2.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 79/12


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-estensjoni tal-lista ta’ reati fl-UE għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda

(2023/C 79/03)

Relatur:

Aleksandra DULKIEWICZ (PL/PPE), Sindku ta’ Gdańsk

Dokument ta’ referenza:

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Ewropa aktar inklużiva u protettiva: l-estensjoni tal-lista ta’ reati fl-UE għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda

COM(2021) 777 final

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

1.

jinnota li l-mod kif id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda huma kriminalizzati fil-livell tal-UE bħalissa huwa stabbilit mid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill tal-2008 dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija (Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI (1)). Il-katalogu tar-reati ta’ mibegħda koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE kollha huwa limitat għal raġunijiet relatati mar-razza, il-kulur tal-ġilda, ir-reliġjon u l-oriġini nazzjonali jew etnika;

2.

jinnota li l-kriminalizzazzjoni ta’ forom oħra ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda, b’mod partikolari abbażi tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u d-diżabbiltà, tvarja minn Stat Membru għal ieħor. Peress li bħalissa ma hemm l-ebda bażi tat-Trattat għal rispons komuni tal-liġi kriminali madwar l-Ewropa kollha biex jiġu indirizzati l-forom kollha ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda, il-KtR jistieden lill-Kunsill biex jestendi malajr il-lista ta’ reati tal-UE skont l-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) billi jistabbilixxi standards minimi komuni għad-dispożizzjonijiet kriminali nazzjonali rilevanti, b’rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà;

3.

jilqa’ bi pjaċir f’dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar iż-żieda tad-diskors ta’ mibegħda u ta’ reati ta’ mibegħda mal-oqsma ta’ reati stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-TFUE, annessa mal-Komunikazzjoni ta’ Diċembru 2021 dwar Ewropa aktar inklużiva u protettiva: l-estensjoni tal-lista ta’ reati fl-UE għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda;

4.

jirrimarka li d-diskors ta’ mibegħda, ir-reati ta’ mibegħda, l-aħbarijiet foloz, id-diżinformazzjoni u t-teoriji ta’ komplott huma fenomeni li jeħtieġ jiġu indirizzati permezz ta’ azzjoni deċiżiva. Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda hija wkoll ġlieda kontra l-preġudizzju, ir-razziżmu, ix-xoviniżmu, l-omofobija u l-antisemitiżmu. Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jaffettwaw mhux biss lill-vittmi individwali, li jikkawżalhom tbatija u jillimitawlhom bil-kbir id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħhom, iżda wkoll lis-soċjetà inġenerali;

5.

jinsab imħasseb dwar l-iskala enormi ta’ dan il-fenomenu u l-indifferenza partikolari lejh, li joħloq il-periklu tan-normalizzazzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda, u anke li huwa preżenza kostanti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum;

Rakkomandazzjonijiet ta’ politika

6.

jikkundanna sitwazzjonijiet fejn id-diskors ta’ mibegħda sar parti mil-lingwa tat-tilwim politiku u jinsab imħasseb dwar fehmiet estremi u l-brutalità tal-lingwaġġ li qed issir integrata fid-dibattitu pubbliku. Hemm il-periklu li l-lingwaġġ aggressiv tat-tilwim politiku użat mill-populisti jgħin biex tinħoloq klima fejn jistgħu jiżviluppaw ir-radikaliżmu, l-aħbarijiet foloz u d-diżinformazzjoni, li jistgħu jwasslu għal reati ta’ mibegħda;

7.

jinsab konxju li d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda jaffettwaw lill-gruppi ta’ etajiet kollha, fejn l-unika differenza hija l-ambjent li fih jitgħallmu dan it-tip ta’ diskors; jappella sabiex tingħata attenzjoni speċjali liż-żgħażagħ li, minn naħa waħda, huma partikolarment vulnerabbli għad-diskors ta’ mibegħda kemm online kif ukoll wiċċ imb’wiċċ u l-inċitament biex iwettqu reati ta’ mibegħda, u min-naħa l-oħra jistgħu jkunu wkoll alleati b’saħħithom fil-ġlieda kontra dan it-tip ta’ reati; jinnota li għalkemm l-aktar miri frekwenti tad-diskors ta’ mibegħda huma r-refuġjati, il-persuni li mhumiex eteronormattivi u l-minoranzi nazzjonali u reliġjużi, f’dawn l-aħħar snin il-proporzjon ta’ persuni li qed jiffaċċjaw diskors ta’ mibegħda fil-midja, fil-midja soċjali u fis-sitwazzjonijiet ta’ kuljum żdied drastikament;

