Brussell, 6.5.2022

COM(2022) 214 final

2022/0152(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-rigward ta’ ċerti emendi għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni relatata mal-emenda għall-Artikolu 59 tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (“IHR”) (2005). Id-deċiżjoni, li l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija mitluba tadotta, tkopri wkoll l-emendi tekniċi relatati għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1) tal-IHR (2005), li huma neċessarji biex dawn l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi previsti għall-Artikolu 59.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (“WHO”) ġiet stabbilita bħala aġenzija speċjalizzata tas-saħħa tan-Nazzjonijiet Uniti skont it-termini tal-Artikolu 57 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti. Il-Kostituzzjoni 1 tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa daħlet fis-seħħ fis-7 ta’ April 1948 u tiddefinixxi l-objettiv ewlieni tal-organizzazzjoni bħala l-kisba mill-popli kollha tal-ogħla livell possibbli ta’ saħħa.

L-Unjoni Ewropea (“l-Unjoni”) għandha status ta’ osservatur informali fid-WHO. Dan l-istatus ġie stabbilit permezz ta’ skambju ta’ ittri ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali fl-4 ta’ Jannar 2001 2 . Dan l-iskambju kien jinkludi “Memorandum dwar il-qafas u l-arranġamenti għall-kooperazzjoni bejn l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej”. L-Istati Membri tal-UE kollha huma membri tad-WHO.

2.2.L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa

L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija l-korp governattiv ewlieni tad-WHO. Din issir kull sena f’Ġinevra, l-Iżvizzera. Il-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa se ssir mit-22 sat-28 ta’ Mejju 2022.

Skont l-Artikolu 59 tal-Kostituzzjoni tad-WHO, kull membru tad-WHO għandu vot wieħed fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa. Id-deċiżjonijiet jittieħdu minn maġġoranza tal-membri tad-WHO preżenti li jkunu qed jivvutaw, għajr għal ftit sitwazzjonijiet deskritti fl-Artikolu 60 tal-Kostituzzjoni tad-WHO, fejn tkun meħtieġa maġġoranza ta’ żewġ terzi. Fil-prattika, isir kull sforz biex jintlaħaq qbil b’kunsens. L-Unjoni ma għandha l-ebda dritt tal-vot.

Skont l-Artikolu 21 tal-Kostituzzjoni tad-WHO, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa għandha l-awtorità li tadotta r-regolamenti li jikkonċernaw, inter alia, ir-rekwiżiti sanitarji u ta’ kwarantina u proċeduri oħra mfassla biex jiġi evitat it-tixrid internazzjonali tal-mard.

2.3.L-IHR (2005) u r-reviżjoni proposta tagħhom permezz ta’ emendi potenzjali

L-IHR, li kienu ppreċeduti mir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa adottati fl-1951, ġew adottati mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fl-1969 3 . Ir-Regolamenti tal-1969, li inizjalment kienu jkopru sitt “tipi ta’ mard kwarantinabbli” ġew emendati fl-1973 4 u fl-1981 5 , primarjament biex l-għadd ta’ mard kopert jitnaqqas minn sitta għal tlieta (id-deni isfar, il-pesta u l-kolera) u biex tiġi mmarkata l-eradikazzjoni globali tal-ġidri.

Wara li tfaċċa s-sindromu respiratorju akut gravi, intlaħaq kunsens dwar il-ħtieġa li l-IHR jiġu rieżaminati. L-IHR (2005) ġew adottati mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fit-23 ta’ Mejju 2005 6 . Dawn daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2007.

F’dawn l-aħħar snin, l-ewwel wara t-tifqigħa tal-Ebola, u mbagħad il-pandemija tal-COVID-19, diversi kumitati u panels ta’ rieżami indipendenti indikaw il-ħtieġa li tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-IHR (2005), il-konformità magħhom u l-modernizzazzjoni tagħhom 7 .

Skont l-Artikolu 55 tal-IHR (2005), l-emendi għar-Regolamenti jistgħu jiġu proposti minn kwalunkwe Stat Parti jew mid-Direttur Ġenerali tad-WHO u għandhom jitressqu għall-kunsiderazzjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa. It-test ta’ kwalunkwe emenda proposta għandu jiġi kkomunikat lill-Istati Partijiet kollha mid-Direttur Ġenerali, mill-inqas erba’ xhur qabel l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa li fiha jiġi propost għall-kunsiderazzjoni.

