Brussell, 19.7.2022

COM(2022) 343 final

2022/0217(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, fuq naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni ta’ regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali tal-periti


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali (il-Kumitat MRA) stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, fuq naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali tal-periti f’konformità mal-Artikolu 11.3.6 tas-CETA.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.CETA

Is-CETA għandu l-għan li jilliberalizza u jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment, kif ukoll li jippromwovi relazzjoni ekonomika aktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada (il-Partijiet). Is-CETA ġie ffirmat fit-30 ta' Ottubru 2016, u beda jiġi applikat b'mod proviżorju mill-21 ta’ Settembru 2017.

2.2.Il-Kumitat MRA

Il-Kumitat MRA huwa stabbilit bħala kumitat speċjalizzat skont l-Artikolu 26.2.1.b tas-CETA u huwa responsabbli mill-implimentazzjoni tal-Artikolu 11.3 tas-CETA li jirregola l-ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku (mutual recognition agreement, MRAs). Il-kompiti tiegħu huma, fost l-oħrajn, li jagħmel disponibbli għall-pubbliku informazzjoni dwar in-negozjar u l-implimentazzjoni tal-MRAs, jirrapporta lill-Kumitat Konġunt CETA dwar il-progress tan-negozjati u l-implimentazzjoni tal-MRAs, u jadottahom.

2.3.L-att previst tal-Kumitat MRA

Il-Kumitat MRA għandu jadotta deċiżjoni (l-att previst) dwar MRA dwar il-kwalifiki professjonali tal-periti f’konformità mal-Artikolu 11.3.6 tas-CETA.

L-għan tal-att previst huwa li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li permezz tagħhom il-ġuriżdizzjonijiet tal-Partijiet li jirregolaw l-aċċess għal ta’ attivitajiet arkitettoniċi jew it-twettiq tagħhom, billi jirrikjedu kwalifiki professjonali speċifiċi, għandhom jirrikonoxxu l-kwalifiki professjonali li jagħtu aċċess għall-attivitajiet arkitettoniċi professjonali f’ġuriżdizzjoni tal-Parti l-oħra.

Skont l-Artikolu 11.3.6 tas-CETA, l-att previst se jsir vinkolanti fuq il-Partijiet wara li l-Kumitat MRA jiġi notifikat minn kull Parti li r-rekwiżiti interni rispettivi tagħhom jkunu ġew issodisfati.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

L-att previst jinkludi regoli speċifiċi li jirregolaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-periti u għall-aċċess għal attivitajiet arkitettoniċi professjonali fiż-żewġ Partijiet. Dan jiffaċilita l-forniment ta’ servizzi arkitettoniċi skont id-dispożizzjonijiet tas-CETA li jirregolaw l-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi permezz tal-forniment transfruntier ta’ servizzi, investiment, u dħul u soġġorn temporanju ta’ persuni fiżiċi għal skopijiet ta’ negozju.

Ir-rekwiżiti sostanzjali u proċedurali tal-Artikolu 11.3 tas-CETA ġew issodisfati. Fit-22 ta’ Mejju 2018, il-Canadian Architectural Licensing Authorities (CALA, issa magħrufa bħala ROAC) u l-Kunsill tal-Periti tal-Ewropa (Architects Council of Europe, ACE) ippreżentaw Rakkomandazzjoni Konġunta lill-Kumitat MRA. Fil-laqgħa tas-16 ta’ April 2019 il-Kumitat MRA qabel li d-dokumenti pprovduti mis-CALA u mill-ACE jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Kapitolu 11 tas-CETA u jikkostitwixxu rakkomandazzjoni aċċettabbli tal-MRA. Fil-laqgħa tal-24 ta’ Novembru 2020 il-Kumitat MRA stabbilixxa l-entitajiet ta’ negozjar u stabbilixxa l-passi biex jinnegozja MRA.

Il-pożizzjoni ssuġġerita ma għandhiex impatt fuq il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kwalifiki professjonali. Id-Direttiva 2005/36/KE 1 ma tapplikax għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

Madankollu, fiha regoli għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki minn pajjiżi terzi fil-pussess ta’ ċittadini tal-UE. Il-premessa 10 tiddikjara li d- “Direttiva ma toħloqx ostakolu għall-possibbiltà li Stati Membri jirrikonoxxu, skont ir-regoli tagħhom, kwalifiki professjonali miksuba barra mit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea minn ċittadini ta' pajjiżi terzi. Kull rikonoxximent għandu jirrispetta f'kull każ kondizzjonijiet minimi ta' taħriġ għal ċerti professjonijiet.” L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva jistipula li “Prova ta' kwalifiki formali maħruġa minn pajjiż terz għandha tkun ikkunsidrata bħala prova ta' kwalifiki formali jekk it-titolari jkollu tliet snin ta' esperjenza professjonali fil-professjoni konċernata fit-territorju ta' l-Istat Membru li rrikonoxxa dik il-prova ta' kwalifiki formali […]”. Il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent kif stabbiliti fl-MRA huma aktar stretti mill-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ għall-periti fid-Direttiva.

Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt CETA dwar l-att previst sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni.

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat MRA huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri s-CETA. L-att li huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti ġuridiċi. L-att previst se jkun vinkolanti għall-Partijiet skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 11.3.6 tas-CETA.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed d-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni. Id-dispożizzjonijiet tas-CETA relatati mar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali għandhom effetti diretti u immedjati fuq il-kummerċ fis-servizzi bejn l-Unjoni u l-Kanada 2 .

