7.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 47/15


P9_TA(2022)0276

L-istrateġija Indo-Paċifika fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2022 dwar l-istrateġija Indo-Paċifika fil-qasam tal-kummerċ u tal-investiment (2021/2200(INI))

(2023/C 47/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tas-16 ta' Settembru 2021 tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-Istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku (JOIN(2021)0024),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' April 2021 dwar Strateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku,

wara li kkunsidra l-istrateġija Indo-Paċifika tan-Netherlands tat-13 ta' Novembru 2020 bit-titolu “L-Indo-Paċifiku: Linji gwida għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni tan-Netherlands u tal-UE mas-sħab fl-Asja”,

wara li kkunsidra l-linji gwida ta' politika dwar ir-reġjun Indo-Paċifiku tal-Gvern Federali Ġermaniż ta' Settembru 2020,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-1 ta' Diċembru 2021 tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà bit-titolu “The Global Gateway” (JOIN(2021)0030),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2021 intitolata “Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva” (COM(2021)0066),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-12 ta' Marzu 2019 bit-titolu “UE-Ċina: Perspettiva strateġika” (JOIN(2019)0005),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tad-19 ta' Settembru 2018 tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà bit-titolu “Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja – Elementi Fundamentali għal Strateġija tal-UE” (JOIN(2018)0031),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021)0118),

wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mogħti mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen tal-15 ta' Settembru 2021,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta tat-3 ta' Diċembru 2021 mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u d-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti dwar il-konsultazzjonijiet ta' livell għoli dwar l-Indo-Paċifiku,

wara li kkunsidra l-11-il laqgħa tas-Sħubija Parlamentari bejn l-Asja u l-Ewropa, ospitata mill-Kambodja fis-16 ta' Novembru 2021,

wara li kkunsidra l-politika tal-UE ta' Ċina Waħda kif deskritta fil-prospettiva strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina tat-12 ta' Marzu 2019,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Investiment Komprensiv konkluż fil-prinċipju mill-UE u ċ-Ċina fit-30 ta' Diċembru 2020,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-21 ta' Ottubru 2021 lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-relazzjonijiet politiċi u l-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Tajwan (1),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2021 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar ir-relazzjonijiet UE-Indja (2),

wara li kkunsidra d-dokument informali tas-servizzi tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2018 dwar ir-rispons u t-triq 'il quddiem dwar it-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE u l-pjan ta' azzjoni tagħha ta' 15-il punt dwar il-kapitoli tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tas-16 ta' Settembru 2010 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (3),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (4) u l-Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment tad-19 ta' Ottubru 2018 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tas-Singapore, min-naħa l-oħra,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (5) u l-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti tat-30 ta' Ġunju 2019 bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun (6),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa waħda, u l-membri tal-Organizzazzjoni tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra,

wara li kkunsidra n-negozjati dwar Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Awstralja, New Zealand u l-Indoneżja, li għaddejjin bħalissa, u n-negozjati dwar il-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Malażja, it-Tajlandja u l-Filippini, li bħalissa jinsabu sospiżi,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar ir-relazzjonijiet politiċi tal-UE mal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN) (7),

wara li kkunsidra d-deċiżjoni li ttieħdet fil-laqgħa ministerjali tal-ASEAN tal-21 ta' Jannar 2019 biex tiġi stabbilita Sħubija Strateġika bejn l-UE u l-ASEAN,

wara li kkunsidra d-29 laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni bejn l-UE u l-ASEAN li saret fil-11 ta' Frar 2022,

wara li kkunsidra d-Djalogu Interreġjonali inawgurali tal-Parlament Ewropew u tal-Assemblea Interparlamentari tal-ASEAN (AIPA) li sar fit-22 ta' Ġunju 2021,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima tat-12 ta' Diċembru 2015 u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2021 dwar l-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Ftehimiet Kummerċjali tal-UE (COM(2021)0654),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2020 dwar ir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali tal-UE (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar il-kontrosanzjonijiet Ċiniżi fuq entitajiet tal-UE, Membri tal-Parlament Ewropew u Deputati nazzjonali (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar Strateġija UE-Ċina ġdida (10),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-konnettività u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Asja (11),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 bit-titolu “Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna” (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Implimentazzjoni tal-politika kummerċjali komuni – rapport annwali 2018” (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea (14),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0170/2022),

A.

billi r-reġjun Indo-Paċifiku sar realtà ġeopolitika u ġeoekonomika; billi l-piż ekonomiku, demografiku u politiku dejjem jikber tar-reġjun jagħmluh attur ewlieni fit-tiswir tal-ordni internazzjonali u fl-indirizzar tal-isfidi globali; billi ċ-ċentru ta' gravità tal-ekonomija globali nbidel mill-Atlantiku għall-Paċifiku;

B.

