27.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/96


P9_TA(2022)0268

Il-futur tal-politika ta' investiment internazzjonali tal-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar il-futur tal-politika ta' investiment internazzjonali tal-UE (2021/2176(INI))

(2023/C 32/10)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1219/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (1),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 912/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi qafas għall-ġestjoni tar-responsabbiltà finanzjarja marbuta mat-tribunali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investituri u l-istati stabbiliti permezz ta' ftehimiet internazzjonali li għalihom l-Unjoni Ewropea hija Parti (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' qafas biex jiġi ffaċilitat l-investiment sostenibbli (3),

wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-opinjoni 2/15 tagħha tas-16 ta' Mejju 2017 dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika ta' Singapore, is-sentenza tagħha tas-6 ta' Marzu 2018 fil-kawża C-284/16 (deċiżjoni preliminari dwar Ir-Repubblika Slovakka vs Achmea BV), l-opinjoni 1/17 tagħha tat-30 ta' April 2019 dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada u l-UE u l-Istati Membri tagħha, is-sentenza tagħha tat-2 ta' Settembru 2021 fil-kawża C-741/19 (deċiżjoni preliminari dwar Ir-Repubblika tal-Moldova vs Komstroy LLC), u s-sentenza tagħha tas-26 ta' Ottubru 2021 fil-kawża C-109/20 (deċiżjoni preliminari dwar Ir-Repubblika tal-Polonja vs PL Holdings Sàrl),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' April 2011 dwar il-politika Ewropea futura ta' investiment internazzjonali (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar ostakoli għall-kummerċ u l-investiment (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2015 dwar l-impatt estern tal-politika kummerċjali u tal-investiment tal-UE fuq l-inizjattivi pubbliċi-privati f'pajjiżi barra l-UE (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment (7),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew (COM(2019)0640),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-6 ta' April 2020 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1219/2012 li jistabbilixxi arranġamenti tranżizzjonali għal ftehimiet bilaterali ta' investiment bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (COM(2020)0134),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Frar 2021, bit-titolu “Rieżami tal-Politika Kummerċjali – Politika Kummerċjali Miftuħa, Sostenibbli u Assertiva” (COM(2021)0066),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu “Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment” (COM(2015)0497),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu “Pjan ta' Investiment għall-Ewropa” (COM(2014)0903),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE: l-1 ta' Jannar 2019 – il-31 ta' Diċembru 2019 (COM(2020)0705),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, adottat fit-12 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq, min-naħa l-oħra (8), li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Mejju 2021, u b'mod partikolari t-Titolu II tiegħu dwar is-servizzi u l-investiment,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-2014 dwar it-Trasparenza fl-Arbitraġġ bejn l-Investituri u l-Istati bbażat fuq it-Trattati, li daħlet fis-seħħ fit-18 ta' Ottubru 2017 (il-Konvenzjoni ta' Mauritius),

wara li kkunsidra l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment konklużi mill-UE, b'mod partikolari l-ftehimiet tat-“tieni ġenerazzjoni” ma' pajjiżi bħall-Kanada, Singapore, il-Vjetnam u l-Ġappun,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata fl-2015, b'mod partikolari s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha,

wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, kif approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2011,

wara li kkunsidra l-Kumment Ġenerali Nru 24 tal-10 ta' Awwissu 2017 tal-Kumitat għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali tan-NU dwar l-obbligi tal-Istati skont il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali fil-kuntest tal-attivitajiet ta' negozju,

wara li kkunsidra r-rapporti dwar l-investiment fid-dinja tal-2019, l-2020 u l-2021 tal-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD),

wara li kkunsidra l-Qafas tal-UNCTAD tal-2015 għal Politika ta' Investiment għall-Iżvilupp Sostenibbli,

wara li kkunsidra n-noti dwar il-kwistjonijiet fil-ftehim ta' investiment internazzjonali tal-UNCTAD dwar każijiet ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati: fatti u ċifri għall-2019 u l-2020,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-2018 tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar l-investiment internazzjonali intitolat “Societal benefits and costs of International Investment Agreements: a critical review of aspects and available empirical evidence” (Benefiċċji u spejjeż soċjetali tal-Ftehimiet ta' Investiment Internazzjonali: rieżami kritiku tal-aspetti u evidenza empirika disponibbli),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-OECD tal-2014 dwar l-investiment internazzjonali bit-titolu “Investment Treaties and Shareholder Claims for Reflective Loss: Insights from Advanced Systems of Corporate Law” (Trattati ta' Investiment u Talbiet tal-Azzjonisti għal Telf Rifless: Informazzjoni Intuwittiva minn Sistemi Avvanzati tad-Dritt tal-Kumpaniji),

wara li kkunsidra l-mandat mogħti lill-Grupp ta' Ħidma III tal-Kummissjoni tan-NU dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (UNCITRAL) fl-2017 biex jaħdem fuq riforma possibbli tas-soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati,

wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjar maħruġa mill-Kunsill fl-2018 li jawtorizzaw lill-Kummissjoni tinnegozja, f'isem l-UE u fil-qafas tal-UNCITRAL, konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment, u l-proposta sussegwenti tal-UE dwarha,

wara li kkunsidra l-proċess ta' modernizzazzjoni tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, li nbeda fl-2017, u l-proposta tat-test tal-UE dwaru,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Italja li tirtira mit-Trattat tal-Karta tal-Enerġija mill-1 ta' Jannar 2015,

wara li kkunsidra l-Ftehim għat-terminazzjoni ta' Trattati Bilaterali dwar l-Investiment bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (9),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-15 ta' Jannar 2019 dwar il-konsegwenzi legali tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f'Achmea u dwar il-protezzjoni tal-investiment fl-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Istati Uniti, il-Messiku u l-Kanada li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2020, u b'mod partikolari l-kapitolu 14 tiegħu dwar l-investiment,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika Reġjonali Komprensiva tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2022, u b'mod partikolari l-kapitolu 10 tiegħu dwar l-investiment,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar il-Kwistjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Korporazzjonijiet Tranżnazzjonali u Intrapriżi Oħra ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU fis-27 ta' Lulju 2021 bit-titolu “Human rights-compatible international investment agreements” (Ftehimiet ta' investiment internazzjonali kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A9-0166/2022),

A.

billi, mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, l-investiment dirett barrani baqa' kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea, kif minqux fl-Artikolu 3(1)(e), l-Artikolu 206 u l-Artikolu 207 tat-TFUE; billi l-perkors tar-riforma tal-politika ta' investiment internazzjonali tal-UE jeħtieġ li jkompli jaċċellera u jissaħħaħ biex jindirizza l-isfidi attwali;

B.

billi l-UE hija l-akbar destinazzjoni u sors tad-dinja ta' investimenti internazzjonali eżoġeni u endoġeni; billi dawn jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli tal-UE u għall-ħolqien tal-impjiegi, għalkemm l-evidenza empirika disponibbli ma wrietx li hemm relazzjoni kawżali diretta bejn il-ftehimiet internazzjonali ta' investiment u l-attrazzjoni ta' investiment dirett barrani;

C.