8.

jinnota li l-vjolenza verbali u fiżika xprunata mill-mibegħda mhijiex biss tħassib għall-komunitajiet minoritarji. F’dan il-kuntest, persuni li jirrappreżentaw awtorità – persuni li għandhom mandat elettorali jew li jeżerċitaw responsabbiltajiet pubbliċi, u l-istituzzjonijiet – qed jisfaw dejjem aktar ta’ spiss vittmi ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda. Il-politiċi lokali u reġjonali jintlaqtu partikolarment ħażin, pereżempju meta jiddefendu d-drittijiet tar-refuġjati, tal-migranti jew tal-persuni LGBTIQ+, kif ukoll aktar reċentement, fid-dawl tal-ġlieda kontra t-theddid globali bħall-invażjoni Russa tal-Ukrajna jew il-pandemija tal-COVID-19;

9.

jemmen li l-politiċi u l-awtoritajiet pubbliċi għandhom il-kapaċità li jinfluwenzaw l-opinjoni u d-diskors pubbliċi, u għalhekk jistieden lill-mexxejja politiċi fil-livelli kollha biex joqogħdu lura milli jużaw lingwaġġ li jista’ jwassal għal diskors ta’ mibegħda jew reati ta’ mibegħda kontra gruppi speċifiċi;

10.

jinsab imħasseb dwar il-fatt li pajjiżi terzi konxjament jużaw diskors ta’ mibegħda biex iwettqu kampanji organizzati li jistgħu jinfluwenzaw il-polarizzazzjoni u jibnu diviżjonijiet fi ħdan l-UE. Id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda għandhom rwol fit-tħeġġiġ tal-kunflitti armati. M’għadhomx fenomenu lokali iżda qed isiru theddida fuq skala globali. Eżempju bħal dan ta’ diskors ta’ mibegħda huwa l-messaġġ attwali tal-amministrazzjoni tal-President Putin dwar ir-raġunijiet għall-aggressjoni kontra l-Ukrajna u l-iskala ta’ vjolenza u reati ta’ mibegħda mwettqa matul din il-gwerra;

11.

jiġbed l-attenzjoni għad-dimensjoni globali tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda li parzjalment huma riżultat tal-faċilità tat-tixrid tal-ideat permezz ta’ diversi mezzi diġitali. Għalhekk, għandu jkun hemm dimensjoni transfruntiera biex dawn jiġu pproċessati b’mod effettiv. Il-Kumitat jaqbel bis-sħiħ f’dan ir-rigward mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-gravità ta’ dawn ir-reati, flimkien man-natura transfruntiera tagħhom, tista’ tiġi indirizzata biss permezz ta’ azzjoni komuni fil-livell tal-UE, li tissarraf f’rispons komuni tal-ġustizzja kriminali tal-Unjoni u kooperazzjoni ġudizzjarja msaħħa bejn l-Istati Membri. Azzjoni bħal din ma tmurx kontra l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità;

12.

jenfasizza l-effetti sekondarji li d-diskors ta’ mibegħda li jinxtered online jista’ jkollu fuq il-komunitajiet lokali u, b’riżultat ta’ dan, fuq id-diviżjonijiet bejn in-nies u t-tfixkil tal-proċess tal-koeżjoni soċjali; jemmen li l-konsegwenzi tar-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda jinħassu l-aktar fost il-komunitajiet lokali;

13.

jinsab imħasseb li r-reati bbażati fuq il-mibegħda jxerrdu l-biża’ u l-istigmatizzazzjoni b’impatt distruttiv akbar li jmur lil hinn mill-konfini ta’ belt jew reġjun speċifiċi u li għandhom il-potenzjal li jeskalaw f’kunflitti akbar;

