|
7.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 47/268 |
P9_TA(2022)0302
Deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti biex tabolixxi d-drittijiet tal-abort fl-Istati Uniti u l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-abort u s-saħħa tan-nisa fl-UE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2022 dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti biex tabolixxi d-drittijiet tal-abort fl-Istati Uniti u l-ħtieġa li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-abort u s-saħħa tan-nisa, inkluż fl-UE (2022/2742(RSP))
(2023/C 47/22)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-1950, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa tal-1979, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Il-“Karta”) tal-2000, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati fl-UE, fil-kuntest tas-saħħa tan-nisa (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2022 bit-titolu “Theddid globali għad-dritt għall-abort: il-possibbiltà li l-Qorti Suprema tirrevoka d-dritt għall-abort fl-Istati Uniti” (2), |
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-24 ta' Ġunju 2022 tal-Qorti Suprema tal-Istati Uniti, li annullat, b'ħames voti favur u erbgħa kontra, id-deċiżjoni Roe vs Wade, u b'hekk temmet id-dritt kostituzzjonali federali għall-abort, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
A. |
billi l-Qorti Suprema tal-Istati Uniti stabbiliet preċedent fil-kawża storika Roe vs Wade (1973), li aktar tard ġie affermat fil-kawżi Planned Parenthood vs Casey (1992) u Whole Woman's Health vs Hellerstedt (2016), li jiggarantixxi d-dritt kostituzzjonali għall-abort legali qabel ma l-fetu jsir vijabbli fl-Istati Uniti; billi fl-24 ta' Ġunju 2022 il-Qorti Suprema ddeċidiet li tannulla, b'ħames voti favur u erbgħa kontra, id-deċiżjoni Roe vs Wade, li ttemm id-dritt kostituzzjonali federali għall-abort, li tippermetti lill-Istati jipprojbixxu l-abort fi kwalunkwe punt matul it-tqala u tiftaħ il-possibbiltà ta' projbizzjonijiet sħaħ fuq l-abort; |
|
B. |
billi, wara l-adozzjoni ta' din id-deċiżjoni mill-Qorti, tmien Stati diġà pprojbixxew l-abort; billi huwa mistenni li 26 Stat jistgħu jispiċċaw jgħaddu liġijiet li kważi jipprojbixxu kompletament l-abort; billi 13-il Stat għandhom dawk li jissejjħu liġijiet ta' “attivazzjoni”, li daħlu fis-seħħ immedjatament wara li d-deċiżjoni Roe vs Wade ġiet annullata billi minn dak iż-żmien 'l hawn, kien hemm għadd dejjem jikber ta' dimostrazzjonijiet kemm fl-Istati Uniti kif ukoll madwar id-dinja biex jiġi difiż id-dritt għall-abort; billi, sadanittant, ir-reżistenza kontra d-deċiżjoni tal-Qorti qed tikber, b'mod partikolari bil-pubblikazzjoni fl-24 ta' Ġunju 2022 ta' “Impenn Multistatali” mill-Gvernaturi ta' California, Oregon u Washington “biex jiddefendu l-aċċess għall-kura tas-saħħa riproduttiva, inklużi l-abort u l-kontraċettivi, u impenjaw ruħhom li jipproteġu lill-pazjenti u lit-tobba kontra sforzi minn Stati oħra biex jesportaw il-projbizzjonijiet tal-abort tagħhom lill-Istati tagħna” (3); |
|
C. |
