Brussell, 16.2.2022

COM(2022) 62 final

2022/0042(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart tal-merkurju, f’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 ta’ dik il-Konvenzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (COP4.2) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju jew bil-komposti tal-merkurju (minn hawn ’il quddiem “skart ikkontaminat bil-merkurju”), kif imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 ta’ dik il-Konvenzjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju

Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (“il-Ftehim”) hija l-qafas legali internazzjonali ewlieni maħsub biex jipproteġi s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent mill-emissjonijiet antropoġeniċi u mir-rilaxxi tal-merkurju u tal-komposti tal-merkurju fl-arja, fl-ilma u fuq l-art. Il-Konvenzjoni tindirizza ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tal-merkurju mill-estrazzjoni minerarja primarja tal-merkurju sar-rimi tal-iskart tal-merkurju. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017. L-Unjoni Ewropea hija parti għall-Ftehim 1  bħalma huma wkoll l-Istati Membri kollha tagħha.

Il-paragrafu 2, tal-Artikolu 11 tal-Ftehim, jistipula li, għall-fini ta’ dan il-Ftehim, “l-iskart tal-merkurju” ifisser, sustanzi jew oġġetti (a) li jikkonsistu mill-merkurju jew mill-komposti tal-merkurju jew (b) li fihom minnhom jew (c) li huma kkontaminati bihom, fi kwantità li taqbeż il-limiti li għandhom jiġu ddefiniti mill-Konferenza tal-Partijiet, u li jintremew jew li huma maħsuba jew meħtieġa li jintremew f’konformità mal-liġi nazzjonali jew mal-Ftehim. Din id-dispożizzjoni żżid li din id-definizzjoni ta’ “l-iskart tal-merkurju” teskludi l-iskart minerarju (materjal tal-art ta’ kopertura, skart tal-blat u żwiel), ħlief skart mill-estrazzjoni minerarja primarja tal-merkurju, li jkun fih il-merkurju jew komposti tal-merkurju fi kwantità inqas mil-limiti li għandhom jiġu ddefiniti mill-Konferenza tal-Partijiet.

Il-paragrafu 3, tal-Artikolu 11, tal-Ftehim, jispeċifika li l-iskart li jikkwalifika bħala skart tal-merkurju skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 tiegħu, irid jiġi mmaniġjat b’mod ambjentalment korrett (“ESM”).

Il-COP, fit-tielet laqgħa tagħha (25–29 ta’ Novembru 2019), adottat id-Deċiżjoni MC-3/5 2 , li tipprevedi kif ġej:

Minn naħa, l-iskart kollu li jikkonsisti minn jew li fih il-merkurju jew il-komposti tal-merkurju huwa “skart tal-merkurju” skont it-tifsira tal-Artikolu 11(2) tal-Ftehim, irrispettivament mill-kontenut ta’ merkurju jew ta’ komposti tal-merkurju tiegħu. Rigward il-materjal tal-art ta’ kopertura u l-iskart tal-blat minn estrazzjoni oħra għajr l-estrazzjoni minerarja primarja tal-merkurju, ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġu żviluppati limiti, li jimplika li dawn effettivament jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Ftehim.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ skart ikkontaminat bil-merkurju jew bil-komposti tal-merkurju (“skart ikkontaminat bil-merkurju”), inkluż żwiel mill-estrazzjoni minerarja għajr l-estrazzjoni primarja tal-merkurju (“żwiel mill-estrazzjoni minerarja”), peress li ma seta’ jintlaħaq l-ebda ftehim mill-Partijiet, il-grupp ta’ esperti tekniċi, stabbilit mill-COP fit-tieni laqgħa tiegħu (19–23 ta’ Novembru 2018), għandu jkompli bid-diskussjonijiet dwar il-limiti applikabbli matul il-perjodu intersessjonali li jwassal għar-raba’ laqgħa tiegħu.

2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet

Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim (“COP”) twettaq il-funzjonijiet assenjati lilha mill-Ftehim u, għal dak il-għan, għandha tqis u twettaq, fost l-oħrajn, kull azzjoni addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-Ftehim, inkluż l-adozzjoni ta’ linji gwida rilevanti.

Skont l-Artikolu 28 tal-Ftehim u d-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċeduri adottati mill-COP fl-ewwel laqgħa tagħha (24–29 ta’ Settembru 2017), kull Parti għandha vot wieħed. Madankollu, l-Unjoni, bħala organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika, teżerċita d-dritt tagħha li tivvota, dwar kwistjonijiet fil-kompetenza tagħha, b’numru ta’ voti ugwali għan-numru tal-Istati Membri tagħha li huma partijiet għall-Ftehim. L-Unjoni ma għandhiex teżerċita d-dritt għall-vot tagħha jekk kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tagħha jeżerċita d-dritt għall-vot tiegħu, u viċe versa.

