2.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 79/44


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar “Iż-żoni urbani żgħar bħala atturi ewlenin għall-ġestjoni ta’ tranżizzjoni ġusta”

(2023/C 79/08)

Relatur:

Kieran McCARTHY (IE/AE), Membru tal-Kunsill tal-Kontea ta’ Cork

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

1.

jafferma li l-ħolqien ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-Ewropa jeħtieġ azzjoni fil-livelli kollha fiż-żoni rurali, periurbani u urbani. Iż-żoni urbani żgħar jospitaw 43 % tal-popolazzjoni tal-UE, u madwar 66 % tal-abitanti urbani tal-Ewropa jgħixu f’żoni b’inqas minn 500 000 abitant. Hemm madwar 14 000 żona urbana żgħira b’popolazzjoni ta’ bejn 5 000 u 50 000 persuna fl-UE;

2.

jenfasizza li ż-żoni urbani żgħar Ewropej huma, b’mod awtomatiku, eteroġeni; skont il-post, il-kuntest territorjali u l-istruttura ekonomika u tas-suq tax-xogħol tagħhom, għandhom karatteristiċi (u sfidi) kompletament differenti (1). Madankollu, ħafna drabi jiġi nnutat li l-komunitajiet iżgħar għandhom probabbiltà ogħla li jesperjenzaw l-isfidi li jiffaċċjaw iż-żoni rurali, minħabba li d-densità tal-popolazzjoni tagħhom hija aktar baxxa;

3.

jindika li t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, l-irkupru mill-pandemija u l-integrazzjoni tal-migranti, b’mod partikolari minħabba l-gwerra fl-Ukrajna, jippreżentaw sfidi addizzjonali għaż-żoni urbani żgħar, flimkien mal-isfidi ġenerali tal-iżvilupp ta’ bliet ta’ kull daqs (bħal akkomodazzjoni affordabbli, mobbiltà sostenibbli, provvista ta’ servizzi, tibdil demografiku, saħħa urbana, segregazzjoni soċjali, impronta ambjentali, azzjoni klimatika, eċċ.);

4.

jissuġġerixxi li l-fattur determinanti għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv madwar l-Ewropa huwa l-promozzjoni tal-impjieg privat fiż-żoni rurali (fis-settur agrikolu jew f’setturi oħra). Jinsisti fuq il-fatt li n-nuqqas ta’ servizzi pubbliċi fiż-żoni rurali (bħall-edukazzjoni, is-saħħa, il-konnettività jew il-mobbiltà) iwassal għal eżodu rurali. Għalhekk, jenfasizza li servizzi bħal dawn fiż-żoni rurali jeħtieġ li jiġu pprovduti bħala bżonn bażiku, peress li l-politiki settorjali l-oħra kollha mhux se jkunu effettivi mingħajrhom;

5.

ifakkar li l-Karta l-Ġdida ta’ Leipzig tiddikjara li l-muniċipalitajiet urbani jeħtiġilhom ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom fil-promozzjoni tal-ġid komuni, u li l-flessibbiltà finanzjarja, il-profili tal-kompiti multifunzjonali, il-leġittimità politika, il-benesseri pubbliku lokali u l-vijabbiltà territorjali huma essenzjali sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom ta’ servizz pubbliku; wieħed mill-objettivi ewlenin tagħha huwa t-tnaqqis globali tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, u l-bliet jeħtiġilhom jikkontribwixxu għall-miri nazzjonali u tal-UE rilevanti tagħhom, bl-aktar mezzi adegwati;

6.

jieħu nota tad-definizzjoni proposta ta’ “żona urbana żgħira” (2), bl-użu ta’ metodi u indikaturi armonizzati biex dawn jiġu delineati, bil-għan tagħhom ikun li jippermettu tqabbil internazzjonali, f’konformità ma’ appelli preċedenti minn diversi aġendi Ewropej u globali (l-Aġenda Urbana Ġdida tan-NU/HABITAT, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) għall-2030, il-Karta ta’ Leipzig, l-Aġenda Territorjali 2030, eċċ.); jekk din id-definizzjoni tintuża għad-distribuzzjoni tal-finanzjament, hemm riskju li muniċipalitajiet żgħar b’inqas minn 5 000 resident jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv.