Fl-20 ta’ Jannar 2022, id-Direttur Ġenerali tad-WHO kkomunika proposta emendatorja mressqa mill-Istati Uniti tal-Amerka skont l-Artikolu 55(1) tal-IHR (2005), lill-Istati Partijiet tal-IHR (2005). Il-proposta tikkonċerna l-emendi għall-Artikoli 5, 6, 9, 10, 11, 12, 13, 15, 18, 48, 49, 53 u 59 tal-IHR (2005).

Fis-26 ta’ Jannar 2022, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni EB150(3) 8 , il-Bord Eżekuttiv tad-WHO ħeġġeġ lill-membri tad-WHO u, kif applikabbli, lill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika, bħall-Unjoni, biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jikkunsidraw l-emendi potenzjali għall-IHR (2005).

Fit-3 ta’ Marzu 2022, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2022/451 9 , il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea awtorizza l-ftuħ tan-negozjati f’isem l-Unjoni, għal ftehim internazzjonali dwar il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-pandemiji, kif ukoll emendi komplementari għall-IHR (2005). Id-Deċiżjoni taħtar lill-Kummissjoni bħala negozjatur f’isem l-Unjoni għall-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni u tistabbilixxi d-direttivi ta’ negozjar għat-tmexxija tan-negozjati.

Wara t-tressiq tal-emendi proposti mill-Istati Uniti, seħħ proċess konsultattiv fi ħdan id-WHO, b’mod partikolari permezz ta’ sessjonijiet ta’ negozjati informali li saru fis-16 ta’ Marzu, fil-5 ta’ April u fit-3 ta’ Mejju 2022, li matulhom il-Kummissjoni Ewropea pparteċipat bħala negozjatur tal-Unjoni. Matul dawn id-diskussjonijiet, intlaħaq kunsens fost il-membri tad-WHO biex jipproċedu bl-adozzjoni tal-emendi għall-Artikolu 59 tal-IHR (2005) fil-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, li se tibda fit-22 ta’ Mejju 2022. L-emendi proposti għall-Artikolu 59 jeħtieġu wkoll emendi tekniċi għal artikoli addizzjonali tal-IHR (2005), jiġifieri l-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1), li huma neċessarji biex dawn l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi previsti għall-Artikolu 59.

In-negozjati dwar l-emendi l-oħra proposti mill-Istati Uniti, u kwalunkwe proposta addizzjonali tagħhom, jenħtieġ li jkomplu wara Mejju 2022, bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli tagħhom fis-sitta u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa f’Mejju 2023.

2.4.L-att previst tal-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa

F’Mejju 2022, waqt il-ħamsa u sebgħin sessjoni tagħha, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija mistennija tadotta deċiżjoni relatata mal-emenda għall-Artikolu 59 tal-IHR (2005). L-emendi għall-Artikolu 59 għandhom l-objettiv li jqassru l-perjodu neċessarju biex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tal-IHR (2005), b’mod partikolari billi jitnaqqas il-perjodu għad-dħul fis-seħħ tagħhom minn erbgħa u għoxrin xahar għal tnax-il xahar.

Dan jippermetti li l-IHR (2005) jiġi emendat b’mod aktar rapidu fil-futur.

L-introduzzjoni ta’ paragrafu ġdid fl-Artikolu 59, li jipprevedi perjodu għaċ-ċaħda ta’ emenda għall-IHR (2005), jew ta’ riżervi għaliha, teħtieġ ukoll li jsiru emendi tekniċi għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1), li huma neċessarji biex dawn l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi previsti għall-Artikolu 59.

L-att previst se jsir vinkolanti fuq l-Istati Partijiet f’konformità mal-Artikolu 55(3) tal-IHR (2005) 10 .

