Brussell, 3.8.2022

COM(2022) 381 final

2022/0232(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 1108/70 tal-Kunsill li jintroduċi sistema ta’ kontabilità dwar l-infiq fuq l-infrastruttura fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 851/2006 li jispeċifika l-entrati li għandhom jiġu inklużi taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Din il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 u r-Regolament (KE) Nru 851/2006 hija ppreżentata fil-kuntest tal-programm REFIT tal-Kummissjoni 1 u tal-impenn tagħha għal regolamentazzjoni aħjar. L-objettiv huwa li jiġi żgurat qafas leġiżlattiv li huwa adattat għall-iskop u ta’ kwalità għolja, kif imsemmi fil-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 2 . Għal dak il-għan, il-Kummissjoni identifikat dawn l-atti li ma għadhomx validi li l-Kummissjoni qiegħda tipproponi li jitħassru.

Il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 fil-programm ta’ ħidma tagħha għall-2020 3 . Abbażi tal-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ex Artikolu 71 TEC u ex Artikolu 75 TEEC), ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 jirrikjedi l-ġbir ta’ data dwar l-infiq fuq l-infrastruttura għall-ferroviji, it-toroq u l-passaġġi fuq l-ilma interni, kif ukoll il-ġbir ta’ statistika dwar l-użu tal-infrastruttura korrispondenti. L-objettiv ewlieni tar-Regolament kien li tinġabar informazzjoni dwar l-infiq fuq l-infrastruttura tat-trasport u l-użu tal-infrastruttura tat-trasport (“prospetti”) fl-Istati Membri għall-iżvilupp ta’ sistema ta’ ħlas għall-użu tal-infrastruttura skont il-politika komuni tat-trasport.

Minħabba d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom l-Istati Membri fir-rapportar tad-data mitluba, ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 ġie emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1384/79 4 . Dan ir-Regolament introduċa simplifikazzjonijiet u korrezzjonijiet, bil-għan li r-rekwiżiti tad-data jsiru anqas stretti. Saru erba’ emendi oħrajn għar-Regolament (KEE) Nru 1108/70 5 wara l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda.

Barra minn hekk, ir-Regolament (KEE) Nru 2598/70 6 , kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2116/78 7 , ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 906/2004, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 851/2006 8 , ipprovda definizzjonijiet ta’ xi entrati li għandhom jiġu inklużi taħt id-diversi intestaturi tal-kontijiet stabbiliti bir-Regolament (KEE) Nru 1108/70.

F’konformità mal-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KEE) Nru 1108/70, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport ta’ sintesi lill-Kunsill kull sena, bl-istatistika ewlenija dwar l-infiq fuq l-infrastruttura tat-trasport u l-użu tagħha. Sal-lum, il-Kummissjoni ppreżentat 15-il rapport. Il-15-il rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-infiq fuq l-infrastruttura ferrovjarja, tat-toroq u tal-passaġġi fuq l-ilma interni u dwar l-użu tagħhom, li jkopri data mill-1987 sal-1989, ġie ppubblikat fl-1994 9 . Minkejja tfakkiriet ripetuti, diversi Stati Membri naqsu milli jipprovdu d-data kollha għas-snin taħt rieżami jew ma pprovdewx id-data fil-forma meħtieġa mir-Regolament. Dan dgħajjef ir-regolarità tal-pubblikazzjonijiet u fisser li l-aggregati tal-UE ma setgħux jiġu kkalkolati.

Il-Kummissjoni ma ħejjiet l-ebda rapport ġdid mill-1998, l-aktar minħabba li ftit li xejn irċeviet data mill-Istati Membri u d-data li rċeviet kienet fil-biċċa l-kbira mhux kompluta. Mill-2005, erba’ Stati Membri biss irrapportaw data dwar l-investiment fl-infrastruttura lill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KEE) Nru 1108/70.

