Brussell, 1.8.2022

COM(2022) 353 final

2022/0221(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Gvern tal-Malażja, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

F’Novembru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehimiet Qafas Individwali dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni (FSK) mat-Tajlandja, l-Indoneżja, Singapore, il-Filippini, il-Malażja u l-Brunei. In-negozjati mal-Malażja bdew fi Frar 2011 wara ftehim biex jitnedew in-negozjati f’Ottubru 2010 mill-President tal-Kummissjoni Barroso u mill-Prim Ministru Najib Razak. In-negozjati ġew konklużi wara l-11-il ċiklu ta’ negozjati fit-12 ta’ Diċembru 2015. Iż-żewġ naħat taw bidu għall-FSK f’Putrajaya fis-6 ta’ April 2016.

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u s-servizzi tal-Kummissjoni kienu involuti fil-proċess ta’ negozjati. L-Istati Membri ġew ikkonsultati matul il-proċess ta’ negozjati f’laqgħat tal-gruppi ta’ ħidma rilevanti tal-Kunsill. Il-Parlament Ewropew ġie infurmat regolarment matul in-negozjati.

Il-Kummissjoni tqis li l-objettivi stipulati mill-Kunsill fid-direttivi tiegħu dwar in-negozjati tal-Ftehim intlaħqu, u li l-abbozz tal-Ftehim jista’ jitressaq għall-iffirmar u għall-konklużjoni.

Fil-5 ta’ Awwissu 2016, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni ppreżentaw lill-Kunsill Proposta Konġunta għal Deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-FSK, bħala ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Malażja (l-“UE-biss”). Filwaqt li jaqblu mas-sustanza tal-Ftehim, l-Istati Membri fil-COASI unanimament kienu tal-fehma li l-Ftehim jenħtieġ li jiġi ffirmat u konkluż bħala Ftehim “imħallat”. Din il-pożizzjoni kienet ikkonfermata formalment mill-COREPER fis-17 ta’ Marzu 2017, li talab lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex jirrevedu l-proposta kif xieraq biex iqisu n-natura mħallta u l-applikazzjoni proviżorja. Il-bidla tal-FSK għal “imħallat” u l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda dwar l-applikazzjoni proviżorja u d-definizzjoni tal-Partijiet biex tiġi riflessa n-natura mħallta kienu fil-prinċipju diskussi u miftiehma man-negozjaturi tal-Malażja.

Fl-4 ta’ Lulju 2018, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni ppreżentaw lill-Kunsill Proposta Konġunta ġdida għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim Qafas (bħala ftehim imħallat) u l-applikazzjoni proviżorja tiegħu. Madankollu, filwaqt li qablu dwar in-natura mħallta tal-Ftehim, il-Malażja ppreferiet li ma tapplikax il-Ftehim b’mod proviżorju. L-Istati Membri aċċettaw formalment li ma japplikawx l-FSK b’mod proviżorju fil-laqgħa tal-COREPER tat-3 ta’ April 2019 u sussegwentement intlaħaq ftehim fil-prinċipju man-negozjaturi Malażjani bl-użu tal-Ftehim iffirmat bl-inizjali tal-2016 fejn iddaħħlet definizzjoni ġdida għall-Partijiet biex tiġi riflessa n-natura mħallta.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-proposta l-ġdida tal-Kummissjoni ġiet wara skambju ta’ ittri bejn in-Negozjaturi Ewlenin fejn ġie ċċarat li l-iffirmar tal-Ftehim mill-Gvern tal-Malażja jsir f’isem il-Malażja, kollha kemm hi, jiġifieri kemm fil-livell federali kif ukoll f’dak statali. Bil-firma tiegħu l-Gvern tal-Malażja jkun qed jesprimi l-intenzjoni li jorbot lill-Malażja kollha, inklużi l-Istati ta’ Sabah u Sarawak. Wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim kif iddikjarat fl-Artikolu 58 tal-Ftehim, il-Malażja kollha kemm hi tkun marbuta bil-Ftehim.

Din il-proposta tirrigwarda l-istrument ġuridiku li jikkonkludi l-iffirmar tal-Ftehim.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

2.1.L-għan u l-kontenut tal-ftehim

L-FSK huwa l-ewwel ftehim bilaterali bejn l-UE u l-Malażja u jieħu post il-qafas ġuridiku attwali tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1980 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja.

L-FSK jinkludi impenji legalment vinkolanti li huma ċentrali għall-politika barranija tal-UE, kif ukoll dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-Qorti Kriminali Internazzjonali, il-migrazzjoni u t-tassazzjoni.

L-FSK iwessa’ b’mod konsiderevoli l-kamp ta’ applikazzjoni għal impenn reċiproku fid-dominju ekonomiku u kummerċjali kif ukoll tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni. Il-Ftehim isaħħaħ il-kooperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-kummerċ, il-migrazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, it-trasport, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni, l-agrikoltura, il-kultura, eċċ. Jinkludi wkoll dispożizzjonijiet li jipproteġu l-interess finanzjarju tal-UE. L-FSK għandu wkoll taqsima importanti dwar il-kooperazzjoni kummerċjali li twitti t-triq għall-konklużjoni tan-negozjati li għaddejjin bħalissa tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles (free trade agreement, FTA).

Politikament, l-FSK mal-Malażja huwa pass importanti biex jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fl-Asja tax-Xlokk, abbażi ta’ valuri kondiviżi universalment, bħad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem. Dan iwitti t-triq sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni politika, reġjonali u globali bejn żewġt isħab tal-istess fehma. L-implimentazzjoni tal-FSK se twassal għal benefiċċji prattiċi għaż-żewġ naħat, u jifforma l-bażi għall-promozzjoni tal-interessi politiċi u ekonomiċi usa’ tal-UE.

Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt, li se jagħmel monitoraġġ tal-iżvilupp fir-relazzjoni bilaterali ta’ bejn il-Partijiet. Il-Ftehim jinkludi klawżola ta’ noneżekuzzjoni li tipprovdi l-possibbiltà li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-Ftehim f’każ li jinkisru l-elementi essenzjali.

2.2.Il-bażi ġuridika għad-deċiżjoni proposta

L-Artikolu 218(6)(a)(iii) TFUE jipprevedi li, fejn ftehim jistabbilixxi qafas istituzzjonali speċifiku billi jorganizza proċeduri ta’ kooperazzjoni, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tikkonkludi l-ftehim wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew.

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(6) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-Ftehim. Skont il-każistika, jekk eżami ta’ miżura tal-UE jiżvela li għandha żewġ għanijiet jew li tinkludi żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn ikun identifikabbli bħala l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, il-miżura għandha tkun ibbażata fuq bażi ġuridika waħda, jiġifieri, dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti. B’mod eċċezzjonali, jekk jiġi stabbilit, min-naħa l-oħra, li l-miżura ssegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew għandha diversi komponenti, li huma konnessi mill-qrib mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, sabiex diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat ikunu applikabbli, il-miżura għandha tkun ibbażata fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti (ara, għal dan il-għan, is-sentenzi tal-10 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni vs il-Parlament u l-Kunsill, C-178/03, EU:C:2006:4, il-paragrafi 42 u 43; tal-11 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-377/12, EU:C:2014:1903, il-paragrafu 34; tal-14 ta’ Ġunju 2016, il-Parlament vs il-Kunsill, C-263/14, EU:C:2016:435, il-paragrafu 44; u tal-4 ta’ Settembru 2018, il-Kummissjoni vs il-Kunsill (il-Każakistan), C-244/17, ECLI:EU:C:2018:662, il-paragrafu 40).

L-għan jew il-komponent ewlieni tal-Ftehim jaqa’ fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp.

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 209 TFUE, flimkien mal-Artikoli 218(6)(a) TFUE.

2.3.Natura legali 

L-analiżi tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSK tindika li t-Trattati taw is-setgħa lill-UE biex taġixxi fl-oqsma kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSK. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi ġuridika, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni fil-bidu pproponew l-abbozz ta’ ftehim, għall-iffirmar u l-konklużjoni, bħala ftehim “tal-UE biss”. Barra minn hekk, ir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni kkunsidraw li l-proċedura ħafna iqsar u ħafna aktar prevedibbli tar-ratifika għad-dħul fis-seħħ tal-FSK bħala ftehim “tal-UE biss” kienet fl-interess tal-Unjoni biex tipproċedi malajr bl-implimentazzjoni tal-Ftehim.

Madankollu, kif iddikjarat hawn fuq, l-Istati Membri fil-Kunsill (il-Gruppi ta’ Ħidma dwar il-COASI fil-21 ta’ Settembru 2016 u l-COREPER fis-17 ta’ Marzu 2017) talbu unanimament lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli biex idawru dan il-ftehim f’wieħed imħallat b’applikazzjoni proviżorja. B’segwitu għal din il-pożizzjoni u biex jiġi evitat li l-firma u l-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea tiddewwem fil-Kunsill, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ddeċidew li jinnegozjaw aġġustament fil-Ftehim u li jibdlu l-proposti tagħhom għall-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim. Madankollu, filwaqt li l-Malażja inizjalment kienet qablet dwar l-applikazzjoni proviżorja, aktar tard hija ppreferiet li ma tapplikax il-Ftehim b’mod proviżorju.

L-abbozz għalhekk jipproponi li l-Ftehim jiġi konkluż bħala ftehim imħallat.

2.4.Il-ħtieġa tad-deċiżjoni proposta

L-Artikolu 216 TFUE jipprevedi li l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar meta t-Trattati jipprevedu dan jew meta l-konklużjoni ta’ ftehim tkun meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, wieħed mill-objettivi msemmija fit-Trattati, jew inkella tkun prevista f’att tal-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x’aktarx tolqot regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom.

It-Trattati jipprevedu li jiġu konklużi ftehimiet bħall-FSK, jiġifieri fl-Artikolu 209 TFUE. Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-FSK hija meħtieġa sabiex jinkisbu, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, l-objettivi msemmijin fit-Trattati.

Għaldaqstant il-Ftehim irid jiġi konkluż f’isem l-Unjoni.

2022/0221 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Gvern tal-Malażja, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209, flimkien mal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill [XXX] ta’ […] 1 , il-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Gvern tal-Malażja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni fi [...], soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)L-objettiv tal-Ftehim huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ta’ politika, inklużi d-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, il-kummerċ, il-migrazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, it-trasport, ix-xjenza u t-teknoloġija, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, l-edukazzjoni u l-agrikoltura.

(3)Huwa fehim komuni li skont l-Artikolu 58(1) tal-Ftehim u skont il-Kostituzzjoni Federali tal-Malażja, in-notifika mill-Gvern tal-Malażja li jesprimi l-kunsens tiegħu li jintrabat bil-Ftehim, jorbot lill-Malażja kollha kemm hi.

(4)Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Gvern tal-Malażja min-naħa l-oħra, huwa b’hekk approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata li tagħmel f’isem l-Unjoni n-notifika prevista fl-Artikolu 59 tal-Ftehim biex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim, jew li taħtar persuna awtorizzata li tagħmel din in-notifika f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L […], […], p. […].

