27.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 493/70


P9_TA(2022)0236

Is-sigurtà fiż-żona tas-Sħubija tal-Lvant u r-rwol tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2022 dwar is-sigurtà fiż-żona tas-Sħubija tal-Lvant u r-rwol tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (2021/2199(INI))

(2022/C 493/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-paragrafi tlieta, erbgħa u sitta tiegħu,

wara li kkunsidra t-Titolu V tat-TUE, b'mod partikolari l-Kapitolu 2, it-Taqsima 2 tiegħu dwar id-dispożizzjonijiet dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra (1), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u l-Georgia, min-naħa l-oħra (2), il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (3), il-Ftehim ta' Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (4), u l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, mill-parti l-waħda, u r-Repubblika tal-Ażerbajġan mill-parti l-oħra (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/887 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi ċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta' Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni (7),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2019/881 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar l-ENISA (l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għaċ-Ċibersigurtà) u dwar iċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013 (l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà) (8),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (9),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1792 tal-11 ta' Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (10),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta' Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (11),

wara li kkunsidra d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2021/748 (12), 2021/749 (13) u 2021/750 (14) tas-6 ta' Mejju 2021 dwar il-parteċipazzjoni tal-Kanada, tar-Renju tan-Norveġja u tal-Istati Uniti tal-Amerka fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1537 tat-22 ta' Ottubru 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (15),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1127 tat-30 ta' Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2019/797 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu lill-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (16),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/797 tas-17 ta' Mejju 2019 dwar miżuri restrittivi kontra attakki ċibernetiċi li jheddu l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha (17),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta' Diċembru 2017 li tistabbilixxi Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta' Stati Membri Parteċipanti (18),

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta' Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) (19), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/813 tal-20 ta' Mejju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2014/486/PESK dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) (20),

wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/736/PESK tal-15 ta' Settembru 2008 dwar il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia, EUMM Georgia (21), u d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1990 tat-3 ta' Diċembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni 2010/452/PESK dwar il-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia, EUMM Georgia (22),

wara li kkunsidra l-programm ta' ħidma annwali għall-2021 tal-Fond Ewropew għad-Difiża, adottat mill-Kummissjoni fit-30 ta' Ġunju 2021,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2020 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 (COM(2020)0823),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2020 għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (COM(2020)0829),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-16 ta' Diċembru 2020 bit-titolu “L-istrateġija tal-UE dwar iċ-Ċibersigurtà għad-Deċennju Diġitali” (JOIN(2020)0018),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Lulju 2020 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà (COM(2020)0605),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-13 ta' Settembru 2017 bit-titolu “Reżiljenza, Deterrenza u Difiża: Il-bini ta' ċibersigurtà b'saħħitha għall-UE” (JOIN(2017)0450),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titolu “Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE” (JOIN(2017)0021),

wara li kkunsidra l-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew li saret fl-10 u l-11 ta' Marzu 2022, il-laqgħa formali tal-Kunsill Ewropew li saret fl-24 u l-25 ta' Marzu 2022 u s-summit straordinarju tan-NATO tal-24 ta' Marzu 2022,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Frar 2021 dwar is-sigurtà u d-difiża,

wara li kkunsidra l-aġenda strateġika ġdida 2019-2024, adottata mill-Kunsill Ewropew fl-20 ta' Ġunju 2019,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tad-9 ta' Marzu 2017, tat-22 ta' Ġunju 2017, tal-20 ta' Novembru 2017 u tal-15 ta' Diċembru 2017,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Jannar 2018 dwar l-approċċ integrat għal konflitti u kriżijiet esterni u tal-24 ta' Jannar 2022 dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà Ewropea,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015, tas-27 ta' Ġunju 2016, tal-14 ta' Novembru 2016, tat-18 ta' Mejju 2017, tas-17 ta' Lulju 2017, tal-25 ta' Ġunju 2018, tas-17 ta' Ġunju 2019, tal-10 ta' Diċembru 2019, tas-17 ta' Ġunju 2020, tat-12 ta' Ottubru 2020, tal-20 ta' Novembru 2020, tas-7 ta' Diċembru 2020 u tal-10 ta' Mejju 2021 dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2021 dwar il-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2020 dwar ir-rieżami strateġiku tal-PESCO għall-2020,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ġunju 2020 dwar azzjoni esterna tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2019 dwar l-isforzi komplementari għat-tisħiħ tar-reżiljenza u l-ġlieda kontra t-theddid ibridu,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Diċembru 2018 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill fid-19 ta' Novembru 2018, dwar l-istabbiliment ta' Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi (“Is-sett ta' għodod taċ-ċiberdiplomazija”),

