|
11.5.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 167/57 |
P9_TA(2022)0420
Il-futur tal-arkitettura Finanzjarja Ewropea għall-Iżvilupp
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Novembru 2022 dwar il-futur tal-Arkitettura Finanzjarja Ewropea għall-Iżvilupp (2021/2252(INI))
(2023/C 167/09)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew, u l-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta' Jannar 2008 bit-titlu “Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja” (1), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-30 ta' April 2014 bit-titlu “Tool-box – A rights-based approach, encompassing all human rights for EU development cooperation” (Sett ta' għodod – Approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jinkludi d-drittijiet tal-bniedem kollha għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE) (SWD(2014)0152), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU tal-21 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”, adottata fis-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York fil-25 ta' Settembru 2015, u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), |
|
— |
wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li saret f'Addis Ababa bejn it-13 u s-16 ta' Lulju 2015, u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi), |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2017 bit-titlu “Il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp – Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna” (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief dwar l-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp ta' Ottubru 2019 bit-titlu “Europe in the World – the future of European financial architecture for development” (L-Ewropa fid-Dinja – il-futur tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Istudju tal-Fattibbiltà tal-Kunsill tal-14 ta' April 2021 dwar il-possibbiltajiet li tissaħħaħ l-arkitettura finanzjarja Ewropea futura għall-iżvilupp, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar it-titjib tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp, |
|
— |
wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni ta' 24 ta' Marzu 2022 għal arkitettura finanzjarja Ewropea mtejba għall-iżvilupp u r-rapport ta' progress tal-2021 (COM(2022)0139); |
|
— |
wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt bejn il-BEI u l-BERŻ tal-25 ta' Novembru 2021 dwar azzjonijiet meħuda fil-kuntest tal-arkitettura finanzjarja Ewropea futura għall-iżvilupp (EFAD) Konklużjonijiet tal-Kunsill, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 7/2020 tal-11 ta' Settembru 2020 li takkumpanja r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 bit-titlu “Strateġija ġdida UE-Afrika – sħubija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv” (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar il-Fondi Fiduċjarji tal-UE u l-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija (4), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-1 ta' Diċembru 2021 bit-titlu “Il-Portal Globali” (JOIN(2021)0030), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (5), |
|
— |
wara li kkunsidra s-sitt Summit tal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana tas-17 u t-18 ta' Frar 2022 bit-titlu “Viżjoni Konġunta għall-2030”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), li huwa anness mat-Trattati u jistipula li l-BEI huwa l-istituzzjoni ta' finanzjament tal-Unjoni Ewropea, huwa esklużivament proprjetà tas-27 Stat Membru kollha tal-UE u għandu l-kompitu li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-UE għall-iżvilupp, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A9-0270/2022), |
|
A. |
billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat id-distakk diġà sinifikanti fil-finanzjament tal-SDG u kkawżat tnaqqis ġenerali fir-riżorsi ta' USD 700 biljun, u, fl-istess ħin, żieda fil-ħtiġijiet ta' USD 1 triljun, u dan kkawża effett ta' mqass, b'mod li d-defiċit ta' finanzjament annwali tal-SDG fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li qabel il-pandemija kien jammonta għal USD 2,5 triljun, huwa mistenni li jiżdied b'70 % wara l-COVID-19, għal USD 4,2 triljun (EUR 3,7 triljun) (6); |
|
B. |
billi hemm defiċit ta' finanzjament annwali ta' USD 148 biljun f'pajjiżi b'introjtu baxx u medju inferjuri fir-rigward tal-kisba tal-SDG 4 bejn issa u l-2030; billi hemm ir-riskju li l-ispejjeż addizzjonali dovuti għall-għeluq tal-iskejjel relatat mal-COVID-19 iżidu dan id-defiċit ta' finanzjament b'terz; |
|
C. |
billi l-aggressjoni militari tar-Russja fl-Ukrajna aggravat drastikament is-sitwazzjoni tal-SDGs fl-Ukrajna u fil-pajjiżi ġirien tagħha; billi l-aggressjoni militari attwali fl-Ukrajna mir-Russja se jkollha impatt fuq l-implimentazzjoni tal-SDGs fuq livell dinji, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġlieda kontra l-faqar u l-ġuħ, li jżidu r-riskji ta' inkwiet ċivili, kunflitti u migrazzjoni irregolari akbar; billi l-konsegwenzi distruttivi kkawżati mill-att kriminali tal-gwerra ta' Putin iddevjaw b'mod sinifikanti r-riżorsi diġà skarsi tal-għajnuna għall-iżvilupp; billi l-konsegwenzi fit-tul ta' din il-gwerra għadhom mhumiex magħrufa; billi n-nuqqas kbir fil-finanzjament tal-SDG u l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, li kienet devastanti madwar id-dinja li qed tiżviluppa, jirrikjedu rispons massiv u sostnut mill-atturi kollha tal-UE u rieżami tas-sistema kollha (EFAD); |
|
D. |
billi t-tmexxija politika u finanzjarja attwali tal-UE u l-isforzi tagħha mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-SDGs u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u biex jiġu indirizzati sfidi globali akuti oħra, b'mod partikolari d-deterjorament tat-tibdil fil-klima, il-piż tad-dejn li żdied b'mod drammatiku tal-pajjiżi sħab, il-konsegwenzi tal-COVID-19 u l-kunflitti vjolenti, u għalhekk huwa meħtieġ impenn konġunt fil-livell internazzjonali biex jiġi żgurat li l-EFAD tkun tista' tindirizza dawn l-isfidi emerġenti; |
|
E. |
billi sabiex effettivament jintlaħqu l-SDGs u tingħeleb il-pandemija tal-COVID-19, il-koerenza politika u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet uffiċjali kollha tal-finanzjament għall-iżvilupp, l-azzjonisti statali tagħhom, l-istituzzjonijiet tal-UE u s-sħab eżistenti kollha huma meħtieġa b'mod urġenti biex jiġi żgurat li l-flus pubbliċi skarsi jintużaw bl-aktar mod effettiv u effiċjenti; billi l-mobilizzazzjoni b'suċċess ta' aktar kapital, kemm privat kif ukoll pubbliku, flimkien mal-assistenza uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) u forom eżistenti oħra ta' finanzjament għall-iżvilupp, hija kritika u jeħtieġ li tiġi allinjata mal-objettivi tal-politika tal-iżvilupp, b'mod partikolari bil-ħsieb li jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar bħala l-ewwel għan tal-Aġenda 2030; |
