3.5.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 157/18


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Inpoġġu lin-nies l-ewwel, niżguraw tkabbir sostenibbli u inklużiv, nilliberaw il-potenzjal taż-żoni ultraperiferiċi tal-UE”

(2023/C 157/04)

Relatur:

Pedro DE FARIA E CASTRO (PT/PPE) Sottosegretarju Reġjonali tal-Presidenza tal-Gvern tar-Reġjun Awtonomu tal-Azores

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Inpoġġu lin-nies l-ewwel, niżguraw tkabbir sostenibbli u inklużiv, nilliberaw il-potenzjal taż-żoni ultraperiferiċi tal-UE

COM(2022) 198 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

1.

jenfasizza r-restrizzjonijiet strutturali li jiffaċċjaw b’mod permanenti r-reġjuni ultraperiferiċi, kif identifikati fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li ġew aggravati mill-pandemija tal-COVID-19;

2.

jirrikonoxxi li l-istrateġija tal-UE għar-reġjuni ultraperiferiċi wriet is-siwi tagħha fl-approfondiment tal-miżuri biex tiġi ssalvagwardjata n-natura speċifika tar-reġjuni ultraperiferiċi fi ħdan l-UE. Madankollu, il-kuntest li jirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll il-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali attwali u futuri, enfasizzaw il-ħtieġa li l-istrateġija tal-2017 dwar Sħubija strateġika aktar b’saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE tiġġedded bir-reqqa;

3.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea ssegwi r-rakkomandazzjoni li ressaq biex l-istrateġija tal-UE tiġi adattata għar-reġjuni ultraperiferiċi, fid-dawl tal-konsegwenzi serji tal-pandemija, kif ġie propost fl-Opinjoni li adotta dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni ta’ sħubija strateġika mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea (relatur: Ángel Víctor Torres Pérez (1)), kif ukoll fir-rapport tal-Parlament Ewropew intitolat Lejn sħubija aktar b’saħħitha mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE (2);

4.

ifakkar fid-diversi passi meħuda mir-reġjuni ultraperiferiċi biex iġeddu l-istrateġija tal-Kummissjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dikjarazzjoni politika tal-Presidenti tar-reġjuni ultraperiferiċi adottata fit-3 ta’ Mejju 2021 fl-Azores waqt il-laqgħa ta’ nofs it-terminu tal-Konferenza tal-Presidenti tar-reġjuni ultraperiferiċi;

5.

jixħet dawl fuq it-tisħiħ tas-sħubija bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Konferenza tal-Presidenti tar-reġjuni ultraperiferiċi fl-iżvilupp ta’ din l-istrateġija, li ppermettiet djalogu produttiv u kontinwu permezz ta’ pjattaformi u gruppi ta’ ħidma speċjalizzati;

6.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Inpoġġu lin-nies l-ewwel, niżguraw tkabbir sostenibbli u inklużiv, nilliberaw il-potenzjal taż-żoni ultraperiferiċi tal-UE, li tibni fuq il-pożizzjonijiet espressi mill-Konferenza tal-Presidenti tar-reġjuni ultraperiferiċi, kemm fid-dikjarazzjoni finali tagħha tat-18 ta’ Novembru 2021 (Ponte Delgada, l-Azores) kif ukoll fil-kontribut tagħha tad-19 ta’ Jannar 2022 adottat b’mod konġunt ma’ Franza, Spanja u l-Portugall;

7.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li ssaħħaħ id-djalogu u tipprovdi appoġġ imfassal apposta għal dawn ir-reġjuni sabiex ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-politiki tal-UE u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-preżenza tal-UE fl-oqsma ta’ influwenza ta’ dawn ir-reġjuni;

8.

jirrikonoxxi l-importanza ta’ din il-Komunikazzjoni l-ġdida u jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni koordinata mill-awtoritajiet fil-livell sovranazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali u għall-implimentazzjoni rapida tal-miżuri proposti u, fil-kuntest ta’ kriżijiet multipli, jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal reazzjonijiet immedjati u effettivi biex jiġi żgurat l-irkupru ekonomiku, soċjali u sostenibbli ta’ dawn ir-reġjuni;

9.

