IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.8.2022
COM(2022) 403 final
2022/0239(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tirrigwarda d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra
Il-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jsaħħaħ ir-relazzjoni bilaterali bejn il-Partijiet, li jieħdu l-impenn li jkollhom djalogu komprensiv u li jippromwovu aktar il-kooperazzjoni ta’ bejniethom fis-setturi kollha ta’ interess reċiproku. Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2017.
2.2.Il-Kumitat Konġunt
L-Artikolu 56(1) tal-Ftehim jistabbilixxi l-Kumitat Konġunt li jinkludi rappreżentanti taż-żewġ Partijiet. L-Artikolu 56(1) jipprevedi li l-kompiti tiegħu jkunu li:
(a)jaċċerta ruħu mill-funzjonament xieraq u mill-implimentazzjoni tal-Ftehim;
(b)jistabbilixxi l-prijoritajiet fir-rigward tal-għanijiet tal-Ftehim;
(c)jagħmel rakkommandazzjonijiet għall-promozzjoni tal-għanijiet tal-Ftehim.
Skont l-Artikolu 56(2) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim. Id-deċiżjonijiet għandhom jiġu mfassla bi qbil bejn il-Partijiet, wara t-tlestija tal-proċeduri rispettivi interni meħtieġa biex tiġi stabbilita pożizzjoni dwar il-każ miż-żewġ partijiet. Id-deċiżjonijiet għandhom jorbtu lill-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jimplimentawhom.
Skont l-Artikolu 56(4), il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma speċjalizzati sabiex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Dawn il-gruppi ta’ ħidma għandhom jippreżentaw rapporti dettaljati dwar l-attivitajiet tagħhom lill-Kumitat Konġunt f’kull waħda mil-laqgħat tagħhom.
Skont l-Artikolu 1(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut alternattivament mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Mongolja u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għal perjodu ta’ sena kalendarja. Il-Presidenti jistgħu jiddelegaw l-awtorità tagħhom lil uffiċjal għoli biex jippresjedi fuq il-laqgħat kollha tal-Kumitat Konġunt jew fuq parti minnhom.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt
Matul ir-raba’ sessjoni tiegħu, jew jekk ikun xieraq, permezz ta’ proċedura bil-miktub minn qabel f’konformità mal-Artikolu 8(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, qed jiġi propost li l-Kumitat Konġunt jadotta deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, inkluż l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza ta’ dan il-Grupp ta’ Ħidma (“l-att previst”), f’konformità mal-Artikolu 56(4) tal-Ftehim u l-Artikolu 10(1)(2) tar-Regoli ta’ Proċedura.
L-għan tal-att previst huwa li jitwaqqaf grupp ta’ ħidma speċjalizzat dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp sabiex jassisti lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Dan il-grupp ta’ ħidma għandu jippreżenta rapporti dettaljati dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Kumitat Konġunt f’kull waħda mil-laqgħat tiegħu.
L-att previst se jsir vinkolanti fuq il-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 56(2) tal-Ftehim, li jipprevedi: “Il-Kumitat Konġunt, u s-Sottokumitat stabbilit fl-Artikolu 28, għandhom, għall-finijiet li jilħqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, ikollhom is-setgħa li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fih. Id-deċiżjonijiet għandhom jiġu mfassla bi qbil bejn il-Partijiet, wara t-tlestija tal-proċeduri rispettivi interni meħtieġa biex tiġi stabbilita pożizzjoni dwar il-każ miż-żewġ partijiet. Id-deċiżjonijiet għandhom jorbtu lill-Partijiet li għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iwettquhom.”
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-proposta li jiġi stabbilit Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u li jiġu adottati t-termini ta’ referenza tiegħu. Wara l-laqgħa tal-Kumitat Konġunt tat-3 ta’ Diċembru 2020, l-UE u l-Mongolja, fil-minuti maqbula, esprimew l-intenzjoni tagħhom li jaħdmu għall-istabbiliment ta’ tali grupp ta’ ħidma, ladarba l-proċeduri interni rispettivi għal dan il-għan ikunu tlestew.
Din il-proposta hija konformi mal-prinċipji tal-Ftehim, li skonthom għandhom jiġu promossi l-aspetti kollha tal-iżvilupp sostenibbli. Barra minn hekk, l-Artikolu 2 jipprevedi li l-Partijiet jimpenjaw ruħhom li jwettqu djalogu komprensiv u jippromwovu aktar il-kooperazzjoni ta’ bejniethom fis-setturi kollha ta’ interess reċiproku. Dan huwa wkoll konformi mal-għan iddikjarat tat-Trattat li jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
4.Bażi legali
4.1.Bażi legali proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw s-sede inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-UE”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, speċifikament il-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra.
