7.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/63


P9_TA(2022)0279

Is-Saħħa mentali fid-dinja tax-xogħol diġitali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2022 dwar is-saħħa mentali fl-UE fl-era diġitali (2021/2098(INI))

(2023/C 47/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 6, 9, 114, 153, 169 u 191 u, b'mod partikolari, l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 14, 15, 21, 31, 32 u 35 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-“Karta”),

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-prinċipju 10 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

wara li kkunsidra l-Istrateġija tan-NU dwar is-saħħa mentali u l-benesseri tal-2018,

wara li kkunsidra l-manifest tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal irkupru f'saħħtu mill-COVID-19 tat-18 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra l-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali 2021 tad-WHO – “Kura tas-saħħa mentali għal kulħadd: ejjew nagħmluha realtà”,

wara li kkunsidra l-qafas ta' azzjoni Ewropew tad-WHO dwar is-saħħa mentali għall-2021-2025,

wara li kkunsidra l-istudju dwar il-politika tas-saħħa tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tat-8 ta' Ġunju 2021 bit-titolu “A New Benchmark for Mental Health Systems: Tackling the Social and Economic Costs of Mental Ill Health” (Punt ta' Riferiment Ġdid għas-Sistemi tas-Saħħa Mentali: l-Indirizzar tal-Ispejjeż Soċjali u Ekonomiċi tal-Mard Mentali) u r-rieżami tas-saħħa mentali u tax-xogħol tal-4 ta' Novembru 2021 bit-titolu “Fitter Minds, Fitter Jobs: from Awareness to Change in Integrated Mental Health, Skills and Work Policies”“(Imħuħ aktar b'saħħithom, Xogħol aktar b'saħħtu: minn Sensibilizzazzjoni għal Bidla fil-Politiki Integrati dwar is-Saħħa Mentali, il-Ħiliet u x-Xogħol)”,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/1158 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw (2),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/882 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà għall-prodotti u għas-servizzi (3),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (5),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 89/654/KEE tat-30 ta' Novembru 1989 dwar il-ħtiġijiet minimi ta' sigurtà u ta' saħħa fuq il-post tax-xogħol (7),

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 90/270/KEE tad-29 ta' Mejju 1990 dwar il-ħtiġijiet minimi ta' saħħa u sigurtà għax-xogħol b'tagħmir li għandu display screen (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' April 2020 dwar azzjoni koordinata tal-UE biex tikkumbatti l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Lulju 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar is-saħħa pubblika wara l-COVID-19 (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-dritt għall-iskonnessjoni (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2022 dwar it-tisħiħ tal-pożizzjoni taż-żgħażagħ Ewropej: l-impjiegi u l-irkupru soċjali wara l-pandemija (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi, drittijiet u protezzjoni soċjali għall-ħaddiema tal-pjattaformi – forom ġodda ta' impjieg marbuta mal-iżvilupp diġitali (13),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-ekonomija tal-benesseri (14), li jappellaw għal strateġija komprensiva tal-UE dwar is-saħħa mentali,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2020 dwar it-titjib tal-benesseri fuq il-post tax-xogħol,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2021 bit-titolu “Qafas strateġiku tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027 – Is-sikurezza u s-saħħa okkupazzjonali għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel” (COM(2021)0323),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2005 bit-titolu “It-titjib tas-saħħa mentali tal-popolazzjoni – Lejn strateġija għall-Unjoni Ewropea dwar is-saħħa mentali” (COM(2005)0484),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2021 bit-titolu “Employment and Social Developments in Europe – towards a strong social Europe in the aftermath of the COVID-19 crisis: reducing disparities and addressing distributional impacts” (L-Iżviluppi tal-Impjieg u Soċjali fl-Ewropa – lejn Ewropa soċjali b'saħħitha wara l-kriżi tal-COVID-19: it-tnaqqis tad-disparitajiet u l-indirizzar tal-impatti distributtivi),

wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għas-Saħħa u l-Benesseri Mentali tal-2008,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ tas-17 ta' Ġunju 2021 bit-titolu “Beyond Lockdown: the 'pandemic scar' on young people” (Lil hinn mil-lockdown: il-“ferita tal-pandemija” fuq iż-żgħażagħ),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tad-9 ta' Novembru 2021 bit-titolu “Impact of COVID-19 on young people in the EU” (L-impatt tal-COVID-19 fuq iż-żgħażagħ fl-UE) u tal-10 ta' Mejju 2021 bit-titolu “Living, working and COVID-19: Mental health and trust decline across EU as pandemic enters another year” (Il-ħajja, ix-xogħol u l-COVID-19: deterjorazzjoni tas-saħħa mentali u l-fiduċja madwar l-UE hekk kif il-pandemija tidħol f'sena oħra),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) tas-7 ta' Diċembru 2020 bit-titolu “Il-prevenzjoni ta' disturbi muskoloskeletali f'forza tax-xogħol diversa: fatturi ta' riskju għan-nisa, migranti u ħaddiema LGBTI”,

wara li kkunsidra r-rapport tal-EU-OSHA tas-7 ta' Ottubru 2011 bit-titolu “Mental health promotion in the workplace – a good practice report” (Il-promozzjoni tas-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol – rapport ta' prattika tajba),

wara li kkunsidra r-rapport tal-EU-OSHA tat-22 ta' Ottubru 2021 bit-titolu “Telework and health risks in the context of the COVID-19 pandemic: evidence from the field and policy implications” (It-telexogħol u r-riskji għas-saħħa fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19: evidenza minn fuq il-post u implikazzjonijiet tal-politika),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Diċembru 2012 bit-titolu “Is-Sena Ewropea għas-Saħħa Mentali – għal xogħol aħjar u kwalità ta' ħajja aħjar” (15),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni dwar Modi Effettivi ta' Investiment fis-Saħħa tat-23 ta' Ġunju 2021 dwar l-appoġġ tas-saħħa mentali tal-ħaddiema tas-saħħa u ħaddiema essenzjali oħra;

wara li kkunsidra r-rapport tal-EU-OSHA u r-rapport tal-Eurofound tat-13 ta' Ottubru 2014 bit-titolu “Psychosocial risks in Europe: prevalence and strategies for prevention” (Riskji psikosoċjali fl-Ewropa: prevalenza u strateġiji għall-prevenzjoni),

wara li kkunsidra l-Istħarriġ dwar l-Esperjenza tal-Impjegati ta' Willis Towers Watson tal-2021,

wara li kkunsidra l-petizzjonijiet ippreżentati lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, pereżempju Nru 0956/2018 u Nru 1186/2018,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A9-0184/2022),

A.

billi d-dritt għas-saħħa fiżika u mentali huwa dritt fundamentali tal-bniedem u billi kull bniedem huwa intitolat għall-ogħla standard ta' saħħa li jista' jintlaħaq; billi d-WHO tiddefinixxi s-saħħa mentali bħala “stat ta' benesseri mentali li fih in-nies jifilħu sew għall-ħafna stress tal-ħajja, jistgħu jagħrfu l-potenzjal tagħhom stess, jitgħallmu u jaħdmu tajjeb, u jkunu kapaċi jikkontribwixxu għall-komunità tagħhom” (16); billi s-saħħa mentali hija marbuta wkoll ma' drittijiet fundamentali oħrajn bħad-dritt għad-dinjità tal-bniedem, kif minqux fl-Artikolu 1 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u d-dritt għall-integrità tal-persuna, inkluża l-integrità mentali, kif minqux fl-Artikolu 3 tal-Karta;

B.

billi r-riċerka turi li l-pandemija tal-COVID-19 sawret prattiki organizzattivi u maniġerjali u bidlet il-kundizzjonijiet tax-xogħol għal ħafna ħaddiema fl-Ewropa, b'konsegwenzi għall-ħin tax-xogħol, il-benesseri u l-ambjent fiżiku tal-post tax-xogħol; billi nħolqu esiġenzi straordinarji għall-ħaddiema essenzjali u tal-kura tas-saħħa; billi dawn il-ħaddiema kellhom ilaħħqu ma' ambjent tax-xogħol impenjattiv, nuqqas ta' protezzjoni u biża' għas-sikurezza tagħhom, li kellu impatt psikoloġiku negattiv; billi l-fehim ta' kwistjonijiet ta' saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol mhux biss ifisser li wieħed ikun konxju ta' disturbi mentali skont il-kriterji dijanjostiċi tal-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard għall-Istatistika dwar il-Mortalità u l-Morbożità (eż. dipressjoni) (17), iżda wkoll li jfittex li jippromwovi l-benesseri, jevita l-fehim ħażin u l-istigmatizzazzjoni u jfassal u jimplimenta l-miżuri u t-trattament xierqa għall-ġestjoni ta' dawk id-disturbi (18);

