Brussell, 20.9.2022

COM(2022) 472 final

2022/0287(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jilliberalizza u jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment bejn il-Partijiet. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Novembru 2019.

2.2.Il-Kumitat għall-Kummerċ

Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jiżgura li l-Ftehim jopera kif suppost, jissorvelja u jiffaċilita l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, jippromwovi l-għanijiet ġenerali tiegħu, jissorvelja l-ħidma tal-kumitati speċjalizzati kollha, il-gruppi ta’ ħidma u korpi oħrajn stabbiliti skont dan il-Ftehim, jikkunsidra modi biex itejjeb aktar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Partijiet, ifittex li jsolvi problemi li jistgħu jinqalgħu f’oqsma koperti minn dan il-Ftehim u jikkunsidra kwalunkwe kwistjoni oħra ta’ interess relatata ma’ qasam kopert minn dan il-Ftehim. Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jiltaqa’ b’mod alternat fl-Unjoni jew f’Singapore kull sentejn jew b’talba ta’ xi waħda mill-Partijiet. Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jkun kopresedut mill-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Kummerċ u l-Ministru għall-Kummerċ u l-Industrija ta’ Singapore, jew id-delegati rispettivi tagħhom. Id-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod unanimu. L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha huma kontinwament infurmati bil-funzjonament tal-Ftehim permezz tal-Kumitat tal-Politika Kummerċjali u d-deċiżjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ huma soġġetti għall-proċedura tal-Artikolu 218(9) TFUE.

2.3.L-att previst tal-Kumitat għall-Kummerċ

Skont l-Artikolu 16.1 il-paragrafu 4, il-punt (f) tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jadotta d-deċiżjoni dwar ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (“l-att previst”).

Il-konsultazzjonijiet dwar l-abbozz tar-Regoli ta’ Proċedura ħadu żmien twil biex jintlaħaq konsensus, u kienu għadhom ma ġewx iffinalizzati sal-ewwel laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ li saret fis-7 ta’ Diċembru 2021.

L-għan tal-att previst huwa li jifformalizza l-funzjonament tal-Kumitat għall-Kummerċ.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 16.4, il-paragrafu 1 tal-Ftehim, li jipprevedi: li l-Partijiet jistgħu jieħdu deċiżjonijiet fil-Kumitat għall-Kummerċ jew f’kumitat speċjalizzat, meta jkun hekk previst fil-Ftehim. Id-deċiżjonijiet li jittieħdu f’tali kumitat għandhom ikunu vinkolanti għall-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw dawk id-deċiżjonijiet.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Jenħtieġ li l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni jkollha l-mira li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ, kif previst fil-Ftehim.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Huwa jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 1 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat għall-Kummerċ huwa sede stabbilita fi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore.

L-att li l-Kumitat għall-Kummerċ huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li jkollu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 16.4, il-paragrafu 1 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni fir-rigward tiegħu. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207(4) TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207(4) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Huwa previst li d-Deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ tiġi ppubblikata ladarba tiġi adottata.

2022/0287 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 91(1) u 100(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/1875 2 u daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Novembru 2019.

(2)Skont il-punt (f) tal-paragrafu 4 tal-Artikolu 16.1 tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim (“il-Kumitat għall-Kummerċ”) jista’ jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess.

(3)Għaldaqstant huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Kumitat għall-Kummerċ sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim.

(4)Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat għall-Kummerċ tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit mill-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura għall-Kumitat għall-Kummerċ, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(2)    ĠU L 294, 14.11.2019, p. 3-755.

Brussell, 20.9.2022

COM(2022) 472 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ


HEMŻA

Abbozz tad-
DEĊIŻJONI Nru …/2022 TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ

ta’ …

li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu

IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, u b’mod partikolari l-Artikolu 16.1, il-paragrafu 4, il-punt (f) tiegħu,

Billi skont l-Artikolu 16.1, il-paragrafu 4, il-punt (f) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore, il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

1.Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ, kif stabbiliti fl-Anness, huma b’dan adottati.

2.Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi [id-data għad trid tiġi maqbula].

Magħmul fi …, ….