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-ewwel ċiklu tar-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) ippreżentat lill-Kunsill fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Novembru 2020,

wara li kkunsidra l-istrateġija globali bit-titolu “Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa aktar b'saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea” ippreżentata mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-summits tas-Sħubija tal-Lvant (SL) tal-2009 fi Praga, tal-2011 f'Varsavja, tal-2013 f'Vilnius, tal-2015 f'Riga, tal-2017 fi Brussell u tal-2021 fi Brussell,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni komuni adottata mill-Kumitati Parlamentari għall-Affarijiet Barranin tat-Trio Assoċjat, u dawk adottati mill-Polonja u mil-Litwanja fit-13 ta' Diċembru 2021 dwar it-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-ambitu tal-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji tal-istati tas-Sħubija tal-Lvant okkupati mir-Russja,

wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Minsk tal-5 ta' Settembru 2014, il-Memorandum ta' Minsk tad-19 ta' Settembru 2014 u l-pakkett ta' miżuri għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk, adottati u ffirmati f'Minsk fit-12 ta' Frar 2015, u approvati b'mod ġenerali mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-Riżoluzzjoni 2202 (2015) tas-17 ta' Frar 2015,

wara li kkunsidra l-laqgħat trilaterali tal-14 ta' Diċembru 2021 u tas-6 ta' April 2022 bejn il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-President tar-Repubblika tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev u l-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Armenja Nikol Pashinyan,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tal-10 ta' Lulju 2018 u d-dikjarazzjoni konġunta UE-NATO tat-8 ta' Lulju 2016,

wara li kkunsidra s-sitt rapport ta' progress tas-17 ta' Mejju 2021 dwar l-implimentazzjoni tas-sett komuni ta' proposti approvati mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u fil-5 ta' Diċembru 2017,

wara li kkunsidra s-sett komuni ta' 74 proposta għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Varsavja approvata mill-Kunsilli tal-UE u tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u fil-5 ta' Diċembru 2017,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-UE u tan-NU tal-24 ta' Jannar 2022 dwar it-Tisħiħ tas-Sħubija Strateġika NU-UE dwar l-Operazzjonijiet ta' Paċi u l-Ġestjoni ta' Kriżijiet: Prijoritajiet 2022-2024,

wara li kkunsidra l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE), il-Karta ta' Pariġi tal-1990 għal Ewropa Ġdida, il-Kodiċi ta' Kondotta tal-OSKE dwar l-Aspetti Politikomilitari tas-Sigurtà tat-3 ta' Diċembru 1994, il-Memorandum dwar l-Assigurazzjonijiet tas-Sigurtà b'Rabta mal-Adeżjoni tal-Ukrajna għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari tal-5 ta' Diċembru 1994 (il-Memorandum ta' Budapest dwar l-Assigurazzjonijiet tas-Sigurtà) u d-Dokument ta' Vjenna tat-30 ta' Novembru 2011 dwar il-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja u tas-sigurtà,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Lulju 2021 dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO fil-kuntest tar-relazzjonijiet tranżatlantiċi (23),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 dwar il-priġunieri tal-gwerra wara l-kunflitt l-aktar reċenti bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan (24),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-implementazzjoni tad-Direttiva 2009/81/KE, rigward l-akkwist pubbliku fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà, u tad-Direttiva 2009/43/KE, rigward it-trasferiment ta' prodotti relatati mad-difiża (25),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Ukrajna (26),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni – rapport annwali 2020 (27),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni – rapport annwali 2020 (28),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova (29),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Settembru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Georgia (30),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2020 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Ġunju 2020 (31),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar il-mobbiltà militari (32),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar iċ-ċiberdifiża (33),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja, speċjalment dawk relatati mal-azzjonijiet tar-Russja fit-territorji tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, l-annessjoni illegali tagħha tal-Krimea, il-ksur tad-drittijiet tat-Tatari tal-Krimea, l-okkupazzjoni ta' partijiet mit-territorju tal-Ukrajna, il-Georgia u r-Repubblika tal-Moldova u l-attivitajiet relatati ta' stabbiliment ta' fruntieri, kif ukoll il-propaganda ostili tagħha u d-diżinformazzjoni kontra l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0168/2022),

