Brussell, 20.9.2022

COM(2022) 476 final

2022/0293(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Kroazja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

   

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew li huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ permezz ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala wieħed anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

Fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Kroazja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni u fil-25 ta’ Settembru 2020, bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 tagħha, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Kroazja bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirrispondi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi tat-tifqigħa għall-ħaddiema.

Fil-25 ta’ Lulju 2022, il-Kroazja reġgħet talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni permezz tar-Regolament SURE.

F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Kroati biex tivverifika ż-żieda għall-għarrieda u qawwija fin-nefqa effettiva relatata direttament ma’ miżuri tas-suq tax-xogħol tal-Kroazja, kawża tal-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jikkonċerna l-miżuri eżistenti msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1348:

(a)    Il-miżura eżistenti li tipprovdi kofinanzjament tas-salarji tal-ħaddiema lil negozji li jesperjenzaw tnaqqis fid-dħul meta mqabbel mal-2019, bil-kundizzjoni li r-relazzjoni tal-impjieg ma tiġix itterminata. Għal Marzu 2020, l-ammont ta’ appoġġ huwa stabbilit għal HRK 3 250 għal kull impjegat full-time, u mix-xahar ta’ April 2020 ’il quddiem, l-ammont ta’ kull xahar ta’ appoġġ huwa stabbilit għal HRK 4 000 għal kull impjegat full-time. L-ammont ta’ appoġġ għal kull impjegat jibqa’ l-istess matul il-perjodu li fih il-miżura tibqa’ attiva, iżda s-setturi li huma eliġibbli għal appoġġ jinbidlu maż-żmien, skont il-kundizzjonijiet ekonomiċi. Għall-perjodu minn Novembru 2020 sa Ġunju 2021, il-kumpaniji li jinsabu f’lockdown b’deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali jirċievu appoġġ għal kull impjegat full-time skont l-għadd ta’ jiem ta’ lockdown iżda mhux aktar minn HRK 4 000 għal xahar sħiħ ta’ lockdown. Il-miżura tneħħiet fl-aħħar ta’ Ġunju 2022.

(b)    Il-miżura eżistenti li tipprovdi appoġġ għat-tnaqqis temporanju tal-ħin tax-xogħol 1 fil-perjodu bejn Ġunju 2020 u Diċembru 2022 lil negozji li jimpjegaw 10 impjegati jew aktar li joperaw fi kwalunkwe settur, bil-kundizzjoni li r-relazzjoni tal-impjieg ma tiġix itterminata. Il-miżura tista’ tiffinanzja sa massimu ta’ HRK 2 000 fix-xahar għal kull impjegat. Il-miżura hija ppjanata li tiġi infurzata sal-aħħar ta’ Diċembru 2022.

Il-Kroazja pprovdiet lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti.

Wara li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lill-Kroazja permezz tar-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672, li skontu ssir il-proposta.

Din il-proposta qed issir apparti strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenzi, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi tas-saħħa pubblika maġġuri u biex jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu 2020.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġa ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u telf ta’ introjtu.

Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt dirett fuq is-soċjetà u fuq l-ekonomija kkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

Proporzjonalità

Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Hija ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja permezz tal-istrument SURE.

Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istat Membru, hemm salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;

·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġi żgurat li jistgħu jingħataw riżorsi suffiċjenti lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

2022/0293 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Kroazja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Wara talba mingħand il-Kroazja fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Kunsill, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 3 , ta assistenza finanzjarja lill-Kroazja fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 1 020 600 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena, u b’perjodu ta’ disponibbiltà ta’ 18-il xahar, bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Kroazja biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

(2)Is-self kellu jintuża mill-Kroazja biex jiġu ffinanzjati l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1348.

(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Kroazja. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika mill-Kroazja fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 (a) u (b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348.

(4)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji li implimentat il-Kroazja fl-2020, fl-2021 u fl-2022 biex trażżan dik it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku kif ukoll dak relatat mas-saħħa tagħha kellhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Fl-2020, il-Kroazja kellha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 7,3 % and 87,3 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament, li naqas għal 2,9 % u 79,8 % rispettivament sa tmiem l-2021. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, il-Kroazja hija prevista li jkollha defiċit u dejn tal-gvern estiż ta’ 1,8 % u 73,1 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2022. Skont it-tbassir interim tas-sajf 2022 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Kroazja huwa proġettat li jonqos bi 3,4 % fl-2022.

(5)Fil-25 ta’ Lulju 2022, il-Kroazja talbet assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni fl-ammont ta’ EUR 550 000 000 bil-ħsieb li tkompli tikkomplimenta l-isforzi nazzjonali tagħha li wettqet fl-2020, fl-2021 u fl-2022 biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema. B’mod partikolari, il-Kroazja estendiet u emendat aktar l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili stabbiliti fil-premessi 6 sa 7.

