|
14.4.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 132/115 |
P9_TA(2022)0345
Ir-relazzjoni u s-sħubija strateġika tal-UE mal-Qarn tal-Afrika
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Ottubru 2022 fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-relazzjoni strateġika u s-sħubija tal-UE mal-Qarn tal-Afrika (2021/2206(INI))
(2023/C 132/16)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2021 bit-titolu “Il-Qarn tal-Afrika: prijorità ġeostrateġika għall-UE”, u b'mod partikolari l-paragrafu 28 tagħhom rigward l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati kif ukoll ir-rispett tagħhom, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta finali tat-18 ta' Frar 2022 tas-sitt Summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana bit-titolu “Viżjoni Konġunta għall-2030”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2018 dwar il-Qarn tal-Afrika u l-Baħar l-Aħmar, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2020 dwar il-kooperazzjoni UE-Afrika fil-qasam tas-sigurtà fir-reġjun tas-Saħel, fil-Punent tal-Afrika u fil-Qarn tal-Afrika (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, adottata fil-21 ta' Marzu 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar Strateġija ġdida UE-Afrika – sħubija għal żvilupp sostenibbli u inklużiv (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-rifuġjati ta' Kakuma fil-Kenja (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2022 dwar il-kriżi politika fis-Sudan (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar is-sitwazzjoni fl-Etjopja (6), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fit-Tigray (7), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2021 dwar is-sitwazzjoni politika fl-Uganda (8), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fl-Uganda (9), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2020 dwar l-Eritrea, b'mod partikolari l-każ ta' Dawit Isaak (10), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni fl-Eritrea (11), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar is-Sudan t'Isfel (12), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar il-Djibouti (13), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325, 1820, 1888, 1889, 1960, 2106, 2122, 2242, 2467 u 2493 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2250, 2419 u 2535 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Mejju 2014 dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kontra persuni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru reali jew imputata tagħhom u ta' Mejju 2017 dwar is-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Afrika, |
|
— |
wara li kkunsidra l-linji gwida dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda adottati mill-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli matul is-60 sessjoni ordinarja tagħha f'Mejju 2017, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-25 ta' Marzu 2020 dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija għall-2020-2024 (JOIN(2020)0005), |
|
— |
wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija għall-2015-2019, u b'mod partikolari l-azzjoni 22(b) tiegħu, li tiddeskrivi r-responsabbiltà tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Istati Membri li jiżviluppaw u jimplimentaw politika tal-UE dwar il-ġustizzja tranżizzjonali, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni fuq il-Projbizzjoni tal-Użu, il-Kumulazzjoni, il-Produzzjoni u t-Trasferiment ta' Mini Kontra l-Persunal u fuq id-Distruzzjoni tagħhom u l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjonijiet Dispersivi, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ftehim iffirmat waqt it-tielet Forum Ministerjali Reġjonali dwar il-Migrazzjoni f'Nairobi, il-Kenja fl-1 ta' April 2022, |
|
— |
wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2628 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-31 ta' Marzu 2022, li kkonfigurat mill-ġdid il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) fil-Missjoni ta' Tranżizzjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (ATMIS), |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-25 ta' Settembru 2015 bit-titolu “Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development” (“Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”), adottata waqt is-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fi New York, |
|
— |
wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU, tal-1981, dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 dwar strateġija tal-UE biex tintemm il-mutilazzjoni ġenitali femminili fid-dinja kollha (14), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport, tat-3 ta' Novembru 2021, tal-Investigazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Etjopjana għad-Drittijiet tal-Bniedem/Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar Ksur Allegat tad-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali u tad-Dritt Internazzjonali dwar ir-Rifuġjati mwettaq mill-Partijiet kollha fil-Kunflitt fir-Reġjun ta' Tigray tal-Etjopja u r-rapport, tal-11 ta' Marzu 2022, tal-Kummissjoni Etjopjana għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali fir-reġjuni Afar u Amhara tal-Etjopja li twettqu bejn Settembru u Diċembru 2021, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-17 ta' Diċembru 2021 li tistabbilixxi kummissjoni internazzjonali ta' esperti tad-drittijiet tal-bniedem biex twettaq investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur u abbużi mwettqa sa mit-3 ta' Novembru 2020 mill-partijiet kollha fil-kunflitt fl-Etjopja, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Ftehim Rivitalizzat dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunflitt fis-Sudan t'Isfel tat-12 ta' Settembru 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dokument ta' sfond tal-Istitut Internazzjonali ta' Riċerka dwar il-Paċi ta' Stokkolma ta' Diċembru 2020 bit-titolu “Il-Missjoni ta' Taħriġ tal-Unjoni Ewropea fis-Somalja: valutazzjoni”, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 118 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0207/2022), |
|
A. |
billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Mejju 2021 jistabbilixxu strateġija ġdida għall-Qarn tal-Afrika u jagħtu impetu ġdid lis-sħubija tal-UE mar-reġjun, li huwa ta' rilevanza strateġika primarja għall-Unjoni; |
|
B. |
billi l-Qarn tal-Afrika huwa reġjun strateġikament importanti għall-UE f'termini politiċi, ekonomiċi u kummerċjali, u li miegħu l-Ewropa għandha rabtiet politiċi u ekonomiċi li ilhom jeżistu; billi l-Qarn tal-Afrika għandu l-potenzjal li jikber f'termini ekonomiċi u politiċi, iżda qed jiffaċċja għadd ta' ostakli kritiċi, inkluż il-kriżi tal-COVID-19, l-impatt avvers tat-tibdil fil-klima, iż-żieda fl-iskarsezza tal-ilma u fl-insigurtà tal-ikel, id-deżertifikazzjoni u d-deforestazzjoni, ir-reżiljenza baxxa għad-diżastri naturali, it-tkabbir tal-popolazzjoni u l-urbanizzazzjoni, flimkien ma' ħolqien limitat ta' impjiegi u inugwaljanzi profondi, nuqqas ta' infrastruttura xierqa, instabbiltà u sfidi politiċi, fost affarijiet oħra; billi d-demokrazija, il-governanza tajba, l-akkontabbiltà, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u soċjetajiet inklużivi u parteċipattivi huma prekundizzjonijiet għall-paċi u għall-istabbiltà reġjonali; |
|
C. |
billi l-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika (is-Somalja, l-Etjopja, is-Sudan, il-Kenja, l-Uganda, l-Eritrea, is-Sudan t'Isfel u l-Djibouti) jiffaċċjaw riskji u theddid komuni, inkluż l-impatti immedjati u fit-tul tat-tibdil fil-klima, it-terroriżmu ġiħadista, it-tensjonijiet etniċi u l-problemi ta' governanza dgħajfa; billi l-pajjiżi kollha fir-reġjun huma kkaratterizzati minn fraġilitajiet persistenti minħabba kunflitti dejjem sejrin u ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-partijiet kollha fil-kunflitt, inkluż ir-reklutaġġ ta' suldati tfal, attakki mmirati kontra ċivili u infrastruttura ċivili, u l-prattika ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet; billi l-impunità għad-delitti tal-gwerra u ksur ieħor tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jibqgħu n-norma, filwaqt li t-tfittxija tal-ġustizzja għall-vittmi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet irriżultat elużiva; billi f'Diċembru 2021, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU stabbilixxa l-Kummissjoni tan-NU tal-Esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Etjopja biex tinvestiga delitti tal-gwerra possibbli u ksur ieħor; |
|
D. |
billi l-istabbiltà ġenerali tal-Qarn tal-Afrika kompliet tiddeterjora sa mill-bidu tal-kunflitt fir-reġjun ta' Tigray tal-Etjopja, f'Novembru 2020, , u hija pperikolata minn tranżizzjonijiet politiċi diffiċli li jinsabu għaddejjin f'għadd ta' pajjiżi; billi s-sitwazzjoni umanitarja madwar l-Etjopja tibqa' waħda drammatika minħabba l-kunflitt, in-nixfa u l-ispostament intern fuq skala kbira; billi l-gvern federali ħabbar tregwa umanitarja fl-24 ta' Marzu 2022 sabiex jiġi ffaċilitat l-għoti ta' għajnuna lir-reġjun ta' Tigray, li spiċċa maqtugħ għalih minħabba l-kunflitt; billi l-ostilitajiet fir-reġjun tat-Tramuntana tal-Etjopja reġgħu bdew fl-24 ta' Awwissu 2022; billi minkejja li għadu brutali ħafna, il-kunflitt fl-Etjopja issa daħal f'fażi differenti, minħabba l-impenn pubbliku għal soluzzjoni nnegozjata fl-ambitu ta' qafas immexxi mill-Unjoni Afrikana li sar miż-żewġ partijiet fil-kunflitt; billi l-kostruzzjoni u t-tieni fażi ta' mili tal-Gran Diga tar-Rinaxximent Etjopjan mibnija mill-Etjopja qrib għajn ix-xmara Nil qed tkompli tikkawża tensjonijiet bejn l-Etjopja u l-pajjiżi ġirien tagħha; |
