IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.9.2022
COM(2022) 468 final
2022/0283(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE
(Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ŻEE
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim dwar iż-ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fis-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, kollettivament magħrufa bħala politiki “ta’ appoġġ” u politiki “orizzontali”. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti għall-Ftehim.
2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE fuq in-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mistenni jadotta d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) rigward l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE.
L-għan tal-att previst huwa li jinkorpora d-Direttiva (UE) 2018/1808 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl tar-realtajiet tas-suq li qed jinbidlu fil-Ftehim ŻEE.
L-att previst se jsir vinkolanti għall-Partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Kummissjoni tissottometti l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Ladarba tiġi adottata, jenħtieġ li l-pożizzjoni tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mal-ewwel opportunità.
Id-Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tintroduċi drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-ħidma ta’ korp governattiv tal-Unjoni - il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA). Barra minn hekk, dikjarazzjoni konġunta mehmuża mal-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tipprevedi li:
“Id-Direttiva (UE) 2018/1808 fiha dispożizzjonijiet b’referenzi għad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għad-Deċiżjoni Qafas 2008/913/JHA, li huma adottati skont it-Titolu V TFUE. Ta’ min ifakkar li l-inkorporazzjoni ta’ atti b’dispożizzjonijiet bħal dawn fil-Ftehim dwar iż-ZEE hi mingħajr preġudizzju għall-fehim li l-leġiżlazzjoni tal-UE adottata skont it-Titolu V TFUE taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.
Fir-rigward tar-referenzi għall-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541, għall-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2011/93/UE u għall-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/913/JHA, il-Partijiet Kontraenti, fil-kuntest ta’ valuri komuni li ilhom jeżistu u l-identità Ewropea, jirrikonoxxu li d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali tal-Istati tal-EFTA huma applikati b’mod funzjonalment ekwivalenti.”
Aħna nqisu li dawn l-elementi jmorru lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mill-korp leġiżlattiv tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att, li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 tiddependi primarjament fuq il-bażi ġuridika sostantiva tal-att legali tal-UE li jrid jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.
Jekk l-att previst ikollu żewġ miri jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (approssimazzjoni tal-liġijiet). Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikoli 53(1) u l-Artikolu 62 TFUE, b’rabta mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE, huwa xieraq li, wara l-adozzjoni tiegħu, jiġi ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2022/0283 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE
(Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva)
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1) u l-Artikolu 62 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.
(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness XI tal-Ftehim ŻEE, li fih dispożizzjonijiet dwar komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni.
(3)Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill trid tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.
(4)L-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.
(5)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.9.2022
COM(2022) 468 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE
(Audiovisual Media Services Directive)
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru […]
ta’ […]
li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) tal-Ftehim ŻEE
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,
Billi:
(1)Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li temenda d-Direttiva 2010/13/UE dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) fid-dawl ta’ realtajiet tas-suq li qed jinbidlu għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.
(2)Għaldaqstant jenħtieġ li l-Anness XI tal-Ftehim ŻEE jiġi emendat skont dan,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-punt 5p (id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness XI tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għandu jiġi emendat kif ġej:
1.
Jiżdied dan li ġej:
“, kif emendat minn:
-32018 L 1808: Id-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 69).”
2.
L-adattamenti (a), (b) u (c) jiġu nnumerati mill-ġdid bħala l-adattamenti (b), (c) u (d).
3.
L-adattament li ġej jiddaħħal qabel l-adattament (b):
“(a)
Fl-Artikolu 1(1)(a)(i) u (aa), il-kliem “l-Artikoli 56 u 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea” għandhom jiġu sostitwiti bil-kliem “l-Artikoli 36 u 37 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea”.”
4.
L-adattamenti li ġejjin jiddaħħlu wara l-addattament (d):
“(e)
Fl-Artikoli 2(5c) u 28a(7), għandu jiżdied is-subparagrafu li ġej:
“F’każijiet li jinvolvu kemm Stat tal-EFTA kif ukoll Stat Membru tal-UE, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni jikkooperaw bil-ħsieb li jaqblu dwar deċiżjonijiet identiċi dwar liema Stat Membru għandu ġurisdizzjoni.”
(f)
Fl-Artikolu 6, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA:
(i)
fil-paragrafu 1(a), il-kliem “kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta” għandhom jinqraw “kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, jew minħabba n-nazzjonalità”;
(ii)
fil-paragrafu 1(b), ir-referenza għall-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541 għandha tinftiehem li tirreferi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali tal-Istati tal-EFTA;
(iii)
fil-paragrafu 2, il-kliem “jirrispettaw id-drittijiet u josservaw il-prinċipji stabbiliti fil-Karta” għandhom jinqraw “jirrispettaw id-drittijiet fundamentali”.
(g)
Fl-Artikolu 28b, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA:
(i)
fil-paragrafu 1 (b), il-kliem “kwalunkwe waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 21 tal-Karta” għandhom jinqraw “kull raġuni bħalma huma s-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, il-lingwa, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew xi opinjoni oħra, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, jew minħabba n-nazzjonalità”;
(ii)
fil-paragrafu 1 (c), ir-referenzi għall-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541, għall-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2011/93/UE u għall-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI għandhom jinftiehmu li jirreferu għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali tal-Istati tal-EFTA.
(h)
Fl-Artikolu 30b:
(i)
fil-paragrafu 2, il-kliem “u rappreżentant tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA” għandu jiddaħħal wara l-kelma “Rappreżentant tal-Kummissjoni”;
(ii)
fil-paragrafu 2, għandha tiżdied is-sentenza li ġejja:
“L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fl-ERGA, ħlief għad-dritt tal-vot”.”
Artikolu 2
It-test tal-punt 39 tal-Protokoll 37 għall-Ftehim ŻEE għandu jiġi sostitwit b’li ġej:
“Il-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (ERGA) (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 462 tat-3.2.2014 li tistabbilixxi l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva u d-Direttiva (UE) 2018/1808 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).”
Artikolu 3
It-testi tad-Direttiva (UE) Nru 2018/1808 bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima ŻEE u fis-Suppliment ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, […].
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
[…]
Is-Segretarji
Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
[…]
Dikjarazzjoni Konġunta tal-Partijiet Kontraenti
għad-Deċiżjoni Nru […] li tinkorpora d-Direttiva (UE) 2018/1808 fil-Ftehim
[għall-adozzjoni mad-Deċiżjoni u għall-pubblikazzjoni fil-ĠU]
Id-Direttiva (UE) 2018/1808 fiha dispożizzjonijiet b’referenzi għad-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għad-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI, li huma adottati skont it-Titolu V tat-TFUE. Ta’ min ifakkar li l-inkorporazzjoni ta’ atti b’dispożizzjonijiet bħal dawn fil-Ftehim dwar iż-ZEE hi mingħajr preġudizzju għall-fehim li l-leġiżlazzjoni tal-UE adottata skont it-Titolu V TFUE taqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar iż-ŻEE.
Fir-rigward tar-referenzi għall-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2017/541, għall-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2011/93/UE u għall-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI, il-Partijiet Kontraenti, fil-kuntest tal-valuri komuni u l-identità Ewropea li ilhom jeżistu, jirrikonoxxu li d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi nazzjonali tal-Istati tal-EFTA huma applikati b’mod funzjonalment ekwivalenti.