Brussell, 17.6.2022

COM(2022) 310 final

2022/0202(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Minħabba l-gwerra tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, it-trasport tal-merkanzija mir-Repubblika tal-Moldova sar diffiċli ħafna. L-operaturi Moldovani qed ikollhom ifittxu rotot alternattivi biex jevitaw li jgħaddu mit-territorju tal-Ukrajna li s’issa kien l-unika triq li torbothom mas-swieq ta’ pajjiżi terzi fil-Lvant tal-Ukrajna. L-impossibbiltà ta’ tranżitu mill-Ukrajna tipperikola l-issodisfar ta’ kuntratti fit-tul li għandhom l-operaturi Moldovani mas-sħab kummerċjali tagħhom fir-reġjun tal-Lvant għall-forniment tal-merkanzija (speċjalment tal-prodotti agrikoli). Barra minn hekk, dawn l-operaturi issa jaf qed ikollhom bżonn ifittxu sħab kummerċjali oħra, u dan jaf qed iżid l-operazzjonijiet tat-trasport bilaterali tagħhom mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

It-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova bħalissa hu regolat b’żewġ settijiet ewlenin ta’ mekkaniżmi, jiġifieri ftehimiet bilaterali dwar it-trasport bejn l-Istati Membri u r-Repubblika tal-Moldova u permessi mogħtija fil-qafas tas-sistema tal-kwoti multilaterali tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) fil-Forum Internazzjonali tat-Trasport. Dawn iż-żewġ mekkaniżmi jimponu kwoti fuq it-trasportaturi miż-żewġ naħat, b’rabta mat-tranżitu u l-kummerċ bilaterali.

Għalhekk, fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni, l-operaturi Moldovani qed ikollhom iżidu t-tranżitu fl-operazzjonijiet tat-trasport bit-triq Ewropej u bilaterali mal-Istati Membri. Dan jappoġġa wkoll lis-soċjetà u lill-ekonomija tal-Moldova li ntlaqtu ġmielu mill-gwerra tal-aggressjoni Russa u li proviżorjament laqgħu aktar minn 350 000 refuġjat mill-Ukrajna u li kienu fi tranżitu lejn pajjiżi oħra. Madankollu, iż-żieda fl-użu tal-għadd ta’ operazzjonijiet tat-trasport bit-triq meta mqabbel maż-żminijiet normali aktarx li tisboq il-kwoti stabbiliti fil-ftehimiet bilaterali tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Moldova u mogħtija permezz tal-ECMT fil-Forum Internazzjonali tat-Trasport.

Għaldaqstant, dan il-Ftehim dwar it-trasport bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova jissostitwixxi l-ftehimiet bilaterali eżistenti dwar it-trasport bejn l-Istati Membri u l-Moldova u jiffaċilita l-użu ta’ rotot alternattivi bit-triq għall-operaturi, peress li jilliberalizza l-operazzjonijiet bilaterali u t-tranżitu bejn iż-żewġ Partijiet.

Għalhekk, jixraq jiġi ffirmat Ftehim li jilliberalizza t-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova fejn jidħlu l-operazzjonijiet bilaterali u t-tranżitu. Dan il-Ftehim jenħtieġ li jkun limitat fiż-żmien iżda bil-possibbiltà ta’ tiġdid.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Dan il-Ftehim hu konsistenti mal-politika attwali tal-UE dwar ir-relazzjonijiet esterni mar-Repubblika tal-Moldova. Il-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova talab dan il-Ftehim bħala miżura urġenti.

Il-Ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq mar-Repubblika tal-Moldova jkun ukoll konformi mal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni 1 , għax l-Artikolu 82 tiegħu jappella għal kooperazzjoni li ttejjeb il-moviment tal-merkanzija, iżżid il-fluwidità tal-flussi tat-trasport bejn ir-Repubblika tal-Moldova, l-UE u pajjiżi terzi fir-reġjun, billi jitneħħew l-ostakli amministrattivi, tekniċi u oħrajn.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli.