|
F. |
billi, anke bil-ħsieb li jiġi żviluppat b'mod sostenibbli n-Nofsinhar Globali, huwa ta' importanza ewlenija li l-flussi tal-enerġija dinjija jiġu organizzati mill-ġdid fil-futur u li l-kontinent Afrikan ikollu rwol importanti; billi t-tisħiħ tar-rwol tiegħu fir-rigward tal-produzzjoni, l-użu u l-esportazzjonijiet tal-enerġija sostenibbli se jipprovdi l-opportunità għal żvilupp ekonomiku sostenibbli u orjentat lejn il-futur u jista' jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-maġġoranza kbira tal-popolazzjoni; |
|
G. |
billi n-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel huwa ostaklu sinifikanti biex jintlaħqu l-SDGs, b'mod partikolari fl-Afrika, fejn 2 minn kull 10 persuni mhumiex mitmugħa biżżejjed; billi din l-isfida se ssir aktar akuta biss minħabba t-tkabbir tal-popolazzjoni; billi l-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi sħab jeħtieġ li tindirizza din l-isfida b'mod effettiv u sostenibbli; |
|
H. |
billi l-istituzzjonijiet tal-UE u s-27 Stat Membru tal-UE flimkien jikkostitwixxu l-akbar donatur għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, responsabbli għal madwar 46 % tal-ODA totali pprovduta mill-membri kollha tal-ODA tal-OECD lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
|
I. |
billi l-ħolqien tal-approċċ ta' Tim Ewropa bħala r-rispons globali tal-UE għall-COVID-19 jista' jgħin biex jiġi stabbilit qafas ta' koordinazzjoni strateġiku uniku għar-rispons estern tal-UE għall-pandemija u sfidi maġġuri oħra, bħall-konsegwenzi tal-aggressjoni militari tar-Russja fl-Ukrajna, b'appoġġ għall-pajjiżi sħab; billi dan l-approċċ huwa proċess promettenti li jippermetti aktar kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej bilaterali u multilaterali ta' finanzjament għall-iżvilupp, il-BEI u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), u b'hekk kontinwament iżid l-effikaċja u l-viżibbiltà kollettiva tal-UE; |
|
J. |
billi d-dħul fis-seħħ tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI – Ewropa Globali), b'baġit globali ta' EUR 79,5 biljun, jikkostitwixxi bidla storika fil-politiki esterni u ta' żvilupp tal-UE, li twassal għar-razzjonalizzazzjoni u l-konsolidazzjoni tal-infiq tal-UE għall-iżvilupp, u tagħti impetu ġdid lil kooperazzjoni akbar bejn l-atturi Ewropej għall-iżvilupp; billi l-NDICI – Ewropa Globali jimmodifika b'mod sinifikanti l-qafas ta' investiment estern, billi jiġbor flimkien il-finanzjament imħallat u l-garanziji fl-ambitu tal-Garanzija għall-Azzjoni Esterna (EAG) tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus (EFSD+); billi l-EFSD+ jespandi b'mod konsiderevoli l-ambitu ġeografiku u l-pakkett finanzjarju tal-predeċessur tiegħu, l-EFSD, u se jkun jista' jiggarantixxi operazzjonijiet sa EUR 53,4 biljun permezz tal-EAG; billi l-prinċipju tal-“politiki jiġu l-ewwel” fil-qalba tal-NDICI – Ewropa Globali jirrappreżenta bidla lejn il-kooperazzjoni mmexxija minn objettivi ta' politika u jiżgura li l-użu tal-garanziji baġitarji tal-UE jkun kopert mill-proċess ta' programmazzjoni; |
|
K. |
billi l-EFSD+, stabbilit fl-qmbitu tal-istrument NDICI – Ewropa Globali, jipprovdi finanzjament għal operazzjonijiet ta' taħlit u ta' garanzija baġitarja, li għandhom jiġu implimentati minn sħab eliġibbli fil-qafas ta' approċċ miftuħ u kollaborattiv; |
|
L. |
billi l-Artikolu 36 tal-NDICI – Ewropa Globali jistabbilixxi r-rwol speċifiku tal-BEI fl-ambitu ta' dak l-istrument; |
|
M. |
billi l-kumpaniji u l-istituzzjonijiet ta' finanzjament tal-UE li joperaw f'pajjiżi li qed jiżviluppaw iffaċċjaw, matul l-aħħar għaxar snin, dejjem aktar kompetizzjoni inġusta minn atturi globali li joperaw barra mis-sistema multilaterali ta' finanzjament għall-iżvilupp, li tipprevedi sett internazzjonali ta' regoli u regolamenti, bħal rekwiżiti speċifiċi għall-ODA, il-krediti uffiċjalment appoġġati, is-self sostenibbli u s-sostenibbiltà tad-dejn, is-sussidji għall-esportazzjoni pprojbiti u standards internazzjonali għall-ġlieda kontra t-tixħim u l-korruzzjoni; |
|
N. |
billi il-funzjonament tajjeb tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) u l-appoġġ għall-Mobilizzazzjoni tar-Riżorsi Domestiċi (DRM) huma parti integrali mill-ġestjoni finanzjarja tajba u għandhom l-għan li jżidu l-effikaċja tal-għajnuna permezz ta' inizjattivi konkreti, bħall-appoġġ għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-iżvilupp ta' sistemi tat-taxxa progressivi u l-indirizzar tal-evitar u l-evażjoni tat-taxxa; |
|
O. |
billi r-rapport tal-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief maħruġ f'Ottubru 2019 inkluda fost ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu t-twaqqif ta' Bank Ewropew għall-Klima u l-Iżvilupp Sostenibbli (ECSDB), possibbiltà li ġiet immedjatament miċħuda mill-Istati Membri bħala għalja wisq u li tieħu wisq żmien biex tiġi implimentata fi ħdan il-perjodu baġitarju l-ġdid; billi, minflok, il-Kunsill għażel soluzzjoni alternattiva għal dawk issuġġeriti mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Persuni Għorrief, imsejħa Status Quo+, li ma tbiddilx fundamentalment l-istrutturi eżistenti iżda titlob it-titjib tagħhom; billi s-soluzzjoni Status Quo+ tipprevedi t-titjib li ġej mingħajr ebda spiża addizzjonali għall-Istati Membri: It-titjib tal-preżenza tal-BEI fuq il-post u l-bdil tal-mudell ekonomiku tiegħu għal wieħed aktar orjentat lejn il-banek għall-iżvilupp, biex b'hekk tiġi estiża gradwalment il-portata tal-azzjoni tal-BERŻ fl-Afrika sub-Saħarjana u tiżdied il-kapaċità tal-Kummissjoni, tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tad-delegazzjonijiet tal-UE; |
|
P. |
billi l-Istati Membri appellaw lill-banek għall-iżvilupp u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej biex iżidu l-kollaborazzjoni u l-koordinazzjoni tagħhom, kemm bejniethom kif ukoll ma' istituzzjonijiet finanzjarji multilaterali u internazzjonali oħra, filwaqt li jibnu fuq il-punti b'saħħithom u l-għarfien espert ta' kull istituzzjoni, u b'hekk isaħħu l-effiċjenza, il-viżibbiltà u l-impatt tal-EFAD, u jinkoraġġixxu aktar mobilizzazzjoni tas-settur privat filwaqt li jikkomplementaw u jappoġġaw l-involviment tas-settur pubbliku. |
Il-prinċipji u l-objettivi tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp
|
1. |
Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-EFAD u tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għal arkitettura finanzjarja Ewropea mtejba u r-rapport ta' progress tal-2021 tal-24 ta' Marzu 2022 (COM(2022)0139); jissottolinja r-rwol fundamentali tal-NDICI-Ewropa Globali, tal-EFSD+ u tal-EAG fl-għoti ta' qafas strateġiku għall-finanzjament imħallat, għat-tneħħija tar-riskji u għall-garanziji u għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi mis-settur privat bis-sostenn tal-baġit tal-UE, speċjalment fid-dawl tal-kompetizzjoni ġeopolitika u ekonomika li qed tiżdied; |