Brussell, 1.8.2022

COM(2022) 353 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-Gvern tal-Malażja, min-naħa l-oħra


ANNESS

FTEHIM QAFAS
DWAR IS-SĦUBIJA U L-KOOPERAZZJONI

BEJN L-UNJONI EWROPEA

U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MIN-NAĦA WAĦDA,

U L-GVERN TAL-MALAŻJA,

MIN-NAĦA L-OĦRA

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew “l-UE”,

kif ukoll

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA’ SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,



IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

L-UNGERIJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

IR-RENJU TAN-NETHERLANDS,

IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,



IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TAL-IŻVEZJA,

l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Istati Membri”,

   min-naħa waħda,

kif ukoll

IL-GVERN TAL-MALAŻJA, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Malażja”,

   min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem imsejħa singularment bħala “l-Parti” u konġuntament bħala “l-Partijiet”,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-rabtiet tradizzjonali ta’ ħbiberija bejn il-Partijiet u r-rabtiet storiċi, politiċi u ekonomiċi mill-qrib li jagħqduhom;

FILWAQT LI JAGĦTU importanza partikolari lin-natura komprensiva tar-relazzjoni reċiproka tagħhom;

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW li dan il-Ftehim jifforma parti minn relazzjoni usa’ u koerenti bejniethom permezz ta’ ftehimiet li għalihom huma parti;



FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-valur tat-tolleranza, l-aċċettazzjoni u r-rispett reċiproku f’komunità internazzjonali varjata u multidimensjonali, u filwaqt li jagħrfu l-importanza tal-moderazzjoni;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID l-impenn tal-Partijiet għar-rispett tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (“UDHR”) u strumenti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali rilevanti oħrajn applikabbli għall-Partijiet;

WAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID ir-rabta tagħhom mal-prinċipji tal-istat tad-dritt u ta’ governanza tajba, u x-xewqa tagħhom li jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali għall-popli tagħhom, u jikkunsidraw il-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli kif ukoll ir-rekwiżiti tal-protezzjoni ambjentali;

FILWAQT LI JIXTIEQU jtejbu l-kooperazzjoni fir-rigward tal-istabbiltà, il-ġustizzja u s-sigurtà internazzjonali bħala prekundizzjoni bażika għall-promozzjoni ta’ żvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli, il-qerda tal-faqar u l-promozzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (“Aġenda 2030”) adottata mir-Riżoluzzjoni 70/1 (2015) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (“NU”) “Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development” fis-Summit tan-NU tal-25 ta’ Settembru 2015 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli;

FILWAQT LI JQISU t-terroriżmu bħala theddida għas-sigurtà globali u filwaqt li jixtiequ jintensifikaw id-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, f’konformità mal-istrumenti rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (“KSNU”), b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-KSNU;



FILWAQT LI JESPRIMU l-impenn tagħhom li jipprevjenu u jiġġieldu kull forma ta’ terroriżmu u għall-istabbiliment ta’ strumenti internazzjonali effettivi sabiex tiġi żgurata l-qerda tiegħu;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li kwalunkwe miżura meħuda biex jiġi miġġieled it-terroriżmu trid tikkonforma mal-obbligi tal-Partijiet taħt id-dritt internazzjonali, b’mod partikolari, id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju;

FILWAQT LI JAFFERMAW MILL-ĠDID li l-aktar reati kriminali serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali ma jistgħux jitħallew fl-impunità u filwaqt li jikkunsidraw it-tribunali kriminali internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali, bħala żviluppi importanti għall-paċi u l-ġustizzja internazzjonali;

FILWAQT LI JIKKONDIVIDU l-fehma li l-proliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva (“AQM”) u l-mezzi ta’ forniment tagħhom jippreżentaw theddida ewlenija għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, kif ukoll ix-xewqa li jsaħħu d-djalogu u l-kooperazzjoni tagħhom f’dan il-qasam;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-moviment mhux ikkontrollat ta’ armi konvenzjonali jippreżenta theddida għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali u reġjonali, u filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jikkooperaw sabiex jiżguraw it-trasferiment responsabbli ta’ armi konvenzjonali u sabiex jiġi indirizzat il-kummerċ illeċitu f’armi ħfief u ta’ kalibru żgħir inkluż il-munizzjoni tagħhom;

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tas-7 ta’ Marzu 1980 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malażja, il-Filippini, Singapore u t-Tajlandja – pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (“ASEAN”), u l-protokolli ta’ adeżjoni sussegwenti;



FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tat-tisħiħ tar-relazzjoni eżistenti bejn il-Partijiet bil-ħsieb li tittejjeb il-kooperazzjoni bejniethom, u r-rieda komuni tagħhom li jikkonsolidaw, japprofondixxu u jiddiversifikaw ir-relazzjonijiet tagħhom f’oqsma ta’ interess reċiproku;

FILWAQT LI JESPRIMU l-impenn tagħhom għall-promozzjoni tal-aspetti kollha tal-iżvilupp sostenibbli, inklużi l-protezzjoni ambjentali u l-kooperazzjoni effettiva sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

FILWAQT LI JESPRIMU l-impenn tagħhom għall-promozzjoni ta’ standards tax-xogħol u soċjali rikonoxxuti fuq livell internazzjonali;

FILWAQT LI JISSOTTOLINJAW l-importanza tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni;



FILWAQT LI JINNOTAW li fil-każ li l-Partijiet jiddeċiedu, fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, li jidħlu fi ftehimiet speċifiċi fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li jistgħu jiġu konklużi mill-Unjoni skont it-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehimiet futuri ma jkunux jorbtu lill-Irlanda sakemm l-Unjoni, simultanjament mal-Irlanda fir-rigward tar-relazzjonijiet bilaterali preċedenti tagħha, ma tinnotifikax lill-Malażja li l-Irlanda intrabtet minn tali ftehimiet bħala parti mill-Unjoni f’konformità mal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (“TUE”) u mat-TFUE. Bl-istess mod, kwalunkwe miżura interna sussegwenti tal-Unjoni li tista’ tiġi adottata skont it-Titolu V imsemmi hawn fuq għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma torbotx lill-Irlanda, sakemm din ma tkunx innotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem f’tali miżuri jew li taċċettahom f’konformità mal-Protokoll Nru 21. Filwaqt li jinnotaw ukoll li, tali ftehimiet futuri jew miżuri interni sussegwenti tal-Unjoni jkunu jaqgħu taħt il-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għall-imsemmija Trattati,

FTIEHMU KIF ĠEJ:



TITOLU I

NATURA U KAMP TA’ APPLIKAZZJONI

ARTIKOLU 1

Bażi għal kooperazzjoni

1.    Ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet tal-bniedem, kif stabbilitI fl-UDHR u strumenti tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali rilevanti oħra applikabbli għall-Partijiet, u għall-prinċipju tal-istat tad-dritt, jirfed il-politiki interni u internazzjonali tal-Partijiet, u jikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.

2.    Il-Partijiet jikkonfermaw il-valuri kondiviżi tagħhom kif espressi fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.    Il-Partijiet jikkonfermaw l-impenn tagħhom li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, jikkooperaw sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima kif ukoll il-globalizzazzjoni, u li jikkontribwixxu għall-għanijiet tal-iżvilupp miftiehma fuq livell internazzjonali, b’mod partikolari għat-tisħiħ ta’ sħubija globali għall-iżvilupp kif imġedda fl-Aġenda 2030.

4.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-prinċipji ta’ governanza tajba fl-aspetti kollha tagħha.

5.    L-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipji tad-djalogu, ir-rispett reċiproku, is-sħubija ugwali, il-kunsens, u r-rispett għad-dritt internazzjonali.



6.    Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandha tiġi implimentata permezz tal-liġijiet, ir-regoli, ir-regolamenti u l-politiki rispettivi tagħhom.

ARTIKOLU 2

Għanijiet tal-kooperazzjoni

L-għan ta’ dan il-Ftehim huwa li tiġi stabbilita sħubija msaħħa bejn il-Partijiet u li tiġi approfondita u mtejba l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ interess reċiproku, filwaqt li jiġu riflessi l-valuri kondiviżi u l-prinċipji komuni.

TITOLU II

KOOPERAZZJONI BILATERALI, REĠJONALI U INTERNAZZJONALI

ARTIKOLU 3

Kooperazzjoni f’fora u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali

1.    Il-Partjiet jintrabtu li jiskambjaw fehmiet u li jikkooperaw f’fora u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bħan-NU u Aġenziji tan-NU rilevanti, id-djalogu UE-ASEAN, il-Forum Reġjonali ASEAN, il-Laqgħa Asja-Ewropa (“ASEM”), il-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”).



2.    Il-Partijiet jaqblu wkoll li jippromwovu l-kooperazzjoni bejn il-gruppi ta’ riflessjoni, l-akkademiċi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-media fl-oqsma koperti b’dan il-Ftehim. Din il-kooperazzjoni tista’, b’mod partikolari, tinkludi l-għoti ta’ taħriġ, workshops u seminars relatati, l-iskambji ta’ esperti, studji u azzjonijiet oħra miftiehma mill-Partijiet.

ARTIKOLU 4

Kooperazzjoni reġjonali u bilaterali

Għal kull settur ta’ djalogu u ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim, u filwaqt li tingħata enfasi lil kwistjonijiet taħt il-kooperazzjoni UE‑Malażja, il-Partijiet jistgħu wkoll, bi ftehim reċiproku, jaħdmu flimkien permezz ta’ attivitajiet fil-livell reġjonali jew permezz ta’ taħlita taż-żewġ oqfsa, filwaqt li jikkonsidraw il-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet regjonali tar-raggruppament reġjonali kkonċernat. F’dan ir-rigward, fl-għażla tal-qafas xieraq, il-Partijiet se jfittxu li jimmassimizzaw l-impatt fuq il-partijiet ikkonċernati kollha u jsaħħu l-involviment tagħhom, filwaqt li jsir l-aktar użu effiċjenti mir-riżorsi disponibbli u tiġi żgurata koerenza ma’ attivitajiet oħra.