A.

billi s-Sħubija tal-Lvant hija parti mill-politika tal-viċinat tal-UE u billi l-UE għandha approċċ komprensiv għas-sigurtà u r-reżiljenza, inkluż kontra t-theddid ċibernetiku u ibridu, li huwa mfassal speċifikament biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet mas-sitt pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Belarussja, il-Georgia, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna, biex jgħin fil-promozzjoni tal-paċi, l-istabbiltà, ir-reżiljenza, il-prosperità kondiviża, l-iżvilupp sostenibbli, ir-riformi u s-sigurtà tal-bniedem fil-viċinat tal-Lvant tal-UE, isaħħaħ il-kooperazzjoni ekonomika, jappoġġja r-riforma transsettorjali u jikkontribwixxi għar-reżiljenza ġenerali ta' dawk il-pajjiżi, fi spirtu ta' sjieda u responsabbiltà kondiviżi;

B.

billi s-Sħubija tal-Lvant tfittex li trawwem l-istabbiltà, il-prosperità u l-kooperazzjoni reċiproka, u li tavvanza l-impenn għar-riformi meħtieġa; billi hemm ħtieġa urġenti li tissaħħaħ ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti fis-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari permezz ta' approċċi u fora multilaterali bħall-OSKE; billi hemm bżonn li tiġi żviluppata strateġija dwar kif għandhom jiġu indirizzati aħjar l-aspetti tas-sigurtà tal-politika tal-UE fis-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tas-sigurtà tal-pajjiżi sħab rilevanti bħala punt tat-tluq, peress li d-destabbilizzazzjoni tar-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant toħloq theddida globali sinifikanti u theddida għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tal-kontinent Ewropew;

C.

billi f'dawn l-aħħar snin is-Sħubija tal-Lvant qed tiffaċċja ksur serju tad-dritt internazzjonali, tat-theddid għas-sigurtà u kunflitti, u dan wassal għall-gwerra ta' aggressjoni attwali mir-Russja kontra l-Ukrajna; billi s-sigurtà u l-paċi fil-viċinat tal-Lvant jippresupponu r-rispett u ż-żamma tad-dritt internazzjonali, l-integrità territorjali u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; billi l-UE għandha tagħmel ħilitha biex tgħin lill-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant jerġgħu jiksbu s-sovranità tagħhom u l-kontroll sħiħ fuq it-territorji tagħhom; billi l-impenn ċar tal-UE għall-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant huwa kruċjali għal riformi prodemokratiċi u għas-sigurtà, l-istabbiltà u l-prosperità tas-soċjetajiet tagħhom;

D.

billi l-UE u s-sħab tas-Sħubija tal-Lvant iddeċidew b'mod konġunt li japprofondixxu l-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tas-sigurtà, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċità tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li jindirizzaw it-theddid ibridu u ċibernetiku; billi trid tiġi ppreservata wkoll enfasi fuq it-theddid konvenzjonali, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi reċenti li seħħew fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u fl-Asja Ċentrali;

E.

billi l-għanijiet essenzjali tas-Sħubija tal-Lvant huma ta' benefiċċju għall-ġirien kollha, inkluża r-Russja, peress li jgħinu biex jiffurmaw reġjun aktar stabbli permezz ta' miżuri li jippreservaw id-dritt internazzjonali, jirrispettaw l-integrità territorjali u permezz tat-trattati li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn l-istati u jsaħħu l-governanza tajba, id-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u relazzjonijiet tajbin ta' viċinat billi jippromwovu l-paċi, l-istabbiltà, il-prosperità kondiviża u l-prospetti għall-popli tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant; billi d-destabbilizzazzjoni tar-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant toħloq theddida sinifikanti għall-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-UE u dik globali;

F.

billi s-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar fil-15 ta' Diċembru 2021 afferma mill-ġdid id-dritt sovran ta' kull sieħeb li jagħżel il-livell ta' ambizzjoni u l-għanijiet tiegħu fir-relazzjonijiet tiegħu mal-UE;

G.

billi s-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-2021 irriżulta fi sforzi akbar biex tittejjeb ir-reżiljenza, tissaħħaħ il-komunikazzjoni strateġika u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, u titrawwem is-sigurtà, id-djalogu ċibernetiku u l-kooperazzjoni fl-oqsma tal-PSDK;