14.

jenfasizza r-responsabbiltà kbira tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fil-ġlieda attiva kontra r-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda u l-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u l-esklużjoni, inkluża l-vjolenza għal raġunijiet politiċi u ideoloġiċi; jinnota li n-nuqqas ta’ azzjoni u n-nuqqas li dawn jittieħdu bis-serjetà jistgħu jwasslu għal eskalazzjoni u aggravar tas-sitwazzjoni;

15.

jenfasizza li s-sindki u mexxejja reġjonali u lokali oħra jinsabu f’pożizzjoni kruċjali u jista’ jkollhom rwol ewlieni fl-identifikazzjoni ta’ sinjali bikrija ta’ inċidenti bħal dawn fil-komunitajiet tagħhom; jappella għal rakkomandazzjonijiet speċjalizzati għall-awtoritajiet reġjonali u lokali dwar kif dan il-fenomenu jista’ jiġi evitat b’mod effettiv fi ħdan il-komunitajiet lokali; jemmen ukoll li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jitħeġġu jieħdu azzjoni preventiva fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi lokali tagħhom; jappella għal kooperazzjoni armonjuża mal-korpi tal-infurzar tal-liġi, li huma mistennija jiġġieldu b’mod konsistenti u effettiv kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda;

16.

jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda fis-servizzi diġitali sabiex il-midja soċjali ma tikkontribwixxix għat-tixrid u l-amplifikazzjoni tal-impatt kemm tad-diskors ta’ mibegħda kif ukoll tar-reati. Ir-regoli attwali mhumiex biżżejjed biex jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi tal-internet jikkontribwixxu għall-ġlieda u l-prevenzjoni b’mod effettiv tad-diskors ta’ mibegħda fis-servizzi li jipprovdu. Ir-riċerka (2) turi li l-fornituri u l-pjattaformi tas-servizzi diġitali spiss ma jinfurzawx jew ma jkollhomx il-kapaċità li jinfurzaw il-linji gwida tal-komunità tagħhom stess;

17.

jinnota li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, li bħalissa jinsab fil-fażi leġiżlattiva, huwa opportunità biex jiġu stabbiliti standards minimi f’termini ta’ trasparenza dwar ir-riżorsi li l-pjattaformi jeħtiġilhom jimmobilizzaw biex jiżguraw l-implimentazzjoni kemm tal-oqsfa legali dwar id-diżinformazzjoni kif ukoll tal-linji gwida tal-komunità tagħhom stess. Dan l-att legali jista’ jipprovdi inċentiv biex tittejjeb ir-relazzjoni bejn il-fornituri tas-servizzi intermedjarji, il-pubbliku u l-Istat. Il-potenzjal soċjoekonomiku tal-pjattaformi l-kbar jeħtieġ sforz ikkoordinat fil-livell pan-Ewropew u l-użu tas-saħħa tas-suq uniku Ewropew bħala argument;

18.

jitlob li l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jiġi adottat fil-livell tal-UE u implimentat fl-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jimpenjaw ruħhom f’aktar ħidma u promozzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali fl-UE. L-Att dwar is-Servizzi Diġitali għandu jiġi promoss bħala liġi tal-UE li ma tikkompetix ma’ regolamenti separati u indipendenti dwar is-servizzi diġitali jew il-libertà tal-espressjoni online, li jiġu adottati mill-Istati Membri individwali;

19.

jiġbed l-attenzjoni għar-rwol tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi fil-proċess tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-prosekuzzjoni; jittama li l-estensjoni tal-katalogu tar-reati fl-UE kollha biex jiġu inklużi r-reati ta’ mibegħda tikkontribwixxi għal rispons konsistenti għalihom u tingħata importanza lill-prosekuzzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda f’kull stadju tal-proċedimenti (il-pulizija, is-servizz tal-prosekuzzjoni, il-qrati); jirrimarka r-rwol tal-qrati indipendenti f’dan il-proċess li, billi jibnu l-ġurisprudenza tagħhom, jistabbilixxu l-limiti ta’ dak li huwa permissibbli u dak li jaqa’ fil-limiti tal-eżerċizzju tal-libertà tal-espressjoni u dak li jikkostitwixxi diskors ta’ mibegħda; jirrakkomanda li l-istandards dwar kif għandha tiġi indirizzata din il-problema jkunu l-istess fl-Unjoni Ewropea kollha;