Għalhekk, il-bażi legali sostantiva għad-deċiżjoni proposta hi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażijiet legali tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2022/0217 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, fuq naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni ta’ regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali tal-periti

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 3  tipprovdi l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”). Il-Ftehim ġie ffirmat fit-30 ta Ottubru 2016.

(2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 4 tipprovdi l-applikazzjoni proviżorja ta’ partijiet tal-Ftehim, inkluż l-istabbiliment tal-Kumitat Konġunt dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali (il-Kumitat MRA). Il-Ftehim ilu jiġi applikat bmod proviżorju mill-21 ta Settembru 2017.

(3)Fit-22 ta’ Mejju 2018, il-Canadian Architectural Licensing Authorities (CALA, issa magħrufa bħala ROAC) u l-Kunsill tal-Periti tal-Ewropa (Architects Council of Europe, ACE) ippreżentaw Rakkomandazzjoni Konġunta lill-Kumitat MRA. Fil-laqgħa tas-16 ta’ April 2019, il-Kumitat MRA qabel li r-rekwiżiti tal-Kapitolu 11 tas-CETA ġew issodisfati u d-dokumenti pprovduti mis-CALA u l-ACE jikkostitwixxu Rakkomandazzjoni Konġunta aċċettabbli għal Ftehim dwar Rikonoxximent Reċiproku (MRA), b’mod partikolari fir-rigward tal-valur potenzjali tiegħu u l-kompatibbiltà tar-reġimi ta’ liċenzjar jew ta’ kwalifika tal-Partijiet.

(4)Fil-laqgħa tal-24 ta’ Novembru 2020 il-Kumitat MRA stabbilixxa l-entitajiet ta’ negozjar u stabbilixxa l-passi biex jinnegozja MRA. Bejn l-24 ta’ Marzu 2021 u l-10 ta’ Marzu 2022 saru sensiela ta’ disa’ ċikli ta’ negozjati.

(5)L-abbozz tal-MRA li ġie nnegozjat bejn l-Unjoni u l-Kanada jipprevedi r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali skont kundizzjonijiet speċifiċi u stretti. Fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali Kanadiżi, l-abbozz tal-MRA jeħtieġ (i) mhux anqas minn 12-il sena ta’ edukazzjoni, taħriġ u esperjenza professjonali bħala perit, (ii) liċenzja professjonali valida jew reġistrazzjoni bħala perit minn awtorità kompetenti fil-Kanada u (iii) reputazzjoni tajba. Ir-rekwiżit li tinkiseb liċenzja professjonali valida jew reġistrazzjoni bħala perit jimplika l-konklużjoni ta’ studji f’konformità mal-Canadian Education Standard u s-sistema ta’ akkreditazzjoni tal-Canadian Architects Certification Board (CACB). Il-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet li jirregolaw il-kisba ta’ reġistrazzjoni jew liċenzja kienet il-bażi għall-konklużjoni tar-Rakkomandazzjoni Konġunta dwar l-aċċettazzjoni tar-rikonoxximent tal-istandards tal-edukazzjoni u t-taħriġ prattiku tal-periti fil-Kanada.

(6)Il-Kumitat MRA għandu jadotta deċiżjoni dwar MRA.

(7)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat MRA, peress li s-MRA se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(8)L-MRA jistabbilixxi regoli speċifiċi li jirregolaw ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-periti u l-aċċess għal attivitajiet arkitettoniċi professjonali fiż-żewġ Partijiet u għaldaqstant jiffaċilita l-kummerċ fis-servizzi arkitettoniċi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat MRA fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku dwar il-kwalifiki professjonali tal-periti għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kumitat MRA mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta Kwalifiki Professjonali (ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22).
(2)    L-opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tas-16 ta’ Mejju 2017, paragrafu 53. It-test rilevanti fil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles ma’ Singapor, li fuqu hija bbażata l-Opinjoni, huwa fuq sustanza identika għall-Artikolu 11.3 tas-CETA.
(3)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar fisem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, fuq naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1).
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1080).

Brussell, 19.7.2022

COM(2022) 343 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, fuq naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni ta’ regoli dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali tal-periti


APPENDIĊI

Deċiżjoni Nru […] tal-Kumitat Konġunt dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali

ta’ [...]

li tistabbilixxi ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali tal-periti

Il-KUMITAT KONĠUNT DWAR IR-RIKONOXXIMENT REĊIPROKU TAL-KWALIFIKI PROFESSJONALI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (“CETA”) bejn il-Kanada, fuq naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-oħra, magħmul fi Brussell fit-30 ta’ Ottubru 2016, b’mod partikolari l-Artikoli 11.3.6 tiegħu,

Billi:

(1)F’konformità mal-Artikolu 30.7.3 tas-CETA, partijiet mis-CETA ġew applikati b’mod proviżorju mill-21 ta’ Settembru 2017;

(2)L-Artikolu 11.3.6 tas-CETA jipprevedi li l-Kumitat Konġunt dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali (il- “Kumitat”) għandu jadotta Ftehim dwar Rikonoxximent Reċiproku (“MRA”) permezz ta’ deċiżjoni jekk fil-fehma tal-Kumitat l-MRA jkunx konsistenti mas-CETA;

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

1.B'dan il-Kumitat l-Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali tal-Periti stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni u li jifforma parti integrali minn din id-Deċiżjoni.

2.Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ din id-Deċiżjoni jestendi għall-pajjiżi li jaderixxu mal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 30.10 tas-CETA.

3.Għal aktar ċertezza, is-CETA japplika għal din id-Deċiżjoni, inklużi l-proċeduri tiegħu għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-Kapitolu 29 u l-eċċezzjonijiet fil-Kapitolu 28.