H.

billi kull pajjiż fiż-żona tas-Sħubija tal-Lvant, bl-eċċezzjoni tal-Belarussja, għandu kunflitt territorjali fuq l-art tiegħu, immexxi mir-Russja jew li jinvolviha;

I.

billi fit-22 ta' Frar 2022, iż-żewġ kmamar tal-Parlament Russu – il-Kunsill tal-Federazzjoni u d-Duma tal-Istat – approvaw b'mod unanimu r-rikonoxximent tar-reġjuni separatisti tal-Ukrajna ta' Donetsk u Luhansk bħala stati indipendenti;

J.

billi fit-23 ta' Frar 2022, il-Parlament Russu vverifika li jippermetti lill-President Putin juża l-armata Russa barra mill-pajjiż biex “jappoġġja lis-separatisti fl-Ukrajna”;

K.

billi fl-24 ta' Frar 2022, il-President Russu Vladimir Putin ħabbar f'xandira fuq it-televixin irrekordjata minn qabel li huwa kien ordna “operazzjoni militari speċjali” fil-Lvant tal-Ukrajna; billi ftit minuti wara, seħħew attakki bil-missili f'għexieren ta' bliet madwar il-pajjiż, inkluża l-kapitali tal-Ukrajna; billi fil-bidu, it-truppi u l-vetturi armati qasmu lejn l-Ukrajna tal-Lvant mill-fruntiera Russa, kif ukoll mill-Belarussja fit-Tramuntana u mill-Krimea, annessa illegalment mir-Russja, lejn in-Nofsinhar;

L.

billi fis-27 ta' Frar 2022, il-President Putin ħa d-deċiżjoni li jqiegħed forzi nukleari u missili Russi fl-ogħla livell ta' prontezza għall-ġlied;

M.

billi fl-24 ta' Frar 2022, wara li ġabret aktar minn 200 000 truppa f'formazzjoni offensiva fuq il-fruntiera tal-Ukrajna, filwaqt li żiedet ukoll it-tattiċi ibridi u ċibernetiċi tagħha tal-gwerra kontra l-awtoritajiet Ukreni eletti, ir-Russja nediet invażjoni fuq skala sħiħa tal-Ukrajna mill-fruntieri tagħha tat-Tramuntana, tal-Lvant u tan-Nofsinhar u mill-Baħar l-Iswed, filwaqt li bbumbardjat bis-saħħa ż-żoni ċivili bl-użu tas-superjorità tal-forzi tal-ajru u navali u tal-armi tagħha; billi kumplessivament dan huwa l-akbar kunflitt militari fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn;

N.

billi minkejja l-ostakli inizjali minħabba sforzi intensivi ta' reżistenza min-naħa tal-Ukrajna, il-forzi Russi wettqu operazzjonijiet offensivi u attakki bl-ajru u bl-artillerija/bir-rokits fuq pożizzjonijiet u infrastruttura ċivili, inklużi kurituri ta' evakwazzjoni magħrufa;

O.

billi fit-13 ta' Marzu 2022 r-Russja eskalat il-gwerra tagħha ta' aggressjoni fl-Ukrajna b'attakki fuq bażi militari ewlenija inqas minn 16-il km bogħod mill-fruntiera tal-Polonja, u dan wassal biex inqatlu 35 persuna u korrew 134 oħra, u b'hekk komplew jiżdiedu t-tensjonijiet fir-reġjun;

P.

billi r-Russja tal-President Putin għadha tinvolvi ruħha fi gwerra ta' aggressjoni u gwerra ibrida kontinwa kontra xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, appoġġjata mit-theddida dejjem preżenti ta' forza fir-reġjun kollu, mill-aggressjoni armata u mill-okkupazzjoni illegali, sabiex l-istati jinżammu politikament dgħajfa u żbilanċjati u marbuta mal-isfera ta' influwenza awtodikjarata ta' Moska, u dan jinjora b'mod effettiv id-dritt sovran tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għall-integrità territorjali, biex jagħmlu l-għażliet ta' politika barranija tagħhom stess u biex jagħżlu l-alleanzi tagħhom stess, bi ksur tal-prinċipji rilevanti tal-OSKE stabbiliti fl-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975, il-Karta ta' Pariġi tal-1990 kif ukoll id-Dokument ta' Istanbul (1999) u d-Dikjarazzjoni ta' Astana (2010); billi l-azzjonijiet aggressivi tar-Russja u t-tentattivi tagħha li ddgħajjef l-ordni ta' sigurtà Ewropew qed jikkawżaw instabbiltà kemm fir-reġjun kif ukoll lil hinn minnu u għandhom l-għan ukoll li jdgħajfu u jiddegradaw ir-rwol tal-UE fir-reġjun;