billi l-flussi ta' investiment dirett barrani (IDB) globali, li kienu diġà ilhom jonqsu mill-2015, esperjenzaw tnaqqis drammatiku fl-2020 (-38 %) (10) minħabba l-kriżi tal-COVID-19; billi ż-żieda tal-IDB endoġenu u eżoġenu għadha element ewlieni fit-triq lejn l-irkupru għall-UE u għal ħafna ekonomiji oħra;

D.

billi skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti partijiet tal-politika ta' investiment internazzjonali tal-UE, jiġifieri l-investimenti barranin mhux diretti (“investimenti ta' portafoll”) u r-reġim li jirregola s-soluzzjoni ta' tilwim bejn l-investituri u l-istati, huma kompetenza kondiviża tal-l-UE u tal-Istati Membri tagħha;

E.

billi madwar 1 500 Trattat Bilaterali dwar l-Investiment ratifikati mill-Istati Membri qabel it-Trattat ta' Lisbona għadhom fis-seħħ, u jinkludu l-mudell l-antik ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati, bħal fil-każ tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija; billi, mit-Trattat ta' Lisbona, l-ebda wieħed mill-ftehimiet internazzjonali ta' investiment innegozjati mill-UE ma daħal fis-seħħ;

F.

billi l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jwieġeb għall-isfidi tat-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali; billi l-politiki kollha tal-UE jeħtieġ li jikkontribwixxu għal dawn l-għanijiet, inkluża l-politika ta' investiment; billi huma meħtieġa investimenti sostanzjali madwar id-dinja sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU u jkun hemm irkupru mill-pandemija tal-COVID-19; billi l-ħidma kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ta' investiment aktar attraenti u l-appoġġ għan-negozji huma fost is-sitt prijoritajiet (11) tal-UE bejn l-2019 u l-2024;

G.

billi l-IDB u l-politika ta' investiment tal-UE għandu jkollhom ukoll rwol ewlieni fil-kisba tal-objettivi ta' awtonomija strateġika miftuħa, fid-diversifikazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u fil-kontribut għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u l-integrazzjoni fil-ktajjen tal-valur globali, kif ukoll fl-isforzi tal-promozzjoni ta' kundizzjonijiet għall-investituri tal-UE fi swieq barranin li jirriflettu l-livell ta' ftuħ li l-investituri barranin igawdu fl-UE, filwaqt li jitqiesu l-livelli ta' żvilupp tal-pajjiżi terzi u l-ħtieġa li jiġi previst trattament differenzjat;

H.

billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw distakk ta' USD 2,5 triljun f'finanzjament annwali biex jintlaħqu l-SDGs sal-2030; billi l-IDB huwa strument għall-finanzjament tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-SDGs korrispondenti; billi tali kapital jista' jappoġġja l-ħolqien tal-impjiegi u t-titjib soċjali u ambjentali kif stabbilit fl-SDGs; billi l-għan li jiġi attirat l-investiment għandu jimxi id f'id mar-rikonoxximent, fil-kuntest tal-ftehimiet internazzjonali ta' investiment, li l-partijiet għal dawn il-ftehimiet għandhom ifittxu li jtejbu l-livelli tagħhom ta' protezzjoni ambjentali jew tal-ħaddiema, u ma jdgħajfuhomx jew inaqqsuhom;

I.

billi t-tassonomija tal-UE għandha l-għan li tiffaċilita l-bidla tal-investimenti minn attivitajiet ekonomiċi mhux sostenibbli għal dawk li huma meħtieġa għall-kisba tas-sostenibbiltà ambjentali, u b'mod aktar speċifiku tan-newtralità klimatika fit-30 sena li ġejjin;

J.

billi l-politika ta' investiment tinkludi miżuri bħat-tneħħija tal-ostakli mhux dovuti għall-investiment, il-monitoraġġ tal-impatt tal-investiment barrani fuq l-awtonomija strateġika, is-sigurtà nazzjonali u l-ekonomija reali, u t-tfassil ta' għodod oħra biex jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-investiment dirett f'setturi u postijiet fejn huwa l-aktar meħtieġ; billi l-biċċa l-kbira tal-ftehimiet internazzjonali ta' investiment jiffokaw fuq il-protezzjoni tal-investiment, b'aġġudikazzjoni jew bla aġġudikazzjoni bejn investituri u stati;

K.

billi l-għadd ta' każijiet ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS) qed jiżdied kull sena, inkluż kontra l-Istati Membri; billi madwar 15 % tal-każijiet magħrufa li tressqu kontra l-Istati Membri fl-2020 kienu tilwim intra-UE;

L.

billi l-biċċa l-kbira tat-trattati dwar l-investiment ma jispeċifikawx kif għandhom jiġu aċċertati l-kunċetti ta' “reparazzjoni sħiħa” u “valur ġust tas-suq” ta' investiment; billi l-bordijiet, f'dan l-aħħar deċennju, interpretaw b'mod predominanti dawn il-kunċetti billi użaw tekniki ta' valutazzjoni “li jħarsu' l quddiem” ibbażati fuq metodi tal-fluss tal-flus skontat (DCF), li f'ħafna każijiet wasslu biex il-bordijiet iddeċidew dwar ammonti ta' kumpens ferm ogħla mill-ammonti aggregati tan-nefqa effettivament imġarrba mill-investituri fil-pajjiżi ospitanti;

M.

billi l-UE twettaq rwol ta' tmexxija globali fir-riforma tal-politika ta' investiment; billi mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona twettqet riforma sinifikanti tal-politika ta' investiment fil-livell Ewropew u f'dak internazzjonali, fuq l-insistenza u bl-appoġġ tal-Parlament; billi l-UE nediet u kkonkludiet ftehimiet internazzjonali ta' investiment ma' pajjiżi sħab, irriformat id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment, issostitwiet l-ISDS bis-sistema ta' qorti tal-investiment, nediet negozjati multilaterali għal qorti tal-investiment, ipproponiet leġiżlazzjoni biex tirregola s-sussidji barranin, u adottat leġiżlazzjoni għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani eżoġenu; billi dawn l-iżviluppi huma passi sinifikanti fid-direzzjoni t-tajba għal politika ta' investiment modernizzata u sostenibbli; billi għad fadal ħafna xi jsir biex din l-aġenda ta' riforma titmexxa 'l quddiem;

N.

billi r-rikors dejjem jiżdied mill-investituri għal partijiet terzi biex jiffinanzjaw il-litigazzjoni tagħhom bi skambju għal redditu jew interess finanzjarju ieħor fl-eżitu ta' tilwima (finanzjament minn partijiet terzi) aggrava l-iżbilanċi li jirfdu l-prattiki ta' kumpens f'litigazzjoni, billi kompla jnaqqas ir-riskji għall-investituri li jagħmlu talba, u b'hekk żied l-inċentivi biex jiżdied l-għadd ta' talbiet; billi l-finanzjament minn partijiet terzi jista' jżid is-setgħa ta' negozjar tar-rikorrenti għad-detriment ta' stati b'riżorsi limitati u oqfsa regolatorji aktar dgħajfa;

1.