L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta huwa att b’effetti legali. L-att previst għandu effetti legali peress li se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 56(2) tal-Ftehim u se jippermetti l-ħolqien ta’ Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp f’konformità mal-Artikolu 56(4) tal-Ftehim. L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi legali proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru, f’isem l-Unjoni, tittieħed pożizzjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun identifikabbli bħala ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst jirrigwardaw il-kooperazzjoni għall-iżvilupp. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 209 tat-TFUE.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 209 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2022/0239 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjon bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2270 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2017.
(2)Skont l-Artikolu 56(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt jista’ jwaqqaf gruppi ta’ ħidma speċjalizzati sabiex jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Dawn il-gruppi ta’ ħidma għandhom jippreżentaw rapporti dettaljati dwar l-attivitajiet tagħhom lill-Kumitat Konġunt f’kull waħda mil-laqgħat tagħhom.
(3)Kemm l-UE kif ukoll il-Mongolja esprimew interess fit-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp li għandu jservi biex jifformalizza u japprofondixxi l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet, u li għandu jagħti wkoll kontribut lill-Kumitat Konġunt.
(4)Il-Kumitat Konġunt, matul ir-raba’ sessjoni tiegħu, jew, jekk ikun xieraq, permezz ta’ proċedura bil-miktub minn qabel skont l-Artikolu 8(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, għandu jadotta deċiżjoni dwar il-ħolqien ta’ Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-adozzjoni tat-termini ta’ referenza tiegħu.
(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, peress li d-Deċiżjoni se tkun vinkolanti għall-Unjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-raba’ sessjoni tal-Kumitat Konġunt, jew, jekk ikun xieraq, permezz ta’ proċedura bil-miktub minn qabel, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kumitat Konġunt kif stabbilit fl-Anness mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
2. Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet żgħar fl-abbozz tal-att tal-Kumitat Konġunt mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.8.2022
COM(2022) 403 final
ANNESS
tal-
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp
ANNESS
Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja li tistabbilixxi l-grupp ta’ ħidma speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u li tadotta t-Termini ta’ Referenza tiegħu
IL-KUMITAT KONĠUNT UE-MONGOLJA,
Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 56(4) tiegħu, u l-Artikolu 10(1)(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt UE-Mongolja,
Billi:
(1)Sabiex jassisti lill-Kumitat Konġunt UE-Mongolja fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u biex f’dan ir-rigward jippermetti diskussjonijiet fil-livell tal-esperti dwar l-oqsma ewlenin li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim, jenħtieġ li jiġi stabbilit grupp ta’ ħidma speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.
(2)Skont l-Artikolu 8(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jadotta deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub, jekk iċ-ċirkustanzi jirrikjedu dan,
(3)Din id-Deċiżjoni għandha tiġi adottata sabiex il-grupp ta’ ħidma speċjalizzat jkun operattiv fil-ħin dovut.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu Uniku
Il-grupp ta’ ħidma speċjalizzat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp huwa b’dan stabbilit. It-Termini ta’ Referenza tal-grupp ta’ ħidma speċjalizzat, kif stabbiliti fl-Anness, huma adottati.
Magħmul fi ,
Għall-Kumitat Konġunt UE-Mongolja
Il-President
ANNESS
It-termini ta’ referenza tal-grupp ta’ ħidma speċjalizzat dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp stabbilit permezz tal-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Mongolja, min-naħa l-oħra.
Artikolu 1
Kompożizzjoni, president u objettiv
(1)Il-grupp ta’ ħidma speċjalizzat dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tal-Mongolja f’livell xieraq, u għandu jkun kopresedut minn rappreżentant tas-servizz tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat u minn rappreżentant tas-servizz tal-Mongolja inkarigat.
(2)L-objettiv ta’ dan il-grupp ta’ ħidma speċjalizzat huwa li jirrevedi u jiddiskuti l-portafoll tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp bejn l-UE u l-Mongolja, b’mod partikolari l-iżviluppi rilevanti fi proġetti u programmi kif ukoll kwistjonijiet u politiki settorjali marbutin ma’ oqsma prijoritarji tal-Programm Indikattiv Pluriennali għall-Mongolja.
Artikolu 2
Laqgħat
(1)Il-grupp ta’ ħidma speċjalizzat għandu jiltaqa’ ta’ kull sena, preferibbilment qabel il-laqgħa tal-Kumitat Konġunt. Il-laqgħat għandhom isiru, sakemm ma jkunx hemm qbil reċiproku mod ieħor, fil-Mongolja, f’data stabbilita bi ftehim reċiproku. Laqgħat addizzjonali tal-gruppi ta’ ħidma dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp jistgħu jsiru fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk.
(2)Jekk il-Partijiet jaqblu, il-laqgħat jistgħu jsiru permezz ta’ vidjokonferenza.
Artikolu 3
Delegazzjonijiet
(1)Iż-żewġ Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjoni tagħhom qabel kull laqgħa.