4.Għal aktar ċertezza, xejn f'din id-Deċiżjoni ma għandu jżomm lil Parti milli tapplika miżuri biex tirregola d-dħul ta' persuni fiżiċi u s-soġġorn tagħhom fit-territorju tagħha, inklużi dawk il-miżuri meħtieġa għall-ħarsien tal-integrità ta' persuni fiżiċi u sabiex jiġi żgurat il-moviment organizzat tagħhom fuq il-konfini tagħha, bil-kundizzjoni li tali miżuri ma jiġux applikati b'mod li jannullaw jew jikkompromettu l-benefiċċji ta' Parti li jirriżultaw mit-termini tal-Kapitolu 10 tas-CETA. Il-fatt biss ta' ħtieġa ta' viża għall-persuni fiżiċi ta' ċertu pajjiż u mhux għal dawk ta' oħrajn ma għandux jiġi kkunsidrat bħala wieħed li jannulla jew jikkomprometti l-benefiċċji skont it-termini tal-Kapitolu 10 tas-CETA.

5.Il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid id-dritt li jirregolaw u li jintroduċu regolamenti ġodda li jirregolaw l-attività ekonomika fl-interess pubbliku skont l-obbligi internazzjonali, biex jiksbu objettivi ta' politika pubblika leġittimi bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sigurtà, l-ambjent, il-morali pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumaturi, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data u l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali.

6.Jekk l-Unjoni Ewropea jkollha l-ħsieb li tintroduċi kors ta’ pre-reġistrazzjoni onlajn skont l-Artikolu 5.4 tal-Anness, hija għandha tinforma lill-Kumitat kmieni biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi diskuss l-impatt potenzjali tiegħu fuq din id-Deċiżjoni.

7.L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tal-Anness tista’ tinġabar f’dokument tal-Kumitat u tiġi ppubblikata mill-Partijiet.

8.Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ 30 jum wara d-data li tiġi adottata mill-Kumitat. Issir vinkolanti wara li l-Kumitat jiġi nnotifikat minn kull Parti dwar l-issodisfar tar-rekwiżiti interni rispettivi tagħhom f’konformità mal-Artikolu 11.3.6 tas-CETA. Għal aktar ċertezza, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-periti skont din id-Deċiżjoni ma għandux jingħata qabel ma din id-Deċiżjoni ssir vinkolanti.

9.Din id-deċiżjoni ma għandhiex tibqa’ effettiva u vinkolanti jekk is-CETA ma jidħolx fis-seħħ u l-applikazzjoni proviżorja tas-CETA tintemm f’konformità mas-subparagrafu (d) tal-Artikolu 30.7.3 tas-CETA, jew jekk is-CETA jiġi tterminat skont l-Artikolu 30.9.1 tas-CETA.

10.Fir-rigward tal-Kanada, ir-rekwiżiti interni msemmija fl-Artikolu 8 jinkludu r-ratifika mill-korpi regolatorji kollha li jiffurmaw ir-Regulatory Organizations for Architecture in Canada (“ROAC”) u, jekk ikun hemm, l-azzjonijiet leġiżlattivi u regolatorji rilevanti tal-Provinċji u t-Territorji. Għal aktar ċertezza, il-Provinċji u t-Territorji skont l-awtorità kostituzzjonali tagħhom fil-Kanada li jirregolaw il-kwalifiki u s-servizzi professjonali, jistgħu jiddelegaw awtoritajiet speċifiċi lill-korpi regolatorji tagħhom fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom, fid-diskrezzjoni tagħhom.

11.Jekk Parti tagħmel talba bil-miktub lill-Kumitat li d-Deċiżjoni jenħtieġ li tiġi revokata, id-Deċiżjoni għandha tiġi revokata u ma tibqax vinkolanti fuq il-Partijiet, dment li l-Kumitat ma jiddeċidix mod ieħor fi żmien 90 jum minn meta tasal tali talba.

12.Fil-każ tar-revoka ta’ din id-Deċiżjoni, it-terminazzjoni tas-CETA jew l-applikazzjoni proviżorja tiegħu skont l-Artikolu 30.9.1 jew is-subparagrafu (d) tal-Artikolu 30.7.3 tas-CETA, id-deċiżjonijiet li jirrikonoxxu l-kwalifiki professjonali tal-periti li jinħarġu b’konformità ma’ din id-Deċiżjoni qabel id-data tar-revoka jew tat-terminazzjoni jibqgħu validi. Fil-każ tar-revoka ta’ din id-Deċiżjoni jew it-terminazzjoni tas-CETA jew l-applikazzjoni proviżorja tiegħu, kwalunkwe applikazzjoni għal rikonoxximent li tiġi ppreżentata lil Parti qabel id-data tat-talba għal revoka ta’ din id-Deċiżjoni jew id-data tat-terminazzjoni tas-CETA jew l-applikazzjoni proviżorja tagħha għandha tiġi vvalutata u kkompletata skont it-termini ta’ din id-Deċiżjoni. Ir-revoka ta’ din id-Deċiżjoni, jew it-terminazzjoni tas-CETA jew l-applikazzjoni proviżorja tiegħu f’konformità mal-Artikolu 30.9.1 jew is-subparagrafu (d) tal-Artikolu 30.7.3 tas-CETA huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe obbligu tal-periti li jġeddu l-awtorizzazzjonijiet għat-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi fil-ġurisdizzjoni ospitanti tagħhom.

13.Parti li tkun talbet ir-revoka ta’ din id-Deċiżjoni tista’ tinnotifika lill-Kumitat bil-miktub meta tkun tixtieq terġa’ tapplika din id-Deċiżjoni. Il-Kumitat jista’ jadotta deċiżjoni għal dan il-għan fi żmien tliet snin mid-data tar-revoka u dik id-deċiżjoni tal-Kumitat għandha ssir vinkolanti skont il-proċess stabbilit fl-Artikolu 8.

