|
7.2.2023 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 47/23 |
P9_TA(2022)0277
Kooperazzjoni futura UE-Indja fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2022 dwar il-kooperazzjoni futura UE-Indja fil-qasam tal-kummerċ u l-investiment (2021/2177(INI))
(2023/C 47/03)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta adottata fil-laqgħa tal-mexxejja tal-UE u tal-Indja li saret fit-8 ta' Mejju 2021 f'Porto, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta u l-pjan direzzjonali għall-2025 għal sħubija strateġika bejn l-UE u l-Indja adottati fil-15-il Summit bejn l-UE u l-Indja tal-15 ta' Lulju 2020, kif ukoll id-dikjarazzjonijiet konġunti l-oħra adottati fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, tal-klima u l-enerġija, tal-urbanizzazzjoni, tal-migrazzjoni u l-mobilità u tas-sħubija għall-ilma, |
|
— |
wara li kkunsidra l-ewwel Djalogi ta' Livell Għoli dwar il-Kummerċ u l-Investiment li saru fi Frar u f'April 2021 bejn il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni u l-Ministru Indjan għall-Kummerċ u l-Industrija, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-20 ta' Novembru 2018 intitolata “Elementi għal strateġija tal-UE dwar l-Indja” (JOIN(2018)0028) u l-konklużjonijiet korrispondenti tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2018, |
|
— |
wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' April 2007 dwar mandat għal negozjati fir-rigward tan-negozjati kummerċjali u dwar l-investimenti mal-Indja u tal-14 ta' Lulju 2011 dwar mandat fir-rigward tan-negozjati dwar l-investimenti mal-Indja: direttivi ta' negozjati għan-negozjati kummerċjali u dwar l-investimenti, |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-16 ta' Settembru 2021 intitolata “L-Istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku” (JOIN(2021)0024), |
|
— |
wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2021 intitolata “Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva” (COM(2021)0066), |
|
— |
wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (1), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Indja (2) u tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-konnettività u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja (3), |
|
— |
wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-relazzjonijiet UE-Indja (4), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2020 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (5), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2021 dwar l-aspetti u l-implikazzjonijiet kummerċjali tal-COVID-19 (6), |
|
— |
wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta tad-29 ta’ Jannar 2020 dwar l-Att tal-2019 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-Indja, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċeduri tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0193/2022), |
|
A. |
billi f'Mejju 2021 l-UE u l-Indja kkonvokaw laqgħa tal-mexxejja b'segwitu għall-impenn tagħhom li jiltaqgħu regolarment fl-ogħla livell u jsaħħu s-sħubija strateġika tagħhom bil-ħsieb li tiżdied il-kooperazzjoni ekonomika u politika; |
|
B. |
billi l-UE u l-Indja, bħala l-akbar żewġ demokraziji fid-dinja, jikkondividu rabtiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali b'saħħithom; billi, madankollu, ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali għadhom ma laħqux il-potenzjal sħiħ tagħhom; |
|
C. |
billi l-mexxejja tal-UE u tal-Indja affermaw id-determinazzjoni tagħhom li jippreservaw u jippromwovu multilateraliżmu effikaċi u ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli ċċentrat fuq in-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO); |
