5.8.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/45


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “L-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi multinazzjonali fl-Unjoni”

(2022/C 301/08)

Relatur ġenerali:

Federico BORGNA (IT/PSE)

Dokument ta’ referenza:

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi multinazzjonali fl-Unjoni

COM(2021) 823 final

I.   RAKKOMANDAZZJONIJIET SABIEX JITRESSQU EMENDI

Emenda 1

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Filwaqt li huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-prattiki tal-evitar tat-taxxa jiġu skoraġġuti, jenħtieġ li jiġu evitati impatti negattivi fuq MNEs iżgħar fis-suq intern. Għal dan il-għan, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss għal entitajiet li jinsabu fl-Unjoni li huma membri ta’ gruppi MNE jew ta’ gruppi domestiċi fuq skala kbira li jilħqu s-soll annwali ta’ mill-inqas EUR 750 000 000 ta’ dħul konsolidat. Dan is-soll ikun konsistenti mas-soll tar-regoli internazzjonali eżistenti dwar it-taxxa bħar-regoli ta’ rapport għal kull pajjiż. L-entitajiet fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jissejħu entitajiet kostitwenti. Jenħtieġ li ċerti entitajiet jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni fuq il-bażi tal-iskop u tal-istatus partikolari tagħhom. L-entitajiet esklużi jkunu dawk li ma jkunux xprunati mill-profitt u jwettqu attivitajiet fl-interess ġenerali u li, għal dawn ir-raġunijiet, x’aktarx ma jkunux soġġetti għat-taxxa fl-Istat Membru li fih ikunu jinsabu. Sabiex jiġu protetti dawk l-interessi speċifiċi, huwa neċessarju li entitajiet governattivi, organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u fondi ta’ pensjoni jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li anke l-fondi ta’ investiment u l-veikoli ta’ investiment immobiljari jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni meta jkunu fil-quċċata tal-katina tas-sjieda, peress li, għal dawk hekk imsejħin entitajiet passarella, l-introjtu miksub jiġi ntaxxat fil-livell tas-sidien.

Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-prattiki tal-evitar tat-taxxa jiġu skoraġġuti . Fl-istess ħin, jenħtieġ li jiġu evitati impatti negattivi fuq MNEs iżgħar fis-suq intern. Għal dan il-għan, jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika biss għal entitajiet li jinsabu fl-Unjoni li huma membri ta’ gruppi MNE jew ta’ gruppi domestiċi fuq skala kbira li jilħqu s-soll annwali ta’ mill-inqas EUR 750 000 000 ta’ dħul konsolidat. Dan is-soll ikun konsistenti mas-soll tar-regoli internazzjonali eżistenti dwar it-taxxa bħar-regoli ta’ rapport għal kull pajjiż. L-entitajiet fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jissejħu entitajiet kostitwenti. Jenħtieġ li ċerti entitajiet jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni fuq il-bażi tal-iskop u tal-istatus partikolari tagħhom. L-entitajiet esklużi jkunu dawk li ma jkunux xprunati mill-profitt u jwettqu attivitajiet fl-interess ġenerali u li, għal dawn ir-raġunijiet, x’aktarx ma jkunux soġġetti għat-taxxa fl-Istat Membru li fih ikunu jinsabu. Sabiex jiġu protetti dawk l-interessi speċifiċi, huwa neċessarju li entitajiet governattivi (inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet), organizzazzjonijiet internazzjonali u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u fondi ta’ pensjoni jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 2

Artikolu 2(3)(a)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(a)

entità governattiva, organizzazzjoni internazzjonali, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ , fond ta’ pensjoni, entità ta’ investiment li tkun entità omm apikali u veikolu ta’ investiment immobiljari li tkun entità omm apikali; jew

(a)

entità governattiva (inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet), organizzazzjoni internazzjonali, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ , fond ta’ pensjoni ;

Raġuni

Kjarifika. Evidenti.

Emenda 3

Artikolu 3(31)(d)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(d)

lil entità governattiva, lil organizzazzjoni internazzjonali, lil organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, lil fond ta’ pensjoni, lil entità ta’ investiment li ma hijiex parti mill-grupp MNE jew lil kumpanija tal-assigurazzjoni tal-ħajja sal-punt li d-dividend jiġi riċevut b’rabta mal-attivitajiet tal-fond ta’ pensjoni li jkun soġġett għat-taxxa bl-istess mod bħal fond ta’ pensjoni ;

(d)

lil entità governattiva (inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet) , lil organizzazzjoni internazzjonali, lil organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ , lil fond ta’ pensjoni ;

Raġuni

Kjarifika. Evidenti.

