IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.7.2022
COM(2022) 329 final
2022/0210(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 691/2011 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ moduli ġodda ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej jistabbilixxi qafas komuni għall-ġbir, il-kompilazzjoni, it-trażmissjoni u l-evalwazzjoni tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej. Dan ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 538/2014. Ir-Regolament ikopri sitt moduli: il-kontijiet tal-emissjonijiet fl-arja, it-taxxi marbutin mal-ambjent minn attività ekonomika, il-kontijiet tal-fluss ta’ materjal mifrux mal-ekonomija kollha, il-kontijiet ta’ nfiq għall-protezzjoni ambjentali, il-kontijiet tas-settur tal-prodotti u tas-servizzi ambjentali, u l-kontijiet tal-fluss tal-enerġija fiżika.
L-Artikolu 10 tar-Regolament jelenka moduli ġodda potenzjali li għandhom jiġu introdotti aktar tard abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni. Din il-proposta tintroduċi tliet moduli ġodda tal-kontijiet ambjentali diġà previsti fl-Artikolu 10: il-kontijiet forestali, il-kontijiet tal-ekosistema, u l-kontijiet tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili.
L-objettiv ewlieni tal-proposta huwa li testendi l-ambitu tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej sabiex tiġi pprovduta informazzjoni aħjar għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, strateġija għat-tkabbir li għandha l-għan li tittrasforma l-UE f’soċjetà ġusta u prospera, b’ekonomija moderna, effiċjenti fir-riżorsi u kompetittiva.
Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali huma qafas statistiku b’diversi finijiet li jgħaqqad flimkien l-informazzjoni ekonomika u ambjentali. Dawn ikejlu l-kontribut tal-ambjent għall-ekonomija u l-impatt tal-ekonomija fuq l-ambjent b’mod konsistenti u kompatibbli mal-istatistika makroekonomika (kontijiet nazzjonali).
L-utenti janalizzaw u jużaw il-kontijiet ekonomiċi ambjentali fl-immudellar u l-prospetti u għat-tħejjija ta’ proposti ta’ politika u r-rapportar dwar l-implimentazzjoni u l-impatt tal-politika. Il-moduli l-ġodda se jagħmlu disponibbli settijiet tad-data aktar integrati għal dawn il-finijiet.
Il-kontijiet tal-ekosistema jintegraw il-kunsiderazzjonijiet tal-bijodiversità u tal-kapital naturali ma’ mistoqsijiet ekonomiċi ġenerali dwar l-allokazzjoni tar-riżorsi u s-sostenibbiltà. Il-kontijiet forestali jkejlu speċifikament iż-żona tal-foresti u s-sehem disponibbli tagħha għall-estrazzjoni tal-injam u jittraċċaw il-bidliet tagħhom maż-żmien. Il-kontijiet tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili jidentifikaw u jikkwantifikaw il-miżuri tal-politika fiskali domestika u r-riżorsi mhux tal-UE li jappoġġaw il-Patt Ekoloġiku permezz ta’ attivitajiet u prodotti ekonomiċi, filwaqt li jipproteġu l-ambjent u jissalvagwardjaw ir-riżorsi naturali.
It-tliet moduli proposti jirrispondu għal standards internazzjonali tal-istatistika u huma sostnuti minnhom: il-Qafas Ċentrali tas-Sistema ta’ Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali (SEEA) u l-Kontijiet tal-Ekosistema tas-SEEA. Il-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti adottat il-Qafas Ċentrali tal-SEEA bħala standard internazzjonali tal-istatistika fit-43 sessjoni tagħha fi Frar tal-2012 u l-Kontijiet tal-Ekosistema tas-SEEA fit-52 sessjoni tagħha f’Marzu tal-2021. Il-moduli l-ġodda huma kompletament konformi mas-SEEA.
Għal diversi snin, ħafna Stati Membri kisbu esperjenza fil-kompilazzjoni u r-rapportar dwar data rigward il-kontijiet forestali u s-sussidji ambjentali u trasferimenti simili. Dan seħħ permezz ta’ ġbir volontarju regolari tad-data tal-Kummissjoni (il-Eurostat) u studji pilota li għenu sabiex tiġi ttestjata l-fattibbiltà li jiġu introdotti kontijiet tal-ekosistema fl-UE. Din l-esperjenza kienet kondiviża mal-Istati Membri l-oħrajn kollha.
Għall-kontijiet tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili, xi wħud mir-rekwiżiti diġà ġew koperti permezz ta’ rapportar obbligatorju tal-kontijiet ta’ nfiq għall-protezzjoni ambjentali. Rapportar aktar komprensiv u simplifikat dwar is-sussidji ambjentali u trasferimenti simili se jibbaża fuq din l-esperjenza u – ladarba jkun stabbilit – jipprovdi d-data dwar it-trasferimenti meħtieġa għall-kontijiet ta’ nfiq għall-protezzjoni ambjentali.
Din il-proposta tikkomplementa l-bidliet stabbiliti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/125. Il-bidliet fl-ambitu u fl-iskadenzi għar-rapportar tad-data għall-moduli attwali tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej jiżguraw li d-data tirrispondi aħjar għall-ħtiġijiet tal-utenti.
Il-proposta taġġorna wkoll ir-referenzi għall-edizzjoni tal-1995 tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA95). Dawn huma sostitwiti b’referenzi għall-edizzjoni tal-2010 tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA2010) stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Din l-inizjattiva ma hijiex parti mill-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT).
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 jistabbilixxi qafas komuni għall-ġbir, il-kompilazzjoni, it-trażmissjoni u l-evalwazzjoni tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali fl-UE sabiex jiġu stabbiliti kontijiet satellitari li jikkomplementaw is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA 2010).
Il-Premessa 16 tar-Regolament tiddikjara li qegħdin jiġu żviluppati settijiet differenti ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali u li dawn jinsabu fi stadji differenti ta’ maturità u tisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm struttura modulari, li tipprovdi flessibbiltà suffiċjenti, pereżempju, sabiex jiġu introdotti moduli addizzjonali.
L-Artikolu 3 tar-Regolament jistabbilixxi lista ta’ moduli tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali li għandhom jiġu kkompilati fi ħdan il-qafas komuni. Għal kull modulu, anness separat tar-Regolament jiddeskrivi l-objettivi, il-kopertura, il-karatteristiċi għall-kompilazzjoni u r-rapportar tad-data, l-ewwel sena ta’ referenza, il-frekwenza u l-iskadenzi tat-trażmissjoni, u t-tabelli tar-rapportar. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/125 aġġorna l-annessi għas-sitt moduli eżistenti tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej sabiex jitqassar iż-żmien li matulu tiġi rrapportata xi data, jiżdiedu aktar karatteristiċi fil-lista, u jiġu ssimplifikati t-tabelli ta’ rapportar.
L-Artikolu 10 tar-Regolament jelenka moduli ġodda tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali li jistgħu jiġu introdotti abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, inklużi t-tliet moduli l-ġodda f’din il-proposta. It-tliet moduli huma elenkati wkoll bħala oqsma ta’ żvilupp fl-istrateġija Ewropea għall-kontijiet ekonomiċi ambjentali għall-2019 sal-2023, li ġiet approvata mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika.
L-Artikolu 4 tar-Regolament jistabbilixxi li l-Kummissjoni trid tittestja l-fattibbiltà li jiġu introdotti moduli ġodda ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali permezz ta’ studji pilota volontarji mill-Istati Membri. Għal din ir-raġuni, twettqu diversi studji pilota għat-tliet moduli proposti, li jittestjaw il-fattibbiltà tal-kompilazzjoni tad-data. Għall-kontijiet forestali u s-sussidji ambjentali u trasferimenti simili, xi Stati Membri diġà jikkompilaw u jirrapportaw data annwali lill-Kummissjoni (il-Eurostat) fuq bażi volontarja.
Il-kontabbiltà ambjentali tuża data eżistenti għall-kompilazzjoni tal-kontijiet. Se jsir użu aħjar tal-informazzjoni mill-ġbir tad-data eżistenti.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-UE
Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali jiġbru flimkien informazzjoni ekonomika u ambjentali, u jkejlu l-kontribut tal-ambjent għall-ekonomija u l-impatt tal-ekonomija fuq l-ambjent. Din il-proposta tipprovdi informazzjoni għall-Patt Ekoloġiku Ewropew billi tintegra kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà ambjentali għall-finijiet ta’ politika ekonomika. Id-data prodotta skont dan ir-Regolament se tikkontribwixxi wkoll għal inizjattivi favur l-ambjent tas-Semestru Ewropew, billi tintegra s-sostenibbiltà fil-politiki kollha tal-UE, u timmonitorja l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Il-proposta għall-modulu tal-kontijiet forestali hija konformi mal-politiki dwar ir-riżorsi tal-klima u tal-foresti. Bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Kummissjoni ppreżentat l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-foresti għall-2030 bħala waħda mill-inizjattivi ewlenin tagħha. L-istrateġija tirrikonoxxi r-rwol ċentrali u multifunzjonali tal-foresti, u l-kontribut tal-forestrija (u l-katina tal-valur kollha bbażata fuq il-foresti) għall-ksib ta’ ekonomija sostenibbli u newtrali għall-klima sal-2050 kif ukoll il-preservazzjoni ta’ komunitajiet rurali vibranti u prosperi. Għall-2023 ħabbret ukoll inizjattiva leġiżlattiva dwar il-monitoraġġ tal-foresti u l-pjanijiet strateġiċi. Il-modulu tal-kontijiet forestali jappoġġa l-istrateġija tal-UE għall-foresti għall-2030 u l-inizjattiva futura dwar il-monitoraġġ tal-foresti u jgħaqqad il-politiki dwar il-foresti ma’ politiki dwar il-klima, l-enerġija u l-bijoekonomija.