billi l-Ewropa u l-Indo-Paċifiku flimkien jirrappreżentaw aktar minn 70 % tal-kummerċ globali f'oġġetti u servizzi u aktar minn 60 % tal-investiment dirett barrani (IDB) bil-kummerċ annwali tagħhom jilħaq EUR 1,5 triljun fl-2019; billi r-reġjun Indo-Paċifiku jipproduċi 60 % tal-prodott domestiku gross (PDG) globali u jikkontribwixxi għal żewġ terzi tat-tkabbir ekonomiku globali; billi l-UE hija l-akbar investitur fir-reġjun, li jinkludi erbgħa mill-aqwa 10 sħab kummerċjali globali tal-UE (iċ-Ċina, il-Ġappun, il-Korea t'Isfel u l-Indja) (15);

C.

billi l-UE bħalissa għandha erba' ftehimiet kummerċjali bilaterali fis-seħħ fir-reġjun (mal-Ġappun, Singapore, il-Korea t'Isfel u l-Vjetnam) u ħames sħubijiet strateġiċi (mal-ASEAN, iċ-Ċina, l-Indja, il-Ġappun u l-Korea t'Isfel) u żewġ sħubijiet fil-qasam tal-konnettività (mal-Ġappun u mal-Indja);

D.

billi l-Unjoni Ewropea u l-ASEAN fetħu kapitolu ġdid fir-relazzjonijiet fit-tul tagħhom billi daħlu fi Sħubija Strateġika f'Diċembru 2020;

E.

billi r-relazzjonijiet interparlamentari msaħħa u d-diplomazija parlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti tax-Xlokk tal-Asja – permezz tal-Assemblea Interparlamentari tal-ASEAN (AIPA) – għandhom jirriflettu l-aġenda futura ta' relazzjonijiet usa' u aktar profondi bejn l-UE u l-ASEAN; billi l-Parlament Ewropew u l-AIPA huma sħab naturali b'potenzjal sinifikanti li jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN;

F.

billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ASEAN huma bbażati fuq il-valuri u l-prinċipji kondiviżi ta' ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, multilateraliżmu effettiv u sostenibbli, u kummerċ ħieles u ġust; billi l-entitajiet ibbażati fl-UE huma l-akbar fornituri ta' investiment dirett barrani għar-reġjun tal-ASEAN; billi l-UE hija t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tal-ASEAN, u l-ASEAN kollha kemm hi tirrappreżenta t-tielet l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE barra mill-Ewropa; billi n-negozjati dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-ASEAN ġew sospiżi bi ftehim reċiproku mill-2009;

G.

billi l-isforzi tal-Korea fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli huma inqas minn ottimali; billi huwa meħtieġ titjib aktar konkret;

H.

billi diversi pajjiżi Indo-Paċifiċi jibbenefikaw minn preferenzi tariffarji tal-UE skont l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), li tiffaċilita l-aċċess għas-swieq tal-UE, u billi l-pajjiżi l-anqas żviluppati fir-reġjun jibbenefikaw mill-arranġament ta' Kollox Minbarra Armi (KMA) mingħajr dazju u mingħajr kwoti; billi l-Pakistan, il-Filippini u s-Sri Lanka huma benefiċjarji tal-arranġament speċjali ta' inċentivi għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba (SĠP+); billi dawn l-istrumenti kkontribwew għall-iżvilupp ekonomiku ta' dawn il-pajjiżi, ir-rispett tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, il-protezzjoni tal-ambjent u t-titjib fil-governanza tajba;

I.

billi l-kompetizzjoni ġeopolitika fl-ordni globali bejn atturi ewlenin qed tkompli tiżdied, partikolarment bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, b'effetti sinifikanti fuq il-kummerċ globali; billi avvenimenti reċenti laqtu ktajjen ta' provvista sostenibbli globalment u l-akkwist ta' materja prima kritika, u dan eskala ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel; billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina huma ta' natura multidimensjonali fejn iċ-Ċina hija sieħeb għal kooperazzjoni, iżda hija wkoll kompetitur ekonomiku u rivali sistemiku f'għadd dejjem akbar ta' oqsma;

J.

billi l-Ftehim Komprensiv u Progressiv għas-Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP) huwa ftehim kummerċjali miftuħ, li jħares 'il quddiem li għandu l-għan li jiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti u ambjent kummerċjali bbażat fuq ir-regoli fl-Indo-Paċifiku u jipprovdi mudell ta' integrazzjoni kummerċjali reġjonali; billi l-Istati Uniti rtiraw mill-ftehim f'Jannar 2017 filwaqt li ċ-Ċina, it-Tajwan u r-Renju Unit ressqu formalment talba ta' adeżjoni miegħu fl-2021;

K.

billi s-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali – immexxija mill-ASEAN u ffirmata wkoll mill-Awstralja, iċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea u New Zealand – daħlet fis-seħħ f'Jannar 2022, u b'hekk ħolqot l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja; billi s-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali għandha tippromwovi kooperazzjoni reġjonali akbar fil-kummerċ u l-investiment u fil-kummerċ diġitali filwaqt li tindirizza kwistjonijiet regolatorji biex tiffaċilita l-movimenti transfruntiera u tinkludi biss dispożizzjonijiet limitati dwar ix-xogħol u l-ambjent;