Barra minn hekk, id-definizzjonijiet u l-klassifikazzjonijiet użati fir-Regolament ma baqgħux validi. L-aktar eżempji ċari huma t-Taqsimiet A.1 u A.2 tal-Anness II għar-Regolament, li jelenkaw l-operaturi ferrovjarji kollha fl-Ewropa li għalihom l-Istati Membri għandhom jiġbru l-infiq rispettiv fuq l-infrastruttura, filwaqt li jinjoraw il-proċess tal-ftuħ tas-suq tas-settur ferrovjarju introdott mid-diversi pakketti ferrovjarji u t-tibdil fil-governanza, b’mod partikolari s-separazzjoni bejn il-maniġers tal-infrastruttura u l-kumpaniji ferrovjarji li seħħet għal xi wħud mill-kumpaniji msemmija fl-Anness. Lanqas ma huwa rrakkomandat li jiġu elenkati f’att leġiżlattiv l-ismijiet tal-kumpaniji tal-operaturi ferrovjarji, peress li dawn jistgħu jinbidlu maż-żmien minħabba r-riorganizzazzjonijiet u b’hekk l-Anness ma jibqax validu fi żmien qasir.

Barra minn hekk, ħafna kunċetti u klassifikazzjonijiet huma skaduti (eż. ferroviji tal-passiġġieri kklassifikati bħala “ferroviji express u ferroviji express fuq distanzi twal” u “oħrajn”; ferroviji tal-merkanzija kklassifikati bħala “servizz rapidu” u “servizz ordinarju”; “kilometri maħduma” li normalment jissejħu sempliċement “kilometri”) u li ma għandhomx definizzjoni xierqa. Oħrajn huma inkompatibbli mal-klassifikazzjonijiet attwali. Pereżempju, ir-Regolament jitlob indikaturi għall-kategorija “vannijiet b’permess ta’ piż totali mgħobbi ta’ anqas minn 3 tunnellati metriċi”, filwaqt li l-leġiżlazzjoni attwali - ir-Regolamenti (KE) Nru 1071/2009 10 u (KE) Nru 1072/2009 11 - hija indirizzata lejn vetturi ħfief ta’ użu ġenerali b’piż mgħobbi massimu permissibbli ta’ bejn 2,5 u 3,5 tunnellata).

2.Riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-valutazzjoni interna

2.1. Konsultazzjoni

Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni mmirata tal-istituti nazzjonali tal-istatistika dwar id-diffikultajiet esperjenzati mill-Istati Membri sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti mir-Regolament (KEE) Nru 1108/70. Il-konklużjoni ewlenija tal-konsultazzjoni kienet li d-data dwar l-infiq fuq l-infrastruttura tat-trasport kienet ġeneralment disponibbli fil-livell ministerjali, għalkemm mhux fil-livell ta’ dettall meħtieġ mil-leġiżlazzjoni. L-istatistika dwar it-traffiku relatata mal-użu tal-infrastruttura tat-trasport (“prospetti”) kienet anqas disponibbli. Din l-informazzjoni tinġabar b’mod ġenerali mill-istituti nazzjonali tal-istatistika, skont regolamenti settorjali differenti dwar l-istatistika (ir-Regolament (UE) Nru 70/2012 dwar prospetti tal-istatistika rigward it-trasport ta’ merkanzija bit-triq 12 , ir-Regolament (UE) 2018/974 dwar statistika ta’ trasport ta’ merkanzija minn passaġġi fuq l-ilma interni 13 , u r-Regolament (UE) 2018/643 dwar l-istatistika tat-trasport bil-ferrovija 14 ). Madankollu, id-diżaggregazzjoni meħtieġa mir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 fil-biċċa l-kbira ma huwiex disponibbli.

Abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-15-il rapport u mill-konsultazzjoni tal-istituti nazzjonali tal-istatistika, id-dipartiment rilevanti tal-Kummissjoni vvaluta r-Regolament (KEE) Nru 1108/70 f’termini tal-effettività u l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud tal-UE tiegħu.

L-effettività u l-effiċjenza: Minħabba l-livelli baxxi ta’ rapportar meħtieġa, u d-diffikultajiet tekniċi fil-ġbir tad-data, ir-Regolament jibqa’ eżerċizzju ta’ ġbir tad-data ta’ piż eċċessiv għall-Istati Membri aktar milli eżerċizzju effettiv u effiċjenti.