Il-modulu tal-kontijiet tal-ekosistema jipprovdi data sabiex jiddeskrivi l-progress f’wieħed mis-sitt objettivi prijoritarji tal-programm ta’ azzjoni ambjentali sal-2030: il-protezzjoni, il-preservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità u t-tisħiħ tal-kapital naturali. Dan il-modulu jikkontribwixxi wkoll għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjan tal-UE għar-restawr tan-natura, parti mill-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030.
L-istrumenti ekonomiċi għall-kontroll tat-tniġġis u għall-ġestjoni tar-riżorsi naturali, bħas-sussidji ambjentali, huma għodod tal-politika ambjentali tal-UE dejjem aktar importanti, u hemm interess konsiderevoli li tinkiseb aktar informazzjoni dwar l-użu u l-effettività tagħhom. Il-modulu dwar is-sussidji ambjentali u trasferimenti simili jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. Dan jinkludi baġits nazzjonali favur l-ambjent, l-għoti ta’ informazzjoni dwar il-prezz reali li jġarrab l-ambjent, l-appoġġ għat-tranżizzjoni tal-enerġija u għall-miri klimatiċi tal-UE għall-2030, u t-twettiq ta’ politiki dwar l-enerġija rinnovabbli, il-bijodiversità, l-immaniġġjar tal-iskart u l-ekonomija ċirkolari.
Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 stabbilixxa l-verżjoni attwali tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA 2010), u l-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej jenħtieġ li jirreferu għal din il-verżjoni.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 338(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, il-Parlament u l-Kunsill jadottaw miżuri sabiex jiżguraw li tiġi prodotta statistika sabiex l-UE tkun tista’ twettaq ir-rwol tagħha. L-istatistika trid tissodisfa ċerti standards ta’ imparzjalità, affidabbiltà, oġġettività, indipendenza xjentifika, kosteffettività u kunfidenzjalità statistika mingħajr ma tpoġġi piż eċċessiv fuq in-negozji, l-awtoritajiet u ċ-ċittadini.
L-objettiv ta’ din il-proposta huwa li tiġi żgurata l-komparabbiltà internazzjonali tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali billi jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 għal moduli addizzjonali elenkati skont l-Artikolu 10. Dan l-Artikolu jipprevedi b’mod espliċitu ż-żieda ta’ moduli ġodda u jipprovdi lista ta’ kandidati. L-ewwel tliet moduli f’din il-lista diġà ġew miżjuda fir-Regolament (UE) Nru 538/2014.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika sal-punt li l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE.
L-azzjoni fil-livell tal-UE hija ġustifikata. L-ewwel nett, l-istatistika Ewropea trid tkun komparabbli madwar l-Istati Membri u sabiex jiġu derivati t-totali tal-UE kkalkolati mit-totali tal-Istati Membri. It-tieni, l-ambjent għandu skala u natura tranżnazzjonali. U t-tielet, xi użi tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali jmorru lil hinn mill-UE, bħall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, u għalhekk l-UE trid tapplika standards globali.
L-att propost jikkonċerna kwistjoni taż-Żona Ekonomika Ewropea u għalhekk jenħtieġ li jiġi estiż għal din tal-aħħar.
•Proporzjonalità
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.
L-Istati Membri jridu jipproduċu l-kontijiet ekonomiċi ambjentali l-ġodda permezz ta’ speċifikazzjonijiet komuni, ibbażati fuq l-istandards internazzjonali tas-SEEA u mbagħad jittrażmettu d-data lill-Kummissjoni (il-Eurostat) għall-validazzjoni u d-disseminazzjoni.
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, ir-regolament propost ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ sabiex jilħaq l-objettiv tiegħu.
•Għażla tal-istrument
Regolament huwa l-aktar strument xieraq minħabba l-objettiv u l-kontenut tal-proposta u l-fatt li jemenda regolament eżistenti.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Abbażi ta’ standards tal-Kummissjoni, ġiet segwita s-sistema tal-Eurostat għall-evalwazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, inkluża l-evalwazzjoni tal-programm Ewropew tal-istatistika, u din ifformat parti ewlenija mill-proċess kollu. Barra minn hekk, kull sena jsir stħarriġ sabiex tinkiseb aktar informazzjoni dwar l-utenti, il-ħtiġijiet tagħhom u kemm huma sodisfatti bis-servizzi tal-Eurostat. Il-Eurostat juża r-riżultati tal-evalwazzjoni sabiex itejjeb il-proċessi għall-produzzjoni tal-informazzjoni u tal-output statistiċi. Ir-riżultati jikkontribwixxu għal pjanijiet strateġiċi differenti, bħall-programm ta’ ħidma u l-pjan ta’ ġestjoni tal-Eurostat.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-proposta ġiet diskussa mas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, u d-dettalji tekniċi mal-produtturi u l-utenti tad-data permezz ta’ konsultazzjonijiet bil-miktub. Din ġiet diskussa wkoll fit-task forces u fil-gruppi ta’ ħidma dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali u dwar l-istatistika u l-kontijiet ambjentali monetarji f’Mejju tal-2020 u f’Mejju tal-2021. Barra minn hekk, il-kwistjonijiet sottostanti ġew diskussi fil-laqgħat tad-diretturi għall-istatistika u l-kontijiet settorjali u ambjentali f’Lulju u f’Ottubru tal-2021. L-istess grupp ġie kkonsultat ukoll bil-miktub f’Diċembru tal-2021. Dawn il-konsultazzjonijiet kollha wasslu għal titjib tekniku u simplifikazzjonijiet.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-Kummissjoni (il-Eurostat) ikkonsultat lill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika minħabba li l-uffiċċji nazzjonali tal-istatistika (NSIs) huma responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet nazzjonali kollha dwar l-istatistika Ewropea.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-valutazzjoni tal-impatt ma tqisitx meħtieġa għar-raġunijiet li ġejjin. L-ewwel nett, ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 diġà jeżisti bħala għodda ta’ politika għall-inizjattiva. B’mod partikolari, l-Artikolu 10 jipprevedi b’mod espliċitu l-possibbiltà li jiżdiedu kontijiet tematiċi ġodda u jelenka moduli potenzjali. It-tieni, l-Istati Membri wettqu madwar 30 studju pilota dwar is-suġġetti l-ġodda bl-appoġġ finanzjarju tal-Kummissjoni (il-Eurostat) (f’konformità mal-Artikolu 4). Fl-aħħar nett, matul dawn l-aħħar 5 snin inkisbet l-esperjenza mill-ġbir volontarju tad-data dwar il-kontijiet tas-sussidji għall-foresti u għall-ambjent. Bħala konklużjoni, hemm bażi soda ta’ evidenza u matul is-snin inkisbet l-esperjenza.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-Kummissjoni hija impenjata bis-sħiħ li tissimplifika jew tnaqqas il-piż kull meta temenda xi leġiżlazzjoni. Il-kontabbiltà ambjentali tipproduċi statistika ta’ kwalità għolja billi terġa’ tuża d-data disponibbli u tillimita l-piż amministrattiv fuq in-negozji u l-pubbliku. Dan jinkiseb bl-integrazzjoni tad-data tas-sors eżistenti u l-kombinament tagħha f’estimi u indikaturi robusti bbażati fuq standards internazzjonali.
•Drittijiet fundamentali
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma tbiddilx l-implikazzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 għall-baġit tal-UE, b’mod partikolari mill-Artikolu 4.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
L-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 jirrikjedi li l-Istati Membri jfasslu rapporti dwar il-kwalità u jibagħtuhom lill-Kummissjoni (il-Eurostat). Il-Eurostat juża r-rapporti dwar il-kwalità, fost inputs oħra, sabiex jivvalida l-kwalità tad-data trażmessa. Ir-regoli tar-rapport dwar il-kwalità se japplikaw ukoll għat-tliet moduli l-ġodda.
Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 691/2011, il-Kummissjoni tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament kull tliet snin.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Din il-proposta fiha tliet artikoli u anness wieħed.