Sfidi ta’ tnaqqis demografiku

7.

jenfasizza li fl-2040, it-tbassir juri li 51 % tal-popolazzjoni tal-UE hija mistennija tgħix f’reġjuni li qed jiċkienu meta mqabbla ma’ 34 % fl-2020, u tnaqqis rapidu fil-popolazzjoni huwa aktar probabbli fir-reġjuni rurali milli fir-reġjuni urbani (11 % kontra 1 %);

8.

jenfasizza l-fatt li ħafna żoni urbani żgħar jiffaċċjaw riskju ta’ tnaqqis demografiku u li jsiru postijiet li jitħallew jibqgħu lura, u jitilfu t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali tal-Ewropa;

9.

jinnota b’dispjaċir li, meta introduċiet definizzjoni ta’ “żoni urbani” skont ir-Regolament “TERCET”, il-Kummissjoni ma qisitx il-ħtieġa li twettaq valutazzjoni tal-impatt, minkejja li l-introduzzjoni kellha impatt estensiv fuq id-distribuzzjoni tal-finanzjament;

10.

ifakkar li t-Tmien Rapport dwar il-Koeżjoni juri li t-tnaqqis fil-popolazzjoni jaffettwa direttament il-forniment ta’ servizzi pubbliċi; il-bliet iż-żgħar u ta’ daqs medju u l-muniċipalitajiet fiż-żoni rurali u n-negozji bbażati hemmhekk jiffaċċjaw sfidi kbar;

11.

jistieden għalhekk lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt qabel ma tintroduċi aktar definizzjonijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 174 tat-TFUE u d-distribuzzjoni tal-finanzjament;

12.

jenfasizza li l-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għandha tingħata bi kriterji li jmorru lil hinn miċ-ċifri tal-popolazzjoni jew tal-PDG, u li għandhom jitqiesu l-isfidi eżistenti fil-prattika. M’għandha ssir l-ebda distinzjoni ġenerali bejn iż-żoni urbani u rurali abbażi ta’ klassifikazzjoni statistika;

13.

jenfasizza li l-postijiet li jesperjenzaw tnaqqis demografiku bħaż-żoni urbani żgħar jaffaċċjaw ukoll għadd kbir ta’ kwistjonijiet li jinkludu fost oħrajn tixjiħ tal-popolazzjoni, governanza lokali dgħajfa u nuqqas ta’ bini tal-kapaċitajiet, staġnar ta’ awtosuffiċjenza, tnaqqis fil-benesseri individwali u indikaturi tal-kwalità tal-ħajja, migrazzjoni reġjonali, domestika intra-UE u globali, tnaqqis demografiku intelliġenti (smart shrinkage) u nuqqas ta’ investiment f’ekosistemi diġitali, eżodu ta’ mħuħ, abbandun tal-art, żieda fl-inugwaljanzi soċjali, tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja, tranżizzjonijiet fl-industrija u tkabbir ekonomiku mhux sigur, u żieda fl-urbanizzazzjoni f’ċentri reġjonali akbar;

14.

jindika li r-residenti rurali jeħtieġ li jivvjaġġaw iktar mill-kontropartijiet urbani tagħhom biex jaċċessaw għadd ta’ servizzi pubbliċi u privati, u jkollhom bżonn jiddependu minn karozzi jew karozzi tal-linja biex jaċċessaw dawk is-servizzi. Iċ-ċentri reġjonali joffru aktar servizzi lil persuni li jgħixu fiż-żoni tal-madwar; il-politika dwar il-mobbiltà jeħtieġ li topera fil-livell territorjali usa’, u hemm bżonn ta’ riflessjoni konġunta fiż-żoni urbani, rurali u periurbani. Aktar ma jkun żgħir l-insedjament, aktar ikun kbir l-impatt li jkun hemm ċentru reġjonali;

