Brussell, 2.3.2022

COM(2022) 91 final

2022/0069(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-attivazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001, li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva

Wara li r-Russja bdiet l-invażjoni militari tagħha tal-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022, fil-konklużjonijiet li ħareġ dakinhar stess il-Kunsill Ewropew ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tal-Federazzjoni Russa (minn hawn ’il quddiem ir-Russja) fil-konfront tal-Ukrajna, filwaqt li enfasizza l-ksur gravi tad-dritt internazzjonali u tal-prinċipji tal-Karta tan-NU u r-riskju għas-sigurtà u għall-istabbiltà Ewropea u madwar id-dinja. Il-Kunsill Ewropew talab lir-Russja tirrispetta b’mod sħiħ l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha, li jinkludi d-dritt tal-Ukrajna li tagħżel id-destin tagħha stess. Il-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern tal-Istati Membri tal-UE kkonfermaw ukoll li l-gvern Russu jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa għall-att ta’ aggressjoni tiegħu li jikkawża tbatija umana u telf ta’ ħajjiet, u li ser jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu. B’solidarjetà mal-Ukrajna, il-Kunsill Ewropew qabel dwar it-tieni pakkett ta’ sanzjonijiet.

F’dan il-kuntest, il-Kunsill Ewropew appella biex titmexxa ’l quddiem il-ħidma dwar it-tħejjija fil-livelli kollha u stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta miżuri ta’ kontinġenza.

L-Unjoni Ewropea qed tintlaqat b’mod dirett mill-gwerra fuq il-fruntieri esterni tagħha, b’mod partikolari permezz taż-żieda fil-pressjoni migratorja li tirriżulta mill-ħafna eluf ta’ persuni li qed ifittxu protezzjoni fl-Istati Membri tal-UE. Fi ftit jiem, sal-bidu ta’ Marzu waslu aktar 650 000 persuna spostata fl-Unjoni Ewropea mill-Polonja, mis-Slovakkja, mill-Ungerija u mir-Rumanija. Dawn in-numri mistennija jkomplu jiżdiedu. In-NU nediet Appell Umanitarju ta’ Urġenza tan-NU għal ħtiġijiet ta’ protezzjoni u assistenza fl-Ukrajna u l-Pjan ta’ Rispons Reġjonali għar-Refuġjati għall-Ukrajna li jipprovdi dettalji dwar l-għadd ta’ persuni fil-bżonn u dawk li għandhom ikunu fil-mira tal-assistenza.

L-Ukrajna hija pajjiż li ċ-ċittadini tagħha ma għandhomx bżonn viża 1 biex jidħlu fl-UE. Għaldaqstant, id-detenturi ta’ passaporti bijometriċi Ukreni huma eżentati mir-rekwiżiti tal-viża meta jivvjaġġaw lejn l-UE. Abbażi tal-esperjenza wara l-annessjoni illegali Russa tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta’ Sevastopol u wara l-gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna, l-aspettattivi huma li nofs l-għadd ta’ Ukreni li jiġu fl-Unjoni Ewropea, li jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża, se jingħaqdu ma’ membri tal-familja jew ifittxu impjieg fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li n-nofs l-ieħor jistgħu jitolbu protezzjoni internazzjonali. Skont kif jevolvi l-kunflitt, l-UE x’aktarx li tospita għadd sinifikanti ta’ persuni. L-istimi jissuġġerixxu ċifra possibbli ta’ bejn 2,5 miljun u 6,5 miljun persuna spostati minħabba l-kunflitt armat, li minnhom bejn 1,2 u 3,2 miljun jistgħu jitolbu protezzjoni internazzjonali. Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jistma li skont l-agħar xenarju possibbli, sa 4 miljun persuna jistgħu jaħarbu mill-Ukrajna.

Dawn iċ-ċifri, il-gravità tal-gwerra u l-prossimità tagħha mal-fruntieri esterni tal-UE juru li matul il-kunflitt l-Unjoni Ewropea x’aktarx li se tħabbat wiċċha ma’ sitwazzjoni kkaratterizzata minn influss bil-massa ta’ Ukreni u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat b’residenza legali fl-Ukrajna, li huma mġiegħla jitilqu mill-Ukrajna minħabba l-invażjoni Russa.

Biex twieġeb għal din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni qed tressaq proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tippermetti lill-Kunsill jistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ Ukreni u ċittadini oħra ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr Stat b’residenza legali fl-Ukrajna spostati matul il-konflitt, abbażi tad-Direttiva 2001/55/KE dwar il-Protezzjoni Temporanja tal-20 ta’ Lulju 2001 2 .

Din id-Direttiva ġiet adottata wara l-kunflitt f’dik li kienet il-Jugoslavja meta, għall-ewwel darba mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, l-Ewropa kellha tħabbat wiċċha ma’ spostamenti tal-massa ta’ nies madwar l-Ewropa, li rriżultaw minn kunflitt Ewropew fl-Ewropa. Din kienet maħsuba speċifikament biex tippromwovi bilanċ fl-isforzi għal ġestjoni kondiviża tal-ispostamenti ġewwa l-Ewropa billi tingħata protezzjoni immedjata lil dawk il-persuni li jkunu qed jaħarbu mill-gwerra, u b’hekk jiġi evitat li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jibdewx ilaħħqu. Id-dispożizzjonijiet inklużi fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja u l-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali jippermettu lill-Istati Membri jimmaniġġjaw l-flussi ta’ persuni spostati li qed jaħarbu mill-Ukrajna b’mod ikkontrollat u effettiv b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u għall-obbligi internazzjonali.

L-għan ta’ din il-proposta huwa l-attivazzjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja li b’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva tiddeskrivi l-elementi ewlenin, inkluża deskrizzjoni tal-gruppi speċifiċi ta’ persuni li jenħtieġ li jibbenefikaw mill-protezzjoni temporanja u d-data meta l-protezzjoni temporanja se tidħol fis-seħħ. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill, ladarba tiġi adottata, tirrikjedi li l-Istati Membri japplikaw il-miżuri li jkunu ħadu biex jittrasponu u jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, u b’hekk jissodisfaw l-obbligi tagħhom lejn persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja stabbiliti fil-Kapitolu III tad-Direttiva.

