Brussell, 19.9.2022

COM(2022) 461 final

2022/0279(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426, (UE) 2019/1009 u (UE) Nru 305/2011 fir-rigward tal-proċeduri ta’ emerġenza għall-valutazzjoni tal-konformità, tal-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni u tas-sorveljanza tas-suq minħabba emerġenza fis-Suq Uniku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2022) 323 final} - {SWD(2022) 288 final} - {SWD(2022) 289 final} - {SWD(2022) 290 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Is-Suq Uniku huwa wieħed mill-akbar assi tal-UE u jipprovdi s-sinsla għat-tkabbir ekonomiku u għall-benesseri tal-UE. Kriżijiet reċenti, bħall-pandemija tal-COVID-19 jew l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, urew xi vulnerabbiltà tas-Suq Uniku u tal-ktajjen tal-provvista tiegħu f’każ ta’ tfixkil mhux previst u, fl-istess ħin, kemm l-ekonomija Ewropea kif ukoll il-partijiet ikkonċernati kollha tagħha jiddependu minn Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb. Fil-futur, minbarra l-instabbiltà ġeopolitika, it-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali li jirriżultaw, it-telfien tal-bijodiversità, u l-instabbiltà ekonomika globali jistgħu jwasslu għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza ġodda oħrajn. Għal din ir-raġuni, il-funzjonament tas-Suq Uniku jeħtieġ li jiġi ggarantit fi żminijiet ta’ emerġenza.

L-impatt ta’ kriżi fuq is-Suq Uniku jista’ jkun doppju. Minn naħa waħda, kriżi tista’ twassal biex jitfaċċaw ostakli għall-moviment liberu fi ħdan is-Suq Uniku, u b’hekk tfixkel il-funzjonament tiegħu. Min-naħa l-oħra, kriżi tista’ tamplifika n-nuqqasijiet ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi jekk is-Suq Uniku jkun frammentat u ma jkunx qiegħed jiffunzjona. B’riżultat ta’ dan, il-ktajjen tal-provvista jistgħu jiġu interrotti malajr, il-kumpaniji jiffaċċjaw diffikultajiet fl-akkwist, fil-provvista jew fil-bejgħ ta’ oġġetti u servizzi. L-aċċess tal-konsumatur għal prodotti u servizzi ewlenin jiġi mfixkel. In-nuqqas ta’ informazzjoni u ċarezza legali jkompli jaggrava l-impatt ta’ dan it-tfixkil. Minbarra r-riskji diretti tas-soċjetà kkawżati mill-kriżi, iċ-ċittadini, u b’mod partikolari l-gruppi vulnerabbli, qegħdin jiffaċċjaw impatti ekonomiċi negattivi qawwija. Għalhekk, il-proposta għandha l-għan li tindirizza żewġ problemi separati iżda relatati ma’ xulxin: l-ostakli għall-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni fi żminijiet ta’ kriżi u ta’ nuqqasijiet ta’ oġġetti u ta’ servizzi rilevanti għall-kriżijiet.

F’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kollha u ma’ strumenti eżistenti oħrajn tal-UE għall-kriżijiet, il-pakkett dwar l-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku (SMEI) se jipprovdi struttura ta’ governanza flessibbli b’saħħitha kif ukoll sett ta’ għodod immirat biex jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku fi kwalunkwe tip ta’ kriżi futura. X’aktarx li mhux l-għodod kollha inklużi f’din il-proposta se jkunu meħtieġa simultanjament. L-għan huwa pjuttost li l-UE tħejji ruħha għall-futur u tiġi mgħammra b’dak li jista’ jirriżulta li jkun neċessarju f’sitwazzjoni ta’ kriżi partikolari li taffettwa b’mod serju s-Suq Uniku.

Fil-Konklużjonijiet tiegħu ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Ottubru 2020 1 , il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-UE se tieħu t-tagħlimiet mill-pandemija tal-COVID-19 u se tindirizza l-frammentazzjoni, l-ostakli u d-dgħufijiet li jifdal tas-Suq Uniku meta tiffaċċja sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Fl-Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija Industrijali 2 , il-Kummissjoni ħabbret strument biex tiżgura l-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi, kif ukoll trasparenza u koordinazzjoni akbar fi żminijiet ta’ kriżi. L-inizjattiva hija parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2022 3 . Il-Parlament Ewropew laqa’ l-pjan tal-Kummissjoni li tippreżenta Strument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku u talab lill-Kummissjoni biex tiżviluppah bħala għodda strutturali legalment vinkolanti biex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni, tal-oġġetti u tas-servizzi f’każ ta’ kriżijiet futuri 4 .

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Għadd ta’ strumenti legali tal-UE jistabbilixxu dispożizzjonijiet li huma rilevanti għall-immaniġġar tal-kriżijiet b’mod ġenerali. Min-naħa l-oħra, ċerti oqfsa tal-UE u proposti tal-Kummissjoni adottati reċentement jistabbilixxu miżuri aktar immirati li jiffukaw fuq ċerti aspetti tal-immaniġġar tal-kriżi jew li huma rilevanti għal setturi speċifiċi. L-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku se japplika mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet imressqa minn dawn l-istrumenti mmirati għall-immaniġġar tal-kriżi, li għandhom jitqiesu bħala lex specialis. Is-servizzi finanzjarji, il-prodotti mediċinali, l-apparati mediċi jew kontromiżuri mediċi oħrajn u l-prodotti tas-sikurezza tal-ikel b’mod partikolari huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva minħabba l-eżistenza ta’ qafas iddedikat rilevanti għall-kriżi f’dawn l-oqsma.

Interazzjoni ma’ mekkaniżmi orizzontali ta’ rispons għall-kriżi

L-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR) 5 huma fost il-mekkaniżmi orizzontali ta’ rispons għall-kriżijiet 6 . Il-Presidenza tal-Kunsill tal-UE tuża l-IPCR biex tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni politika fost l-Istati Membri fir-rispons għal kriżijiet kumplessi. L-IPCR skrutinizza għall-ewwel darba f’Ottubru 2015 il-kriżi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni u kien strumentali fil-monitoraġġ u fl-appoġġ għar-rispons tal-kriżi, filwaqt li jirrapporta lill-Coreper, lill-Kunsill u lill-Kunsill Ewropew. L-IPCR opera r-rispons tal-Unjoni għall-kriżijiet maġġuri kkawżati minn attakki ċibernetiċi, diżastri naturali, jew theddid ibridu. Aktar reċentement, l-IPCR opera wkoll wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni brutali Russa fuq l-Ukrajna.

Mekkaniżmu ieħor tal-UE għar-rispons ġenerali għall-kriżijiet huwa l-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u ċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC) tiegħu 7 . L-ERCC huwa hub operazzjonali ċentrali tal-Kummissjoni miftuħ 24 siegħa kuljum għall-ewwel rispons ta’ emerġenza, l-istabbiliment ta’ ħażniet strateġiċi fil-livell tal-UE għal rispons ta’ emerġenza (“rescEU”), valutazzjonijiet tar-riskju ta’ diżastri, il-bini ta’ xenarji, l-għanijiet ta’ reżiljenza għad-diżastri, ħarsa ġenerali madwar l-UE lejn ir-riskji ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, miżuri oħrajn ta’ prevenzjoni u tħejjija, bħat-taħriġ u l-eżerċizzji.

Interazzjoni ma’ mekkaniżmi orizzontali tas-Suq Uniku

Meta jkun xieraq u neċessarju, jenħtieġ li tiġi żgurata l-koordinazzjoni bejn l-Istrument għall-Emerġenzi fis-Suq Uniku u l-attivitajiet tat-Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku (SMET). B’mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tirreferi l-ostakli nnotifikati li jfixklu b’mod sinifikanti l-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi strateġiċi lit-Task Force għall-Infurzar fis-Suq Uniku (SMET) għad-diskussjoni/għar-rieżami.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Interazzjoni ma’ miżuri mmirati lejn aspetti speċifiċi tal-immaniġġar tal-kriżi

Il-mekkaniżmi orizzontali ta’ rispons għall-kriżijiet imsemmija hawn fuq huma ssupplimentati minn miżuri oħrajn aktar immirati, li jiffukaw fuq aspetti speċifiċi tas-Suq Uniku bħall-moviment liberu tal-oġġetti, u r-regoli komuni dwar l-esportazzjonijiet jew l-akkwist pubbliku.

Tali qafas huwa r-Regolament (KE) Nru 2679/98 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rispons biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-moviment liberu tal-oġġetti attribwibbli għal Stat Membru li jwasslu għal tfixkil serju u li jirrikjedu azzjoni immedjata (“Ir-Regolament dwar il-Frawli”) 8 . Dan ir-Regolament jipprevedi mekkaniżmu ta’ notifika kif ukoll sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. (Ara t-taqsimiet 8.1 u 8.2 għal aktar dettalji.)

Ir-Regolament dwar ir-regoli komuni għall-esportazzjonijiet 9 jippermetti lill-Kummissjoni tagħmel ċerti kategoriji ta’ prodotti soġġetti għal sorveljanza tal-esportazzjoni barra mill-UE jew għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni barra mill-UE. Il-Kummissjoni kienet qiegħda tagħmel ċerti vaċċini u sustanzi attivi użati għall-manifattura ta’ tali vaċċini soġġetti għas-sorveljanza tal-esportazzjoni 10 fuq din il-bażi.

Miżuri ekonomiċi oħrajn jinkludu l-proċedura nnegozjata u l-akkwist konġunt okkażjonali mill-Kummissjoni f’isem l-Istati Membri 11 .

Interazzjoni ma’ miżuri ta’ kriżi speċifiċi għas-settur

Ċerti oqfsa tal-UE jistabbilixxu miżuri aktar immirati li jiffukaw biss fuq ċerti aspetti speċifiċi tal-immaniġġar tal-kriżijiet jew li jikkonċernaw biss ċerti setturi speċifiċi.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan ta’ kontinġenza biex jiġu żgurati l-provvista tal-ikel u s-sigurtà alimentari” 12 tislet tagħlimiet meħuda matul il-pandemija tal-COVID-19 u kriżijiet preċedenti bl-objettiv li żżid il-koordinazzjoni u l-immaniġġar tal-kriżijiet inkluża t-tħejjija. Għal dan il-għan, il-pjan ta’ kontinġenza jressaq prinċipji ewlenin li għandhom jiġu segwiti biex jiġu żgurati l-provvista tal-ikel u s-sigurtà alimentari fil-każ ta’ kriżijiet futuri. Biex tiżgura l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ kontinġenza u l-prinċipji ewlenin fih, il-Kummissjoni b’mod parallel stabbiliet il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ tħejjija u rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSCM), grupp magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi mhux tal-UE kif ukoll minn partijiet ikkonċernati fil-katina tal-provvista tal-ikel ippresedut mill-Kummissjoni biex jissaħħu l-koordinazzjoni, l-iskambju tad-data u l-prattiki. L-EFSCM tlaqqa’ għall-ewwel darba f’Marzu 2022 biex jiġu diskussi l-impatti taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-input u l-konsegwenzi tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja għas-sigurtà u l-provvista tal-ikel. L-osservatorji tas-suq u l-gruppi ta’ djalogu ċivili huma fora oħrajn li jiżguraw it-trasparenza u l-fluss ta’ informazzjoni fis-settur tal-ikel.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Pjan ta’ kontinġenza għat-trasport” 13 għandha l-objettiv li tiżgura t-tħejjija għall-kriżijiet u l-kontinwità tan-negozju fis-settur tat-trasport. Il-pjan jistabbilixxi “manwal għall-kriżijiet” li fih sett ta’ għodod li jikkonsisti minn għaxar azzjonijiet bil-għan li jimmitigaw kwalunkwe impatt negattiv fuq is-settur tat-trasport, fuq il-passiġġieri u fuq is-suq intern jekk tinqala’ xi kriżi. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, miżuri li jagħmlu l-liġijiet tal-UE dwar it-trasport adatti għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi, l-iżgurar ta’ appoġġ adegwat għas-settur tat-trasport, l-iżgurar tal-moviment liberu tal-oġġetti, tas-servizzi u tal-persuni, il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar it-trasport, l-ittestjar tal-kontinġenza tat-trasport f’sitwazzjonijiet tal-ħajja reali eċċ 14 .

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli 15 (ir-Regolament dwar l-OKS) kif ukoll ir-Regolament relatat dwar l-OKS għas-sajd 16 jipprovdu l-bażi legali għall-ġbir ta’ informazzjoni rilevanti mill-Istati Membri biex tittejjeb it-trasparenza tas-suq 17 .

Ir-Regolament (UE) Nru 2021/1139 1308/2013 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura 18 (ir-Regolament FEMSA) jipprovdi l-bażi legali għall-appoġġ tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura f’każ ta’ avvenimenti eċċezzjonali li jikkawżaw tfixkil sinifikanti fis-swieq.

Ir-Regolament (UE) 2021/953 li jistabbilixxi ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE 19 jistabbilixxi qafas komuni għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli għat-tilqim, għall-ittestjar jew għaċ-ċertifikati tal-fejqan tal-COVID-19 sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u tal-membri tal-familja tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar l-approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 20 . Fir-rapport tal-2020 dwar iċ-ċittadinanza 21 , il-Kummissjoni ħabbret ukoll li beħsiebha tirrieżamina l-linji gwida tal-2009 dwar il-moviment liberu sabiex ittejjeb iċ-ċertezza legali għaċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu, u li tiżgura applikazzjoni aktar effettiva u uniformi tal-leġiżlazzjoni dwar il-moviment liberu madwar l-UE. Il-linji gwida rieżaminati jenħtieġ li jindirizzaw fost l-oħrajn l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi dwar il-moviment liberu, speċifikament dawk li huma dovuti għal tħassib dwar is-saħħa pubblika.

Ir-Regolament (UE) 2022/123 dwar rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fit-tħejjija u l-immaniġġar tal-kriżijiet għall-prodotti mediċinali u għall-apparati mediċi jipprovdi qafas għall-monitoraġġ u l-mitigazzjoni tan-nuqqasijiet potenzjali u reali ta’ prodotti mediċinali awtorizzati ċentralment u nazzjonalment għall-użu mill-bniedem ikkunsidrati bħala kritiċi biex tiġi indirizzata “emerġenza tas-saħħa pubblika” jew “avveniment maġġuri” partikolari 22 .

Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2021 stabbiliet l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa 23 għal azzjoni koordinata fil-livell tal-Unjoni biex tirrispondi għal emerġenzi tas-saħħa, inklużi l-monitoraġġ tal-ħtiġijiet, l-iżvilupp rapidu, il-manifattura, l-akkwist u d-distribuzzjoni ekwa tal-kontromiżuri mediċi.