C.

billi l-pandemija ħolqot żieda qawwija fir-responsabbiltajiet ta' kura flimkien max-xogħol, li affettwat lin-nisa b'mod sproporzjonat u wessgħet id-disparità bejn il-ġeneri fil-kura mhux imħallsa; billi dan kellu impatt negattiv fuq is-saħħa mentali ta' persuni b'responsabbiltajiet ta' kura, peress li ħafna ħaddiema kellhom ilaħħqu ma' ħafna aktar stress billi assumew iż-żieda fir-responsabbiltajiet ta' kura tal-edukazzjoni mid-dar u l-indukrar tat-tfal matul il-lockdown jew billi pprovdew kura informali jew wettqu kwalunkwe tip ieħor ta' xogħol għal qraba dipendenti;

D.

billi r-riċerka turi li l-pandemija żiedet it-telexogħol fuq skala akbar, u dan kellu konsegwenzi pożittivi bħal flessibbiltà u awtonomija akbar u f'xi każijiet, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; billi, madankollu, dawn il-kisbiet mhux dejjem jegħlbu l-konsegwenzi negattivi bħall-konnessjoni eċċessiva, ċajpir tal-linji bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, intensità akbar ta' xogħol u stress relatat mat-teknoloġija; billi skont l-istħarriġ tal-Eurofound dwar il-COVID-19, il-pandemija ħolqot ħafna sfidi għall-ħaddiema li jaħdmu mill-bogħod; billi filwaqt li ż-żieda konsiderevoli fit-telexogħol tista' tkun ta' benefiċċju għall-ħaddiema u n-negozji, id-dritt għas-saħħa fiżika u mentali jrid jiġi salvagwardjat u promoss ukoll f'dan il-kuntest;

E.

billi r-riskji psikosoċjali huma r-riskji għas-saħħa l-aktar prevalenti assoċjati mat-telexogħol; billi prevalenza ogħla ta' telexogħol hija marbuta ma' sigħat twal ta' xogħol u stress relatat max-xogħol; billi skont l-EU-OSHA, ir-riskji psikosoċjali jistgħu jirriżultaw f'eżiti psikoloġiċi, fiżiċi u soċjali negattivi bħal ansjetà relatata max-xogħol, eżawriment jew dipressjoni; billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol li jwasslu għal riskji psikosoċjali jistgħu jinkludu ammont eċċessiv ta' xogħol, talbiet konfliġġenti u nuqqas ta' ċarezza dwar ir-rwol ta' dak li jkun, nuqqas ta' involviment fit-teħid ta' deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-ħaddiema nfushom, nuqqas ta' influwenza fuq il-mod kif isir ix-xogħol, bidla organizzattiva ġestita ħażin, nuqqas ta' sigurtà tal-impjieg, komunikazzjoni ineffettiva, nuqqas ta' appoġġ mill-maniġment jew mill-kollegi, fastidju psikoloġiku u sesswali, u vjolenza minn partijiet terzi; billi l-Istati Membri ma jikkondividux standards u prinċipji komuni legalment vinkolanti rigward ir-riskji psikosoċjali, li jwassal għal protezzjonijiet legali de facto inugwali għall-ħaddiema;

F.

billi, aktar ma jgħaddi ż-żmien, dawk li jimpjegaw qed jużaw għodod diġitali bħall-apps, is-software u l-intelliġenza artifiċjali (IA) biex jimmaniġġjaw lill-ħaddiema tagħhom; billi l-ġestjoni algoritmika tippreżenta sfidi ġodda għall-futur tax-xogħol, bħall-kontroll u s-sorveljanza bl-użu tat-teknoloġija permezz ta' għodod ta' tbassir u ta' mmarkar, monitoraġġ remot f'ħin reali tal-progress u tal-prestazzjoni u tal-intraċċar tal-ħin, u tinvolvi riskji sinifikanti għas-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema, b'mod partikolari s-saħħa mentali tagħhom, u d-dritt għall-privatezza u d-dinjità tal-bniedem; billi d-diġitalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda avvanzati bħall-IA u l-makkinarju bbażat fuq l-IA qed jittrasformaw in-natura tax-xogħol; billi madwar 40 % tad-dipartimenti tar-riżorsi umani f'kumpaniji internazzjonali issa jużaw applikazzjonijiet tal-IA u 70 % jqisu dan bħala prijorità għolja għall-organizzazzjoni tagħhom; billi l-ekonomija diġitali l-ġdida trid tiġi rregolata biex trawwem prosperità kondiviża u tiżgura l-benesseri tas-soċjetà inġenerali;

G.

billi din is-sitwazzjoni l-ġdida teħtieġna li nadottaw definizzjoni ġdida u usa' tas-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol, li ma tistax tibqa' tiġi separata mis-saħħa mentali;

H.

billi l-pandemija tal-COVID-19 affettwat b'mod sproporzjonat lill-benesseri mentali tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul – li l-maġġoranza tagħhom huma nisa – kif ukoll lill-popolazzjonijiet vulnerabbli inklużi l-minoranzi etniċi, il-komunità LGBTIQ+, il-persuni akbar fl-età, il-ġenituri waħedhom, il-persuni b'diżabilità u kwistjonijiet ta' saħħa mentali preeżistenti, il-persuni bi status soċjoekonomiku aktar baxx, il-persuni qiegħda, u l-persuni li jgħixu fir-reġjuni ultraperiferiċi u ż-żoni remoti u mhux konnessi sew; billi s-saħħa mentali taż-żgħażagħ marret għall-agħar b'mod sinifikanti matul il-pandemija, fejn il-problemi relatati mas-saħħa mentali f'diversi Stati Membri rduppjaw u ħalliet impatt sever fuq l-impjieg ta' żgħażagħ u tnaqqis fid-dħul tagħhom, inkluż it-telf ta' impjiegi; billi 9 miljun adolexxenti fl-Ewropa (li għandhom bejn 10 u 19-il sena) qed jgħixu b'disturbi tas-saħħa mentali, u l-ansjetà u d-dipressjoni jammontaw għal aktar minn nofs il-każijiet;

I.

billi ħafna nies fl-UE m'għandhomx aċċess għas-servizzi pubbliċi tas-saħħa mentali u okkupazzjonali; billi l-benesseri mentali laħaq l-aktar livell baxx tiegħu fil-gruppi tal-etajiet kollha mill-bidu tal-pandemija, u d-deterjorament fis-saħħa mentali huwa attribwit għat-tfixkil fl-aċċess għas-servizzi tas-saħħa mentali, żieda fl-ammont ta' xogħol u kriżi tas-suq tax-xogħol li affettwaw liż-żgħażagħ b'mod sproporzjonat; billi huwa magħruf li s-servizzi pubbliċi tas-saħħa mentali u okkupazzjonali mhumiex finanzjati biżżejjed; billi l-istress relatat max-xogħol jista' jkun konsegwenza ta' diversi fatturi, bħal pressjonijiet ta' restrizzjoni tal-ħin, sigħat tax-xogħol twal jew irregolari, u komunikazzjoni u kooperazzjoni fqira fi ħdan l-organizzazzjoni; billi hemm korrelazzjoni b'saħħitha bejn il-migranja jew l-uġigħ ta' ras sever u d-dipressjoni u l-ansjetà, fost disturbi psikjatriċi komorbidi oħra, li għandha effett indirett fuq il-prestazzjoni tax-xogħol u l-assenzi tal-impjegati; billi r-riċerka klinika u applikata fuq il-prevenzjoni, id-dijanjożi u t-trattament tal-kundizzjonijiet tas-saħħa mentali mhumiex iffinanzjati biżżejjed; billi l-kwistjonijiet tas-saħħa mentali bħalissa huma l-kawża ewlenija tal-morbożità globali, u s-suwiċidju huwa t-tieni l-akbar kawża ta' mewt taż-żgħażagħ fl-Ewropa; billi l-prevenzjoni, is-sensibilizzazzjoni, l-attivitajiet ta' benesseri u l-promozzjoni ta' kultura tas-saħħa mentali u sana fuq il-post tax-xogħol jistgħu jipprovdu eżiti pożittivi fit-titjib tas-saħħa tal-impjegati (19);

