Brussell, 21.4.2022

COM(2022) 171 final

2022/0111(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) u r-Regolament (UE) .../2022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE 1 , l-Unjoni ilha Parti Kontraenti fil-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (“il-Konvenzjoni ICCAT”) mill-14 ta’ Novembru 1997.

L-għan ewlieni tal-proposta huwa li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni l-emendi għall-miżuri ta’ konservazzjoni u infurzar adottati mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (“l-ICCAT”) fil-laqgħat annwali tagħha tal-2006, tal-2016, tal-2017, tal-2018, tal-2019 u tal-2021.

Il-Konvenzjoni ICCAT tipprevedi qafas ta’ kooperazzjoni reġjonali dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn u ta’ speċijiet li jixbhu lit-tonn fl-Oċean Atlantiku u fl-ibħra ta’ madwaru permezz tal-istabbiliment tal-ICCAT.

L-ICCAT għandha l-awtorità li tadotta deċiżjonijiet (rakkomandazzjonijiet) dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tas-sajd li jaqa’ taħt il-mandat tagħha, u dawn huma vinkolanti għall-Partijiet Kontraenti. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet huma essenzjalment indirizzati lill-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ICCAT, iżda jinkludu wkoll obbligi għall-operaturi (eż. għall-kaptani tal-bastimenti). Japplikaw esklużivament għaż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT, li tkopri l-ibħra internazzjonali u ż-żoni ekonomiċi esklużivi tal-Partijiet Kontraenti.

L-Artikolu VIII(2) tal-Konvenzjoni ICCAT jiddikjara li r-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT isiru effettivi għall-Partijiet Kontraenti kollha sitt xhur wara d-data tan-notifika mill-Kummissjoni ICCAT u l-Partijiet Kontraenti huma meħtieġa jimplimentawhom.

L-Artikolu 3(5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-UE għandha tikkontribwixxi għall-osservazzjoni stretta tad-dritt internazzjonali. Dan jinkludi l-konformità mal-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll tal-ICCAT.

Ir-Regolament (UE) 2017/2107 2 implimenta fid-dritt tal-Unjoni l-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll tal-ICCAT wara r-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT. Din il-proposta tkopri numru ta’ emendi li jsegwu r-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li ġew adottati fl-2006, fl-2016, fl-2017, fl-2018 u fl-2019 u li jridu jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni.

 Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija konsistenti mar-Regolament (UE) 2017/2107, u temendah bir-rakkomandazzjonijiet l-aktar reċenti tal-ICCAT li jikkonċernaw il-miżuri li għadhom ma ġewx implimentati fid-dritt tal-Unjoni: miżuri għat-tonn tropikali, l-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, il-pixxivela, il-marlin blu u abjad, għar-rapportar ta’ data dwar il-kastardella, il-pixxitondu, kif ukoll għas-saħħa u s-sikurezza tal-osservaturi fil-programmi ta’ osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT, għar-responsabbiltajiet għall-osservaturi xjentifiċi, u għall-aġġornament tal-lista ta’ speċijiet tal-ICCAT. Barra minn hekk, il-proposta tinkludi wkoll emenda għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1936/2001, (UE) 2017/2107 u (UE) 2019/833 u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/1627 3 , li jinsab barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2107.

Il-proposta tikkonforma mal-Parti VI (politika esterna) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 4 dwar il-politika komuni tas-sajd, li tipprevedi li l-Unjoni twettaq is-sajd estern tagħha f’konformità mal-obbligi internazzjonali u l-objettivi ta’ politika tagħha. Dan jinkludi appoġġ attiv u kontribut għall-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jindirizzaw is-sajd, inklużi organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd (“RFMOs”) u inkluż permezz tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali li jindirizzaw is-sajd, inklużi l-RFMOs, sabiex tissaħħaħ il-konformità.

Il-proposta tikkomplementa r-Regolament (UE) 2017/2403 5 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, li jipprevedi li l-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jkunu soġġetti għal awtorizzazzjonijiet speċjali tas-sajd tal-RFMOs. Il-proposta tikkomplementa wkoll ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 6 dwar is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat billi tipprevedi l-inklużjoni tal-lista tas-sajd Illegali, Mhux Irrapportat u Mhux Irregolat (IUU) tal-ICCAT fil-lista ta’ bastimenti IUU tal-Unjoni.

Din il-proposta ma tkoprix l-opportunitajiet tas-sajd tal-UE li jiġu deċiżi kull sena mill-ICCAT. Skont l-Artikolu 43(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), hija l-prerogattiva tal-Kunsill li jadotta miżuri dwar l-iffissar tal-prezzijiet, id-dazji, l-għajnuna u l-limiti kwantitattivi kif ukoll dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 43(2) tat-TFUE, hekk kif tistipula d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika komuni tas-sajd.

 Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (l-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE). Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

 Proporzjonalità

Il-proposta se tiżgura li jintlaħqu l-obbligi tal-ICCAT tal-UE, mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-objettiv.

Għażla tal-istrument

L-istrument magħżul huwa Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux rilevanti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-esperti nazzjonali u r-rappreżentanti tal-industrija tal-Istati Membri tal-UE ġew ikkonsultati kemm fil-perjodu ta’ qabel il-laqgħat annwali tal-ICCAT li matulhom ġew adottati r-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq, kif ukoll waqt in-negozjati tal-ICCAT.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Din il-proposta timplimenta fid-dritt tal-Unjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li ġew adottati f’konformità mal-kumitati permanenti tal-ICCAT dwar il-parir xjentifiku u ta’ kontroll.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux rilevanti. Din il-proposta timplimenta fid-dritt tal-Unjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li huma vinkolanti fuq il-Partijiet Kontraenti.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din il-proposta ma hijiex marbuta mal-idoneità regolatorja u s-simplifikazzjoni (REFIT).

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma għandhiex impatt fuq il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta tinkludi numru ta’ dispożizzjonijiet li jkopru r-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, inklużi dawn li ġejjin: (i) id-definizzjonijiet tal-bastimenti ta’ appoġġ u tal-irkaptu biex jinġema’ l-ħut, is-sett tal-irkaptu biex jinġema’ l-ħut (“FAD”), l-oġġetti li jżommu f’wiċċ l-ilma, u l-bagi operazzjonali skont ir-Rakkomandazzjoni 19-02 tal-ICCAT; (ii) għal-limitazzjonijiet fil-kapaċità tat-tonn tropikali, u l-projbizzjoni tal-qbid skartat mill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża li jeħtieġ li jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni skont ir-Rakkomandazzjoni 17-01 tal-ICCAT; (iii) dispożizzjonijiet ġodda għall-iskjerament tal-FAD u għall-kopertura tal-osservaturi skont ir-Rakkomandazzjoni 19-02 tal-ICCAT; (iv) dispożizzjonijiet dwar l-Alonga tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar skont ir-Rakkomandazzjonijiet 16-06 u 16-07 tal-ICCAT, inklużi d-dispożizzjonijiet tar-riport, kif ukoll ir-riport għall-pixxispad tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar skont ir-Rakkomandazzjonijiet 17-02 u 17-03 tal-ICCAT; (v) dispożizzjonijiet għall-ġbir tad-data għall-pixxispad, il-kastardella u l-marlin skont ir-Rakkomandazzjonijiet 16-11, 18-05, 19-05 tal-ICCAT; u (vi) id-dispożizzjonijiet tar-riport tat-tonn obeż skont ir-Rakkomandazzjoni 21-01 tal-ICCAT.

Għall-klieb il-baħar, il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet aġġornati dwar il-pixxitondu u dwar il-ġbir ta’ data dwar il-klieb il-baħar skont ir-Rakkomandazzjonijiet 19-06, 19-07 u 19-08 tal-ICCAT. Barra minn hekk, skont ir-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT (16-14, 16-15, 18-10, 19-10), il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-frekwenza tat-trażmissjoni tad-data għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, dispożizzjonijiet ġodda dwar ir-Reġistru tal-ICCAT ta’ bastimenti tal-ġarr, kif ukoll id-dmirijiet tal-Istati Membri dwar il-ġarr taħt il-programm ta’ osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT, inkluża l-kopertura minima tal-osservaturi.

Ir-Rakkomandazzjoni 19-02 tal-ICCAT dwar ir-responsabbiltajiet għall-osservaturi xjentifiċi teħtieġ aġġornament għar-Regolament (UE) 2017/2107, inkluża l-kopertura tal-osservaturi. Il-proposta tinkludi wkoll dmirijiet dwar l-ilmiħ ta’ bastimenti skont ir-Rakkomandazzjoni 19-09 tal-ICCAT, u ismijiet ta’ speċijiet ġodda koperti mill-ICCAT sabiex jiġi emendat l-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/2107 skont ir-Rakkomandazzjoni 19-01 tal-ICCAT.