Emenda 4

Artikolu 11

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Applikazzjoni ta’ UTPR għall-grupp MNE kollu

Applikazzjoni ta’ UTPR għall-grupp MNE kollu

Meta l-entità omm apikali ta’ grupp MNE tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li ma tapplikax regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet kostitwenti tagħha li jinsabu fl-Unjoni jkunu soġġetti, fl-Istat Membru li fih ikunu jinsabu, għal taxxa kumplimentari għas-sena fiskali (“taxxa kumplimentari tal-UTPR”) għall-ammont allokat lil dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 13.

L-entitajiet kostitwenti li huma entitajiet ta’ investiment u fondi ta’ pensjoni ma għandhomx ikunu soġġetti għat-taxxa kumplimentari tal-UTPR.

Meta l-entità omm apikali ta’ grupp MNE tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni ta’ pajjiż terz li ma tapplikax regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet kostitwenti tagħha li jinsabu fl-Unjoni jkunu soġġetti, fl-Istat Membru li fih ikunu jinsabu, għal taxxa kumplimentari għas-sena fiskali (“taxxa kumplimentari tal-UTPR”) għall-ammont allokat lil dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 13. Il-fondi ta’ pensjoni ma għandhomx ikunu soġġetti għat-taxxa kumplementari tal-UTPR.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 5

Artikolu 12

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

Applikazzjoni ta’ UTPR fil-ġuriżdizzjoni tal-UPE

Applikazzjoni ta’ UTPR fil-ġuriżdizzjoni tal-UPE

Meta l-entità omm apikali ta’ grupp MNE tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni b’taxxa baxxa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet kostitwenti tagħhom li jinsabu fi Stat Membru jkunu soġġetti għal taxxa kumplimentari tal-UTPR għas-sena fiskali u għall-ammont allokat lil dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 13 fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tal-entità omm apikali, irrispettivament minn jekk dik il-ġuriżdizzjoni tapplikax regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu.

L-entitajiet kostitwenti li huma entitajiet ta’ investiment u fondi ta’ pensjoni ma għandhomx ikunu soġġetti għat-taxxa kumplimentari tal-UTPR.

Meta l-entità omm apikali ta’ grupp MNE tkun tinsab f’ġuriżdizzjoni b’taxxa baxxa, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-entitajiet kostitwenti tagħhom li jinsabu fi Stat Membru jkunu soġġetti għal taxxa kumplimentari tal-UTPR għas-sena fiskali u għall-ammont allokat lil dak l-Istat Membru f’konformità mal-Artikolu 13 fir-rigward tal-entitajiet kostitwenti b’taxxa baxxa li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni tal-entità omm apikali, irrispettivament minn jekk dik il-ġuriżdizzjoni tapplikax regola kwalifikata dwar l-inklużjoni tal-introjtu. Il-fondi ta’ pensjoni ma għandhomx ikunu soġġetti għat-taxxa kumplementari tal-UTPR.

Raġuni

Evidenti.

Emenda 6

Artikolu 36(2)(b)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(b)

entità governattiva, organizzazzjoni internazzjonali, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ jew fond ta’ pensjoni minbarra entità tas-servizzi tal-pensjonijiet li hija resident tat-taxxa fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab l-entità omm apikali u jkollha interessi proprjetarji li jirrappreżentaw dritt għal 5 % jew anqas tal-profitti u tal-assi tal-entità omm apikali .

(b)

entità governattiva (inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet) , organizzazzjoni internazzjonali, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ jew fond ta’ pensjoni .

Raġuni

Kjarifika. Evidenti.

Emenda 7

Artikolu 37(3)(c)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

(c)

entità governattiva, organizzazzjoni internazzjonali, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ jew fond ta’ pensjoni minbarra entità tas-servizzi tal-pensjonijiet li hija resident tat-taxxa fil-ġuriżdizzjoni fejn tinsab l-entità omm apikali u li jkollha interessi proprjetarji li jirrappreżentaw dritt għal 5 % jew anqas tal-profitti u tal-assi tal-entità omm apikali .

(c)

entità governattiva (inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-assoċjazzjonijiet ta’ dawn l-awtoritajiet) , organizzazzjoni internazzjonali, organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ jew fond ta’ pensjoni .

Raġuni

Kjarifika. Evidenti.

