17.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 177/57 |
P9_TA(2022)0438
Id-distakk diġitali: id-differenzi soċjali maħluqa mid-diġitalizzazzjoni
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2022 dwar id-distakk diġitali: id-differenzi soċjali maħluqa mid-diġitalizzazzjoni (2022/2810(RSP))
(2023/C 177/06)
Il-Parlament Ewropew,
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(3) u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, |
— |
wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 9, 10, 12, 14, 16, 19, 26, 36, 67(4), 114 (3), 153, 165 169(1) u 174 tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 3, 8, 11, 21, 26, 34, 38 u 52 tagħha, |
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha, |
— |
wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u b'mod partikolari l-Prinċipji 3, 17 u 20 tiegħu, |
— |
wara li kkunsidra d-definizzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) ta' “distakk diġitali”, li tirreferi għad-diskrepanza bejn individwi, djar, negozji u żoni ġeografiċi fuq livelli soċjoekonomiċi differenti fir-rigward kemm tal-opportunitajiet ta' aċċess għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) tagħhom kif ukoll tal-użu tagħhom tal-internet għal varjetà kbira ta' attivitajiet (1), |
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Novembru 2014 dwar is-sostenn tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali (2), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern (3) (PSD2), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (4), |
— |
wara li kkunsidra r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/389 tas-27 ta' Novembru 2017 li jissupplimenta d-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' standards tekniċi regolatorji għall-awtentikazzjoni qawwija tal-konsumatur u standards miftuħin ta' komunikazzjoni li jkunu komuni u sikuri (5), |
— |
wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (6), |
— |
wara li kkunsidra l-Istudju tal-2020 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) dwar l-attitudnijiet tal-ħlas tal-konsumaturi fiż-żona tal-euro (SPACE), |
— |
wara li kkunsidra l-artiklu fil-Ħarġa 5 tal-2022 tal-Bulletin Ekonomiku tal-BĊE intitolat “Guaranteeing freedom of payment choice: access to cash in the euro area” (Il-garanzija tal-libertà ta' għażla tal-pagament: l-aċċess għall-flus kontanti fiż-żona tal-euro), |
— |
wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2021 intitolata “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021)0118), |
— |
wara li kkunsidra l-proposta tal-15 ta' Settembru 2021 għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta' Politika tal-2030 “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021)0574), |
— |
wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2022 tal-eżitu finali tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, |
— |
wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet dwar il-Petizzjoni 1123/2021 fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tas-17 ta' Mejju 2022, |
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar il-protezzjoni tal-persuni b'diżabilità permezz tal-petizzjonijiet: it-tagħlimiet meħuda (7), |
— |
wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, li l-kisba tagħhom se twassal għat-tnaqqis fid-distakk diġitali, |