Jissottolinja li l-investiment jista' u għandu jkollu impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli, il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli, u għandu jikkontribwixxi għall-SDGs; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza tiegħu għat-trasformazzjoni tal-ekonomija tal-UE; jirrimarka li dan l-impatt pożittiv jiddependi fuq il-kapaċità tal-gvernijiet li jirregolaw l-investimenti barranin; jirrimarka li l-investimenti eżoġeni u endoġeni jridu jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ekonomija reali; jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-politika ta' investiment tal-UE biex tiżgura l-konsistenza mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u mal-SDGs, kif ukoll mal-valuri tal-UE, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali kif definit mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

2.

Jemmen li l-politika ta' investiment tal-UE jeħtieġ li tissodisfa l-aspettattivi tal-investituri u tal-istati benefiċjarji, kif ukoll l-interessi ekonomiċi usa' u l-objettivi tal-politika esterna tal-UE; ifakkar fit-talba tiegħu għal qafas ta' politika integrat u koerenti, li jippromwovi investimenti ta' kwalità għolja u sostenibbli; jilqa' l-isforzi mwettqa mill-Kummissjoni mill-2010 biex tirriforma l-politika ta' investiment tal-Unjoni f'dik id-direzzjoni; iqis li l-politika ta' investiment internazzjonali tal-UE jeħtieġ li tiġi riformata aktar sabiex tindirizza aħjar varjetà ta' sfidi u tkompli t-trasformazzjoni tagħha f'qafas ta' politika integrat u koerenti;

3.

Iqis li l-ftehimiet internazzjonali ta' investiment għandhom jiffaċilitaw investimenti sostenibbli ekoloġiċi, sensittivi għall-ġeneru u inklużivi, jipproteġu b'mod adegwat lill-investituri, jikkontribwixxu għar-reżiljenza tas-suq uniku filwaqt li jissalvagwardjaw l-ispazju politiku fl-istati ospitanti, u jinkoraġġixxu l-iskambju tal-aħjar prattiki, ħiliet u għarfien espert, f'konformità mal-Linji Gwida tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) għall-intrapriżi multinazzjonali dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva;

4.

Jinsab imħasseb li skont l-OECD, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw iffaċċjaw nuqqas ta' USD 1,7 triljun fl-2020 minħabba l-kriżi tal-COVID-19, minbarra d-diskrepanza fil-finanzjament eżistenti ta' USD 2,5 triljun; jenfasizza li l-politika ta' investiment tal-UE għandha tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari l-pajjiżi Afrikani, biex jattiraw l-IDB u jnaqqsu d-diskrepanza fil-finanzjament biex jintlaħqu l-SDGs;

5.

Iqis li l-kumpaniji tal-UE jeħtieġu protezzjoni adegwata għall-investimenti tagħhom fi swieq barranin; jirrimarka li l-investimenti protetti, kif ikkodifikat fil-ftehimiet internazzjonali ta' investiment tal-UE, m'għandhomx jinkludu forom spekulattivi ta' investiment, strumenti finanzjarji jew investimenti ta' portafoll li jistgħu jinżammu għal skopijiet spekulattivi; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-ftehimiet internazzjonali ta' investiment reċenti (12) biex teskludi strumenti ta' dejn pubbliku mill-kamp ta' applikazzjoni tagħhom; iqis li l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jiġu rtirati fi kwalunkwe ħin ma jeħtiġux protezzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex ittejjeb id-definizzjoni ta' investimenti protetti sabiex jiġi żgurat li l-ftehimiet internazzjonali ta' investiment jipproteġu biss l-investimenti li jagħmlu impenn sostanzjali ta' kapital jew riżorsi oħra għal numru minimu ta' snin, li fir-rigward ikun hemm teħid ta' riskju u aspettattiva ta' profitt; huwa tal-fehma li l-investimenti protetti għandhom jikkontribwixxu b'mod effettiv għall-iżvilupp tal-pajjiż ospitanti; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw dan il-kriterju kif definit fid-dritt internazzjonali fid-definizzjoni ta' investimenti protetti għal ftehimiet futuri;

Aċċess għas-suq

6.

Jilqa' l-fatt li l-ftehimiet ta' investiment reċenti jiffokaw b'mod pożittiv fuq l-aċċess għas-suq u l-liberalizzazzjoni tal-investiment u jfittxu t-tneħħija tal-ostakli għall-istabbiliment u l-operat tal-investituri tal-UE fi swieq barranin;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tfittex kundizzjonijiet għall-investituri tal-UE fi swieq barranin li jirriflettu l-livell ta' ftuħ li l-investituri barranin igawdu fl-UE, filwaqt li tqis il-livell ta' żvilupp ta' pajjiżi terzi u l-ħtieġa li jiġi previst trattament differenzjat; jenfasizza l-ħtieġa li l-ftehimiet internazzjonali ta' investiment jissalvagwardjaw il-kapaċità tal-istati li jirregolaw l-investimenti barranin fil-ġurisdizzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-ostakli għall-istabbiliment u l-operat tal-investituri tal-UE fi swieq barranin, inklużi l-prattiki diskriminatorji; jilqa' l-enfasi tal-Kummissjoni fuq l-infurzar tal-impenji eżistenti u jissottolinja li dan għandu japplika wkoll għall-impenji relatati mal-investiment;

8.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproteġi b'mod strett l-ispazji politiċi tal-UE u tal-Istati Membri, b'mod partikolari dwar l-enerġija, l-agrikoltura, is-sajd, il-qasam awdjoviżiv, it-telekomunikazzjoni u l-kwistjonijiet diġitali, kif ukoll is-servizzi pubbliċi, meta tilliberalizza l-investimenti; jenfasizza li l-liberalizzazzjoni tal-investimenti għandha timxi id f'id ma' salvagwardji biex tiġi evitata l-instabbiltà ekonomika, speċjalment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

9.

Jissottolinja l-importanza li jinżammu, jissaħħu u jiġu implimentati l-klawżoli fil-ftehimiet ta' investiment kollha li jipprojbixxu t-tnaqqis tal-istandards, peress li dawn huma kritiċi biex tiġi evitata ġirja lejn l-aktar livell baxx fil-pajjiżi li għandhom l-għan li jattiraw l-investiment barrani; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tanalizza l-effettività ta' tali klawżoli, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex tiżgura li l-politika tat-tassazzjoni u l-finanzjament għall-iżvilupp ikunu allinjati biex jappoġġjaw “ġirja lejn l-aktar livell għoli”;

Faċilitazzjoni tal-investiment

10.

Jirrimarka li l-faċilitazzjoni tal-investiment tista' tikkontribwixxi biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet ta' investiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u biex jinkisbu l-SDGs billi tgħin ħalli jiġu mmobilizzati livelli ogħla ta' investiment biex jiġu promossi t-tkabbir inklużiv u sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, peress li tappoġġja preżenza aktar fit-tul ta' investituri barranin fl-ekonomija ospitanti u ttejjeb ir-rabtiet bejn l-investituri barranin u l-kumpaniji lokali; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex itejbu l-klima tal-investiment fil-ġurisdizzjoni tagħhom, kemm permezz ta' għodod ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp kif ukoll permezz ta' ftehimiet bilaterali; jemmen li l-faċilitazzjoni tal-investiment ukoll hija strument tajjeb għat-titjib tal-kompetittività u t-tkabbir ekonomiku tal-UE;

11.

