Brussell, 1.6.2022

COM(2022) 281 final

2022/0178(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-euro fil-Kroazja


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fl-1 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni ħarġet proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill f'konformità mal-Artikolu 140(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“it-Trattat”), li tindika li l-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro u li d-deroga tal-Kroazja tiġi rrevokata b'effett mill-1 ta' Jannar 2023.

Jekk ikun hemm deċiżjoni pożittiva, il-Kunsill sussegwentement ikollu jieħu l-miżuri neċessarji l-oħra għall-introduzzjoni tal-euro fil-Kroazja.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni tal-euro 1 jirregola l-introduzzjoni inizjali tal-euro fl-Istati Membri li kienu fl-ewwel grupp taż-Żona tal-Euro u fil-Greċja 2 . Dan ir-Regolament ġie emendat bi:

- ir-Regolament (KE) Nru 2169/2005, biex iħejji għal tkabbir fil-ġejjieni taż-Żona tal-Euro

- ir-Regolament (KE) Nru 1647/2006, biex ikopri lis-Slovenja (li adottat l-euro fl-1 ta’ Jannar 2007)

- ir-Regolament (KE) Nru 835/2007, biex ikopri lil Ċipru (li adotta l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008)

- ir-Regolament (KE) Nru 836/2007, biex ikopri lil Malta (li adottat l-euro fl-1 ta’ Jannar 2008)

- ir-Regolament (KE) Nru 693/2008, biex ikopri lis-Slovakkja (li adottat l-euro f'Jannar 2009).

- ir-Regolament (UE) Nru 670/2010, biex ikopri lill-Estonja (li adottat l-euro f'Jannar 2011)

- ir-Regolament (UE) Nru 678/2013, biex ikopri lil-Latvja (li adottat l-euro f'Jannar 2014).

- ir-Regolament (UE) Nru 827/2014, biex ikopri lil-Litwanja (li adottat l-euro f'Jannar 2015).

Biex il-Kroazja tkun koperta wkoll mir-Regolament (KE) Nru 974/98, jeħtieġ li ma’ dak ir-Regolament tiżdied referenza għal dan l-Istat Membru. Din il-proposta fiha l-emendi meħtieġa għal dak ir-Regolament.

Il-Pjan Nazzjonali tal-Kroazja għall-Bidla għall-Euro jispeċifika li x-xenarju “big bang” jenħtieġ li jkun applikabbli, jiġifieri li l-adozzjoni tal-euro bħala l-munita tal-Kroazja u l-introduzzjoni tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro fil-Kroazja jenħtieġ li jikkoinċidu.

2.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Id-diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar l-isfidi tal-politika ekonomika fl-Istati Membri jsiru taħt diversi intestaturi fuq bażi regolari fil-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) u l-ECOFIN/Grupp tal-Euro. Dawn jinkludu diskussjonijiet informali dwar kwistjonijiet speċifikament rilevanti għat-tħejjija ta’ dħul eventwali fiż-Żona tal-Euro (inklużi l-politiki dwar ir-rata tal-kambju). Id-djalogu ma’ akkademiċi u gruppi interessati oħra jsir f’konferenzi/seminars u fuq bażi ad hoc.

L-iżviluppi ekonomiċi fiż-Żona tal-Euro u l-Istati Membri huma vvalutati permezz tad-diversi proċeduri tal-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politika ekonomika (b’mod partikolari skont l-Artikolu 121 tat-Trattat), kif ukoll fil-kuntest tal-monitoraġġ u l-analiżi regolari tal-Kummissjoni tal-iżviluppi speċifiċi għall-pajjiż u għaż-żona kollha (inklużi tbassiriet, serje ta’ pubblikazzjonijiet regolari, u kontribut għall-KEF u l-ECOFIN/Eurogroup). F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità u f’konformità mal-prattika tal-passat, mhi meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt formali.

3.ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

3.1.Bażi legali

Il-bażi ġuridika għall-proposta preżenti hija l-Artikolu 140(3) tat-Trattat, li jippermetti li jiġu adottati l-miżuri l-oħra meħtieġa għall-introduzzjoni tal-euro fl-Istat Membru li d-deroga tiegħu tkun tħassret skont Artikolu 140(2) tat-Trattat.

Il-Kunsill jaġixxi bl-unanimità tal-Istati Membri li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom u tal-Istat Membru kkonċernat fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-BĊE.

3.2.Sussidjarjetà u proporzjonalità

Il-proposta taqa’ fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għalhekk ma japplikax.

Din l-inizjattiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tikseb l-objettiv tagħha, u għalhekk, hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

3.3.Għażla tal-istrument legali

Regolament huwa l-uniku strument legali xieraq biex jiġi emendat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni tal-euro.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.