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 227(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
A. |
billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva petizzjoni li tesprimi tħassib ġustifikat dwar l-impossibbiltà li jiġu aċċessati servizzi bankarji bażiċi, bħall-konferma ta' pagament jew l-aċċess għal kont bankarju personali, meta wieħed ma jkollux mobile minkejja li ma hemm l-ebda obbligu legali li wieħed ikollu apparat bħal dan; billi jeżisti distakk bejn il-persuni li qegħdin jużaw dejjem iktar mezzi ta' pagament diġitali u oħrajn li ma jistgħux jew iżommu lura milli jużawhom; billi din il-petizzjoni tqajjem il-kwistjoni iktar ġenerali tal-impatt tad-diġitalizzazzjoni fuq iċ-ċittadini, il-konsumaturi u l-utenti ta' servizzi pubbliċi u privati; |
B. |
billi l-flus kontanti huwa l-istrument ta' pagament użat l-aktar spiss fiż-żona tal-euro; billi skont id-data tal-BĊE, in-numru totali ta' distributuri awtomatiċi fiż-żona tal-euro naqas b'4,2 % għal 0,28 miljun fl-2021 (8); billi kien hemm tnaqqis parallel fin-numru ta' fergħat tal-banek għal kull resident madwar iż-żona tal-euro; billi EUR 127 biljun ġew allokati għar-riformi fil-qasam diġitali u għall-investimenti fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza (9); billi l-Istati Membri għamlu progress fl-isforzi ta' diġitalizzazzjoni tagħhom matul il-pandemija tal-COVID-19, iżda għadhom isibuha diffiċli jnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet diġitali u fit-tranżizzjoni diġitali tal-intrapriżi żgħar u medji; |
C. |
billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet irċieva petizzjoni li esprimiet tħassib li l-maġġoranza tal-fornituri tas-servizzi jipprovdu biss informazzjoni online u spiss permezz ta' kanali li huma kompatibbli biss ma' smartphones, li huwa ta' żvantaġġ għal persuni anzjani, persuni b'diżabbiltà, persuni b'paga baxxa, persuni mingħajr ħiliet diġitali u persuni b'aċċess limitat għall-internet; |
D. |
billi, minkejja li d-diġitalizzazzjoni u l-użu xieraq tal-għodod diġitali pprovdew ħafna benefiċċji u opportunitajiet ekonomiċi u soċjali, irriżultaw għadd ta' sfidi etiċi, legali u fl-impjieg li jistgħu jikkawżaw żvantaġġi jew ħsara serji lill-individwi u lis-soċjetà sħiħa; billi l-potenzjal ta' teknoloġiji ġodda huwa ambivalenti, għaliex skont kif jintużaw u jiġu rregolati, dawn jistgħu jew jgħinu biex tinħoloq soċjetà iktar inklużiva u jitnaqqsu l-inugwaljanzi, jew inkella jkabbru l-inugwaljanzi eżistenti u joħolqu forom ġodda ta' diskriminazzjoni; |
E. |
billi d-diġitalizzazzjoni qed ikollha impatt profond fuq il-ħajja soċjali, ekonomika, politika u kulturali ta' kuljum taċ-ċittadini, tal-ħaddiema u tal-konsumaturi u qed taffettwa l-oqsma kollha tas-soċjetà; billi d-diġitalizzazzjoni tinsab fil-qofol ta' għadd ta' differenzi soċjali, u b'hekk qed jinħoloq distakk diġitali ġdid, mhux biss bejn iż-żoni urbani konnessi ħafna u ż-żoni rurali u mbiegħda, iżda wkoll bejn dawk li jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ minn spazju diġitali arrikkit, aċċessibbli u sigur b'firxa sħiħa ta' servizzi, u dawk li ma jistgħux; billi l-użu dejjem iktar mifrux tal-pagamenti diġitali, inkluż il-kards, il-portafolli elettroniċi jew l-apps għall-apparati mobbli, qed iwassal sabiex ċerti bejjiegħa bl-imnut ma jibqgħux jaċċettaw il-flus kontanti; |
F. |