Jisħaq li l-ftehimiet internazzjonali dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment għandhom jappoġġjaw u jinċentivaw investimenti li javvanzaw l-iżvilupp sostenibbli u jevitaw inċentivi għal investimenti li jikkawżaw ħsara lill-ambjent, lill-klima jew lis-soċjetà; jinnota li d-dħul mit-taxxa huwa kruċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jipprovdu servizzi pubbliċi bażiċi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem fil-livell multilaterali biex tippromwovi faċilitazzjoni tal-investiment sostenibbli li ma ssirx permezz ta' ħelsien mit-taxxa kompetittiv; jenfasizza li l-introduzzjoni ta' miżuri innovattivi għall-faċilitazzjoni tal-investiment tista' tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-SDGs billi tgħin biex jiġu mmobilizzati livelli ogħla ta' investiment biex jiġu promossi t-tkabbir inklużiv u sostenibbli u t-tnaqqis tal-faqar, peress li tappoġġja preżenza aktar fit-tul ta' investituri barranin fl-ekonomija ospitanti, u biex jiġu żviluppati rabtiet aħjar bejn l-investituri barranin u l-kumpaniji lokali;

12.

Jirrikonoxxi r-rwol li ħadet l-UE fin-negozjati tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) rigward l-Inizjattiva Konġunta dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp; jissottolinja li aktar minn żewġ terzi tal-membri tad-WTO qed jipparteċipaw f'dawn in-negozjati; jemmen li hija meħtieġa kawtela fid-dawl tal-kamp ta' applikazzjoni wiesa' ħafna tal-ftehim li qed jiġi nnegozjat; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn in-negozjati jirrispettaw ir-regoli tal-Ftehim ta' Marrakexx tad-WTO, li jirrikjedu kunsens u trasparenza ġenerali;

13.

Jissottolinja l-importanza ta' approċċ ġenerali tal-UE fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-investiment kemm fil-livell bilaterali kif ukoll f'dak multilaterali, b'enfasi globali fuq il-kooperazzjoni, inklużi l-bini tal-kapaċità u l-assistenza teknika, b'mod partikolari fir-rigward tal-appoġġ għad-diġitalizzazzjoni fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni fuq ftehimiet awtonomi ġodda ta' faċilitazzjoni tal-investiment, li jiffokaw fuq l-appoġġ għal investimenti sostenibbli u inklużivi; jitlob lill-Kummissjoni, f'dak il-kuntest, taħdem favur negozjati mas-sħab Afrikani li jevitaw il-ħolqien ta' piżijiet amministrattivi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li tispeċifika t-tip ta' investimenti sostenibbli li se jiġu ffaċilitati; jieħu nota tal-fatt li dispożizzjonijiet simili dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment qed jiġu nnegozjati fil-Protokoll ta' Investiment futur taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Kontinentali Afrikana; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja dawk in-negozjati;

14.

Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-approċċ tagħha, fil-livell tad-WTO, biex tiżgura, permezz ta' firewall b'saħħtu, li d-dixxiplini għall-faċilitazzjoni tal-investiment ma jkunux jistgħu jiġu importati f'tilwim bejn l-investitur u l-istat; jemmen li t-tilwim li jinqala' taħt l-Inizjattiva Konġunta dwar il-Faċilitazzjoni tal-Investiment għall-Iżvilupp għandu jiġi solvut permezz ta' medjazzjoni u kooperazzjoni;

15.

Jissottolinja li d-dispożizzjonijiet dwar il-faċilitazzjoni tal-investiment kemm fil-livell bilaterali kif ukoll f'dak tad-WTO m'għandhomx jiffukaw biss fuq il-ħolqien ta' obbligi għall-awtoritajiet pubbliċi fil-pajjiżi ospitanti, iżda għandhom jiċċaraw ukoll l-obbligi tal-pajjiżi ta' oriġini u tal-investituri nazzjonali tagħhom rigward l-investimenti tagħhom f'pajjiżi terzi; jenfasizza, f'dak ir-rigward, il-ħtieġa li jiġu integrati dispożizzjonijiet infurzabbli fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, id-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta ambjentali, kif ukoll salvagwardji kontra l-korruzzjoni f'oqfsa ta' faċilitazzjoni tal-investiment; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitolu infurzabbli dwar l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kollha ta' faċilitazzjoni tal-investiment ma' pajjiżi terzi, kif ukoll mekkaniżmi ta' monitoraġġ dwar l-attivitajiet appoġġati mill-flussi tal-IDB;

16.

Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal strument biex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet ikkawżati minn sussidji barranin li jikkostitwixxu forma inġusta ta' investiment, u jitlob l-adozzjoni rapida tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidħlu f'negozjati fil-livell tad-WTO bil-għan li jindirizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari fil-qasam tas-sussidji industrijali;

It-tisħiħ tal-iskrinjar tal-investiment dirett barrani fl-UE

17.

Jilqa' d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-Iskrinjar tal-IDB fl-2019; jirrimarka li dan il-mekkaniżmu ta' skrinjar għandu l-għan li jistabbilixxi kooperazzjoni u potenzjalment jillimita l-investimenti barranin f'setturi strateġiċi sabiex jipproteġi l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll janalizza u jiskrinja każijiet fejn l-akkwist jew il-kontroll ta' kumpanija, infrastruttura jew teknoloġija partikolari jistgħu joħolqu riskju għas-sigurtà jew għall-ordni pubbliku fl-UE;

18.

Jissottolinja l-importanza ta' dan il-mekkaniżmu bħala pass lejn monitoraġġ aħjar tal-kontribut tal-IDB għall-interessi strateġiċi tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċess ta' rieżami li jmiss tagħha, tipprovdi data aktar granulari dwar jekk il-flussi ta' IDB endoġenu jappoġġjawx attivitajiet ekonomiċi sostenibbli u investimenti greenfield, tivvaluta għażliet differenti għall-monitoraġġ tal-attivitajiet appoġġjati minn flussi eżoġeni, u tivvaluta l-possibbiltà li tispeċifika aktar jekk setturi oħra għandhomx jitqiesu bħala setturi strateġiċi; barra minn hekk, jitlob lill-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li ssaħħaħ il-mekkaniżmu ta' skrinjar tal-investiment dirett barrani tal-UE biex, bi qbil mal-Istati Membri, tagħtiha s-setgħa li timblokka investiment li joħloq riskju għas-sigurtà u l-ordni pubbliku;

19.

Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għad m'għandhomx wieħed, jistabbilixxu tali mekkaniżmu nazzjonali ta' skrinjar tal-investiment dirett barrani sabiex jiżguraw li l-kooperazzjoni Ewropea tkun effettiva;

Kompatibbiltà tal-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment mal-prijoritajiet tal-UE

20.