|
E. |
billi l-UE hija sieħba ewlenija, fit-tul u affidabbli għall-paċi, għas-sigurtà, għall-iżvilupp sostenibbli u għall-assistenza umanitarja fir-reġjun, u billi trid tingħata kunsiderazzjoni xierqa lil din is-sħubija għall-paċi, għas-sigurtà, għad-demokrazija, għall-iżvilupp sostenibbli u għall-għajnuna umanitarja; billi l-organizzazzjonijiet reġjonali eżistenti u inizjattivi oħra bħall-Unjoni Afrikana u t-Task Force Konġunta Kombinata huma wkoll atturi ewlenin fl-indirizzar tat-tħassib dwar is-sigurtà tal-Qarn tal-Afrika; |
|
F. |
billi l-ewwel Konferenza bejn iċ-Ċina u l-Qarn tal-Afrika dwar il-Paċi, il-Governanza u l-Iżvilupp saret fl-20 u l-21 ta' Ġunju 2022; billi l-Mibgħut Speċjali Ċiniż għall-Qarn tal-Afrika, Xue Bing, li kien preżenti waqt il-laqgħa offra l-appoġġ inkondizzjonat ta' Beijing għar-riżoluzzjoni ta' kunflitti fir-reġjun, filwaqt li talab li l-pajjiżi hemmhekk ikunu indipendenti mill-interferenza barranija; |
|
G. |
billi s-sitwazzjoni umanitarja fis-Sudan t'Isfel qed tiddeterjora b'riżultat ta' tensjonijiet u kunflitti, vjolenza interkomunali lokali u għargħar rikorrenti; billi n-NU stmaw li s-Somalja, l-Etjopja u l-Kenja kellhom bżonn assistenza umanitarja urġenti ta' USD 4,4 biljun fl-2022 sabiex jilħqu 29,1 miljun ruħ; billi minn April 2022, 5 % biss ta' dawk il-ħtiġijiet kienu ġew issodisfati mill-komunità internazzjonali; billi n-nixfa diġà kkawżat il-mewt ta' madwar 3 miljun annimal tal-bhejjem madwar in-Nofsinhar tal-Etjopja u fir-reġjuni aridi fil-Kenja, u fis-Somalja madwar 30 % tal-merħliet tal-unitajiet domestiċi mietu; billi l-invażjoni tal-ġurati fl-Afrika tal-Lvant hija l-agħar waħda f'dawn l-aħħar 25 sena għall-Etjopja u għas-Somalja u l-agħar waħda f'dawn l-aħħar 70 sena għall-Kenja u hija ta' theddida kbira għas-sigurtà tal-ikel fir-reġjun; billi madwar 568 000 tifel u tifla ddaħħlu għal trattament ta' malnutrizzjoni severa u akuta fl-Etjopja, fil-Kenja u fis-Somalja minn Jannar sa Ġunju 2022, u madwar 6,5 miljun tifel u tifla huma mistennija li se jsofru minn malnutrizzjoni akuta f'dawn it-tliet pajjiżi; billi l-Grupp ta' Ħidma dwar is-Sigurtà tal-Ikel u n-Nutrizzjoni bħalissa jistma li bejn 23 u 26 miljun ruħ jistgħu jiffaċċjaw livelli għoljin ta' insigurtà tal-ikel akuta minn Frar 2023 primarjament minħabba n-nixfa fir-reġjun jekk minn Ottubru sa Diċembru ma tagħmilx xita; billi l-esperti bassru li movimenti transfruntieri aktar frekwenti ta' ġurati bejn il-Kenja, l-Etjopja u s-Somalja se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni ta' sigurtà tal-ikel li diġà hija prekarja; billi l-konsegwenzi diżastrużi tal-gwerra fl-Ukrajna, bil-prezzijiet tal-ikel, tal-fjuwil u tal-komoditajiet li issa laħqu livelli mingħajr preċedent, qed jaggravaw il-kriżi serja tal-ikel fil-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika; |
|
H. |
billi l-pandemija tal-COVID-19 ħalliet lir-reġjun jiffaċċja sfidi tas-saħħa, soċjoekonomiċi u politiċi billi intensifikat il-faqar, żiedet l-inugwaljanza u aggravat id-diskriminazzjoni strutturali, li rabbiet l-għeruq, b'impatt devastanti fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet ċivili, b'mod partikolari għall-gruppi ta' minoranza u l-persuni vulnerabbli; billi f'dan il-kuntest xi gvernijiet użaw il-leġiżlazzjoni tal-COVID-19 biex jirreprimu d-drittijiet tal-bniedem; |
|
I. |
billi l-Qarn tal-Afrika jibqa' reġjun ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni għal flussi migratorji kbar lejn pajjiżi oħra fir-reġjun usa' kif ukoll lejn l-UE; billi l-faqar u l-insigurtà jkebbsu lil xulxin u huma tnejn mill-aktar muturi importanti tal-ispostament tal-massa tal-popolazzjoni fil-Qarn tal-Afrika, b'mod partikolari fost iż-żgħażagħ; billi hemm aktar minn 7,7 miljun ħaddiem migrant fl-Afrika tal-Lvant u fil-Qarn tal-Afrika, fejn l-Etjopja, il-Kenja u l-Uganda jospitaw l-ogħla numru ta' migranti internazzjonali li jkunu qed ifittxu opportunitajiet ekonomiċi aħjar u mezzi ta' sussistenza aħjar; |
|
J. |
billi t-tensjonijiet politiċi, il-kunflitti, id-diżastri naturali u l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima huma l-għerq tal-popolazzjonijiet konsiderevoli ta' rifuġjati u ta' persuni spostati fil-biċċa l-kbira tar-reġjuni; billi s-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fil-kampijiet għar-rifuġjati u għall-persuni spostati internament tibqa' prekarja; billi l-Kenja tospita l-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab, wieħed mill-akbar fid-dinja, li jospita aktar minn 220 000 rifuġjat Somalu rreġistrat li qed jaħarbu l-gwerra ċivili u t-tbatija b'rabta mal-klima; billi t-tensjonijiet bejn il-Kenja u s-Somalja qed jiżdiedu b'rabta mal-ġestjoni tal-kamp, filwaqt li r-rifuġjati jibqa' jkollhom jissopravivu f'kundizzjonijiet diffiċli, filwaqt li jiddependu mill-appoġġ tan-NU għall-mezzi tas-sussistenza tagħhom; |
|
K. |
billi l-Qarn tal-Afrika, il-Baħar l-Aħmar u l-Golf ta' Aden qed jinbidlu f'żoni ta' tħassib dejjem akbar, fejn atturi reġjonali u internazzjonali għandhom interessi ekonomiċi u ta' sigurtà konsiderevoli u ta' spiss diverġenti f'salib it-toroq globali u punt ta' konġestjoni għall-kummerċ tal-komoditajiet, fejn aktar minn 12 % tal-merkanzija globali bil-baħar u 40 % tal-kummerċ tal-Asja mal-Ewropa jgħaddu mill-Baħar l-Aħmar; billi l-istabbiltà, is-sigurtà marittima u l-libertà tan-navigazzjoni fil-Baħar l-Aħmar u fil-Golf ta' Aden huma kruċjali biex jiġu żgurati l-flussi tal-enerġija globali u s-sigurtà tal-enerġija Ewropea, peress li madwar 6,2 miljun barmil żejt grezz u prodotti petroliferi oħra jgħaddu mill-istrett ta' Bab-el-Mandeb kull sena (madwar 9 % tal-vjeġġi globali bil-baħar), li minnhom 3,6 miljun huma destinati għall-Ewropa; billi l-invażjoni illegali tal-Ukrajna mir-Russja u l-kunflitt li jinsab għaddej fil-pajjiż se jkomplu jżidu r-rilevanza ta' din ir-rotta kummerċjali; billi filwaqt li jiġu segwiti t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u sostenibbli tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-ħtieġa fuq terminu qasir li titnaqqas id-dipendenza fuq ir-Russja u jiġu diversifikati l-fornituri se tagħmel il-libertà tan-navigazzjoni u s-sigurtà marittima fil-Baħar l-Aħmar u fil-Golf ta' Aden saħansitra aktar kruċjali f'termini ġeostrateġiċi; billi għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-importanza tar-reġjun tal-Baħar l-Aħmar fir-rigward tal-istabbiltà fil-Qarn tal-Afrika, lis-sinifikat tiegħu bħala assi ta' kummerċ u konnettività, u lit-tħassib tiegħu, li hu kondiviż mill-UE, rigward l-istabbiltà u l-libertà tan-navigazzjoni; |
|
L. |
billi l-11-il laqgħa ministerjali tal-inizjattiva tal-Qarn tal-Afrika saret fis-Summit UE-UA, fejn il-membri ta' Tim Ewropa attendew ukoll għall-ewwel darba; billi l-inizjattiva mmobilizzat aktar minn USD 4,5 biljun mit-tliet sħab tagħha għall-iżvilupp: l-UE, il-Bank Afrikan tal-Iżvilupp u l-Grupp tal-Bank Dinji; billi sa mill-2019, l-UE appoġġat 64 proġett fil-Qarn tal-Afrika fl-ambitu tal-Fond Fiduċjarju tal-UE, li jiffokaw prinċipalment fuq opportunitajiet ekonomiċi u ta' impjieg akbar u governanza mtejba u prevenzjoni tal-kunflitti; |
|
M. |
billi d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru u forom oħra ta' inugwaljanza jibqgħu stabbiliti sew f'ħafna pajjiżi fir-reġjun, inklużi l-vjolenza abbażi tal-ġeneru u livelli għoljin ta' vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, aċċess limitat għas-saħħa sesswali u riproduttiva, żwiġijiet bikrija u furzati, l-esklużjoni ta' bniet tqal mill-iskejjel, u l-prattika tal-mutilazzjoni ġenitali femminili, li tibqa' użanza li ilha żmien twil fil-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika; |
|
N. |
billi l-persuni LGBTIQ jibqgħu jiffaċċjaw fastidju, arrest, prosekuzzjoni u vjolenza abbażi tal-ġeneru u xi drabi saħansitra jirriskjaw li jinqatlu minħabba l-orjentazzjoni sesswali, l-identità jew l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi sesswali reali jew perċepiti tagħhom; billi bl-eċċezzjoni tal-Djibouti, atti sesswali konsenswali bejn persuni tal-istess sess huma kriminalizzati fil-pajjiżi kollha tal-Qarn tal-Afrika; billi din il-kriminalizzazzjoni tintuża biex tilleġittimizza it-trattament diskriminatorju fil-konfront tal-persuni LGBTIQ u billi t-tħassir tad-dispożizzjonijiet kriminali diskriminatorji huwa l-ewwel pass meħtieġ lejn il-protezzjoni tal-persuni LGBTIQ mill-vjolenza; billi l-ebda wieħed mill-pajjiżi fil-Qarn tal-Afrika ma għandu dispożizzjonijiet legali fis-seħħ biex jirrikonoxxi legalment lill-persuni trans jew jipproteġi lill-persuni intersesswali mill-mutilazzjoni ġenitali intersesswali; |
|
O. |