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

L-Unjoni tappoġġa l-emendi proposti għall-Artikolu 59 tal-IHR (2005), li huma ta’ natura proċedurali u li jippermettu li l-IHR (2005) jiġu emendati ulterjorment b’mod aktar rapidu, sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li qed jinbidlu fl-oqsma koperti minnhom. L-Unjoni tappoġġa wkoll l-emendi tekniċi proposti għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1) tal-IHR (2005), li huma neċessarji biex dawn l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi proposti għall-Artikolu 59.

3.1.Bażi ġuridika proċedurali

3.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hijiex membru tas-sede jew parti għall-ftehim 11 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa ta’ regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 12 .

3.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija korp stabbilit permezz ta’ ftehim, speċifikament il-Kostituzzjoni tad-WHO, iffirmata fi New York fit-22 ta’ Lulju 1943.

Id-deċiżjoni relatata mal-emendi tal-Artikolu 59 tal-IHR (2005), kif ukoll mal-emendi tekniċi inċidentali għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1) tagħhom, li l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija mitluba tadotta, tikkostitwixxi att li għandu effetti legali. F’konformità mal-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni tad-WHO, l-IHR (2005) huma strument legalment vinkolanti skont id-dritt internazzjonali. L-att previst tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, li għandu l-għan li jemenda l-IHR (2005), se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali għall-Istati Partijiet kollha tad-WHO f’konformità mal-Artikolu 55(3) tal-IHR (2005).

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-IHR (2005).

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

3.2.Bażi ġuridika sostantiva

3.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

3.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst għandu l-għan li jintroduċi proċedura ta’ emenda aktar rapida għall-IHR (2005), li tippermetti li l-IHR (2005) jiġu emendati skont il-ħtiġijiet li qed jinbidlu b’mod aktar f’waqtu. L-iskop u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-IHR (2005) huma li “jipprevjenu, jipproteġu, jikkontrollaw u jipprovdu rispons għas-saħħa pubblika għat-tixrid internazzjonali tal-mard b’modi li jkunu proporzjonati mar-riskji għas-saħħa pubblika u limitati għalihom, u li jevitaw l-interferenza bla bżonn mat-traffiku u l-kummerċ internazzjonali.”

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 168(1), (3) u (5) tat-TFUE.

3.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 168(1), (3) u (5) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2022/0152 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-rigward ta’ ċerti emendi għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 168(1), (3) u (5), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (“IHR”) (2005) ġew adottati mill-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (“WHO”) fit-23 ta’ Mejju 2005 u daħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Ġunju 2007.

(2)Skont l-Artikolu 60(b) tal-Kostituzzjoni tad-WHO, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa tista’ tadotta deċiżjonijiet b’maġġoranza tal-membri tad-WHO preżenti li jkunu qed jivvutaw.

(3)L-Assemblea Dinjija tas-Saħħa, waqt il-ħamsa u sebgħin sessjoni tagħha li tibda fit-22 ta’ Mejju 2022, għandha tadotta deċiżjoni relatata mal-emenda għall-Artikolu 59 tal-IHR (2005), flimkien mal-emendi relatati għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1), li huma neċessarji biex dawn l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi previsti għall-Artikolu 59 tal-IHR (2005).

(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-rigward tad-deċiżjoni, li l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa hija mitluba tadotta, bl-għan li jiġi emendat l-Artikolu 59 tal-IHR (2005) sabiex jitqassar il-perjodu neċessarju biex jiġu emendati ulterjorment id-dispożizzjonijiet tal-IHR (2005), b’mod partikolari billi l-perjodu għad-dħul fis-seħħ tal-emendi tagħhom jitnaqqas minn erbgħa u għoxrin xahar għal tnax-il xahar. Din id-deċiżjoni tkopri wkoll l-emendi relatati għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1) tal-IHR (2005), li huma neċessarji biex dawn l-artikoli jinġiebu f’konformità mal-emendi previsti għall-Artikolu 59.

(5)L-Unjoni tappoġġa dan l-objettiv, li se jippermetti li l-ħtiġijiet li qed jinbidlu jiġu indirizzati b’mod aktar rapidu fl-oqsma koperti mill-IHR (2005).