J.

billi kwistjonijiet fuq il-post tax-xogħol li jaffettwaw is-saħħa mentali jinkludu l-eżawriment professjonali, is-sindromu ta' bore-out, l-istress, il-fastidju, il-vjolenza, l-istigma, id-diskriminazzjoni u l-possibbiltajiet limitati għat-tkabbir jew għall-promozzjoni, aspetti li jistgħu jkomplu jiġu aggravati online; billi s-sena l-oħra d-WHO żvelat li aktar minn 300 miljun persuna madwar id-dinja kienu qed ibatu minn disturbi mentali relatati max-xogħol bħal eżawriment, ansjetà, dipressjoni jew stress postrawmatiku, li jikkorrelata mal-fatt li wieħed minn kull erba' ħaddiema Ewropej iħossu li x-xogħol għandu impatt negattiv fuq saħħithom (20); billi ambjent tax-xogħol negattiv jista' jwassal għal problemi ta' saħħa fiżika u mentali, użu dannuż ta' sustanzi jew alkoħol, assenteiżmu u telf ta' produttività;

K.

billi l-ispejjeż tal-mard mentali huma stmati għal aktar minn 4 % tal-PDG fl-Istati Membri kollha tal-UE fl-2015; billi l-ispiża tad-dipressjoni relatata max-xogħol ġiet stmata għal EUR 620 biljun fis-sena, li rriżultat f'EUR 240 biljun mitlufa fil-produzzjoni ekonomika (21); billi l-ispejjeż ikkalkulati tal-uġigħ ta' ras kollha fl-UE huma ta' aktar minn EUR 110 biljun fis-sena, li minnhom madwar EUR 50 biljun huma attribwibbli għall-emigranja; billi l-baġits relatati mal-prevenzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE għadhom baxxi, fil-livell ta' 3 % tan-nefqa totali tas-saħħa;

L.

billi skont ir-regolamenti tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (22), dawk li jimpjegaw għandhom id-dmir li jipproteġu s-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema fl-aspetti kollha tax-xogħol; billi min iħaddem għad għandu responsabbiltà għas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali fil-kuntest tat-telexogħol; billi t-trade unions u l-korpi tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali fuq il-post tax-xogħol għandhom rwol kritiku fid-difiża tad-dritt fundamentali tal-bniedem li għandhom il-ħaddiema għal post tax-xogħol sikur u sigur, inkluż fit-telexogħol;

M.

billi l-impjieg stabbli, is-saħħa (inkluża s-saħħa mentali), il-kundizzjonijiet għal żvilupp sħiħ, u s-sens ta' influwenza u involviment taż-żgħażagħ huma l-prekundizzjonijiet bażiċi għall-ħruġ mill-kriżi, it-tisħiħ tas-soċjetajiet u l-bini mill-ġdid tal-ekonomiji;

Is-saħħa mentali u x-xogħol diġitali: it-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19

1.

Jiddispjaċih għall-fatt li matul il-pandemija tal-COVID-19, is-saħħa mentali tal-impjegati u ta' dawk li jaħdmu għal rashom kienet affettwata minn tfixkil f'ħafna servizzi bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-appoġġ soċjali u fatturi ta' stress akbar bħall-insigurtà finanzjarja, il-biża' li wieħed jisfa qiegħed, l-aċċess limitat għall-kura tas-saħħa, l-iżolament, l-istress relatat mat-teknoloġija, il-bidliet fis-sigħat tax-xogħol, l-organizzazzjoni inadegwata tax-xogħol u t-telexogħol; jappella biex is-saħħa mentali tiġi indirizzata b'mod urġenti permezz ta' politiki trasversali u integrati, bħala parti minn strateġija komprensiva tal-UE dwar is-saħħa mentali u strateġija Ewropea dwar il-kura ssupplimentati minn pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali; ifakkar lill-Kummissjoni, b'mod partikolari, li l-protezzjoni tas-saħħa mentali tal-ħaddiema għandha tkun parti integrali mill-pjanijiet ta' tħejjija tal-EU-OSHA għal kriżijiet futuri tas-saħħa;

2.

Jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 u l-kriżi ekonomika sussegwenti poġġew pressjoni kbira fuq is-saħħa u l-benesseri mentali taċ-ċittadini kollha, iżda fuq kollox tal-impjegati, ta' dawk li jaħdmu għal rashom, taż-żgħażagħ, tal-istudenti li jkunu qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol u tal-anzjani, bi prevalenza dejjem akbar ta' riskji psikosoċjali relatati max-xogħol u rati ogħla ta' stress, ansjetà u dipressjoni;

3.

Jisħaq li l-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt negattiv fuq it-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, u għalhekk tista' tikkawża livelli għoljin ta' stress, ansjetà u inċertezza għaż-żgħażagħ fil-bidu tal-karriera tagħhom, li x'aktarx taggrava wkoll il-prospetti ta' impjieg tagħhom u tikkontribwixxi għall-kwistjonijiet tas-saħħa u l-benesseri mentali tagħhom f'ċiklu vizzjuż; jappella għal appoġġ akbar għas-saħħa mentali, inkluż għas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, sabiex jiġi indirizzat il-benesseri tal-persuni qiegħda;

4.

Jiddispjaċih li s-saħħa mentali ma ngħatatx l-istess prijorità bħas-saħħa fiżika, ġiet imċaħħda minn fondi u ma għandhiex biżżejjed persunal ikkwalifikat madwar l-Istati Membri, minkejja l-benefiċċji intrinsiċi assoċjati ma' saħħa u benesseri mtejba u l-gwadanji kbar fil-produttività ekonomika u livelli ogħla ta' parteċipazzjoni fix-xogħol li jirriżultaw minn investiment pubbliku fis-saħħa mentali; jemmen li tenħtieġ azzjoni rapida biex tittejjeb is-sitwazzjoni attwali;

5.

Jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-livelli għoljin ta' problemi ta' saħħa mentali relatati max-xogħol madwar l-UE u jimpenjaw ruħhom għal azzjonijiet li jirregolaw u jimplimentaw dinja tax-xogħol diġitali li tgħin fil-prevenzjoni tal-problemi tas-saħħa mentali, tipproteġi s-saħħa mentali u l-bilanċ san bejn ix-xogħol u l-ħajja, u tinforza d-drittijiet tal-protezzjoni soċjali fuq il-post tax-xogħol; jappella għal djalogu u sforzi għal dan il-għan ma' min iħaddem u mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, inklużi t-trade unions; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa essenzjali li jiġu adottati pjanijiet ta' prevenzjoni għar-riskji għas-saħħa mentali fil-postijiet tax-xogħol kollha; jappella għal segwitu għall-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew tad-WHO għal Azzjoni dwar is-Saħħa Mentali għall-2021-2025;

6.

Jiddispjaċih dwar id-disparità bejn l-ammont ta' azzjoni tal-UE li fil-fatt ittieħdet dwar is-saħħa u l-kamp ta' applikazzjoni mogħti mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u jappella biex tittieħed aktar azzjoni tal-UE fl-ambitu ta' dawk il-kompetenzi; iqis li s-saħħa mentali hija l-kriżi tas-saħħa li jmiss u li l-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni u teżamina r-riskji potenzjali kollha permezz ta' miżuri vinkolanti u mhux vinkolanti, fejn rilevanti, u toħloq strateġija tal-UE dwar is-saħħa mentali komprensiva, skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-ekonomija tal-benesseri;

7.

