27.1.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/28


P9_TA(2022)0263

Rapport dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2022 dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (2022/2002(INI))

(2023/C 32/05)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-NU bit-titolu “Transforming our World – the 2030 Agenda for Sustainable Development” (Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli), adottata waqt is-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-25 ta' Settembru 2015 fi New York (l-Aġenda 2030),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2020 bit-titolu “It-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU — Approċċ komprensiv” (SWD(2020)0400),

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tad-Dipartiment tal-Affarijiet Ekonomiċi u Soċjali tan-NU tal-2022 bit-titolu “SDG Good Practices – A compilation of success stories and lessons in SDG implementation – Second Edition” (Prattiki Tajba tal-SDG – Kumpilazzjoni ta' stejjer ta' suċċess u lezzjonijiet fl-implimentazzjoni tal-SDG – It-Tieni Edizzjoni),

wara li kkunsidra r-Rapport tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Globali tal-2019,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-17 ta' Frar 2021 dwar it-tisħiħ tal-kontribut tal-UE għall-multilateraliżmu bbażat fuq ir-regoli (JOIN(2021)0003),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2017 dwar il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp – “Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna” (1),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2019 bit-titolu “2019 EU report on Policy Coherence for Development” (Rapport tal-UE tal-2019 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp) (SWD(2019)0020),

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u dwar id-Diversità Bijoloġika,

wara li kkunsidra l-Ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-UNFCCC (COP21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

wara li kkunsidra l-preżentazzjoni fis-6 ta' Marzu 2015 mil-Latvja u l-Kummissjoni f'isem l-UE u l-Istati Membri tagħha lill-UNFCCC tal-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha,

wara li kkunsidra l-preżentazzjoni fis-17 ta' Diċembru 2020 mill-Ġermanja u l-Kummissjoni f'isem l-UE u l-Istati Membri tagħha lill-UNFCCC tal-aġġornament tal-kontribut stabbilit fil-livell nazzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha,

wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li saret f'Addis Ababa mit-13 sas-16 ta' Lulju 2015,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kunsill u r-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2017 dwar il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp – “Id-Dinja tagħna, id-Dinjità tagħna, il-Futur tagħna” (2),

wara li kkunsidra l-programmi ta' ħidma tal-Kummissjoni tal-2020 (COM(2020)0037), tal-2021 (COM(2020)0690) u tal-2022 (COM(2021)0645), u r-referenzi tagħhom għall-SDGs,

wara li kkunsidra l-integrazzjoni tal-SDGs fil-qafas għal Regolamentazzjoni Aħjar, inkluża l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' April 2021 bit-titolu “Regolazzjoni aħjar: Ningħaqdu flimkien biex nagħmlu liġijiet aħjar” (COM(2021)0219), id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-3 ta' Novembru 2021 bit-titolu “Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar” (SWD(2021)0305), u s-sett ta' għodod ta' Novembru 2021 tiegħu, inkluża l-għodda l-ġdida #19 dwar l-SDGs,

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti tal-2022 bit-titolu “New threats to human security in the Anthropocene Demanding greater solidarity” (Theddid ġdid għas-sigurtà tal-bniedem fl-Antropoċen li jitlob solidarjetà akbar),

wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar l-Oċean u l-Krijosfera fi Klima li qed Tinbidel tal-2019,

wara li kkunsidra s-sitt rapport ta' valutazzjoni tal-IPCC tat-28 ta' Frar 2022 bit-titolu “Climate Change 2022: Impacts, Adaptation and Vulnerability” (Tibdil fil-Klima 2022: Impatti, Adattament u Vulnerabbiltà),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (3),

wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri 2015-2030, li ġie adottat mill-Istati Membri tan-NU fit-Tielet Konferenza Dinjija tan-NU dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastri fit-18 ta' Marzu 2015,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2022 dwar il-ħtieġa ta' pjan ta' azzjoni urġenti tal-UE biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-ikel kemm fl-UE kif ukoll barra l-UE fid-dawl tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna (4),

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU bit-titolu “Our Common Agenda” (L-Aġenda Komuni Tagħna), ippreżentat lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, u mogħti mandat mir-Riżoluzzjoni 76/6 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-15 ta' Novembru 2021,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2021 dwar il-perspettiva tal-ġeneru fil-kriżi tal-COVID-19 u fil-perjodu ta' wara l-kriżi (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2019 dwar ir-rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015 (7),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019 bit-titolu “Building a sustainable Europe by 2030 – Progress thus far and next steps” (Nibnu Ewropa sostenibbli sal-2030 – Il-progress sa issa u l-passi li jmiss),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Ottubru 2018,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2017 bit-titolu “A sustainable European future: The EU response to the 2030 Agenda for Sustainable Development” (“Futur Ewropew sostenibbli: Ir-rispons tal-UE għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli”),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar azzjoni tal-UE għas-sostenibbiltà (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030: Inreġġgħu n-natura lura f'ħajjitna (9),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta' April 2019 dwar “Lejn Unjoni dejjem aktar sostenibbli sal-2030”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030 (10),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2019 dwar l-evalwazzjoni tas-7 Pjan ta' Azzjoni Ambjentali (COM(2019)0233),

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030 (COM(2020)0652),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-2019 bit-titolu “The European environment — state and outlook 2020: Knowledge for transition to a sustainable Europe” (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti għall-2020: Għarfien għal tranżizzjoni għal Ewropa sostenibbli),

wara li kkunsidra r-rapport ta' monitoraġġ tal-Eurostat għall-2021 dwar il-progress lejn l-SDGs fil-kuntest tal-UE,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2021 (11),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Settembru 2018 bit-titolu “Indikaturi aktar adatti għall-evalwazzjoni tal-SDGs – il-kontribut tas-soċjetà ċivili” (12),

wara li kkunsidra r-Rapport tal-2021 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-14 ta' Ġunju 2021, bit-titolu “The Decade of Action for the Sustainable Development Goals” (Id-Deċennju ta' Azzjoni għall-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2021 bit-titolu “Approċċ komprensiv biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-iżvilupp sostenibbli – Nibnu mill-ġdid aħjar mill-kriżi tal-COVID-19”,

wara li kkunsidra r-rapport speċjali 26/2020 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “Ambjent tal-baħar: il-protezzjoni tal-UE hija wiesgħa iżda mhux approfondita”,

wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2019 bit-titolu “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” (COM(2019)0022), b'mod partikolari l-Anness III bit-titolu “Sommarju tal-kontribut tal-Pjattaforma ta' Bosta Partijiet Interessati tal-SDG dwar id-Dokument ta' Riflessjoni ‘Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030’” tiegħu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A9-0174/2022),

A.

billi fil-livell Ewropew u internazzjonali, mhux se jkun hemm ġustizzja klimatika mingħajr żvilupp ambjentalment, soċjalment u ekonomikament sostenibbli u inklużiv; billi l-ilħuq tal-SDGs huwa għalhekk prerekwiżit essenzjali biex tinkiseb tranżizzjoni ekwa u ġusta skont il-Ftehim ta' Pariġi u l-Patt Ekoloġiku Ewropew;

B.

billi l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 għadu mhuwiex kompletament magħruf, iżda diġà wassal għal livell sinifikanti ta' rigress tal-SDGs, speċjalment fil-pajjiżi tan-Nofsinhar Globali li għandhom sistemi tal-kura tas-saħħa dgħajfa u fejn ir-rati tat-tilqim għadhom baxxi ħafna, u wassal għal aktar inugwaljanzi u faqar; billi skont ir-“Rapport tal-2021 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp Sostenibbli” tan-NU, il-pandemija tal-COVID-19 tista' twassal għal “deċennju mitluf” għall-iżvilupp sostenibbli; billi l-pajjiżi l-inqas żviluppati (LDCs) intlaqtu partikolarment ħażin minħabba l-vulnerabbiltà tagħhom għal xokkijiet esterni; billi ambjent b'saħħtu huwa pilastru fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli; billi l-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem kien stmat li bata minn “tnaqqis qawwi u mingħajr preċedent” fl-2020 għall-ewwel darba fit-30 sena minn meta beda jsir il-kejl; billi r-rata ta' faqar estrem żdiedet fl-2020 għall-ewwel darba f'20 sena; billi, min-naħa l-oħra, il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 jippreżentaw opportunità sinifikanti biex is-soċjetajiet tagħna jissawru mill-ġdid sabiex jissodisfaw l-aspirazzjonijiet tal-SDGs; billi qabel il-pandemija tal-COVID-19, kien hemm lakuna finanzjarja globali annwali stmata ta' USD 2,5 triljun bejn il-finanzjament u dak li kien meħtieġ biex jintlaħqu l-SDGs; billi skont stima partikolari, fil-bidu tal-2021, l-inċertezza ekonomika u n-nuqqas fl-infiq għall-irkupru relatat mal-pandemija fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw żiedu din il-lakuna b'50 % għal USD 3,7 triljun; billi l-Kumitat Speċjali l-ġdid tal-Parlament dwar il-pandemija tal-COVID-19: tagħlimiet meħuda u rakkomandazzjonijiet għall-futur jista' jinvestiga l-impatt tal-pandemija fuq l-SDGs;