L-Artikolu 1 jispeċifika l-emendi li għandhom jiġu introdotti fir-Regolament (UE) Nru 691/2011. L-emendi huma deskritti hawn taħt.
– Artikolu 2 – Definizzjonijiet
L-Artikolu 2(7) sa (9) jiddefinixxi l-kontijiet forestali, il-kontijiet tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili u l-kontijiet tal-ekosistema.
– Artikolu 3(1) – Moduli
Jiżdiedu tliet moduli ġodda mal-lista ta’ moduli tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej fis-subparagrafi (g) sa (i), b’referenzi għall-Annessi li jispeċifikaw l-objettivi, il-kopertura u l-obbligi ta’ rapportar tagħhom.
– Artikolu 3(4a) – Setgħat delegati
Subparagrafu ġdid 3(4a) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tadotta att delegat sabiex tiddeċiedi dwar liema mis-servizzi tal-ekosistema, diġà inklużi fit-tabelli ta’ rapportar fit-Taqsima 5 tal-Anness IX, se jiġu rrapportati l-valuri monetarji. Id-dispożizzjonijiet fl-Anness IX jistabbilixxu servizzi tal-ekosistema f’unitajiet fiżiċi u monetarji. Is-servizzi tal-ekosistema f’unitajiet monetarji se jkunu subsett tas-servizzi tal-ekosistema f’unitajiet fiżiċi.
– Artikolu 5(2) – Ġbir ta’ data
L-Istati Membri jistgħu jużaw approċċi innovattivi għajr dawk diġà stabbiliti fl-Artikolu 5(2).
– Artikolu 8 – Derogi
Jinkludi l-possibbiltà li tintalab deroga mir-rapportar tad-data għat-tliet moduli l-ġodda.
–Artikolu 9 – Proċedura ta’ delega
Jestendi s-setgħat delegati biż-żieda ta’ referenza għall-Artikolu 3(4a) il-ġdid.
– Artikolu 10 – Rapportar u rieżami
Jaġġorna l-oqsma li għandhom jiġu inklużi fir-rapport ta’ implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament u lill-Kunsill.
–Anness IV — Kontijiet ta’ nfiq għall-protezzjoni ambjentali
Iħassar il-karatteristika “trasferimenti għall-protezzjoni ambjentali (riċevuti/imħallsa)” mill-Anness IV minħabba li din se tinġabar skont l-Anness VIII il-ġdid.
–Annessi ġodda
Jiżdiedu tliet annessi ġodda mar-Regolament: L-Anness VII għall-kontijiet forestali, l-Anness VIII għall-kontijiet tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili, u l-Anness IX għall-kontijiet tal-ekosistema.
–Referenzi għall-EU-27 u għall-ESA2010
Jissostitwixxi r-referenzi kollha ta’ “EU-28” b’“EU-27” u ta’ “ESA95” b’“ESA2010”.
L-Artikolu 2 tal-proposta jħassar l-obbligu tal-Istati Membri li jirrapportaw data dwar it-trasferimenti għall-protezzjoni ambjentali (stabbilit fl-Anness IV eżistenti dwar il-kontijiet ta’ nfiq għall-protezzjoni ambjentali) hekk kif jiġi pprovdut is-sett ta’ data aktar komprensiv u simplifikat dwar is-sussidji ambjentali u trasferimenti simili skont l-Anness VIII. Dan jiżgura li jiġi evitat rapportar doppju.
L-Artikolu 3 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ u l-applikabbiltà diretta ta’ dan ir-Regolament. L-Artikolu 1(7) irid japplika b’mod eċċezzjonali mill-2025, peress li l-ġbir tal-karatteristika “trasferimenti għall-protezzjoni ambjentali (riċevuti/imħallsa)” fl-Anness VIII jibda biss fl-2025 (ara t-Taqsima 4 fl-Anness VIII).
2022/0210 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament (UE) 691/2011 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ moduli ġodda ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Id-Deċiżjoni Nru 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li tistabbilixxi Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 ikkonfermat li informazzjoni tajba dwar ix-xejriet ewlenin, il-pressjonijiet u l-ixprunaturi għat-tibdil ambjentali hija essenzjali għall-iżvilupp ta’ politika effettiva, għall-implimentazzjoni tagħha, u għall-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini. Jenħtieġ li jiġu żviluppati strumenti bil-għan li tissaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar l-effetti ambjentali tal-attività ekonomika. Il-kontijiet ekonomiċi ambjentali huma wieħed minn dawn l-istrumenti.
(2)L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, jekk xieraq, filwaqt li tqis is-sejbiet tal-istudji pilota msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 tipproponi li jiġu introdotti moduli ġodda ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali, bħat-trasferimenti marbutin mal-ambjent (sussidji), kontijiet forestali u kontijiet tas-servizzi tal-ekosistema.
(3)Il-moduli l-ġodda għandhom jikkontribwixxu direttament għall-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni ta’ tkabbir ekoloġiku u effiċjenza fir-riżorsi.
(4)Il-Kummissjoni tal-Istatistika tan-Nazzjonijiet Uniti adottat il-qafas ċentrali tas-Sistema ta’ Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali (“SEEA”) bħala standard internazzjonali tal-istatistika fit-43 sessjoni tagħha fi Frar tal-2012 u l-Kontabbiltà tal-Ekosistema tas-SEEA (il-Kapitoli 1 sa 7 li jiddeskrivu l-qafas kontabilistiku u l-kontijiet fiżiċi) fit-52 sessjoni tagħha f’Marzu tal-2021. Il-moduli l-ġodda stabbiliti minn dan ir-Regolament huma kompletament konformi mas-SEEA.
(5)Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont it-Trattati, speċjalment dawk relatati mal-ambjent, is-sostenibbiltà u t-tibdil fil-klima, l-Unjoni jenħtieġ li jkollha informazzjoni rilevanti, komprensiva u affidabbli. It-teħid tad-deċiżjonijiet abbażi tal-evidenza jirrikjedi statistika li tissodisfa kriterji ta’ kwalità għolja, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, f’konformità mal-objettivi tagħhom.
(6)Sabiex jiġi mmonitorjat aħjar il-progress lejn ekonomija ċirkolari ekoloġika, kompetittiva u reżiljenti u jiġi mmonitorjat il-progress lejn l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fil-kuntest tal-Unjoni, hija meħtieġa data addizzjonali.
(7)Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji dwar l-Istatistika Ewropea li sar fis-6 ta’ Novembru 2020 iħeġġu lis-sistema Ewropea tal-istatistika tirrispondi għat-talbiet emerġenti għall-informazzjoni stabbiliti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, inklużi dawk relatati mar-rieżami u t-tkabbir tal-programm tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej.
(8)Fl-2019, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat rapport speċjali Nru 2019/16 bit-titolu “Il-Kontijiet Ekonomiċi Ambjentali Ewropej: l-utilità tagħhom għal min ifassal il-politika tista’ tittejjeb”. Dak ir-rapport jirrimarka l-ħtieġa ta’ data aktar kompluta dwar il-foresti u l-ekosistemi u għall-implimentazzjoni sħiħa tal-kontijiet forestali.
(9) L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 jelenka s-sorsi li l-Istati Membri jistgħu jużaw sabiex jistmaw il-kontijiet ekonomiċi ambjentali. Sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà u jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq ir-rispondenti, fuq l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika u fuq awtoritajiet nazzjonali oħrajn, l-Istati Membri jenħtieġ li jitħallew jużaw approċċi innovattivi. L-Istati Membri jenħtieġ li dejjem jinformaw lill-Kummissjoni u jipprovdu dettalji fir-rigward tal-kwalità ta’ dawk l-approċċi biex il-Kummissjoni tivvaluta l-kwalità tad-data.
(10)Peress li l-Unjoni bħalissa tikkonsisti minn 27 Stat Membru, huwa xieraq li ssir referenza għal “EU-27”.
(11)Hemm bżonn li l-lista ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej futuri possibbli elenkati fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 tiġi aġġornata sabiex dawn jiġu allinjati mal-prijoritajiet ta’ politika attwali tal-Unjoni.
(12)Is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet 1995 (ESA95) ġiet sostitwita bis-Sistema Ewropea tal-Kontijiet 2010 (“ESA 2010”) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(13)“ESA 2010” tinkludi l-qafas ta’ referenza ta’ standards komuni, id-definizzjonijiet, il-klassifikazzjonijiet u r-regoli tal-kontabbiltà għat-tfassil tal-kontijiet tal-Istati Membri għar-rekwiżiti statistiċi tal-Unjoni.
(14)Sabiex jitqies l-istat attwali tal-iżvilupp tal-metodoloġiji ħalli jiġu stmati s-servizzi tal-ekosistema, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi ddelegata bis-setgħa li tadotta atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex tissupplimenta r-Regolament billi tistabbilixxi għal liema mis-servizzi tal-ekosistema diġà inklużi fit-tabelli ta’ rapportar fit-Taqsima 5 tal-Anness IX jenħtieġ li jiġu rrapportati l-valuri monetarji, l-ewwel sena ta’ referenza kif ukoll lista ta’ metodi aċċettabbli sabiex jiġu stabbiliti dawk il-valuri monetarji. Huwa importanti b’mod partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.