L.

billi l-kriżi tal-COVID-19 aċċellerat għadd ta' xejriet ġeopolitiċi li diġà kienu għaddejjin; billi enfasizzat ukoll il-ħtieġa ta' kooperazzjoni internazzjonali aktar profonda bħal fis-settur tas-saħħa; billi wriet ukoll in-nuqqas ta' reżiljenza tal-ekonomiji u l-vulnerabbiltajiet tal-Istati Membri fil-ktajjen tal-provvista globali u għamlet ċara l-ħtieġa ta' aktar diversifikazzjoni;

M.

billi r-realtà ġeopolitika nbidlet b'mod drammatiku mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna fi Frar 2022 u tagħmel l-impenn ulterjuri tagħna mas-sħab Indo-Paċifiċi aktar importanti u urġenti sabiex niddiversifikaw ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħna, napprofondixxu l-kooperazzjoni tagħna dwar teknoloġiji kritiċi u emerġenti, kwistjonijiet diġitali u materja prima, insaħħu u niddiversifikaw il-ktajjen tal-provvista u ntejbu r-reżiljenza u s-sostenibbiltà tagħhom, u ngħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi globali;

N.

billi t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali huma theddid eżistenzjali għar-reġjun Indo-Paċifiku, l-Ewropa u l-bqija tad-dinja; billi fl-2021 biss, aktar minn 57 miljun persuna ġew affettwati minn diżastri tat-tibdil fil-klima fir-reġjun Indo-Paċifiku (16);

O.

billi, kif iddikjarat fir-Rieżami tal-Politika Kummerċjali, l-UE taħdem flimkien mas-sħab tagħha biex tiżgura l-aderenza mal-valuri universali, b'mod partikolari l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; billi dan jinkludi l-istandards ewlenin tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità;

P.

billi r-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE u l-pajjiżi u t-territorji ekstra-Ewropej, li huma kostituzzjonalment marbuta mal-Istati Membri tagħha, huma parti importanti mill-approċċ tal-UE għall-Indo-Paċifiku;

1.

Jilqa' l-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku, li tidentifika l-kummerċ u l-investiment sostenibbli u ġusti bħala prijoritajiet; jemmen li l-enfasi ewlenija tagħha fuq l-inklużività u l-kooperazzjoni abbażi ta' valuri u prinċipji kondiviżi, inkluż impenn li jiġu rispettati d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, hija essenzjali; jitlob li l-approċċ strateġiku u l-involviment tal-UE fir-reġjun Indo-Paċifiku jiġu żviluppati abbażi tal-ordni internazzjonali multilaterali bbażat fuq ir-regoli b'Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ modernizzata fil-qalba tiegħu, abbażi tal-prinċipji ta' ambjent miftuħ għall-kummerċ u l-investiment, kundizzjonijiet ekwivalenti, reċiproċità u benefiċċju reċiproku; jisħaq li dan l-approċċ il-ġdid għandu jikkostitwixxi riorjentazzjoni fundamentali bbażata fuq interessi komuni peress li r-reġjun huwa vitali għall-prosperità tal-UE; jinnota li r-reġjun Indo-Paċifiku jospita passaġġi fuq l-ilma ewlenin li huma ta' importanza vitali għall-kummerċ tal-UE b' 40 % tal-kummerċ barrani tal-UE jgħaddi mill-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar, u dan jagħmel il-governanza u l-istabbiltà tal-oċeani f'dan ir-reġjun kwistjoni ta' tħassib komuni u qasam ta' kooperazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa li jinżamm Indo-Paċifiku ħieles u miftuħ għal kulħadd u li jiġu ppreservati rotot ta' provvista marittimi ħielsa u miftuħa f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, u l-prinċipju tal-libertà ta' navigazzjoni;

2.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sħubijiet mal-atturi rilevanti kollha fl-Indo-Paċifiku, filwaqt li tqis id-dinamika u l-ispeċifiċitajiet subreġjonali, li jsaħħu l-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli u jindirizzaw l-isfidi globali komuni, u jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mas-sħab tagħha b'ideat komuni fl-Indo-Paċifiku biex tirrinforza l-ktajjen tal-valur billi ssaħħaħ ir-reżiljenza, is-sostenibbiltà u ċ-ċirkolarità tal-ekonomiji tagħna u billi tiddiversifika r-relazzjonijiet kummerċjali sabiex tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi fil-ktajjen tal-provvista kritiċi b'enfasi partikolari fuq it-teknoloġiji, il-materja prima u l-prodotti agrikoli, billi taħdem lejn l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar aħjar tal-ftehimiet kummerċjali eżistenti, billi tiffinalizza n-negozjati kummerċjali li għadhom għaddejjin u billi tiżviluppa l-kooperazzjoni f'setturi strateġiċi; jissottolinja l-importanza ta' ħidma flimkien ma' pajjiżi Indo-Paċifiċi b'ideat komuni biex jiġu stabbiliti standards tekniċi u industrijali, biex l-UE tiġi promossa aktar bħala entità globali li tistabbilixxi l-istandards; jissottolinja l-importanza li jiġu żviluppati Ftehimiet ta' Sħubija Diġitali ġodda, li jibnu fuq deċiżjonijiet ta' adegwatezza tal-protezzjoni tad-data, u li wieħed jibda mill-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea u Singapore; jistieden ukoll lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mas-sħab fl-Indo-Paċifiku fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-qafas ippjanat ta' diliġenza dovuta;