C.

billi skont ir-Rapport tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli Globali maħruġ fl-2019 u l-Indiċi tal-SDGs tal-2020 tan-Network ta' Soluzzjonijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDSN) tan-NU, l-ebda pajjiż, inkluż kwalunkwe pajjiż Ewropew, ma jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq l-SDGs kollha sal-2030; billi skont ir-Rapport Ewropew dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2021, għall-ewwel darba mill-adozzjoni tal-SDGs, il-punteġġ medju tal-Indiċi tal-SDGs tal-UE ma żdiedx fl-2020; billi l-Ewropa tinsab fit-triq it-tajba biex tilħaq biss 26 – jew 15 % – tal-169 mira, skont il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-NU; billi skont l-Indiċi tal-SDGs tal-SDSN tal-2021, il-pajjiżi tal-OECD huma fl-eqreb pożizzjoni li jilħqu l-miri tal-Aġenda 2030, iżda jiġġeneraw l-akbar effetti kollaterali negattivi, li jimmina l-kapaċità ta' pajjiżi oħra li jilħqu l-miri tagħhom;

D.

billi r-realtajiet ġeopolitiċi u umanitarji ġodda li ħolqot l-invażjoni illegali tar-Russja u l-gwerra fl-Ukrajna qed ikollhom impatt enormi fuq l-ilħuq globali tal-SDGs, speċjalment fir-rigward tal-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, il-faqar u l-ġuħ, u jistgħu jimpedixxu l-iskeda ta' żmien għat-twettiq tagħhom sal-2030; billi huwa meħtieġ b'mod urġenti impetu politiku mġedded biex jintlaħqu l-SDGs sabiex jitqies l-impatt tal-COVID-19 u l-konsegwenzi globali tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja; billi hemm bżonn, f'dan il-kuntest, li jiġu ffinanzjati sorsi tal-enerġija rinnovabbli sabiex jiġi żgurat l-allinjament mal-objettivi tal-Aġenda 2030 u tiġi evitata pressjoni finanzjarja globali futura fis-settur tal-enerġija;

E.

billi l-UE hija obbligata li tinkorpora l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fil-politiki interni jew esterni kollha li jistgħu jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif stabbilit fl-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; billi l-ilħuq ta' allinjament fil-politiki kollha tal-UE huwa kruċjali biex jintlaħqu l-SDGs madwar id-dinja; billi l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp sostenibbli hija approċċ biex jiġu integrati d-diversi dimensjonijiet tal-iżvilupp sostenibbli b'mod olistiku fl-istadji kollha tat-tfassil tal-politika u hija element ewlieni tal-isforz tal-UE biex timplimenta l-Aġenda 2030; billi l-Kummissjoni, fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tagħha tat-18 ta' Novembru 2021 bit-titolu “Delivering on the UN's Sustainable Development Goals – A comprehensive approach” (Inwettqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU – Approċċ komprensiv), impenjat ruħha li tieħu approċċ ta' “gvern sħiħ” għall-implimentazzjoni tal-SDGs, ikkoordinat mill-President von der Leyen; billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija tal-benesseri li tagħti lura lill-pjaneta aktar milli tieħu, inkorporata fit-tmien programm ta' azzjoni ambjentali tal-UE u minquxa fl-objettivi prijoritarji tagħha tal-2030 u l-2050, se tirrikjedi li l-UE tiżviluppa approċċ aktar olistiku għat-tfassil tal-politika;

F.

billi l-Parlament, il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew, f'diversi okkażjonijiet mill-adozzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli fl-2015, talbu lill-Kummissjoni tadotta strateġija globali biex timplimenta bis-sħiħ l-SDGs;

G.

billi hemm interdipendenza qawwija bejn il-kriżijiet tas-saħħa, il-kriżijiet ambjentali u l-kriżijiet klimatiċi; billi kriżijiet bħal dawn se jiżdiedu fis-snin li ġejjin, b'mod partikolari bħala riżultat tat-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità;

H.

billi l-kapaċità li tinkiseb data biex jimtlew l-indikaturi tal-SDGs hija limitata f'diversi pajjiżi li qed jiżviluppaw, u dan jista' jfixkel serjament il-valutazzjoni tal-progress;

I.

billi l-lakuna bejn il-persuni u l-pajjiżi l-aktar sinjuri u dawk l-aktar foqra qed tiżdied fuq bażi kontinwa; billi t-tnaqqis tal-inugwaljanzi (SDG 10) għandu importanza strateġika u għandu jkun fil-qalba tal-isforzi komuni biex tintlaħaq l-Aġenda 2030;

J.

billi l-SDGs ikopru l-kwistjonijiet ewlenin kollha li qed tiffaċċja l-umanità u mhumiex marbuta biss mal-politiki tal-iżvilupp, iżda jikkonċernaw ukoll politiki pubbliċi usa' fil-livell Ewropew;

K.

billi meta impenjat ruħha għat-twettiq tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-UE rrikonoxxiet li d-dinjità tal-individwu hija fundamentali u li l-għanijiet u l-miri tal-aġenda għandhom jintlaħqu għan-nazzjonijiet, in-nies u s-segmenti kollha tas-soċjetà;

L.

billi l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom ukoll ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-iżvilupp sostenibbli jiġi integrat fil-proċeduri tagħhom, sabiex jitkissru s-silos;

M.

billi ż-żieda fl-inugwaljanzi, it-tibdil fil-klima, it-telfien tal-bijodiversità u fil-produzzjoni tal-iskart huma elementi indirizzati mill-SDGs; billi dawn kollha huma ta' detriment għall-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-bniedem;

N.

billi l-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati ta' livell għoli tal-UE dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs, li damet għaddejja mill-2017 sal-2019, ġiet stabbilita biex tappoġġja u tagħti pariri lill-Kummissjoni u pprovdiet forum għall-iskambju ta' esperjenzi u l-aħjar prattiki fis-setturi kollha u fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE billi laqqgħet flimkien partijiet ikkonċernati mis-soċjetà ċivili, mill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u mis-setturi privati u korporattivi;

O.

billi fid-dawl ta' dan kollu ta' hawn fuq, strateġija ta' governanza Ewropea li tintegra l-SDGs f'approċċ trażversali tippermetti allinjament akbar bejn il-politiki pubbliċi u l-effiċjenza fihom; billi pereżempju l-SDG 14 (ħajja taħt l-ilma), li jappella għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli, għandu jiġi implimentat bħala parti minn politika marittima integrata;

P.

billi l-progress globali tal-SDG mhuwiex mifhum sew minħabba kapaċitajiet ta' monitoraġġ insuffiċjenti, b'mod partikolari, fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

Q.

billi l-pandemija tal-COVID-19 aggravat ħafna l-problemi eżistenti tad-dejn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li pperikola aktar l-isforzi tagħhom biex jimmobilizzaw biżżejjed riżorsi biex jilħqu l-SDGs; billi għaldaqstant, huma meħtieġa b'mod urġenti aktar sforzi f'termini ta' serħan mid-dejn biex jiġu evitati inadempjenzi mifruxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u jiġu ffaċilitati l-investimenti fl-irkupru u fl-SDGs;

R.

billi skont is-sitt rapport tal-IPCC tal-2022, it-tibdil fil-klima naqqas is-sigurtà tal-ikel u tal-ilma, u dan fixkel l-isforzi biex jintlaħqu l-SDGs;

S.

billi l-SDGs għandhom dimensjoni sottonazzjonali u lokali;

T.

billi l-oċeani huma riżerva enormi ta' bijodiversità u r-regolaturi primarji tal-klima globali; billi l-konservazzjoni tagħhom hija kritika għall-iżvilupp sostenibbli, tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar u tipprovdi għajxien sostenibbli u sigurtà tal-ikel għal biljuni ta' nies;

U.

billi l-SDGs huma universali u indiviżibbli; billi dawn huma komuni u applikabbli għall-atturi kollha, inklużi s-setturi pubbliċi u privati, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali;

V.

billi s-17-il SDG bil-169 mira rispettiva tagħhom u l-indikaturi li jakkumpanjawhom jirrappreżentaw l-uniku qafas kondiviż fuq livell globali u maqbul mill-aspett politiku għal politiki bbażati fuq l-evidenza;

Introduzzjoni

1.

Jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu għall-Aġenda 2030, is-17-il SDG tagħha u l-wegħda li l-ebda persuna u pajjiż ma jitħalla jibqa' lura; jisħaq li, fid-dawl tal-pandemiji attwali u futuri u l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna, l-Aġenda 2030 tipprovdi perkors uniku lejn ekonomija tal-benesseri biex tinbena mill-ġdid dinja aktar ekwa, ġusta, inklużiva, sostenibbli u reżiljenti; jirrikonoxxi li l-SDGs huma tħassib komuni tal-umanità; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tindirizza t-tibdil fil-klima u tirrispetta u tippromwovi d-drittijiet tal-bniedem, id-dritt għas-saħħa, il-komunitajiet lokali, ir-rifuġjati u l-migranti, it-tfal, il-gruppi ta' minoranza, il-persuni f'sitwazzjonijiet vulnerabbli, id-dritt għall-iżvilupp, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-ekwità interġenerazzjonali;

2.

Ifakkar li għad fadal inqas minn tmien snin biex jintlaħqu l-miri tal-Aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli u li s-snin 20 tas-seklu 21 ġew iddikjarati bħala d-Deċennju ta' Azzjoni tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli;

3.

Jissottolinja li t-twettiq tal-Aġenda 2030 se jikkontribwixxi għall-ksib ta' tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ekwa u inklużiva, f'konformità mal-ambizzjonijiet u l-azzjonijiet tal-UE deskritti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Kumpass Diġitali tal-2030;

Governanza

4.

Jilqa' l-impenn tal-President tal-Kummissjoni li ssegwi approċċ ta' “gvern sħiħ” lejn l-implimentazzjoni tal-SDGs tal-UE u għall-integrazzjoni tal-SDGs fil-portafoll ta' kull Kummissarju; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-President tagħha jkomplu juru kif l-approċċ ta' “gvern sħiħ” għall-SDGs qed jiġi implimentat fil-livell tal-UE; jafferma, madankollu, li approċċ bħal dan jista' jkun effettiv biss bi tmexxija fl-ogħla livell u bi pjan konkret biex tiġi żgurata azzjoni komprensiva fil-Kummissjoni kollha; jesprimi dispjaċir għall-fatt li mill-2019 'l hawn, ma kien hemm l-ebda Kummissarju responsabbli għall-implimentazzjoni u l-koordinazzjoni interni u esterni tal-SDGs, li rriżulta f'approċċ frammentat, li jmur kontra l-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli; jipproponi, barra minn hekk, li l-Kummissjoni tinnomina Mibgħut Speċjali għall-SDGs, li għandu jwieġeb lill-Kummissarju responsabbli, biex jippromwovi azzjoni konsistenti dwar l-SDGs globalment permezz tal-azzjonijiet esterni tal-UE;

5.

Itenni li biex jintlaħqu l-SDGs, l-Aġenda 2030 tirrikjedi livell b'saħħtu ta' leġittimità tas-soċjetà u żvolta politika ġenwina, li jista' jinkiseb biss jekk l-SDGs jitqiesu bħala opportunità għaċ-ċittadini; jenfasizza l-importanza tal-mezzi tax-xandir f'dan ir-rigward; ifakkar li l-importanza tal-involviment strutturat tal-partijiet ikkonċernati u s-sħubijiet bejn diversi partijiet ikkonċernati huma fil-qalba tal-SDGs; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-mandat tal-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati ma ġġeddidx fl-2019 u jitlob li dan jerġa' jiddaħħal b'mod urġenti jew li jitwaqqaf mekkaniżmu ġdid għal involviment strutturat, b'rappreżentanza bbilanċjata, diversifikata u demokratika li jkopri l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità, is-settur privat (inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) u l-organizzazzjonijiet immexxija mill-produtturi), it-trade unions, il-kooperattivi, l-akkademja u l-istituzzjonijiet tar-riċerka, il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-gruppi emarġinati; jissottolinja r-rwol ewlieni ta' kull waħda minn dawn il-partijiet ikkonċernati, peress li dawn jimmonitorjaw mill-qrib l-implimentazzjoni tal-SDGs mill-gvernijiet u jikkontribwixxu direttament għall-iżvilupp sostenibbli; jappella għal involviment u konsultazzjoni aktar b'saħħithom ma' dawn il-gruppi; jisħaq li l-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati għandha tikkomunika b'mod sistematiku mal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ġenwina tal-Istati Membri;

6.

Jirrikonoxxi li nuqqas ta' obbligu ta' rendikont, trasparenza u governanza tajba għandhom impatt negattiv qawwi fuq l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 kemm fil-pajjiżi żviluppati kif ukoll f'dawk li qed jiżviluppaw u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu promossi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-integrità biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-SDGs u biex il-progress jiġi mmonitorjat b'mod konsistenti;

7.

Jisħaq fuq il-fatt li l-isforzi biex l-SDGs jiġu integrati fil-politiki interni u esterni tal-UE għandhom imorru lil hinn minn eżerċizzju ta' mmappjar; ifakkar li ħafna politiki interni tal-UE mhux biss jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-SDGs, iżda għandhom ukoll impatt konsegwenzjali ekoloġiku, soċjali u ekonomiku kbir ħafna fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-gruppi u l-popolazzjonijiet vulnerabbli; jinsisti, għalhekk, li sabiex isir aktar progress fil-livell globali, l-azzjoni interna u esterna tal-UE trid tiġi kkoordinata aktar; jenfasizza l-importanza ta' approċċ integrat, li jkun jirrikjedi soluzzjonijiet sistemiċi; jirrikonoxxi l-progress li sar fil-bini tal-kapaċitajiet, iżda jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-allinjament u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-bini tal-kapaċitajiet madwar l-UE;

8.

Iħeġġeġ bil-qawwa aktar koerenza politika għall-iżvilupp fil-pakkett leġiżlattiv storiku “Lesti għall-mira ta' 55 %” (13), il-politika agrikola komuni, il-politika komuni tas-sajd, il-politika kummerċjali komuni u l-ħidma tal-Kummissjoni b'mod ġenerali; jesprimi dispjaċir għall-fatt li n-nuqqas ta' strateġija ta' implimentazzjoni tal-SDGs jagħmilha aktar diffiċli li tinkiseb koerenza politika, minħabba n-nuqqas ta' miri ċari, li jistgħu jitkejlu u marbuta biż-żmien li tirrapporta fuqhom l-UE kollha għall-SDGs kollha; jitlob li l-iżvilupp sostenibbli jingħata prijorità u jiġi integrat fiċ-ċiklu kollu tal-politika (tfassil, implimentazzjoni u evalwazzjoni), u li d-dimensjonijiet kollha tiegħu jiġu kkunsidrati sistematikament fil-valutazzjonijiet tal-impatt u r-rekwiżiti ta' żvelar u rapportar estern; jipproponi awditu intern mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat l-allinjament bejn il-politiki interni u esterni tal-UE; jisħaq li l-SDGs għandhom jiffurmaw is-sinsla tal-politiki pubbliċi Ewropej;

9.

