IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.5.2022
COM(2022) 215 final
2022/0153(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini fir-rigward tal-konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 63(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq min-naħa l-oħra
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Suġġett tal-proposta
Il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ (TSC) dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini jippjana li jadotta deċiżjoni dwar il-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 63(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq min-naħa l-oħra. Din il-proposta hija dwar id-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed dwar din il-kwistjoni f’isem l-UE fit-TSC dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini.
2.Kuntest tal-proposta
2.1.Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), jagħti aċċess mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-importazzjonijiet f’parti għall-Ftehim li joriġina fil-parti l-oħra jekk ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-regoli tal-oriġini. L-Artikolu 63 tal-Ftehim jistabbilixxi proċedura għall-verifika tal-oriġini tal-prodotti. Jiddikjara wkoll li l-partijiet iridu jwettqu konsultazzjonijiet jekk parti tiċħad it-trattament preferenzjali ta’ prodott tal-parti l-oħra, anki jekk il-parti esportatriċi tkun ipprovdiet opinjoni pożittiva li tikkonferma l-oriġini tal-prodott.
2.2.It-TSC dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini
Skont l-Artikolu 8(1)(c) tal-Ftehim, il-kompetenza tat-TSC tkopri kwistjonijiet tal-:
- Kapitoli 2 u 5 tat-Titolu I tal-Ewwel Intestatura tat-Tieni Parti tal-Ftehim;
- Protokoll dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali; kif ukoll
- id-dispożizzjonijiet dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, it-tariffi u l-imposti, il-valutazzjoni doganali u l-oġġetti msewwija.
Skont l-Artikolu 121(2)(d) tal-Ftehim, it-TSC dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet dwar il-proċeduri għall-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 63. Jista’ jadotta wkoll deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni teknika jew amministrattiva relatata mal-implimentazzjoni tal-Kapitolu 2 tat-Titolu I. Dan jinkludi n-noti interpretattivi bl-għan li jiżguraw l-amministrazzjoni uniformi tar-regoli tal-oriġini.
2.3.L-att previst tat-TSC dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini
L-att previst għandu l-għan li jistabbilixxi r-regoli għall-konsultazzjonijiet bejn il-partijiet jekk parti tiċħad it-trattament preferenzjali ta’ prodott tal-parti l-oħra, anki jekk il-parti esportatriċi tkun ipprovdiet opinjoni pożittiva dwar l-oriġini tal-prodott.
L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet skont l-Artikolu 10 u l-Artikolu 121(2)(d) tal-Ftehim. Se jimplimenta l-Artikolu 63(3) tal-Ftehim. Skont dan l-Artikolu, it-TSC dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini jridu jistabbilixxu proċedura ta’ konsultazzjoni, għall-konsultazzjonijiet li l-partijiet iridu jwettqu jekk ma jaqblux dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-oriġini. Speċifikament, dan huwa l-każ meta parti tiċħad it-trattament preferenzjali ta’ prodott tal-parti l-oħra, anki jekk il-parti esportatriċi tkun ipprovdiet opinjoni pożittiva li tikkonferma l-oriġini tal-prodott wara proċedura ta’ verifika. Skont ir-regoli proposti, il-partijiet iridu jwettqu konsultazzjonijiet b’mod flessibbli, filwaqt li jgħinu l-komunikazzjoni bejn iż-żewġ partijiet u billi jiġġustifikaw iċ-ċaħda tat-trattament preferenzjali.
Ir-regola 1 tistabbilixxi kif parti tista’ titlob li twettaq konsultazzjonijiet mal-parti l-oħra. Tappunta wkoll is-segretarjat tat-TSC bħala l-punt ta’ kuntatt.
Ir-regola 2 tistabbilixxi l-iskadenzi biex jiltaqgħu u jiġu konklużi s-sessjonijiet ta’ konsultazzjoni. Tipproponi wkoll diversi possibbiltajiet kif dawn jistgħu jitwettqu.
Ir-regola 3 tirrikjedi li l-partijiet iħabbru l-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom qabel kull sessjoni.