|
D. |
billi l-Indja asteniet ruħha matul il-11-il sessjoni speċjali ta' emerġenza tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għar-riżoluzzjoni tal-24 ta' Marzu 2022 dwar il-konsegwenzi umanitarji tal-aggressjoni kontra l-Ukrajna, filwaqt li 140 pajjiż ivvutaw favur; |
|
E. |
billi l-UE hija t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali u investitur barrani prinċipali tal-Indja, filwaqt li l-Indja hija d-disa' l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE u rrappreżentat biss inqas minn 2,1 % tal-kummerċ totali tagħha ta' prodotti fl-2021; billi hemm potenzjal mhux sfruttat għal kooperazzjoni ekonomika aktar b'saħħitha, aktar profonda u reċiprokament vantaġġuża, dment li l-istandards Ewropej ikunu protetti, fatt li jista' jwassal biex jinħolqu impjiegi ġodda u jiżdiedu l-opportunitajiet għaż-żewġ sħab; |
|
F. |
billi ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles bejn l-ASEAN u l-Indja (AIFTA), inklużi l-Ftehim dwar il-Kummerċ fil-Prodotti, il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi u l-Ftehim ta' Investiment, ilha teżisti mill-2003; |
|
G. |
billi l-qafas strateġiku tal-UE fil-konfront tal-Indja, strutturat fis-Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-Indja, fl-Istrateġija Globali tagħha, fl-Istrateġija tagħha dwar l-Indja, fl-Istrateġija tagħha għall-Konnettività UE-Asja, fis-Sħubija ta' Konnettività UE-Indja, fid-Djalogu Indja-UE fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u fl-Istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku enfasizza l-importanza vitali tal-kooperazzjoni mal-Indja fl-aġenda globali tal-UE; billi fil-25 ta' April 2022 l-UE u l-Indja qablu li jistabbilixxu Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija; |
|
H. |
billi l-Indja għadha tħabbat wiċċha ma' sfidi importanti fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ambjent, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mas-sitwazzjoni tal-minoranzi u mal-libertajiet fundamentali; billi l-Parlament esprima t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-Att tal-2019 li jemenda l-Att dwar iċ-Ċittadinanza tal-Indja, li jeskludi lill-Musulmani mill-protezzjoni taċ-ċittadinanza; |
|
I. |
billi l-Indja għadha ma rratifikatx il-konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), b'mod speċifiku dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni (nru 87) u dwar id-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv (nru 98); billi l-forza tax-xogħol tal-ekonomija informali tal-Indja għadha tirrappreżenta aktar minn 90 % tat-totalità tal-forza tax-xogħol; billi dan iħalli lil miljuni ta' nies mingħajr assigurazzjoni soċjali u jgħixu ħajja fl-inċertezza (7); |
|
1. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jkomplu jagħmlu kull sforz biex itejbu u japprofondixxu r-relazzjoni mal-Indja, sieħeb strateġiku tal-UE; itenni l-ħtieġa ta' sħubija aktar profonda bbażata fuq il-valuri kondiviżi tal-libertà, tad-demokrazija, tal-pluraliżmu, tal-istat tad-dritt, tal-governanza tajba, tal-ugwaljanza, tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-drittijiet tal-ħaddiema, tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, tal-impenn għall-promozzjoni ta' ordni globali inklużiv, koerenti u bbażat fuq ir-regoli, tal-multilateraliżmu effikaċi u tal-iżvilupp sostenibbli, għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għall-promozzjoni tal-paċi u tal-istabbiltà fid-dinja; |
|
2. |