Jitlob lill-Kummissjoni tadotta strateġija ġdida ta' livell għoli għall-implimentazzjoni tal-Aġenda tal-UE għall-2030, kif kien mitlub mill-Kunsill Ewropew f'Ottubru 2018, li tibni fuq ir-riżoluzzjonijiet u d-direttivi ta' politika tal-UE li għandhom l-għan li jilħqu l-SDGs, peress li fadal inqas minn tmien snin biex tintlaħaq l-Aġenda 2030 u, għalhekk, hija meħtieġa implimentazzjoni urġenti, f'konformità mad-Deċennju ta' Azzjoni biex jintlaħqu l-Għanijiet Globali; jemmen li strateġija bħal din għandha tiddefinixxi, bħala minimu:

(a)

qafas ta' governanza ġdid, immexxi minn Kummissarju wieħed ta' livell għoli li jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-SDGs fil-portafolli kollha u li jikkonsulta sistematikament il-pjattaforma l-ġdida ta' diversi partijiet ikkonċernati;

(b)

sett rivedut ta' miri konkreti li jistgħu jitkejlu, għall-UE kollha, marbuta biż-żmien biex jissaħħu l-ambizzjoni tal-UE u miżuri konkreti biex dawn jintlaħqu;

(c)

sistema ta' monitoraġġ u indikaturi aġġornati, li jqisu l-impatt intern u estern tal-UE fuq il-progress globali tal-SDG;

(d)

pjan finanzjarju uniku biex jintlaħqu l-objettivi tal-SDGs tal-UE, marbuta mal-miri msemmija hawn fuq;

(e)

pjan għad-diplomazija dwar l-SDGs tal-UE u l-kooperazzjoni internazzjonali, immexxija minn Mibgħut Speċjali għall-SDGs, biex tiġi żgurata kondiviżjoni ekwa tal-piżijiet u kundizzjonijiet ekwivalenti;

jistieden lill-Presidenti tal-Parlament, tal-Kummissjoni u tal-Kunsill jakkumpanjaw din l-istrateġija b'dikjarazzjoni interistituzzjonali li ġġedded l-impenn tal-UE għall-Aġenda 2030; jisħaq li din l-istrateġija għandha tiġi ppubblikata sa mhux aktar tard minn Ġunju 2023, sabiex l-UE jkollha rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-Aġenda 2030 fis-Summit dwar l-SDG f'Settembru 2023; jisħaq li l-istrateġija għandha tiġi rieżaminata regolarment u akkumpanjata minn miżuri korrettivi f'oqsma li fihom il-progress jitqies bħala wieqaf jew insuffiċjenti;

10.

Jissottolinja li l-koordinazzjoni fi ħdan u bejn l-istituzzjonijiet tal-UE hija prerekwiżit biex tiżdied l-effettività tal-azzjonijiet tal-UE; jappella għall-ħolqien ta' task force interistituzzjonali biex jiġi ffaċilitat id-djalogu strutturat dwar l-SDGs, li jikkonsisti f'rappreżentanti mill-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill; iqis li t-task force, li għandha titlaqqa' kull tliet xhur, għandha tassumi r-responsabbiltà li tikkoordina l-isforzi tal-UE biex twettaq l-SDGs internament u globalment; jinsab fiduċjuż li l-Kummissjoni se taġġorna b'mod regolari lill-koleġiżlaturi dwar l-iżviluppi tal-politika u l-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-SDGs;

11.

Jilqa' l-integrazzjoni tal-SDGs fir-reviżjoni tal-2021 tas-sett ta' għodod għal Regolamentazzjoni Aħjar, inklużi l-komunikazzjoni, il-linji gwida u s-sett ta' għodod innifsu, b'mod partikolari l-għodda ddedikata għall-implimentazzjoni tal-SDGs u l-indikazzjoni tal-indikaturi rilevanti tal-SDGs għad-diversi tipi ta' impatti;

12.

Huwa tal-fehma li l-adozzjoni tal-istrateġija ta' implimentazzjoni komprensiva l-ġdida għandha tkun ibbażata fuq approċċ minn isfel għal fuq, preċedut minn immappjar tal-SDGs u proċess ta' konsultazzjoni parteċipattiv pubbliku wiesa', strutturat, inklużiv u sinifikattiv, akkumpanjat minn pjan għal sensibilizzazzjoni u djalogu sinifikanti maċ-ċittadini, inklużi s-soċjetà ċivili, ir-rappreżentanti tal-industrija rilevanti u, b'mod aktar ġenerali, is-settur privat, it-trade unions, l-akkademja, il-gvernijiet reġjonali u lokali, il-minoranzi u l-gruppi vulnerabbli;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tantiċipa l-Aġenda tan-NU li jmiss wara l-2030 bi pjan direzzjonali ta' miri u miżuri biex jiġu ppjanati l-għanijiet ta' żviluppi sostenibbli li jmiss;

Monitoraġġ

14.

Jitlob lill-Parlament jaħtar rapporteur permanenti dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs biex jaħdem mal-Bureau u mal-kumitati kollha, kif ukoll mal-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati; jipproponi wkoll li kull kumitat għandu jaħtar Membru responsabbli għat-twettiq tal-SDGs u li dawn il-Membri responsabbli għandhom jiltaqgħu bejniethom u mar-rapporteur permanenti fuq bażi trimestrali biex jiġi żgurat l-allinjament;

15.

Jenfasizza li l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali għandhom ukoll rwol x'jaqdu biex jiżguraw li l-iżvilupp sostenibbli jiġi integrat fil-proċeduri u li jitkissru s-silos; jenfasizza l-importanza tal-parteċipazzjoni u l-kontribut tal-Parlament għall-Forum Politiku ta' Livell Għoli annwali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (HLPF), u tar-rwol li jista' jkollu rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs f'dan ir-rigward;

16.

Jafferma li fehim aħjar tal-impatt reali tal-UE fuq il-progress tal-SDGs fl-UE u globalment jista' jinkiseb biss billi jiġu indirizzati l-lakuni eżistenti fid-data, inkluż in-nuqqas ta' data diżaggregata u dgħufijiet fis-sistemi ta' informazzjoni, billi jissaħħaħ l-użu ta' data statistika eżistenti minn varjetà ta' sorsi u jiġu aċċettati d-data tal-fruntiera u l-intelliġenza artifiċjali, f'konformità mar-regolamenti u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data; jemmen li huwa kruċjali li jiġi mmonitorjat il-progress fuq il-169 mira sekondarja kollha; jitlob lill-UE żżid b'mod sinifikanti l-kooperazzjoni teknika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex tindirizza l-lakuna fid-data globali maħluqa minn kapaċitajiet ta' monitoraġġ insuffiċjenti u metodoloġiji inkonsistenti;

17.

Jilqa' r-rapporti annwali ta' monitoraġġ tal-Eurostat dwar l-SDGs; jappella għal rieżami annwali tas-sett ta' indikaturi tal-SDGs tal-Eurostat bil-parteċipazzjoni sistematika tal-gvernijiet reġjonali u lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, f'konformità mar-rieżami tal-2021; jenfasizza li l-iżvilupp sostenibbli huwa intrinsikament transkonfinali u transsettorjali; jafferma r-rieda tiegħu li jindirizza l-effetti kollaterali negattivi li għandha l-implimentazzjoni tal-SDGs fuq reġjuni oħra; jilqa' l-ħidma li bdiet il-Eurostat għal dan l-għan u l-ewwel tentattiv biex jiġu kkwantifikati parzjalment tali effetti kollaterali, iżda jisħaq li din il-metodoloġija jeħtieġ li tiġi żviluppata aktar biex tqis b'mod suffiċjenti l-impronta globali tal-UE (14); jitlob li l-indikatur stabbilit għal kull għan jiġi estiż lil hinn mil-limitu massimu tiegħu ta' sitta biex iqis l-azzjoni esterna tal-UE, il-ktajjen tal-provvista u tal-valur Ewropej u l-konsegwenzi kollaterali tal-konsum tal-UE;

18.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2019 dwar l-ekonomija tal-benesseri u jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, twettaq mingħajr dewmien it-tabella operattiva u s-sett ta' indikaturi “Lil hinn mill-PDG”, kif stabbilit fit-tmien programm ta' azzjoni ambjentali tal-UE, li jpoġġi lin-nies u l-benesseri tagħhom fiċ-ċentru tat-tfassil tal-politika; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-implimentazzjoni ta' miżuri alternattivi ta' progress fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-SDGs tagħha, bħall-Indiċi tal-Progress Soċjali;

19.

Jisħaq li għandu jiġi stabbilit livell minimu ta' diżaggregazzjoni statistika u ta' data, allinjat mal-qafas globali ta' monitoraġġ tal-SDGs u fir-rigward ta' kull SDG fl-UE, li jkopri, fejn xieraq, il-post ġeografiku, il-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-introjtu, il-livell edukattiv, l-età, ir-razza, l-etniċità, l-istatus migratorju, l-indeboliment u karatteristiċi oħra, u għandu jqis il-prinċipji tal-approċċ għad-data bbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem; jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tistabbilixxi indikaturi biex titkejjel l-inugwaljanza f'dan ir-rigward; jistieden lill-Eurostat twettaq il-ħidma preparatorja meħtieġa kollha biex tinkludi dan il-livell ta' diżaggregazzjoni fir-rapporti ta' monitoraġġ li jmiss, f'konformità mal-linji gwida u l-prijoritajiet stabbiliti mill-Interaġenziji u mill-Grupp Interaġenzjali ta' Esperti dwar l-indikaturi tal-SDGs u adattati għall-kuntest tal-UE;

20.