billi mill-1 ta' April 2022, il-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) ġiet sostitwita mill-Missjoni ta' Tranżizzjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (ATMIS), bl-objettiv primarju li l-kompiti jingħaddew f'idejn il-forzi tal-armata nazzjonali Somala fl-2024; billi l-kompiti tal-missjoni l-ġdida jinkludu, fost l-oħrajn, tnaqqis tat-theddida maħluqa mill-al-Shabaab, għajnuna għat-tisħiħ tal-forzi konġunti tas-sigurtà u tal-pulizija Somali, żgurar tat-trasferiment gradwali tar-responsabbiltajiet tas-sigurtà lejn is-Somalja, u appoġġ għall-isforzi ta' paċi u rikonċiljazzjoni tal-Gvern Federali tas-Somalja u tal-pajjiżi membri tal-federazzjoni; billi r-Riżoluzzjoni 2608 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-piraterija, li kienet il-bażi għall-Operazzjoni Atalanta tal-forza navali tal-UE, ma ġietx imġedda u, b'riżultat ta' dan, l-aċċess għall-ibħra territorjali Somali huwa ristrett; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà hija fraġli u tagħti lok għal tħassib, filwaqt li l-grupp terroristiku al-Shabaab jibqa' attiv; billi l-elezzjonijiet saru 12-il xahar wara d-data skedata; billi l-pajjiż qed jiffaċċja diffikultajiet finanzjarji dejjem akbar li qed jikkompromettu l-ħila tiegħu li jħallas; billi l-għajnuna finanzjarja tal-UE ilha sospiża minn Settembru 2020 minħabba n-nuqqas tat-tlestija tal-proċess elettorali, għalkemm l-appoġġ dirett għall-popolazzjonijiet vulnerabbli qed ikompli; billi skont l-organizzazzjonijiet umanitarji mhux governattivi (NGOs), minn meta bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, il-prezzijiet tal-qamħ u taż-żejt żdiedu bi 300 % f'għadd ta' reġjuni fis-Somalja, li timporta 90 % tal-qamħ tagħha mill-Ukrajna u mir-Russja; billi skont in-NU, aktar minn 38 % tal-popolazzjoni tas-Somalja kienet qed tbati minn insigurtà gravi tal-ikel sa minn Marzu 2022; |
|
P. |
billi n-nuqqas ta' tiġdid tar-Riżoluzzjoni 2608 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jillimita l-aċċess tal-Operazzjoni Atalanta għall-ibħra territorjali Somali; |
|
Q. |
billi ċ-Ċina ħatret mibgħut speċjali għall-affarijiet tal-Qarn tal-Afrika; billi ċ-Ċina żiedet il-preżenza militari u diplomatika tagħha fil-pajjiżi tar-reġjun u l-kooperazzjoni ekonomika magħhom; |
|
R. |
billi fis-Sudan hemm staġnar politiku li ilu għaddej mill-kolp ta' stat tal-25 ta' Ottubru 2021 u negozjati diffiċli ħafna bejn iċ-ċivili u l-militari; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fid-Darfur, fejn sa minn Novembru 2021 reġgħu seħħew tifqigħat ta' vjolenza, hija inkwetanti ħafna; billi s-Sudan qed jiffaċċja sitwazzjoni ekonomika terribbli bis-sospensjoni tal-pagamenti mill-Bank Dinji u mill-Fond Monetarju Internazzjonali sakemm tinstab soluzzjoni politika vijabbli u sa ma jiġi stabbilit gvern ċivili, kif ukoll is-sospensjoni tal-għajnuna finanzjarja mill-Kummissjoni, għalkemm l-għajnuna diretta lill-popolazzjoni nżammet; billi l-bażi militari ppjanata tar-Russja se tipprovdilha aċċess strateġiku għall-Baħar l-Aħmar; |
|
S. |
billi aktar minn għaxar snin mill-indipendenza tas-Sudan t'Isfel fl-2011, l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi ffirmat fl-2018 ġiet posposta; billi l-President Salva Kiir biħsiebu jorganizza elezzjonijiet ġenerali fl-2023 f'konformità mal-iskadenza stabbilita fil-ftehim ta' paċi; billi l-frammentazzjoni politika u militari tal-pajjiż, kemm fost gruppi politiċi, fazzjonijiet militari u gruppi etniċi differenti, kif ukoll fi ħdanhom, qed tagħti lok għal tħassib; |
|
T. |
billi x-xenarju politiku fil-Kenja huwa polarizzat ħafna; billi l-elezzjonijiet ġenerali saru fid-9 ta' Awwissu 2022; billi l-pajjiż qed ibati ekonomikament b'riżultat tal-konsegwenzi globali tal-pandemija tal-COVID-19 u tad-dejn akkumulat; billi l-Kenja jista' jkollha rwol kostruttiv fil-paċi u fis-sigurtà reġjonali; billi l-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà żar il-Kenja darbtejn din is-sena, darba fl-10 ta' Settembru 2022, bħala parti minn tour reġjonali tal-Kenja, tal-Mozambique u tas-Somalja, u darba fid-29 ta' Jannar 2022 biex iniedi formalment id-djalogu strateġiku bejn l-UE u l-Kenja, fejn l-ekonomija, il-kummerċ u l-investiment ġew identifikati bħala l-prijoritajiet ewlenin; |
|
U. |
billi l-President tal-Uganda Yoweri Museveni reġa' ġie elett għas-sitt mandat wara l-elezzjonijiet li saru fl-14 ta' Jannar 2021; billi fit-30 ta' Novembru 2021, tnediet operazzjoni militari f'Ituri u fit-Tramuntana ta' Kivu fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo b'reazzjoni għal sensiela ta' attakki mill-Forzi Demokratiċi Alleati, grupp terroristiku armat affiljat mad-Da'esh b'għeruq fl-Uganda; |
|
V. |
billi l-President Isaias Afwerki tal-Front Popolari għad-Demokrazija u l-Ġustizzja ilu jmexxi l-Eritrea sa mill-indipendenza tagħha fl-1993; billi l-proċess ta' demokratizzazzjoni li beda bl-adozzjoni tal-Kostituzzjoni tal-Eritrea fl-1997 waqaf minn dak iż-żmien; billi r-reġim Eritrean rażżan il-biċċa l-kbira tal-libertajiet fundamentali u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem qed tagħti lok għal tħassib kbir; billi l-Eritrea hija wieħed mill-pajjiżi l-anqas żviluppati fid-dinja (LDCs); billi ż-żewġ donaturi prinċipali tagħha huma l-Fond Globali u l-Kummissjoni Ewropea, fejn l-UE bħalissa qed tgħaddi EUR 20 miljun fi proġett ta' titjib tat-toroq fl-Eritrea permezz tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza, wara li ddiżimpenjat aktar minn EUR 100 miljun fl-2021 b'riżultat tal-involviment tal-Eritrea fil-kunflitt fit-Tramuntana tal-Etjopja; |
|
W. |
billi l-Djibouti jinsab b'mod eminenti f'pożizzjoni strateġika fuq l-istrett ta' Bab-el-Mandeb, wieħed mill-kurituri marittimi l-aktar traffikużi fid-dinja, li jikkontrolla l-aċċess għall-Baħar l-Aħmar, u li b'hekk jiffaċilita mudell ta' tkabbir iċċentrat fuq l-iżvilupp tal-infrastruttura (portijiet u ferroviji); billi fid-9 ta' April 2021, il-President fil-kariga Ismaïl Omar Guelleh rebaħ l-elezzjonijiet għall-ħames darba konsekuttiva; billi l-Djibouti jinsab fl-epiċentru tal-kriżi li testendi mis-Saħel għal-Lvant Nofsani u, filwaqt li huwa pajjiż stabbli, l-inħawi immedjati tiegħu huma instabbli; billi għandu jiġi kkunsidrat l-involviment militari sinifikanti tal-Djibouti mal-ATMIS fil-ġlieda kontra t-terroristi Somali tal-al-Shabaab; |
1. Jirrakkomanda lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:
L-impatt tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq il-Qarn tal-Afrika
|
(a) |
iwettqu evalwazzjoni komprensiva tal-istrateġiji u tal-impenji preċedenti tal-UE fil-konfront tal-Qarn tal-Afrika sabiex jiġu identifikati t-tagħlimiet meħuda u l-impenn tal-UE fir-reġjun jiġi kkalibrat mill-ġdid skont dan; jirrikonoxxu li l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna għandha konsegwenzi inkwetanti immedjati u fit-tul għall-Qarn tal-Afrika, u li bħala rispons, l-UE għandha taġġusta l-impenn tagħha mar-reġjun; jirrispondu għall-fatt li – b'konsegwenza tal-azzjoni illegali tar-Russja – is-sitwazzjoni kumplessiva tas-sigurtà fir-reġjun hija affettwata b'mod negattiv; jindirizzaw il-fatt li r-Russja diġà għandha rabtiet u influwenza stabbiliti sew u multidimensjonali fir-reġjun, inkluż permezz ta' investimenti (kemm ċivili kif ukoll militari) u l-iskjerament ta' gruppi paramilitari bħall-Grupp Wagner fis-Sudan, u jirrikonoxxu li dawn l-azzjonijiet għandhom il-potenzjal li jiddestabbilizzaw aktar iż-żoni ġirien; jopponu t-tentattivi Russi li jorkestraw kampanji ta' miżinformazzjoni u ta' diżinformazzjoni fir-reġjun immirati biex ixewxu sentimenti kontra l-UE permezz tal-istabbiliment ta' strateġija ta' komunikazzjoni pubblika komprensiva tal-UE li topponi u tegħleb l-isforzi Russi, flimkien ma' azzjoni u impenji konkreti li jqisu l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni lokali; jikkundannaw it-tixrid ta' narrattivi li jiġġustifikaw il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ġara bid-dikjarazzjoni tat-23 ta' Frar 2022, tal-Ġeneral Sudaniż Hemetti, meta ddikjara b'mod falz li l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna seħħet biex “tipproteġi” lir-Russja; iżidu l-impenn diplomatiku, politiku, finanzjarju u umanitarju tal-UE mal-UA, mal-komponenti reġjonali tagħha, u mal-pajjiżi individwali billi tiġi stabbilita azzjoni konkreta li turi l-impenn tal-UE għar-reġjun sabiex jitrawmu approċċi lokali u reġjonali biex tiġi evitata aktar instabbiltà reġjonali, titnaqqas il-vulnerabbiltà tagħhom għall-influwenza barranija, u jiġu indirizzati l-konsegwenzi negattivi tal-gwerra tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna kif ukoll ikun hemm rispons għalihom; japprofondixxu immedjatament l-impenn diplomatiku mal-gvernijiet fir-reġjun biex jiddiskutu u jiċċaraw l-impatti devastanti fuq terminu qasir, medju u twil tal-objettivi u tal-operazzjonijiet Russi fir-reġjun; jirrikonoxxu li l-gwerra ta' aggressjoni Russa li tinsab għaddejja kontra l-Ukrajna, b'mod partikolari l-imblokk navali Russu, tfixkel il-ktajjen tal-provvista u tħalli impatt sever fuq is-sigurtà tal-ikel tal-Qarn tal-Afrika, kemm fuq terminu qasir kif ukoll fuq dak medju, peress li madwar 90 % tal-qamħ tagħha jiġi importat mill-Federazzjoni Russa u mill-Ukrajna; iqisu l-fatt li mill-anqas 20 miljun persuna kienu diġà f'riskju ta' karestija minħabba nixfa bla preċedent fil-Kenja, fis-Somalja u fl-Etjopja u l-kriżi tal-qatgħat tal-ġurati; iżidu b'mod sinifikanti l-appoġġ u l-assistenza tal-UE għall-Qarn tal-Afrika biex jiġi evitat ir-riskju ta' karestija jew diffikultajiet fl-aċċess għall-ikel; jirrikonoxxu l-lakuni fil-finanzjament għar-reġjun għas-sitt xhur li ġejjin, jiġifieri USD 437 miljun skont il-Programm Dinji tal-Ikel u USD 130 miljun skont l-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU, u jagħmlu l-almu tagħhom biex jgħinu biex jingħalqu dawn il-lakuni u jmorru lil hinn mill-EUR 21,5 miljun f'għajnuna umanitarja addizzjonali tal-UE diġà impenjata; |
Il-prinċipji gwida
|
(b) |
jirrikonoxxu bis-sħiħ il-potenzjal u r-rilevanza strateġika tar-reġjun, u jiżviluppaw viżjoni verament strateġika għall-kooperazzjoni u għall-involviment billi jaħdmu kontinwament biex jimplimentaw u jadattaw l-istrateġija għall-Qarn tal-Afrika fid-dawl tal-iżviluppi reċenti fir-reġjun, filwaqt li jagħtu impetu ġdid lil relazzjoni ta' benefiċċju reċiproku bbażata fuq konsultazzjonijiet koerenti, f'waqthom u effettivi u valuri, interessi u prospetti komuni; ibiddlu l-mentalità skaduta ta' donaturi u riċevituri għal sħubija fuq bażi ugwali bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika sabiex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal żvilupp sostenibbli u paċifiku fir-reġjun; |
