Brussell, 16.9.2022

COM(2022) 421 final

2022/0247(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (2022-2026)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius ġie ffirmat fil-21 ta’ Diċembru 2012 u daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Jannar 2014 għal perjodu ta’ 6 snin. Sakemm ma jintemmx minn xi waħda mill-partijiet, dan jiġġedded b’mod taċitu għal perjodi addizzjonali ta’ 3 snin kull darba, u b’hekk għadu jseħħ. L-aħħar Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd kien ikopri perjodu ta’ 4 snin mid-data tal-applikazzjoni proviżorja, jiġifieri mid-data ta’ meta ġie ffirmat. Kien ġie ffirmat fit-8 ta’ Diċembru 2017, u skada fis-7 ta’ Diċembru 2021.

Ġiet miftiehma estensjoni ta’ 6 xhur għall-Protokoll permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u Mauritius, li ġiet iffirmata fil-5 ta’ April 2022.

Abbażi tad-direttivi ta’ negozjati rilevanti 1 , il-Kummissjoni nnegozjat ma’ Mauritius biex jiġi konkluż Protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u Mauritius. Wara n-negozjati ġie inizjalat Protokoll ġdid fis-7 ta’ Mejju 2022.

L-għan ta’ din il-proposta hu li jiġi awtorizzat l-iffirmar tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-għan ewlieni tal-Protokoll il-ġdid huwa li jipprovdi qafas aġġornat li jqis il-prijoritajiet tal-politika komuni tas-sajd riformata u d-dimensjoni esterna tagħha. Dan jgħin biex titkompla u tissaħħaħ is-sħubija strateġika bejn l-Unjoni Ewropea u Mauritius. Il-Protokoll il-ġdid se jippermettilhom jaħdmu flimkien aktar mill-qrib fuq il-promozzjoni ta’ politika tas-sajd sostenibbli, bi qbil mal-objettivi tal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li hu rikonoxxut fil-liġi tal-UE, tal-isfruttament tajjeb tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius, u tal-isforzi ta’ Mauritius biex tiżviluppa l-ekonomija marittima sostenibbli tagħha, fl-interess taż-żewġ partijiet li huma. Din il-kooperazzjoni se tgħin ukoll biex iġġib ’il quddiem kundizzjonijiet diċenti tax-xogħol fis-settur tas-sajd.

Barra minn hekk, il-Protokoll il-ġdid jagħti l-opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius lill-bastimenti tal-UE. Dan huwa bbażat fuq l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, u fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd, li tiġġestixxi l-istokkijiet tal-ħut li jpassu ħafna, u tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan, fejn japplika fil-limiti tal-eċċess disponibbli. Il-Kummissjoni bbażat il-pożizzjoni tagħha parzjalment fuq ir-riżultati ta’ evalwazzjoni tal-Protokoll preċedenti (2017-2021), u fuq valutazzjoni minn perspettiva futura bil-għan li jiġi deċiż għandux jiġi konkluż Protokoll ġdid. Dawn, it-tnejn li huma twettqu minn esperti esterni.

Il-Protokoll jipprevedi l-opportunitajiet tas-sajd li ġejjin:

   40 bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża;

   45 bastiment li jistadu bil-konz tal-wiċċ.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

In-negozjar ta’ Protokoll ġdid huwa parti minn azzjoni esterna tal-UE rigward il-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, u b’mod partikolari jqis l-objettivi tal-UE dwar ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem.

L-UE u Mauritius huma Partijiet għall-Ftehim Interim li ġie ffirmat fid-29 ta’ Awwissu 2009. Dan stabbilixxa qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-Istati tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Afrika minn naħa waħda u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra. In-negozjati dwar Protokoll ġdid ikomplu mal-FSE, li jipprevedi l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fin-negozju tas-sajd u fl-iżvilupp tas-sajd marittimu, taż-żoni tas-sajd fl-ilmijiet interni, u tal-akkwakultura.

2.BAŻI LEGALI, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi legali

Il-bażi legali hija l-Artikolu 43(2) tat-TFUE, li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd, u l-Artikolu 218(5) tat-TFUE, li jipprevedi li wara proposta min-negozjatur, il-Kunsill irid jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-ftehim, u jekk hemm bżonn, l-applikazzjoni proviżorja tiegħu qabel ma jidħlu fis-seħħ il-ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi.

L-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li bl-eċċezzjoni tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni, il-Kummissjoni trid tiżgura li jkun hemm rappreżentanza esterna tal-UE. B’hekk l-uffiċjali maħturin mill-Kummissjoni huma l-uniċi li għandhom il-kompetenza jiffirmaw ftehim bejn l-UE u pajjiż terz.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

Proporzjonalità

Il-proposta hija proporzjonata mal-objettiv li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza legali, ambjentali, ekonomika u soċjali għall-attivitajiet tas-sajd li jwettqu l-bastimenti tal-UE fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, kif stipulat fl-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li stabbilixxa l-politika komuni tas-sajd. Tikkonforma ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif ukoll mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna finanzjarja lil pajjiżi terzi stipulata fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATTI

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Fl-2021 il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-Protokoll tal-2017-2021 għall-Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd ma’ Mauritius u wettqet ukoll evalwazzjoni ex ante tal-possibbiltà li jiġġedded il-Protokoll.

L-evalwazzjoni tal-Protokoll tal-2017-2021 2 ikkonkludiet li kien jikkomplementa l-arranġamenti l-oħra stabbiliti dwar l-aċċess għal dak ir-reġjun, u jippermetti li l-bastimenti tal-UE jtejbu l-isfruttament skont ir-regoli reġjonali stabbiliti mill-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan, tal-istokkijiet li jpassu. Kien rilevanti għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati fl-UE, billi kien jagħti aċċess prevedibbli lis-sidien tal-bastimenti tal-UE għal żona tas-sajd produttiva fejn l-ispeċijiet fil-mira huma abbundanti. L-aċċess għall-ilmijiet ta’ Mauritius jagħti l-opportunità lill-flotta tal-bastimenti tal-UE li jistadu bil-konz ibbażati f’La Réunion jistadu f’firxa aktar wiesgħa li testendi sal-ilmijiet fil-viċinat. L-attivitajiet tal-flotta tas-sajd tat-tonn tal-UE fl-ilmijiet ta’ Mauritius u f’firxa aktar wiesgħa tal-Oċean Indjan iġġeneraw impatti soċjoekonomiċi pożittivi sostanzjali għal Mauritius, u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE b’mod ġenerali taqbel mal-opportunitajiet tas-sajd sfruttati. Dwar l-appoġġ settorjali, permezz tal-evalwazzjoni ġie osservat li l-programm kien ġie implimentat b’xi dewmien, u li jenħtieġ li programm futur ta’ appoġġ settorjali jimmira b’mod prijoritarju li jsaħħaħ l-abbiltà ta’ Mauritius li tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha, b’mod partikolari dawk marbuta mal-osservazzjonijiet xjentifiċi, mal-kampjunar tal-qabdiet, u mal-ispezzjonijiet tal-portijiet. Programm ta’ appoġġ settorjali futur ikun jista’ jgħin ukoll biex jiġi żviluppat is-settur tas-sajd nazzjonali permezz li jingħata sostenn lis-sajjieda ż-żgħar u permezz tal-iżvilupp ta’ segment semi industrijali. L-evalwazzjoni rrakkomandat li parti mill-finanzjament disponibbli jinżamm għar-reklutaġġ ta’ assistent tekniku estern biex jikkoordina u jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programm ta’ appoġġ settorjali.

Għall-UE, huwa importanti li jkun sostnut strument li jippermetti l-kooperazzjoni settorjali mill-qrib ma’ pajjiż li hu sieħeb ekonomiku importanti, li hu fornitur ta’ prodotti tal-ħut lill-UE, li hu parti kkonċernata fix-xena internazzjonali u li għandu żoni tas-sajd li huma ta’ interess għall-flotta tal-UE.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni ddedikat parti mill-evalwazzjoni għall-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, mar-rappreżentanti tal-industrija, u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-amministrazzjoni tas-sajd u mas-soċjetà ċivili ta’ Mauritius. Saru konsultazzjonijiet ukoll fil-Kunsill Konsultattiv għas-Sajd f’Distanzi Twal. Dawn il-konsultazzjonijiet wasslu għall-konklużjoni li jkun ta’ benefiċċju għall-Unjoni Ewropea u għal Mauritius li jiġi konkluż Protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

F’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(10) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 li stabbilixxa l-politika komuni tas-sajd, il-Kummissjoni impjegat konsulent indipendenti biex iwettaq l-evalwazzjonijiet ex post u ex ante.

Drittijiet fundamentali

Il-ftehim innegozjat fih klawsola dwar il-konsegwenzi li jinqalgħu jekk isir ksur tal-elementi essenzjali tad-drittijiet tal-bniedem stipulati fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou, jew fl-artikolu korrispondenti tal-ftehim li jissuċċedih.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali hija ta’ EUR 725 000, ibbażata fuq:

(a) tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 5 500 tunnellati ġie stabbilit ammont annwali fuqu ta’ EUR 275 000 b’rabta mal-aċċess;

(b) sostenn għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd ta’ Mauritius, li jammonta għal EUR 275 000 fis-sena; u

(c) sostenn għall-iżvilupp tal-politika marittima u tal-ekonomija blu, li jammonta għal EUR 175 000 fis-sena.

Dan is-sostenn jilħaq l-obbjettivi ta’ kooperazzjoni fl-oqsma tal-ekonomija marittima, tal-akkwakultura, tal-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani, tal-ippjanar spazjali marittimu, tal-enerġija marittima u tal-ambjent marittimu, u ta’ żvilupp tal-politika marittima u tal-ekonomija blu.

L-ammont annwali għall-approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-pagamenti, fost dawn il-linja ta’ riżerva għall-protokolli li jkunu għadhom ma daħlux fis-seħħ fil-bidu tas-sena, jiġi stabbilit waqt il-proċedura baġitarja annwali 3 .

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-arranġamenti dwar il-monitoraġġ huma previsti fil-Ftehim ta’ sħubija dwar is-sajd u fil-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu.

2022/0247 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (2022-2026)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fit-28 ta’ Jannar 2014 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/146/UE 4 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”).

(2)L-ewwel Protokoll 5 għall-Ftehim stabbilixxa l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius u l-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Unjoni għal perjodu ta’ 3 snin. Il-perjodu tal-applikazzjoni ta’ dak il-Protokoll skada fis-27 ta’ Jannar 2017.

(3)It-tieni Protokoll 6 għall-Ftehim stabbilixxa, għal perjodu ta’ 4 snin, l-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius u l-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mill-Unjoni. Il-perjodu tal-applikazzjoni ta’ dak il-Protokoll skada fis-7 ta’ Diċembru 2021.

(4)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/614 7 awtorizzat ftehim fil-forma ta’ skambju ta’ ittri bejn l-Unjoni Ewropea u Mauritius 8 , li estenda l-applikazzjoni tal-aħħar Protokoll sal-4 ta’ Ottubru 2022. 

(5)Fit-28 ta’ Settembru 2021, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tibda n-negozjati ma’ Mauritius biex jiġi konkluż Protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim.

(6)Dawk in-negozjati kkonkludew b’suċċess u fis-7 ta’ Mejju 2022 ġie inizjalat Protokoll ġdid li jimplimenta l-Ftehim (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) għal perjodu ta’ 4 snin.

(7)L-objettiv tal-Protokoll huwa li jimplimenta l-Ftehim biex jippermetti lill-Unjoni Ewropea u lil Mauritius jikkollaboraw aktar mill-qrib biex jippromwovu l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-ekonomija marittima, tal-akkwakultura, tal-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani, tal-ippjanar spazjali marittimu, tal-enerġija marittima u tal-ambjent marittimu, tal-iżvilupp ta’ politika marittima u tal-ekonomija blu, filwaqt li jgħin biex il-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tas-sajd ikunu diċenti.

(8)Għalhekk jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni soġġett li aktar tard jiġi konkluż.

(9)Meta wieħed iqis l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd ta’ Mauritius u l-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li fih jiġu interrotti dawn l-attivitajiet, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi implimentat mill-aktar fis.

(10)Għalhekk jenħtieġ li malli jiġi ffirmat, il-Protokoll jiġi applikat b’mod proviżorju, u li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ malli tiġi adottata.

(11)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 9 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u bagħat il-parir tiegħu fil-[daħħal id-data].

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’din huwa approvat l-iffirmar f’isem l-Unjoni tal-Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u Mauritius (2022-2026), soġġett għall-konklużjoni tat-tali Protokoll.

It-test tal-Protokoll li se jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument tas-setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Protokoll imsemmi fuq, soġġett li jiġi konkluż, għall-persuna indikata mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Il-Protokoll għandu jiġi applikat b’mod proviżorju f’konformità mal-Artikolu 18 tiegħu, mid-data li jiġi ffirmat, sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li tiġi adottata.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Adottati fit-3813-il laqgħa tal-Kunsill Kompetittività (Suq Intern, Industrija, Riċerka u Spazju) fit-28.09.2021.
(2)    ISBN: 978-92-76-38078-8 doi: 10.2771/046775
(3)    F’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji, il-punt 20 (ĠU L 433I, 22.12.2020).
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/146/UE tat-28 ta’ Jannar 2014 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (ĠU L 79, 18.3.2014, p. 2).
(5)    Il-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (ĠU L 79, 18.3.2014, p. 9).
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1960 tat-23 ta’ Ottubru 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (ĠU L 279, 28.10.2017, p. 1).    
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/614 tal-11 ta’ Frar 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 43-44).
(8)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/614 tal-11 ta’ Frar 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius dwar l-estensjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (ĠU L 115, 13.4.2022, p. 43).
(9)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE ( ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39 ).