billi t-tnaqqis fl-użu tat-tranżazzjonijiet fi flus kontanti jista' jirriżulta fid-deterjorament tal-infrastruttura tal-flus kontanti u għalhekk inaqqas l-aċċess tal-persuni għall-flus kontanti; filwaqt li jeħtieġ li jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-aċċess għall-flus kontanti minnufih u li tingħata l-libertà ta' għażla tal-pagament; |
G. |
billi l-użu eċċessiv tal-apparati teknoloġiċi jista' jiggrava l-fenomeni tas-saħħa mentali u fiżika bħall-iżolament, il-problemi ta' dipendenza eċċessiva mit-teknoloġija, in-nuqqas ta' rqad, l-eżawriment emozzjonali, l-ansjetà u l-eżawriment fiżiku; |
H. |
billi d-diġitalizzazzjoni jista' jkollha effett negattiv fuq persuni mingħajr ħiliet diġitali suffiċjenti jew fuq dawk li ma għandhomx aċċess għal konnessjoni tal-internet jew għal apparati diġitali; billi din tista' tenfasizza d-differenzi soċjali billi tnaqqas l-opportunitajiet ta' ċerti ħaddiema li jiksbu impjieg ta' kwalità; billi jeħtieġ li jitqajjem dubju dwar l-impatt negattiv tad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u privati fuq il-ħaddiema u fuq persuni bħall-anzjani u l-persuni b'diżabbiltà, iċ-ċittadini b'paga baxxa, soċjalment żvantaġġati jew qiegħda, il-migranti u r-rifuġjati jew il-persuni f'żoni rurali u mbiegħda; |
I. |
billi l-indikatur tal-ħiliet diġitali tal-UE bħalissa jinsab biss fuq 56 %; billi, l-għanijiet diġitali tal-UE jimmiraw li dan l-indikatur tal-ħiliet jiżdied għal 80 % sal-2030 (10); billi l-pandemija aggravat inugwaljanzi eżistenti inkluż id-distakk diġitali, biex b'hekk sar essenzjali li jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej kollha jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ mit-trasformazzjoni diġitali għal ħajja aħjar, iktar sikura u prosperuża; billi l-pandemija wriet l-effetti tad-distakk diġitali fl-edukazzjoni, fejn ċerti għalliema u studenti sabu ruħhom mitlufin għaliex ma kellhomx teknoloġija, ħiliet diġitali u aċċess għat-tagħmir suffiċjenti; |
J. |
billi total stmat ta' 87 miljun persuna fl-UE għandhom xi tip ta' diżabbiltà (11); billi l-aċċessibbiltà tal-formoli online spiss tiġi injorata, b'mod li l-utenti li jiddependu minn qarrej tal-iskrin lanqas ikunu kapaċi jsibu l-buttuna “Ibgħat”; billi jenħtieġ li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-web sabiex kulħadd, inklużi persuni b'diżabbiltà, ikun jista' jipperċepixxi, jifhem, jinnaviga u jinteraġixxi mal-internet; |
K. |
billi l-protezzjoni effettiva tad-data personali, tal-privatezza u tal-assi, is-sigurtà tan-networks u tal-elettronika, kif ukoll il-perċezzjoni taċ-ċittadini li d-data, il-privatezza u l-assi tagħhom huma protetti u siguri huma fundamentali biex tiġi żgurata l-fiduċja taċ-ċittadini u biex dawn ikunu jistgħu jgħelbu n-nuqqas ta' rieda tagħhom li jużaw is-servizzi diġitali; |
L. |
billi l-proposta għal Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali tas-26 ta' Jannar 2022 (COM(2022)0027) tissottolinja li kulħadd jenħtieġ li jkun kapaċi jagħżel liema servizzi diġitali juża abbażi ta' informazzjoni oġġettiva, trasparenti u affidabbli; |
M. |
billi l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa indirizzat l-edukazzjoni diġitali, u rrakkomandat li l-UE tagħmel sforz biex tagħmel it-teknoloġija iktar aċċessibbli għall-ġenerazzjoni iktar anzjana billi trawwem programmi u inizjattivi, pereżempju fil-forma ta' klassijiet imfassla apposta għall-ħtiġijiet tagħhom; billi jenħtieġ li l-UE tiggarantixxi d-dritt li tintuża d-diġitalizzazzjoni għal dawk li jixtiquha u tipproponi alternattivi għal dawk li ma jixtiquhiex; |