(15)Peress li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jintroduċi moduli ġodda ta’ kontijiet ambjentali fil-qafas legali attwali għall-istatistika Ewropea dwar il-EEEA, ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri iżda, minħabba l-konsistenza u l-komparabbiltà, dawn jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawk l-objettivi.
(16)Il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika ġie kkonsultat,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 huwa emendat kif ġej:
(1) fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti li ġejjin:
“(7) “kontijiet forestali” tfisser kontijiet tal-assi għar-riżorsi forestali, li jinkludu art imsaġġra u injam f’art imsaġġra, u l-kontijiet tal-attività ekonomika għall-forestrija u l-qtugħ tas-siġar għall-injam;
(8) “sussidji ambjentali u trasferimenti simili” tfisser trasferimenti attwali u kapitali, kif definiti fl-ESA 2010, maħsuba sabiex jappoġġaw attivitajiet li jipproteġu l-ambjent u jissalvagwardjaw ir-riżorsi nazzjonali u l-prodotti relatati;
(9) “kontijiet tal-ekosistema” tfisser sett ta’ kontijiet imfassla sabiex jipprovdu informazzjoni konsistenti dwar il-firxa u l-kundizzjoni tal-ekosistemi u dwar il-flussi tas-servizzi minn dawn l-ekosistemi għas-soċjetà.”;
(2) L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 1, jiżdiedu l-punti li ġejjin:
“(g) modulu għall-kontijiet forestali, kif stabbilit fl-Anness VII;
(h) modulu għall-kontijiet tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili, kif stabbilit fl-Anness VIII;
(i) modulu għall-kontijiet tal-ekosistema, kif stabbilit fl-Anness IX.”
(b)jiddaħħal il-paragrafu 4a ġdid li ġej:
“4a. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha twettaq studju metodoloġiku u ta’ fattibbiltà dwar il-valutazzjoni monetarja tas-servizzi tal-ekosistema. Abbażi tar-riżultati ta’ dan l-istudju, il-Kummissjoni tista’ tissupplimenta dan ir-Regolament sabiex tiddefinixxi, permezz ta’ att delegat, għal liema mis-servizzi tal-ekosistema diġà inklużi fit-tabelli ta’ rapportar fit-Taqsima 5 tal-Anness IX, għandhom jiġu rrapportati l-valuri monetarji, l-ewwel sena ta’ referenza kif ukoll lista ta’ metodi aċċettabbli għall-istabbiliment ta’ dawn il-valuri monetarji.”;
(3) fl-Artikolu 5, il-paragrafu 2, jiżdied it-test li ġej:
“(d) kwalunkwe sors, metodu jew approċċ innovattiv ieħor rilevanti, sakemm dan jippermetti l-produzzjoni ta’ statistika li tkun komparabbli u konformi mar-rekwiżiti speċifiċi applikabbli tal-kwalità.
L-Istati Membri li jiddeċiedu li jużaw is-sorsi, il-metodi jew l-approċċi innovattivi msemmija fil-punt (d) għandhom jinformaw lill-Kummissjoni (il-Eurostat) tul is-sena ta’ qabel is-sena ta’ referenza li matulha se jiġi introdott is-sors, il-metodu jew l-approċċ innovattiv, u għandhom jipprovdu dettalji dwar il-kwalità tad-data miksuba.”;
(4) fl-Artikolu 8, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Għall-finijiet tal-ksib ta’ deroga skont il-paragrafu 1 għall-Annessi VII, VIII u IX, l-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta talba debitament ġustifikata lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn [OPOCE, jekk jogħġbok daħħal id-data eżatta li hija 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].”;
(5) l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“2. Il-Kummissjoni għandha tiġi kkonferita s-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(3), (4) u (4a) għal perjodu ta’ ħames snin mill-11 ta’ Awwissu 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ żmien ta’ tul identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 3(3), (4) u (4a) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.”
(b)il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(3), (4) u (4a) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li ma humiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;
(6) fl-Artikolu 10, l-ewwel punt bis-sing huwa sostitwit b’dan li ġej:
“ - sabiex jiġu introdotti moduli ġodda ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali, bħal Kontijiet tal-Ilma (kwantitattivi u kwalitattivi), Kontijiet ta’ Nfiq għall-Ġestjoni tar-Riżorsi, Sussidji jew miżuri ta’ appoġġ li potenzjalment jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-Kontijiet tal-ambjent u tal-Iskart”;
(7) fl-Anness IV, it-taqsima 3, il-kliem “it-trasferimenti għall-protezzjoni tal-ambjent (riċevuti/mħallsa)” għandu jitħassar;
(8) ir-referenzi kollha għal “UE-28” u t-terminu “ESA 95” għandhom jiġu sostitwiti b’“EU-27” u b’“ESA 2010” rispettivament tul it-test u l-Annessi.
(9) l-Annessi VII, VIII u IX, kif stabbiliti fl-Anness ta’ dan ir-Regolament, jiżdiedu mar-Regolament (UE) Nru 691/2011.
Artikolu 2
Id-data dwar it-trasferimenti għall-protezzjoni ambjentali (riċevuti/imħallsa) li qabel kienet sottomessa skont l-Anness IV, għandha tiġi sottomessa skont l-Anness VIII. L-Istati Membri ma għandhomx jibqgħu jipprovdu data dwar it-trasferimenti għall-protezzjoni ambjentali (riċevuti/imħallsa) skont l-Anness IV.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-punt (7) tal-Artikolu 1 għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2025.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 11.7.2022
COM(2022) 329 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
li jemenda r-Regolament (UE) 691/2011 fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ moduli ġodda ta’ kontijiet ekonomiċi ambjentali
ANNESS
“ANNESS VII
KONTIJIET FORESTALI
Taqsima 1
OBJETTIVI
Il-kontijiet forestali jirreġistraw u jippreżentaw id-data dwar ir-riżorsi tal-foresti u l-attività ekonomika fl-industrija tal-forestrija u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam b’mod li huwa kompletament kompatibbli mad-data rrapportata fis-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA). Il-kontijiet forestali jipprovdu informazzjoni komplementari u jużaw kunċetti adattati għan-natura partikolari tal-foresti u tal-industrija tal-forestrija u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam.
Dan l-Anness jiddefinixxi d-data li għandha tinġabar, tiġi kkompilata, trażmessa u evalwata għall-kontijiet forestali mill-Istati Membri.
Taqsima 2
KOPERTURA
Il-kontijiet forestali jirreġistraw l-ħażniet u l-flussi tar-riżorsi tal-foresti (art imsaġġra u injam) u l-attività ekonomika fl-industrija tal-forestrija u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam, inkluż il-produzzjoni tal-injam tond u l-estrazzjoni u l-ġbir tal-prodotti tal-foresti mhux tal-injam li jikbru fis-salvaġġ.
Taqsima 3
LISTA TA’ KARATTERISTIĊI
L-Istati Membri għandhom jipproduċu kontijiet forestali skont il-karatteristiċi deskritti f’din it-Taqsima.
(1)Kontijiet tal-assi tal-art imsaġġra u tal-injam L-art imsaġġra hija definita bħala s-somma tat-tliet punti ta’ hawn taħt.
(a)Foresta disponibbli għall-provvista tal-injam: Foresti fejn kwalunkwe restrizzjoni ambjentali, soċjali jew ekonomika ma jkollhiex impatt sinifikanti fuq il-provvista attwali jew potenzjali tal-injam. Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti permezz ta’ regoli legali, deċiżjonijiet maniġerjali/tas-sid jew minħabba raġunijiet oħrajn.
(b)Foresta mhux disponibbli għall-provvista tal-injam hija l-foresti kollha li ma jitqisux disponibbli għall-provvista tal-injam skont il-punt a). Dawn huma foresti fejn ir-restrizzjonijiet ambjentali, soċjali, ekonomiċi jew legali jipprevjenu kwalunkwe provvista sinifikanti tal-injam. Dan jinkludi (a) foresti b’restrizzjonijiet legali jew b’restrizzjonijiet li jirriżultaw minn deċiżjonijiet politiċi oħrajn li jeskludu totalment jew li jillimitaw b’mod sever il-provvista tal-injam għal raġunijiet bħall-konservazzjoni ambjentali jew tal-bijodiversità (foresti ta’ protezzjoni, parks nazzjonali, riżervi naturali u żoni protetti oħrajn bħal dawk ta’ interess ambjentali, xjentifiku, storiku, kulturali jew spiritwali speċjali); (b) il-foresti fejn il-produttività fiżika jew il-kwalità tal-injam hija baxxa wisq jew il-kostijiet tal-ħsad u tat-trasport huma għoljin wisq sabiex jiġġustifikaw it-tagħlil, minbarra t-tqaċċit okkażjonali għall-awtokonsum.