Brussell, 16.9.2022

COM(2022) 421 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (2022-2026)


ANNESS
Protokoll li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Mauritius (2022-2026)

Artikolu 1
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 1 tal-Ftehim. Barra min hekk,

(1)“Ftehim” tfisser il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd iffirmat fil-21 ta’ Diċembru 2013 bejn l-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni”) u r-Repubblika ta’ Mauritius;

(2)“eċċess tal-qabda permissibbli” tfisser il-parti tal-qabda permissibbli li Stat kostali ma jisfruttax u li tirriżulta f’rata ta’ sfruttament globali għall-istokkijiet individwali li tinżamm taħt il-livelli li fihom l-istokkijiet ikunu kapaċi jirkupraw għal li kienu u li żżomm il-popolazzjonijiet ta’ speċijiet maqbuda ’l fuq mil-livelli mixtieqa abbażi tal-aħjar parir xjentifiku disponibbli;

(3)“qabdiet” tfisser speċijiet akkwatiċi tal-baħar maqbuda minn irkaptu tas-sajd kalat minn bastiment tas-sajd;

(4)“qabda inċidentali” għandha l-istess tifsira bħal fil-kuntest tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC) u fir-Regolamenti tal-2013 dwar il-Kummerċjalizzazzjoni Agrikola (Prodotti Kkontrollati) ta’ Mauritius;

(5)“Delegazzjoni” tfisser id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’Mauritius;

(6)“qbid skartat” tfisser qabdiet li ma jinżammux abbord;

(7)“irkaptu biex jinġema’ l-ħut” jew “FAD” tfisser oġġett naturali jew artifiċjali li jżomm fuq wiċċ l-ilma u li taħtu jinġabru d-diversi speċijiet ta’ ħut li jattira, u b’hekk iżid il-kapaċità ta’ qbid ta’ dawk l-ispeċijiet;

(8)“attività tas-sajd” tfisser it-tiftix tal-ħut, it-tfigħ, il-kalar, it-tkarkir jew l-irfigħ tal-irkaptu tas-sajd, it-teħid tal-qabdiet abbord, it-trażbord, iż-żamma abbord, l-ipproċessar abbord, it-trasferiment, it-tqegħid f’gaġeġ, it-tismin u l-ħatt l-art ta’ ħut u ta’ prodotti tas-sajd;

(9)“awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser awtorizzazzjoni amministrattiva maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Mauritius lil operatur, li tagħtih id-dritt li jistad fl-ilmijiet ta’ Mauritius għal perjodu speċifikat; din hija l-ekwivalenti tal-awtorizzazzjoni tas-sajd iddefinita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni;

(10)“opportunità ta’ sajd” tfisser dritt legali kwantifikat għas-sajd, espress f’termini ta’ qabdiet permissibbli ta’ ċerti speċijiet jew ta’ sforz tas-sajd;

(11)“bastiment tas-sajd” tfisser kwalunkwe bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali tat-tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn;

(12)“impriża konġunta” tfisser kumpanija kummerċjali mwaqqfa f’Mauritius mis-sidien tal-bastimenti jew minn impriżi nazzjonali tal-Partijiet sabiex jistadu jew iwettqu attivitajiet relatati mas-sajd;

(13)“ħatt l-art” għandha l-istess tifsira bħal fil-kuntest tal-Kummissjoni dwar it-Tonn tal-Oċean Indjan (IOTC);

(14)“osservatur” tfisser kull persuna awtorizzata minn awtorità nazzjonali f’konformità mal-Anness, biex tosserva l-implimentazzjoni tar-regoli li japplikaw għal attività tas-sajd jew biex tosserva l-attività għal finijiet xjentifiċi;

(15)“operatur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li tħaddem jew li tikkontrolla impriża li twettaq xi attività b’rabta ma’ kwalunkwe stadju tal-produzzjoni, tal-ipproċessar, tal-kummerċjalizzazzjoni, tad-distribuzzjoni jew tal-bejgħ bl-imnut tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

(16)“Protokoll” tfisser dan il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim, kif ukoll l-Anness u l-Appendiċijiet tiegħu;

(17)“bastiment ta’ appoġġ” tfisser kwalunkwe bastiment tal-Unjoni li jassisti lill-bastimenti tas-sajd, li ma jkunx mgħammar biex jaqbad il-ħut u ma jintużax għall-operazzjonijiet ta’ trażbord;

(18)“sajd sostenibbli” tfisser is-sajd li jitwettaq f’konformità mal-objettivi u l-prinċipji stabbiliti fil-Kodiċi ta’ Kondotta għal Sajd Responsabbli adottat waqt il-Konferenza tal-FAO tal-1995; u

(19)“trażbord” tfisser l-istess ħaġa bħalma tfisser fil-kuntest tal-IOTC.

Artikolu 2
Objettiv

1.L-objettiv ta’ dan il-Protokoll huwa li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u Mauritius. L-Anness u kull Appendiċi li jkollu għandhom jiffurmaw parti integrali minn dan il-Protokoll.

2.Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom jiġu interpretati u applikati fil-kuntest tal-Ftehim u b’mod konsistenti miegħu.

Artikolu 3
Durata

Dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu għandhom japplikaw għal perjodu ta’ 4 snin mid-data meta tibda l-applikazzjoni provviżorja tagħhom.

Artikolu 4
Prinċipji

1.Kif previst fl-Artikolu 6 tal-Ftehim, il-bastimenti li jtajru bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni (“bastimenti tal-Unjoni”) jistgħu jwettqu attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius dment li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa fl-ambitu ta’ dan il-Protokoll f’konformità mal-Kapitolu II tal-Anness.

2.Bil-ħsieb li jkompli jiżviluppa s-sajd responsabbli u sostenibbli, il-Partijiet ftehmu li jikkooperaw kontra s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat.

3.B’dan, il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu s-sajd sostenibbli fl-ilmijiet ta’ Mauritius. F’konformità mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni fost il-flotot diversi li jistadu fl-ilmijiet ta’ Mauritius, il-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius dwar il-miżuri tekniċi u ta’ konservazzjoni għandha tiġi applikata għall-flotot industrijali kollha li jkollhom l-istess karatteristiċi u l-istess speċijiet fil-mira.

4.Fl-interess tat-trasparenza u b’kunsiderazzjoni xierqa għad-dispożizzjonijiet relatati mal-kunfidenzjalità fi kwalunkwe ftehim ieħor, Mauritius u l-Unjoni għandhom jikkondividu l-informazzjoni relatata ma’ kull ftehim li jawtorizza xi bastimenti barranin fl-ilmijiet tagħhom, li tinkludi l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġa, l-isforzi tas-sajd u l-qabdiet irrapportati, u għandhom jippubblikaw dik l-informazzjoni.

5.Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jistadu għall-eċċess tal-qabda permissibbli kif iddeterminat skont l-Artikolu 62(2) u (3) tal-UNCLOS u stabbilit b’mod ċar u trasparenti abbażi tal-pariri xjentifiċi rilevanti disponibbli u tal-informazzjoni rilevanti skambjata bejn il-Partijiet b’rabta mal-isforz totali tas-sajd fuq l-istokkijiet rilevanti mill-flotot kollha li jkunu qegħdin joperaw fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

6.Il-Partijiet għandhom jikkonformaw mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (RFMO) rilevanti u, b’mod partikolari, mill-IOTC, filwaqt li jqisu kif xieraq il-valutazzjonijiet xjentifiċi reġjonali.

7.Il-Partijiet b’dan jintrabtu li jimplimentaw dan il-Protokoll f’konformità mal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim ta’ Cotonou”), jew inklużi fl-artikolu ekwivalenti tal-ftehim li jkun is-suċċessur tiegħu.

8.Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd ta’ Mauritius permezz ta’ appoġġ dedikat ipprovdut f’konformità mal-Artikolu 7 tal-Ftehim u mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Protokoll u għal dak il-għan għandhom iżommu djalogu regolari bejniethom.

9.Il-Partijiet għandhom jikkooperaw ukoll fit-twettiq ta’ evalwazzjonijiet ex ante, kontinwi u ex post tal-miżuri, tal-programmi u tal-azzjonijiet implimentati abbażi ta’ dan il-Protokoll.

10.L-impjieg tal-baħrin abbord il-bastimenti tal-Unjoni għandu jkun irregolat mid-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u kull Konvenzjoni rilevanti oħra, li għandhom japplikaw bi dritt għall-kuntratti u t-termini ġenerali tal-impjieg korrispondenti.

11.Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin qabel ma jadottaw xi deċiżjoni li tista’ taffettwa l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 5
Opportunitajiet tas-sajd

1.L-opportunitajiet tas-sajd mogħtija skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim għal speċijiet migratorji ħafna kif elenkati fl-Anness 1 tal-Konvenzjoni tal-1982 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar għandhom ikunu kif ġej:

(a)40 bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża; u

(b)45 bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ.

2.Mauritius għandha tawtorizza lill-bastimenti ta’ appoġġ tal-UE biex jassistu fl-operazzjonijiet tal-bastimenti tal-Unjoni awtorizzati fl-ilmijiet ta’ Mauritius fil-limiti u t-termini tar-riżoluzzjonijiet applikabbli tal-IOTC dwar il-bastimenti ta’ appoġġ.

3.Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw soġġett għall-Artikoli 11 u 12 ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 6
Kontribuzzjoni finanzjarja

1.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali msemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Sħubija, għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 3, għandha tkun ta’ EUR 2 900 000. Barra minn hekk, is-sidien tal-bastimenti għandhom iħallsu kontribuzzjoni finanzjarja skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness.

2.Dik il-kontribuzzjoni finanzjarja totali għandha tinkludi:

(a)ammont annwali ta’ EUR 275 000 għall-aċċess għall-ilmijiet ta’ Mauritius, ekwivalenti għal tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 5 500 tunnellata fis-sena;

(b)ammont speċifiku ta’ EUR 275 000 fis-sena bħala appoġġ għall-politika settorjali tas-sajd ta’ Mauritius u għall-implimentazzjoni tagħha; u

(c)ammont addizzjonali ta’ EUR 175 000 fis-sena għall-appoġġ tal-iżvilupp tal-politika marittima u tal-ekonomija blu f’konformità mal-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 7(2) ta’ dan il-Protokoll.

3.Il-paragrafu 2 għandu japplika soġġett għall-Artikoli 7, 11, 12 u 13 ta’ dan il-Protokoll.

4.L-Unjoni għandha tħallas l-ammont imsemmi fil-paragrafu 2(a) mhux aktar tard minn 90 jum wara l-bidu tal-applikazzjoni provviżorja għall-ewwel sena u, għal kull sena sussegwenti, mhux aktar tard mil-anniversarju tad-data tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll fis-sena kkonċernata.

5.Il-pagamenti tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 2(b) u (c) ta’ dan l-Artikolu għall-ewwel sena għandhom isiru wara li l-Kumitat Konġunt japprova l-programm pluriennali msemmi fl-Artikolu 7(1). Mit-tieni sena ’l quddiem, il-pagamenti għandhom isiru abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt skont ir-riżultati miksuba fl-ambitu tal-programm tas-sena preċedenti, kif imsemmi fl-Artikolu 7(4).

6.Jekk il-livell annwali tal-qabdiet tat-tonn mill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Mauritius jaqbeż it-tunnellaġġ ta’ referenza annwali msemmi fil-paragrafu 2(a), l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja annwali għad-drittijiet tal-aċċess għandu jiżdied b’EUR 50 għal kull tunnellata addizzjonali li tinqabad.

7.L-ammont totali annwali mħallas mill-Unjoni ma għandux jaqbeż id-doppju tal-ammont indikat fil-paragrafu 2(a). Meta l-kwantitajiet maqbuda mill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Mauritius jaqbżu l-kwantitajiet ugwali għad-doppju tal-ammont annwali totali, l-ammont dovut għall-kwantità li taqbeż dak il-limitu għandu jitħallas fis-sena sussegwenti.

8.Mauritius għandu jkollha diskrezzjoni sħiħa dwar l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja speċifikata fil-paragrafu 2(a).

9.Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titħallas f’kont tal-Istat miżmum mill-Kontabilista Ġenerali. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2(b) u (c) għandha tkun disponibbli għall-entità ta’ Mauritius responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politiki tas-sajd u dawk marittimi. L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jipprovdu n-numru tal-kont lill-Unjoni u għandhom jikkonfermawh kull sena.

10.Ir-regoli ta’ implimentazzjoni dettaljati dwar l-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2(c) għandhom jiġu miftiehma fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt li tiġi organizzata fl-ambitu ta’ dan il-Protokoll. Dawk ir-regoli għandhom jinkludu d-definizzjoni tal-azzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 7(2), id-dipartimenti responsabbli, l-approssimazzjonijiet baġitarji korrispondenti, il-modalitajiet tal-iżborż kif ukoll il-mekkaniżmi ta’ rappurtar.

Artikolu 7
Appoġġ settorjali

1.Sa mhux aktar tard minn tliet xhur mid-data ta’ meta jibda jiġi applikat b’mod provviżorju dan il-Protokoll, il-Kumitat Konġunt previst fil-Ftehim (il-“Kumitat Konġunt”) għandu jiftiehem dwar programm settorjali pluriennali u dwar regoli ta’ implimentazzjoni dettaljati li jkopru, b’mod partikolari:

(a)l-objettivi, kemm annwali kif ukoll pluriennali, li għandhom jintlaħqu bil-ħsieb li jiġi żviluppat sajd sostenibbli maż-żmien, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet espressi minn Mauritius fil-politika nazzjonali tas-sajd u fil-politika marittima tagħha, u politiki oħra relatati mal-promozzjoni ta’ sajd sostenibbli jew li għandhom impatt fuqha u, fost l-oħrajn, fuq l-oqsma li ġejjin:

il-miżuri ta’ appoġġ u ta’ ġestjoni tas-sajd, inkluż is-sajd fuq skala żgħira u l-akkwakultura;

il-ġestjoni sanitarja u tal-kwalità fis-settur tas-sajd, kif ukoll biex jiġu appoġġati l-kapaċitajiet domestiċi u tal-esportazzjoni;

il-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (is-sajd IUU);

il-promozzjoni tal-kapaċità xjentifika u tal-kooperazzjoni fil-qasam tas-sajd, fosthom il-ġbir, l-ipproċessar, l-analiżi u l-komunikazzjoni tad-data dwar il-qabdiet;

l-appoġġ għall-azzjonijiet marbuta mal-infrastruttura u għal azzjonijiet rilevanti oħrajn għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd domestiku;

Barra minn hekk, il-programm settorjali pluriennali għandu jkun fih, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin:

mekkaniżmi għall-ippjanar, għall-ġestjoni, għall-implimentazzjoni u għar-rappurtar tal-komponent u l-attivitajiet finanzjarji;

il-kriterji u l-proċeduri għall-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba kull sena;

mekkaniżmi u azzjonijiet għall-promozzjoni u għall-viżibbiltà tal-miżuri implimentati permezz tal-appoġġ settorjali.

(b)programm annwali u pluriennali għall-użu tal-ammont speċifiku tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6(2)(b) u (c).

(c)Fir-rigward tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-ekonomija tal-oċeani, il-Partijiet għandhom:

jintrabtu li jiżviluppaw qafas biex itejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ekonomija tal-oċeani, li jinkludi, fost l-oħrajn, l-akkwakultura, l-iżvilupp sostenibbli tal-oċeani, l-ippjanar tal-ispazju marittimu, l-enerġija tal-baħar u l-ambjent tal-baħar;

jikkooperaw fuq l-iżvilupp ta’ azzjonijiet konġunti sabiex dawk l-objettivi jintlaħqu aħjar, inkluż permezz ta’ għodod u ta’ programmi ta’ kooperazzjoni eżistenti; u

jiftiehmu li jibdew azzjoni permezz tal-istabbiliment ta’ punti fokali u l-iskambju ta’ informazzjoni u għarfien espert f’dan il-qasam.

2.L-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6(2)(b) u (c) għandu jkun ibbażat fuq il-validazzjoni tal-programm annwali u pluriennali min-naħa tal-Kumitat Konġunt u fuq l-evalwazzjoni tar-riżultati li jkunu nkisbu għal kull programm annwali.

3.Kull emenda fil-programm settorjali annwali jew pluriennali għandha tiġi approvata mill-Kumitat Konġunt. Il-Kumitat Konġunt jista’ japprova kwalunkwe bidla urġenti fil-programm settorjali annwali permezz ta’ skambju ta’ ittri.

4.Il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta r-rakkomandazzjonijiet biex jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-programm ta’ appoġġ settorjali u r-rappurtar dwaru li jikkontribwixxu għall-politika tas-sajd ta’ Mauritius.

5.Kull sena, Mauritius għandha tippreżenta rapport annwali dwar l-azzjonijiet implimentati u r-riżultati miksuba bl-appoġġ settorjali. Ir-rapport għandu jiġi eżaminat mill-Kumitat Konġunt. Ir-rapport annwali għandu jkun magħmul minn rapport ta’ eżekuzzjoni finanzjarja u minn rapport narrattiv li jiddeskrivi l-azzjonijiet implimentati u l-impatti tagħhom, kif ukoll id-diffikultajiet imġarrba u l-miżuri korrettivi li twettqu. Mauritius għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ġenerali tal-appoġġ settorjali tul dan il-Protokoll mal-iskadenza tal-Protokoll.