billi l-ħajjiet tan-nisa u l-bniet madwar l-Istati Uniti se tkun affettwata mid-deċiżjoni tal-Qorti Suprema, u l-konsegwenzi dannużi tagħha se jiġu esperjenzati bl-aktar mod akut minn individwi f'sitwazzjonijiet vulnerabbli; billi s-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati (SRHR) oħra jistgħu jiġu affettwati wkoll b'mod negattiv; billi restrizzjonijiet jew projbizzjoni fuq id-dritt għall-abort fl-Istati Uniti, fl-UE u madwar id-dinja se jkollhom impatt sproporzjonat fuq in-nisa fqar, b'mod partikolari n-nisa razzjalizzati, inklużi n-nisa Suwed, in-nisa Ispaniċi u n-nisa Indiġeni, kif ukoll in-nisa minn inħawi rurali, il-persuni LGBTIQ, in-nisa b'diżabilità, l-adolexxenti, in-nisa migranti, inklużi l-migranti irregolari, u l-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed immexxija minn nisa; billi s-servizzi ta' abort pubbliku jistgħu jipprovdu aċċess universali għal abort sikur u legali għan-nisa kollha, inklużi dawk f'sitwazzjonijiet soċjoekonomiċi vulnerabbli; |
|
D. |
billi l-SRHR, inkluż il-kura sikura u legali f'każ ta' abort, jikkostitwixxu dritt fundamentali; billi l-kriminalizzazzjoni, id-dewmien u ċ-ċaħda tal-aċċess għall-SRHR jikkostitwixxu forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet; billi dawn ir-restrizzjonijiet u l-projbizzjonijiet ma jnaqqsux l-għadd tal-każijiet ta' abort, iżda jġiegħlu biss lin-nies jivvjaġġaw distanzi twal jew jirrikorru għal abort mhux sikur, u jagħmluhom ukoll vulnerabbli għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni kriminali, u jaffettwaw lill-persuni li għandhom l-aktar nuqqas ta' riżorsi u informazzjoni; billi kważi l-imwiet kollha li jirriżultaw minn abort mhux sikur iseħħu f'pajjiżi fejn l-abort huwa ristrett ħafna; billi huwa stmat li l-għadd annwali ta' mwiet relatati mat-tqala fl-Istati Uniti minħabba abort mhux sikur jiżdied b'21 % (4) sat-tieni sena wara li tidħol fis-seħħ il-projbizzjoni; billi tali mwiet jistgħu jiġu evitati għalkollox; billi l-projbizzjonijiet tal-abort se jwasslu wkoll għal żieda fl-imwiet relatati mat-tqala furzata; |
|
E. |
billi fost it-tfajliet adolexxenti ta' bejn il-15 u d-19-il sena, il-kumplikazzjonijiet fit-tqala u fit-twelid huma l-kawża ewlenija tal-mewt globalment; billi l-ommijiet adolexxenti huma ferm aktar probabbli li jwaqqfu l-istudji tagħhom u jiffaċċjaw il-qgħad, u b'hekk jaggrava ċ-ċiklu tal-faqar; |
|
F. |
billi hemm tħassib dejjem akbar dwar il-protezzjoni tad-data fil-kuntest tal-possibbiltà li d-deċiżjoni Roe vs Wade tiġi annullata; billi permezz ta' apps ta' traċċar mestrwali jew għodod ta' ġeolokalizzazzjoni u magni tat-tiftix, tista' tinġabar data dwar persuni li jkunu kkuntattjaw klinika tal-abort, xtraw pillola għall-abort jew fittxew għall-informazzjoni; billi n-nies jistgħu potenzjalment jiġu individwati jew l-informazzjoni miġbura tista' tiġi użata kontrihom; billi fi Stati li pprojbixxew l-abort jew li se jagħmlu dan, id-data diġitali dwar dawk li qed ifittxu, jipprovdu jew jiffaċilitaw l-abort tista' tintuża mill-awtoritajiet ġudizzjarji; |
|
G. |
billi minkejja l-progress ġenerali fil-protezzjoni tal-SRHR madwar id-dinja, inkluż fl-Ewropa, ir-rigress tad-dritt ta' aċċess għal abort sikur u legali huwa ta' tħassib serju; billi l-annullament tad-deċiżjoni Roe vs Wade jista' jsaħħaħ il-moviment kontra l-abort fl-Unjoni Ewropea; billi l-Polonja hija l-uniku Stat Membru tal-UE li neħħiet motiv għall-abort mil-liġijiet tagħha, peress li t-Tribunal Kostituzzjonali illeġittimu ddeċieda fit-22 ta' Ottubru 2020 li jreġġa' lura d-drittijiet li ilhom stabbiliti tan-nisa Pollakki u din id-deċiżjoni wasslet għal projbizzjoni de facto tal-abort; billi l-abort huwa pprojbit f'Malta; billi l-abort mediku fil-bidu tat-tqala mhuwiex legali fis-Slovakkja u mhuwiex disponibbli fl-Ungerija; billi fl-Italja qed jonqos l-aċċess għall-abort ukoll (5); billi l-aċċess