Brussell, 27.4.2022

COM(2022) 189 final

2022/0135(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa

(Il-Kuwajt, il-Qatar)

{SWD(2022) 129 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fil-kuntest tat-tisħiħ tar-relazzjonijiet ġenerali bejn l-UE u l-Golf, l-UE għandha ssegwi orjentazzjoni aktar strateġika ma’ dan ir-reġjun billi tiżviluppa sħubija aktar b’saħħitha, komprensiva u multisettorjali. L-istatus mingħajr viża għandu rwol ewlieni fil-promozzjoni tas-sħubija bejn iż-żewġ reġjuni billi jiffaċilita l-kuntatti bejn il-persuni u jsaħħaħ l-iskambji politiċi, ekonomiċi, ta’ riċerka, edukattivi, kulturali u soċjetali li diġà huma densi. Fid-dawl ta’ dan, l-UE se tkompli tinvolvi ruħha mal-pajjiżi tal-Golf li huma interessati li jivvjaġġaw mingħajr viża lejn l-UE, bil-ħsieb li tintlaħaq koerenza reġjonali sħiħa fil-futur abbażi tal-kriterji u l-proċedura stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1806 1 . Fid-dawl tal-passi proċedurali li ttieħdu s’issa u l-ewwel valutazzjoni li saret, l-eżenzjonijiet proposti bħalissa mill-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini tal-Kuwajt u tal-Qatar huma pass lejn koerenza reġjonali aktar b’saħħitha fir-reġjun tal-Golf, wara l-eżenzjoni mill-viża mogħtija lill-Emirati Għarab Magħquda fl-2014 li ffaċilitat il-kuntatti ma’ dan il-pajjiż.

Kemm il-Kuwajt kif ukoll il-Qatar urew li huma sħab ewlenin għall-UE fl-indirizzar ta’ kriżijiet reċenti. Eżempji notevoli ta’ kooperazzjoni reċenti jinkludu r-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE u l-isforzi ta’ tilqim fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, l-evakwazzjoni ta’ ċittadini tal-UE permezz ta’ Doha wara t-teħid tal-kontroll min-naħa tat-Talibani tal-gvern fl-Afganistan, l-appoġġ finanzjarju u l-“bon offiċji” pprovduti mill-Kuwajt biex tiġi ffaċilitata l-assistenza umanitarja matul il-gwerra fis-Sirja, kif ukoll l-isforzi biex jiġi indirizzat it-theddid ibridu reċenti kontra l-Ewropa. Barra minn hekk, il-Kuwajt u l-Qatar huma sħab ekonomiċi importanti għall-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija u fid-dawl tal-objettivi tal-UE li tiddiversifika l-provvisti tal-enerġija tagħha 2 .

Il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża huma determinati abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ ta’ varjetà ta’ kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2018/1806. Il-kriterji msemmija hawn fuq jirrigwardaw fost oħrajn “l-immigrazzjoni illegali, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, b'mod partikolari, kunsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali”.

Il-Kuwajt u l-Qatar jippreżentaw riskji baxxi ta’ migrazzjoni irregolari, qed iżidu l-kooperazzjoni mal-UE dwar kwistjonijiet ta’ sigurtà u joħorġu passaporti bijometriċi, li huwa meħtieġ għall-ivvjaġġar mingħajr viża lejn l-UE. Il-Kuwajt u l-Qatar huma sħab ekonomiċi u kummerċjali importanti għall-UE, u sħab vitali għall-Ewropa f’kuntest ta’ wara l-COVID-19, kif ukoll fost l-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna u l-konsegwenzi tagħha fil-qasam tal-provvisti tal-enerġija u l-mobilizzazzjoni globali b’appoġġ tal-Karta tan-NU. Eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini mill-Kuwajt u mill-Qatar li jivvjaġġaw lejn l-UE tkun ta’ benefiċċju għall-ekonomija tal-UE, b’mod partikolari l-industrija tat-turiżmu. Għalkemm għad fadal sfidi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-Kuwajt u l-Qatar għaddejjin minn proċessi ta’ trasformazzjoni tas-soċjetà fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tax-xogħol, il-libertà tar-reliġjon u d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet. Il-prospett ta’ vjaġġar sostenibbli mingħajr viża huwa mistenni li jsaħħaħ ix-xejriet pożittivi fil-Kuwajt u fil-Qatar rigward il-progress u r-riformi f’dawn l-oqsma.