15.

jenfasizza li l-bliet żgħar u l-irħula huma ċentrali għall-ekonomija lokali peress li jipprovdu funzjonijiet amministrattivi, soċjali, komunitarji u rikreattivi importanti. Huma jappoġġjaw raggruppamenti ta’ servizzi lokali, għandhom sehem sinifikanti ta’ djar u impjiegi, u jaġixxu bħala ċentri tat-trasport (3);

16.

jafferma mill-ġdid li ħafna reġjuni periferiċi, inklużi ż-żoni urbani żgħar, bħalissa huma żvantaġġati b’mod kompetittiv minħabba nuqqas ta’ konnessjonijiet diġitali, li jagħmilha aktar diffiċli biex jiġi sfruttat il-potenzjal tal-iżvilupp, jiġu żgurati jew jinħolqu impjiegi ġodda, jew titnaqqas il-migrazzjoni;

17.

jafferma li fil-kuntest tat-tiswir tas-suq, għandha tingħata attenzjoni lill-modi li bihom il-korpi tas-settur pubbliku jistgħu jfittxu li jappoġġjaw jew jissussidjaw servizzi li kieku ma jkunux kummerċjalment vijabbli iżda jkunu essenzjali għaż-żoni urbani żgħar (4);

18.

iqis li ħafna drabi ż-żoni urbani żgħar ma jkollhomx biżżejjed kapaċità jew għarfien biex jindirizzaw l-isfidi. Ħafna drabi jkun hemm kapaċitajiet finanzjarji u amministrattivi limitati, kwistjonijiet ta’ kollaborazzjoni u setgħat deċiżjonali limitati, kapaċitajiet ta’ tmexxija, adattament u reżiljenza li jistgħu jkunu sfidi diffiċli; għaldaqstant, huma kruċjali mentalità strateġika b’viżjoni li jkollha l-ġejjieni fil-mira u soluzzjonijiet innovattivi;

19.

jinsab imħasseb dwar il-ġeografija tal-iskuntentizza politika; id-distakk urban-rurali u l-allinjament ħażin tal-politika urbana u rurali jistgħu jikkontribwixxu għall-polarizzazzjoni politika.

Il-bini ta’ tranżizzjoni ġusta

Il-bini ta’ kapaċitajiet ekoloġiċi

20.

jenfasizza li ż-żoni urbani żgħar jixprunaw it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u t-tranżizzjoni ġusta li l-Ewropa teħtieġ għall-irkupru tagħha. L-ispinta għal żoni funzjonali li ma jagħmlux ħsara lill-klima hija fil-biċċa l-kbira marbuta mal-kapaċità tal-awtoritajiet urbani li jadattaw għall-kundizzjonijiet ekonomiċi li dejjem jinbidlu, u jibnu mill-ġdid il-fiduċja.

21.

jemmen għalhekk li huwa meħtieġ approċċ immirat, li jagħti lin-nies lokali viżjoni pożittiva għall-futur. F’dan ir-rigward, il-viżjoni fit-tul tal-Kummissjoni Ewropea għaż-żoni rurali sal-2040 tista’ tkun siewja, u l-Patt Rurali għandu jqis bis-sħiħ il-bliet iż-żgħar fiż-żoni rurali;

22.

jinnota li nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni, kif ukoll nuqqas ta’ appoġġ soċjali b’saħħtu biex jikkontrobilanċjaw il-konsegwenzi tat-tranżizzjoni ekoloġika, jistgħu jkunu ta’ sfida għall-bidliet li qed iseħħu. Għalkemm it-tranżizzjoni ekoloġika hija abbinata mat-tranżizzjoni ġusta, it-tnejn li huma jridu joperaw f’bilanċ u jiġu kkoordinati;

23.