|
(c) |
jikkoordinaw l-inizjattivi u l-appoġġ tal-UE mal-kontropartijiet Afrikani billi jiffavorixxu sjieda Afrikana tal-programmi, biex b'hekk jgħinu biex jinstabu soluzzjonijiet Afrikani għall-problemi Afrikani; jadottaw, f'dan ir-rigward, approċċ ta' kundizzjonalità, inkluż dwar kwistjonijiet ta' sigurtà, ibbażat fuq il-prinċipju “aktar għal aktar u anqas għal anqas”; jinnutaw li l-għajnuna għall-iżvilupp xi drabi tintuża b'mod ineffiċjenti u okkażjonalment tintuża ħażin mill-gvernijiet tal-pajjiżi riċevituri; jiffaċilitaw it-tisħiħ ta' approċċ minn isfel għal fuq, fejn il-komunitajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jistgħu jaħdmu biex jibnu l-kapaċitajiet tagħhom stess u jħejju, jikkoordinaw u jorganizzaw ruħhom aħjar biex isiru aktar reżiljenti; |
|
(d) |
jikkoordinaw l-isforzi fir-reġjun mal-UA u mal-komponenti reġjonali tagħha, b'mod partikolari l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u l-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD), kif ukoll man-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali oħra tal-istess fehma, ma' istituzzjonijiet finanzjarji u ma' pajjiżi individwali; iżommu l-appoġġ għall-missjonijiet li jinsabu għaddejjin fil-qasam li jgħinu dawn l-isforzi, inklużi l-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE, sabiex jikkontribwixxu għal rispons kollettiv imfassal biex jinkisbu l-istabbiltà u l-iżvilupp; jinkoraġġixxu lir-Renju Unit jikkoordina mal-UE fl-isforzi tiegħu fir-reġjun; |
|
(e) |
jadottaw approċċ proattiv, inklużiv u kooperattiv ibbażat fuq involviment kostruttiv ma' pajjiżi u atturi preżenti fil-Qarn tal-Afrika, filwaqt li jikkondividu l-aħjar prattiki u l-esperjenza tal-UE fl-integrazzjoni ta' kwistjonijiet relatati mas-sigurtà, mal-iżvilupp ekonomiku u ma' kwistjonijiet finanzjarji, soċjali u kulturali biex titrawwem kooperazzjoni effettiva fir-reġjun kollu u fil-qasam marittimu, filwaqt li jaġixxu wkoll bħala faċilitatur tad-djalogu mal-partijiet kollha involuti, b'mod partikolari permezz tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika; |
Il-paċi u s-sigurtà reġjonali
|
(f) |
jirrikonoxxu li n-nuqqas ta' sigurtà u l-instabbiltà fil-Qarn tal-Afrika jirrappreżentaw theddida serja għall-prospetti ekonomiċi u soċjali tal-Afrika kollha kemm hi, kif ukoll għat-tħassib dwar is-sigurtà tal-UE u tar-reġjun; jikkontribwixxu għas-sigurtà u għall-istabbiltà reġjonali b'approċċ integrat, li jrawwem ir-rabta bejn l-assistenza umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-paċi permezz tal-prevenzjoni tal-kunflitti ċivili, is-soluzzjoni paċifika għat-tilwim, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni, il-bini tal-kapaċitajiet u l-attivitajiet ta' rikonċiljazzjoni; jintegraw l-inklużjoni taż-żgħażagħ u r-rappreżentanza sħiħa, ugwali u sinifikanti u l-parteċipazzjoni attiva tan-nisa fi kwistjonijiet ta' paċi u ta' sigurtà, inkluż permezz tal-appoġġ u tal-implimentazzjoni tal-Aġendi tan-NU dwar iż-Żgħażagħ, il-Paċi u s-Sigurtà u dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, filwaqt li jifformulaw impenji konkreti fuq terminu qasir u medju u jidentifikaw kif dan ser jitkejjel u jiġi rrapportat b'mod oġġettiv; jappoġġaw proċessi bi sjieda Afrikana fi ħdan l-UA, l-IGAD u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, u jindirizzaw l-kawżi ewlenin tal-kunflitti, l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni bħall-faqar estrem u l-inugwaljanza, il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima b'mod partikolari riżorsi skarsi bħar-raba' li jinħadem u l-ilma, u tilwim dwar il-fruntieri li ilu għaddej permezz ta' appoġġ politiku, finanzjarju, operazzjonali u loġistiku; isaħħu s-sħubija strateġika UE-UA fir-rigward tal-prevenzjoni tal-kunflitti, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u ż-żamma tal-paċi; isaħħu l-kooperazzjoni mal-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana u mal-Komunitajiet Ekonomiċi Reġjonali f'dan ir-rigward; japprovaw il-kunċett tas-sigurtà tal-bniedem bħala komplement għall-approċċi tas-sigurtà tal-istat li jpoġġi l-miżuri u l-istituzzjonijiet għas-servizz tal-poplu tiegħu; jappoġġaw it-tneħħija meħtieġa tal-mini tal-art, tal-munizzjonijiet dispersivi u splussivi oħra, u jindirizzaw il-kontaminazzjoni kkawżata minnhom, peress li jipprevjenu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku u għandhom impatt sproporzjonat fuq it-tfal, in-nisa u l-gruppi emarġinati; |
|
(g) |
jindirizzaw l-insigurtajiet u t-tensjonijiet li possibbilment jirriżultaw mill-bini tal-Gran Diga tar-Rinaxximent Etjopjan u mill-kondiviżjoni tal-ilmijiet tan-Nil mas-Sudan u mal-Eġittu li jinsabu 'l isfel mix-xmara; jistiednu lit-tliet pajjiżi jerġgħu lura għall-mejda tan-negozjati u jaħdmu magħhom biex isibu soluzzjoni nnegozjata b'mod diplomatiku fil-fora xierqa taħt l-awspiċji tal-UA u tal-IGAD, filwaqt li jqisu l-interess tal-Etjopja fil-ġenerazzjoni tal-enerġija idroelettrika kif ukoll it-tħassib tal-istati riparji fir-rigward tas-sigurtà tal-ilma, u jegħlbu r-riskji relatati mal-attitudnijiet unilaterali lejn l-użu ta' riżorsi ambjentali kondiviżi; iqisu l-fatt li l-effetti tat-tibdil fil-klima joħolqu sfida kbira għall-Qarn tal-Afrika u jirrikjedu li r-reġjun jikkoopera mill-qrib fil-produzzjoni tal-enerġija sostenibbli kif ukoll fil-kondiviżjoni tar-riżorsi, u jirrikonoxxu li l-Patt Ekoloġiku Ewropew joffri opportunitajiet importanti għall-kooperazzjoni; jipprovdu assistenza finanzjarja u teknika kif ukoll jikkondividu teknoloġiji innovattivi, l-aħjar prattiki u tagħlimiet meħuda mas-sħab Afrikani tagħna sabiex jinħasdu l-benefiċċji tat-tranżizzjoni ekoloġika u r-rabta bejn l-ilma, l-ikel u l-enerġija, u jiżdied l-investiment fit-tranżizzjoni tar-reġjun, inkluż fl-infrastruttura integrata bħall-grilji tal-enerġija tranżnazzjonali; |
|
(h) |
jikkoordinaw ma' sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jipprovdu għajnuna u assistenza umanitarja f'waqthom u suffiċjenti lill-pajjiżi milquta minn kunflitti, nixfa estrema u diżastri naturali oħra u mill-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, li kkontribwiet għal kostijiet tal-ikel u tal-fjuwil dejjem jogħlew u għal tfixkil fil-ktajjen tal-provvista globali; jirrikonoxxu r-rabtiet bejn il-kriżi klimatika, il-paċi u l-kunflitti u l-ħtieġa għall-bini tal-paċi u l-isforzi ta' adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tiegħu biex dawn jiġu indirizzati, u tiġi indirizzata s-sigurtà tal-klima bħala element ewlieni ta' kwalunkwe strateġija reġjonali komprensiva; jassumu rwol ta' tmexxija biex ilaqqgħu l-komunità tad-donaturi għal konferenza eċċezzjonali b'appell għal wegħdiet ta' donazzjonijiet għall-Qarn tal-Afrika sabiex jiġi evitat li r-reġjun jerġa' jintlaqat mill-ġuħ; |
|
(i) |
jirrikonoxxu l-impatti pożittivi tal-impenn muri mill-UE u mis-sħab internazzjonali tagħha permezz ta' missjonijiet u operazzjonijiet bħall-Operazzjoni Atalanta, il-Missjoni tal-UE għall-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja u l-Programm tal-UE għall-Promozzjoni tas-Sigurtà Marittima Reġjonali, kemm billi jipprevjenu attakki ta' piraterija qabel ma jseħħu kif ukoll billi jnaqqsu r-rata ta' suċċess ta' dawk li jseħħu, u jiddeploraw il-fatt li r-Riżoluzzjoni 2608 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ma ġietx imġedda, u li dan sfortunatament jillimita l-aċċess tal-operazzjoni għall-ibħra territorjali Somali; ifaħħru r-riżultati pożittivi li diġà nkisbu mill-Missjoni tal-UE għall-Bini tal-Kapaċità fis-Somalja fil-qasam tal-infurzar tal-liġi ċivili, u jiżguraw li l-missjoni jkollha l-mezzi u l-persunal li teħtieġ biex tkun effettiva; jistiednu lill-Istati Membri juru impenn adegwat fil-konfront tal-ATMIS u tal-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE fis-Somalja, kemm f'termini ta' persunal kif ukoll ta' mezzi, sabiex jissaħħu l-forzi armati Somali u jkunu jistgħu jieħdu f'idejhom is-sigurtà fil-pajjiż filwaqt li jikkonformaw bis-sħiħ mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jissottolinjaw il-ħtieġa għall-UE li tikkonferma l-pożizzjoni tagħha bħala sieħeb kredibbli għas-Somalja, filwaqt li tappoġġa l-ATMIS bħala parti minn approċċ integrat adottat f'koordinazzjoni mal-missjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni fis-Somalja, il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF), l-operazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja u l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali; |
|
(j) |
jesprimu tħassib dwar l-attività persistenti ta' gruppi terroristiċi Iżlamisti militanti radikali li joperaw fil-Qarn tal-Afrika u f'pajjiżi ġirien, b'mod partikolari l-al-Shabaab, l-al-Qaeda u d-Da'esh, li huma adattabbli ħafna u kapaċi jiksbu bażi dejjiema fost il-popolazzjoni; jistiednu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiffukaw fuq it-tixrid tal-ġiħadiżmu fir-reġjun u jipprovdu assistenza mfassla apposta u effettiva lill-pajjiżi milquta fil-ġlieda kontra l-effetti immedjati ta' din l-espansjoni kif ukoll kontra l-kawżi ewlenin kumplessi li jwasslu għall-estremiżmu, ir-radikalizzazzjoni, il-vjolenza, it-terroriżmu u s-suxxettibbiltà għar-reklutaġġ; jirrikonoxxu li r-rilevanza u l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet terroristiċi li joperaw fir-reġjun jissaħħu aktar bil-permeabbiltà tal-fruntieri nazzjonali, u jappoġġaw l-isforzi nazzjonali u reġjonali biex tiżdied is-sigurtà tal-fruntieri; jaħdmu f'kooperazzjoni ma' pajjiżi individwali u organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikolari mal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, l-IGAD u l-Forza tal-Afrika tal-Lvant ta' Intervent fil-Pront, sabiex jadottaw approċċ reġjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u jindirizzaw il-kawżi ewlenin tiegħu; |