Koerenza: Ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 jikkoinċidi parzjalment ma’ regoli oħrajn, aktar reċenti, dwar il-ġbir tad-data li huma fis-seħħ bħalissa. Fir-rigward tad-data dwar l-infiq fuq l-infrastruttura, l-aktar koinċidenza ċara hija mal-ġbir tad-data skont ir-Regolament TEN-T (ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013) 15 , li jiġbor ammont sostanzjali ta’ informazzjoni teknika u finanzjarja dwar in-networks ewlenin u komprensivi tat-TEN-T. L-Istħarriġ dwar il-Monitoraġġ tas-Suq Ferrovjarju, ibbażat fuq ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1100 16 , jiġbor ukoll informazzjoni dwar il-ferroviji fl-Ewropa, inkluż dwar l-infiq fuq l-infrastruttura ferrovjarja għall-manutenzjoni, it-tiġdid, it-titjib u infrastruttura ġdida. Fir-rigward tad-data dwar l-użu tal-infrastruttura, il-Eurostat jiġbor statistika varja dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq, it-trasport bil-ferrovija u t-trasport fuq il-passaġġi fuq l-ilma interni li jikkoinċidu parzjalment mal-indikaturi tat-traffiku tar-Regolament (KEE) Nru 1108/70. Il-Forum Internazzjonali tat-Trasport (ITF/OECD) ġabar b’mod regolari informazzjoni dwar l-infrastruttura u l-manutenzjoni tat-trasport mill-membri tiegħu mill-1995, u ppubblika ċifri tal-infiq għat-toroq (ipprovda wkoll data separata għall-awtostradi), il-ferroviji, il-passaġġi fuq l-ilma interni, il-portijiet marittimi u l-ajruporti. Għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 huwa inkonsistenti u inkompatibbli ma’ dawn l-atti legali aktar reċenti li jobbligaw lill-Istati Membri jirrapportaw dwar id-data dwar l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport.

Ir-rilevanza: Ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 ġie abbozzat fi żmien meta t-tliet modalitajiet tat-trasport interni kellhom l-akbar rwol fil-politika tat-trasport għad-disa’ Stati Membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea. It-trasport intern għadu l-aktar mod rilevanti tat-trasport fl-Ewropa, iżda l-proċess tal-globalizzazzjoni u ż-żieda fl-aċċessibbiltà u l-konnettività tal-avjazzjoni jpoġġu enfasi addizzjonali fuq l-infiq fuq l-infrastruttura għall-portijiet marittimi u l-avjazzjoni, u dan ma huwiex kopert mir-Regolament.

Il-valur miżjud tal-UE: Hemm valur miżjud ċar fl-eżistenza ta’ sors uniku ta’ data għall-infiq fuq l-infrastruttura tat-trasport fil-livell Ewropew (li bħalissa huwa nieqes) aktar milli fil-ksib ta’ din l-informazzjoni minn kull Stat Membru separatament. Madankollu, minħabba l-livell baxx ta’ dettall meħtieġ u d-diffikultajiet tekniċi fil-ġbir tad-data, erba’ Stati Membri biss kienu qegħdin jirrapportaw din l-informazzjoni. L-informazzjoni rċevuta ma tintuża għall-ebda inizjattiva ta’ politika jew analiżi teknika.

Bħala konklużjoni, ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 ma għadux validu u d-data li kienet tinġabar skont ir-Regolament jew saret disponibbli minn sorsi oħrajn jew ma għadhiex meħtieġa fil-forma u l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa skont ir-Regolament. Għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 għandu jitħassar. Dan se jelimina l-inkonsistenzi fl-ordni ġuridiku tal-UE u se jgħin sabiex tiġi ssimplifikata l-leġiżlazzjoni tal-UE billi jiġi eliminat att legali li ma għadux validu.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 851/2006 li jispeċifika l-entrati li għandhom jiġu inklużi taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70 għandu jitħassar ukoll.

2.2. Impatti tat-tħassir

Abbażi tal-analiżi tal-informazzjoni miġbura mill-15-il rapport u tad-data pprovduta mill-2015 minn erba’ Stati Membri biss, l-impatt ta’ tħassir tar-Regolament jitqies bħala negliġibbli.

Għall-erba’ Stati Membri li bħalissa jirrapportaw id-data, se jitnaqqas il-piż amministrattiv.

