Brussell, 17.3.2022

COM(2022) 113 final

2022/0080(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tal-estensjoni tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament (UE) 2016/1628 qiegħed limitu fuq is-setgħat kollha tal-Kummissjoni li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin, li skada fis-6 ta’ Ottubru 2021. Peress li hemm ħtieġa li jiġu aġġornati b’mod kostanti elementi tal-atti tal-approvazzjoni tat-tip għall-progress tekniku inkella li jiġu introdotti emendi oħra f’konformità mal-għoti tas-setgħat, l-abbozz ta’ proposta jemenda l-Artikolu 55(2) tar-Regolament (UE) 2016/1628 sabiex dan jipprevedi l-għoti tas-setgħat għal ħames snin oħra bil-possibbiltà ta’ estensjoni taċita.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika peress li l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Billi l-proposta tinvolvi emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, l-UE biss tista’ tindirizza l-kwistjonijiet b’mod effettiv. Barra minn hekk, l-objettivi ta’ politika ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti bl-azzjonijiet tal-Istati Membri. Jeħtieġ l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea biex jiġi evitat li jinħolqu l-ostakli għas-suq uniku, b’mod partikolari fil-qasam tal-magni għall-NRMM, u minħabba n-natura tranżnazzjonali tat-tniġġis tal-arja.

Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għax ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tal-iżgurar tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern filwaqt li fl-istess ħin ikun hemm livell għoli ta’ sikurezza pubblika u protezzjoni ambjentali.

Għażla tal-istrument

Regolament li jemenda Regolament

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Din il-proposta mhijiex akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt separata, minħabba li diġà saret valutazzjoni tal-impatt għar-Regolament (UE) 2016/1628. Din il-proposta ma tibdilx is-sustanza ta’ dak ir-Regolament u ma timponix obbligi ġodda fuq il-partijiet ikkonċernati. Dan għandu l-għan li jestendi s-setgħat tal-Kummissjoni biex taġġorna ċerti elementi għall-progress tekniku u biex tintroduċi emendi oħra f’konformità mas-setgħat mogħtija.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex impatt fuq il-baġit għall-istituzzjonijiet tal-UE.

2022/0080 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1628 fir-rigward tal-estensjoni tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 1 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet essenzjali dwar l-emissjoni ta' inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b'kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, u jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi f'atti delegati u ta' implimentazzjoni. L-Artikolu 55(2) ta’ dak ir-Regolament ta din id-delega tas-setgħa lill-Kummissjoni għal perjodu limitat ta’ ħames snin, li skada fis-6 ta’ Ottubru 2021. Peress li hemm il-ħtieġa li jiġu aġġornati l-elementi tal-leġiżlazzjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip għall-progress tekniku jew li jiġu introdotti emendi oħra f’konformità mal-għoti ta’ setgħat, inkluż att delegat li jistabbilixxi rekwiżiti ta’ monitoraġġ fis-servizz għall-magni b’kombustjoni interna installati f’makkinarju mobbli mhux tat-triq, l-għoti tas-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati jenħtieġ li jiġi estiż bil-possibbiltà ta’ estensjoni ulterjuri.

(2)Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2016/1628 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2016/1628, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 19(2), l-Artikolu 24(11), l-Artikolu 25(4), l-Artikolu 26(6), l-Artikolu 34(9), l-Artikolu 42(4), l-Artikolu 43(5) u l-Artikolu 48 għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' għaxar snin mis-6 ta' Ottubru 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard mis-6 ta’ Jannar 2026 u disa' xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu ta' ħames snin sussegwenti. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' ħames sninijat, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU C , , p. .
(2)    Ir-Regolament (UE) 2016/1628 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-rekwiżiti relatati mal-limiti ta' emissjonijiet ta' inkwinanti gassużi u partikolati u l-approvazzjoni tat-tip għall-magni b'kombustjoni interna għal makkinarju mobbli mhux tat-triq, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1024/2012 u (UE) Nru 167/2013, u li jemenda u jirrevoka d-Direttiva 97/68/KE (ĠU L 252, 16.9.2016, p. 53).