihom dan. It-tqegħid fis-suq ta’ prodotti li fihom forom oħrjn ta’ asbestos ġie ristrett. Dawk id-dispożizzjonijiet ġew emendati diversi drabi qabel il-projbizzjoni finali fuq il-manifattura, fuq it-tqegħid fis-suq, u fuq l-użu tal-forom kollha ta’ asbestos, u ta’ oġġetti u ta’ taħlitiet li fihom dawn u li jiżdiedu magħhom intenzjonalment li ġiet introdotta fl-2005.
Flimkien, id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol u r-Regolament REACH huma rilevanti għall-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji ta’ esponiment għall-asbestos.
Id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol u r-Regolament REACH huma komplementari legalment. Id-Direttiva Qafas dwar is-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol tistabbilixxi l-prinċipji ewlenin tal-prevenzjoni tar-riskji okkupazzjonali u tal-protezzjoni tas-sikurezza u tas-saħħa. Tapplika għas-setturi kollha tal-attivitajiet u ma għandha l-ebda effett fuq ir-regoli nazzjonali u tal-UE attwali jew futuri li jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol. Ġiet adottata serje ta’ Direttivi individwali fil-qasam tas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol fuq il-bażi tal-Artikolu 16 tad-Direttiva Qafas dwar l-OSH (inkluża d-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol). Min-naħa tiegħu, ir-Regolament REACH jiddikjara li japplika mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema, inkluża d-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 153(2)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill “jistgħu jadottaw fl-oqsma msemmija fil-paragrafu 1(a) sa (i) [tal-Artikolu 153 tat-TFUE], permezz ta’ direttivi, rekwiżiti minimi applikabbli progressivament, meħud qies tal-kondizzjonijiet tekniċi li jkunu jinsabu f’kull wieħed mill-Istati Membri. Direttivi bħal dawn għandhom jevitaw li jdaħħlu rabtiet amministrattivi finanzjarji u ġuridiċi li jistgħu jxekklu l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ impriżi żgħar u medji”. L-Artikolu 153(1)(a) tat-TFUE jiddikjara li l-Unjoni għandha tappoġġa u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tat-“titjib in partikolari tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-siġurtà tal-ħaddiema”.
Id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE bl-għan li ttejjeb is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema. Din il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema f’konformità mal-Artikolu 153(1)(a) tat-TFUE, fil-forma ta’ limitu rivedut ta’ esponiment fuq ix-xogħol akkumpanjat minn xi adattamenti tekniċi. Għaldaqstant, l-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jikkostitwixxi l-bażi legali xierqa għall-proposta tal-Kummissjoni.
Skont l-Artikolu 153(2) tat-TFUE, it-titjib, b’mod partikolari, tal-ambjent tax-xogħol sabiex jitħarsu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema huwa aspett tal-politika soċjali li fih l-UE tikkondividi l-kompetenza mal-Istati Membri.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Minħabba li r-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza tal-ħaddiema minn esponiment għall-asbestos huma ġeneralment simili fl-UE kollha, hemm rwol ċar għall-UE fl-appoġġ għall-Istati Membri sabiex jindirizzaw dawn ir-riskji.
Id-data miġbura matul il-ħidma preparatorja tindika li hemm differenzi fl-Istati Membri fir-rigward tal-iffissar ta’ valuri ta’ limitu għall-asbestos. B’riżultat ta’ dan, il-ħaddiema fl-UE għandhom diversi livelli ta’ protezzjoni. Tliet Stati Membri stabbilew limiti vinkolanti ta’ esponiment fuq ix-xogħol taħt il-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol tal-UE (id-Danimarka, in-Netherlands u Franza), filwaqt li Stat Membru wieħed (il-Ġermanja) stabbilixxa valur ta’ limitu li jikkorrispondi għal konċentrazzjoni aċċettabbli flimkien mal-valur ta’ limitu vinkolanti, hekk kif ipprovda għal approċċ aktar strett mill-użu tal-limitu attwali ta’ esponiment fuq ix-xogħol tal-UE.
Dawn l-erba’ Stati Membri diġà naqqsu l-valuri ta’ limitu tal-esponiment tagħhom għall-asbestos taħt il-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li rrikonoxxew l-iżvilupp reċenti tal-għarfien xjentifiku u tat-teknoloġija f’dan il-qasam.
L-aġġornament tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol huwa mod effettiv sabiex jiġi żgurat li l-miżuri preventivi jiġu aġġornati kif xieraq fl-Istati Membri kollha. Jgħin sabiex jinkiseb livell uniformi ta’ rekwiżiti minimi mfasslin sabiex jiggarantixxu standard aħjar tas-saħħa u tas-sikurezza, u b’hekk jitnaqqsu d-differenzi fil-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri u fis-suq uniku tal-UE.
Għalhekk, limitu rivedut tal-UE ta’ esponiment fuq ix-xogħol jgħin sabiex tinkiseb protezzjoni aktar armonizzata u aħjar tal-ħaddiema, u sabiex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi għan-negozji fl-UE kollha.
Il-kumpaniji li lesti joperaw f’diversi Stati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn valuri ta’ limitu applikabbli ssimplifikati. Dan jista’ jirriżulta fi ffrankar, peress li jistgħu jiġu adottati soluzzjonijiet komuni fil-faċilitajiet kollha, għall-kuntrarju tal-ħtieġa li jiġu ddisinjati soluzzjonijiet speċifiċi għas-sit sabiex jiġu ssodisfati diversi rekwiżiti tal-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol.
Ir-reviżjoni tal-valur ta’ limitu hija kumplessa ħafna u teħtieġ livell għoli ta’ għarfien espert xjentifiku. Vantaġġ sinifikanti tar-reviżjoni tal-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol tal-UE huwa li telimina l-ħtieġa li l-Istati Membri jwettqu l-analiżi xjentifika tagħhom stess, bi ffrankar sostanzjali probabbli fil-kostijiet amministrattivi. Minflok, dawn ir-riżorsi ffrankati jistgħu jiġu ddedikati sabiex ikomplu jittejbu l-politiki tal-OSH f’kull Stat Membru.
Minn dan isegwi li hija neċessarja azzjoni fil-livell tal-UE sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din il-proposta, peress li dawn l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, jew fil-livell ċentrali jew reġjonali u lokali, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni proposta. Dan huwa allinjat mal-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Id-Direttiva tista’ tiġi emendata biss fil-livell tal-UE u wara konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali (il-maniġment u l-ħaddiema) f’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE.
•Proporzjonalità
L-emenda proposta tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol hija ffokata fuq: (i) ir-reviżjoni tal-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos billi jiġi emendat l-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol fuq il-bażi tad-data xjentifika u teknoloġika disponibbli, kif previst fil-premessa 3 tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol; (ii) l-indirizzar ta’ xi aspetti direttament marbutin mat-tnaqqis tal-limitu attwali ta’ esponiment fuq ix-xogħol (bħat-tekniki ta’ kejl); u (iii) l-għoti ta’ kjarifiki tekniċi tat-test tad-Direttiva.
Fir-rigward tal-valuri ta’ limitu proposti, tqiesu l-fatturi soċjoekonomiċi ta’ fattibbiltà wara diskussjonijiet intensivi mal-partijiet ikkonċernati kollha (ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, ir-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u r-rappreżentanti tal-gvernijiet). Din l-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura approċċ bilanċjat, jiġifieri li tipprevjeni lill-kumpaniji milli jiffaċċjaw żvantaġġi ekonomiċi severi filwaqt li tipprovdi protezzjoni xierqa lill-ħaddiema fil-livell tal-UE. L-inizjattiva hija meqjusa bilanċjata u ġustifikata fid-dawl tal-benefiċċji miksubin u fit-tul f’termini tat-tnaqqis tar-riskji għas-saħħa li jirriżultaw mill-esponiment tal-ħaddiema għall-asbestos u mis-salvataġġ tal-ħajjiet, mingħajr ma tpoġġi piż sproporzjonat fuq in-negozji fis-setturi kkonċernati, inkluż fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.
F’konformità mal-Artikolu 153(4) tat-TFUE, din il-proposta tistabbilixxi rekwiżiti minimi u ma tipprevjeni lill-ebda Stat Membru milli jżomm jew jintroduċi miżuri protettivi aktar stretti kompatibbli mat-Trattati, pereżempju, fil-forma ta’ valuri ta’ limitu aktar baxxi jew ta’ dispożizzjonijiet oħrajn li jiżguraw protezzjoni akbar għall-ħaddiema.