TITOLU III

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-PAĊI, SIGURTÀ U STABBILTÀ INTERNAZZJONALI

ARTIKOLU 5

Ġlieda kontra t-terroriżmu

Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’rispett sħiħ għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, l-istat tad-dritt u d-dritt internazzjonali, inkluż id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu inkluża fir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 60/288 (2006) kif riveduta mir-Riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 62/272 (2008) u 64/297 (2010). Fi ħdan dan il-qafas, huma jaqblu li jikkooperaw fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-atti terroristiċi, b’mod partikolari:

(a)    fil-qafas tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjonijiet tal-KSNU 1267 (1999), 1373 (2001) u 1822 (2008), kif ukoll riżoluzzjonijiet rilevanti oħra tan-NU, u r-ratifika u l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet u strumenti internazzjonali rilevanti;

(b)    billi jiskambjaw informazzjoni dwar gruppi terroristiċi u n-netwerks ta’ appoġġ tagħhom f’konformità mad-dritt internazzjonali u d-dritt domestiku;



(c)    billi jiskambjaw fehmiet dwar il-mezzi u l-metodi użati għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-inċitament ta’ atti terroristiċi, inkluż fil-qasam tekniku u fit-taħriġ, u billi jiskambjaw esperjenza fir-rigward tal-prevenzjoni tat-terroriżmu;

(d)    billi jikkooperaw sabiex japprofondixxu l-kunsens internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu u fil-qafas normattiv xieraq, u billi jaħdmu biex jilħqu ftehim, mingħajr dewmien, fir-rigward tal-Konvenzjoni Komprensiva dwar it-Terroriżmu Internazzjonali, sabiex jiġu kkumplimentati l-istrumenti eżistenti tan-NU u strumenti internazzjonali applikabbli oħra għall-ġlieda kontra t-terroriżmu;

(e)    billi jippromwovu l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri tan-NU biex jimplimentaw b'mod effettiv l-Istrateġija Globali Kontra t-Terroriżmu tan-NU bil-mezzi kollha xierqa;

(f)    billi jimplimentaw u jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-oqfsa tad-djalogu UE‑ASEAN u tal-ASEM;

(g)    billi jiskambjaw l-aħjar prattiki fil-qasam tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.



ARTIKOLU 6

Reati kriminali serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-aktar reati kriminali serji ta’ tħassib għall-komunità internazzjonali inġenerali ma jistgħux ma jiġux ikkastigati u li għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġu indirizzati dawk ir-reati kriminali, skont il-każ, fil-livell domestiku jew internazzjonali skont il-liġijiet rispettivi u l-obbligi internazzjonali applikabbli tal-Partijiet. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu mezzi diplomatiċi, umanitarji u mezzi paċifiċi oħra kif ukoll tribunali u qrati kriminali internazzjonali.

2.    Il-Partijiet iqisu t-tribunali kriminali internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali, bħala żvilupp importanti għall-paċi u l-ġustizzja internazzjonali.

3.    Il-Partijiet itennu mill-ġdid l-importanza ta’ kooperazzjoni ma’ dawn il-qrati u t-tribunali f’konformità mal-liġijiet rispettivi u l-obbligi internazzjonali applikabbli tal-Partijiet.

4.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-ħsieb li tiġi promossa l-universalità tal-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali.



ARTIKOLU 7

L-armi tal-qerda massiva

1.    Il-Partijiet itennu mill-ġdid l-objettiv tat-tisħiħ tar-reġimi internazzjonali dwar l-AQM. Il-Partijiet jikkunsidraw li l-proliferazzjoni tal-AQM u l-mezzi biex dawn jiġu kkonsenjati, kemm lill-atturi statali kif ukoll lil dawk mhux statali, hija waħda mill-aktar theddidiet serji fuq l-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali. Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkontribwixxu għall-istabbiltà u s-sigurtà internazzjonali permezz ta’ konformità sħiħa mal-obbligi eżistenti tagħhom, u l-implimentazzjoni nazzjonali tagħhom, skont it-trattati u l-ftehimiet internazzjonali ta’ diżarm u nonproliferazzjoni u skont obbligi internazzjonali rilevanti oħra fil-qafas tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.

2.    Barra minn hekk, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw u jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reġimi internazzjonali ta’ nonproliferazzjoni u diżarm billi:

(a)    jieħdu passi, kif xieraq, biex jiffirmaw, jirratifikaw jew jaderixxu mal-istrumenti internazzjonali rilevanti l-oħra kollha dwar l-AQM u biex jimplimentawhom għal kollox, u jippromwovu l-aderenza universali magħhom;

(b)    jimplimentaw u jkomplu jiżviluppaw kontrolli nazzjonali effettivi fuq l-esportazzjoni, jikkontrollaw l-esportazzjoni u t-tranżitu ta’ merkanzija relatata ma’ AQM, inkluż kontroll tal-użu aħħari ta’ AQM fuq teknoloġiji b’użu doppju u li jkunu jinkludu sanzjonijiet effettivi għal ksur ta’ kontrolli fuq l-esportazzjoni;



(c)    jippromwovu l-adozzjoni universali u l-implimentazzjoni sħiħa tat-trattati multilaterali applikabbli.

3.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-implimentazzjoni ta’ kontrolli fuq l-esportazzjoni ma għandhiex tfixkel il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-materjal, it-tagħmir u t-teknoloġija għal skopijiet paċifiċi, filwaqt li l-għanijiet ta’ użu paċifiku ma għandhomx jintużaw bħala kopertura għall-proliferazzjoni.

4.    Il-Partijiet jaqblu dwar djalogu politiku regolari li jakkumpanja u jikkonsolida dawn l-impenji. Dan id-djalogu jista’ jsir fuq bażi reġjonali.

ARTIKOLU 8

Armi konvenzjonali

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ sistemi ta’ kontroll interni għat-trasferiment ta’ armi konvenzjonali f'konformità ma’ standards internazzjonali eżistenti. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza li dawn il-kontrolli jiġu applikati b’mod responsabbli, bħala kontribut għall-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali u reġjonali, u għat-tnaqqis tat-tbatija tal-bniedem, kif ukoll għall-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta’ armi konvenzjonali.

2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu li l-manifattura, it-trasferiment u ċ-ċirkolazzjoni illeċiti ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, inkluż il-munizzjon tagħhom, u l-akkumulazzjoni eċċessiva, il-ġestjoni ħażina, il-ħażniet mhux siguri biżżejjed u t-tixrid mhux ikkontrollat tagħhom ikomplu jkunu ta’ theddida serja għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.



3.    Il-Partijiet jaqblu li josservaw u jimplimentaw bis-sħiħ l-obbligi rispettivi biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir, inkluż il-munizzjon tagħhom, taħt ftehimiet internazzjonali eżistenti u riżoluzzjonijiet tal-KSNU, kif ukoll impenji fil-qafas ta’ strumenti internazzjonali oħra applikabbli f’dan il-qasam, bħall-Programm tan-NU ta’ Azzjoni għall-Prevenzjoni, il-Ġlieda u l-Qerda tal-Kummerċ Illeċitu f’Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir fl-Aspetti kollha tiegħu.

4.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-livell bilaterali, reġjonali u dak internazzjonali fir-rigward tal-isforzi tagħhom sabiex jiżguraw it-trasferiment responsabbli ta’ armi konvenzjonali u biex jindirizzaw il-kummerċ illeċitu f’armi ħfief u ta’ kalibru żgħir inkluż il-munizzjon tagħhom. Il-Partijiet jaqblu li jiżguraw il-koordinazzjoni fl-isforzi tagħhom sabiex jirregolaw jew itejbu r-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali tal-armi konvenzjonali u sabiex jipprevjenu, jiġġieldu u jeqirdu l-kummerċ illeċitu tal-armi. Il-Partijiet jaqblu wkoll li jinkludu kwistjonijiet relatati mal-armi konvenzjonali fil-qafas tad-djalogu politiku regolari eżistenti tagħhom.

ARTIKOLU 9

Moderazzjoni

1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-ħsieb li jippromwovu l-moderazzjoni fid-djalogi meta jkunu qed jindirizzaw kwistjonijiet ta’ tħassib reċiproku.

2.    Il-Partijiet għandhom jaqblu, fejn applikabbli, li jagħtu aktar importanza lill-valur tal-moderazzjoni f’fora reġjonali u internazzjonali.



3.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fir-rigward tal-promozzjoni tal-moderazzjoni, inkluż billi jiffaċilitaw u jappoġġjaw attivitajiet rilevanti, kif ukoll jiskambjaw l-aħjar prattiki, l-informazzjoni u l-esperjenza.

TITOLU IV

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-KUMMERĊ U L-INVESTIMENT

ARTIKOLU 10

Prinċipji ġenerali

1.    Il-Partijiet għandhom jidħlu fi djalogu dwar kwistjonijiet relatati mal-kummerċ u l-investiment bil-ħsieb li jsaħħu u javvanzaw is-sistema kummerċjali multilaterali u l-kummerċ bilaterali bejniethom.

2.    Għal dan l-għan, il-Partijiet għandhom jikkooperaw ma’ xulxin fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment, fost l-oħrajn, billi jħabirku lejn ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn il-Partijiet. Tali ftehim għandu jikkostitwixxi ftehim speċifiku fis-sens tal-Artikolu 52(2).

3.    Il-Partijiet jaf ikunu jixtiequ jiżviluppaw ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta’ investiment tagħhom permezz ta’ djalogu, kooperazzjoni u inizjattivi miftiehma b’mod reċiproku billi jindirizzaw, fost affarijiet oħra, l-oqsma msemmija fl-Artikoli 11 sa 17.



ARTIKOLU 11

Sanitarji u fitosanitarji

1.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw dwar il-kwistjonijiet sanitarji u fitosanitarji (“SPS”) għall-protezzjoni tal-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti fit-territorju tal-Partijiet.

2.    Il-Partijiet għandhom jiddiskutu u jiskambjaw informazzjoni dwar il-miżuri rispettivi kif definiti fil-Ftehim tad-WTO dwar l-Applikazzjoni tal-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji, il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti, l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali u l-Kummissjoni Codex Alimentarius.

3.    Il-Partijiet jaqblu li jimpenjaw ruħhom għall-kooperazzjoni fil-bini tal-kapaċità f’dak kollu li jirrigwarda l-kwistjonijiet SPS. Dan il-bini tal-kapaċità għandu jkun speċifiku għall-ħtiġijiet ta’ kull Parti u għandu jitwettaq bil-għan li l-Parti tiġi megħjuna tikkonforma mal-miżuri SPS tal-Parti l-oħra.

ARTIKOLU 12

Ostakoli tekniċi għall-kummerċ

Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-użu ta’ standards internazzjonali u jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dwar l-istandards, ir-regolamenti tekniċi u l-proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità, speċjalment fil-qafas tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Ostakli Tekniċi għall-Kummerċ.



ARTIKOLU 13

Dwana

Bil-ħsieb li jkun hemm sikurezza u sigurtà akbar fil-kummerċ internazzjonali u li jiġi żgurat approċċ bilanċjat bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-ġlieda kontra l-frodi u l-irregolaritajiet, il-Partijiet għandhom jikkondividu l-esperjenza, u jeżaminaw il-possibbiltajiet, fir-rigward ta’:

(a)    is-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta’ importazzjoni, esportazzjoni u ta’ proċeduri doganali oħra;

(b)    l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ assistenza amministrattiva reċiproka;

(c)    l-iżgurar tat-trasparenza tar-regolamenti doganali u kummerċjali;

(d)    l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni doganali;

(e)    l-insegwiment ta’ konverġenza ta’ fehmiet u azzjoni konġunta fil-kuntest ta’ inizjattivi internazzjonali rilevanti, inkluża l-faċilitazzjoni tal-kummerċ.