6.L-ammont speċifiku tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmi fl-Artikolu 6(2)(b) u (c) għandu jitħallas b’pagamenti parzjali. Għall-ewwel sena tal-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-pagament parzjali għandu jsir abbażi tal-programmi miftiehma. Għas-snin sussegwenti tal-applikazzjoni, il-pagamenti parzjali għandhom isiru abbażi ta’ analiżi tar-riżultati miksuba fl-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali u l-programm annwali miftiehem.

7.Abbażi tal-valutazzjoni tal-Kumitat Konġunt, il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika prevista fl-Artikolu 6(2)(b) u (c) jista’ jiġi differit jew rivedut, jekk ir-riżultati miksuba jew l-eżekuzzjoni finanzjarja ma jkunux konformi mal-programm. Il-pagamenti tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandhom ikomplu wara konsultazzjoni bejn il-Partijiet permezz tal-Kumitat Konġunt meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet.

8.Il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika prevista fl-Artikolu 6(2)(b) u (c) ma għandhiex titħallas wara l-perjodu ta’ 6 xhur wara li jiskadi dan il-Protokoll. Kull meta jkun meħtieġ u ladarba l-kontribuzzjoni finanzjarja meħtieġa tkun tħallset, il-Partijiet għandhom ikomplu jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali wara li jiskadi dan il-Protokoll. F’każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, il-Partijiet jistgħu jiftiehmu bejniethom dwar skeda ta’ żmien ġdida.

9.Il-Partijiet jintrabtu li jiżguraw il-promozzjoni u l-viżibbiltà tal-attivitajiet implimentati permezz tal-appoġġ settorjali.

10.L-istituzzjonijiet tal-UE, inkluża l-Qorti tal-Awdituri tal-UE, jistgħu jwettqu awditi regolari dwar l-użu tal-kontribuzzjoni tal-appoġġ settorjali minn Mauritius, skont il-Ftehim u l-Protokoll attwali.

Artikolu 8
Kooperazzjoni xjentifika dwar is-sajd sostenibbli

1.Matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, Mauritius għandha tagħmel ħilitha biex timmonitorja l-istat tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius, u għandha tħeġġeġ il-kooperazzjoni xjentifika biex tivvaluta regolarment l-istatus tal-istokkijiet tal-ħut fl-ilmijiet ta’ Mauritius b’kollaborazzjoni ma’ korpi xjentifiċi reġjonali u subreġjonali.

2.Il-Partijiet b’dan jintrabtu li jikkooperaw permezz ta’ grupp ta’ ħidma xjentifiku konġunt li għandu jiġi stabbilit mill-Kumitat Konġunt, li jiddefinixxi wkoll l-objettivi u t-termini ta’ referenza tiegħu. Il-kompiti tal-grupp ta’ ħidma jkunu jinkludu l-akkwist, il-validazzjoni, l-analiżi u t-trażmissjoni tad-data xjentifika. Il-grupp ta’ ħidma se jirrapporta lill-Kumitat Konġunt kif xieraq. Il-Partijiet se jiskambjaw ukoll l-informazzjoni statistika, bijoloġika, ambjentali u ta’ konservazzjoni rilevanti, skont dak li jkun meħtieġ għall-finijiet tal-ġestjoni u tal-konservazzjoni tar-riżorsi ħajjin tal-baħar.

3.Abbażi tal-ħidma tal-grupp ta’ ħidma xjentifiku konġunt, il-Partijiet jistgħu jiftiehmu dwar miżuri addizzjonali, filwaqt li jqisu, fost l-oħrajn, ir-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet tal-IOTC u ta’ korpi rilevanti oħra, sabiex jikkontribwixxu għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd ta’ Mauritius koperti minn dan il-Protokoll f’dak li jirrigwarda l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni.

Artikolu 9
Kooperazzjoni reġjonali

1.B’dan il-Partijiet qegħdin jagħmlu ħilithom biex jikkooperaw b’mod regolari fil-kuntest tal-IOTC u ta’ organizzazzjonijiet reġjonali rilevanti oħrajn li huma membri tagħhom, biex jikkonsultaw ma’ xulxin u, fejn possibbli, jikkoordinaw il-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom, li jistgħu jinkludu l-preżentazzjoni ta’ proposti konġunti lil dawk l-organizzazzjonijiet.

2.Kull proposta ta’ dan it-tip għandha tkun konsistenti mad-dritt internazzjonali, inklużi r-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti.

Artikolu 10
Kooperazzjoni ekonomika u sfruttament

1.F’konformità mal-Artikolu 8 tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkooperaw fi kwistjonijiet ekonomiċi, kummerċjali, xjentifiċi u tekniċi fis-settur tas-sajd u s-setturi relatati. Għaldaqstant, huma jistgħu jiftiehmu dwar il-ħolqien ta’ mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni, li jinvolvi lill-operaturi, maħsub biex itejjeb l-ambjent tan-negozju u jidentifika l-opportunitajiet għall-kooperazzjoni u għall-investiment fis-settur tas-sajd fil-kuntest tal-istrateġija nazzjonali ta’ Mauritius għall-iżvilupp tas-settur. Dan il-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni jista’ jieħu l-forma ta’ laqgħat regolari u l-proposti u r-rakkomandazzjonijiet se jiġu kkunsidrati mill-Kumitat Konġunt.

2.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ provvisti regolari lill-industrija tal-ipproċessar tal-ħut ta’ Mauritius u jaqblu li l-qabdiet u l-qabdiet inċidentali mill-bastimenti tal-Unjoni għandhom jikkontribwixxu għall-provvista tal-industrija tal-ipproċessar ta’ Mauritius fuq bażi sostenibbli u regolari.

3.Il-Partijiet għandhom jinkoraġġixxu lill-operaturi, jew lil gruppi ta’ operaturi, biex jittrażbordaw, iħottu l-art u jipproċessaw lokalment ir-riżorsi tas-sajd kollha li jinqabdu fl-ilmijiet ta’ Mauritius jew parti minnhom. Għal dan il-għan, Mauritius għandha:

(a)tagħti stima lill-Unjoni tal-kwantitajiet mixtieqa ta’ prodotti tas-sajd għat-trażbord jew għall-ħatt l-art għall-finijiet tal-industriji tal-ipproċessar lokali; u

(b)tistabbilixxi skemi ta’ inċentivi f’konformità mal-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius biex tħeġġeġ lill-operaturi f’dak ir-rigward.

Barra minn hekk, l-operaturi għandhom jiżguraw li l-industrija tal-ipproċessar ta’ Mauritius ikollha biżżejjed opportunitajiet għal provvista adegwata ta’ tonn, li jinkludu l-qabdiet inċidentali tat-tonn mill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni.

4.Kull bastiment tal-Unjoni li jħott il-ħut f’Mauritius għandu jintrabat li jħott il-qabdiet inċidentali kollha (100%) li jsiru fl-ilmijiet ta’ Mauritius u li jkunu abbord fil-ħin tal-ħatt l-art, f’konformità mal-leġiżlazzjoni sanitarja u l-leġiżlazzjoni rilevanti l-oħra applikabbli.

5.Dan il-Protokoll għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Partijiet u jqis l-iżviluppi fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika. Biex jilħqu dan, il-Partijiet għandhom jiddiskutu regolarment dwar il-modi kif jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq Ewropew għall-prodotti tas-sajd li joriġinaw minn Mauritius.

Artikolu 11
Sajd esploratorju u opportunitajiet ġodda tas-sajd

1.Meta l-Unjoni tfittex li tivvaluta l-opportunitajiet ġodda tas-sajd għal speċijiet differenti minn dawk koperti fl-Artikolu 5, tista’ tfittex li tlaqqa’ lill-Kumitat Konġunt biex jiddiskuti u jidentifika l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu applikati għal tali attivitajiet ġodda tas-sajd, filwaqt li jqis l-aħjar parir xjentifiku disponibbli u abbażi tar-riżultati tal-kampanji tas-sajd esploratorji.

2.Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddiskuti u japprova l-possibbiltà ta’ kampanji tas-sajd esploratorji fl-ilmijiet ta’ Mauritius bil-ħsieb li tiġi ttestjata l-fattibbiltà teknika u l-vijabbiltà ekonomika ta’ sajd ġdid. Għal dan il-għan u fuq bażi ta’ każ b’każ, il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina l-ispeċijiet, il-kundizzjonijiet, inkluża l-parteċipazzjoni ta’ xjenzati minn Mauritius f’tali kampanji, u kull parametru rilevanti ieħor. L-awtorizzazzjonijiet għas-sajd esploratorju għandhom jinħarġu għal perjodu massimu ta’ 6 xhur li jista’ jiġġedded bi ftehim bejn iż-żewġ Partijiet.

3.F’każ li l-Partijiet ikunu tal-fehma li l-kampanji sperimentali jkunu taw riżultati pożittivi, Mauritius tista’ talloka opportunitajiet ġodda tas-sajd lill-flotta tal-Unjoni, anki għal speċijiet mhux koperti mill-Artikolu 5, skont it-termini u l-kundizzjonijiet li mbagħad jiġu miftiehma. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6(2)(a) ta’ dan il-Protokoll imbagħad għandha tiġi aġġustata skont dan mill-Kumitat Konġunt. It-tariffi u l-kundizzjonijiet għas-sidien tal-bastimenti kif previsti fl-Anness għandhom jiġu emendati skont dan.

Artikolu 12
Aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd u reviżjoni ta’ dan il-Protokoll

1.Il-Kumitat Konġunt jista’ jirrieżamina u jaġġusta l-opportunitajiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan il-Protokoll sakemm ir-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-IOTC jikkonfermaw li tali aġġustament ikun jiżgura l-ġestjoni sostenibbli tat-tonn u speċijiet simili għat-tonn fl-Oċean Indjan.

2.F’dak il-każ, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6(2)(a) għandha tiġi aġġustata b’mod proporzjonat u pro rata temporis b’deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt. Madankollu, l-ammont annwali totali mħallas mill-Unjoni ma għandux jaqbeż id-doppju tal-ammont indikat fl-Artikolu 6(2)(a). L-aġġustament tal-opportunitajiet tas-sajd imsemmija f’dan l-Artikolu jista’ jkun ibbażat ukoll fuq ir-riżultati tas-sajd esploratorju mwettaq f’konformità mal-Artikolu 11.

3.Tliet xhur qabel it-tmiem tat-tieni sena wara l-bidu tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll, u dment li l-livell attwali rrapportat ta’ qabdiet mill-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Mauritius jaqbeż it-tunnellaġġ ta’ referenza, il-Partijiet jistgħu jirrieżaminaw u jaġġustaw it-tunnellaġġ ta’ referenza. F’dak il-każ, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6(2)(a) tista’ tiġi aġġustata għall-perjodu ta’ implimentazzjoni li jifdal.

4.Il-Kumitat Konġunt jista’, fejn jeħtieġ, jeżamina u jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, inklużi r-regoli li jirregolaw it-twettiq tal-attivitajiet tas-sajd, l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali u regoli oħra li għandhom x’jaqsmu mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu. F’każ ta’ urġenza, tali emendi mill-Kumitat Konġunt jistgħu jsiru permezz ta’ skambju ta’ ittri.

Artikolu 13
Sospensjoni u rieżami tal-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja

1.L-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll għandha tiġi sospiża fuq inizjattiva ta’ waħda miż-żewġ Partijiet, fil-każ ta’:

(a)każijiet, fenomeni naturali jew fenomeni oħra minbarra dawk naturali, li jkunu barra mill-kontroll raġonevoli tal-Partijiet u li jkunu tali li jipprevjenu s-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius;

(b)tilwima bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu li ma tistax tinstab soluzzjoni għaliha;

(c)nuqqas min-naħa ta’ waħda mill-Partijiet li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll u mal-Anness tiegħu, u b’mod partikolari b’rabta ma’ ksur ta’ elementi essenzjali u fundamentali dwar id-drittijiet umani kif stabbiliti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou u skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 8 u 96 tiegħu; jew inklużi fl-artikolu ekwivalenti tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi AKP li jsegwih.

(d)nuqqas min-naħa tal-Unjoni li tagħmel il-pagament previst fil-punt (a) tal-Artikolu 6(2) fiż-żmien ix-xieraq għal raġunijiet mhux koperti mill-punt (c) ta’ dan il-paragrafu.

2.Qabel ma jieħdu ebda deċiżjoni ta’ sospensjoni, il-Partijiet għandhom jagħmlu konsultazzjonijiet sinifikattivi biex isibu soluzzjoni bonarja.

3.Is-sospensjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll tirrikjedi li l-Parti kkonċernata għandha tinnotifika l-intenzjoni tagħha bil-miktub tal-anqas 3 xhur qabel id-data li fiha s-sospensjoni tkun se tibda tapplika u mbagħad għandha tieħu l-forma ta’ avviż bil-miktub innotifikat lill-Parti l-oħra. Il-wasla ta’ dik in-notifika għandha twassal biex jinfetħu l-konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet fi ħdan il-Kumitat Konġunt biex tinstab soluzzjoni bonarja għat-tilwima f’perjodu raġonevoli taż-żmien.

4.Malli tibda tapplika s-sospensjoni:

(a)il-bastimenti kollha tal-Unjoni għandhom jitilqu mill-ilmijiet ta’ Mauritius fi żmien 24 siegħa; u

(b)l-ebda bastiment tal-Unjoni ma għandu jistad fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

5.L-ammont tal-kumpens previst fl-Artikolu 6(2)(a) għandu jitnaqqas b’mod proporzjonali għall-perjodu meta tibda tapplika s-sospensjoni.

6.Fil-każ ta’ sospensjoni tal-implimentazzjoni, il-Partijiet għandhom ikomplu jikkonsultaw bil-għan li tinstab soluzzjoni bonarja għat-tilwima ta’ bejniethom. Jekk tinstab soluzzjoni, il-Protokoll għandu jerġa’ jibda jiġi implimentat u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6 għandu jitnaqqas b’mod proporzjonat u pro rata temporis skont il-perjodu li fih kienet sospiża l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 14
Liġi applikabbli

1.L-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ Mauritius għandhom ikunu rregolati mil-liġi applikabbli tal-Mauritius, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Ftehim jew f’dan il-Protokoll, flimkien mar-riżoluzzjonijiet tal-IOTC u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali applikabbli. L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet tal-Unjoni b’kull emenda rilevanti għal-liġijiet u r-regolamenti tagħhom li jkollha impatt fuq l-attivitajiet tal-bastimenti tal-UE, tal-anqas 3 xhur qabel ma jibdew japplikaw.

2.L-Unjoni b’dan tintrabat li tieħu l-passi kollha possibbli u meħtieġa biex tiżgura li l-bastimenti tagħha jikkonformaw ma’ dan il-Protokoll u mal-liġijiet ta’ Mauritius li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

3.L-awtoritajiet tal-Unjoni għandhom jinnotifikaw mingħajr dewmien lill-awtoritajiet ta’ Mauritius b’kull bidla fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li jista’ jkollha impatt fuq l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni skont dan il-Protokoll.

Artikolu 15
Protezzjoni tad-data

1.Iż-żewġ Partijiet għandhom jiżguraw li d-data skambjata skont il-Protokoll tintuża esklużivament għall-implimentazzjoni tal-Protokoll u b’mod partikolari għall-finijiet tal-ġestjoni, tal-monitoraġġ, tal-kontroll u tas-sorveljanza tas-sajd.