Q.

billi l-aggressjoni militari diretta tar-Russja kontra l-Georgia fl-2008 u l-okkupazzjoni sussegwenti ta' 20 % tat-territorji tagħha, l-invażjoni tagħha, l-okkupazzjoni temporanja u l-annessjoni illegali tal-Krimea fl-2014, u l-appoġġ tagħha għas-separatisti f'Donetsk u Luhansk iddestabbilizzaw ir-reġjun u serva bħala preċedent li wassal għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u għal ksur ċar tas-sovranità, l-indipendenza, l-unità u l-integrità territorjali tal-Georgia u tal-Ukrajna; billi l-UE kkundannat bil-qawwa dawn l-azzjonijiet u tenniet bis-sħiħ id-determinazzjoni tagħha li ma tirrikonoxxix ir-reġjuni tar-Russja li huma annessi u okkupati illegalment, li hija użat biex tniedi aggressjoni kontra xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li wassal biex l-Istati Membri u l-UE jieħdu firxa ta' miżuri restrittivi; billi l-azzjonijiet tar-Russja wrew li r-Russja tirrifjuta l-aspirazzjonijiet tal-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant li jissieħbu mal-UE jew man-NATO u hija ddeterminata li ssostni u tiġġieled kwalunkwe tentattiv għal għajnuna fl-iżvilupp demokratiku f'reġjun li tqis bħala “pajjiż barrani fil-qrib”; billi l-“pajjiż barrani fil-qrib” għadu meqjus mill-Kremlin bħala l-isfera ta' influwenza tar-Russja;

R.

billi l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna tesponi vulnerabbiltajiet kbar fis-sigurtà tal-Istati Membri u tal-pajjiżi li qed jaspiraw li jissieħbu mal-UE, speċjalment l-istati fir-reġjuni tal-Baħar Baltiku u tal-Baħar l-Iswed;

S.

billi l-Belarussja għenet u assistiet fil-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, billi ppermettiet lill-forzi armati Russi jwettqu provi militari b'tul ta' ġimgħa fuq it-territorju tal-Belarussja qabel ma ppermettiet li t-territorju tagħha jservi bħala launch pad għall-invażjoni tal-Ukrajna;

T.

billi f'Settembru 2021, l-eżerċizzju militari konġunt ZAPAD tar-Russja mal-Belarussja u ma' diversi pajjiżi oħra fl-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva (CSTO) immexxija mir-Russja kien jinkludi daqs 200 000 truppa li tħarrġu fil-kontroinsurġenza, il-gwerra urbana u l-attakki ċibernetiċi b'wiri ta' forza mhux trasparenti; billi r-Russja u l-Belarussja jwettqu regolarment eżerċizzji militari konġunti u qablu fuq duttrina militari konġunta; billi l-eżerċizzju militari konġunt bejn ir-Russja u l-Belarussja “2022 Allied Resolve” serva biex juri li d-distakk tar-Russja fil-kapaċitajiet militari qed jonqos b'mod rapidu, filwaqt li qed iwettaq dejjem aktar l-għan tar-Russja li tapprofondixxi r-relazzjonijiet politiċi u militari tagħha mal-pajjiżi tas-CSTO; billi dawn l-eżerċizzji militari wrew li kienu taħriġ għall-invażjoni eventwali u l-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna; billi l-forzi militari Russi fil-Belarussja huma ta' theddida għall-Ukrajna, għall-Polonja, għal-Litwanja u għall-Ewropa kollha u jistgħu jkunu parti minn pjan aħħari biex tittieħed il-Belarussja u tiġi okkupata;

U.

billi, huwa u jfittex li jibqa' fil-poter, ir-reġim illeġittimu ta' Aliaksandr Lukashenka saħħaħ ir-relazzjonijiet mar-Russja ta’ Putin, qabel li japprofondixxi l-integrazzjoni tal-Istat tal-Unjoni u jospita t-truppi Russi tul il-fruntiera bejn il-Belarussja u l-Ukrajna, u qed jipprovdi appoġġ loġistiku u militari lit-truppi Russi li qed jiġġieldu l-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna;