ARTIKOLU 14

Investiment

Il-Partijiet għandhom iħeġġu fluss akbar ta’ investiment permezz tal-iżvilupp ta’ ambjent attraenti u stabbli għal investiment reċiproku permezz ta’ djalogu konsistenti mmirat lejn it-titjib tal-fehim u l-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta’ investiment, l-esplorazzjoni ta’ mekkaniżmi għall-faċilitazzjoni tal-flussi ta’ investiment, u l-promozzjoni ta’ regoli stabbli, trasparenti, miftuħa u nondiskriminatorji għall-investituri.



ARTIKOLU 15

Politika tal-kompetizzjoni

1.    Il-Partijiet se jippromwovu, u jistgħu jikkooperaw biex jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni, filwaqt li jqisu l-kunċett ta’ trasparenza u ta’ korrettezza proċedurali biex tiġi żgurata ċ-ċertezza għall-intrapriżi li joperaw fis-swieq ta’ xulxin.

2.    Il-Partijiet se jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ kooperazzjoni teknika fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni soġġett għad-disponibbiltà ta’ finanzjament għal attivitajiet bħal dawn taħt l-istrumenti u l-programmi ta’ kooperazzjoni tal-Partijiet.

ARTIKOLU 16

Servizzi

Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu djalogu konsistenti b’mod partikolari mmirat lejn l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-ambjenti regolatorji rispettivi tagħhom, lejn il-promozzjoni tal-aċċess għas-swieq ta’ xulxin, inkluż permezz tal-kummerċ elettroniku, lejn il-promozzjoni tal-aċċess għal sorsi ta’ kapital u teknoloġija, u lejn il-promozzjoni tal-kummerċ fis-servizzi bejn iż-żewġ reġjuni u fis-swieq ta’ pajjiżi terzi.



ARTIKOLU 17

Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza kbira li huma jagħtu lill-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi, u kull Parti tintrabat li tistabbilixxi l-miżuri xierqa bil-ħsieb li jkunu żgurati protezzjoni u infurzar adegwati, bilanċjati u effettivi ta’ dawn id-drittijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, f’konformità mal-istandards internazzjonali li huma marbuta bihom. Il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijet tal-proprjetà intellettwali jenħtieġ li jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-innovazzjoni teknoloġika u t-trasferiment u d-disseminazzjoni tat-teknoloġija, għall-benefiċċju reċiproku tal-produtturi kollha u għall-utenti tal-għarfien teknoloġiku, b'mod li jagħti lok għall-ġid soċjali u ekonomiku, u għal bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi.

2.    Il-Partijiet jistgħu jiskambjaw informazzjoni u jikkondividu l-esperjenza dwar kwistjonijiet bħal:

(a)    il-prattika, il-promozzjoni, id-disseminazzjoni, ir-razzjonalizzazzjoni, il-ġestjoni, l-armonizzazzjoni u l-protezzjoni ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

(b)    l-applikazzjoni, l-utilizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni effettivi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali;

(c)    l-infurzar tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inklużi miżuri fir-rigward tal-fruntiera.

3.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fl-oqsma tal-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali ta’ interess reċiproku għall-protezzjoni, l-utilizzazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni effettivi tal-proprjetà intellettwali abbażi tal-esperjenzi tagħhom, u għandhom itejbu d-disseminazzjoni tal-għarfien dwarhom.



TITOLU V

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAL-ĠUSTIZZJA U S-SIGURTÀ

ARTIKOLU 18

Stat tad-dritt u kooperazzjoni legali

1.    Il-Partijiet għandhom jagħtu importanza partikolari lit-tisħiħ tal-istat tad-dritt.

2.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw fir-rigward tar-rinfurzar tal-istituzzjonijiet rilevanti kollha, inkluża l-ġudikatura.

3.    Il-kooperazzjoni legali bejn il-Partijiet se tinkludi, fost l-oħrajn, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar is-sistemi legali u l-leġiżlazzjoni.

ARTIKOLU 19

Protezzjoni tad-data personali

Il-Partijiet jaqblu li jiskambjaw il-fehmiet u jikkondividu l-għarfien bil-ħsieb li jippromwovu livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data personali abbażi tal-istandards internazzjonali applikabbli, inklużi tal-UE, il-Kunsill tal-Ewropa u strumenti legali internazzjonali oħra.



ARTIKOLU 20

Migrazzjoni

1.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-importanza ta’ kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-flussi migratorji bejn it-territorji tagħhom. Bil-ħsieb li jsaħħu l-kooperazzjoni, il-Partijiet jistgħu jistabbilixxu, kif u meta xieraq, djalogu li jindirizza kwalunkwe kwistjoni relatata mal-migrazzjoni ta’ interess reċiproku, filwaqt li titqies il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi msemmija fil-paragrafu 2. Kull Parti tista’, kif tqis li jkun xieraq, tinkludi t-tħassib tagħha dwar il-migrazzjoni fl-istrateġiji tagħha għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, mill-perspettiva tagħha ta’ pajjiż ta’ oriġini, ta’ tranżitu u/jew ta’ destinazzjoni tal-migranti. Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni tista’ tinkludi wkoll, fost l-oħrajn, il-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika kif miftiehem mill-Partijiet.

2.    Il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet se tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet u mwettqa permezz ta’ konsultazzjoni reċiproka bejn il-Partijiet, u għandha tiffoka fuq:

(a)    il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni;

(b)    skambju ta’ fehmiet dwar prattiki u normi rilevanti għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali lil persuni fil-bżonn;

(c)    l-istabbiliment ta’ politika effettiva u preventiva kontra l-migrazzjoni irregolari, il-kuntrabandu ta’ migranti u t-traffikar tal-bnedmin, inkluż modi biex jiġu miġġielda n-netwerks ta’ kuntrabandisti u traffikanti u biex jiġu protetti l-vittmi tat-traffikar;



(d)    ir-ritorn, taħt kundizzjonijiet xierqa, umani u dinjitużi, ta’ persuni li jkunu qed jirrisjedu illegalment, inkluża l-promozzjoni tar-ritorn volontarju tagħhom, u r-riammissjoni ta’ tali persuni f’konformità mal-paragrafu 3;

(e)    kwistjonijiet identifikati bħala li huma ta’ interess reċiproku fil-qasam tal-viżi u s-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar;

(f)    kwistjonijiet identifikati bħala li huma ta’ interess reċiproku fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri.

3.    Fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-immigrazzjoni illegali u mingħajr preġudizzju għall-bżonn ta’ protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, il-Partijiet jaqblu wkoll li:

(a)    il-Malażja, soġġetta għall-ħtieġa li tiġi kkonfermata ċ-ċittadinanza, għandha ddaħħal lura kwalunkwe wieħed miċ-ċittadini tagħha preżenti illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u mingħajr ebda formalità oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 4;

(b)    kull Stat Membru tal-UE, soġġett għall-ħtieġa li tiġi kkonfermata ċ-ċittadinanza, għandu jdaħħal lura kwalunkwe wieħed miċ-ċittadini tiegħu preżenti illegalment fit-territorju tal-Malażja, fuq talba ta’ din tal-aħħar u mingħajr ebda formalità oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 4.



4.    Għall-fini tal-paragrafu 3, l-Istati Membri tal-UE u l-Malażja jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom mingħajr dewmien b’dokument tal-ivvjaġġar xieraq għal tali finijiet. F'każ fejn il-persuna li għandha tiddaħħal lura ma jkollha l-ebda dokument jew evidenza taċ-ċittadinanza tagħha, ir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi u konsulari kompetenti tal-Malażja jew tal-Istat Membru tal-UE kkonċernat, jagħmlu arranġamenti biex il-persuna tiġi intervistata sabiex tkun stabbilita ċ-ċittadinanza tagħha. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet relatati mad-determinazzjoni taċ-ċittadinanza.

5.    Jekk kwalunkwe parti tqis li dan huwa meħtieġ, il-Partijiet għandhom jinnegozjaw ftehim bejn l-UE u l-Malażja li jirregola l-obbligi speċifiċi dwar ir-riammissjoni, inkluż obbligu dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li mhumiex ċittadini tagħhom iżda li għandhom awtorizzazzjoni ta’ residenza valida maħruġa minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet jew li daħlu fit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet waqt li kienu ġejjin direttament mit-territorju tal-Parti l-oħra.

ARTIKOLU 21

Protezzjoni konsulari

Il-Malażja taqbel li l-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-UE rappreżentat għandhom jipprovdu protezzjoni lil kwalunkwe ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE li ma jkollux rappreżentanza permanenti fil-Malażja li tkun effettivament f’pożizzjoni li tipprovdi protezzjoni konsulari f’każ partikolari, bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk taċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru tal-UE.



ARTIKOLU 22

Drogi illeċiti

1.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw sabiex jiżguraw approċċ bilanċjat permezz tal-koordinazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti inkluż, kif xieraq, mis-setturi tas-saħħa, tal-ġustizzja, tal-intern u dawk doganali, bil-għan li jitnaqqsu l-provvista, it-traffikar u d-domanda għal drogi illeċiti kif ukoll li jitnaqqsu l-konsegwenzi negattivi tal-abbuż tad-drogi għall-individwi u s-soċjetà inġenerali, u sabiex tinkiseb prevenzjoni aktar effettiva tad-devjazzjoni tal-prekursuri tad-droga.

2.    Il-Partijiet għandhom jaqblu dwar il-mezzi ta’ kooperazzjoni sabiex jinkisbu dawk l-objettivi. L-azzjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji miftiehma b’mod komuni tal-Partijiet b’kunsiderazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, id-Dikjarazzjoni Politika u d-Dikjarazzjoni dwar il-Prinċipji ta’ Gwida Rigward it-Tnaqqis fid-Domanda tad-Drogi, adottata mill-għoxrin sessjoni speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-10 ta’ Ġunju 1998 u d-Dikjarazzjoni Politika u l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali Lejn Strateġija Integrata u Bilanċjata għall-Ġlieda Kontra l-Problema Dinjija tad-Drogi adottata fit-52 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar id-Drogi Narkotiċi f’Marzu 2009.

3.    Il-Partijiet jiskambjaw il-kompetenzi f’oqsma bħall-abbozzar tal-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar l-istabbiliment ta’ istituzzjonijiet domestiċi u ċentri ta’ informazzjoni, it-taħriġ tal-persunal, ir-riċerka relatata mad-drogi, u l-prevenzjoni tad-devjazzjoni ta’ prekursuri użati għall-manifattura illeċita ta’ drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi.



ARTIKOLU 23

Kriminalità organizzata u korruzzjoni

Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-kriminalità ekonomika u finanzjarja kif ukoll il-korruzzjoni. Din il-kooperazzjoni għandha l-għan li timplimenta l-istrumenti internazzjonali applikabbli li għalihom huma parti, b’mod partikolari l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Protokolli supplimentari tagħha, u l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni.