20.

jappella sabiex jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ mudell fejn id-diskors ta’ mibegħda jiġi mħarrek permezz ta’ akkuża pubblika u mhux permezz ta’ proċeduri privati jew ta’ kwerela. Huwa fl-interess pubbliku li dan il-fenomenu jitrażżan u l-awturi għandhom ikunu konxji li inevitabbilment se jiffaċċjaw proċeduri kriminali. Jeħtieġ ukoll li jingħeleb l-ostaklu tal-anonimità tal-persuni li jwettqu reati ta’ mibegħda, li, fir-rigward ta’ dawn ir-reati, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jeħtieġ li jieħdu azzjoni u l-fornituri tas-servizz tal-internet jeħtiġilhom ikunu lesti li jikkooperaw;

21.

jenfasizza li l-progress fil-qasam tal-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-korpi tal-infurzar tal-liġi li jiġġieldu b’mod effettiv ir-reati ta’ mibegħda u d-diskors ta’ mibegħda, jiddependi ħafna fuq il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet reġjonali u lokali;

22.

jirrimarka li l-ostaklu ewlieni li jimpedixxi lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi milli jieħdu azzjoni b’mod effettiv huwa li r-reati ta’ mibegħda ma jiġux irrappurtati; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-uffiċjali tal-gvern lokali għandhom jieħdu vantaġġ mill-prossimità tagħhom mal-popolazzjoni u jippromovu politiki biex titqajjem kuxjenza dwar il-problema (inkluż fost l-impjegati taċ-ċivil) u biex il-vittmi jitħeġġu jirrappurtaw diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda;

23.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikollhom rwol fit-tneħħija tal-ostakli għar-rappurtar ta’ reati ta’ mibegħda, pereżempju billi jissensibilizzaw dwar id-drittijiet tal-vittmi, jipprovdu informazzjoni legali dwar kif għandhom jiġu rrappurtati l-każijiet, jiżguraw lill-migranti li huma jistgħu jagħmlu rapport irrispettivament mill-istatus legali tagħhom, u jippromovu rappurtar anonimu permezz ta’ partijiet terzi. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jippromovu wkoll prattiki tajbin u kooperazzjoni f’isem il-vittmi bl-involviment tal-pulizija, il-korpi lokali għall-ugwaljanza u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-NGOs soċjali u servizzi oħra ta’ appoġġ għall-vittmi;

24.

jikkonkludi li anke l-aħjar soluzzjonijiet legali mhux se jgħinu jekk l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi ma jinfurzawhomx billi jħarrku l-awturi tar-reati. Bl-istess mod, il-possibbiltà għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jirreaġixxu se tkun limitata jekk il-fornituri tas-servizzi tal-internet (li jipprovdu servizzi b’mezzi elettroniċi) ma jikkondividux id-data ta’ persuni li jwettqu reati ta’ mibegħda u b’hekk jiksru b’mod ċar il-liġi;

25.

huwa tal-fehma li, f’termini ta’ korpi tal-infurzar tal-liġi, peress li d-diskors ta’ mibegħda spiss ikun marbut mal-lingwaġġ tad-dibattitu pubbliku u politiku, huwa aktar u aktar importanti li dawn il-korpi (u b’mod partikolari l-uffiċċju tal-prosekutur) jibqgħu indipendenti u li dan il-fenomenu jittieħed bis-serjetà. Irrispettivament mid-differenzi nazzjonali eżistenti fir-regolamentazzjoni, il-ġlieda kontra u l-prevenzjoni tad-diskors ta' mibegħda, u l-protezzjoni għal raġunijiet speċifiċi, huwa importanti ħafna li tiġi żgurata l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet. Dan ifisser, l-ewwel nett, qrati indipendenti, u t-tieni, uffiċċju tal-prosekutur li jkun ħieles minn pressjoni u li jkun jista’ jieħu deċiżjonijiet indipendenti rigward il-prosekuzzjoni ta’ dan it-tip ta’ reat permezz ta’ akkuża pubblika;