N. |
billi 5,3 % tat-tfal tal-età tal-iskola fl-Ewropa huma diġitalment imċaħħda, b'differenzi kbar osservati fost pajjiżi tal-UE (12), u t-tfal li l-familji tagħhom jgħixu fil-faqar jew f'deprivazzjoni materjali serja li ma għandhomx biżżejjed flus għal kompjuter u/jew għal konnessjoni tal-internet huma l-iktar affettwati; |
1. |
Jinsab imħasseb dwar il-persistenza tad-distakk diġitali, għaliex fadallu sew biex jingħalaq, u joħloq sfidi sinifikanti b'rabta mal-użu tal-internet u tal-mobiles, kif ukoll fit-termini tal-provvista ta' servizzi pubbliċi u privati permezz ta' kanali diġitali biss; ifakkar li d-diġitalizzazzjoni tista' tiġġenera differenzi soċjoekonomiċi fost il-persuni u fost il-pajjiżi għaliex tirrikjedi investimenti u infrastruttura li tiswa ħafna għal reġjuni inqas żviluppati u żoni rurali; jitlob eżaminazzjoni bir-reqqa tal-ħtiġijiet tal-persuni fir-rigward tal-iżviluppi u l-innovazzjoni diġitali, b'mod speċjali l-ħtiġijiet tal-gruppi vulnerabbli, sabiex jivvalutaw kif jistgħu jibbenefikaw minn dawn it-teknoloġiji ġodda; jissottolinja li t-tranżizzjoni diġitali jeħtieġ li ssir b'mod li jibbenefika lil kulħadd; |
2. |
Jiddispjaċih mill-fatt li ħafna persuni jew ma jużawx is-servizzi diġitali b'mod regolari jew ma għandhomx kunfidenza jwettqu tranżazzjonijiet online, għaliex dan jista' jkollu impatt negattiv sinifikanti fuq il-ħajja personali, is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tagħhom, u fuq id-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż il-protezzjoni tad-data personali tagħhom u kwistjonijiet ta' ċibersigurtà oħra; jiddispjaċih mill-eżistenza ta' ostakli li b'mod partikolari jipprevjenu liċ-ċittadini vulnerabbli, lil dawk b'livell edukattiv iktar baxx, lill-anzjani, lill-persuni b'diżabbiltà, lill-persuni b'diffikultajiet fit-tagħlim u lil dawk b'paga baxxa milli jipparteċipaw bis-sħiħ f'dinja fejn is-servizzi bażiċi bħas-servizzi bankarji jew amministrattivi huma diġitali, għaliex jirriskjaw li jiġu esklużi mis-soċjetà u li jitilfu opportunitajiet ekonomiċi; jisħaq fuq l-importanza li tingħata opportunità lil kulħadd biex jadatta għall-bidliet li ġabet id-diġitalizzazzjoni, b'mod speċjali permezz ta' edukazzjoni diġitali bikrija, kurrikuli tal-edukazzjoni diġitali aġġornati, tagħlim tul il-ħajja jew taħriġ mill-ġdid u titjib tal-ħiliet, sabiex tiġi indirizzata l-esklużjoni diġitali, jingħeleb id-distakk diġitali fis-soċjetà u tkun permessa l-inklużjoni taċ-ċittadini kollha; |
3. |
Jissottolinja li l-użu ta' servizzi ta' pagament differenti jvarja b'mod konsiderevoli madwar l-UE, kif ukoll ġewwa l-Istati Membri stess; jinnota li ħafna ċittadini għadhom jiddependu mill-flus kontanti bħala l-unika għażla ta' pagament tagħhom; |
4. |
Jirrikonoxxi li l-pagament mhux bi flus kontanti u l-PSD2 ipprovdew għadd ta' vantaġġi għas-suq uniku, inkluż it-tnaqqis tal-frodi, gwadanji ekonomiċi għan-negozji żgħar u d-disponibbiltà ta' firxa iktar wiesgħa ta' prodotti; jistieden lill-Kummissjoni teżamina, matul ir-rieżami komprensiv tal-applikazzjoni u tal-impatt tal-PSD2, kif iżżid iktar is-sigurtà tal-pagamenti diġitali u tiġġieled kontra l-frodi tal-ħlas, inkluż scams online, kif ukoll kif tiżgura l-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li