Ifakkar li r-rieżamijiet nazzjonali volontarji huma l-għodda ewlenija ta' obbligu ta' rendikont fl-Aġenda 2030; ifakkar fl-importanza ta' rieżamijiet nazzjonali bħala mod kif jiġu identifikati t-tensjonijiet u l-kompromessi bejn l-SDGs u jiġi ġġenerat proċess iterattiv ta' aġġustament tal-politiki fid-dawl tal-progress lejn il-miri; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jipparteċipaw fir-rieżamijiet nazzjonali volontarji u jqisu u jimplimentaw b'mod sinifikattiv ir-rakkomandazzjonijiet li jsiru f'din l-okkażjoni; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rieżami volontarju tal-UE fil-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2023 u sussegwentement kull sena wara, u tinsisti għal aktar standardizzazzjoni tar-rieżamijiet volontarji nazzjonali, b'enfasi fuq kull waħda mill-kompetenzi esklużivi u kondiviżi tal-UE, iżda li jkun fihom ukoll valutazzjoni tal-impatt aggregat pożittiv u negattiv tal-UE u tal-Istati Membri tagħha fuq il-progress globali tal-SDG; iqis li tali rieżami għandu jkun ibbażat fuq sett ta' indikaturi tal-SDG rivedut u għandu jkopri l-prijoritajiet interni, id-diplomazija, u l-azzjoni internazzjonali biex jiġu rrestawrati u protetti l-beni komuni globali u jiġu indirizzati l-effetti kollaterali internazzjonali tal-politiki interni tal-UE, kif ukoll l-aspetti pożittivi u negattivi tal-azzjoni tal-UE;

21.

Jirrikonoxxi l-importanza ta' rieżamijiet lokali volontarji u rieżamijiet sottonazzjonali volontarji għall-implimentazzjoni ta' kull SDG; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta u tinforma lill-Parlament dwar ir-rieżami volontarju tal-UE qabel is-Summit tal-SDG tal-2023; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat rieżami regolari tal-implimentazzjoni tal-SDGs fil-livell reġjonali u lokali fl-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, il-ħidma tal-Programm tan-NU għall-Insedjamenti Umani; iħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva tan-NU “Il-lokalizzazzjoni tal-SDGs” biex jiġu aċċellerati u jiżdiedu l-isforzi biex jintlaħqu l-SDGs sal-2030; ifaħħar il-ħidma taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka fir-rigward tal-lokalizzazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-Manwal Ewropew għar-Rieżamijiet Lokali Volontarji tal-SDG, li joffri indikaturi uffiċjali u sperimentali utli biex tiġi stabbilita sistema effettiva ta' monitoraġġ lokali tal-SDG immirata speċifikament lejn il-bliet Ewropej; jilqa' l-proġett pilota “Il-monitoraġġ tal-SDGs fir-reġjuni tal-UE – Il-mili tal-lakuni fid-data”, mibdi mill-Parlament Ewropew, li se jiddefinixxi u jittestja sett armonizzat ta' indikaturi għar-reġjuni tal-UE biex jimmonitorjaw l-ilħuq tal-SDGs u jwittu t-triq għal proċess ta' rieżami sistematiku fir-reġjuni tal-UE;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-progress li jkun sar u s-sejbiet tar-rapport annwali tal-Eurostat dwar il-monitoraġġ tal-SDGs kull sena matul id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni; jistenna li l-programm ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni jinkludi l-SDGs bħala prijorità annwali, inklużi proposti konkreti għal inizjattivi leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi maħsuba biex jikkontribwixxu għall-ilħuq tagħhom u biex l-SDGs jiġu integrati bis-sħiħ fil-programm ta' ħidma annwali tal-Kummissjoni;

23.

Jirrikonoxxi l-importanza tar-rapportar tas-settur privat għall-implimentazzjoni tal-SDGs; jenfasizza li r-rapportar korporattiv dwar is-sostenibbiltà u d-diliġenza dovuta, meta jkun soġġett għal awditi rilevanti, jista' jkun qafas importanti biex iħeġġeġ obbligu ta' rendikont akbar fis-settur privat fir-rigward tal-impatt soċjali u ambjentali tal-kumpaniji u l-kontribut tagħhom għall-ilħuq tal-SDGs; iħeġġeġ lill-atturi kollha fis-soċjetà, inklużi l-entitajiet privati, biex jinvolvu ruħhom f'rapportar volontarju regolari dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs;

24.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi forum online għall-iskambju tal-aħjar prattiki għal inizjattivi fil-livell lokali biex jintlaħqu l-SDGs, bil-forum organizzat mill-SDGs; jipproponi li l-eżistenza ta' dan il-forum tiġi promossa bħala parti mill-azzjoni esterna u interna tal-UE dwar l-ilħuq tal-SDGs;

Baġit u finanzjament

25.

Jissottolinja li l-baġit tal-UE, flimkien mal-pakkett ta' rkupru Next Generation EU, huma għodda kruċjali għall-implimentazzjoni tal-SDGs, minħabba d-daqs ikkombinat tagħhom ta' EUR 1,8 triljun, l-ilħuq fit-tul u d-dimensjoni multinazzjonali tagħhom (15);

26.

Jinnota bi tħassib li d-dejn pubbliku fin-Nofsinhar Globali kien diġà f'livelli mingħajr preċedent qabel il-COVID-19, li rriżulta f'porzjon dejjem akbar ta' baġits pubbliċi li bdew jintużaw biex jitħallsu djun esterni, u b'hekk ġiet affettwata l-abbiltà tal-gvernijiet li jiffinanzjaw u jipprovdu servizzi pubbliċi bażiċi b'mod adegwat; jinsab allarmat li l-kriżi attwali aggravat dawn il-vulnerabbiltajiet tad-dejn li kienu jeżistu minn qabel; jappella għall-ħolqien ta' mekkaniżmu multilaterali għall-ġestjoni tad-dejn, taħt l-awspiċji tan-NU, biex jindirizza l-kriżi tad-dejn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u r-rekwiżiti ta' finanzjament tal-Aġenda 2030;

27.

Jissottolinja l-importanza li jitkejjel il-kontribut tal-UE għall-SDGs b'mod preċiż u komprensiv, peress li din hija kundizzjoni essenzjali għall-kisba ta' koerenza politika għall-iżvilupp sostenibbli; jilqa' l-miri tan-nefqa tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) tal-Kummissjoni fir-rigward ta' għanijiet speċifiċi tal-SDGs u l-isforzi tagħha biex tittraċċa n-nefqa tal-baġit tal-UE fuq il-klima, il-bijodiversità, l-arja nadifa, il-migrazzjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri (16); jilqa' l-fatt li, f'firxa ta' politiki, qed jiġu stabbiliti sistemi għar-rapportar tal-SDGs, inkluż fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jesprimi dispjaċir, madankollu, għall-fatt li, minkejja l-impenn tal-Kummissjoni ta' Novembru 2020, ma sarx biżżejjed progress biex jiġu ttraċċati r-riżorsi u n-nefqa relatati mal-SDGs fl-intier tagħhom – minbarra l-qasam tal-azzjoni esterna, kif deskritt fir-rieżami tal-2019 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri – u biex jiġu segwiti l-inkonsistenzi fost l-infiq, li t-tnejn li huma jfixklu l-abbiltà tal-UE u tal-pajjiżi terzi li jilħqu l-SDGs, b'mod partikolari fil-qasam tal-agrikoltura; jinsisti, għalhekk, fuq il-ħtieġa ta' traċċar komprensiv tan-nefqa tal-SDG bl-użu ta' metodoloġiji dedikati, pereżempju, b'referenza għall-inugwaljanzi (SDG 10) u l-importanza strateġika tagħhom għall-implimentazzjoni tal-SDGs kollha; itenni li dan se jinvolvi li wieħed imur oltre mill-eżerċizzju ta' mmappjar eżistenti li jseħħ fir-rapport annwali dwar il-ġestjoni u l-prestazzjoni għall-baġit tal-UE; jinnota bi tħassib li matul dawn l-aħħar ftit snin, il-livell ta' konċessjonalità tal-ODA naqas gradwalment għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'mod ġenerali, u għal-LDCs, b'mod partikolari, u jistieden lill-UE tilħaq il-mira tagħha li mill-inqas 20 % tal-ODA tkun allokata għall-iżvilupp tal-bniedem bħala għodda essenzjali biex jintlaħqu l-SDGs; jisħaq fuq il-ħtieġa li d-donaturi jagħtu prijorità lill-finanzjament ibbażat fuq l-għotjiet, speċjalment lil-LDCs, fid-dawl tal-piżijiet tad-dejn mhux sostenibbli tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tagħti spinta lill-għodod ta' finanzjament attwali sabiex jinkisbu emissjonijiet żero netti fl-operazzjonijiet u l-ktajjen tal-provvista Ewropej sal-2030;

28.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi ffinanzjat taħriġ għall-bini tal-kapaċitajiet għall-SMEs sabiex jitgħallmu kif jimplimentaw l-SDGs fl-attivitajiet ta' kuljum tagħhom;

29.