Proporzjonalità

Il-Ftehim hu l-aktar strument effiċjenti biex jissaħħu r-relazzjonijiet tat-trasport bit-triq bejn l-UE u r-Repubblika tal-Moldova, peress li dan ineħħi l-limitazzjonijiet eżistenti imposti mis-sistemi tal-kwoti u tal-permessi.

Dan il-Ftehim ma jimponi l-ebda piż amministrattiv jew finanzjarju addizzjonali, la fuq l-awtoritajiet tal-Istati Membri u lanqas fuq l-industrija meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali. Għall-kuntrarju, dan se jnaqqas il-piż amministrattiv lill-industrija kif ukoll lill-Istati Membri. B’mod partikolari, se jneħħi l-ħtieġa għal permessi tat-trasport lit-trasportaturi tal-UE għall-kategoriji indikati tad-drittijiet tat-trasport (drittijiet ta’ tranżitu u bilaterali), u b’hekk jonqos il-piż għall-industrija tat-trasport tal-UE u għall-awtoritajiet tal-Istati Membri fejn jidħlu l-formalitajiet amministrattivi marbuta mal-ħruġ u l-istampar ta’ dawn il-permessi.

Għażla tal-istrument

Ftehim Internazzjonali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux applikabbli.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Dan il-Ftehim jinkludi mekkaniżmu ta’ rieżami previst fl-Artikoli 5 u 6 biex jivvaluta l-ħtieġa u t-tul ta’ żmien tat-tiġdid tiegħu. Għal dan il-għan, l-Artikolu 5(2) u l-Artikolu 6(2) jistabbilixxu li l-Kumitat Konġunt għandu jitlaqqa’ fi żmien tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.

L-Artikolu 2 jeżiġi li s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, lill-persuna/i indikata/i mill-Kummissjoni.

L-Artikolu 3 jipprevedi applikazzjoni proviżorja f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Ftehim

L-Artikolu 4 jipprevedi d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni proposta.

2022/0202 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fit-2 ta’ Ġunju 2022, il-Kunsill awtorizza l-bidu ta’ negozjati mar-Repubblika tal-Moldova dwar Ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim”).

(2)In-negozjati ġew konklużi b’suċċess fil-15 ta’ Ġunju 2022.

(3)Fid-dawl tat-tfixkil importanti fis-settur tat-trasport fir-Repubblika tal-Moldova kkawżat mill-gwerra tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, l-operaturi tal-Moldova qed jeħtiġilhom isibu rotot alternattivi ta’ tranżitu bit-triq mill-Unjoni Ewropea u jsibu swieq ġodda biex jesportaw il-merkanzija tagħhom.

(4)Peress li l-permessi mogħtija fil-qafas tas-sistema multilaterali tal-kwoti tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) fil-Forum Internazzjonali tat-Trasport u l-ftehimiet bilaterali eżistenti mar-Repubblika tal-Moldova ma jippermettux il-flessibbiltà meħtieġa għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq Moldovani biex iżidu u jippjanaw bil-quddiem l-operazzjonijiet tagħhom mill-Unjoni Ewropea u mal-Unjoni Ewropea, hu kruċjali li t-trasport tal-merkanzija bit-triq jiġi liberalizzat għall-operazzjonijiet bilaterali u għat-tranżitu.

(5)Għalhekk b’mod urġenti jenħtieġ li jiġi ffirmat dan il-Ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea, b’limitu ta’ żmien u bil-possibbiltà ta’ tiġdid, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(6)Biex jibdew jintużaw l-effetti ta’ benefiċċju ta’ dan il-Ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija malajr kemm jista’ jkun, il-Ftehim jenħtieġ li jiġi applikat b’mod proviżorju f’konformità mal-Artikolu 12 tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova, hu b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Ftehim.

It-test tal-Ftehim hu mehmuż fl-Anness 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument ta’ setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Ftehim, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna/i indikata/i mill-Kummissjoni.

Artikolu 3

Il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod proviżorju f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Ftehim, mid-data tal-firma tiegħu, sakemm jidħol fis-seħħ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)

   Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Moldova.