3.Elementi ġuridiċi tal-proposta

Il-proposta tikkonsisti fi tħassir tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 851/2006.

2022/0232 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 1108/70 tal-Kunsill li jintroduċi sistema ta’ kontabilità dwar l-infiq fuq l-infrastruttura fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 851/2006 li jispeċifika l-entrati li għandhom jiġu inklużi taħt id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, l-Artikolu 91 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 17 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 18 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea kkonfermaw l-impenn konġunt tagħhom sabiex jaġġornaw u jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 19 .

(2)Sabiex jitnaddaf u jitnaqqas il-volum tal-acquis leġiżlattiv, huwa xieraq li dan jiġi analizzat b’mod regolari u li tiġi identifikata l-leġiżlazzjoni li ma għadhiex valida. It-tħassir tal-leġiżlazzjoni li ma għadhiex valida huwa utli għaż-żamma tal-qafas leġiżlattiv trasparenti, ċar u faċli sabiex jintuża mill-Istati Membri u mill-partijiet ikkonċernati rilevanti.

(3)Ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 tal-Kunsill 20 jirrikjedi li l-Istati Membri jirrapportaw dwar l-infiq fuq l-infrastruttura għat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni, kif ukoll dwar il-prospetti relatati mal-użu tal-infrastruttura.

(4)Ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 huwa bbażat fuq dispożizzjonijiet u definizzjonijiet li ma għadhomx validi u huwa inkonsistenti u inkompatibbli ma’ atti legali aktar reċenti oħrajn li bħalissa huma fis-seħħ li jobbligaw lill-Istati Membri jirrapportaw dwar id-data dwar l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport u l-użu tal-infrastruttura.

(5)Ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 huwa marbut ma’ diffikultajiet amministrattivi eċċessivi fil-ġbir tad-data. Mill-2005, erba’ Stati Membri biss ipprovdew id-data meħtieġa mir-Regolament.

(6)Għalhekk, ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 jenħtieġ li jitħassar sabiex jiġu eliminati l-inkonsistenzi fl-ordni ġuridiku tal-Unjoni u dan jenħtieġ li jikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE billi jiġi eliminat att legali li issa ma għadux validu.

(7)Peress li r-Regolament (KE) Nru 851/2006 21 jimplimenta r-Regolament (KEE) Nru 1108/70, l-għan tiegħu jiskadi bit-tħassir tar-Regolament (KEE) Nru 1108/70. Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 851/2006 jenħtieġ li jitħassar ukoll.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolamenti (KEE) Nru 1108/70 u (KE) Nru 851/2006 huma mħassra.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)     https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/evaluating-and-improving-existing-laws/refit-making-eu-law-simpler-less-costly-and-future-proof_mt
(2)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(3)

   COM(2020) 37 final - ANNESS 5.

(4)    ĠU L 167, 5.7.1979, p. 1.
(5)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3021/81, ĠU L 302, 23.10.1981, p. 8; ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3572/90, ĠU L 353, 17.12.1990, p. 12; ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1; u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 517/2013, ĠU L 158, 10.6.2013, p. 1.
(6)    ĠU L 278, 23.12.1970, p. 1.
(7)    ĠU L 246, 8.9.1978, p. 7.
(8)    ĠU L 158, 10.6.2006, p. 3.
(9)    COM(94) 47.
(10)    ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51.
(11)    ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72.
(12)    ĠU L 32, 3.2.2012, p. 1.
(13)    ĠU L 179, 16.7.2018, p. 14.
(14)    ĠU L 112, 2.5.2018, p. 1.
(15)    ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1.
(16)    ĠU L 181, 9.7.2015, p. 1.
(17)    ĠU C , , p. .
(18)    ĠU C , , p. .
(19)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(20)    Ir-Regolament (KEE) Nru 1108/70 tal-Kunsill tal-4 ta’ Ġunju 1970 li jintroduċi sistema ta’ kontabilità dwar l-infiq fuq l-infrastruttura fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 130, 15.6.1970, p. 4).
(21)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 851/2006 tad-9 ta’ Ġunju 2006 li jispeċifika l-entrati li jridu jiġu inklużi taħt  id-diversi intestaturi fil-formoli tal-kontijiet murija fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1108/70  (ĠU L 158, 10.6.2006, p. 3).