Minn dan isegwi li b’mod konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-TUE, din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-objettivi tagħha. Informazzjoni dettaljata dwar il-konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità hija pprovduta fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta (il-punt 8.2).
•Għażla tal-istrument
L-Artikolu 153(2)(b) tat-TFUE jispeċifika li r-rekwiżiti minimi fil-qasam tal-ħarsien tas-saħħa u tas-sigurtà tal-ħaddiema jistgħu jiġu adottati “permezz ta’ direttivi”.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
L-aktar evalwazzjoni fil-fond riċenti tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol (evalwazzjoni ex post tal-2017 tad-Direttivi tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali) ikkonkludiet li skont l-evidenza disponibbli, d-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol għadha rilevanti ħafna u effettiva. Fl-istess ħin, l-istudju li jappoġġa din l-evalwazzjoni kkonkluda li, sabiex jiżdiedu r-rilevanza u l-effettività tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol, għandu jiġi kkunsidrat it-tnaqqis tal-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos. L-istudju ssuġġerixxa wkoll li din il-kwistjoni kienet teħtieġ analiżi aktar fil-fond. Din il-proposta tindirizza dawk is-sejbiet u hija bbażata fuq analiżi bir-reqqa tal-kwistjonijiet identifikati.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-konsultazzjoni f’żewġ stadji tas-sħab soċjali Ewropej f’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE
Fl-2020 u fl-2021, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ stadji mas-sħab soċjali fil-livell tal-UE skont l-Artikolu 154(2) tat-TFUE. L-ewwel fażi tal-konsultazzjoni tas-sħab soċjali ntemmet fil-11 ta’ Frar 2021 u kkonfermat l-appoġġ ġenerali tas-sħab soċjali għar-reviżjoni tal-limitu attwali ta’ esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos. It-tieni fażi tal-konsultazzjoni, li ffokat fuq il-kontenut previst tal-proposta possibbli, intemmet fit-30 ta’ Settembru 2021.
Din il-konsultazzjoni ppermettiet lill-Kummissjoni tiġbor l-opinjonijiet tas-sħab soċjali tal-UE dwar id-direzzjoni u l-kontenut possibbli tal-azzjoni tal-UE dwar ir-reviżjoni tal-limitu vinkolanti ta’ esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos.
Ir-riżultati tal-ewwel fażi tal-konsultazzjoni kkonfermaw l-appoġġ ġenerali tas-sħab soċjali għal approċċ fil-livell tal-UE għal-limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol għal sustanzi kimiċi perikolużi għall-ħaddiema fl-UE.
Iż-żewġ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema li wieġbu għall-konsultazzjoni għarfu l-importanza tar-reviżjoni tal-limitu attwali ta’ esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos u talbu kamp ta’ applikazzjoni usa’ għall-azzjoni skont id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol. Fost affarijiet oħrajn, huma ssuġġerew: (i) it-twessigħ tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol sabiex tinkludi lista aġġornata tal-forom magħrufin kollha ta’ fibri b’effetti dannużi simili fuq is-saħħa tal-bniedem; (ii) it-tħassir tal-kunċetti ta’ esponiment sporadiku u ta’ esponiment b’intensità baxxa, u ta’ materjali li fihom l-asbestos li jitfarrku u li ma jitfarrkux; u (iii) il-projbizzjoni tal-inkapsulament u tal-issiġillar tal-asbestos. Għamlu wkoll suġġerimenti dwar aspetti tekniċi, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma diġà koperti mit-termini ġenerali tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol, filwaqt li oħrajn imorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Is-suġġerimenti tagħhom jirriflettu l-proposti tar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew. Xi suġġerimenti jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-qasam ta’ politika tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, bħall-iskrinjar obbligatorju tal-bini jew il-ħolqien ta’ reġistri nazzjonali tal-asbestos. Suġġerimenti oħrajn imorru lil hinn mill-kompetenzi tal-UE, bħal proposta leġiżlattiva għar-rikonoxximent tal-mard okkupazzjonali, bi standards minimi għall-proċeduri ta’ rikonoxximent, u għall-kumpens tal-vittmi.
It-tliet organizzazzjonijiet tal-impjegaturi li wieġbu għall-konsultazzjoni appoġġaw l-objettiv li l-ħaddiema jiġu protetti b’mod effettiv mill-esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi, inkluż billi jiġu stabbiliti limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol fil-livell tal-UE, fejn xieraq. Huma qiesu li dan huwa fl-interess tal-ħaddiema u tan-negozji u jgħin sabiex jinkisbu l-kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. Madankollu, huma qajmu wkoll xi tħassib dwar l-approċċ meħud sabiex jiġu stabbiliti valuri bħal dawn. Żewġ organizzazzjonijiet tal-impjegaturi enfasizzaw li kwalunkwe reviżjoni ta’ limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol trid tkun ibbażata fuq evidenza xjentifika soda u fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-fattibbiltà teknika u ekonomika u tal-impatt soċjoekonomiku, li għalihom ir-rwol tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol huwa kruċjali.
Fit-tieni fażi tal-konsultazzjoni, żewġ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema li wieġbu għall-konsultazzjoni rrikonoxxew l-importanza li tkompli tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema minn esponiment għall-asbestos, u appoġġaw ir-reviżjoni tal-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol fid-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol. Iż-żewġ organizzazzjonijiet tal-ħaddiema tennew il-pożizzjoni tagħhom mill-ewwel stadju tal-konsultazzjoni, u talbu l-istess miżuri kif proposti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew.
Tlieta mill-erba’ organizzazzjonijiet tal-impjegaturi li wieġbu kemm għall-ewwel kif ukoll għat-tieni fażi tal-konsultazzjoni tennew id-dikjarazzjonijiet preċedenti tagħhom. L-Assoċjazzjoni tat-Tagħmir tat-Tarzna u Marittimu tal-Ewropa, li wieġbet biss għat-tieni fażi tal-konsultazzjoni, irreferiet għall-inkapsulament bħala l-aħjar u l-aktar metodu sikur sabiex jiġi indirizzat l-asbestos fl-industrija marittima.
Konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol
Il-Kumitat tripartitiku ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol huwa magħmul minn rappreżentanti tal-gvernijiet nazzjonali u tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u tal-impjegaturi. Ġie kkonsultat dwar din il-proposta permezz tal-Grupp ta’ Ħidma dedikat tiegħu dwar is-Sustanzi Kimiċi, f’konformità mal-mandat tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. F’dan il-mandat, il-Kummissjoni titlob lill-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sustanzi Kimiċi sabiex jipparteċipa b’mod attiv fir-rakkomandazzjoni ta’ prijoritajiet għal evalwazzjonijiet xjentifiċi ġodda jew riveduti. L-opinjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar is-Sustanzi Kimiċi tqis il-kontribut xjentifiku tal-RAC, u l-fatturi soċjoekonomiċi u ta’ fattibbiltà.
Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol adotta opinjoni dwar limitu vinkolanti tal-UE ta’ esponiment fuq ix-xogħol skont d-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol. F’din l-opinjoni ntlaħaq ftehim ta’ kunsens dwar il-ħtieġa li jitnaqqas sostanzjalment il-limitu vinkolanti attwali ta’ esponiment fuq ix-xogħol sabiex is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema jiġu protetti aħjar, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi u tekniċi mill-adozzjoni tal-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol kurrenti ta’ 0,1 fibri/cm3 fl-2003. Madankollu, ma ntlaħaq l-ebda kunsens dwar il-valur ta’ limitu li għandu jiġi propost. Il-Grupp ta’ Interess tal-Gvern (GIG) u l-Grupp ta’ Interess tal-Impjegaturi (EIG) qablu li l-valur ta’ limitu l-ġdid għandu jiġi stabbilit għal 0,01 fibri/cm3, filwaqt li l-Grupp ta’ Interess tal-Ħaddiema (WIG) enfasizza l-preferenza tiegħu għal limitu ġdid ta’ esponiment fuq ix-xogħol ugwali għal 0,001 fibri/cm3, li jikkorrispondi għall-valur ta’ limitu ppreżentat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew.