(c)Art imsaġġra oħra.
“Foresta” hija definita bħala art mifruxa fuq aktar minn 0,5 ettari b’siġar ogħla minn ħames metri u b’kopertura ta’ qċaċet ta’ aktar minn 10 %, jew b’siġar li jistgħu jilħqu dawn il-limiti in situ. Din ma tinkludix art li fil-biċċa l-kbira tagħha tintuża bħala art agrikola jew siġar f’ambjenti urbani, bħall-parks tal-belt, widien u ġonna.
“Art imsaġġra oħra” hija definita bħala art mhux ikklassifikata bħala foresta, mifruxa fuq aktar minn 0,5 ettari; b’siġar ogħla minn ħames metri u b’kopertura ta’ qċaċet ta’ bejn il-5 % u l-10 % jew b’siġar li jistgħu jilħqu dawn il-limiti in situ; jew b’kopertura kkombinata ta’ sġajriet, arbuxelli u siġar akbar minn 10 %. Din ma tinkludix art li fil-biċċa l-kbira tagħha tintuża bħala art agrikola jew siġar f’ambjenti urbani, bħall-parks tal-belt, widien u ġonna.
“Inkrement annwali nett tal-injam” huwa definit bħala t-tkabbir tal-volum annwali medju ta’ siġar ħajjin. Dan jiġi kkalkolat mill-istokk ta’ siġar ħajjin (injam mhux maqtugħ) disponibbli fil-bidu tas-sena wara li titnaqqas il-mortalità annwali medja.
“Tneħħija” hija definita bħala l-volum tas-siġar kollha, ħajjin jew mejtin, li jitqaċċtu u jitneħħew mill-foresta, minn art imsaġġra oħra jew minn siti oħra ta’ tqaċċit. Tinkludi injam tond mhux mibjugħ maħżun fil-ġenb tat-triq tal-foresta. Din tinkludi wkoll it-telf naturali li jiġi rkuprat, it-tneħħija matul is-sena tal-injam li jkun tqaċċat f’perjodu aktar bikri, it-tneħħija tal-injam li ma jkunx ġej miz-zokk tas-siġar (bħal zkuk u fergħat), u t-tneħħija ta’ siġar maqtula jew li ġarrbu ħsara minn kawżi naturali (magħrufa bħala telf naturali), eż. nirien, riħ, insetti u mard. Din ma tinkludix il-bijomassa mhux tal-injam jew kwalunkwe injam li jitħalla fil-foresta u li ma jitneħħiex matul is-sena, eż. ġdur, fergħat, uċuħ tas-siġar u residwi tat-tqaċċit (skart tal-ħsad).
“Telf li ma jistax jiġi rkuprat” huwa definit bħala r-residwi tat-tqaċċit u t-tqaċċit kollu bir-riħ li ma jistax jitneħħa mill-foresta, u l-injam li jintilef permezz ta’ nirien fil-foresti.
(2)Kontijiet ekonomiċi li jirrapportaw l-attività ekonomika fl-industrija tal-forestrija u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam. L-industrija tal-foresti u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam hija definita bħala l-unitajiet kollha ta’ attività ekonomika lokali (UAE lokali) li jwettqu attivitajiet ikklassifikati taħt id-diviżjoni A02 tan-NACE Rev. 2.
Għandhom jiġu rrapportati l-karatteristiċi li ġejjin, bl-użu tad-definizzjonijiet tal-ESA:
–output;
–li minnu: output għall-użu finali proprju
–konsum intermedju;
–valur gross miżjud;
–konsum ta’ kapital fiss;
–Taxxi oħrajn fuq il-produzzjoni;
–Sussidji oħrajn fuq il-produzzjoni;
–kumpens tal-impjegati;
–formazzjoni grossa tal-kapital fiss u akkwiżizzjonijiet wara li jitnaqqsu d-disponimenti tal-assi mhux finanzjarji mhux prodotti;
–bidliet fl-inventarji;
–trasferiment kapitali.
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw l-impjiegi fl-industrija tal-forestrija u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam f’eluf ta’ unitajiet ta’ xogħol annwali (AWUs) kif definit skont ir-Regolament (KE) Nru 138/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Taqsima 4
L-EWWEL SENA TA’ REFERENZA, IL-FREKWENZA U L-ISKADENZI GĦAT-TRAŻMISSJONI
(1)L-istatistika għandha tiġi kkompilata u trażmessa fuq bażi annwali.
(2)L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 21 xahar mit-tmiem tas-sena ta’ referenza.
(3)Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utent għal settijiet ta’ data kompluti u fil-ħin, il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tipproduċi estimi għat-totali tal-UE għall-aggregati prinċipali ta’ dan il-modulu, hekk kif tkun disponibbli data suffiċjenti skont il-pajjiżi. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha, kull fejn possibbli, tipproduċi u tippubblika estimi għad-data li ma tkunx ġiet trażmessa mill-Istati Membri fl-iskadenzi speċifikati fil-punt 2.
(4)L-ewwel sena ta’ referenza hija l-2023.
(5)Fl-ewwel trażmissjoni tad-data, l-Istati Membri għandhom jinkludu d-data annwali mill-2022 sal-ewwel sena ta’ referenza.
(6)F’kull trażmissjoni sussegwenti tad-data lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu data annwali għas-snin n-2, n-1 u n, fejn n hija s-sena ta’ referenza. L-Istati Membri għandhom jerġgħu jissottomettu d-data għas-snin mill-2022 ’il quddiem kull meta d-data tiġi riveduta. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu kwalunkwe data disponibbli għas-snin li jiġu qabel l-2022.
Taqsima 5
TABELLI TA’ RAPPORTAR
Għall-karatteristiċi stabbiliti fit-Taqsima 3, għandha tiġi rrapportata l-informazzjoni li ġejja:
(1)Żona tal-art imsaġġra, imqassma skont:
–il-foresta disponibbli għall-provvista tal-injam;
–il-foresta mhux disponibbli għall-provvista tal-injam;
–art imsaġġra oħra.
Kull waħda minn dawk il-kategoriji għandha tkompli tinqasam skont:
–iż-żona tal-ftuħ fil-bidu tas-sena ta’ referenza;
–l-afforestazzjoni u żidiet oħrajn;
–id-deforestazzjoni u tnaqqis ieħor;
–ir-riklassifikazzjoni statistika;
–iż-żona tal-għeluq fi tmiem is-sena ta’ referenza.
Id-data għandha tiġi rrapportata f’eluf ta’ ettari.
(2)Il-volum tal-injam, imqassam skont:
–il-foresta disponibbli għall-provvista tal-injam;
–il-foresta mhux disponibbli għall-provvista tal-injam;
–art imsaġġra oħra.
Il-foresta disponibbli għall-provvista tal-injam għandha tkompli tinqasam skont:
–l-istokk tal-ftuħ fil-bidu tas-sena ta’ referenza;
–l-inkrement nett;
–it-tneħħija;
–it-telf li ma jistax jiġi rkuprat;
–ir-riklassifikazzjoni statistika;
–l-entrata bilanċjali;
–l-istokk tal-għeluq fi tmiem is-sena ta’ referenza.
Il-foresta mhux disponibbli għall-provvista tal-injam u art imsaġġra oħra għandha tkompli tinqasam skont:
–l-istokk tal-ftuħ fil-bidu tas-sena ta’ referenza;
–it-tneħħija;
–bidliet oħrajn (bejn l-istokks tal-ftuħ u tal-għeluq);
–l-istokk tal-għeluq fi tmiem is-sena ta’ referenza.
Id-data għandha tiġi rrapportata skont il-qoxra tas-siġra, f’eluf ta’ m3.
(3)Il-valur tal-injam, imqassam skont:
–il-foresta disponibbli għall-provvista tal-injam;
–il-foresta mhux disponibbli għall-provvista tal-injam;
–art imsaġġra oħra.
Il-foresta disponibbli għall-provvista tal-injam għandha tkompli tinqasam skont:
–l-istokk tal-ftuħ fil-bidu tas-sena ta’ referenza;
–l-inkrement nett;
–it-tneħħija;
–it-telf li ma jistax jiġi rkuprat;
–ir-rivalwazzjoni;
–ir-riklassifikazzjoni statistika;
–l-entrata bilanċjali;
–l-istokk tal-għeluq fi tmiem is-sena ta’ referenza.
Il-foresta mhux disponibbli għall-provvista tal-injam u art imsaġġra oħra għandhom ikomplu jinqasmu skont:
–l-istokk tal-ftuħ fil-bidu tas-sena ta’ referenza;
–it-tneħħija;
–bidliet oħrajn (bejn l-istokks tal-ftuħ u tal-għeluq);
–l-istokk tal-għeluq fi tmiem is-sena ta’ referenza.