2.Il-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jiżguraw li:

id-data kummerċjalment sensittiva u personali kollha relatata mal-bastimenti tal-Unjoni u mal-attivitajiet tas-sajd tagħhom miksuba fil-kuntest tal-Protokoll, u

id-data kummerċjalment sensittiva kollha relatata mas-sistemi ta’ komunikazzjoni użati mill-Unjoni għandha tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali.

Il-Partijiet għandhom jiżguraw li jippubblikaw biss id-data aggregata relatata mal-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

3.Id-data personali trid tiġi pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data. F’dan il-kuntest, id-data personali skambjata skont dan il-Protokoll ma għandhiex issir pubblika u għandha tkun ristretta għall-implimentazzjoni tal-Protokoll. Id-data personali ma għandhiex tinżamm wara ż-żmien meħtieġ li għalih ikun sar l-iskambju.

4.Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi aktar salvagwardji u rimedji legali fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u tad-data personali.

Artikolu 16
Skambji elettroniċi tad-data

1.Mauritius u l-Unjoni jintrabtu li jimplimentaw is-sistemi meħtieġa għall-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u tad-dokumenti kollha marbuta mal-implimentazzjoni tal-Ftehim u ta’ dan il-Protokoll. Il-forma elettronika ta’ dokument fi kwalunkwe ħin għandha titqies ekwivalenti għall-verżjoni stampata.

2.L-arranġamenti għall-implimentazzjoni u l-użu ta’ dawn is-sistemi għall-iskambju tad-data dwar il-qabdiet, tad-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet mad-dħul u mal-ħruġ (permezz tal-ERS – is-Sistema Elettronika ta’ rappurtar), tal-pożizzjonijiet tal-bastimenti (permezz tal-VMS), u għall-kisba tal-liċenzji huma stabbiliti fl-Anness u fl-Appendiċijiet tiegħu.

3.Iż-żewġ Partijiet għandhom jinnotifikaw immedjatament lil xulxin dwar kull tfixkil f’sistema kompjuterizzata li jimpedixxi tali skambji. F’ċirkostanzi bħal dawn, l-informazzjoni u d-dokumenti relatati mal-implimentazzjoni tal-Ftehim u ta’ dan il-Protokoll għandhom jiġu awtomatikament issostitwiti bil-verżjoni stampata tagħhom jew jintbagħtu b’mezzi ta’ komunikazzjoni alternattivi kif iddefinit fl-Anness għal dan il-Protokoll.

Artikolu 17
Terminazzjoni

1.Parti tista’ ttemm dan il-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Ftehim.

2.Meta Parti tiġi offiża minn allegat ksur ta’ dispożizzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Parti għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub fi żmien 3 xhur wara li jkun seħħ l-allegat ksur. Il-Partijiet għandhom jagħmlu l-almu tagħhom biex jikkonsultaw b’rieda tajba bil-għan li jsibu soluzzjoni bonarja.

3.Jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim bonarju fi żmien 3 xhur min-notifika bil-miktub lill-Parti l-oħra dwar l-allegat ksur, il-Parti tista’ tiddeċiedi li ttemm dan il-Protokoll u tinnotifika lill-Parti l-oħra dwar dan.

4.F’każ li dan il-Protokoll jintemm, il-pagament tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 6 għas-sena li fiha tibda sseħħ it-terminazzjoni għandu jitnaqqas pro rata temporis.

5.Mal-iskadenza jew mat-terminazzjoni ta’ dan il-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Ftehim, is-sidien tal-bastimenti tal-Unjoni għandhom jibqgħu responsabbli għal kull ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim jew ta’ dan il-Protokoll jew tal-liġijiet applikabbli ta’ Mauritius li jkun seħħ qabel l-iskadenza jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Protokoll, jew għal kull pagament pendenti fil-ħin tal-iskadenza jew tat-terminazzjoni.

Artikolu 18
Applikazzjoni provviżorja

Dan il-Protokoll għandu japplika b’mod provviżorju mid-data ta’ meta jiġi ffirmat mill-Partijiet.

Artikolu 19
Dħul fis-seħħ

Dan il-Protokoll, flimkien mal-Anness tiegħu, għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.

ANNESS
KUNDIZZJONIJIET GĦAT-TWETTIQ TAL-ATTIVITAJIET TAS-SAJD MILL-BASTIMENTI TAL-UNJONI EWROPEA FL-ILMIJIET TA’ MAURITIUS

KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

1.Il-ħatra tal-awtorità kompetenti

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness u minkejja kull indikazzjoni li turi bil-kontra, kull referenza għall-Unjoni Ewropea (l-“Unjoni”) jew għal Mauritius bħala awtorità kompetenti għandha tfisser:

(a)għall-Unjoni: il-Kummissjoni Ewropea, fejn japplika permezz tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea f’Mauritius;

(b)għal Mauritius: il-Ministeru responsabbli mis-suġġett tas-sajd.

2.L-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll u tal-Anness tiegħu

Id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Protokoll u tal-Anness tiegħu għandhom japplikaw esklużivament lil hinn minn 15-il mil nawtiku mil-linja bażi ta’ Mauritius.

L-Unjoni għandha tingħata l-informazzjoni relatata ma’ żoni oħra magħluqa għan-navigazzjoni u s-sajd, u kull emenda sussegwenti trid titħabbar tal-anqas xahrejn qabel ma tidħol fis-seħħ.

3.Kont bankarju għall-pagamenti mis-sidien tal-bastimenti

Mauritius għandha tinnotifika lill-Unjoni qabel id-data tal-applikazzjoni provviżorja ta’ dan il-Protokoll bid-dettalji tal-kont(ijiet) bankarju/bankarji tat-Teżor Pubbliku ta’ Mauritius li fihom iridu jitħallsu t-tariffi u l-ammonti finanzjarji pagabbli mill-bastimenti tal-Unjoni skont il-Ftehim. Is-sidien tal-bastimenti għandhom iħallsu l-ispejjeż tat-trasferimenti bankarji assoċjati ma’ dawn il-pagamenti.

KAPITOLU II
PERJODU TA’ VALIDITÀ TAL-AWTORIZZAZZJONIJIET TAS-SAJD, APPLIKAZZJONI GĦALIHOM U ĦRUĠ TAGĦHOM

Perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

1.L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom ikunu validi għal sena kalendarja sħiħa u għandhom ikunu jistgħu jiġġeddu. Sabiex jiġi stabbilit il-bidu u t-tmiem tal-perjodu ta’ validità, “perjodu annwali” għandha tfisser:

(a)għall-ewwel sena tal-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-perjodu bejn id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u l-31 ta’ Diċembru tal-istess sena;

(b)għall-aħħar sena tal-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u d-data tal-iskadenza ta’ dan il-Protokoll.

Għall-ewwel u għall-aħħar sena ta’ dan il-Protokoll, it-tariffa tal-pagament antiċipat għandha tiġi kkalkulata fuq bażi pro rata temporis.

Kundizzjoni biex tinkiseb liċenzja tas-sajd - bastimenti eliġibbli

2.Il-bastimenti tal-Unjoni li jinstabu li huma eliġibbli mill-Unjoni biss jistgħu jiksbu awtorizzazzjoni tas-sajd biex ikunu jistgħu jistadu fl-ilmijiet ta’ Mauritius skont dan il-Protokoll.

3.Biex bastiment tal-Unjoni jkun eliġibbli għandhom jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)is-sid, il-kaptan u l-bastiment innifsu ma humiex ipprojbiti milli jistadu fl-ilmijiet ta’ Mauritius;

(b)is-sid, il-kaptan u l-bastiment innifsu jikkonformaw mal-liġijiet ta’ Mauritius u jkunu ssodisfaw kull obbligu preċedenti li jkun jirriżulta mill-attivitajiet tas-sajd tagħhom fl-ilmijiet ta’ Mauritius skont il-Ftehim;

(c)il-bastiment huwa inkluż fir-reġistru tal-bastimenti awtorizzati tal-IOTC, u ma huwiex inkluż fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-IOTC jew ta’ xi Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd oħra (RFMO); u

(d)l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd imsemmija fl-Artikolu 6 tal-Ftehim jinħarġu bil-kundizzjoni li l-bastiment jikkonforma mar-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd

4.L-Unjoni għandha tippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd għal kull bastiment tal-Unjoni skont il-Ftehim tal-anqas 21 jum kalendarju qabel il-bidu tal-perjodu ta’ validità mitlub. It-trażmissjoni elettronika tal-applikazzjonijiet tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u l-ħruġ tagħhom jistgħu jsiru permezz tas-sistema elettronika ta’ ġestjoni tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd “is-sistema LICENCE” magħmula disponibbli mill-Kummissjoni Ewropea.

5.Kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd għandu jkun fiha l-informazzjoni elenkata fl-Appendiċi 1 u d-dokumenti li ġejjin:

(a)il-prova tal-pagament tat-tariffa antiċipata għall-perjodu ta’ validità tal-awtorizzazzjoni tas-sajd mitluba, li mhijiex rimborżabbli;

(b)ritratt diġitali riċenti ta’ riżoluzzjoni tajba, bil-kulur, tal-bastiment, li juri dehra dettaljata tal-ġenb tal-bastiment inkluż l-isem tal-bastiment u n-numru ta’ identifikazzjoni viżibbli b’mod ċar fuq il-buq;

(c)iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-bandiera.

6.It-tariffi antiċipati għandhom jitħallsu f’kont speċifiku tal-Istat tal-Kontabilista Ġenerali ta’ Mauritius, li d-dettalji tiegħu jiġu pprovduti minn Mauritius. It-tariffi tal-pagamenti antiċipati jinkludu l-ispejjeż mhux operazzjonali kollha.

7.Għat-tiġdid ta’ awtorizzazzjoni tas-sajd, skont dan il-Protokoll li hemm fis-seħħ, għal bastiment li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tiegħu ma jkunux ġew immodifikati, l-applikazzjoni għat-tiġdid għandha tinkludi biss l-informazzjoni fl-Appendiċi 1 u l-prova tal-pagament tat-tariffa.

Ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

8.L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom joħorġu l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-bastimenti awtorizzati kollha u jipprovdu l-awtorizzazzjonijiet oriġinali ffirmati lis-sidien tal-bastimenti jew lill-aġent tagħhom fi żmien 21 jum kalendarju minn meta jirċievu l-applikazzjoni sħiħa msemmija fil-punt 5 mingħand l-awtorità kompetenti. Wara l-ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd, l-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom itellgħu minnufih kopja tal-oriġinal iffirmat fis-sistema LICENCE meta s-sistema tkun kompletament operattiva.

9.Bastiment tal-Unjoni awtorizzat għandu jżomm abbord l-awtorizzazzjoni tas-sajd oriġinali. Madankollu, verżjoni elettronika tal-awtorizzazzjoni tas-sajd tista’ tintuża għal perjodu massimu ta’ 60 jum kalendarju wara d-data tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd. Matul dak il-perjodu, il-kopja għandha titqies ekwivalenti għall-oriġinal. Wara dak il-perjodu ta’ 60 jum, il-kopja oriġinali tal-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinżamm abbord il-ħin kollu.

It-trasferiment tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

10.L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinħareġ għal bastiment speċifiku u ma għandhiex tkun trasferibbli ħlief f’każijiet ta’ force majeure.

11.Meta l-force majeure tkun rikonoxxuta miż-żewġ Partijiet, fuq talba tal-Unjoni, awtorizzazzjoni tas-sajd tista’ tiġi ssostitwita b’awtorizzazzjoni ġdida, maħruġa għal bastiment simili ieħor jew għal bastiment sostitut tal-istess kategorija tas-sajd bħall-bastiment li jkun qiegħed jiġi ssostitwit, mingħajr pagament ta’ tariffa antiċipata ġdida. F’każ bħal dan, id-dikjarazzjoni tat-tariffi għall-bastimenti tal-UE msemmija fil-punt 21 tal-Kapitolu III għandha tqis il-qabda totali taż-żewġ bastimenti fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

12.Fil-każ ta’ trasferiment, l-awtorizzazzjoni tas-sajd li se tiġi ssostitwita għandha tintbagħat lura mis-sid tal-bastiment jew mill-aġent tiegħu f’Mauritius, u għandha titfassal minnufih awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni minn Mauritius. L-awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni għandha tinħareġ mingħajr aktar dewmien lis-sid tal-bastiment jew lill-aġent tiegħu meta tintbagħat lura l-awtorizzazzjoni li tkun se tiġi ssostitwita.

13.L-awtorizzazzjoni ta’ sostituzzjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih l-awtorizzazzjoni kkanċellata tintbagħat lura lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius. F’każ bħal dan, Mauritius għandha taġġorna l-lista tal-bastimenti awtorizzati mingħajr dewmien u tibgħatha lill-UE. Id-Delegazzjoni tal-UE f’Mauritius għandha tiġi infurmata mingħajr dewmien mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius dwar it-trasferiment tal-awtorizzazzjoni tas-sajd.

Ħsarat fis-sistema Licence

14.Meta jinqalgħu xi diffikultajiet fit-trażmissjoni tal-informazzjoni fis-sistema LICENCE bejn il-Kummissjoni Ewropea u Mauritius, l-iskambji elettroniċi tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom isiru bil-posta elettronika sakemm is-sistema terġa’ tibda taħdem.

Bastimenti ta’ appoġġ

15.L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jawtorizzaw lill-bastimenti ta’ appoġġ awtorizzati jassistu lill-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd. Il-bastimenti ta’ appoġġ jridu jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni, u ma għandhomx ikunu mgħammra għas-sajd jew jintużaw għat-trażbord.

16.L-għajnuna li jagħtu la jrid jinkludi r-riforniment bil-fjuwil u lanqas it-trażbord tal-qabdiet.

17.L-għadd ta’ bastimenti ta’ appoġġ tal-Unjoni awtorizzati għall-għadd ta’ bastimenti awtorizzati tal-Unjoni li jistadu bit-tartarun tal-borża li jkunu operattivi għandu jkun konformi mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-IOTC. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti ta’ rappurtar għandhom jikkonformaw mal-obbligi rilevanti tal-IOTC u ma’ leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti oħra.

18.Il-bastimenti ta’ appoġġ li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni għandhom ikunu soġġetti għall-istess proċeduri li jirregolaw il-kisba u t-trażmissjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd kif stabbiliti f’dan il-Kapitolu, sa fejn japplikaw għalihom.

Lista provviżorja tal-bastimenti awtorizzati

19.Mal-wasla tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-sajd, tista’ titfassal lista provviżorja ta’ bastimenti applikanti għal kull kategorija ta’ bastiment, inklużi l-bastimenti ta’ appoġġ, u tista’ tintbagħat bil-posta elettronika minnufih mill-awtorità kompetenti lill-Unjoni u lid-Delegazzjoni tal-UE f’Mauritius.

20.L-Unjoni għandha tibgħat il-lista provviżorja lis-sid tal-bastiment jew lill-aġent tiegħu. Jekk l-uffiċċji tal-Unjoni jkunu magħluqin, Mauritius tista’ tibgħat il-lista provviżorja direttament lis-sid tal-bastiment jew lill-aġent tiegħu b’kopja lid-Delegazzjoni tal-UE f’Mauritius.