14.Din id-Deċiżjoni hija mfassla f'żewġ kopji bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Kroata, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Taljana, Ungeriża u Żvediża, fejn kull verżjoni hija awtentika daqs l-oħra. 

Mill-KUMITAT KONĠUNT DWAR IR-RIKONOXXIMENT REĊIPROKU TAL-KWALIFIKI PROFESSJONALI,

(Il-Kopresidenti)

ANNESS

Ftehim dwar ir-Rikonoxximent Reċiproku tal-Kwalifiki Professjonali tal-Periti

L-UNJONI EWROPEA u L-KANADA

minn hawn 'il quddiem imsejħin flimkien bħala “il-Partijiet”,

jiddeterminaw li:

(1)filwaqt li JISTABBILIXXU qafas biex jinkiseb reġim ġust, trasparenti u konsistenti għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali tal-professjoni tal-periti;

KIF UKOLL

(2)filwaqt li JAFFERMAW l-impenji tagħhom bħala Partijiet għall-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (“CETA”);

(3)filwaqt li JIRRIKONOXXU l-awtorità tal-Gvernijiet Provinċjali u Territorjali fil-Kanada fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-kwalifiki u s-servizzi professjonali fil-ġurisdizzjoni tagħhom;

(4)filwaqt li JIMPLIMENTAW il-Kapitolu 11 tas-CETA dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali tal-professjoni tal-periti;

(5)filwaqt li JIRRIKONOXXU l-ħidma preparatorja u r-rakkomandazzjoni konġunta tal-Kunsill tal-Periti tal-Ewropa u r-Regulatory Organization of Architecture fil-Kanada;

(6)filwaqt li JFAKKRU li t-tariffi ta' awtorizzazzjoni li l-applikanti jistgħu jġarrbu b'rabta mal-applikazzjoni tagħhom jenħtieġ li tkun raġonevoli u proporzjonata mal-kostijiet imġarrba, u jenħtieġ li minnhom infushom ma jillimitawx il-forniment ta' servizz jew it-twettiq ta' kwalunkwe attività ekonomika oħra koperta mis-CETA;

(7)filwaqt li JIRRIKONOXXU l-istandards għoljin tal-edukazzjoni u t-taħriġ prattiku tal-periti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u fil-Provinċji u t-Territorji tal-Kanada, li jikkunsidraw it-tradizzjonijiet nazzjonali, edukattivi differenti u jippermettu elementi ta’ ekwivalenza;

(8)filwaqt li JINKORAĠĠIXXU l-kummerċ fis-servizzi arkitettoniċi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada billi jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali li jippermettu r-reġistrazzjoni jew il-liċenzjar sussegwenti tal-periti fil-Parti l-oħra;

(9)filwaqt li JINNOTAW il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Kanadiż, li fih dispożizzjonijiet dwar il-mobbiltà domestika tal-forza tax-xogħol fil-Kanada;

(10)filwaqt li JFAKKAR li applikant li t-talba tiegħu għal rikonoxximent ġiet miċħuda skont dan il-Ftehim jista’ jirrikorri għall-proċeduri ta’ rieżami speċifikati skont l-Artikolu 12.3.6 tas-CETA.

FTIEHMU dan li ġej:

Artikolu 1

Kuntest u kamp ta’ applikazzjoni

1.Dan il-Ftehim jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċeduri li skonthom ġurisdizzjoni ta’ Parti waħda, li tirregola l-aċċess għal jew it-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi billi tirrikjedi kwalifiki professjonali speċifiċi, għandha tirrikonoxxi l-kwalifiki professjonali li jagħtu aċċess għal attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni tal-Parti l-oħra.

2.Dan il-Ftehim japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u għal ċittadini tal-Kanada li jkunu jridu jibdew u jwettqu attivitajiet arkitettoniċi għal rashom jew bħala impjegati.

3.Dan il-Ftehim ma japplikax għal periti li huma awtorizzati li jwettqu attivitajiet arkitettoniċi fil-Kanada jew fl-Unjoni Ewropea skont ftehim ta’ rikonoxximent reċiproku ma’ parti terza.

4.Mingħajr preġudizzju għal dan il-Ftehim, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Provinċji u t-Territorji tal-Kanada jistgħu jirrikonoxxu, skont il-liġijiet u r-regolamenti rispettivi tagħhom, il-kwalifiki professjonali li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikoli 1.1, 1.2 u 11.1 tas-CETA. Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll u jissostitwixxu d-definizzjonijiet fl-Artikoli 1.1, 1.2 u 11.1 tas-CETA fejn rilevanti:

(a)“perit” tfisser persuna fiżika li hija kkwalifikata professjonalment u akkademikament u li hija rreġistrata, liċenzjata jew l-ekwivalenti tagħha biex twettaq attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni koperta minn dan il-Ftehim, skont il-kundizzjonijiet fis-seħħ li jagħtu aċċess għat-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi koperti minn dan il-Ftehim;

(b)“attivitajiet arkitettoniċi” tfisser it-twettiq ta’ attivitajiet professjonali li jitwettqu regolarment taħt it-titolu professjonali ta’ “perit” f’ġurisdizzjoni ospitanti;

(c)“awtorità kompetenti” tfisser awtorità jew korp li għandu s-setgħa, skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Partijiet dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali koperti minn dan il-Ftehim, għall-aċċess għal jew għat-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi jew li joħroġ dokumenti li huma rilevanti għat-tħaddim ta’ dan il-Ftehim;