Fir-rigward tal-koerenza reġjonali, l-impenn kontinwu mal-pajjiżi l-oħra tal-Golf li għad fadal li jeħtieġu viża fix-xhur li ġejjin, bil-ħsieb li fl-aħħar mill-aħħar tinkiseb eżenzjoni mill-viża mal-UE għall-pajjiżi kollha tal-GCC, jista’ jinkoraġġixxi wkoll riformi pożittivi simili. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni dalwaqt se tniedi diskussjonijiet tekniċi ma’ dawn is-sħab dwar l-issodisfar tal-kriterji għall-eżenzjoni mill-viża skont ir-Regolament dwar il-Viża. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ regoli aktar favorevoli dwar il-ħruġ ta’ viżi għal dħul multiplu b’validità twila (validi sa 5 snin) ma’ dawn is-sħab se tiġi segwita fi ħdan il-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen, f’konformità mal-Artikolu 24(2) tar-Regolament 810/2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi, kif emendat bir-Regolament 2019/1155. Il-proposta dwar id-diġitalizzazzjoni tal-proċedura għall-ħruġ ta’ viżi ta’ Schengen se tagħmel il-proċedura tal-viża fil-biċċa l-kbira mingħajr karti u mingħajr kuntatt, u b’hekk tiffranka aktar ħin u tkun kosteffiċjenti għall-applikanti.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li temenda r-Regolament (KE) 2018/1806 biex teżenta liċ-ċittadini tal-Kuwajt u l-Qatar mir-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.

Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-Regolament (UE) 2018/1806 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa. Ir-Regolament (UE) Nru 2018/1806 huwa applikat mill-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda – u wkoll mill-Iżlanda, mil-Liechtenstein, min-Norveġja u mill-Iżvizzera. Dan ir-Regolament huwa parti mill-politika komuni tal-viża tal-UE għal permanenzi qosra ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

Il-Kuwajt u l-Qatar bħalissa huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2018/1806 fost il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Għandhom jitwettqu verifiki bir-reqqa tal-vjaġġaturi kollha mal-bażijiet tad-data rilevanti fil-fruntieri esterni 3 .

Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi terzi fl-Annessi I u II jenħtieġ li tkun, u tibqa’, konsistenti mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2018/1806 4 , li għandhom x’jaqsmu fost l-oħrajn mal-“immigrazzjoni illegali, il-politika pubblika u s-sigurtà, il-benefiċċju ekonomiku, b’mod partikolari f’termini ta’ turiżmu u kummerċ barrani, u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi b’mod partikolari, kunsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet tal-koerenza u r-reċiproċità reġjonali”.

Wara l-applikazzjoni tal-eżenzjoni proposta mir-rekwiżit tal-viża, il-mekkaniżmi ta’ reċiproċità u sospensjoni tar-Regolament (UE) 2018/1806 jistgħu jiġu applikati f’każ li r-reċiproċità sħiħa tal-viża ma tkunx żgurata jew jekk ir-reġim mingħajr viża jiġi abbużat jew f’każ ta’ abbuż li jirriżulta mill-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża 5 . Ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża, li se jinkludi salvagwardji fir-rigward tal-kriterji tar-Regolament (UE) 2018/1806 li ġġustifikaw l-eżenzjoni mill-viża se jkollu jiġi konkluż bejn kull wieħed miż-żewġ pajjiżi u l-UE biex l-eżenzjoni ssir effettiva.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-eżenzjoni proposta mir-rekwiżit tal-viża għall-Kuwajt u l-Qatar hija konsistenti mal-isforzi tal-UE biex issegwi sħubija aktar b’saħħitha, aktar strateġika, komprensiva u multisettorjali mar-reġjun tal-Golf. Komunikazzjoni Konġunta dwar sħubija strateġika mal-Golf għandha tiġi adottata għal dan il-għan.

Is-sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) tal-UE, li hija ppjanata li tibda topera f’Settembru 2022, se tikkontribwixxi biex jiġi żgurat użu legali tal-eżenzjoni mill-viża minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), li hija ppjanata li tibda topera f’Mejju 2023, se tippermetti l-iskrinjar ta’ qabel l-ivvjaġġar għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi mingħajr viża, u b’hekk tikkontribwixxi b’mod effettiv għaż-żamma u t-tisħiħ tas-sigurtà taż-Żona Schengen.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-proposta hija l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Ir-regolament propost jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

Is-sussidjarjetà, il-proporzjonalità u l-għażla tal-istrument

L-emenda meħtieġa għar-Regolament (UE) 2018/1806 għandha ssir permezz ta’ regolament. L-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu individwalment sabiex jilħqu l-objettiv ta’ politika. Ma hija disponibbli l-ebda għażla oħra (mhux leġiżlattiva) sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-politika.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Saru diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-possibbiltà ta’ reviżjoni tal-listi tal-UE ta’ pajjiżi mingħajr viża u li jeħtieġu viża, kif ukoll dwar il-metodoloġija u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali reviżjoni, fil-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Viża. Ir-rekwiżiti għall-eżenzjoni mill-viża tal-UE ġew diskussi mal-pajjiżi kkonċernati u t-tnejn iddikjaraw l-interess tagħhom li jiżguraw vjaġġar mingħajr viża lejn l-UE f’diversi okkażjonijiet.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma għandhiex konsegwenzi negattivi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea.