Jilqa' pożittivament il-ftehim bejn l-UE u l-Indja dwar it-tnedija ta' Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija, li se jsaħħaħ is-sħubija strateġika tagħna u jimpenja ruħu li jsostni l-implimentazzjoni tiegħu; iqis li dan il-mekkaniżmu l-ġdid jikkostitwixxi forum sinifikattiv biex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda fil-qasam tal-kummerċ, tat-teknoloġija u tas-sigurtà, u jisħaq fuq l-importanza li jiġi promoss il-kummerċ fl-ambitu tat-teknoloġija, b'attenzjoni partikolari tingħata lit-teknoloġiji li jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima; |
|
3. |
Ifakkar li l-kummerċ bejn l-UE u l-Indja żdied b'aktar minn 70 % bejn l-2009 u l-2019 u li ż-żewġ partijiet jaqsmu bejniethom interess komuni fit-trawwim ta' rabtiet ekonomiċi aktar mill-qrib u aktar profondi; jirrikonoxxi li l-Indja hija sieħeb importanti għall-UE biex tiddiversifika l-ktajjen tal-provvista tagħha; jirrikonoxxi wkoll li hemm temi sensittivi għaż-żewġ naħat, iżda jemmen li jistgħu jiġu indirizzati b'tali mod li tinħoloq sitwazzjoni reċiprokament vantaġġuża għaż-żewġ sħab; |
|
4. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istrateġija “mill-għalqa sal-platt” tinkludi l-obbligu li jonqos b'50 % l-użu ta' pestiċidi sal-2030 u jiżdied għal 25 % l-proporzjon ta' raba' ddestinat għall-biedja organika; |
|
5. |
Jistenna li jingħata segwitu malajr lil-laqgħa tal-mexxejja tal-UE u tal-Indja ta' Mejju 2021 biex tiġi indirizzata b'mod miftuħ u fl-ogħla livell il-kooperazzjoni fil-qasam tal-kummerċ u tal-investimenti bbażata fuq il-valuri; jilqa' b'sodisfazzjon id-disponibbiltà taż-żewġ sħab li jaħdmu għall-konklużjoni ta' ftehim kummerċjali ambizzjuż, ibbażat fuq il-valuri, ibbilanċjat, komprensiv u reċiprokament vantaġġuż, kif ukoll ta' ftehim awtonomu dwar il-protezzjoni tal-investimenti u ta' ftehim dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi; |
|
6. |
Jisħaq fuq l-importanza ekonomika u strateġika ta' dan il-ftehim, li se jkun ta' suċċess biss jekk jirnexxilu jallinja progressivament l-UE u l-Indja lejn aġenda u valuri kondiviżi fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, bil-għan li jinġiebu l-prosperità, it-tkabbir u l-impjiegi kondiviżi, tiġi stimolata l-kompetittività, jiġi miġġieled il-faqar, isir progress biex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), jiġu promossi l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, jiġu sostnuti d-drittijiet tal-ħaddiema u l-libertajiet fundamentali u jiġu promossi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa, u jekk iqis b'mod espliċitu l-eżitu tal-proċess ta' rieżami li għaddej dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; |
|
7. |
Josserva li l-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Indja fis-settur agroalimentari; ifakkar li s-settur agrikolu huwa parti sinifikanti mill-ekonomija Indjana, u jammonta għal 41 % tal-impjiegi Indjani; jissottolinja s-sensittività, iżda wkoll il-potenzjal, ta' ċerti setturi agrikoli kemm fl-UE kif ukoll fl-Indja; jenfasizza li aċċess akbar għas-suq għall-prodotti agrikoli ma għandux jissarraf f'vantaġġ kompetittiv inġust għall-ebda waħda mill-partijiet; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi żgurat li l-importazzjonijiet agroalimentari mill-Indja jirrispettaw l-istandards tal-UE fil-qasam tas-saħħa u s-sikurezza; iqis li l-UE għandha ssostni l-Indja biex tgħin lill-bdiewa tagħha jnaqqsu l-użu ta' pestiċidi; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE u l-Indja jikkooperaw mill-qrib biex jindirizzaw ir-riperkussjonijiet fuq is-sikurezza tal-ikel tal-gwerra Russa fl-Ukrajna li għaddejja bħalissa; |