B’kunsiderazzjoni tal-iżviluppi tekniċi, il-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol issuġġerixxa wkoll li tiġi ssostitwita l-mikroskopija ta’ kuntrast tal-fażi (PCM), bħalissa l-aktar metodoloġija użata b’mod wiesa’ għall-kejl tal-fibri tal-asbestos fuq il-post tax-xogħol fl-arja, b’metodoloġija aktar moderna u sensittiva bbażata fuq il-mikroskopija tal-elettroni (EM).
F’dan ir-rigward, il-GIG enfasizza li peress li ħafna Stati Membri għadhom jużaw il-PCM, se jkun meħtieġ perjodu tranżizzjonali sabiex il-laboratorji jkunu jistgħu jiksbu tagħmir ġdid, jitħarrġu t-tekniċi u jiġi organizzat tqabbil interlaboratorju. Il-GIG żied li, fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Istati Membri fl-użu tal-EM, il-laboratorji se jkollhom bżonn sentejn sa tliet snin sabiex jadattaw. Il-GIG irrakkomanda li l-limitu l-ġdid ta’ esponiment fuq ix-xogħol jiġi implimentat mhux aktar tard minn 4 snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva emendatorja, filwaqt li l-EIG issuġġerixxa skadenza itwal (4-5 snin). Il-Grupp ta’ Interess tal-Ħaddiema talab li l-limitu l-ġdid ta’ esponiment fuq ix-xogħol jiġi implimentat mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol aġġornata.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Meta tirrieżamina l-valur ta’ limitu skont id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol, il-Kummissjoni ssegwi proċedura ferm stabbilita li tinvolvi t-tiftix ta’ pariri xjentifiċi u l-konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. Bażi xjentifika soda hija indispensabbli sabiex issostni kwalunkwe azzjoni relatata mas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-asbestos. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fittxet pariri mingħand l-RAC.
L-RAC jiżviluppa għarfien analitiku komparattiv ta’ kwalità għolja u jiżgura li l-proposti, id-deċiżjonijiet u l-politika tal-Kummissjoni dwar il-protezzjoni tas-saħħa u tas-sikurezza tal-ħaddiema jkunu bbażati fuq evidenza xjentifika soda. Il-membri tal-RAC huma esperti indipendenti u speċjalizzati kkwalifikati ħafna, magħżulin fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi. Jipprovdu lill-Kummissjoni b’opinjonijiet li huma siewja għall-iżvilupp tal-politika tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema.
L-opinjoni xjentifika tal-RAC neċessarja għar-reviżjoni tal-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol tal-asbestos ġiet adottata f’Ġunju 2021. Skont din, l-asbestos ma għandux livell ta’ esponiment sikur, li jfisser li kwalunkwe esponiment għall-asbestos jista’ eventwalment jikkawża mard relatat mal-asbestos. Għalhekk, ġiet idderivata ERR, li hija ppreżentata bħala r-relazzjoni bejn il-livelli ta’ esponiment u r-riskju assoċjat.
Għal din l-inizjattiva, il-Kummissjoni użat l-opinjoni tal-RAC dwar valutazzjoni tar-riskju aġġornata għall-asbestos. L-opinjoni tipproponi ERR li tesprimi r-riskju eċċessiv ta’ mortalità mill-kanċer (kanċer tal-pulmun u mesoteljoma) relatat ma’ diversi livelli ta’ esponiment. Ir-relazzjoni bejn id-diversi valuri ta’ esponiment u r-riskju li jiġi żviluppat kanċer turi r-riskju għall-ħaddiema esposti f’diversi limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol. Pereżempju, għal valur ta’ esponiment ekwivalenti għal-limitu attwali ta’ esponiment fuq ix-xogħol, hemm riskju li 125 minn 100 000 ħaddiem espost jistgħu jiżviluppaw kanċer tal-pulmun jew mesoteljoma.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta hija appoġġata b’valutazzjoni tal-impatt. Ir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt ġie appoġġat minn studju li ġabar informazzjoni sabiex jiġu analizzati l-impatti fuq is-saħħa, dawk soċjoekonomiċi u ambjentali b’rabta mal-emendi possibbli tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol. Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet ippreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) u diskussa miegħu fis-27 ta’ April 2022. Irċiviet opinjoni pożittiva b’xi riżervi datata d-29 ta’ April 2022. Il-kummenti tal-RSB ġew indirizzati fir-rapport finali tal-valutazzjoni tal-impatt.
Ġew eżaminati l-għażliet li ġejjin għal diversi valuri ta’ limitu għall-asbestos:
·xenarju bażi ta’ ebda azzjoni ulterjuri tal-UE (għażla 1); u
·l-għażliet għal diversi limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol, filwaqt li jitqiesu l-valutazzjoni xjentifika tal-RAC, l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, u l-limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol fis-seħħ fl-Istati Membri (l-evalwazzjoni xjentifika tipprovdi approċċ sod ibbażat fuq l-evidenza, filwaqt li l-opinjoni tal-ACSH tipprovdi informazzjoni importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-għażliet tal-limitu rivedut ta’ esponiment fuq ix-xogħol).
Bosta għażliet oħrajn twarrbu fi stadju bikri minħabba li tqiesu sproporzjonati jew anqas effettivi sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din l-inizjattiva. Dawn l-għażliet imwarrbin kienu relatati mal-mod kif jiġi stabbilit limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol, mal-għażla ta’ strument ieħor, jew mal-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Alternattivi mhux regolatorji bħal dokumenti ta’ gwida jew eżempji ta’ prattika tajba ma ġewx ikkunsidrati effettivi biżżejjed sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din l-inizjattiva peress li jkunu jirriżultaw f’dispożizzjonijiet mhux vinkolanti. L-adozzjoni ta’ soluzzjoni differenti għall-SMEs twarrbet ukoll minħabba li numru sinifikanti ħafna ta’ ħaddiema affettwati mill-esponiment għall-asbestos huma impjegati minn SMEs u l-ħaddiema kollha għandu jkollhom l-istess livell ta’ protezzjoni indipendentement mid-daqs tal-intrapriża.
Il-Kummissjoni analizzat l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali tad-diversi għażliet ta’ politika. Ir-riżultati ta’ din l-analiżi huma ppreżentati fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta. L-għażliet ta’ politika tqabblu u l-għażla ppreferuta ntgħażlet fuq il-bażi tal-kriterji li ġejjin: l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza. Il-kostijiet u l-benefiċċji ġew ikkalkolati fuq perjodu ta’ 40 sena. Il-piż futur tal-mard ġie stmat matul l-istess perjodu sabiex jitqies kif xieraq il-perjodu ta’ latenza għall-kanċer. Il-passi analitiċi kollha twettqu f’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar.
Il-Kummissjoni qabblet l-għażliet previsti u qieset il-pożizzjonijiet tad-diversi gruppi ta’ interess tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol. Fuq il-bażi ta’ dan, il-Kummissjoni għażlet l-għażla ppreferuta li tistabbilixxi limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol ugwali għal 0,01 fibri/cm3 bħala TWA ta’ 8 sigħat u sarrfitha f’dispożizzjoni leġiżlattiva korrispondenti stabbilita f’din il-proposta. Din l-għażla hija meqjusa bilanċjata u ġustifikata fid-dawl tal-benefiċċji miksubin u fit-tul tagħha f’termini tat-tnaqqis tar-riskji għas-saħħa li jirriżultaw mill-esponiment tal-ħaddiema għall-asbestos u mis-salvataġġ tal-ħajjiet, mingħajr ma tpoġġi piż sproporzjonat fuq in-negozji fis-setturi kkonċernati, inkluż fuq l-intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju.
Filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi tekniċi u l-ħtieġa li jitkejlu livelli ta’ esponiment ferm aktar baxxi sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-limitu potenzjalment rivedut ta’ esponiment fuq ix-xogħol, il-gruppi ta’ interess kollha tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol qablu li, minbarra l-PCM (bħalissa l-metodu ta’ referenza għall-kwantifikazzjoni tal-fibri tal-asbestos fl-arja fuq il-post tax-xogħol), tista’ tintuża metodoloġija aktar moderna u sensittiva bbażata fuq l-EM meta fattibbli. Il-GIG u l-EIG enfasizzaw ukoll li se jkun meħtieġ xi żmien sabiex tiġi implimentata l-metodoloġija l-ġdida ta’ kejl peress li ħafna Stati Membri għadhom jużaw il-PCM. Għalhekk, se jkun neċessarju perjodu ta’ adattament sabiex il-laboratorji jkunu jistgħu jiksbu tagħmir ġdid, jitħarrġu t-tekniċi u jiġi organizzat paragun bejn il-laboratorji.