|
(k) |
jipprovdu appoġġ imfassal apposta u mmexxi mit-talbiet għall-UA, għall-komponenti reġjonali tagħha u għall-pajjiżi individwali fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet għas-sigurtà u għall-istabbiltà; iżommu l-appoġġ ipprovdut permezz tal-politika tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali ta' bini tal-kapaċitajiet b'appoġġ għas-sigurtà u għall-iżvilupp u għall-EPF, b'mod partikolari għall-Operazzjoni Atalanta u għall-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE fis-Somalja, u jiżguraw li jikkonforma mal-Pożizzjoni Komuni tal-UE dwar l-Esportazzjoni tal-Armi u jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, l-obbligi ta' valutazzjoni tar-riskju ex ante, il-monitoraġġ permanenti tal-provvista ta' teknoloġija militari lil atturi ta' pajjiżi terzi u mad-dispożizzjonijiet effettivi tat-trasparenza inkluż it-traċċabbiltà u l-użu xieraq tal-materjal ipprovdut lis-sħab fl-ambitu tal-EPF, sabiex jgħinu fil-bini ta' settur tas-sigurtà akkontabbli, robust u affidabbli; jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-EPF f'dan ir-rigward u jiżguraw kontinwità ma' dik li qabel kienet il-Faċilità Afrikana għall-Paċi f'termini tal-kwalità u tal-kwantità tal-finanzjament ta' inizjattivi mmexxija mill-Afrika; jiżguraw li l-impenji ta' finanzjament kollha tal-EPF li daħlu għalihom mal-Qarn tal-Afrika qabel l-invażjoni kriminali tar-Russja fl-Ukrajna jiġu ssodisfati; jiżguraw il-finanzjament tal-komponent ċivili tal-ATMIS; |
Demokrazija, drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt
|
(l) |
jappoġġaw bis-sħiħ it-tranżizzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-proċessi tal-bini tal-istat u spazju politiku miftuħ li jkun adattat kif xieraq għall-kuntesti lokali differenti; jappoġġaw strateġiji biex jitrawmu proċessi inklużivi ta' rikonċiljazzjoni bil-għan li jiġu stabbiliti istituzzjonijiet kredibbli u rappreżentattivi li jipprevedu l-parteċipazzjoni tad-diversi komunitajiet; jimpenjaw ruħhom b'mod partikolari mas-Somalja, l-Etjopja u s-Sudan biex iżidu l-isforzi biex jinkludu komunitajiet u nisa sottorappreżentati fil-politika ta' livell għoli u korpi governattivi u jassistu lill-pajjiżi sħab fl-indirizzar tal-iskuntentizza lejn l-awtoritajiet nazzjonali u n-nuqqas ta' fiduċja fihom permezz ta' miżuri għall-bini tal-fiduċja; ikunu lesti li, kull meta jkun meħtieġ, jibagħtu missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-UE biex jappoġġaw il-proċessi elettorali qabel u matul l-elezzjonijiet; jirrikonoxxu l-potenzjal tad-diplomazija parlamentari bħala għodda biex jitrawwem id-djalogu u tinbena sħubija olistika bejn l-UE, l-UA u pajjiżi individwali; |
|
(m) |
jaħdmu fi sħubija mal-kontropartijiet Afrikani tal-UE u jżidu l-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili biex jidentifikaw u jindirizzaw l-isfidi u l-prijoritajiet ewlenin fir-reġjun, inklużi d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet demokratiċi u fundamentali, l-isfidi tal-istat tad-dritt u l-mitigazzjoni tal-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19; jistiednu lill-awtoritajiet nazzjonali jirrispettaw il-Linji Gwida dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u ta' Għaqda adottati mill-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u jirrispettaw il-libertà tal-media, inkluż billi jiżguraw li l-mezzi tal-media jkunu jistgħu joperaw b'mod indipendenti; jesprimu tħassib dwar il-vjolenza u d-diskriminazzjoni persistenti abbażi tal-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni u l-karatteristiċi sesswali; jistiednu lill-awtoritajiet nazzjonali jirrevokaw id-dispożizzjonijiet diskriminatorji, inkluż permezz ta' rieżami tal-kodiċijiet kriminali tagħhom; isaħħu l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun; juru flessibbiltà fl-użu tal-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħhom u jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jiżguraw li l-mekkaniżmi ta' protezzjoni interni jiġu rispettati u jikkoordinaw fl-għoti ta' viżi lil dawk li jfittxu li jitilqu mill-pajjiż; jistiednu lill-awtoritajiet nazzjonali fir-reġjun jipprovdu ambjent tax-xogħol favorevoli għas-soċjetà ċivili, kif ukoll miżuri leġiżlattivi speċifiċi biex jirrikonoxxu u jipproteġu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jipprevjenu l-fastidju u d-detenzjoni arbitrarja tagħhom; jirrikonoxxu r-rabta bejn il-korruzzjoni u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u jsaħħu l-appoġġ tal-UE għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-reġjun; iżidu t-twassil ta' assistenza li ssalva l-ħajja u li ssostni l-ħajja biex tgħin lin-nies u lill-komunitajiet milquta min-nixfa filwaqt li jaħdmu biex il-komunitajiet ikunu jistgħu jsegwu l-awtodipendenza u jibnu reżiljenza kontra xokkijiet futuri; jistiednu lill-gvernijiet fir-reġjun kollu jiżguraw li l-ħaddiema umanitarji jkunu jistgħu jaċċessaw persuni fil-bżonn ta' assistenza; |
|
(n) |
jintegraw il-ġustizzja tranżizzjonali fl-approċċ tagħha għall-ġestjoni tal-kunflitti fir-reġjun; jipprijoritizzaw, bħala parti mill-appoġġ tal-UE għall-isforzi ta' ġustizzja tranżizzjonali, proċessi mmexxija lokalment u nazzjonalment kif ukoll esperti lokali u reġjonali; iżidu l-involviment tal-UE ma' pajjiżi sħab u ma' organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali biex jappoġġaw il-ġlieda kontra l-impunità u jippromwovu l-verità, il-ġustizzja, ir-reparazzjonijiet u l-garanziji ta' nonrepetizzjoni; |
|
(o) |
jistiednu lill-gvernijiet jieħdu azzjoni biex jipproteġu lid-drittijiet tan-nisa u l-bniet għall-ugwaljanza, is-saħħa – inklużi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati – u l-edukazzjoni, u biex jippermettulhom jgħixu ħielsa mill-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru, filwaqt li jiżguraw approċċ sensittiv għall-ġeneru sabiex jitnaqqas id-distakk dejjem akbar bejn il-ġeneri matul il-kriżijiet u l-kunflitti; ifaħħru l-progress li sar fit-titjib tal-aċċess għall-kura tas-saħħa fir-reġjun, bħal fil-Kenja u fl-Uganda, b'mod partikolari l-aċċess għat-trattament tal-HIV li jsalva l-ħajja u l-aċċess għal servizzi oħra tas-saħħa sesswali u riproduttiva, u jsaħħu l-appoġġ tal-UE għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati, li huma indispensabbli biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jissimplifikaw l-azzjonijiet kontra l-mutilazzjoni ġenitali femminili fl-attivitajiet esterni kollha tal-UE, kif ittenni r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Frar 2020, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lill-Qarn tal-Afrika, li għandu l-ogħla prevalenza ta' mutilazzjoni ġenitali femminili fid-dinja, inkluż fl-aktar forom severi tagħha; jistiednu lill-awtoritajiet nazzjonali fil-Qarn tal-Afrika jimplimentaw liġijiet li jipprojbixxu l-mutilazzjoni ġenitali femminili u jiżguraw li dawk il-liġijiet jiġu rispettati; iżidu l-inizjattivi li jinvolvu lin-nisa fil-politika biex iħeġġu tfassil aħjar tal-politika u jgħinu biex jintemmu l-mutilazzjoni ġenitali femminili u ż-żwieġ furzat; |
Żvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv – soċjetà
|
(p) |
jieħdu nota tal-iżvilupp demografiku tar-reġjun u jirrikonoxxu r-rwol taż-żgħażagħ u tan-nisa fil-kisba ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli; isaħħu l-appoġġ tal-UE fil-qasam tal-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol, skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jinsistu li l-għoti tas-setgħa u l-offerta ta' prospetti reali lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u lin-nisa jistgħu jġibu magħhom diversi benefiċċji għar-reġjun kollu; jappoġġaw il-bini tal-kapaċità għall-manifattura lokali tal-vaċċini, jassistu fit-tisħiħ tas-sistemi tas-saħħa lokali u jappoġġaw ir-riformi strutturali fis-settur tas-saħħa; iħeġġu lill-awtoritajiet nazzjonali jiżguraw aċċess universali għall-kura tas-saħħa abbażi tal-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali; jieħdu nota li t-terroriżmu u l-ġiħadiżmu jiżvolġu rwol ewlieni fil-prevenzjoni tat-tkabbir ekonomiku fil-Qarn tal-Afrika kollu kemm hu; jieħdu nota tal-preżenza ekonomika ta' al-Shabaab fil-Qarn tal-Afrika permezz tal-kuntrabandu tal-faħam u l-estorsjoni tal-bdiewa, in-negozji u l-organizzazzjonijiet tal-għajnuna; jipprovdu appoġġ tekniku biex jagħtu s-setgħa lid-dijaspora fl-Ewropa biex iżżid ir-relazzjonijiet kummerċjali mar-reġjun, b'mod partikolari billi jippermettu li r-rimessi jintbagħtu permezz ta' kanali legali, trasparenti u fdati; |
|
(q) |