huwa diżappuntat li, fil-Komunikazzjoni l-ġdida tal-Kummissjoni, uħud mill-politiki essenzjali għall-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi ma ġewx indirizzati biżżejjed;

10.

jenfasizza li l-vulnerabbiltajiet ta’ dawn ir-reġjuni, rikonoxxuti fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huma aggravati aktar minn diżastri naturali wieħed wara l-ieħor, li l-frekwenza tagħhom qed tiżdied minħabba t-tisħin globali, u li l-iskala u l-intensità dejjem tikber tagħhom fir-reġjuni ultraperiferiċi għadhom ta’ tħassib kbir;

11.

jinnota li l-gwerra fl-Ukrajna qed tagħmel pressjoni addizzjonali fuq dawn ir-reġjuni diġà vulnerabbli u qed tikkomprometti l-rkupru ta’ wara l-kriżi tas-saħħa. Il-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi bħalissa qed tiġi affettwata ħażin ħafna u d-diversi setturi ta’ attività jiffaċċjaw spejjeż addizzjonali sinifikanti, minbarra l-ispejjeż strutturali addizzjonali marbuta mar-restrizzjonijiet strutturali li jolqtu lil dawn it-territorji;

12.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Ġunju 2022 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju u jenfasizza l-importanza tagħhom għall-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija l-ġdida għar-reġjuni ultraperiferiċi;

13.

jistieden lill-Istati Membri kkonċernati jappoġġjaw lir-reġjuni ultraperiferiċi tagħhom fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi u jagħtu spinta lill-iżvilupp tal-ħiliet biex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-programmi tal-UE;

14.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tqis li r-reġjuni ultraperiferiċi ma jixbhux, fil-fatt jew fil-liġi, reġjuni Ewropej oħra b’karatteristiċi ġeografiċi speċifiċi, bħall-gżejjer, iż-żoni muntanjużi jew ir-reġjuni b’densità baxxa ta’ popolazzjoni;

Nindirizzaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini

15.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi tal-Kummissjoni Ewropea fuq il-ħtiġijiet tan-nies li jgħixu fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll fuq l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv li jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet;

16.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi sinifikanti tar-reġjuni ultraperiferiċi fil-konfront tal-Ewropa kontinentali u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja lil dawn ir-reġjuni fil-proċess ta’ konverġenza tagħhom mal-bqija tal-UE;

17.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-insistenza tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-importanza li jingħata appoġġ għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi biex jimplimentaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u biex jilħqu l-miri tal-2030 tas-Summit Soċjali ta’ Porto dwar l-impjieg, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar;

Nagħtu attenzjoni partikolari lill-isfida tal-migrazzjoni

18.

jitlob appoġġ qawwi u deċiżiv mill-istituzzjonijiet Ewropej fid-dawl tal-kriżijiet tal-migrazzjoni, speċjalment fir-reġjuni tal-fruntieri esterni tal-UE, li waħedhom huma responsabbli għall-akkoljenza u l-aċċess għal servizzi bażiċi għal minorenni mhux akkumpanjati li jaslu fit-territorji tagħhom, kif ukoll biex dawn il-minorenni jingħataw appoġġ fil-ħajja adulta;

19.

ifakkar fl-importanza ta’ finanzjament adegwat mill-fondi tal-AMIF (Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni) u l-FSI (Fond għas-Sigurtà Interna), li jiżgura r-reġjonalizzazzjoni tagħhom sabiex tiżdied l-aċċessibbiltà tagħhom, speċjalment f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, bħal dawk li jaffettwaw lil ċerti reġjuni ultraperiferiċi fuq bażi rikorrenti, bħal fil-każ tal-Gżejjer Kanarji, il-Guyana u Mayotte, u jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn li sar f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni fl-istrateġija l-ġdida tagħha;

20.

jistenna bil-ħerqa aktar progress dwar il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil, fid-dawl tat-tagħlimiet misluta mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, billi tiġi eżaminata l-possibbiltà li d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE (3) tiġi attivata għall-migranti minn żoni oħra ta’ kunflitt b’impatt qawwi fuq l-UE, u li jiġu attivati wkoll il-miżuri ġodda introdotti mir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) CARE, sabiex jinkisbu solidarjetà ġenwina u kondiviżjoni ġusta tal-piż tal-migrazzjoni fost l-Istati Membri kollha;