V.

billi l-Belarussja hija ħatja għall-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna, wara li ppermettiet u appoġġjat l-invażjoni tar-Russja mit-territorju Belarussu, u b'hekk uriet b'mod ċar l-lealtà politika tagħha u wasslet għal reġim ta' sanzjonijiet tal-UE b'saħħtu u msaħħaħ kontra l-Belarussja;

W.

billi l-ebda kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża ma għandha tinkludi r-reġim illeġittimu ta' Aliaksandr Lukashenka, peress li kwalunkwe attività potenzjali tista' tintuża kontra l-Istati Membri tal-UE jew biex il-poplu tal-Belarussja jiġi oppressat;

X.

billi wara dimostrazzjonijiet tal-massa kontra frodi elettorali kbira, ir-reġim Belarussu kompla żied ir-repressjoni domestika u vjolenti kontra proporzjon kbir taċ-ċittadini tal-Belarussja li jaspiraw għal soċjetà demokratika, u abbanduna l-għan tiegħu li jrawwem relazzjonijiet aħjar mal-UE; billi l-Belarussja reġġgħet ix-xejriet lejn id-demokratizzazzjoni u bdiet tistrumentalizza l-migranti fl-isfond ta' kriżi fuq il-fruntiera bejn l-UE u l-Belarussja, u billi għadha twaqqa' l-aspirazzjonijiet domestiċi lejn il-liberalizzazzjoni u tiddestabbilizza u toħloq diżunità fost l-Istati Membri tal-UE sabiex tikseb it-tneħħija ta' sanzjonijiet immirati tal-UE kontra individwi u entitajiet responsabbli għal oppressjoni krudili; billi r-reġim ta' Lukashenka jhedded l-istabbiltà reġjonali billi jwettaq gwerra ibrida u, għad-detriment tas-sikurezza tal-avjazzjoni, ġiegħel titjira ta' Ryanair tinżel f'Minsk, li wassal lill-UE timponi sanzjonijiet;

Y.

billi fis-27 ta' Frar 2022 il-Belarussja approvat kostituzzjoni ġdida li tirrinunzja għall-istatus mhux nukleari tal-pajjiż;

Z.

billi wara d-deċiżjoni tar-Russja li tirrikonoxxi uffiċjalment ir-repubbliki tal-popli ta' Luhansk u Donetsk fil-21 ta' Frar 2022, il-President Russu Vladimir Putin iddikjara li l-Ftehimiet ta' Minsk “ma għadhomx jeżistu” u li l-Ukrajna kienet responsabbli għall-kollass tagħhom; billi l-Format tan-Normandija u l-Ftehimiet ta' Minsk I u II s'issa wrew li ma kinux effettivi u naqsu milli jtemmu l-ostilitajiet kollha bejn l-Ukrajna u l-forzi appoġġjati mir-Russja u l-formazzjonijiet armati illegali f'ċerti żoni tar-reġjuni ta' Donetsk u Luhansk tal-Ukrajna; billi l-futur tal-Format tan-Normandija u tal-Ftehimiet ta' Minsk I u II huwa inċert ħafna, peress li l-kunflitt armat internazzjonali fl-Ukrajna qatel eluf u wassal għall-ispostament ta' madwar 10 miljun persuna u aktar minn 4 miljun rifuġjat; billi l-bumbardament ta' kuljum u l-ġlied bl-armi tan-nar għadhom iwasslu għal korrimenti u qtil tan-nies;

AA.

billi t-theddid għall-viċinat tal-Lvant mhux biss jikkonċerna l-imġiba u l-azzjonijiet tar-Russja, iżda jinkludi wkoll firxa wiesgħa ta' theddid inklużi l-influwenza ta' reġimi awtoritarji oħra, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, it-traffikar ta' bnedmin, il-korruzzjoni, l-istrumentalizzazzjoni tal-migrazzjoni irregolari, id-diżinformazzjoni, it-tibdil fil-klima, iċ-ċiberattakki, il-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva, it-tniġġis ambjentali bħala riżultat ta' kunflitt militari, l-eliminazzjoni tal-provvisti tal-enerġija, l-azzjonijiet ibridi u għadd ta' theddidiet oħra għall-koeżjoni tas-soċjetajiet fil-viċinat;

AB.