Mingħajr azzjoni tal-UE, huwa stmat li l-ħaddiema esposti għall-asbestos se jkomplu jiffaċċjaw riskju ogħla li jiżviluppaw kanċer okkupazzjonali. Skont xenarju bażi, jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni, il-livelli attwali ta’ esponiment se jwasslu għal 884 każ ta’ kanċer attribwibbli għall-esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos fl-EU-27 matul l-40 sena li ġejjin, li fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal 707 mwiet matul l-istess perjodu. L-istudju li jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt jistma li dawn il-każijiet stmati tal-kanċer jirriżultaw f’kostijiet tas-saħħa ta’ bejn EUR 228 miljun u EUR 438 miljun.
L-impatt fuq il-ħaddiema
Fir-rigward tal-impatt fuq il-ħaddiema, din l-inizjattiva għandha tirriżulta fl-evitar ta’ każijiet ta’ kanċer relatati max-xogħol, filwaqt li tnaqqas effetti bħat-tbatija tal-ħaddiema u tal-familji li jindukrawhom, kwalità tal-ħajja mnaqqsa jew benesseri mdgħajjef. Huwa stmat li jistgħu jiġu evitati 663 każ ta’ kanċer (kanċer tal-pulmun, mesoteljoma, kanċer tal-larinġi u kanċer tal-ovarji). Il-benefiċċju tas-saħħa monetizzat tal-inizjattiva huwa vvalutat għal bejn EUR 166 miljun u EUR 323 miljun. Barra minn hekk, il-pubbliku usa’ jista’ jibbenefika minn tnaqqis fil-ġenerazzjoni u fit-tixrid tat-trab tal-asbestos fiż-żoni tal-madwar bħala riżultat ta’ RMMs miżjudin/imtejbin.
L-impatt fuq l-impjegaturi
Fir-rigward tal-impatt fuq l-impjegaturi, din l-inizjattiva tista’ twassal għal kostijiet operatorji ogħla għall-kumpaniji, li se jkollhom jaġġustaw il-prattiki ta’ ħidma tagħhom sabiex jikkonformaw mal-limitu l-ġdid ta’ esponiment fuq ix-xogħol. Dawk il-kostijiet jikkonsistu f’kostijiet inkrementali tal-RMMs (inkluż tagħmir protettiv respiratorju), kostijiet tan-notifika u tas-sorveljanza medika, kostijiet tal-monitoraġġ u kostijiet tat-taħriġ. Il-kostijiet possibbli tal-kejl addizzjonali minħabba valur ta’ limitu aktar baxx ikunu jinvolvu piż amministrattiv addizzjonali limitat ħafna għall-kumpaniji. L-għażla magħżula tkun tinvolvi l-anqas kostijiet għall-kumpaniji.
Huma stmati li ftit kumpaniji żgħar biss f’numru limitat ta’ setturi (eż. tiswija ta’ tagħmir elettriku) jiffaċċjaw impatt negattiv moderat. Fil-biċċa l-kbira, il-kostijiet x’aktarx li jingħaddew lill-klijenti.
Mhuwiex mistenni li numru sinifikanti ta’ kumpaniji jwaqqfu l-operazzjonijiet bħala riżultat tal-għażla ppreferuta. Konsegwentement, mhu previst l-ebda telf nett sinifikanti ta’ impjieg. Il-benefiċċji ta’ persunal aktar b’saħħtu jista’ jkollhom effetti indiretti fuq ir-reputazzjoni tal-kumpaniji, peress li x-xogħol bl-asbestos jista’ jitqies anqas bħala linja riskjuża ta’ xogħol assoċjata ma’ kwistjonijiet tas-saħħa. B’riżultat ta’ dan, il-kumpaniji jistgħu jsibuha aktar faċli li jirreklutaw u jżommu l-persunal, inaqqsu l-kost tar-reklutaġġ u jżidu l-produttività tal-ħaddiema.
Il-proposta ma żżid l-ebda obbligu ta’ informazzjoni u, għalhekk, ma twassalx għal żieda fil-piż amministrattiv fuq in-negozji.
Ftit li xejn hemm data mkejla dwar l-impatt fuq l-ambjent. Madankollu, huwa maħsub li r-rilaxx tal-asbestos huwa relattivament baxx fuq il-bażi tar-regoli attwali dwar l-iskart tal-asbestos u dwar l-attivitajiet ta’ demolizzjoni jew ta’ manutenzjoni li jinvolvu l-asbestos fil-bini. Minħabba dawn il-livelli baxxi ta’ rilaxx, l-impatti ambjentali tal-asbestos huma meqjusin bħala relattivament baxxi minkejja l-persistenza u t-tossiċità tal-fibri tal-asbestos. Aktar RMMs sabiex tinżamm il-konformità ma’ limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol aktar strett tista’ tgħin ukoll sabiex ittejjeb b’mod marġinali l-esponiment ambjentali għall-asbestos, għalkemm huwa improbabbli li jiġu osservati differenzi sinifikanti. L-impatt ambjentali tal-asbestos jitnaqqas mil-leġiżlazzjoni attwali tal-UE dwar l-iskart, li tirregola b’mod komprensiv il-ġestjoni ambjentalment soda tal-iskart tal-asbestos ladarba jiġi ġġenerat. L-iskart tal-asbestos huwa kklassifikat bħala skart perikoluż. Għalhekk, skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, japplikaw regoli speċifiċi u aktar stretti għall-ġenerazzjoni, għat-trasport u għall-immaniġġar ta’ skart bħal dan, inklużi obbligi ta’ rapportar u ta’ traċċabbiltà sabiex jiġi żgurat li l-iskart jiġi mmaniġġat b’mod li jitħares l-ambjent.
Peress li l-kumpaniji jistgħu jgħaddu kostijiet addizzjonali minn limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol aktar stretti lill-konsumaturi, għandhom jiġu kkunsidrati l-impatti negattivi potenzjali fuq l-objettivi ta’ rinnovazzjoni u ekoloġiċi (eż. rinnovazzjonijiet posposti u ffrankar tal-enerġija mitluf). Aktar ma jkun strett il-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol, aktar ikunu kbar dawn l-impatti negattivi. Il-bini huwa responsabbli għal 36 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra relatati mal-enerġija. Minħabba li aktar minn 85 % tal-bini attwali se jkun għadu wieqaf fl-2050, ir-rinnovazzjonijiet tal‑effiċjenza enerġetika se jkunu essenzjali sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. F’dan il-kuntest, l-istrateġija dwar il-mewġa ta’ rinnovazzjoni għandha l-għan li tirdoppja r-rata annwali ta’ rinnovazzjoni tal-enerġija sal-2030. Xogħlijiet speċjalizzati ta’ rinnovazzjoni sabiex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija jistgħu jagħtu spinta lill-valur fit-tul tal-proprjetajiet u joħolqu l-impjiegi u l-investiment, li spiss ikunu bbażati fuq ktajjen tal-provvista lokali.
L-impatti fuq it-tibdil fil-klima
L-asbestos għandu l-proprjetà li jassorbi l-molekuli tad-diossidu tal-karbonju mdewbin fl-ilma tax-xita jew fl-ajru, u b’hekk jista’ jkollu rwol fit-tibdil fil-klima. Madankollu, peress li r-rilaxxi fl-ambjent se jkunu baxxi, din l-inizjattiva mhijiex mistennija jkollha impatt fuq it-tibdil fil-klima.
Min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet estremi tat-temp minħabba t-tibdil fil-klima jistgħu jżidu l-erożjoni tal-materjali tal-asbestos li għadhom preżenti (eż. pjanċi tas-soqfa u materjali esterni oħra tal-bini li fihom l-asbestos) u, b’hekk, jiżdied il-potenzjal li jiġu rrilaxxati fl-ambjent.