(d)“kwalifiki formali” tfisser diplomi, ċertifikati u evidenza oħra maħruġa minn awtorità kompetenti f’ġurisdizzjoni maħtura skont dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolatorji jew amministrattivi ta’ dik il-ġurisdizzjoni u li jiċċertifikaw it-tlestija b’suċċess tat-taħriġ professjonali;

(e)“ġurisdizzjoni ospitanti” tfisser il-ġurisdizzjoni tal-Parti li tillimita l-aċċess jew it-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi għal dawk bi kwalifiki professjonali speċifiċi u li fiha perit li jkun kiseb il-kwalifiki professjonali finali f’ġurisdizzjoni tal-Parti l-oħra irid iwettaq attivitajiet arkitettoniċi;

(f)“ġurisdizzjoni” tfisser it-territorju ta’ kull wieħed mill-Provinċji jew Territorji tal-Kanada, jew it-territorju ta’ kull wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, dment li dan il-Ftehim japplika f’dawn it-territorji;

(g)“esperjenza professjonali” tfisser il-prattika effettiva u legali ta’ attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni;

(h)“Id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta' Kwalifiki Professjonali” tfisser id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, inkluż l-annessi tagħha 1 , kif emendat;

(i)“kwalifiki professjonali” tfisser il-kwalifiki attestati permezz ta’ prova ta’ kwalifika formali u esperjenza professjonali, inkluża attestazzjoni ta’ reġistrazzjoni professjonali, liċenzja jew l-ekwivalenti tagħha; kif ukoll

(j)“ROAC” tfisser ir-Regulatory Organizations for Architecture in Canada tal-Kanada, organizzazzjoni professjonali nazzjonali tal-awtoritajiet kompetenti Provinċjali u Territorjali li jaħdmu bħala kollettivi volontarji biex jadottaw standards u programmi rikonoxxuti fil-livell nazzjonali rigward il-professjoni ta’ periti.

Artikolu 3

Effetti ta' rikonoxximent

1.L-awtorità kompetenti ta’ ġurisdizzjoni ospitanti għandha, skont il-proċeduri u l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim, tirrikonoxxi l-ekwivalenza tal-kwalifiki professjonali ta’ perit iċċertifikat minn kwalunkwe awtorità kompetenti tal-Parti l-oħra.

2.Għall-finijiet tal-aċċess jew it-twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi, il-kwalifiki professjonali tal-periti bi kwalifiki rikonoxxuti skont dan il-Ftehim għandhom jingħataw, min-naħa tal-ġurisdizzjoni ospitanti, l-istess effett fit-territorju tagħha bħall-kwalifiki professjonali li jinħarġu jew li jiġu ċertifikati fit-territorju tagħha kif ukoll aċċess għat-twttiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi.

Artikolu 4

Rekwiżiti tar-rikonoxximent

1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, u soġġett għal kwalunkwe rekwiżit ta’ ħiliet lingwistiċi li jistgħu japplikaw, ir-rekwiżiti biex perit ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jwettaq attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni ospitanti tal-Kanada għandhom ikunu:

(a)mhux anqas minn 12-il sena ta’ edukazzjoni, taħriġ u esperjenza professjonali bħala perit, attestat b’evidenza ta’:

kwalifiki formali li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 46, inklużi l-kwalifiki elenkati fl-Anness V, jew ir-rekwiżiti tal-Artikolu 49, inklużi l-kwalifiki elenkati fl-Anness VI, tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, akkumpanjati minn ċertifikat li jattesta l-konformità mad-drittijiet miksuba skont dik id-Direttiva, kif xieraq, u

mhux anqas minn erba’ snin esperjenza professjonali fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea miksuba wara r-reġistrazzjoni, il-liċenzjar jew l-ekwivalenti tagħhom

(b)reġistrazzjoni jew liċenzja professjonali valida bħala perit minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew l-ekwivalenti tagħha jekk ma jkunx hemm reġim ta’ reġistrazzjoni jew ta’ liċenzjar, u

(c)tkun persuna b’karattru tajjeb.

2.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 6, u soġġett għal kwalunkwe rekwiżit ta’ ħiliet lingwistiċi li jistgħu japplikaw, ir-rekwiżiti biex perit mill-Kanada jibda u jwettaq attivitajiet arkitettoniċi fi Stat Membru tal-Unjoni għandhom ikunu:

(a)mhux anqas minn 12-il sena ta’ edukazzjoni, taħriġ u esperjenza professjonali bħala perit, attestat b’evidenza ta’:

kwalifiki formali maħruġa fil-Kanada li jagħtu aċċess għall-professjoni ta’ periti kif deskritt fl-Appendiċi I, u

mhux anqas erba’ snin esperjenza professjonali miksuba wara r-reġistrazzjoni jew il-liċenzjar,

(b)reġistrazzjoni professjonali valida jew liċenzja bħala perit minn awtorità kompetenti fil-Kanada, u

(c)ta’ reputazzjoni tajba.

3.Ir-rekwiżiti tal-ewwel inċiż tas-subparagrafu (a) tal-paragrafu 1 jew l-ewwel inċiż tas-subparagrafu (a) tal-paragrafu 2 jistgħu jiġu ssodisfati wkoll minn kwalifiki formali maħruġa minn parti terza u jiġu rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont ir-rekwiżiti ta’ ġurisdizzjoni ta’ Parti, u fejn xieraq, jiġu ssupplimentati b’taħriġ professjonali, eżami jew esperjenza professjonali kif meħtieġ f’dik il-ġurisdizzjoni.