2.3.L-att previst tal-Konferenza tal-Partijiet

Il-ħidma intersessjonali tal-esperti msemmija hawn fuq irriżultat f’rapport iddedikat żviluppat mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni, li jinkludi abbozz ta’ deċiżjoni tal-COP dwar il-limiti tal-iskart tal-merkurju għall-kunsiderazzjoni u għall-adozzjoni possibbli fil-COP4.2 (l-att previst) 3 .

 

L-att previst se jistabbilixxi limiti li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ skart ikkontaminat bil-merkurju li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 11 tal-Ftehim. Għaldaqstant, l-att previst se jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-iskart tal-Ftehim, u b’mod partikolari tal-paragrafu 3 tal-Artikolu 11 tiegħu, dwar id-dmir li l-iskart tal-merkurju rilevanti jiġi ttrattat skont l-immaniġġjar ambjentalment korrett.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni proposta li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-okkażjoni tat-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-COP, hija li tappoġġa l-adozzjoni ta’ att previst li jkun konsistenti mal-acquis tal-UE. 

Fil-fatt, filwaqt li l-att previst se jikkomplementa d-Deċiżjoni MC-3/5 billi jindirizza kategorija oħra ta’ skart tal-merkurju, jiġifieri skart ikkontaminat bil-merkurju, din il-pożizzjoni proposta hija konformi bis-sħiħ mal-pożizzjoni tal-UE adottata fid-dawl tal-COP.3, li kienet strumentali fl-iżvilupp ta’ din id-Deċiżjoni u li diġà kopriet il-kwistjoni tal-limitu għat-tali skart 4 .

L-iskart tal-merkurju huwa rregolat fil-livell tal-UE, b’mod partikolari mir-Regolament (UE) 2017/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 dwar il-Merkurju u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 5 , mid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart 6 , mid-Direttiva 2006/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-immaniġġar ta’ skart mill-industriji ta’ estrazzjoni u li temenda d-Direttiva 2004/35/KE 7 u mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż 8 .

Id-dritt tal-UE dwar l-iskart jiddependi fuq l-obbligu ewlieni stabbilit fl-Artikoli 13 u 17 tad-Direttiva 2008/98/KE, li abbażi tiegħu, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġjar tal-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent. Dawn id-dispożizzjonijiet jimplimentaw l-obbligu tal-immaniġġjar ambjentalment korrett stabbilit fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 11 tal-Ftehim.

Tabilħaqq, filwaqt li l-UE kienet strumentali fir-rigward tal-iżvilupp tal-Ftehim, inkluż id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-iskart tal-merkurju, u filwaqt li l-esperti tal-UE kkontribwew b’mod sinifikanti għad-diskussjonijiet intersessjonali tal-esperti msemmija hawn fuq, l-acquis tal-UE dwar l-iskart imur lil hinn mill-Artikolu 11 tal-Ftehim peress li l-iskart tal-merkurju kollu msemmi f’din id-dispożizzjoni huwa rregolat fil-livell tal-UE u soġġett għall-immaniġġjar ambjentalment korrett irrispettivament mill-kontenut ta’ merkurju jew ta’ komposti tal-merkurju tiegħu.

Il-pożizzjoni tal-Unjoni hija meħtieġa għax il-Partijiet għall-Ftehim għandhom jimplimentaw l-att previst, la darba dan jiġi adottat.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 9 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-COP hija korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju.

L-att previst li l-COP hija mitluba tadotta jikkostitwixxi att li għandu effetti legali, għaliex il-Partijiet għall-Ftehim għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li dan jiġi implimentat u jitħares.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlenin tal-att previst huma marbuta mal-ambjent.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 192(1) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 192(1) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2022/0042 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fir-rigward tal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart tal-merkurju, f’konformità mal-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 ta’ dik il-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju 10  (“il-Ftehim”) ġiet konkluża mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 11  u daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Awwissu 2017.

(2)Skont id-Deċiżjoni MC-1/1 dwar ir-Regoli ta’ Proċeduri adottata mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim (“il-Konferenza tal-Partijiet”) fl-ewwel laqgħa tagħha, il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex jilħqu ftehim b’kunsens dwar il-materji kollha ta’ sustanza.

