Brussell, 3.2.2022

COM(2022) 55 final

2022/0030(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/954 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID-19 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/954 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

F’konformità mal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen 1 , iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment jew li joqogħdu legalment fi Stat Membru jistgħu jivvjaġġaw liberament fit-territorji tal-Istati Membri l-oħrajn, sakemm jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Għalhekk, il-politika żviluppata mill-Unjoni li tiżgura l-assenza ta’ kontrolli fuq il-persuni meta jaqsmu l-fruntieri interni mhix ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-Unjoni biss iżda wkoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom id-dritt li jivvjaġġaw fl-UE. Madankollu, uħud mir-restrizzjonijiet li ġew adottati mill-Istati Membri biex irażżnu l-firxa tal-coronavirus tas-sindromu respiratorju akut gravi 2 (“SARS-CoV-2“), li jikkaġuna l-marda tal-Coronavirus 2019 (“COVID‑19”), kellhom impatt fuq l-eżerċitar ta’ dak id-dritt. Ta’ sikwit dawn il-miżuri kienu jikkonsistu minn restrizzjonijiet fuq id-dħul jew rekwiżiti speċifiċi oħra applikabbli għall-vjaġġaturi transfruntiera, bħal kwarantina jew awtoiżolament jew testijiet għall-infezzjoni tas-SARS-CoV-2 qabel ma l-vjaġġaturi jaslu jew wara li jaslu.

Biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw, fl-14 ta’ Ġunju 2021, ir-Regolament (UE) 2021/953 2 ibbażat fuq l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jistabbilixxi l-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan. Ir-Regolament (UE) 2021/953 jiffaċilita l-moviment liberu billi jipprovdi liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom, li jistgħu jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi, ċertifikati interoperabbli u aċċettati b’mod reċiproku dwar il-vaċċinazzjoni kontra l-COVID-19, l-ittestjar u l-irkupru li jistgħu jużaw meta jivvjaġġaw. Meta l-Istati Membri jirrinunzjaw ċerti restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu għall-persuni fil-pussess ta’ prova tat-tilqim, tat-test jew tal-irkupru, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jgħin liċ-ċittadini jibbenefikaw minn dawn l-eżenzjonijiet.

Fl-istess jum, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2021/954 3 abbażi tal-Artikolu 77 tat-TFUE, biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar fiż-Żona Schengen matul il-pandemija tal-COVID-19, u jestendu l-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li huma intitolati jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-UE.

Barra minn hekk, is-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE wriet li hija l-unika sistema ta’ ċertifikazzjoni tal-COVID-19 operattiva fil-livell internazzjonali fuq skala kbira. B’riżultat ta’ dan, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE kiseb sinifikat globali dejjem akbar u kkontribwixxa għall-indirizzar tal-pandemija fil-livell internazzjonali, billi ffaċilita l-ivvjaġġar internazzjonali sikur u l-irkupru internazzjonali. Sal-31 ta’ Jannar 2022, it-tliet pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea li mhumiex fl-UE 4 , l-Iżvizzera 5 u 29 pajjiż u territorju terz ieħor 6 huma konnessi mas-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, b’aktar mistennija li jissieħbu fil-futur. Is-sistema taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ġiet rikonoxxuta bħala waħda mis-soluzzjonijiet diġitali ewlenin għar-restawr tal-mobbiltà internazzjonali 7 , bl-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru tħeġġeġ lill-pajjiżi jadottaw iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE bħala l-istandard globali 8 . Il-Kummissjoni se tkompli bl-isforzi tagħha biex tappoġġa lill-pajjiżi terzi interessati fl-iżvilupp ta’ sistemi interoperabbli taċ-ċertifikati tal-COVID-19. Dan jista’ jinkludi l-offerta ta’ soluzzjonijiet addizzjonali ta’ referenza b’sors miftuħ li jippermettu l-konverżjoni ta’ ċertifikati ta’ pajjiżi terzi f’format li jkun interoperabbli maċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE, peress li huwa possibbli wkoll li jiġu konnessi pajjiżi terzi li ċ-ċertifikati tagħhom isiru interoperabbli permezz ta’ konverżjoni 9 .

Mill-adozzjoni tiegħu, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE ġie varat b’suċċess madwar l-Unjoni, b’aktar minn biljun ċertifikat maħruġ sa tmiem l-2021. Iċ-ċertifikat COVID Diġitali tal-UE huwa għalhekk għodda disponibbli b’mod wiesa’ u aċċettata b’mod affidabbli biex tiffaċilita mhux biss il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, iżda wkoll l-ivvjaġġar intra-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 tal-kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija hawn fuq.