Interazzjoni ma’ inizjattivi li għaddejjin

B’mod parallel, għadd ta’ inizjattivi, li dan l-aħħar ġew proposti u li bħalissa qegħdin jiġu diskussi, jikkonċernaw aspetti rilevanti għar-rispons għall-kriżijiet u t-tħejjija għalihom. Madankollu, dawn l-inizjattivi għandhom kamp ta’ applikazzjoni limitat li jkopri tipi speċifiċi ta’ xenarji ta’ kriżi u ma humiex maħsuba biex jistabbilixxu qafas orizzontali ġenerali għall-immaniġġar tal-kriżijiet, lanqas biex jintroduċu proċeduri ta’ emerġenza fil-qafas settorjali rilevanti tal-Unjoni li jirregola d-disinn, il-valutazzjoni tal-konformità, l-introduzzjoni fis-suq u s-sorveljanza tas-suq għall-oġġetti. Sa fejn dawn l-inizjattivi jinkludu qafas settorjali ta’ rispons u tħejjija għall-kriżi, il-fatt li l-oqfsa settorjali kkunsidrati fil-kuntest ta’ din l-inizjattiva, li jistabbilixxu r-regoli armonizzati fil-livell tal-Unjoni għat-tfassil, il-valutazzjoni tal-konformità, l-introduzzjoni fis-suq u s-sorveljanza tas-suq tal-oġġetti huma oqfsa ta’ armonizzazzjoni massima, mhu se jkun hemm l-ebda trikkib ma’ kwalunkwe inizjattiva li għaddejja bħalissa.

L-ebda waħda mill-inizjattivi rilevanti li għaddejjin bħalissa ma tistabbilixxi xi proċedura settorjali ta’ emerġenza, li għandha tiġi inkorporata fl-oqfsa settorjali armonizzati rilevanti li jirregolaw il-moviment liberu tal-oġġetti.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa, li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE (id-“Deċiżjoni dwar it-Theddid Transkonfinali għas-Saħħa”) 24 għandha l-għan li ssaħħaħ il-qafas tal-UE għas-sigurtà tas-saħħa, u ssaħħaħ ir-rwol tat-tħejjija għall-kriżi u r-rispons għalihom tal-aġenziji ewlenin tal-UE fir-rigward ta’ theddid transfruntier serju għas-saħħa 25 . Meta tiġi adottata, se ssaħħaħ l-ippjanar tat-tħejjija u tar-rispons u se ssaħħaħ is-sorveljanza u l-monitoraġġ epidemjoloġiċi, ittejjeb ir-rapportar tad-data, filwaqt li ssaħħaħ l-interventi tal-UE.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 851/2004 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard 26 .

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill dwar qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni 27 tipprevedi għodod ta’ rispons għall-kriżi bħall-akkwist konġunt, talbiet obbligatorji ta’ informazzjoni għan-negozji dwar il-kapaċitajiet ta’ produzzjoni tagħhom, u l-adattament mill-ġdid tal-linji ta’ produzzjoni f’każ ta’ kriżijiet tas-saħħa pubblika ladarba tiġi ddikjarata emerġenza tas-saħħa pubblika. Id-dikjarazzjoni ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza tal-UE twassal għal aktar koordinazzjoni u tippermetti l-iżvilupp, il-ħażna u l-akkwist ta’ prodotti rilevanti għall-kriżi. Il-proposta tkopri kontromiżuri mediċi definiti bħala prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem, apparati mediċi u oġġetti jew servizzi oħrajn li huma neċessarji għall-fini ta’ tħejjija u rispons għal theddid transfruntier serju għas-saħħa.

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Att Ewropew dwar iċ-Ċipep 28 għandha l-għan li ssaħħaħ l-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi. Pilastru importanti ta’ din l-istrateġija huwa li jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-monitoraġġ ikkoordinat u r-rispons għan-nuqqasijiet fil-provvista tas-semikondutturi, bil-għan li jiġi antiċipat u jkun hemm rispons rapidu għal kwalunkwe tfixkil futur fil-katina tal-provvista, permezz ta’ sett ta’ għodod ta’ emerġenza apposta, flimkien mal-Istati Membri u s-sħab internazzjonali. Il-mekkaniżmu ppjanat huwa speċifiku għal kriżi possibbli tas-semikondutturi u se japplika b’mod esklużiv jekk tiġi skattata l-fażi ta’ kriżi.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Att dwar id-Data 29 se tippermetti lill-korpi tas-settur pubbliku jaċċessaw id-data miżmuma mis-settur privat li hija neċessarja għal ċirkostanzi eċċezzjonali, b’mod partikolari biex jimplimentaw mandat legali jekk id-data ma tkunx disponibbli b’mod ieħor jew f’każ ta’ emerġenza pubblika (jiġifieri sitwazzjoni eċċezzjonali li taffettwa b’mod negattiv il-popolazzjoni tal-Unjoni, Stat Membru jew parti minnu, b’riskju ta’ riperkussjonijiet serji u dejjiema fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien jew l-istabbiltà ekonomika, jew id-degradazzjoni sostanzjali tal-assi ekonomiċi fl-Unjoni jew fl-Istat(i) Membru/i rilevanti).

Il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen 30 għandha l-għan li tipprovdi rispons komuni fil-fruntieri interni f’sitwazzjonijiet ta’ theddid li jaffettwa l-maġġoranza tal-Istati Membri. L-emenda proposta se tistabbilixxi wkoll salvagwardji proċedurali fil-każ ta’ introduzzjonijiet mill-ġdid unilaterali ta’ kontrolli fil-fruntieri interni u tipprevedi l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni u salvagwardji speċifiċi għar-reġjuni transfruntiera f’każijiet li fihom il-kontrolli fil-fruntieri interni jiġu introdotti mill-ġdid. Tali kontrolli jaffettwaw b’mod partikolari lill-persuni li jaqsmu l-fruntiera għall-ħajja ta’ kuljum tagħhom (xogħol, edukazzjoni, kura tas-saħħa, żjarat tal-familja) kif intwera matul il-pandemija tal-COVID-19. Il-proposta tippromwovi użu akbar ta’ miżuri alternattivi effettivi biex jiġi indirizzat it-theddid identifikat għas-sigurtà interna jew għall-politika pubblika minflok il-kontrolli fil-fruntieri interni, pereżempju aktar kontrolli mill-pulizija jew minn awtoritajiet oħrajn fir-reġjuni tal-fruntiera, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet. Il-proposta tinkludi wkoll il-possibbiltà li l-Kunsill jadotta malajr regoli vinkolanti li jistabbilixxu restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni f’każ ta’ theddida għas-saħħa pubblika. Din tiċċara wkoll liema miżuri jistgħu jieħdu l-Istati Membri biex jimmaniġġaw il-fruntieri esterni tal-UE b’mod effettiv f’sitwazzjoni li fihom il-migranti jiġu strumentalizzati minn pajjiżi terzi għal finijiet politiċi.

Il-proposta għal Direttiva dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi adottata mill-Kummissjoni f’Diċembru 2020 31 għandha l-objettiv li ttejjeb ir-reżiljenza tal-entitajiet li jipprovdu servizzi li huma essenzjali għaż-żamma tal-funzjonijiet tas-soċjetà vitali jew attivitajiet ekonomiċi importanti tal-UE. B’din l-inizjattiva, l-għan huwa li jinħoloq qafas komprensiv biex jappoġġa lill-Istati Membri fl-iżgurar li l-entitajiet kritiċi li jipprovdu servizzi essenzjali jkunu jistgħu jipprevjenu inċidenti ta’ tfixkil sinifikanti bħal perikli naturali, aċċidenti jew terroriżmu, jipproteġuna minnhom, jirrispondu għalihom, jirreżistuhom, jimmitigawhom, jassorbuhom, jadattaw għalihom u jirkupraw minnhom. Id-Direttiva se tkopri 11-il settur ewlieni, inklużi l-enerġija, it-trasport, is-settur bankarju u s-saħħa.

Il-Komunikazzjoni konġunta tat-18 ta’ Mejju 2022 dwar l-l-Analiżi tad-Diskrepanzi fl-Investimenti fid-Difiża u l-Approċċ Futur, identifikat diversi kwistjonijiet inkluż il-kapaċità tal-Bażi Teknoloġika u Industrijali tad-Difiża tal-UE (kif ukoll il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Globali) biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ akkwist li jmiss fil-qasam tad-difiża tal-Istati Membri, u t-tressiq ta’ diversi miżuri.

Fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti, il-Kummissjoni beħsiebha teżamina l-mistoqsijiet jekk u sa liema punt, jew b’liema modalitajiet, il-kwistjonijiet tal-produzzjoni li huma indirizzati mir-regoli Omnibus fir-rigward tal-oġġetti koperti minn diversi reġimi armonizzati jistgħu jiġu indirizzati fil-kuntest distint ta’ oġġetti mhux armonizzati.

Konsistenza mal-azzjoni esterna tal-UE

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna se jappoġġa lir-Rappreżentant Għoli fil-funzjoni tiegħu/tagħha, bħala Viċi President tal-Kummissjoni, biex jikkoordina l-azzjoni esterna tal-Unjoni fi ħdan il-Kummissjoni. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni taħt l-awtorità tar-Rappreżentant Għoli se jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom bħala rappreżentanti esterni tal-Unjoni u se jassistu, kif rilevanti, fid-djalogi esterni.

Interazzjoni ma’ strumenti oħrajn

Il-Kummissjoni tista’ tappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ riformi biex jantiċipaw, iħejju u jirrispondu għall-impatti tal-kriżijiet naturali jew dawk ikkawżati mill-bniedem fuq is-Suq Uniku permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI), stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija msejsa fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE, li huwa l-bażi ġuridika oriġinali għall-adozzjoni tal-ħames oqfsa settorjali, li din il-proposta għandha l-għan li temenda. Dawn il-ħames oqfsa settorjali huma: Ir-Regolament (UE) 2016/424 dwar l-installazzjonijiet tal-funikular; Ir-Regolament (UE) 2016/425 dwar tagħmir ta’ protezzjoni personali; Ir-Regolament (UE) 2016/426 dwar tagħmir li jaħdem bil-gass; Ir-Regolament (UE) 2019/1009 dwar prodotti fertilizzanti u r-Regolament (UE) Nru 305/2011 dwar prodotti għall-bini.

L-oqfsa settorjali tal-UE, li huma kkunsidrati fil-kuntest ta’ din il-proposta huma dawk fost l-hekk imsejħa “prodotti armonizzati”. Dak li huwa komuni fost dawn l-oqfsa settorjali huwa li jistabbilixxu regoli armonizzati dwar id-disinn, il-manifattura, il-valutazzjoni tal-konformità u l-introduzzjoni fis-suq ta’ tali prodotti. Essenzjalment, dawn l-oqfsa settorjali jintroduċu r-rekwiżiti ta’ sikurezza essenzjali għal kull settur/kategorija ta’ prodotti rispettivi li l-prodotti jenħtieġ li jissodisfaw u l-proċeduri kif tiġi vvalutata l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti. Dawn ir-regoli jistabbilixxu armonizzazzjoni sħiħa u għalhekk l-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw minn dawn ir-regoli, anke f’każ ta’ emerġenza, sakemm il-qafas rispettiv ma jipprevedix tali possibbiltà.

Karatteristika komuni oħra ta’ dawn l-oqfsa hija li huma allinjati ftit jew wisq mill-qrib mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fid-Deċiżjoni 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti 32 , li tistabbilixxi dispożizzjonijiet ta’ referenza għat-tfassil ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja li tarmonizza l-kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti.

Oqfsa armonizzati oħra tal-UE, li jsegwu l-istess approċċ, bħar-Regolament (UE) 2017/745 dwar l-Apparati Mediċi u r-Regolament (UE) 2017/746 dwar l-apparati mediċi dijanjostiċi in vitro diġà fihom dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mill-proċeduri armonizzati f’ċerti każijiet. Għalhekk, mhuwiex neċessarju li dawk l-oqfsa jiġu emendati.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta għandha l-għan li temenda r-regoli armonizzati stabbiliti minn għadd ta’ oqfsa settorjali tal-UE. Dawn l-oqfsa ma jipprevedux il-possibbiltà li l-Istati Membri jadottaw miżuri ta’ rispons għall-kriżi b’deroga mir-regoli armonizzati. Meta wieħed iqis li r-Regolamenti, li din il-proposta għandha l-għan li temenda huma oqfsa ta’ armonizzazzjoni massima, dawn l-emendi jistgħu jsiru biss fil-livell tal-UE.

Proporzjonalità

L-attivitajiet ekonomiċi fis-Suq Uniku kollu huma integrati sew. L-interazzjoni bejn il-kumpaniji, il-fornituri tas-servizzi, il-klijenti, il-konsumaturi u l-ħaddiema li jinsabu fi Stati Membri differenti li jibbażaw fuq id-drittijiet tagħhom ta’ moviment liberu, qiegħda ssir dejjem aktar komuni. L-esperjenza tal-kriżi tal-passat uriet li ta’ spiss id-distribuzzjoni tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni madwar l-UE ma hijiex uniformi (eż. bil-linji tal-produzzjoni ta’ ċerti prodotti li jinsabu primarjament fi ftit Stati Membri). B’mod parallel, fil-każ ta’ kriżi, id-domanda għall-oġġetti jew servizzi rilevanti għall-kriżi madwar it-territorju tal-UE tista’ wkoll ma tkunx uniformi. L-objettiv li jiġi żgurat il-funzjonament bla xkiel u mingħajr tfixkil tas-Suq Uniku ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri nazzjonali unilaterali. Barra minn hekk, anke jekk il-miżuri adottati mill-Istati Membri individwalment jaf ikunu jistgħu jindirizzaw sa ċertu punt id-defiċjenzi li jirriżultaw minn kriżi fil-livell nazzjonali, fil-fatt huma aktar probabbli li jkomplu jaggravaw il-kriżi msemmija madwar l-UE billi jżidu aktar ostakli għall-moviment liberu u/jew pressjoni addizzjonali fuq prodotti li diġà huma affettwati min-nuqqasijiet.

Għażla tal-istrument

Il-proposta għandha l-għan li temenda ħames Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u. Sabiex jiġi rispettat il-prinċipju tal-paralleliżmu, il-Proposta għandha tieħu l-forma ta’ Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda r-Regolament (UE) Nru 2016/424, ir-Regolament (UE) Nru 2016/425, ir-Regolament (UE) Nru 2016/426, ir-Regolament (UE) 2019/1009 u r-Regolament (UE) Nru 305/2011.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ir-Regolament (KE) Nru 2679/98 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rispons biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-moviment liberu tal-oġġetti attribwibbli għal Stat Membru li jwasslu għal tfixkil serju u li jirrikjedu azzjoni immedjata (“Ir-Regolament dwar il-Frawli”) se jitħassar. Skont l-evalwazzjoni tiegħu finalizzata f’Ottubru 2019 u appoġġata minn studju estern, dan il-mekkaniżmu rarament jintuża u s-sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni tiegħu ma hijiex suffiċjenti peress li hija bil-mod wisq u skaduta 33 .