għall-kura relatata mal-abort qed jiġi miċħud fi Stati Membri oħra tal-UE, bħal dan l-aħħar fil-Kroazja (6); billi huwa imperattiv li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiddefendu l-SRHR u jenfasizzaw li d-drittijiet tan-nisa huma inaljenabbli, u li ma jistgħux jitneħħew jew jiddgħajfu; billi huwa kruċjali għall-UE u l-Istati Membri tagħha li jkomplu jagħmlu progress biex jiżguraw l-aċċess għal kura relatata mal-abort sikura, legali u f'waqtha f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet u l-evidenza tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; |
|
H. |
billi fl-Ewropa, in-nisa għadhom qed jiffaċċjaw ostakli li jżommuhom milli jgawdu d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom, minħabba restrizzjonijiet legali, li jittraskuraw id-drittijiet tan-nisa u jpoġġu ħajjithom f'riskju bla bżonn; billi f'każ reċenti Andrea Prudente, turista Amerikana, ġiet ipprojbita milli jkollha abort f'Malta minkejja li ħajjitha kienet tinsab f'periklu; billi d-difensur tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, Justyna Wydrzyńska, ġiet akkużata skont il-liġi drakonjana kontra l-abort tal-Polonja talli pprovdiet pilloli tal-abort mediku lil mara oħra; |
|
I. |
billi l-Karta tnaqqax id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ewlenin għall-persuni li jgħixu fl-UE; billi l-protezzjoni tal-abort sikur u legali għandha implikazzjonijiet diretti għall-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet rikonoxxuti fil-Karta, bħad-dinjità tal-bniedem, l-awtonomija personali, l-ugwaljanza u l-integrità fiżika; |
|
J. |
billi fid-9 ta' Ġunju 2022, il-Parlament adotta riżoluzzjoni b'saħħitha bit-titolu “Theddid globali għad-dritt għall-abort: il-possibbiltà li l-Qorti Suprema tirrevoka d-dritt għall-abort fl-Istati Uniti”; billi r-rakkomandazzjonijiet ta' din ir-riżoluzzjoni jibqgħu rilevanti u għandhom jiġu applikati (7); |
|
1. |
Jikkundanna bil-qawwa, għal darb'oħra, ir-rigress fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-SRHR li qed iseħħu globalment, inkluż fl-Istati Uniti u f'xi Stati Membri tal-UE; ifakkar li l-SRHR huma drittijiet fundamentali tal-bniedem li għandhom jipproteġu u jissaħħew u bl-ebda mod ma jistgħu jiddgħajfu jew jiġu rtirati; jistieden lill-gvernijiet ta' dawk l-Istati li għaddew liġijiet u miżuri oħra li jikkonċernaw projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-abort biex jirrevokawhom u jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tagħhom tkun konformi mad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa protetti fil-livell internazzjonali u mal-istandards internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; |
|
2. |
Jipproponi li jinkludu d-dritt għall-abort fil-Karta; iqis li għandha tiġi ppreżentata proposta lill-Kunsill biex tiġi emendata l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ġej:
Artikolu 7a (ġdid): “Artikolu 7a Dritt għall-abort Kulħadd għandu d-dritt għal abort sikur u legali.” |
|
3. |
Ifakkar, f'dan il-kuntest, fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2022 dwar it-talba biex titlaqqa' Konvenzjoni għar-reviżjoni tat-Trattati; jistenna li l-Kunsill Ewropew jiltaqa' għal dan il-għan; jipproponi li f'dan il-proċess, id-dritt għal abort sikur u legali jiġi inkluż fil-Karta; jitlob li l-Parlament Ewropew ikun involut f'kull pass tal-proċess; |
|
4. |