Il-proposta tintroduċi protezzjoni temporanja għal tliet kategoriji ta’ persuni:

·ċittadini Ukreni residenti fl-Ukrajna li ġew spostati mill-24 ta’ Frar 2022 wara l-invażjoni militari mill-forzi armati Russi f’dik id-data;

·Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew iċ-ċittadini mingħajr Stat li jirrisjedu legalment fl-Ukrajna u li jiġu spostati mill-24 ta’ Frar 2022 wara l-invażjoni militari mill-forzi armati Russi f’dik id-data, u li ma jkunux jistgħu jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema minħabba s-sitwazzjoni prevalenti f’dak il-pajjiż. Dan jista’ jinkludi persuni li jgawdu minn status ta’ refuġjat jew protezzjoni ekwivalenti, jew kienu applikanti għal ażil fl-Ukrajna waqt l-avvenimenti li jwasslu għall-influss bil-massa; Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza legali fit-tul fl-Ukraina waqt l-avvenimenti li wasslu għall-influss bil-massa jenħtieġ li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja irrispettivament minn jekk jistgħux jirritornaw lejn pajjiżhom jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema; kif ukoll

·Membri tal-familja taż-żewġ kategoriji ta’ persuni msemmija hawn fuq, sa fejn il-familja kienet diġà teżisti fl-Ukrajna fi żmien iċ-ċirkostanzi tal-influss tal-massa, irrispettivament minn jekk il-membru tal-familja setax jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew tagħha f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema. B’konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55, membru tal-familja jitqies bħala l-konjuġi taż-żewġ kategoriji ta’ persuni msemmija hawn fuq jew is-sieħeb/sieħba mhux miżżewweġ/miżżewġa tiegħu/tagħha f’relazzjoni stabbli, meta l-leġiżlazzjoni jew il-prattika dwar il-barranin tal-Istat Membru tittratta koppja mhux miżżewġa b’mod komparabbli għal koppji miżżewġa; it-tfal minorenni mhux miżżewġa taż-żewġ kategoriji ta’ persuna msemmija hawn fuq jew il-konjuġi tiegħu jew tagħha, mingħajr distinzjoni jekk ikunux twieldu barra miż-żwieġ jew ġew adottati; qraba stretti oħra mill-qrib li għexu flimkien bħala parti minn unità ta’ familja fi żmien iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-influss bil-massa, u li dak iż-żmien kienu totalment dipendenti, jew fil-biċċa l-kbira, fuq iż-żewġ kategoriji ta’ persuni msemmija hawn fuq.

Il-protezzjoni temporanja hija l-istrument xieraq fis-sitwazzjoni preżenti. Minħabba n-natura straordinarja u eċċezzjonali tal-invażjoni militari tal-Ukrajna mir-Russja, u d-daqs tal-influss bil-massa, il-protezzjoni temporanja jenħtieġ li tippermetti mill-aktar fis possibbli li persuni spostati jgawdu drittijiet armonizzati madwar l-Unjoni li joffru livell adegwat ta’ protezzjoni, inkluż permess ta’ residenza, il-possibbiltà ta’ involviment f’attivitajiet ta’ impjegati jew ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, aċċess għal akkomodazzjoni xierqa, assistenza soċjali meħtieġa, assistenza medika jew assistenza oħra, u mezzi ta’ għajxien. Fil-każ ta’ minorenni mhux akkumpanjati, il-protezzjoni temporanja jenħtieġ li tippermettilhom ukoll li jgawdu kustodja legali. Persuni taħt it-18-il sena wkoll jenħtieġ li jibbenefikaw minn aċċess għall-edukazzjoni.

L-introduzzjoni ta’ protezzjoni temporanja tkun ukoll ta’ benefiċċju għall-Istati Membri kkonċernati mill-influss bil-massa peress li jenħtieġ li d-drittijiet li jakkumpanjaw il-protezzjoni temporanja jillimitaw il-ħtieġa li dawn il-persuni spostati jitolbu protezzjoni internazzjonali minnufih, u b’hekk jegħlbu s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri, billi jnaqqsu l-formalitajiet għall-anqas possibbli minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni. Għaldaqstant il-miżuri inklużi fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja u l-implimentazzjoni ta’ miżuri nazzjonali jenħtieġ li jippermettu lill-Istati Membri jimmaniġġjaw l-influss ta’ persuni spostati b’mod ikkontrollat u effettiv b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u għall-obbligi internazzjonali.

Il-protezzjoni temporanja tippermetti lill-Istati Membri li jkunu ppreparati jiffaċċjaw l-influss attwali u imminenti ta’ persuni spostati mill-Ukrajna li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali. Tippermetti wkoll lill-Istati Membri jittrattaw ma’ dawk l-Ukreni li, peress li jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża, se jkunu qed ifittxu forma oħra ta’ status ladarba jiskadu t-90 jum ta’ soġġorn legali fl-Unjoni. Bħal ma ġara fl-2014, wieħed jista’ jistenna li sussegwentement bosta se jibdew jitolbu protezzjoni internazzjonali bħala l-unika alternattiva tagħhom. Għaldaqstant din il-proposta twieġeb ukoll għas-sejħa tal-Kunsill Ewropew li ssir ħidma fuq it-tħejjija u l-livell ta’ tlestija u tagħmel parti mit-tweġiba tal-Unjoni għall-pressjoni migratorja li tirriżulta mill-inkursjoni militari Russa fl-Ukrajna.

Fl-aħħar iżda mhux l-anqas, id-dispożizzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrument tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja jippromwovu bilanċ tal-isforzi bejn l-Istati Membri li qed jerfgħu l-konsegwenzi u jilqgħu persuni spostati mill-Ukrajna. Iċ-ċittadini Ukreni, bħala vjaġġaturi mingħajr viża, se jkunu jistgħu jiċċaqalqu liberament fl-UE wara li jitħallew jidħlu fit-territorju, u b’hekk ikunu jistgħu jingħaqdu mal-familja u l-ħbieb tagħhom fid-dijaspori sinifikanti li jeżistu bħalissa madwar l-Unjoni Ewropea, u b’hekk jiffaċilitaw bilanċ tal-isforzi bejn l-Istati Membri. Dan jgħin lill-Unjoni u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw ġestjoni effiċjenti u kkontrollata tal-fluss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea fil-mument ta’ wasliet tal-massa.

