Brussell, 19.7.2022

COM(2022) 359 final

2022/0226(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-għan tal-proposta mehmuża għal Regolament huwa s-sospensjoni temporanja tad-dazji tat-tariffi doganali komuni msemmija fl-Artikolu 56(2), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 fuq oġġetti użati għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu li bħalissa huma kklassifikati taħt is-subintestaturi 2814 10 u 3102 10 tan-Nomenklatura Magħquda (NM).

Is-suq tal-Unjoni Ewropea (UE) għal ċerti inputs ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu jiddependi b’mod konsiderevoli fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Fl-2021, l-UE importat 2,9 miljun tunnellata ta’ ammonijaka u 4,7 miljun tunnellata ta’ urea biex tipproduċi fertilizzanti tan-nitroġenu. Il-prezzijiet għal dawk il-prodotti żdiedu sostanzjalment fl-2021 u komplew jogħlew wara l-invażjoni Russa tal-Ukrajna.

Sabiex jittaffew l-ispejjeż għall-produtturi tal-fertilizzanti tal-UE, u b’hekk jitnaqqsu l-kostijiet għall-bdiewa tal-UE u jingħata kontribut għall-provvista xierqa ta’ ikel prodott fl-UE, huwa xieraq li jittieħdu l-miżuri temporanji ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ ta’ din il-proposta. Sabiex tiżdied l-istabbiltà tal-provvista, huwa xieraq ukoll li jitwessa’ l-ambitu ġeografiku ta’ oriġini mhux preferenzjali, attwalment ikkonċentrat fuq ir-Russja, biex jinkludi pajjiżi oħra. Fil-fatt, u b’mod partikolari fi żmien ta’ skarsezza fis-swieq internazzjonali ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu, l-eżistenza ta’ tariffi fuq l-importazzjoni fl-UE ta’ inputs intermedji bħall-ammonijaka u l-urea tikkostitwixxi diżinċentiv għall-provvista tas-suq tal-UE meta mqabbla ma’ swieq dinjija oħra li ma għandhomx tariffi ta’ importazzjoni bħal dawn. Meta jitqies li l-prodotti nnegozjati f’din il-kategorija huma primarjament komoditajiet, din id-differenza fit-tariffi xxekkel l-isforzi għad-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet tal-UE.

Barra minn hekk, fil-Komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Marzu 2022 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “Is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel”, il-Kummissjoni tinnota li diġà qabel l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, is-swieq tal-prodotti bażiċi kienu xhieda ta’ żieda sinifikanti fil-prezzijiet, li s-swieq agrikoli ħassew permezz taż-żidiet fil-kostijiet tal-enerġija u tal-fertilizzanti, u żieda konsegwenti fil-prezzijiet tal-prodotti agrikoli. L-invażjoni tal-Ukrajna u żieda globali fil-prezzijiet tal-komoditajiet komplew jgħollu l-prezzijiet fis-swieq tal-prodotti agrikoli u qed jesponu l-vulnerabbiltajiet tas-sistema tal-ikel tal-Unjoni li tiddependi parzjalment fuq l-importazzjonijiet tal-fertilizzanti. Il-Komunikazzjoni tenfasizza li, fuq perjodu qasir ta’ żmien, il-kost u d-disponibbiltà tal-fertilizzanti minerali jridu jkunu prijorità, sakemm issir it-tranżizzjoni lejn l-użu ta’ tipi sostenibbli ta’ fertilizzanti jew metodi ta’ fertilizzanti. Matul dak il-perjodu, l-industrija tal-fertilizzanti fl-UE trid tkun tista’ taċċessa l-importazzjonijiet meħtieġa, inklużi inputs għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti fi ħdan l-UE nnifisha.