5.KUMMENTARJU DWAR ARTIKOLI INDIVIDWALI

5.1.Artikolu 1

F’konformità mal-Artikolu 1(a) u l-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 974/98, it-tabella fl-Anness għal dan ir-Regolament telenka l-Istati Membri li qed jipparteċipaw u tiddefinixxi d-data tal-adozzjoni tal-euro, id-data ta’ bidla fil-flus kontanti, u l-perjodu "ta' eliminazzjoni gradwali", jekk ikun applikabbli, għal dawn l-Istati Membri kollha.

Skont l-Artikolu 1 (i) tar-Regolament (KE) Nru 974/98 il-perjodu ta’ “eliminazzjoni gradwali” jista’ japplika biss fl-Istati Membri fejn id-data tal-adozzjoni tal-euro u l-bidla fil-flus kontanti jseħħu fl-istess jum. Dan ma kienx il-każ għall-ħdax-il Stat Membru li adottaw l-euro fl-1 ta’ Jannar 1999, u lanqas għall-Greċja, li adottat l-euro fl-1 ta’ Jannar 2001.

Id-data tal-adozzjoni tal-euro u l-bidla tal-flus kontanti fis-Slovenja, Ċipru, Malta, is-Slovakkja, l-Estonja u l-Litwanja kienet koinċidenti (l-1 ta’ Jannar 2007 għas-Slovenja, l-1 ta’ Jannar 2008 għal Ċipru u Malta, l-1 ta’ Jannar 2009 għas-Slovakkja, l-1 ta’ Jannar 2011 għall-Estonja, l-1 ta’ Jannar 2014 għal-Latvja, l-1 ta’ Jannar 2015 għal-Litwanja), iżda l-pajjiżi għażlu li ma jkollhomx perjodu ta’ “tneħħija gradwali”.

Barra minn hekk, il-Pjan Nazzjonali għall-Bidla għall-Euro tal-Kroazja jistabbilixxi l-istess data għall-adozzjoni tal-euro u għad-data tal-bidla tal-flus kontanti (l-1 ta’ Jannar 2023), u l-Kroazja għażlet li ma jkollhiex perjodu ta’ “tneħħija gradwali”.

Dan l-Artikolu jżid lill-Kroazja u d-data rilevanti li ġejja għal dan l-Istat Membru fit-tabella fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98 fl-ordni tal-protokoll.

Stat Membru

Data għall-adozzjoni tal-euro

Data tal-bidla tal-flus kontanti

Stat Membru b’perjodu ta’ “tneħħija gradwali”

“il-Kroazja

fl-1 ta' Jannar 2023.

fl-1 ta' Jannar 2023.

Le”

5.2.Artikolu 2

Dan l-Artikolu jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament bħala l-1 ta’ Jannar 2023, filwaqt li jiżgura li jkun applikabbli f’konformità mat-twaqqit tal-atti l-oħra tal-Kunsill relatati mal-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja, jiġifieri d-data li fiha d-deroga tiġi rrevokata u d-data li fiha tidħol fis-seħħ ir-rata ta’ konverżjoni għall-kuna Kroata.

2022/0178 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 974/98 fir-rigward tal-introduzzjoni tal-euro fil-Kroazja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 140(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,

Billi:

(1)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98( 3 ) jipprovdi għas-sostituzzjoni tal-euro għall-muniti tal-Istati Membri li ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro fiż-żmien meta l-Komunità daħlet fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja.

(2)Skont l-Artikolu 5 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012, il-Kroazja hija Stat Membru b’deroga, kif definit fl-Artikolu 139(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it- “Trattat”).

(3)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2022/.../UE ta’...... 2022 dwar l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023( 4 ), il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-adozzjoni tal-euro u d-deroga favur il-Kroazja għandha titħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

(4)L-introduzzjoni tal-euro fil-Kroazja teħtieġ l-estensjoni għall-Kroazja tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-introduzzjoni tal-euro li huma stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 974/98.

(5)Il-Pjan Nazzjonali tal-Kroazja għall-Bidla għall-Euro jispeċifika li l-karti tal-flus u l-muniti tal-euro għandhom isiru valuta legali f’dak l-Istat Membru fil-jum tal-introduzzjoni tal-euro bħala l-munita tiegħu. B’konsegwenza ta’ dan, id-data tal-introduzzjoni tal-euro u d-data ta’ bidla fil-munita għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2023. Jenħtieġ li ma japplika l-ebda perjodu ta' “eliminazzjoni gradwali”.

(6)Jenħtieġ għalhekk, li r-Regolament (KE) Nru 974/98 jiġi emendat kif jixraq,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 974/98 huwa emendat tiddaħħal ir-ringiela li ġejja fit-tabella, bejn l-entrati għal Franza u l-Irlanda:

“il-Kroazja

fl-1 ta' Jannar 2023.

fl-1 ta' Jannar 2023.

Le”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2023.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1.
(2)    Ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2596/2000 tas-27 ta' Novembru 2000 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 dwar l-introduzzjoni tal-euro (ĠU L 300, 29.11.2000, p. 2).
(3)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro (ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1).
(4)    ĠU L […], […], p. […].