|
8. |
Jindika li wieħed mill-objettivi tal-ftehimiet futuri dwar il-kummerċ u l-investimenti bejn l-UE u l-Indja huwa li tissaħħaħ ir-relazzjoni ekonomika, kummerċali u ta' investiment bejn l-UE u l-Indja, fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti fuq livell internazzjonali u tal-istandards u tal-ftehimiet fil-qasam tal-ambjent u tax-xogħol, li jinħoloq kuntest regolatorju u ta' negozju sod, trasparenti, miftuħ, mhux diskriminatorju u prevedibbli għall-kumpaniji taż-żewġ naħat u jiġi żblokkat il-potenzjal mhux sfruttat tal-kooperazzjoni ekonomika reċiproka bejn l-UE u l-Indja; |
|
9. |
Itenni l-kundanna tiegħu bl-aktar mod qawwi possibbli tal-gwerra ta' aggressjoni illegali, mhux provokata u inġustifikata kontra l-Ukrajna min-naħa tal-Federazzjoni Russa; jirrikonoxxi l-pożizzjoni newtrali tal-Indja sa mill-indipendenza tagħha; jindika li l-UE u l-Indja disposti jikkollaboraw għal dinja prospera u paċifika, jiddeplora madankollu t-titubanza tal-Indija biex tikkundanna l-aggressjoni militari tal-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna; jisħaq fuq l-importanza li d-demokraziji jikkollaboraw u jallinjaw ruħhom fuq l-aspetti ċentrali, b'mod speċjali fuq il-valuri fundamentali u skambji kummerċjali miftuħa, ibbażati fuq ir-regoli u sostenibbli; |
|
10. |
Iqis li l-mandat għal negozjati eżistenti relatat ma' ftehim kummerċjali, ma' ftehim separat dwar il-protezzjoni tal-investimenti u ma' ftehim dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi huwa komprensiv u wiesa' biżżejjed biex jissuktaw in-negozjati, u għandu jkun interpretat f'konformità mal-istandards moderni; huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-ftehim kummerċjali komprensiv futur ikun fih standards ambjentali u fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem bħala elementi fundamentali u jkun fih, bħala partijiet integrali, kapitolu ddedikat għall-SMEs, kapitolu ddedikat għall-kummerċ diġitali, kapitolu ddedikat għall-materja prima biex jiżdied l-aċċess għas-suq u kapitolu ddedikat għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli ambizzjuż u eżegwibbli, allinjat mal-Ftehim ta' Pariġi; jemmen, barra minn hekk, li l-ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar sistemi alimentari sostenibbli u dwar il-ġeneri; |
|
11. |
Jistieden lill-Gvern Indjan jippreżenta pjan direzzjonali għar-ratifika taż-żewġ konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO li fadal, nru 87 u nru 98, u jemmen li l-prinċipji tagħhom għandhom ikunu implimentati b'mod dovut, korrett u puntwali; jissottolinja li, fid-dawl tan-natura informali tas-suq tax-xogħol Indjan, huma bosta l-isfidi relatati mal-implimentazzjoni u mal-infurzar tal-istandards internazzjonali tax-xogħol; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżgura li l-prinċipji fundamentali tal-ILO jiġu applikati fil-ftehim kummerċjali futur; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ftehim kummerċjali futur bejn l-UE u l-Indja jkun konformi mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, mal-istrateġija “mill-għalqa sal-platt”u mal-COP26; |
|
12. |