Din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill se tippermetti lill-UE tikkoordina u tissorvelja mill-qrib il-kapaċità ta’ akkoljenza fl-Istati Membri biex tieħu azzjoni u tipprovdi appoġġ addizzjonali fejn ikun meħtieġ. Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-protezzjoni temporanja. Dan jista’ jsir permezz ta’ “Pjattaforma ta’ Solidarjetà” li permezz tagħha l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tagħhom u l-għadd ta’ persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fit-territorji tagħhom. Għal dan il-għan, il-proposta tinkludi rwol ta’ koordinazzjoni għall-Kummissjoni. Barra minn hekk, f’dawn l-aħħar snin ġew stabbiliti pjattaformi differenti bil-għan li tiġi żgurata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Fost dawn il-pjattaformi, il-proposta tinkludi l-użu tan-Network għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni (b’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1366 tal-23 ta’ Settembru 2020 dwar mekkaniżmu tal-UE għat-tħejjija u għall-ġestjoni tal-kriżijiet b’rabta mal-migrazzjoni) bħala l-aktar forum xieraq għall-kooperazzjoni amministrattiva prevista fid-Direttiva 2001/55/KE.

Minn mindu ġiet adottata din id-Direttiva, inħolqu diversi aġenziji tal-UE filwaqt li oħrajn saħħew il-mandati tagħhom. Għal din ir-raġuni, il-proposta tinkludi speċifikament il-ħtieġa li l-Kummissjoni tikkoopera mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) bil-ħsieb li s-sitwazzjoni tinżamm taħt monitoraġġ u rieżami kostanti.

Skont id-Direttiva 2001/55/KE, it-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja għandu jkun ta’ sena, u sakemm ma jiġix itterminat mod ieħor, jista’ jiġi estiż awtomatikament b’perjodi ta’ sitt xhur għal mhux aktar minn sena. Il-Kummissjoni, bħala parti mir-rwol ta’ monitoraġġ tagħha, u f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/55/KE, tista’ fi kwalunkwe ħin tipproponi lill-Kunsill biex itemm il-protezzjoni temporanja, abbażi tal-fatt li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna hija tali li tippermetti r-ritorn sikur u dejjiemi ta’ dawk li ngħataw protezzjoni temporanja. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi wkoll lill-Kunsill li jestendi l-protezzjoni temporanja, jekk il-perjodu inizjali ma jitqiesx biżżejjed biex jippermetti lill-Istati Membri jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni b’mod effettiv, jew jekk is-sitwazzjoni tkun għadha ma tippermettix lill-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja jirritornaw b’mod sikur lejn l-Ukrajna.

Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija kompletament konsistenti mal-acquis tal-UE dwar l-ażil peress li d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tifforma parti integrali mis-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil u kienet prevista li tħabbat wiċċha ma’ sitwazzjoni straordinarja ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati kif inhu l-każ bħalissa minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa. Hija wkoll kompletament konsistenti mal-għan tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja miftuħ għal dawk li, imġiegħla miċ-ċirkustanzi, ifittxu protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni Ewropea b’mod leġittimu.

L-elementi tal-proposta huma konsistenti wkoll mal-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil ta’ Settembru 2020 u mal-proposti leġiżlattivi li jakkumpanjawh. Bħala parti mill-Patt, il-Kummissjoni pproponiet li tirrevoka d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja u tissostitwiha b’Regolament li jħares il-kunċett tal-istatus ta’ protezzjoni temporanja u jindirizza b’mod aktar wiesa’ s-sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ forza maġġuri fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil, filwaqt li tiżgura li l-għodod Ewropej il-ġodda kollha jaġixxu flimkien b’mod koerenti fi ħdan l-approċċ komprensiv il-ġdid propost mill-Patt. Madankollu, peress li l-proposti leġiżlattivi rilevanti bħalissa qed jiġu nnegozjati u l-adozzjoni tagħhom mhijiex imminenti, ir-Regolament li jindirizza l-kriżi u l-forza maġġuri ma jistax iservi bħala rispons għall-isfidi immedjati tal-kriżi tal-Ukrajna. Id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja hija l-acquis attwali fis-seħħ li joffri l-għodda rilevanti biex is-sitwazzjoni tiġi indirizzata b’mod effettiv u proporzjonat.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija kompletament konsistenti mal-ħtieġa li jinżammu fruntieri esterni b’saħħithom billi l-Istati Membri jitħallew jipproċessaw l-applikazzjonijiet potenzjali għal protezzjoni internazzjonali b’mod ordnat mingħajr ma s-sistemi tal-asil tagħhom jingħelbu f’każ ta’ influss bil-massa ta’ Ukreni spostati, u b’hekk jiġu evitati problemi fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri li jinsabu fil-fruntieri esterni tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea. Hija wkoll konsistenti mal-azzjoni esterna tal-Unjoni, u jenħtieġ li tintuża b’mod parallel magħhom bħal miżuri restrittivi tal-UE. Din il-proposta hija parti minn sett komprensiv ta’ azzjonijiet tal-UE li jirrispondu għall-inkursjoni militari Russa fl-Ukrajna.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi legali għall-proposta hija d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

It-Titolu V tat-TFUE dwar l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja jagħti ċerti setgħat lill-Unjoni Ewropea f’dawn il-kwistjonijiet. Dawn is-setgħat iridu jitħaddmu f’konformità mal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jiġifieri jekk u sa fejn l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għaldaqstant, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, ikunu jistgħu jintlaħqu aħjar mill-Unjoni Ewropea.

Sitwazzjoni fejn il-funzjonament xieraq tas-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri jkunu f’riskju minħabba influss bil-massa ta’ persuni spostati minn pajjiż ġar tal-Unjoni Ewropea li jkunu ħarbu minn żoni ta’ kunflitt armat, jenħtieġ li titqies li qed tħalli impatt fuq l-UE kollha kemm hi u għaldaqstant teħtieġ soluzzjonijiet tal-UE u appoġġ mill-UE. Hemm bżonn li l-Istati Membri kollha jirreaġixxu malajr u jagħtu appoġġ biex jirrispondu b’mod effettiv għal influss bħal dan u jiżguraw l-istess standards u drittijiet armonizzati madwar l-Unjoni.

Billi dawn l-objettivi huma ta’ natura transfruntiera, il-kisba tagħhom titlob azzjoni fil-livell tal-UE. Huwa ċar li l-azzjonijiet ta’ Stati Membri individwali ma jistgħux jirrispondu b’mod sodisfaċenti għall-ħtieġa ta’ approċċ komuni tal-UE għal problema komuni.