billi t-theddid ibridu jinvolvi l-kombinazzjoni sistematika tal-gwerra tal-informazzjoni, il-manuvri tal-forza aġli, il-gwerra ċibernetika tal-massa u l-użu akbar ta' teknoloġiji emerġenti u fixkiela minn qiegħ il-baħar sal-ispazju, inkluż kemm tagħmir avvanzat għat-teħid tan-nifs kif ukoll sorveljanza bbażata fl-ispazju u l-użu ta' sistemi tal-attakki, li kollha kemm huma se jkunu permessi bl-intelliġenza artifiċjali (IA) avvanzata, il-computing kwantistiku, it-teknoloġiji dejjem aktar “intelliġenti” ta' drone swarms, il-kapaċitajiet ċibernetiċi offensivi, is-sistemi ta' missili ipersoniċi, in-nanoteknoloġija u l-gwerra bijoloġika;

AC.

billi l-potenzjal tar-Russja li teskala għall-użu ta' armi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari ma jistax jiġi injorat; billi l-UE kienet allarmata bl-erożjoni tal-arkitettura globali ta' diżarm, nonproliferazzjoni u kontroll tal-armi;

AD.

billi l-forzi Russi skjeraw attakki militari fuq l-impjanti tal-enerġija nukleari ta' Chornobyl u Zaporizhzhia, ħadu l-kontroll tal-impjanti u żammew lill-persunal tagħhom bħala ostaġġi għal diversi ġimgħat, filwaqt li l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika ma setgħetx taċċessa d-data trażmessa minn dawn il-faċilitajiet u mill-monitoraġġ tal-materjal nukleari; billi impjanti tal-enerġija nukleari oħra fl-Ukrajna jistgħu jkunu mmirati fil-każ ta' ostilitajiet kontinwi;

AE.

billi Moska nediet kampanja ta' diżinformazzjoni li allegat li l-Istati Uniti kienu qed jiżviluppaw armi bijoloġiċi fl-Ukrajna; billi l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin taċ-Ċina appoġġja l-affermazzjonijiet tar-Russja;

AF.

billi r-Russja talbet laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex tiddiskuti l-akkużi tagħha dwar l-użu ta' armi bijoloġiċi;

AG.

billi l-kampanja uffiċjali Russa ta' diżinformazzjoni tista' tkun qed tistabbilixxi l-bażi għall-użu ta' armi bijoloġiċi; billi d-diżinformazzjoni dwar l-armi bijoloġiċi tista' tkun skuża għall-użu eventwali tagħhom;

AH.

billi kampanji ta' diżinformazzjoni sponsorjati mir-Russja u interferenza ibrida jheddu l-iżvilupp tal-istat tad-dritt, l-istituzzjonijiet demokratiċi u l-perspettiva Ewropea fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; billi d-diżinformazzjoni tqarraq bil-popolazzjoni fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, twassal għal nuqqas ta' fiduċja fil-proċessi demokratiċi u fil-media tradizzjonali, tippolarizza s-soċjetajiet, timmina d-drittijiet tal-bniedem, taggrava l-kundizzjonijiet tal-minoranzi u tal-gruppi vulnerabbli, u għandha effett ġenerali ta' deterjorament fuq is-sigurtà interna tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

AI.

billi r-Russja qed tfittex li tneħħi u tfassal mill-ġdid l-ordni ta' sigurtà Ewropew u li toħroġ wegħdiet mill-komunità tranżatlantika li ma taċċettax lill-Ukrajna u lill-Georgia fin-NATO, u qed titlob li t-truppi tan-NATO jiġu rtirati minn xi Stati Membri tal-UE, u b'hekk ma jiġux irrispettati l-prinċipji ewlenin tas-sigurtà Ewropea kif miftiehem bejn il-pajjiżi Ewropej, inkluża r-Russja; billi l-fatt li t-truppi Russi invadew lill-Ukrajna permezz tat-territorju Belarussu sabiex jgħinu fil-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna juri l-azzjonijiet li r-Russja titlob mill-alleati tagħha, u b'hekk dan ikompli joħloq theddida serja għall-Polonja, għall-Istati Baltiċi, għall-pajjiżi sħab tas-Sħubija tal-Lvant u għall-Ewropa kollha;

AJ.