3.

Ifakkar fl-impenn tal-UE li tinforza d-drittijiet tan-nisa u d-drittijiet tal-bniedem, u li timmonitorja l-impatt fuq il-ġeneru tal-preferenzi kummerċjali tagħha; itenni l-appoġġ tiegħu għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politika kummerċjali u jitlob miżuri effettivi biex jiġi miġġieled l-isfruttament tan-nisa f'industriji orjentati lejn l-esportazzjoni;

4.

Jisħaq li l-UE għandha tagħmel użu aħjar u aktar strateġiku mill-influwenza ekonomika tagħha filwaqt li tirrispetta l-ispeċifiċitajiet politiċi u ekonomiċi tasħab tagħha u tal-interessi tagħhom sabiex tilħaq l-għanijiet ġeopolitiċi u transformattivi tagħha, billi tuża l-firxa sħiħa u integrata tagħha ta' strumenti ta' politika għal dan il-għan; inkluż il-mekkaniżmu SĠP, u biex tippromwovi standards globali dwar l-iżvilupp sostenibbli, l-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, l-ekonomija ċirkolari, id-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' minoranzi etniċi u reliġjużi, id-drittijiet tax-xogħol, il-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi, il-ġlieda kontra d-deforestazzjoni u t-telf tal-bijodiversità u s-sajd sostenibbli;

5.

Jitlob implimentazzjoni rapida tal-istrateġija tal-Global Gateway tal-UE adottata reċentement f'koordinazzjoni mal-istrateġija Indo-Paċifika sabiex tingħata spinta lill-konnettività sostenibbli fir-reġjun Indo-Paċifiku u miegħu; jilqa', f'dan il-kuntest, il-progress li sar fis-sħubijiet ta' konnettività mal-Ġappun u l-Indja; huwa favur l-istabbiliment ta' sħubija ta' konnettività mal-ASEAN sabiex ikun hemm rabta mal-pjan direttur eżistenti tal-ASEAN dwar il-konnettività; ifittex aktar kollaborazzjoni ma' sħab reġjonali oħra bħall-Awstralja u r-Repubblika tal-Korea; jenfasizza l-ħtieġa li l-istrateġija Global Gateway tintrabat ma' inizjattivi oħra għal konnettività affidabbli bħal Build Back Better World u Blue Dot Network, u li titrawwem ukoll kooperazzjoni dwar infrastruttura ta' kwalità għolja mad-Djalogu Kwadrilaterali dwar is-Sigurtà (QUAD);

Ftehimiet ta' kummerċ ħieles u ftehimiet ta' protezzjoni tal-investiment fis-seħħ: infurzar, implimentazzjoni u titjib:

6.

Jilqa' t-tkabbir sostanzjali fil-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Korea t'Isfel minn meta l-ftehim ta' kummerċ ħieles daħal fis-seħħ fl-2011; jinsab kuntent bil-passi reċenti li ħadet il-Korea t'Isfel fir-rigward tar-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjonijiet Nru 29, Nru 87 u Nru 98 tal-ILO u l-bidliet implimentati dwar il-kodiċi tax-xogħol b'segwitu tar-rapport tal-panel ta' esperti tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jistenna l-implimentazzjoni tanġibbli tar-ratifiki; ifakkar li l-panel jinnota li t-test tal-ftehim ta' kummerċ ħieles huwa nieqes minn miri u stadji importanti espliċiti relatati mar-ratifika tal-Konvenzjonijiet tal-ILO; jistieden lill-Korea t'Isfel tieħu l-passi meħtieġa malajr biex tirratifika l-Konvenzjoni pendenti tal-ILO Nru 105 u tkompli tagħmel progress fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tan-nisa; jappoġġa aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-Korea t'Isfel dwar is-semikondutturi;

7.

Jistieden lill-bqija tal-Istati Membri tal-UE jipproċedu bir-ratifika interna tal-Ftehim ta' Protezzjoni tal-Investiment u l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u Singapore, iffirmati f'Ottubru 2018, b'mod partikolari minħabba l-importanza ta' Singapore bħala l-akbar destinazzjoni ta' IDB tal-UE fl-Asja, bi stokkijiet ta' IDB tal-UE f'Singapore li jammontaw għal EUR 256 biljun fi tmiem l-2020; jistieden lil Singapore jagħmel sforzi akbar biex jirratifika u jimplimenta l-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO;

8.