Mill-adozzjoni tar-Regolamenti (UE) 2021/953 u 2021/954, is-sitwazzjoni epidemjoloġika fir-rigward tal-pandemija tal-COVID-19 evolviet b’mod konsiderevoli. Minn naħa waħda, it-teħid tat-tilqim, inkluż ta’ dożi booster, żdied madwar id-dinja.

Min-naħa l-oħra, it-tixrid tal-varjant ta’ tħassib tas-SARS-CoV-2 “Delta” fit-tieni nofs tal-2021 ikkawża żidiet sinifikanti fl-għadd ta’ infezzjonijiet, rikoveru l-isptar u mwiet, li jirrikjedu li l-Istati Membri jadottaw miżuri stretti tas-saħħa pubblika fi sforz biex jipproteġu l-kapaċità tas-sistema tal-kura tas-saħħa tagħhom. Fil-bidu tal-2022, il-varjant ta’ tħassib tas-SARS-CoV-2 “Omicron” ikkawża żidiet qawwija fl-għadd ta’ każijiet tal-COVID-19, li malajr issostitwixxa d- “Delta” u laħaq intensità bla preċedent ta’ trażmissjoni komunitarja madwar l-Unjoni u lil hinn minnha.

Bħalissa, mhuwiex possibbli li jiġi previst l-impatt ta’ żieda possibbli fl-infezzjonijiet fit-tieni nofs tal-2022. Barra minn hekk, il-possibbiltà li s-sitwazzjoni pandemika tmur għall-agħar minħabba l-emerġenza ta’ varjanti ġodda ta’ tħassib tas-SARS-CoV-2 ma tistax tiġi eskluża.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, ma jistax jiġi eskluż li l-Istati Membri jkomplu jirrikjedu li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li huma intitolati jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-UE, jippreżentaw prova tat-tilqim kontra l-COVID-19, l-ittestjar jew l-irkupru wara t-30 ta’ Ġunju 2022, jiġifieri, id-data meta r-Regolamenti (UE) 2021/953 u 2021/954 huma attwalment mistennija li jiskadu. Għalhekk huwa importanti li tiġi żgurata l-possibbiltà li jsir użu miċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE lil hinn minn dik id-data.

Fl-istess ħin, peress li kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni stabbilita biex tillimita t-tixrid tas-SARS-CoV-2, inkluż ir-rekwiżit li jiġu ppreżentati ċ-Ċertifikati COVID Diġitali tal-UE, jenħtieġ li titneħħa hekk kif is-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti, billi jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2021/954, il-Kummissjoni tipproponi li jinżammu r-referenzi eżistenti għar-Regolament (UE) 2021/953 u li ssir referenza dinamika għall-istess Regolament fir-rigward tad-durata tar-Regolament (UE) 2021/954.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija mingħajr preġudizzju għar-regoli ta’ Schengen fir-rigward tal-kundizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Jenħtieġ li r-Regolament propost ma jinftiehem bl-ebda mod bħala inkoraġġiment jew faċilitazzjoni għar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni, li trid tibqa’ miżura tal-aħħar istanza suġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 (“il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen”).  10

Fil-proposta tagħha għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li temenda r-Rakkomandazzjoni (UE) 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni 11 , il-Kummissjoni pproponiet li tistabbilixxi rabta ċara bejn ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/912 u ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE sabiex tgħin lill-awtoritajiet tal-Istati Membri jivverifikaw l-awtentiċità, il-validità u l-integrità taċ-ċertifikati maħruġa minn pajjiżi terzi.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija parti mill-pakkett ta’ miżuri tal-Unjoni li jirrispondu għall-pandemija tal-COVID-19. Dan jibni, b’mod partikolari, fuq il-ħidma mwettqa fil-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, in-Network tas-Saħħa elettronika, u l-Kumitat taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE.

Din il-proposta tikkumplimenta l-proposta COM (2022) 50 final, li tfittex li testendi d-durata tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/953 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19.

Din il-proposta tirrifletti bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri fid-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom (l-Artikolu 168 TFUE).

Din il-proposta hija konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-immigrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 77(2)(c) TFUE jistipula li l-Unjoni għandha tistabbilixxi il-kundizzjonijiet li bihom iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu legalment jew li jirrisjedu legalment għandu jkollhom il-libertà li jivvjaġġaw fl-Unjoni għal perjodu qasir. Tapplika l-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Il-proposta temenda r-Regolament (UE) 2021/954, li huwa bbażat ukoll fuq l-Artikolu 77(2), punt (c) TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-għanijiet ta’ din il-proposta, jiġifieri l-estensjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/954, ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri b’mod indipendenti. Għaldaqstant hija meħtieġa azzjoni fil-livell tal-UE.