Artikolu 5

Miżuri ta’ kumpens

1.Perit ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jkun irid jibda u jwettaq attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni ospitanti tal-Kanada għandu jwettaq u jlesti b’suċċess kors ta’ pre-reġistrazzjoni online ta’ 10 siegħa biex jissodisfa r-rekwiżiti ta’ għarfien speċifiku tal-lant dwar ir-regolamentazzjoni tal-bini, id-dokumenti tal-kostruzzjoni, l-amministrazzjoni tal-kuntratti u l-prattika professjonali. L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1) għandha tinkludi t-tariffi tal-parteċipazzjoni fil-kors. Ir-rekwiżiti u l-modalitajiet tal-kors ta’ pre-reġistrazzjoni online huma stabbiliti fl-Appendiċi II.

2.Il-kors ta’ pre-reġistrazzjoni online ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa proporzjonat biex jiġu indirizzati d-differenzi fl-għarfien speċifiku tal-lant bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u l-Provinċji u t-Territorji tal-Kanada. Ma għandux jaġixxi bħala diżinċentiv mhux raġonevoli biex issir applikazzjoni għal rikonoxximent u ma għandux idewwem jew jikkomplika l-aċċess għal jew it-twettiq ta’ attivitajiet professjonali għall-periti msemmija fil-paragrafu 1. Il-moduli tat-test tal-kors tal-pre-reġistrazzjoni online jistgħu jerġgħu jsiru sa tliet darbiet fi żmien tliet xhur mill-ewwel darba li jiġi aċċessat.

3.Il-kors ta’ pre-reġistrazzjoni online jista’ jkun meħtieġ biss għall-periti msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu jridu jiksbu rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tagħhom minn ġurisdizzjoni Kanadiża ospitanti għall-ewwel darba.

4.L-Unjoni Ewropea żżomm id-dritt li tintroduċi kors ta’ pre-reġistrazzjoni online ekwivalenti. Il-paragrafi 1 sa 3 japplikaw għal kwalunkwe kors online bħal dan, bl-eċċezzjoni tar-rekwiżiti u l-modalitajiet tal-Appendiċi II, soġġett li jsiru l-bidliet meħtieġa.

Artikolu 6

Proċedura tar-rikonoxximent

1.Perit li jkun irid jibda u jwettaq attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni tal-Parti l-oħra għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti ta’ dik il-ġurisdizzjoni applikazzjoni b’mezzi elettroniċi sostnuta bid-dokumenti u ċ-ċertifikati elenkati fl-Appendiċi III, jekk dan jintalab mill-ġurisdizzjoni ospitanti. L-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent għandhom isiru fil-lingwa tal-ġurisdizzjoni ospitanti jew fi kwalunkwe lingwa oħra aċċettata mill-ġurisdizzjoni ospitanti.

2.L-awtorità kompetenti għandha tirrikonoxxi l-wasla ta’ applikazzjoni b’mezzi elettroniċi fi żmien xahar minn meta tirċeviha u tinforma lill-applikant jekk l-applikazzjoni titqiesx kompluta. Fil-każ ta’ applikazzjonijiet mhux kompluti, l-awtorità kompetenti għandha tidentifika l-informazzjoni addizzjonali li hija meħtieġa biex titlesta l-applikazzjoni u tipprovdi lill-applikant bl-opportunità li jikkoreġiha f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

3.Il-proċedura biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni għar-rikonoxximent għandha titlesta malajr kemm jista’ jkun u twassal għal deċiżjoni debitament sostanzjata mill-awtorità kompetenti tal-ġurisdizzjoni ospitanti fi żmien tliet xhur wara d-data li fiha l-applikant ikun ippreżenta applikazzjoni kompluta.

4.Jekk awtorità kompetenti tirrikjedi t-tlestija tal-kors ta’ pre-reġistrazzjoni online msemmi fl-Artikolu 5, l-awtorità kompetenti għandha tagħti lill-applikant opportunità li jwettaq il-kors online mingħajr dewmien żejjed ladarba tqis li r-rekwiżiti tal-Artikolu 4 huma ssodisfati. Fi kwalunkwe każ, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-applikant bl-opportunità li jwettaq u jlesti l-kors ta’ pre-reġistrazzjoni online u l-eżami tal-lingwa jekk ikun meħtieġ, u, jekk it-tnejn li huma jitlestew b’suċċess, tipprovdi lill-applikant b’deċiżjoni sostanzjata kif xieraq dwar l-applikazzjoni fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 3.

5.Jekk applikazzjoni tiġi rrifjutata l-awtorità kompetenti għandha tinforma lill-applikant bil-miktub u mingħajr dewmien bla bżonn. L-awtorità kompetenti għandha tinforma lil applikant li ma jintgħażilx bir-raġunijiet taċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu.

6.Kwalunkwe tariffa li l-applikanti jistgħu jġarrbu fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għandha tkun proporzjonata mal-kostijiet imġarrba mill-awtoritajiet kompetenti tal-ġurisdizzjoni ospitanti.

Artikolu 7

Twettiq ta’ attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni ospitanti

1.Perit li jikseb rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tiegħu jew tagħha skont dan il-Ftehim u li jwettaq attivitajiet arkitettoniċi fil-ġurisdizzjoni ospitanti għandu jikkonforma mal-liġijiet, ir-regolamenti, ir-regoli ta’ kondotta u l-etika tal-ġurisdizzjoni ospitanti applikabbli għall-periti, bħal regoli dwar l-assigurazzjoni obbligatorja ta’ indennizz professjonali, il-ħiliet lingwistiċi, l-iżvilupp professjonali kontinwu, it-tariffi tar-reġistrazzjoni u l-użu ta’ ismijiet kummerċjali jew tad-ditti.