Mit-tliet tipi ewlenin ta’ fertilizzanti użati mill-bdiewa, il-fertilizzant ibbażat fuq in-nitroġenu huwa dak soġġett għad-dazji tat-tariffi doganali komuni applikabbli għal inputs intermedji li huma essenzjali għall-produzzjoni tiegħu, għall-kuntrarju tal-potassa u l-fosforu, fejn l-inputs ewlenin huma diġà soġġetti għal rata ta’ tariffa doganali komuni ta’ dazju żero. Il-fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu huma wkoll l-aktar tip wiesa’ ta’ fertilizzanti kkunsmati fl-UE, kif ukoll dak fejn il-prezzijiet żdiedu l-aktar mill-2021. Għalhekk, il-miżuri proposti jiffukaw fuq l-inputs għall-fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Bħalissa, il-pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali mingħajr dazju għas-suq tal-Unjoni skont il-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles huma l-fornituri ewlenin ta’ dawn il-prodotti għas-suq tal-UE. Madankollu, l-UE timporta volum kbir ta’ inputs għall-fertilizzanti tan-nitroġenu li joriġinaw f’pajjiżi soġġetti għat-Tariffa Doganali Komuni, b’rati tariffarji li bħalissa jvarjaw bejn il-5,5 u s-6,5 %. Sabiex tiżdied l-istabbiltà tal-provvista, huwa xieraq li jitwessa’ temporanjament l-ambitu ġeografiku tal-pajjiżi fornituri lil hinn minn dawk li jibbenefikaw minn ftehim ta’ kummerċ ħieles, peress li l-provvista bħalissa hija kkonċentrata f’għadd relattivament żgħir ta’ fornituri preferenzjali. Madankollu, għall-kuntrarju tal-aċċess permezz ta’ ftehimiet kummerċjali preferenzjali, il-miżuri proposti għas-sospensjonijiet tariffarji skont din il-proposta huma temporanji.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jinsabu f’din il-proposta għandhom l-għan li jiżguraw li s-sospensjoni temporanja tat-tariffa doganali komuni tal-Unjoni titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE u li oqsma differenti ta’ azzjoni esterna tal-Unjoni, kif ukoll l-azzjoni esterna tagħha u politiki oħra tal-Unjoni, ikunu konsistenti flimkien. Huwa għalhekk xieraq li l-prodotti li joriġinaw mir-Russja u l-Belarussja jiġu esklużi mit-tnaqqis tat-tariffi, f’konformità mal-miżuri restrittivi meħuda mill-Unjoni kontra dawn il-pajjiżi wara l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika ta' din il-proposta għal regolament hi l-Artikolu 31 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-prinċipju ta' sussidjarjetà ma japplikax, peress li l-proposta taqa' taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità peress li tibbilanċja l-interess kummerċjali tal-operaturi ekonomiċi (il-produtturi tal-fertilizzanti tan-nitroġenu u l-konsumaturi). Il-proposta tipprevedi s-sospensjoni tad-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni biss għal-linji tariffarji tal-inputs tal-fertilizzanti li għalihom id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet hija l-ogħla, u fejn iż-żidiet fil-prezzijiet kienu l-aktar estremi. Barra minn hekk, is-sospensjoni se tapplika għal perjodu temporanju biss. Is-sospensjoni ma tillimitax id-drittijiet fundamentali ta’ ħadd; għall-kuntrarju, din tneħħi temporanjament obbligu ta’ ħlas ta’ dazju.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija konformi mal-Artikolu 207(2) tat-TFUE, li jipprevedi miżuri ta’ politika kummerċjali komuni. Bis-saħħa tal-Artikolu 31 tat-TFUE, il-Kunsill jistabbilixxi d-dazji tat-Tariffa Doganali Komuni, filwaqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq il-bażi ta’ proposta tal-Kummissjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post / verifiki tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Fid-dawl taż-żieda sinifikanti u f’daqqa fil-prezzijiet tal-inputs mill-produzzjoni tal-fertilizzanti tan-nitroġenu, aggravata mis-sitwazzjoni ta’ emerġenza li – it-tieni l-akbar fornitur ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu lill-UE – l-invażjoni Russa tal-Ukrajna fis-suq tal-fertilizzanti pprovokat fis-suq tal-fertilizzanti, huwa importanti li r-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun sabiex titrawwem id-diversifikazzjoni tal-provvisti għall-inputs meħtieġa għall-produzzjoni tal-fertilizzanti, u tnaqqis fil-kostijiet tal-produzzjoni, qabel l-istaġun tat-tħawwil / taż-żrigħ li jmiss fil-ħarifa tal-2022. Għalhekk, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt għall-miżura inkwistjoni. Madankollu, huwa mistenni li l-miżura proposta tbiddel il-profil tal-fornituri tal-inputs tal-fertilizzanti tan-nitroġenu fl-UE u tgħin biex tiddiversifika lil hinn mir-Russja.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-miżura ma żżidx il-piż regolatorju tal-kumpaniji.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa, iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul. Id-dazji doganali mhux miġbura li jikkorrispondu għas-sospensjoni jammontaw għal madwar EUR 15-il miljun fis-sena meta l-miżura tkun ta’ applikazzjoni għal sena sħiħa. Id-durata tal-miżura huwa perjodu ta’ ftit aktar minn sentejn, sa tmiem l-2024.