Id-data għandha tiġi rapportata f’miljuni fil-munita nazzjonali.
(4)Għall-kontijiet ekonomiċi, l-output imsemmi fit-Taqsima 3 għandu jiġi rrapportat skont id-diżaggregazzjoni li ġejja, bi prodotti definiti f’termini tal-klassifikazzjoni tal-prodotti skont il-verżjoni tal-attività 2.1:
–il-pjanti ħajjin mis-siġar tal-foresti (il-prodott 02.10.11) u ż-żrieragħ tas-siġar tal-foresti (il-prodott 02.10.12);
–is-siġar tal-foresti, definiti bħala s-somma tal-inkrement nett tal-injam f’foresti kkultivati (il-prodott 02.10.30) u l-bejgħ talinjam minn foresti mhux ikkultivati;
–injam mhux irfinut (il-prodott 02.20.1), li jinkludi l-entrati li ġejjin li għandhom jiġu rrapportati f’żewġ ringieli separati:
(a)injam kombustibbli (il-prodotti 02.20.14 u 02.20.15);
(b)zkuk, jiġifieri s-somma ta’ zkuk tal-injam koniferu (il-prodott 02.20.11), zkuk tal-injam mhux koniferu, barra mill-injam tropikali (il-prodott 02.20.12), u zkuk ta’ injam tropikali (il-prodott 02.20.13).
–prodotti mhux tal-injam li jikbru fis-salvaġġ (il-prodott 02.30);
–Servizzi li huma karatteristiċi tal-attività tal-forestrija u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam definiti bħala servizzi ta’ mixtliet tas-siġar tal-foresti (il-prodott 02.10.2), servizzi ta’ appoġġ għall-forestrija (il-prodott 02.4), u kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut minn unità ta’ attività ekonomika lokali (UAE) tal-industrija tal-forestrija;
–prodotti oħrajn minn attivitajiet sekondarji relatati fl-UAE lokali, bħall-faqqiegħ u t-tartuf (01.13.8), frott artab ieħor, frott tal-ġeneru vaccinium m.k.b. (01.25.19), gomma naturali (01.29.10), injam ieħor mhux raffinat inkluż arbli maqsuma u pali (16.10.39), faħam tal-kannol tal-injam (20.14.72), servizzi ta’ riservi naturali, inklużi s-servizzi tal-preservazzjoni tal-annimali salvaġġi (91.04.12), u kwalunkwe prodott ieħor prodott minn UAE lokali.
Il-konsum intermedju tal-industrija tal-forestrija u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam imsemmija fit-Taqsima 3 għandu jiġi rrapportat skont id-diżaggregazzjoni li ġejja, bi prodotti definiti f’termini tal-klassifikazzjoni tal-prodotti skont il-verżjoni tal-attività 2.1:
(a)is-somma tal-pjanti ħajjin mis-siġar tal-foresti (il-prodott 02.10.11), taż-żerriegħa tas-siġar tal-foresti (il-prodott 02.10.12), u tas-siġar tal-foresti (il-prodott 02.10.3) użati għall-produzzjoni tal-injam;
(b)is-somma tal-enerġija u tal-lubrikanti, inkluż l-elettriku (il-prodott 35.11.10), spirtu tal-magna (gażolina) (il-prodott 19.20.21), il-gass naturali fi stat likwidu jew stat ta’ gass (il-prodott 06.20.10), iż-żjut tal-pitrolju lubrikanti; preparazzjonijiet tqal m.k.b. (il-prodott 19.20.29), u prodotti oħra simili;
(c)is-somma tas-servizzi karatteristiċi tal-forestrija u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam, inklużi s-servizzi ta’ mixtliet tas-siġar tal-foresti (il-prodott 02.10.2), is-servizzi ta’ sostenn għall-forestrija (il-prodott 02.4), u kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut minn UAE lokali tal-industrija tal-forestrija u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam;
(d)oġġetti u servizzi oħrajn mhux ikkunsidrati fi kwalunkwe wieħed mill-varjabbli ta’ konsum intermedju ta’ hawn fuq.
Il-bidliet fl-inventarji tal-industrija tal-forestrija u tal-qtugħ tas-siġar għall-injam imsemmija fit-Taqsima 3 għandhom jiġu rrapportati skont id-diżaggregazzjoni li ġejja:
–bidliet fil-ħidma li tkun għaddejja fuq assi bijoloġiċi kkultivati;
–bidliet oħrajn fl-inventarji.
Il-karatteristiċi kollha għandhom jiġu rrapportati f’miljuni fil-munita nazzjonali.
Taqsima 6
DURATA TA’ ŻMIEN MASSIMU TAL-PERJODI TRANŻITORJI
Għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, id-durata ta’ żmien massimu tal-perjodu tranżizzjonali hija ta’ sentejn mill-iskadenza għall-ewwel trażmissjoni.
ANNESS VIII
KONTIJIET TAS-SUSSIDJI AMBJENTALI U TA’ TRASFERIMENTI SIMILI
Taqsima 1
OBJETTIVI
Il-kontijiet tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili jiġbru u jippreżentaw data dwar it-trasferimenti kurrenti u kapitali maħsuba sabiex jappoġġaw attivitajiet li jipproteġu l-ambjent u r-riżorsi naturali, inkluż il-produzzjoni u l-użu ta’ prodotti ambjentali, b’mod li jkun kompatibbli mal-kunċetti u mad-definizzjonijiet tas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA 2010).
Dan l-Anness jiddefinixxi d-data li għandha tinġabar, tiġi kkompilata, trażmessa u evalwata għall-kontijiet tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili mill-Istati Membri. Din id-data tintuża wkoll għall-kompilazzjoni tan-nefqa nazzjonali għall-protezzjoni ambjentali kif stabbilit fl-Anness IV.
Taqsima 2
KOPERTURA
Il-kontijiet tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili jirreġistraw pagamenti mhux imraddin lura mill-gvern ġenerali lil setturi istituzzjonali oħrajn (fl-ekonomija domestika u lill-bqija tad-dinja) u minn dawk mhux residenti (il-bqija tad-dinja), għall-finijiet tal-protezzjoni ambjentali jew tat-tnaqqis tal-użu u tal-estrazzjoni tar-riżorsi naturali.
Taqsima 3
LISTA TA’ KARATTERISTIĊI
L-Istati Membri għandhom jipproduċu kontijiet tas-sussidji ambjentali u ta’ trasferimenti simili skont il-karatteristiċi li ġejjin:
–sussidji (il-kodiċi ESA D.3);
–trasferimenti kurrenti oħrajn (il-kodiċijiet ESA D.6 u D.7);
–trasferimenti kapitali (il-kodiċi ESA D.9).
Id-data kollha għandha tiġi rrapportata f’miljuni fil-munita nazzjonali.
Taqsima 4
L-EWWEL SENA TA’ REFERENZA, IL-FREKWENZA U L-ISKADENZI GĦAT-TRAŻMISSJONI
(1)L-istatistika għandha tiġi kkompilata u trażmessa fuq bażi annwali.
(2)L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 24 xahar mit-tmiem tas-sena ta’ referenza.
(3)Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utent għal settijiet tad- data kompluti u fil-ħin, il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tipproduċi estimi għat-totali tal-UE għall-aggregati prinċipali ta’ dan il-modulu, hekk kif tkun disponibbli data suffiċjenti skont il-pajjiżi. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha, kull fejn possibbli, tipproduċi u tippubblika estimi għad-data li ma tkunx ġiet trażmessa mill-Istati Membri fl-iskadenza speċifikata fil-punt 2.
(4)L-ewwel sena ta’ referenza hija l-2023.
(5)Fl-ewwel trażmissjoni tad-data, l-Istati Membri għandhom jinkludu d-data annwali mill-2022 sal-ewwel sena ta’ referenza.
(6)F’kull trażmissjoni tad-data lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu data annwali għas-snin n-2, n-1 u n, fejn n hija s-sena ta’ referenza. L-Istati Membri għandhom jerġgħu jissottomettu d-data għas-snin mill-2022 ’il quddiem kull meta d-data tiġi riveduta. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu kwalunkwe data disponibbli għas-snin li jiġu qabel l-2022.
Taqsima 5
TABELLI TA’ RAPPORTAR
(1)Għall-karatteristiċi msemmija fit-Taqsima 3, id-data għandha tiġi rrapportata minn dawn:
–is-settur istituzzjonali tal-pagamenti, kif ġej:
–il-gvern ġenerali;
–il-kumplament tad-dinja.
–is-settur istituzzjonali riċeventi, kif ġej:
–il-gvern ġenerali;
–il-korporazzjonijiet;
–l-unitajiet domestiċi;
–l-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ li jservu l-unitajiet domestiċi;
–il-kumplament tad-dinja.