|
2. |
Jenfasizza li l-EFAD għandha tipprevedi arkitettura effiċjenti, effikaċi, koerenti u inklużiva, mirfuda mill-prinċipju “il-politika l-ewwel” bħala s-sinsla tal-istruttura tal-EFAD, u f'konformità mal-interessi u l-valuri strateġiċi tal-UE; jinsisti li s-sħab kollha inkarigati mill-implimentazzjoni li huma parti mill-EFAD u jaċċessaw il-fondi tal-baġit tal-UE fl-ambitu tal-EFSD+ japplikaw il-firxa sħiħa tal-istandards, il-politiki u l-proċeduri fil-qasam soċjali u tad-drittijiet tal-bniedem, tal-akkwist, tat-trasparenza, tal-ambjent u tal-istat tad-dritt tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni taċċedi, timmonitorja u tirrapporta lura dwar il-konformità ma' dawn ir-regoli tal-UE. jisħaq li l-EFAD xprunata mill-prinċipju tal-“politiki jiġu l-ewwel” għandha tkun iggwidata mill-prinċipji u l-objettivi stabbiliti fl-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, fil-Ftehim ta' Pariġi u fl-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, u għandha tikkontribwixxi għall-ksib tal-SDGs; itenni li l-proġetti li jinvolvu l-atturi tal-EFAD iridu jkunu soġġetti għall-verifika tas-sostenibbiltà klimatika, ambjentali u soċjali bil-ħsieb li jiġi minimizzat kwalunkwe impatt detrimentali possibbli u jiġu massimizzati l-benefiċċji fid-dimensjonijiet klimatiċi, ambjentali u soċjali, f'konformità mal-impenji tal-UE u tal-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 2.1(c) tal-Ftehim ta' Pariġi; jinsisti bil-qawwa li l-operazzjonijiet fil-qafas tal-EFAD il-ġdid jikkontribwixxu għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih; jinsisti wkoll, f'dan il-kuntest, li l-operazzjonijiet li jinvolvu l-atturi tal-EFAD ma jiffinanzjawx setturi finanzjarji li jalimentaw il-kriżi klimatika iżda minflok jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni lejn produzzjoni tal-enerġija sostenibbli; ifakkar li l-impenn politiku tal-UE għandu jkun inkorporat fil-qafas finanzjarju pluriennali tagħha u rifless bis-sħiħ fl-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp; |
|
3. |
Jisħaq bil-qawwa li l-EFAD trid issaħħaħ is-sħubijiet strateġiċi bejn l-Unjoni Ewropea u s-sħab globali tagħha fil-qasam tal-iżvilupp; itenni li tali sħubijiet għandhom dejjem ikunu bbażati fuq ir-rispett reċiproku u d-dinjità, l-interessi u l-valuri kondiviżi, b'mod partikolari d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ir-responsabbiltà ambjentali, soċjali u klimatika, is-saħħa u s-sigurtà, bl-għan li jitnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar; itenni li dawn is-sħubijiet għandhom dejjem jiġu stabbiliti f'konformità mal-SDGs u fi sforz biex dawn jintlaħqu; jindika, f'dan ir-rigward, l-influwenza multidimensjonali tar-reġim ta' Putin u l-appoġġ għalih mill-kontinent Afrikan u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu kuntatt ma' dawn il-pajjiżi sħab Afrikani u jistabbilixxu sħubijiet affidabbli; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-NGOs, inklużi l-organizzazzjonijiet lokali, fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta' tali sħubijiet; jissottolinja li prerekwiżit għall-proġetti ta' sħubija ffinanzjati permezz tal-EFAD huwa li jiġu żgurati l-iżvilupp u l-addizzjonalità finanzjarja, kif ukoll il-parteċipazzjoni tal-pajjiż u l-effikaċja tal-iżvilupp; huwa favur il-politiki u l-inizjattivi tal-UE li jappoġġjaw il-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-politika tal-iżvilupp, u l-azzjonijiet tal-UE li jikkomplementaw u jappoġġjaw l-inizjattivi tal-Istati Membri; jenfasizza li l-qerda tal-faqar (SDG 1), it-trawwim ta' saħħa tajba u benesseri (SDG 3), l-iżgurar ta' aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità għal kulħadd (SDG 4), it-tnaqqis tal-inugwaljanzi (SDG 10) u l-promozzjoni tal-azzjoni klimatika (SDG 13), huma sfidi partikolarment akuti fid-dinja tal-lum, u li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-gruppi l-aktar emarġinati u li ħadd ma jitħalla jibqa' lura; jinsisti wkoll li għandha tittieħed aktar azzjoni biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' investiment għall-industriji sostenibbli tal-oċeani, peress li l-SDG 14 dwar “il-ħajja taħt l-ilma” jibqa' wieħed mill-aktar għanjiet sottofinanzjati mill-SDGs kollha; |
|
4. |
Jissottolinja l-interkonnessjoni bejn l-għajnuna umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-paċi; jenfasizza r-rwol li għandu l-iżvilupp fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fl-iżgurar ta' ħruġ dejjiemi mill-kunflitti u fit-tisħiħ tal-ġestjoni tal-kriżijiet; jinsisti fuq l-importanza li tiġi żviluppata aktar rabta tripla mfassla tajjeb iffukata fuq irkupru fit-tul strutturali, sostenibbli u ċċentrat fuq in-nies, sabiex jiġu indirizzati l-kumplessitajiet ta' kriżijiet fit-tul u prevedibbli u sitwazzjonijiet vjolenti; ifakkar li, mingħajr il-paċi u s-sigurtà, l-iżvilupp u l-qerda tal-faqar mhumiex possibbli, filwaqt li mingħajr l-iżvilupp u l-qerda tal-faqar, il-paċi sostenibbli, is-sigurtà tal-bniedem jew tal-istat ma jistgħux jiġu stabbiliti; jinnota wkoll li nuqqas ta' sigurtà jaggrava l-vulnerabbiltajiet diġà eżistenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jżid id-defiċit ta' finanzjament għall-ksib tal-SDGs; jieħu nota tal-fatt li s-sigurtà, l-istat tad-dritt u l-istituzzjonijiet reżiljenti huma essenzjali għall-investimenti u għall-iżvilupp sostenibbli; Jieħu nota tal-attivitajiet tal-partijiet ikkonċernati lokali, inklużi l-korpi tal-gvern lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet ibbażati fuq it-twemmin fil-qasam tar-riżoluzzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti, li jikkontribwixxu għall-paċi u s-sigurtà; ifakkar li l-ODA għandha dejjem tintuża f'konformità mal-objettivi ta' żvilupp maqbula internazzjonalment u l-NDICI – Ewropa Globali; |
|
5. |
Jenfasizza r-rwol ta' approċċ kollettiv u koerenti tal-UE, appoġġjat u approvat mill-Istati Membri kollha tal-UE, li huwa adattat sew fuq livell politiku u mfassal għall-ispeċifiċitajiet tal-pajjiż sieħeb, u li jista' jkun effettiv fit-trawwim tal-espansjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali li huma konformi mal-konvenzjonijiet rilevanti tal-ILO, u tas-servizzi pubbliċi essenzjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrimarka li tali approċċ tal-UE jgħin biex il-protezzjoni soċjali ssir waħda mill-pedamenti tal-kuntratt soċjali, u b'hekk iwitti t-triq għal reżiljenza msaħħa; iqis il-finanzjament imħallat bħala għażla mis-sett ta' għodod għall-finanzjament tal-iżvilupp li tista' tikkomplementa l-investiment pubbliku f'kuntest baġitarju ristrett; jitlob li l-operazzjonijiet ta' taħlit ikunu limitati għal dawk l-oqsma fejn jistgħu jżidu l-valur lill-ekonomija lokali u jitlob, f'dan il-kuntest, li ssir valutazzjoni bir-reqqa, b'mod partikolari meta fil-mira jkun hemm il-pajjiżi l-anqas żviluppati, bil-għan li jiġu limitati l-piżijiet tad-dejn, jiġu salvagwardjati s-servizzi pubbliċi essenzjali bħas-saħħa, l-edukazzjoni u l-protezzjoni soċjali, u li l-inugwaljanzi eżistenti ma jitwessgħux; |