Brussell, 17.6.2022

COM(2022) 310 final

ANNESS

tad-

Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova


ANNESS

FTEHIM
BEJN L-UNJONI EWROPEA

U L-MOLDOVA
DWAR IT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA BIT-TRIQ

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll “l-Unjoni”,

minn naħa,

u L-UNJONI EWROPEA,

minn hawn ’il quddiem imsejħa wkoll “l-Unjoni”,

minn naħa,

u

IR-REPUBBLIKA TAL-MOLDOVA,

min-naħa l-oħra,

minn hawn ’il quddiem individwalment imsejħa “Parti” u kollettivament bħala l-“Partijiet”,

1.Filwaqt LI JIRRIKONOXXU t-tfixkil importanti li qed iġarrab is-settur tat-trasport fir-Repubblika tal-Moldova wara l-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna.

2.Filwaqt LI JIRRIKONOXXU n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ rotot essenzjali tat-trasport li jgħaddu mill-Ukrajna għall-esportazzjonijiet tal-Moldova u l-ħtieġa urġenti li jitħarsu l-ktajjen tal-provvista u s-sigurtà tal-ikel bl-użu ta’ rotot alternattivi mir-Repubblika tal-Moldova li jgħaddu mit-territorju tal-Unjoni Ewropea.

3.Filwaqt LI XEWQANA biex jappoġġaw lis-soċjetà u lill-ekonomija tal-Moldova billi jippermettu lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni u tal-Moldova jwettqu operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija lejn u mit-territorju tal-Moldova meta jkun meħtieġ u billi jippermettu lir-Repubblika tal-Moldova tkompli taġġusta x-xejriet ekonomiċi u tat-trasport tagħha biex twieġeb għall-impatt tal-gwerra tal-aggressjoni Russa fuq is-swieq internazzjonali.

4.Filwaqt LI JINNOTAW li s-sistema attwali bbażata fuq għadd limitat ta’ permessi tal-Istati Membri ma tippermettix il-flessibbiltà meħtieġa biex l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Moldova jżidu l-operazzjonijiet tagħhom fi ħdan l-Unjoni u mal-Unjoni.

5.Filwaqt LI DETERMINATI li jiżguraw li fil-futur, il-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq fit-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn il-Partijiet attwalment disponibbli għall-operaturi tat-trasport bit-triq stabbiliti f’xi waħda mill-Partijiet fi kwalunkwe każ mhux se jkunu aktar restrittivi meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti bħalissa.

6.Filwaqt LI DETERMINATI li jgħinu lill-ekonomija tal-Moldova billi jilliberalizzaw l-operazzjonijiet tat-tranżitu u tat-trasport internazzjonali bilaterali bejn l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova biex jippermettu t-trasport meħtieġ tal-merkanzija u biex jagħtu l-istess drittijiet reċiproċi liż-żewġ Partijiet ħalli jwettqu operazzjonijiet tat-tranżitu u tat-trasport internazzjonali bilaterali bejn dawk it-territorji.

7.Filwaqt LI JINNUTAW li fl-Anness X tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom u r-Repubblika tal-Moldova (minn hawn ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) jimpenja ruħu li gradwalment iqarreb il-leġiżlazzjoni tagħha dwar it-trasport bit-triq mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u mal-istrumenti internazzjonali enumerati f’dak l-Anness.

8.Filwaqt LI XEWQANA li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jiġu soġġetti għall-kapitolu dwar is-soluzzjoni tat-tilwim tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

9.Filwaqt LI JIRRIKONOXXU l-impossibbiltà li jiġi antiċipat id-dewmien tal-impatt tal-gwerra tal-aggressjoni Russa fuq is-settur tat-trasport u l-infrastrutturi fl-Ukrajna li jaffettwaw ukoll lill-operaturi Moldovani, u li minħabba f’hekk, fi żmien tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw fi ħdan il-Kumitat Konġunt biex jivvalutaw il-ħtieġa għat-tiġdid tiegħu.