Tali approċċ komuni ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri għal rashom, u minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill proposta, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-Unjoni trid taġixxi u tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Proporzjonalità

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill proposta tiddeskrivi l-grupp speċifiku ta’ persuni li tapplika għalihom, id-data ta’ meta l-protezzjoni temporanja tidħol fis-seħħ u stima tal-għadd ta’ persuni spostati.

L-elementi kollha tal-miżuri proposti biex jindirizzaw is-sitwazzjoni speċifika ta’ influss bil-massa ta’ Ukreni spostati lejn l-Unjoni Ewropea huma deskritti b’mod ċar fid-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja u huma limitati għal biss dak li huwa meħtieġ biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jimmaniġġjaw is-sitwazzjoni b’mod ordnat u effettiv filwaqt li jiżguraw trattament ugwali f’dawk li huma drittijiet u garanziji tal-persuni kkonċernati. F’konformità mar-rekwiżiti skont id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, it-tul ta’ żmien ta’ dawn il-miżuri huwa wkoll limitat fiż-żmien u huma meħtieġa biex jippermettu lill-Istati Membri kkonċernati jindirizzaw sitwazzjoni fil-fruntieri esterni tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea li tipperikola s-sigurtà u l-istabbiltà tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri japplikaw dispożizzjonijiet aktar favorevoli.

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE jirrikjedi Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u li tintroduċi protezzjoni temporanja għal persuni spostati.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza

Il-proposta tħejjiet bħala kwistjoni ta’ urġenza kif jixirqilha s-sitwazzjoni inkwistjoni. Il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-aġenziji tal-UE, kif ukoll dwar l-obbligu tal-Istati Membri li jirrapportaw id-data u l-istatistika rilevanti permezz tan-Network tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni. L-evidenza dwar id-daqs potenzjali tal-movimenti kienet ibbażata fuq l-aktar data reċenti kondiviża fil-qafas tan-Netwerk tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji u x-xenarji mħejjija, l-ewwel nett, mix-xenarji tal-aġenziji tan-NU għall-persuni spostati internament, informazzjoni miġbura dwar il-movimenti (kemm dawk li jitolbu ażil kif ukoll il-migrazzjoni legali) minn wara l-2014, kif ukoll id-daqs u l-kompożizzjoni (Russa/mhux Russa) tal-popolazzjoni tar-reġjuni milquta fid-diversi xenarji. Ġew żviluppati ħames xenarji inizjali skont l-intensità tal-intervent Russu fl-Ukrajna.

Ix-xenarju D jassumi invażjoni militari ta’ parti kbira tal-Ukrajna, inklużi l-akbar tlett ibliet: Kiev, Kharkiv u Odesa, kif qed jiġri bħalissa. Ix-xenarju E jassumi żieda drammatika fl-ostilitajiet u invażjoni tal-pajjiż kollu. Abbażi ta’ dawn ix-xenarji, wieħed jistenna li bejn 2,5 u 6,5 miljun persuna spostata se jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jistma li skont l-agħar xenarju possibbli sa 4 miljun persuna jistgħu jaħarbu mill-Ukrajna.

Meta wieħed iqis ix-xejriet li ġew irreġistrati għall-permessi ta’ residenza u l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali wara l-avvenimenti tal-2014, madwar nofs il-persuni spostati x’aktarx li jiġu assorbiti min-networks tad-dijaspora mdaqqsa eżistenti madwar l-UE u jużaw opportunitajiet ta’ migrazzjoni legali prinċipalment, iżda mhux biss, f’pajjiżi ta’ destinazzjoni “tradizzjonali” (il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja), mingħajr ma tintefa’ pressjoni fuq il-kapaċità ta’ akkoljenza ta’ dawn il-pajjiżi. Hemm il-possibbiltà li n-nofs l-ieħor, bejn 1,2 miljun u 3,5 miljun persuna, jistgħu jitolbu protezzjoni internazzjonali fi żmien sentejn.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u l-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Meta l-possibbiltà ta’ intervent militari Russu possibbli fl-Ukrajna bdiet issir ċara, il-Kummissjoni attivat il-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ regolari permezz tan-Netwerk għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni biex tikkonsulta mal-Istati Membri, mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mal-Aġenziji rilevanti tal-UE biex jikkondividu data, informazzjoni u għarfien, li jiġu rrapportati regolarment. Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati li kien qed jivvaluta s-sitwazzjoni u pprovda kontribut rilevanti. Il-Kummissarju Għoli laqa’ l-appoġġ li ntwera minn bosta Stati Membri biex tiġi attivata d-Direttiva 2001/55/KE biex ikun jista’ jingħata rifuġju immedjat u temporanju fl-Unjoni u tiffaċilita l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna fost l-Istati Ewropej.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tirrispetta l-prinċipji rikonoxxuti, b’mod partikolari, mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-istatus tar-refuġjati, kif emendata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Minħabba n-natura ta’ din il-proposta, l-impatt baġitarju possibbli ma jistax jiġi stmat a priori. Dan se jiġi akkomodat fil-baġit tal-istrumenti ta’ finanzjament eżistenti tal-UE għall-perjodu 2014-2020 u 2021-2027 fil-qasam tal-migrazzjoni, l-ażil u l-ġestjoni tal-fruntieri. Il-Kummissjoni se tesplora opzjonijiet biex tuża l-finanzjament sħiħ taħt il-Fondi tal-Affarijiet Interni. Meta jkun meħtieġ b’mod eċċezzjonali, jekk is-sitwazzjoni tkompli taggrava, tista’ tintuża d-disponibbiltà fil-kuntest tal-QFP 2021-2027. Fil-każ li jinqalgħu aktar ħtiġijiet eċċezzjonali, jistgħu jiġu attivati l-mekkaniżmi ta’ flessibbiltà tal-QFP 2021–2027 .

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa fl-Unjoni ta’ persuni spostati li kellhom jitilqu mill-Ukrajna minħabba kunflitt armat.