Jinnota li strateġija tal-UE dwar is-saħħa mentali għandu jkollha l-għan li tirrikjedi li l-Istati Membri jintegraw il-kura tas-saħħa mentali mal-kura fiżika minħabba l-korrelazzjoni mill-viċin bejn it-tnejn, biex jipprovdu kura bbażata fuq l-evidenza u d-drittijiet tal-bniedem, biex jespandu n-numru ta' servizzi offruti sabiex aktar adulti jkunu jistgħu jaċċessaw it-trattament, u biex jappoġġaw lin-nies biex jgħinuhom isibu xogħol jew jibqgħu jaħdmu, fost sforzi oħrajn; jinsisti li s-saħħa mentali ħażina taffettwa l-benesseri tal-ħaddiema u timplika spejjeż għas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, li jwasslu għal nefqa miżjuda fil-qasam tal-kura tas-saħħa u s-sigurtà soċjali; jenfasizza r-responsabbiltà ta' min iħaddem u r-rwol essenzjali li għandhom kemm min iħaddem kif ukoll is-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' inizjattivi bħal dawn;

8.

Ifakkar li l-pandemija xeħtet dawl fuq il-kriżi tas-saħħa mentali mifruxa madwar l-Ewropa u d-diversi risponsi għaliha mill-Istati Membri u wriet l-importanza tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bħala rispons għall-emerġenzi tas-saħħa, filwaqt li żvelat lakuni fil-prospettiva, inklużi t-tħejjija, l-għodod ta' rispons u finanzjament adegwat; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu l-impatti fuq is-saħħa mentali fil-pjanijiet tar-rispons ta' emerġenza u tħejjija f'każ ta' kriżi tas-saħħa jew pandemika; jemmen li l-kriżi tas-saħħa mentali attwali għandha titqies bħala emerġenza tas-saħħa;

9.

Jilqa' n-negozjati li għaddejjin għal regolament li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar theddid transfruntier serju għas-saħħa (23) u n-negozjati li għaddejjin dwar ir-riforma taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u t-tisħiħ tal-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini;

10.

Ifaħħar lill-ħaddiema essenzjali u tal-ewwel linja li ssagrifikaw il-benesseri tagħhom stess biex iwettqu xogħol li jsalva l-ħajjiet matul il-pandemija; jinsab imħasseb dwar ir-riskji akbar għas-saħħa mentali relatati max-xogħol fost il-ħaddiema tas-saħħa u tal-kura fit-tul; jappella lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni speċjali lill-ħaddiema essenzjali u tal-ewwel linja fil-proposti leġiżlattivi li jmiss tal-Kummissjoni dwar is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol; jappella lill-Istati Membri jtejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, jindirizzaw in-nuqqas ta' persunal u jimpenjaw ir-riżorsi meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn is-sagrifiċċji ma jerġgħux ikunu meħtieġa, filwaqt li jiżguraw li l-ħaddiema jkollhom aċċess immedjat għal riżorsi tas-saħħa mentali adegwati u protezzjoni u interventi psikosoċjali, li għandhom jiġu estiżi lil hinn mill-perjodu ta' kriżi akuta; jisħaq li l-maġġoranza vasta tal-ħaddiema essenzjali u tal-ewwel linja huma nisa u ta' spiss ikollhom introjtu aktar baxx, u jġarrbu riskji akbar għas-saħħa mentali relatati max-xogħol;

It-tranżizzjoni diġitali u s-saħħa mentali

11.

Jirrikonoxxi li impjieg ta' kwalità jista' jgħin biex jipprovdi lill-individwi skop kif ukoll sigurtà u indipendenza finanzjarja; jenfasizza r-relazzjoni pożittiva bejn saħħa mentali tajba, kundizzjonijiet tajbin tax-xogħol, salarji adegwati, produttività fix-xogħol, benesseri u kwalità tal-għajxien; jinnota li sens ta' skop u identità għall-ħaddiema jista' jiġi kkontestat f'kuntest ta' diġitalizzazzjoni li qed tiżdied, li tista' twassal għal problemi ta' saħħa fiżika u mentali; jafferma li l-prevenzjoni hija għalhekk kruċjali; jemmen li kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati u programmi attivi tas-suq tax-xogħol jistgħu jgħinu fil-ġlieda kontra r-riskji psikosoċjali billi jipprovdu opportunitajiet għal impjiegi ta' kwalità u protezzjoni soċjali; jinnota li d-dipressjoni u d-disturbi tas-saħħa mentali jistgħu jkunu ostaklu biex wieħed jibqa' jaħdem u jikseb impjieg u li jenħtieġ appoġġ addizzjonali għal dawk li qed ifittxu impjieg;

12.

Jirrikonoxxi l-opportunitajiet li t-trasformazzjoni diġitali toħloq għall-impjieg ta' persuni b'diżabilità fis-suq tax-xogħol miftuħ; jisħaq, f'dan il-kuntest, li t-trasformazzjoni diġitali m'għandhiex twassal għall-iżolament u għall-esklużjoni soċjali; jenfasizza, barra minn hekk, id-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-anzjani, li huma f'riskju partikolari ta' esklużjoni diġitali minħabba l-kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jinbidlu u l-għodod diġitali ġodda; jisħaq fuq l-importanza għall-ħaddiema kollha, iżda speċjalment għall-persuni akbar fl-età, li jkollhom aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp professjonali adattat għall-ħtiġijiet individwali tagħhom; jappella lill-Istati Membri jespandu l-provvista ta' edukazzjoni diġitali mmirata lejn persuni akbar fl-età; jisħaq fuq l-importanza tal-iskambji interġenerazzjonali fl-ambjent tax-xogħol;

13.

Ifakkar li approċċi proattivi għad-diġitalizzazzjoni, bħat-titjib tal-ħiliet diġitali fuq il-post tax-xogħol jew l-awtorizzazzjoni ta' ħinijiet tax-xogħol flessibbli, jistgħu jgħinu biex itaffu l-istress relatat max-xogħol; jirrimarka li l-IA għandha l-potenzjal li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-kwalità tal-ħajja, inkluż bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u aċċessibbiltà aħjar għall-persuni b'diżabilità, li tipprevedi l-iżvilupp tas-suq tax-xogħol u li tappoġġa l-ġestjoni tar-riżorsi umani fil-prevenzjoni tal-preġudizzju uman; iwissi, madankollu, li l-IA tagħti wkoll lok għal tħassib dwar il-privatezza u s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali bħad-dritt għall-iskonnessjoni, u tista' twassal għal sorveljanza u monitoraġġ sproporzjonati u illegali tal-ħaddiema, bi ksur tad-dinjità u l-privatezza tagħhom, kif ukoll trattament diskriminatorju fil-proċessi ta' reklutaġġ u oqsma oħra minħabba algoritmi preġudikati, inkluż abbażi tal-ġeneru, ir-razza u l-etniċità; jinsab imħasseb, barra minn hekk, li l-IA tista' ddgħajjef il-libertà u l-awtonomija tan-nies, bħal permezz ta' għodod ta' tbassir u ta' mmarkar, monitoraġġ u traċċar f'ħin reali u nudges awtomatizzati tal-imġiba, u tikkontribwixxi għall-problemi tas-saħħa mentali tal-ħaddiema bħall-eżawriment, l-istress relatat mat-teknoloġija, it-tagħbija eċċessiva psikoloġika u l-għeja; jisħaq li s-soluzzjonijiet tal-IA fuq il-post tax-xogħol iridu jkunu trasparenti, ġusti u jevitaw kwalunkwe implikazzjoni negattiva għall-ħaddiema u jridu jiġu nnegozjati bejn min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema inklużi t-trade unions; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'dan ir-rigward, joħolqu proposta leġiżlattiva dwar l-IA fuq il-post tax-xogħol sabiex jiżguraw protezzjoni xierqa tad-drittijiet u l-benesseri tal-ħaddiema, inkluża s-saħħa mentali u d-drittijiet fundamentali, bħan-nondiskriminazzjoni, il-privatezza u d-dinjità tal-bniedem f'post tax-xogħol dejjem aktar diġitalizzat; jinnota li l-fastidju online għandu t-tendenza li jkollu impatt sproporzjonat fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli, inklużi l-ħaddiema żgħażagħ, nisa u LGBTQI+; jisħaq li 60 % biss tal-Istati Membri għandhom leġiżlazzjoni speċifika fis-seħħ biex jindirizzaw il-bullying u l-vjolenza fuq il-post tax-xogħol, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipproponu miżuri obbligatorji immirati biex ireġġgħu lura u jindirizzaw din il-problema dejjem akbar fuq il-post tax-xogħol u jipproteġu lill-vittmi bir-riżorsi kollha meħtieġa;