Għall-Kumitat għall-Kummerċ

Il-Kopresidenti


ANNESS

IR-REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ

stabbilit mill-Artikolu 16.1 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Singapore, min-naħa l-oħra

REGOLA 1

Rwol u Isem tal-Kumitat għall-Kummerċ

1.Il-Kumitat għall-Kummerċ stabbilit bis-saħħa tal-Artikolu 16.1 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Singapore, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) huwa responsabbli għall-kwistjonijiet kollha msemmijin fl-Artikolu 16.1 tal-Ftehim.

2.Il-Kumitat imsemmi hawn fuq għandu jissemma fid-dokumenti tal-Kumitat, inklużi d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet, bħala l-Kumitat għall-Kummerċ.

REGOLA 2

Kompożizzjoni u Kopresidenza

1.Skont l-Artikolu 16.1 tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jinkludi rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika ta’ Singapore u għandu jkun kopresedut mill-Membru tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Kummerċ u l-Ministru għall-Kummerċ u l-Industrija ta’ Singapore, jew id-delegati rispettivi tagħhom.

2.Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bl-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal delegat inkarigat biex jikkopresedi l-Kumitat għall-Kummerċ għal dik il-Parti. Dan l-uffiċjal delegat jitqies li jkollu l-awtorizzazzjoni li jirrappreżenta l-Parti sad-data li l-Parti tkun innotifikat lill-Parti l-oħra li tkun ħatret Kopresident ġdid.

REGOLA 3

Segretarjat

1.L-uffiċjali mid-dipartiment inkarigat mill-Kummerċ għal kull Parti għandhom jaġixxu bħala s-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ.

2.Kull Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bl-isem, il-pożizzjoni u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal li jkun il-membru tas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ għal dik il-Parti. Dan l-uffiċjal jitqies li jkompli jaġixxi bħala membru tas-Segretarjat għall-Parti sad-data ta’ meta l-Parti tinnotifika lill-Parti l-oħra li tkun ħatret membru ġdid.

REGOLA 4

Laqgħat

1.F’konformità mal-Artikolu 16.1 tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jiltaqa’ kull sentejn jew mingħajr dewmien żejjed fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet.

2.Il-laqgħat għandhom isiru f’data u f’ħin maqbulin alternattivament fi Brussell u f’Singapore, sakemm ma jkunx maqbul mod ieħor mill-Kopresidenti.

3.Il-laqgħat għandhom jissejħu mill-Kopresident tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

4.Laqgħa tista’ ssir bi preżenza fiżika, b’vidjokonferenza, jew bi kwalunkwe mezz ieħor.

REGOLA 5

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, kull membru tas-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ għal kull Parti għandu jinforma lill-membru l-ieħor bil-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tal-parti rispettiva tagħhom. Il-listi għandhom jispeċifikaw l-isem u l-funzjoni ta’ kull membru tad-delegazzjoni.

REGOLA 6

Aġenda tal-laqgħat

1.Mill-inqas 15-il jum qabel il-laqgħa, is-Segretarju tal-Kumitat għall-Kummerċ għandu jfassal aġenda proviżorja għal kull laqgħa fuq il-bażi ta’ proposta magħmula mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa. Il-Parti l-oħra għandu jkollha l-opportunità li tipprovdi kummenti.

2.L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat għall-Kummerċ fil-bidu ta’ kull laqgħa. Il-punti li ma jidhrux fuq l-aġenda proviżorja jistgħu jitqiegħdu fuq l-aġenda bi qbil reċiproku.

REGOLA 7

Stedina tal-esperti

Il-Kopresidenti tal-Kumitat għall-Kummerċ jistgħu, bi ftehim reċiproku, jistiednu esperti indipendenti biex jattendu l-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti speċifiċi u biss għall-partijiet tal-laqgħa fejn jiġu diskussi suġġetti speċifiċi bħal dawn.

REGOLA 8

Minuti

1.L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandu jitħejja mill-membru tas-Segretarjat tal-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa, fi żmien 21 jum minn tmiem il-laqgħa, sakemm il-Kopresidenti ma jiddeċidux mod ieħor. L-abbozz tal-minuti għandu jintbagħat għall-kummenti lill-membru tas-Segretarjat tal-Parti l-oħra.