L-effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-baġit huwa ta’ EUR 11,25 miljun (jiġifieri 75 % tat-total). Ir-rapport finanzjarju leġiżlattiv jistabbilixxi l-implikazzjonijiet baġitarji tal-proposta f’aktar dettall.

It-telf ta’ dħul f’riżorsi proprji tradizzjonali se jiġi kkumpensat mill-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet tar-riżorsi.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Ir-rappurtar online dwar l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet tal-UE tal-inputs għall-fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu huwa disponibbli permezz ta’ siti web apposta tal-Kummissjoni Ewropea (Eurostat).

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Fid-dawl tas-sitwazzjoni straordinarja fis-suq tal-Unjoni għall-fertilizzanti, il-miżura għandha l-għan li żżid il-flussi kummerċjali, u trawwem id-diversifikazzjoni, fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ inputs għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti bbażati fuq in-nitroġenu billi tissospendi temporanjament id-dazji tal-importazzjoni applikati għal dawn il-prodotti.

2022/0226 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni tad-Dwana

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-propostatal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Is-suq tal-Unjoni Ewropea (UE) għal ċerti inputs ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu jiddependi b’mod konsiderevoli fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Fl-2021, l-UE importat 2,9 miljun tunnellata ta’ ammonijaka u 4,7 miljun tunnellata ta’ urea biex tipproduċi fertilizzanti tan-nitroġenu. Il-prezzijiet għal dawk il-prodotti żdiedu sostanzjalment fl-2021 u komplew jogħlew matul is-sena kurrenti.

(2)Bħalissa, parti sinifikanti minn dawn l-inputs għall-fertilizzanti tan-nitroġenu hija importata fl-Unjoni minn pajjiżi terzi li jibbenefikaw minn aċċess preferenzjali għas-suq tal-Unjoni, u għalhekk l-importazzjonijiet huma ħielsa mid-dazju. Minkejja dan, l-UE timporta volum kbir ta’ inputs għall-fertilizzanti tan-nitroġenu li joriġinaw f’pajjiżi soġġetti għat-Tariffa Doganali Komuni, b’rati tariffarji li bħalissa jvarjaw bejn il-5,5 u s-6,5 %.