ARTIKOLU 24

Ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu

1.    Il-Partijiet jaqblu dwar il-bżonn li jaħdmu lejn, u li jikkooperaw dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-użu tas-sistemi finanzjarji tagħhom, li jinkludi istituzzjonijiet finanzjarji u negozji u professjonijiet mhux finanzjarji nominati, għall-finanzjament tat-terroriżmu u l-ħasil tar-rikavat minn attivitajiet kriminali serji.

2.    Il-Partijiet jaqblu li l-kooperazzjoni taħt il-paragrafu 1 għandha tippermetti skambji ta’ informazzjoni rilevanti fil-qafas tal-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti rispettivi tagħhom u tal-istandards internazzjonali applikabbli għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, bħal dawk adottati mit-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.

3.    Il-kooperazzjoni għandha tiġi estiża wkoll fil-forma ta’ bini tal-kapaċità li għandha l-għan li tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż l-iskambju tal-aħjar prattiki, kompetenzi u taħriġ, kif miftiehem mill-Partijiet.



TITOLU VI

KOOPERAZZJONI F’SETTURI OĦRAJN

ARTIKOLU 25

Drittijiet tal-bniedem

1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw f’oqsma li għandhom ikunu miftiehma b'mod reċiproku fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem.

2.    Din il-kooperazzjoni tista’, fost l-oħrajn, tinkludi:

(a)    skambji tal-aħjar prattiki fir-rigward tar-ratifika u l-implimentazzjoni ta’ konvenzjonijiet internazzjonali, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni fil-livell domestiku, ir-rwol u l-funzjonament tal-istituzzjonijiet nazzjonali rilevanti tal-Partijiet għad-drittijiet tal-bniedem;

(b)    edukazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem;

(c)    l-istabbiliment ta’ djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jkollu sinifikat u li jissejjes fuq bażi wiesgħa;

(d)    kooperazzjoni mal-korpi rilevanti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem.



ARTIKOLU 26

Servizzi finanzjarji

1.    Il-Partijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni bil-ħsieb li jinkisbu regoli u standards komuni aktar qrib xulxin fis-settur bankarju, f’dak tal-assigurazzjoni u f’partijiet oħra mis-settur finanzjarju, inklużi s-servizzi finanzjarji Iżlamiċi, u li jittejbu s-sistemi tal-kontabbiltà, tal-awditu u dawk superviżorji u regolatorji tagħhom.

2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza ta’ miżuri għall-bini tal-kapaċità għal dawk il-finijiet.

ARTIKOLU 27

Djalogu dwar il-politika ekonomika

Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw dwar il-promozzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar ix-xejriet ekonomiċi rispettivi tagħhom u l-kondiviżjoni ta’ esperjenza relatata ma’ politiki ekonomiċi fil-kuntest tal-kooperazzjoni u l-integrazzjoni ekonomika reġjonali.



ARTIKOLU 28

Governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni

1.    Il-Parijiet jaqblu li jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza tal-prinċipji ta’ governanza tajba fil-qasam tat-tassazzjoni, jiġifieri t-trasparenza, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-evitar ta’ prattiki tat-taxxa li jagħmlu ħsara, u jintrabtu li jimplimentawhom, f’konformità mal-istandards internazzjonali. sabiex jiġu promossi u żviluppati l-attivitajiet ekonomiċi.

2.    Il-Partijiet jaqblu wkoll li jikkooperaw fit-titjib tal-bini tal-kapaċità fil-qasam ta’ governanza tajba f'dak li għandu x'jaqsam mat-tassazzjoni bil-għan li jinbnew il-kompetenzi kif jista’ jiġi miftiehem b'mod reċiproku.

ARTIKOLU 29

Politika industrijali u intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju

Il-Partijiet, filwaqt li jqisu l-politiki u l-objettivi ekonomiċi rispettivi tagħhom, jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni fil-politika industrijali fl-oqsma kollha li jitqiesu xierqa, bil-ħsieb li tittejjeb il-kompettività tal-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SME”), fost l-oħrajn, permezz:

(a)    tal-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenza dwar il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet qafas għall-SMEs biex tittejjeb il-kompetittività tagħhom;



(b)    tal-promozzjoni ta’ kuntatti bejn l-operaturi ekonomiċi, l-inkoraġġiment ta' investimenti konġunti u t-twaqqif ta’ impriżi konġunti u ta’ networks ta’ informazzjoni l-aktar permezz tal-programmi orizzontali eżistenti tal-Unjoni, l-istimolu b’mod partikolari tat-trasferimenti ta’ soft u hard technology bejn is-sħab;

(c)    tal-forniment ta’ informazzjoni u l-istimular tal-innovazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-aċċess għall-finanzi, inkluż il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar;

(d)    tal-iffaċilitar u l-appoġġ tal-attivitajiet rilevanti stabbiliti mis-setturi privati tal-Partijiet;

(e)    tal-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva u l-kontabbiltà kif ukoll il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli, inkluż permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki dwar in-negozju responsabbli;

(f)    tar-riċerka konġunta u proġetti ta’ innovazzjoni f’oqsma industrijali magħżula kif miftiehem b'mod reċiproku.

ARTIKOLU 30

Turiżmu

1.    Il-Partijiet għandu jkollhom l-għan li jtejbu l-iskambju ta’ informazzjoni u li jistabbilixxu l-aħjar prattiki sabiex jiżguraw l-iżvilupp bilanċjat u sostenibbli tat-turiżmu.



2.    Il-Partijiet jaqblu li jiżviluppaw il-kooperazzjoni fir-rigward tal-salvagwardja u l-armonizzazzjoni tal-potenzjal ta’ wirt naturali u kulturali, it-tnaqqas tal-impatti negattivi tat-turiżmu, u t-titjib tal-kontribut pożittiv tan-negozju tat-turiżmu għall-iżvilupp sostenibbli ta’ komunitajiet lokali, fost l-oħrajn permezz tal-iżvilupp tal-ekoturiżmu, filwaqt li jiġu rispettati l-integrità u l-interessi tal-komunitajiet lokali u indiġeni, u jittejjeb it-taħriġ fl-industrija tat-turiżmu.

ARTIKOLU 31

Soċjetà tal-informazzjoni

1.    Filwaqt li jirrikonoxxu li t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (“ICT”) huma elementi ewlenin tal-ħajja moderna u ta’ importanza vitali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, il-Partijiet jagħmlu ħilithom biex jiskambjaw fehmiet dwar il-politiki rispettivi tagħhom f’dan il-qasam bil-ħsieb li jiġi promoss l-iżvilupp ekonomiku.

2.    Il-kooperazzjoni f’dan il-qasam tista’, fost l-oħrajn, tiffoka fuq:

(a)    il-parteċipazzjoni fi djalogu dwar l-aspetti differenti tas-soċjetà tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-politiki u r-regolamenti dwar il-komunikazzjoni elettronika inkluż is-servizz universali, il-liċenzjar u l-awtorizzazzjonijiet ġenerali, il-protezzjoni tad-data personali, u l-indipendenza u l-effiċjenza tal-awtoritajiet regolatorji;

(b)    il-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tan-netwerks u s-servizzi tal-Partijiet;



(c)     il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-istandardizzazzjoni, il-valutazzjoni tal-konformità u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-ICT;

(d)    il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni fir-rigward tar-riċerka bejn il-Partijiet fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

(e)    il-kooperazzjoni dwar it-televiżjoni diġitali, inkluż l-iskambju ta’ esperjenzi dwar l-iskjerament, l-aspetti regolatorji u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-ġestjoni tal-ispettru;

(f)    aspetti ta’ sigurtà tal-ICT, kif ukoll il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità.

ARTIKOLU 32

Ċibersigurtà

1.    Il-Partijiet għandhom jikkooperaw dwar iċ-ċibersigurtà permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar strateġiji, politiki u l-aħjar prattiki f’konformità mal-leġiżlazzjoni u l-obbligi internazzjonali tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem.

2.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni, l-użu ta’ standards u r-riċerka u l-iżvilupp.



ARTIKOLU 33

Awdjoviżiv u media

Il-Partijiet se jikkunsidraw mezzi biex iħeġġu l-iskambji, il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn l-istituzzjonijiet rilevanti fl-oqsma tal-awdjoviżiv u l-media. Il-Partijiet jaqblu dwar djalogu regolari f’dawk l-oqsma.

TITOLU VII

KOOPERAZZJONI FIL-QASAM TAX-XJENZA, IT-TEKNOLOĠIJA U L-INNOVAZZJONI

ARTIKOLU 34

Xjenza, teknoloġija u innovazzjoni

1.    Il-Partijiet għandhom iħeġġu, jiżviluppaw u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni f’oqsma ta’ interess u benefiċċju reċiproku f’konformità mal-liġijiet, ir-regoli, ir-regolamenti u l-politiki rispettivi tal-Partijiet.

2.    L-oqsma ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu l-bijoteknoloġija, l-ICT, iċ-ċibersigurtà, it-teknoloġiji industrijali u materjali, in-nanoteknoloġija, it-teknoloġija tal-ispazju, ix-xjenza tal-baħar u l-enerġija rinnovabbli.



3.    Il-forom ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu:

(a)    l-iskambju ta’ informazzjoni dwar politiki u programmi dwar ix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni;

(b)    il-promozzjoni ta’ sħubiji strateġiċi dwar ir-riċerka bejn il-komunitajiet xjentifiċi, iċ-ċentri ta’ riċerka, l-universitajiet u l-industrija tal-Partijiet;

(c)    il-promozzjoni tat-taħriġ u l-iskambju tar-riċerkaturi.

4.    Dawk l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-prinċipji ta’ reċiproċità, trattament ġust u benefiċċji reċiproċi, u jiżguraw protezzjoni adegwata tal-proprjetà intellettwali.

5.    Fir-rigward ta’ dawk l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni, il-Partijiet għandhom jippromwovu l-parteċipazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, iċ-ċentri ta’ riċerka u s-setturi produttivi rispettivi tagħhom.

6.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-programmi u l-kooperazzjoni rispettiva tagħhom fir-rigward tax-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni u dwar il-possibbiltajiet offruti minn tali programmi.

ARTIKOLU 35

Teknoloġiji ekoloġiċi

1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fis-settur tat-teknoloġija ekoloġika bil-ħsieb li:



(a)    tiġi ffaċilitata l-inkorporazzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi f’setturi bħall-enerġija, il-bini, il-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart u t-trasportazzjoni;

(b)    jiġi promoss il-bini tal-kapaċità fis-settur tat-teknoloġija ekoloġika li jista’ jinkludi l-kooperazzjoni dwar strumenti regolatorji u bbażati fuq is-suq, bħall-finanzjament tat-teknoloġija ekoloġika, l-akkwist ekoloġiku u l-eko-tikkettar, kif miftiehem b’mod reċiproku;

(c)    tiġi promossa l-edukazzjoni pubblika u s-sensibilizzazzjoni dwar it-teknoloġiji ekoloġiċi u l-inkoraġġiment tal-użu mifrux tagħhom;

(d)    jiġu promossi u skjerati teknoloġiji, prodotti u servizzi ambjentali.