Jemmen li l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) bejn l-UE u l-Ġappun kien strumentali fil-ħolqien ta' kummerċ aktar sostenibbli; jilqa' ż-żieda fir-rati ta' utilizzazzjoni tal-preferenzi għall-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Ġappun fl-2020; jitlob li jinbdew negozjati biex jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar il-flussi tad-data fil-FSE; jinnota li sar progress fl-espansjoni tal-lista għall-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika (IĠ) għaż-żewġ partijiet, ir-rati ta' utilizzazzjoni tal-kwoti tariffarji miftuħa mill-Ġappun għall-esportaturi tal-UE u l-proċess għar-ratifika tal-Konvenzjoni Nru 105 tal-ILO mill-Ġappun; jissottolinja li huwa meħtieġ aktar progress rapidu fl-implimentazzjoni tal-ftehim, inkluża l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fis-servizzi u r-ratifika tal-Konvenzjoni Nru 111 tal-ILO; itenni t-talba tiegħu għal rieżami bikri tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli sabiex jissaħħu d-dispożizzjonijiet ta' infurzar tiegħu;

9.

Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-ftehim ta' protezzjoni tal-investiment bejn l-UE u l-Vjetnam sabiex dan jidħol fis-seħħ u biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli biex tingħata spinta lill-investiment tal-UE fil-Vjetnam u fir-reġjun, b'mod partikolari f'oqsma li jippromwovu t-trasformazzjoni ekoloġika u l-ekonomija ċirkolari; jissottolinja l-importanza tal-Kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli għall-UE u jappella sabiex l-istabbilment tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi jitlesta malajr; ifakkar fit-tħassib fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; iqis li reviżjoni tal-Kodiċi Kriminali tal-Vjetnam hija importanti biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO; jistieden lill-Vjetnam ilesti r-riformi ewlenin tax-xogħol tiegħu f'konformità mal-ftehim u jiżgura malajr ir-ratifika tal-Konvenzjoni Nru 87 tal-ILO sal-2023; iħeġġeġ lill-Vjetnam ikompli jaħdem biex jikseb trattament ugwali tal-Istati Membri tal-UE fir-rigward tal-farmaċewtiċi u jiggarantixxi implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet sanitarji u fitosanitarji;

10.

Jappella għal azzjonijiet kontinwi orjentati lejn is-sensibilizzazzjoni fost in-negozji, il-partijiet ikkonċernati, is-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u ċ-ċittadini dwar ftehimiet ta' kummerċ ħieles eżistenti fir-reġjun u l-opportunitajiet li jipprovdu; jitlob appoġġ tekniku u finanzjarju msaħħaħ fejn meħtieġ biex jgħin lill-pajjiżi sħab jimplimentaw b'mod effettiv il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, b'mod partikolari l-kapitoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mas-sħab tagħna tal-Indo-Paċifiku anke fil-kuntest tar-rieżami tal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli;

11.

Ifakkar fl-importanza tad-diplomazija parlamentari fl-aċċellerazzjoni tan-negozjati tal-ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Istati Membri tal-ASEAN;

Ftehimiet bilaterali ta' kummerċ ħieles fin-negozjati u/jew fil-fażi ta' ratifika (aġenda kummerċjali pożittiva)

12.

Jitlob progress sostantiv tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-Awstralja u bejn l-UE u New Zealand bil-għan li jiġu konklużi sa mhux aktar tard minn nofs l-2022 sabiex il-Parlament Ewropew ikun jista' jirratifika kif xieraq dawn il-ftehimiet ibbilanċjati fil-mandat parlamentari attwali, mingħajr ma jiġi kompromess il-kontenut tal-ftehim minħabba l-kalendarju; jemmen li, speċjalment fis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, huwa importanti immens li d-demokraziji jsaħħu r-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, anke fir-rigward tal-kummerċ; jissottolinja l-importanza ta' kapitolu komprensiv u infurzabbli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli u jfakkar fil-ħtieġa tal-Ftehim ta' Pariġi bħala klawżola essenzjali sabiex tiġi riflessa l-ambizzjoni li jsir ftehim standard tad-deheb f'dawn l-oqsma; itenni l-ħtieġa li jitqiesu l-ispeċifiċità u s-sensittività tas-settur agrikolu u li tinkiseb il-protezzjoni tal-IĠ fiż-żewġ pajjiżi;

13.