2.Meta r-regoli preżenti japplikaw għal-laqgħat tal-kumitati speċjalizzati, il-minuti tal-laqgħat tal-kumitat speċjalizzat għandhom ikunu disponibbli għal kwalunkwe laqgħa sussegwenti tal-Kumitat għall-Kummerċ.

3.Bħala regola ġenerali, il-minuti għandhom jiddeskrivu fil-qosor kull punt fl-aġenda, u meta japplika jispeċifikaw:

(a)id-dokumenti kollha ppreżentati lill-Kumitat għall-Kummerċ;

(b)kwalunkwe dikjarazzjoni li wieħed mill-Kopresidenti tal-Kumitat għall-Kummerċ ikun talab li tiddaħħal fil-minuti; u

(c)id-deċiżjonijiet meħuda, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet maqbula u l-konklużjonijiet adottati dwar punti speċifiċi.

4.Il-minuti għandhom jinkludu lista tad-deċiżjonijiet kollha li jkun ħa l-Kumitat għall-Kummerċ bil-proċedura bil-miktub skont ir-Regola 9.2 mill-aħħar laqgħa tal-Kumitat.

5.Anness mal-minuti għandu jinkludi wkoll lista tal-ismijiet u t-titli tal-individwi kollha li attendew il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ u f’liema kapaċità attendewha.

6.Is-Segretarjat għandu jaġġusta l-abbozz tal-minuti fuq il-bażi tal-kummenti rċevuti, u l-abbozz tal-minuti, kif rivedut, għandu jiġi approvat mill-Partijiet fi żmien 30 jum mid-data tal-laqgħa, jew minn xi data oħra maqbula mill-Kopresidenti. Ladarba approvati, is-Segretarjat għandu jħejji żewġ kopji oriġinali tal-minuti, u l-Partijiet għandhom jirċievu kopja oriġinali tal-minuti.

REGOLA 9

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.Il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet fir-rigward ta’ kull kwistjoni li l-Ftehim jipprevedi hekk. Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jadotta deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet bi qbil reċiproku, kif previst fl-Artikolu 16.4 tal-Ftehim.

2.Fil-perjodu ta’ bejn il-laqgħat, il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz tal-proċedura bil-miktub.

3.Għal dik il-fini, it-test ta’ abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni għandu jiġi ppreżentat bil-miktub minn Kopresident lill-Kopresident l-ieħor fil-lingwa ta’ ħidma tal-Kunsill għall-Kummerċ. Il-Parti l-oħra għandu jkollha xahar, jew kwalunkwe perjodu itwal ta’ żmien speċifikat mill-Parti li qed tagħmel il-proposta, biex tesprimi l-aċċettazzjoni tagħha tal-abbozz ta’ deċiżjoni jew rakkomandazzjoni. L-abbozzi ta’ deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiesu bħala adottati ladarba l-Parti l-oħra tesprimi l-aċċettazzjoni tagħha fil-perjodu ta’ żmien speċifikat mill-Parti li qed tagħmel il-proposta u l-adozzjoni tagħhom għandha tiġi mniżżla fil-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ skont ir-Regola 8(4). Jekk il-Parti l-oħra ma tesprimix l-aċċettazzjoni tagħha, id-deċiżjoni jew rakkomandazzjoni proposta għandha tiġi diskussa u tista’ tiġi adottata fil-laqgħa ta’ wara tal-Kunsill għall-Kummerċ.

4.Meta, skont il-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ ikollu s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet, dawn l-atti għandhom jingħataw it-titolu ta’ “Deċiżjoni” jew “Rakkomandazzjoni” rispettivament. Is-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ għandu jagħti numru tas-serje, progressiv, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħha lil kull deċiżjoni jew rakkomandazzjoni. Kull deċiżjoni u rakkomandazzjoni għandha tipprovdi d-data tad-dħul fis-seħħ jew id-data tal-bidu tal-operar tagħha, skont il-każ.

5.Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kumitat għall-Kummerċ għandhom isiru f’żewġ kopji, awtentikati mill-Kopresidenti u trażmessi lil kull Parti.

REGOLA 10

Trasparenza

1.Sakemm fil-Ftehim ma jiġix speċifikat mod ieħor jew il-Partijiet ma jiddeċidux mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma jkunux miftuħa għall-pubbliku.