10.Filwaqt LI JIRRIKONOXXU li l-Ftehim Ewropew dwar ix-xogħol tal-ekwipaġġi tal-vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq (AETR) se jiżgura li l-operazzjonijiet tat-trasport skont dan il-Ftehim jirrispettaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol tax-xufiera u l-kompetizzjoni ġusta, mingħajr ma jipperikolaw is-sikurezza fit-toroq.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1
Objettivi

1.Dan il-Ftehim għandu l-għan li jiffaċilita temporanjament it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn u mit-territorju tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Moldova billi jagħti drittijiet addizzjonali tat-tranżitu u tat-trasport tal-merkanzija bejn il-Partijiet lill-operaturi stabbiliti f’xi waħda mill-Partijiet wara r-riperkussjonijiet tal-gwerra tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u t-tfixkil sinifikanti li din iġġib magħha għas-settur tat-trasport bit-triq fir-Repubblika tal-Moldova.

2.Dan il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat li għandu l-effett li jnaqqas jew li b’xi mod ieħor jagħmel il-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq għas-servizzi internazzjonali tat-trasport bit-triq bejn il-Partijiet aktar restrittivi meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti lejliet il-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2
Ambitu

Dan il-Ftehim għandu japplika għat-tranżitu u għat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq bejn il-Partijiet f’isem ħaddieħor, u hu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli stabbiliti mis-sistema multilaterali tal-kwoti tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport fi ħdan il-Forum Internazzjonali tat-Trasport. It-trasport tal-merkanzija bit-triq fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea mhuwiex fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim. It-tranżitu mit-territorju tal-Parti l-oħra għall-ġarr tal-merkanzija bejn il-pajjiżi terzi mhux kopert minn dan il-Ftehim.

Artikolu 3
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“parti ta’ stabbiliment” tfisser il-Parti fejn ikun stabbilit operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq;

(2)“operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq” tfisser persuna fiżika jew ġuridika involuta fit-trasport tal-merkanzija b’għan kummerċjali stabbilita f’xi Parti f’konformità mal-liġi ta’ dik il-Parti u awtorizzata mill-istess Parti biex twettaq it-trasport internazzjonali tal-merkanzija f’isem ħaddieħor permezz ta’ vetturi bil-mutur jew kombinamenti ta’ vetturi;

(3)“vettura” tfisser vettura bil-mutur irreġistrata f’waħda mill-Partijiet, f’kombinament magħqud ta’ vetturi li jkollu għallinqas vettura waħda bil-mutur minnu li tkun irreġistrata f’xi waħda mill-Partijiet, użata esklusivament għat-trasport tal-merkanzija;

(4)“tranżitu” tfisser il-moviment ta’ vetturi, mingħajr tagħbija jew ħatt tal-merkanzija, fit-territorju ta’ Parti minn operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq stabbilit fil-Parti l-oħra;

(5)“trasport internazzjonali bilaterali” tfisser vjaġġi mgħobbija b’vettura, mit-territorju tal-Parti ta’ stabbiliment lejn it-territorju tal-Parti l-oħra, u viċi versa, bi tranżitu jew mingħajru mit-territorju ta’ pajjiż terz.

Artikolu 4
Aċċess għas-servizzi tat-trasport bit-triq

L-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq għandhom ikunu intitolati jwettqu l-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li ġejjin:

(a)vjaġġi mgħobbija li jsiru b’vettura li l-punt tat-tluq u l-punt tal-wasla tagħhom jkunu fit-territorju ta’ żewġ Partijiet differenti, bi tranżitu jew mingħajru mit-territorju ta’ pajjiż terz;

(b)vjaġġi mgħobbija li jsiru b’vettura mit-territorju tal-Parti ta’ stabbiliment lejn it-territorju tal-istess Parti bi tranżitu mit-territorju tal-Parti l-oħra;

(c)vjaġġi mgħobbija li jsiru b’vettura lejn jew mit-territorju tal-Parti ta’ stabbiliment lejn pajjiż terz bi tranżitu mit-territorju tal-Parti l-oħra;

(d)vjaġġi mhux mgħobbija li jsiru b’vettura flimkien mal-vjaġġi msemmija fil-punti (a), (b) u (c).