L-Artikolu 2 jiddeskrivi l-gruppi speċifiċi tal-persuni li għalihom trid tapplika l-protezzjoni temporanja. Id-dispożizzjoni tintroduċi protezzjoni temporanja għaċ-ċittadini Ukreni residenti fl-Ukrajna u li ġew spostati mill-24 ta’ Frar 2022 wara l-invażjoni militari mill-forzi armati Russi f’dik id-data. Fir-rispett tal-ispirtu tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Artikolu 2 jintroduċi wkoll protezzjoni temporanja għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u persuni mingħajr Stat b’residenza legali fl-Ukrajna li ġew spostati mill-24 ta’ Frar 2022, u li ma jistgħux jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema minħabba s-sitwazzjoni li għaddejja f’dak il-pajjiż. Dan jista’ jinkludi persuni li jgawdu minn status ta’ refuġjat jew protezzjoni ekwivalenti, jew dawk li kienu applikanti għal ażil fl-Ukrajna waqt l-avvenimenti li jwasslu għall-influss bil-massa; Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’residenza legali fit-tul fl-Ukraina waqt l-avvenimenti li wasslu għall-influss bil-massa jenħtieġ li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja irrispettivament minn jekk jistgħux jirritornaw lejn pajjiżhom jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema.

Peress li huwa importanti wkoll li tiġi titħares l-għaqda tal-familji u jiġi evitat li membri differenti tal-istess familja jingħataw status differenti, l-Artikolu 2 jintroduċi wkoll protezzjoni temporanja għall-membri tal-familja, fil-każ ta’ familji li diġà kienu jeżistu fl-Ukrajna fi żmien iċ-ċirkostanzi tal-influss bil-massa, irrispettivament minn jekk il-membru tal-familja jkun jista’ jirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu/tagħha f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema. Membru tal-familja jitqies bħala l-konjuġi tal-persuna li tgawdi minn protezzjoni temporanja jew is-sieħeb/sieħba mhux miżżewweġ/miżżewġa tiegħu/tagħha f’relazzjoni stabbli, meta l-leġiżlazzjoni jew il-prattika dwar il-barranin tal-Istat Membru tittratta koppja mhux miżżewġa b’mod komparabbli għal koppji miżżewġa; it-tfal minorenni mhux miżżewġa tal-persuna li tibbenefika minn protezzjoni temporanja tal-konjuġi tiegħu jew tagħha, mingħajr distinzjoni jekk ikunux twieldu barra miż-żwieġ jew ġew adottati; u qraba stretti oħra mill-qrib li għexu flimkien bħala parti minn unità ta’ familja fi żmien iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-influss bil-massa, u li dak iż-żmien kienu totalment dipendenti, jew fil-biċċa l-kbira, fuq il-persuna li tibbenefika minn protezzjoni temporanja.

L-Artikolu 3 jistabbilixxi li n-Network tal-UE għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni se jintuża bħala l-pjattaforma ewlenija biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni amministrattiva għall-finijiet tal-Artikolu 27 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE. Id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li l-Istati Membri jenħtieġ li jikkontribwixxu wkoll għal għarfien tas-sitwazzjoni komuni tal-Unjoni permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti permezz tar-rispons politiku integrat għall-kriżijiet u l-konsultazzjoni mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna fejn rilevanti. Id-dispożizzjoni tistipula wkoll li l-Kummissjoni se jkollha rwol ta’ koordinazzjoni biex tiżgura l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-kapaċitajiet ta’ akkoljenza f’kull Stat Membru u l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe ħtieġa għal appoġġ addizzjonali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) se żżomm is-sitwazzjoni taħt monitoraġġ u rieżami kostanti. Barra minn hekk, dawn l-aġenziji tal-UE jenħtieġ li jappoġġaw lill-Istati Membri.

Minħabba s-sitwazzjoni eċċezzjonali u l-urġenza l-Artikolu 4 jistabbilixxi d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha.

2022/0069 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn 3 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fl-24 ta’ Frar 2022, il-forzi armati Russi nedew invażjoni fuq skala kbira tal-Ukrajna f’diversi postijiet mill-Federazzjoni Russa, mill-Belarussja u minn żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-Ukrajna

(2)B’riżultat ta’ dan, żoni sostanzjali tat-territorju Ukren issa jikkostitwixxu żoni ta’ kunflitt armat li minnhom ħarbu eluf ta’ persuni.

(3)Wara din l-invażjoni, il-Kunsill Ewropew, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-24 ta’ Frar 2022, ikkundanna l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna bl-aktar mod qawwi possibbli, filwaqt li ssottolinja l-ksur gravi tad-dritt internazzjonali u l-prinċipji tal-Karta tan-NU, u li tfittex li ddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropej u globali. Il-Kunsill Ewropew talab ir-rispett sħiħ tar-Russja għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment, li jinkludi d-dritt tal-Ukrajna li tagħżel id-destin tagħha stess. Il-Kunsill Ewropew ikkonferma wkoll li l-gvern Russu għandu responsabbiltà sħiħa għall-att ta’ aggressjoni tiegħu li kkawża tbatija umana u telf ta’ ħajjiet, u li se jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu. B’solidarjetà mal-Ukrajna, il-Kunsill Ewropew qabel dwar it-tieni pakkett ta’ sanzjonijiet, appella biex titmexxa ’l quddiem il-ħidma dwar it-tħejjija fil-livelli kollha u stieden lill-Kummissjoni biex tressaq miżuri ta’ kontinġenza.

(4)L-Unjoni wriet u se tkompli turi l-appoġġ determinat tagħha lill-Ukrajna u liċ-ċittadini tagħha, quddiem att ta’ aggressjoni mingħajr preċedent mill-Federazzjoni Russa. Din il-proposta tifforma parti mir-rispons tal-Unjoni għall-pressjoni migratorja li tirriżulta mill-invażjoni militari Russa fl-Ukrajna.

(5)Il-kunflitt diġà għandu implikazzjonijiet għall-Unjoni, inkluża l-probabbiltà ta’ pressjoni migratorja għolja fuq il-fruntieri tal-Lvant tagħha hekk kif jiżvolġi l-kunflitt. Mill-1 ta’ Marzu, aktar minn 650 000 persuna spostata kienu waslu fl-Unjoni Ewropea mill-Polonja, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Rumanija. Dawn in-numri huma mistennija li jiżdiedu saħansitra aktar.