2.Perit imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun intitolat li jwettaq attivitajiet arkitettoniċi taħt it-titolu professjonali f’dik il-ġurisdizzjoni ospitanti jekk tali titolu jkun protett bil-liġi.

3.Jekk il-kwalifiki professjonali ta’ perit ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 4 ikunu ġew rikonoxxuti minn ġurisdizzjoni ospitanti waħda tal-Kanada, ġurisdizzjoni ospitanti oħra tal-Kanada ma tistax timponi korsijiet supplimentari li ma jkunux meħtieġa minn perit tal-Kanada bħala kundizzjoni għar-reġistrazzjoni f’ġurisdizzjoni ospitanti sussegwenti.

Artikolu 8

Implimentazzjoni

1.Kull Parti għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku jew għandha tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, jekk possibbli b’mezzi elettroniċi, informazzjoni dwar:

(a)l-ismijiet u l-indirizzi tal-awtoritajiet kompetenti li jamministraw l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent tal-kwalifiki;

(b)rekwiżiti u proċeduri rilevanti relatati mal-applikazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki;

(c)proċeduri relatati mar-reġistrazzjoni obbligatorja jew is-sħubija f’korp professjonali; kif ukoll

(d)il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli għall-prattika tal-attivitajiet professjonali koperti minn dan il-Ftehim, inkluż b’mod partikolari r-rekwiżiti ta’ għarfien speċifiċi tal-lant li jiġu ttestjati fil-kors ta’ pre-reġistrazzjoni online msemmi fl-Artikolu 5.

2.Kull Parti għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-Parti l-oħra dwar regolamenti jew modifiki ġodda għar-regolamenti eżistenti, adottati fl-eżerċizzju tad-dritt tagħha li tirregola, li jista’ jkollhom impatt fuq ir-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-periti f’konformità mas-subparagrafu (d) tal-Artikolu 11.5 tas-CETA.

3.L-awtoritajiet kompetenti ta’ kull ġurisdizzjoni ta’ Parti għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u għandhom jipprovdu assistenza reċiproka sabiex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

4.Xejn f’dan il-Ftehim ma jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-assoċjazzjonijiet tagħhom milli jiltaqgħu fuq bażi regolari bil-għan li jiddiskutu kwistjonijiet relatati mar-regolamentazzjoni tal-professjoni ta’ periti.

5.Il-partijiet għandhom iressqu kwalunkwe kwistjoni li tinqala’ mill-implimentazzjoni jew il-funzjonament ta’ dan il-Ftehim għall-attenzjoni tal-Kumitat MRA stabbilit skont is-subparagrafu (b) tal-Artikolu 26.2 (1) tas-CETA jekk tali kwistjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu solvuti f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Il-Kumitat għandu jiltaqa’ minnufih mhux aktar tard minn 45 jum minn meta jirċievi talba u l-Kumitat għandu jagħmel ħiltu biex jilħaq soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ naħat tal-kwistjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tal-laqgħa tal-Kumitat.

6.Fil-każ li l-Kumitat Konġunt CETA jeżamina l-effett ta’ adeżjoni ġdida tal-UE skont l-Artikolu 30.10 tas-CETA, il-Kumitat MRA għandu jiltaqa’ u jirrapporta lill-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment biex jappoġġa l-eżami mill-Kumitat Konġunt.

Appendiċi I

Kwalifiki formali maħruġa fil-Kanada li jagħtu aċċess għall-professjoni ta’ periti msemmija fl-Artikolu 4(2)

Fil-Kanada, l-edukazzjoni meħtieġa bħala waħda mill-kundizzjonijiet biex jinkiseb aċċess għall-kwalifiki tal-periti hija ċċertifikata b’diploma minn waħda mill-universitajiet li ġejjin:

University of British Columbia;

University of Calgary;

Carleton University;

Technical University of Nova Scotia (TUNS)-Bħalissa Dalhousie University;

Université Laval;

University of Manitoba;

McGill University;

Université de Montréal;

University of Toronto; kif ukoll

University of Waterloo.

Il-lawrji rilevanti huma:

Baċellerat tal-Arkitettura (B. Arch) sal-2004; kif ukoll

MasterArkitettura (M. Arch).

Il-Canadian Architectural Certification Board (“CACB”) jew l-awtorità kompetenti jistgħu jivvalutaw ukoll lawrji jew diplomi professjonali individwali fl-arkitettura minn istituzzjonijiet mhux akkreditati u jagħtu ċertifikazzjoni jekk jissodisfaw l-Istandard Edukattiv Kanadiż approvat mir-ROAC. Is-CACB iżomm lista ta’ akkreditazzjonijiet attwali, kif ukoll informazzjoni dwar il-modi ta’ ċertifikazzjoni, fuq is-sit web tagħhom.

Għall-gradwati minn waħda mill-Iskejjel Kanadiżi tal-Arkitettura qabel l-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Akkreditazzjoni tal-Programm ta’ Grad CACB fl-1991, is-CACB iċċertifikat kull kwalifika edukattiva individwali tal-gradwati arkitettoniċi, li kellhom jinkisbu minn waħda mill-universitajiet elenkati hawn fuq.

Appendiċi II

Dettalji tal-kors ta’ pre-reġistrazzjoni online ta’ 10 sigħat msemmi fl-Artikolu 5

1. Prinċipji ġenerali u għanijiet tal-kors

Il-kors ta’ pre-reġistrazzjoni online msemmi fl-Artikolu 5 huwa maħsub biex jiżgura li perit ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li jixtieq jibda u jwettaq attivitajiet arkitettoniċi f’ġurisdizzjoni ospitanti tal-Kanada jkun kiseb l-għarfien speċifiku tal-lant meħtieġ biex jipprattika f’wieħed mill-Provinċji jew it-Territorji tal-Kanada.