2.    Il-kooperazzjoni tista’ tieħu l-forma ta’ djalogu bejn l-istituzzjonijiet u l-aġenziji rilevanti, skambju ta’ informazzjoni, programmi ta’ skambju ta’ persunal, żjarat ta’ studju, seminars u workshops.

ARTIKOLU 36

Enerġija

1.    Il-Partijiet għandhom jaħdmu sabiex itejbu l-kooperazzjoni fis-settur tal-enerġija biex:

(a)    jiġu diversifikati l-provvista tal-enerġija, il-mezzi u s-sorsi ta’ enerġija sabiex tissaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija, jiġu żviluppati forom ta’ enerġija ġodda, sostenibbli, innovattivi u rinnovabbli, inklużi l-bijofjuwils, il-bijomassa u l-bijogass, l-enerġija eolika u dik solari kif ukoll il-ġenerazzjoni idroelettrika, filwaqt li jkun appoġġjat l-iżvilupp ta’ oqfsa ta’ politika u ta’ rotot ta’ trasportazzjoni u trażmissjoni xierqa;



(b)    tiġi promossa l-effiċjenza enerġetika fil-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-użu finali tal-enerġija;

(c)    jiġi mrawwem it-trasferiment ta’ teknoloġija mmirata lejn il-produzzjoni u l-użu ta’ enerġija sostenibbli;

(d)    tittejjeb il-kooperazzjoni sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima relatati mal-enerġija skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (“UNFCCC”);

(e)    jittejjeb il-bini tal-kapaċità u jiġu ffaċilitati l-investimenti fil-qasam.

2.    Għal dawk il-finijiet, il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kuntatti u, fejn ikun il-każ, ir-riċerka konġunta għall-benefiċċju reċiproku tal-Partijiet, inkluż permezz ta’ oqfsa reġjonali u internazzjonali. B’referenza għall-Artikolu 39 u l-konklużjonijiet tas-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (World Summit on Sustainable Development, “WSSD”) li sar f’Johannesburg fl-2002, il-Partijiet jinnotaw il-ħtieġa li jiġu indirizzati r-rabtiet bejn l-aċċess affordabbli għas-servizzi tal-enerġija u l-iżvilupp sostenibbli. Dawk l-attivitajiet jistgħu jiġu promossi f’kooperazzjoni mal-Inizjattiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-Enerġija, imnedija fid-WSSD.

ARTIKOLU 37

Trasport

1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw b’mod attiv f’oqsma ta’ interess reċiproku. Din il-kooperazzjoni se tkopri l-modi ta’ trasport kollha u l-konnettività tiegħu u għandha tinkludi l-faċilitazzjoni tal-moviment ta’ merkanzija u tal-passiġġieri, filwaqt li jiġu żgurati s-sigurtà, is-sikurezza u l-protezzjoni ambjentali, l-iżvilupp tar-riżorsi umani u ż-żieda fl-opportunitajiet ta’ kummerċ u ta’ investiment.



2.    Fis-settur tal-avjazzjoni, il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandu jkollha l-għan li tippromwovi, fost l-oħrajn:

(a)    l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi bbażati fuq qafas regolatorju koerenti bl-objettiv li jiġi faċilitat in-negozju;

(b)    il-konverġenza teknika u regolatorja fir-rigward tas-sigurtà, is-sikurezza, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, ir-regolamentazzjoni ekonomika u l-protezzjoni ambjentali;

(c)    it-tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ gassijiet serra;

(d)    proġetti ta’ interess reċiproku;

(e)    il-kooperazzjoni f’fora internazzjonali.

3.    Fis-settur tat-trasport marittimu, il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet għandu jkollha l-għan li, tippromwovi, fost l-oħrajn:

(a)    id-djalogu dwar kwistjonijiet rilevanti, bħall-aċċess għas-swieq tat-trasport marittimu internazzjonali u l-kummerċ fuq bażi kummerċjali u nondiskriminatorja, it-trattament nazzjonali u klawsola tal-pajjiż l-aktar favorit għall-bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-UE jew tal-Malażja, jew li jkunu mħaddma minn ċittadini jew kumpaniji tagħhom, kif ukoll kwistjonijiet relatati ma’ servizzi ta’ trasport bieb bieb, esklużi n-negozji ta’ kabotaġġ;



(b)    l-iskambju ta’ fehmiet u l-aħjar prattiki, fejn applikabbli, dwar is-sigurtà, is-sikurezza, inklużi miżuri sabiex ikunu miġġielda l-piraterija u s-serq bl-armi fuq il-baħar, u proċeduri, standards u regolamenti ta’ protezzjoni ambjentali, f’konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti;

(c)    kooperazzjoni f’fora internazzjonali, b’mod partikolari fl-oqsma tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-edukazzjoni, it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

4.    Il-Partijiet jistgħu jesploraw kull ambitu possibbli għal kooperazzjoni mtejba f’oqsma ta’ interess reċiproku.

ARTIKOLU 38

Edukazzjoni u kultura

1.    Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-kultura li tirrispetta b'mod xieraq id-diversità tagħhom, sabiex japprofondixxu l-fehim reċiproku u l-għarfien dwar il-kulturi rispettivi tagħhom. Għal dan l-għan, il-Partijiet se jappoġġjaw u jippromwovu l-attivitajiet tal-istituzzjonijiet kulturali tagħhom.

2.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jieħdu l-miżuri xierqa biex jippromwovu l-iskambji kulturali, inklużi l-iskambji interpersonali, u jwettqu inizjattivi konġunti f’diversi sferi kulturali, inkluża l-kooperazzjoni fil-konservazzjoni tal-wirt kulturali filwaqt li jirrispettaw id-diversità kulturali. F’dan ir-rigward, il-Partijiet jaqblu wkoll li jkomplu jappoġġjaw l-attivitajiet tal-Fondazzjoni Ażja‑Ewropa.



3.    Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw u jikkooperaw f’fora internazzjonali rilevanti, b’mod partikolari l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (“UNESCO”), sabiex jiġu segwiti objettivi komuni u tiġi promossa d-diversità kulturali kif ukoll il-protezzjoni tal-wirt kulturali. Il-Partijiet se jippromwovu u jaderixxu mal-prinċipji tad-Dikjarazzjoni Universali tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali.

4.    Il-Partijiet għandhom jippromwovu wkoll azzjonijiet u l-implimentazzjoni ta’ programmi fl-edukazzjoni għolja kif ukoll għall-mobilità u t-taħriġ tar-riċerkaturi, inkluż il-programm tal-UE Erasmus+ u l-azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie. Dawn għandhom jappoġġjaw, fost l-oħrajn, il-kooperazzjoni interistituzzjonali u l-iżvilupp ta’ rabtiet bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, iħeġġu l-mobilità tal-istudenti, ir-riċerkaturi, il-persunal akkademiku u l-esperti, jippromwovu l-iskambju tal-informazzjoni u l-kompetenzi, jgħinu fil-bini tal-kapaċità u fl-iżvilupp tal-kwalità fit-tagħlim u l-apprendiment. L-azzjonijiet għandhom ikopru wkoll il-kooperazzjoni istituzzjonali permezz ta’ korpi bħall-Istitut Ażja-Ewropa.

ARTIKOLU 39

Ambjent u riżorsi naturali

1.    Filwaqt li jfakkru fl-eżitu tal-Konferenza tan-NU dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp li saret f’Rio de Janeiro fl-1992, id-WSSD u l-Konferenza tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li saret f’Rio de Janeiro fl-2012 (Rio + 20), kif ukoll l-Aġenda 2030, il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fil-promozzjoni tal-konservazzjoni u t-titjib tal-ambjent biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli. L-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali multilaterali applikabbli għandha titqies fl-attivitajiet kollha mwettqa mill-Partijiet taħt dan il-Ftehim.



2.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li r-riżorsi naturali u d-diversità bijoloġika jiġu konservati u ġestiti b’mod sostenibbli bħala bażi għall-iżvilupp tal-ġenerazzjonijiet attwali u futuri, b’mod partikolari f’konformità mal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu. Huma jintrabtu li jimplimentaw id-deċiżjonijiet adottati taħt dawk il-Konvenzjonijiet, inkluż permezz ta’ strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni.

3.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex ikomplu jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-ambjent, inkluż fi programmi reġjonali, fl-iskambju tal-aħjar prattiki, fid-djalogi politiċi u regolatorji, fil-konferenzi u l-workshops, speċifikament f’dak li jikkonċerna:

(a)    il-promozzjoni ta’ sensibilizzazzjoni ambjentali u parteċipazzjoni aħjar tal-komunitajiet lokali kollha, fi sforzi ta’ protezzjoni ambjentali u ta’ żvilupp sostenibbli;

(b)    l-indirizzar tal-isfidi tat-tibdil fil-klima b’mod partikolari fir-rigward tal-impatti fuq l-ekosistemi u r-riżorsi naturali;

(c)    il-promozzjoni tal-bini tal-kapaċità b'rabta mal-parteċipazzjoni fi ftehimiet ambjentali multilaterali applikabbli li huma vinkolanti fuqhom, u mal-implimentazzjoni ta’ dawn il-ftehimiet;

(d)    it-titjib tal-kooperazzjoni għall-protezzjoni, il-konservazzjoni u l-ġestjoni b’mod sostenibbli tar-riżorsi tal-foresti u fil-ġlieda kontra l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ assoċjat miegħu;

(e)    il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika, inklużi speċijiet f’periklu li jinqerdu, il-ħabitat u d-diversità ġenetika tagħhom, it-titjib fil-kooperazzjoni dwar speċi aljeni invażivi ta’ tħassib għall-Partijiet, u r-restawr ta’ ekosistemi degradati;



(f)    il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta’ organiżmi selvaġġi u l-implimentazzjoni ta’ miżuri effettivi kontrih;

(g)    il-prevenzjoni ta’ moviment transkonfinali illegali ta’ skart perikoluż u skart ieħor u ta’ sustanzi qerrieda tal-ożonu;

(h)    it-titjib fil-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ambjent mal-kosta u dak tal-baħar u l-promozzjoni tal-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar;

(i)    it-titjib fil-kwalità tal-arja ambjentali, il-ġestjoni ambjentalment tajba tal-iskart, tar-riżorsi tal-ilma u tas-sustanzi kimiċi, u l-promozzjoni tal-konsum u l-produzzjoni sostenibbli;

(j)    il-promozzjoni tal-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-ħamrija u l-ġestjoni sostenibbli tal-art;

(k)    il-promozzjoni tad-delimitazzjoni ta’ żoni protetti u l-protezzjoni ta’ ekosistemi u żoni naturali, kif ukoll il-ġestjoni effettiva ta’ parks nazzjonali, b’konsiderazzjoni dovuta għall-komunitajiet lokali u indiġeni li jgħixu f’dawn iż-żoni jew qrib tagħhom;

(l)    il-promozzjoni ta’ kooperazzjoni effettiva fil-kuntest tal-Protokoll ta’ Nagoya dwar l-Aċċess għal Riżorsi Ġenetiċi u l-Qsim Ġust u Ekwu ta’ Benefiċċji li Jirriżultaw mill-Użu tagħhom għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika;

(m)    l-inkoraġġiment tal-iżvilupp u l-użu ta’ skemi volontarji ta’ assigurazzjoni tas-sostenibbiltà bħal skemi ta’ kummerċ ġust u etiku, ekotikketti u skemi ta’ ċertifikazzjoni.