Jesprimi s-solidarjetà soda tiegħu u l-appoġġ tiegħu għan-nisa u l-bniet fl-Istati Uniti, kif ukoll għal dawk involuti kemm fl-għoti kif ukoll fil-promozzjoni tad-dritt u l-aċċess għal kura legali u sikura f'każ ta' abort f'ċirkostanzi ta' sfida bħal dawn; jappoġġja, bl-istess mod, l-appelli lill-Kungress tal-Istati Uniti biex jgħaddi abbozz ta' liġi li jipproteġi l-abort fil-livell federali; |
|
5. |
Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-projbizzjonijiet u restrizzjonijiet oħra fuq l-abort jaffettwaw b'mod sproporzjonat lin-nisa fqar, b'mod partikolari n-nisa razzjalizzati, inklużi n-nisa Suwed, in-nisa Ispaniċi u n-nisa Indiġeni, kif ukoll in-nisa minn żoni rurali, il-persuni LGBTIQ, in-nisa b'diżabilità, l-adolexxenti, in-nisa migranti, inklużi l-migranti irregolari, u l-unitajiet domestiċi b'ġenitur wieħed immexxija minn nisa; jenfasizza li n-nisa li, minħabba ostakli finanzjarji jew loġistiċi, ma jaffordjawx jivvjaġġaw lejn kliniċi tas-saħħa riproduttiva fi Stati jew pajjiżi ġirien, huma f'riskju akbar li jiġu sottomessi għal proċeduri perikolużi u ta' theddida għall-ħajja, u li jiġu mġiegħla jkomplu bit-tqala tagħhom kontra r-rieda tagħhom, li huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem u forma ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru (8); |
|
6. |
Jistieden lill-Gvern tal-Istati Uniti jiżgura l-protezzjoni tad-data għal kulħadd, speċjalment għal dawk li jfittxu, jipprovdu u jiffaċilitaw l-abort, billi jippermetti aċċess privat u sigur, iwaqqaf it-traċċar tal-imġiba, isaħħaħ il-politiki ta' tħassir tad-data, jikkodifika d-data fi tranżitu, jippermetti l-kriptaġġ tal-messaġġi minn tarf sa tarf b'mod awtomatiku, jipprevjeni t-traċċar tal-lokalizzazzjoni u jiżgura li l-utenti jiġu nnotifikati meta d-data tagħhom tkun qed tiġi mfittxija (9); |
|
7. |
Jenfasizza n-nuqqas ta' aċċess għall-kontraċezzjoni u l-ħtiġijiet eżistenti mhux issodisfati (10); jenfasizza li għandha tingħata prijorità lill-ġlieda kontra l-vjolenza sesswali u lill-edukazzjoni komprensiva, adattata għall-età u bbażata fuq l-evidenza dwar is-sesswalità u r-relazzjonijiet għal kulħadd, firxa ta' metodi u provvisti ta' kontraċezzjoni ta' kwalità għolja, aċċessibbli, sikuri, affordabbli u, fejn xieraq, mingħajr ħlas, u konsulenza għall-ippjanar tal-familja, kif ukoll servizzi tas-saħħa; jirrikonoxxi r-rwol li għandhom l-NGOs bħala fornituri ta' servizzi u bħala promoturi għall-SRHR u jħeġġiġhom ikomplu bil-ħidma tagħhom; |
|
8. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ politiku tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-fornituri tal-kura tas-saħħa li jaħdmu biex javvanzaw l-SRHR, kif ukoll għad-drittijiet tan-nisa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta' bażi marbuta mal-SRHR, li huma atturi ewlenin favur soċjetajiet ibbażati fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u fornituri kruċjali ta' servizzi tal-SRHR u informazzjoni, b'mod partikolari dawk li jaħdmu f'kuntesti diffiċli fl-Ewropa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproteġi u tappoġġja lil dawn id-difensuri kontra kwalunkwe persekuzzjoni li jistgħu jiffaċċjaw; |
|
9. |
Jinsab imħasseb dwar żieda possibbli fil-fluss tal-flus biex jiġu ffinanzjati gruppi kontra l-ġeneru u kontra l-għażla fid-dinja, inkluż fl-Ewropa; |
|
10. |
Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirrikonoxxu legalment l-abort u jiddefendu r-rispett għad-dritt għal abort sikur u legali u SRHR oħra; jistieden ukoll lill-UE taġixxi bħala promotur u tagħmel ir-rikonoxximent ta' dan id-dritt prijorità ewlenija fin-negozjati fi ħdan l-istituzzjonijiet internazzjonali u f'fora multilaterali oħra bħall-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll tippromwovi l-inklużjoni tiegħu fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; |
|
11. |
Jikkundanna l-fatt li ħafna nisa fl-UE għadhom ma jistgħux jaċċessaw is-servizzi tal-abort minħabba r-restrizzjonijiet legali, finanzjarji, soċjali u prattiċi li fadal f'xi Stati Membri; |
|
12. |
Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiddekriminalizzaw l-abort u jneħħu u jiġġieldu l-ostakli għall-abort sikur u legali u l-aċċess għall-SRHR; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess għal servizzi ta' abort sikuri, legali u mingħajr ħlas, għal servizzi u provvisti tal-kura tas-saħħa ta' qabel it-twelid u tal-omm, ippjanar tal-familja volontarju, kontraċezzjoni, servizzi favur iż-żgħażagħ, u għall-prevenzjoni, it-trattament, il-kura u l-appoġġ tal-HIV, mingħajr diskriminazzjoni; |
|
13. |
Jirrakkomanda li tiġi organizzata delegazzjoni għall-Istati Uniti mill-aktar fis possibbli biex tevalwa l-impatt tad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema u biex tappoġġja l-NGOs tad-drittijiet tan-nisa u l-movimenti favur l-għażla fil-pajjiż; jitlob li d-delegazzjonijiet li ġejjin tal-Parlament Ewropew li jivvjaġġaw lejn Washington iqajmu b'mod konsistenti l-kwistjoni tad-drittijiet tal-abort u jiltaqgħu mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa; |
|
14. |
Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lid-Delegazzjoni tal-UE lejn l-Istati Uniti, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha tal-UE jużaw l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħhom biex isaħħu l-azzjonijiet tagħhom biex jiġġieldu r-rigress fid-drittijiet tan-nisa u l-SRHR, inkluż billi jikkumpensaw għal kwalunkwe tnaqqis possibbli fil-finanzjament tal-Istati Uniti għall-SRHR globalment, u billi jippromwovu u jipprijoritizzaw bil-qawwa l-aċċess universali għal abort sikur u legali u għas-saħħa sesswali u riproduttiva u d-drittijiet relatati oħra fir-relazzjonijiet esterni tagħhom; |
|
15. |
Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerka u l-amministrazzjoni tiegħu, il-Kungress tal-Istati Uniti u lill-Qorti Suprema tal-Istati Uniti. |
(1) ĠU C 81, 18.2.2022, p. 43.
(2) Testi adottati, P9_TA(2022)0243.
(3) https://www.gov.ca.gov/2022/06/24/west-coast-states-launch-new-multi-state-commitment-to-reproductive-freedom-standing-united-on-protecting-abortion-access/
(4) https://ncpolicywatch.com/2022/05/05/study-shows-an-abortion-ban-may-lead-to-a-21-increase-in-pregnancy-related-deaths/
(5) https://search.coe.int/cm/Pages/result_details.aspx?ObjectId=0900001680687bdc; http://www.refreg.ep.parl.union.eu/RegData/etudes/BRIE/2018/608853/IPOL_BRI(2018)608853_EN.pdf
(6) https://www.roda.hr/en/news/support-for-accessible-safe-and-legal-termination-of-pregnancy-in-croatia.html
(7) https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2022-0243_MT.html
(8) https://www.ohchr.org/Documents/Issues/Women/WRGS/SexualHealth/INFO_Abortion_WEB.pdf
(9) https://www.eff.org/deeplinks/2022/06/effs-statement-dobbs-abortion-ruling
(10) Rapport tal-UNFPA dwar l-istat tal-popolazzjoni dinjija, “Seeing the Unseen: The case for action in the neglected crisis of unintended pregnancy”, 30 ta' Marzu 2022 (Naraw dak li ma jidhirx: Il-ħtieġa ta' azzjoni biex tintemm il-kriżi minsija tat-tqala mhux intenzjonata).