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Kif deskritt fl-Anness 2 tal-Valutazzjoni tal-Impatt mehmuża ma’ din il-proposta, bejn Ottubru 2021 u Mejju 2022 saru attivitajiet ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kienu jinkludu: sejħa għal evidenza ppubblikata fuq il-portal “Semma’ Leħnek” u miftuħa mit-13 ta’ April sal-11 ta’ Mejju 2022, konsultazzjoni pubblika mwettqa permezz ta’ kwestjonarju ppubblikat fuq l-istess portal fl-istess perjodu, workshop tal-partijiet ikkonċernati fis-6 ta’ Mejju 2022, stħarriġ tal-Istati Membri f’Mejju 2022 u konsultazzjonijiet immirati mwettqa permezz ta’ laqgħat mal-Istati Membri u ma’ partijiet ikkonċernati speċifiċi.

Il-partijiet ikkonċernati jaqblu fil-biċċa l-kbira mal-ħtieġa li jiġi żgurat il-moviment liberu kif ukoll li jkun hemm trasparenza u koordinazzjoni akbar fi żminijiet ta’ kriżi. Il-biċċa l-kbira tal-esperjenzi deskritti mill-partijiet ikkonċernati ġew mill-kriżi tal-COVID-19. Fir-rigward tal-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi, l-Istati Membri esprimew appoġġ għal miżuri bħall-koordinazzjoni tal-akkwist pubbliku, il-valutazzjoni tal-konformità rapida u s-sorveljanza mtejba tas-suq. Għadd ta’ Stati Membri esprimew tħassib dwar l-inklużjoni ta’ miżuri wesgħin ta’ tħejjija għall-kriżi meta ma tkun qiegħda tiġi antiċipata l-ebda kriżi, mingħajr ma jiġu speċifikati ktajjen tal-provvista mmirati. Filwaqt li xi partijiet ikkonċernati tan-negozju esprimew tħassib dwar miżuri obbligatorji mmirati lejn l-operaturi ekonomiċi, oħrajn esprimew appoġġ għal koordinazzjoni u trasparenza akbar, miżuri li jiżguraw il-moviment liberu tal-ħaddiema, notifiki rapidi tal-miżuri nazzjonali, proċeduri rapidi għall-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta’ standards Ewropej, punti uniċi ta’ informazzjoni tal-UE u nazzjonali, provi ta’ emerġenza għall-esperti.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

L-evidenza u d-data li ntużaw għall-iżvilupp tal-Valutazzjoni tal-Impatt kienu jinkludu:

“L-impatt tal-COVID-19 fuq is-Suq Intern”, studju fuq talba tal-Kumitat IMCO tal-PE;

L-evalwazzjoni tar-“Regolament dwar il-Frawli” (KE) Nru 2679/98 u l-istudju estern ta’ appoġġ tiegħu;

Evalwazzjoni tal-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid;

Informazzjoni u/jew evidenza rilevanti miġbura fil-kuntest tat-tħejjija ta’ inizjattivi u mekkaniżmi eżistenti jew proposti tal-UE għar-rispons għall-kriżi, inkluż permezz ta’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni jew studji tal-valutazzjoni tal-impatt (eż. l-Att dwar id-Data, l-Għodda ta’ Informazzjoni għas-Suq Uniku (SMIT), il-Qafas tal-UE għas-Sigurtà tas-Saħħa, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, il-Pjan ta’ kontinġenza għall-iżgurar tal-provvista tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel, l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR), il-Pjan ta’ kontinġenza għat-trasport, ir-Regolament dwar iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 u l-adattamenti tiegħu);

Studji akkademiċi u letteratura dwar l-effett tal-kriżijiet preċedenti fuq il-funzjonament tas-Suq Uniku, kif ukoll dokumenti ta’ pożizzjoni eżistenti u dokumenti oħrajn imfassla mill-partijiet ikkonċernati rilevanti;

Artikli tal-gazzetti u materjali tal-istampa.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt ibbażat ulterjorment fuq l-informazzjoni li waslet mill-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kif spjegat fir-rapport fil-qosor li jinsab fl-Anness 2 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

Il-bażi tal-evidenza tar-rapport hija limitata ħafna minħabba l-għadd relattivament baxx ta’ tweġibiet għas-sejħa għal evidenza u l-konsultazzjoni pubblika, u n-nuqqas ta’ studju ta’ appoġġ. Sabiex tirrimedja din is-sitwazzjoni, fis-6 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni wettqet workshop tal-partijiet ikkonċernati li għalih attendew għadd kbir ta’ partijiet ikkonċernati u wettqet sensiela ta’ konsultazzjonijiet immirati, speċjalment mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati.

Il-valutazzjoni tal-impatt

F’konformità mal-politika tagħha ta’ “Regolamentazzjoni Aħjar”, il-Kummissjoni wettqet Valutazzjoni tal-Impatt 34 . Il-Valutazzjoni tal-Impatt evalwat tliet għażliet ta’ politika li jistabbilixxu korp ta’ governanza u qafas għall-modalitajiet tal-ippjanar ta’ kontinġenza, ta’ viġilanza u ta’ emerġenza. Kemm il-modalità ta’ viġilanza tas-Suq Uniku kif ukoll il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku jiġu attivati skont kriterji speċifiċi u mekkaniżmi li jiskattaw. Ċerti miżuri fis-sett ta’ għodod ikunu jeħtieġu attivazzjoni addizzjonali.

Abbażi tal-analiżi tal-fatturi ewlenin tal-problemi u tal-lakuni fil-leġiżlazzjoni rilevanti speċifika għas-settur, ġew definiti tmien elementi kostitwenti tal-miżuri billi l-miżuri ġew raggruppati f’elementi li japplikaw fi żminijiet differenti (f’kull ħin, fil-modalità ta’ viġilanza u fil-modalità ta’ emerġenza). Għal kull element kostitwenti, ġew analizzati tliet approċċi ta’ politika li jvarjaw minn miżuri mhux leġiżlattivi (approċċ 1) għal approċċ ibridu (approċċ 2) għal qafas leġiżlattiv aktar komprensiv (approċċ 3). Abbażi ta’ din l-analiżi, xi wħud mill-approċċi jew l-approċċi kollha nżammu għal kull element kostitwenti u ġew ikkombinati fi tliet għażliet ta’ politika realistiċi li jirriflettu livelli differenti ta’ ambizzjoni politika u appoġġ għall-partijiet ikkonċernati:

Modalità

Elementi kostitwenti

Għażla ta’ Politika 1

TRASPARENZA

Għażla ta’ Politika 2

KOOPERAZZJONI

Għażla ta’ Politika 3

SOLIDARJETÀ

Il-ħin kollu

1. il-governanza, il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni

Approċċ 2

Grupp Konsultattiv Formali bħala l-forum fil-livell tekniku u l-obbligu tal-Istati Membri li jikkondividu l-informazzjoni fi ħdan il-grupp b’antiċipazzjoni u matul il-kriżi

Il-ħin kollu

2. l-ippjanar ta’ kontinġenza għall-kriżi

Approċċ 2

Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri għall-valutazzjoni tar-riskju, it-taħriġ u l-eżerċizzji u l-kompendju ta’ miżuri ta’ rispons għall-kriżi

Approċċ 3

- Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri għall-valutazzjoni tar-riskju u l-kompendju ta’ miżuri ta’ rispons għall-kriżi u

- Obbligu tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni

- Obbligu li l-Istati Membri li jħarrġu l-persunal rilevanti tagħhom għall-immaniġġar tal-kriżi b’mod regolari

Viġilanza

3. il-viġilanza tas-Suq Uniku

Approċċ 2

- Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri dwar il-ġbir ta’ informazzjoni rigward il-ktajjen tal-provvista strateġiċi identifikati

- Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri għall-bini ta’ riżervi strateġiċi ta’ oġġetti ta’ importanza strateġika

Approċċ 3

- Obbligu li l-Istati Membri jiġbru informazzjoni dwar il-ktajjen tal-provvista strateġiċi identifikati

- Obbligu li l-Kummissjoni tfassal u taġġorna regolarment lista b’miri għar-riżervi strateġiċi

- Obbligi li l-Istati Membri 35 jibnu riżervi strateġiċi għall-oġġetti magħżula ta’ importanza strateġika jekk ir-riżervi strateġiċi tal-Istati Membri ma jilħqux il-miri b’mod sinifikanti

Emerġenza

4. il-prinċipji ewlenin u miżuri ta’ appoġġ għall-iffaċilitar tal-moviment liberu matul emerġenza

Approċċ 2

It-tisħiħ tal-prinċipji ewlenin tal-moviment liberu ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi f’regoli vinkolanti fejn jixraq għall-immaniġġar effettiv tal-kriżi

Emerġenza

5. it-trasparenza u l-assistenza amministrattiva matul l-emerġenza

Approċċ 3

Mekkaniżmu vinkolanti ta’ notifika rapida, rieżami rapidu bejn il-pari u l-possibbiltà li l-miżuri notifikati jiġu ddikjarati inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni; il-punti ta’ kuntatt u l-pjattaforma elettronika

Emerġenza

6. it-tħaffif tal-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti rilevanti għall-kriżi matul emerġenza

Approċċ 2

Emendi mmirati tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-armonizzazzjoni tas-Suq Uniku: tqegħid aktar rapidu fis-suq ta’ prodotti rilevanti għall-kriżi; Il-Kummissjoni tista’ tadotta speċifikazzjonijiet tekniċi; L-Istati Membri jipprijoritizzaw is-sorveljanza tas-suq għal prodotti rilevanti għall-kriżi

Emerġenza

7. l-akkwist pubbliku matul emerġenza

Approċċ 2

Dispożizzjoni ġdida dwar l-akkwist konġunt/ix-xiri komuni mill-Kummissjoni għal xi wħud mill-Istati Membri jew għall-Istati Membri kollha

Emerġenza

8. il-miżuri li jħallu impatt fuq il-ktajjen tal-provvista rilevanti għall-kriżi matul il-modalità ta’ emerġenza

Approċċ 1

Gwida dwar iż-żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni; it-tħaffif tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi; l-aċċettazzjoni u l-prijoritizzazzjoni ta’ ordnijiet ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżi

Rakkomandazzjonijiet lin-negozji biex jikkondividu informazzjoni rilevanti għall-kriżi

Approċċ 2

Rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri għad-distribuzzjoni ta’ prodotti maħżuna; it-tħaffif tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi; l-inkoraġġiment lill-operaturi ekonomiċi biex jaċċettaw u jipprijoritizzaw l-ordnijiet

L-għoti tas-setgħa lill-Istati Membri 36 biex jobbligaw lill-operaturi ekonomiċi jżidu l-kapaċità tal-produzzjoni u biex jindirizzaw talbiet għal informazzjoni vinkolanti lill-operaturi ekonomiċi

Approċċ 3

Obbligi li l-Istati Membri 37 jiddistribwixxu l-prodotti li qabel kienu maħżuna; it-tħaffif tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi,

L-obbligi tan-negozji li jaċċettaw u jipprijoritizzaw l-ordnijiet; it-tisħiħ tal-kapaċità tal-produzzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti għall-kriżi

Il-Valutazzjoni tal-Impatt ma ppreżentatx għażla ppreferuta, minflok ħalliet l-għażla tal-alternattivi għad-deċiżjoni politika. Il-miżuri magħżula fil-proposta legali jikkorrispondu għall-Għażla ta’ Politika 3 għall-elementi kostitwenti kollha bl-eċċezzjoni tal-element kostitwenti 8. Għall-element kostitwenti 8, intgħażlet taħlita ta’ Għażla ta’ Politika 1 (għaż-żieda tal-produzzjoni), Għażla ta’ Politika 2 (għad-distribuzzjoni ta’ prodotti maħżuna u għat-tħaffif tal-proċeduri ta’ għoti ta’ permessi), u Għażla ta’ Politika 3 (għall-obbligi tan-negozji li jaċċettaw u jipprijoritizzaw l-ordnijiet u li jipprovdu informazzjoni rilevanti għall-kriżi).

Fil-15 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni ssottomettiet il-Valutazzjoni tal-Impatt lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB). L-RSB ta opinjoni negattiva, filwaqt li nnota b’mod partikolari (1) il-ħtieġa li tiġi pprovduta informazzjoni ċara u dettaljata relatata mal-emerġenza prevista fis-Suq Uniku inkluż definizzjoni, il-kriterji u l-mekkaniżmi ta’ deċiżjoni għall-istabbiliment u t-terminazzjoni tagħha u l-miżuri li jkunu se jiġu implimentati matulha; (2) il-ħtieġa li tiġi pprovduta valutazzjoni bir-reqqa tal-impatti tal-għażliet ta’ politika; u (3) l-ħtieġa li jiġu ppreżentati taħlitiet alternattivi ta’ għażliet ta’ politika rilevanti, minbarra l-approċċi ta’ politika, u li t-tqabbil jintrabat mal-analiżi tal-impatti. Sabiex tindirizza dawn is-sejbiet, il-Kummissjoni pprovdiet definizzjoni ċara ta’ emerġenza fis-Suq Uniku, speċifikat il-kriterji u l-mekkaniżmi tat-teħid tad-deċiżjonijiet, spjegat it-tliet modalitajiet ta’ funzjonament tal-SMEI u speċifikat liema element kostitwenti tal-SMEI jiġi attivat taħt liema modalità. Elaborat ulterjorment il-valutazzjoni tal-impatti biex tkopri aktar tipi ta’ impatti, jiġifieri l-impatti ekonomiċi għall-partijiet ikkonċernati ewlenin (in-negozji, l-Istati Membri u l-Kummissjoni), l-impatti fuq l-SMEs, l-impatti fuq il-kompetittività, il-kompetizzjoni, il-kummerċ internazzjonali, u għamlet distinzjoni bejn liema impatt iseħħ bl-effetti immedjati u li jista’ jkun mistenni taħt il-modalitajiet ta’ viġilanza u ta’ emerġenza. Barra minn hekk, il-Valutazzjoni tal-Impatt iddefiniet tliet għażliet ta’ politika alternattivi bbażati fuq taħlita ta’ approċċi differenti għal xi wħud mill-elementi kostitwenti, ipprovdiet valutazzjoni tal-impatti ta’ dawn l-għażliet u estendiet it-tqabbil tal-għażliet biex tkopri l-proporzjonalità u s-sussidjarjetà.