Barra minn hekk, il-proposta tipproponi li jiġi emendat ir-Regolament dwar il-Pjan pluriennali għat-Tonn bid-dikjarazzjoni tal-Istati Membri dwar ir-riport annwali u ċerti dispożizzjonijiet dwar it-tqegħid fil-gaġeġ, skont ir-Rakkomandazzjoni 06-07 tal-ICCAT, kif ukoll ir-riport annwali tat-tonn obeż skont ir-Rakkomandazzjoni 21-01 tal-ICCAT.

Il-proposta tipproponi wkoll li tiġi emendata s-setgħa tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament (UE) 2017/2107 wara l-bidliet sussegwenti adottati mill-ICCAT rigward: (i) il-limitazzjonijiet fil-kapaċità tat-tonn tropikali u r-rapportar tal-pjan annwali tiegħu tal-kapaċità tas-sajd; (ii) ir-riport tal-kwota annwali għat-tonn obeż, l-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku u l-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku; (iii) pjanijiet ta’ ġestjoni fir-rigward tal-irkaptu biex jinġema’ l-ħut; (iv) l-għadd ta’ bagi strumentali; (v) ir-rekwiżiti tal-FAD; (vi) l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata dwar l-FADs mill-bastimenti; (vii) il-projbizzjoni tal-perjodi tal-FAD; (viii) ir-restrizzjonijiet fuq l-għadd ta’ bastimenti li jistadu għall-alonga tal-Atlantiku tat-Tramuntana; (ix) il-pjan ta’ ġestjoni tal-pixxispad tal-Atlantiku tat-Tramuntana; (x) il-kondizzjonijiet biex jiġu awtorizzati l-qbid u ż-żamma tal-pixxitondi; (xi) ir-rekwiżiti biex tiġi massimizzata s-sopravivenza tal-fkieren tal-baħar; (xii) perċentwal minimu tal-kopertura tal-osservaturi u l-perċentwal tal-kejl tal-kopertura; u (xiii) il-lista tal-ispeċijiet tal-ICCAT.

2022/0111 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) u r-Regolament (UE) .../2022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 7 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Mill-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 , fil-laqgħat annwali tagħha tal-2017, l-2018, l-2019 u l-2021 il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) adottat numru ta’ miżuri legalment vinkolanti għall-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd taħt il-mandat tagħha. Barra minn hekk, l-UE għadha ma implimentatx miżuri legalment vinkolanti adottati fil-laqgħa annwali tal-ICCAT tal-2006 dwar l-attivitajiet ta’ trobbija tat-Tonna.

(2)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2017/2107 jiġi emendat sabiex jiġu implimentati fid-dritt tal-Unjoni l-miżuri tal-ICCAT għat-tonn tropikali, l-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar, il-pixxivela, il-marlin blu u abjad, ir-rapportar ta’ data dwar il-kastardella, il-pixxitondu, kif ukoll programm ta’ osservazzjoni, responsabbiltajiet għall-osservaturi xjentifiċi, u lista aġġornata ta’ speċijiet tal-ICCAT.

(3)Ir-Regolament (UE) XX/2022 9 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jimplimenta fid-dritt tal-Unjoni l-miżuri dwar id-dikjarazzjoni annwali tar-riport mill-Istat Membru ta’ Trobbija u dwar ċerti obbligi relatati mat-tqegħid fil-gaġeġ.

(4)Ċerti dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT x’aktarx li jiġu emendati fil-laqgħat annwali tal-ICCAT li ġejjin minħabba l-introduzzjoni ta’ miżuri tekniċi u ta’ ġestjoni ġodda għas-sajd irregolat skont il-Konvenzjoni ICCAT. Għalhekk, sabiex l-emendi futuri għar-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT jiġu implimentati malajr fid-dritt tal-Unjoni qabel il-bidu tal-istaġun tas-sajd, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-aspetti li ġejjin: il-limitazzjonijiet tal-kapaċità tat-tonn tropikali u r-rapportar tal-pjan annwali tal-kapaċità tas-sajd tiegħu; ir-riport annwali għat-tonn obeż, l-alonga tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar u l-pixxispad tal-Atlantiku tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar; il-pjanijiet ta’ ġestjoni fir-rigward tal-irkaptu biex jinġema’ l-ħut (FADs); l-għadd ta’ bagi strumentali; ir-rekwiżiti tal-FAD; l-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata għall-FADs mill-bastimenti; il-projbizzjoni tal-perjodi tal-FAD; ir-restrizzjonijiet fuq l-għadd ta’ bastimenti li jistadu għall-alonga tal-Atlantiku tat-Tramuntana; il-pjan ta’ ġestjoni tal-pixxispad tal-Atlantiku tat-Tramuntana; il-kondizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-qbid u ż-żamma tal-pixxitondu; ir-rekwiżiti biex tiġi massimizzata s-sopravivenza tal-fkieren tal-baħar; il-perċentwal minimu tal-kopertura tal-osservaturi u l-perċentwal tal-kejl tal-kopertura; u li temenda l-lista tal-ispeċijiet tal-ICCAT.

(5)In-numru ta’ bastimenti ta’ appoġġ li joperaw sabiex jappoġġaw lill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża jenħtieġ li ma jiżdiedx mill-ammonti rreġistrati f’Ġunju tal-2020 kif stipulat fir-Rakkomandazzjoni 21-01 tal-ICCAT. Din l-applikazzjoni retroattiva ma taffettwax il-prinċipju taċ-ċertezza legali u l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

(6)Għalhekk, ir-Regolamenti (UE) 2017/2107 u XX/2022 jenħtieġ li jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1
Emendi għar-Regolament (UE) 2017/2107

Ir-Regolament (UE) 2017/2107 huwa emendat b’dan kif ġej:

(1)L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

a) tiżdied is-sentenza li ġejja fil-punt (20):

“, u l-użu, is-servizzjar u l-irkupru ta’ rkaptu sabiex jinġema’ l-ħut.”

b) il-punt (24) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(24) “irkaptu biex jinġema’ l-ħut” (FAD) tfisser oġġett, struttura jew apparat permanenti, semipermanenti jew temporanju ta’ kwalunkwe materjal, magħmul mill-bniedem jew naturali, li jintuża u/jew jiġi ttraċċat sabiex jinġema’ l-ħut ħalli mbagħad jinqabad. Il-FADs jistgħu jkunu jew ankrati (aFADs) jew inkella mitluqa (dFADs);”

c) jiżdied il-punt (30):

“(30) “sett tal-FAD” tfisser it-tqegħid ta’ rkaptu tas-sajd assoċjat ma’ FAD madwar qatgħa tonn;”

d) jiżdied il-punt (31):

“(31) “Oġġett li jżomm f’wiċċ l-ilma” (FOB) tfisser kwalunkwe oġġett naturali jew artifiċjali li jżomm f’wiċċ l-ilma (fil-wiċċ jew taħt il-wiċċ) mingħajr l-ebda kapaċità li jiċċaqlaq waħdu;”

e) jiżdied il-punt (32):

“(32) “Baga operazzjonali” tfisser kwalunkwe baga strumentata, attivata minn qabel, mixgħula u rilaxxata fil-baħar, li tittrażmetti l-pożizzjoni u kwalunkwe informazzjoni oħra disponibbli bħal stimi minn ekosonda;”

f) jiżdied il-punt (33):

“(33) “Kastardella” tfisser speċijiet tal-familja Istiophoridae ġestiti mill-ICCAT.”

(2)L-Artikolu 5a jiżdied kif ġej:

Artikolu 5a

Limitazzjoni tal-kapaċità għat-tonn tropikali

1. Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jipproduċu pjan annwali għall-kapaċità/għas-sajd.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kapaċità ġenerali tal-flotta tas-sajd bil-konz u bit-tartarun tal-borża tagħhom tiġi ġestita f’konformità mal-pjanijiet annwali għall-kapaċità/għas-sajd, b’mod partikolari sabiex jiġi limitat il-qbid tat-tonn tropikali, b’mod konsistenti mal-limiti fuq il-qbid stabbiliti skont id-dritt tal-Unjoni.

3. L-Istati Membri ma għandhomx iżidu n-numru tagħhom ta’ bastimenti ta’ appoġġ li joperaw sabiex jappoġġaw lill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża lil hinn min-numri rreġistrati f’Ġunju tal-2020.

4. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni d-dati meta jkun intuża l-limitu kollu tagħhom fuq il-qbid ta’ speċijiet tat-tonn tropikali. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi din l-informazzjoni minnufih lis-Segretarjat tal-ICCAT.

5. Għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża u għall-bastimenti kbar tas-sajd bil-konz (LOA 20 m jew akbar), l-Istati Membri għandhom jirrapportaw il-qabdiet tat-tonn tropikali kull xahar lill-Kummissjoni, u dawn jiżdiedu għal kull ġimgħa meta jkunu nqabdu 80 % tal-limiti tagħhom fuq il-qbid.”

(3) L-Artikolu 6a jiżdied kif ġej:

“Artikolu 6a

Projbizzjoni fuq l-iskartar ta’ tonn tropikali maqbud minn bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża

1. Il-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Unjoni li huma awtorizzati jistadu għat-tonn tropikali għandhom iżommu abbord, jiżbarkaw jew jittrażbordaw lejn il-port it-tonn tropikali kollu li jinqabad, għajr fil-każijiet deskritti fil-paragrafu 3.

2. L-ebda tonn tropikali li jinqabad minn bastiment tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Unjoni ma jista’ jintrema matul is-settjatura, ladarba x-xibka tkun magħluqa kompletament u meta jkun ġie rkuprat aktar minn nofs ix-xibka. Jekk ikun hemm problema teknika bil-proċedura tal-għeluq jew tal-irkupru tax-xibka b’tali mod li din ir-regola ma tkunx tista’ tiġi applikata, l-ekwipaġġ għandu jagħmel kull sforz sabiex jeħles it-tonn fl-ilma malajr kemm jista’ jkun.

3. B’deroga mill-paragrafu 1, it-tonn tropikali jista’ jiġi skartat fil-każijiet li ġejjin:

a) meta l-kaptan tal-bastiment jiddetermina li t-tonn tropikali maqbud ikun imħabbel jew mgħaffeġ fix-xibka tat-tartarun tal-borża; jew tkun saritlu l-ħsara minħabba d-depredazzjoni, jew ikun miet u ddekompona fix-xibka minħabba ħsara fl-irkaptu li ma jkunx ippermetta l-attivitajiet normali tal-irkupru tax-xibka, tas-sajd u tar-rilaxx tal-ħut ħaj;

b) meta l-kaptan tal-bastiment jiddetermina li t-tonn tropikali jkun inqabad matul l-aħħar sett ta’ vjaġġ u ma jkunx hemm biżżejjed kapaċità ta’ ħżin sabiex jinħażen it-tonn li jinqabad matul dan is-sett. Dan il-ħut jista’ jiġi skartat biss jekk ikun possibbli li t-tonn jinħeles ħaj u diment li ma titwettaq l-ebda operazzjoni oħra tas-sajd, sakemm it-tonn abbord il-bastiment jiġi żbarkat jew ittrażbordat.

4. Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd għandu jirrapporta l-iskartar kollu osservat lill-Istati Membri tal-bandiera tiegħu. L-Istati Membri għandhom jibagħtu r-rapporti dwar l-iskartar lill-Kummissjoni bħala parti mid-data tal-Kompiti I u II.”

(4)L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

a) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Bastimenti tas-sajd fuq skala kbira li ma jkunux imniżżla fir-reġistru tal-ICCAT ta’ bastimenti awtorizzati sabiex jaqbdu t-tonn tropikali, inklużi bastimenti ta’ appoġġ, ma għandhomx jitħallew jistadu, iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jittrasferixxu, jipproċessaw jew jiżbarkaw it-tonn tropikali miż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT jew joffru kull tip ta’ appoġġ għal dawk l-attivitajiet, inkluż l-użu u l-irkupru ta’ FADs u/jew ta’ bagi. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f’dawn il-każijiet.”

b) jiżdied il-paragrafu 3:

“3. Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li ma jkunux awtorizzati jistadu għat-tonn tropikali skont l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament jistgħu jitħallew iżommu qabdiet aċċessorji ta’ tonn tropikali f’konformità ma’ limitu massimu fuq il-qabdiet aċċessorji abbord stabbilit għal dawn il-bastimenti. Bħala parti mir-rapport annwali, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-limitu massimu ta’ qbid aċċessorju permess għall-bastimenti tagħhom u informazzjoni dwar kif jiżguraw il-konformità mal-limitu.”

(5)L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-lista ta’ bastimenti awtorizzati li jtajru l-bandiera tagħhom u li jkunu stadu għat-tonn tropikali fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT jew li jkunu offrew kull tip ta’ appoġġ għall-attività tas-sajd (bastimenti ta’ appoġġ) fis-sena kalendarja preċedenti. Għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża, din il-lista għandha tinkludi wkoll il-bastimenti ta’ appoġġ li appoġġaw l-attività tas-sajd, irrispettivament mill-bandiera tagħhom. Sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lis-Segretarjat tal-ICCAT bil-listi li tkun irċeviet mingħand l-Istati Membri.”

(6)L-Artikolu 8a jiżdied kif ġej:

“Artikolu 8a

L-età eċċessivament żgħira u kbira tat-tonn obeż

1. Skont il-każ, kwalunkwe porzjon mhux użat jew eċċess ta’ kwota/limitu fuq il-qbid annwali ta’ Stat Membru jista’ jiżdied ma’/għandu jitnaqqas mil-limitu rispettiv fuq il-kwota/qbid matul jew qabel is-sena ta’ aġġustament skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT fis-seħħ għat-tonn obeż.

2. L-età eċċessivament żgħira massima li Stat Membru jista’ jirriporta fi kwalunkwe sena partikolari ma tistax taqbeż l-ammont permess fis-sena partikolari mill-ICCAT.”

(7)L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

a) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fi kwalunkwe ħin ma jkunux attivi aktar minn 300 FAD għal kull bastiment b’bagi operazzjonali.”

b) jiżdied il-paragrafu 5:

“5. In-numru ta’ FADs b’bagi operazzjonali se jiġi vverifikat permezz tal-verifika tal-kontijiet tat-telekomunikazzjoni. Dawn il-verifiki għandhom jitwettqu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru.”

c) jiżdied il-paragrafu 6:

“6. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tagħhom sabiex jużaw oġġetti li jżommu f’wiċċ l-ilma diment li l-bastiment tas-sajd ikollu jew osservatur jew inkella sistema elettronika ta’ monitoraġġ li tiffunzjona abbord li tkun kapaċi tivverifika t-tip ta’ sett, il-kompożizzjoni tal-ispeċijiet, u tipprovdi informazzjoni dwar l-attivitajiet tas-sajd lill-Kumitat Permanenti tal-ICCAT dwar ir-Riċerka u l-Istatistika.”

(8)L-Artikolu 10(2) u (3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Meta jużaw jew jiddisinjaw il-FADs, l-Istati Membri għandhom jiżguraw:

a) li l-FADs kollha użati ma jkunux jitħabblu, f’konformità mal-linji gwida skont l-Anness 5 tar-Rakkomandazzjoni 19-02;

b) li l-FADs kollha jkunu mibnija minn materjali bijodegradabbli, inklużi dawk mhux tal-plastik, għajr materjali użati fil-kostruzzjoni ta’ bagi għat-traċċar tal-FAD;

3. Fuq bażi annwali, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw dwar il-passi meħuda sabiex jikkonformaw mal-paragrafu 2 fil-Pjanijiet ta’ Ġestjoni tal-FADs tagħhom.”

(9)L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:

a) il-punt 2(e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e) deskrizzjoni tal-log jew identifikatur tal-FAD (jiġifieri l-Marka tal-FAD u l-ID tal-baga jew kwalunkwe informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sid);”

b) jiżdied il-punt 2(g):

“(g) l-ID tal-baga.”

c) il-punt 3(c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) l-identifikatur tal-FAD (jiġifieri, l-Marka tal-FAD u l-ID tal-baga).”

d) il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom iżommu lista tal-FADs użati, li tiġi aġġornata kull xahar u għal kull 1°x1° rettangolu statistiku, li tkun tinkludi mill-anqas l-informazzjoni stipulata fl-Anness III.”