Jinnota li għadd dejjem jikber ta' proċedimenti legali quddiem it-tribunali tal-investiment huma mmirati lejn miżuri ambjentali; jiddispjaċih għall-fatt li diversi pajjiżi, inklużi l-Istati Membri, qegħdin jiġu mfittxija b'rabta mal-politiki dwar il-klima, it-tneħħija gradwali tal-fjuwils fossili, jew it-tranżizzjoni ġusta;

21.

Jenfasizza li l-isforzi globali għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima se jirrikjedu tranżizzjoni rapida lejn l-enerġija rinnovabbli u azzjoni rapida min-naħa tal-gvern biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw konsistenza bejn l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment u l-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-politiki ambjentali, id-drittijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-bniedem, billi jeskludu mill-protezzjoni tat-trattati investimenti fil-fjuwils fossili jew kwalunkwe attività oħra li toħloq ħsara sinifikanti għall-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem, u billi jinkludu dispożizzjonijiet fil-kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli li jgħinu l-konformità mal-Ftehim ta' Pariġi, it-trattati internazzjonali dwar ix-xogħol u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jtejbu l-qafas domestiku li jirregola l-investiment barrani;

22.

Jinnota bi tħassib l-asimmetrija ta' ċerti Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment li permezz tagħhom l-investituri barranin jistgħu jiftħu kawżi kontra l-istati f'dak li għandu x'jaqsam ma' investiment, filwaqt li l-gvernijiet, il-ħaddiema u l-komunitajiet affettwati ma jistgħux jiftħu proċeduri ta' arbitraġġ fil-konfront ta' korporazzjonijiet transnazzjonali li jonqsu milli jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, is-saħħa pubblika jew il-liġijiet dwar ix-xogħol u l-ambjent; jenfasizza li, bl-istess mod, il-Qorti Multilaterali tal-Investiment (MIC) hija maħsuba biss biex tiġġudika f'każijiet fejn l-investituri barranin iħarrku lill-istati;

23.

Jirrimarka li anke fin-nuqqas ta' proċeduri legali, it-theddida espliċita jew impliċita ta' rikors għal kawżi ta' investiment tista' ttejjeb il-pożizzjoni tal-investituri fin-negozjati mal-istati (l-“effett dissważiv”); jenfasizza f'dan ir-rigward li l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment reċenti tal-UE jistipulaw il-prinċipju li l-gvernijiet għandhom id-dritt li jirregolaw l-objettivi leġittimi tal-politika pubblika (13), inkluż b'mod li jista' jaffettwa ħażin l-operat ta' investiment jew l-aspettattiva ta' profitti tal-investitur; jissottolinja, madankollu, li dan id-dritt ma jwaqqafx lill-istati milli jkollhom jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment, u lanqas ma jipprekludi pretensjonijiet ta' investiment jew danni wara l-eżerċizzju ta' dak id-dritt; jinsab imħasseb li t-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi jista' għalhekk jiddewwem jew id-deċiżjonijiet jiddgħajjfu;

24.

Jissottolinja li, b'riżultat ta' dan, jistgħu jintefqu aktar fondi pubbliċi biex jiġi kkumpensat is-settur tal-fjuwils fossili milli jkun il-każ mingħajr it-theddida ta' litigazzjoni dwar l-investiment, u b'hekk ikun aktar għali u saħansitra aktar diffiċli għall-istati biex jieħdu miżuri ta' tranżizzjoni tal-enerġija, u li jirrappreżentaw sussidju ġenerali pprovdut mill-kontribwenti lis-settur tal-fjuwils fossili;

25.

Jinnota li f'bosta każijiet ta' arbitraġġ bejn l-investitur u l-istat, in-negozji sfidaw azzjonijiet li l-istati ddikjaraw li ħadu biex jindirizzaw tħassib lokali jew inkwiet dwar l-impatt ta' proġett; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu d-dritt ta' locus standi għal partijiet terzi affettwati fi Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment futuri; jemmen li t-tribunali għandhom isegwu l-ġurisprudenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u jqisu l-każijiet inammissibbli meta d-determinazzjonijiet tal-fatti jew tad-dritt jistgħu jippreġudikaw il-komunitajiet lokali jew indiġeni li mhumiex parti mill-proċedimenti ta' investiment; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw it-trasparenza u jappoġġjaw l-involviment tal-komunitajiet lokali vulnerabbli, u b'mod partikolari tal-popli indiġeni milquta minn attivitajiet estrattivi jew tal-qtugħ tas-siġar għall-injam, fin-negozjati u l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment, peress li l-investimenti barranin jista' jkollhom impatti estensivi fuq il-komunitajiet lokali;

Approċċ riformat

26.

Jilqa' l-mudell il-ġdid ta' ftehim ta' protezzjoni tal-investiment imfassal mill-Kummissjoni fl-2015 bħala pass fid-direzzjoni t-tajba; jinnota, madankollu, li l-ebda ftehim li jinkludih għadu ma daħal fis-seħħ; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-UE u l-Istati Membri tagħha m'għandhomx jiffirmaw jew jirratifikaw trattati ġodda dwar il-protezzjoni tal-investiment li jinkludu l-mekkaniżmu ISDS; jissottolinja l-importanza li jsiru riformi proċedurali għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat; jilqa' l-fatt li s-sistema ta' qorti tal-investiment tinkludi l-ħolqien ta' roster fiss ta' arbitri, mekkaniżmu ta' appell, kodiċi ta' kondotta għall-arbitri u trasparenza mtejba fil-proċedimenti ta' arbitraġġ; jinnota li s-sistema ta' qorti tal-investiment għadha tikkostitwixxi arbitraġġ internazzjonali u jenfasizza li, għall-kuntrarju tal-qrati nazzjonali, l-arbitri fuq ir-roster tas-sistema ta' qorti tal-investiment ikollhom id-diskrezzjoni li mhux bilfors iqisu l-liġijiet rilevanti ta' interess pubbliku meta jinterpretaw id-dispożizzjonijiet sostantivi minquxa fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment; jiddispjaċih li l-arbitri xorta jitħallsu fuq bażi ta' każ b'każ;

27.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja bis-sħiħ u taċċellera n-negozjati biex tespandi l-obbligi tal-investituri u l-infurzar tagħhom; jemmen li l-obbligi tal-investituri m'għandhomx jiġu inklużi biss fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE, iżda għandhom japplikaw ukoll permezz ta' strumenti internazzjonali vinkolanti u infurzabbli separati, u permezz ta' oqfsa domestiċi robusti għad-drittijiet tal-bniedem u d-diliġenza dovuta ambjentali; jinnota li l-progress f'dawn l-oqsma u t-tisħiħ kontinwu tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE għandhom jiżguraw li l-investituri tal-UE f'pajjiżi mhux tal-UE, b'mod partikolari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, juru b'mod trasparenti l-istrateġiji tagħhom biex jikkontribwixxu b'mod attiv għall-kisba tal-SDGs u l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, u jkunu soġġetti għal mekkaniżmi ta' responsabbiltà, b'mod partikolari billi jipprovdu aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi f'dawk il-pajjiżi;

28.