Emenda 8

Artikolu 53a (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni Ewropea

Emenda tal-KtR

 

Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni Ewropea għandha twettaq rieżami tar-riżultati ta’ din id-Direttiva u tista’ tipproponi emenda għal din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-adattament tad-definizzjonijiet relatati mal-limitu tal-fatturat u r-rata minima tat-taxxa, b’konformità mal-iżviluppi fil-livell internazzjonali.

Raġuni

Fin-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt mill-Kummissjoni Ewropea meta tkun qed tabbozza din id-Direttiva, huwa saħansitra aktar importanti li hija twettaq rieżami biex jiġu analizzati r-riżultati u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tagħha.

II.   RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

Kummenti ġenerali

1.

jilqa’ l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar l-iżgurar ta’ livell minimu globali ta’ tassazzjoni għal gruppi multinazzjonali fl-Unjoni (1);

2.

itenni li l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jinkludi l-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa mibni fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, intiża li twassal għal livell massimu ta’ impjieg u progress soċjali, u li l-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Kunsill, li jaġixxi unanimament, għandu jkollu l-għan li jiġu żgurati l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern u jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni;

3.

iqis li l-ħidma mwettqa s’issa mill-OECD fl-iżvilupp ta’ miżuri għall-ġlieda kontra l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt barra mill-UE jista’ jkollha wkoll impatt ta’ benefiċċju sinifikanti anke għar-realtajiet lokali u reġjonali, mhux biss f’termini ta’ dħul ogħla mit-taxxa disponibbli għall-Istati Membri, iżda wkoll biex jiġu żgurati ġustizzja u kompetittività akbar għall-SMEs, li, fil-livell nazzjonali u lokali, bħalissa qed jiffaċċjaw inqas kundizzjonijiet tat-taxxa favorevoli u riperkussjonijiet ta’ benefiċċju għall-impjiegi u l-ħaddiema;

4.

huwa konvint li l-adozzjoni ta’ proposta għal livell minimu ta’ tassazzjoni tkun l-ewwel pass biex tinħoloq sistema ta’ tassazzjoni unika fi ħdan l-UE, li hija meħtieġa aktar minn qatt qabel fil-proċess lejn kompetizzjoni adatta fost il-kumpaniji fis-suq intern Ewropew, biex tiżdied il-kompetittività tal-Ewropa, u biex tiġi evitata r-rilokazzjoni jew għeluq arbitrarju ta’ ċentri ta’ produzzjoni, b’riperkussjonijiet serji għall-ħaddiema, imġiegħla jfittxu impjieg ġdid jew jevitaw vjaġġi kbar sabiex ma jitilfux l-impjieg tagħhom;

5.

iqis li huwa assolutament essenzjali li r-regoli ma jżidux il-burokrazija għan-negozji, u minħabba f’hekk iżommu lura l-iżvilupp tagħhom, b’mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka u l-innovazzjoni u n-newtralità klimatika, li huma aktar u aktar essenzjali biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni diġitali u ekoloġika meħtieġa;

Armonizzazzjoni perfetta tal-istandards fl-UE

6.

jittama li l-applikazzjoni tad-Direttiva titwettaq b’mod komprensiv u konsistenti fost l-Istati Membri tal-UE, iżda wkoll b’konformità sħiħa mal-Ftehim tal-OECD: in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni bejn ir-regoli minimi tat-tassazzjoni fi ħdan l-UE jew bejn l-UE u l-pajjiżi terzi jista’ jwassal għal tilwim potenzjali dwar tassazzjoni doppja, b’effett negattiv dirett fuq għadd kbir ta’ intrapriżi ewlenin fuq livell dinji u riperkussjonijiet potenzjali fuq il-fornituri tagħhom (li spiss huma SMEs), f’termini ta’ dħul mit-taxxa mnaqqas, kummerċ u investimenti;

7.

iqis li huwa essenzjali li l-kummenti tal-OECD u d-dettalji tekniċi ulterjuri dwar l-istandards mudell jiġu inklużi fid-Direttiva tal-UE b’mod komprensiv u ma jkunux soġġetti għal traspożizzjoni mgħaġġla, mingħajr ma jiġu esklużi miżuri potenzjali skattati mir-regolamentazzjoni;

8.

jenfasizza l-importanza, fl-abbozzar finali tad-Direttiva u fl-applikazzjoni sussegwenti tagħha, ta’ terminoloġija kondiviża u mhux ambigwa: uħud mid-definizzjonijiet il-ġodda użati fid-Direttiva jistgħu ma jkunux kompletament allinjati mad-definizzjonijiet diġà stabbiliti fil-liġi internazzjonali dwar it-taxxa: sabiex tiġi żgurata ċertezza legali akbar, se jkun kruċjali li t-traduzzjonijiet tad-Direttiva tal-UE jiġu kontroverifikati sabiex jintlaħaq allinjament preċiż mal-kunċetti tal-liġi dwar it-taxxa tal-pajjiżi individwali;