Jilqa' l-isforzi li saru biex l-SDGs jiġu integrati fis-Semestru Ewropew b'mod komprensiv, inkluż permezz tal-Istħarriġiet Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli u l-integrazzjoni tal-monitoraġġ annwali tal-Eurostat dwar l-SDGs bħala parti mill-pakkett tar-rebbiegħa tas-Semestru Ewropew; itenni l-appoġġ tiegħu għall-integrazzjoni tal-indikaturi tal-bijodiversità fis-Semestru Ewropew; iħeġġeġ lill-Istati Membri jgħollu l-livell ta' ambizzjoni tar-risponsi nazzjonali tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; jilqa' ċ-ċentralità tal-SDGs fil-pakkett tal-ħarifa, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni li l-Istati Membri jsegwu strateġija “lil hinn mill-PDG” biex jinkorporaw bis-sħiħ l-SDGs fir-risponsi nazzjonali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli r-riforma tas-Semestru Ewropew biex tibbilanċja l-prijoritajiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali, sabiex tixpruna trasformazzjoni soċjali, ambjentali u ekonomika fit-tul u ttejjeb l-integrazzjoni tal-Aġenda 2030, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-Patt Ekoloġiku Ewropew fil-livelli kollha, filwaqt li tinvolvi bis-sħiħ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u tikkomplementa r-riformi u l-investimenti fl-Istati Membri; iqis li riforma bħal din għandha tiżgura li l-koordinazzjoni tal-politika Ewropea tal-SDGs ma twassalx għal proċess ta' politika parallel għas-Semestru Ewropew, iżda minflok tikkonsisti f'approċċ integrat u koerenti bbażat fuq patt ġdid ta' żvilupp sostenibbli; jistenna li l-proċess tas-Semestru jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Istati Membri fil-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tal-SDGs;

30.

Jappoġġja l-Patt Ekoloġiku Ewropew; jappella għal fehim akbar tar-rwol sinerġistiku tal-SDGs fl-indirizzar tat-tibdil fil-klima u jenfasizza, f'dak il-kuntest, l-utilità tal-SDGs, b'mod partikolari l-SDG 13, u l-opportunità li ssir ħidma fuq il-kompromessi u l-koerenza politika fi ħdan il-qafas tal-SDGs;

31.

Jitlob immappjar komprensiv tal-pakketti finanzjarji tal-politiki, il-programmi u l-fondi tal-UE, li ġew imsaħħa mill-fondi addizzjonali ta' Next Generation EU, biex tinħoloq Ewropa aktar ekoloġika, aktar diġitali u aktar reżiljenti, inkluż l-immappjar ta' jekk l-investimenti u r-riformi strutturali segwiti fl-ambitu tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jallinjawx mal-objettivi tal-Aġenda 2030 u jagħmlux aktar progress fihom; jitlob li l-metodoloġija tat-traċċar klimatiku u l-prinċipju “la tagħmilx ħsara sinifikanti” fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll il-prijoritajiet soċjali u demografiċi stabbiliti mill-SDGs u mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, jiġu implimentati bis-sħiħ;

32.

Jissottolinja li l-finanzjament pubbliku u privat irid ikun allinjat mal-SDGs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkorpora l-Aġenda 2030 fil-politiki u l-leġiżlazzjoni ekonomiċi u finanzjarji; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, f'kuntest li fih l-ODA tibqa' riżorsa skarsa, jiffukaw l-operazzjonijiet ta' taħlit f'dawk l-oqsma li fihom jistgħu jżidu l-valur fl-ekonomija lokali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod aktar ġenerali jagħtu prijorità lis-sħubijiet mal-intrapriżi domestiċi tal-LDCs li jsegwu mudelli ta' negozju sostenibbli u inklużivi;

33.

Jenfasizza l-importanza li s-settur pubbliku u privat jaħdmu flimkien biex jippromwovu u jiffinanzjaw l-iżvilupp sostenibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-istituzzjonijiet finanzjarji jiddefinixxu u jadottaw strateġiji u miri biex jallinjaw il-portafolli finanzjarji mal-SDGs u jirrapportaw regolarment dwar il-progress; jappella għal diskussjonijiet u involviment fil-fond mas-settur privat biex jitħeġġeġ il-finanzjament privat u jissaħħaħ il-ħolqien ta' linji gwida annwali dwar il-ħidma tal-SDG(s) għall-mikrointrapriżi u l-SMEs, l-akkademja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, b'mod partikolari minħabba tħassib dwar is-sostenibbiltà tad-dejn, jadottaw approċċ prudenti għall-finanzjament imħallat u jiżguraw li l-finanzjament kollu mmobilizzat permezz tat-taħlit jissodisfa l-effettività tal-iżvilupp, is-sostenibbiltà u l-prinċipji ta' finanzjament imħallat tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD;

34.

Jinnota li l-UE għad ma għandha l-ebda pjan magħżul biex tiffinanzja l-SDGs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal b'mod urġenti tali pjan, filwaqt li żżomm f'moħħha l-lakuna annwali stmata ta' wara l-COVID-19 fil-finanzjament tal-SDG ta' USD 3,7 triljun (17); jissottolinja li n-nuqqas ta' pjan bħal dan, inklużi miri kwantifikabbli definiti b'mod ċar, jipprojbixxi t-traċċar komprensiv tal-infiq tal-SDG fl-ambitu tal-baġit tal-UE;

35.

Jitlob lill-UE tissodisfa l-wegħdiet tal-SDGs li tinvesti fl-edukazzjoni u t-taħriġ tar-rifuġjati u l-migranti biex tiżgura li jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom fi ħdan il-komunitajiet u l-ekonomiji tan-nazzjonijiet ospitanti tagħhom;

36.

Jieħu nota tal-bidliet fl-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp, kif deskritt fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-14 ta' Ġunju 2021; jistieden lill-Kummissjoni tqiegħed l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-qalba tal-arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp il-ġdida sabiex tagħmilha ta' impatt akbar, effiċjenti, koordinata u inklużiva; jissottolinja l-potenzjal ta' arkitettura finanzjarja Ewropea għall-iżvilupp kompletament funzjonali biex timtela l-lakuna globali fil-finanzjament tal-SDG; jappella għal kooperazzjoni u allinjament akbar bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp, il-banek nazzjonali tal-iżvilupp u atturi finanzjarji żgħar u ta' daqs medju oħra, b'enfasi partikolari fuq proġetti ta' investiment taħt il-valur ta' EUR 5 miljun, biex jinkiseb impatt akbar tal-SDG; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa qafas u gwida komuni dwar il-verifika olistika tas-sostenibbiltà tal-finanzjament tal-UE, skont l-approċċ ta' Tim Ewropa biex jiġu żgurati kemm l-effettività kif ukoll l-effiċjenza fil-politiki Ewropej tal-iżvilupp; jitlob li jiġi sfruttat l-approċċ ta' Tim Ewropa biex tiġi żgurata koordinazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha biex tinkiseb l-Aġenda 2030; jistieden lill-UE tkun minn ta' quddiem fil-mobilizzazzjoni ta' riżorsi finanzjarji adegwati mill-pajjiżi żviluppati biex jiġu appoġġjati t-trasformazzjonijiet tal-SDGs u l-ħtieġa urġenti ta' adattament għat-tibdil fil-klima fl-aktar pajjiżi vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-arkitettura finanzjarja Ewropea l-ġdida għall-iżvilupp issegwi l-għan li tirrestawra s-Sistema Multilaterali ta' Finanzi Uffiċjali (MSOF), sabiex jintemm is-self mhux sostenibbli ta' xi pajjiżi li mhumiex membri tal-MSOF;

37.

Jisħaq fuq l-urġenza li jiżdiedu l-ambizzjoni u l-azzjoni fir-rigward tal-mitigazzjoni, l-adattament u l-finanzjament f'dan id-deċennju kritiku biex jiġu indirizzati l-lakuni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ambjentali;

38.