Jilqa' d-dispożizzjonijiet fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment rigward l-obbligi ambjentali, tax-xogħol u tar-responsabbiltà korporattiva għall-istati u l-investituri, kif ukoll klawżoli li jistipulaw il-prinċipju orizzontali li l-istandards m'għandhomx jitnaqqsu biex jattiraw l-investiment; jiddispjaċih, madankollu, għall-fatt li r-riforma tal-obbligi tal-investituri ma mxietx b'mod parallel mar-riforma tal-ISDS;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw id-dħul fis-seħħ tal-istrument dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem (14), li bħalissa qed jitfassal mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li għandu l-għan li jirregola l-attivitajiet ta' kumpaniji u ditti transnazzjonali;

30.

Jilqa' l-fatt li, mill-2016, l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE li fihom klawżoli ta' protezzjoni tal-investiment jinkludu kliem aktar preċiż għal xi standards ta' protezzjoni, kif ukoll id-dritt ta' regolamentazzjoni; jissottolinja li l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE m'għandhomx jippermettu li jintużaw standards ta' protezzjoni wiesgħa biex jiġu kkontestati politiki pubbliċi leġittimi; iqis li l-istandards ta' protezzjoni għandhom jiffukaw speċifikament fuq il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi bejn l-investituri barranin u domestiċi, il-prevenzjoni u l-offerta ta' rimedju f'każijiet fejn l-investituri tal-UE f'pajjiżi mhux tal-UE jiġu diskriminati, jiġu miċħuda l-aċċess għall-ġustizzja, jew jitilfu kompletament it-tgawdija tal-investiment tagħhom għall-benefiċċju tal-istat ospitanti, inkluż fi żminijiet ta' gwerra, u b'mod reċiproku għal investituri mhux tal-UE fl-UE; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jevitaw l-inklużjoni ta' terminoloġija ambigwa fi klawżoli sostantivi, u jkomplu jirrevedu l-istandards ta' protezzjoni abbażi tal-evidenza disponibbli;

31.

Jissottolinja l-fatt li l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE nnegozjati wara l-2009 għadhom jinkludu klawżoli ta' estinzjoni li jipprevjenu t-terminazzjoni faċli; jieħu nota tan-negozjati reċenti li fihom il-partijiet qablu dwar klawżola ta' estinzjoni ta' ħames snin bil-possibbiltà li jaqblu dwar estensjoni ta' ħames snin addizzjonali f'każ li ma tinstab l-ebda sostituzzjoni; jistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet kontraenti l-oħra jinnewtralizzaw il-klawżoli ta' estinzjoni fil-ftehimiet attwali, u jqassru b'mod sinifikanti l-klawżoli ta' estinzjoni fil-ftehimiet ta' investiment ġodda;

32.

Jenfasizza li kemm skont id-dritt internazzjonali konswetudinarju kif ukoll skont id-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-individwi huma meħtieġa jfittxu rimedju quddiem il-qrati domestiċi qabel ma jibdew proċeduri internazzjonali kontra l-istat għal atti illegali; jiddispjaċih għall-fatt li d-dritt tal-investiment internazzjonali, għall-kuntrarju, normalment ma teħtieġx l-eżawriment tar-rimedji domestiċi; jemmen, li l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment għandhom jirrikjedu li, qabel ma investituri barrani jkun jista' jirrikorri għal tribunal tal-arbitraġġ, jiġi eżawrit kwalunkwe rikors permezz ta' sistemi ġudizzjarji nazzjonali, bħal fil-każ tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li fil-każ ta' ċaħda serja tal-ġustizzja fil-qrati domestiċi, l-investituri barranin għandhom ikunu jistgħu jfittxu direttament soluzzjoni tat-tilwim internazzjonali;

Ratifika tal-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment

33.

Jirrimarka li d-dewmien fir-ratifika mill-Istati Membri tal-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE jdewwem is-sostituzzjoni tat-trattati bilaterali dwar l-investiment (TBI) b'dispożizzjonijiet aktar trasparenti u moderni li jipproteġu b'mod ugwali lill-investituri kollha tal-UE f'pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-ftehimiet ta' investiment konklużi tal-UE; jistieden lill-UE taħdem b'mod konġunt mal-pajjiżi sħab biex tirrevedi u ttejjeb kontinwament l-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tagħha, ladarba jidħlu fis-seħħ, skont il-linji żviluppati f'dan ir-rapport; jistenna li l-Istati Membri jiżguraw il-konsistenza tal-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment mal-valuri u l-objettivi tal-UE;

Kumpens

34.

Jirrimarka li l-metodoloġiji tad-DCF, ġeneralment użati għall-kalkolu tal-kumpens fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment, mhumiex metodu ta' valutazzjoni affidabbli għal proġetti ta' investiment li jinsabu fi stadju bikri jew dawk bi flussi ta' introjtu futuri inċerti; jissottolinja li l-użu ta' tali metodi mill-bordijiet ta' arbitraġġ jirrappreżenta devjazzjoni sinifikanti minn prinċipji u prattiki ta' kumpens stabbiliti sew fis-sistemi legali nazzjonali u internazzjonali barra mill-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment, li jipprevedu marġini ta' diskrezzjoni ferm aktar limitati għall-aġġudikazzjoni; jissottolinja li d-danni konsiderevoli mogħtija mit-tribunali tal-investiment imponew piż finanzjarju sinifikanti u li qed jiżdied fuq l-istati rispondenti; jirrimarka li l-użu ta' metodi ta' valutazzjoni ġeneralment użati mill-aġġudikaturi huwa kontroversjali ħafna minħabba l-marġni wiesa' ħafna ta' diskrezzjoni tagħhom u d-dipendenza fuq suppożizzjonijiet kumplessi ħafna u intrinsikament spekulattivi; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta fil-fond u tipprevedi regoli u salvagwardji korrettivi u orjentati lejn it-trasparenza fir-rigward tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kumpens fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE, inkluż l-użu ta' klawżoli aktar b'saħħithom li jipprevjenu l-użu ta' danni punittivi; jitlob li l-kumpens jiġi limitat għal-livell tal-ispejjeż mitlufa, li jirrifletti l-ammont tan-nefqa eliġibbli li fil-fatt iġġarrbet mill-investituri; jissottolinja li l-approċċi ta' bbilanċjar għandhom, kif xieraq, jiddeterminaw għotjiet ta' kumpens taħt dan il-limitu massimu, filwaqt li jitqiesu elementi kuntestwali bħan-nuqqas ta' konformità mill-impriżi mal-obbligi jew l-impenji legali jew kuntrattwali tagħhom;

35.

Jinnota li l-użu dejjem jiżdied mill-investituri ta' partijiet terzi biex jiffinanzjaw il-litigazzjoni tagħhom bi skambju għal redditu fl-eżitu ta' għotja (finanzjament minn partijiet terzi) qiegħed iżid inċentivi biex jiżdied in-numru ta' talbiet; jieħu nota tal-progress li sar biex il-finanzjament minn partijiet terzi għat-tilwim bejn l-investitur u l-istat isir aktar trasparenti; jilqa' f'dan ir-rigward l-isforzi li saru mill-Kummissjoni fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment reċenti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja dispożizzjonijiet addizzjonali li jirregolaw il-finanzjament ta' partijiet terzi għal tilwim bejn l-investitur u l-istat fil-kuntest ta' negozjati internazzjonali, sabiex din il-prattika tiġi limitata b'mod strett, minħabba li tinkoraġġixxi għotjiet kbar b'mod abbużiv;

Trattati bilaterali dwar l-investiment

36.