4.    Il-Partijiet għandhom iħeġġu l-aċċess reċiproku għall-programmi tagħhom f’dawk l-oqsma, f’konformità mat-termini speċifiċi ta’ tali programmi.

5.    Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex itejbu l-kooperazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih taħt l-UNFCCC.

ARTIKOLU 40

Agrikultura, bhejjem, sajd u żvilupp rurali

Il-Partijiet jaqblu li jħeġġu d-djalogu u jippromwovu l-kooperazzjoni fl-agrikoltura, il-bhejjem, is-sajd, inklużi l-akkwakultura, u l-iżvilupp rurali. Il-Partijiet se jiskambjaw informazzjoni dwar:

(a)    il-politika agrikola, il-perspettiva agrikola internazzjonali u l-indikazzjonijiet ġeografiċi inġenerali;

(b)    il-possibbiltajiet għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ fil-pjanti, l-annimali, l-annimali akkwatiċi u l-prodotti tagħhom;

(c)    politiki relatati mat-trattament xieraq tal-annimali;

(d)    il-politika dwar l-iżvilupp f’oqsma rurali inklużi programmi ta’ bini tal-kapaċità u l-aħjar prattiki fir-rigward ta’ kooperattivi rurali u l-promozzjoni ta’ prodotti minn żoni rurali;

(e)    il-politika dwar il-kwalità għall-pjanti, l-annimali u l-prodotti akkwatiċi;



(f)    l-iżvilupp ta’ agrikoltura sostenibbli u favur l-ambjent, l-agroindustrija u t-trasferiment ta’ bijoteknoloġiji;

(g)    il-protezzjoni tal-varjetajiet ta’ pjanti, it-teknoloġija taż-żrieragħ, it-titjib tal-produttività tal-uċuħ tar-raba’, it-teknoloġiji alternattivi tal-uċuħ tar-raba’ inkluża l-bijoteknoloġija agrikola;

(h)    l-iżvilupp ta’ bażijiet ta’ data dwar l-agrikoltura u l-bhejjem;

(i)    it-taħriġ fil-qasam tal-agrikoltura, l-oqsma veterinarji u sajd, inkluża l-akkwakultura;

(j)    l-appoġġ għal politika sostenibbli u responsabbli tal-baħar u tas-sajd għal perjodu fit-tul inkluż il-konservazzjoni u l-ġestjoni ta’ riżorsi tal-baħar ta’ mal-kosta u tal-ibħra miftuħa;

(k)    il-promozzjoni tal-isforzi sabiex jiġu evitati u miġġielda l-prattiki ta' sajd illegali, mhux rapportat u mhux kontrollat u l-kummerċ assoċjat miegħu.

ARTIKOLU 41

Saħħa

1.    Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw fis-settur tas-saħħa bil-ħsieb li jtejbu l-kundizzjonijiet tas-saħħa li jkopru, fost l-oħrajn, il-mediċina preventiva, il-mard prinċipali komunikabbli u theddid ieħor għas-saħħa bħal mard prinċipali mhux komunikabbli, kif ukoll ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa.



2.    Il-kooperazzjoni għandha ssir l-aktar permezz ta’:

(a)    skambju ta’ informazzjoni u kollaborazzjoni fil-prevenzjoni bikrija ta’ theddid għas-saħħa bħall-influwenza avjarja u pandemika u mard komunikabbli ieħor b’potenzjal pandemiku;

(b)    skambji, boroż ta’ studju u programmi ta’ taħriġ;

(c)    il-promozzjoni tal-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ ftehimiet internazzjonali dwar is-saħħa bħar-Regolamenti Internazzjonali dwar is-Saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (“WHO”) u l-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tad-WHO.

ARTIKOLU 42

Impjiegi u affarijiet soċjali

1.    Il-Partijiet jaqblu li jtejbu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-impjieg u l-affarijiet soċjali, inkluża l-kooperazzjoni dwar il-koeżjoni reġjonali u soċjali, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-ugwaljanza bejn is-sessi u x-xogħol diċenti, bil-ħsieb li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-globalizzazzjoni.



2.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid il-ħtieġa li jiġi appoġġat proċess ta’ globalizzazzjoni li huwa ta’ benefiċċju għal kulħadd, u li jiġi promoss l-impjieg sħiħ u produttiv u x-xogħol diċenti bħala element prinċipali tal-iżvilupp sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, kif approvat mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 60/1 (2005) u mid-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-segment ta’ livell għoli tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU tal-5 ta’ Lulju 2006, filwaqt li titqies id-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (“ILO”) dwar il-Ġustizzja Soċjali għal Globalizzazzjoni Ġusta tal-2008. Il-Partijiet għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi rispettivi u n-natura differenti tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħhom.

3.    Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid l-impenn li jirrispettaw, jippromwovu u jwettqu l-prinċipji tal-istandards ewlenin soċjali u dwar ix-xogħol rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, kif imsemmi, b’mod partikolari, fid-Dikjarazzjoni tal-ILO tal-1998 dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq il-Post tax-Xogħol u li jimplimentaw il-Konvenzjonijiet tal-ILO applikabbli li huma vinkolanti fuqhom. Il-Partijiet se jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni dwar kwistjonijiet rilevanti relatati mal-impjieg u x-xogħol kif miftiehem mill-Partijiet.

4.    Il-forom ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, programmi u proġetti speċifiċi, kif miftiehem b’mod reċiproku, kif ukoll djalogu, kooperazzjoni u inizjattivi dwar suġġetti ta’ interess komuni fil-livell bilaterali jew multilaterali, bħall-ASEM, id-djalogu UE‑ASEAN u l-ILO.



ARTIKOLU 43

Statistika

Il-Partijiet jaqblu li jippromwovu, minbarra l-attivitajiet eżistenti ta’ kooperazzjoni statistika bejn l-Unjoni u l-ASEAN, u soġġetti għal-liġijiet, ir-regoli, ir-regolamenti u l-politiki rispettivi tagħhom, il-bini tal-kapaċità statistika u l-armonizzazzjoni ta’ metodi u prattiki tal-istatistika, inkluż il-ġbir u d-disseminazzjoni tal-istatistika, biex b’hekk ikunu jistgħu jużaw, fuq bażi reċiprokament aċċettabbli, statistika dwar kontijiet nazzjonali, investiment dirett barrani, kummerċ f’merkanzija u servizzi u, b’mod aktar ġenerali, f’oqsma miftiehma reċiprokament koperti minn dan il-Ftehim li jippermettu l-ġbir, l-ipproċessar, l-analiżi u d-disseminazzjoni ta’ data statistika.

ARTIKOLU 44

Soċjetà ċivili

Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol u l-kontribut potenzjali tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta’ istituzzjonijiet akkademiċi bħala appoġġ għall-kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim, u jaqblu li jippromwovu, sa fejn huwa possibbli, djalogu magħhom u l-parteċipazzjoni sinifikanti tagħhom f’oqsma rilevanti ta’ kooperazzjoni, f’konformità mal-liġijiet, ir-regoli, ir-regolamenti u l-politiki rispettivi tagħhom.



ARTIKOLU 45

Amministrazzjoni pubblika

Il-Partijiet jaqblu li jikkooperaw bil-ħsieb li jtejbu l-bini tal-kapaċità fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika. Il-kooperazzjoni f’dak il-qasam tista’ tinkludi skambju ta’ fehmiet dwar l-aħjar prattiki dwar metodi ta’ ġestjoni, il-forniment ta’ servizzi, it-tisħiħ tal-kapaċità istituzzjonali u kwistjonijiet ta’ trasparenza.

ARTIKOLU 46

Ġestjoni ta’ diżastri

1.    Il-Partijiet jirrikonoxxu l-ħtieġa li l-impatt tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem jiġi minimizzat. Il-Partijiet jaffermaw l-impenn komuni tagħhom li jippromwovu miżuri ta’ prevenzjoni, mitigazzjoni, stat ta’ tħejjija, rispons u rkupru sabiex iżidu r-reżiljenza tas-soċjetajiet u l-infrastrutturi tagħhom, u sabiex jikkooperaw, kif xieraq, fil-livell bilaterali u multilaterali biex ikun hemm progress lejn dawn l-objettivi.

2.    Il-kooperazzjoni tista’ tieħu l-forma ta’, fost l-oħrajn, dawn li ġejjin:

(a)    il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fil-ġestjoni tad-diżastri;

(b)    il-bini ta’ kapaċità;



(c)    il-kondiviżjoni tal-informazzjoni;

(d)    il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u l-edukazzjoni ġenerali.

3.    Il-kooperazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tista’ tinkludi l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar għajnuna f’każ ta’ diżastru u ta’ assistenza ta’ emerġenza, waqt li titqies il-ħidma kemm taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għar-Rispons ta’ Emerġenza tal-UE kif ukoll dik taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tal-ASEAN għall-Assistenza Umanitarja fir-rigward tal-Ġestjoni ta’ Diżastri.

TITOLU VIII

MEZZI TA’ KOOPERAZZJONI

ARTIKOLU 47

Riżorsi għall-kooperazzjoni

Sabiex jiġu ssodisfati l-objettivi ta’ kooperazzjoni stabbiliti f’dan il-Ftehim, il-Partijiet jaqblu li jqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi xierqa għall-attivitajiet ta’ kooperazzjoni fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim, inklużi mezzi finanzjarji, sa fejn ir-riżorsi u r-regolamenti rispettivi tagħhom jippermettu dan. Dawn l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni jistgħu jinkludu, kif xieraq, inizjattivi ta’ bini tal-kapaċità u ta’ kooperazzjoni teknika, skambju ta’ esperti, twettiq ta’ studji u attivitajiet oħra miftiehma mill-Partijiet.



ARTIKOLU 48

Assistenza finanzjarja u interessi finanzjarji

1.    Kwalunkwe assistenza finanzjarja tal-UE taħt dan il-Ftehim għandha tiġi implimentata mill-Partijiet f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u l-Partijiet se jikkooperaw fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom.

2.    Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri xierqa sabiex jipprevjenu u jiġġieldu l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom, f’konformità mal-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti rispettivi tagħhom. Dawn il-miżuri se jinkludu l-iskambju ta’ informazzjoni u assistenza amministrattiva reċiproka. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u l-awtoritajiet kompetenti tal-Malażja jistgħu jiftiehmu dwar kooperazzjoni ulterjuri fil-qasam ta’ kontra l-frodi.