(6)Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tad-WHO, li jaġixxu b’mod konġunt.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-rigward ta’ ċerti emendi għall-IHR (2005) għandha tkun f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Il-bidliet fl-emendi stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, li ma jipperikolawx il-kisba tal-objettiv tal-istess emendi, jistgħu jiġu miftiehma mill-Kummissjoni f’konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-Unjoni u mingħajr Deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li jaġixxu b’mod konġunt f’isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)     BASIC DOCUMENTS (who.int) .
(2)    ĠU C 1, 4.1.2001, p. 7–11.
(3)    Ara r-Rekords Uffiċjali tad-WHO, Nru 176, 1969, ir-riżoluzzjoni WHA22.46 u l-Anness I.
(4)    Ara r-Rekords Uffiċjali tad-WHO, Nru 209, 1973, ir-riżoluzzjoni WHA26.55.
(5)    Ara d-dokument WHA34/1981/REC/1 ir-riżoluzzjoni WHA34.13; ara wkoll ir-Rekords Uffiċjali tad-WHO, Nru 217, 1974, ir-riżoluzzjoni WHA27.45 u r-riżoluzzjoni EB67.R13, Amendment of the International Health Regulations (1969).
(6)    Ara r-riżoluzzjoni WHA56.28.
(7)    B’mod partikolari fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19: il-Panel Indipendenti għat-Tħejjija u r-Rispons għall-Pandemiji, il-Kumitat ta’ Reviżjoni dwar il-Funzjonament tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), il-Kumitat Indipendenti ta’ Sorveljanza u Konsulenza għall-Programm tad-WHO dwar l-Emerġenzi tas-Saħħa, u l-Bord ta’ Monitoraġġ tat-Tħejjija Globali.
(8)     Strengthening of the International Health Regulations (2005) through a process for revising the Regulations through potential amendments (who.int) .
(9)    ĠU L 92, 21.3.2022, p. 1–2.
(10)    Skont l-Artikolu 55(3) tal-IHR (2005), “L-emendi għal dawn ir-Regolamenti adottati mill-Assemblea tas-Saħħa skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Istati Partijiet kollha bl-istess termini, u soġġetti għall-istess drittijiet u obbligi, kif previst fl-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni tad-WHO u l-Artikoli 59 sa 64 ta’ dawn ir-Regolamenti.”
(11)    Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(12)    Id. paragrafi 61 sa 64.

Brussell, 6.5.2022

COM(2022) 214 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-ħamsa u sebgħin sessjoni tal-Assemblea Dinjija tas-Saħħa fir-rigward ta’ ċerti emendi għar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005)


ANNESS

L-Unjoni tappoġġa l-emendi li ġejjin għall-Artikolu 59 tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005), indikati b’tipa grassa u li huma ingassati:

Artikolu 59 Dħul fis-seħħ; perjodu għaċ-ċaħda jew għar-riżervi

1.Il-perjodu previst fl-eżekuzzjoni tal-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni tad-WHO għaċ-ċaħda ta’ dawn ir-Regolamenti jew ta’ emenda għalihom, jew ta’ riżerva għalihom, għandu jkun ta’ 18-il xahar mid-data tan-notifika mid-Direttur Ġenerali, dwar l-adozzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti jew ta’ emenda għal dawn ir-Regolamenti mill-Assemblea tas-Saħħa. Kwalunkwe ċaħda jew riżerva li jaslu għand id-Direttur Ġenerali wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ma għandu jkollhom l-ebda effett.

1bisIl-perjodu previst fl-eżekuzzjoni tal-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni tad-WHO għaċ-ċaħda ta’ emenda għal dawn ir-Regolamenti, jew ta’ riżerva għaliha, għandu jkun ta’ disa’ xhur mid-data tan-notifika mid-Direttur Ġenerali, dwar l-adozzjoni ta’ emenda għal dawn ir-Regolamenti mill-Assemblea tas-Saħħa. Kwalunkwe ċaħda jew riżerva li jaslu għand id-Direttur Ġenerali wara l-iskadenza ta’ dak il-perjodu ma għandu jkollhom l-ebda effett.