Jilqa' d-deċiżjoni li jerġgħu jibdew in-negozjati mal-Indja dwar ftehim kummerċjali komprensiv u ta' benefiċċju reċiproku li jippromwovi l-valuri demokratiċi kondiviżi u d-drittijiet tal-bniedem kondiviżi, id-drittijiet fundamentali tax-xogħol u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, impenn għall-promozzjoni ta' ordni globali inklużiv, koerenti u bbażat fuq ir-regoli, multilateraliżmu effettiv u infurzar imsaħħaħ dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli b'enfasi fuq il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità; jilqa' d-deċiżjoni li jitnedew negozjati għal ftehim ta' protezzjoni tal-investiment separat u għal ftehim dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi; jilqa' l-istabbiliment ta' strutturi permanenti bejn l-UE u l-Indja bħal djalogi ta' livell għoli f'diversi setturi; jilqa' l-impenn tal-Indja biex tilħaq l-ambizzjoni tal-UE dwar il-kontenut u l-iskeda taż-żmien; jilqa' l-proposta komuni tal-President von der Leyen u l-Prim Ministru Modi biex jinħoloq Kunsill għall-Kummerċ u t-Teknoloġija bejn l-UE u l-Indja;

14.

Jissottolinja l-ħtieġa li l-UE timpenja ruħha fi djalogu komprensiv maċ-Ċina li jiddefendi bis-saħħa l-interessi u l-valuri tal-UE, filwaqt li jitqies il-kuntest globali attwali ta' sfida ġeopolitika, inkluż dwar l-invażjoni Russa tal-Ukrajna; jenfasizza li ċ-Ċina hija sieħeb ta' kooperazzjoni u negozjar għall-UE, iżda hija wkoll kompetitur f'għadd dejjem akbar ta' oqsma, u rivali sistemiku; itenni, kif sottolinjat fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2021 dwar strateġija UE-Ċina ġdida, l-appell tiegħu lill-UE biex tiżviluppa strateġija UE-Ċina aktar assertiva, komprensiva u konsistenti li tgħaqqad l-Istati Membri kollha u tifforma relazzjonijiet maċ-Ċina fl-interess tal-UE kollha kemm hi; jenfasizza li din l-istrateġija għandha tippromwovi ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli, ikollha d-difiża tal-valuri u l-interessi tal-UE fil-qalba tagħha u għandha tissejjes fuq it-tliet prinċipji tal-kooperazzjoni fejn possibbli, tal-kompetizzjoni fejn meħtieġa u tal-konfront fejn neċessarju; jisħaq li huwa partikolarment importanti li jitkompla l-impenn maċ-Ċina biex jiġu promossi soluzzjonijiet għal sfidi komuni u biex ikun hemm kooperazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess komuni bħall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi li l-appoġġ taċ-Ċina kien vitali għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Pariġi;

15.

Jirrikonoxxi li d-dewmien kontinwu taċ-Ċina biex tikkonforma mar-regoli kollha tad-WTO għadu jikkomplika r-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina; iqis li l-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu solvuti huma d-diversi ostakli li jiffaċċjaw il-kumpaniji Ewropej biex jiksbu aċċess għas-suq Ċiniż, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-falsifikazzjoni, it-tħassib dwar is-sikurezza tal-prodotti, l-istandards soċjali u ambjentali, it-trasferimenti furzati tat-teknoloġija, l-impriżi konġunti obbligati, is-sussidji inġusti u l-kompetizzjoni inġusta minn intrapriżi tal-istat;

16.

Jirrikonoxxi li d-diskussjonijiet dwar ir-ratifikazzjoni tal-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina ġew sospiżi fil-Parlament Ewropew minħabba d-deċiżjoni taċ-Ċina li tissanzjona, fost l-oħrajn, ħames Membri individwali tal-Parlament Ewropew u minħabba li s-sottokumitat permanenti tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem kkritika ir-rekord taċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem; jissottolinja li l-Parlament Ewropew ma jistax jibda l-proċess ta' kunsiderazzjoni u ratifika tal-Ftehim Komprensiv dwar l-Investiment bejn l-UE u ċ-Ċina sakemm jitneħħew is-sanzjonijiet Ċiniżi kontra l-Membri tal-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet tal-UE; ifakkar, barra minn hekk, fil-pressjoni koerċittiva li ċ-Ċina poġġiet fuq l-Istati Membri bħal fil-każ tal-Litwanja u jikkundanna bil-qawwa din il-prattika; ifakkar li huwa essenzjali li ċ-Ċina tirrispetta l-istandards internazzjonali, inkluż fir-rigward tal-impatt tagħha fuq il-klima, l-ambjent, il-bijodiversità, il-faqar, is-saħħa, id-drittijiet tax-xogħol, id-drittijiet tal-bniedem u relatati mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU);

17.

Iħeġġeġ lill-UE tniedi djalogu strutturat mat-Tajwan dwar il-kooperazzjoni fit-teknoloġija ekoloġika u l-ekonomija diġitali, inkluża l-industrija tas-semikondutturi, bil-ħsieb li jiġi ffirmat memorandum ta' qbil li jkun ta' benefiċċju kemm għall-UE kif ukoll għat-Tajwan; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tibda valutazzjoni tal-impatt, konsultazzjoni pubblika u eżerċizzju dwar l-ambitu ta' ftehim bilaterali ta' investiment mat-Tajwan bi tħejjija għan-negozjati biex jiġu approfonditi r-rabtiet ekonomiċi bilaterali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni teżamina possibbiltajiet biex tagħti spinta lill-kooperazzjoni dwar ktajjen ta' provvista Reżiljenti mat-Tajwan; jissottolinja li t-Tajwan huwa membru tad-WTO; jitlob kooperazzjoni aktar mill-qrib fi kriżijiet tas-saħħa globali u l-kummerċ ta' provvisti mediċi;

18.

