27.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 243/59


Avviż minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.10749 — PAI PARTNERS / THE CARLYLE GROUP / THERAMEX)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2022/C 243/10)

1.   

Fl-20 ta’ Ġunju 2022, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

PAI Partners SAS (“PAI Partners”, Franza),

The Carlyle Group, Inc. (“Carlyle”, l-Istati Uniti tal-Amerka),

Theramex Healthcare Topco Limited (“Theramex”, ir-Renju Unit).

PAI Partners u Carlyle jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll bi sħab ta’ Theramex kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni hija mwettqa permezz tax-xiri ta’ ishma.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

PAI Partners hija ditta ta’ ekwità privata li tamministra għadd ta’ fondi li jinvestu fis-setturi tas-servizzi tan-negozju, tal-ikel u tal-konsumatur, industrijali ġenerali, u tal-kura tas-saħħa,

Carlyle hija maniġer tal-assi alternattivi globali, li tiġġestixxi fondi li jinvestu globalment fi tliet dixxiplini ta’ investiment: (i) Ekwità Privata Globali (inklużi fondi ta’ ekwità privata korporattiva, proprjetà immobbli u riżorsi naturali); (ii) Kreditu Globali (inkluż kreditu likwidu, kreditu mhux likwidu u kreditu ta’ assi reali); u (iii) Soluzzjonijiet ta’ Investiment (programm tal-fond ta’ fondi ta’ ekwità privata, li jinkludu fond primarju, attivitajiet ta’ koinvestiment sekondarji u relatati),

Theramex hija kumpanija farmaċewtika ta’ speċjalità globali attiva fis-saħħa tan-nisa, li tiffoka fuq il-kontraċezzjoni, il-fertilità, il-menopawża u l-osteoporożi. Il-kumpanija tikkummerċjalizza firxa wiesgħa ta’ prodotti ġeneriċi tad-ditta u tad-ditta f’bosta pajjiżi fiż-ŻEE u globalment.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jinħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi speċifikata dejjem:

M.10749 — PAI PARTNERS / THE CARLYLE GROUP / THERAMEX

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz postali:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).