L-impatt fuq l-Istati Membri / l-awtoritajiet nazzjonali
Fir-rigward tal-impatt fuq l-Istati Membri / l-awtoritajiet nazzjonali, l-Istati Membri li għandhom fis-seħħ limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos fil-livell tal-valur ta’ limitu stabbilit f’din l-inizjattiva jew aktar baxx minnu se jkunu affettwati anqas mill-Istati Membri li għandhom fis-seħħ limitu ogħla ta’ esponiment fuq ix-xogħol. Il-kostijiet għall-awtoritajiet nazzjonali stmati għal madwar EUR 390 000 għal kull pajjiż u fis-sena mhumiex mistennijin ikunu sinifikanti. Dawk il-kostijiet huma relatati ma’: (i) kostijiet tat-traspożizzjoni għall-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali sabiex jiġu akkomodati l-bidliet fil-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol; (ii) kostijiet għat-tibdil tal-linji gwida (inklużi miżuri rakkomandati sabiex jiġi żgurat li l-konċentrazzjonijiet tal-esponiment fuq ix-xogħol jkunu ferm anqas mil-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol); u (iii) kostijiet ta’ infurzar, ta’ monitoraġġ u ta’ aġġudikazzjoni. Il-kostijiet skont il-punt (iii) ġejjin esklussivament mill-proċessar ta’ notifiki ġodda, u huma stmati li jkunu f’medda ta’ bejn EUR 650 miljun u EUR 2.18 biljun fuq 40 sena jew EUR 16.25-il miljun u EUR 54.5 miljun fis-sena.
Fuq il-bażi tal-esperjenza miġbura mill-ħidma tal-Kumitat tal-Ispetturi Għolja tax-Xogħol (SLIC) u wara li ġie kkunsidrat il-mod kif l-attivitajiet ta’ infurzar huma organizzati fi Stati Membri differenti, mhuwiex probabbli li r-reviżjoni tal-valur ta’ limitu għall-asbestos fid-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol se jkollha xi impatt fuq il-kost globali tal-ispezzjonijiet. L-ispezzjonijiet huma ppjanati l-aktar b’mod indipendenti mill-proposta, spiss wara l-ilmenti, jew f’konformità mal-istrateġija tal-ispezzjonijiet ta’ awtorità partikolari. Madankollu, l-ispezzjonijiet jistgħu jindirizzaw l-industriji rilevanti fejn ikun preżenti l-asbestos.
Din l-inizjattiva għandha tgħin ukoll sabiex jittaffa t-telf finanzjarju tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri billi tipprevjeni l-mard. Il-benefiċċji stmati għall-awtoritajiet pubbliċi (EUR 3,4 miljun fuq 40 sena) huma iżgħar mill-kostijiet kwantifikati (madwar EUR 421 miljun fuq 40 sena).
Fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali u sabiex issir aktar effiċjenti, l-għażla preferuta telimina l-ħtieġa li l-Istati Membri jwettqu l-analiżi xjentifika tagħhom stess sabiex jirrevedu l-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol. Is-simplifikazzjoni tgħin ukoll lill-impjegaturi jiżguraw il-konformità legali, b’mod partikolari lill-impjegaturi li joperaw f’diversi Stati Membri.
Kontribuzzjoni għall-iżvilupp sostenibbli
L-inizjattiva se tgħin sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) dwar is-saħħa tajba u l-benessri (
SDG 3
) u x-xogħol deċenti u t-tkabbir ekonomiku (
SDG 8
). Hija mistennija wkoll ikollha impatt pożittiv fuq l-SDG dwar l-industrija, l-innovazzjoni u l-infrastruttura (
SDG 9
) u fuq l-SDG dwar il-produzzjoni u l-konsum responsabbli (
SDG 12
).
L-impatt fuq id-diġitalizzazzjoni
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
L-impatt fuq l-SMEs
Din il-proposta ma fihiex eċċezzjonijiet għall-mikrointrapriżi jew għall-SMEs. Skont id-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol, l-SMEs mhumiex eżentati mill-obbligu li jnaqqsu l-esponiment tal-ħaddiema għat-trab mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos fil-post tax-xogħol għal minimu u fi kwalunkwe każ taħt il-valur ta’ limitu stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol.
Ir-reviżjoni tal-valur ta’ limitu għall-asbestos kif previst f’din il-proposta ma għandu jkollha l-ebda impatt fuq dawk l-SMEs li jinsabu fi Stati Membri fejn il-valuri ta’ limitu nazzjonali huma ugwali jew anqas mill-valuri proposti. Madankollu, jista’ jkun hemm impatt ekonomiku fuq l-SMEs u fuq negozji oħrajn fi Stati Membri li bħalissa għandhom fis-seħħ limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol ogħla għall-asbestos.
Il-kumpaniji ż-żgħar, li jirrappreżentaw 99,32 % tal-kumpaniji li jaħdmu bl-asbestos fis-setturi kollha, x’aktarx se jiġu affettwati aktar mil-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol imnaqqas għall-asbestos.
Il-kostijiet mistennijin ikollhom impatt żgħir (proporzjon tal-kost/fatturat ta’ bejn 2 u 4 %) fis-setturi tat-tiswija tat-tagħmir elettriku, tat-tiswija u l-manutenzjoni tal-bastimenti u tad-dgħajjes, u tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-vetturi bil-mutur (0,02 % tal-kumpaniji kollha li jittrattaw l-asbestos). Bl-eċċezzjoni tal-SMEs f’dawn is-setturi, il-maġġoranza l-kbira tal-SMEs mhux neċessarjament se jkunu affettwati minn żidiet fil-kostijiet.
Għalhekk, jista’ jiġi konkluż li l-analiżi ġenerali ppreżentata fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta qieset kif xieraq l-ispeċifiċitajiet, il-limitazzjonijiet u l-isfidi partikolari tal-SMEs.
L-impatt fuq il-kompetittività jew fuq il-kummerċ internazzjonali tal-UE
Din l-inizjattiva se jkollha impatt pożittiv fuq il-kompetizzjoni fis-suq uniku billi: (i) tnaqqas id-differenzi kompetittivi bejn id-ditti li joperaw fi Stati Membri b’limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol nazzjonali differenti għall-asbestos; u (ii) tipprovdi ċertezza akbar dwar limitu ta’ esponiment infurzabbli fl-UE kollha.
L-introduzzjoni ta’ limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol aktar baxx se jkollha impatt iżgħar fuq il-kompetittività tal-kumpaniji li diġà huma eqreb ta’ kwalunkwe limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol li qiegħed jiġi vvalutat. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-kumpaniji li jaħdmu fi Franza, fid-Danimarka, fin-Netherlands u fil-Ġermanja, fejn il-limiti ta’ esponiment fuq ix-xogħol huma simili għall-għażla proposta tal-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol (0,01 fibri/cm3) jew anqas minnha.
Dan jista’ jagħmel lil dawn il-kumpaniji aktar kosteffettivi mill-kumpaniji li tradizzjonalment jaħdmu xi mkien ieħor fl-UE jew barra mill-UE. Madankollu, il-biċċa l-kbira tax-xogħol li jinvolvi l-asbestos isir in situ (jiġifieri fil-post tal-bini). Konsegwentement, il-kumpaniji ma jistgħux jibbenefikaw minn xi vantaġġ kompetittiv li jirriżulta minn rekwiżiti anqas stretti fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet relatati mal-asbestos jitwettqu minn kumpaniji li jaħdmu fi Stat Membru wieħed biss, kumpaniji akbar (u, sa ċertu punt, anki kumpaniji ta’ daqs medju) b’faċilitajiet f’diversi Stati Membri jistgħu jibbenefikaw minn simplifikazzjoni amministrattiva, minħabba sett armonizzat ta’ rekwiżiti ta’ konformità.
•Drittijiet fundamentali
L-impatt fuq id-drittijiet fundamentali jitqies pożittiv, b’mod partikolari fir-rigward tal-Artikolu 2 (Id-dritt għall-ħajja) u tal-Artikolu 31 (Kondizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
F’termini ta’ ugwaljanza bejn il-ġeneri, 97 % tal-ħaddiema fis-settur tal-kostruzzjoni huma rġiel.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma tirrikjedix riżorsi baġitarji u tal-persunal addizzjonali għall-baġit tal-UE jew għall-korpi stabbiliti mill-UE.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
L-indikaturi ewlenin użati meta jiġu mmonitorjati l-impatti ta’ din id-Direttiva huma: (i) in-numru ta’ każijiet ta’ mard okkupazzjonali u ta’ kanċer relatat max-xogħol fl-UE; u (ii) it-tnaqqis tal-kostijiet relatati mal-kanċer okkupazzjonali għan-negozji u għas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-UE.