Jaqbel mal-mexxejja tal-UE u tal-Indja li, bil-għan li jinżamm l-impetu meħtieġ biex jissuktaw in-negozjati, huwa assolutament neċessarju li jinstabu soluzzjonijiet għal problemi ta' aċċess għas-suq li ilhom jeżistu; jinkoraġġixxi lin-negozjaturi, għaldaqstant, isibu malajr soluzzjonijiet għall-problemi ta' aċċess għas-suq li ilhom jeżistu kemm fil-livell ta' governanza kif ukoll tas-setturi (pereżempju l-karozzi, il-parts tal-karozzi, l-agrikoltura, l-apparat mediku, il-prodotti farmaċewtiċi, l-irritanti sanitarji u fitosanitarji, l-akkwist pubbliku, l-ostakli nontariffarji bħall-ordnijiet għall-kontroll tal-kwalità, iċ-ċertifikazzjoni, ir-rispett tal-istandards internazzjonali u r-rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni) mingħajr ma jiġi kompromess il-kontenut favur konklużjoni rapida; |
|
13. |
Jinkoraġġixxi lin-negozjaturi jagħmlu progress tajjeb biex jiksbu ftehim ta' kummerċ ħieles komprensiv reċiprokament vantaġġuż, tal-livell l-aktar avvanzat, kompatibbli mad-WTO u bbażat fuq ir-regoli, li jagħti prijorità lill-oqsma li jiffavorixxu t-tkabbir sostenibbli u jindirizza l-inugwaljanzi u t-tranżizzjonijiet ġusti fl-ambitu diġitali u ekoloġiku, b'dan il-mod li ġej:
|
|
14. |
Ifakkar li l-SMEs huma s-sinsla tal-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Indja u jirrappreżentaw 45 % tal-produzzjoni industrijali totali tal-pajjiż; jemmen li l-Indja u l-UE għandhom ikomplu jaħdmu biex jiżguraw kuntest ta' negozju favorevoli u stabbli għall-SMEs, billi jaġevolawlhom l-aċċess għas-swieq internazzjonali u jħalluhom jisfruttaw bis-sħiħ l-opportunitajiet kummerċjali; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-ħolqien tall-Helpdesk PI tal-SMEs tal-Indja, li jagħti lill-SMEs assistenza tal-ewwel linja dwar kif jipproteġu u jinfurzaw id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta din l-inizjattiva biex toħloq pjattaformi diġitali ulterjuri li jkunu jgħinu biex jonqsu l-kostijiet u l-piżijiet amministrattivi, filwaqt li tiżdied il-parteċipazzjoni tal-SMES fil-kummerċ internazzjonali; |
|
15. |
Jitlob liż-żewġ partijiet iqisu l-possibbiltà li jfornu flussi tad-data interoperabbli bejn il-ġuriżdizzjonijiet tal-Indja u tal-UE fir-rispett totali tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (8) fuq il-bażi ta' valutazzjoni; jistieden lill-Indja tallinja l-liġi l-ġdida tagħha dwar il-protezzjoni tad-data mal-istandards l-aktar rigorużi rikonoxxuti f'livell internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data u tar-regoli dwar il-privatezza; jistieden lill-Indja tingħaqad fl-inizjattiva tal-UE dwar l-istandards internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data; |
|
16. |
Jistieden lit-tim ta' negozjaturi tal-UE, kif ukoll lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE, jagħmlu l-aħjar użu mill-impenn min-naħa tal-Indja favur il-multilateraliżmu u ordni kummerċjali internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u jistieden lill-Indja tiżvolġi rwol aktar kostruttiv biex tiggarantixxi riżultati sinifikattivi fil-qafas tat-12-il u tat-13-il Konferenza Ministerjali tad-WTO; ifaħħar il-proposta għal riforma kosponsorizzata mill-UE u mill-Indja tal-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim tad-WTO u jistieden lill-Indja tingħaqad fl-arranġament proviżorju ta' arbitraġġ tal-appell bejn bosta partijiet; ifaħħar l-impenn min-naħa tal-mexxejja tal-UE u tal-Indja biex isaħħu l-koordinament fil-governanza ekonomika dinjija, partikolarment fid-WTO u fil-G20; jistenna li jinżamm informat bir-riżultati tad-Djalogu bejn Uffiċjali Għolja bejn l-UE u l-Indja, li l-għan tiegħu huwa li japprofondixxi l-kooperazzjoni bilaterali dwar il-kwistjonijiet marbuta mad-WTO taħt l-awspiċji tad-Djalogi ta' Livell Għoli dwar il-Kummerċ u l-Investiment; |
|
17. |
Jiddispjaċih li baqgħu l-inċertezzi għall-investituri tal-UE, speċjalment bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-Indja tal-2016 li ttemm b'mod unilaterali t-trattati ta' investiment bilaterali kollha taghħa; |