(2)Għal kull waħda mill-kategoriji ta’ rapportar ta’ hawn fuq, id-data għandha tiġi rrapportata skont il-klassijiet tal-klassifikazzjoni tal-attivitajiet għall-protezzjoni ambjentali (CEPA) u l-klassifikazzjoni tal-attivitajiet għall-ġestjoni tar-riżorsi (CReMA), miġbura kif ġej:
–CEPA 1;
–CEPA 2;
–CEPA 3;
–CEPA 4;
–CEPA 5;
–CEPA 6;
–is-somma tas-CEPA 7, CEPA 8 u CEPA 9;
–CReMA 10;
–CReMA 11;
–CReMA 13;
–CReMA 13A;
–CReMA 13B;
–CReMA 13C;
–CReMA 14;
–is-somma ta’ CReMA 12, CReMA 15 u CReMA 16.
(3)It-trasferimenti li jirċievu l-korporazzjonijiet mill-gvern ġenerali miġbura skont is-somma tal-klassijiet kollha tas-CEPA (CEPA 1 sa 9) u l-klassijiet kollha tal-CReMA (CReMA 10 sa 16) jenħtieġ li jinġabru ulterjorment skont il-klassifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi NACE Rev. 2 kif ġej:
–NACE A – agrikoltura, forestrija u sajd;
–NACE B – minjieri u barrieri;
–NACE C – manifattura;
–NACE D – provvista ta’ elettriku, gass, fwar u arja kkondizzjonata;
–NACE E – provvista tal-ilma, is-sistema ta’ drenaġġi, l-immaniġġjar tal-iskart u r-rimedju;
–NACE F – kostruzzjoni;
–NACE G – negozju bl-ingrossa u bl-imnut, tiswija ta’ vetturi bil-mutur u muturi;
–NACE H – trasport u ħżin;
–NACE I sa U – taqsimiet oħrajn tan-NACE.
(4)Il-klassijiet tas-CEPA msemmija fil-punti 2 u 3 huma kif stabbiliti fl-Anness IV; il-klassijiet tal-CReMA huma kif stabbiliti fl-Anness V.
Taqsima 6
DURATA TA’ ŻMIEN MASSIMU TAL-PERJODI TRANŻITORJI
Għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, id-durata ta’ żmien massimu tal-perjodu tranżizzjonali hija ta’ sentejn mill-iskadenza għall-ewwel trażmissjoni.
ANNESS IX
KONTIJIET TAL-EKOSISTEMA
Taqsima 1
OBJETTIVI
Il-kontijiet tal-ekosistema jippreżentaw data dwar il-firxa u l-kundizzjoni tal-assi tal-ekosistema u s-servizzi li jipprovdu lis-soċjetà u lill-ekonomija. Id-data hija konformi mal-Kontabilità tal-Ekosistema tas-SEEA u kompatibbli mad-data rrapportata fis-Sistema Ewropea tal-Kontijiet.
Il-kontijiet tal-ekosistema jużaw l-informazzjoni eżistenti fejn possibbli, inkluż mill-osservazzjoni tad-dinja, mir-rapportar ambjentali u minn sorsi oħrajn ta’ data.
Taqsima 2
KOPERTURA
Il-kontijiet tal-ekosistema jirreġistraw il-firxa tal-ekosistemi, il-kundizzjoni tal-ekosistemi, u l-flussi tas-servizzi tal-ekosistema.
Il-firxa tal-ekosistema hija d-daqs tal-ekosistemi fiż-żona. Il-kontijiet tal-firxa tal-ekosistema jkopru l-ekosistemi terrestri (inkluż l-ilma ħelu) u tal-baħar fit-territorju nazzjonali.
Il-kundizzjoni tal-ekosistema hija l-kwalità ta’ ekosistema mkejla f’termini tal-karatteristiċi abijotiċi, bijotiċi u tal-pajsaġġ tagħha, skont it-tipi ta’ ekosistemi.
Is-servizzi tal-ekosistema huma l-benefiċċji li l-ekosistemi jipprovdu għal attivitajiet ekonomiċi u attivitajiet umani oħrajn. Dawn jinkludu (i) il-proviżjonament, (ii) ir-regolazzjoni u l-manutenzjoni, u (iii) is-servizzi kulturali. Il-kontijiet tas-servizzi tal-ekosistema jirreġistraw il-provvista u l-użu reali tas-servizzi tal-ekosistema pprovduti mill-ekosistemi fit-territorju nazzjonali.
Il-kontijiet tematiċi huma l-kontijiet li jorganizzaw data skont temi ta’ politika speċifiċi bħall-bijodiversità, it-tibdil fil-klima, l-oċeani u ż-żoni urbani.
Taqsima 3
LISTA TA’ KARATTERISTIĊI
L-Istati Membri għandhom jipproduċu l-kontijiet tal-ekosistema skont il-karatteristiċi li ġejjin.
(1)Kontijiet tal-firxa tal-ekosistema li jirreġistraw iż-żona u l-bidla fiż-żona għal kull tip ta’ ekosistema fit-territorju nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw kontijiet tal-firxa tal-ekosistema f’eluf ta’ ettari.
(2)Bħala komponent tal-kontijiet tal-firxa tal-ekosistema, matriċi ta’ konverżjoni li tirreġistra l-konverżjonijiet bejn it-tipi ta’ ekosistemi bejn żewġ punti ta’ żmien, f’ettari.
(3)Kontijiet tal-kundizzjoni tal-ekosistema li jirreġistraw il-karatteristiċi tal-ekosistema kif ġej:
(a)għall-insedjamenti u għal żoni artifiċjali oħrajn:
–iż-żoni ekoloġiċi fl-ibliet u fl-ibliet żgħar u fis-subborgi kontigwi għandhom jiġu rrapportati f’perċentwal taż-żona totali, ikkalkolati għaż-żona kollha tal-ibliet u tal-ibliet żgħar u tas-subborgi kontigwi, inklużi t-tipi kollha ta’ ekosistemi f’dik iż-żona;
–il-konċentrazzjoni ta’ materja partikolata, b’dijametru sa 2,5 μm fl-ibliet, għandha tiġi rrapportata f’μg/m3 bħala medja nazzjonali għall-perjodu ta’ rapportar.
(b)għar-raba’:
–il-ħażna tal-karbonju organiku fil-ħamrija, fil-ħamrija ta’ fuq għandha tiġi rrapportata f’tunnellata/ha, bħala medja nazzjonali għall-perjodu ta’ rapportar.
(c)għall-mergħa:
–il-ħażna tal-karbonju organiku fil-ħamrija, fil-ħamrija ta’ fuq għandha tiġi rrapportata f’tunnellata/ha, bħala medja nazzjonali għall-perjodu ta’ rapportar.
(d)għar-raba’ u għall-mergħat flimkien:
–l-indiċi komuni tal-għasafar tar-raba’ għandu jiġi rrapportat bħala indiċi aggregat nazzjonali għall-perjodu ta’ rapportar.
(e)għall-foresti u l-imsaġar:
–l-injam mejjet għandu jiġi rrapportat f’m3/ha, bħala medja nazzjonali għall-perjodu ta’ rapportar;
–id-densità tal-kopertura tas-siġar għandha tiġi rrapportata f’perċentwal, bħala medja nazzjonali għall-perjodu ta’ rapportar.
(f)għall-bajjiet kostali, għad-duni u għall-artijiet mistagħdra:
–is-sehem ta’ kopertura ta’ żoni artifiċjali impermeabbli, preżenti fiż-żona kostali li tinkludi bajjiet kostali, duni u artijiet mistagħdra tat-tip ta’ ekosistema għandu jiġi rrapportat f’perċentwal bħala medja nazzjonali għall-perjodu ta’ rapportar.
L-ibliet, l-ibliet żgħar u s-subborgi huma unitajiet amministrattivi lokali, ikkategorizzati skont il-grad ta’ tipoloġija tal-urbanizzazzjoni stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2017/2391.
(4)Kontijiet tas-servizzi tal-ekosistema li jirreġistraw il-provvista u l-użu tas-servizzi tal-ekosistema fit-tabelli tal-provvista u tal-użu. It-tabella tal-provvista għandha tirreġistra l-provvista ta’ servizzi tal-ekosistema mill-ekosistemi għas-soċjetà. It-tabella tal-użu għandha tirreġistra l-użu tas-servizzi tal-ekosistema skont it-tip ta’ użu kif definit fit-Taqsima 5.
It-tabelli tal-provvista u tal-użu għandhom jiġu rrapportati fl-unitajiet fiżiċi li ġejjin.
(a)Is-servizzi ta’ proviżjonament
–Il-provvista tal-għelejjel, definita bħala l-kontribut tal-ekosistema għat-tkabbir tal-pjanti kif approssimat mill-ammont ta’ għelejjel maħsuda għal użi differenti. Dan jinkludi l-produzzjoni tal-ikel u tal-fibra, l-għalf u l-enerġija, u l-bijomassa għall-mergħa, kif stabbilit fl-Anness III, it-Tabella A, it-Taqsima 1.1 u t-Taqsima 1.2.