(10)L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

a) il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) in-numru u t-tip ta’ sinjali markaturi/bagi (eż. radju, sonar biss, sonar b’ekosonda) użati kull xahar għal kull 1°x1° rettangolu statistiku;”

b) il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c) in-numri medji ta’ sinjali markaturi/bagi attivati u diżattivati kull xahar li jkunu ġew segwiti minn kull bastiment;”

c) il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d) in-numri medji ta’ FADs mitlufa b’bagi attivi kull xahar;”

d) jiżdiedu l-punti (f) u (g):

“(f) il-qabdiet bit-tartarun tal-borża u bid-dgħajjes tas-sajd bil-lixka, l-isforz u n-numru ta’ settijiet (għat-tartaruni tal-borża) skont il-mezz ta’ sajd (ġlib assoċjat ma’ oġġetti li jżommu f’wiċċ l-ilma u ġlib ħieles) f’konformità mar-rekwiżiti tad-data tal-Kompitu II (jiġifieri għal kull 1°x1° rettangolu statistiku u għal kull xahar);

(g) meta l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża jitwettqu flimkien mad-dgħajjes tas-sajd bil-lixka, jirrapportaw il-qabdiet u l-isforz tal-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża assoċjati mad-dgħajjes tas-sajd bil-lixka f’konformità mar-rekwiżiti tad-data tal-Kompitu I u tad-data tal-Kompitu II.”

(11)L-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Kopertura tal-osservaturi u projbizzjoni tal-użu tal-FAD b’rabta mal-protezzjoni tal-frieħ.

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tagħhom ma jużawx FADs mitluqa matul perjodu ta’ 15-il jum qabel il-bidu tal-perjodi ta’ għeluq stabbiliti skont id-dritt tal-Unjoni.

2. L-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu għat-tonn tropikali għandhom:

a) għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tagħhom b’tul totali ta’ 20 metru jew aktar, jiżguraw kopertura minima mill-osservaturi ta’ 10 % tal-isforz tas-sajd sal-2022, u dan permezz tal-preżenza ta’ osservatur uman abbord f’konformità mal-Anness IV u/jew permezz ta’ sistema ta’ monitoraġġ elettronika;

b) għall-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tagħhom, jiżguraw kopertura mill-osservaturi ta’ 100 % tal-isforz tas-sajd, u dan permezz tal-preżenza ta’ osservatur abbord f’konformità mal-Anness IV jew permezz ta’ sistema ta’ monitoraġġ elettronika approvata;

c) sat-30 ta’ April, jirrapportaw l-informazzjoni miġbura mill-osservaturi jew mis-sistema ta’ monitoraġġ elettronika mis-sena ta’ qabel lis-Segretarjat tal-ICCAT u lill-Kumitat Permanenti tal-ICCAT dwar ir-Riċerka u l-Istatistika, bit-teħid akkont tar-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità.”

(12)L-Artikolu 16 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 16

Identifikazzjoni tas-sajd IUU

“Jekk is-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT jinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li bastimenti tas-sajd tal-Unjoni jkunu kisru l-Artikolu 7(2) jew l-Artikolu 14(1) jew l-Artikolu 14(2), il-Kummissjoni għandha tgħarraf minnufih lill-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat. Dak l-Istat Membru għandu jinvestiga s-sitwazzjoni minnufih u, jekk il-bastiment ikun qiegħed jistad b’assoċjazzjoni ma’ oġġetti li jistgħu jaffettwaw l-aggregazzjoni tal-ħut, inklużi l-FADs, matul il-perjodu ta’ għeluq għandu jitlob lill-bastiment sabiex jieqaf jistad u, jekk ikun meħtieġ, jitlaq minn dik iż-żona mingħajr dewmien. L-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat għandu, mingħajr dewmien, jirrapporta lill-Kummissjoni r-riżultati tal-investigazzjoni tiegħu u l-miżuri korrispondenti li jkunu ttieħdu. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-Istat kostali u lis-Segretarju Eżekuttiv tal-ICCAT.”

(13)It-titolu tal-Kapitolu II huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU II

Alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku

(14)Jiżdied l-Artikolu 17a:

“Artikolu 17a

Awtorizzazzjonijiet speċifiċi għal bastimenti tal-qbid fuq skala kbira li jistadu għall-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku

1. F’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2403, 10 l-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil bastimenti tal-qbid fuq skala kbira li jtajru l-bandiera tagħhom sabiex jistadu għall-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT.

2. Bastimenti tas-sajd fuq skala kbira li ma jkunux imniżżla fir-reġistru tal-ICCAT ta’ bastimenti awtorizzati li jistadu għall-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku ma għandhomx jitħallew jistadu, iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jittrasferixxu, jipproċessaw jew jiżbarkaw l-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku miż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f'dawn il-każijiet.

3. Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li ma humiex awtorizzati jistadu għall-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku, skont il-paragrafu 1, jistgħu jitħallew iżommu qabdiet aċċessorji ta’ alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku f’konformità ma’ limitu massimu fuq il-qabdiet aċċessorji abbord għal dawn il-bastimenti. Bħala parti mir-rapport annwali, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-limitu massimu fuq il-qbid aċċessorju li jippermettu għall-bastimenti tagħhom.”

(15)Jiżdied l-Artikolu 17b:

“Artikolu 17b

Età eċċessivament żgħira jew kbira tal-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku

1. Skont il-każ, kwalunkwe porzjon mhux użat jew eċċess ta’ kwota/limitu fuq il-qbid annwali ta’ Stat Membru jista’ jiżdied ma’/għandu jitnaqqas mil-limitu rispettiv fuq il-kwota/qbid matul jew qabel is-sena ta’ aġġustament skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT fis-seħħ għall-alonga tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku.

2. L-età eċċessivament żgħira massima li Stat Membru jista’ jirriporta fi kwalunkwe sena partikolari ma għandhiex taqbeż l-ammont permess fis-sena partikolari mill-ICCAT.”

(16)Jiżdied l-Artikolu 17c:

“Artikolu 17c

Reġistru tal-qabdiet tal-alonga tan-Nofsinhar tal-Atlantiku

L-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jaqbdu l-alonga tan-Nofsinhar tal-Atlantiku għandhom jirrapportaw il-qabda akkurata u vvalidata tagħhom tal-alonga tan-Nofsinhar tal-Atlantiku lis-Segretarjat tal-ICCAT bħala parti mid-data tal-Kompitu I u mid-data tal-Kompitu II imsemmija fl-Artikolu 50.”

(17)Jiżdied l-Artikolu 18a:

“Artikolu 18a

Awtorizzazzjonijiet speċifiċi għal bastimenti tal-qbid fuq skala kbira li jistadu l-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku

1. F’konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2403, l-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd lil bastimenti tal-qbid fuq skala kbira li jtajru l-bandiera tagħhom sabiex jistadu għall-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT.

2. Bastimenti tas-sajd fuq skala kbira li ma jkunux imniżżla fir-reġistru tal-ICCAT ta’ bastimenti awtorizzati li jistadu għall-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku ma għandhomx jitħallew jistadu, iżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasportaw, jittrasferixxu, jipproċessaw jew jiżbarkaw il-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT. L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 ma għandux japplika f'dawn il-każijiet.

3. Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li ma jkunux awtorizzati jistadu għall-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku skont il-paragrafu 1, jistgħu jitħallew iżommu qabdiet aċċessorji ta’ pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku f’konformità ma’ limitu massimu fuq il-qabdiet aċċessorji abbord għal dawn il-bastimenti. Bħala parti mir-rapport annwali, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar il-limitu massimu fuq il-qbid aċċessorju li jippermettu għall-bastimenti tagħhom.”

(18)Jiżdied l-Artikolu 18b:

“Artikolu 18b

Qbid ta’ pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku b’età eċċessivament żgħira

1. Kwalunkwe porzjon mhux użat ta’ kwota/limitu fuq il-qbid annwali ta’ Stat Membru jista’ jiżdied mal-limitu rispettiv fuq il-kwota/qbid matul jew qabel is-sena ta’ aġġustament skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT fis-seħħ għall-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku.

2. L-età eċċessivament żgħira massima ta’ pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku li Stat Membru jista’ jirriporta fi kwalunkwe sena partikolari ma għandhiex taqbeż l-ammont permess fis-sena partikolari mill-ICCAT.”

(19)It-titolu tal-Kapitolu IV huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU IV

Pixxivela, marlin blu, marlin abjad u pastardella imperjali

(20)L-Artikolu 27 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 27a

Il-ħelsien tal-marlin blu, tal-marlin abjad u tal-pastardella imperjali li jinqabad ħaj

1. B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta tiġi eżawrita 80 % tal-kwota tagħhom, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom jeħilsu l-marlin blu (Makaira nigricans), il-marlin abjad (Tetrapturus albidus) u l-pastardella imperjali (Tetrapturus georgei) kollu li jkun ħaj sa ħin it-tlugħ abbord.

2. Il-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi u l-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tal-Unjoni għandhom jeħilsu minnufih il-marlin blu u l-marlin abjad/il-pastardella imperjali li jkunu ħajjin mar-ritorn, b’kunsiderazzjoni xierqa għas-sikurezza tal-membri tal-ekwipaġġ, u dan b’mod li jikkawża l-anqas ħsara u li jimmassimizza s-sopravivenza wara l-ħelsien.