Id-dokumenti li jridu jinġarru abbord

21.Waqt li jkunu fl-ilmijiet ta’ Mauritius jew fil-port ta’ Mauritius, il-bastimenti tas-sajd dejjem iridu jkollhom abbord id-dokumenti li ġejjin:

(a)l-awtorizzazzjoni tas-sajd;

(b)id-dokumenti maħruġa minn awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera tat-tali bastiment tas-sajd, li juru:

iċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-bastiment, inkluż in-numru li jkun irreġistrat taħtu l-bastiment tas-sajd;

tpinġijiet jew deskrizzjonijiet iċċertifikati aġġornati tat-tqassim tal-bastiment tas-sajd u, b’mod partikolari, l-għadd ta’ stivi tal-ħut fil-bastimenti tas-sajd, bil-kapaċità tal-ħżin espressa f’metri kubiċi;

(c)jekk tkun saret xi bidla fil-karatteristiċi ta’ bastiment tas-sajd rigward it-tul globali tiegħu, it-tunnellaġġ gross irreġistrat tiegħu, il-potenza tal-magna tiegħu jew il-kapaċità tal-istivi tiegħu, ċertifikat, attestat minn awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd, li jiddeskrivi n-natura ta’ dan it-tibdil; u

(d)iċ-ċertifikat tal-istat ta’ navigabbiltà tal-bastiment.

Pagament tat-tariffa antiċipata

22.L-ammont tal-pagament tat-tariffa antiċipata huwa stabbilit fuq il-bażi tar-rata annwali kif ġej. Din għandha tinkludi t-taxxi lokali u nazzjonali kollha, minbarra t-taxxi portwali, it-taxxi tal-ħatt l-art, it-taxxi tat-trażbord u t-taxxi għall-għoti ta’ servizzi li jiġu imposti kif u meta japplika.

23.It-tariffi li jridu jħallsu s-sidien tal-bastimenti għandhom jiġu kkalkulati abbażi ta’ rata ta’ EUR 80 għal kull tunnellata ta’ ħut li jinqabad.

24.It-tariffa annwali antiċipata, li trid titħallas mis-sidien tal-bastimenti meta japplikaw għal awtorizzazzjoni għas-sajd, li trid tinħareġ mill-awtoritajiet ta’ Mauritius, għandha tkun kif ġej:

(a)Bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni tal-borża

EUR 9 360, li huma l-ekwivalenti ta’ 117-il tunnellata ta’ tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn maqbuda fl-ilmijiet ta’ Mauritius;

(b)Bastimenti tas-sajd bil-konz (aktar minn 100 GT)

EUR 4 560, li huma l-ekwivalenti ta’ 57-il tunnellata ta’ tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn maqbuda fl-ilmijiet ta’ Mauritius;

(c)Bastimenti tas-sajd bil-konz (inqas minn 100 GT)

EUR 2 400, li huma l-ekwivalenti ta’ 30 tunnellata ta’ tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn maqbuda fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

Bastimenti ta’ appoġġ

25.It-tariffa annwali tal-liċenzja li tapplika għal kull bastiment ta’ appoġġ awtorizzat għandha tkun ta’ EUR 5 000 kull wieħed.

KAPITOLU III
RAPPURTAR TAL-QABDIET

Ġurnal ta’ abbord elettroniku tas-sajd – Reġistrazzjoni u rappurtar permezz tas-Sistema Elettronika ta’ Rappurtar

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.Il-kaptan għandu jinnotifika l-qabda tal-bastiment billi jibgħat il-ġurnali ta’ abbord tas-sajd lil Mauritius tul iż-żmien li jkun fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

2.Ladarba s-sistema elettronika ta’ rappurtar tkun operattiva, il-kaptan ta’ bastiment tal-Unjoni li jwettaq attivitajiet tas-sajd skont dan il-Protokoll għandu jżomm ġurnal ta’ abbord elettroniku tas-sajd integrat f’sistema elettronika ta’ rappurtar.

3.Bastiment li ma jkunx mgħammar b’sistema elettronika ta’ rappurtar ma għandux ikun awtorizzat jidħol fl-ilmijiet ta’ Mauritius biex iwettaq attivitajiet tas-sajd. Meta d-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtar tal-qbid ma jiġux rispettati, Mauritius tista’ tissospendi l-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment ikkonċernat sakemm jinkiseb ir-rapport tal-qbid nieqes u tieħu kwalunkwe azzjoni kontra s-sid tal-bastiment f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ. Jekk ir-reat jiġi ripetut, Mauritius tista’ tirrifjuta li ġġedded l-awtorizzazzjoni tas-sajd. Mauritius għandha tinforma lill-Unjoni minnufih b’kull sanzjoni li tiġi applikata f’dak il-kuntest.

4.Il-kaptan għandu jkun responsabbli għall-akkuratezza tad-data rreġistrata. Il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd għandu jikkonforma mar-riżoluzzjonijiet u mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-IOTC u għandu jintbagħat f’konformità mal-istandard UN/FLUX imsemmi fl-Appendiċi 3.

5.L-Istat tal-bandiera u Mauritius għandhom jiżguraw li jkollhom it-tagħmir tal-informatika u s-software meħtieġa għat-trażmissjoni awtomatika tad-data bis-sistema elettronika ta’ rappurtar. Inkella, it-trażmissjoni għandha ssir bil-posta elettronika.

6.L-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li d-data fis-sistema elettronika ta’ rappurtar tasal u tiġi rreġistrata f’bażi tad-data kompjuterizzata li tippermetti li din id-data tinħażen b’mod sigur għal perjodu ta’ mill-inqas 36 xahar mill-bidu tal-vjaġġ tas-sajd.

7.Iċ-Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd (ĊMS) tal-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li l-ġurnali ta’ abbord tas-sajd jkunu awtomatikament disponibbli għaċ-ĊMS ta’ Mauritius permezz tas-sistema elettronika ta’ rappurtar, kuljum tul iż-żmien li l-bastiment ikun fl-ilmijiet ta’ Mauritius, anke jekk dan ma jkun qabad xejn.

Id-data tal-ġurnali ta’ abbord elettroniċi

8.Il-kaptan għandu jirreġistra minnufih id-data u l-ħin tad-dħul fl-ilmijiet ta’ Mauritius u tal-ħruġ minnhom, ladarba s-sistema elettronika ta’ rappurtar tkun operattiva.

9.Kuljum, il-kaptan għandu jniżżel l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi maqbuda u miżmuma abbord jew skartata fil-baħar, għal kull operazzjoni tas-sajd. Ir-reġistrazzjoni tal-kwantitajiet stmati ta’ speċijiet maqbuda jew skartati fil-baħar għandha ssir irrispettivament mill-piż. Jekk il-bastiment ikun preżenti iżda ma jwettaqx sajd, għandha tiġi rreġistrata fejn kien il-bastiment fil-ħin tan-nofsinhar (UTC).

10.Id-data tal-ġurnal ta’ abbord tas-sajd għandha tintbagħat awtomatikament u kuljum liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera. L-informazzjoni għandha tinkludi tal-inqas dan li ġej:

(a)in-numri ta’ identifikazzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) jew tar-reġistru tal-flotta komuni (CFR) u l-isem tal-bastiment tas-sajd;

(b)numru uniku ta’ identifikazzjoni tal-vjaġġ tas-sajd;

(c)il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi;

(d)iż-żona ġeografika rilevanti fejn saru l-qabdiet;

(e)id-data u l-ħin tal-qabdiet;

(f)id-data u l-ħin tat-tluq mill-port ta’ Mauritius u tal-wasla fih jew tal-punt tad-dħul fl-ilmijiet ta’ Mauritius u tal-ħruġ minnhom;

(g)it-tip ta’ rkaptu u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi;

(h)l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi miżmuma abbord, f’kilogrammi ta’ piż ħaj, jew, fejn jixraq, l-għadd ta’ ħut individwali; u

(i)l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi skartati l-baħar, f’kilogrammi ta’ piż ħaj, jew, fejn jixraq, l-għadd ta’ ħut individwali.

Ħsara teknika jew ħsara li taffettwa r-reġistrazzjoni u t-trażmissjoni abbord tar-rapporti elettroniċi mill-bastiment tal-Unjoni

11.Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u ċ-ĊMS ta’ Mauritius għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin b’kull avveniment li jista’ jaffettwa t-trażmissjoni tad-data bis-sistema elettronika ta’ rappurtar minn bastiment tal-Unjoni wieħed jew aktar.

12.Jekk iċ-ĊMS ta’ Mauritius ma jirċevix id-data li bastiment tal-Unjoni suppost jibgħat, għandu jinforma liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera minnufih dwar dan. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jinvestiga fil-pront ir-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ wasla tad-data permezz tas-sistema elettronika ta’ rappurtar u jinforma liċ-ĊMS ta’ Mauritius bir-riżultat tal-investigazzjonijiet.

13.Meta jkun hemm ħsara fit-trażmissjoni bejn il-bastiment tal-Unjoni u ċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera, dan tal-aħħar għandu jinnotifika minnufih lill-kaptan jew lill-operatur tal-bastiment tal-Unjoni jew, jekk ma jkunux jistgħu jintlaħqu, lir-rappreżentant tagħhom. Malli jirċievi din in-notifika, il-kaptan tal-bastiment għandu jibgħat id-data nieqsa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera bi kwalunkwe mezz ta’ telekomunikazzjoni xieraq, kuljum u sa mhux aktar tard minn 23.59 Ħin Universali Kkoordinat (UTC).

14.F’każ ta’ ħsara fis-sistema ta’ trażmissjoni elettronika installata abbord il-bastiment, il-kaptan jew l-operatur tal-bastiment għandu jiżgura li s-sistema ta’ trażmissjoni elettronika tissewwa jew tinbidel fi żmien 10 ijiem minn meta tiġi individwata l-ħsara. Ladarba tgħaddi dik l-iskadenza, il-bastiment tal-Unjoni ma għandux jibqa’ awtorizzat jistad fl-ilmijiet ta’ Mauritius u jrid jitlaq minn Mauritius jew jidħol fil-port tagħha fi żmien 24 siegħa. Il-bastiment tal-Unjoni ma għandux jitħalla jitlaq minn dak il-port jew jirritorna fl-ilmijiet ta’ Mauritius qabel ma ċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tiegħu jkun stabbilixxa li s-sistema elettronika ta’ rappurtar qiegħda terġa’ taħdem kif suppost.

15.Jekk Mauritius ma tkunx irċeviet id-data permezz tas-sistema elettronika ta’ rappurtar minħabba ħsara fis-sistemi elettroniċi taħt is-superviżjoni tal-Unjoni jew ta’ Mauritius, il-Parti inkwistjoni għandha tieħu l-azzjoni minnufih biex issolvi l-problema malajr. Il-Parti l-oħra għandha tiġi nnotifikata malli tissolva l-problema.

16.Kull 24 siegħa, iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat liċ-ĊMS ta’ Mauritius bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli, id-data kollha tas-sistema elettronika ta’ rappurtar li tkun waslitlu mill-aħħar trażmissjoni. L-istess proċedura tista’ tintuża fuq talba ta’ Mauritius f’każ ta’ operazzjonijiet ta’ manutenzjoni li jdumu aktar minn 24 siegħa u li jaffettwaw is-sistemi li jkunu taħt is-superviżjoni tal-Unjoni. Mauritius għandha tinforma lis-servizzi ta’ monitoraġġ kompetenti tagħha sabiex il-bastimenti tal-Unjoni ma jitqisux li qegħdin jiksru l-obbligu tagħhom li jibagħtu d-data bis-sistema elettronika ta’ rappurtar. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li jdaħħal id-data li tkun nieqsa fil-bażi tad-data elettronika li huwa jżomm f’konformità mal-punt 6 ta’ dan il-Kapitolu.

17.L-Istat tal-bandiera u Mauritius għandhom jaħtru korrispondent tal-ERS kull wieħed biex ikun il-punt ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jikkomunikaw id-dettalji ta’ kuntatt tal-korrispondenti tal-ERS tagħhom lil xulxin u, fejn jixraq, jaġġornaw din l-informazzjoni mingħajr dewmien.

Monitoraġġ regolari tal-qbid

18.Qabel it-tmiem ta’ kull trimestru, l-Unjoni għandha tibgħat lil Mauritius id-data tal-qbid ta’ kull bastiment tal-Unjoni awtorizzat, u kull informazzjoni rilevanti oħra dwar it-trimestru/trimestri preċedenti.

19.Kull trimestru, Mauritius għandha tipprovdi d-data tal-qbid tal-bastimenti tal-Unjoni awtorizzati, miksuba permezz tal-ġurnali ta’ abbord tas-sajd u kull informazzjoni rilevanti oħra.

20.Il-Partijiet it-tnejn janalizzaw il-konsistenza tas-settijiet tad-data b’mod regolari u jekk issir talba minn xi wieħed mill-Partijiet. B’mod partikolari, Mauritius għandha tanalizza din id-data aggregata u tirrapporta kull inkonsistenza kbira fil-qabdiet li jkunu saru fl-ilmijiet tagħha rrapportati fil-ġurnali ta’ abbord tas-sajd li tirċievi. L-Istati tal-bandiera għandhom jinvestigaw u jaġġornaw id-data skont il-ħtieġa. Il-każijiet ta’ inkonsistenzi persistenti bejn sors tad-data u ieħor għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat Konġunt bil-għan li tinstab soluzzjoni. Dik id-data aggregata għandha titqies provviżorja sakemm l-Unjoni tinnotifika d-dikjarazzjoni annwali definittiva msemmija fil-punt 21.

Dikjarazzjoni finali tat-tariffi għall-bastimenti tas-sajd tat-tonn u għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

21.Sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena, l-Unjoni għandha tipprovdi d-data aggregata li tindika l-kwantitajiet għal kull bastiment tal-Unjoni għal kull xahar u għal kull speċi tal-qabdiet li jkunu saru fl-ilmijiet ta’ Mauritius tul is-sena kalendarja preċedenti, flimkien ma’ kalkolu tat-tariffi dovuti għal kull bastiment tal-Unjoni.

22.Mauritius għandha tinnotifika lill-UE bil-wasla tad-dikjarazzjoni tat-tariffi u għandu jkollha 45 jum biex tikkontesta d-data pprovduta, abbażi ta’ evidenza ta’ sostenn. Wara dik il-kontestazzjoni, il-Partijiet għandu jkollhom xahar biex jaqblu dwar id-data. Jekk ma jaqblux, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin bil-posta jew b’vidjokonferenza mill-aktar fis possibbli, jew fejn xieraq fil-Kumitat Konġunt. Jekk Mauritius ma toġġezzjonax fi żmien 45 jum kalendarju, id-dikjarazzjoni finali għandha titqies li ġiet adottata.

23.L-Unjoni għandha tikkomunika minnufih il-kontijiet ivvalidati miż-żewġ Partijiet lis-sidien tal-bastimenti biex jagħmlu l-pagamenti meħtieġa. Meta l-ammont fid-dikjarazzjoni finali jkun ogħla mit-tariffa tal-pagament antiċipat imsemmija fil-punt 24 tal-Kapitolu II li tkun tħallset biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni tas-sajd, sid il-bastiment għandu jħallas il-bilanċ pendenti fil-kont tal-bank rilevanti sal-31 ta’ Lulju ta’ dik is-sena (jew fi żmien 30 jum minn meta tasal id-dikjarazzjoni). Meta d-dikjarazzjoni finali tkun inqas mit-tariffa b’rata fissa mistennija, l-ammont li jifdal ma għandux jiġi rrimborżat lil sid il-bastiment. Mauritius għandha timmonitorja dawn il-pagamenti u tinnotifika lill-Unjoni b’kull dewmien jew pagament mhux komplut. Fl-istess ħin, l-Unjoni għandha tagħmel ħilitha biex il-pagamenti jsiru fil-limitu ta’ żmien stabbilit.

24.Id-dikjarazzjonijiet ivvalidati għandhom jintużaw biex jiġi kkalkulat l-ammont li jrid jitħallas mill-Unjoni għal kull qabda addizzjonali li taqbeż it-tunnellaġġ ta’ referenza ta’ sena sħiħa, f’konformità mal-Artikolu 6(6) tal-Protokoll.