In-nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni jwassal biex ir-Regolament (UE) 2021/954 jieqaf japplika u b’riżultat ta’ dan ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment f’territorju ta’ Stat Membru tal-UE/taż-ŻEE u li huma intitolati li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra skont il-liġi tal-UE ma jkunux jistgħu jitolbu u eventwalment jużaw ċertifikati interoperabbli tat-tilqim kontra l-COVID-19, tat-testijiet u tal-fejqan.

Proporzjonalità

Azzjoni fil-livell tal-Unjoni tista’ żżid valur konsiderevoli fl-indirizzar tal-isfidi identifikati aktar ’il fuq u hija l-uniku mod li permezz tiegħu jista’ jinkiseb u jinżamm qafas uniku, issimplifikat u aċċettat taċ-ċertifikat tal-COVID-19.

L-adozzjoni ta’ miżuri unilaterali jew mhux ikkoordinati rigward iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-COVID-19 tista’ twassal għal miżuri li jillimitaw il-possibbiltà li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma intitolati jivvjaġġaw fl-Unjoni, ikunu jistgħu fil-fatt jivvjaġġaw.

L-emenda proposta jenħtieġ li tapplika f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/953, kif propost li jiġi emendat bil-proposta COM (2022) 50 final, u konsegwentement tippermetti li l-użu taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jiġi estiż għal perjodu limitat ta’ żmien fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu jew joqogħdu legalment fl-Unjoni u li huma intitolati li jivvjaġġaw fl-Unjoni.

Għażla tal-istrument

Regolament jiżgura l-implimentazzjoni diretta, immedjata u komuni tad-dritt tal-UE fl-Istati Membri kollha.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-proposta tqis id-diskussjonijiet li jsiru ma’ awtoritajiet tal-Istati Membri f’intervalli regolari u f’fora differenti.

Ġbir u użu ta’ għarfien espert

Il-proposta tibni fuq l-informazzjoni u l-valutazzjonijiet epidemjoloġiċi pprovduti miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), il-valutazzjoni tas-sikurezza, l-effettività u l-kwalità tal-vaċċini kontra l-COVID-19 imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA), l-iskambji tekniċi li qed isiru fil-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, il-grupp ta’ ħidma tekniku tiegħu dwar it-testijiet dijanjostiċi tal-COVID-19 u n-Network tas-Saħħa elettronika, kif ukoll l-evidenza xjentifika disponibbli rilevanti.

Valutazzjoni tal-impatt

Fid-dawl tal-urġenza l-Kummissjoni ma għamlitx valutazzjoni tal-impatt.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta timplika l-ipproċessar tad-data personali, inkluża data dwar is-saħħa. Hemm impatti potenzjali fuq id-drittijiet fundamentali ta’ individwi, jiġifieri l-Artikolu 7 tal-Karta dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-Artikolu 8 dwar id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-ipproċessar tad-data personali ta’ individwi, inklużi l-ġbir, l-aċċess għad-data personali u l-użu tagħha, jaffettwa d-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali skont il-Karta. L-interferenza ma’ dawn id-drittijiet fundamentali trid tiġi ġġustifikata.

Fir-rigward tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fosthom is-sigurtà tad-data jkompli japplika r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 . Ma hija prevista ebda deroga mir-reġim ta’ protezzjoni tad-data tal-Unjoni u l-Istati Membri jridu jimplimentaw regoli, kundizzjonijiet u salvagwardji robusti u ċari, f’konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-finanzjament ta’ azzjonijiet li jappoġġaw din l-inizjattiva se jkun kopert mid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva ppreżentata mal-proposta COM (2022) 50 final.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhix rilevanti.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 tal-proposta jemenda t-tul ta’ żmien tar-Regolament (UE) 2021/954.

L-Artikolu 2 jipprevedi d-dħul fis-seħħ mgħaġġel tar-Regolament.

2022/0030 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2021/954 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID-19 li jemenda r-Regolament (UE) 2021/954 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri matul il-pandemija tal-COVID-19

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2), punt (c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

Billi:

(1)Skont l-acquis ta’ Schengen, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-UE u ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru jistgħu jiċċaqalqu liberament fit-territorji tal-Istati Membri l-oħrajn kollha matul perjodu ta’ 90 jum tul kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum 13 .