Fid-29 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat il-Valutazzjoni tal-Impatt riveduta lill-RSB. L-RSB ta opinjoni pożittiva bil-kummenti. Dawn il-kummenti kienu relatati mal-ħtieġa li jiġu esplorati ulterjorment it-tipi differenti ta’ kriżi li jista’ jkollhom impatt fuq il-funzjonament tas-Suq Uniku, biex tiġi stabbilita b’mod aktar ċar l-interazzjoni ma’ miżuri possibbli meħuda abbażi tal-Artikolu 4(2) tat-TFUE u biex jiġu ġġustifikati biżżejjed xi wħud mill-miżuri proposti mill-perspettiva tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Sabiex jiġu indirizzati dawn il-kummenti, żdiedu indikazzjonijiet dwar l-effetti tal-kriżijiet futuri potenzjali, l-interazzjoni ma’ miżuri potenzjali skont l-Artikolu 4(2) tat-TFUE ġiet spjegata aħjar u żdiedu aktar dettalji dwar il-miżuri obbligatorji previsti taħt il-modalità ta’ emerġenza.

Aktar informazzjoni dwar kif ir-rakkomandazzjonijiet tal-RSB huma riflessi fir-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt tista’ tinstab fl-Anness 1, il-punt 3, tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Skont il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni, l-inizjattivi kollha bl-objettiv li jbiddlu l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE jenħtieġ li jkollhom l-għan li jissimplifikaw u jwasslu għall-objettivi ta’ politika ddikjarati b’mod aktar effiċjenti (jiġifieri li jitnaqqsu l-kostijiet regolatorji bla bżonn).

Il-pakkett kumplessiv tal-SMEI jipprovdi sett ta’ miżuri biex tiġi indirizzata l-emerġenza fis-Suq Uniku, li jikkonsisti f’sett ta’ miżuri applikabbli l-ħin kollu kif ukoll ċerti miżuri applikabbli biss fil-modalitajiet ta’ viġilanza jew ta’ emerġenza, li għandhom jiġu attivati separatament. Il-proposta attwali tipprevedi proċeduri ta’ emerġenza għall-valutazzjoni tal-konformità, l-introduzzjoni fis-suq, l-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni u s-sorveljanza tas-suq. Ma hemm l-ebda kost amministrattiv għan-negozji u għaċ-ċittadini li japplika b’effett immedjat u matul il-funzjonament normali tas-Suq Uniku.

Għall-miżuri li huma parti mill-pakkett kumplessiv tal-SMEI u li x’aktarx iwasslu għal impatti qawwija u kostijiet potenzjali għall-SMEs, b’mod partikolari miżuri bħal talbiet obbligatorji għal informazzjoni, talbiet biex tiżdied il-produzzjoni u biex jiġu aċċettati ordnijiet klassifikati bħala prijorità, matul l-attivazzjoni addizzjonali ta’ tali miżuri, il-Kummissjoni se twettaq l-analiżi u l-valutazzjoni speċifiċi fir-rigward tal-impatt u l-proporzjonalità tagħhom, b’mod partikolari l-impatt tagħhom fuq l-SMEs. Din il-valutazzjoni se tkun parti mill-proċess ta’ attivazzjoni addizzjonali ta’ dawn il-miżuri speċifiċi minn att ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni (minbarra l-iskattar kumplessiv tal-modalità ta’ emerġenza). Skont in-natura tal-kriżi u l-ktajjen tal-provvista strateġiċi kkonċernati u l-prodotti rilevanti għall-kriżi, se jiġu pprovduti akkomodazzjonijiet speċifiċi għall-SMEs. Filwaqt li ma huwiex possibbli li l-mikrointrapriżi jiġu eżentati kompletament mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri bħat-talbiet obbligatorji għall-informazzjoni, peress li dawn l-intrapriżi jista’ jkollhom għarfien jew privattivi uniċi speċifiċi ta’ importanza kritika fi kriżi, l-akkomodazzjonijiet speċifiċi se jinkludu disinji simplifikati tal-istħarriġ, rekwiżiti ta’ rapportar inqas onerużi, u skadenzi itwal għar-reazzjonijiet, sa fejn ikun possibbli fid-dawl tal-ħtieġa ta’ urġenza fil-kuntest ta’ kriżi speċifika.

Fil-kuntest tal-pakkett kumplessiv tal-SMEI, ir-Regolament (KE) Nru 2679/98 li jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rispons biex jiġu indirizzati l-ostakli għall-moviment liberu tal-oġġetti attribwibbli għal Stat Membru li jwasslu għal tfixkil serju u li jirrikjedu azzjoni immedjata (“ir-Regolament dwar il-Frawli”) se jitħassar. Dan se jwassal għas-simplifikazzjoni tal-qafas legali.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex impatt fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom taċ-ċittadini jew tan-negozji.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-miżuri f’dan l-att jikkonċernaw emendi mmirati tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-prodotti. L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Għalhekk mhux se jkun hemm implikazzjonijiet fuq il-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-proposta ma tinkludi l-ebda mekkaniżmu ta’ monitoraġġ speċifiku. Ir-rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ diġà jinsabu fl-oqfsa settorjali tal-UE, li qed jiġu emendati minn din il-proposta u l-emendi ma għandhomx impatt fuq dawn l-arranġamenti eżistenti ta’ monitoraġġ, ta’ evalwazzjoni u ta’ rappurtar.

Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost huwa ta’ rilevanza għaż-ŻEE u għalhekk jenħtieġ li jiġi estiż għaliha.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-emendi, li din il-Proposta għandha l-għan li tintroduċi jkopru l-aspetti li ġejjin:

(1)Il-prijoritizzazzjoni mill-korpi notifikati tal-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti deżinjati bħala rilevanti għall-kriżi;

(2)Il-possibbiltà li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti joħorġu awtorizzazzjonijiet temporanji għall-prodotti rilevanti għall-kriżi, li ma jkunux għaddew mill-proċeduri standard ta’ valutazzjoni tal-konformità, dment li l-prodotti jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli kollha u dment li l-awtorizzazzjoni tkun limitata għat-tul ta’ żmien tal-emerġenza fis-Suq Uniku u għat-territorju tal-Istat Membru emittenti;

(3)Il-possibbiltà li l-manifatturi jserrħu fuq standards internazzjonali u nazzjonali rilevanti matul l-emerġenza, jekk ma jkunux disponibbli standards armonizzati u jekk l-istandards alternattivi jiżguraw livell ekwivalenti ta’ sikurezza;

(4)Il-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta, permezz ta’ atti delegati, speċifikazzjonijiet tekniċi komuni volontarji jew obbligatorji għall-prodotti rilevanti għall-kriżi;

(5)Il-prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq għall-oġġetti rilevanti għall-kriżi

2022/0279 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolamenti (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426, (UE) 2019/1009 u (UE) Nru 305/2011 fir-rigward tal-proċeduri ta’ emerġenza għall-valutazzjoni tal-konformità, tal-adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni u tas-sorveljanza tas-suq minħabba emerġenza fis-Suq Uniku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 38 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja 39 ,

Billi:

(1)[daħħal ir-referenza għar-Regolament SMEI] għandu l-għan li jiżgura l-funzjonament normali tas-Suq Uniku, inkluż il-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u persuni u li jiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ oġġetti u servizzi rilevanti għall-kriżi u oġġetti u servizzi ta’ importanza strateġika għaċ-ċittadini, għan-negozji u għall-awtoritajiet pubbliċi matul xi kriżi.

(2)Il-qafas stabbilit minn [daħħal ir-referenza għar-Regolament SMEI] jistabbilixxi miżuri, li jenħtieġ li jiġu implimentati b’mod koerenti, trasparenti, effiċjenti, proporzjonat u f’waqtu, sabiex jiġi evitat, mitigat u minimizzat l-impatt fuq il-funzjonament tas-Suq Uniku li jista’ jiġi kkawżat mill-kriżi.

(3)[daħħal ir-referenza għar-Regolament SMEI] jistabbilixxi mekkaniżmu b’diversi saffi li jikkonsisti minn ippjanar ta’ kontinġenza, modalità ta’ viġilanza u modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku.

(4)[daħħal ir-referenza għar-Regolament SMEI] jistabbilixxi regoli bl-objettiv li jissalvagwardja l-moviment liberu ta’ oġġetti, servizzi u persuni fis-Suq Uniku u li jiżgura d-disponibbiltà ta’ oġġetti u servizzi li huma partikolarment importanti anke fi żminijiet ta’ kriżi. [daħħal ir-referenza għar-Regolament SMEI] japplika kemm għall-oġġetti kif ukoll għas-servizzi.

(5)Sabiex tiġi kkomplementata, żgurata l-konsistenza u tkompli tissaħħaħ l-effettività ta’ dawn il-miżuri, jixraq li jiġi żgurat li l-oġġetti msemmija fi [daħħal ir-referenza għar-Regolament SMEI] ikunu jistgħu jiġu introdotti malajr fis-suq tal-Unjoni sabiex jikkontribwixxu għall-indirizzar u l-mitigazzjoni tat-tfixkil.

(6)Numru ta’ oqfsa legali settorjali tal-Unjoni jistabbilixxu regoli armonizzati dwar id-disinn, il-manifattura, il-valutazzjoni tal-konformità u l-introduzzjoni fis-suq ta’ ċerti prodotti. Dawn l-atti legali jinkludu r-Regolamenti (UE) 2016/424 40 , (UE) 2016/425 41 , (UE) 2016/426 42 , (UE) 2019/1009 43 u (UE) Nru 305/2011 44 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dawk l-atti legali huma msejsa fuq il-prinċipji tal-approċċ il-ġdid għall-armonizzazzjoni teknika. Barra minn hekk, ir-Regolamenti (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426 u (UE) 2019/1009 huma allinjati wkoll mad-dispożizzjonijiet ta’ referenza stabbiliti bid-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 .

(7)La d-dispożizzjonijiet ta’ referenza stabbiliti bid-Deċiżjoni 768/2008/KE, u lanqas id-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni jipprevedu proċeduri mfassla biex jiġu applikati fi kriżi. Jixraq li jiġu introdotti aġġustamenti mmirati għal dawk ir-Regolamenti, bl-għan li jħejju u jirrispondu għall-impatti tal-kriżijiet li jaffettwaw il-prodotti li jkunu ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi u koperti minn dawk ir-Regolamenti.

(8)L-esperjenza mill-kriżijiet riċenti li affettwaw is-Suq Uniku wriet li l-proċeduri stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali mhumiex imfassla biex jaqdu l-ħtiġijiet tax-xenarji ta’ rispons għall-kriżi u ma joffrux il-flessibbiltà regolatorja neċessarja. Għalhekk jixraq li tiġi prevista bażi ġuridika għal tali proċeduri ta’ rispons għall-kriżijiet bħala komplement għall-miżuri adottati skont [daħħal ir-referenza għar-Regolament SMEI].

(9)Sabiex jingħelbu l-effetti potenzjali tat-tfixkil fuq is-Suq Uniku u sabiex jiġi żgurat li oġġetti rilevanti għall-kriżi jiġu introdotti fis-suq malajr, jixraq li jiġi previst rekwiżit għall-korpi ta’ valutazzjoni tal-konformità biex jipprijoritizzaw l-applikazzjonijiet għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ dawn il-prodotti fuq kwalunkwe applikazzjoni pendenti li tikkonċerna l-prodotti, li ma jkunux ġew iddeżinjati bħala rilevanti għall-kriżi.

(10)Għal dak l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti proċeduri ta’ emerġenza fir-Regolamenti (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426, (UE) 2019/1009 u (UE) Nru 305/2011. Dawk il-proċeduri jenħtieġ li jkunu disponibbli biss wara l-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità ma’ [daħħal ir-referenza għar-Regolament SMEI].

(11)Barra minn hekk, f’każijiet fejn it-tfixkil jista’ jaffettwa lill-korpi tal-valutazzjoni tal-konformità jew f’każijiet fejn il-kapaċitajiet tal-ittestjar għal tali prodotti rilevanti għall-kriżi ma jkunux biżżejjed, jixraq li tiġi prevista l-possibbiltà li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jawtorizzaw b’mod eċċezzjonali u temporanju l-introduzzjoni fis-suq tal-prodotti, li ma jkunux għaddew mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità tas-soltu meħtieġa mil-leġiżlazzjoni settorjali rispettiva tal-UE.

(12)Fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-Regolamenti li ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkunu jistgħu, fil-kuntest ta’ emerġenza fis-Suq Uniku li tkun għaddejja, jidderogaw mill-obbligu li jwettqu dawk il-proċeduri tal-valutazzjoni tal-konformità stabbiliti f’dawk ir-Regolamenti, f’dawk il-każijiet fejn l-involviment ta’ korp notifikat ikun obbligatorju u jenħtieġ li jkunu jistgħu joħorġu awtorizzazzjonijiet għal dawk il-prodotti, dment li jkunu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ sikurezza essenzjali applikabbli. Il-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti sostantivi tista’ tintwera b’diversi mezzi, li jistgħu jinkludu l-ittestjar li jwettqu l-awtoritajiet nazzjonali tal-kampjuni pprovduti mill-manifattur li jkun applika għal awtorizzazzjoni. Il-proċeduri speċifiċi, li ġew segwiti biex tintwera l-konformità u r-riżultati tagħhom jenħtieġ li jiġu deskritti b’mod ċar fl-awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

(13)Meta emerġenza fis-Suq Uniku tinvolvi żieda esponenzjali fid-domanda għal ċerti prodotti u sabiex jiġu appoġġati l-isforzi tal-operaturi ekonomiċi biex jissodisfaw tali domanda, huwa xieraq li jiġu pprovduti referenzi tekniċi, li jistgħu jintużaw mill-manifatturi biex ifasslu u jipproduċu oġġetti rilevanti għall-kriżi, li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali applikabbli.

(14)Għadd ta’ leġiżlazzjoni settorjali tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni jipprevedu l-possibbiltà li manifattur jibbenefika minn preżunzjoni ta’ konformità jekk il-prodott tiegħu jikkonforma ma’ standard Ewropew armonizzat. Madankollu, f’każijiet fejn dawn l-istandards ma jeżistux jew il-konformità magħhom tista’ ssir eċċessivament diffiċli minħabba t-tfixkil ikkawżat mill-kriżi, jixraq li jiġu previsti mekkaniżmi alternattivi.

(15)Fir-rigward tar-Regolamenti (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426 u, (UE) 2019/1009, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jippreżumu li l-prodotti manifatturati f’konformità mal-istandards nazzjonali jew internazzjonali skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 46 li jiżguraw livell ta’ protezzjoni ekwivalenti għal dak offrut mill-istandards Ewropej armonizzati jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali rilevanti.

(16)Barra minn hekk, fir-rigward tar-Regolamenti (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426, (UE) 2019/1009 u (UE) Nru 305/2011, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha l-possibbiltà li tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet komuni, li l-manifatturi jistgħu jserrħu fuqhom sabiex jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli. L-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi tali speċifikazzjonijiet komuni jenħtieġ li jibqa’ applikabbli għat-tul ta’ żmien tal-emerġenza fis-Suq Uniku.