–Id-dakkir, definit bħala l-kontribut tal-ekosistema minn dakkara salvaġġi għall-produzzjoni tal-għelejjel ta’ hawn fuq. Il-kontributi għandhom jiġu rrapportati f’tunnellati ta’ għelejjel li jiddependu mid-dakkara li jistgħu jiġu attribwiti għad-dakkara salvaġġi, skont it-tip ta’ għelejjel għat-tipi ewlenin ta’ għelejjel li jiddependu mid-dakkara li jinkludu siġar tal-frott, frott artab, tadam, żrieragħ taż-żejt u “oħrajn”.
–Il-provvista tal-injam, definita bħala l-kontribut tal-ekosistema għat-tkabbir tas-siġar u ta’ bijomassa oħra tal-injam, għandha tiġi rrapportata bħala inkrement nett kif definit fl-Anness VII u mkejla skont il-qoxra tas-siġra, f’eluf ta’ m3.
(b)Servizzi ta’ regolazzjoni u manutenzjoni
–Il-filtrazzjoni tal-arja hija definita bħala l-kontribut tal-ekosistema għall-filtrazzjoni ta’ sustanzi niġġiesa li jinġarru fl-arja permezz tad-depożizzjoni, l-użu, l-iffissar u l-ħżin ta’ sustanzi niġġiesa mill-komponenti tal-ekosistema (b’mod partikolari s-siġar). Din ittaffi l-effetti dannużi tas-sustanzi niġġiesa. Il-kontributi għandhom jiġu rrapportati f’tunnellati ta’ materja partikolata adsorbita.
–Ir-regolazzjoni globali tal-klima hija definita bħala l-kontribut tal-ekosistema għat-tnaqqis tal-konċentrazzjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera permezz tat-tneħħija (sekwestru nett) tal-karbonju mill-atmosfera u ż-żamma (ħżin) tal-karbonju fl-ekosistemi. Il-kontributi għandhom jiġu rrapportati f’termini ta’ tunnellati ta’ sekwestru nett tal-karbonju u tunnellati tal-karbonju organiku maħżun f’ekosistemi terrestri, inkluż ’il fuq mill-art u ’l isfel mill-art fl-ewwel 0,3 metri tal-ħamrija (inkluż fit-torbieri).
–Ir-regolazzjoni lokali tal-klima hija definita bħala l-kontribut tal-ekosistema għar-regolazzjoni tal-kundizzjonijiet atmosferiċi ambjentali fiż-żoni urbani permezz ta’ veġetazzjoni li ttejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nies u tappoġġa l-produzzjoni ekonomika. Din għandha tiġi espressa u rrapportata bħala t-tnaqqis tat-temperatura fl-ibliet, minħabba l-effett tal-veġetazzjoni urbana, fi gradi Celsius f’jiem li jaqbżu l-25 grad Celsius.
(c)Servizzi kulturali
–Is-servizzi relatati mat-turiżmu bbażati fuq in-natura huma definiti bħala l-kontribut tal-ekosistema, b’mod partikolari permezz tal-karatteristiċi bijofiżiċi u l-kwalitajiet tal-ekosistemi, li jippermettu lin-nies jużaw u jgawdu l-ambjent permezz ta’ interazzjonijiet diretti, in situ, fiżiċi u esperjenzali mal-ambjent. Dawn il-kontributi għandhom jiġu rrapportati f’numru ta’ ljieli f’lukandi, f’hostels, f’postijiet għall-kampeġġ, eċċ. li jistgħu jiġu attribwiti għal żjarat fl-ekosistemi.
(5)Il-kontijiet tal-ekosistema għandhom jużaw it-tabella li ġejja tat-tipi ta’ ekosistemi:
|
Kategorija
|
Tip ta’ ekosistema
|
|
1
|
Insedjamenti u żoni artifiċjali oħrajn
|
|
2
|
Raba’
|
|
3
|
Mergħat (bwar, mergħat seminaturali u naturali)
|
|
4
|
Foresti u msaġar
|
|
5
|
Xagħri u arbuxelli
|
|
6
|
Ekosistemi b’veġetazzjoni skarsa
|
|
7
|
Artijiet mistagħdra interni
|
|
8
|
Xmajjar u kanali
|
|
9
|
Lagi u ġibjuni
|
|
10
|
Il-bokki tal-baħar u l-ilmijiet ta’ tranżizzjoni
|
|
11
|
Bajjiet kostali, għaram u artijiet mistagħdra
|
|
12
|
Ekosistemi tal-baħar (l-ilmijiet kostali, pjattaforma u oċean miftuħ)
|
Taqsima 4
L-EWWEL SENA TA’ REFERENZA, IL-FREKWENZA U L-ISKADENZI GĦAT-TRAŻMISSJONI
(1)L-istatistika għandha tiġi kkompilata u trażmessa:
–kull tliet snin għall-firxa tal-ekosistema u l-kontijiet tal-kundizzjoni tal-ekosistema. Id-data għandha tirreferi għal medja rappreżentattiva għas-sena ta’ referenza, u għall-matriċi ta’ konverżjoni għall-bidla fit-tliet snin bejn is-sentejn ta’ referenza;
–fuq bażi annwali għall-kontijiet tas-servizzi tal-ekosistema.
(2)L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 24 xahar mit-tmiem tas-sena ta’ referenza.
(3)Sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utent għal settijiet ta’ data kompluti u fil-ħin, il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tipproduċi estimi għat-totali tal-UE, hekk kif tkun disponibbli data suffiċjenti skont il-pajjiżi. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha, kull fejn possibbli, tipproduċi u tippubblika estimi għad-data li ma tkunx ġiet trażmessa mill-Istati Membri fl-iskadenzi speċifikati fil-punt 2.
(4)L-ewwel sena ta’ referenza hija l-2024. Għall-matriċi ta’ konverżjoni, l-ewwel sena ta’ referenza hija l-2027.
(5)Fl-ewwel trażmissjoni tad-data, l-Istati Membri għandhom jinkludu data mill-2024 għall-kontijiet tal-firxa u tal-kundizzjoni u għat-tabelli tal-provvista u tal-użu tas-servizzi tal-ekosistema f’unitajiet fiżiċi. Għall-matriċi ta’ konverżjoni, id-data għandha turi l-bidliet bejn l-2024 u l-2027.
(6)F’kull trażmissjoni sussegwenti ta’ data lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jipprovdu data annwali dwar is-servizzi tal-ekosistema għas-snin n-1 u n; u d-data tal-kontijiet tal-firxa u tal-kundizzjoni għas-snin n-3 u n, fejn n hija s-sena ta’ referenza. L-Istati Membri għandhom jerġgħu jissottomettu d-data mill-2024 ’il quddiem kull meta d-data tiġi riveduta. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu kwalunkwe data disponibbli għas-snin li jiġu qabel l-2024.
Taqsima 5
TABELLI TA’ RAPPORTAR
(1)Kontijiet tal-firxa tal-ekosistema: Għat-tipi kollha ta’ ekosistemi msemmija fit-Taqsima 3, id-data fl-ewwel trażmissjoni għandha tiġi rrapportata għall-ewwel sena ta’ referenza. Għat-trażmissjonijiet tad-data sussegwenti kollha, id-data għandha tiġi rrapportata kif ġej:
–il-firxa fis-sena ta’ referenza preċedenti;
–iż-żidiet;
–it-tnaqqis;
–il-firxa fis-sena ta’ referenza attwali.
Il-matriċi ta’ konverżjoni għandha tirrapporta l-konverżjonijiet bejn it-tipi kollha ta’ ekosistemi msemmija fit-Taqsima 3 bejn is-sena ta’ referenza preċedenti u attwali.
(2)Kontijiet tas-servizzi tal-ekosistema: Għas-servizzi tal-ekosistema msemmija fit-Taqsima 3, id-data għandha tiġi rrapportata fit-tabelli tal-provvista u tal-użu kif ġej:
Tabella tal-provvista li tirreġistra l-provvista annwali tas-servizzi kif imsemmi fit-Taqsima 3 mit-tipi kollha ta’ ekosistemi kif imsemmi fit-Taqsima 3, ħlief il-Kategoriji 10 u 12;
Uża t-tabella li tirreġistra l-użu tas-servizzi tal-ekosistema skont it-tqassim li ġej:
–konsum intermedju skont l-industrija;
–konsum finali tal-gvern;
–konsum finali tal-unitajiet domestiċi;
–formazzjoni grossa tal-kapital;
–esportazzjonijiet.
(3)Stat Membru ma huwiex obbligat jirrapporta data jekk iż-żona totali tal-art tiegħu ma taqbiżx iż-0,1 % taż-żona totali tal-art tal-UE.
Taqsima 6
DURATA TA’ ŻMIEN MASSIMU TAL-PERJODI TRANŻITORJI
Għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, id-durata ta’ żmien massimu tal-perjodu tranżizzjonali hija ta’ sentejn mill-iskadenza għall-ewwel trażmissjoni.”