jirrikonoxxu li t-tibdil fil-klima jaffettwa serjament il-Qarn tal-Afrika, b'konsegwenzi estensivi għall-istabbiltà tar-reġjun; jintensifikaw l-azzjonijiet komuni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari fil-mitigazzjoni, l-adattament, ir-reżiljenza u l-ġestjoni tar-riskju ta' diżastri; jikkondividu l-benefiċċji tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, minqux fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima, mas-sħab tagħna u jappoġġawhom fl-adozzjoni tal-aġendi tagħhom stess għat-tranżizzjoni klimatika billi jikkondividu l-aħjar prattiki u jallinjaw l-inizjattivi tal-UE f'dan il-qasam ma' inizjattivi Afrikani eżistenti; jagħtu attenzjoni speċjali lill-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima fuq is-sigurtà tal-bniedem u tal-ikel u l-ħtieġa li l-UE u s-sħab tagħha jwettqu politika ta' sigurtà u difiża reżistenti għall-klima f'konformità mal-ambizzjonijiet tal-Pjan Direzzjonali tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima u d-Difiża bħala parti mill-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża; jaħdmu flimkien mal-kontropartijiet Afrikani fl-adozzjoni ta' modi ġodda u innovattivi biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tar-reġjun, inkluż billi jiġu skambjati l-aħjar prattiki u jiġu adottati teknoloġiji ġodda għal agrikoltura sostenibbli li jagħtu s-setgħa lill-intraprenditorija lokali, bl-għan aħħari li titnaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-ikel u tal-prodotti agrikoli u jiġi stimulat tkabbir ekonomiku inklużiv u sostenibbli; jappoġġaw it-talbiet tal-LDCs għall-għoti ta' finanzjament speċifiku għat-telf u l-ħsara assoċjati mal-effetti avversi tat-tibdil fil-klima u jappoġġaw ir-rikostruzzjoni tar-reġjuni affettwati u l-irpiljar ekonomiku tagħhom billi jadottaw miżuri speċjali addizzjonali għall-finanzjament tar-rikostruzzjoni u l-irkupru; iqisu li jħeġġu lill-Istati Membri biex jirrikorru għal sospensjoni, serħan jew kanċellazzjoni tad-dejn b'mod immirat fuq bażi ta' każ b'każ għal-LDCs u l-istati gżejjer żgħar li qed jiżviluppaw l-aktar vulnerabbli, bl-iskop speċifiku li jingħata kontribut għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bħala parti minn qafas internazzjonali usa'; |
|
(r) |
jippromwovu l-koordinazzjoni u l-ħidma mad-direttorati ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li r-reviżjoni tal-politika kummerċjali tal-UE twassal għal tkabbir ekonomiku sostenibbli għar-reġjun, b'mod partikolari billi l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles isiru infurzabbli bis-sħiħ; jinnotaw li huma meħtieġa sforzi biex jipprevjenu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi ambjentali minn korporazzjonijiet ibbażati fl-UE li joperaw fil-Qarn tal-Afrika u jiżguraw li d-Direttiva li jmiss dwar id-Diliġenza Dovuta għas-Sostenibbiltà Korporattiva tkun adatta għall-iskop tagħha u twassal għal progress reali f'termini ta' drittijiet tal-bniedem u l-ambjent għall-komunitajiet lokali; jagħtu attenzjoni partikolari biex jivvalutaw u jipprevjenu kwalunkwe ksur marbut mal-politiki, il-proġetti u l-finanzjament tal-UE stess fir-reġjun, inkluż billi jinħoloq mekkaniżmu tal-ilmenti għal individwi jew gruppi li d-drittijiet tagħhom setgħu ġew miksura mill-attivitajiet tal-UE f'dawn il-pajjiżi; iħeġġu lill-istituzzjonijiet finanzjarji pubbliċi, inkluż il-Bank Ewropew tal-Investiment, flimkien mal-Kummissjoni, biex jiżguraw li l-investimenti tal-UE jkunu allinjati mal-għanijiet ambjentali u klimatiċi internazzjonali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u jintużaw biex imexxu tranżizzjoni klimatika ġusta skont l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jiżguraw li l-ebda investiment fir-reġjun ma għandu jiffinanzja setturi li jalimentaw il-kriżi klimatika, primarjament l-industriji tal-fjuwils fossili; |
|
(s) |
jiddedikaw attenzjoni partikolari għal proġetti mifruxa u li huma proprjetà lokali, speċjalment fl-aktar żoni remoti, li huma inqas invażivi mil-lat ambjentali iżda aktar effettivi biex itejbu ħajjet in-nies, jiġifieri sistemi tal-enerġija solari mhux kollegati mal-grilja, sistemi ta' irrigazzjoni, purifikazzjoni tal-ilma u sistemi sanitarji, u jiżguraw li l-investimenti tal-UE fl-enerġija sostenibbli fl-Afrika primarjament ikunu ta' benefiċċju għall-popolazzjoni lokali bil-għan li jintemm il-faqar enerġetiku; jistiednu lill-UE tgħin lill-bdiewa fil-Qarn tal-Afrika jnaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq il-fertilizzanti minerali u jsibu alternattivi agronomiċi permezz tal-politika esterna u tal-iżvilupp tagħha biex tindirizza l-impatti klimatiċi u ambjentali tal-fertilizzanti; iħeġġu lill-Istati Membri jaħdmu mal-Kummissjoni biex jagħtu prijorità lis-sħubijiet ma' kumpaniji domestiċi fl-LDCs li jsegwu mudelli ta' negozju sostenibbli u inklużivi; |
Migrazzjoni
|
(t) |
jirrimarkaw li l-Qarn tal-Afrika jospita wħud mill-pajjiżi ewlenin ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni għal flussi migratorji sinifikanti lejn pajjiżi oħra fir-reġjun kif ukoll lejn l-UE; jadottaw approċċ għall-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni li jkun olistiku, sensittiv għall-kunflitti u speċifiku għall-kuntest u li jpoġġi lill-bnedmin l-ewwel, f'konformità mal-Proċess ta' Khartoum, il-Patt Globali għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u l-ħidma tal-Forum Ministerjali Reġjonali dwar il-Migrazzjoni għal-Lvant u l-Qarn tal-Afrika, b'kont meħud tal-kawżi differenti tal-migrazzjoni fir-reġjun u l-vulnerabbiltajiet persistenti tal-migranti, ir-rispett tad-drittijiet tal-migranti u r-rifuġjati u r-rikonoxximent tal-benefiċċji tal-migrazzjoni ċirkolari u l-mobbiltà reġjonali fir-reġjun usa'; jaħdmu mas-sħab tal-UE biex jerġgħu jibdew l-attivitajiet tal-Proċess ta' Khartoum biex jiġi kkonfigurat mill-ġdid b'tali mod li jirrifletti r-realtà attwali u d-diversi limitazzjonijiet fuq l-ivvjaġġar; jiżviluppaw sħubija fit-tul li tiffoka fuq migrazzjoni sikura, ordnata u regolari; isibu soluzzjoni sostenibbli mal-pajjiżi sħab fil-Qarn tal-Afrika biex jittaffew il-konsegwenzi tal-migrazzjoni lejn il-fruntieri esterni Ewropej; irawmu kooperazzjoni msaħħa dwar is-sigurtà tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-attivitajiet kriminali transfruntieri, inkluż it-traffikar tal-bnedmin u l-kummerċ illeċitu tal-armi u l-wirt kulturali; jiżguraw li l-ftehimiet kollha dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-migrazzjoni u ta' riammissjoni mar-reġjun ikunu strettament konformi mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u r-rifuġjati, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha; jiżguraw li r-riżorsi finanzjarji mobilizzati permezz tal-Fondi Fiduċjarji tal-UE jiffukaw fuq proġetti li kapaċi jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni fit-tul; |
|
(u) |
jipprovdu assistenza immedjata u appoġġ fit-tul lill-pajjiżi li jospitaw u jassistu lir-rifuġjati sabiex jiżguraw il-protezzjoni tagħhom; jiffaċilitaw ir-rilokazzjoni ta' persuni spostati u ta' persuni spostati internament; jikkoordinaw l-isforzi diplomatiċi biex jappellaw lill-gvernijiet tal-pajjiżi fir-reġjun involuti fil-kunflitti li għaddejjin biex iwaqqfu l-attakki indiskriminati kontra ċivili u infrastruttura ċivili, u biex jipproteġu lill-popolazzjoni ċivili, inkluż billi jieħdu l-passi kollha biex jiżguraw li r-rifuġjati u l-persuni spostati internament jiġu protetti u jingħataw aċċess sħiħ għall-għajnuna umanitarja, inklużi l-ikel, l-ilma u l-kenn; jipprovdu appoġġ lill-pajjiżi fir-reġjun biex jintegraw l-isforzi bil-ħsieb li jappoġġaw ir-riformi xierqa ħalli jiżguraw ġestjoni aħjar tal-mobbiltà pastorali u jnaqqsu l-vulnerabbiltà ekonomika matul kriżijiet bħan-nixfa sabiex jikkontrollaw aħjar il-fatturi li jikkontribwixxu għal tensjonijiet u kunflitti li jinvolvu komunitajiet pastorali; |
Integrazzjoni reġjonali
|
(v) |
jadottaw approċċ ta' Tim Ewropa fir-reġjun, b'ħidma mal-UA, ma' organizzazzjonijiet reġjonali u firxa wiesgħa ta' sħab u atturi, inkluż mis-settur privat, fl-appoġġ ta' inizjattivi bi sjieda Afrikana; ikomplu jimmonitorjaw u jappoġġaw l-Inizjattiva tal-Qarn tal-Afrika, li fiha l-UE hija sieħeb strateġiku, u l-objettiv tagħha li tattira kapital biex tappoġġa l-konnettività u tiftaħ opportunitajiet fir-reġjun, toħloq l-impjiegi, ittaffi r-riskji emerġenti, issaħħaħ ir-reżiljenza u twitti t-triq għal relazzjonijiet aħjar bejn il-ġirien; |
|
(w) |
jirrikonoxxu li infrastruttura sikura u effiċjenti huma essenzjali għal żvilupp konsistenti, sostenibbli u ġust fir-reġjun; jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ta' inizjattivi ġodda sponsorjati mill-UE li għandhom l-għan li jtejbu l-integrazzjoni u l-konnettività reġjonali; iżidu l-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni mal-kontropartijiet Afrikani fid-definizzjoni ta' proġetti speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati fil-qafas tal-Global Gateway, filwaqt li jibnu fuq l-eżiti pożittivi tas-sitt Summit UE-UA; juru b'mod xieraq il-Global Gateway bħala pjan fit-tul aktar ekoloġiku, aktar ġust u aktar sostenibbli, speċjalment meta mqabbel mal-alternattivi proposti minn atturi oħra; jappoġġaw pajjiżi fir-reġjun li jfittxu li jissieħbu fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u jappoġġaw l-implimentazzjoni taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana, u jkomplu jappoġġaw u jsaħħu l-UA, il-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u l-IGAD biex jippromwovu l-kooperazzjoni ekonomika, iżidu l-integrazzjoni reġjonali u jrawmu l-istabbiltà u d-diplomazija; jirrikonoxxu li l-prospetti għall-istabbilizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tal-Qarn tal-Afrika huma interkonnessi sew ma' dawk tar-reġjuni ġirien; iqisu l-iżvilupp ta' strateġija tal-UE għall-Baħar l-Aħmar u l-Golf ta' Aden; |
Influwenza ta' atturi terzi
|
(x) |