14.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-miżuri preventivi u protettivi mmirati biex jeqirdu l-vjolenza, id-diskriminazzjoni u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol, inklużi l-vjolenza u l-fastidju minn partijiet terzi (jiġifieri minn klijenti, viżitaturi jew pazjenti), fejn applikabbli, japplikaw irrispettivament mir-raġuni u l-kawża tal-fastidju u li ma jkunux limitati għal każijiet ibbażati fuq raġunijiet diskriminatorji; jappella lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (Nru 190) dwar l-Eliminazzjoni tal-Vjolenza u l-Fastidju fid-Dinja tax-Xogħol u r-Rakkomandazzjoni (Nru 206) dwar il-Vjolenza u l-Fastidju u biex idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet u l-miżuri ta' politika meħtieġa biex jipprojbixxu, jipprevjenu u jindirizzaw il-vjolenza u l-fastidju fid-dinja tax-xogħol; jappella lill-Kummissjoni tiżgura li l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttiva proposta dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (24) tkopri bis-sħiħ il-vjolenza u l-fastidju fuq il-post tax-xogħol bħala reat kriminali, u li l-ħaddiema jirċievu protezzjoni xierqa, bl-involviment tat-trade unions;

15.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-ħaddiema jiġu protetti kontra l-isfruttament minn min iħaddimhom fl-użu tal-IA u l-ġestjoni algoritmika, inklużi l-għodod ta' tbassir u ta' mmarkar biex tiġi mbassra l-imġiba tal-impjegati u jiġu identifikati jew skoraġġuti l-ksur tar-regoli jew il-frodi mill-ħaddiema, il-monitoraġġ f'ħin reali tal-progress u l-prestazzjoni, is-software ta' traċċar tal-ħin u n-nudges tal-imġiba awtomatizzati; jappella għal projbizzjoni fuq is-sorveljanza tal-ħaddiema;

16.

Iqis li huwa neċessarju li tiġi żviluppata paradigma ġdida li tqis il-kumplessità tal-post tax-xogħol modern fir-rigward tas-saħħa mentali, billi l-istrumenti regolatorji attwalment fis-seħħ mhumiex biżżejjed biex jiggarantixxu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema u jeħtieġ li jiġu aġġornati u mtejba;

17.

Jenfasizza li l-użu tat-teknoloġija u tal-IA fuq il-post tax-xogħol m'għandu qatt jintuża għad-detriment tas-saħħa mentali u l-benesseri tal-ħaddiema; jinnota li l-iskjerament tal-IA fuq il-post tax-xogħol ma jridx iwassal għal monitoraġġ eċċessiv f'isem il-produttività jew għal sorveljanza tal-ħaddiema;

18.

Jinnota li hemm diskrepanza diġitali kbira bejn il-ġeneri fil-ħiliet speċjalizzati u fl-impjiegi fis-settur tal-ICT, fejn 18 % biss huma nisa u 82 % huma rġiel (25); iqis li huwa vitali li s-sistemi tat-teknoloġija jitfasslu b'mod inklużiv, biex jiġu evitati d-diskriminazzjoni, kwistjonijiet ta' saħħa mentali jew effetti oħra ta' ħsara ta' diżinn mhux inklużiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jeliminaw id-differenza diġitali bejn il-ġeneri li tolqot lin-nisa fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), u jfittxu li jipprovdu inċentivi għall-organizzazzjonijiet tal-ICT biex jimpjegaw forza tax-xogħol diversa;

19.

Jilqa' d-Direttiva (UE) 2019/1158 dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u għall-persuni li jindukraw peress li tipprovdi flessibbiltà u ttaffi kwistjonijiet relatati max-xogħol; jisħaq, madankollu, li n-nisa jkomplu jiġu affettwati b'mod sproporzjonat, kif deher matul il-pandemija; jemmen li filwaqt li t-telexogħol joffri ħafna opportunitajiet, huwa jippreżenta wkoll sfidi f'termini tad-distakk soċjali, professjonali u diġitali; jisħaq li n-nisa jkomplu jieħdu l-biċċa l-kbira tal-liv relatat mal-familja, li jkompli jkollu impatt negattiv fuq il-progressjoni tal-karriera, l-iżvilupp personali, il-paga u l-intitolamenti tal-pensjoni tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tad-direttiva u jżidu l-għadd ta' ġranet mogħtija għal-liv tal-persuni li jindukraw u jipprovdu remunerazzjoni lill-persuni li jindukraw b'mod informali meta jieħdu l-liv; jappella lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ favur il-protezzjoni tal-ħin tal-familja tal-ħaddiema u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jappella lill-Istati Membri jinkoraġġixxu t-teħid ta' sehem ugwali tar-responsabbiltajiet ta' ndukrar bejn in-nisa u l-irġiel permezz ta' perjodi ta' liv imħallas mhux trasferibbli bejn il-ġenituri, li jippermettu lin-nisa jinvolvu ruħhom dejjem aktar f'impjieg full-time; jenfasizza li n-nisa huma f'riskju ogħla li jsofru minn stress, eżawriment, burnout, u vjolenza psikoloġika minħabba arranġamenti ġodda ta' telexogħol u n-nuqqas ta' regolamentazzjoni biex jiġu kkontrollati prattiki abbużivi tax-xogħol;

20.

Jinnota l-bidla għat-telexogħol matul il-pandemija u l-flessibbiltà li pprovdiet għal ħafna impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom; jirrikonoxxi, madankollu, li t-telexogħol wera wkoll sfida speċjalment għall-individwi l-aktar żvantaġġati u l-familji b'ġenitur wieħed; jagħraf li t-telexogħol flimkien mal-kura tat-tfal, speċjalment għat-tfal bi bżonnijiet speċjali, jista' jkun ta' theddida għall-ħajja tal-familja u l-benesseri kemm tal-ġenituri kif ukoll tat-tfal; iħeġġeġ lil min iħaddem jipprovdi regoli ċari u trasparenti dwar l-arranġamenti tat-telexogħol biex jiżgura li s-sigħat tax-xogħol jiġu rispettati u jipprevjenu l-iżolament soċjali u professjonali u ċ-ċajpir tal-ħin tax-xogħol ma' ħin ieħor imqatta' d-dar; jinnota li t-telexogħol huwa ppruvat li għandu impatt qawwi fuq l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol billi jżid il-flessibbiltà u d-disponibbiltà kostanti tal-ħaddiema, li spiss iwassal għal kunflitt bejn il-ħin tal-ħajja tal-familja u dak tax-xogħol; ifakkar, iżda, li jekk ikun regolat u implimentat kif xieraq, it-telexogħol jista' jipprovdi wkoll lill-ħaddiema l-flessibbiltà biex jadattaw is-sigħat u l-iskeda tax-xogħol tagħhom biex jissodisfaw il-ħtiġijiet personali u tal-familja tagħhom stess; jenfasizza f'dan ir-rigward li bidla sħiħa jew parzjali għat-telexogħol għandha tkun ir-riżultat ta' ftehim bejn min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema;

21.