KAPITOLU IV
ĦATT L-ART U TRAŻBORD

1.Ma jistax isir trażbord fuq il-baħar. L-operazzjonijiet kollha tat-trażbord fil-port huma mmonitorjati fil-preżenza ta’ spetturi tas-sajd ta’ Mauritius.

2.Il-kaptan ta’ bastiment tal-Unjoni li jkun jixtieq iħott l-art jew jittrażborda l-qabdiet jeħtieġlu jinnotifika lil Mauritius, tal-anqas 24 siegħa qabel il-ħatt l-art jew it-trażbord, b’dan li ġej:

(a)in-numri ta’ identifikazzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) jew tar-reġistru tal-flotta komuni (CFR) u l-isem tal-bastiment tas-sajd li jeħtieġlu jħott l-art jew jittrażborda;

(b)il-port li fih se jsir il-ħatt l-art jew it-trażbord;

(c)id-data u l-ħin skedati għall-ħatt l-art jew għat-trażbord;

(d)il-kwantità (espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun meħtieġ, l-għadd ta’ ħut individwali) ta’ kull speċi li trid tinħatt l-art jew tiġi ttrażbordata (identifikata mill-Kodiċi alfa-3 tal-FAO tagħha); u

(e)f’każ ta’ trażbord, l-isem u s-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni (l-IRCS) tal-bastiment li jkun se jirċievi l-qabda.

3.Għall-bastimenti li jkunu se jirċievu l-qabda, mhux aktar tard minn 24 siegħa qabel il-bidu tat-trażbord u fi tmiemu, il-kaptani tal-bastimenti tal-ġarr li jkunu se jirċievu l-qabda għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet ta’ Mauritius bil-kwantitajiet ta’ tonn u ta’ speċijiet simili għat-tonn ittrażbordati fil-bastimenti tagħhom u għandhom jimlew id-dikjarazzjoni tat-trażbord u jibagħtuha lill-awtorità ta’ Mauritius fi żmien 24 siegħa.

4.L-operazzjoni tat-trażbord hija soġġetta għal awtorizzazzjoni minn qabel li tingħata minn Mauritius lill-kaptan tal-bastiment jew lill-aġent tiegħu fi żmien 24 siegħa wara n-notifika msemmija fit-tieni paragrafu. L-operazzjoni ta’ trażbord trid issir f’port ta’ Mauritius li jkun awtorizzat għal dak il-għan.

5.Il-port tas-sajd indikat fejn huma permessi l-operazzjonijiet ta’ trażbord f’Mauritius huwa Port Louis.

6.In-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu għandu jwassal għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet rilevanti previsti skont il-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius.

KAPITOLU V
KONTROLL U SPEZZJONI

Dħul fl-ilmijiet ta’ Mauritius u ħruġ minnhom

1.Kull dħul fl-ilmijiet ta’ Mauritius jew kull ħruġ minnhom ta’ bastiment tal-Unjoni li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd irid jiġi nnotifikat lil Mauritius fi żmien 12-il siegħa qabel id-dħul jew il-ħruġ. Meta jkun qiegħed jinnotifika d-dħul jew il-ħruġ tiegħu, il-bastiment għandu b’mod partikolari jinnotifika:

(a)id-data, il-ħin u r-rotta previsti;

(b)il-kwantità totali ta’ kull speċi miżmuma abbord, kif identifikata bil-kodiċi alfa‑3 tal-FAO tagħha u espressa f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk japplika, fl-għadd ta’ ħut individwali; u

(c)il-preżentazzjoni tal-prodotti.

2.In-notifika għandha ssir permezz tas-sistema elettronika ta’ rappurtar, jew fin-nuqqas ta’ dan, permezz ta’ posta elettronika f’indirizz elettroniku kkomunikat minn Mauritius. Mauritius għandha tikkonferma l-wasla ta’ din in-notifika minnufih billi twieġeb permezz ta’ posta elettronika.

3.Mauritius għandha tinforma minnufih lill-bastimenti kkonċernati u lill-Unjoni b’kull bidla fl-indirizz elettroniku jew fil-frekwenza tat-trażmissjonijiet.

4.Kull bastiment tal-Unjoni li jinstab jistad fl-ilmijiet ta’ Mauritius mingħajr ma jkun innotifika l-preżenza tiegħu minn qabel għandu jitqies bħala bastiment tas-sajd mhux awtorizzat.

5.Meta jkunu qegħdin jinnotifikaw id-dħul jew il-ħruġ, il-bastimenti tal-Unjoni għandhom jikkomunikaw ukoll il-pożizzjoni tagħhom (il-latitudni u l-lonġitudni) fil-ħin tal-komunikazzjoni u t-tunnellaġġ u l-ispeċijiet li jinsabu fil-qabdiet miżmuma abbord. Dawk il-komunikazzjonijiet għandhom isiru permezz tas-sistema elettronika ta’ rappurtar u għandhom jintbagħtu fl-indirizzi ta’ kuntatt li jkunu pprovdew l-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius.

Spezzjonijiet fil-port jew fuq il-baħar

6.L-ispezzjoni fil-port jew fuq il-baħar fl-ilmijiet ta’ Mauritius tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandha ssir minn spetturi awtorizzati u minn bastimenti awtorizzati ta’ Mauritius li jkunu identifikabbli biċ-ċar bħala bastimenti assenjati biex iwettqu spezzjonijiet u kontrolli tas-sajd.

7.Qabel jitilgħu abbord, l-ispetturi awtorizzati għandhom jinfurmaw lill-bastiment tal-Unjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jagħmlu spezzjoni. L-ispezzjoni għandha ssir minn għadd raġonevoli ta’ spetturi tas-sajd awtorizzati, li jridu jagħtu prova tal-identità u l-kariga uffiċjali tagħhom ta’ spetturi, qabel ma jibdew iwettqu l-ispezzjoni.

8.Il-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni għandu jippermetti lill-ispetturi minn Mauritius jitilgħu abbord u jikkoopera magħhom waqt il-proċedura tal-ispezzjoni.

9.L-ispetturi awtorizzati għandhom idumu abbord il-bastiment tal-Unjoni kemm hemm bżonn biex iwettqu l-kompiti relatati mal-ispezzjoni. Dawn għandhom jagħmlu l-ispezzjoni b’mod li jnaqqsu kemm jistgħu l-impatt fuq il-bastiment, fuq l-attività tas-sajd tiegħu, fuq il-merkanzija jew fuq l-attivitajiet ta’ żbark jew ta’ trażbord tiegħu.

10.L-immaġnijiet (ritratti jew vidjows) li jittieħdu matul l-ispezzjonijiet għandhom ikunu maħsuba biss għall-awtoritajiet responsabbli mill-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd. Dawn ma għandhomx jiġu ppubblikati sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix mod ieħor.

11.Fi tmiem kull spezzjoni, l-ispetturi awtorizzati minn Mauritius għandhom jiktbu rapport tal-ispezzjoni. Il-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni għandu d-dritt jinkludi l-kummenti tiegħu fir-rapport tal-ispezzjoni. Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jiġi ffirmat mill-ispetturi u mill-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni.

12.Il-fatt li l-kaptan jiffirma r-rapport tal-ispezzjoni ma għandux jippreġudika d-dritt ta’ sid il-bastiment tal-Unjoni li jiddefendi ruħu waqt xi proċedura ta’ ksur li tista’ ssir. Jekk il-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni jirrifjuta li jiffirma dak id-dokument, għandu jispeċifika r-raġunijiet tiegħu bil-miktub u l-ispettur għandu jikteb il-kliem “irrifjuta li jiffirma” fuq id-dokument. Qabel jinżlu mill-bastiment, l-ispetturi awtorizzati għandhom jagħtu kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni. L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-Unjoni bl-ispezzjonijiet li jkunu wettqu fi żmien 24 siegħa minn meta jkunu tlestew u bi kwalunkwe ksur li seta’ ġie nnutat, u għandhom jibagħtulhom ir-rapport tal-ispezzjoni fi żmien massimu ta’ 7 ijiem. Fejn japplika, għandha tintbagħat kopja tal-ksur li jkun instab lill-Unjoni fi żmien massimu ta’ 7 ijiem minn meta l-uffiċjal awtorizzat jerġa’ lura fil-port.

13.L-awtoritajiet ta’ Mauritius jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet tal-Unjoni jieħdu sehem fl-ispezzjonijiet bħala osservaturi.

14.Abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, il-Partijiet jistgħu jiftiehmu li jwettqu spezzjonijiet konġunti fuq il-bastimenti tal-Unjoni, b’mod partikolari waqt l-operazzjonijiet ta’ ħatt l-art u ta’ trażbord, biex jiżguraw il-konformità kemm mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni kif ukoll mal-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius. Huma u jwettqu dmirijiethom, l-ispetturi mibgħuta mill-Partijiet għandhom iħarsu d-dispożizzjonijiet dwar it-twettiq tal-ispezzjonijiet stabbiliti rispettivament fl-oqfsa leġiżlattivi tal-Unjoni u ta’ Mauritius. Fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tagħhom bħala Stati tal-bandiera u Stati kostali, il-Partijiet jistgħu jiddeċiedu li jikkooperaw fuq azzjonijiet ta’ segwitu, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti tagħhom. Barra minn hekk, fuq talba tal-Unjoni, l-awtoritajiet ta’ Mauritius jistgħu jawtorizzaw lill-ispetturi tas-sajd mill-Istati Membri tal-Unjoni jwettqu spezzjonijiet fuq bastimenti tal-Unjoni li jtajru l-bandiera tagħhom fil-limiti tal-kompetenza tagħhom skont il-liġi nazzjonali tagħhom.

Kooperazzjoni u monitoraġġ parteċipattiv marbut mal-ġlieda kontra s-sajd IUU

15.Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra s-sajd IUU, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jirrapportaw il-preżenza ta’ kull bastiment fl-ilmijiet ta’ Mauritius li jkun issuspettat li hu involut f’attivitajiet tas-sajd IUU, u jagħtu informazzjoni kemm jistgħu dwar dak li jkunu osservaw. Ir-rapporti ta’ osservazzjoni għandhom jintbagħtu minnufih lill-awtoritajiet ta’ Mauritius u lill-awtorità kompetenti tal-Istat tal-bandiera Membru tal-Unjoni tal-bastiment li jkun intlemaħ, li min-naħa tagħha għandha tibgħathom lill-Unjoni jew lill-korp maħtur minnha.

16.Mauritius għandha tibgħat lill-Unjoni kull rapport ta’ osservazzjoni li jkollha dwar bastimenti tas-sajd tal-Unjoni involuti f’attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu sajd IUU fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

KAPITOLU VI
SISTEMA TA’ MONITORAĠĠ TAL-BASTIMENTI ABBAŻI TA’ SATELLITA (VMS)

Komunikazzjoni sigura tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni lil Mauritius

1.Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat awtomatikament il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti kkonċernati liċ-ĊMS ta’ Mauritius. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera, il-Kummissjoni Ewropea u Mauritius għandhom jiskambjaw l-indirizzi tal-posta elettronika ta’ kuntatt tagħhom u għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin b’kull tibdil f’dawk l-indirizzi.

Messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti

2.Waqt li jkunu fl-ilmijiet ta’ Mauritius, il-bastimenti tal-Unjoni li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa skont dan il-Protokoll, jeħtiġilhom li jkunu mgħammra sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS) biex kull siegħa jikkomunikaw il-pożizzjoni tagħhom, b’mod awtomatiku u kontinwu, liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tagħhom.

Kull messaġġ dwar il-pożizzjoni jrid jinkludi:

(a)l-identifikazzjoni tal-bastiment;

(b)il-pożizzjoni ġeografika l-aktar riċenti tal-bastiment tal-Unjoni (espressa f’lonġitudni u f’latitudni), b’marġni ta’ żball tal-pożizzjoni ta’ inqas minn 500 metru, u b’intervall ta’ affidabbiltà ta’ 99 %;

(c)id-data u l-ħin (espressi f’Ħin Universali Kkoordinat (UTC)) meta ġiet iddeterminata l-pożizzjoni; u

(d)il-veloċità u r-rotta tal-bastiment.

3.Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera Membru tal-Unjoni għandu jiżgura l-ipproċessar awtomatiku u, jekk ikun meħtieġ, it-trażmissjoni elettronika tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni. Il-messaġġi dwar il-pożizzjoni għandhom jiġu rreġistrati u miżmuma b’mod sikur f’bażi tad-data kkompjuterizzata, għal tal-anqas 3 snin miċ-CMS tal-Istat tal-bandiera Membru tal-Unjoni.

4.Il-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni għandu jiżgura f’kull ħin li l-VMS installata abbord il-bastiment tkun qiegħda taħdem tajjeb, u għandu jiżgura t-trażmissjoni effettiva tad-data skont il-punt 1 liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tiegħu.

5.Il-kaptan għandu jitqies responsabbli ta’ kull tbagħbis ippruvat fil-VMS li jkollu l-għan li jfixkel it-tħaddim tagħha jew li jiffalsifika l-messaġġi dwar il-pożizzjoni tagħha.

6.In-nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-VMS għandu jitqies bħala ksur u jkun soġġett għall-penali previsti fil-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius.

7.Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat awtomatikament u minnufih il-messaġġi dwar il-pożizzjoni li jirċievi liċ-ĊMS ta’ Mauritius. Madankollu, kull bastiment tal-Unjoni li jopera fl-ilmijiet ta’ Mauritius jeħtieġlu jkun viżibbli fuq is-sistema tal-VMS minn meta jidħol sa meta joħroġ realment minn dik iż-żona, jew sakemm jasal f’port ta’ Mauritius.

8.Id-data tal-VMS għandha tiġi trażmessa bl-użu tal-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni operati mill-Kummissjoni Ewropea għall-iskambju tad-data dwar is-sajd f’forma standardizzata.

9.L-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara d-dħul fl-ilmijiet ta’ Mauritius għandha tiġi identifikata bil-kodiċi “ENT”. Il-pożizzjonijiet sussegwenti kollha għandhom jiġu identifikati bil-kodiċi “POS”, bl-eċċezzjoni tal-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara l-ħruġ mill-ilmijiet ta’ Mauritius, li għandha tiġi identifikata bil-kodiċi “EXI”.

10.Kull messaġġ ta’ pożizzjoni għandu jiġi pprovdut skont il-format stabbilit fl-Appendiċi 2 jew abbażi tal-istandard P 1000 taċ-Ċentru tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u n-Negozju Elettroniku (CEFACT).

Trażmissjoni mill-bastiment tal-Unjoni f’każ ta’ ħsara fil-VMS

11.Il-bastimenti tal-Unjoni b’VMS difettuża ma humiex awtorizzati jidħlu fl-ilmijiet ta’ Mauritius. Meta jkunu diġà qegħdin joperaw fl-ilmijiet ta’ Mauritius, f’każ ta’ ħsara, il-VMS tal-bastiment għandha tissewwa fi tmiem il-vjaġġ jew tiġi ssostitwita fi żmien 15-il jum kalendarju. Wara dak il-perjodu, il-bastiment ma għandux jibqa’ awtorizzat jistad fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

12.Il-bastimenti li jkunu qegħdin jistadu fl-ilmijiet ta’ Mauritius b’VMS difettuża jridu jikkomunikaw il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tagħhom permezz tal-posta elettronika liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera, mill-inqas kull 4 sigħat, u jridu jipprovdu l-informazzjoni obbligatorja kollha. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jirreġistra minnufih dawn il-messaġġi manwali fil-bażi tad-data kkompjuterizzata msemmija fil-punt 3 ta’ dan il-Kapitolu u jibgħathom mill-ġdid liċ-ĊMS ta’ Mauritius, skont l-istess dispożizzjonijiet li jgħoddu għall-pożizzjonijiet awtomatiċi. Din il-komunikazzjoni għandha tibda malli l-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni jiskopri l-ħsara fil-VMS jew jiġi infurmat dwarha. F’dan il-każ għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri ta’ dħul u ta’ ħruġ.