Meta jitlesta l-kors, applikant ikollu fehim ta’ liema servizzi huwa meħtieġ jipprovdi perit, ir-rekwiżiti kuntrattwali qabel ma jibda s-servizzi arkitettoniċi, l-obbligi professjonali fi professjoni awtoregolatorja u r-rekwiżit li jiġu protetti l-ġid pubbliku, l-obbligi amministrattivi u legali li perit huwa meħtieġ li jkun jaf biex jipprovdi servizzi arkitettoniċi fil-Kanada u fejn isib informazzjoni ta’ referenza ewlenija, inklużi kodiċijiet tal-bini, liġijiet sekondarji, standards tal-industrija, u dokumenti regolatorji oħra.

2. Għarfien speċifiku tal-lant kopert

L-għarfien speċifiku għad-dominju jikkonsisti mill-elementi li ġejjin:

tiftix u dokumentazzjoni ta’ regolamenti rilevanti dwar il-bini;

fehim tal-proċeduri biex jinkiseb ħelsien jew varjanza minn rekwiżiti partikolari skont dawn ir-regolamenti tal-bini;

evalwazzjoni ta’ prodotti u materjali

konformità tal-proġett mar-regolamenti applikabbli

tħejjija u n-negozjar ta’ kuntratti ta’ kostruzzjoni, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ kuntratti għall-kostruzzjoni sabiex jiġu ċċarati r-rwoli tal-perit, il-kuntrattur, is-sid, il-kumpanija tal-irbit u l-assiguratur fl-amministrazzjoni tal-fażi ta’ kostruzzjoni;

applikazzjonijiet għal permess tal-bini;

superviżjoni tal-progress tal-kostruzzjoni u l-analiżi tal-prestazzjoni; kif ukoll

kodiċi ta' etika.

3. Riżultati u Proċeduri ta’ rieżami

Malli jlesti l-kors ta’ pre-reġistrazzjoni online, applikant jirċievi notifika immedjata dwar jekk ikunx kiseb il-livell ta’ suċċess meħtieġ. Ir-riżultati jiġu trażmessi fl-istess ħin lil u rreġistrati minn ROAC.

APPENDIĊI III

Dokumenti li jistgħu jkunu meħtieġa skont l-Artikolu 6(1)

L-awtorità kompetenti ta’ ġurisdizzjoni ospitanti tista’ titlob lill-applikant jipprovdi b’mezzi elettroniċi kwalunkwe wieħed mid-dokumenti li ġejjin, kif xieraq:

1.prova ta’ ċittadinanza jew ta’ residenza permanenti ta’ Parti;

2.prova formali tal-kwalifiki;

3.attestazzjoni tal-esperjenza professjonali;

4.ittra minn awtorità kompetenti tal-ġurisdizzjoni minn fejn il-perit ikun ikkwalifikat mibgħuta direttament b’mezzi elettroniċi lill-awtorità kompetenti tal-ġurisdizzjoni ospitanti li tikkonferma dan li ġej:

(a)id-data tar-reġistrazzjoni jew tal-liċenzja, jew l-ekwivalenti tagħha jekk ma jkun hemm l-ebda reġim ta’ reġistrazzjoni jew liċenzjar fil-ġurisdizzjoni fejn il-perit ikun ikkwalifikat;

(b)il-konformità mar-rekwiżiti tal-kwalifiki professjonali stabbiliti fis-subparagrafu (a) tal-Artikolu 4(1) jew is-subparagrafu (a) tal-Artikolu 4(2) ta’ dan il-Ftehim, kif xieraq;

(c)prova ta’ karattru tajjeb jew ta’ reputazzjoni tajba; kif ukoll

(d)jekk ma tkunx koperta mis-subparagrafu (c), prova li l-perit ma jkunx soġġett għal azzjoni dixxiplinarja li tkun għaddejja u ma jkunx ġie sospiż jew ipprojbit milli jwettaq attivitajiet arkitettoniċi minħabba mġiba professjonali ħażina ħafna jew minħabba kundanna għal reat kriminali;

Jekk il-ġurisdizzjoni ospitanti teħtieġ prova skont is-subparagrafi (c) jew (d) hawn fuq, hija għandha taċċetta bħala evidenza suffiċjenti ċertifikat maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-ġurisdizzjoni fejn il-perit ikun ikkwalifikat. Jekk l-awtorità kompetenti ma toħroġx tali ċertifikati, il-ġurisdizzjoni ospitanti għandha taċċetta dikjarazzjoni taħt ġurament jew dikjarazzjoni solenni tal-perit ikkonċernat quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti, jew nutar jew korp professjonali kwalifikat. F’dak il-każ, l-applikant għandu jipprovdi wkoll ċertifikat maħruġ minn tali awtorità jew nutar li jattesta l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni tagħhom taħt ġurament jew dikjarazzjoni solenni;

5.prova li l-applikant huwa assigurat kontra r-riskji finanzjarji li jirriżultaw mir-responsabbiltà professjonali skont il-liġijiet tal-ġurisdizzjoni ospitanti;

6.estratt mir-rekord kriminali mill-ġurisdizzjoni msemmija fil-punt 4;

7.ħlas jew prova tal-ħlas tat-tariffi meħtieġa għall-applikazzjoni.

Id-dokumenti msemmija fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Appendiċi ma għandhomx ikollhom aktar minn tliet xhur fid-data li jiġu ppreżentati.

(1)    ĠU L 255 30.9.2005, p. 22.