(17)Fir-rigward tar-Regolamenti (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426, (UE) 2019/1009 u (UE) Nru 305/2011, f’ċirkostanzi eċċezzjonali u debitament ġustifikati, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-interoperabbiltà fost il-prodotti jew is-sistemi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun tista’ tadotta, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, speċifikazzjonijiet komuni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet tekniċi obbligatorji, li l-manifatturi jkunu meħtieġa jikkonformaw magħhom. L-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi tali speċifikazzjonijiet komuni jenħtieġ li jibqa’ applikabbli għat-tul ta’ żmien tal-emerġenza fis-Suq Uniku.

(18)Sabiex jiġi żgurat li l-livell ta’ sikurezza pprovdut mill-prodotti armonizzati ma jiġix kompromess, huwa neċessarju li jiġu previsti regoli għal sorveljanza tas-suq imsaħħa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ oġġetti ddeżinjati bħala rilevanti għall-kriżi u fosthom billi jippermettu kooperazzjoni aktar mill-qrib u appoġġ reċiproku fost l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

(19)F’konformità mal-prattika stabbilita tagħha, il-Kummissjoni tikkonsulta sistematikament lill-esperti settorjali rilevanti fil-kuntest tat-tħejjija bikrija tal-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni kollha li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet komuni.

(20)Ir-Regolamenti (UE) 2016/424, (UE) 2016/425, (UE) 2016/426, (UE) 2019/1009 u (UE) Nru 305/2011 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

(21)Sabiex dan ir-Regolament japplika mill-istess data bħal [ir-Regolament SMEI], l-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li tiġi differita,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) 2016/424

Fir-Regolament (UE) 2016/424, jiddaħħal il-Kapitolu VIa li ġej:

“KAPITOLU Via 
PROĊEDURI TA’ EMERĠENZA

Artikolu 43a 
Applikazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza

1.L-Artikoli 43b sa 43g għandhom japplikaw biss jekk il-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 23 tar-[Regolament SMEI] li jattiva l-Artikolu 26 tar-[Regolament SMEI] fir-rigward ta’ dan ir-Regolament.

2.L-Artikoli 43b sa 43g għandhom japplikaw esklużivament għas-subsistemi u għall-komponenti ta’ sikurezza, li ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.L-Artikoli 43b sa 43g, ħlief fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-setgħat tal-Kummissjoni, għandhom japplikaw matul il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku.

Madankollu, l-Artikolu 43c(2), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 43c(5) għandhom japplikaw matul il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku u wara d-diżattivazzjoni jew l-iskadenza tagħha.

4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu fir-rigward tas-subsistemi u tal-komponenti ta’ sikurezza mqiegħda fis-suq f’konformità mal-Artikoli 43c sa 43f. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 44(3).

Artikolu 43b 
Prijoritizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-konformità tas-subsistemi u tal-komponenti ta’ sikurezza rilevanti għall-kriżi

1.Dan l-Artikolu għandu japplika għas-subsistemi u għall-komponenti ta’ sikurezza ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, li huma soġġetti għal proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, f’konformità mal-Artikolu 18 li jirrikjedi l-involviment obbligatorju ta’ korp notifikat.

2.Il-korpi notifikati għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet kollha għall-valutazzjoni tal-konformità tas-subsistemi u tal-komponenti ta’ sikurezza ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi bħala kwistjoni ta’ prijorità.

3.L-applikazzjonijiet pendenti kollha għall-valutazzjoni tal-konformità tas-subsistemi u tal-komponenti ta’ sikurezza ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi għandhom jiġu pproċessati bħala kwistjoni ta’ prijorità, qabel kwalunkwe applikazzjoni oħra għall-valutazzjoni tal-konformità tas-subsistemi u tal-komponenti ta’ sikurezza, li ma jkunux ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi. Dan ir-rekwiżit japplika fir-rigward tal-applikazzjonijiet kollha għall-valutazzjoni tal-konformità tas-subsistemi u tal-komponenti ta’ sikurezza ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, irrispettivament minn jekk ikunux ġew ippreżentati qabel jew wara l-attivazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 43a.

4.Il-prijoritizzazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-valutazzjoni tal-konformità tas-subsistemi u tal-komponenti ta’ sikurezza skont il-paragrafu 3 ma għandha twassal għall-ebda kost addizzjonali għall-manifatturi, li jkunu ppreżentaw dawk l-applikazzjonijiet.

5.Il-korpi notifikati għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex iżidu l-kapaċitajiet għall-ittestjar tagħhom għas-subsistemi u għall-komponenti ta’ sikurezza ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi li jkunu ġew notifikati dwarhom.

Artikolu 43c 
Deroga mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li tirrikjedi l-involviment obbligatorju ta’ korp notifikat

1.B’deroga mill-Artikolu 18, kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tawtorizza, fuq talba debitament ġustifikata, l-introduzzjoni fis-suq jew l-inkorporazzjoni f’installazzjoni tar-rotta b’kablaġġ fi ħdan it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ subsistema speċifika jew komponent ta’ sikurezza, li jkunu ġew iddeżinjati bħala oġġett rilevanti għall-kriżi u li għalihom il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li jeħtieġu l-involviment obbligatorju ta’ korp notifikat, imsemmija fl-Artikolu 18 ma jkunux twettqu minn korp notifikat iżda li għalihom tkun intweriet il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli kollha.

2.Il-manifattur ta’ subsistema jew ta’ komponent ta’ sikurezza soġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu li s-subsistema jew il-komponent ta’ sikurezza kkonċernat jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli kollha stabbiliti fl-Anness II u għandu jkun responsabbli għat-twettiq tal-proċeduri kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità indikati mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

Il-manifattur għandu juża wkoll il-miżuri raġonevoli kollha biex jiżgura li s-subsistema jew il-komponent ta’ sikurezza, li jkun ingħata awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 ma jħallix it-territorju tal-Istat Membru, li jkun ta l-awtorizzazzjoni.

3.Kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità nazzjonali kompetenti skont il-paragrafu 1 għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li skonthom is-subsistema jew il-komponent ta’ sikurezza jistgħu jiġu introdotti fis-suq jew inkorporati f’installazzjoni tar-rota b’kablaġġ, fosthom:

(a)deskrizzjoni tal-proċeduri, li permezz tagħhom intweriet b’suċċess il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli;

(b)rekwiżiti speċifiċi dwar it-traċċabbiltà tas-subsistema jew il-komponent ta’ sikurezza kkonċernat;

(c)data tat-tmiem tal-validità tal-awtorizzazzjoni, li ma tistax tmur lil hinn mill-aħħar jum tal-perjodu li għalih tkun ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku;

(d)kwalunkwe rekwiżit speċifiku dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata l-valutazzjoni kontinwa tal-konformità fir-rigward tas-subsistema jew tal-komponent ta’ sikurezza kkonċernat;

(e)miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tas-subsistema jew tal-komponent ta’ sikurezza kkonċernat mal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni sabiex jiġi żgurat li s-subsistema jew il-komponent ta’ sikurezza kkonċernat jinġiebu lura f’konformità mar-rekwiżiti kollha ta’ dan ir-Regolament.

4.B’deroga mill-Artikolu 43a(3), l-ewwel subparagrafu, fejn jixraq, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ temenda l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 anke wara d-diżattivazzjoni jew l-iskadenza tal-modalità tas-Suq Uniku ta’ Emerġenza.

5.B’deroga mill-Artikoli 7 u 20, is-subsistemi jew il-komponenti ta’ sikurezza, li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ma għandhomx iħallu t-territorju tal-Istat Membru li jkun ta l-awtorizzazzjoni u ma għandhomx ikollhom il-markatura CE.

6.L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istat Membru, li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun tat awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, għandhom ikunu intitolati li jieħdu l-miżuri korrettivi u restrittivi kollha fil-livell nazzjonali previsti f’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ dawn is-subsistemi jew il-komponenti ta’ sikurezza.

7.L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull deċiżjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta’ subsistemi jew komponenti ta’ sikurezza f’konformità mal-paragrafu 1.

8.L-applikazzjoni tal-Artikoli 43a sa 43g u l-użu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jaffettwawx l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 18 fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 43d 
Preżunzjoni ta’ konformità bbażata fuq standards nazzjonali u internazzjonali

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li, għall-finijiet tal-introduzzjoni fis-suq, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom iqisu li l-s-subsistemi u l-komponenti ta’ sikurezza li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali rilevanti jew ma’ kwalunkwe standard nazzjonali fis-seħħ fl-Istat Membru tal-manifattura, li jiżguraw il-livell ta’ sikurezza meħtieġ mir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II, jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti essenzjali f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)meta ma tiġi ppubblikata l-ebda referenza għall-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness II f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

Meta

(b)tfixkil serju fil-funzjonament tas-Suq Uniku, li ġie kkunsidrat meta ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mal-Artikolu 15(4) tar-[Regolament SMEI] jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet tal-manifatturi li jagħmlu użu mill-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament u diġà ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

Artikolu 43e 
Adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità

1.Meta s-subsistemi u l-komponenti ta’ sikurezza għal-liftijiet ikunu ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni għal dawn is-subsistemi u l-komponenti ta’ sikurezza biex ikopru r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)meta ma tiġi ppubblikata l-ebda referenza għall-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness II f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(b)meta t-tfixkil serju fil-funzjonament tas-Suq Uniku, li wassal għall-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mal-Artikolu 14 tar-[Regolament SMEI] jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet tal-manifatturi li jagħmlu użu mill-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament u diġà ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

2.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-esperti settorjali u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 44(3) u għandhom japplikaw għas-subsistemi jew għall-komponenti ta’ sikurezza introdotti fis-suq sal-aħħar jum tal-perjodu li matulu l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku tibqa’ attiva. Fit-tħejjija bikrija tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni, il-Kummissjoni għandha tiġbor il-fehmiet tal-korpi jew tal-gruppi ta’ esperti rilevanti stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni. Abbażi ta’ dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

3.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17, is-subsistemi u l-komponenti ta’ sikurezza li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet komuni adottati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu preżunti konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II koperti minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom.

4.B’deroga mill-Artikolu 43a(3), l-ewwel subparagrafu, sakemm ma jkunx hemm raġuni suffiċjenti biex wieħed jemmen li l-istrumenti tal-kejl koperti mill-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni, is-subsistemi jew il-komponenti ta’ sikurezza f’konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni li jkunu ġew introdotti fis-suq għandhom jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament wara l-iskadenza jew it-tħassir ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u wara l-iskadenza jew id-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ Emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mar-[Regolament SMEI]. 

5.Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni msemmija fil-paragrafu 1 ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti essenzjali li għandha l-għan li tkopri u li huma stabbiliti fl-Anness II, għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, permezz ta’ spjegazzjoni dettaljata u l-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-informazzjoni u, jekk xieraq, temenda jew tirtira l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

Artikolu 43f 
Adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji

1.F’każijiet eċċezzjonali u debitament ġustifikati, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji biex ikopru r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness II għas-subsistemi jew għall-komponenti ta’ sikurezza, li ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

2.L-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-esperti settorjali u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 44(3). Għandhom japplikaw għas-subsistemi jew għall-komponenti ta’ sikurezza introdotti fis-suq sal-aħħar jum tal-perjodu li matulu l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku tibqa’ attiva. Fit-tħejjija bikrija tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni, il-Kummissjoni għandha tiġbor il-fehmiet tal-korpi jew tal-gruppi ta’ esperti rilevanti stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni. Abbażi ta’ dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

3.B’deroga mill-Artikolu 43a(3), l-ewwel subparagrafu, sakemm ma jkunx hemm raġuni suffiċjenti biex wieħed jemmen li l-istrumenti tal-kejl koperti mill-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni, is-subsistemi jew il-komponenti ta’ sikurezza f’konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni li jkunu ġew introdotti fis-suq għandhom jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament wara l-iskadenza jew it-tħassir ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u wara l-iskadenza jew id-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ Emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mar-[Regolament SMEI]. 

Artikolu 43g 
Prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u assistenza reċiproka fost l-awtoritajiet

1.L-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq għas-subsistemi u għall-komponenti ta’ sikurezza ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

2.L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovdu assistenza lil awtoritajiet oħra tas-sorveljanza tas-suq matul emerġenza tas-Suq Uniku, fosthom billi jimmobilizzaw u jibagħtu timijiet ta’ esperti biex isaħħu temporanjament il-persunal tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li jitolbu assistenza jew billi jipprovdu appoġġ loġistiku bħat-tisħiħ tal-kapaċità tal-ittestjar għas-subsistemi jew għall-komponenti ta’ sikurezza ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

Artikolu 2
Emendi għar-Regolament (UE) 2016/425

Fir-Regolament (UE) 2016/425, jiddaħħal il-Kapitolu VIa li ġej:

“KAPITOLU VIa 
PROĊEDURI TA’ EMERĠENZA

Artikolu 41a 
Applikazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza

1.L-Artikoli 41b sa 41g għandhom japplikaw biss jekk il-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 23 tar-[Regolament SMEI] li jattiva l-Artikolu 26 tar-[Regolament SMEI] fir-rigward ta’ dan ir-Regolament.

2.L-Artikoli 41b sa 41g għandhom japplikaw esklużivament għall-PPE, li ġie ddeżinjat bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.

3.L-Artikoli 41b sa 41g, ħlief fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-setgħat tal-Kummissjoni, għandhom japplikaw matul il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku.

Madankollu, l-Artikolu 41c(2), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 41c(5) għandhom japplikaw matul il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku u wara d-diżattivazzjoni jew l-iskadenza tagħha.

4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-PPE introdott fis-suq f’konformità mal-Artikoli 41c sa 41f. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 44(3).

Artikolu 41b 
Prijoritizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-konformità tal-PPE rilevanti għall-kriżi

1.Dan l-Artikolu għandu japplika għall-PPE ddeżinjat bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, li huma soġġetti għal proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, f’konformità mal-Artikolu 19 li jirrikjedi l-involviment obbligatorju ta’ korp notifikat.

2.Il-korpi notifikati għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet kollha għall-valutazzjoni tal-konformità tal-PPE ddeżinjat bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi bħala kwistjoni ta’ prijorità.

3.L-applikazzjonijiet pendenti kollha għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ dan il-PPE għandhom jiġu pproċessati bħala kwistjoni ta’ prijorità, qabel kwalunkwe applikazzjoni oħra għall-valutazzjoni tal-konformità tal-PPE, li ma jkunx ġie ddeżinjat bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi. Dan ir-rekwiżit japplika fir-rigward tal-applikazzjonijiet kollha għall-valutazzjoni tal-konformità tal-PPE ddeżinjat bħala oġġett rilevanti għall-kriżi, irrispettivament minn jekk ikunux ġew ippreżentati qabel jew wara l-attivazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 41a.