2.Dawn ir-Regolamenti għandhom jidħlu fis-seħħ 24 xahar wara d-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, u l-emendi għal dawn ir-Regolamenti għandhom jidħlu fis-seħħ 12-il xahar wara d-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1bis ta’ dan l-Artikolu, għajr għal:

(…)

(b)Stat li jkun għamel riżerva, li minħabba fiha dawn ir-Regolamenti jew emenda għalihom għandhom jidħlu fis-seħħ kif previst fl-Artikolu 62;

(…)

3.Jekk Stat ma jkunx jista’ jaġġusta l-arranġamenti leġiżlattivi u amministrattivi domestiċi tiegħu kompletament ma’ dawn ir-Regolamenti jew ma’ emenda għalihom fil-perjodi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, kif applikabbli, fil-perjodu applikabbli speċifikat fil-paragrafu 1 jew 1bis ta’ dan l-Artikolu, dak l-Istat għandu jressaq dikjarazzjoni lid-Direttur Ġenerali dwar l-aġġustamenti pendenti u jiksibhom mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-Regolamenti għal dik l-Istat Parti u mhux aktar tard minn sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ ta’ emenda għal dawn ir-Regolamenti għal dik l-Istat Parti.

L-Unjoni tappoġġa wkoll l-emendi tekniċi għall-Artikoli 55(3), 61, 62 u 63(1) tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (2005). L-emendi għal dawn l-artikoli huma indikati b’tipa skura u huma ingassati:

Artikolu 55 Emendi

(…)

3.L-emendi għar-Regolamenti adottati mill-Assemblea tas-Saħħa skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ bl-istess termini għall-Istati Partijiet kollha, u jkunu soġġetti għall-istess drittijiet u obbligi, kif previst fl-Artikolu 22 tal-Kostituzzjoni tad-WHO u fl-Artikolu 59 sa 64 ta’ dawn ir-Regolamenti, soġġett għall-perjodi previsti f’dawk l-Artikoli fir-rigward tal-emendi għal dawn ir-Regolamenti.

Artikolu 61 Ċaħda

Jekk Stat jinnotifika lid-Direttur Ġenerali dwar iċ-ċaħda tiegħu ta’ dawn ir-Regolamenti jew ta’ emenda għalihom fi żmien il-perjodu applikabbli previst fil-paragrafu1 jew 1bis tal-Artikolu 59, dawn ir-Regolamenti jew l-emenda kkonċernata ma għandhomx jidħlu fis-seħħ fir-rigward ta’ dak l-Istat. Kwalunkwe ftehim jew regolament internazzjonali dwar is-saħħa elenkati fl-Artikolu 58, li tali Stat diġà jkun parti għalihom għandhom jibqgħu fis-seħħ sa fejn tali Stat ikun ikkonċernat.

Artikolu 62 Riżerva

1.L-Istati jistgħu jagħmlu riżervi għal dawn ir-Regolamenti jew għal emenda għalihom f’konformità ma’ dan l-Artikolu. Tali riżervi ma għandhomx ikunu inkompatibbli mal-għan u l-iskop ta’ dawn ir-Regolamenti.

2.Ir-riżervi għal dawn ir-Regolamenti jew għal emenda għalihom għandhom jiġu nnotifikati lid-Direttur Ġenerali f’konformità mal-paragrafi 1 u 1bis tal-Artikolu 59 u tal-Artikolu 60, mal-paragrafu 1 tal-Artikolu 63 jew mal-paragrafu 1 tal-Artikolu 64, skont il-każ. Stat mhux Membru tad-WHO għandu jinnotifika lid-Direttur Ġenerali dwar kwalunkwe riżerva bin-notifika tiegħu dwar l-aċċettazzjoni ta’ dawn ir-Regolamenti. Jenħtieġ li l-Istati li jifformulaw r-riżervi jagħtu r-raġunijiet għar-riżervi lid-Direttur Ġenerali.

3.Ċaħda parzjali ta’ dawn ir-Regolamenti jew ta’ emenda għalihom għandha titqies bħala riżerva.