|
18. |
Jieħu nota tad-disponibbiltà taż-żewġ naħat li jinnegozjaw ftehim awtonomu dwar il-protezzjoni tal-investimenti, li jżid iċ-ċertezza tad-dritt għall-investituri fuq iż-żewġ naħat u jsaħħaħ aktar ir-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali, billi jattira aktar investimenti tal-UE fl-Indja, u jiddefendi l-possibbiltà għall-partijiet li jeżawrixxu r-rimedji nazzjonali; jirrakkomanda li ssir ħidma biex jinkisbu objettivi komuni u reċiprokament vantaġġużi f'dawn is-setturi ħalli jitrawmu t-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni sostenibbli; jenfasizza li tali ftehim jenħtieġ li, fost oħrajn, jipprevedi miżuri ta' ħarsien kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini, l-esproprjazzjoni illeċita, iċ-ċaħda ta' ġustizzja, il-ksur fundamentali tal-proċess ġust, l-arbitrarjetà manifesta, id-diskriminazzjoni mmirata għal raġunijiet manifestament illeċiti u t-trattament abbużiv; jipproponi li ssir valutazzjoni tal-impatt komprensiva qabel it-tmiem tan-negozjati; jilqa' pożittivament l-investimenti Indjani fl-Ewropa billi huma fattur ta' dinamiżmu ekonomiku, aktar kompetittività u diversifikazzjoni tal-produzzjoni; |
|
19. |
Jerġa' jafferma li ftehim ta' protezzjoni tal-investimenti jista' jirrappreżenta tarġa adegwata biex ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali bilaterali; jinkoraġġixxi lin-negozjaturi jaqblu dwar l-istabbiliment ta' qorti mutlilaterali għall-investimenti u sistema ta' qorti tal-investiment speċifika bejn l-UE u l-Indja li tkun soluzzjoni temporanja bil-għan li titwaqqaf qorti multilaterali għall-investimenti, li fiha kemm l-UE kif ukoll l-Indja għandhom jaderixxu; |
|
20. |
Jilqa' pożittivament l-impenn min-naħa tal-mexxejja li jikkonkludu ftehim separat dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi, sew fil-forma ta' ftehim awtonomu sew jekk integrat fi ħdan ftehim kummerċjali komprensiv; iqis li tali ftehim huwa prijorità għas-setturi agrikolu u agroalimentari tal-UE bil-għan li jipproteġi l-IĠ tal-UE, jistieden lill-Kummissjoni taħdem biex toħloq lista komprensiva ta' IĠ tal-UE; |
|
21. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt għall-ikel bħala prijorità u prinċipju ċentrali tas-sistemi tal-ikel u bħala għodda fundamentali għat-trasformazzjoni tas-sistemi tal-ikel; jappella biex l-UE timplimenta d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bdiewa u Persuni Oħra li Jaħdmu f'Żoni Rurali u tiżgura li dawk l-aktar emarġinati jkollhom aċċess għal ikel nutrijenti; |
|
22. |
Jinnota li filwaqt li l-ordinament ġuridiku tal-Indja jippermetti l-kultivazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) għall-fini tal-ipproċessar tagħhom f'ikel u għalf, ir-reġim tal-OĠM tal-pajjiż huwa simili għal dak tal-UE f'termini ta' rigorożità u dixxiplina; |
|
23. |
Jinnota l-importanza li jsir progress deċiżiv fil-projbizzjoni tal-antibijotiċi u l-mediċini veterinarji kollha li ma jikkonformawx mal-istandards tal-ikel tal-Codex Alimentarius; |
|
24. |
Jisħaq li l-UE għandha tiżgura li, skont il-ftehim ta' kooperazzjoni mal-Indja, jittejjeb il-livell ta' kooperazzjoni reċiproka u li ż-żewġ partijiet jirrispettaw l-istandards ekonomiċi, soċjali, ambjentali, tas-saħħa, tas-sikurezza u tal-kwalità kollha tal-UE; |
|
25. |
Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel studju tal-impatt ekonomiku possibbli ta' dan il-ftehim, filwaqt li żżomm f'moħħha li l-agrikoltura u t-trobbija tal-bhejjem fl-Indja mhumiex soġġetti għar-regolamenti tal-UE li jżidu l-kostijiet tal-produzzjoni fl-Ewropa, li jistgħu jwasslu għal kompetizzjoni inġusta, kif diġà kien il-każ bi ftehimiet oħra ma' pajjiżi mhux tal-UE; |