Artikolu 5
Tul ta’ żmien

1.Dan il-Ftehim għandu japplika sal-31 ta’ Marzu 2023.

2.Sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw biex jivvalutaw il-ħtieġa għat-tiġdid tiegħu. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw fi ħdan il-Kumitat Konġunt kif stabbilit fl-Artikolu 6(2).

Artikolu 6
Kumitat Konġunt

1.Kumitat Konġunt huwa hawnhekk stabbilit. Dan għandu jissorvelja u jimmonitorja l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u perjodikament iwettaq rieżami tal-funzjonament ta’ dan il-Ftehim fid-dawl tal-objettivi tiegħu.

2.Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ meta jintalab minn xi wieħed mill-kopresidenti tiegħu. Għandu jiltaqa’ wkoll sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel l-iskadenza tal-Ftehim, biex jivvaluta u jiddeċiedi l-ħtieġa għall-kontinwazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont l-Artikolu 5(2). Il-Kumitat Konġunt għandu jieħu deċiżjoni dwar din il-kontinwazzjoni, inkluż it-tul ta’ żmien tagħha, kif xieraq, f’konformità mal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.Il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet. Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Kumitat Konġunt bħala osservaturi.

4.Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut b’rotazzjoni minn rappreżentant tal-Unjoni Ewropea u rappreżentant tar-Repubblika tal-Moldova.

5.Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu b’kunsens. Id-deċiżjonijiet għandhom ikunu vinkolanti għall-Partijiet u dawn għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jimplimentawhom.

6.Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 7
Soluzzjoni tat-tilwim 1

Meta tinqala’ tilwima bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 14 tat-Titolu V tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 8
Twettiq tal-obbligi

1.Kull Parti hija responsabbli għalkollox li tosserva d-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-Ftehim.

2.Kull Parti għandha tiżgura li jittieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex jingħata effett lid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, inkluż l-osservanza tagħhom fil-livelli kollha tal-gvern, kif ukoll mill-persuni li jeżerċitaw awtorità governattiva delegata. Kull Parti għandha taġixxi in bona fede biex tiżgura li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti f’dan il-Ftehim.

3.Dan il-Ftehim hu ftehim speċifiku skont it-tifsira tal-Artikolu 458(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Parti tista’ tieħu miżuri xierqa relatati ma’ dan il-Ftehim fil-każ ta’ ksur partikolarment serju u sostanzjali ta’ xi wieħed mill-obbligi deskritti fl-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bħala elementi essenzjali, li jhedded il-paċi u s-sigurtà internazzjonali ħalli tkun meħtieġa reazzjoni immedjata. Miżuri xierqa bħal dawn għandhom jittieħdu f’konformità mal-Artikolu 455 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Artikolu 9
Miżuri ta’ salvagwardja

1.Kwalunkwe Parti tista’ tieħu miżuri xierqa ta’ salvagwardja jekk ikun jidhrilha li l-operazzjonijiet tat-trasport imwettqa mill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Parti l-oħra jkunu jheddu s-sikurezza fit-toroq. Il-miżuri ta’ salvagwardja għandhom jittieħdu b’rispett sħiħ tad-dritt internazzjonali, għandhom ikunu proporzjonati u limitati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u t-tul ta’ żmien tagħhom għal dak li hu strettament meħtieġ ħalli tissewwa s-sitwazzjoni jew jinżamm il-bilanċ ta’ dan il-Ftehim. Għandha tingħata prijorità lil dawk il-miżuri li jfixklu l-inqas il-funzjonament ta’ dan il-Ftehim.

2.Qabel ma tibda xi konsultazzjonijiet, il-Parti kkonċernata għandha tinnotifika lill-Parti l-oħra bil-miżuri meħuda u għandha tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha.