Ir-regola 4 tistabbilixxi l-arranġamenti lingwistiċi għall-konsultazzjonijiet u d-dokumenti rilevanti li jridu jitqassmu minn qabel.
Ir-regola 5 tistabbilixxi l-arranġamenti u l-iskadenzi għall-abbozz tal-minuti tas-sessjonijiet.
Ir-regola 6 tirrikjedi li l-partijiet jippruvaw jilħqu soluzzjoni sodisfaċenti b’mod reċiproku. Tiċċara wkoll li meta l-perjodu ta’ konsultazzjoni jiġi meqjus bħala skadut, filwaqt li jiddikjara li dan mhux se jitqies li skada jekk il-konsultazzjoni ma tkunx saret minħabba kawżi marbutin ma’ waħda mill-partijiet.
3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE
Jenħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li l-UE trid tieħu fit-TSC dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura għall-konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 63(3) tal-Ftehim. Dan se jirriżulta f’regolamentazzjoni aħjar u fi trasparenza akbar.
Il-proċedura proposta ma taffettwax is-sustanza tar-regoli tal-oriġini skont il-Ftehim.
4.Bażi ġuridika
4.1.Bażi ġuridika proċedurali
4.1.1.Prinċipji
L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”
Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali minħabba r-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni.
4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
Il-Ftehim stabbilixxa t-TSC dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini. Għaldaqstant, hija sede stabbilita minn ftehim.
L-att li t-TSC dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini mitlub li jadotta huwa att li għandu effetti legali. Se jkun vinkolanti għall-partijiet skont l-Artikolu 10 u l-Artikolu 121(2)(d) tal-Ftehim.
L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.
Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.
4.2.Bażi ġuridika sostantiva
4.2.1.Prinċipji
Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-UE. L-att previst jista’ jkollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, wieħed minnhom jista’ jiġi identifikat bħala ewlieni u l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali. F’dan il-każ, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, partikolarment fuq dik il-waħda għall-għan jew għall-komponent ewlieni jew predominanti.
4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ
L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma l-istabbiliment ta’ proċedura għall-konsultazzjonijiet jekk parti tiċħad it-trattament preferenzjali ta’ prodott tal-parti l-oħra skont l-Artikolu 63(3) tal-Ftehim.
4.3.Konklużjoni
Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE, li tinqara flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.
2022/0153 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini fir-rigward tal-konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 63(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq min-naħa l-oħra
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li jistabbilixxi r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/2252 tad-29 ta’ Diċembru 2020 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.
(2)Il-Ftehim jinkludi proċedura ta’ konsultazzjoni f’każ ta’ ċaħda tal-preferenzi fl-Artikolu 63(3). Skont l-Artikolu 121(2)(d) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni (FKK), il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini (“il-Kumitat”) stabbilit mill-Artikolu 8(1)(c) tal-Ftehim jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet dwar il-proċeduri għall-konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 63(3) tal-FKK. Skont l-Artikolu 10 tal-FKK, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat huma vinkolanti għall-partijiet.
(3)Huwa xieraq li, permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-UE fi ħdan il-Kumitat peress li d-deċiżjoni tal-Kumitat dwar ir-regoli tal-konsultazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 63(3) tal-FKK se jkollhom effetti legali.
(4)L-istabbiliment ta’ regoli għall-proċedura ta’ konsultazzjoni prevista fl-Artikolu 63(3) tal-FKK se jġib ċarezza u jiżgura t-trasparenza f’każ li parti tiddeċiedi li tiċħad it-trattament tariffarju preferenzjali ta’ prodott tal-parti l-oħra kontra l-opinjoni pożittiva ta’ din tal-aħħar li tikkonferma l-istatus oriġinarju.