2.Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha jew online.

3.Meta Parti tippreżenta informazzjoni lill-Kumitat għall-Kummerċ li tkun meqjusa kunfidenzjali skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali, sakemm il-Parti li tkun ippreżentatha ma taqbilx li jsir mod ieħor.

4.Kull Parti tista’ tippubblika fi kwalunkwe mezz xieraq l-aġenda ffinalizzata bejn il-Partijiet qabel il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kummerċ, u l-minuti konġunti approvati mfassla skont ir-Regola 8.

5.Il-pubblikazzjoni tad-dokumenti msemmija fil-paragrafi 2 sa 4 għandha ssir f’konformità mar-regoli applikabbli tal-protezzjoni tad-data ta’ kull Parti.

REGOLA 11

Lingwi

1.Il-lingwa operattiva tal-Kumitat għall-Kummerċ għandha tkun l-Ingliż.

2.Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jadotta deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-emenda jew l-interpretazzjoni tal-Ftehim. L-Artikolu 16.21 tal-Ftehim japplika mutatis mutandis għad-deċiżjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ li jemendaw jew jinterpretaw il-Ftehim. Id-deċiżjonijiet l-oħrajn kollha tal-Kumitat għall-Kummerċ, inkluż dik li r-regoli ta’ proċedura preżenti jiġu adottati permezz tagħha, għandhom jiġu adottati fil-lingwa operattiva msemmija fil-paragrafu 1.

3.Kull Parti għandha tkun responsabbli għat-traduzzjoni ta’ deċiżjonijiet u dokumenti oħrajn fil-lingwa/i uffiċjali tagħha, jekk meħtieġ skont din ir-Regola, u għandha tkopri n-nefqa assoċjata ma’ tali traduzzjonijiet.

REGOLA 12

Spejjeż

1.Kull Parti għandha tkopri n-nefqa li ġġarrab b’riżultat tas-sehem tagħha fil-laqgħat tal-Kumitat għall-Kummerċ, b’mod partikolari fir-rigward tal-persunal, l-ivvjaġġar u n-nefqa għas-sussistenza kif ukoll fir-rigward tan-nefqa fuq vidjokonferenzi jew telekonferenzi, u fuq il-posta u t-telekomunikazzjonijiet.

2.In-nefqa b’rabta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandha titħallas mill-Parti li tkun qiegħda tospita l-laqgħa.

REGOLA 13

Kumitati Speċjalizzati u korpi oħrajn

1.Kumitati Speċjalizzati jistgħu jiġu stabbiliti skont l-Artikolu 16.1 tal-Ftehim bl-għan li jittrattaw il-kwistjonijiet kollha delegati lilhom mill-Kumitat għall-Kummerċ.

2.Skont l-Artikolu 16.1 u 16.2 tal-Ftehim, il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jissorvelja l-ħidma tal-kumitati speċjalizzati kollha u korpi oħrajn stabbiliti skont il-Ftehim.

3.Il-Kumitat għall-Kummerċ għandu jiġi infurmat bil-miktub bil-punti ta’ kuntatt maħtura mill-Kumitati Speċjalizzati jew minn korpi oħrajn stabbiliti skont il-Ftehim. Il-korrispondenzi, id-dokumenti u l-komunikazzjonijiet rilevanti kollha bejn il-punti ta’ kuntatt ta’ kull Kumitat Speċjalizzat rigward l-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom jingħaddew lis-Segretarjat tal-Kumitat għall-Kummerċ simultanjament.

4.Skont l-Artikolu 16.2 tal-Ftehim, il-Kumitati Speċjalizzati għandhom jirrapportaw lill-Kumitat għall-Kummerċ dwar ir-riżultati u l-konklużjonijiet ta’ kull waħda mil-laqgħat tagħhom.

5.Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor minn kull Kumitat Speċjalizzat, ir-Regoli ta’ Proċedura preżenti għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kumitati speċjalizzati u korpi oħrajn stabbiliti skont il-Ftehim.

REGOLA 14

Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura jistgħu jiġu emendati bil-miktub permezz ta’deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ f’konformità mar-Regola 9.