(3)Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-23 ta’ Marzu 2022 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar “Is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel”, il-Kummissjoni tinnota li diġà qabel l-invażjoni Russa tal-Ukrajna, is-swieq tal-prodotti bażiċi kienu xhieda ta’ żieda sinifikanti fil-prezzijiet, li s-swieq agrikoli ħassew permezz taż-żidiet fil-kostijiet tal-enerġija u tal-fertilizzanti, u żieda konsegwenti fil-prezzijiet agrikoli. Il-Kummissjoni tinnota li l-invażjoni tal-Ukrajna u żieda globali fil-prezzijiet tal-komoditajiet komplew jgħollu l-prezzijiet fis-swieq tal-prodotti agrikoli u qed jesponu l-vulnerabbiltajiet tas-sistema tal-ikel tal-Unjoni li tiddependi parzjalment fuq l-importazzjonijiet tal-fertilizzanti. Dan iżid il-kostijiet għall-produtturi u jaffettwa l-prezz tal-ikel, iqajjem tħassib fir-rigward tal-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi, u l-introjtu tal-bdiewa tal-UE.

(4)Il-Komunikazzjoni tenfasizza li, fuq perjodu qasir ta’ żmien, il-kost u d-disponibbiltà tal-fertilizzanti minerali jridu jkunu prijorità, sakemm issir it-tranżizzjoni lejn l-użu ta’ tipi sostenibbli ta’ fertilizzanti jew metodi ta’ fertilizzanti. Matul dak il-perjodu, l-industrija tal-fertilizzanti fl-UE trid tkun tista’ taċċessa l-importazzjonijiet meħtieġa, inklużi inputs għall-produzzjoni ta’ fertilizzanti fi ħdan l-UE nnifisha. Il-Komunikazzjoni tenfasizza wkoll li l-prezzijiet u l-provvisti tal-fertilizzanti għall-bdiewa se jiġu mmonitorjati biex jiġi żgurat li l-prospetti għall-ħsad tal-UE ma jiġux ipperikolati.

(5)Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, huwa xieraq li tittieħed azzjoni biex jitnaqqsu l-kostijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-produtturi tal-fertilizzanti tal-UE meta jimportaw l-inputs meħtieġa għall-produzzjoni tal-fertilizzanti tan-nitroġenu.

(6)Barra minn dan, fi żmien ta’ skarsezza fis-swieq internazzjonali ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu, it-tariffi fuq l-importazzjoni fl-UE ta’ inputs intermedji bħall-ammonijaka u l-urea jikkostitwixxu diżinċentiv għall-provvista tas-suq tal-UE meta mqabbla ma’ swieq dinjija oħra li ma għandhomx tariffi ta’ importazzjoni. Din id-differenza fit-tariffi xxekkel ukoll l-isforzi għad-diversifikazzjoni tal-importazzjonijiet tal-UE.

(7)Huwa għalhekk xieraq li d-dazji tar-rati tat-Tariffa Doganali Komuni msemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 56(2) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 għal ċerti inputs ta’ fertilizzanti tan-nitroġenu jiġu sospiżi temporanjament. Il-miżura temporanja tapplika għall-perjodu ta’ żmien li għalih it-tfixkil fil-prezzijiet fis-swieq tal-enerġija u tal-fertilizzanti tan-nitroġenu huwa mistenni li jibqa’ jeżisti, li huwa mistenni li jdum sa tmiem l-2024.

(8)Fl-istess ħin, f’konformità mal-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha kif ukoll bejn l-azzjoni esterna tagħha u politiki oħra tal-Unjoni.

(9)Is-sitwazzjoni fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-Federazzjoni Russa żviluppat b’mod negattiv ħafna matul dawn l-aħħar snin, b’deterjorament partikolari matul dawn l-aħħar xhur f’termini tan-nuqqas ta’ rispett min-naħa tal-Federazzjoni Russa għad-dritt internazzjonali u b’mod partikolari l-invażjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tagħha tal-Ukrajna.

(10)Minn Lulju 2014, l-Unjoni imponiet progressivament miżuri restrittivi kontra l-Federazzjoni Russa. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew iddikjara li l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukraina qed tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-NU u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropej u globali.

(11)Aktar reċentement, fit-3 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill adotta s-sitt pakkett ta’ sanzjonijiet 1 kontra l-Federazzjoni Russa minħabba l-gwerra kontinwa tagħha ta’ aggressjoni kontra l-Ukrajna u l-atroċitajiet irrappurtati mwettqa mill-forzi armati Russi fl-Ukrajna.