(2)Fl-14 ta’ Ġunju 2021, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (UE) 2021/953 li jistabbilixxi ċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE 14 . Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas komuni għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli għaċ-ċertifikati tat-tilqim, l-ittestjar jew il-fejqan mill-COVID-19 biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-UE u l-membri tal-familja tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19. Ir-Regolament (UE) 2021/953 huwa akkumpanjat mir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 , li jestendi l-qafas taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li huma intitolati li jivvjaġġaw lejn Stati Membri oħra f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

(3)Ir-Regolamenti (UE) 2021/953 u (UE) 2021/954 waslu biex jiskadu fit-30 ta’ Ġunju 2022. Madankollu, il-pandemija għadha għaddejja u t-tifqigħa reċenti tal-varjant ta’ tħassib “Omicron” tkompli tħalli impatt negattiv fuq l-ivvjaġġar fl-Unjoni. Konsegwentement, iċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE jibqa’ rilevanti u jeħtieġ li jkun permess l-użu kontinwu tiegħu.

(4)L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/953 għandha tiġi estiża bi 12-il xahar. Peress li l-objettiv tar-Regolament (UE) 2021/954 huwa li jestendi l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/953 għal ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu jew joqogħdu legalment fl-Unjoni, it-tul ta’ żmien tal-applikazzjoni tiegħu jenħtieġ li jkun marbut direttament ma’ dak tar-Regolament (UE) 2021/953. Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2021/954 jiġi emendat skont dan.

(5)Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jinftiehemx bħala li jiffaċilita jew jinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar b’reazzjoni għall-pandemija. Barra minn hekk, kwalunkwe ħtieġa għal verifika ta’ ċertifikati stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/953 ma għandhiex titqies li tiġġustifika l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Jenħtieġ li l-kontrolli fil-fruntieri interni jibqgħu miżura tal-aħħar istanza, soġġetti għal regoli speċifiċi stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen).

(6)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex ser timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

(7)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE 16 ; għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jaċċettaw, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/953, ċertifikati COVID-19 maħruġin mill-Irlanda lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorju tagħha għall-finijiet tal-iffaċilitar tal-ivvjaġġar fit-territorji tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-Irlanda toħroġ lil dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi ċertifikati COVID-19 li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-qafas ta’ fiduċja taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE. Jenħtieġ li l-Irlanda u l-Istati Membri l-oħra jaċċettaw ċertifikati maħruġin lil ċittadini ta' pajjiżi terzi koperti minn dan ir-Regolament fuq bażi reċiproka.

(8)Fir-rigward tal-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tal-acquis ta’ Schengen fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011.

(9)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE 17 .

(10)Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE 18 .

(11)Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen koperti mill-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt C, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE 19 .

(12)Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni relatata mal-pandemija tal-COVID-19, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(13)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati f’konformità mal-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 20 u taw opinjoni fi […],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/954 huwa sostitwit b'dan li ġej:

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021 sakemm jibqa’ japplika r-Regolament (UE) 2021/953.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)     ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19 .
(2)    Ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1).
(3)    Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19, ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24.
(4)    L-Iżlanda, il-Liechtenstein, u n-Norveġja.
(5)    Iċ-ċittadini tal-Unjoni u ċ-ċittadini Żvizzeri jgawdu min drittijiet reċiproċi ta’ dħul u residenza bbażati fuq il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6).
(6)     https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/coronavirus-response/safe-covid-19-vaccines-europeans/eu-digital-covid-certificate_en#recognition-of-covid-certificates-from-third-non-eu-countries  
(7)     https://wttc.org/News-Article/WTTC-identifies-digital-solutions-for-governments-worldwide-to-significantly-restore-international-mobility  
(8)     https://www.iata.org/en/pressroom/2021-releases/2021-08-26-01/  
(9)    Permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2021/953.
(10)    Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), ĠU L 77, 23.3.2016, p.1.
(11)    COM(2021) 754 final.
(12)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(13)    Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).
(14)    Ir-Regolament (UE) 2021/953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) għall-faċilitazzjoni tal-moviment liberu waqt il-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 211, 15.6.2021, p. 1).
(15)    Ir-Regolament (UE) 2021/954 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2021 dwar qafas għall-ħruġ, għall-verifika u għall-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati COVID-19 interoperabbli tat-tilqim, tat-testijiet u tal-fejqan (Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE) fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew li jirrisjedu legalment fit-territorji tal-Istati Membri waqt il-pandemija tal-COVID-19, ĠU L 211, 15.6.2021, p. 24.
(16)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).
(17)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).
(18)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).
(19)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).
(20)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill‐istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).