Il-monitoraġġ tal-ewwel indikatur huwa bbażat fuq: (i) id-data disponibbli miġbura mill-Eurostat; (ii) id-data notifikata mill-impjegaturi lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti dwar każijiet ta’ kanċer identifikati f’konformità mad-dritt jew mal-prattika nazzjonali li jirriżultaw minn esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos f’konformità mal-Artikolu 14(8) tas-CMRD, li tista’ tiġi aċċessata mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 18 tas-CMRD; u (iii) id-data sottomessa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol dwar is-sottomissjoni lill-Kummissjoni ta’ rapporti dwar l-implimentazzjoni prattika tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol f’konformità mal-Artikolu 17a tad-Direttiva Qafas dwar l-OSH.
Il-monitoraġġ tat-tieni indikatur jeħtieġ it-tqabbil tad-data stmata dwar il-piż tal-kanċer relatat mal-post tax-xogħol f’termini ta’ telf ekonomiku u tal-kostijiet tal-kura tas-saħħa u tad-data miġbura sussegwentement dwar dawn il-kwistjonijiet wara l-adozzjoni tar-reviżjoni. It-telf fil-produttività u fil-kostijiet tal-kura tas-saħħa jistgħu jiġu kkalkolati bl-użu tan-numru ta’ każijiet ta’ kanċer okkupazzjonali u tan-numru ta’ mwiet minħabba l-kanċer okkupazzjonali.
Il-konformità tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet emendati se tiġi vvalutata f’żewġ stadji (kontrolli tat-traspożizzjoni u tal-konformità). Il-Kummissjoni se tevalwa l-implimentazzjoni prattika tal-emenda proposta bħala parti mill-evalwazzjoni perjodika li trid twettaq skont l-Artikolu 17a tad-Direttiva Qafas dwar l-OSH. L-applikazzjoni u l-infurzar se jiġu mmonitorjati mill-awtoritajiet nazzjonali, b’mod partikolari l-ispettorati tax-xogħol nazzjonali.
Fil-livell tal-UE, l-SLIC jinforma lill-Kummissjoni bi kwalunkwe problema prattika relatata mal-infurzar tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol, inklużi diffikultajiet rigward il-konformità ma’ valur ta’ limitu vinkolanti għall-asbestos.
Il-ġbir ta’ data affidabbli f’dan il-qasam huwa kumpless. Għalhekk, il-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) qegħdin jaħdmu b’mod attiv sabiex itejbu l-kwalità u d-disponibbiltà tad-data, sabiex l-impatt attwali tal-inizjattiva proposta jkun jista’ jitkejjel b’mod aktar akkurat u jkunu jistgħu jiġu żviluppati indikaturi addizzjonali (eż. dwar il-mortalità kkawżata minn kanċer okkupazzjonali).
Il-proġetti li għaddejjin li jiġġeneraw data utli jinkludu l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali dwar il-ġbir tad-data tal-Istatistika Ewropea dwar il-Mard Okkupazzjonali u l-istħarriġ dwar l-esponiment tal-ħaddiema dwar il-fatturi ta’ riskju tal-kanċer li għandu jiġi implimentat mill-EU-OSHA. Jeħtieġ li l-azzjoni leġiżlattiva tiġi segwita minn implimentazzjoni effettiva fuq il-post tax-xogħol. Il-kumpaniji jistgħu jużaw il-firxa wiesgħa ta’ għodod, ta’ informazzjoni u ta’ prattiki tajbin ipprovduti mill-EU-OSHA bħala parti mill-Kampanja Postijiet tax-Xogħol Ħielsa mill-Periklu dwar sustanzi perikolużi.
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, biħsiebha wkoll tiżviluppa linji gwida sabiex tappoġġa l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol ladarba tiġi adottata l-emenda proposta tagħha. Il-linji gwida jistgħu jipprovdu informazzjoni fil-fond dwar id-dispożizzjonijiet diġà inklużi fil-verżjoni attwali tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol (pereżempju dwar it-taħriġ u l-użu ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali). Uħud minn dawn id-dispożizzjonijiet jaqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri (bħaċ-ċertifikazzjoni tad-ditti tat-tneħħija tal‑asbestos), iżda l-kjarifika u l-pariri dwarhom jistgħu jkunu ta’ benefiċċju.
Huwa kruċjali li jiġi promoss taħriġ xieraq għall-ħaddiema li jimmaniġġaw l-asbestos bħala parti minn xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, ta’ rinnovazzjoni u ta’ demolizzjoni. Il-linji gwida jistgħu jgħinu lill-Istati Membri u lill-impjegaturi, speċjalment lill-SMEs, sabiex jiżguraw li l-ħaddiema jkunu konxji tal-prekawzjonijiet li għandhom jittieħdu, sabiex jinkiseb l-ogħla livell ta’ protezzjoni.
Il-linji gwida jistgħu jindirizzaw ukoll kwistjonijiet oħrajn relatati mal-proċedura ta’ dekontaminazzjoni, li jissupplimentaw id-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol dwar:
it-tfassil ta’ pjan ta’ ħidma qabel ma jinbeda xogħol ta’ demolizzjoni jew xogħol fuq it-tneħħija tal-asbestos u/jew prodotti li fihom l-asbestos minn bini, minn strutturi, minn impjanti jew minn installazzjonijiet jew minn bastimenti, li, fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti, iridu jinkludu informazzjoni dwar il-protezzjoni u d-dekontaminazzjoni ta’ dawk li jwettqu x-xogħol (l-Artikolu 13(2), it-tielet subparagrafu, il-punt (d)(i)); u
it-taħriġ tal-ħaddiema, li jippermettilhom jiksbu l-għarfien u l-ħiliet neċessarji f’termini ta’ prevenzjoni u ta’ sikurezza, b’mod partikolari fir-rigward tal-proċeduri ta’ dekontaminazzjoni (l-Artikolu 14(2)(g)).
Il-linji gwida jistgħu jindirizzaw ukoll xi dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (bħaċ-ċertifikazzjoni tad-ditti tat-tneħħija tal-asbestos). Appoġġ addizzjonali dwar dawn id-dispożizzjonijiet jista’ jkun ta’ benefiċċju. Il-linji gwida jistgħu jipprovdu wkoll informazzjoni prattika dwar kunċetti relatati mal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol, bħall-esponiment sporadiku u ta’ intensità baxxa, in-nuqqas ta’ tifrik, il-kampjunar, il-pjanijiet ta’ ħidma, in-notifiki lill-awtoritajiet nazzjonali, il-kontrolli tal-immuntar tat-tagħmir ta’ sikurezza personali, il-kustodja ta’ rekords mediċi u ta’ ċertifikati mediċi. Meta jkun xieraq, il-linji gwida se jkunu jinkludu tweġibiet speċifiċi għas-settur. Dan ikun jippermetti lil dawk kollha involuti jwettqu n-numru mistenni ta’ rinnovazzjonijiet, filwaqt li jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ protezzjoni tal-ħaddiema mill-esponiment għall-asbestos.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
L-Istati Membri jeħtiġilhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u d-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol. Hija meħtieġa informazzjoni mhux ambigwa dwar it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti minn din il-proposta.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, huwa ssuġġerit li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom billi jipprovdu dokument ta’ spjegazzjoni wieħed jew aktar fejn tiġi spjegata r-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Artikolu 1
L-Artikolu 1 jipprevedi l-emenda tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tal-aġġornament tal-valur ta’ limitu għall-asbestos u ta’ aspetti minuri oħrajn marbutin mat-tnaqqis tal-limitu attwali ta’ esponiment fuq ix-xogħol (bħat-tekniki tal-kejl u l-kjarifiki u l-adattamenti tekniċi u lingwistiċi tat-test tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol).
Għalhekk, qiegħed jiġi propost li l-Artikolu 8 jiġi ssostitwit b’Artikolu 8 ġdid li jirrikjedi li l-impjegaturi jiżguraw li l-ebda ħaddiem ma jkun espost għal konċentrazzjoni ogħla ta’ asbestos fl-ajru minn 0,01 fibri/cm3 bħala TWA ta’ 8 sigħat. Peress li huwa possibbli li jitkejjel limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol ugwali għal 0,01 fibri/cm³ bil-PCM, mhu meħtieġ l-ebda perjodu ta’ tranżizzjoni għall-implimentazzjoni tal-limitu rivedut ta’ esponiment fuq ix-xogħol.
Madankollu, wara l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, l-użu ta’ metodoloġija aktar moderna u sensittiva bbażata fuq l-EM kull meta jkun possibbli jissemma b’mod espliċitu fl-Artikolu, minbarra l-għadd rakkomandat tal-fibri bil-PCM, bħala metodu li jagħti riżultati ekwivalenti jew aħjar mill-PCM.