(6)L-Ukrajna hija elenkata fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 4 u ċ-ċittadini tal-Ukrajna huma eżentati mir-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni talIstati Membri għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum. Fuq il-bażi tal-esperjenza wara l-annessjoni illegali Russa tal-2014 tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta’ Sevastopol u l-gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna, l-istennija hija li nofs l-Ukreni li jiġu fl-Unjoni, li jibbenefikaw minn vjaġġar mingħajr viża għal żjarat qosra, se jingħaqdu mal-membri tal-familja jew ifittxu impjieg fl-Unjoni, filwaqt li n-nofs l-ieħor se jitlob protezzjoni internazzjonali. Skont kif jevolvi l-kunflitt, abbażi tal-istimi attwali, l-Unjoni x’aktarx li tkun iffaċċjata b’għadd kbir ħafna ta’ persuni spostati, potenzjalment bejn 2,5 miljun u 6,5 miljun bħala konsegwenza tal-kunflitt armat, li minnhom huwa mistenni li bejn 1,2 u 3,2 miljun persuna jkunu persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali. Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jistma taħt l-agħar xenarju possibbli li sa 4 miljun persuna jistgħu potenzjalment jaħarbu mill-Ukrajna.

(7)Dawk iċ-ċifri juru li l-Unjoni x’aktarx tiffaċċja sitwazzjoni kkaratterizzata minn influss massiv ta’ persuni spostati mill-Ukrajna li ma jkunux jistgħu jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom minħabba l-aggressjoni militari Russa, u li l-iskala tal-influss tkun tali li jkun hemm ukoll riskju ċar li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux jistgħu jipproċessaw il-wasliet mingħajr effetti negattivi għall-operat effiċjenti tagħhom, l-interessi tal-persuni kkonċernati u ta’ persuni oħra li jitolbu protezzjoni.

(8)In-NU nediet Appell Umanitarju Flash tan-NU għal ħtiġijiet ta’ protezzjoni u assistenza fl-Ukrajna u l-Pjan ta’ Rispons Reġjonali għar-Refuġjati għall-Ukrajna li jipprovdi dettalji dwar l-għadd ta’ persuni fil-bżonn u dawk li għandhom ikunu fil-mira tal-assistenza.

(9)Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati laqa’ l-appoġġ espress minn ħafna Stati Membri biex tiġi attivata d-Direttiva 2001/55/KE bħala li tippermetti rifuġju immedjat u temporanju fl-Unjoni u tiffaċilita l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għan-nies li jaħarbu mill-Ukrajna fost l-Istati Ewropej.

(10)Bħala reazzjoni għal din is-sitwazzjoni, l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati skont it-tifsira tad-Direttiva 2001/55/KE jenħtieġ li tiġi stabbilita bl-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja għall-persuni spostati kkonċernati.

(11)L-għan ta’ din id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni huwa li tintroduċi protezzjoni temporanja għaċ-ċittadini Ukreni residenti fl-Ukrajna li ġew spostati mill-24 ta’ Frar 2022 wara l-invażjoni militari mill-forzi armati Russi f’dik id-data. Saiex jiġi rrispettat l-ispirtu tad-Direttiva 2001/55/KE, jenħtieġ li tiġi introdotta wkoll protezzjoni temporanja għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Ukrajna li ġew spostati mill-24 ta’ Frar 2022 u li ma jistgħux jirritornaw lejn pajjiżhom jew reġjun ta’ oriġini f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema minħabba s-sitwazzjoni prevalenti f’dak il-pajjiż. Dan jista’ jinkludi persuni li jgawdu minn status ta’ refuġjat jew protezzjoni ekwivalenti, jew kienu applikanti għal ażil fl-Ukrajna waqt l-avvenimenti li jwasslu għall-influss bil-massa; Barra minn hekk, għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi mhux Ukreni li kienu residenti fit-tul fl-Ukrajna, jenħtieġ li l-kundizzjoni li ma jkunux jistgħu jirritornaw lejn pajjiżhom jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom ma tapplikax u għalhekk jenħtieġ li jgawdu minn protezzjoni temporanja. Huwa importanti wkoll li tiġi ppreservata l-unità tal-familji u li jiġi evitat li membri differenti tal-istess familja jgawdu minn status differenti. Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi introdotta protezzjoni temporanja għall-membri tal-familja, fejn il-familji diġà kienu jeżistu fl-Ukrajna fiż-żmien taċ-ċirkostanzi madwar l-influss tal-massa, irrispettivament minn jekk il-membru tal-familja setax jirritorna lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħu jew tagħha f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema.

(12)Madankollu, ċittadini ta’ pajjiżi terzi mhux Ukreni jew persuni apolidi li jkunu jistgħu jirritornaw lejn pajjiżhom jew reġjun ta’ oriġini f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema u li ma jistgħux jitqiesu bħala residenti fit-tul fl-Ukrajna jew membri tal-familja ta’ persuna li tgawdi protezzjoni temporanja jenħtieġ li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Tali persuni jistgħu jinkludu ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kienu qed jistudjaw jew jaħdmu fl-Ukrajna fuq bażi ta’ żmien qasir fiż-żmien tal-avvenimenti li wasslu għall-influss tal-massa u li jistgħu jirritornaw b’mod sikur lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom. Madankollu, jenħtieġ li tali persuni jiġu ammessi fl-Unjoni għal raġunijiet umanitarji mingħajr ma jirrikjedu, b’mod partikolari, il-pussess ta’ viża valida jew mezzi suffiċjenti ta’ sussistenza jew dokument tal-ivvjaġġar validu, biex jiġi żgurat passaġġ sikur bil-ħsieb li jirritornaw lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom.

(13)F’konformità mad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri jistgħu jtawlu l-protezzjoni temporanja għall-kategoriji addizzjonali tal-persuni spostati lil hemm minn dawk li għalihom tapplika din id-Deċiżjoni tal-Kunsill ipprovvduta, meta jiġu spostati għall-istess raġunijiet u mill-istess pajjiż jew reġjun tal-oriġini. F’dak il-każ, jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kunsill u lill-Kummissjoni minnufih. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jenħtieġ li jiġu mħeġġa jikkunsidraw li jestendu l-protezzjoni temporanja għal dawk il-persuni li ħarbu mill-Ukrajna ftit qabel l-24 ta’ Frar 2022 hekk kif żdiedu t-tensjonijiet jew li sabu ruħhom fit-territorju tal-Unjoni (eż. f’vaganzi jew għal raġunijiet ta’ xogħol) eżatt qabel dik id-data u bħala riżultat tal-konflitt armat ma jistgħux jirritornaw lejn l-Ukrajna.