3. L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-implimentazzjoni tal-istandards minimi għall-proċeduri ta’ manipulazzjoni sikura u ta’ rilaxx ħaj speċifikati fl-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni 19-05 billi jipproduċu linji gwida għall-flotta tagħhom. Fuq il-gverta tagħhom u b’mod faċilment aċċessibbli għall-ekwipaġġ, il-bastimenti tas-sajd għandu jkollhom disponibbli apparat tal-irfigħ, taljatur tal-bolts, żganċatur/sbokkatur u taljalenez għar-rilaxx sikur tal-marlin ħaj li jinqabad.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kaptan u l-membri tal-ekwipaġġ tal-bastimenti tas-sajd tagħhom ikunu mħarrġa b’mod adegwat, ikunu konxji minn u jużaw tekniki xierqa ta’ mitigazzjoni, ta’ identifikazzjoni, ta’ manipulazzjoni u ta’ rilaxx, u jżommu abbord it-tagħmir kollu meħtieġ għar-rilaxx tal-marlin f’konformità mal-istandards minimi għal proċeduri ta’ trattament sikur kif speċifikat fl-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni 19-05, billi jipproduċu linji gwida għall-flotta tagħhom.

5. L-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom sabiex jimminimizzaw il-mortalità ta’ wara r-rilaxx tal-marlin/tal-pastardella imperjali fis-sajd tagħhom skont l-ICCAT.

6. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-bastimenti tas-sajd bil-konz pelaġiċi u lill-bastimenti tas-sajd bit-tartarun tal-borża tagħhom sabiex jistadu u jżommu abbord, jittrażbordaw jew jiżbarkaw il-marlin blu u l-marlin abjad/il-pastardella imperjali li jkunu mejtin, fi ħdan il-limitu tagħhom fuq l-iżbark.”

(21)Fl-Artikolu 29, jiżdied il-paragrafu 5:

“5. Fis-sajd rikreattiv, kwalunkwe ħut li jinħeles għandu jinħeles b’mod li jikkawża l-anqas ħsara.”

(22)Jiddaħħal l-Artikolu 29bis:

“Artikolu 29bis

Ġbir ta’ data għall-pixxivela

L-Istati Membri għandhom jiġbru data dwar il-qabdiet ta’ pixxivela, inkluż l-iskartar tal-ħut ħaj u mejjet, u għandhom jirrapportaw din id-data kull sena bħala parti mis-sottomissjoni tad-data tal-Kompiti I u II tagħhom, sabiex jappoġġaw il-proċess ta’ valutazzjoni tal-istokk.”

(23)Jiddaħħal l-Artikolu 29ter:

“Artikolu 29ter

Ġbir u rapportar ta’ data

1. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw programmi ta’ ġbir ta’ data li jiżguraw ir-rapportar ta’ data akkurata dwar il-qbid, l-isforz, id-daqs u l-iskartar tal-kastardella lill-ICCAT, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-ICCAT għas-sottomissjoni tad-data tal-Kompitu I u tal-Kompitu II.

2. L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-listi ta’ kontroll tagħhom għall-implimentazzjoni tal-kastardella skont l-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni 18-05, inkluża informazzjoni dwar l-azzjonijiet li jkunu ħadu fl-ambitu domestiku sabiex jimmonitorjaw il-qabdiet u sabiex jikkonservaw u jġestixxu l-kastardella.

3. In-nuqqas ta’ rapportar tad-data tal-Kompitu I, inkluż il-qbid skartat mejjet, għall-marlin blu u l-marlin abjad/il-pastardella imperjali f’konformità mar-Rakkomandazzjonijiet 01-16 u 11-15 tal-ICCAT se jirriżulta f’projbizzjoni taż-żamma ta’ dawn l-ispeċijiet.”

(24)L-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 33

Pixxitondu (Isurus oxyrinchus)

1. Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għandhom jeħilsu minnufih il-pixxitondu tat-Tramuntana tal-Atlantiku b’mod li jikkawża l-anqas ħsara, b’kunsiderazzjoni xierqa għas-sikurezza tal-membri tal-ekwipaġġ.

2. Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-bastimenti tagħhom sabiex jistadu u jżommu abbord, jittrażbordaw jew jiżbarkaw il-pixxitondu tat-Tramuntana tal-Atlantiku, diment li:

(i) il-pixxitondu jkun mejjet meta jinġieb ma’ ġenb il-bastiment sabiex jittella’ abbord;

(ii) iż-żamma tal-pixxitondu ma taqbiżx l-iżbark medju tal-pixxitondu tal-bastiment tas-sajd waqt li osservatur ikun abbord, u dan jiġi vverifikat mill-ġurnali ta’ abbord obbligatorji u minn spezzjoni tal-iżbark imwettqa abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju.

3. Barra minn hekk, għal bastimenti li t-tul tagħhom ikun aktar minn 12-il m, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-bastimenti tagħhom sabiex jistadu u jżommu abbord, jittrażbordaw jew jiżbarkaw il-pixxitondu tat-Tramuntana tal-Atlantiku biss jekk, minbarra l-kondizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2:

a) il-bastiment ikollu jew osservatur jew inkella sistema ta’ monitoraġġ elettronika li tiffunzjona abbord li tkun tista’ tidentifika jekk il-ħut ikunx mejjet jew ħaj;

b) l-osservatur jiġbor data dwar in-numru ta’ individwi gganċjati, it-tul tal-ġisem, is-sess, il-kondizzjoni, il-maturità (jekk il-ħuta individwali tkunx tqila u d-daqs tal-frieħ tagħha) u l-piż tal-prodotti għal kull pixxitondu li jinqabad, kif ukoll l-isforz tas-sajd; u

c) meta l-pixxitondu ma jinżammx, in-numru ta’ ħut skartat mejjet u ta’ rilaxxi ħajjin għandu jiġi rreġistrat mill-osservatur jew stmat mir-reġistri tas-sistema ta’ monitoraġġ elettroniku.

4. L-osservatur huwa mħeġġeġ ukoll jiġbor kampjuni bijoloġiċi bħat-tessuti muskolari (għall-identifikazzjoni tal-istokk), l-organu riproduttiv bl-embrijun (għall-identifikazzjoni taċ-ċiklu tat-tqala u tal-kapaċità riproduttiva) u l-vertebri (għall-istima tal-kurva tat-tkabbir). Il-kampjuni bijoloġiċi miġbura mill-osservatur jenħtieġ li jiġu analizzati mill-Istati Membri kkonċernati u r-riżultat jenħtieġ li jiġi sottomess lill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika mill-Kummissjoni.

5. L-Istati Membri għandhom jirrapportaw ukoll lill-Kummissjoni n-numru ta’ qabdiet skartati mejtin u ta’ rilaxxi ħajjin tal-pixxitondu tat-Tramuntana tal-Atlantiku, stmat abbażi tal-isforz totali tas-sajd tal-flotot rilevanti tagħhom bl-użu ta’ data miġbura permezz ta’ programmi ta’ osservazzjoni jew ta’ programmi rilevanti oħra ta’ ġbir ta’ data. L-Istati Membri li ma jawtorizzawx lill-bastimenti tagħhom jistadu u jżommu abbord, jittrażbordaw jew jiżbarkaw il-pixxitondu tat-Tramuntana tal-Atlantiku f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 għandhom jirreġistraw ukoll, permezz tal-programmi ta’ osservazzjoni tagħhom, in-numru ta’ qabdiet skartati mejtin u ta’ rilaxxi ħajjin tal-pixxitondu tat-Tramuntana tal-Atlantiku. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dan lill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika.

(25)Jiżdied l-Artikolu 36bis:

“Artikolu 36bis

Ġbir ta’ data għall-klieb il-baħar

1. L-Istati Membri għandhom jimplimentaw programmi ta’ ġbir ta’ data li jiżguraw ir-rapportar ta’ data akkurata dwar il-qbid, l-isforz, id-daqs u l-iskartar tal-klieb il-baħar lill-ICCAT, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti għall-forniment tad-data tal-Kompitu I u tad-data tal-Kompitu II.

2. L-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni l-lista ta’ kontroll tagħhom għall-implimentazzjoni tal-klieb il-baħar skont l-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni 18-06, inkluża informazzjoni dwar l-azzjonijiet li jkunu ħadu fl-ambitu domestiku sabiex jimmonitorjaw il-qabdiet u sabiex jikkonservaw u jġestixxu l-klieb il-baħar.”