jirrikonoxxi li ż-żoni urbani, inklużi l-postijiet żgħar, se jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima billi jinvestu riżorsi lejn azzjonijiet ta’ tranżizzjoni ekoloġika, it-tiġdid urban, il-mewġa ta’ rinnovazzjoni u l-isforzi tal-ekonomija ċirkolari, il-mobbiltà, il-bini effiċjenti fl-użu tal-enerġija, il-ġestjoni mtejba tal-iskart, u l-mobilizzazzjoni taċ-ċittadini u s-sensibilizzazzjoni għal azzjonijiet li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

24.

jinnota, madankollu, li sabiex it-tranżizzjoni ekoloġika tkun ta’ suċċess fiż-żoni urbani żgħar, huma meħtieġa titjib tal-ħiliet, taħriġ mill-ġdid u għarfien espert tekniku, kif ukoll għarfien dwar approċċi ta’ adattament għat-tibdil fil-klima; l-awtoritajiet lokali fiż-żoni urbani żgħar jeħtieġ li jkollhom persunal bi kwalifiki għolja lil hinn mill-amministrazzjoni lokali tradizzjonali; l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn żoni urbani żgħar jistgħu jgħinu fil-proċess tat-tranżizzjoni;

25.

jemmen li l-programmi nazzjonali u tal-UE jappoġġjaw l-iżvilupp tal-ħiliet fiż-żoni urbani żgħar. Dawn jeħtieġu wkoll għadd suffiċjenti ta’ riżorsi umani kwalifikati u edukati għall-proċessi l-ġodda ta’ tranżizzjoni. Huma jistgħu jibbenefikaw mill-kondiviżjoni tal-għarfien mill-programmi ta’ finanzjament tal-UE bħall-Azzjonijiet Innovattivi Urbani, is-sħubijiet tal-Aġenda Urbana tal-UE, Interreg, URBACT u TAIEX, peress li nafu li dawn mhumiex imqassma b’mod ugwali fost postijiet urbani żgħar fl-Ewropa;

26.

huwa favur li l-Istati Membri jinsistu għal bidla sostanzjali fl-infrastruttura tal-provvista tal-enerġija u fl-istandards tal-bini li jippermettu l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli fil-bliet żgħar u ta’ daqs medju, peress li dawn se jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

27.

jirrakkomanda li huwa kruċjali li r-reġjuni u l-bliet ikunu awtorizzati jsaħħu l-kapaċità tagħhom li jibnu komunitajiet reżiljenti sabiex tiġi limitata d-dipendenza tal-UE mill-fjuwils fossili. Il-pjani deċentralizzati għall-produzzjoni tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika u l-iffrankar tal-enerġija fil-livell lokali u reġjonali ser jiżguraw il-kisba tal-pjan REPowerEU;

28.

itenni li meta jintroduċu u jippromovu stazzjonijiet tal-irriċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku ddedikati għall-vetturi ħfief, l-Istati Membri jeħtiġilhom iqisu wkoll l-objettivi tal-Artikolu 174 tat-TFUE u jiżguraw id-disponibbiltà fiż-żoni b’popolazzjoni inqas densa.

Il-bini ta’ mekkaniżmi ta’ tranżizzjoni ġusta

29.

jitlob li l-implimentazzjoni tal-JTF għandha timmira l-appoġġ lejn żoni urbani żgħar, fi ħdan ir-reġjuni diġà definiti minn qabel, biex jiġu appoġġjati l-muniċipalitajiet l-aktar affettwati mit-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika;

30.

jappella sabiex il-JTF jappoġġja lill-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju sabiex jiżviluppaw in-negozji tagħhom u jibnu postijiet attraenti u vibranti;

31.

jitlob appoġġ għal proġetti u azzjonijiet ta’ inklużjoni soċjali għal gruppi vulnerabbli jew ċittadini fil-bżonn, peress li l-ħtiġijiet tagħhom f’żoni urbani żgħar jistgħu jkunu akbar u inqas konnessi.