|
26. |
Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-test tal-ftehim, kif sar konsistentement fi ftehimiet preċedenti tal-UE dwar il-kummerċ ħieles, jipprevedi protezzjoni tas-suq uniku komuni tal-UE billi jipprevjeni:
|
|
27. |
Ifakkar li, fl-14 ta' Diċembru 2021, l-Indja ġiet ikkundannata quddiem id-WTO minħabba s-sussidji enormi mogħtija lill-attivitajiet tagħha ta' produzzjoni u esportazzjoni ta' zokkor; jappella għalhekk għas-sospensjoni tal-kwota CXL tal-10 000 tunnellata metrika għaz-zokkor Indjan, peress li mhux qed jiġi previst rieżami tas-sussidji li jiksru r-regoli tad-WTO; jitlob li n-negozjati kummerċjali li jmiss bejn l-UE u l-Indja jiżguraw li jitneħħew is-sussidji għaz-zokkor li huma inkompatibbli mad-WTO; |
|
28. |
Jilqa' favorevolment il-ħolqien ta' żewġ gruppi ta' ħidma konġunti maħsuba biex jintensifikaw il-kooperazzjoni regolatorja f'dawk li huma prodotti u servizzi, anki fit-teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali u fil-ktajjen tal-provvista reżiljenti f'konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta' partijiet ikkonċernati differenti fuq livell pariġġ; jenfasizza r-rwol kruċjali tad-Djalogi ta' Livell Għoli dwar il-Kummerċ u l-Investiment biex jiżguraw livell kumplessivament tajjeb ta' progress, anki f'dawk li huma problemi ta' aċċess għas-suq li ilhom jeżistu; jistenna li jinżamm informat bir-riżultati ta' dawn iż-żewġ djalogi; |
|
29. |
Jistieden lin-negozjaturi jaqblu, bħala kwistjoni prijoritarja, dwar il-ħolqien ta' pjattaforma ta' konsultazzjoni bilaterali ex ante u ex post bejn l-UE u l-Indja maħsuba biex tiffaċilita d-diskussjonijiet u l-konsultazzjonijiet qabel kwalunkwe miżura ġdida jew sussidju ġdid li jistgħu jolqtu negattivament il-kummerċ jew l-investiment; jemmen li tali pjattaforma jmissha taġevola djalogu mar-rappreżentanti ta' firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati, inklużi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; huwa tal-fehma li l-assoċjazzjonijiet tan-negozju u tal-industrija għandhom ikunu jistgħu jressqu kwalunkwe ostaklu ġdid għall-kummerċ jew għall-investimenti għall-attenzjoni tas-segretarjat ta' din il-pjattaforma; jemmen li l-pjattaforma, maż-żmien, għandha ssir parti integrali tal-qafas ta' governanza tal-ftehim kummerċjali futur; |
|
30. |
Iqis li l-governanza ta' ftehim potenzjali ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Indja għandha tinvolvi kumitat konġunt li jipprevedi monitoraġġ konġunt, djalogu strutturat u superviżjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew u taż-żewġt ikmamar tal-Parlament tal-Indja; jenfasizza li l-involviment tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim huwa kruċjali u jitlob l-istabbiliment rapidu ta' gruppi konsultattivi domestiċi wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim u rappreżentanza bbilanċjata tal-organizzazzjonijiet tan-negozju, tat-trade unions u tas-soċjetà ċivili, inklużi organizzazzjonijiet indipendenti tas-setturi tax-xogħol u tal-ambjent; |
|
31. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Indja. |
(1) ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.
(2) ĠU C 337, 20.9.2018, p. 48.
(3) ĠU C 456, 10.11.2021, p. 117.
(4) ĠU C 506, 15.12.2021, p. 109.
(7) https://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_emp/---ifp_skills/documents/publication/wcms_734503.pdf
(8) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).