21.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 440/28


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10955 — KIRK / LFI / ATP / FERROSAN MEDICAL DEVICES)

Każ li jista’ jiġi kkunsidrat għal proċedura ssimplifikata

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 440/11)

1.   

Fil-11 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Kirk Kapital Strategic Investments A/S (id-Danimarka), ikkontrollata minn Kirk Kapital A/S (“Kirk”, id-Danimarka),

Lundbeckfond Invest A/S (id-Danimarka), ikkontrollata minn Lundbeckfonden (id-Danimarka),

Arbejdsmarkedets Tillægspension (“ATP”, id-Danimarka),

Ferrosan Medical Devices Group A/S (“Ferrosan”, id-Danimarka).

Kirk, Lundbeckfonden u ATP se jakkwistaw, fis-sens tal-Artikoli 3(1)(b) u l-Artikolu 3(4) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ Ferrosan Medical Devices Group A/S.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz ta’ xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma dawn li ġejjin:

Kirk tinvesti f’kumpaniji Skandinavi ta’ daqs medju u kbir b’pożizzjoni ta’ tmexxija fis-suq fl-industriji tat-tkabbir fit-tul (bħall-industriji tas-servizzi u tal-manifattura ħafifa). Kirk twettaq ukoll investimenti finanzjarji, inkluż fi dħul fiss, ekwitajiet ikkwotati fil-Borża u alternattivi,

Lundbeckfonden hija fondazzjoni kummerċjali Daniża li tiffinanzja r-riċerka fix-xjenzi bijomediċi, li tiffoka b’mod partikolari fuq in-newroxjenza,

ATP hija istituzzjoni awtonoma stabbilita bil-liġi biex tamministra l-iskema ta’ pensjoni kollettiva Daniża obbligatorja, ATP Livslang Pension (Pensjoni ta’ Tul il-Ħajja),

Ferrosan tipproduċi apparati mediċi emostatiċi bijomaterjali bħal matriċijiet, sponoż u trabijiet ibbażati fuq il-ġelatina għall-kontroll ta’ fdalijiet kritiċi fil-kirurġija, kif ukoll sistema ta’ bijopsija tas-sider għat-twettiq ta’ bijopsiji fir-rigward tad-dijanjożi tal-kanċer tas-sider. Ferrosan tikkummerċjalizza l-prodotti tagħha madwar id-dinja.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

Skont l-Avviż tal-Kummissjoni dwar proċedura ssimplifikata għat-trattament ta’ ċerti konċentrazzjonijiet skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) għandu jiġi nnutat li dan il-każ jista’ jiġi kkunsidrat għal trattament skont il-proċedura stabbilita fl-Avviż.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja dejjem tiġi speċifikata:

M.10955 — KIRK / LFI / ATP / FERROSAN MEDICAL DEVICES

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).

(2)  ĠU C 366, 14.12.2013, p. 5.