tqis il-ħtiġijiet speċifiċi taċ-ċittadini u tiggarantixxi li kulħadd ikollu għażla ta' metodi ta' pagament; jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza, b'mod speċjali għall-persuni li ma humiex familjari mas-sigurtà tad-data online; jissottolinja li jeħtieġu li jiġu inklużi dispożizzjonijiet biex jiġu garantiti interfaċċi tas-software faċli għall-utent għal għażliet ta' pagament diġitali, standards għoljin ta' protezzjoni tad-data u ta' interoperabbiltà tad-data, il-konvenjenza għall-konsumaturi u l-aċċess effettiv għall-flus kontanti; |
5. |
Jissottolinja li l-qafas regolatorju tal-UE jeħtieġ li jiżgura li d-diġitalizzazzjoni tkun iċċentrata fuq il-bniedem u li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati bis-sħiħ fl-ekonomija diġitali, b'mod partikolari għall-ħaddiema; |
6. |
Ifakkar li l-ħajja demokratika u s-servizzi pubbliċi online jeħtieġ li jkunu inklużivi u aċċessibbli b'mod sħiħ għal kulħadd u li d-diskriminazzjoni teknoloġika hija forma ta' faqar u esklużjoni soċjali li ċċaħħad lil ċerti ċittadini minn riżorsi essenzjali għall-iżvilupp u l-ġenerazzjoni tal-ġid; jisħaq li kulħadd għandu jibbenefika minn ambjent diġitali tal-ogħla kwalità b'servizzi u għodod faċli għall-utent, effiċjenti u personalizzati li joffru standards għoljin ta' sigurtà u privatezza filwaqt li jiġu żgurati salvagwardji kontra kwalunkwe diskriminazzjoni potenzjali fl-aċċess għas-servizzi bażiċi li jirrikjedu l-użu tal-ħiliet diġitali; |
7. |
Jisħaq li ħafna servizzi ta' kuljum għandhom joffru soluzzjoni mhux diġitali sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' dawk iċ-ċittadini li ma għandhomx il-ħiliet jew l-għarfien biex jużaw servizzi online, li jixtiequ jużaw servizzi offline jew dawk li ma għandhomx aċċess għal apparati diġitali u applikazzjonijiet; f'dan ir-rigward, jinsisti li jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti bejn id-dinjiet online u offline; jistieden lill-amministrazzjonijiet pubbliċi u lill-kumpaniji jkunu inklużivi u jfasslu s-servizzi online tagħhom b'mod komprensibbli sabiex ikunu jistgħu jiġu aċċessati u użati minn persuni ta' kull età u livell edukattiv, ħalli jgħinu biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fis-soċjetajiet tagħna li għadhom jippersistu minħabba l-aċċess inugwali għat-teknoloġija; |
8. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu indirizzati d-distakk diġitali u l-esklużjoni finanzjarja ta' gruppi soċjali vulnerabbli sabiex it-trasformazzjoni diġitali ma tħalli lil ħadd jibqa' lura, b'mod partikolari dawk li l-iktar jinsabu f'riskju li ma jkollhomx il-ħiliet diġitali meħtieġa biex jisfruttaw il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi u privati, sabiex tkun possibbli l-inklużjoni taċ-ċittadini kollha fis-soċjetà diġitali, irrispettivament mill-introjtu, is-sitwazzjoni soċjali, il-lokazzjoni ġeografika, is-saħħa jew l-età tagħhom; jisħaq li, billi l-persuni fl-iktar sitwazzjonijiet prekarji jiddependu l-iktar mill-proċeduri amministrattivi sabiex jiksbu aċċess għad-drittijiet finanzjarji tagħhom, għandhom jiġu implimentati iktar inizjattivi li jiffaċilitaw l-aċċess għat-teknoloġija, inkluż programmi ta' litteriżmu diġitali, u jtenni l-importanza tal-edukazzjoni u t-tagħlim kontinwu biex jiġu żviluppati l-ħiliet meħtieġa fl-era diġitali u tiġi miġġielda l-esklużjoni diġitali; |
9. |