Il-bini tat-tranżizzjoni diġitali

32.

jenfasizza mill-ġdid li l-politiki mfassla għall-bliet (bħall-Karta ta’ Leipzig) għandhom jirriflettu fuq it-tranżizzjoni diġitali, peress li d-diġitalizzazzjoni hija element ewlieni u transsettorjali li jinfluwenza l-iżvilupp sostenibbli tal-bliet fir-rigward tal-mobbiltà urbana, l-effiċjenza enerġetika, ix-xogħol mill-bogħod u l-akkomodazzjoni sostenibbli, kif ukoll il-bejgħ bl-imnut u s-servizzi pubbliċi;

33.

ifakkar li jeżisti distakk diġitali urban-rurali sinifikanti fl-Istati Membri kollha tal-UE, fil-biċċa l-kbira minħabba l-aspettattivi ta’ dħul aktar baxx għall-fornituri tal-broadband involuti fit-tnedija tal-infrastruttura diġitali f’żoni inqas mibnija. Madankollu, iż-żieda reċenti fit-telexogħol u x-xogħol mobbli bbażat fuq l-ICT tista’ tirrappreżenta wieħed mill-elementi ewlenin għall-iżvilupp futur taż-żoni rurali; jenfasizza f’dan ir-rigward li l-konnettività b’veloċità għolja għal kulħadd fl-Unjoni Ewropea, inkluż fiż-żoni rurali u remoti, hija prerekwiżit għaċ-ċittadini biex ikunu jistgħu jużaw is-servizzi diġitali;

34.

jirrakkomanda li l-Istati Membri jinvestu fi proġetti ta’ rħula intelliġenti, li jimplimentaw soluzzjonijiet diġitali biex jottimizzaw il-konnettività, il-ħajja ta’ kuljum u s-servizzi f’żoni urbani żgħar, fi ħdan il-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE);

35.

jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu r-rabtiet urbani-rurali li huma meħtieġa għall-iżvilupp armonjuż tat-tipi kollha ta’ żoni urbani u li jistgħu jservu ta’ katalist għal żvilupp territorjali aktar koerenti;

36.

jitlob li jiġu eżaminati l-possibbiltajiet biex jiġu sinkronizzati s-servizzi pubbliċi fil-livell muniċipali, biex tiġi appoġġjata l-governanza elettronika għal inqas amministrazzjoni pubblika u biex is-servizzi jiġu diġitalizzati biex isiru aktar faċli biex jintużaw miċ-ċittadini.

Il-bini tal-kapaċitajiet tal-akkomodazzjoni

37.

ifakkar li bħalissa hemm inugwaljanzi sinifikanti fir-rigward tad-disponibbiltà u l-aċċess għal akkomodazzjoni adegwata fil-bliet u f’żoni urbani żgħar, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, il-familji bit-tfal (inklużi l-ġenituri waħedhom), il-migranti u l-persuni b’diżabbiltà;

38.

jitlob li l-Istati Membri jippromovu inċentivi fiskali marbuta ma’ unitajiet ta’ akkomodazzjoni vojta sabiex jappoġġjaw l-aċċess għal akkomodazzjoni affordabbli u jattiraw liċ-ċittadini biex jissetiljaw u jistabbilixxu ħajjithom f’postijiet żgħar li qed jesperjenzaw tnaqqis demografiku.

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida

39.

jirrikonoxxi l-isforzi li saru mill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel enfasi partikolari fuq żoni urbani żgħar u bliet ta’ daqs medju fi ħdan is-sejħa għal proposti għal Inizjattivi Lokali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, u jfakkar fil-proposta li titnieda skema ta’ vawċers tal-Laboratorju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fi ħdan is-sejħa futura għal proposti taħt l-Inizjattiva Urbana Ewropea.

Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali

40.

ifakkar li l-UE tista’ tikseb żvilupp territorjali aktar ibbilanċjat billi tappoġġja u tiffaċilita kollaborazzjoni akbar bejn iż-żoni urbani u rurali, li tmur lil hinn mid-differenzi tal-passat li qasmu aktar milli kkollegaw iż-żoni urbani u rurali;

41.

jenfasizza l-iżvilupp tal-Aġenda Rurali skont l-Aġenda Urbana għall-mudell tal-UE bbażat fuq il-prinċipji: “finanzjament aħjar, regolamentazzjoni aħjar u għarfien aħjar”, u li din tiġi implimentata permezz ta’ sħubijiet tematiċi f’diversi livelli u transsettorjali;

42.

jirrimarka li hemm ħtieġa ċara għal koordinazzjoni aħjar bejn l-oqsma ta’ politika relatati ma’ postijiet rurali, periurbani u urbani; approċċ ikkoordinat aħjar għandu jfittex b’mod attiv is-“sinerġiji” u l-valur miżjud li għandhom jinkisbu mill-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-atturi rurali u urbani, peress li dan huwa fattur kritiku għall-appoġġ b’suċċess tal-innovazzjoni u l-esperimentazzjoni bbażati fuq il-post;

43.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tintegra d-dimensjoni taż-żoni urbani żgħar fl-eżerċizzji ta’ verifika rurali, u jtenni l-offerta tal-KtR li jikkoopera dwar dan is-suġġett. L-ikrinjar għall-impatti territorjali u rurali għandu jsir element obbligatorju tal-proċess tat-tfassil tal-politika;

44.

jirrakkomanda li jiġu kkunsidrati aktar il-possibbiltajiet għal kooperazzjoni fi ħdan l-istrateġiji territorjali eżistenti tal-UE bħall-Aġenda Territorjali 2030, il-Karta l-Ġdida ta’ Leipzig u l-implimentazzjoni ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ sħubijiet fi ħdan l-Aġenda Urbana tal-UE, li joħolqu fokus fuq l-aġenda urbana rurali;

45.

jistenna bil-ħerqa l-promozzjoni ta’ sħubijiet rurali-urbani strateġiċi; iż-żoni urbani żgħar jistgħu jippromovu aħjar is-sħubijiet u jilħqu objettivi komuni fis-setturi tradizzjonali u innovattivi billi jiġbru r-riżorsi flimkien, jiżviluppaw strateġiji, u jilħqu ftehimiet fil-livell metropolitan.

Finanzjament u rkupru

46.

ifakkar li l-awtonomija fiskali lokali u l-kapaċitajiet finanzjarji huma fatturi ewlenin biex jiġu żgurati investimenti pubbliċi effettivi u għat-tfassil ta’ politiki ta’ żvilupp reġjonali. Dawn iżidu l-possibbiltà li ż-żoni urbani jidderieġu l-iżvilupp tagħhom stess. Ir-restrizzjonijiet imposti ċentralment jistgħu jirriskjaw li jagħmlu l-awtoamministrazzjoni lokali inutli;

47.

jenfasizza li d-daqs tal-muniċipalità spiss jinfluwenza l-kapaċità finanzjarja. Postijiet iżgħar spiss jirriskjaw li ma jkunux jistgħu jimmobilizzaw biżżejjed finanzi għall-kompiti li jixtiequ jwettqu;

48.

jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni għandha titqies bħala għodda ewlenija ta’ investiment fil-prattika, li tippromovi l-effett ta’ lieva tal-fondi pubbliċi u privati;

49.

jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet urbani żgħar ikunu jistgħu jaċċessaw ukoll it-8 % tal-fondi tal-FEŻR fil-livell nazzjonali ddedikati għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ żvilupp urban sostenibbli u integrat, u b’hekk jiġu evitati limiti addizzjonali tal-popolazzjoni;

50.

huwa favur l-użu ta’ għodod territorjali integrati fil-livell tal-unità amministrattiva lokali bħal dawk iffinanzjati mill-politika ta’ koeżjoni u fondi oħra tal-UE sabiex l-investimenti jiġu kkonċentrati u adattati għar-realtajiet;