jissottolinjaw it-tħassib tagħhom dwar l-influwenzi u r-rivalitajiet dejjem aktar prevalenti u multidimensjonali ta' partijiet terzi li ma jikkondividux il-valuri u l-objettivi tal-UE fir-reġjun, inklużi ċ-Ċina u r-Russja, li qed joperaw b'ambizzjonijiet biex jippromwovu interessi strettament bilaterali; jirrikonoxxu li l-preżenza dejjem akbar ta' dawn l-atturi fir-reġjun, b'mod partikolari fl-isferi ekonomiċi, tal-enerġija, tas-sigurtà – inkluża s-sigurtà marittima – u militari, anke permezz ta' propaganda u kampanji ta' diżinformazzjoni mmirati biex ikabbru r-rwol li qed jaqdu hemmhekk, filwaqt li jimminaw l-azzjonijiet tal-kompetituri tagħhom, inkluża l-UE, tipperikola l-paċi reġjonali, l-isforzi u l-assistenza Ewropej, u r-rwol tal-UE bħala sieħeb privileġġat; iqisu li jieħdu l-azzjoni kollha xierqa biex jiġġieldu dawn l-interferenzi; jippromwovu l-appoġġ tal-UE permezz ta' approċċ olistiku għar-reġjun, filwaqt li jrawmu l-kooperazzjoni ekonomika u l-prevenzjoni tal-kunflitti għall-kuntrarju tal-approċċ ta' atturi terzi, li għandu l-għan li jaggrava ambjent frammentat u jżid it-tħassib ġeopolitiku; jevalwaw l-investimenti konsistenti u multisettorjali taċ-Ċina fir-reġjun, filwaqt li jivvalutaw il-konsegwenzi tagħhom, inkluża ż-żieda fid-dipendenza tal-istati Afrikani, u jindirizzaw il-preżenza u l-influwenza dejjem akbar taċ-Ċina; jistiednu lill-awtoritajiet Torok jallinjaw ruħhom mal-politiki tal-UE u jikkoordinaw aħjar l-isforzi mal-inizjattivi tal-UE, b'mod partikolari l-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE fis-Somalja, sabiex ikunu aktar effettivi u jiksbu riżultati aħjar f'termini ta' sigurtà u stabbiltà, u b'hekk jagħtu lok għal tranżizzjoni demokratika rapida u ġenwina; isaħħu l-koordinazzjoni mal-kontropartijiet Afrikani fid-definizzjoni tal-oqsma ta' prijorità li għalihom għandhom jiġu ddedikati l-investimenti tal-UE, u jwiegħdu biżżejjed riżorsi biex dan jinkiseb; jieħdu nota taż-żieda militari min-naħa ta' partijiet terzi fir-reġjun, b'mod partikolari l-pjanijiet avvanzati tar-Russja biex tibni bażi navali fil-kosta Sudaniża li tinsab faċċata tal-Baħar l-Aħmar, u l-inawgurazzjoni Ċiniża ta' bażi militari f'Djibouti fl-2017; jagħtu attenzjoni partikolari lill-attivitajiet li qed jiżdiedu tal-kumpaniji tas-sigurtà privati, bħall-Wagner Group, li huwa sponsorjat mir-Russja u qed jopera fis-Sudan, li qed ifixkel it-tranżizzjoni demokratika u jisfrutta d-dgħufijiet domestiċi għad-detriment tal-popolazzjonijiet lokali, sabiex jiġu evitati r-riperkussjonijiet negattivi simili li dehru f'reġjuni oħra, u jaħdmu mill-qrib mal-UA u l-pajjiżi individwali tal-Qarn tal-Afrika biex jinħoloq u jitħaddem apparat tas-sigurtà nazzjonali effiċjenti, responsabbli u affidabbli f'kull pajjiż; jistiednu lill-Istati Membri kollha tal-UE jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali Kontra r-Reklutaġġ, l-Użu, il-Finanzjament u t-Taħriġ tal-Merċenarji; jivvalutaw l-impatt tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-influwenza tal-UE fir-reġjun; |
|
(y) |
isaħħu l-komunikazzjonijiet strateġiċi permezz ta' kampanji pubbliċi ta' informazzjoni effettivi u bbażati fuq il-fatti sabiex ikunu iżjed preżenti fil-livell lokali u jagħtu informazzjoni dwar l-azzjonijiet u l-objettivi tal-UE u l-inizjattivi sponsorjati minnha fir-reġjun sabiex tiżdied il-viżibbiltà tal-UE u jissottolinjaw l-objettiv li jiġu ġġenerati l-valur miżjud għall-komunitajiet lokali, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà u t-tkabbir inklużiv, filwaqt li jiġġieldu wkoll id-diżinformazzjoni u n-narrattivi foloz minn partijiet terzi; jagħtu mandat lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Qarn tal-Afrika biex tiffoka fuq attivitajiet reġjonali u ssaħħaħ il-viżibbiltà tal-UE kif ukoll il-preżenza u l-involviment tagħha mal-pajjiżi kollha fir-reġjun biex jitrawmu relazzjonijiet aktar mill-qrib; jiżguraw trasparenza u viżibbiltà akbar tal-ħidma tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE, filwaqt li jiżguraw li r-Rappreżentant Speċjali tal-UE tagħti prijorità lir-riżoluzzjoni tal-kunflitti, lid-drittijiet tal-bniedem u l-appoġġ għad-demokrazija fl-involviment tagħha mal-interlokuturi tagħha mir-reġjun u tinvolvi ruħha b'mod proattiv ma' atturi tas-soċjetà ċivili, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u vuċijiet ta' dissens, li jistgħu jkunu mhedda jew fil-mira tal-awtoritajiet lokali; |
Kwistjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi individwali
|
(z) |
fl-indirizzar tal-kwistjonijiet speċifiċi li ġejjin relatati mal-pajjiżi tal-Qarn tal-Afrika: |
il-Djibouti
|
(i) |
jirrikonoxxu l-importanza ġeostrateġika tal-Djibouti; jieħdu nota tal-kontribut pożittiv tal-Djibouti għall-paċi, is-sigurtà u l-kooperazzjoni reġjonali fil-Qarn tal-Afrika, b'mod partikolari fl-ospitar tal-pjattaforma loġistika tal-Operazzjoni Atalanta u l-preżenza militari tal-Istati Membri tal-UE; jirrimarkaw li l-proġetti ta' kostruzzjoni fil-Djibouti qed jiġu ffinanzjati l-aktar miċ-Ċina b'investiment infrastrutturali stmat ta' USD 9,8 biljun; jesprimu tħassib dwar l-istabbiliment ta' bażi navali Ċiniża fil-Djibouti għal projezzjoni militari fuq distanza twila u dwar l-akkwiżizzjoni min-naħa taċ-Ċina tal-port strateġiku ta' Doraleh u d-dejn pubbliku barrani li qed jiżdied tal-Djibouti, ikkuntrattat permezz ta' self miċ-Ċina; jimpenjaw ruħhom mal-pajjiż, li jinsab f'salib it-toroq ta' waħda mir-rotot migratorji l-aktar fi tranżitu fid-dinja, fl-assistenza għall-isforzi tiegħu biex jospita rifuġjati mir-reġjun u l-implimentazzjoni tal-impenji globali u reġjonali tiegħu; jaqsmu l-għarfien espert tal-UE u l-aħjar prattiki fil-ġestjoni tal-ilma, peress li l-Djibouti huwa wieħed mill-aktar pajjiżi aridi fid-dinja li qed jesperjenzaw nixfa estrema; jesprimu dispjaċir għall-fatt li l-ebda media indipendenti ma ġiet awtorizzata xxandar mill-Djibouti; jappellaw għall-protezzjoni tas-sorsi tal-media indipendenti tal-Djibouti, li m'għandhom l-ebda għażla għajr li jxandru u jesprimu ruħhom minn barra l-pajjiż; |
l-Eritrea
|
(ii) |
jikkundannaw l-allinjament totali tal-Eritrea man-narrattiva u l-propaganda Russa, u jesprimu tħassib li l-Eritrea tista' ssir pjattaforma għall-influwenza Russa fil-Qarn tal-Afrika; jistiednu lill-awtoritajiet Eritreani jwaqqfu l-involviment militari tagħhom fil-kunflitt ċivili Etjopjan, filwaqt li jiffaċilitaw ukoll ftehim ta' paċi bejn l-awtoritajiet federali Etjopjani u l-Front għal-Liberazzjoni tal-Poplu ta' Tigray li jkun jinkludi t-tmiem tal-attakki bil-missili tal-grupp fuq l-art Eritreana; jistiednu lill-awtoritajiet Eritreani jieħdu passi konkreti lejn rikonċiljazzjoni interna u jeħilsu lill-priġunieri politiċi kollha mingħajr kundizzjonijiet, inkluż il-kittieb u l-ġurnalist Svediż-Eritrean David Isaak, li ilu detenut mill-2001; jissorveljaw b'mod kostanti s-sitwazzjoni interna, u jikkunsidraw tnaqqis gradwali u proporzjonat tas-sanzjonijiet tal-UE jekk isir titjib tanġibbli u oġġettiv; |
l-Etjopja
|
(iii) |
jappoġġaw l-isforzi diplomatiċi kollha biex jintemm il-kunflitt li għaddej fl-Etjopja, attur importanti fil-Qarn tal-Afrika, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll, b'mod partikolari, permezz tal-perkors ta' medjazzjoni tal-UA, li se tħabbar triju ta' medjaturi ta' livell għoli, ippresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Qarn tal-Afrika, Olusegun Obasanjo, sabiex jiġi prijoritizzat il-ftehim dwar waqfien mill-ġlied permanenti, l-aċċess umanitarju mingħajr xkiel għaż-żoni kollha u l-irtirar immedjat tal-forzi Eritreani, u biex tiġi ffaċilitata l-akkontabbiltà u r-rikonċiljazzjoni interna; jinsistu li d-djalogu nazzjonali jrid ikun inklużiv, wiesa' u trasparenti kemm jista' jkun, u jinkludi rappreżentanti mis-soċjetà ċivili u mill-partiti tal-oppożizzjoni, sabiex jintlaħaq l-għan li jkun katalist veru għar-rikonċiljazzjoni; jikkoordinaw l-appoġġ bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali u internazzjonali rilevanti u l-Gvern Etjopjan fit-tkomplija tas-saħħa, l-edukazzjoni u faċilitajiet u servizzi pubbliċi oħra, inklużi servizzi ta' għajnuna lil persuni spostati internament u popolazzjonijiet milquta minn kunflitt; jieħdu nota tar-rapport mill-Amnesty International u mill-Human Rights Watch dwar id-delitti kontra l-umanità u t-tindif etniku fil-Punent ta' Tigray; jilqgħu l-istabbiliment ta' kummissjoni internazzjonali ta' esperti tad-drittijiet tal-bniedem dwar l-Etjopja (ICHREE) mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex twettaq investigazzjoni bir-reqqa u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur u abbużi mwettqa fl-Etjopja sa mit-3 ta' Novembru 2020 mill-partijiet kollha fil-kunflitt, li taħdem bħala komplement għat-Taskforce Inter-Ministerjali Etjopjana (IMTF) fuq l-akkontabbiltà u s-sejbiet tal-Iskwadra ta' Investigazzjoni Konġunta, ippubblikati fir-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem/Kummissjoni Etjopjana għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Novembru 2021; jappoġġaw il-ġustizzja tranżizzjonali biex l-awturi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jinżammu responsabbli għar-reati serji li wettqu fil-kuntest tal-kunflitt fl-Etjopja, b'mod partikolari billi jappoġġaw ir-rwol tal-istituzzjonijiet kollha involuti, bħall-Kummissjoni Etjopjana għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u l-Qorti Kriminali Internazzjonali; jieħdu nota ta' xi żviluppi pożittivi fil-pajjiż, bħat-tregwa umanitarja tal-24 ta' Marzu 2022 u l-ħelsien ta' xi priġunieri politiċi, żieda fl-aċċess umanitarju matul it-tregwa, u dikjarazzjonijiet pubbliċi mill-Gvern Etjopjan u mit-tmexxija tat-Tigray li se jimpenjaw ruħhom favur taħditiet ta' paċi mmexxija mill-UA; jivvalutaw bir-reqqa l-iżviluppi fl-Etjopja bil-ħsieb li jittieħdu aktar miżuri jekk is-sitwazzjoni tiddeterjora; fl-istess ħin, ikomplu jappellaw għal riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u t-tnedija ta' taħditiet ta' paċi mingħajr dewmien u jesploraw ir-rwol possibbli tal-UE fil-proċess ta' medjazzjoni; ikunu lesti li gradwalment jerġgħu jiddaħħlu l-appoġġ baġitarju u l-assistenza tal-UE jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet, fost l-oħrajn il-waqfien tal-ostilitajiet, l-aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr xkiel fl-Etjopja kollha, inkluż fir-reġjun ta' Tigray, akkontabbiltà għar-reati mwettqa fil-kuntest tal-kunflitt u l-irtirar tat-truppi Eritreani mill-pajjiż; |