26.

jinnota li f’diversi Stati Membri tal-UE, il-mandat tal-korpi tal-ugwaljanza jkopri wkoll id-diskors ta’ mibegħda (3), u għalhekk, għandhom rwol importanti x’jaqdu f’dan il-proċess. Il-Kumitat jappoġġja f’dan ir-rigward ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri biex tgħinhom itejbu l-indipendenza u l-effettività tal-korpi tal-ugwaljanza (4), u jistenna b’interess il-proposta leġiżlattiva mħabbra dwar it-tisħiħ ulterjuri tar-rwol u l-indipendenza tagħhom;

27.

jirrimarka l-ħtieġa ta’ kooperazzjoni mal-NGOs li jappoġġjaw il-bini ta’ sensibilizzazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u l-atti ta’ vjolenza bbażati fuq il-mibegħda. L-esperjenza miksuba minn dawn il-partijiet ikkonċernati ewlenin, fosthom l-awtoritajiet lokali, għandha tintuża fil-ġlieda kontra l-mibegħda u l-prevenzjoni tagħha;

28.

l-iskejjel kollha għandhom jimplimentaw programmi edukattivi kontra d-diskriminazzjoni u ħiliet biex persuna tgħix u tkun parti minn soċjetà multikulturali li hija diversa f’termini ta’ nazzjonalità, razza, ideoloġija u fidi. L-attivitajiet biex jiġi miġġieled id-diskors ta’ mibegħda għandhom ikunu element ewlieni ta’ din l-edukazzjoni;

29.

jipproponi li d-diskors ta’ mibegħda jiġi inkluż fil-kurrikulu tal-edukazzjoni ġenerali u jħeġġeġ lir-reġjuni li għandhom kompetenzi f’dan il-qasam biex jieħdu azzjoni għal dan il-għan;

30.

jenfasizza li ċ-ċittadini Ewropej tal-lum jeħtiġilhom ikunu edukati u mgħammra bil-ħiliet interpersonali biex ma jaqbżux il-linja f’termini ta’ dak li huwa meqjus bħala libertà tal-kelma jew libertà tal-espressjoni kemm online kif ukoll fi spazji pubbliċi;

31.

iħeġġeġ sabiex ikun hemm kampanji pubbliċi b’firxa wiesgħa, inklużi dawk madwar l-UE kollha, biex jippromovu l-ugwaljanza u jipprevjenu d-diskriminazzjoni, pereżempju fil-forma ta’ segwitu għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;

32.

jappella sabiex jingħata appoġġ lill-organizzazzjonijiet lokali u reġjonali u lill-imsieħba soċjali li jaħdmu fl-istess oqsma li jindirizzaw il-ġlieda kontra l-mibegħda verbali u fiżika permezz tal-edukazzjoni multikulturali; jirrimarka li nistgħu nsibu eżempju pożittiv ta’ dan fl-idea li nebbħet il-Premju Paweł Adamowicz iffinanzjat mill-Kumitat tar-Reġjuni, ICORN u l-Belt ta’ Gdansk.

Konklużjonijiet

33.

iqis lill-UE bħala garanti f’termini ta’ tfassil u applikazzjoni ta’ liġijiet biex jiġu miġġielda l-manifestazzjonijiet pubbliċi ta’ mibegħda;

34.

jirrikonoxxi li l-effetti tad-diskors ta’ mibegħda u tar-reati ta’ mibegħda għandhom dimensjoni transfruntiera, u għalhekk hemm bżonn li dawn jiġu indirizzati permezz ta’ azzjoni komuni fil-livell tal-UE. Jappella għalhekk sabiex jiġu indirizzati b’mod effettiv id-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda għal raġunijiet oħra lil hinn minn dawk koperti mid-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI, inkluż abbażi tal-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u d-diżabbiltà, kif identifikat fil-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-Unjoni ta’ Ugwaljanza. Huwa importanti li l-Kunsill jestendi malajr il-lista ta’ reati biex tinkludi r-reati ta’ mibegħda (l-Artikolu 83(1) tat-TFUE) biex jiġi żgurat li l-korpi tal-infurzar tal-liġi joperaw b’mod effettiv kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali;