Jinsab imħasseb bit-tnaqqis fil-preżenza fiżika tas-servizzi pubbliċi, b'mod speċjali f'żoni rurali u fil-periferiji tal-bliet; jissottolinja l-importanza assoluta li jinżammu s-siti fiżiċi għas-servizzi pubbliċi kollha flimkien mal-iżvilupp tas-servizzi online; jitlob li jittieħdu passi li jippromwovu protezzjoni speċifika tal-aċċess għas-servizzi bażiċi għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni abbażi ta' insuffiċjenza fl-għarfien teknoloġiku; japprova mudell ta' servizz għall-klijenti ċċentrat fuq il-bniedem; jenfasizza li, fir-rigward tal-aċċess għas-servizzi pubbliċi f'forma diġitali, huwa importanti li nitbiegħdu mill-approċċ fejn parti mill-ħidma amministrattiva tkun fuq l-utent u dan it-trasferiment tal-piż jiġi akkumpanjat minn trasferiment tar-responsabbiltà u obbligu għall-utent li jitgħallem kif juża t-teknoloġija diġitali, ikun awtonomu u jikkonforma mal-aspettattivi mill-amministrazzjoni ta' xempju ta' utent; |
10. |
Jitlob mudell ta' provvista tas-servizzi pubbliċi bbażat fuq il-libertà tal-għażla ta' kull utent fuq il-mod kif jirrelata mal-amministrazzjoni, u jisħaq fuq il-ħtieġa ta' azzjoni li ttejjeb id-disinn u l-varar ta' siti pubbliċi biex jingħelbu l-problemi ta' aċċessibbiltà u jingħata l-appoġġ legali, tekniku u amministrattiv neċessarju li jeħtieġu l-utenti sabiex jużaw dawn is-siti b'mod indipendenti; |
11. |
Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni ta' dan il-mudell ta' servizz pubbliku jirrikjedi riżorsi umani, tekniċi u ekonomiċi, u jfakkar li l-fondi tal-UE, b'mod speċifiku l-fondi NextGenerationEU, jistgħu jkunu opportunità kbira biex issir din it-tranżizzjoni; |
12. |
Jinsab konxju mill-effetti ta' awtentikazzjoni b'saħħitha tal-klijenti għal utenti li ma għandhomx mobile; jitlob li din l-awtentikazzjoni tiġi estiża għal mezzi oħra, bħall-email, it-telefonati jew l-appoġġ uman mal-bank; jiddispjaċih li l-PSD2 ma tipprovdix dritt dirett lill-konsumaturi li jitolbu metodu ta' awtentikazzjoni alternattiv; jistieden lill-Kummissjoni tqis ir-riskji ta' diskriminazzjoni kontra persuni akbar fl-età u gruppi vulnerabbli oħra fil-valutazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet tal-PSD2; |
13. |
Jisħaq fuq l-importanza ta' approċċ Ewropew komuni għall-aspetti etiċi tad-diġitalizzazzjoni; jilqa' l-abbozz ta' Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali tal-UE ta' Jannar 2022 u jissottolinja li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-soluzzjonijiet teknoloġiċi jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u li t-trasformazzjoni diġitali ma tħalli lil ħadd jibqa' lura, billi l-għan globali huwa l-eliminazzjoni tad-distakk diġitali; |
14. |
Ifakkar li l-fatturi soċjodemografiċi jaffettwaw b'mod sinifikanti l-livelli ta' ħiliet diġitali, pereżempju iżjed minn żewġ terzi taż-żgħażagħ, tal-individwi b'livell għoli ta' edukazzjoni formali u tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja għandhom ħiliet diġitali tal-inqas bażiċi; jinnota, b'kuntrast ma' dan, li madwar terz biss ta' dawk li għandhom 55-74 sena, tal-pensjonanti u ta' dawk barra mill-forza tax-xogħol għandhom ħiliet diġitali tal-inqas bażiċi; jinnota wkoll li d-diskrepanza bejn il-ħiliet diġitali fost il-persuni li jgħixu f'żoni rurali u urbani għadha sostanzjali (13); jinnota li l-konnettività diġitali hija fattur ewlieni fl-indirizzar u t-tnaqqis tad-distakk diġitali bejn żoni b'densità għolja u baxxa ta' popolazzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza b'mod urġenti d-distakk diġitali eżistenti f'politika ta' koeżjoni aġġornata; |