(5)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini stabbiliti mill-Ftehim għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ dan il-Kumitat mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.5.2022
COM(2022) 215 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini fir-rigward tal-konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 63(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq min-naħa l-oħra
ANNESS
Abbozz
DEĊIŻJONI Nru ... TAL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦALL-KUMMERĊ BEJN L-UE U R-RENJU UNIT
dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini
tal-
Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra rigward il-proċedura ta’ konsultazzjoni f’każ ta’ ċaħda tal-preferenzi
IL-KUMITAT SPEĊJALIZZAT GĦALL-KUMMERĊ dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini,
Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li jistabbilixxi r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 63(3) tiegħu dwar l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ konsultazzjoni f’każ ta’ ċaħda tal-preferenzi,
Billi:
(1)
Il-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni li jistabbilixxi r-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/2252 tad-29 ta’ Diċembru 2020 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2021.
(2)
L-Artikolu 121(2)(d) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini (“il-Kumitat”) jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet dwar il-proċedura għall-konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 63(3) tal-Ftehim.
(3)
L-Artikolu 63(3) tal-Ftehim jipprevedi li meta l-awtorità doganali tal-parti importatriċi tinnotifika lill-awtorità doganali tal-parti esportatriċi bl-intenzjoni tagħha li tiċħad it-trattament tariffarju preferenzjali wara l-wasla tal-opinjoni tal-parti esportatriċi li tikkonferma l-oriġini tal-prodott, għandhom jitwettqu konsultazzjonijiet fuq talba ta’ waħda mill-partijiet fi żmien tliet xhur wara d-data ta’ dik in-notifika u jistgħu jsiru f’konformità mal-proċedura stabbilita mill-Kumitat.
(4)
F’konformità mal-Artikolu 63(3) tal-Ftehim, iridu jiġu stabbiliti regoli proċedurali biex jiġi ffaċilitat ftehim bejn il-partijiet fil-każ ta’ ċaħda tal-preferenzi kontra l-opinjoni tal-parti l-oħra li tikkonferma l-oriġini tal-prodott.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 63(3) tal-Ftehim għandha ssir f’konformità mar-regoli ta’ proċedura speċifikati fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Għandha tapplika mill-istess jum.
Magħmul fi…
Għall-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ
Il-Kopresident tal-UE u l-Kopresident tar-Renju Unit
ANNESS
PROĊEDURA GĦAL KONSULTAZZJONIJIET
F’KONFORMITÀ MAT-TIENI SUBPARAGRAFU TAL-ARTIKOLU 63(3) TAL- FTEHIM DWAR IL-KUMMERĊ U L-KOOPERAZZJONI BEJN L-UE U R-RENJU UNIT
Regola 1
1.Wara li l-awtorità doganali tal-parti importatriċi tkun innotifikat l-awtorità doganali tal-parti esportatriċi bl-intenzjoni tagħha li tiċħad it-trattament tariffarju preferenzjali, parti tista’ tissottometti talba għall-konsultazzjonijiet lill-parti l-oħra skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 63(3) tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit (“il-Ftehim”).
2.It-talba għandha ssir mill-membru tas-Segretarjat tal-Kumitat Speċjalizzat għall-Kummerċ dwar il-kooperazzjoni doganali u r-regoli tal-oriġini (“il-Kumitat”) tal-parti rikjedenti lill-membru tas-segretarjat tal-parti l-oħra permezz ta’ email jew, fejn xieraq, bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ [tele]komunikazzjoni li jipprovdi prova li din tkun intbagħtet. Sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor, tali rikjesta għandha titqies li tkun waslet fl-istess jum li tkun intbagħtet.
Regola 2
1.Il-konsultazzjonijiet għandhom jitlaqqgħu u jintemmu fi żmien tliet xhur wara d-data tan-notifika tal-intenzjoni msemmija fir-Regola 1, dment li l-partijiet ma jkunux qablu li jestendu l-perjodu għall-konsultazzjonijiet. Matul dak il-perjodu, il-partijiet jistgħu jiltaqgħu darba jew diversi drabi.