(26)Jiżdied l-Artikolu 44bis il-ġdid:

“Artikolu 44bis

Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti

“Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 11 , kull Stat Membru jiżgura li l-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jkun operazzjonali b’mod permanenti u kontinwu, u li l-informazzjoni tinġabar u tiġi trażmessa mill-anqas darba fis-siegħa għat-tartarun tal-borża.”

(27)L-Artikolu 54 jiġi emendat kif ġej, l-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4. In-notifika msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandha tirrifletti l-format u t-tqassim stabbilit mis-Segretarjat Eżekuttiv tal-ICCAT u għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

isem il-bastiment, in-numru fir-reġistru

in-Numru ta’ Reġistrazzjoni tal-ICCAT (jekk ikun hemm)

in-numru IMO

l-isem preċedenti (jekk ikun hemm)

il-bandiera preċedenti (jekk ikun hemm)

id-dettalji preċedenti tat-tħassir minn reġistri oħra (jekk ikun hemm)

is-sinjal tas-sejħa internazzjonali bir-radju

it-tip ta’ bastimenti, it-tul, it-tunnellaġġ gross irreġistrat (GRT) u l-kapaċità tat-trasport

l-isem u l-indirizz tas-sid(ien) u tal-operatur(i)

it-tip ta’ trażbord awtorizzat (jiġifieri, fil-port u/jew fuq il-baħar)

il-perjodu ta’ żmien awtorizzat għat-trażbord.”

(28)Jiżdied l-Artikolu 58bis il-ġdid:

“Artikolu 58bis

Is-saħħa u s-sikurezza tal-osservaturi fil-programmi ta’ osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT

1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-bastimenti tiegħu li jkollhom osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord ikunu mgħammra b’tagħmir ta’ sikurezza xieraq għal kull vjaġġ fl-intier tiegħu, inkluż dan li ġej:

a) ċattra tas-salvataġġ ta’ kapaċità suffiċjenti għall-persuni kollha abbord u b’ċertifikat ta’ spezzjoni li jkun validu tul il-preżenza tal-osservatur;

b) biżżejjed ġkieket tas-salvataġġ jew ilbies ta’ sopravivenza għall-persuni kollha abbord, u f’konformità mal-istandards internazzjonali rilevanti; u

c) Sinjal Markatur ta’ Emerġenza bir-Radju Li Jindika l-Pożizzjoni (EPIRB) irreġistrat kif xieraq u Transponder tat-Tiftix u s-Salvataġġ (SART) li ma jiskadix qabel tmiem il-preżenza tal-osservatur.

2. Il-bastimenti tal-Istati Membri li jkollhom osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord għandhom jiżviluppaw u jimplimentaw Pjan ta’ Azzjoni ta’ Emerġenza (EAP) li għandu jiġi segwit f’każ li osservatur imut, jiġi nieqes jew ikun preżunt li waqa’ l-baħar, li jkun qed ibati minn mard jew korriment serji li jheddu lil saħħtu, is-sikurezza jew il-benesseri tiegħu, jew jekk ikun ġie attakkat, intimidat, mhedded jew ingħata fastidju. Dawn l-EAPs iridu jinkludu, fost l-oħrajn, l-elementi fl-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni 19-10.

3. Il-bastimenti tal-Istati Membri li jkollhom osservatur reġjonali tal-ICCAT abbord għandhom jissottomettu l-EAPs lill-Kummissjoni sabiex jittellgħu fuq is-sit web tal-ICCAT. L-EAPs ġodda jew emendati għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni sabiex jittellgħu meta jsiru disponibbli.

4. Il-bastimenti tal-Unjoni għandhom ikunu eliġibbli sabiex ikollhom osservatur minn programm ta’ osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT abbord biss jekk ikunu ppreżentaw EAP. Barra minn hekk, jekk il-Kummissjoni tidentifika xi inkonsistenzi mal-istandards stipulati fl-Anness 1 tar-Rakkomandazzjoni 19-10 abbażi tal-informazzjoni fl-EAP, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li l-preżenza ta’ osservatur fuq bastiment tal-Istat Membru tal-bandiera kkonċernat għandha tiġi posposta sakemm l-inkonsistenza tkun ġiet indirizzata b’mod suffiċjenti.”

(29)L-Artikolu 61 għandu jiġi emendat kif ġej:

a) fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a) kopertura ta’ mill-anqas 5 % mill-osservaturi tal-isforz tas-sajd f’kull wieħed mit-tipi ta’ sajd bil-konz pelaġiku, bit-tartarun tal-borża, bid-dgħajsa tas-sajd bil-lixka, bin-nases, bl-għażel u bix-xbieki tat-tkarkir.”

b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-perċentwal tal-kopertura se jitkejjel:

a) għas-sajd bit-tartarun tal-borża, f’numru ta’ settijiet jew vjaġġi;

b) għas-sajd bil-konz pelaġiku, f’jiem ta’ sajd, numru ta’ settijiet, jew vjaġġi;

c) għad-dgħajjes tas-sajd bil-lixka u bin-nases, f’jiem ta’ sajd;

d) għas-sajd bl-għażel, f’sigħat jew jiem ta’ sajd; u

e) għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir, f’numru ta’ tagħbijiet jew jiem ta’ sajd.”

(30)L-Artikolu 63 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 63

Responsabbiltajiet tal-osservaturi xjentifiċi

1. Fost affarijiet oħra, kull Stat Membru għandu jeħtieġ li l-osservaturi:

(a) jirreġistraw l-attività tas-sajd tal-bastiment osservat u jirrapportaw dwarha, b’mod li mill-anqas għandu jinkludi dawn li ġejjin:

(i) ġbir ta’ data, li jinkludi l-kwantifikazzjoni tal-qbid, l-iskartar u l-qbid aċċessorju tal-ispeċijiet fil-mira (inklużi l-klieb il-baħar, il-fkieren tal-baħar, il-mammiferi tal-baħar u l-għasafar tal-baħar), stimar jew kejl tal-kompożizzjoni tad-daqs fejn dan ikun jista’ jsir, l-istat tad-dispożizzjoni (jiġifieri miżmum, skartat mejjet, meħlus ħaj), il-ġbir ta’ kampjuni bijoloġiċi għall-istudji tal-istorja tal-ħajja (eż. il-gonadi, l-otoliti, il-vertebri u l-qxur);

(ii) jiġbru l-marki tal-ħut kollha li jsibu u jirrapportaw dwarhom;

(iii) informazzjoni dwar l-operazzjoni tas-sajd, inkluż il-post tal-qabda skont il-latitudni u l-lonġitudni; informazzjoni dwar l-isforz tas-sajd (eż. in-numru ta’ settijiet, in-numru ta’ snanar, eċċ.); id-data ta’ kull operazzjoni tas-sajd, inklużi, fejn ikun xieraq, il-ħinijiet tal-bidu u tat-tmiem tal-attività tas-sajd; l-użu ta’ rkaptu sabiex jinġema’ l-ħut, fosthom il-FADs; u l-kondizzjoni ġenerali tal-annimali meħlusa b’rabta mar-rati ta’ sopravivenza (jiġifieri ħajjin/mejtin, midrubin, eċċ.).

(b) josservaw u jirreġistraw l-użu ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni sabiex jitnaqqsu l-qabdiet inċidentali u informazzjoni rilevanti oħra;

(c) sa fejn ikun possibbli, josservaw u jirrapportaw dwar il-kondizzjonijiet ambjentali (eż. l-istat tal-baħar, il-klima u parametri idroloġiċi, eċċ.);

(d) josservaw il-FADs u jirrapportaw dwarhom, f’konformità mal-programm ta’ osservazzjoni reġjonali tal-ICCAT adottat skont il-programm pluriennali għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn tropikali; u

(e) iwettqu kwalunkwe kompitu xjentifiku ieħor kif irrakkomandat mill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika u miftiehem mill-Kummissjoni.

2. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-osservaturi:

(a) ma jbagħbsux it-tagħmir elettroniku tal-bastiment;

(b) ikunu familjari mal-proċeduri ta’ emerġenza abbord il-bastiment, inkluż il-post fejn jinsabu ċ-ċattri tas-salvataġġ, l-apparat tat-tifi tan-nar u l-kaxxi għall-ewwel għajnuna;

(c) jikkomunikaw skont il-bżonn mal-Kaptan dwar kwistjonijiet u kompiti rilevanti għall-osservatur;

(d) ma jfixklux jew jindaħlu fl-attivitajiet tas-sajd u fl-operat normali tal-bastiment;

(e) jipparteċipaw f’sessjoni(jiet) ta’ debriefing mar-rappreżentanti xierqa tal-istitut xjentifiku jew tal-awtorità domestika responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ osservazzjoni;

3. Il-Kaptani tal-bastimenti li lilhom jiġi assenjat l-osservatur għandhom:

(a) jippermettu aċċess xieraq għall-bastiment u għall-operazzjonijiet tiegħu;

(b) jippermettu lill-osservatur iwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu b’mod effettiv, inkluż billi:

(i) jipprovdu aċċess xieraq għall-irkaptu, id-dokumenti (inklużi l-ġurnali ta’ abbord elettroniċi u fiżiċi) u l-qabdiet tal-bastiment;

(ii) jikkomunikaw fi kwalunkwe ħin mar-rappreżentanti xierqa tal-istitut xjentifiku jew tal-awtorità domestika;

(iii) jiżguraw aċċess xieraq għat-tagħmir elettroniku u għal tagħmir ieħor rilevanti għas-sajd, inkluż iżda mhux limitat għal:

Tagħmir ta’ navigazzjoni bis-satellita;

Mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi.