Jilqa' l-progress reċenti fin-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika Komprensiva mal-Indoneżja, inkluż dwar oqsma relatati mas-sostenibbiltà u l-impenn imġedded miż-żewġ naħat biex jikkonkludu dan il-ftehim; jisħaq li skont il-Bank Dinji (17), il-ftehim jista' jwassal għal tkabbir ta' 2,13 % fil-PDG tal-Indoneżja sal-2032; jenfasizza l-ħtieġa essenzjali li jiġu kkunsidrati passi ulterjuri qabel ma jkun jista' jiġi konkluż ftehim, b'mod partikolari dwar is-sostenibbiltà, id-deforestazzjoni, b'enfasi fuq iż-żejt tal-palm, u kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli aktar infurzabbli kif ukoll il-Ftehim ta' Pariġi;

19.

Ifakkar li l-Filippini huma pajjiż bi dħul aktar baxx li jibbenefika mill-mekkaniżmu SĠP+ tal-UE; ifakkar li l-Filippini se jkollhom japplikaw mill-ġdid għall-benefiċċji tal-SĠP+ skont ir-Regolament SĠP il-ġdid mill-2024; jinnota l-fatt li n-negozjati dwar ftehim bilaterali ta' kummerċ u investiment mal-Filippini, li bdew fl-2015, ġew sospiżi; ifakkar fit-tħassib serju fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li n-negozjati għandhom jerġgħu jibdew biss ladarba s-sitwazzjoni inkwetanti u kritika rigward id-drittijiet tal-bniedem, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt fil-Filippini tkun tjiebet;

20.

Jieħu nota tal-fatt li n-negozjati dwar ftehim bilaterali ta' kummerċ u investiment mal-Malażja ilhom sospiżi mill-2012; jistieden lill-awtoritajiet Malażjani jieħdu pożizzjoni dwar il-possibbiltà li jerġgħu jibdew in-negozjati u jistieden liż-żewġ partijiet jagħmlu rendikont tas-sejbiet tal-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà; jissottolinja li t-tkomplija possibbli tan-negozjati għandha tkun preċeduta minn titjib tanġibbli tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

21.

Jinnota li n-negozjati dwar ftehim bilaterali ta' kummerċ u investiment mat-Tajlandja tnedew fl-2013, u ġew sospiżi fl-2014; jirrikonoxxi li f'dawn l-aħħar snin l-UE ħadet passi lejn it-twessigħ tal-involviment tagħha mat-Tajlandja; jisħaq fuq l-importanza li jittieħdu passi (f'konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2019) lejn it-tkomplija tan-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles ambizzjuż u komprensiv u jistieden lill-awtoritajiet Tajlandiżi jipprovdu indikazzjonijiet ċari f'dan ir-rigward u jinvolvu ruħhom f'riformi strutturali; jissottolinja li t-tkomplija possibbli tan-negozjati dwar il-ftehim ta' kummerċ ħieles komprensiv għandha tkun preċeduta minn titjib tanġibbli tas-sitwazzjoni demokratika fil-pajjiż;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Myanmar wara l-kolp ta' stat tal-2021 u tivvaluta jekk għandhiex titnieda investigazzjoni bil-ħsieb li possibbilment tirtira l-preferenzi kummerċjali tal-KMA;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Kambodja jaħdmu lejn fehim komuni għall-passi li għandhom jittieħdu biex jintlaħqu l-kundizzjonijiet biex ikunu jistgħu jerġgħu jiddaħħlu l-preferenzi kummerċjali KMA għall-Kambodja taħt l-iskema KMA;

24.

Jilqa' r-rieżami tar-Regolament SĠP; jenfasizza li l-pajjiżi benefiċjarji attwali tal-SĠP+ u l-pajjiżi ta' KMA li jiggradwaw lejn pajjiżi bi dħul medju baxx se jkunu meħtieġa japplikaw (mill-ġdid) għall-istatus SĠP+ skont ir-Regolament SĠP il-ġdid; jitlob li l-pajjiżi benefiċjarji tal-SĠP, l-SĠP+ u KMA fir-reġjun jimpenjaw ruħhom fit-tisħiħ tal-implimentazzjoni effettiva tal-impenji internazzjonali tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol, l-ambjent, il-governanza tajba u l-iżvilupp sostenibbli;

25.