Ħsarat fis-sistema ta’ komunikazzjoni

13.Mauritius għandha tiżgura li t-tagħmir elettroniku tagħha jkun kompatibbli ma’ dak taċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u għandha tinforma minnufih lill-Unjoni b’kull interruzzjoni jew ħsara fir-rigward tal-komunikazzjoni u l-wasla tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni, bil-għan li tinstab soluzzjoni teknika mill-aktar fis possibbli. Iċ-ĊMS kemm tal-Istat tal-bandiera rilevanti kif ukoll ta’ Mauritius għandhom jinvestigaw ir-raġunijiet għal din l-interruzzjoni jew ħsara. Il-Kumitat Konġunt għandu jindirizza kull tilwima li tista’ tinqala’ minħabba f’hekk.

14.Jekk Mauritius ma tirċevix id-data tal-VMS minħabba ħsara fis-sistemi elettroniċi li jkunu taħt is-superviżjoni tal-Unjoni jew ta’ Mauritius, il-Parti kkonċernata għandha tinnotifikaha lill-Parti l-oħra mill-aktar fis possibbli u tieħu azzjoni f’waqtha biex issolvi l-ħsara malajr. Il-Parti l-oħra għandha tiġi nnotifikata malli tissolva l-problema. Id-data li ma tasalx għand iċ-ĊMS ta’ Mauritius għandha tintbagħatlu malli tissolva l-problema. F’każ li l-ħsara taffettwa s-sistemi elettroniċi taħt il-kontroll tal-Unjoni, iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jikkomunika kull 24 siegħa l-messaġġi kollha dwar il-pożizzjoni li jkun irċieva liċ-ĊMS ta’ Mauritius, permezz tal-posta elettronika.

15.L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jinfurmaw lis-servizzi ta’ monitoraġġ kompetenti tagħha biex il-bastimenti tal-Unjoni ma jitqisux mhux konformi minħabba nuqqas ta’ trażmissjoni ta’ data tal-VMS.

Reviżjoni tal-frekwenza tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni

16.Abbażi ta’ dokumenti ta’ evidenza li turi ksur, Mauritius tista’ titlob liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera Membru tal-Unjoni iżid il-frekwenza tal-messaġġi li jibgħat dwar il-pożizzjoni ta’ bastiment għal kull 30 minuta għal perjodu stabbilit ta’ investigazzjoni, u tibgħat kopja lill-Unjoni ta’ din it-talba. Iċ-ĊMS ta’ Mauritius jeħtieġlu jibgħat dawn id-dokumenti ta’ evidenza liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera Membru tal-Unjoni u lill-Unjoni. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat minnufih il-messaġġi dwar il-pożizzjoni lil Mauritius bil-frekwenza l-ġdida.

17.Fi tmiem il-perjodu stabbilit ta’ investigazzjoni, iċ-ĊMS ta’ Mauritius għandu mbagħad jinnotifika minnufih liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera Membru tal-Unjoni u lill-Unjoni dwar it-tmiem tal-proċedura ta’ spezzjoni u dwar kull azzjoni ta’ segwitu li tkun meħtieġa.

KAPITOLU VII
KSUR

1.In-nuqqas ta’ osservanza ta’ xi regoli u dispożizzjonizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll, tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tar-riżorsi ħajjin, jew tal-leġiżlazzjoni dwar is-sajd ta’ Mauritius jista’ jiġi sanzjonat permezz ta’ multi, sospensjoni, revoka jew nuqqas ta’ tiġdid tal-awtorizzazzjoni tas-sajd tal-bastiment, kif iddefinit fil-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius.

It-trattament tal-ksur

2.Kull ksur imwettaq fl-ilmijiet ta’ Mauritius minn bastiment tal-Unjoni li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd f’konformità mal-Ftehim irid jissemma’ f’rapport ta’ spezzjoni.

3.In-notifika tal-ksur u tas-sanzjonijiet rilevanti applikabbli li għalihom jista’ jkun responsabbli l-kaptan jew il-kumpanija tas-sajd għandha tintbagħat direttament lil sid il-bastiment f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-leġiżlazzjoni applikabbli ta’ Mauritius. Għandha tintbagħat kopja tan-notifika lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tal-Unjoni u lill-Unjoni fi żmien 24 siegħa.

Id-detenzjoni ta’ bastiment tal-Unjoni

4.F’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar is-sajd ta’ Mauritius u t-termini u l-kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni, kull bastiment tal-Unjoni li b’mod raġonevoli jkun suspettat li wettaq ksur, jista’ jkun meħtieġ mill-awtoritajiet ta’ Mauritius li jwaqqaf l-attività tas-sajd u, meta l-bastiment ikun fuq il-baħar, jirritorna lejn port ta’ Mauritius.

5.Mauritius għandha tinnotifika lill-Unjoni u lill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera fi żmien 24 siegħa dwar kull interruzzjoni tal-attivitajiet u tad-detenzjoni ta’ bastiment tal-Unjoni li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd. In-notifika għandha tipprovdi r-raġunijiet u tinkludi d-dokumenti ta’ evidenza li jsostnu d-detenzjoni tal-bastiment, soġġett għal kull rekwiżit legali ta’ kunfidenzjalità.

6.L-awtorità ta’ Mauritius għandha taħtar uffiċjal tal-investigazzjoni u torganizza, fuq talba tal-Unjoni, fi żmien jum kalendarju min-notifika tad-detenzjoni tal-bastiment, laqgħa ta’ informazzjoni biex tiċċara l-fatti li wasslu biex il-bastiment jinżamm u tispjega x’azzjoni oħra tista’ tittieħed. Jistgħu jattendu għal din il-laqgħa ta’ informazzjoni rappreżentant tal-Istat tal-bandiera u sid il-bastiment.

Il-pieni għall-ksur - Proċedura ta’ soluzzjoni

7.F’każ ta’ ksur ta’ natura kriminali, il-piena għandha tiġi stabbilita skont il-leġiżlazzjoni applikabbli mal-kundanna quddiem qorti f’Mauritius jew skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ f’Mauritius.

8.Qabel ma jitnedew il-proċedimenti legali, għandha ssir proċedura ta’ kompromess bejn l-awtoritajiet ta’ Mauritius u l-bastiment tal-Unjoni sabiex il-kwistjoni tissolva b’mod amikevoli sa fejn ikun legalment fattibbli. Rappreżentant tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment jista’ jattendi għal din il-proċedura ta’ kompromess. Il-proċedura ta’ kompromess għandha tintemm sa mhux aktar tard minn 72 siegħa wara n-notifika tad-detenzjoni tal-bastiment. Jekk jintlaħaq ftehim, dan għandu jkun finali u vinkolanti għall-Partijiet kollha kkonċernati. Jekk il-proċedura ta’ kompromess, li tista’ tinkludi proċess ta’ konċiljazzjoni, ma tirnexxix, il-kwistjoni tista’ titressaq quddiem qorti f’Mauritius.

Proċedimenti legali - garanzija bankarja

9.Is-sid tal-bastiment tal-Unjoni li jkun hemm suspett raġonevoli dwaru li wettaq ksur ta’ klawżola tal-Protokoll jew tal-liġijiet applikabbli ta’ Mauritius jista’ jiddepożita garanzija bankarja f’bank indikat minn Mauritius, li l-ammont tagħha, kif stabbilit minn Mauritius, għandu jkopri l-ispejjeż marbuta mad-detenzjoni tal-bastiment, il-multa stmata u kwalunkwe kumpens meħtieġ. Il-garanzija bankarja ma tistax tiġi rkuprata qabel ma jkunu ġew konklużi l-proċedimenti legali.

10.Il-garanzija bankarja għandha tiġi rrilaxxata u mogħtija lura lil sid il-bastiment mingħajr dewmien wara li tinqata’ s-sentenza:

(a)kollha kemm hi, jekk ma tkun ġiet imposta ebda penali;

(b)skont l-ammont tal-bilanċ li jkun fadal, jekk il-penali tkun multa li tkun inqas mill-ammont tal-garanzija bankarja.

11.Mauritius għandha tinforma lill-Unjoni bir-riżultat tal-proċedimenti legali fi żmien jumejn kalendarji minn meta tingħata s-sentenza.

Rilaxx tal-bastiment u tal-ekwipaġġ

12.Meta bastiment tal-Unjoni jew l-ekwipaġġ tiegħu jkunu ġew detenuti fir-rigward ta’ ksur suspettat ta’ klawżola tal-Protokoll jew ta’ xi dispożizzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, u jkun baqa’ hekk sakemm tintemm il-proċedura ta’ kompromess jew ta’ prosekuzzjoni kriminali, il-bastiment u l-ekwipaġġ tiegħu għandhom ikunu awtorizzati jħallu l-port ladarba l-kompromess jew il-proċedura kriminali tkun ġiet riżolta.

KAPITOLU VIII
IMBARKAR TA’ BAĦRIN

L-għadd ta’ baħrin li jridu jimbarkaw

1.Matul l-attivitajiet tagħhom fl-ilmijiet ta’ Mauritius, il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bit-tartarun tal-borża għandhom jagħmlu ħilithom biex jimbarkaw 14-il baħħar Mauritiusjan ikkwalifikat. Jenħtieġ li l-baħrin jintgħażlu mill-aġent tal-bastiment, bi qbil ma’ sid il-bastiment, mill-ismijiet fuq lista li trid tiġi stabbilita, abbażi tal-linji gwida għall-ingaġġ ta’ baħrin Mauritiusjani fuq bastimenti tal-Unjoni previsti fl-Appendiċi 4, u mibgħuta lill-UE mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius.

2.L-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius għandhom jipprovdu l-lista tal-baħrin ikkwalifikati lis-sidien tal-bastimenti jew lill-aġenti tagħhom fuq bażi annwali.

3.F’każ li ma jkunx hemm imbark ta’ baħrin Mauritiusjani, is-sidien tal-bastimenti għandhom iħallsu somma f’daqqa li tkun ekwivalenti għall-paga tal-baħrin li ma jkunux ġew imbarkati matul il-perjodu tal-kampanja tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius. F’każ li l-kampanja tas-sajd iddum inqas minn xahar, is-sidien tal-bastimenti għandhom ikunu meħtieġa jħallsu somma li tikkorrispondi ma’ xahar paga tal-baħrin.

Il-kuntratti tal-baħrin

4.Is-sidien tal-bastimenti għandhom jaġixxu f’konformità mal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u konvenzjonijiet rilevanti oħra tal-ILO, inklużi l-libertà ta’ assoċjazzjoni u r-rikonoxximent effettiv tad-dritt għal negozjar kollettiv, l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-impjiegi u x-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti abbord il-bastimenti tas-sajd.

5.Meta jiġu imbarkati l-baħrin Mauritiusjani, għandhom jitfasslu kuntratti ta’ impjieg bejn sid il-bastiment jew l-aġent ta’ sid il-bastiment u l-baħrin jew ir-rappreżentanti tagħhom f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius. Il-kuntratti għandhom jistipulaw b’mod partikolari d-data u l-port tal-imbarkazzjoni. Dawk il-kuntratti għandhom jiggarantixxu lill-baħrin Mauritiusjani l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali applikabbli għalihom, inkluż l-assigurazzjoni tal-mard u tal-inċidenti, il-benefiċċji tal-pensjoni, il-liv u l-kumpens fi tmiem il-kuntratt, kif ukoll il-paga bażika li trid titħallas skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu. Il-firmatarji tal-kuntratt u l-awtoritajiet kompetenti ta’ Mauritius għandhom jingħataw kopja tal-kuntratt.

Il-pagi tal-baħrin

6.Meta jiġu imbarkati baħrin Mauritiusjani, il-pagi tagħhom għandhom jitħallsu mis-sidien tal-bastimenti. Il-kundizzjonijiet bażiċi tal-pagi mogħtija lill-baħrin Mauritiusjani għandhom jiġu stabbiliti jew abbażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Mauritius jew tal-istandard minimu stabbilit mill-ILO għall-baħħara, skont liema jkun l-ogħla.

7.Sid il-bastiment għandu jiggarantixxi li l-benefiċċji tal-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà soċjali mogħtija lill-baħrin Mauritiusjani għandhom ikunu simili għall-benefiċċji ggarantiti lill-baħrin minn pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) oħrajn.

8.Meta baħri Mauritiusjan ma jitniżżilx l-art f’port ta’ Mauritius jew fi kwalunkwe port miftiehem ieħor fi tmiem il-kuntratt tiegħu, sid il-bastiment għandu, bi spejjeż tiegħu, jiżgura l-akkomodazzjoni temporanja u r-ripatrijazzjoni tal-baħri lejn it-territorju ta’ Mauritius mill-aktar fis possibbli.

L-obbligi tal-baħrin

9.Il-baħrin għandhom jirrapportaw lill-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni li jkunu ġew assenjati lilu fil-ġurnata ta’ qabel id-data tal-imbarkazzjoni stipulata fil-kuntratt tagħhom. Il-kaptan għandu jinforma lill-baħri bid-data u l-ħin tal-imbarkazzjoni. Jekk il-baħri jirtira jew ma jitfaċċax fid-data u l-ħin stipulati għall-imbarkazzjoni, il-kuntratt tiegħu għandu jitqies li huwa null u bla effett u sid il-bastiment għandu awtomatikament jinħeles mill-obbligu li jimbarkah. F’dan il-każ, sid il-bastiment ma għandu jkun responsabbli għall-ebda penali finanzjarja jew ħlas ta’ kumpens.

KAPITOLU IX
OSSERVATURI

L-osservazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd

1.Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li jikkonformaw mal-obbligi tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-IOTC fir-rigward tal-programm tal-osservaturi xjentifiċi u mal-liġijiet u r-regolamenti rilevanti ta’ Mauritius, inklużi l-iskemi ta’ osservazzjoni elettronika.

2.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni bit-tartarun tal-borża li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd għandhom ikunu soġġetti għal skema ta’ osservazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd tagħhom imwettqa fil-qafas tal-Ftehim, u jistgħu, fuq talba tal-awtoritajiet ta’ Mauritius, jimbarkaw osservatur wieħed, fil-kuntest ta’ programm ta’ osservazzjoni nazzjonali jew reġjonali skont it-termini stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

3.Dik l-iskema ta’ osservazzjoni għandha tikkonforma mad-dispożizzjonijiet previsti fir-riżoluzzjonijiet adottati mill-IOTC.

4.Il-bastimenti tal-Unjoni li għandhom tunnellaġġ ta’ 100 GT jew inqas huma eżentati mid-dispożizzjonijiet previsti f’dan il-Kapitolu.

Il-bastimenti u l-osservaturi magħżulin

5.L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom ifasslu lista ta’ bastimenti tal-Unjoni magħżula biex itellgħu osservatur abbord, kif ukoll lista tal-osservaturi maħtura. Dawk il-listi għandhom jinżammu aġġornati. Malli jitfasslu u meta jiġu aġġornati, dawn għandhom jintbagħtu minnufih lill-Unjoni. Il-bastimenti tal-Unjoni magħżula biex jirċievu osservatur iridu jippermettu lill-osservatur jimbarka. Meta tfassal din il-lista, Mauritius għandha tikkunsidra l-preżenza ta’ osservatur imbarkat, jew li se jiġi imbarkat, skont skema ta’ osservazzjoni reġjonali. Ir-rapporti tal-osservaturi relatati mal-osservazzjonijiet li jitwettqu fl-ilmijiet ta’ Mauritius għandhom jintbagħtu lill-Albion Fisheries Research Centre.