4.Il-prijoritizzazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-valutazzjoni tal-konformità tal-PPE skont il-paragrafu 3 ma għandha twassal għall-ebda kost addizzjonali għall-manifatturi, li jkunu ppreżentaw dawk l-applikazzjonijiet.

5.Il-korpi notifikati għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex iżidu l-kapaċitajiet tal-ittestjar tagħhom għall-PPE ddeżinjat bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi li jkunu ġew notifikati dwaru.

Artikolu 41c 
Deroga mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li tirrikjedi l-involviment obbligatorju ta’ korp notifikat

1.B’deroga mill-Artikolu 19, kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tawtorizza, fuq talba debitament ġustifikata, l-introduzzjoni fis-suq fi ħdan it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ PPE speċifiku li jkun ġie ddeżinjat bħala oġġett rilevanti għall-kriżi, li għalih il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li jeħtieġu l-involviment obbligatorju ta’ korp notifikat, imsemmija f’dak l-Artikolu ma jkunux twettqu minn korp notifikat iżda li għalih tkun intweriet il-konformità mar-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali applikabbli kollha.

2.Il-manifattur ta’ PPE soġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu li l-PPE kkonċernat jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali applikabbli kollha u għandu jkun responsabbli għat-twettiq tal-proċeduri kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità indikati mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

Il-manifattur għandu juża wkoll il-miżuri raġonevoli kollha biex jiżgura li l-PPE, li jkun ingħata awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 ma jħallix it-territorju tal-Istat Membru, li jkun ta l-awtorizzazzjoni.

3.Kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità nazzjonali kompetenti skont il-paragrafu 1 għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li skonthom il-PPE jista’ jiġi introdott fis-suq, fosthom:

(a)deskrizzjoni tal-proċeduri, li permezz tagħhom intweriet b’suċċess il-konformità mar-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali applikabbli;

(b)rekwiżiti speċifiċi dwar it-traċċabbiltà tal-PPE kkonċernat;

(c)data tat-tmiem tal-validità tal-awtorizzazzjoni, li ma tistax tmur lil hinn mill-aħħar jum tal-perjodu li għalih tkun ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku;

(d)kwalunkwe rekwiżit speċifiku dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata l-valutazzjoni kontinwa tal-konformità fir-rigward tal-PPE kkonċernat;

(e)miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-PPE kkonċernat mal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-PPE kkonċernat jinġieb lura f’konformità mar-rekwiżiti kollha ta’ dan ir-Regolament.

4.B’deroga mill-Artikolu 41a(3), l-ewwel subparagrafu, fejn jixraq, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ temenda l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, anke wara d-diżattivazzjoni jew l-iskadenza tal-Modalità tas-Suq Uniku ta’ Emerġenza.

5.B’deroga mill-Artikoli 7 u 17, il-PPE, li għalih tkun ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ma għandux iħalli t-territorju tal-Istat Membru li jkun ta l-awtorizzazzjoni u ma għandux ikollu l-markatura CE.

6.L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istat Membru, li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun tat awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, għandhom ikunu intitolati li jieħdu l-miżuri korrettivi u restrittivi kollha fil-livell nazzjonali previsti f’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ dan il-PPE.

7.L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull deċiżjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta’ PPE f’konformità mal-paragrafu 1.

8.L-applikazzjoni tal-Artikoli 41a sa 41g u l-użu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jaffettwawx l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 19 fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 41d 
Preżunzjoni ta’ konformità bbażata fuq standards nazzjonali u internazzjonali

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li, għall-finijiet ta’ introduzzjoni fis-suq, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jikkunsidraw li l-PPE, li jikkonforma mal-istandards internazzjonali rilevanti jew ma’ kwalunkwe standard nazzjonali fis-seħħ fl-Istat Membru tal-manifattura, li jiżguraw il-livell ta’ sikurezza meħtieġ mir-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali stabbiliti fl-Anness II jikkonforma ma’ dawk ir-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)meta ma tiġi ppubblikata l-ebda referenza għal standards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness II f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(b)meta t-tfixkil serju fil-funzjonament tas-Suq Uniku, li ġie kkunsidrat meta ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mal-Artikolu 15(4) tar-[Regolament SMEI] jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet tal-manifatturi li jagħmlu użu mill-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament u diġà ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

Artikolu 41e 
Adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità

1.Meta l-PPE, jkun ġie ddeżinjat bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni għal dan il-PPE biex ikopru r-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali stabbiliti fl-Anness II f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)meta ma tiġi ppubblikata l-ebda referenza għal standards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness II f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(b)meta t-tfixkil serju fil-funzjonament tas-Suq Uniku, li wassal għall-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet tal-manifatturi li jagħmlu użu mill-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament u diġà ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

2.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-esperti settorjali u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 44(3). Dawn għandhom jibqgħu applikabbli għall-PPE introdott fis-suq sal-aħħar jum tal-perjodu li għalih il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku tibqa’ attiva. Fit-tħejjija bikrija tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni, il-Kummissjoni għandha tiġbor il-fehmiet tal-korpi jew tal-gruppi ta’ esperti rilevanti stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni. Abbażi ta’ dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

3.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 14, il-PPE li jkun f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet komuni adottati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu preżunti f’konformità mar-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali stabbiliti fl-Anness II, koperti minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom.

4.B’deroga mill-Artikolu 41a(3), l-ewwel subparagrafu, sakemm ma jkunx hemm raġuni suffiċjenti biex wieħed jemmen li l-PPE kopert mill-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni, il-PPE f’konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni li jkunu ġew introdotti fis-suq għandhom jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament wara l-iskadenza jew it-tħassir ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u wara l-iskadenza jew id-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ Emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mar-[Regolament SMEI]. 

5.Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni msemmija fil-paragrafu 1 ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali li għandha l-għan li tkopri u li huma stabbiliti fl-Anness II, għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan, permezz ta’ spjegazzjoni dettaljata u l-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-informazzjoni u, jekk xieraq, temenda jew tirtira l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

Artikolu 41f 
Adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji

1.F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji biex ikopru r-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali stabbiliti fl-Anness II għall-PPE, li ġie ddeżinjat bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

2.L-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-esperti settorjali u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 44(3). Għandhom japplikaw għall-PPE introdott fis-suq sal-aħħar jum tal-perjodu li matulu l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku tibqa’ attiva. Fit-tħejjija bikrija tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni, il-Kummissjoni għandha tiġbor il-fehmiet tal-korpi jew tal-gruppi ta’ esperti rilevanti stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni. Abbażi ta’ dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

3.B’deroga mill-Artikolu 41a(3), l-ewwel subparagrafu, sakemm ma jkunx hemm raġuni suffiċjenti biex wieħed jemmen li l-PPE kopert mill-ispeċifikazzjonijiet komuni obbligatorji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jippreżenta riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni, il-PPE f’konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni li jkunu ġew introdotti fis-suq għandu jitqies konformi ma’ dan ir-Regolament wara l-iskadenza jew it-tħassir ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u wara l-iskadenza jew id-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ Emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mar-[Regolament SMEI]. 

Artikolu 41g 
Prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u assistenza reċiproka fost l-awtoritajiet

1.L-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw l-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq għall-PPE ddeżinjat bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

2.L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovdu assistenza lil awtoritajiet oħra tas-sorveljanza tas-suq matul emerġenza tas-Suq Uniku, fosthom billi jimmobilizzaw u jibagħtu timijiet ta’ esperti biex isaħħu temporanjament il-persunal tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li jitolbu assistenza jew billi jipprovdu appoġġ loġistiku bħat-tisħiħ tal-kapaċità tal-ittestjar għall-PPE ddeżinjat bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.”

Artikolu 3
Emendi għar-Regolament (UE) 2016/426

Fir-Regolament (UE) 2016/426, jiddaħħal il-Kapitolu VIa li ġej wara l-Kapitolu VI:

“KAPITOLU VIa 
PROĊEDURI TA’ EMERĠENZA

Artikolu 40a 
Applikazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza

1.L-Artikoli 40b sa 40g għandhom japplikaw biss jekk il-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 23 tar-[Regolament SMEI] li jattiva l-Artikolu 26 tar-[Regolament SMEI] fir-rigward ta’ dan ir-Regolament.

2.L-Artikoli 40b sa 40g għandhom japplikaw esklużivament għall-apparati u l-fittings, li ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.L-Artikoli 40b sa 40g, ħlief fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-setgħat tal-Kummissjoni, għandhom japplikaw sakemm il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku tibqa’ attiva.

Madankollu, l-Artikolu 40c(2), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 40c(5) għandhom japplikaw matul il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku u wara d-diżattivazzjoni jew l-iskadenza tagħha.

4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-apparat u tal-fittings introdotti fis-suq f’konformità mal-Artikoli 40c sa 40f. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 42(3).

Artikolu 40b 
Prijoritizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-konformità tal-apparat u tal-fittings rilevanti għall-kriżi

1.Dan l-Artikolu għandu japplika għall-apparati u għall-fittings kollha ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, li huma soġġetti għal proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, f’konformità mal-Artikolu 14 li jirrikjedi l-involviment obbligatorju ta’ korp notifikat.

2.Il-korpi notifikati għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet kollha għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ apparati u fittings iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi bħala kwistjoni ta’ prijorità.

3.L-applikazzjonijiet pendenti kollha għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ apparati u ta’ fittings iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi għandhom jiġu pproċessati bħala kwistjoni ta’ prijorità, qabel kwalunkwe applikazzjoni oħra għall-apparati u għall-fittings, li ma jkunux ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi. Dan ir-rekwiżit japplika fir-rigward tal-applikazzjonijiet kollha għall-valutazzjoni tal-konformità tal-apparati u tal-fittings iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, irrispettivament minn jekk ikunux ġew ippreżentati qabel jew wara l-attivazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 41a.

4.Il-prijoritizzazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-valutazzjoni tal-konformità tal-apparati u tal-fittings skont il-paragrafu 3 ma għandha twassal għall-ebda kost addizzjonali għall-manifatturi, li jkunu ppreżentaw dawk l-applikazzjonijiet.

5.Il-korpi notifikati għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex iżidu l-kapaċitajiet tal-ittestjar tagħhom għall-apparati u għall-fittings iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi li jkunu ġew notifikati dwarhom.

Artikolu 40c 
Deroga mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li tirrikjedi l-involviment obbligatorju ta’ korp notifikat

1.B’deroga mill-Artikolu 14, kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tawtorizza, fuq talba debitament ġustifikata, l-introduzzjoni fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz fi ħdan it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ apparat jew ta’ fitting speċifiku li jkun ġie ddeżinjat bħala oġġett rilevanti għall-kriżi u li għalih il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li jeħtieġu l-involviment obbligatorju ta’ korp notifikat, imsemmi fl-Artikolu 14 ma jkunux twettqu minn korp notifikat iżda li għalih tkun intweriet il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli kollha.

2.Il-manifattur ta’ apparat jew ta’ fitting soġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu li l-apparat jew il-fitting ikkonċernat jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli kollha stabbiliti fl-Anness I u għandu jkun responsabbli għat-twettiq tal-proċeduri kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità indikati mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

Il-manifattur għandu juża wkoll il-miżuri raġonevoli kollha biex jiżgura li l-apparat jew il-fitting, li jkun ingħata awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 ma jħallix it-territorju tal-Istat Membru, li jkun ta l-awtorizzazzjoni.

3.Kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità nazzjonali kompetenti skont il-paragrafu 1 għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li skonthom l-apparat jew il-fitting jista’ jiġi introdott fis-suq, fosthom:

(a)deskrizzjoni tal-proċeduri, li permezz tagħhom intweriet b’suċċess il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli;

(b)rekwiżiti speċifiċi dwar it-traċċabbiltà tas-subsistema jew il-komponent ta’ sikurezza kkonċernat;

(c)data tat-tmiem tal-validità tal-awtorizzazzjoni, li ma tistax tmur lil hinn mill-aħħar jum tal-perjodu li għalih tkun ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku;

(d)kwalunkwe rekwiżit speċifiku dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata l-valutazzjoni kontinwa tal-konformità fir-rigward tas-subsistema jew tal-komponent ta’ sikurezza kkonċernat;

(e)miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-apparat u tal-fitting ikkonċernat mal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-apparat jew il-fitting ikkonċernat jinġieb lura f’konformità mar-rekwiżiti kollha ta’ dan ir-Regolament.

4.B’deroga mill-Artikolu 40a(3), l-ewwel subparagrafu, fejn jixraq, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ temenda l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, anke wara d-diżattivazzjoni jew l-iskadenza tal-modalità tas-Suq Uniku ta’ Emerġenza.

5.B’deroga mill-Artikoli 6 u 17, l-apparati jew il-fittings, li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ma għandhomx iħallu t-territorju tal-Istat Membru li jkun ta l-awtorizzazzjoni u ma għandux ikollhom il-markatura CE.

6.L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istat Membru, li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun tat awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, għandhom ikunu intitolati li jieħdu l-miżuri korrettivi u restrittivi kollha fil-livell nazzjonali previsti f’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ dawn l-apparati jew fittings.

7.L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull deċiżjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta’ apparati jew ta’ fittings f’konformità mal-paragrafu 1.

8.L-applikazzjoni tal-Artikoli 40a sa 40g u l-użu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jaffettwawx l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 14 fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 40d 
Preżunzjoni ta’ konformità bbażata fuq standards nazzjonali u internazzjonali

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li, għall-finijiet tal-introduzzjoni fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom iqisu li l-apparati u l-fittings, li jikkonformaw ma’ standards internazzjonali rilevanti jew ma’ kwalunkwe standard nazzjonali fis-seħħ fl-Istat Membru tal-manifattura, li jiżguraw il-livell ta’ sikurezza meħtieġ mir-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I, jikkonformaw ma’ dawk ir-rekwiżiti essenzjali f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)meta ma tiġi ppubblikata l-ebda referenza għall-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti ta’ sikurezza essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness I f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(b)it-tfixkil serju fil-funzjonament tas-Suq Uniku, li ġie kkunsidrat meta ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mal-Artikolu 15(4) tar-[Regolament SMEI] jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet tal-manifatturi li jagħmlu użu mill-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti ta’ saħħa u ta’ sikurezza essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament u diġà ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

Artikolu 40e 
Adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità

1.Meta l-apparati u l-fittings ikunu ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni għal dawn l-apparati jew fittings biex ikopru r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)meta ma tiġi ppubblikata l-ebda referenza għall-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness I f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(b)meta t-tfixkil serju fil-funzjonament tas-Suq Uniku, li wassal għall-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mal-Artikolu 15(4) tar-[Regolament SMEI] jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet tal-manifatturi li jagħmlu użu mill-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti essenzjali rilevanti stabbiliti fl-Anness I f’dan ir-Regolament u diġà ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

2.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-esperti settorjali u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 42(3). Għandhom japplikaw għall-apparati u għall-fittings introdotti fis-suq sal-aħħar jum tal-perjodu li matulu l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku tibqa’ attiva. Fit-tħejjija bikrija tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni, il-Kummissjoni għandha tiġbor il-fehmiet tal-korpi jew tal-gruppi ta’ esperti rilevanti stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni. Abbażi ta’ dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

3.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, l-apparati jew il-fittings li huma f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet komuni adottati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu preżunti f’konformità mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I koperti minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom.