il-Kenja
|
(iv) |
jissottolinjaw il-potenzjal tal-Kenja bħala attur ewlieni fil-Qarn tal-Afrika f'termini politiċi u ekonomiċi għat-tisħiħ tal-istabbiltà reġjonali u r-rwol kostruttiv li għandu fil-kisba tal-paċi u s-sigurtà; jappoġġaw l-impenn għal sħubija strateġika mġedda mal-Kenja; japprofondixxu r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kenja billi jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tad-Djalogu Strateġiku bejn l-UE u l-Kenja; jilqgħu d-deċiżjoni li tintbagħat Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-elezzjonijiet presidenzjali f'Awwissu 2022; ifaħħru r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwima elettorali wara l-elezzjonijiet presidenzjali u jinnotaw ir-rwol responsabbli li l-qrati Kenjani kellhom fiha; jistieden lill-awtoritajiet Kenjani jivvalutaw kif xieraq ir-rapport finali li jmiss tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali u jaslu għall-konklużjonijiet meħtieġa sabiex jirriformaw u jtejbu aktar il-proċessi elettorali tal-pajjiż; ifaħħru l-isforzi tal-Kenja biex tikkollabora dwar l-isfidi ambjentali, filwaqt li tilqa' b'mod partikolari l-approvazzjoni tal-laqgħa tal-Assemblea tan-NU għall-Ambjent fin-Nairobi f'Marzu 2022 ta' riżoluzzjoni biex jintemm it-tniġġis tal-plastik u jinħoloq ftehim internazzjonali legalment vinkolanti sal-2024; |
is-Somalja
|
(v) |
jirrimarkaw li s-sitwazzjoni prekarja tas-sigurtà fis-Somalja qed tagħti lok għal tħassib kbir u, jekk ma tkunx imrażżna sew, tista' ssir fattur ewlieni fid-destabilizzazzjoni tal-Qarn tal-Afrika kollu u anke f'żoni aktar 'il bogħod; jilqgħu l-konklużjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali Somali u t-trasferiment paċifiku tal-poter; jistiednu lill-President elett il-ġdid jifforma kabinett inklużiv u lill-gvern il-ġdid biex jagħmel progress fil-prijoritajiet nazzjonali kritiċi, inkluż l-indirizzar tas-sitwazzjoni umanitarja mwiegħra fil-pajjiż; jevalwaw it-tkomplija tal-appoġġ mill-Ewropa; jilqgħu l-benefiċċji tal-involviment tal-UE fis-Somalja; jissottolinjaw il-valur miżjud ovvju tal-missjonijiet konsultattivi għall-istrutturi ta' kmand u b'hekk jinkoraġġixxu l-involviment tal-parteċipanti Ewropej fl-operazzjonijiet tal-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE; jappoġġaw bis-sħiħ l-isforzi mill-ATMIS għall-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Somalja u l-isforzi għaż-żamma tal-paċi kontra al-Shabaab, li qed jhedded is-sigurtà tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż; jaħdmu flimkien mal-UA u l-istituzzjonijiet Somali biex jirrevedu l-mandat tal-ATMIS, filwaqt li jiffokaw fuq il-bini tal-istituzzjonijiet, u jipprovdu appoġġ finanzjarju suffiċjenti permezz tal-EPF; jikkoordinaw l-isforzi mal-UA u l-IGAD biex jistimulaw proċess ta' bini ta' nazzjon fis-Somalja li jqiegħed lis-soċjetà ċivili fil-qalba tiegħu; jiżguraw li r-reviżjoni tal-ATMIS titwettaq b'mod parallel mar-rinfurzar gradwali tal-forzi armati Somali u l-apparat tas-sigurtà ċivili, li għandhom isiru l-garanti finali tas-sigurtà fil-pajjiż; jikkonsultaw mal-awtoritajiet Somali bil-għan li jiġu identifikati forom ġodda ta' kooperazzjoni bilaterali mal-UE biex tissaħħaħ il-kapaċità tas-Somalja li tiggarantixxi s-sigurtà marittima u tevita kwalunkwe riskju li terġa' titfaċċa l-piraterija fl-ibħra territorjali tagħha; jappoġġaw valutazzjoni bir-reqqa tal-prestazzjoni tat-truppi tal-ATMIS fid-dawl tal-isforzi biex jipprevjenu reati mwettqa minn armati regolari fis-Somalja; |
is-Sudan t'Isfel
|
(vi) |
jieħdu nota tal-estensjoni tal-mandat tal-gvern għal sentejn oħra, iżda jissottolinjaw l-obbligu tiegħu li jagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-ftehim ta' paċi u li jħejji għal elezzjonijiet ħielsa u ġusti; jappoġġaw bis-sħiħ l-implimentazzjoni bikrija tal-ftehim ta' paċi fis-Sudan t'Isfel permezz tal-istrutturi ta' monitoraġġ ewlenin bħall-Kummissjoni Konġunta Rikostitwita ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni u l-Mekkaniżmu ta' Verifika u Monitoraġġ dwar il-Waqfien mill-Ġlied u l-Arranġamenti ta' Sigurtà Tranżizzjonali, li jaħdmu mill-qrib mal-UA u l-IGAD; jikkoordinaw ma' atturi internazzjonali u reġjonali oħra fis-Sudan t'Isfel, bħall-UA, l-IGAD, in-NU u t-Trojka (l-Istati Uniti, ir-Renju Unit u n-Norveġja), u jappoġġawhom, biex ikomplu b'impenn robust fil-pressjoni tal-Gvern Tranżizzjonali ta' Unità Nazzjonali Rivitalizzat biex ikompli jimplimenta l-Ftehim Rivitalizzat dwar ir-Riżoluzzjoni tal-Kunflitt fir-Repubblika tas-Sudan t'Isfel, b'mod partikolari l-kompiti pretranżizzjonali tiegħu inkluża r-rappreżentanza tan-nisa, kif spjegat fid-dettall fil-ftehim; |
is-Sudan
|
(vii) |
itennu l-kundanna tal-kolp ta' stat militari ta' Ottubru 2021 u l-vjolenza mwettqa fir-repressjoni sussegwenti; jikkoordinaw ma' atturi oħra fir-reġjun biex titpoġġa pressjoni fuq il-militar ħalli tiġi stabbilita skeda ta' żmien ċara għall-istabbiliment mill-ġdid tat-tmexxija ċivili, li twassal għal elezzjonijiet ġenerali ġusti, miftuħa u trasparenti malajr kemm jista' jkun; jieħdu nota tal-intenzjoni ddikjarata tal-militar li jgħaddi s-setgħa lill-awtoritajiet ċivili, u jappellaw biex din it-tranżizzjoni tiġi implimentata mingħajr dewmien żejjed; jistiednu lill-awtoritajiet politiċi ċivili jżidu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni sabiex jippreżentaw pjanijiet ċari biex jiżguraw tranżizzjoni paċifika; jissottolinjaw li hija meħtieġa soluzzjoni rapida, peress li kwalunkwe dewmien ulterjuri jaggrava d-deterjorament tal-ekonomija u tas-sitwazzjoni umanitarja fil-pajjiż kollu, u jaggrava l-isfidi diġà enormi li qed jiffaċċja l-poplu tas-Sudan; jappoġġaw lis-soċjetà ċivili u lill-attivisti fuq il-post u jappellaw għal-liberazzjoni ta' attivisti paċifiċi u priġunieri politiċi detenuti; itennu l-appoġġ sod tagħhom għall-isforzi kontinwi tal-Mekkaniżmu Tripartitiku biex jgħin fir-rikonċiljazzjoni tad-differenzi bejn il-partiti u l-inizjattivi Sudaniżi, jiffaċilita r-restawr tat-tranżizzjoni għad-demokrazija u jwitti t-triq tal-pajjiż lejn trasformazzjoni ċivili u demokratika; jenfasizzaw li jeħtieġ li jitnieda proċess ta' ġustizzja tranżizzjonali sabiex l-awturi ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem jitressqu quddiem il-ġustizzja u titwitta t-triq għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali; isaħħu l-azzjoni tal-UE fuq il-post f'termini ta' għajnuna umanitarja u appoġġ dirett għall-popolazzjoni, itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-komunitajiet lokali, filwaqt li jnaqqsu wkoll l-esponiment għall-influwenzi Russi u Ċiniżi; jesprimu tħassib serju dwar l-istabbiliment ippjanat ta' bażi navali Russa f'Port Sudan, li jkollha riperkussjonijiet negattivi għall-paċi u s-sigurtà tal-Baħar l-Aħmar; |
l-Uganda
|
(viii) |
jirrikonoxxu r-rwol importanti li kellha l-Uganda fil-proċess ta' medjazzjoni li wassal għall-ftehim ta' paċi fis-Sudan t'Isfel; jilqgħu l-kontribut tal-forzi armati tal-Uganda għall-ATMIS, u jikkoordinaw mal-pajjiż bil-ħsieb tal-futur tal-missjoni; jappoġġaw il-mudell parroċċa l-ġdid u sforzi oħra biex jiġi miġġieled il-faqar permezz ta' approċċ fil-livell lokali; jesprimu dispjaċir dwar il-kundizzjonijiet li fihom saru l-elezzjonijiet presidenzjali ta' Jannar 2021 u jappellaw lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Uganda biex jippromwovu spazju politiku miftuħ li jwassal għal elezzjonijiet ġusti u trasparenti, filwaqt li jżommu lura wkoll milli jillimitaw l-aċċess għall-media u l-media soċjali; jissottolinjaw il-fatt li d-dritt għal kunsens liberu u infurmat minn qabel tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali huwa minqux fid-dritt internazzjonali u jistiednu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Uganda jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem kollha f'kull okkażjoni; jesprimu tħassib, f'dan ir-rigward, dwar il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem irrapportat fil-proġett tal-pipeline taż-żejt grezz tal-Afrika tal-Lvant kif ukoll ir-riskji assoċjati ta' ħsara irriversibbli għall-ambjent u l-klima; jistiednu lill-UE tadotta b'mod urġenti d-Direttiva dwar id-Diliġenza Dovuta għas-Sostenibbiltà Korporattiva sabiex iżżomm lill-kumpaniji Ewropej responsabbli meta l-attivitajiet tagħhom ikunu marbuta ma' tali ksur; |
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Unjoni Afrikana, lill-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp u lin-NU.
(1) ĠU C 385, 22.9.2021, p. 24.
(2) ĠU C 494, 8.12.2021, p. 80.
(3) ĠU C 224, 8.6.2022, p. 99.
(4) ĠU C 117, 11.3.2022, p. 114.
(5) ĠU C 336, 2.9.2022, p. 14.
(6) ĠU C 425, 20.10.2021, p. 132.
(7) ĠU C 132, 24.3.2022, p. 205.
(8) ĠU C 465, 17.11.2021, p. 154.
(9) ĠU C 202, 28.5.2021, p. 54.
(10) ĠU C 395, 29.9.2021, p. 50.
(11) ĠU C 50, 9.2.2018, p. 57.
(12) ĠU C 307, 30.8.2018, p. 92.