(12)Barra minn hekk, filwaqt li l-Federazzjoni Russa hija membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, l-Unjoni hija meħlusa, bis-saħħa tal-eċċezzjonijiet li japplikaw skont il-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, u b’mod partikolari l-Artikolu XXI tal-GATT 1994, mill-obbligu li tagħti lill-prodotti importati mill-Federazzjoni Russa l-vantaġġi mogħtija lil prodotti simili importati minn pajjiżi oħra (it-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit).

(13)Għalhekk ma jkunx xieraq li l-importazzjonijiet mill-Federazzjoni Russa jitħallew igawdu minn trattament mingħajr dazju u tan-nazzjon l-aktar iffavorit fir-rigward tal-prodotti koperti minn dan ir-Regolament.

(14)Is-sitwazzjoni bejn l-Unjoni u l-Belarussja ddeterjorat ukoll matul dawn l-aħħar snin, minħabba n-nuqqas ta’ rispett tar-reġim għad-dritt internazzjonali, il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem. Barra minn hekk, il-Belarussja appoġġat l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna mill-bidu nett tagħha, fost l-oħrajn billi ppermettiet lir-Russja tispara missili ballistiċi mit-territorju Belarussu, ippermettiet it-trasport ta’ persunal militari Russu u armi tqal, tankijiet, u trasportaturi militari, ħalliet lill-inġenji tal-ajru militari Russi jtiru fuq l-ispazju tal-ajru Belarussu lejn l-Ukrajna, ipprovdiet punti ta’ riforniment, u ħażnet armi u tagħmir militari Russi fil-Belarussja.

(15)Minn Ottubru 2020, l-Unjoni imponiet progressivament miżuri restrittivi kontra l-Belarussja. Fit-2 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill adotta l-ħames pakkett ta’ sanzjonijiet minħabba abbużi kontinwi tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrumentalizzazzjoni tal-migranti. Aktar pakketti ta’ sanzjonijiet ġew adottati fl-24 ta’ Frar, fit-2 ta’ Marzu, fid-9 ta’ Marzu u fit-3 ta’ Ġunju 2022, fid-dawl tal-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni militari Russa mhux ġustifikata u mhux provokata kontra l-Ukrajna. Barra minn hekk, il-Belarussja mhijiex membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Għalhekk, l-Unjoni mhijiex obbligata, bis-saħħa tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, li tagħti lill-prodotti mill-Belarussja t-trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit. Barra minn hekk, il-ftehimiet kummerċjali jippermettu azzjonijiet ġustifikati abbażi ta’ klawżoli ta’ eċċezzjoni applikabbli, b’mod partikolari eċċezzjonijiet ta’ sigurtà, kif diġà ġie indikat.

(16)Fid-dawl tal-kuntest ta’ hawn fuq, l-esklużjoni tar-Russja u tal-Belarussja mill-ambitu tas-sospensjonijiet tariffarji awtonomi stabbiliti f’dan ir-Regolament hija xierqa u permessa, fl-applikazzjoni tar-Regoli Ġenerali dwar id-dazji tal-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, u b’mod partikolari t-Taqsima 1, parti B, paragrafu 1 tiegħu.

(17)Għaldaqstant, l-importazzjonijiet ta’ inputs għall-fertilizzanti tan-nitroġenu li joriġinaw mir-Russja u l-Belarussja ma għandhomx ikunu soġġetti għas-sospensjoni tad-dazju. Minflok, l-importazzjonijiet tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament mir-Russja u l-Belarussja jeħtieġu li jkomplu jkunu soġġetti għad-dazju tal-importazzjoni li kienu soġġetti għalih preċedentement.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1.    Fl-Anness 1 tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, it-test għall-kodiċi NM 2814 10 00 fil-kolonna 3 jinbidel b’dan li ġej:

“5,5 (*)

_________________

(*) Dazju doganali sospiż b’mod awtonomu, sal-31 ta’ Diċembru 2024, ħlief għar-Russja u l-Belarussja fejn tapplika rata ta’ 5,5 %, skont ir-Regolament tal-Kunsill 2022/XXXX [numru ta’ dan ir-Regolament].”