Jisħaq fuq l-importanza li jitkomplew l-isforzi biex jintlaħqu l-SDGs u jtenni li anke fi żminijiet ta' restrizzjonijiet baġitarji, l-edukazzjoni tibqa' dritt fundamentali u investiment essenzjali biex jippermetti l-ilħuq tal-SDGs kollha u jissottolinja r-rwol importanti tal-UE permezz tal-assistenza umanitarja u sħubijiet aktar b'saħħithom ma' partijiet differenti tad-dinja, inkluża l-Afrika;

39.

Jissottolinja r-rwol ewlieni li għandhom l-edukazzjoni, il-kultura, l-isport u l-programmi rispettivi tagħhom tal-UE fl-ilħuq tal-SDGs u jappella għat-tisħiħ tad-dimensjoni internazzjonali tagħhom filwaqt li jirrikonoxxi s-setgħa tad-diplomazija bejn il-persuni;

40.

Jisħaq fuq l-importanza tal-SDG 4.1, li l-għan tiegħu huwa ċiklu sħiħ u ta' kwalità ta' edukazzjoni primarja u sekondarja fuq perjodu ta' 12-il sena bla ħlas għal kulħadd; ifakkar li l-livelli attwali ta' nfiq tal-gvern f'pajjiżi b'introjtu baxx u b'introjtu medju inferjuri ma jilħqux il-livelli meħtieġa biex jintlaħqu l-SDGs; ifakkar li l-finanzjament estern huwa essenzjali biex jiġu appoġġjati l-opportunitajiet edukattivi tal-ifqar nies fid-dinja; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-assistenza għall-iżvilupp biex jintlaħaq l-objettiv ta' aċċess universali għall-edukazzjoni permezz tal-appoġġ baġitarju tal-UE, li wera l-effiċjenza tiegħu fil-qasam tal-edukazzjoni;

41.

Jinkoraġġixxi lill-mexxejja dinjija jikkunsidraw il-konnettività u l-aċċess għall-infrastruttura diġitali, bħall-aċċess għal network ta' kwalità u bi prezz raġonevoli, bħala dritt derivat mid-dritt fundamentali għall-edukazzjoni;

42.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina u tappoġġja lill-Istati Membri b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u l-iskambju tal-aħjar prattiki biex itejbu l-kwalità u l-inklużività tas-sistemi edukattivi tagħhom u jagħlqu d-diskrepanzi bejn il-ġeneri u dawk soċjoekonomiċi fil-ksib tal-ħiliet bażiċi u fl-adozzjoni tax-xjenza, it-teknoloġija, l-arti, l-inġinerija u l-matematika f'konformità mal-viżjoni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE u l-SDG 4;

43.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-GreenComp, il-qafas Ewropew ta' kompetenza għas-sostenibbiltà, biex jiżviluppaw approċċ sistematiku lejn l-iżvilupp ta' mentalità ta' sostenibbiltà bejn l-etajiet u l-livelli edukattivi li jikkombina r-rilevanza għar-realtajiet lokali, reġjonali u nazzjonali ma' approċċ konsistenti fiż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Istati Membri biex jikkompletaw iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, bħala pass intermedju essenzjali lejn l-ilħuq tal-miri stabbiliti fl-SDG 4;

44.

Iħeġġeġ in-networking bejn is-setturi edukattivi mhux formali u formali biex jinħolqu komunitajiet ta' tagħlim professjonali li jappoġġjaw lill-għalliema hekk kif dawn jinnovaw il-prattiki pedagoġiċi, irawmu litteriżmi multipli, jiffaċilitaw is-sjieda tal-istudenti u jrawmu l-intelliġenza emozzjonali u r-reżiljenza tagħhom fid-dawl tal-biżgħat u l-inċertezzi; jiġbed l-attenzjoni għall-esperjenza tal-assoċjazzjonijiet sportivi u kulturali fil-livell lokali f'dan ir-rigward;

45.

Jinsisti li l-awtoritajiet edukattivi jinvestu biex itejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali b'infrastrutturi tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, proċessi ta' diġitalizzazzjoni u rabtiet mat-triangolu tal-għarfien, li jallinjaw is-settur mal-għanijiet ta' sostenibbiltà ambjentali u soċjali u jpoġġuh f'pożizzjoni li jipprovdi perkorsi alternattivi għall-iżvilupp tal-ħiliet li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-SDGs;

46.

Ifakkar lill-edukaturi dwar ir-rwol essenzjali tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal fit-trawwim ta' attitudnijiet u valuri fit-tfal żgħar li jwasslu għall-iżvilupp ta' mentalitajiet ta' sostenibbiltà u biex jinvolvu lill-familji tagħhom ħalli jikkunsidraw modi kif huma wkoll jistgħu jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà kemm bħala individwi kif ukoll bħala komunità;

47.

Jinkoraġġixxi l-intraprenditorija taż-żgħażagħ bħala mekkaniżmu biex jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli fl-UE u lil hinn minnha b'għodod Ewropej bħall-Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ u l-programm ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar l-iżvilupp, minħabba l-potenzjal li jittejbu r-rati ta' impjieg, jiġi żgurat għajxien deċenti għal gruppi vulnerabbli u jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi;

48.

Jesprimi dispjaċir għall-fatt li tlieta mill-erba' miri tal-SDG 14 (ħajja taħt l-ilma) tal-2020 ma ntlaħqux mill-UE; jesprimi dispjaċir, barra minn hekk, għall-fatt li fl-2020, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri sabet li, filwaqt li kien hemm qafas stabbilit għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar, l-azzjonijiet tal-UE ma kinux irrestawraw l-ibħra għal status ambjentali tajjeb, u lanqas is-sajd għal livelli sostenibbli fl-ibħra kollha; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet ta' dan ir-rapport fil-pjan ta' azzjoni li jmiss tagħha biex tikkonserva r-riżorsi tas-sajd u tipproteġi l-ekosistemi tal-baħar, kif ukoll fl-azzjonijiet li ġejjin fl-ambitu tal-istrateġija tal-bijodiversità;

49.

Ifakkar li l-kriżijiet klimatiċi u tal-bijodiversità huma interkonnessi u jeħtieġ li jiġu indirizzati b'mod koerenti u flimkien; jenfasizza li huma meħtieġa b'mod urġenti miri legalment vinkolanti għar-restawr tan-natura biex jiġi indirizzat it-tnaqqis drastiku tal-bijodiversità fl-UE u jintlaħqu l-SDGs 14 u 15 ħalli jgħinu biex tittaffa l-kriżi klimatika u tinbena r-reżiljenza; jesprimi dispjaċir, f'dan ir-rigward, għad-dewmien tal-proposta għal liġi tal-UE dwar ir-restawr tan-natura u jappella għall-pubblikazzjoni rapida tagħha;

50.

Jissottolinja l-importanza tal-SDG 17 (sħubijiet għall-għanijiet); jinnota, fil-qafas tas-sħubijiet globali u l-bini tal-kapaċitajiet, ir-rwol innovattiv ta' inizjattivi b'sors miftuħ, bħall-inizjattiva tal-Għanijiet ta' Żvilupp Intern, li għandhom l-għan li jedukaw, jispiraw u jagħtu s-setgħa lin-nies biex ikunu forza pożittiva għall-bidla fis-soċjetà, u b'hekk jaċċelleraw il-progress lejn l-ilħuq tal-SDGs;

Kooperazzjoni multilaterali

51.

Jinsisti li se jkunu meħtieġa impenn politiku globali mġedded u kooperazzjoni multilaterali intensifikata sabiex l-UE u s-sħab tagħha jagħmlu progress sinifikattiv fit-tmien snin li ġejjin; jappella għal impenji orjentati lejn l-azzjoni f'dak li huwa l-ilħuq tal-SDGs sas-Summit tal-SDGs tal-2023, li se jimmarka l-punt tan-nofs tal-perjodu ta' implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; ifakkar li, bħala l-aktar proġett ta' integrazzjoni ta' suċċess fid-dinja, b'rekord ta' promozzjoni b'suċċess tal-multilateraliżmu, u bħala entità globali li tistabbilixxi l-istandards, l-UE tinsab f'pożizzjoni unika biex taċċellera l-progress fl-SDG 17 (sħubijiet għall-għanijiet); jistieden, għalhekk, lill-UE tassumi rwol ta' tmexxija fil-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tal-2022 u fis-Summit tal-SDGs tal-2023 fid-definizzjoni ta' din l-iżvolta politika; jissuġġerixxi li l-President tal-Kummissjoni tkun involuta b'mod attiv f'kull Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli;

52.