|
6. |
Jissottolinja li l-koerenza fil-politiki, l-istrateġiji, l-inizjattivi u l-istrumenti ta' finanzjament kollha tal-UE, b'mod partikolari l-istrument NDICI – Ewropa Globali l-ġdid, l-inizjattiva Tim Ewropa u l-istrateġija l-ġdida tal-Portal Globali, kif ukoll l-allinjament mill-qrib mal-istrateġija tal-UE għall-PCD u l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp Sostenibbli (PCSD) huma essenzjali sabiex jiġi massimizzat ir-rispons globali tal-UE għat-tkabbir sostenibbli, l-iżvilupp u l-paċi; jemmen li l-EFAD għandha ttejjeb il-viżibbiltà tal-UE u l-impatt tal-finanzjament tagħha għall-iżvilupp fid-dinja, sabiex jiġi żgurat li r-rwol perċepit tal-UE fid-dinja jaqbel mal-kobor tal-appoġġ li hija tagħti; |
|
7. |
Huwa allarmat dwar kif il-pandemija tal-COVID-19 esponiet l-ixprunaturi strutturali fit-tul tal-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa; jemmen li l-EFAD għandha tikkontribwixxi għal investimenti f'sistemi tas-saħħa pubblika reżiljenti, fil-kura tas-saħħa u s-servizzi tal-kura tas-saħħa, u fir-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji tas-saħħa ġodda, kif ukoll ta' vaċċini, trattamenti u li għandha tikkonċentra fuq mard li huwa rikorrenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li tiġi esplorata l-possibbiltà li tinħoloq pjattaforma għall-kondiviżjoni tal-innovazzjoni, l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-għarfien u l-għarfien espert, li tappoġġja s-sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati, trawwem id-djalogu pubbliku-privat u tesplora soluzzjonijiet kummerċjali innovattivi biex jiġi aċċellerat l-iżvilupp sostenibbli; jissottolinja r-rwol tal-investimenti pubbliċi u privati u s-sħubijiet pubbliċi-privati, kif ukoll l-importanza tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali fil-pajjiżi sħab u użu aktar effiċjenti tal-finanzjament tal-UE biex jimtela' d-defiċit ta' finanzjament ta' USD 2,5 triljun identifikat biex jintlaħqu l-SDGs sal-2030, filwaqt li tissaħħaħ il-governanza tajba u tiġi miġġielda l-korruzzjoni; |
L-isfidi li għandhom jiġu indirizzati
|
8. |
Jissottolinja li l-pajjiżi żviluppati kif ukoll dawk li qed jiżviluppaw jikkondividu bejniethom ir-responsabbiltà li jinkisbu l-SDGs. jenfasizza li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi sħab għandha tippermetti lill-pajjiżi sħab jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom stess u jiksbu l-SDGs; jissottolinja l-importanza kbira tal-parteċipazzjoni tal-pajjiż f'dan il-kuntest; jenfasizza li l-EFAD u l-istrateġija tal-SDGs tal-UE li ilha mistennija jridu jirriflettu u jiffaċilitaw sett koordinat u koerenti ta' politiki u ta' impenji interni u esterni tal-UE, anki permezz ta' sett ta' għodod eżistenti fil-qasam tal-politika ta' żvilupp; jissottolinja li l-finanzjament pubbliku u privat irid ikun allinjat mal-għanijiet tal-SDGs u tal-Ftehim ta' Pariġi; jiddispjaċih, f'dak il-kuntest, li l-Kummissjoni għadha ma żviluppatx strateġija integrata u olistika għall-implimentazzjoni tal-SDGs, u dan jikkostitwixxi sfida sinifikanti fir-rigward tal-ambizzjoni li tinkiseb il-koerenza politika, minħabba n-nuqqas ta' miri ċari, miżurabbli u marbuta biż-żmien fil-livell tal-UE għall-SDGs kollha bħala parametru referenzjarju ta' rapportar; |
|
9. |
Jemmen li l-EFAD għandha tkun ibbażata fuq l-għarfien espert u n-networks eżistenti tal-atturi differenti kollha tagħha (jiġifieri l-BEI, il-BERŻ, l-Istituzzjonijiet Ewropej ta' Finanzjament għall-Iżvilupp (DFIs) u oħrajn); jirrikonoxxi l-progress u t-titjib li sar fir-rigward tal-EFAD futur b'segwitu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill, iżda jinnota li l-istatus quo attwali għadu kkaratterizzat minn nuqqas ta' orjentament politiku u koordinament, kif ukoll minn frammentazzjoni, duplikazzjoni u kompetizzjoni kontinwa li ma tgħinx bejn l-atturi msemmijin hawn fuq; jappella għal aktar sforzi biex jittejbu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni biex is-sistema attwali ssir aktar effettiva, kollaborattiva u ċċentrata fuq l-iżgurar tal-użu ottimali tar-riżorsi li jimmobilizza l-għarfien espert ġeografiku, settorjali u finanzjarju relevanti tas-sħab ewlenin, biex jinkiseb rendiment aħjar ta' flus il-kontribwenti tal-UE u impatt aktar b'saħħtu f'termini ta' żvilupp; |
|
10. |
Jirrikonoxxi l-ħtieġa li tissaħħaħ u tittejjeb l-istruttura istituzzjonali tal-UE, u li jiġi indirizzat id-“defiċit tal-effikaċja tal-iżvilupp” tagħha, li jitnaqqas il-piż tail-koordinazzjoni burokratika u tissaħħaħ il-flessibbiltà istituzzjonali bil-ħsieb li jiġi massimizzat il-potenzjal tal-EFAD u jiżdied l-impatt tagħha fuq l-iżvilupp; |
|
11. |
Jistieden lill-Kummissjoni taħdem fuq governanza effettiva tal-istrateġija tal-Prtal Globali, li għandha tiġi promossa taħt id-direzzjoni ġenerali tal-President tal-Kummissjoni, u tikkoordina mill-qrib f'dan ir-rigward mal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, is-SEAE, il-Kunsill u l-Parlament; jissottolinja li l-istrateġija għandha tkun konsistenti mal-EFAD u li rikors għar-riżorsi intiżi għall-isfidi u l-prijoritajiet emerġenti tal-NDICI – Ewropa Globali għall-finanzjament mhuwiex xieraq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar il-kalkolu tagħha tal-proporzjon ta' ingranaġġ għall-operazzjonijiet ta' investiment tal-Portal Globali tal-UE mħabbra reċentement; |
|
12. |
Jinsab imħasseb li l-karatteristiċi ewlenin tal-prinċipju tal-PCSD huma sistematikament neqsin mill-inizjattivi regolatorji tal-UE; jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi biex ikun hemm konformità sħiħa mal-prinċipji tal-PCSD, sabiex jinkisbu l-objettivi tal-effikaċja tal-għajnuna; jinsisti li l-mekkaniżmi għall-iżgurar tal-PCSD iridu jiġu minquxa fl-EFAD; jitlob aktar valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u l-istabbiliment ta' sistema ta' twissija bikrija għall-inkoerenzi politiċi fid-delegazzjonijiet tal-UE; jirrakkomanda li l-PCSD tintuża b'mod aktar sistematiku u effiċjenti mill-istituzzjonijiet rilevanti kollha tal-UE u mill-Istati Membri, inkluż fl-ogħla livell politiku, u għandha tiġi integrata fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' kull varjetà ta' politika tal-UE sabiex jiġi żgurat li dawn ma jaffettwawx b'mod negattiv il-kisba tal-SDGs; ifakkar li l-mekkaniżmi tal-PCSD għandhom jiġu implimentati wkoll mill-BEI, il-BERŻ, id-DFIs u l-intermedjarji tagħhom; jenfasizza li l-PCSD jeħtieġ li tiġi integrata b'mod partikolari fil-politiki esterni tal-UE u tiġi indirizzata sabiex jintlaħqu l-SDGs; |