3.Il-Partijiet għandhom jibdew minnufih il-konsultazzjonijiet fil-Kumitat tal-Kummerċ biex tinstab soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd.

4.Kwalunkwe azzjoni meħuda skont it-termini ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi sospiża malli l-Parti li tkun qed tonqos, tissodisfa d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew meta tispiċċa t-theddida għas-sikurezza fit-toroq.

Artikolu 10
Applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa, għat-territorji li fihom japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk it-Trattati, u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tar-Repubblika tal-Moldova.

L-applikazzjoni tiegħu hija sospiża temporanjament f’dawk iż-żoni fejn il-Gvern tar-Repubblika tal-Moldova ma jeżerċitax kontroll effettiv. L-applikazzjoni tiegħu tista’ titkompla wara Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jew deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt ta’ Assoċjazzjoni, li tikkonferma li r-Repubblika tal-Moldova tista’ tiżgura konformità sħiħa mal-Ftehim.

Artikolu 11
Terminazzjoni

1.Xi waħda mill-Partijiet tista’, fi kwalunkwe ħin, tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra, permezz ta’ mezzi diplomatiċi, dwar id-deċiżjoni tagħha li tittermina dan il-Ftehim. Il-Ftehim għandu jintemm ġimagħtejn wara din in-notifika, sakemm il-parti notifikanti ma tindikax data aktar tard biex din in-notifika tidħol fis-seħħ. Fil-każ tal-aħħar, id-data ma għandhiex tkun aktar minn xahrejn wara d-data tan-notifika.

2.L-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li l-vettura tagħhom tkun fit-territorju tal-Parti l-oħra malli jiskadi dan il-Ftehim għandhom jitħallew jgħaddu mit-territorju ta’ dik il-Parti biex jirritornaw fit-territorju tal-Parti ta’ stabbiliment.

3.Għal aktar ċertezza, id-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 tfisser id-data meta n-notifika tintbagħat lill-Parti l-oħra.

4.L-iskadenza skont l-Artikolu 5 jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux ikollhom l-effett li jillimitaw il-kundizzjonijiet tal-aċċess għas-suq fis-servizzi tat-trasport bit-triq bejn il-Partijiet meta mqabbla mas-sitwazzjoni eżistenti lejliet id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim. Għal dak il-għan, fin-nuqqas ta’ ftehim sussegwenti bejn il-Partijiet, id-drittijiet tal-aċċess għas-suq stabbiliti skont il-ftehimiet bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova f’dak il-jum għandhom japplikaw mill-ġdid mid-data tal-iskadenza jew tat-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 12
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni proviżorja

1.Il-Partijiet għandhom jirratifikaw jew japprovaw dan il-Ftehim f’konformità mal-proċeduri tagħhom. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum meta l-Partijiet jinnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali interni rispettivi tagħhom meħtieġa għal dan il-għan.

2.Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni u r-Repubblika tal-Moldova jaqblu li japplikaw dan il-Ftehim b’mod proviżorju mill-jum tal-iffirmar tiegħu.

3.Għall-finijiet tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan il-Ftehim, kull referenza f’dawn id-dispożizzjonijiet għad-“data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim” għandha tinftiehem bħala d-“data minn meta dan il-Ftehim jiġi applikat b’mod proviżorju” f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Magħmul bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Irlandiż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bl-Olandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan, bl-Ungeriż, b’kull wieħed minn dawn it-testi ikollu l-istess awtentiċità.

B’XHIEDA TA’ DAN, il-Plenipotenzjarji ffirmati hawn taħt, debitament awtorizzati għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, nhar … ta’ … tas-sena … .

   Għall-Unjoni Ewropea

   Għar-Repubblika tal-Moldova

(1)    Biex ikun evitat id-dubju, la dan l-Artikolu u lanqas dan il-Ftehim ma għandhom jiġu interpretati li jagħtu xi drittijiet jew jimponu xi obbligi li jistgħu jkunu invokati direttament quddiem il-qrati domestiċi tal-Partijiet.