Jiġbed l-attenzjoni għall-eluf ta' TBI eżistenti tal-Istati Membri li għadhom jipproteġu l-investimenti fil-fjuwils fossili, li fihom dispożizzjonijiet skaduti li jmorru kontra l-objettivi u l-valuri tal-UE, inklużi standards ta' protezzjoni wesgħin wisq u rekwiżiti dgħajfa dwar it-trasparenza u l-ISDS, u mhumiex konformi mal-proposta tal-UE għal MIC; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jtemmu jew jimmodernizzaw it-TBI tagħhom sabiex dawn jibdew jikkonformaw ma' mudell riformat ta' Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment tal-UE, u saħansitra ma' dan ir-rapport;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li t-TBI tal-Istati Membri kollha jkunu kompatibbli bis-sħiħ mad-dritt tal-UE u jkunu konsistenti mal-objettivi u l-valuri tal-UE; jappoġġja lill-Kummissjoni biex tapplika b'mod strett il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tan-negozjar, l-iffirmar u l-konklużjoni mill-Istati Membri ta' ftehimiet ġodda, f'konformità ma' politika modernizzata ta' investiment tal-UE u s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE; ifakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jemendaw it-TBI tagħhom f'konformità mal-Artikolu 351 tat-TFUE; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja l-konformità ma' dawn l-obbligi u tinforma regolarment lill-Parlament dwar il-progress miksub; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiftaħ proċeduri ta' ksur meta jkun meħtieġ biex tiżgura l-konformità tat-TBI tal-Istati Membri mad-dritt tal-UE;

38.

Jappoġġja lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ta' linji gwida interpretattivi li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri fuq il-linji tar-riformi sostantivi u proċedurali msemmija f'dan ir-rapport, sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni unifikata ta' politika ta' investiment tal-UE modernizzata u tiġi garantita kompatibbiltà sħiħa mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tuża dan il-mudell aġġornat bħala bażi għall-awtorizzazzjoni ta' TBI ġodda tal-Istati Membri;

Trattat tal-Karta tal-Enerġija (TKE)

39.

Jirrimarka li t-TKE huwa l-aktar ftehim ta' investiment kontenzjuż fid-dinja llum; jappoġġja l-isforzi biex jiġi mmodernizzat it-TKE u l-pożizzjoni tal-UE li teskludi l-protezzjoni għall-biċċa l-kbira tal-investimenti fil-fjuwils fossili; jemmen, madankollu, li l-pożizzjoni tal-UE m'għandhiex tagħti protezzjoni lill-investimenti f'attivitajiet ekonomiċi meqjusa bħala “ta' ħsara sinifikanti” skont id-dritt tal-UE, u li l-iskeda ta' żmien għat-tneħħija gradwali tal-protezzjoni tal-investimenti eżistenti fil-fjuwils fossili għandha titqassar b'mod sinifikanti sabiex ma tiġix imminata l-kisba tal-objettivi klimatiċi tal-UE; jitlob it-tmiem tas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat fit-TKE; jissottolinja li l-emendar tat-TKE jirrikjedi l-unanimità tal-partijiet kontraenti kollha li jivvutaw fil-konferenza annwali; jinsab imħasseb li l-Parlament m'għandux l-istess livell ta' aċċess għat-testi tan-negozjati dwar il-modernizzazzjoni tal-TKE bħalma kellu matul in-negozjati ta' trattati oħra;

40.

Jinsab imħasseb li ħafna partijiet kontraenti jidhru li ma jaqsmux l-ambizzjonijiet tal-UE fil-qasam tal-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli u t-tranżizzjoni tal-enerġija, minkejja l-fatt li kollha kemm huma huma wkoll firmatarji tal-Ftehim ta' Pariġi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura l-allinjament tat-TKE mal-Ftehim ta' Pariġi u l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li tippreserva l-kapaċità tal-UE li tiżviluppa miżuri ta' politika pubblika konsistenti mal-impenn tagħha li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050;

41.

Jieħu nota tal-fatt li l-Italja nnotifikat id-deċiżjoni tagħha li tirtira mit-TKE mill-1 ta' Jannar 2015; jinnota li l-pajjiżi li rratifikaw jew aderixxew għat-TKE jistgħu jtemmu s-sħubija tagħhom 12-il xahar wara n-notifika tal-irtirar; jiddispjaċih li l-investimenti mwettqa qabel id-data tal-ħruġ għadhom protetti għal 20 sena, iżda jilqa' l-fatt li l-protezzjoni tintemm immedjatament għall-investimenti ġodda kollha;

42.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li TKE rivedut jipproteġi d-dritt tal-istati li jirregolaw, ikun konformi mad-dritt tal-UE u mal-politika ta' investiment tal-UE, li jipprojbixxi immedjatament lill-investituri tal-fjuwils fossili milli jfittxu lill-partijiet kontraenti biex isegwu politiki li jeliminaw gradwalment il-fjuwils fossili f'konformità mal-impenji tagħhom skont il-Ftehim ta' Pariġi, u li l-protezzjoni tal-investiment tingħata biss lil investituri reali u mhux lil investituri purament finanzjarji jew spekulattivi; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika l-istudju legali tagħha li janalizza l-effetti potenzjali tal-irtirar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jibdew iħejju ħruġ koordinat mit-TKE, u ftehim li jeskludi l-applikazzjoni tal-klawżola ta' estinzjoni bejn il-partijiet kontraenti li jixtiequ jippreżentaw formalment lill-Kunsill u lill-Parlament fil-każ li l-objettivi tan-negozjati msemmija hawn fuq ma jintlaħqux sa Ġunju 2022;

43.

Jilqa' l-kjarifika tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Komstroy tagħha li d-dispożizzjonijiet tal-ISDS fit-TKE mhumiex applikabbli fil-każ ta' tilwim intra-UE; jinnota li bħalissa għaddejjin mill-inqas 73 każ intra-UE, inklużi aktar minn 40 każ ta' arbitraġġ ta' investiment intra-UE bbażati fuq it-TKE; jinnota bi tħassib kbir li s-sentenza Achmea ma skoraġġietx lit-tribunali tal-arbitraġġ milli jkomplu jisimgħu tilwim dwar l-investiment intra-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tasserixxi dawn is-sentenzi fil-proċedimenti ta' arbitraġġ intra-UE li għaddejjin bħalissa; jitlob lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, għalhekk, jadottaw ftehim inter se dwar in-nuqqas ta' applikabbiltà tat-TKE għat-tilwim intra-UE; jappoġġja t-talba minn diversi Stati Membri għal deċiżjoni ġdida mill-Qorti tal-Ġustizzja, u jqis li din għandha toffri kjarifika definittiva dwar il-kwistjoni, biex jiġi evitat li kwalunkwe arbitraġġ futur intra-UE jkun ammissibbli taħt it-TKE;

44.