51.

itenni d-diżappunt tiegħu dwar in-nuqqas ta’ involviment fil-livell lokali u reġjonali fit-tfassil tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, li joħloq effett ta’ rkupru matul il-fażi ta’ implimentazzjoni; jenfasizza f’dan ir-rigward in-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal trasferiment mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja l-pjan REPowerEU; joġġezzjona għal kwalunkwe tentattiv biex jittieħdu riżorsi mir-reġjuni u jiġu pprovduti mingħajr kundizzjonijiet fil-livell nazzjonali peress li dan imur kontra l-prinċipji tal-UE u l-ftehimiet dwar il-ġestjoni kondiviża;

52.

jissuġġerixxi l-użu tal-pjani nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza biex tinġabar data li tista’ tintuża biex jiġu implimentati l-politiki pubbliċi fl-livell aktar baxx ta’ governanza.

Il-bini tal-kapaċitajiet territorjali

53.

jistieden lill-Istati Membri jintegraw id-definizzjoni l-ġdida fit-territorji (li jbatu minn tnaqqis fil-popolazzjoni u tibdil demografiku) fir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) dwar il-FEŻR bħala kwistjoni trasversali tal-politiki pubbliċi, li tirrikjedi azzjonijiet integrati u bbażati fuq il-post;

54.

jissuġġerixxi li l-Kummissjoni Ewropea tippromovi l-Investimenti Territorjali Integrati (ITI) u l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) permezz ta’ għadd ta’ attivitajiet bejn il-pari tal-Inizjattiva Urbana Ewropea, bħala għodod adegwati biex jappoġġjaw lill-awtoritajiet urbani żgħar u ta’ daqs medju biex jiffaċċjaw sfidi territorjali bħad-depopolazzjoni;

55.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta kampanja ta’ komunikazzjoni biex tippromovi l-impatt tal-UE fuq il-ħajja tan-nies li jgħixu f’postijiet żgħar (urbani u rurali) sabiex tikkontrobilanċja l-ġeografija tal-iskuntentizza fil-konfront tal-UE;

56.

jappella għal kumplessità mill-inqas għal żoni urbani żgħar biex jiksbu aċċess għal proġetti ta’ fondi Ewropej differenti, u jamministrawhom, u biex jippromovu approċċ integrat għall-konnessjoni ta’ fondi differenti tal-UE; f’dan ir-rigward, il-programmi ta’ ġestjoni kondiviża għandhom ikunu verament deċentralizzati, u għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni fil-livell reġjonali, biex jiġi żgurat li huma jkunu jistgħu jinkoraġġixxu appoġġ għal approċċ minn isfel għal fuq għal finanzjament minn bliet żgħar u żoni rurali;

57.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tappoġġja l-amministrazzjonijiet pubbliċi kollha f’żoni urbani żgħar biex isibu għarfien dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi tat-tranżizzjoni ekoloġika, diġitali jew demografika; barra minn hekk, għandu jissaħħaħ l-appoġġ dirett mill-Kummissjoni Ewropea għal strutturi supralokali li diġà jeżistu fl-Istati Membri (bħal départements, Landkreise, powiats, județe, eċċ.) sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom stess biex jagħtu pariri lil muniċipalitajiet żgħar, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà; tabilħaqq, l-awtoritajiet lokali kollha għandu jkollhom l-uffiċjali tagħhom inkarigati minn affarijiet tal-UE/finanzjament tal-UE, sabiex jappoġġjaw din il-ħidma;

58.

jitlob li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jagħmlu provvedimenti għal appoġġ tekniku li għandu jintuża għall-muniċipalitajiet matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ proġett partikolari;

59.

jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra l-possibbiltà fl-ambitu tal-Inizjattiva Urbana Ewropea li toffri taħriġ fuq il-post lil żoni urbani żgħar, u jissuġġerixxi li l-punti ta’ kuntatt nazzjonali futuri tal-Inizjattiva Urbana Ewropea jaġixxu bħala intermedjarji għall-appoġġ ta’ żoni urbani żgħar;