9.

jitlob, fir-rigward tal-gruppi nazzjonali kbar, li jsir kull sforz biex jiġi żgurat li t-taxxa minima l-ġdida tikkonforma mal-liġi tal-UE, sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali, u jħeġġeġ bil-qawwa l-istabbiliment, fejn possibbli, ta’ miżuri ta’ semplifikazzjoni għal dawn il-gruppi purament nazzjonali. Bħalissa, mhuwiex ċar kemm jeżistu gruppi kbar purament nazzjonali fl-UE u xi tkun l-ispiża fiskali u amministrattiva ta’ miżura bħal din.

Interazzjoni u kundizzjonijiet ekwivalenti ma’ pajjiżi terzi

10.

jittama li, meta tittrasponi t-taxxa minima tal-OECD f’liġi, l-UE timpenja ruħha b’mod kostanti mal-imsieħba globali tagħha u tasserixxi l-linji gwida politiċi tagħha, sabiex jiġi evitat li l-kumpaniji Ewropej jiffaċċjaw standards aktar stretti mill-kompetituri diretti tagħhom, li jwassal biex l-UE tkun ambjent intraprenditorjali inqas miftuħ, bi tkabbir ekonomiku aktar baxx, inqas impjiegi, kapaċitajiet u riżorsi limitati biex jirrispondu għall-isfidi tal-innovazzjoni. B’mod partikolari, iqis li n-nuqqas ta’ parteċipazzjoni tal-Istati Uniti fl-ewwel pilastru jista’ jdgħajjef l-iskop u l-bilanċ tal-Ftehim tal-OECD b’mod ġenerali;

11.

jistieden lill-UE tissorvelja mill-qrib kif l-introduzzjoni tas-sistema tat-tieni pilastru taffettwa l-imġiba tal-investituri u l-kumpaniji, biex tifhem kif ir-regoli l-ġodda se jaffettwaw l-investiment, l-impjiegi, it-tkabbir, il-kummerċ jew l-impatt fiskali. Dan il-monitoraġġ huwa essenzjali biex jiġu evitati riperkussjonijiet negattivi fuq il-ħaddiema (fil-forma ta’ pagi aktar baxxi), il-konsumaturi (permezz ta’ prezzijiet ogħla) jew l-azzjonisti (permezz ta’ dividendi aktar baxxi). Peress li huwa essenzjali li l-imsieħba kummerċjali ewlenin kollha tal-UE japplikaw it-taxxa minima, huwa essenzjali li l-pajjiżi terzi jikkonformaw mar-regoli internazzjonali, sabiex jiġi evitat li l-kumpaniji tal-UE jiġu soġġetti għal reġim aktar strett minn oħrajn u jitħallew esposti għal sistema globali mhux koordinata;

12.

jenfasizza li r-Regola dwar il-Pagamenti Sottointaxxati (UTPR) tista’ sa ċertu punt tillimita l-kundizzjonijiet mhux ekwivalenti bejn il-kumpaniji, iżda dan ma jsolvix kompletament is-sitwazzjoni, b’mod partikolari minħabba li r-regola hija kumplessa ħafna biex tiġi applikata fil-prattika u tista’ tagħmel lill-UE inqas attraenti, pereżempju għal attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp jew investimenti fit-tranżizzjoni tal-enerġija u l-klima;

13.

iqis li huwa essenzjali li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja tal-kumpaniji tal-UE, pereżempju minħabba n-nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-BEPS (Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti) jew l-IIR (Regola ta’ Inklużjoni tal-Introjtu) Ewropej u l-BEAT jew il-GILTI tal-Istati Uniti.