|
13. |
Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb ir-regolamentazzjoni bl-għan li jinħolqu investimenti sostenibbli fit-tul li jippromwovu s-saħħa u l-benesseri kemm tan-nies kif ukoll tal-pjaneta, u li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-EFAD tkun konsistenti mal-leġiżlazzjoni futura tal-UE dwar id-diliġenza dovuta u r-responsabbiltà korporattiva, filwaqt li tiżgura l-konformità korporattiva mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżviluppi regolatorji, id-diliġenza dovuta obbligatorja u l-aderenza mal-impenji internazzjonali relatati man-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li l-EFAD trid tissodisfa l-ogħla standards ta' trasparenza u obbligu ta' rendikont; jistieden lill-membri tal-EFAD isaħħu d-diliġenza dovuta tal-operazzjonijiet tagħhom, jiżguraw konsultazzjoni sinifikanti tal-popolazzjoni lokali matul l-implimentazzjoni tal-proġetti, jiżviluppaw aktar l-għarfien espert tagħhom dwar l-iżvilupp u l-kapaċità ddedikata u r-riżorsi umani fuq il-post, jimplimentaw l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem fl-operazzjonijiet kollha, ikunu mgħammra b'mekkaniżmi sodi ta' obbligu ta' rendikont għall-komunitajiet milquta u jimmonitorjaw mill-qrib, u jirrapportaw dwar, in-nuqqasijiet tal-involviment tagħhom u r-rwol tal-intermedjarji tagħhom fi proġetti li kellhom impatt negattiv fuq il-popolazzjonijiet lokali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
|
14. |
Jafferma mill-ġdid li s-sħab ta' implimentazzjoni u l-intermedjarji finanzjarji kollha involuti fi proġetti marbuta mal-garanziji tal-UE jew iffinanzjati mill-baġit tal-UE jeħtiġilhom jikkonformaw bis-sħiħ mal-istandards, il-politiki, ir-regoli u l-proċeduri tal-UE fil-qasam soċjali u ambjentali, u l-oqsma tat-taxxa, tat-trasparenza, tal-ġlieda kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni tal-UE; jistieden lill-Qorti Ewopea tal-Awdituri tiskrutinizza bis-sħiħ u tirrapporta regolarment dwar operazzjonijiet appoġġjati minn garanziji mill-baġit tal-UE, u tindirizza kwalunkwe nuqqas fil-metodi ta' ħidma tagħha li attwalment mhux qed iħalluha tagħmel dan; jissottolinja l-importanza li ssir evalwazzjoni indipendenti tal-EFSD+ u tal-approċċ Tim Ewropa f'ħin utli biex jiġu vvalutati l-effikaċja u l-prestazzjoni tagħhom u l-impatt għall-iżvilupp tagħhom; |
|
15. |
Jinnota li l-approċċ ta' Tim Ewropa tfaċċa bħala rispons għall-pandemija tal-COVID-19; jemmen li l-approċċ ta' Tim Ewropa għandu jkollu rwol ewlieni fit-titjib ulterjuri tal-kooperazzjoni strateġika u l-koordinazzjoni globali u l-koerenza u l-effettività tal-isforzi għall-iżvilupp, speċjalment fil-livell tal-pajjiżi sħab, kif ukoll fil-livell tal-UE u tal-istat Membru, anki fil-livell ta' gvern reġjonali; jistenna direzzjoni u fokus tal-politika aktar b'saħħithom, u mekkaniżmi aktar b'saħħithom għall-komunikazzjoni u l-viżibbiltà fir-rigward tal-istrument EFSD+/NDICI – Ewropa Globali; jinsisti wkoll fuq l-implimentazzjoni xierqa tal-mekkaniżmu ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew sabiex tkun tista' tiġi garantita l-leġittimità demokratika tal-attivitajiet ta' Tim Ewropa; |
|
16. |
Jistieden lill-Kummissjoni tressaq orjentazzjoni politika qawwija tal-UE għall-politiki tal-iżvilupp u tikkoordina l-EFAD b'mod li jippermetti aktar allinjament tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE għall-iżvilupp fi ħdan l-arkitettura miftuħa, kollaborattiva, trasparenti u inklużiva l-ġdida sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika tal-iżvilupp, jissaħħu s-sħubijiet mill-qrib mar-reġjuni u jingħata kontribut għall-iżvilupp tagħhom; |
|
17. |
Jenfasizza li l-proċess ta' programmazzjoni NDICI – Ewropa Globali jipprovdi l-opportunità biex jissaħħaħ l-użu tal-garanziji baġitarji tal-UE, b'mod partikolari l-EFSD+; jissottolinja li l-arkitettura finanzjarja futura għandha tippermetti lill-atturi finanzjarji tal-iżvilupp kollha interessati jipparteċipaw, inklużi l-atturi żgħar u ta' daqs medju u l-banek tal-iżvilupp u partijiet ikkonċernati mhux tal-UE; jitlob, f'dan il-kuntest, li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi sodi f'termini tal-governanza tal-EFSD+ u aċċess għar-riżorsi tal-UE; jisħaq fuq l-importanza ta' qafas adegwat ta' ġestjoni tar-riskju u tal-ġestjoni effettiva u ta' sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-istrumenti tal-finanzjament għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tuża r-riżorsi attwali tagħha ta' għarfien espert fil-qasam bankarju u l-kapaċitajiet finanzjarji u tekniċi tagħha b'mod aktar effikaċi; |
|
18. |
Jilqa' l-pubblikazzjoni tal-ewwel pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għal arkitettura finanzjarja Ewropea mtejba għall-iżvilupp u r-rapport ta' progress tal-2021; ifakkar li l-NDICI – Ewropa Globali jirrikjedi li l-Kummissjoni tiżvela lill-Kunsill u lill-Parlament il-kompożizzjoni, it-termini ta' referenza u r-regoli ta' proċedura tal-grupp ta' valutazzjoni teknika u li tiżgura l-imparzjalità u n-nuqqas ta' kunflitti ta' interess tal-membri tiegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri simili biex tiżgura t-trasparenza u l-imparzjalità tal-grupp ta' esperti ta' livell għoli li se jipprovdu lill-Kummissjoni b'rakkomandazzjonijiet dwar it-tħaffif ulterjuri tal-fluss tal-kapital privat lejn pajjiżi b'introjtu baxx u medju; |
|
19. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-EFAD issegwi l-għan tal-irkupru tas-sistema finanzjarja multilaterali għall-iżvilupp sabiex tgħin jintemmu l-prattiki ta' self mhux sostenibbli ta' xi pajjiżi li joperaw barra minn dik is-sistema, li mhux biss jheddu l-kundizzjonijiet ekwi għall-UE u pajjiżi oħra konformi, iżda wkoll iżidu b'mod drammatiku d-dejn estern diġà għoli ta' ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw li saru saħansitra aktar vulnerabbli bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19; jenfasizza f'dan l-isfond li l-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna qed tkompli taggrava l-piż tad-dejn f'ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li l-pajjiżi l-anqas żviluppati ma jistgħux jimplimentaw l-SDGs mingħajr appoġġ finanzjarju u għalhekk jappella bil-qawwa għal miżuri ta' ħelsien mid-dejn f'konformità mal-impenji ta' sostenibbiltà; |
|
20. |
Iqis li t-tassonomija tal-UE għandha tikkontribwixxi għar-riorjentazzjoni tal-flussi kapitali lejn investimenti sostenibbli u tintroduċi s-sostenibbiltà fost il-kriterji li għandhom jitqiesu għall-ġestjoni tar-riskju; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa t-tassonomija tal-UE u tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak tal-Istati Membri, kif ukoll lill-atturi privati attivi fl-iżvilupp, biex jallinjaw l-attivitajiet tagħhom, b'mod partikolari dawk fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, mal-objettivi tal-SDGs u mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi; |
Istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej u nazzjonali
|
21. |
Jafferma mill-ġdid ir-rwol speċifiku tal-BEI fl-UE kif ukoll globalment – kif stabbilit fl-Artikolu 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 36 tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali; jenfasizza r-rwol importanti tal-BEI fit-twettiq tal-investimenti tal-UE u fis-sħubija mal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Global Gateway; |
|
22. |
Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni tal-BEI fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fl-ekonomija blu sostenibbli, u l-kontribut sostanzjali tiegħu għar-rispons ekonomiku tal-UE għall-pandemija tal-COVID-19; jitlob lill-UE tkompli timmassimizza l-potenzjal tal-BEI bħala għodda biex tingrana l-awtonomija strateġika tal-UE u tippromwovi l-interessi u l-prijoritajiet tal-politika esterna tagħha fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi mhux tal-UE; jistieden lill-BEI jtejjeb il-politiki u l-prattiki tiegħu u t-trasparenza tiegħu, b'mod partikolari billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet ifformulati mill-Ombudsman Ewropew biex “jieħu diversi passi ta' trasparenza biex il-pubbliku jkun jista' jara aktar faċilment l-impatt ambjentali potenzjali tal-proġetti li jiffinanzja”, kif stabbilit fil-każijiet 1065/2020/PB, 1251/2020/PB u 1252/2020/PB; |
|
23. |
Jilqa' t-twaqqif ta' BEI Globali, definit mill-BEI bħala fergħa ddedikata għall-iżvilupp fi ħdan il-Grupp tal-BEI, li ilha topera mill-1 ta' Jannar 2022; jistieden lill-BEI jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fil-post, filwaqt li jisfrutta s-sinerġiji possibbli mas-SEAE, id-delegazzjonijiet tal-UE, il-BERŻ u DIFs Ewropej oħra; jirrimarka li n-nuqqas ta' informazzjoni dwar kif il-BEI Globali huwa ffinanzjat jipperikola l-mandat tiegħu mill-bidu nett, anke fid-dawl tal-impenji ta' din l-entità l-ġdida f'termini ta' objettivi ta' żvilupp; jitlob, għalhekk, mandat ta' żvilupp konkret u b'saħħtu għall-BEI Globali l-ġdid; jistenna li din l-istruttura l-ġdida u l-bord konsultattiv tagħha, l-għanijiet u d-dispożizzjonijiet baġitarji tagħha, il-funzjonament organizzattiv u l-għanijiet speċifiċi tal-fergħa, kif ukoll il-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni tagħha ma' istituzzjonijiet oħra tal-iżvilupp finanzjarju, ikunu kompletament trasparenti, inkluż billi jippubblikaw dokumenti b'mod proattiv, billi jiżguraw rappreżentanza sinifikattiva tal-pajjiżi ta' oriġini u permezz ta' skambji regolari mal-Parlament Ewropew u djalogu miftuħ mal-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-atturi lokali; |
|
24. |
Iħeġġeġ lill-BEI jkompli jinvolvi ruħu b'mod attiv fl-iżvilupp tal-ippjanar, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni fil-livell tal-pajjiżi, id f'id mad-delegazzjonijiet tal-UE u permezz ta' kofinanzjament mal-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp; jappella għal koordinazzjoni aktar b'saħħitha bejn il-Kummissjoni u s-SEAE u d-delegazzjonijiet tal-UE biex jiġu ffaċilitati d-diskussjonijiet u l-kooperazzjoni mal-atturi rilevanti fuq il-post sabiex jiġu identifikati proġetti li jissodisfaw bl-aħjar mod l-objettivi tal-effettività tal-iżvilupp; |
|
25. |
Iħeġġeġ lill-BEI u lill-BERŻ ikomplu jsaħħu l-komplementarjetà tagħhom u l-mudelli kummerċjali tagħhom permezz ta' inizjattivi ta' dipendenza reċiproka akbar, peress li l-ħtiġijiet huma akbar mir-riżorsi konġunti tagħhom; jistieden lill-BEI u lill-BERŻ jikkoordinaw il-ħidma tagħhom tul trajettorji differenti u jiċċaraw id-diviżjoni tax-xogħol tagħhom sabiex jgħinu lil kull bank jiffoka fuq il-kompetenzi ewlenin rispettivi tiegħu, u b'hekk jiġu evitati d-duplikazzjoni u t-twaqqigħ tal-prezz; jinnota li hemm bżonn li l-metodi ta' ħidma u l-għodod tal-BEI u tal-BERŻ jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta' investiment fl-Afrika, b'mod partikolari sabiex jiġu ffaċilitati l-investimenti fuq skala kbira, filwaqt li jinżamm l-appoġġ tal-UE għal proġetti lokali fuq skala iżgħar; jirrimarka li huwa kruċjali li l-investimenti Ewropej ikunu akkumpanjati minn preżenza viżibbli tal-UE u djalogu politiku kontinwu; jinnota li l-EFAD jeħtieġ li timmassimizza l-vantaġġi tal-isfondi strutturali u l-metodi ta' ħidma differenti tal-banek tal-iżvilupp u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej eżistenti sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-kontribut tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli; jistenna li l-BEI, il-BERŻ u DFIs Ewropej oħra jiżguraw u jipprovdu evidenza fil-forma ta' valutazzjonijiet tal-impatt ex ante li kull proġett, u b'mod partikolari proġetti ta' finanzjament imħallat, jikkontribwixxu għall-għanijiet ta' żvilupp tal-UE, inklużi dawk li jikkonċernaw il-pajjiżi l-anqas żviluppati, u jilħqu standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni, lill-BEI, lill-BERŻ u lid-DFIs Ewropej jiżguraw li t-timijiet ta' assistenza konsultattiva u teknika tagħhom ikunu mgħammra biex ikomplu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-iżvilupp inklużiv; |
|
26. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-BEI, lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp u lill-banek tal-iżvilupp u lill-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej l-oħra, inklużi DFIs iżgħar, isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, b'mod partikolari fil-qafas tal-NDICI – Ewropa Globali u l-objettivi tiegħu, kif ukoll fil-kisba globali tal-għanijiet tal-Aġenda 2030, u jħeġġuhom jiġbru flimkien ir-riżorsi u l-finanzjament, u jsaħħu l-koordinazzjoni u l-komunikazzjoni fi proġetti komuni, billi jużaw l-għarfien espert finanzjarju rispettiv tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni jkollha rwol aktar b'saħħtu fl-għoti ta' assistenza teknika għall-proġetti u fl-assistenza lid-DFIs u lil atturi oħra għall-iżvilupp fil-koordinazzjoni; jappella għal approċċ inklużiv lejn id-DFIs iżgħar tal-Istati Membri fl-aċċess għall-finanzjament taħt l-arkitettura Ewropea tal-finanzjament għall-iżvilupp; |
|
27. |
Jissottolinja l-importanza li jintużaw b'mod aktar effiċjenti s-sinerġiji u li jiġu armonizzati aħjar l-inizjattivi ta' finanzjament tal-BERŻ, il-BEI u DFIs oħra li qed jimmiraw lejn il-pajjiżi tal-viċinat Ewropej, b'importanza partikolari mogħtija lill-pajjiżi kandidati tal-UE; ifakkar, fl-isfond tal-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, li l-finanzjament Ewropew fil-pajjiżi tal-viċinat u dawk kandidati huwa komponent indispensabbli tar-riformi meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-kriterji tal-adeżjoni, f'konformità mal-interessi tal-politika barranija tal-UE; |