60.

jenfasizza li għal żoni urbani żgħar, il-parteċipazzjoni fit-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi tista’ tkun ta’ sfida minħabba r-riżorsi amministrattivi limitati tagħhom u d-diffikultà li wieħed jinnaviga proċessi kumplessi ta’ governanza f’diversi livelli bħall-finanzjament tal-UE;

61.

josserva li l-kollaborazzjoni hija essenzjali għal żoni urbani żgħar. Dan jinkludi kooperazzjoni ma’ żoni ġirien biex jiġu indirizzati kwistjonijiet interkonnessi, jew jingħaqdu flimkien biex tinħoloq “massa kritika territorjali”;

62.

jenfasizza li għal tranżizzjonijiet soċjetali ewlenin, bħat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali, żoni urbani iżgħar sikwit ikollhom iserrħu fuq l-appoġġ taċ-ċittadini u l-intrapriżi tagħhom peress li ma għandhomx il-mezzi biex imexxu u jiffinanzjaw tali proċessi ta’ innovazzjoni soċjali;

63.

ifakkar li l-komunitajiet lokali impenjati mhux biss isaħħu l-identitajiet lokali, l-innovazzjoni soċjali u l-koeżjoni, iżda jistimulaw ukoll il-kollaborazzjoni fi żminijiet ta’ tnaqqis jew tranżizzjoni ekonomika.

Konklużjonijiet

64.

jikkonkludi li ż-żoni urbani żgħar jeħtieġu definizzjoni ċara, aċċettata u rikonoxxuta. Jeħtieġu l-kapaċità amministrattiva biex isawru t-tranżizzjonijiet multidimensjonali tagħhom u jiżviluppaw perspettivi fit-tul. Jeħtieġu wkoll l-għarfien, il-koordinazzjoni tal-politika u awtonomizzazzjoni biex jimmobilizzaw in-nies, ir-riżorsi u l-programmi ta’ finanzjament tal-UE.

Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2022.

Vasco ALVES CORDEIRO

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Definizzjoni dettaljata taż-żoni urbani ż-żgħar u ta’ daqs medju hija bbażata fuq kombinazzjoni tas-sejbiet tal-proġett TOWN tal-ESPON (2014) u l-klassifikazzjoni tal-livell ta’ urbanizzazzjoni tal-OECD-KE (li hija bbażata fuq id-densità tal-popolazzjoni mqabbla mad-daqs ta’ agglomerazzjoni urbana). Iż-żoni urbani żgħar u ta’ daqs medju huma definiti bħala raggruppamenti urbani kontinwi b’popolazzjoni ta’ aktar minn 5 000 abitant u b’densità ogħla minn 300 abitant/km2, li mhumiex ikkunsidrati bħala raggruppamenti Urbani ta’ Densità Għolja skont il-grad ta’ urbanizzazzjoni għall-unitajiet amministrattivi lokali (DEGURBA) (ESPON, 2014).

(2)  Kif approvat mill-Kummissjoni tal-Istatistika tan-NU fil-5 ta’ Marzu 2020: “Rakkomandazzjoni dwar il-metodu kif jiġu delineati l-bliet, iż-żoni urbani u rurali għal tqabbil statistiku internazzjonali”, imħejjija mill-Kummissjoni Ewropea — Eurostat u d-DĠ għall-Politika Reġjonali u Urbana — ILO, FAO, OECD, UN-Habitat, Bank Dinji.

(3)  Rapport tal-OECD dwar Access and Cost of Education and Health Services: Preparing regions for demographic change (L-Aċċess u l-Ispiża tas-Servizzi tal-Edukazzjoni u tas-Saħħa: nħejju lir-reġjuni għat-tibdil demografiku).

(4)  Ara l-proġett ROBUST ta’ Orizzont 2020, www.rural-urban.eu

(5)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).