(6)Abbażi tal-Att dwar is-Suq tax-Xogħol 4 , il-Kroazja introduċiet miżura li tipprovdi kofinanzjament tas-salarji tal-ħaddiema lin-negozji li jesperjenzaw tnaqqis fid-dħul meta mqabbel mal-2019 5 , bil-kundizzjoni li r-relazzjoni tal-impjieg ma tintemmx. Għal Marzu 2020, l-ammont ta’ appoġġ huwa stabbilit għal HRK 3 250 għal kull impjegat full-time, u mix-xahar ta’ April 2020 ’il quddiem, l-ammont ta’ kull xahar ta’ appoġġ huwa stabbilit għal HRK 4 000 għal kull impjegat full-time. L-ammont ta’ appoġġ għal kull impjegat jibqa’ l-istess matul il-perjodu li fih il-miżura tibqa’ attiva, iżda s-setturi li huma eliġibbli għall-appoġġ jinbidlu maż-żmien, skont il-kundizzjonijiet ekonomiċi. Għall-perjodu minn Novembru 2020 sa Ġunju 2021 kumpaniji li jinsabu f’lockdown b’deċiżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali jirċievu appoġġ għal kull impjegat full-time skont l-għadd ta’ jiem ta’ lockdown iżda mhux aktar minn HRK 4 000 għal xahar sħiħ ta’ lockdown. Il-miżura hija estensjoni tal-miżura deskritta fl-Artikolu 3(a) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1348, kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tas-Servizz Kroat għall-Impjiegi (CES) adottata fl-20 ta’ Marzu 2020 u emendata fil-25 ta’ Marzu, is-7 ta’ April, id-9 ta’ April, is-6 ta’ Mejju, it-28 ta’ Mejju, it-18 ta’ Ġunju, il-25 ta’ Ġunju, l-10 ta’ Lulju u d-29 ta’ Lulju, is-7 ta’ Settembru, it-22 ta’ Ottubru, l-4 ta’ Novembru u l-4 ta’ Diċembru 2020. Ġew adottati wkoll emendi sussegwenti mis-CES fl-2021 permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda fit-8 ta’ Jannar, il-21 ta’ Jannar, it-3 ta’ Marzu, il-15 ta’ April, it-30 ta’ April, il-31 ta’ Mejju, it-23 ta’ Lulju, il-25 ta’ Awwissu, id-29 ta’ Settembru, il-15 ta’ Ottubru, l-4 ta’ Novembru, u fl-2022 permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda fis-27 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju 6 . Il-miżura tneħħiet fl-aħħar ta’ Ġunju 2022.

(7) Barra minn hekk, abbażi tal-“Att dwar is-Suq tax-Xogħol”, il-Kroazja introduċiet ukoll miżura li tipprovdi appoġġ għat-tnaqqis temporanju tal-ħin tax-xogħol 7 fil-perjodu bejn Ġunju 2020 u Diċembru 2022 lil negozji li jimpjegaw 10 impjegati jew aktar li joperaw fi kwalunkwe settur, bil-kundizzjoni li r-relazzjoni tal-impjieg ma tiġix itterminata. Il-miżura tista’ tiffinanzja sa massimu ta’ HRK 2 000 fix-xahar għal kull impjegat. Il-miżura hija estensjoni tal-miżura deskritta fl-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1348, kif previst fid-Deċiżjoni tal-Kunsill Amministrattiv tas-Servizz Kroat għall-Impjiegi (CES) adottata fid-29 ta’ Ġunju 2020 u emendata fl-10 ta’ Lulju u fit-22 ta’ Ottubru 2020, emendata ulterjorment fit-8 ta’ Jannar 2021 u fis-27 ta’ Jannar 2022 8 . Il-miżura hija ppjanata li tiġi infurzata sal-aħħar ta’ Diċembru 2022.

(8)Il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Kroazja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 2 220 567 523 mill-1 ta’ Frar 2020 sa tmiem April 2022 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li hija relatata wkoll ma’ estensjoni jew emenda ta’ miżuri nazzjonali eżistenti dwar l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili tas-suq tax-xogħol li jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol f’Ċipru. Il-Kroazja biħsiebha tiffinanzja EUR 631 536 540 tal-ammont miżjud ta’ nfiq permezz ta’ fondi tal-Unjoni u EUR 18 430 983 permezz tal-finanzjament tagħha stess.