(iv) jiżgura li l-ebda persuna li tkun abbord il-bastiment li jkun qed jiġi osservat ma timmanipula jew teqred xi apparat jew xi dokument tal-osservaturi; li ma timpedixxix lill-osservaturi jew tindaħal jew tagħmel xi ħaġa oħra bla bżonn biex iżżommhom milli jwettqu dmirijiethom.

(c) jipprovdi akkomodazzjoni lill-osservaturi, inkluż l-irmiġġ, l-ikel u faċilitajiet sanitarji u mediċi adegwati, ugwali għal dawk tal-uffiċjali;

(d) jagħtu biżżejjed spazju lill-osservatur fuq il-pont tan-navigazzjoni jew fil-kamra tat-tmunier sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, kif ukoll spazju fuq il-gverta li jkun xieraq sabiex iwettaq il-kompiti ta’ osservatur;

4. Kull Stat Membru għandu:

(a) meta l-bastimenti tiegħu jkunu qegħdin jistadu għall-ispeċijiet tal-ICCAT, jeħtieġu li dawn ikollhom osservatur xjentifiku abbord f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament;

(b) jissorvelja s-sikurezza tal-osservaturi tiegħu;

(c) fejn ikun fattibbli u xieraq, iħeġġeġ lill-istitut xjentifiku jew lill-awtorità domestika tiegħu sabiex jidħlu fi ftehimiet mal-istituti xjentifiċi jew l-awtoritajiet domestiċi ta’ Stati Membri jew CPCs oħra sabiex jiskambjaw ir-rapporti u d-data tal-osservaturi bejniethom;

(d) jipprovdi, fir-rapport annwali tiegħu sabiex jintuża mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Permanenti għar-Riċerka u l-Istatistika, informazzjoni speċifika dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni 16-14 tal-ICCAT, li għandha tinkludi:

(i) dettalji dwar l-istruttura u d-disinn tal-programmi ta’ osservazzjoni xjentifika tagħhom, inklużi, fost l-oħrajn:

il-livell fil-mira tal-kopertura tal-osservaturi skont it-tip ta’ sajd u rkaptu, kif ukoll kif dan se jitkejjel;

id-data li trid tinġabar;

il-protokolli fis-seħħ għall-ġbir tad-data u għall-manipulazzjoni;

informazzjoni dwar kif jintgħażlu l-bastimenti li jkunu se jiġu koperti sabiex jintlaħaq il-livell fil-mira tal-kopertura tal-osservaturi tal-Istati Membri;

ir-rekwiżiti għat-taħriġ tal-osservaturi; u

ir-rekwiżiti għall-kwalifiki tal-osservaturi;

(ii) in-numru ta’ bastimenti mmonitorjati, il-livell ta’ kopertura miksub skont it-tip ta’ sajd u rkaptu, u d-dettalji dwar kif ġew ikkalkolati dawk il-livelli ta’ kopertura;

(e) wara s-sottomissjoni inizjali tal-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (d)(i), jirrapporta l-bidliet fl-istruttura u/jew id-disinn tal-programmi tal-osservaturi tiegħu fir-rapport annwali tiegħu meta jseħħu dawn il-bidliet biss. L-Istati Membri għandhom jibqgħu jirrapportaw, kull sena, l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (d)(ii) lill-Kummissjoni.

(f) kull sena, permezz tal-formati elettroniċi ddeżinjati li jiġu żviluppati mill-Kumitat Permanenti għar-Riċerka u l-Istatistika, jirrapporta lill-Kumitat Permanenti dwar ir-Riċerka u l-Istatistika l-informazzjoni miġbura permezz tal-programmi ta’ osservazzjoni domestiċi sabiex din tintuża mill-Kummissjoni, b’mod partikolari għall-valutazzjoni tal-istokkijiet u għal skopijiet xjentifiċi oħra, f’konformità mal-proċeduri stabbiliti għal rekwiżiti oħra għar-rapportar tad-data u b’konsistenza mar-rekwiżiti domestiċi ta’ kunfidenzjalità.

(g) jiżgura l-implimentazzjoni ta’ protokolli robusti għall-ġbir ta’ data mill-osservaturi tiegħu meta jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1, inkluż l-użu ta’ fotografija meta jkun meħtieġ u xieraq.”

(31)Fl-Artikolu 66, jiżdiedu l-paragrafi 4 u 5:

“4. Kull Stat Membru għandu jispezzjona, kull sena, mill-anqas 5 % tal-operazzjonijiet ta’ żbark u ta’ trażbord imwettqa minn bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi fil-portijiet deżinjati tagħhom.

5. L-Istati Membri tal-bandiera għandhom jikkunsidraw u jaġixxu fuq rapporti ta’ ksur minn spetturi ta’ Stat tal-port fuq bażi simili għar-rapporti mill-ispetturi tagħhom stess, f’konformità mal-liġijiet domestiċi tagħhom.”

(32)Jiżdied l-Artikolu 66bis:

“Artikolu 66bis

Ilmiħ ta’ bastimenti

1. Permezz ta’ operazzjonijiet ta’ spezzjoni u sorveljanza mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT, l-Istati Membri għandhom jiġbru kemm jista’ jkun informazzjoni meta bastiment tas-sajd tal-Unjoni, bastiment tas-sajd ta’ pajjiż terz jew bastiment mingħajr nazzjonalità jintlemaħ jistad jew b’xi mod involut f’attivitajiet relatati mas-sajd (eż. trażbord) u jkun preżunt li jkun involut f’sajd Illegali, Mhux Irrapportat u Mhux Irregolat (IUU).

2. L-Istati Membri għandhom jiġbru informazzjoni dwar l-ilmiħ ta’ bastimenti f’konformità mal-iskeda ta’ informazzjoni dwar l-ilmiħ stipulata fl-anness tar-Rakkomandazzjoni 19-09 tal-ICCAT.

3. Meta jintlemaħ bastiment skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru li jilmħu għandu, mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, jinnotifika u jipprovdi kwalunkwe immaġni rreġistrata tal-bastiment lill-awtoritajiet xierqa tal-Istat Membru tal-bandiera jew CPC jew tal-bandiera mhux CPC tal-bastiment li jkun intlemaħ, u:

a) jekk il-bastiment li jkun intlemaħ ikollu bandiera ta’ Stat Membru, l-Istat Membru tal-bandiera għandu, mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, jieħu azzjoni xierqa fir-rigward tal-bastiment inkwistjoni. Kemm l-Istat Membru li jilmħu kif ukoll l-Istat Membru tal-bandiera tal-bastiment li jintlemaħ għandhom jipprovdu informazzjoni dwar l-ilmiħ lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), inklużi dettalji dwar kull azzjoni ta’ segwitu li tittieħed;

b) jekk il-bastiment li jkun intlemaħ ikollu bandiera ta’ CPC ieħor, ta’ mhux CPC, ikollu bandiera indeterminata, jew ikun mingħajr nazzjonalità, l-Istat Membru li jilmħu għandu, mingħajr dewmien mhux iġġustifikat, jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-EFCA l-informazzjoni xierqa kollha relatata mal-ilmiħ. Kif xieraq, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti l-informazzjoni dwar l-ilmiħ lis-Segretarjat tal-ICCAT.

(33)Fl-Artikolu 71(1), id-data “l-20 ta’ Awwissu” hija sostitwita b’“l-1 ta’ Awwissu”.