(2)Il-Kopresidenti, bi ftehim mal-Partijiet, jistgħu jistiednu esperti jew rappreżentanti ta’ korpi oħra għal-laqgħa biex jaġixxu bħala osservaturi jew biex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari. Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar it-termini u l-kundizzjonijiet li skonthom dawn l-osservaturi u r-rappreżentanti ta’ korpi oħra jistgħu jattendu l-laqgħat.
Artikolu 4
L-informazzjoni lill-pubbliku
(1)Il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp ma għandhomx ikunu pubbliċi, dment li ż-żewġ kopresidenti ma jiftiehmux mod ieħor. Meta Parti tissottometti informazzjoni mmarkata bħala kunfidenzjali lill-grupp ta’ ħidma dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-Parti l-oħra għandha tittratta din l-informazzjoni bħala tali.
(2)Il-grupp ta’ ħidma dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp jista’ joħroġ dikjarazzjonijiet u rapporti għall-pubbliku kif jidhirlu xieraq.
Artikolu 5
Segretarjat
Ir-rappreżentant tas-servizz tal-Kummissjoni Ewropea inkarigat u r-rappreżentant tas-servizz tal-Mongolja inkarigat għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala Segretarji tal-grupp ta’ ħidma dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp.
Artikolu 6
Aġendi tal-laqgħat
(1)L-abbozz tal-aġenda għandu jiġi diskuss u miftiehem b’mod konġunt miż-żewġ naħat mill-inqas tliet ġimgħat qabel id-data ta’ kull laqgħa.
(2)Il-verżjoni finali tal-aġenda għandha tiġi approvata mill-kopresidenti fil-bidu tal-laqgħa.
Artikolu 7
Minuti
(1)Għandu jkun hemm qbil dwar il-konklużjonijiet tal-laqgħat mill-kopresidenti. F’każ li l-ebda konklużjoni ma tkun tista’ tintlaħaq, in-nuqqas ta’ qbil għandu jiġi rrappurtat lill-Kumitat Konġunt.
(2)Il-kopresidenti (jew ir-rappreżentanti tagħhom) għandhom jippreżentaw il-konklużjonijiet ewlenin lill-Kumitat Konġunt.
(3)Is-Segretarji għandhom ifasslu b’mod konġunt l-abbozz tal-minuti, preferibbilment fi tmiem il-laqgħa u sa mhux aktar tard minn 30 jum kalendarju wara d-data tal-laqgħa.
(4)Wara qbil miż-żewġ partijiet, il-minuti għandhom jiġu approvati permezz ta’ proċedura bil-miktub.
Artikolu 8
Deċiżjonijiet
(1)Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, il-grupp ta’ ħidma dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandu jkollu s-setgħat li jieħu deċiżjonijiet bħala grupp ta’ ħidma speċjalizzat. Għandu jirrapporta lill-Kumitat Konġunt dwar l-attivitajiet tiegħu wara kull laqgħa, u jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.
(2)Id-deċiżjonijiet tal-grupp ta’ ħidma dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp għandu jkollhom it-titolu “Deċiżjoni ta’...” segwit bin-numru tas-serje, bid-data tal-adozzjoni tagħha u bid-deskrizzjoni tas-suġġett tagħha. Kull deċiżjoni għandha tistipula d-data li fiha tidħol fis-seħħ.
(3)Il-grupp ta’ ħidma speċjalizzat jista’ jadotta d-Deċiżjonijiet tiegħu bi proċedura bil-miktub, meta ċ-ċirkostanzi jirrikjedu dan.
(4)Id-Deċiżjonijiet tal-grupp ta’ ħidma speċjalizzat għandhom jiġu stabbiliti f’żewġ kopji awtentiċi, kull waħda ffirmata mill-President.
(5)Il-Partijiet jistgħu jippubblikaw id-deċiżjonijiet tal-grupp ta’ ħidma speċjalizzat fil-ġurnali uffiċjali rispettivi tagħhom.
Artikolu 9
Spejjeż
(1)Kull Parti għandha tassumi l-ispejjeż li tidħol għalihom fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħha fil-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma speċjalizzat, kemm fir-rigward tan-nefqa tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tal-għajxien kif ukoll fir-rigward tan-nefqa tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet. Kull Parti għandha tassumi l-ispejjeż konnessi mal-interpretazzjoni fil-laqgħat u mat-traduzzjoni.
(2)Il-Parti li tospita l-laqgħa għandha tħallas l-ispejjeż konnessi mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti.
Artikolu 10
Emenda tar-Regoli ta’ Proċedura
Dawn it-Termini ta’ Referenza jistgħu jiġu emendati permezz ta’ ftehim komuni bejn il-Partijiet. Skont l-Artikolu 10(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, il-Kumitat Konġunt jista’ wkoll jemenda t-termini ta’ referenza tal-grupp ta’ ħidma speċjalizzat.