(14)Il-protezzjoni temporanja hija l-iżjed strument xieraq fis-sitwazzjoni attwali. Minħabba n-natura straordinarja u eċċezzjonali tal-invażjoni militari tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa, u l-iskala tal-influss bil-massa, il-protezzjoni temporanja jenħtieġ li tippermetti lill-persuni spostati jgawdu drittijiet armonizzati madwar l-Unjoni li joffru livell adegwat ta’ protezzjoni. L-introduzzjoni tal-protezzjoni temporanja tkun ta’ benefiċċju wkoll għall-Istati Membri peress li d-drittijiet li jakkumpanjaw il-protezzjoni temporanja jillimitaw il-ħtieġa għall-persuni spostati li jfittxu immedjatament protezzjoni internazzjonali u b’hekk ir-riskju li jisbqu s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri, peress li jnaqqsu l-formalitajiet għall-minimu minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni. Barra minn hekk, iċ-ċittadini Ukreni, bħala vjaġġaturi mingħajr viża, għandhom id-dritt li jiċċaqilqu liberament fl-Unjoni wara li jiddaħħlu fit-territorju għal perjodu ta’ 90 jum. Fuq din il-bażi huma jistgħu jagħżlu l-Istat Membru li fih iridu jgawdu d-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja u jingħaqdu mal-familja u l-ħbieb tagħhom fin-networks sinifikanti tad-dijaspori li jeżistu bħalissa madwar l-Unjoni. Fil-prattika dan se jiffaċilita l-bilanċ tal-isforzi bejn l-Istati Membri u b’hekk titnaqqas il-pressjoni fuq sistemi ta’ akkoljenza nazzjonali. Ladarba Stat Membru jkun ipprovda permess ta’ residenza f’konformità mad-Direttiva 2001/55/KE, il-persuna li tgawdi minn protezzjoni temporanja, filwaqt li jkollha d-dritt li tivvjaġġa fl-Unjoni għal 90 jum fi żmien perjodu ta’ 180 jum, jenħtieġ li tkun tista’ tagħmel użu biss mid-drittijiet derivati mill-protezzjoni temporanja fl-Istat Membru li jkun ta l-permess ta’ residenza. Dan jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li Stat Membru jiddeċiedi li joħroġ fi kwalunkwe ħin permess ta’ residenza lil persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja skont din id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

(15)Din id-Deċiżjoni tkun kompatibbli ma’ u tista’ tiġi applikata f’komplementarjetà ma’ skemi nazzjonali ta’ protezzjoni temporanja, li jistgħu jitqiesu bħala li jimplimentaw id-Direttiva. Jekk l-Istat Membru jkollu skema nazzjonali li tkun aktar favorevoli mid-Direttiva, l-Istat Membru jenħtieġ li jkun jista’ jkompli japplikaha kif konformi mad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu kundizzjonijiet aktar favorevoli għal persuni koperti minn protezzjoni temporanja. Madankollu, jekk l-iskema nazzjonali tkun anqas favorevoli, l-Istat Membru jenħtieġ li jipprovdi għad-drittijiet addizzjonali previsti fid-Direttiva.

(16)Id-Direttiva 2001/55/KE tieħu kont debitu tar-responsabbiltajiet li jaqgħu fuq l-Istati Membri fir-rigward taż-żamma tal-ordni pubbliku u s-salvagwardja tas-sigurtà interna, peress li din tippermetti lill-Istati Membri jeskludu persuna spostata mill-protezzjoni temporanja fejn ikun hemm raġunijiet serji biex jitqies li l-persuna wettqet delitt kontra l-paċi, delitt tal-gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu dispożizzjoni fir-rigward ta’ tali delitti; hu jew hi jkunu kkommettew delitt serju mhux politiku barra mill-Istat Membru tal-lqugħ qabel l-ammissjoni tiegħu jew tagħha f'dan l-Istat Membru bħala persuna li tgawdi l-protezzjoni temporanja; jew hu jew hi jkunu nstabu ħatja ta' atti kuntrarju għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti. Id-Direttiva tippermetti wkoll li l-Istati Membri jeskludu persuna spostata mill-protezzjoni temporanja meta jkun hemm raġunijiet raġonevoli biex din titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru ospitanti jew periklu għall-komunità tal-Istat Membru ospitanti.

(17)Meta jipprovdu protezzjoni temporanja, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ipproċessar tad-data personali tal-persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja jirrispetta r-rekwiżiti stabbiliti fl-acquis tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 .

(18)Din id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li tippermetti lill-Unjoni tikkoordina u tissorvelja mill-qrib il-kapaċità ta’ akkoljenza fl-Istati Membri sabiex tieħu azzjoni u tipprovdi appoġġ addizzjonali kif meħtieġ. Id-Direttiva 2001/55/KE tirrikjedi li l-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-protezzjoni temporanja. Dan jenħtieġ li jsir permezz ta’ “Pjattaforma ta’ Solidarjetà” fejn l-Istati Membri jiskambjaw informazzjoni dwar il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tagħhom u l-għadd ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja fit-territorji tagħhom. S'issa, abbażi tal-informazzjoni rrappurtata minn ftit Stati Membri fil-kuntest tan-Network għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni, il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza, minbarra l-kapaċità ta’ assorbiment tad-dijaspora li tirrisjedi fl-Unjoni, huma mill-inqas aktar minn 310 000 post. Għall-fini ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni, il-Kummissjoni jenħtieġ li tieħu rwol ta’ koordinazzjoni. Barra minn hekk, f’dawn l-aħħar snin, ġew stabbiliti pjattaformi differenti bil-għan li tiġi żgurata l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Fost dawk il-pjattaformi, in-Network għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni (f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1366) huwa l-aktar xieraq għall-kooperazzjoni amministrattiva prevista fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE. Jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu mħeġġa wkoll jikkontribwixxu għal għarfien tas-sitwazzjoni komuni tal-Unjoni permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti permezz tar-rispons politiku integrat għall-kriżijiet (IPCR). Jenħtieġ li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jiġi kkonsultat fejn rilevanti. F’dan il-kuntest, jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati.

(19)Skont id-Direttiva 2001/55/KE, it-tul ta’ żmien tal-protezzjoni temporanja jenħtieġ li jkun għal perjodu inizjali ta’ sena. Għajr jekk mitmum skont it-termini tal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva, dak il-perjodu jista’ jiġi estiż awtomatikament b’perjodi taż-żmien ta’ sitt xhur għall-massimu ta’ sena. Il-Kummissjoni se żżomm is-sitwazzjoni taħt monitoraġġ u rieżami kostanti. Fi kwalunkwe ħin, hija tista’ tipproponi lill-Kunsill biex itemm il-protezzjoni temporanja, ibbażata fuq il-fatt li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna tkun tali li tippermetti r-ritorn sikur u dejjiemi ta’ dawk li ngħataw protezzjoni temporanja jew biex jestendi l-protezzjoni temporanja sa sena.