2.    Fl-Anness 1 tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, it-test għall-kodiċijiet NM 3102 10 10 and 3102 10 90 fil-kolonna 3 jinbidel b’dan li ġej:

“6,5 (*)

_________________

(*) Dazju doganali sospiż b’mod awtonomu, sal-31 ta’ Diċembru 2024, ħlief għar-Russja u l-Belarussja fejn tapplika rata ta’ 6,5 %, skont ir-Regolament tal-Kunsill 2022/XXXX [numru ta’ dan ir-Regolament].”

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President
   […]

RAPPORT FINANZJARJU LEĠIŻLATTIV

ISEM IL-PROPOSTA:

Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87 dwar in-Nomenklatura tat-Tariffa u l-lstatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni.

LINJI BAĠITARJI:

Kapitolu u Artikolu: Il-Kapitolu 12, l-Artikolu 120

Ammont ibbaġitjat għas-sena 2022: 17 912 606 159

IMPATT FINANZJARJU:

   Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni finanzjarja

X    Il-proposta ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq in-nefqa iżda għandha impatt finanzjarju fuq id-dħul mir-riżorsi proprji tradizzjonali, għar-raġunijiet li ġejjin:

Fl-2021, il-valur totali tal-importazzjonijiet tal-kodiċijiet NM 2814 10 00 ammonta għal EUR 1,3 biljun. Ir-rata konvenzjonali tad-dazju għal dan il-kodiċi NM hija 5,5 %. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-importazzjonijiet (68 %) kienu ħielsa mid-dazju bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles. 29 % addizzjonali kienu importazzjonijiet mir-Russja, li mhux se jkunu soġġetti għal tnaqqis fit-tariffi. Id-dazji stmati li ma nġabrux huma għalhekk EUR 2,1 miljun (EUR 1,3 biljun x sehem tal-importazzjoni ta’ 3 % x 5,5 %) fis-sena.

Fl-2021, il-valur totali tal-importazzjonijiet tal-kodiċijiet NM 3102 10 10 u 3102 10 90 ammonta għal EUR 1,8 biljun. Ir-rata konvenzjonali tad-dazju għal dan il-kodiċi NM hija 6,5 %. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-importazzjonijiet (65 %) kienu ħielsa mid-dazju bħala riżultat tal-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles. 24 % addizzjonali kienu importazzjonijiet mir-Russja u l-Belarussja, li mhux se jkunu soġġetti għal tnaqqis fit-tariffi. Id-dazji stmati li ma nġabrux huma għalhekk EUR 12,9 miljun (EUR 1,8 biljun x sehem tal-importazzjoni ta’ 11 % x 6,5 %) fis-sena.

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, l-impatt fuq it-telf ta’ dħul għall-baġit tal-UE li jirriżulta minn dan ir-Regolament huwa stmat għal EUR 11,25 miljun fis-sena [(EUR 12,9 miljun + EUR 2,1 miljun = ammont gross ta’ EUR 15 miljun, inklużi l-kostijiet tal-ġbir) x 0,75].

Għall-2022, l-impatt fuq it-telf tad-dħul mir-riżorsi proprji tradizzjonali għall-baġit tal-UE huwa stmat għal terz tal-ammont ta’ hawn fuq, jiġifieri EUR 3,8 miljun.

It-telf ta’ dħul f’riżorsi proprji tradizzjonali se jiġi kkumpensat mill-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) tal-Istati Membri fuq il-bażi tal-kontribuzzjonijiet tar-riżorsi.

(1)    www.sanctionsmap.eu