|
28. |
Jistieden lill-BEI jaħdem aktar mill-qrib mal-Bank Afrikan tal-Iżvilupp u jivvaluta l-vantaġġi tal-istabbiliment ta' sussidjarja konġunta wara l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni ta' sħubija bejn il-BEI u l-Bank Afrikan tal-Iżvilupp li għaddej bħalissa; jistieden lill-BEI jirrapporta lill-Parlament dwar il-passi meħuda li jmiss; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu ffinanzjati investimenti fit-tul li jrawmu l-iżvilupp sostenibbli u li jibnu fuq il-kooperazzjoni sal-lum, sabiex jiġu żviluppati aktar opportunitajiet ta' żvilupp sostenibbli għall-kontinent Afrikan; jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' ċentri ta' proġetti u ta' konsulenza, operati b'mod konġunt mill-BEI u l-Bank Afrikan tal-Iżvilupp, biex jinħolqu punti ta' kuntatt effettivi għall-konsulenza u l-bidu ta' proġetti għall-atturi lokali u biex jiġu ssodisfati aħjar il-ħtiġijiet ta' żvilupp fuq il-post, kif ukoll tittejjeb is-sjieda lokali għal proġetti ta' żvilupp komuni; jitlob, f'dan ir-rigward, appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat lokali fl-Afrika, b'mod partikolari bis-saħħa tal-għoti ta' aktar fondi lill-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju Afrikani; |
|
29. |
Jisħaq, f'dan il-kuntest, li b'mod ġenerali, is-sjieda lokali u approċċ kollaborattiv u inklużiv huma meħtieġa u għandhom ikunu mirfuda minn qafas b'saħħtu għal konsultazzjonijiet lokali sistematiċi mal-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji sabiex jinkiseb impatt dejjiemi fuq l-iżvilupp; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta kif il-qafas għal konsultazzjonijiet lokali sistematiċi mal-partijiet ikkonċernati u l-benefiċjarji jista' jittejjeb aktar; |
|
30. |
Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-finanzi għall-iżvilupp tal-Istati Membri jkomplu jespandu l-inklużjoni finanzjarja biex jappoġġaw l-aċċess għal finanzjament sostenibbli għal dawk l-aktar fil-bżonn, inklużi n-nisa, peress li dan jikkontribwixxi għall-emanċipazzjoni ekonomika tagħhom; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-EFAD jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni sħiħa tat-tielet pjan ta' azzjoni tal-UE dwar il-ġeneru; ifakkar fil-mira li mill-anqas 85 % tal-azzjonijiet ikollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri bħala objettiv prinċipali jew sinifikanti, li minnhom mill-anqas 5 % għandu jkollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet u l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet bħala objettivi prinċipali; jitlob li l-operazzjonijiet kollha tal-EFAD ikollhom l-obbligu li jiġbru data diżaggregata skont il-ġeneru, u li jkunu jinkludu evalwazzjonijiet tal-impatt fuq il-ġeneri ex ante kif ukoll ex post; |
|
31. |
Iħeġġeġ lill-banek u lill-istituzzjonijiet kollha tal-iżvilupp jagħmlu impenji sostenibbli u investimenti kuraġġużi f'konformità mal-objettivi tal-politika tal-iżvilupp, b'mod partikolari t-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-qerda tal-faqar, aktar milli f'termini ta' redditu fuq l-investiment; jirrikonoxxi, għalhekk, l-importanza li jitħeġġu investimenti aktar riskjużi f'kuntesti ta' żvilupp aktar problematiċi, bħal fil-pajjiżi l-anqas żviluppati jew fraġli, u f'setturi li mhumiex moqdija biżżejjed, bħas-setturi tal-klima, il-bijodiversità u l-edukazzjoni u s-saħħa; jissottolinja, fl-istess ħin, il-ħtieġa li jiġi mminimizzat kwalunkwe riskju assoċjat għall-baġit tal-UE, bħal żieda fid-domandi f'dawk li huma garanziji baġitarji tal-UE, u li tiġi ppreservata l-klassifikazzjoni tal-kreditu għolja tal-BEI; iħeġġeġ lid-DFIs jieħdu aktar riskju fil-programmi ta' investiment tagħhom permezz tal-EFSD+, sabiex jilħqu wkoll l-aktar ekonomiji fraġli; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, ikollha rwol akbar fl-iżgurar ta' impatti li jitkejlu u addizzjonali fuq l-iżvilupp mingħajr ma toħloq distorsjoni tas-suq lokali jew tikkompeti b'mod inġust ma' atturi ekonomiċi lokali, u fl-għajnuna għall-iżvilupp tal-lat tal-provvista ta' proġetti billi tipprovdi appoġġ għat-tħejjija tal-proġett u tgħin lid-DFIs jikkoordinaw, filwaqt li tiżgura l-integrazzjoni ta' DFIs iżgħar; |
|
32. |
Jirrikonoxxi l-importanza u l-potenzjal tal-banek tal-iżvilupp tal-Istati Membri fi ħdan l-istruttura tal-EFAD; jinsab imħasseb, madankollu, dwar ir-rwol tal-intermedjarji li jissieħbu mad-DFIs, b'mod partikolari fir-rigward tal-ksur irrapportat tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq ir-rwol importanti li l-iżvilupp tas-settur privat lokali fl-Afrika sub-Saħarjana jista' jkollu fl-għoti tas-setgħa lill-pajjiżi sħab biex ipoġġu lilhom infushom fit-triq lejn l-iżvilupp sostenibbli; |
|
33. |
Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena dwar l-inizjattivi ta' Tim Ewropa (TEIs) abbażi ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi fil-qafas tal-NDICI – Ewropa Globali, filwaqt li tevalwa r-riżorsi mobilizzati, l-ippjanar u l-impatt tal-iżvilupp, l-armonizzazzjoni u l-applikazzjoni tal-istandards tal-UE, il-perspettiva tal-integrazzjoni tal-UE u l-involviment tal-Istati Membri; jinsisti li tali rapportar jiġi kondiviż mal-Parlament u jsir pubbliku; jisħaq li l-Parlament għandu rwol ewlieni fl-iskrutinju tal-objettivi politiċi u r-riżultati mistennija tat-TEIs, kemm fil-livell ġenerali kif ukoll f'dak tal-proġetti, filwaqt li jiżgura li t-TEIs jaħdmu flimkien mal-mekkaniżmi eżistenti u jikkomplementaw aktar milli jissupplimentaw il-programmi indikattivi pluriennali; |
|
34. |
Itenni li l-kontroll u l-iskrutinju istituzzjonali tal-finanzjament tal-UE jrawmu dibattitu demokratiku u jgħinu jagħtu spinta lill-kredibbiltà u lit-trasparenza tal-UE; jenfasizza r-rwol importanti tal-Parlament u r-rwol tiegħu ta' skrutinju fl-ambitu tal-NDICI – Ewropa Globali f'dak ir-rigward; jitlob li jkun hemm obbligi li jiżguraw viżibbiltà xierqa tal-implimentazzjoni tal-EFAD; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni b'mod xieraq u f'waqtu meta dawk l-obbligi ma jiġux issodisfati; jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tfassal rapporti regolari dwar l-implimentazzjoni tal-EFAD, li se jsiru pubbliċi u jwasslu għal rakkomandazzjonijiet ta' politika, inkluż dwar azzjonijiet li għandhom jittieħdu għal titjib; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' informazzjoni mogħtija lill-pubbliku ġenerali dwar ir-rwol tal-UE fl-għoti ta' appoġġ lill-komunitajiet lokali u jħeġġeġ komunikazzjoni aħjar mal-pubbliku; |
|
35. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet tal-EFAD jippromwovu t-trasparenza fil-proċeduri ta' akkwist tagħhom; ifakkar li n-negozji tal-UE għandhom ikunu jistgħu jikkompetu b'termini ekwi ma' negozji bbażati f'pajjiżi mhux tal-UE; |