ARTIKOLU 49

Drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn arranġamenti ta’ kooperazzjoni

Id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li jirriżultaw minn arranġamenti ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom ikunu protetti u infurzati f’konformità mal-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti rispettivi ta’ kwalunkwe waħda mill-Partijiet u ma’ kwalunkwe ftehim internazzjonali rispettiv li ż-żewġ Partijiet huma parti għalih. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċifika taħt arranġamenti ta’ kooperazzjoni individwali eżistenti u futuri.



TITOLU IX

QAFAS ISTITUZZJONALI

ARTIKOLU 50

Kumitat Konġunt

1.    Il-Partijiet jaqblu li jistabbilixxu taħt dan il-Ftehim Kumitat Konġunt, magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet f’livell għoli xieraq, li l-kompiti tiegħu għandhom ikunu li:

(a)    jiżgura l-funzjonament u l-implimentazzjoni tajba ta’ dan il-Ftehim;

(b)    jistabbilixxi prijoritajiet fir-rigward tal-għanijiet ta’ dan il-Ftehim;

(c)    jagħmel rakkomandazzjonijiet għall-promozzjoni tal-għanijiet ta’ dan il-Ftehim;

(d)    isib soluzzjoni, fejn applikabbli, għal kwalunkwe differenza jew diverġenza li jirriżultaw mill-interpretazzjoni, l-implimentazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim f’konformità mal-Artikolu 53;

(e)    jeżamina l-informazzjoni kollha ppreżentata minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet fir-rigward ta’ nuqqas ta’ ssodisfar tal-obbligi, u jwettaq konsultazzjonijiet mal-Parti l-oħra biex ifittex soluzzjoni bonarja u reċiprokament aċċettabbli għall-Partijiet f’konformità mal-Artikolu 53;



(f)    jissorvelja l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe ftehim speċifiku kif imsemmi fl-Artikolu 52(2).

2.    Il-Kumitat Konġunt għandu normalment jiltaqa’ mhux inqas minn darba kull sentejn, fil-Malażja u fi Brussell b’mod alternat, f’data li għandha tiġi determinata bi ftehim reċiproku. Laqgħat straordinarji tal-Kumitat Konġunt jistgħu jsiru wkoll bi ftehim bejn il-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt għandu jitmexxa b’mod alternattiv minn kull waħda mill-Partijiet. L-aġenda għal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi determinata bi qbil bejn il-Partijiet.

3.    Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma speċjalizzati sabiex jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Dawk il-gruppi ta’ ħidma għandhom jippreżentaw rapporti dettaljati dwar l-attivitajiet tagħhom lill-Kumitat Konġunt f’kull waħda mil-laqgħat tiegħu.

4.    Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

TITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

ARTIKOLU 51

Divulgazzjoni ta’ informazzjoni

1.    Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jinftiehem bħala li jirrikjedi li xi waħda mill-Partijiet tipprovdi xi informazzjoni li tqis li l-iżvelar tagħha jkun kuntrarju għall-interessi tas-sigurtà essenzjali tagħha.



2.    Il-Partijiet għandhom jipprovdu protezzjoni xierqa għall-informazzjoni kondiviża taħt dan il-Ftehim, b’mod konsistenti mal-interess pubbliku dwar l-aċċess għall-informazzjoni u f’konformità mal-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti rispettivi tagħhom.

ARTIKOLU 52

Ftehimiet oħra

1.    Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa l-applikazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ impenji meħuda mill-Partijiet fir-rigward ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

2.    Il-Partijiet jistgħu jikkumplimentaw dan il-Ftehim billi jikkonkludu ftehimiet speċifiċi fi kwalunkwe qasam ta’ kooperazzjoni li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Dawn il-ftehimiet speċifiċi għandhom ikunu parti integrali tar-relazzjonijiet bilaterali ġenerali kif irregolati b’dan il-Ftehim u għandhom jifformaw parti minn qafas istituzzjonali komuni.

ARTIKOLU 53

Twettiq ta’ obbligi

1.    Kull differenza jew diverġenza bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni, l-implimentazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tiġi solvuta amikevolment, permezz ta’ konsultazzjoni jew negozjati fi ħdan il-Kumitat Konġunt, mingħajr referenza għal parti terza jew tribunal internazzjonali.



2.    Jekk xi waħda mill-Partijiet tikkunsidra li l-Parti l-oħra naqset milli tissodisfa xi wieħed mill-obbligi taħt dan il-Ftehim hija għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra. Il-Partijiet għandhom iwettqu konsultazzjonijiet bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli għall-kwistjoni. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom iseħħu taħt l-awspiċi tal-Kumitat Konġunt. F’każ li l-Kumitat Konġunt ma jistax jilħaq soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli, il-Parti notifikanti tista’ tieħu miżuri xierqa. Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, “miżuri xierqa” tfisser kwalunkwe miżura rakkomandata mill-Kumitat Konġunt jew is-sospensjoni, parzjalment jew kompletament, ta’ dan il-Ftehim.

3.    Jekk xi waħda mill-Partijiet tikkunsidra li l-Parti l-oħra naqset milli tissodisfa xi wieħed mill-obbligi deskritti bħala elementi essenzjali fl-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 7(1), hija għandha tinnotifika minnufih lill-Parti l-oħra dwar dan il-fatt u l-miżuri xierqa li tkun beħsiebha tieħu. Il-Parti notifikanti għandha tavża lill-Kumitat Konġunt dwar il-ħtieġa li jorganizza konsultazzjonijiet urġenti dwar il-kwistjoni. F’każ li l-Kumitat Konġunt ma jsibx soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli fi żmien 15-il jum mill-bidu tal-konsultazzjonijiet, u sa mhux aktar tard minn 30 jum mid-data tan-notifika, il-Parti notifikanti tista’ tieħu l-miżuri xierqa. Għall-fini ta’ dan il-paragrafu “miżuri xierqa” tfisser kwalunkwe miżura rakkomandata mill-Kumitat Konġunt jew is-sospensjoni, parzjalment jew kompletament, ta’ dan il-Ftehim jew ta’ kwalunkwe ftehim speċifiku fis-sens tal-Artikolu 52(2).

4.    Kull miżura xierqa meħuda għandha tkun proporzjonata man-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-obbligi taħt dan il-Ftehim u ma għandhiex taffettwa l-kontinwazzjoni ta’ obbligi oħra taħt dan il-ftehim li mhumiex affettwati mis-sitwazzjoni. Fl-għażla tal-miżura xierqa, għandha tingħata prijorità lil dawk li l-inqas ifixklu l-funzjonament ta’ dan il-Ftehim jew ta’ kwalunkwe ftehim speċifiku ieħor fis-sens tal-Artikolu 52(2).



ARTIKOLU 54

Faċilitazzjoni

Sabiex tiġi faċilitata l-kooperazzjoni fil-qafas ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet jaqblu li jagħtu faċilitajiet lill-uffiċjali u lill-esperti involuti fil-kooperazzjoni implimentattiva fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, f’konformità mal-liġijiet, ir-regoli u r-regolamenti rispettivi tal-Partijiet.

ARTIKOLU 55

Applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom it-TUE u t-TFUE huma applikati taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawn it-Trattati u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tal-Malażja.

ARTIKOLU 56

Definizzjoni tal-Partijiet

Għall-fini ta’ dan il-Ftehim, it-terminu "il-Partijiet" għandha tfisser l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, f’konformità mal-kompetenzi rispettivi tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Gvern tal-Malażja, min-naħa l-oħra.



ARTIKOLU 57

Żvilupp u emendi futuri

1.    Kwalunkwe waħda mill-Partijiet tista’, bil-miktub, tressaq kwalunkwe proposta għall-espansjoni tal-ambitu tal-kooperazzjoni jew emenda għal kull dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim.

2.    Kull suġġeriment għall-espansjoni tal-ambitu tal-kooperazzjoni għandu jqis l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew ta’ kwalunkwe ftehim imsemmi fl-Artikolu 52(2).

3.    Kull espansjoni tal-ambitu tal-kooperazzjoni jew emendi ta’ dan il-Ftehim għandhom isiru bi ftehim reċiproku bil-miktub, permezz ta’ ftehimiet jew protokolli supplimentari jew tali strumenti xierqa kif jista’ jiġi miftiehem mill-Partijiet.

4.    Dawn il-ftehimiet, protokolli jew strumenti xierqa supplimentari għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data li trid tiġi miftiehma mill-Partijiet u għandhom jikkostitwixxu parti integrali ta’ dan il-Ftehim.

ARTIKOLU 58

Dħul fis-seħħ u durata

1.    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-aħħar Parti tkun notifikat lill-oħra bit-tlestija tal-proċeduri legali meħtieġa għal dan il-għan.



2.    Dan il-Ftehim għandu jkun validu għal perjodu ta’ ħames snin. Għandu jiġi awtomatikament estiż għal aktar perjodi suċċessivi ta’ sena, dment li xi waħda mill-Partijiet tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miktub bl-intenzjoni tagħha li ma testendix dan il-Ftehim sitt xhur qabel it-tmiem ta’ kwalunkwe perjodu ta’ sena sussegwenti.

3.    Dan il-Ftehim jista’ jintemm minn kwalunkwe waħda mill-Partijiet b’avviż bil-miktub lill-Parti l-oħra. It-tmiem għandu jidħol fis-seħħ sitt xhur wara l-irċevuta tan-notifika mill-Parti l-oħra.

ARTIKOLU 59

Notifiki

Notifiki magħmula f’konformità mal-Artikolu 58 għandhom isiru lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Malażja, rispettivament.



ARTIKOLU 60

Test awtentiku

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Irlandiża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Netherlandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ungeriża u dik tal-Malażja, fejn kull wieħed minn dawn it-testi jkollhom l-istess awtentiċità. F'każ ta’ kwalunkwe diverġenza fl-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jirreferu l-kwistjoni lill-Kumitat Konġunt.

Magħmul fi …………………… [post], dan ……………………………. jum ta’ ……… [xahar] fis-sena Elfejn u ...

GĦAR-RENJU TAL-BELĠJU,

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

GĦAR-REPUBBLIKA ĊEKA,

GĦAR-RENJU TAD-DANIMARKA,

GĦAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,



GĦALL-IRLANDA,

GĦAR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

GĦAR-RENJU TA’ SPANJA,

GĦAR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA,

GĦAR-REPUBBLIKA TALJANA,

GĦAR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

GĦALL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

GĦALL-UNGERIJA,

GĦAR-REPUBBLIKA TA’ MALTA,

GĦAR-RENJU TAN-NETHERLANDS,

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,



GĦAR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

GĦAR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

GĦAR-RUMANIJA,

GĦAR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

GĦAR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

GĦAR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

GĦAR-RENJU TAL-IŻVEZJA,

GĦALL-UNJONI EWROPEA,

GĦALL-GVERN TAL-MALAŻJA