Tranżizzjoni ekoloġika

21.

jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent tal-Kummissjoni li r-reġjuni ultraperiferiċi jeħtieġu miżuri partikolari biex jadattaw għat-tibdil fil-klima, peress li huma partikolarment esposti għall-impatti tiegħu, fosthom eventi ta’ temp estrem;

22.

jenfasizza l-impenn tal-Kummissjoni li tkompli tqis kif dovut ir-reġjuni ultraperiferiċi fl-implimentazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, kif ukoll l-impenn tagħha li tappoġġja l-azzjonijiet ta’ prevenzjoni tar-riskju u r-reżiljenza għad-diżastri naturali u li tippromovi l-iskambju tal-għarfien bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-ġirien tagħhom;

23.

jitlob li jitqies l-impatt tal-pakkett leġiżlattiv “lesti għall-mira ta’ 55 %”, li se jkollu impatt kbir fuq il-kompetittività u l-konnettività tar-reġjuni ultraperiferiċi, permezz tal-applikazzjoni sistematika u eżawrjenti tal-Artikolu 349 tat-TFUE, wara t-tħejjija ta’ studji ta’ valutazzjoni tal-impatt. Abbażi ta’ dawn l-istudji, għandhom jiġu adottati soluzzjonijiet imfassla apposta għal dawn ir-reġjuni, billi tiġi adattata l-leġiżlazzjoni fejn meħtieġ bl-għan li jiġi żgurat trattament ġust għal dawk li diġà qed ikollhom iġarrbu l-ispejjeż żejda li jirriżultaw mill-pożizzjoni remota tagħhom, u li jiġi żgurat li l-unitajiet domestiċi u l-intrapriżi ta’ dawn ir-reġjuni vulnerabbli ħafna jkollhom aċċess għall-Fond Soċjali għall-Klima u l-Fond għall-Modernizzazzjoni, kif ukoll aċċess għall-finanzjament ta’ proġetti fuq skala żgħira fil-qafas tal-Fond għall-Innovazzjoni;

24.

iwissi, f’dan ir-rigward, dwar iż-żieda fil-vulnerabbiltà ta’ dawn ir-reġjuni minħabba d-distanza u l-iżolament tagħhom mill-kontinent Ewropew u, għalhekk, iwissi wkoll dwar l-impatt fuqhom tat-tilħiq tal-miri l-ġodda dwar l-emissjonijiet u t-tassazzjoni fuq il-fjuwil li jirriżultaw mill-pakkett “lesti għall-mira ta’ 55 %”;

25.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-reġjuni ultraperiferiċi huma sistemi tal-enerġija iżolati li ma jistgħux jiġu konnessi mal-kontinent, u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jippromovu l-awtonomija enerġetika ta’ dawn ir-reġjuni permezz ta’ politiki ta’ appoġġ u promozzjoni li jippermettu tranżizzjoni adatta li, fid-dawl tad-dipendenza attwali tagħhom mill-fjuwils fossili, twassalhom għal sistemi sostenibbli bi prezz raġonevoli;

It-tnaqqis tad-distakk fl-aċċessibbiltà

26.

ifakkar li, fin-nuqqas ta’ alternattivi fuq l-art, ir-reġjuni ultraperiferiċi huma totalment dipendenti mit-trasport bl-ajru u marittimu affidabbli u affordabbli biex tiġi żgurata l-mobilità tal-popolazzjonijiet tagħhom u l-provvista tagħhom ta’ oġġetti essenzjali, li jirriżulta f’piż finanzjarju għoli għar-residenti u l-ħsara li jġib miegħu għall-ekonomiji lokali u l-interess pubbliku;

27.

iqis li huwa impossibbli li jiġu promossi l-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll l-iżvilupp tagħhom, mingħajr ma tinbeda strateġija biex jitnaqqsu l-pożizzjoni remota u l-iżolament tagħhom, li bilfors tirrikjedi miżuri li jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ aċċessibbiltà tagħhom u li jitnaqqas id-distakk diġitali, sabiex jiġu żviluppati u msaħħa l-ekonomiji tagħhom, minħabba l-problemi strutturali permanenti marbutin mal-ultraperiferiċità. Ifakkar li huwa importanti li l-istrument għall-emerġenzi fis-suq uniku jqis ir-reġjuni ultraperiferiċi biex jiġu żgurati l-ktajjen ta’ provvista fi żminijiet ta’ kriżi;