4.B’deroga mill-Artikolu 40a(3), l-ewwel subparagrafu, sakemm ma jkunx hemm raġuni suffiċjenti biex wieħed jemmen li l-apparati jew il-fittings koperti mill-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni, l-apparati jew il-fittings f’konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni li jkunu ġew introdotti fis-suq għandhom jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament wara l-iskadenza jew it-tħassir ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u wara l-iskadenza jew id-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ Emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mar-[Regolament SMEI]. 

5.Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni msemmija fil-paragrafu 1 ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti essenzjali li għandha l-għan li tkopri u li huma stabbiliti fl-Anness I, għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan bi spjegazzjoni dettaljata u l-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-informazzjoni u, jekk xieraq, temenda jew tirtira l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

Artikolu 40f 
Adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji

1.F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji biex ikopru r-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Anness I għall-apparati jew il-fittings, li jkunu ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

2.L-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-esperti settorjali u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 42(3) u għandhom japplikaw għall-apparati jew għall-fittings introdotti fis-suq sal-aħħar jum tal-perjodu li matulu l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku tibqa’ attiva. Fit-tħejjija bikrija tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni, il-Kummissjoni għandha tiġbor il-fehmiet tal-korpi jew tal-gruppi ta’ esperti rilevanti stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni. Abbażi ta’ dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

3.B’deroga mill-Artikolu 40a(3), l-ewwel subparagrafu, sakemm ma jkunx hemm raġuni suffiċjenti biex wieħed jemmen li l-apparati jew il-fittings koperti mill-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni, l-apparati jew il-fittings f’konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni li jkunu ġew introdotti fis-suq għandhom jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament wara l-iskadenza jew it-tħassir ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u wara l-iskadenza jew id-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ Emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mar-[Regolament SMEI].

Artikolu 40g 
Prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u assistenza reċiproka fost l-awtoritajiet

1.L-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw l-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq għall-apparati u għall-fittings iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

2.L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovdu assistenza lil awtoritajiet oħra tas-sorveljanza tas-suq matul emerġenza tas-Suq Uniku, fosthom billi jimmobilizzaw u jibagħtu timijiet ta’ esperti biex isaħħu temporanjament il-persunal tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li jitolbu assistenza jew billi jipprovdu appoġġ loġistiku bħat-tisħiħ tal-kapaċità tal-ittestjar għall-apparati u għall-fittings, iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

Artikolu 4
Emendi għar-Regolament (UE) 2019/1009

Fir-Regolament (UE) 2019/1009, jiddaħħal il-Kapitolu VIa li ġej:

KAPITOLU Va 
PROĊEDURI TA’ EMERĠENZA

Artikolu 41a 
Applikazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza

1.L-Artikoli 41b sa 41g għandhom japplikaw biss jekk il-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 23 tar-[Regolament SMEI] li jattiva l-Artikolu 26 tar-[Regolament SMEI] fir-rigward ta’ dan ir-Regolament.

2.L-Artikoli 41b sa 41g għandhom japplikaw esklużivament għall-prodotti fertilizzanti, li ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.L-Artikoli 41b sa 41g, ħlief fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-setgħat tal-Kummissjoni, għandhom japplikaw matul il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku.

Madankollu, l-Artikolu 41c(2), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 41c(5) għandhom japplikaw matul il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku u wara d-diżattivazzjoni jew l-iskadenza tagħha.

4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-prodotti fertilizzanti introdotti fis-suq f’konformità mal-Artikoli 41c sa 41f. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(3).

Artikolu 41b 
Prijoritizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti fertilizzanti rilevanti għall-kriżi

1.Dan l-Artikolu għandu japplika għall-prodotti fertilizzanti ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, li huma soġġetti għal proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità, f’konformità mal-Artikolu 15 li jirrikjedi l-involviment obbligatorju ta’ korp notifikat.

2.Il-korpi notifikati għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijiet kollha għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ prodotti fertilizzanti ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi bħala kwistjoni ta’ prijorità.

3.L-applikazzjonijiet pendenti kollha għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ prodotti fertilizzanti ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi għandhom jiġu pproċessati bħala kwistjoni ta’ prijorità, qabel kwalunkwe applikazzjoni oħra għall-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti fertilizzanti, li ma jkunux ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi. Dan ir-rekwiżit huwa applikabbli fir-rigward tal-applikazzjonijiet kollha għall-valutazzjoni tal-konformità ta’ prodotti fertilizzanti ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, irrispettivament minn jekk ikunux ġew ippreżentati qabel jew wara l-attivazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 41a.

4.Il-prijoritizzazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti fertilizzanti skont il-paragrafu 3 ma għandha twassal għall-ebda kost addizzjonali għall-manifatturi, li jkunu ppreżentaw dawk l-applikazzjonijiet.

5.Il-korpi notifikati għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex iżidu l-kapaċitajiet tal-ittestjar tagħhom għall-prodotti fertilizzanti ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi li jkunu ġew notifikati dwaru.

Artikolu 41c 
Deroga mill-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li tirrikjedi l-involviment obbligatorju ta’ korp notifikat

1.B’deroga mill-Artikolu 15, kwalunkwe awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tawtorizza, fuq talba debitament ġustifikata, l-introduzzjoni fis-suq fi ħdan it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ prodott fertilizzanti speċifiku li jkun ġie ddeżinjat bħala oġġett rilevanti għall-kriżi u li għalih il-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità li jeħtieġu l-involviment obbligatorju ta’ korp notifikat imsemmi fl-Artikolu 15 ma jkunux twettqu minn korp notifikat iżda li għalih tkun intweriet il-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi I u II essenzjali applikabbli kollha.

2.Il-manifattur ta’ prodott fertilizzanti soġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu li l-prodott fertilizzanti kkonċernat jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi I u II u għandu jkun responsabbli għat-twettiq tal-proċeduri kollha ta’ valutazzjoni tal-konformità indikati mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

Il-manifattur għandu juża wkoll il-miżuri raġonevoli kollha biex jiżgura li l-prodott fertilizzanti, li jkun ingħata awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, ma jħallix it-territorju tal-Istat Membru, li jkun ta l-awtorizzazzjoni.

3.Kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità nazzjonali kompetenti skont il-paragrafu 1 għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li skonthom il-prodotti fertilizzanti jistgħu jiġu introdotti fis-suq, fosthom:

(a)deskrizzjoni tal-proċeduri, li permezz tagħhom intweriet b’suċċess il-konformità mar-rekwiżiti essenzjali applikabbli;

(b)rekwiżiti speċifiċi dwar it-traċċabbiltà tal-prodott fertilizzanti kkonċernat;

(c)data tat-tmiem tal-validità tal-awtorizzazzjoni, li ma tistax tmur lil hinn mill-aħħar jum tal-perjodu li għalih tkun ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku;

(d)kwalunkwe rekwiżit speċifiku dwar il-ħtieġa li tiġi żgurata l-valutazzjoni kontinwa tal-konformità fir-rigward tal-prodott fertilizzanti;

(e)miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-prodott fertilizzanti kkonċernat mal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-prodott fertilizzanti kkonċernat jinġieb lura f’konformità mar-rekwiżiti kollha ta’ dan ir-Regolament.

4.B’deroga mill-Artikolu 41a(3), l-ewwel subparagrafu, fejn jixraq, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ temenda l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, anke wara d-diżattivazzjoni jew l-iskadenza tal-Modalità tas-Suq Uniku ta’ Emerġenza.

5.B’deroga mill-Artikoli 3 u 18, il-prodotti fertilizzanti, li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, ma għandhomx iħallu t-territorju tal-Istat Membru li jkun ta l-awtorizzazzjoni u ma għandux ikollhom il-markatura CE.

6.L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istat Membru, li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun tat awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, għandhom ikunu intitolati li jieħdu l-miżuri korrettivi u restrittivi kollha fil-livell nazzjonali previsti f’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ dawn il-prodotti fertilizzanti.

7.L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull deċiżjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti fertilizzanti f’konformità mal-paragrafu 1.

8.L-applikazzjoni tal-Artikoli 41a sa 41g u l-użu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jaffettwawx l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità rilevanti stabbiliti fl-Artikolu 15 fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 41d 
Preżunzjoni ta’ konformità bbażata fuq standards nazzjonali u internazzjonali

Meta t-tfixkil serju fil-funzjonament tas-Suq Uniku, li ġie kkunsidrat meta ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mal-Artikolu 15(4) tar-[Regolament SMEI] jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet tal-manifatturi li jagħmlu użu mill-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Anness I, II jew III jew it-testijiet imsemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-Regolament u diġà ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jiżguraw li, għall-finijiet tal-introduzzjoni fis-suq, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jikkunsidraw bħala f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, II jew III ta’ dan ir-Regolament il-prodotti fertilizzanti li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali rilevanti jew kwalunkwe standards nazzjonali rilevanti fis-seħħ fl-Istat Membru tal-manifattura, li jiżguraw livell ta’ sikurezza ekwivalenti għal dak meħtieġ mir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, II jew III.

Artikolu 41e 
Adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni li jikkonferixxu preżunzjoni ta’ konformità

1.Meta l-prodotti fertilizzanti tal-UE, jkunu ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni għal dawn il-prodotti fertilizzanti tal-UE għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, II jew III jew it-testijiet imsemmija fl-Artikolu 13(2) meta t-tfixkil serju fil-funzjonament tas-Suq Uniku, li wassal għall-attivazzjoni ta’ [tqiesu meta] il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku tirrestrinġi b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet tal-manifatturi li jagħmlu użu mill-istandards armonizzati li jkopru r-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fl-Anness I, II jew III jew it-testijiet imsemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dan ir-Regolament u diġà ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1025/2012.

2.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-esperti settorjali u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(3). Għandhom japplikaw għall-prodotti fertilizzanti tal-UE introdotti fis-suq sal-aħħar jum tal-perjodu li matulu l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku tibqa’ applikabbli f’konformità mar-[Regolament SMEI]. Fit-tħejjija bikrija tal-abbozz tal-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjoni komuni, il-Kummissjoni għandha tiġbor il-fehmiet tal-korpi jew tal-gruppi ta’ esperti rilevanti stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni. Abbażi ta’ dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

3.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13, il-prodotti fertilizzanti tal-UE li huma f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet komuni adottati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom ikunu preżunti f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness I, II jew III [jew it-testijiet imsemmija fl-Artikolu 13(2)] koperti minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jew partijiet minnhom.

4.B’deroga mill-Artikolu 41a(3), l-ewwel subparagrafu, sakemm ma jkunx hemm raġuni suffiċjenti biex wieħed jemmen li l-prodotti fertilizzanti koperti mill-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni, il-prodotti fertilizzanti f’konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni li jkunu ġew introdotti fis-suq għandhom jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament wara l-iskadenza jew it-tħassir ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u wara l-iskadenza jew id-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ Emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mar-[Regolament SMEI]. 

5.Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni msemmija fil-paragrafu 1 ma tissodisfax għalkollox ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi I u II, għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan permezz ta’ spjegazzjoni dettaljata u l-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-informazzjoni u, jekk xieraq, temenda jew tirtira l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

Artikolu 41f 
Adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji

1.F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji għall-prodotti fertilizzanti tal-UE biex ikopru r-rekwiżiti stabbiliti fl-Annessi I u II, li jkunu ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

2.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-esperti settorjali u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 45(3) u għandhom japplikaw għall-prodotti fertilizzanti tal-UE introdotti fis-suq sal-aħħar jum tal-perjodu li matulu l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku tibqa’ attiva. Fit-tħejjija bikrija tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni, il-Kummissjoni għandha tiġbor il-fehmiet tal-korpi jew tal-gruppi ta’ esperti rilevanti stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni. Abbażi ta’ dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

3.B’deroga mill-Artikolu 41a(3), l-ewwel subparagrafu, sakemm ma jkunx hemm raġuni suffiċjenti biex wieħed jemmen li l-prodotti fertilizzanti tal-UE koperti mill-ispeċifikazzjonijiet komuni obbligatorji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni, il-prodotti fertilizzanti f’konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni li jkunu ġew introdotti fis-suq għandhom jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament wara l-iskadenza jew it-tħassir ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u wara l-iskadenza jew id-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ Emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mar-[Regolament SMEI]. 

Artikolu 41g 
Prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u assistenza reċiproka fost l-awtoritajiet

1.L-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw l-attivitajiet tas-sorveljanza tas-suq għall-prodotti fertilizzanti ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

2.L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovdu assistenza lil awtoritajiet oħra tas-sorveljanza tas-suq matul emerġenza tas-Suq Uniku, fosthom billi jimmobilizzaw u jibagħtu timijiet ta’ esperti biex isaħħu temporanjament il-persunal tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li jitolbu assistenza jew billi jipprovdu appoġġ loġistiku bħat-tisħiħ tal-kapaċità tal-ittestjar għall-prodotti fertilizzanti, iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.”

Artikolu 5
Emendi għar-Regolament (UE) Nru 305/2011

Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 huwa emendat kif ġej:

jiddaħħal il-Kapitolu VIIIa li ġej:

“KAPITOLU VIIIa 
PROĊEDURI TA’ EMERĠENZA

Artikolu 59a

Applikazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza

1.L-Artikoli 59b sa 59f għandhom japplikaw biss jekk il-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 23 tar-[Regolament SMEI] li jattiva l-Artikolu 26 tar-[Regolament SMEI] fir-rigward ta’ dan ir-Regolament.

2.L-Artikoli 59b sa 59f għandhom japplikaw esklużivament għall-prodotti għall-bini, li ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.L-Artikoli 59b sa 59f, ħlief fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-setgħat tal-Kummissjoni, għandhom japplikaw matul il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku.

Madankollu, l-Artikolu 59c(2), it-tieni subparagrafu, u l-Artikolu 59c(5) għandhom japplikaw matul il-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku u wara d-diżattivazzjoni jew l-iskadenza tagħha.