Dispożizzjoni espliċita li l-asbestos skont it-tifsira tad-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol huwa karċinoġeniku u li l-asbestos ifisser is-silikati tal-fibri kklassifikati bħala karċinoġeni 1A skont ir-Regolament (KE) 1272/2008 ġiet inkluża sabiex jiġu evitati ambigwitajiet u interpretazzjonijiet diverġenti.
L-Artikolu 1 jiċċara wkoll l-obbligu tal-impjegaturi li jnaqqsu l-esponiment tal-ħaddiema għat-trab mill-asbestos jew minn materjali li fihom l-asbestos fil-post tax-xogħol għall-minimu, bil-preċiżjoni li fi kwalunkwe każ irid ikun livell baxx kemm jista’ jkun teknikament possibbli taħt il-limitu stabbilit mill-proposta.
L-obbligu tal-impjegaturi li jieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex jidentifikaw materjali preżunti li fihom l-asbestos qabel ma jibdew ix-xogħol ta’ demolizzjoni jew ta’ manutenzjoni billi jiksbu informazzjoni mingħand is-sidien tal-bini, huwa estiż biex ikopri sorsi rilevanti oħrajn ta’ informazzjoni, bħar-reġistri rilevanti.
Artikoli 2 sa 4
L-Artikoli 2 sa 4 fihom id-dispożizzjonijiet dwar it-traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri. L-Artikolu 3 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva proposta.
2022/0298 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2009/148/KE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji konnessi mal-espożizzjoni għall-asbestos fuq ix-xogħol
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153(2), punt (b), flimkien mal-paragrafu 1, il-punt (a), tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Id-Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandha l-għan li tipproteġi lill-ħaddiema mir-riskji għas-saħħa u għas-sikurezza tagħhom mill-esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol. F’dik id-Direttiva huwa pprovdut livell konsistenti ta’ protezzjoni mir-riskji relatati mal-esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos permezz ta’ qafas ta’ prinċipji ġenerali li jippermetti li l-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni konsistenti tar-rekwiżiti minimi. L-għan ta’ dawn ir-rekwiżiti minimi huwa li jipproteġu lill-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li jkunu jistgħu jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet aktar stretti mill-Istati Membri.
(2)Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar stretti u/jew speċifiċi li jinsabu fid-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(3)L-asbestos huwa aġent karċinoġeniku perikoluż ħafna, li għadu jaffettwa setturi ekonomiċi differenti, bħall-bini u r-rinnovazzjoni, l-estrazzjoni u l-barrieri, l-immaniġġar tal-iskart u t-tifi tan-nar, fejn il-ħaddiema jinsabu f’riskju għoli li jkunu esposti. Il-fibri tal-asbestos huma kklassifikati bħala karċinoġeni 1A skont ir-Regolament (KE) 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Meta jittieħdu bin-nifs, il-fibri tal-asbestos fl-ajru jistgħu jwasslu għal mard serju bħal mesoteljoma u kanċer tal-pulmun, u l-ewwel sinjali tal-marda jistgħu jieħdu medja ta’ 30 sena sabiex jidhru mill-mument tal-esponiment, u fl-aħħar mill-aħħar iwasslu għal imwiet relatati max-xogħol.
(4)Wara l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi l-ġodda fil-qasam, hemm lok sabiex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema esposti għall-asbestos u b’hekk titnaqqas il-probabbiltà li l-ħaddiema jaqbadhom mard relatat mal-asbestos. Billi l-asbestos ma huwiex karċinoġenu b’livell limitu, mhuwiex xjentifikament possibbli li jiġu identifikati l-livelli li taħthom l-esponiment ma jwassalx għal effetti negattivi għas-saħħa. Minflok, tista’ tinkiseb relazzjoni bejn l-esponiment u r-riskju (ERR), li tiffaċilita l-istabbiliment ta’ limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol billi jitqies livell aċċettabbli ta’ riskju eċċessiv. B’konsegwenza ta’ dan, jenħtieġ li l-limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos jiġi rivedut sabiex jitnaqqas ir-riskju billi jitnaqqsu l-livelli ta’ esponiment.
(5)Il-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer jappoġġa l-ħtieġa għal azzjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-ħaddiema kontra sustanzi karċinoġeniċi. Protezzjoni mtejba tal-ħaddiema esposti għall-asbestos tkun importanti wkoll fil-kuntest tat-tranżizzjoni ekoloġika u tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, inkluża b’mod partikolari l-mewġa ta’ rinnovazzjoni għall-Ewropa. Ir-rakkomandazzjonijiet taċ-ċittadini fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa enfasizzaw ukoll l-importanza ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, b’mod partikolari r-reviżjoni tad-Direttiva 2009/148/KE.
(6)Valur ta’ limitu vinkolanti ta’ esponiment fuq ix-xogħol għall-asbestos, li ma jistax jinqabeż, huwa komponent importanti tal-arranġamenti ġenerali għall-protezzjoni tal-ħaddiema, stabbiliti bid-Direttiva 2009/148/KE, minbarra l-miżuri xierqa ta’ mmaniġġar tar-riskji (RMMs) u għall-provvista ta’ tagħmir respiratorju u ta’ tagħmir ta’ sikurezza personali ieħor adegwati.
(7)Jenħtieġ li l-valur ta’ limitu għall-asbestos stabbilit fid-Direttiva 2009/148/KE jiġi rivedut fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-evidenza xjentifika u tad-data teknika reċenti. Ir-reviżjoni tiegħu hija wkoll mod effettiv sabiex jiġi żgurat li l-miżuri preventivi u protettivi jiġu aġġornati kif xieraq fl-Istati Membri kollha.
(8)Jenħtieġ li f’din id-Direttiva jiġi stabbilit valur ta’ limitu rivedut fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, inkluża data xjentifika u teknika aġġornata, u dan jenħtieġ li jkun ibbażat wkoll fuq valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt soċjoekonomiku u fuq tad-disponibbiltà tal-protokolli u tat-tekniki għall-kejl tal-esponiment fuq il-post tax-xogħol. Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkun ibbażata fuq l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Istima tar-Riskji (Committee for Risk Assessment, RAC) tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u fuq l-opinjonijiet tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (ACSH) stabbilit b’Deċiżjoni tal-Kunsill tas-22 ta’ Lulju 2003.
(9)Filwaqt li jitqiesu l-għarfien espert xjentifiku rilevanti u approċċ bilanċjat li jiżgura fl-istess ħin protezzjoni adegwata tal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni u li jiġu evitati żvantaġġi u piżijiet ekonomiċi sproporzjonati għall-operaturi ekonomiċi affettwati (inklużi l-SMEs), jenħtieġ li jiġi stabbilit limitu rivedut ta’ esponiment fuq ix-xogħol ugwali għal 0,01 fibri/cm3 bħala medja ponderata skont il-ħin (TWA) fuq 8 sigħat. Dan l-approċċ bilanċjat huwa sostnut minn objettiv tas-saħħa pubblika li jimmira għat-tneħħija sikura neċessarja tal-asbestos. Ingħatat ukoll kunsiderazzjoni li jiġi propost limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol li jqis kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi sabiex tkun tista’ ssir tneħħija effettiva.
(10)Il-Kummissjoni wettqet ukoll konsultazzjoni f’żewġ stadji mal-maniġment u mal-ħaddiema fil-livell tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 154 tat-Trattat. Hija kkonsultat ukoll lill-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, li adotta opinjoni li pprovdiet ukoll informazzjoni għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-għażliet tal-limitu rivedut ta’ esponiment fuq ix-xogħol. Il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tappella għal proposta biex tiġi aġġornata d-Direttiva 2009/148/KE sabiex jissaħħu l-miżuri tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-ħaddiema mit-theddida tal-asbestos.
(11)Il-mikroskopija ottika, għalkemm ma tippermettix l-għadd tal-iżgħar fibri li jagħmlu ħsara lis-saħħa, hija l-metodu li bħalissa qed jintuża l-aktar għat-tkejjil normali tal-asbestos. Peress li huwa possibbli li jitkejjel limitu ta’ esponiment fuq ix-xogħol ugwali għal 0,01 f/cm³ bil-mikroskopju ta’ kuntrast tal-fażi (PCM), mhu meħtieġ l-ebda perjodu ta’ tranżizzjoni għall-implimentazzjoni tal-limitu rivedut ta’ esponiment fuq ix-xogħol. F’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat ta’ Konsulenza dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, jenħtieġ li tintuża metodoloġija aktar moderna u sensittiva bbażata fuq il-mikroskopija tal-elettroni, filwaqt li titqies il-ħtieġa għal perjodu adegwat ta’ adattament u għal armonizzazzjoni akbar fil-livell tal-UE ta’ metodoloġiji differenti ta’ mikroskopija tal-elettroni.