Jinsab allarmat dwar il-fatt li t-telfien tal-bijodiversità u tas-servizzi tal-ekosistema se jimmina l-progress f'madwar 80 % tal-miri vvalutati għall-SDGs; ifakkar li r-restawr ekoloġiku huwa essenzjali għall-implimentazzjoni tal-approċċ “Saħħa Waħda”; jappella lill-UE tindirizza l-kawżi ewlenin li jwasslu għat-telfien tal-bijodiversità u tintegra l-obbligi għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi fil-politiki usa' tal-iżvilupp;

53.

Jissottolinja, li d-dritt internazzjonali evolva biex iħaddan kunċetti ġodda bħall-wirt komuni tal-umanità, l-iżvilupp sostenibbli u l-ġenerazzjonijiet futuri, iżda jisħaq li ma hemm l-ebda mekkaniżmu permanenti internazzjonali għall-monitoraġġ u l-indirizzar tal-ħsara u l-qerda ambjentali li jibdel b'mod sinifikanti l-beni komuni globali jew is-servizzi tal-ekosistema;

54.

Jisħaq fuq il-fatt li l-Ewropa qed tiffaċċja l-akbar sfidi tal-SDGs fl-oqsma tas-sistemi tal-ikel sostenibbli, l-enerġija bi prezz raġonevoli, nadifa, l-agrikoltura, il-klima u l-bijodiversità (SDGs 2, 12, 13, 14 u 15); jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa analiżi komparattiva robusta tal-SDG 6 (ilma nadif u sanità) u l-SDG 14 (ħajja taħt l-ilma), speċjalment fid-dawl tal-Konferenza tan-NU dwar l-Oċeani f'Lisbona f'Ġunju 2022 u l-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Lulju 2022, peress li x-xejriet ma jistgħux jiġu kkalkulati minħabba data komparabbli insuffiċjenti matul l-aħħar ħames snin; jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa ta' produzzjoni u konsum sostenibbli, speċjalment fir-rigward tal-fehim tal-konsumaturi dwar kif l-imġiba tal-konsum tagħhom tħalli impatt fuq l-SDGs; jisħaq li l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki ma' pajjiżi sħab tista' tipprovdi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha b'għarfien sinifikanti fir-rigward ta' inizjattivi u azzjonijiet individwali li jistgħu jittieħdu biex jintlaħqu l-għanijiet “Lesti għall-mira ta' 55 %”, u li l-UE tista' wkoll taqsam l-esperjenza u l-aħjar prattiki tagħha ma' pajjiżi sħab; jemmen li, minħabba l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u l-impatt tagħha, fost l-oħrajn, fuq is-settur tal-ikel, il-progress f'uħud mill-SDGs, b'mod partikolari 1, 2 u 10 jista' mhux biss jimxi bil-mod, iżda jitreġġa' lura, kemm fl-UE kif ukoll globalment; jinsab partikolarment imħasseb dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, l-impatt tagħhom fuq l-LDCs u ż-żieda li tirriżulta fil-faqar, in-nuqqas ta' sigurtà tal-ikel, il-malnutrizzjoni u l-ġuħ;

55.

Ifakkar li t-tibdil fil-klima se jpoġġi dejjem aktar pressjoni fuq il-produzzjoni u l-aċċess tal-ikel, speċjalment f'reġjuni vulnerabbli, filwaqt li jdgħajjef is-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni; jenfasizza l-konklużjonijiet tar-rapport tal-IPCC tal-2022, li skonthom it-tisħin globali se jdgħajjef progressivament is-saħħa tal-ħamrija u s-servizzi tal-ekosistema, li se jimmina l-produttività tal-ikel f'ħafna reġjuni fuq l-art u fl-oċeani; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jibqgħu impenjati bis-sħiħ għall-involvimenti u l-obbligi internazzjonali tagħhom dwar il-klima u l-bijodiversità u għall-Patt Ekoloġiku, inklużi l-istrateġija għall-bijodiversità u l-istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”, speċjalment f'kuntest li fih il-kriżi tal-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna wrew kemm il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp huma vulnerabbli għat-tfixkil tas-suq globali tal-ikel;

56.

Jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-ksib ta' effetti kollaterali pożittivi, speċjalment fin-Nofsinhar Globali, u d-dħul f'ċirku virtuż fi sħubijiet internazzjonali; jissottolinja s-sinifikat tad-dimensjoni esterna, peress li l-UE tirrappreżenta biss 19 % tal-prestazzjoni ekonomika globali u 5,6 % tal-popolazzjoni dinjija, biż-żewġ ishma dejjem jonqsu; jirrimarka li l-ilħuq tal-SDG 10 huwa l-lieva strateġika li se tagħti s-setgħa lis-sħab tagħna jpoġġu lilhom infushom fit-triq lejn l-iżvilupp sostenibbli;

57.

Jisħaq fuq il-fatt li mill-inqas 85 % tal-azzjoni esterna l-ġdida kollha implimentata permezz tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali se tkun meħtieġa tinkorpora l-ġeneru bħala objettiv sinifikanti jew prinċipali, kif definit mill-indikatur tal-politika tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri tal-Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp tal-OECD, u mill-inqas 5 % ta' dawn l-azzjonijiet għandu jkollhom l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u l-bniet bħala objettivi ewlieni; itenni li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri għandhom iqisu s-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi bħala prijorità fil-proċess ta' programmazzjoni tal-UE, inkluż fil-programmazzjoni konġunta; jinsisti fuq l-implimentazzjoni rapida u sħiħa tar-rekwiżit fil-programm ta' azzjoni ambjentali tal-UE sal-2030 li l-ġeneru jiġi integrat fil-politiki klimatiċi u ambjentali kollha, inkluż billi tiġi inkorporata perspettiva tal-ġeneru fl-istadji kollha tal-proċess tat-tfassil tal-politika;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri, kif xieraq, jippreżentaw ir-riżultati rilevanti miksuba dwar l-implimentazzjoni tal-ħames SDGs prijoritarji fil-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2022 li jmiss, jiġifieri, l-SDGs 4 (edukazzjoni ta' kwalità), 5 (ugwaljanza bejn il-ġeneri), 14 (ħajja taħt l-ilma), 15 (ħajja fuq l-art), u 17 (sħubijiet għall-għanijiet); jisħaq fuq l-importanza tal-involviment attiv tal-Parlament fil-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u li għandu jkun parti integrali mid-delegazzjoni tal-UE; jistenna, għalhekk, li l-Membri tal-Parlament jitħallew jattendu l-laqgħat ta' koordinazzjoni tal-UE u jkollhom garanzija ta' aċċess għad-dokumenti matul is-summit kollu;

o

o o

59.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)  ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.

(2)  ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.

(3)  ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.

(4)  Testi adottati, P9_TA(2022)0099.

(5)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 191.

(6)  ĠU C 23, 21.1.2021, p. 130.

(7)  ĠU C 289, 9.8.2016, p. 5.

(8)  ĠU C 334, 19.9.2018, p. 151.

(9)  ĠU C 67, 8.2.2022, p. 25.

(10)  ĠU C 76, 28.2.2018, p. 45.

(11)  ĠU C 474, 24.11.2021, p. 91.

(12)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 14.

(13)  COM(2021)0550.

(14)  Eurostat, il-Kummissjoni Ewropea, “EU SDG Indicator set 2021 – Result of the review in preparation of the 2021 edition of the EU SDG monitoring report” (Sett ta' Indikaturi tal-SDGs tal-UE għall-2021 – Riżultat tar-rieżami fit-tħejjija tal-edizzjoni tal-2021 tar-rapport ta' monitoraġġ tal-SDGs tal-UE), 2021.

(15)  Dipartiment Tematiku għall-Affarijiet Baġitarji, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, “The Sustainable Development Goals in the EU budget'” (L-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-baġit tal-UE), 2021.

(16)  Dipartiment Tematiku għall-Affarijiet Baġitarji, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, “Budgetary control of the Sustainable Development Goals in the EU budget – What measures are in place to ensure effective implementation?” (Kontroll Baġitarju tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-baġit tal-UE – X'miżuri huma stabbiliti biex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva?), 2021.

(17)  OECD, “Global Outlook on Financing for Sustainable Development 2021 – A New Way to Invest for People and Planet” (Perspettiva Globali dwar l-Iżvilupp Sostenibbli 2021 – Mod Ġdid kif Ninvestu fin-Nies u l-Pjaneta), Pariġi, 2020.