Jinnota bi tħassib li t-telexogħol għadu mhux disponibbli għall-ħaddiema kollha; jisħaq fuq l-impatt tal-bidla għat-telexogħol fuq is-saħħa mentali ta' dawk fil-periklu tal-esklużjoni diġitali; jisħaq fuq l-importanza tal-ġlieda kontra d-distakk diġitali fl-Ewropa u l-ħtieġa ta' taħriġ mill-ġdid ta' nies iżgħar u akbar fl-età sabiex jiġi żgurat livell suffiċjenti ta' ħiliet diġitali għall-ħaddiema kollha; jappella għal investimenti aktar immirati fil-provvista ta' ħiliet diġitali, b'mod partikolari lil gruppi li huma aktar esklużi f'sens diġitali, bħal persuni bi status soċjoekonomiku baxx, sfond edukattiv limitat, persuni akbar fl-età u persuni li jgħixu f'żoni rurali u remoti; jappella lill-Kummissjoni tipproponi qafas leġiżlattiv biex tistabbilixxi rekwiżiti minimi għat-telexogħol madwar l-UE, mingħajr ma timmina l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-teleħaddiema; jisħaq li tali qafas għandu jikkjarifika l-kundizzjonijiet tax-xogħol, jiżgura li tali xogħol isir fuq bażi volontarja u li d-drittijiet, il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-ammont ta' xogħol u l-istandards ta' prestazzjoni tat-teleħaddiema jkunu ekwivalenti għal dawk ta' ħaddiema komparabbli fuq il-post tax-xogħol; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu miżuri dwar l-aċċessibbiltà u t-teknoloġija inklużiva għal persuni b'diżabilità; jinnota li dan il-qafas għandu jiġi żviluppat f'konsultazzjoni mal-Istati Membri u s-sħab soċjali Ewropej, b'rispett sħiħ tal-mudelli tas-suq tax-xogħol nazzjonali u għandu jqis il-Ftehimiet Qafas tas-Sħab Soċjali dwar it-Telexogħol u dwar id-Diġitalizzazzjoni; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-persuni b'diżabilità mentali jew fiżika; jisħaq li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tat-teleħaddiema huma ekwivalenti għal dawk li jaħdmu fuq il-post u li jeħtieġ li jittieħdu miżuri speċifiċi biex jiġi segwit u appoġġat il-benesseri tal-ħaddiema remoti;

22.

Iqis li d-dritt għall-iskonnessjoni huwa essenzjali biex jiġi żgurat il-benesseri mentali tal-impjegati u ta' dawk li jaħdmu għal rashom, mhux l-inqas għall-ħaddiema nisa u għall-ħaddiema f'forom mhux standard ta' xogħol, u għandu jiġi kkomplementat minn approċċ preventiv u kollettiv għar-riskji psikosoċjali relatati max-xogħol; jappella lill-Kummissjoni tipproponi, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, direttiva dwar standards u kundizzjonijiet minimi biex jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha jkunu jistgħu jeżerċitaw b'mod effettiv id-dritt tagħhom għall-iskonnessjoni u biex jiġi rregolat l-użu tal-għodod diġitali eżistenti u ġodda għal skopijiet ta' xogħol skont ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-21 ta' Jannar 2021 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-dritt għall-iskonnessjoni, filwaqt li jitqies il-Ftehim Qafas tas-Sħab Soċjali Ewropej dwar id-Diġitalizzazzjoni; jappella lill-Istati Membri, barra minn hekk, jikkoordinaw aħjar l-iskambju tal-aqwa prattiki, peress li xi wħud minnhom qed jistabbilixxu xi politiki u proġetti innovattivi ħafna;

23.

Jinnota li jekk jiġu riveduti u aġġornati, id-Direttivi tal-Kunsill 89/654/KEE u 90/270/KEE li jistabbilixxu rekwiżiti minimi ta' sigurtà u saħħa għall-post tax-xogħol u għax-xogħol b'tagħmir li għandu display screen jistgħu jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-ħaddiema kollha, inklużi l-ħaddiema tal-pjattaformi u dawk li jaħdmu għal rashom, flimkien mal-proġetti differenti żviluppati mill-aġenziji tal-UE u l-Istati Membri;

24.

Jisħaq li l-għoti ta' aċċessibbiltà u akkomodazzjoni raġonevoli huwa applikabbli f'ambjenti diġitali relatati max-xogħol u, għalhekk, min iħaddem għandu jistabbilixxi miżuri biex jadatta u jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u ugwali għall-persuni b'diżabilità, inklużi dawk bi kwistjonijiet ta' saħħa mentali, inkluża l-konformità mal-istandards tal-aċċessibbiltà diġitali rilevanti derivati mid-Direttiva (UE) 2019/882;

25.

Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li timmodernizza l-qafas leġiżlattiv għas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali billi tirrieżamina d-Direttivi tal-Kunsill 89/654/KEE u 90/270/KEE li jistabbilixxu rekwiżiti minimi ta' sikurezza u saħħa għall-post tax-xogħol u għal xogħol b'tagħmir li għandu display screen;

Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol

26.

Huwa mħasseb dwar l-iskonnessjoni bejn il-politika attwali dwar is-saħħa mentali u l-attitudnijiet fuq il-post tax-xogħol, li ma jirriflettux kif xieraq il-fatt li l-protezzjoni tal-impjegat hija assi ewlieni għall-mexxejja tal-UE għall-kumplament tad-deċennju; jenfasizza li minħabba l-istigma u d-diskriminazzjoni, l-impjegati ħafna drabi jħossu li ma jistgħux jiddiskutu xi kwistjonijiet; jappella lill-Istati Membri jiżguraw li min iħaddem jissodisfa l-obbligi tiegħu li jipprovdi appoġġ u informazzjoni ċara lill-ħaddiema kollha, u jiżgura li l-ħaddiema affettwati jkunu riintegrati b'mod ġust fuq il-post tax-xogħol; jappella biex il-postijiet tax-xogħol jiffaċilitaw l-aċċess għas-servizzi ta' appoġġ għas-saħħa mentali u servizzi esterni u għall-prevenzjoni, ir-rikonoxximent bikri u t-trattament għall-impjegati li jista' jkollhom disturbi tas-saħħa mentali, u biex jappoġġaw ir-riintegrazzjoni tagħhom u jgħinu fil-prevenzjoni ta' rikaduti, kif ukoll jistabbilixxu pjanijiet tal-kumpaniji ta' prevenzjoni tas-saħħa mentali, inkluż dwar il-prevenzjoni tas-suwiċidju; jappella, barra minn hekk, għall-adozzjoni ta' strateġiji ta' prevenzjoni ċari u effettivi kif ukoll strateġiji ta' appoġġ għall-ħaddiema li jirritornaw għax-xogħol wara assenza twila;

27.

Ifakkar li l-fastidju u d-diskriminazzjoni għal raġunijiet multipli jeżistu fuq il-post tax-xogħol u huma sors frekwenti ta' stress u skonnessjoni mill-post tax-xogħol; ifakkar, b'mod partikolari, li d-diskriminazzjoni abbażi tal-età, id-diżabilità, is-sess, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, ir-razza, l-istatus edukattiv jew soċjoekonomiku u l-appartenenza għal gruppi vulnerabbli hija mifruxa u għandha tiġi indirizzata minn min iħaddem; jisħaq fuq l-importanza li tiġi inkluża politika kontra l-fastidju fil-miżuri tas-saħħa u s-sikurezza fid-dinja diġitali tax-xogħol u li jingħata appoġġ lin-negozji, speċjalment l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs), biex jiġu megħjuna jistabbilixxu politiki għall-ġlieda kontra l-fastidju u l-bullying; jappella għal kampanja ta' informazzjoni madwar l-UE kollha dwar is-sensibilizzazzjoni fuq is-saħħa mentali sabiex jiġu indirizzati l-istigma, il-perċezzjonijiet żbaljati u l-esklużjoni soċjali li sikwit huma assoċjati ma' saħħa mentali ħażina;

28.

Jemmen li l-miżuri attwali għat-titjib fis-sigurtà u s-saħħa mentali tal-ħaddiema huma insuffiċjenti, speċjalment il-valutazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji psikosoċjali; jappella lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmi għall-prevenzjoni tal-ansjetà, id-dipressjoni u l-eżawriment u għar-riintegrazzjoni fil-post tax-xogħol ta' dawk affettwati mill-problemi psikosoċjali; ifakkar li approċċ individwali u organizzattiv għax-xogħol (26) huwa kruċjali għal dan il-għan; jinnota, madankollu, li dawn il-kundizzjonijiet tas-saħħa jistgħu jiddependu fuq għadd ta' fatturi; jappella lill-Kummissjoni, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, tirrevedi r-rakkomandazzjoni tagħha tad-19 ta' Settembru 2003 dwar l-iskeda Ewropea tal-mard okkupazzjonali (27), billi magħha jiżdiedu disturbi muskoloskeletali relatati max-xogħol, disturbi tas-saħħa mentali relatati max-xogħol, b'mod partikolari d-dipressjoni, il-burnout, l-ansjetà u l-istress, il-mard kollu relatat mal-asbestos u l-kanċers tal-ġilda u l-infjammazzjoni rewmatika u kronika; jappella lill-Kummissjoni tittrasforma din ir-rakkomandazzjoni, wara konsultazzjoni mas-sħab soċjali, f'direttiva li toħloq lista minima ta' mard okkupazzjonali u li tistabbilixxi rekwiżiti minimi għar-rikonoxximent tagħhom u kumpens adegwat għall-individwi kkonċernati;

29.