28.

kif irrakkomandat mill-Parlament Ewropew fir-rapport tiegħu Lejn sħubija aktar b’saħħitha mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE, jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li jiġi implimentat appoġġ fil-qasam tat-trasport bħala għodda addizzjonali biex tikkumpensa għall-iżvantaġġi u l-ħsara kumulattiva tal-ispejjeż tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija;

29.

jappella għal appoġġ għal proġetti li jsaħħu l-konnettività tar-reġjuni ultraperiferiċi. F’dan ir-rigward, jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni tal-appoġġ għall-kejbils sottomarini, li għadha sfida ewlenija għas-sigurtà tal-flussi tad-data, u wkoll għall-kwalità tas-servizz u l-affordabbiltà tat-tariffi. Pereżempju, Réunion u r-Reġjun Awtonomu tal-Azores dalwaqt se jiffaċċjaw l-obsolexxenza tal-kejbils sottomarini tagħhom għall-komunikazzjoni elettronika. It-teknoloġija satellitari għandha tiġi kkunsidrata wkoll għal ċerti territorji, bħall-Guyana Franċiża, peress li mhuwiex possibbli li tiġi installata fibra fiż-żoni abitati kollha;

Agrikoltura u żvilupp rurali

30.

jenfasizza l-importanza tas-settur agrikolu għall-ekonomija, l-ambjent, il-ġestjoni tat-territorju u l-impjieg fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif rikonoxxut mill-UE peress li tintroduċi trattament speċifiku permezz tal-Programm ta’ Soluzzjonijiet Speċifiċi Relatati mal-Periferiċità u l-Insularità (POSEI) u derogi speċifiċi għall-Politika Agrikola Komuni (PAK), u jitlob li dawn id-dispożizzjonijiet jinżammu;

31.

jinnota b’mod pożittiv li l-istrumenti ta’ għajnuna mill-Istat li jappoġġjaw l-agrikoltura, il-forestrija u ż-żoni rurali jippermettu rati ogħla ta’ intensità massima għall-investimenti fir-reġjuni ultraperiferiċi u l-għajnuna operatorja, u li l-Kummissjoni pproponiet li tkompli tipprovdi kundizzjonijiet speċjali għal dawn ir-reġjuni bħala parti mir-reviżjoni li għaddejja ta’ dawn l-istrumenti;

32.

jenfasizza, madankollu, l-importanza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi rigward l-għajnuna de minimis fid-dawl tal-kostijiet eċċessivi addizzjonali li jaffettwaw kwalunkwe impriża li topera fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli fir-reġjuni ultraperiferiċi;

33.

huwa tal-fehma li, fir-rigward tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), l-għażla ta’ ġestjoni ċentralizzata tal-pjani strateġiċi tmur kontra l-għanijiet ta’ semplifikazzjoni, effettività u effiċjenza mixtieqa, u jittama li l-impatt negattiv ta’ din l-għażla jista’ jiġi minimizzat permezz ta’ flessibbiltà u deċentralizzazzjoni adatti tal-proċeduri f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni ta’ pjani strateġiċi fir-reġjuni ultraperiferiċi;

34.

jitlob li titkompla l-kooperazzjoni interistituzzjonali mill-qrib sabiex jissaħħaħ il-baġit tal-POSEI, li huwa strument essenzjali għall-appoġġ tas-sostenibbiltà tal-produzzjoni lokali u l-adattament tal-politika agrikola komuni għall-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi, billi jiġi rrimedjat in-nuqqas ta’ bbaġitjar kroniku u debitament issostanzjat, u billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet reali ta’ dawn ir-reġjuni, sabiex il-programm ikun jista’ jimmonitorja l-iżvilupp tas-setturi agrikoli f’dawn ir-reġjuni u jkompli jilħaq l-għanijiet tiegħu;