4.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Ir-Regolament propost se jkun applikabbli direttament mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża se tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kuwajt u l-Qatar. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja mill-qrib l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2018/1806 wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehimiet dwar l-eżenzjoni mill-viża.

Spjegazzjoni ddettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Huwa propost li r-Regolament (UE) 2018/1806 jiġi emendat billi l-Kuwajt u l-Qatar jiġu ttrasferiti mill-Anness I (lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri) għall-Anness II (lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mir-rekwiżit li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum).

2022/0135 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1806, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa

(Il-Kuwajt, il-Qatar)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2), punt (a) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa

(2)Il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-ħtieġa tal-viża huma determinati abbażi ta’ valutazzjoni każ b’każ ta’ varjetà ta’ kriterji stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) 2018/1806. Dawk il-kriterji jirrigwardaw, inter alia “l-immigrazzjoni illegali, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, b'mod partikolari, kunsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali”.

(3)Il-Kuwajt u l-Qatar jippreżentaw riskji baxxi ta’ migrazzjoni irregolari lejn l-Unjoni u joħorġu passaporti bijometriċi f’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. Il-kooperazzjoni fis-sigurtà ma’ dawk il-pajjiżi intensifikat f’dawn l-aħħar snin. Fir-rigward tal-interessi ekonomiċi, il-Kuwajt u l-Qatar huma sħab ekonomiċi importanti għall-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija. Għalkemm għad fadal sfidi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, il-Kuwajt u l-Qatar għaddew minn trasformazzjonijiet soċjetali u titjib fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tax-xogħol u l-libertà tar-reliġjon u d-djalogu bejn ir-reliġjonijiet u huma mistennija li jkomplu jagħmlu progress u riformi. Il-benefiċċji fit-tul tal-ivvjaġġar mingħajr viża lejn l-UE jistgħu jsaħħu x-xejriet pożittivi f’dawn l-oqsma.

(4)B’konsegwenza, ċittadini ta’ dawk il-pajjiżi għandhom ikunu eżenti mill-ħtieġa tal-viża għal soġġorni ta’ mhux iktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, u r-referenzi għal dawk il-pajjiżi għandhom jiġu trasferiti għall-Anness II għar-Regolament (UE) 2018/1806.

(5)L-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-Kuwajt u tal-Qatar hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi tal-UE adottati abbażi tal-Artikolu 29 tat-TUE u l-Artikolu 215 tat-TFUE.

(6)L-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-Kuwajt u tal-Qatar ma għandhiex tapplika sakemm ma jiġux konklużi ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża bejn l-Unjoni u l-Kuwajt u l-Qatar, sabiex b’mod partikolari tiġi żgurata r-reċiproċità sħiħa.

(7)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2018/1806 jiġi emendat skont dan,

(8)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp, fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, li l-Irlanda ma tipparteċipax fih, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 7 . Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhix marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(9)Fir-rigward tal-Iżlanda u tan-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u tar-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fit-taqsima msemmija fil-punt B tal-Artikolu 1, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 8 .

(10)Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqgħu fit-taqsima msemmija fil-punt B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqraw flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 9 .

(11)Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fit-taqsima msemmija fil-punt B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqraw flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 10 ,

(12)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen jew li b'xi mod ieħor huwa relatat miegħu fis-sens tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta' Adeżjoni tal-2011 rispettivament.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) 2018/1806 huwa emendat kif ġej:

(a) fil-punt 1 tal-Anness I, (“STATI”) ir-referenzi għall-Kuwajt u l-Qatar huma mħassra.

(b) fl-Anness II, il-punt 1 (“STATI”) huwa emendat kif ġej:

(i)    bejn ir-referenzi għal... u għal...., tiddaħħal ir-referenza li ġejja:

“Il-Kuwajt (*)(**)”

(*) L-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea.

(**) L-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).”

(ii)    bejn ir-referenzi għal... u għal...., tiddaħħal ir-referenza li ġejja:

“Il-Qatar (*)(**)”

(*) L-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni tal-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni Ewropea.

(**) L-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta’ passaporti biometriċ maħruġa skont l-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Il-President    Il-President

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).
(2)    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Sigurtà tal-provvista u prezz affordabbli tal-enerġija” tat-23 ta’ Marzu 2022 (COM/2022/138 final), https://energy.ec.europa.eu/communication-security-supply-and-affordable-energy-prices_mt
(3)    L-Artikolu 8 par.3 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntieri (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/458 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017, ĠU L 74 18.3.2017 p.1
(4)    Il-Premessa 4 tar-Regolament (UE) 2018/1806.
(5)    L-Artikoli 7 u 8 tar-Regolament (UE) 2018/1806, rispettivament.
(6)    Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39-58
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(8)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.
(10)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni, ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19.