(20)Għall-fini tal-Artikolu 24 tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, ir-referenza għall-Fond Ewropew għar-Refuġjati stabbilit bid-Deċiżjoni 2000/596/KE jenħtieġ li tinqara bħala referenza għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/1147. L-isforzi kollha tal-Istati Membri biex jikkonformaw mal-obbligi li jirriżultaw minn din id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni se jiġu appoġġati finanzjarjament mill-Fondi tal-Unjoni. Il-mekkaniżmi ta’ emerġenza u ta’ flessibbiltà fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 jistgħu wkoll jimmobilizzaw fondi biex jindirizzaw ħtiġijiet speċifiċi ta’ emerġenza fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili ġie attivat 6 . Permezz ta’ dak il-Mekkaniżmu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu oġġetti kruċjali biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni spostati mill-Ukrajna preżenti fit-territorju tagħhom u jibbenefikaw minn kofinanzjament għat-twassil ta’ tali assistenza.

(21)Mill-adozzjoni tad-Direttiva 2001/55/KE, ġew stabbiliti diversi aġenziji tal-Unjoni jew issaħħu l-mandati tagħhom. F’dak il-kuntest, il-Kummissjoni jenħtieġ li tikkoopera mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) bil-ħsieb li s-sitwazzjoni tinżamm taħt monitoraġġ u rieżami kostanti. Barra minn hekk, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija Ewropea għall-Ażil (EUAA) u l-Europol jenħtieġ li jipprovdu appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri li talbu l-assistenza tagħhom biex jgħinuhom ilaħħqu mas-sitwazzjoni inkluż għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

(22)Din id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tosserva d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(23)F'konformità mal-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat, permezz ta’ ittra fil-11 ta’ April 2003, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni tad-Direttiva 2001/55/KE. L-Irlanda hija għalhekk marbuta b’din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

(24)F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(25)Fid-dawl tal-urġenza tas-sitwazzjoni, din id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett

L-eżistenza ta’ influss bil-massa fl-Unjoni ta’ persuni spostati li kellhom jitilqu mill-Ukrajna minħabba kunflitt armat hija stabbilita.

Artikolu 2

Il-persuni li għalihom tapplika l-protezzjoni temporanja

1.Din id-Deċiżjoni tapplika għall-kategoriji li ġejjin ta’ persuni spostati mill-24 ta’ Frar 2022 wara l-invażjoni militari mill-forzi armati Russi f’dik id-data:

(a)Ċittadini Ukreni li jirrisjedu fl-Ukrajna;

(b)Ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li jirrisjedu legalment fl-Ukrajna u li ma jistgħux jirritornaw f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom;

Ir-rekwiżit ta’ inabbiltà ta’ ritorn f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tagħhom ma għandux japplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi li kienu legalment residenti fit-tul fl-Ukrajna.

(c)Membri tal-familja tal-persuni msemmija fil-punti (a) u (b), irrispettivament minn jekk il-membru tal-familja jistax jirritorna f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema lejn il-pajjiż jew ir-reġjun ta’ oriġini tiegħu jew tagħha.

2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, punt (c), il-persuni li ġejjin għandhom jitqiesu bħala parti minn familja, sa fejn il-familja kienet diġà teżisti fl-Ukrajna fiż-żmien taċ-ċirkostanzi madwar l-influss bil-massa:

(a)il-konjuġi ta’ persuna msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1 jew is-sieħeb mhux miżżewweġ tagħha f’relazzjoni stabbli, meta l-leġiżlazzjoni jew il-prattika tal-Istat Membru kkonċernat jittrattaw koppji mhux miżżewġa f’manjiera paragunabbli mal-koppji miżżewġa skont il-liġijiet tiegħu li għandhom x’jaqsmu mal-barranin;

(b)it-tfal minuri mhux miżżewġin ta’ persuna msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1 jew tal-konjuġi tagħha, mingħajr distinzjoni dwar jekk twieldux fiż-żwieġ jew barra miż-żwieġ jew adottati;

(c)qraba qrib oħra li għexu flimkien bħala parti mill-unità tal-familja fiż-żmien taċ-ċirkostanzi madwar l-influss tal-massa, u li kienu dipendenti għal kollox jew prinċipalment fuq persuna msemmija fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1 f’dak iż-żmien.

Artikolu 3

Kooperazzjoni u monitoraġġ

1.Għall-finijiet tal-Artikolu 27 tad-Direttiva 2001/55/KE, l-Istati Membri għandhom jużaw in-Network għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni f’konformità mar-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/1366. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkontribwixxu wkoll għal għarfien tas-sitwazzjoni komuni tal-Unjoni permezz tal-kondiviżjoni ta’ informazzjoni rilevanti permezz tar-Rispons Politiku Integrat għall-Kriżijiet.

2.Il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-Istati Membri, b’mod partikolari fir-rigward tal-monitoraġġ tal-kapaċitajiet ta’ akkoljenza f’kull Stat Membru u l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe ħtieġa għal appoġġ addizzjonali.

Għal dak il-għan, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) għandha żżomm is-sitwazzjoni taħt monitoraġġ u rieżami kostanti filwaqt li tuża n-Network għat-Tħejjija għall-Migrazzjoni u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet tal-Migrazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 hawn fuq.

Barra minn hekk, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija Ewropea għall-Ażil (EUAA) u l-Europol għandhom jipprovdu appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri li talbu l-assistenza tagħhom biex jgħinuhom ilaħħqu mas-sitwazzjoni inkluż għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-istess jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) 2018/1806, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri (l-Anness I għar-Regolament) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dik il-ħtieġa għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum (l-Anness II tar-Regolament). L-eżenzjoni mill-ħtieġa tal-viża għandha tapplika biss għad-detenturi ta’ passaporti bijometriċi maħruġa mill-Ukrajna b’konformità mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO, International Civil Aviation Organisation).
(2)    ĠU L 212, 7.8.2001, p.12.
(3)    ĠU L 212, 7.8.2001, p.12.
(4)    Ir-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 39).
(5)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 11, 4.5.2016, p. 1).
(6)    Mit-28 ta’ Frar 2022 mis-Slovakkja.