Ekonomija blu u sajd

35.

jiġbed l-attenzjoni li r-reġjuni ultraperiferiċi jsaħħu d-dimensjoni marittima tal-Unjoni Ewropea, billi permezz tagħhom għandha l-akbar spazju marittimu fid-dinja b’aktar minn 25 miljun km2 ta’ żona ekonomika esklużiva (ŻEE), u opportunitajiet ekonomiċi sostanzjali;

36.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-importanza mogħtija lir-reġjuni ultraperiferiċi fir-rigward tas-settur tradizzjonali tas-sajd u l-istrateġiji tal-ekonomija blu għas-snin li ġejjin, kif ukoll l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tirrevedi r-rekwiżiti għall-proċeduri ta’ rappurtar tad-data u d-dispożizzjonijiet li jippermettu l-għajnuna mill-Istat għat-tiġdid tal-flotta tas-sajd f’dawn ir-reġjuni, u li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tagħhom u jingħata appoġġ lis-sajjieda filwaqt li jiġi żgurat sajd sostenibbli;

L-għajnuna mill-Istat

37.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea fil-komunikazzjoni tagħha li tqis il-karatteristiċi speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi fir-reviżjoni tar-regolamenti u tal-linji gwida fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fis-setturi kollha, fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet fis-seħħ għal dawn ir-reġjuni fil-leġiżlazzjoni tal-UE b’rabta mal-għajnuna mill-Istat; jitlob li jkun hemm aktar flessibilità fl-iskemi li jirregolaw tali għajnuna;

38.

jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li jsaħħu u jippromovu l-konnettività tar-reġjuni ultraperiferiċi, b’mod partikolari fir-rigward tar-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ajruporti u l-linji tal-ajru u l-għajnuna għat-trasport marittimu, kif ukoll ir-reviżjoni li għaddejja attwalment tar-regolamenti dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali, qasam li fih għandha tiġi pprovduta kategorija addizzjonali ta’ għajnuna għall-investiment biex l-impriżi fir-reġjuni ultraperiferiċi jkunu jistgħu jikkonformaw mal-istandards ambjentali tal-UE;

39.

jitlob li jinħoloq forum bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna “b’impatt purament lokali”, fid-dawl tal-fatt li aktar minn 90 % tan-negozji li jinsabu fir-reġjuni ultraperiferiċi huma intrapriżi mikro u żgħar b’kapaċità finanzjarja baxxa u li l-għajnuna lil dawn ir-reġjuni ma tistax taffettwa l-kompetizzjoni fis-suq intern, peress li hija mmirata lejn attivitajiet purament lokali;

40.

jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li tiġi żgurata l-kontinwità tas-sistemi tat-taxxa kollha fir-reġjuni ultraperiferiċi, peress li kwalunkwe interruzzjoni tista’ tiddestabbilizza serjament l-ekonomiji u l-impjiegi f’dawn ir-reġjuni;

It-turiżmu

41.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol ewlieni li jaqdi s-settur tat-turiżmu fl-iżvilupp tar-reġjuni ultraperiferiċi, peress li huwa attività ekonomika trasversali li għandha impatt kbir fuq it-tkabbir ekonomiku, l-impjieg u l-iżvilupp reġjonali;

42.

ifakkar fl-impatt qawwi tal-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 fuq dan is-settur, li wassal għal reċessjoni bla preċedent fl-attività tiegħu;

43.

jenfasizza l-vulnerabbiltà ta’ dan is-settur, li huwa espost ħafna għall-esternalitajiet ġeopolitiċi, tas-saħħa u tal-klima u li jiddependi mill-konnessjonijiet bl-ajru u marittimi;

44.

jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi investimenti innovattivi, sostenibbli u reżiljenti sabiex jiġi appoġġjat l-iżvilupp sostenibbli ta’ dan is-settur strateġiku;