Jirrimarka li, filwaqt li se jkun diffiċli li jiġu infurzati kwalunkwe għotjiet possibbli f'każijiet intra-UE fil-qrati tal-UE, il-kawżi skont ir-regoli taċ-Ċentru Internazzjonali għas-Soluzzjoni ta' Tilwim dwar l-Investiment xorta jistgħu jiġu infurzati fil-qrati ta' pajjiżi terzi; jinnota li dawn il-qrati jistgħu jordnaw li l-assi tal-istat (15) tal-UE jew tal-Istati Membri tal-UE jiġu ssekwestrati;

45.

Jissottolinja li r-rispett għas-sentenzi tal-qrati tal-UE, u speċjalment tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, għandu jitqies matul il-proċess tal-għażla għall-arbitri għal rosters tas-sistema ta' qorti tal-investiment futuri;

Sforzi multilaterali għar-riforma tal-protezzjoni tal-investiment (MIC)

46.

Jilqa' l-fatt li l-Grupp ta' Ħidma III tal-UNCITRAL ilu mill-2017 jinvolvi ruħu f'deliberazzjonijiet dwar riforma multilaterali possibbli tal-ISDS; jinnota li 60 stat qablu b'kunsens li l-ħidma tal-UNCITRAL trid tindirizza l-għażliet ta' riforma strutturali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinvolvi ruħha b'mod kostruttiv fid-diskussjonijiet tal-UNCITRAL, kif ukoll tinkoraġġixxi n-negozjati dwar suġġetti bħal iffriżar regolatorju, l-eżawriment tar-rimedji, id-drittijiet ta' partijiet terzi u d-danni, li rċevew attenzjoni limitata, u tqishom fil-Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment futuri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-ħidma tagħha fl-UNCITRAL sabiex tipproteġi l-kapaċità tal-istat li jirregola, u tiżgura trasparenza sħiħa;

47.

Jappoġġja n-negozjati li għaddejjin bħalissa fil-Grupp ta' Ħidma III tal-UNCITRAL li fihom l-UE u l-Istati Membri tagħha qed isegwu l-istabbiliment ta' mekkaniżmu permanenti biex isolvu tilwim dwar l-investiment: il-Qorti Multilaterali tal-Investiment (MIC); jilqa' t-tmexxija globali li l-UE qed tipprovdi f'dawn in-negozjati; jenfasizza, madankollu, li din il-proposta ma tkoprix il-modernizzazzjoni ta' standards sostantivi ta' protezzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-korp ta' liġijiet li l-imħallfin mill-MIC japplikaw jibbilanċja l-interpretazzjoni ta' dispożizzjonijiet sostantivi u drittijiet minquxa fi Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment ma' liġijiet nazzjonali rilevanti ta' interess pubbliku li ġew promulgati demokratikament; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-imħallfin ma jitħallsux fuq bażi ta' każ b'każ; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi r-riforma u l-modernizzazzjoni ta' dawn l-istandards f'fora internazzjonali xierqa;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fin-negozjati dwar il-MIC l-introduzzjoni ta' regoli li jistabbilixxu, b'mod trasparenti, il-kumpens li għandu jitħallas mill-istati, u tippromwovi metodi ta' valutazzjoni stretti li jippermettu biss kumpens għal spejjeż mitlufa fin-negozjati ta' riforma tal-UNCITRAL li għaddejjin bħalissa;

49.

Jikkritika bil-qawwa d-dewmien sinifikanti fir-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Mauritius; jistieden lill-Istati Membri jadottaw mingħajr dewmien il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tagħha, f'isem l-UE; jirrimarka s-sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar kompetenzi esklużivi u kondiviżi fir-rigward tar-ratifika tat-trattati internazzjonali, li jistgħu joffru gwida dwar l-iżblukkar tar-ratifika ta' din il-Konvenzjoni;

Politika ta' investiment tal-UE lil hinn mill-aġġudikazzjoni bejn l-investituri u l-istati

50.

Jinnota li, fuq skala globali fl-2017, l-2019 u l-2020, ġew itterminati aktar trattati dwar l-investiment minn Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment ġodda konklużi; jissottolinja li l-aktar Ftehimiet Internazzjonali ta' Investiment megareġjonali konklużi reċentement jużaw approċċ dejjem aktar kawt għall-aġġudikazzjoni bejn l-investitur u l-istat;

51.

Jitlob l-appoġġ tal-UE għat-tisħiħ tas-sistemi ġuridiċi nazzjonali u l-istat tad-dritt fil-pajjiżi sħab permezz ta' assistenza teknika fil-livell tal-UE, li jiżgura ambjent favorevoli għall-investiment barrani filwaqt li jindirizza l-fallimenti sistemiċi li għandhom impatt negattiv fuq l-iżvilupp sostenibbli f'dawn il-pajjiżi;

52.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija ta' investiment barrani tal-UE biex tinċentiva u tipproteġi l-investimenti sostenibbli, fid-dimensjonijiet kollha tagħhom, mingħajr ma neċessarjament tiddependi fuq aġġudikazzjoni bejn l-investitur u l-istat, kif ukoll taġġorna l-mudell ta' protezzjoni tal-investiment tagħha adottat fl-2015 f'konformità mat-talbiet ta' din ir-riżoluzzjoni, biex tipprovdi gwida għan-negozjar ta' ftehimiet ġodda jew aġġornati tal-UE;

o

o o

53.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 351, 20.12.2012, p. 40.

(2)  ĠU L 257, 28.8.2014, p. 121.

(3)  ĠU L 198, 22.6.2020, p. 13.

(4)  ĠU C 296 E, 2.10.2012, p. 34.

(5)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 1.

(6)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 17.

(7)  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 30.

(8)  ĠU L 149, 30.4.2021, p. 10.

(9)  ĠU L 169, 29.5.2020, p. 1.

(10)  Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, “FDI in Figures” (IDB f'ċifri), – April 2021.

(11)  Patt Ekoloġiku Ewropew; Ewropa lesta għall-era diġitali; ekonomija għas-servizz tan-nies; Ewropa aktar b'saħħitha fid-dinja; promozzjoni tal-istil ta' ħajja Ewropew tagħna; spinta ġdida għad-demokrazija Ewropea.

(12)  Bħall-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn l-UE u l-Kanada (l-Anness 8b, paragrafu 4 li jiddefinixxi d-dejn pubbliku bħala strument ta' dejn ta' kwalunkwe livell ta' gvern ta' Parti), is-CPTPP u t-TBI tal-2009 bejn l-UEBL (l-Unjoni Ekonomika Belgo-Lussemburgiża) u l-Kolombja.

(13)  Inkluż dwar is-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni pubblika, is-sikurezza, l-ambjent jew il-morali pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur, il-privatezza u l-protezzjoni tad-data, jew il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali.

(14)  Strument legalment vinkolanti li jirregola d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra https://www.ohchr.org/en/hr-bodies/hrc/wg-trans-corp/igwg-on-tnc.

(15)  Il-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Eżekuzzjoni ta' Deċiżjonijiet ta' Arbitraġġ Barranin, magħrufa wkoll bħala l-“Konvenzjoni ta' Arbitraġġ ta' New York”.