|
36. |
Jissottolinja li l-kisba f'waqtha ta' informazzjoni rilevanti, konsistenti u komparabbli hija essenzjali biex jitkejlu l-progress u r-riżultati reali, u biex jiġi identifikat jekk il-finanzjament għall-iżvilupp tal-UE kienx effettiv u addizzjonali għal finanzjament ieħor; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' qafas unifikat ta' rapportar u ta' kejl tar-riżultati ma' indikaturi komparabbli għall-EFSD+; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas bħal dan sabiex ikun possibbli li l-ġestjoni tar-riżultati tiġi armonizzata; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna lill-Parlament dwar il-kontenut u l-implimentazzjoni ta' dan il-qafas; |
|
37. |
Jistenna bil-ħerqa r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-ipprogrammar tal-għajnuna għall-iżvilupp, li se jivvaluta jekk l-għajnuna għall-iżvilupp tal-UE għall-2021-2027 ġietx allokata skont strateġija definita sew; jisħaq fuq l-importanza li tiġi vvalutata l-addizzjonalità tal-finanzjament imħallat sabiex tiġi stabbilita l-effettività ta' dawn l-istrumenti fil-kisba tar-riżultati tal-iżvilupp u tal-objettivi ta' politika bbażati fuq il-valuri tal-UE; jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri tikkunsidra li twettaq tali valutazzjoni; |
Finanzjament għall-iżvilupp
|
38. |
Jinsisti li l-Istati Membri jirrispettaw l-impenn tagħhom li jonfqu 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) tagħhom fuq l-ODA; jinsab allarmat li fl-2020, l-ODA minn ekonomiji avvanzati kienet bħala medja 0,32 % biss tal-ING tagħhom – inqas minn nofs l-impenn ta' 0,7 %, wieħed li ntlaħaq biss minn erba' Stati Membri; jenfasizza li l-impatt tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-infiq tal-gvern madwar id-dinja se jpoġġi aktar pressjoni fuq il-baġits tal-għajnuna li diġà huma baxxi; jinnota li l-Istati Membri li ssieħbu fl-UE wara l-2002 impenjaw ruħhom li jagħmlu ħilithom biex iżidu l-ODA/ING tagħhom għal 0,33 %; jilqa' l-isforzi li dawn l-Istati Membri u oħrajn għamlu s'issa biex iżidu gradwalment l-infiq tagħhom għall-ODA; iħeġġiġhom ikomplu fuq din it-triq; jissottolinja r-rwol importanti tal-ODA bħala katalizzatur għall-bidla u lieva għall-mobilizzazzjoni ta' riżorsi oħra; iqis li l-UE għandha tistinka biex iżżomm il-pożizzjoni tagħha bħala mexxejja dinjija fl-ODA; ifakkar li mill-inqas 93 % tan-nefqa fl-ambitu tal-NDICI – Ewropa Globali trid tissodisfa l-kriterji għall-ODA; |
|
39. |
Jisħaq fuq l-importanza tal-impenn tal-UE li timmobilizza r-riżorsi għall-azzjoni klimatika u r-rwol tal-BEI u ta' membri oħra tal-EFAD biex jagħmlu progress f'dan il-qasam; jinnota l-impenji tal-Kunsill li jidderieġi lill-EFAD lejn il-kisba tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi sabiex it-tisħin globali jiġi limitat għal 1,5 oC; ifakkar fil-mira ta' nfiq globali ta' 30 % tal-NDICI – Ewropa Globali għall-klima u l-mira li 7,5 % tal-PDG jintefaq fuq il-bijodiversità sal-2024, previsti fil-qafas finanzjarju pluriennali; jiddispjaċih għall-fatt li l-Kummissjoni ma ħaditx impenji aktar speċifiċi biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika dwar il-klima fil-pjan direzzjonali tagħha u jistenna li dan jiġi rimedjat f'dokument ta' programmazzjoni li jmiss; jitlob sabiex l-operazzjonijiet kollha li jiffinanzjaw lis-setturi li jikkontribwixxu għall-kriżi klimatika, prinċipalment l-industrija tal-fjuwils fossili, jiġu pprojbiti; jirrikonoxxi li l-EFAD għandha tkun inklużiva għar-reġjuni u l-pajjiżi sħab kollha, filwaqt li jirrikonoxxi li sehem konsiderevoli ta' investiment qed jiġi dirett lejn il-Balkani tal-Punent u l-Viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar; |
|
40. |
Jirrikonoxxi r-rwol tal-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju lokali, tal-kooperattivi, tal-mudelli kummerċjali inklużivi u tal-istituti tar-riċerka bħala muturi tat-tkabbir, l-impjieg u l-innovazzjoni lokali, li sussegwentement se jikkontribwixxu għall-kisba tal-SDGs; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi ssimplifikat l-aċċess għall-finanzjament, tissaħħaħ l-inklużività u jiġu appoġġati atturi iżgħar, inkluż billi tittejjeb l-aċċessibbiltà għal data rilevanti disponibbli għall-pubbliku; jissottolinja li l-SMEs lokali għalhekk jeħtieġ li jkollhom aċċess faċli għas-servizzi finanzjarji fil-qafas tal-EFAD; jinnota li l-politiki tal-UE jeħtieġ li jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni tal-kumpaniji u l-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs, biex ikollhom rwol attiv fl-inizjattivi li jikkontribwixxu għall-iżvilupp sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
|
41. |
Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rabta bejn attivitajiet possibbli ta' tneħħija tar-riskji u appoġġ finanzjarju għall-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b'mod partikolari għall-fini tal-istabbiliment ta' taħriġ u infrastrutturi xierqa għall-għalliema, fl-ambitu tal-NDICI) – Ewropa Globali, sabiex tiġi ffaċilitata l-kisba tal-SDG 4; |
|
42. |
Jinnota l-importanza partikolari tal-investimenti tal-UE fil-qasam tal-agrikoltura sostenibbli, inklużi l-prattiki agroekoloġiċi, fejn hemm nuqqas ta' investimenti privati u pubbliċi; jenfasizza li l-bdiewa lokali, il-bdiewa b'azjenda agrikola żgħira u l-azjendi agrikoli tal-familja jeħtieġ li jkollhom aċċess għas-servizzi finanzjarji, u, b'mod partikolari, għall-mikrofinanzjament; |
|
43. |
Jinnota li n-nuqqas ta' aċċess għas-suq minħabba kwistjonijiet ta' konnettività huwa wieħed mill-ostakli ewlenin għas-sigurtà tal-ikel f'ħafna reġjuni fl-Afrika; iqis li l-investimenti tal-UE f'dan il-qasam jista' jkollhom impatt qawwi; |
|
44. |
Jieħu nota tas-soluzzjoni b'żewġ pilastri biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni tal-ekonomija, kif miftiehem mill-membri tal-Qafas Inklużiv tal-OECD/G20 dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li r-rata tat-taxxa korporattiva minima globali maqbula ta' 15 % għall-intrapriżi multinazzjonali tiġi applikata b'mod effettiv; jissottolinja li skont l-estimi, din it-taxxa minima hija mistennija tiġġenera madwar USD 150 biljun kull sena fi dħul addizzjonali mit-taxxa globali; |
|
45. |
Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet tat-taxxa għall-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-flussi finanzjarji illeċiti u l-korruzzjoni sabiex jitrawwem finanzjament għall-iżvilupp bi skop u sostenibbli li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi u l-faqar; |
o
o o
|
46. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u lin-Nazzjonijiet Uniti. |
(2) ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.
(3) ĠU C 494, 8.12.2021, p. 80.
(4) ĠU C 132, 24.3.2022, p. 88.