45.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tkompli tiżviluppa politika Ewropea dwar it-turiżmu li tinkludi l-ħolqien ta’ Aġenzija Ewropea għat-Turiżmu, li tappoġġja t-tranżizzjoni doppja tad-destinazzjonijiet turistiċi Ewropej, u li tippromovi u tħaffef il-pass tal-irkupru ta’ dan is-settur strateġiku għal dawn ir-reġjuni; jappoġġja t-twissija tal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi speċjali u r-restrizzjonijiet addizzjonali ta’ dawn ir-reġjuni fit-tiswir u l-valutazzjoni ta’ din il-politika, billi jiġi garantit finanzjament adegwat biex jiġu salvagwardati l-aċċessibbiltà u t-tranżizzjoni klimatika u diġitali tagħhom;

Dimensjoni esterna

46.

jirrikonoxxi li l-appartenenza tripla (Ewropea, nazzjonali u reġjonali) tar-reġjuni ultraperiferiċi tirrikjedi, minn naħa, li dawn igawdu aktar il-benefiċċji tas-suq intern u, min-naħa l-oħra, li jintegraw aħjar fil-viċinanzi tagħhom, billi jsaħħu r-relazzjonijiet tagħhom mal-pajjiżi terzi u l-imsieħba ġirien, filwaqt li dejjem iqisu l-preokkupazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tan-negozjati u l-ftehimiet kummerċjali;

47.

jenfasizza li ż-żoni ġeografiċi differenti li fihom jinsabu r-reġjuni ultraperiferiċi għandhom karatteristiċi, sfidi u opportunitajiet differenti, u li għalhekk huwa essenzjali li tinbena strateġija għal kull waħda minn dawn iż-żoni, ibbażata fuq dijanjożi minn qabel, sabiex jiġu identifikati l-isfidi komuni ewlenin u jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-kooperazzjoni iżjed fil-fond;

48.

jirrimarka li din il-valutazzjoni preliminari għandha tkun ibbażata fuq riflessjoni doppja, waħda dwar l-isfidi li qed tiffaċċja l-UE f’dawn iż-żoni, u t-tieni dwar l-impatt ta’ dawn l-isfidi fuq it-territorji Ewropej li jinsabu f’dawn iż-żoni, kif ukoll dwar ir-reazzjonijiet potenzjali tal-Unjoni fil-konfront tagħhom;

49.

jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn li ħadet il-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha li tidentifika l-opportunitajiet għall-kooperazzjoni reġjonali u l-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni ultraperiferiċi, li tidentifika l-oqsma ewlenin ta’ kooperazzjoni, li tiżviluppa opportunitajiet ta’ kooperazzjoni u li tappoġġja din il-kooperazzjoni, u li tippromovi l-iskambji bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi. Barra minn hekk, il-Kumitat jistieden lill-Istati Membri kkonċernati biex jippromovu l-kooperazzjoni f’dawn l-oqsma bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji barranin, kif ukoll ma’ pajjiżi terzi. Iħeġġeġ lill-Istati Membri l-oħra jippromovu l-kooperazzjoni u l-iskambji bejn ir-reġjuni tagħhom u r-reġjuni ultraperiferiċi;

50.

jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-rwol u l-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni ultraperiferiċi meta tirrevedi l-istrateġiji ġeografiċi u tinkludi r-reġjuni ultraperiferiċi fil-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni;

Konklużjonijiet

51.

jitlob l-adozzjoni urġenti ta’ soluzzjonijiet prammatiċi u rilevanti, bl-applikazzjoni konsistenti tal-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi evitat li jiġi kompromess l-għan ta’ rkupru ekonomiku, soċjali u sostenibbli;

52.

josserva li hemm bżonn li tissaħħaħ b’mod effettiv il-promozzjoni tal-kompetittività u l-valutazzjoni minn qabel tal-impatt tal-politiki tal-UE fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi, b’approċċi bbażati fuq il-post li jiggarantixxu l-protezzjoni tal-introjtu taċ-ċittadini tagħhom;

53.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tfassal, flimkien mar-reġjuni ultraperiferiċi u l-Istati Membri tagħhom, pjan direzzjonali operattiv bi skeda ta’ żmien.

Brussell, it-8 ta’ Frar 2023.

Vasco ALVES CORDEIRO

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  ĠU C 37, 2.2.2021, p. 57.

(2)  Rapport — Lejn sħubija aktar b’saħħitha mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE.

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2022/562 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 fir-rigward tal-Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) (ĠU L 109, 8.4.2022, p. 1).