Jagħraf li meta jiġu indirizzati r-riskji psikosoċjali, l-ispettorati nazzjonali tax-xogħol jista' jkollhom rwol importanti billi jinfurzaw interventi preventivi u/jew korrettivi fil-kuntest tax-xogħol; jappella lill-Awtorità Ewropea tax-Xogħol taħdem fuq strateġija komuni għall-ispettorati nazzjonali tax-xogħol biex jiġu indirizzati r-riskji psikosoċjali, inkluż it-tfassil ta' qafas komuni li jkopri l-evalwazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji psikosoċjali u li jipprovdi għall-ħtiġijiet differenti ta' taħriġ tal-ispetturi tax-xogħol;

30.

Jirrimarka li l-qafas strateġiku l-ġdid tal-UE dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol 2021-2027 jinnota ġustament il-ħtieġa li jsiru l-bidliet fl-ambjent tax-xogħol sabiex jiġu indirizzati l-perikli tal-benesseri psikosoċjali, iżda jiffoka biss fuq interventi individwali, li hija parti limitata tal-mitigazzjoni tar-riskji psikosoċjali; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti ta' bażi komuni biex tiġi salvagwardjata s-saħħa mentali tal-ħaddiema kollha madwar l-UE, peress li dawn mhumiex protetti b'mod uniformi fl-Istati Membri kollha – lanqas taħt il-leġiżlazzjoni attwali tal-UE; jappella lill-Kummissjoni tipproponi, f'dan ir-rigward, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, direttiva dwar il-ġestjoni tar-riskji psikosoċjali u l-benesseri fuq il-post tax-xogħol sabiex tipprevjeni b'mod effettiv ir-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol, inkluż online, tipprovdi taħriġ għall-maniġment u l-ħaddiema, u minn żmien għal żmien tivvaluta l-progress u ttejjeb l-ambjent tax-xogħol; iqis li l-politiki ta' prevenzjoni dwar is-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali għandhom jinvolvu wkoll lis-sħab soċjali fl-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tar-riskji psikosoċjali; jinnota li stħarriġ anonimu tal-impjegati bħal kwestjonarji u eżerċizzji oħra ta' ġbir ta' data jista' jipprovdi informazzjoni utli dwar sa liema punt u r-raġunijiet għaliex l-impjegati huma stressjati, u jagħmilha aktar faċli għall-maniġment biex jidentifika kwistjonijiet u jagħmel aġġustamenti fejn meħtieġ;

31.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-aktar evidenza xjentifika u r-riċerka fis-saħħa mentali reċenti, speċjalment rigward il-potenzjal ta' approċċi innovattivi fit-trattament tas-saħħa mentali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib u timmonitorja l-aħjar prattiki li diġà ġew implimentati b'suċċess f'dan il-qasam u tiffaċilita l-iskambju ta' dawk l-aħjar prattiki fost l-Istati Membri; jappella lill-Istati Membri, b'mod partikolari, jiżguraw li għandhom kumitati effettivi dwar is-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol sabiex jipprovdu valutazzjonijiet tar-riskju aktar frekwenti u preċiżi u jsaħħu l-prerogattivi tal-kumitati eżistenti tas-saħħa u s-sikurezza billi jagħtuhom id-dritt li jinvokaw għarfien espert estern, inklużi evalwazzjonijiet indipendenti minn partijiet terzi tal-esponiment għal riskji psikosoċjali relatati max-xogħol;

32.

Iqis li huwa essenzjali li l-maniġers jingħataw it-taħriġ psikosoċjali meħtieġ biex jadattaw għall-prattiki tal-organizzazzjoni tax-xogħol u jrawmu fehim profond tas-saħħa mentali ħażina fil-post tax-xogħol; iqis li huwa daqstant ieħor essenzjali li l-ħaddiema jingħataw ukoll it-taħriġ rilevanti dwar il-prevenzjoni ta' riskji psikosoċjali relatati max-xogħol; iħeġġeġ lil min iħaddem irawwem approċċ, politiki u prattika pożittivi għas-saħħa u l-benesseri mentali okkupazzjonali tajbin; jenfasizza, għal dan il-għan, li l-kumpaniji jistgħu jikkunsidraw li jqabbdu u jħarrġu impjegat ta' referenza għas-saħħa mentali jew li jpoġġu taqsima ddedikata fuq il-pjattaforma ta' komunikazzjoni interna għall-post tax-xogħol tagħhom b'informazzjoni li torjenta lill-impjegati fid-direzzjoni tas-servizzi tas-saħħa mentali; jemmen li s-sħab soċjali jista' jkollhom rwol ċentrali fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' dan it-taħriġ u jenfasizza l-ħtieġa partikolari li l-ispettorati tax-xogħol jingħataw taħriġ biex jiżguraw li jkunu jistgħu jipproteġu b'mod adegwat lill-ħaddiema;

33.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħrfu u jissensibilizzaw dwar l-impatt fuq is-saħħa mentali tal-ħaddiema li jsofru minn mard newroloġiku prevalenti ħafna u diżabilitanti bħall-emigranja; jinnota l-importanza li ssir sensibilizzazzjoni fuq il-post tax-xogħol dwar l-importanza tal-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-emigranji billi jiġu evitati l-elementi li jiskattawhom;

34.

Jappella lill-ispettorati tax-xogħol fl-UE jiffukaw fuq l-ambjent tax-xogħol psikosoċjali fl-ispezzjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kumitat ta' Spetturi Anzjani fuq ix-Xogħol biex iressaq kampanja ġdida dwar ir-riskji psikosoċjali li tibni fuq is-sejbiet tal-kampanja tal-2012 u l-iżviluppi aktar reċenti;

Dinja moderna tax-xogħol għall-benesseri tal-ħaddiema

35.

Jissottolinja li minħabba n-nuqqas ta' appoġġ u ta' politiki tas-saħħa mentali suffiċjenti fuq il-post tax-xogħol, l-impjegati spiss ikollhom jiddependu fuq servizzi privati li wieħed diffiċli jaffordjahom u fuq is-servizzi pprovduti minn organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-faċilitajiet tal-isptar nazzjonali, li sikwit ikollhom listi twal ta' stennija u anke huma jkollhom nuqqas ta' appoġġ u riżorsi; jappella li l-postijiet tax-xogħol jiżguraw li l-impjegati jkollhom appoġġ u rimedji tas-saħħa mentali aċċessibbli, professjonali u imparzjali, bir-rispett dovut għall-privatezza u l-kunfidenzjalità tal-ħaddiema, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-kura tas-saħħa pubblika tinkludi aċċess faċli għal konsulenza remota;

36.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tniedi inizjattivi ta' edukazzjoni u għarfien dwar is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol u fil-kurrikuli edukattivi, u jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimmobilizzaw il-fondi tal-UE lejn l-istabbiliment ta' pjattaformi u applikazzjonijiet diġitali tas-saħħa mentali; jappella lill-Kummissjoni teżamina l-fattibbiltà li jiġi stabbilit numru tat-telefon ta' għajnuna komuni tal-UE għall-appoġġ tas-saħħa mentali; jappella lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tipprovdi baġit adegwat għall-programmi rilevanti tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiddeżinja l-2023 bħala s-Sena tal-UE għas-Saħħa Mentali Tajba sabiex twettaq l-inizjattivi ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar is-saħħa mentali msemmija hawn fuq;

37.