15. |
Jisħaq fuq l-importanza li jingħeleb id-distakk diġitali, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni ta' ħiliet bażiċi u speċjalizzati b'enfasi speċifika fuq il-gruppi ta' persuni l-iktar vulnerabbli, u tal-iżvilupp tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ inkluż it-tagħlim tul il-ħajja, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet; ifakkar li mhux kulħadd jista' jikseb litteriżmu diġitali u jisħaq li ma għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni abbażi tal-ħiliet diġitali tal-persuni; itenni li l-prinċipju tal-effiċjenza diġitali ma jistax jiġġustifika l-esklużjoni tal-persuni mill-aċċess għal servizzi bażiċi; |
16. |
Jitlob sforzi biex jiġi żgurat li t-trasformazzjoni diġitali tiggarantixxi drittijiet diġitali ġodda għal kulħadd, li jirriżulta mill-ħtieġa ta' aċċess għall-mezzi diġitali fiż-żoni kollha sabiex jiġu evitati d-distakki diġitali bejn it-territorji, il-persuni minn żoni, sfondi u etajiet differenti, b'mod speċjali billi jitqies li d-distakk bejn il-ġeneri u l-ħtiġijiet ta' persuni akbar fl-età li, għad-differenza taż-żgħażagħ, spiss ikunu inqas familjari mal-użu ta' teknoloġiji ġodda; |
17. |
Jemmen li t-teknoloġiji ġodda jistgħu jikkontribwixxu għat-tnaqqis tad-distakk diġitali li jaffettwa madwar 87 miljun ċittadin Ewropew li jbati minn xi tip ta' diżabbiltà sabiex tiġi appoġġjata l-inklużjoni tagħhom fl-ekonomija u l-aċċess tagħhom għas-servizzi essenzjali; jinsab konvint li l-użu tat-teknoloġiji diġitali jista' jnaqqas l-ostakli li jsibu l-persuni b'diżabbiltà meta jidħlu fis-suq tax-xogħol, bħall-ikkompletar tal-kompiti tax-xogħol, il-komunikazzjoni, l-interazzjonijiet jew il-flessibbiltà; |
18. |
Jinnota li d-distakk diġitali għandu konsegwenzi importanti għall-immigranti, billi d-diskriminazzjoni tista' tiġi aggravata jekk ikun hemm aċċess mhux komplut jew suffiċjenti għas-servizzi pubbliċi u privati online u għall-mezzi diġitali (14); |
19. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri. |
(1) OECD, “Understanding the Digital Divide” (Nifhmu d-Distakk Diġitali), 2001.
(2) ĠU C 289, 9.8.2016, p. 65.
(3) ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35.
(4) ĠU L 327, 2.12.2016, p. 1.
(5) ĠU L 69, 13.3.2018, p. 23.
(6) ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70.
(7) ĠU C 132, 24.3.2022, p. 129.
(8) L-istatistika tal-BĊE għall-2021 dwar il-pagamenti mhux bi flus kontanti.
(9) Ir-rapport tal-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) tal-2022.
(10) Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali tal-2021.
(11) Eurostat, “Functional and activity limitations statistics” (Statistika dwar il-limitazzjonijiet funzjonali u tal-attività). Ara wkoll: https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Functional_and_activity_limitations_statistics
(12) DigiGen, “The impact of technological transformations on the Digital Generation” (L-impatt tat-trasformazzjonijiet teknoloġiċi fuq il-Ġenerazzjoni Diġitali), 2021.
(13) “Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) tal-2022: Kapital Uman”.
(14) “Id-distakki – L-impatt tad-distakk diġitali fuq il-popolazzjoni barranija”, 2018.