6.L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jagħtu l-ismijiet tal-osservaturi maħtura biex jittellgħu abbord il-bastimenti tagħhom lis-sidien tal-bastimenti kkonċernati sa mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel id-data prevista għall-imbark tal-osservaturi.

Il-paga tal-osservatur

7.Il-paga u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-osservatur magħżul minn Mauritius għandhom jitħallsu mill-awtoritajiet ta’ Mauritius.

Il-kundizzjonijiet tal-imbarkazzjoni

8.Il-kundizzjonijiet tal-imbarkazzjoni tal-osservaturi, b’mod partikolari t-tul ta’ żmien abbord, għandhom jiġu ddefiniti bi ftehim reċiproku bejn sid il-bastiment jew l-aġent tiegħu u Mauritius. L-osservaturi ma għandhomx iqattgħu iżjed ħin abbord il-bastimenti milli jkollhom bżonn biex iwettqu dmirijiethom. Fil-kuntest ta’ programm ta’ osservaturi reġjonali, l-osservatur jista’ jibqa’ abbord għal perjodu estiż taż-żmien, miftiehem b’mod reċiproku. L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jinfurmaw lill-aġent tal-bastiment tal-Unjoni dwar din l-estensjoni meta jinnotifikaw isem l-osservatur magħżul.

9.Il-kundizzjonijiet għall-imbark tal-osservaturi għandhom jiġu miftiehma bejn is-sidien tal-bastimenti u l-awtoritajiet ta’ Mauritius wara n-notifika tal-osservaturi maħtura.

10.Meta jkunu abbord, l-osservaturi għandhom jiġu ttrattati bħala uffiċjali. Madankollu, meta l-osservatur jintlaqa’ abbord għandha titqies l-istruttura teknika tal-bastiment.

11.Sid il-bastiment għandu jħallas l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ikel tal-osservatur abbord il-bastiment.

Il-kompiti tal-osservatur

12.L-osservatur għandu jwettaq dawn il-kompiti:

(a)jiġbor l-informazzjoni kollha relatata mal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

l-irkapti tas-sajd li jintużaw;

il-pożizzjoni tal-bastiment waqt l-attivitajiet tas-sajd;

il-volumi jew, fejn jixraq, l-għadd, u d-daqs tal-ħut li jinqabad għal kull speċi fil-mira u għal kull speċi assoċjata, kif ukoll l-għadd ta’ qabdiet inċidentali u ta’ qabdiet aċċessorji;

stima tal-għadd ta’ qabdiet miżmuma abbord u ta’ dawk skartati; u

fejn rilevanti, l-ipproċessar, it-trażbord, il-ħżin, jew ir-rimi ta’ xi ħut;

(b)it-teħid ta’ kampjuni bijoloġiċi kif previst fil-programmi xjentifiċi;

(c)il-monitoraġġ tal-impatt tal-attivitajiet tas-sajd fuq ir-riżorsi u fuq l-ambjent; u

(d)jikkomunika, ta’ kuljum, l-osservazzjonijiet bir-radju, b’fax jew bil-posta elettronika waqt li l-bastiment ikun qiegħed jistad fl-ilmijiet ta’ Mauritius, inkluż il-kwantità tal-qabdiet u tal-qabdiet aċċessorji abbord, u jwettaq kull kompitu ieħor skont dak li jkun ħtieġlu ċ-ĊMS ta’ Mauritius.

13.Il-kaptan għandu jieħu l-miżuri kollha fir-responsabbiltà tiegħu biex jiggarantixxi s-sikurezza fiżika u l-benesseri ġenerali tal-osservatur waqt li dan ikun abbord.

14.L-osservaturi għandhom jingħataw aċċess għal kull faċilità meħtieġa abbord il-bastiment sabiex iwettqu dmirijiethom. Għandu jkollhom aċċess għall-pont u għall-mezzi ta’ komunikazzjoni u għat-tagħmir ta’ navigazzjoni tal-bastiment u għal kull dokument abbord, u għad-dokumenti relatati mal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment, b’mod partikolari l-ġurnal ta’ abbord tas-sajd, il-ġurnal dwar l-iffriżar u l-ġurnal tan-navigazzjoni, kif ukoll għall-partijiet tal-bastiment relatati b’mod dirett ma’ dmirijiethom.

15.F’kull ħin, il-kaptan għandu jħalli lill-osservatur:

(a)jirċievi u jibgħat messaġġi u jikkomunika max-xatt u ma’ bastimenti oħrajn bit-tagħmir tal-komunikazzjoni tal-bastiment;

(b)jieħu, ikejjel u jneħħi mill-bastiment u jżomm kampjuni jew bċejjeċ sħaħ ta’ xi ħut;

(c)jaħżen kampjuni jew eżemplari sħaħ fuq il-bastiment, inklużi kampjuni u eżemplari sħaħ fil-friża tal-bastiment;

(d)jieħu ritratti jew reġistrazzjonijiet tal-attivitajiet tas-sajd, inkluż tal-ħut, tal-irkaptu tas-sajd, tat-tagħmir, tad-dokumenti, taċ-ċarts u tar-reġistri, u jieħu miegħu minn fuq il-bastiment ir-ritratti jew ir-reġistrazzjonijiet li jista’ jkun ħa jew uża abbord il-bastiment. Tali informazzjoni għandha tintuża biss għal skop xjentifiku sakemm ma jkunx mitlub speċifikament minn Mauritius f’każijiet meta dik id-data tista’ tintuża bħala appoġġ għal investigazzjoni ġuridika li tkun għaddejja.

Kontribuzzjoni finanzjarja għall-iskema tal-osservaturi

16.Kull bastiment tas-sajd tal-Unjoni bit-tartarun tal-borża jikkontribwixxi għal fond speċjali miżmum mill-Kontabilista Ġenerali u li jservi għall-Iskema tal-Osservaturi, bl-objettiv li tissaħħaħ il-kapaċità tal-persuni biex ikun hemm kopertura aħjar u jiġi żgurat l-aħjar użu tal-osservaturi.

17.Għal dan il-għan, kull bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża jikkontribwixxi ammont ta’ EUR 20 għal kull jum tas-sajd fl-ilmijiet ta’ Mauritius.

Ir-rapport tal-osservatur

18.Qabel ma jħallu l-bastiment, l-osservaturi għandhom jippreżentaw rapport ta’ attività tal-osservazzjonijiet tagħhom lill-kaptan tal-bastiment. Il-kaptan tal-bastiment għandu jkollu d-dritt jikteb il-kummenti tiegħu fir-rapport tal-osservatur. Ir-rapport għandu jiġi ffirmat mill-osservatur u mill-kaptan. Il-kaptan għandu jirċievi kopja tar-rapport tal-osservatur.

19.L-osservaturi għandhom jibagħtu r-rapporti lil Mauritius, li għandha tibgħat kopja tagħhom u l-informazzjoni identifikata fil-punt 12 ta’ dan il-Kapitolu lill-Unjoni, fi żmien 15-il jum kalendarju mill-iżbark tal-osservatur.

L-obbligi tal-osservatur

20.Meta jkunu abbord, l-osservaturi għandhom:

(a)jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex il-kundizzjonijiet tat-tlugħ tagħhom abbord, kif ukoll il-preżenza tagħhom abbord il-bastiment tal-Unjoni, la jinterrompu u lanqas ifixklu l-operazzjonijiet tas-sajd;

(b)jieħdu ħsieb il-materjal u t-tagħmir li jkun hemm abbord kif xieraq; u

(c)jirrispettaw il-leġiżlazzjoni u r-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli, u jiżguraw il-kunfidenzjalità tad-data u tad-dokumenti kollha dwar il-bastiment tal-Unjoni u l-attivitajiet tiegħu u kull informazzjoni li tinġabar.

Appendiċijiet għal dan l-Anness

Appendiċi 1 – Informazzjoni meħtieġa fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd

Appendiċi 2 – Il-format tal-messaġġ dwar il-pożizzjoni

Appendiċi 3 – L-użu tal-istandard UN/FLUX u tan-network EU/FLUX

Appendiċi 4 – Linji gwida dwar l-ingaġġ ta’ baħrin Mauritiusjani fuq il-bastimenti tal-Unjoni

Appendiċi 1 – Informazzjoni meħtieġa fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd

Kull applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sajd għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(1)Isem l-applikant

(2)L-indirizz tal-applikant

(3)L-isem tal-aġent f’Mauritius

(4)L-indirizz tal-aġent f’Mauritius

(5)Isem-il bastiment

(6)It-tip ta’ bastiment

(7)L-Istat tal-Bandiera

(8)Il-port tar-reġistrazzjoni

(9)In-numru tar-reġistrazzjoni

(10)Il-marki esterni tal-bastiment tas-sajd

(11)Is-sinjal tas-sejħa internazzjonali bir-radju

(12)Il-frekwenza tar-radju

(13)In-numru tat-telefown bis-satellita tal-bastiment

(14)L-indirizz elettroniku tal-bastiment

(15)In-numru tal-IMO (jekk ikun hemm)

(16)It-tul totali tal-bastiment

(17)Il-wisgħa tal-bastiment

(18)Il-mudell tal-magna

(19)Il-potenza tal-magna (f’kW)

(20)It-tunnellaġġ gross (GT)

(21)Persunal minimu

(22)Isem il-kaptan

(23)Il-kategorija tas-sajd

(24)L-ispeċijiet fil-mira

(25)Data mitluba għall-bidu tal-perjodu

(26)Data mitluba għat-tmiem tal-perjodu

Appendiċi 2

Format tal-messaġġ dwar il-pożizzjoni

KOMUNIKAZZJONI TAR-RAPPORT TAL-MESSAĠĠI DWAR IL-POŻIZZJONI

Element tad-Data

Kodiċi

Obbligatorju/Fakultattiv

Kontenut

Il-bidu tar-reġistrazzjoni

SR

M

Dettall tas-sistema — jindika l-bidu tar-reġistrazzjoni

Id-destinatarju

AD

M

Dettall tal-messaġġ — destinatarju. Il-kodiċi alfa-3 tal-pajjiż tal-ISO

Minn

FR

M

Dettall tal-messaġġ — speditur. Il-kodiċi alfa-3 tal-pajjiż tal-ISO

L-Istat tal-Bandiera

FS

M

Dettall tal-messaġġ — l-Istat tal-bandiera

Tip ta’ messaġġ

TM

M

Dettall tal-messaġġ – it-tip ta’ messaġġ [ENT, POS, EXI]

Is-sinjal tas-sejħa bir-radju

RC

M

Dettall tal-bastiment — sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju tal-bastiment

Numru ta’ referenza intern tal-Parti Kontraenti

IR

M

Dettall tal-bastiment — numru uniku tal-Parti Kontraenti (kodiċi ISO3 tal-Istat tal-bandiera segwit min-numru)

In-numru tar-reġistrazzjoni esterna

XR

M

Dettall tal-bastiment — in-numru mmarkat fuq il-ġenb tal-bastiment

Latitudni

LT

M

Dettall tal-pożizzjoni tal-bastiment – il-pożizzjoni fi gradi u minuti T/N JJXX (WGS84)

Lonġitudni

LG

M

Dettall tal-pożizzjoni tal-bastiment — il-pożizzjoni fi gradi u minuti E/W DDMM (WGS84)

Ir-rotta

CO

M

Rotta tal-bastiment fuq skala ta’ 360o

Veloċità

SP

M

Il-veloċità tal-bastiment f’wieħed minn kull għaxar mili nawtiċi

Data

DA

M

Dettall tal-pożizzjoni tal-bastiment — data tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni UTC (YYYYMMDD)

Ħin

TI

M

Dettall tal-pożizzjoni tal-bastiment — ħin tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni UTC (HHMM)

Tmiem ir-reġistrazzjoni

ER

M

Dettall tas-sistema — jindika tmiem ir-reġistrazzjoni

M = element tad-data obbligatorju

O = element tad-data fakultattiv



Appendiċi 3

Użu tal-istandard UN/FLUX u tan-network EU/FLUX

1.L-istandard UN/FLUX (United Nations Fisheries Language for Universal eXchange) u n-network ta’ skambju EU/FLUX jistgħu jintużaw għall-iskambju tal-pożizzjonijiet tal-bastimenti u tal-ġurnali ta’ abbord tas-sajd elettroniċi, meta jkunu kompletament operazzjonali.

2.Kull emenda għall-istandard UN/FLUX għandha tiġi implimentata f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kumitat Konġunt abbażi tad-dispożizzjonijiet tekniċi pprovduti mill-Kummissjoni Ewropea, fejn xieraq permezz ta’ skambju ta’ ittri.

3.Fejn ikun meħtieġ, l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tad-diversi skambji elettroniċi għandhom jiġu stabbiliti f’dokument ta’ implimentazzjoni mħejji mill-Kummissjoni Ewropea.

4.Jistgħu jintużaw miżuri tranżizzjonali sal-bidla għall-istandard UN/FLUX għal kull komponent (pożizzjonijiet, ġurnal ta’ abbord tas-sajd). L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jiddeterminaw il-perjodu meħtieġ għal din it-tranżizzjoni filwaqt li jqisu r-restrizzjonijiet tekniċi li jista’ jkun hemm. Huma għandhom jiddefinixxu l-perjodu ta’ prova meħtieġ qabel il-bidla għall-użu effettiv tal-istandard UN/FLUX. Ladarba dawn il-provi jitlestew b’suċċess, il-Partijiet għandhom, mill-aktar fis possibbli, jistabbilixxu d-data effettiva tal-applikazzjoni b’mod konġunt, fil-Kumitat Konġunt jew permezz ta’ skambju ta’ ittri.

Appendiċi 4

Linji gwida dwar l-ingaġġ ta’ baħrin Mauritiusjani fuq bastimenti tal-Unjoni

L-awtoritajiet ta’ Mauritius għandhom jiżguraw li l-baħrin Mauritiusjani ingaġġati bħala impjegati fuq bastimenti tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)il-baħrin għandu jkollhom tal-anqas 18-il sena;

(b)il-baħrin għandu jkollhom ċertifikat mediku validu maħruġ minn tabib ikkwalifikat kif suppost, li jikkonferma li jinsabu f’kundizzjoni medika tajba biex iwettqu dmirijiethom fuq il-baħar;

(c)il-baħrin għandhom ikunu ħadu l-vaċċini validi meħtieġa għall-finijiet ta’ prekawzjoni b’rabta mas-saħħa fir-reġjun;

(d)il-baħrin għandhom ikunu kkwalifikati skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara (il-Konvenzjoni STCW) li jiċċertifikaw, fost l-oħrajn, taħriġ bażiku ta’ sikurezza bħal:

it-tekniki ta’ sopravivenza personali u ta’ sikurezza personali;

il-prevenzjoni tan-nirien u t-tifi tan-nar;

l-ewwel għajnuna bażika, eċċ.;

(e)jenħtieġ li l-baħrin ikollhom il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa kif iċċertifikati mill-awtorità kompetenti rilevanti ta’ Mauritius biex joperaw fuq bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, b’mod partikolari fir-rigward tal-għarfien tal-perikli assoċjati mal-operazzjonijiet tas-sajd u l-għarfien fl-użu tat-tagħmir tas-sajd.