Jappella lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet lokali u awtoritajiet pubbliċi rilevanti oħra jkollhom biżżejjed persunal u riżorsi pubbliċi biex jipprovdu appoġġ u servizzi għas-saħħa mentali lil dawk kollha li jeħtiġuhom;

38.

Jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' statistika dwar il-prevalenza ta' kwistjonijiet ta' saħħa mentali fil-post tax-xogħol b'mod speċjali fl-SMEs u fost is-sidien tal-SMEs u dawk li jaħdmu għal rashom, idgħajjef il-ħtieġa ta' intervent urġenti; jappella lill-Istati Membri, lill-Eurostat, lill-istituzzjonijiet pubbliċi, lill-esperti, lis-sħab soċjali u lill-komunità tar-riċerka jikkollaboraw u jiġbru data aġġornata dwar ir-riskji relatati max-xogħol għal mard mentali u l-impatti negattivi tagħhom, diżaggregata skont il-ġeneru u aspetti rilevanti oħra, kif ukoll data dwar l-effikaċja tat-tipi differenti ta' interventi sabiex tiġi promossa saħħa mentali aħjar fuq il-post tax-xogħol b'mod armonizzat;

39.

Jappella lill-Istati Membri jivvalutaw il-possibbiltà li joħolqu servizzi ta' intermedjazzjoni fil-livell lokali jew reġjonali għar-riskji psikosoċjali, li għandhom jipprovdu pariri u appoġġ tekniku lil dawk li jaħdmu għal rashom, lil min iħaddem, lill-maniġers u lill-ħaddiema f'mikrointrapriżi u fl-SMEs dwar il-prevenzjoni tar-riskju psikosoċjali, dwar il-kunflitti psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll biex ixerrdu informazzjoni dwar ir-riskji psikosoċjali u l-prevenzjoni tagħhom; jinsab imħasseb li l-intraprendituri u l-SMEs għandhom bżonn appoġġ partikolari biex jimmaniġġjaw l-impatt tal-pressjoni u l-fatturi li jikkawżaw l-istress ta' kuljum, u biex jippromwovu l-kuxjenza dwar is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol, u jappella għal inizjattivi tal-UE biex jgħinuhom fil-valutazzjoni tar-riskju, fil-prevenzjoni, fil-kampanji ta' sensibilizzazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' prattiki tajba; jenfasizza r-rwol tal-EU-OSHA f'li tipprovdi lill-mikrointrapriżi u lill-SMEs l-għodod u l-istandards li jeħtieġu biex jivvalutaw ir-riskji għall-forza tax-xogħol tagħhom u jimplimentaw miżuri ta' prevenzjoni adegwati; iqis li l-EU-OSHA għandha tissaħħaħ f'dan ir-rigward sabiex tippromwovi aħjar postijiet tax-xogħol tajbin għas-saħħa u sikuri madwar l-UE u tiżviluppa aktar inizjattivi biex itejbu l-prevenzjoni fuq il-post tax-xogħol fis-setturi ta' attività kollha;

40.

Jirrimarka li s-saħħa mentali taż-żgħażagħ marret konsiderevolment għall-agħar matul il-pandemija, u l-aktar li kienu affettwati b'mod sever kienu ż-żgħażagħ nisa u ż-żgħażagħ f'sitwazzjonijiet marġinalizzati; jiddispjaċih li ż-żgħażagħ mhumiex iċ-ċentru tal-investimenti fir-riċerka dwar is-saħħa mentali, minkejja l-benefiċċji prevedibbli fit-tul ta' intervent bikri; jirrimarka li 64 % taż-żgħażagħ bejn it-18 u l-34 sena kienu f'riskju ta' dipressjoni fl-2021 minħabba nuqqas ta' impjieg, ta' prospetti finanzjarji u edukattivi, kif ukoll minħabba s-solitudni u l-iżolament soċjali; jisħaq li waħda mill-aħjar għodod biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' saħħa mentali (28) fost iż-żgħażagħ hija li jiġu pprovduti bi prospetti sinifikanti għal edukazzjoni u impjieg ta' kwalità tajba; jappella lill-Kummissjoni tindirizza t-tfixkil fl-aċċess għas-suq tax-xogħol li poġġa liż-żgħażagħ f'riskju akbar li jesperjenzaw disturbi ta' saħħa mentali u tieħu azzjoni biex tappoġġa liż-żgħażagħ biex jaċċessaw u jżommu impjieg adegwat;

41.

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, f'kollaborazzjoni mal-Parlament u b'rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, jipproponu qafas legali komuni biex tiġi żgurata remunerazzjoni ġusta għat-traineeships u l-apprendistati sabiex jiġu evitati prattiki ta' sfruttament; jappella lill-Kummissjoni tiżviluppa rakkomandazzjoni biex tiżgura li t-traineeships, l-apprendistati u l-kollokamenti f'impjieg jgħoddu bħala esperjenza tax-xogħol u konsegwentement jagħtu aċċess għall-benefiċċji soċjali;

o

o o

42.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.

(2)  ĠU L 188, 12.7.2019, p. 79.

(3)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 70.

(4)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(5)  ĠU L 299, 18.11.2003, p. 9.

(6)  ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.

(7)  ĠU L 393, 30.12.1989, p. 1.

(8)  ĠU L 156, 21.6.1990, p. 14.

(9)  ĠU C 316, 6.8.2021, p. 2.

(10)  ĠU C 371, 15.9.2021, p. 102.

(11)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 161.

(12)  Testi adottati, P9_TA(2022)0045.

(13)  ĠU C 117, 11.3.2022, p. 53.

(14)  ĠU C 400, 26.11.2019, p. 9.

(15)  ĠU C 44, 15.2.2013, p. 36.

(16)  Skeda informattiva tad-WHO, Mental Health: strengthening our response (Is-saħħa mentali: insaħħu r-rispons tagħna), 17 ta' Ġunju 2022.

(17)  Il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard għall-Istatistika dwar il-Mortalità u l-Morbożità, “Problems associated with employment or unemployment” (Problemi assoċjati mal-impjieg jew mal-qgħad).

(18)  Lista ta' disturbi mentali skont l-iskeda informattiva tad-WHO dwar id-disturbi mentali, 8 ta' Ġunju 2022.

(19)  Qabel il-pandemija kien stmat li 25 % taċ-ċittadini tal-UE kienu se jesperjenzaw problema ta' saħħa mentali tul ħajjithom. Sors: In-Network Ewropew għall-Promozzjoni tas-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol, A guide for employers to promote mental health in the workplace (Gwida għal min iħaddem biex jippromwovi s-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol), Marzu 2011.

(20)  Eurofound, Sixth European Working Conditions Survey (Is-Sitt Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol), 2017.

(21)  L-opinjoni tal-Grupp ta' Esperti tal-Kummissjoni dwar Modi Effettivi ta' Investiment fis-Saħħa, Supporting the mental health of the health workforce and other essential workers (L-appoġġ tas-saħħa mentali tal-ħaddiema tas-saħħa u ħaddiema essenzjali oħrajn), 23 ta' Ġunju 2021.

(22)  Sommarju tal-EU-OSHA dwar id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE, aġġornat l-aħħar fit-3 ta' Mejju 2021.

(23)  ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.

(24)  Proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Marzu 2022 dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (COM(2022)0105).

(25)  Il-Kummissjoni Ewropea, Tabella ta' valutazzjoni dwar in-Nisa fid-Dinja Diġitali 2020.

(26)  EU-OSHA, Telework and health risks in the context of the COVID-19 pandemic: evidence from the field and policy implications (It-telexogħol u r-riskji għas-saħħa fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19: evidenza fuq il-post u implikazzjonijiet tal-politika), 22 ta' Ottubru 2021.

(27)  ĠU L 238, 25.9.2003, p. 28.

(28)  OECD, Supporting young people's mental health through the COVID-19 crisis(Appoġġ għas-saħħa mentali taż-żgħażagħ tul il-kriżi tal-COVID-19), 12 ta' Mejju 2021, u Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, Beyond Lockdown: the 'pandemic scar' on young people (Lil hinn mil-lockdown: il-“ferita tal-pandemija” fuq iż-żgħażagħ), 17 ta' Ġunju 2021.