IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.8.2022
COM(2022) 397 final
2022/0237(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, rigward l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim ŻEE
Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fis-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Huwa jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, li kollettivament huma magħrufa bħala politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti fil-Ftehim.
2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu b’kunsens u huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE fuq in-naħa tal-UE hija tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea.
2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mistenni jadotta żewġ Deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (“l-att previst”) dwar l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE.
L-għan tal-att previst huwa li jinkorpora d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju fil-Ftehim ŻEE.
L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.
3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni
Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Ladarba tiġi adottata, jenħtieġ li l-pożizzjoni tiġi ppreżentata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mal-ewwel opportunità.
Id-Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tintroduċi drittijiet ta’ parteċipazzjoni għall-Istati taż-ŻEE-EFTA fil-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju, grupp konsultattiv ta’ livell għoli mfassal biex jassisti lill-Kummissjoni Ewropea fl-iżvilupp ta’ politika dwar l-ispettru tar-radju, li tmur lil hinn minn dak li jista’ jitqies bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’ isem l-Unjoni f’ sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll strumenti mingħajr effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta, jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 f’dak li jirrigwarda l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE flimkien mal-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 tiddependi primarjament fuq il-bażi ġuridika sostantiva tal-att legali tal-UE li jrid jiġi inkorporat fil-Ftehim ŻEE.
Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-komunikazzjoni elettronika, mas-servizzi awdjoviżivi u mas-soċjetà tal-informazzjoni (approssimazzjoni tal-liġijiet). Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea..
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 114 TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE u l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
5.Pubblikazzjoni tal-att previst
Billi l-atti tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemendaw l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) u l-Protokoll 37 (Li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.
2022/0237 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, rigward l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.
(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE.
(3)Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.
(4)L-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.
(5)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stipulat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika) u tal-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozzi ta’ deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.8.2022
COM(2022) 397 final
ANNESS
tal-
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward l-emenda tal-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżwali u soċjetà tal-informatika) u l-Protokoll 37 (Li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) għall-Ftehim ŻEE
ANNESS
DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru [...]
ta’ [...]
li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informatika) u l-Protokoll 37 (li fih il-lista prevista fl-Artikolu 101) tal-Ftehim ŻEE
IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,
Billi:
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 li tistabbilixxi l-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/622/KE għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE, li hija inkorporata fil-Ftehim ŻEE u li konsegwentement għandha titħassar skont il-Ftehim ŻEE.
Għalhekk, jenħtieġ li l-Anness XI u l-Protokoll 37 tal-Ftehim ŻEE jiġu emendati skont dan,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
It-test tal-punt 5ch (id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE) tal-Anness XI tal-Ftehim ŻEE huwa sostitwit b’dan li ġej:
‘32019 D 0612(01): Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 li twaqqaf il-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2002/622/KE (ĠU C 196, 12.6.2019, p. 16).
Il-modalitajiet għall-assoċjazzjoni tal-Istati tal-EFTA skont l-Artikolu 101 ta’ dan il-Ftehim:
L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Grupp għall-Politika dwar l-Ispettru tar-Radju u fi ħdanu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-Istati Membri tal-UE, ħlief għad-dritt tal-vot.”
Artikolu 2
Fil-punt 16 tal-Protokoll 37, il-kliem “id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/622/KE” jinbidel bil-kliem “id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-11 ta’ Ġunju 2019”.
Artikolu 3
It-test tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2019 fil-lingwa Islandiża u dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, ikunu awtentiċi.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi[…], bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.
Magħmul fi Brussell, […].
Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
Il-President
[…]
Is-Segretarji
Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
[…]