4.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, regoli dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-prodotti għall-bini introdotti fis-suq f’konformità mal-Artikoli 59b sa 59f. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 64(2a).

Artikolu 59b

Prijoritizzazzjoni tal-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni ta’ prodotti għall-bini rilevanti għall-kriżi

1.Dan l-Artikolu għandu japplika għall-prodotti għall-bini kollha ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, li huma soġġetti għal kompiti ta’ parti terza tal-korpi notifikati relatati mal-valutazzjoni u mal-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 28(1).

2.Il-korpi notifikati għandhom jipproċessaw talbiet għal kompiti ta’ partit terza relatati mal-valutazzjoni u mal-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni ta’ prodotti għall-bini deżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, bħala kwistjoni ta’ prijorità.

3.L-applikazzjonijiet pendenti kollha għall-prestazzjoni tal-kompiti ta’ parti terza relatata mal-valutazzjoni u mal-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi għandhom jiġu pproċessati bħala kwistjoni ta’ prijorità, qabel kwalunkwe applikazzjoni oħra dwar il-prodotti għall-bini, li ma jkunux ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi. Dan ir-rekwiżit japplika fir-rigward tal-applikazzjonijiet kollha għall-kompiti ta’ parti terza relatati mal-valutazzjoni u mal-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, irrispettivament minn jekk ikunux ġew ippreżentati qabel jew wara l-attivazzjoni tal-proċeduri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 59a.

4.Il-prijoritizzazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-kompiti ta’ parti terza relatati mal-valutazzjoni u mal-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini skont il-paragrafu 3 ma għandha twassal għall-ebda kost addizzjonali għall-manifatturi, li jkunu ppreżentaw dawk l-applikazzjonijiet.

5.Il-korpi notifikati għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex iżidu l-kapaċitajiet rispettivi tagħhom ta’ valutazzjoni u ta’ verifika għall-prodotti għall-bini ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

Artikolu 59c 
Deroga mill-proċeduri ta’ valutazzjoni minn parti terza għall-valutazzjoni u għall-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni

1.B’deroga mill-Artikolu 28(1), l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tawtorizza esklussivament, fuq talba debitament ġustifikata, l-introduzzjoni fis-suq fi ħdan it-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, ta’ prodott għall-bini speċifiku li jkun ġie ddeżinjat bħala oġġett rilevanti għall-kriżi, li għalih il-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-proċeduri ta’ prestazzjoni msemmija f’dak l-Artikolu ma jkunux twettqu minn korp notifikat.

2.Il-manifattur ta’ prodott għall-bini soġġett għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandu jiddikjara fuq ir-responsabbiltà unika tiegħu li l-prodott għall-bini kkonċernat jikseb il-prestazzjoni ddikjarata u għandu jkun responsabbli għat-twettiq tal-proċeduri kollha għall-valutazzjoni u għall-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni indikata mill-awtorità nazzjonali kompetenti.

Il-manifattur għandu juża wkoll il-miżuri raġonevoli kollha biex jiżgura li l-prodott għall-bini, li jkun ingħata awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, ma jħallix it-territorju tal-Istat Membru, li jkun ta l-awtorizzazzjoni.

3.Kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa minn awtorità nazzjonali kompetenti skont il-paragrafu 1 għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li skonthom il-prodotti għall-bini jistgħu jiġu introdotti fis-suq, fosthom:

(a)deskrizzjoni tal-proċeduri, li għandhom jiġu segwiti sabiex jintwera li l-prodott għall-bini jikseb il-prestazzjoni ddikjarata u jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, kif applikabbli;

(b)ir-rekwiżiti speċifiċi rigward is-sikurezza kif ukoll it-traċċabbiltà, inkluż it-tikkettar, tal-prodott għall-bini kkonċernat;

(c)data tat-tmiem tal-validità tal-awtorizzazzjoni, li ma tistax tmur lil hinn mill-aħħar jum tal-perjodu li għalih tkun ġiet attivata l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku;

(d)kwalunkwe rekwiżit speċifiku rigward il-prestazzjoni kontinwi tal-kompiti tal-parti terza relatati mal-valutazzjoni u l-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni fir-rigward tal-prodott għall-bini kkonċernat;

(e)miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward tal-prodott għall-bini kkonċernat mal-iskadenza tal-awtorizzazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-prodott għall-bini kkonċernat jinġieb lura f’konformità mar-rekwiżiti kollha ta’ dan ir-Regolament.

4.B’deroga mill-Artikolu 54a(3), l-ewwel subparagrafu, fejn jixraq, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ temenda l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, anke wara d-diżattivazzjoni jew l-iskadenza tal-Modalità tas-Suq Uniku ta’ Emerġenza.

5.Il-prodotti għall-bini, li għalihom tkun ingħatat awtorizzazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx iħallu t-territorju tal-Istat Membru li jkun ta l-awtorizzazzjoni u ma għandux ikollhom il-markatura CE.

6.L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istat Membru, li l-awtorità kompetenti tiegħu tkun tat awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1, għandhom ikunu intitolati li jieħdu l-miżuri korrettivi u restrittivi kollha fil-livell nazzjonali previsti f’dan ir-Regolament fir-rigward ta’ dawn il-prodotti għall-bini.

7.L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull deċiżjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta’ prodotti għall-bini f’konformità mal-paragrafu 1.

8.L-applikazzjoni tal-Artikoli 59a sa 59f u l-użu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jaffettwawx l-applikazzjoni tal-proċeduri rilevanti għall-valutazzjoni u għall-verifika tal-kostanza tal-prestazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 28 fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 59d 
Adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni li jippermettu l-valutazzjoni tal-prestazzjoni

1.Meta l-prodotti għall-bini, jkunu ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni biex ikopru l-metodi u l-kriterji għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ta’ dawk il-prodotti fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)meta ma tiġi ppubblikata l-ebda referenza għall-istandards armonizzati li jkopru l-metodi u l-kriterji rilevanti għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ta’ dawk il-prodotti fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 17(5);

(b)meta t-tfixkil serju fil-funzjonament tas-Suq Uniku, li wassal għall-attivazzjoni tal-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-possibbiltajiet tal-manifatturi li jagħmlu użu mill-istandards armonizzati, li jipprovdu l-metodi u l-kriterji għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ta’ dak il-prodott fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom, u diġà ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mal-Artikolu 17(5).

2.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Kumitat Permanenti dwar il-Bini u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 64(2a). Għandhom japplikaw għall-prodotti għall-bini introdotti fis-suq sal-aħħar jum tal-perjodu li matulu l-modalità ta’ emerġenza tas-Suq Uniku tibqa’ attiva. Fit-tħejjija bikrija tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni, il-Kummissjoni għandha tiġbor il-fehmiet tal-korpi jew tal-gruppi ta’ esperti rilevanti stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni. Abbażi ta’ dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

3.Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 u 6, il-metodi u l-kriterji previsti fl-ispeċifikazzjonijiet komuni adottati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jistgħu jintużaw għall-valutazzjoni u għad-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini koperti minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tagħhom.

4.B’deroga mill-Artikolu 59a(3), l-ewwel subparagrafu, id-dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet komuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward ta’ prodotti għall-bini li ġew introdotti fis-suq ma għandhiex tiġi affettwata mill-iskadenza jew it-tħassir sussegwenti tal-att ta’ implimentazzjoni, li jkun stabbilixxa dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni, sakemm ma jkunx hemm raġuni suffiċjenti biex wieħed jemmen li l-prodotti għall-bini koperti minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni jippreżentaw riskju jew ma jiksbux il-prestazzjoni ddikjarata.

5.Meta Stat Membru jqis li speċifikazzjoni komuni msemmija fil-paragrafu 1 ma tkunx korretta f’termini ta’ kriterji u metodi għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali, għandu jinforma lill-Kummissjoni b’dan permezz ta’ spjegazzjoni dettaljata u l-Kummissjoni għandha tivvaluta dik l-informazzjoni u, jekk xieraq, temenda jew tirtira l-att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni inkwistjoni.

Artikolu 59e 
Adozzjoni ta’ speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji

1.F’każijiet debitament ġustifikati, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu speċifikazzjonijiet komuni obbligatorji biex ikopru l-metodi u l-kriterji għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini, li jkunu ġew iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

2.L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati wara konsultazzjoni mal-Kumitat Permanenti dwar il-Bini u f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 64(2a). Għandhom japplikaw għall-prodotti għall-bini introdotti fis-suq sal-aħħar jum tal-perjodu li matulu tibqa’ attiva l-emerġenza tas-Suq Uniku. Fit-tħejjija bikrija tal-abbozz tal-atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjoni komuni, il-Kummissjoni għandha tiġbor il-fehmiet tal-korpi jew tal-gruppi ta’ esperti rilevanti stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti tal-Unjoni. Abbażi ta’ dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni għandha tħejji l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

3.B’deroga mill-Artikolu 59a(3), l-ewwel subparagrafu, sakemm ma jkunx hemm raġuni suffiċjenti biex wieħed jemmen li l-prodotti għall-bini koperti mill-ispeċifikazzjonijiet komuni obbligatorji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jippreżentaw riskju għas-saħħa jew għas-sikurezza tal-persuni, il-prodotti għall-bini f’konformità ma’ dawk l-ispeċifikazzjonijiet komuni li jkunu ġew introdotti fis-suq għandhom jitqiesu konformi ma’ dan ir-Regolament wara l-iskadenza jew it-tħassir ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu u wara l-iskadenza jew id-diżattivazzjoni tal-modalità ta’ Emerġenza tas-Suq Uniku f’konformità mar-[Regolament SMEI]. 

Artikolu 59f 
Prijoritizzazzjoni tal-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u assistenza reċiproka fost l-awtoritajiet

1.L-Istati Membri għandhom jipprijoritizzaw l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq għall-prodotti għall-bini ddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.

2.L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jipprovdu assistenza lil awtoritajiet oħra tas-sorveljanza tas-suq matul emerġenza fis-Suq Uniku, fosthom billi jimmobilizzaw u jibagħtu timijiet ta’ esperti biex isaħħu temporanjament il-persunal tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq li jitolbu assistenza jew billi jipprovdu appoġġ loġistiku bħat-tisħiħ tal-kapaċità tal-ittestjar għall-prodotti għall-bini, iddeżinjati bħala oġġetti rilevanti għall-kriżi.”

(2) Fl-Artikolu 64 jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.”

Artikolu 6
Dħul fis-seħħ

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn [Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet - jekk jogħġbok daħħal id-data identika għal dik tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament SMEI].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)

    https://www.consilium.europa.eu/media/45910/021020-euco-final-conclusions.pdf .

(2)

   COM(2021)350 final.

(3)

    https://ec.europa.eu/info/publications/2022-commission-work-programme-key-documents_mt .

(4)

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Frar 2022 dwar l-indirizzar ta’ ostakli mhux tariffarji u mhux fiskali fis-suq uniku (2021/2043(INI) .

(5)

    https://www.consilium.europa.eu/mt/policies/ipcr-response-to-crises/ .

(6)

   Dan ġie stabbilit formalment bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-Rispons Politiku Integrat tal-UE f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi, abbażi ta’ arranġamenti li kienu jeżistu qabel.

(7)

   Stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 1313/2013 li tirregola l-funzjonament tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili.

(8)

   Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2679/98 tas-7 ta’ Diċembru 1998 dwar il-ħidma tas-suq intern b’relazzjoni mal-moviment liberu tal-oġġetti fost l-Istati Membri, ĠU L 337, 12.12.1998, p. 8.

(9)

   Ir-Regolament (UE) Nru 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015.

(10)

   Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2071 tal-25 ta’ Novembru 2021.

(11)

   Dawn jistgħu jiġu adottati abbażi tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE.

(12)

   COM(2021)689 final.

(13)

   COM(2022)211 final.

(14)

   Miżuri addizzjonali jinkludu: il-ġestjoni tal-flussi tar-refuġjati u r-ripatrijazzjoni ta’ passiġġieri li jitħallew l-art u ta’ ħaddiema tat-trasport, l-iżgurar ta’ konnettività minima u l-protezzjoni tal-passiġġieri, it-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politika dwar it-trasport permezz tan-Network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għat-Trasport, it-tisħiħ taċ-ċibersigurtà u l-kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali.

(15)

   Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(16)

   Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000. ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1.

(17)

   Wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, l-obbligu li l-Istati Membri jipprovdu notifiki ta’ kull xahar dwar l-istokkijiet taċ-ċereali ġie inkluż f’emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1185 tal-20 ta’ April 2017 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni tal-informazzjoni u d-dokumenti u li jemendaw u jħassru diversi Regolamenti tal-Kummissjoni, ĠU L 171, 4.7.2017, p. 113.

(18)

   Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(19)

   Ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19, ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1.

(20)

   Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1475 tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, ĠU L 337, 14.10.2020, p. 3 u l-aġġornamenti sussegwenti tagħha.

(21)    COM(2020)730 final.
(22)    Ir-Regolament (UE) Nru 2022/123 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 2022 dwar rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fit-tħejjija għall-kriżijiet u fil-maniġġar tagħhom għall-prodotti mediċinali u għall-apparati mediċi. ĠU L 20, 31.1.2022, p.1
(23)

   C(2021)6712 final. 

(24)

   COM(2020)727 final.

(25)    It-terminu “transfruntier” huwa mifhum li jkopri kemm kwalunkwe sitwazzjoni li taffettwa aktar minn Stat Membru wieħed (“bejn il-fruntieri”) kif ukoll b’mod aktar speċifiku, sitwazzjoni li taffettwa reġjuni f’żewġ Stati Membri jew aktar li jikkondividu fruntiera komuni (“reġjuni tal-fruntieri”).
(26)    COM/2020/726 final
(27)

   COM(2021)577 final.

(28)

   COM(2022)46 final.

(29)

   COM (2022)68 final.

(30)

   COM(2021)891 final.

(31)

   COM(2020)829 final.

(32)    ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.
(33)

   Kif ivvalutat fl-istudju ta’ sostenn tal-evalwazzjoni u fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni ta’ evalwazzjoni SWD(2019)371 final tat-8 ta’ Ottubru 2019.

(34)    Ara d-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2022)289.
(35)    Soġġetti għal skattatur addizzjonali
(36)

   Soġġetti għal skattatur addizzjonali

(37)    Soġġetti għal skattatur addizzjonali
(38)    ĠU C , , p. .
(39)    Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-xxx (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-xxx.
(40)    ĠU L 81, 31.3.2016, p. 1.    
(41)    ĠU L 81, 31.3.2016, p. 51.    
(42)    ĠU L 81, 31.3.2016, p. 99.    
(43)    ĠU L 170, 25.6.2019, p. 1.    
(44)    ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.
(45)    ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82.
(46)    ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.