2.Il-konsultazzjonijiet għandhom isiru wiċċ imb wiċċ jew inkella bi kwalunkwe mezz ieħor ta’ komunikazzjoni miftiehem mill-partijiet. Jekk isiru wiċċ imb wiċċ, il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fit-territorju tal-parti li fiha l-konsultazzjonijiet mitluba huma indirizzati, dment li l-partijiet ma jaqblux mod ieħor.
Regola 3
15-il jum kalendarju qabel kull sessjoni ta’ konsultazzjoni, l-Unjoni u r-Renju Unit rispettivament għandhom jinformaw lill-parti l-oħra permezz tas-Segretarjat tal-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet rispettivi tagħhom u għandhom jispeċifikaw l-isem u l-funzjoni ta’ kull membru tad-delegazzjoni.
Regola 4
1.Il-konsultazzjoni għandha ssir bl-Ingliż.
2.Id-dokumenti bil-miktub rilevanti għall-konsultazzjoni għandhom jiġu ċċirkolati mis-Segretarjat lill-parti l-oħra. Jistgħu jkunu b’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.
Regola 5
1.L-abbozz tal-minuti ta’ kull sessjoni ta’ konsultazzjoni għandu jitfassal mill-uffiċjal li jaġixxi bħala membru tas-Segretarjat tal-parti rispondenti li tkun qed tospita l-laqgħa fi żmien tmint ijiem kalendarji. L-abbozz tal-minuti għandu jiġi trażmess għall-kummenti lill-membru tas-Segretarjat tal-parti l-oħra. Dan tal-aħħar jista’ jibgħat il-kummenti fi żmien tmint ijiem kalendarji.
2.Il-minuti għandhom jiġbru fil-qosor is-sessjonijiet tal-konsultazzjoni, filwaqt li fejn applikabbli, jispeċifikaw:
(a)id-dokumenti sottomessi;
(b)kwalunkwe dikjarazzjoni li waħda mill-partijiet talbet li tiddaħħal fil-minuti; kif ukoll
(c)il-konklużjonijiet li ntlaħqu li jistgħu jinkludu l-estensjoni tad-durata tal-konsultazzjoni.
3.Il-minuti għandhom jinkludu bħala anness, lista ta’ parteċipanti li għal kull delegazzjoni telenka l-ismijiet u l-funzjonijiet tal-individwi kollha li jkunu attendew għal-laqgħa.
4.Is-Segretarjat għandu jaġġusta l-abbozz tal-minuti abbażi tal-kummenti riċevuti. L-abbozz tal-minuti, kif rivedut, għandu jiġi approvat mill-partijiet fi żmien 28 jum kalendarju mid-data tas-sessjoni, jew sa kwalunkwe data oħra miftiehma mill-partijiet. Mal-approvazzjoni tal-minuti, il-ftehim milħuq għandu jidħol fis-seħħ bejn il-partijiet fis-sessjoni tal-konsultazzjonijiet meta tiġi adottata dik il-konklużjoni.
5.Fil-każ li l-konsultazzjonijiet isiru bil-miktub, ir-riżultat tal-konsultazzjonijiet għandu jitniżżel fil-minuti tal-laqgħa li jmiss tal-Kumitat. Il-ftehim milħuq matul il-konsultazzjonijiet għandu jidħol fis-seħħ bejn il-partijiet fis-sessjoni tal-konsultazzjonijiet meta dik il-konklużjoni tkun ġiet adottata.
Regola 6
1.Il-partijiet għandhom jagħmlu kull tentattiv biex jaslu għal riżoluzzjoni sodisfaċenti b’mod konġunt tal-kwistjoni fil-perjodu tal-konsultazzjoni msemmi fir-Regola 2. Jekk il-partijiet jilħqu ftehim, dan tal-aħħar huwa vinkolanti għall-partijiet.
2.Għall-finijiet tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 63(3) tal-Ftehim, il-perjodu tal-konsultazzjoni msemmi fir-Regola 2 għandu jitqies li jkun skada meta jasal għat-terminu tiegħu u l-partijiet ma jaqblux li jestenduh, ħlief meta l-konsultazzjoni ma tkunx saret minħabba kawżi marbutin mal-parti importatriċi.