35.

jirrimarka li l-uniku rispons għad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda huwa li tinħoloq strateġija legali komprensiva għall-ġlieda kontra, ir-rappurtar u l-prosekuzzjoni konsistenti ta’ dawn it-tip ta’ reati;

36.

jappella sabiex jiġu stabbiliti regoli minimi fil-livell tal-UE dwar is-sanzjonijiet għal diskors ta’ mibegħa u r-reati ta’ mibegħda, li għandhom jippermettu li jiġu emendati l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali biex tiġi kkriminalizzata s-sħubija f’organizzazzjonijiet li jippromovu jew jinċitaw il-mibegħda għal kwalunkwe raġuni u l-parteċipazzjoni fi kwalunkwe attività bħal din. M’għandux ikun hemm lok għall-aċċettazzjoni ta’ fehmiet antidemokratiċi jew diskors ta’ mibegħda u ostilità kontra bniedem ieħor fi kwalunkwe rokna tad-dinja jew fl-Ewropa;

37.

jirrakkomanda li jittejbu l-metodi għar-reġistrar u l-ġbir ta’ data dwar ir-reati ta’ mibegħda, u jirrakkomanda li jkun hemm diskussjonijiet fil-livell tal-esperti mal-Istati Membri taħt l-awspiċji tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) li tista’ tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jindirizzaw problemi dwar l-applikazzjoni prattika tal-leġiżlazzjoni u jiżguraw investigazzjoni effettiva, prosekuzzjoni u kundanna ta’ reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda; iqis ukoll li hemm rwol importanti għall-istituzzjonijiet soċjali u l-organizzazzjonijiet li jaħmu fil-qasam tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda;

38.

iqis li jeħtieġ li jkun hemm soluzzjonijiet organizzattivi u legali biex jiġu protetti l-vittmi ta’ diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda li jeħtiġilhom ikunu appoġġjati u assistiti mill-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej, u s-soċjetà ċivili;

39.

jinnota li hemm linja fina bejn il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u ċ-ċensura. Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni għandu jiġi żgurat meta jiġu żviluppati soluzzjonijiet legali għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda;

40.

josserva li m’hemm l-ebda definizzjoni standardizzata ta’ reati ta’ mibegħda fil-livell internazzjonali; jappella, għalhekk, sabiex isiru sforzi ta’ żvilupp biex tissaħħaħ il-ġurisprudenza u konsegwentement tittejjeb l-effettività tal-prosekuzzjoni tad-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda; id-definizzjoni użata fir-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2022)16 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa (5), jew id-definizzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni Qafas 2008/913/ĠAI, jistgħu jservu ta’ ispirazzjoni għal dan;

41.

huwa konxju li mhux se jiġi regolarizzat id-diskors politiku estrem. L-Istati Membri se jibqgħu responsabbli biex jiddeterminaw kif jiddefinixxu l-libertà tal-espressjoni; jemmen, madankollu, li jeħtiġilna nimponu standards tal-UE biex niġġieldu kontra inċidenti verbali u fiżiċi ta’ mibegħda. Dan huwa preċiżament ir-raġuni għall-estensjoni tal-katalogu tar-reati fl-UE biex jiġu inklużi d-diskors ta’ mibegħda u r-reati ta’ mibegħda.

Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2022.

Vasco ALVES CORDEIRO

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55).

(2)  Rapport rilevanti huwa aċċessibbli fuq 210831_Reset_Facebook_Bundestagswahl_EN.pdf (hateaid.org).

(3)  L-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-Polonja huwa eżempju ta’ dan.

(4)  Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea tat-22 ta’ Ġunju 2018 dwar standards għall-korpi għall-ugwaljanza (C(2018) 3850 final).

(5)  Rakkomandazzjoni CM/Rec(2022)16 tal-Kumitat tal-Ministri lill-Istati Membri dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectId=0900001680a67955 [mhux disponibbli bil-Malti].