(9)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Kroazja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif imsemmija fit-talba tal-25 ta’ Lulju 2022, f’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(10)Għalhekk, jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Kroazja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(11)Minħabba li l-perjodu ta’ disponibbiltà indikat fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 skada, huwa meħtieġ perjodu ta’ disponibbiltà ġdid għall-assistenza finanzjarja addizzjonali. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-assistenza finanzjarja mogħtija bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 għandu jiġi estiż b’21 xahar u b’konsegwenza ta’ dan il-perjodu ta’ disponibbiltà totali jenħtieġ li jkun ta’ 39 xahar mill-ewwel jum wara li tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348.

(12)Jenħtieġ li l-Kroazja u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

(13)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kull proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Din ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(14)Jenħtieġ li l-Kroazja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Kroazja implimentat dik in-nefqa.

(15) Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Kroazja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1348 hija emendata kif ġej:

(1)    L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kroazja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 1 570 600 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.”;

(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 39 xahar li jibdew mill-ewwel jum wara li din id-Deċiżjoni ssir effettiva.”

(c) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, fejn rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għal dan, jew ta’ ftehim ta’ self emendat konkluż bejn il-Kroazja u l-Kummissjoni li jissostitwixxi l-ftehim ta’ self oriġinali.”;

(2)    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Il-Kroazja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)is-sussidji li jippreservaw l-impjiegi fis-setturi affettwati mill-COVID-19, skont l-Artikoli 35 u 36 tal-“Att dwar is-Suq tax-Xogħol” u previsti fid-“Deċiżjoni tas-Servizz Kroat għall-Impjiegi tal-20 ta’ Marzu 2020” u l-emendi sussegwenti permezz tad-deċiżjonijiet meħuda fil-25 ta’ Marzu, is-7 ta’ April, id-9 ta’ April, is-6 ta’ Mejju, it-28 ta’ Mejju, it-18 ta’ Ġunju, il-25 ta’ Ġunju, l-10 ta’ Lulju u d-29 ta’ Lulju, is-7 ta’ Settembru, it-22 ta’ Ottubru, l-4 ta’ Novembru u l-4 ta’ Diċembru 2020. Emendi sussegwenti mis-Servizz Kroat għall-Impjiegi ġew adottati wkoll fl-2021 permezz tad-deċiżjonijiet meħuda fit-8 ta’ Jannar, il-21 ta’ Jannar, it-3 ta’ Marzu, il-15 ta’ April, it-30 ta’ April, l-31 ta’ Mejju, it-23 ta’ Lulju, il-25 ta’ Awwissu, id-29 ta’ Settembru, il-15 ta’ Ottubru, l-4 ta’ Novembru; u fl-2022, permezz ta’ deċiżjonijiet meħuda fis-27 ta’ Jannar u l-31 ta’ Mejju; u

(b)l-għajnuna għal sigħat tax-xogħol imnaqqsa, skont l-Artikoli 35 u 36 tal-“Att dwar is-Suq tax-Xogħol” u kif previst fid-“Deċiżjoni tas-Servizz Kroat għall-Impjiegi tad-29 ta’ Ġunju 2020” u l-emendi sussegwenti tagħha fl-10 ta’ Lulju u fit-22 ta’ Ottubru 2020, emendati ulterjorment fit-8 ta’ Jannar 2021 u fis-27 ta’ Jannar 2022.”;

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol aggregati ta’ kull xahar (jiġifieri tal-ħaddiema kollha) ta’ mill-inqas 10 % meta mqabbla ma’ xahar simili tas-sena ta’ qabel għall-perjodu minn Ġunju sa Diċembru 2020. Minn Jannar 2021, it-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol ta’ kull xahar jeħtieġ li jkun ta’ mill-inqas 20 % meta mqabbla max-xahar simili tas-sena preċedenti.
(2)    ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.
(3)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1348 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Kroazja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19, ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.
(4)    OG 118/18, 32/20
(5)    It-tnaqqis fil-kriterji tad-dħul huwa ta’ 20 % fil-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020, 50 % fil-perjodu minn Ġunju sa Diċembru 2020, u minn Jannar 2021 jeħtieġ li jkun hemm biss tnaqqis fid-dħul meta mqabbel ma’ xahar simili mill-2019.
(6)    Deċiżjonijiet disponibbli fi: https://www.hzz.hr/o-hzz/upravno-vijece/upravno-vijece_sjednice-2021.php  
(7)    Tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol aggregati ta’ kull xahar (jiġifieri tal-ħaddiema kollha) ta’ mill-inqas 10 % meta mqabbel ma’ xahar simili tas-sena ta’ qabel għall-perjodu minn Ġunju sa Diċembru 2020. Minn Jannar 2021, it-tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol ta’ kull xahar jeħtieġ li jkun mill-inqas 20 % meta mqabbel ma’ xahar simili tas-sena preċedenti.
(8)    Deċiżjonijiet disponibbli fi: https://www.hzz.hr/o-hzz/upravno-vijece/upravno-vijece_sjednice-2021.php