(12)Filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti għall-minimizzazzjoni tal-esponiment stabbiliti fid-Direttiva 2009/148/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fid-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jenħtieġ li l-impjegaturi jiżguraw li r-riskju relatat mal-esponiment tal-ħaddiema għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol jitnaqqas għall-minimu u, fi kwalunkwe każ, għal livell kemm jista’ jkun teknikament baxx.
(13)Hemm bżonn ta’ miżuri u ta’ prekawzjonijiet speċjali ta’ kontroll għall-ħaddiema esposti jew li x’aktarx ikunu esposti għall-asbestos, bħall-fatt li l-ħaddiema jiġu soġġetti għal proċedura ta’ dekontaminazzjoni u għal taħriġ relatat, bħala kontribut sinifikanti għat-tnaqqis tar-riskji relatati ma’ tali esponiment.
(14)Il-miżuri preventivi għall-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema esposti għall-asbestos u l-impenn previst għall-Istati Membri fir-rigward tas-sorveljanza tas-saħħa tagħhom huma importanti, b’mod partikolari l-issoktar tas-sorveljanza tas-saħħa wara t-tmiem tal-esponiment.
(15)Jenħtieġ li l-impjegaturi jieħdu l-passi neċessarji kollha sabiex jidentifikaw materjali preżunti li fihom l-asbestos, jekk ikun xieraq billi jiksbu informazzjoni mingħand is-sidien tal-bini kif ukoll minn sorsi oħrajn ta’ informazzjoni, inklużi r-reġistri rilevanti. Jenħtieġ li jirrekordjaw, qabel il-bidu ta’ kwalunkwe proġett ta’ tneħħija tal-asbestos, il-presenza jew il-presenza preżunta tal-asbestos f’bini jew f’installazzjonijiet u jikkomunikaw din l-informazzjoni lil oħrajn li jistgħu jkunu esposti għall-asbestos bħala riżultat tal-użu tiegħu, tal-manutenzjoni jew ta’ attivitajiet oħrajn fil-bini jew fuqu.
(16)Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tal-ħaddiema kontra riskji għas-saħħa u għas-sikurezza tagħhom li jirriżultaw minn jew li x’aktarx jistgħu jirriżultaw minn esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol, li jinkludi l-prevenzjoni ta’ dawn ir-riskji, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq dak l-objettiv.
(17)Peress li din id-Direttiva tikkonċerna l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, jenħtieġ li tiġi trasposta fi żmien sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.
(18)Għalhekk, jenħtieġ li d-Direttiva 2009/148/KE tiġi emendata skont dan,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Emendi għad-Direttiva 2009/148/KE
Id-Direttiva 2009/148/KE hija emendata kif ġej:
(1)
fl-Artikolu 1(1), jiddaħħal it-tielet subparagrafu li ġej:
“Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* għandhom japplikaw kull meta jkunu aktar favorevoli għas-saħħa u għas-sikurezza tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.”
* Id-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-espożizzjoni għal karċinoġeni, mutaġeni jew sustanzi tossiċi għar-riproduzzjoni fuq il-post tax-xogħol (Is-Sitt Direttiva individwali fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE (ĠU L 158, 30.04.2004, p. 50), kif emendata l-aħħar bid-Direttiva (UE) 2022/431 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2022 (ĠU L 88, 16.3.2022, p. 1–14).;
(2)
L-Artikolu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 2
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, “asbestos” tfisser is-sustanzi u l-materjali tal-fibra li ġejjin, li huma klassifikati bħala karċinoġeni 1A skont ir-Regolament (KE) 1272/2008*:
* Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1–1355).;
1.(a) asbestos, aċtinolit, CAS* 77536-66-4
(b) asbestos, amosit (grunerit), CAS 12172-73-5;
(c) asbestos, anthofillit, CAS 77536-67-5;
(d) asbestos, krisotil, CAS 12001-29-5;
(e) asbestos, kroċidolit, CAS 12001-28-4;
(f) asbestos, tremolit, CAS 77536-68-6.
*CAS: Numru tal-Chemical Abstracts Service.”;
(3)
L-Artikolu 6 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 6
Għall-attivitajiet kollha msemmijin fl-Artikolu 3(1), l-esponiment ta’ ħaddiema għal trab li joħroġ mill-asbestos jew minn materjali li jkun fihom l-asbestos fuq il-post tax-xogħol għandu jitnaqqas għal minimu u, f’kull każ, għall-aktar livell baxx teknikament possibbli taħt il-valur ta’ limitu stabbilit fl-Artikolu 8, b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:
(a) in-numru ta’ ħaddiema esposti jew x’aktarx li jkunu esposti għat-trab li joħroġ mill-asbestos jew minn materjali li jkun fihom l-asbestos għandu jkun limitat għall-figura l-aktar baxxa possibbli;
(b) il-proċessi tax-xogħol għandhom ikunu disinjati sabiex ma jipproduċux trab tal-asbestos jew, jekk dan ikun impossibbli, li jiġi evitat ir-rilaxx ta’ trab tal-asbestos fl-arja;
(c) il-postijiet kollha u t-tagħmir involut fit-trattament tal-asbestos għandhom ikunu kapaċi jitnaddfu u jiġu mantnuti regolarment u effettivament;
(d) l-asbestos jew materjal li fih l-asbestos li jiġġenera t-trab għandu jinħażen u jiġi ttrasportat f’pakketti ssiġillati kif xieraq;
(e) l-iskart għandu jinġabar u jitneħħa mill-post tax-xogħol kemm jista’ jkun malajr f’pakketti ssiġillati kif xierqa b’tikketti li jindikaw li jkun fihom l-asbestos; din il-miżura ma għandhiex tapplika għal attivitajiet tal-estrazzjoni; imbagħad, skart bħal dan għandu jiġi ttrattat f’konformità mad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.
* Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3).”;
(4)
fl-Artikolu 7(6) l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“L-għadd tal-fibri għandu jsir permezz ta’ mikroskopju ta’ kuntrast tal-fażi (PCM) f’konformità mal-metodu rrakkomandat fl-1997 mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO)* jew, kull fejn possibbli, kwalunkwe metodu ieħor li jagħti riżultati ekwivalenti jew aħjar, bħal metodu bbażat fuq il-mikroskopija tal-elettroni (EM).
* Determination of airborne fibre concentrations. A recommended method, by phase-contrast optical microscopy (membrane filter method), WHO, Ġinevra 1997 (ISBN 92 4 154496 1).”;
(5)
L-Artikolu 8 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 8
L-impjegaturi għandhom jiżguraw li ebda ħaddiem ma jiġi espost għall-konċentrazzjoni ta’ asbestos fl-arja li teċċedi ż-0,01 fibri kull cm³ fuq medja ta’ perjodu ponderat skont il-ħin (TWA) ta’ 8 sigħat.”
(6)
fl-Artikolu 11, l-ewwel subparagrafu huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“Qabel ma jibdew ix-xogħol ta’ demolizzjoni jew ta’ manutenzjoni, l-impjegaturi għandhom jieħdu, jekk ikun xieraq billi jiksbu informazzjoni mingħand is-sidien tal-bini kif ukoll minn sorsi oħrajn ta’ informazzjoni, inklużi r-reġistri rilevanti, il-passi neċessarji kollha sabiex jidentifikaw materjali preżunti li fihom l-asbestos.”
(7)
fl-Artikolu 19, il-paragrafu 2 huwa ssostitwit b’dan li ġej:
“L-impjegatur għandu jdaħħal l-informazzjoni dwar il-ħaddiema involuti fl-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 3(1) f’reġistru. Dik l-informazzjoni għandha tindika n-natura u d-durata tal-attività u tal-esponiment li għalih ikunu ġew soġġetti. It-tabib u/jew l-awtorità responsabbli għas-sorveljanza medika għandu jkollhom aċċess għal dan ir-reġistru. Kull ħaddiem ikkonċernat għandu jkollu aċċess għar-riżultati fir-reġistru li jkollhom x’jaqsmu miegħu personalment. Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni anonima u kollettiva fir-reġistru. ”
Artikolu 2
1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn sentejn wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President