Armonizzazzjoni ma’ inċentivi u regoli oħra tal-UE dwar it-taxxa

14.

jissuġġerixxi li, bħala parti mit-tnaqqis sostanzjali fit-tassazzjoni tal-profitti korporattivi fil-livell Ewropew (li naqas bin-nofs matul l-aħħar 25 sena), għandha ssir evalwazzjoni dwar il-bosta miżuri li ttieħdu matul l-aħħar għaxar snin kontra l-evitar u dwar l-effiċjenza, l-effikaċja, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE tagħhom f’termini ta’ dħul mit-taxxa (inkluż kif l-Istati Membri implimentaw din il-leġiżlazzjoni fil-ħidma ta’ awditjar tagħhom);

15.

jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta jekk il-mekkaniżmu tal-UE tal-2017 għas-soluzzjoni tat-tilwim jistax jintuża għat-tieni pilastru jew jekk humiex meħtieġa bidliet;

16.

jemmen li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri għandhom jaġġornaw u jfasslu mill-ġdid is-sistemi tat-taxxa tagħhom biex jiżguraw li xorta jkunu jistgħu jinkoraġġixxu l-innovazzjoni (ekoloġika), it-tkabbir u l-impjiegi. Il-pajjiżi fasslu u implimentaw għadd ta’ taxxi u inċentivi nazzjonali f’dawn l-aħħar deċennji biex jistimolaw l-impjiegi u l-innovazzjoni fl-ekonomiji lokali. L-aktar fenomenu reċenti u importanti huwa ż-żieda fl-inċentivi tat-taxxa mfassla speċifikament biex jinkoraġġixxu l-protezzjoni tal-klima, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u r-riċerka u l-iżvilupp skont il-Patt Ekoloġiku tal-UE: uħud mill-inċentivi fiskali attwalment użati fl-Istati Membri mhux se jibqgħu possibbli jew se jkunu inqas attraenti mil-lat tal-investiment wara l-introduzzjoni tad-Direttiva. Għalhekk, ikun jaqbel li l-Kummissjoni tħejji gwida biex tiċċara kif għandhom jitfasslu inċentivi fiskali futuri b’konformità mar-rekwiżiti tat-tieni pilastru (eż. inċentivi li joffru ħelsien mit-taxxi fuq is-salarji jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tar-riċerkaturi, jew skemi ta’ deprezzament aċċellerat biex jinkoraġġixxu l-investiment);

17.

iqis li huwa essenzjali li l-pajjiżi tal-UE xorta waħda jipprovdu inċentivi fiskali biex jattiraw investiment barrani, dment li jistimolaw l-attività tal-ekonomija reali billi jimpjegaw aktar impjegati, iħallsu aktar ħaddiema jew jinvestu f’assi tanġibbli: l-intrapriżi multinazzjonali (MNE) jiddependu wkoll mill-SMEs lokali għall-inputs fil-ktajjen tal-valur tagħhom u l-preżenza tagħhom tista’ twassal għal aktar effetti sekondarji pożittivi għall-ambjent tan-negozju lokali;

18.

jappoġġja t-talba tal-komunità tan-negozju għall-introduzzjoni ta’ fażi ta’ ttestjar fl-applikazzjoni tal-penali previsti, pereżempju għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni, sabiex il-kumpaniji kollha jingħataw żmien biex jitgħallmu r-regoli l-ġodda, u b’hekk il-penali applikati għal entitajiet mhux konformi jkunu proporzjonati u jeskludu lil dawk li n-nuqqas ta’ konformità tagħhom huwa dovut għal adattament tardiv tal-proċeduri u mhux għal intenzjoni speċifika ta’ kondotta ħażina volontarja;

19.

jissuġġerixxi, fir-rigward tar-rekwiżiti ta’ depożitu, li l-informazzjoni relatata man-negozju għandha tiġi żvelata biss permezz ta’ skambju uffiċjali ta’ informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, b’kunfidenzjalità stretta u skont kundizzjonijiet ta’ użu adatti, sabiex tiġi evitata divulgazzjoni mhux ikkontrollata ta’ informazzjoni sensittiva, mingħajr, madankollu, ma jitnaqqsu r-rekwiżiti ta’ trasparenza, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-OECD dwar Approċċi Komuni għal Krediti ta’ Esportazzjoni Appoġġjati Uffiċjalment u d-Diliġenza Dovuta Ambjentali u Soċjali;

20.

jitlob li jiġu introdotti semplifikazzjonijiet amministrattivi biex jillimitaw l-ispejjeż tal-adattament għar-regoli l-ġodda, kemm għan-negozji kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa: għandu jsir kull sforz biex il-piż amministrattiv jinżamm baxx kemm jista’ jkun. Leġiżlazzjoni li ma tkunx kumplessa żżejjed tista’ tagħmilha aktar faċli għan-negozji biex jitgħallmu r-regoli l-ġodda, minbarra li tqassar il-perjodu ta’ tranżizzjoni meħtieġ, u tagħmilha aktar faċli għall-awtoritajiet tat-taxxa biex jivverifikaw l-applikazzjoni effettiva tar-regoli l-ġodda.

Brussell, it-28 ta’ April 2022.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  COM(2021) 823 final.