4.Id-Direttur Ġenerali għandu, f’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 65, joħroġ notifika ta’ kull riżerva li jirċievi skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Id-Direttur Ġenerali għandu:

(…)

(c)jitlob lill-Istati Partijiet jinnotifikawh bi kwalunkwe oġġezzjoni għar-riżerva fi żmien tliet xhur, jekk ir-riżerva tkun saret għal emenda għal dawn ir-Regolamenti. Jenħtieġ li l-Istati Partijiet li joġġezzjonaw għal riżerva għal emenda għal dawn ir-Regolamenti jagħtu r-raġunijiet għall-oġġezzjoni lid-Direttur Ġenerali .

Jenħtieġ li l-Istati li joġġezzjonaw għal riżerva jagħtu r-raġunijiet għall-oġġezzjoni lid-Direttur Ġenerali.

5.Wara dan il-perjodu, id-Direttur Ġenerali għandu jinnotifika lill-Istati Partijiet kollha dwar l-oġġezzjonijiet li jkun irċieva fir-rigward tar-riżervi. Fil-każ li ssir riżerva għal dawn ir-Regolamenti, Ssakemm ma ssirx oġġezzjoni għal riżerva minn terz tal-Istati msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu sa tmiem sitt xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, din għandha titqies bħala aċċettata u dawn ir-Regolamenti għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Istat li jagħmel ir-riżerva, soġġett għar-riżerva. Fil-każ li ssir riżerva għal emenda għal dawn ir-Regolamenti, sakemm ma ssirx oġġezzjoni għal riżerva minn terz tal-Istati msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu sa tmiem tliet xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, din għandha titqies bħala aċċettata u l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għall-Istat li jagħmel ir-riżerva, soġġett għar-riżerva.

6.Jekk mill-inqas terz tal-Istati msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu joġġezzjonaw għar-riżerva għal dawn ir-Regolamenti sa tmiem sitt xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, jew, fil-każ li ssir riżerva għal emenda għal dawn ir-Regolamenti sa tmiem tliet xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, id-Direttur Ġenerali għandu jinnotifika lill-Istat li jagħmel ir-riżerva bil-ħsieb li dan tal-aħħar jikkunsidra li jirtira r-riżerva fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika mid-Direttur Ġenerali.

(…)

9.Id-Direttur Ġenerali għandu jressaq ir-riżerva, u jekk applikabbli, il-fehmiet tal-Kumitat ta’ Reviżjoni, lill-Assemblea tas-Saħħa għall-kunsiderazzjoni tagħha. Jekk l-Assemblea tas-Saħħa, b’vot ta’ maġġoranza, toġġezzjona għar-riżerva għar-raġuni li din tkun inkompatibbli mal-għan u l-iskop ta’ dawn ir-Regolamenti, ir-riżerva ma għandhiex tiġi aċċettata u dawn ir-Regolamenti jew emenda għalihom għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Istat li jagħmel ir-riżerva biss wara li dan jirtira r-riżerva tiegħu skont l-Artikolu 63. Jekk l-Assemblea tas-Saħħa taċċetta r-riżerva, dawn ir-Regolamenti jew emenda għalihom għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Istat li jagħmel ir-riżerva, soġġett għar-riżerva tiegħu.

Artikolu 63 Irtirar ta’ ċaħda u ta’ riżerva

1.Ċaħda li ssir skont l-Artikolu 61 tista’, fi kwalunkwe ħin, tiġi rtirata minn Stat billi jinnotifika lid-Direttur Ġenerali. F’tali każijiet, dawn ir-Regolamenti jew emenda għalihom, kif applikabbli, għandhom jidħlu fis-seħħ fir-rigward ta’ dak l-Istat mal-wasla tan-notifika għand id-Direttur Ġenerali, għajr meta l-Istat jagħmel riżerva meta jirtira ċ-ċaħda tiegħu. F’dan il-każ, dawn ir-Regolamenti jew emenda għalihom, kif applikabbli, għandhom jidħlu fis-seħħ kif previst fl-Artikolu 62. Dawn ir-Regolamenti fl-ebda każ ma għandhom jidħlu fis-seħħ fir-rigward ta’ dak l-Istat qabel 24 xahar wara d-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 59 u fl-ebda każ ma għandha tidħol fis-seħħ emenda għal dawn ir-Regolamenti fir-rigward ta’ dak l-Istat qabel 12-il xahar wara d-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 1bis tal-Artikolu 59.

(…)