(34) L-Artikolu 73 huwa emendat kif ġej:

(a), fil-punt (a) “Anness I” jiddaħħal minflok ir-referenza għall-Anness II,

(b) se jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(j) il-limitazzjonijiet tal-kapaċità għat-tonn tropikali skont l-Artikolu 5a relatati mar-rapportar annwali tal-pjan ta’ kapaċità tas-sajd imsemmija fil-paragrafu 2, kif ukoll numru ta’ bastimenti ta’ appoġġ imsemmija fil-paragrafu 3;

(k) il-pjanijiet ta’ ġestjoni fir-rigward tal-FADs skont l-Artikolu 9 dwar in-numru ta’ bagi strumentali msemmija fil-paragrafu 4;

(l) ir-rekwiżiti għall-FADs skont l-Artikolu 10(1);

(m) l-informazzjoni li għandha tiġi sottomessa dwar l-użu tal-FAD mill-bastimenti skont l-Artikolu 11(1), l-informazzjoni u l-informazzjoni dwar ir-rapportar imsemmija fil-paragrafu 2, u l-ġbir u r-rapportar għat-telf tal-FAD imsemmija fil-paragrafu 3;

(n) il-perjodi għall-projbizzjoni tal-użu tal-FAD skont l-Artikolu 14(1), u l-kopertura minima tal-osservaturi skont l-Artikolu 14(2);

(o) ir-restrizzjonijiet fuq in-numru ta’ bastimenti li jistadu għall-alonga tat-Tramuntana tal-Atlantiku skont l-Artikolu 17;

(p) ir-riport annwali skont l-Artikolu 8a għat-tonn obeż;

(q) ir-riport annwali skont l-Artikolu 17b tal-alonga tat-Tramuntana tal-Atlantiku u tal-alonga tan-Nofsinhar tal-Atlantiku;

(r) ir-riport annwali skont l-Artikolu 18b tal-pixxispad tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tal-Atlantiku;

(s) il-pjan ta’ ġestjoni tal-pixxispad tat-Tramuntana tal-Atlantiku skont l-Artikolu 18;

(t) il-kondizzjonijiet sabiex jiġu awtorizzati l-qabdiet u ż-żamma tal-pixxitondu skont l-Artikolu 33(2);

(u) ir-rekwiżiti sabiex tiġi mmassimizzata s-sopravivenza tal-fkieren tal-baħar skont l-Artikolu 41;

(v) il-perċentwal minimu tal-kopertura tal-osservaturi skont l-Artikolu 61(1)(a) u l-kejl tal-perċentwal tal-kopertura skont l-Artikolu 61(2).”

(35)L-Anness I tar-Regolament (UE) 2017/2107 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2
Emendi għar-Regolament (UE) ../2022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1936/2001, (UE) 2017/2107, u (UE) 2019/833 u li jħassar ir-Regolament (UE) 2016/1627

Ir-Regolament (UE) XXX/2022 b’dan huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 7, il-punti (a) u (b) li ġejjin jiddaħħlu fil-paragrafu (…):

“a) l-Istati Membri ta’ trobbija għandhom jimlew u jittrażmettu dikjarazzjoni ta’ riport annwali lill-Kummissjoni kull sena sal-25 ta’ Mejju.

Din id-dikjarazzjoni għandha tinkludi:

il-kwantitajiet (espressi f’kg) u n-numru ta’ ħut intenzjonati għar-riport,

is-sena tal-qbid,

il-piż medju,

is-CPC tal-bandiera,

ir-referenzi tal-BCD li jikkorrispondu għall-qbid riportat,

l-isem u n-numru tal-ICCAT tal-post ta’ trobbija,

in-numru tal-gaġġa, u

l-informazzjoni dwar il-kwantitajiet meħuda għall-qatla (espressi f’kg), wara li timtela.

b) il-kwantitajiet riportati f’konformità mal-paragrafu hawn fuq għandhom jitqiegħdu f’gaġeġ jew f’sensiela ta’ gaġeġ separati fil-post ta’ trobbija abbażi tas-sena meta jkunu nqabdu.”

(2)Fl-Artikolu 46, il-punti (a) u (b) li ġejjin jiddaħħlu fil-paragrafu (…):

“a) L-Istati Membri ma għandhomx iqiegħdu t-tonn f’post ta’ trobbija li ma jkunx awtorizzat mill-Istat Membru jew mis-CPC, jew inkella li ma jkunx elenkat fir-reġistru tal-ICCAT ta’ faċilitajiet tat-trobbija.

b) L-Istati Membri ta’ trobbija għandhom jiżguraw li l-qabdiet tat-tonn jitqiegħdu f’gaġeġ jew f’sensiela ta’ gaġeġ separati u mqassmin abbażi tal-Istat Membru jew is-CPC ta’ oriġini. B’deroga, jekk it-tonn jinqabad fil-kuntest ta’ operazzjoni konġunta tas-sajd (JFO) bejn Stati Membri differenti, l-Istati Membri ta’ trobbija għandhom jiżguraw li t-tonn jitqiegħed f’gaġeġ jew f’sensiela ta’ gaġeġ separati u mqassmin abbażi tal-operazzjonijiet konġunti tas-sajd.”

Artikolu 3
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                    Għall-Kunsill

Il-President                    Il-President

(1)    ĠU L 162, 18.6.1986, p 33.
(2)    ĠU L 315, 30.11.2017 , p. 1.
(3)    Il-proposta għadha ma ġietx adottata mill-koleġiżlaturi – COM (2019) 619 Final tat-28.11.2019.
(4)    ĠU L 354; 28.12.2013, p.22.
(5)    ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81.
(6)    ĠU L 286, 29.10.2008, p.1.
(7)    ĠU C […], […], p. […].
(8)    Ir-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi l-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007 (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 1).
(9)    Il-proposta għadha ma ġietx adottata mill-koleġiżlaturi – COM (2019) 619 Final tat-28.11.2019.
(10)    Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
(11)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).

Brussell, 21.4.2022

COM(2022) 171 final

ANNESS

tal-

Proposta għal

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jemenda r-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT) u r-Regolament (UE) .../2022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan ta’ ġestjoni pluriennali għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran


ANNESS

“ANNESS I

Familja

Isem bil-Latin

Isem bil-Malti

Scombridae

Acanthocybium solandri

Pizzintun tal-istrixxi

Alothunnus fallai

Tonn irqiq

Auxis rochei

Żgamirru

Auxis thazard

Tumbrell

Euthynnus alletteratus

Kubrita

Gasterochisma melampus

Tonn farfett

Katsuwonus pelamis

Palamit

Orcynopsis unicolor

Plamtu bla rigi

Sarda sarda

Plamtu

Scomberomorus brasiliensis

Pizzintun tal-Brażil

Scomberomorus cavalla

Kavall sultan

Scomberomorus maculatus

Pizzintun tat-tbajja’

Scomberomorus regalis

Pizzintun irjali tal-Atlantiku

Scomberomorus tritor

Pizzintun tal-Punent tal-Afrika

Thunnus alalunga

Alonga

Thunnus albacares

Tonna safra

Thunnus atlanticus

Tonna sewda

Thunnus maccoyii

Tonna tan-Nofsinhar

Thunnus obesus

Tonn obeż

Thunnus thynnus

Tonna tan-Nofsinhar

Istiophoridae

Istiophorus albicans

Pixxivela tal-Atlantiku

Makaira indica

Marlin iswed

Makaira nigricans

Marlin blu

Tetrapturus albidus

Marlin abjad

Tetrapturus belone

Pastardella

Tetrapturus georgii

Pastardella imperjali

Tetrapturus pfluegeri

Pastardella munqarha twil

Xiphiidae

Xiphias gladius

Pixxispad

Alopiidae

Alopias superciliosus

Pixxivolpi għajnu kbira

Alopias vulpinus

Pixxivolpi

Carcharhinidae

Carcharhinus falciformis

Kelb il-baħar ħariri

Carcharhinus galapagensis

Kelb il-baħar tal-Galapagos

Carcharhinus longimanus

Kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku

Prionace glauca

Ħuta kaħla

Lamnidae

Carcharodon carcharias

Kelb abjad

Isurus oxyrinchus

Pixxitondu

Isurus paucus

Pixxitondu tal-pinna twila

Lamna nasus

Pixxiplamtu

Sphyrnidae

Sphyrna lewini

Kurazza rara

Sphyrna mokarran

Kurazza kbira

Sphyrna zygaena

Kurazza komuni

Rhincodontidae

Rhincodon typus

Kelb balena

Pseudocarchariidae

Pseudocarcharias kamoharai

Kelb kukkudrill

Cetorhinidae

Cetorhinus maximus

Gabdoll

Dasyatidae

Pteroplatytrygon violacea

Boll vjola

Mobulidae

Manta alfredi

Mhux disponibbli 1  

Manta birostris

Manta ġiganta

Mobula hypostoma

Mobula minuri

Mobula japonica

Mhux disponibbli1

Mobula mobular

Baqra

Mobula tarapacana

Mobula taċ-Ċilì

Mobula thurstoni

Mobula denbha lixx”

(1)    Isem komuni mhux disponibbli.