(3)Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim, matul it-tielet laqgħa tagħha tal-25–29 ta’ Novembru 2019, adottat id-Deċiżjoni MC-3/5 12 li tistabbilixxi limiti għall-iskart li jikkonsisti minn jew li fih il-merkurju jew komposti tal-merkurju, kif imsemmija fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 11, tal-Ftehim, u li teħtieġ li l-grupp ta’ esperti tekniċi, stabbilit mill-Konferenza tal-Partijiet fit-tieni laqgħa tagħha tad-19–23 ta’ Novembru 2018, jiżviluppa limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju jew bil-komposti tal-merkurju (“skart ikkontaminat bil-merkurju”), inkluż għaż-żwiel mill-estrazzjoni minerarja għajr l-estrazzjoni primarja tal-merkurju.

(4)Il-Konferenza tal-Partijiet, waqt it-tieni segment tar-raba’ laqgħa tagħha tal-21–25 ta’ Marzu 2022, hija mistennija tadotta Deċiżjoni (“id-Deċiżjoni proposta”) dwar limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju, kif imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 tal-Ftehim, li bħala riżultat, jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11 tal-Ftehim għal tali skart. Filwaqt li l-iskart ikkontaminat bil-merkurju li jaqa’ fl-ambitu tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 tal-Ftehim, jenħtieġ li jkun soġġett għall-immaniġjar ambjentalment korrett skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 11 ta’ dak il-Ftehim.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Konferenza tal-Partijiet, billi din id-Deċiżjoni proposta, jekk tiġi approvata, se jkollha effetti legali peress li l-Partijiet għall-Ftehim se jkollhom jieħdu miżuri biex jimplimentawha fil-livelli nazzjonali u/jew reġjonali.

(6)L-Unjoni kkontribwiet b’mod sinifikanti għall-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet dwar l-iskart tal-Ftehim u għall-ħidma intersessjonali tal-esperti mnedija bid-Deċiżjoni MC-3/5  u dan wassal għad-Deċiżjoni proposta; filwaqt li l-acquis tal-Unjoni diġà teħtieġ li l-iskart tal-merkurju kollu msemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 11 tal-Ftehim, inkluż l-iskart ikkontaminat bil-merkurju, jiġi mmaniġġjat mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, irrispettivament mill-kontenut tal-merkurju tagħhom;

(7)Jenħtieġ li l-Unjoni tappoġġa biss l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni mill-Konferenza tal-Partijiet li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tieni segment tar-raba’ laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Ftehim għandha tkun li tappoġġa l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart ikkontaminat bil-merkurju li tkun konsistenti mal-acquis tal-Unjoni.  

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

       Għall-Kunsill

    Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4).
(2)    Id-Deċiżjoni MC-3/5 Mercury waste thresholds, tar-Rapport tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fuq il-ħidma tat-tielet laqgħa tagħha, UNEP/MC/COP.3/23 tas-7 ta’ Jannar 2020, hija disponibbli hawnhekk: https://www.mercuryconvention.org/sites/default/files/documents/final_report/UNEP-MC-COP-3-23-Report-EN.pdf
(3)    UNEP/MC/COP.4/8
(4)    Ara d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/2119 tal-21 ta’ Novembru 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tielet laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju, b’rabta mal-adozzjoni ta’ Deċiżjoni li tistabbilixxi l-limiti għall-iskart tal-merkurju, kif imsemmi fl-Artikolu 11(2) ta’ dik il-Konvenzjoni (ĠU L 3210, 11.12.2019, p. 117).
(5)    ĠU L 137, 24.05.2017, p. 1.
(6)

   ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(7)    ĠU L 102, 11.4.2006, p. 15.
(8)    ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3.
(9)    Il-paragrafi 61 sa 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258.
(10)    Kopja ċċertifikata tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju hija disponibbli hawnhekk: https://treaties.un.org/doc/Treaties/2013/10/20131010%2011-16%20AM/CTC-XXVII-17.pdf
(11)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/939 tal-11 ta’ Mejju 2017 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju (ĠU L 142, 2.6.2017, p. 4). 

(12)    Id-Deċiżjoni MC-3/5 Mercury waste thresholds, tar-Rapport tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Minamata dwar il-Merkurju fuq il-ħidma tat-tielet laqgħa tagħha, UNEP/MC/COP.3/23 tas-7 ta’ Jannar 2020, hija disponibbli hawnhekk: https://www.mercuryconvention.org/sites/default/files/documents/final_report/UNEP-MC-COP-3-23-Report-EN.pdf