Jilqa' l-konklużjoni tant mistennija fil-prinċipju tal-Istrument għal Akkwist Internazzjonali tal-UE sabiex jinkisbu reċiproċità u kundizzjonijiet ekwi fis-swieq internazzjonali tal-akkwist; jissottolinja l-ħtieġa li jkompli jissaħħaħ is-sett ta' għodod għad-difiża tal-kummerċ tal-UE billi jiġi adottat malajr regolament b'saħħtu dwar is-sussidji barranin u billi tittieħed pożizzjoni ċara kontra l-koerċizzjoni ekonomika minn pajjiżi terzi, bħall-koerċizzjoni inaċċettabbli tal-Litwanja min-naħa taċ-Ċina fi tmiem l-2021, permezz ta' strument ġdid kontra l-koerċizzjoni;

L-attitudni tal-UE lejn ir-relazzjonijiet u n-negozjati reġjonali u multilaterali

26.

Jappella għal aktar involviment mal-ASEAN u l-Istati Membri tagħha u għall-iżvilupp u l-promozzjoni tas-sħubija strateġika bejn l-UE u l-ASEAN; jistieden liż-żewġ naħat jużaw il-momentum tas-Summit ippjanat bejn l-UE u l-ASEAN fl-2022, fl-okkażjoni tal-45 anniversarju tar-relazzjoni bilaterali bejn l-UE u l-ASEAN, biex jippreżentaw pjan ta' azzjoni ġdid bejn l-UE u l-ASEAN għall-perjodu li ġej biex jippromwovu aktar kooperazzjoni multidimensjonali f'oqsma ewlenin u jenfasizzaw il-ħtieġa li tingħata ħajja ġdida lill-inizjattiva għal ftehim bejn reġjun u ieħor ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u l-ASEAN, abbażi ta' valuri u prinċipji komuni inkluż l-iżvilupp sostenibbli u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, ladarba jintlaħqu l-kundizzjonijiet; jitlob li jkun hemm dimensjoni parlamentari għas-summit tal-45 anniversarju u jtenni l-intenzjoni tiegħu li joħloq assemblea parlamentari bejn l-UE u l-ASEAN biex tissaħħaħ id-dimensjoni demokratika tas-sħubija;

27.

Jitlob approċċ strateġiku ġdid lejn is-CPTPP bħala element ewlieni tal-istrateġija Indo-Paċifika tal-UE; jisħaq li kooperazzjoni aktar mill-qrib tippermetti lill-UE taħsad benefiċċji ekonomiċi importanti fir-rigward tal-gwadanji ekonomiċi possibbli, id-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u t-tnaqqis tad-dipendenzi strateġiċi, u tagħti lill-UE l-opportunità li tkompli ssawwar l-istandards fir-reġjun Indo-Paċifiku u globalment; jisħaq li l-UE għandha tistudja l-għażla li tingħaqad mas-CPTPP fil-futur u tesplora wkoll il-possibbiltajiet li l-ftehimiet eżistenti jintrabtu mas-sħab, pereżempju permezz tal-protokolli tar-regoli tal-oriġini tagħhom, sabiex tiżdied ir-rata ta' utilizzazzjoni tal-preferenzi ta' dawk il-ftehimiet u jiġi massimizzat il-valur miżjud tagħhom.

28.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli timmonitorja bir-reqqa l-effetti ekonomiċi diretti tas-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali fuq l-ekonomija tal-UE u tevalwa l-implikazzjonijiet strateġiċi u ġeopolitiċi fit-tul tagħha;

o

o o

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju-Ġenerali tal-ASEAN, lis-Segretarju-Ġenerali tal-Assemblea Interparlamentari tal-ASEAN u lill-pajjiżi rispettivi fir-reġjun Indo-Paċifiku.

(1)  ĠU C 184, 5.5.2022, p. 170.

(2)  ĠU C 506, 15.12.2021, p. 109.

(3)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.

(4)  ĠU L 294, 14.11.2019, p. 3.

(5)  ĠU L 186, 12.6.2020, p. 3.

(6)  ĠU L 330, 27.12.2018, p. 3.

(7)  ĠU C 346, 27.9.2018, p. 44.

(8)  ĠU C 425, 20.10.2021, p. 155.

(9)  ĠU C 15, 12.1.2022, p. 170.

(10)  ĠU C 117, 11.3.2022, p. 40.

(11)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 117.

(12)  ĠU C 67, 8.2.2022, p. 25.

(13)  ĠU C 395, 29.9.2021, p. 14.

(14)  ĠU C 307, 30.8.2018, p. 109.

(15)  Komunikazzjoni konġunta tas-16 ta' Settembru 2021 dwar l-istrateġija tal-UE għall-kooperazzjoni fl-Indo-Paċifiku (JOIN(2021)0024),

(16)  Observer Research Foundation, “Climate change and geostrategic ocean governance in the Indo-Pacific”, 14 ta' Jannar 2022.

(17)  Ara paġna 9 ta' World Bank Policy Research Working Paper “Economic and Distributional Impacts of Free Trade Agreements. The Case of Indonesia”.