billi l-UE, in-NATO u l-Istati Membri tagħhom qed jippromwovu soluzzjoni diplomatika paċifika li tirriżulta fir-Russja li ttemm minnufih l-attivitajiet militari kollha fl-Ukrajna u tirtira mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u t-tagħmir militari kollha mit-territorju kollu rikonoxxut internazzjonalment tal-Ukrajna, u l-Istati Membri li jaħdmu biex isaħħu r-reżiljenza u l-kapaċità tal-Ukrajna li tiddefendi lilha nnifisha; billi r-Russja, deliberatament u konxjament, injorat l-Unjoni Ewropea fid-djalogu u n-negozjati dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, filwaqt li hija kompromessa s-sigurtà tal-UE; billi ma jista' jkun hemm l-ebda diskussjoni dwar is-sigurtà Ewropea mingħajr il-pajjiżi Ewropej; billi l-OSKE hija l-unika organizzazzjoni Ewropea li tiġbor flimkien il-pajjiżi Ewropej kollha inklużi r-Russja, l-Asja Ċentrali u s-sħab tranżatlantiċi; billi l-OSKE tibqa' qafas xieraq għad-diskussjoni dwar kif għandu jissaħħaħ l-ordni ta' sigurtà Ewropew komuni fl-interess ta' kulħadd; billi qed isiru sforzi konsiderevoli biex tiġi sostnuta kooperazzjoni intensa bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti u fost l-Istati Membri nfushom fir-rigward tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi t-taħditiet bilaterali intensivi dwar il-gwerra Russa ta' aggressjoni li għaddejja kontra l-Ukrajna naqsu milli jiksbu kwalunkwe tip ta' żvilupp lejn soluzzjoni sostenibbli għal din il-kriżi;

AK.

billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill Affarijiet Barranin, inklużi kemm il-ministri tal-affarijiet barranin kif ukoll dawk tad-difiża, iltaqgħu f'diversi okkażjonijiet biex jiddiskutu l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u jiddeċiedu dwar l-istrateġija tal-UE biex din tiġi indirizzata; billi l-UE indirizzat l-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa kontra l-Ukrajna b'sanzjonijiet li baqgħu jiżdiedu; billi saru skambji ta' fehmiet dwar l-arkitettura tas-sigurtà tal-Ewropa fid-dawl tal-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna bejn il-Membri tal-Parlament Ewropew u l-VP/RGħ; billi l-Kumitat Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża tal-Parlament organizza missjoni ad hoc fl-Ukrajna bejn it-30 ta' Jannar u t-2 ta' Frar 2022;

AL.

billi l-OSKE tibqa' qafas xieraq għad-diskussjoni dwar kif għandu jissaħħaħ l-ordni ta' sigurtà Ewropew komuni fl-interess ta' kulħadd;

AM.

billi b'reazzjoni diretta għall-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari l-Ġermanja, saħħew bil-kbir il-baġits tad-difiża tagħhom;

AN.

billi diversi Stati Membri qed jipprovdu għajnuna militari bilaterali lill-Ukrajna biex tgħin lill-forzi armati tal-Ukrajna fid-difiża tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna;

AO.

billi għadd ta' Stati Membri tal-UE ddeċidew li jirrispondu b'mod pożittiv għat-talbiet tal-Ukrajna għal tagħmir militari; billi diversi Stati Membri tal-UE, ibda bl-istati Baltiċi u l-Polonja, bagħtu armi lill-Ukrajna biex jassistu lill-forzi armati Ukreni b'armi sofistikati ħalli jirreżistu l-forzi tal-invażjonijiet tar-Russja; billi l-brigata Litwana-Pollakka-Ukrena hija l-ewwel u l-akbar struttura għat-taħriġ u l-manuvri bejn il-forzi armati Ewropej u dawk Ukreni;

AP.

billi l-UE adottat żewġ miżuri ta' assistenza taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi li se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u r-reżiljenza tal-forzi armati tal-Ukrajna u għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili kontra l-aggressjoni militari li għaddejja bħalissa; billi l-miżuri ta' assistenza, b'valur totali ta' EUR 1,5 biljun, se jiffinanzjaw il-forniment ta' tagħmir u provvisti lill-forzi armati Ukreni, inkluż, għall-ewwel darba, tagħmir letali;

AQ.

billi f'Novembru 2021, il-Kunsill ħabbar pakkett ta' 14-il proġett ġdid tal-kapaċitajiet tal-PESCO għas-sigurtà tal-art, marittima, tal-ajru, ċibernetika u tal-ispazju; billi fit-22 ta' Frar 2022, it-Tim ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku ffinanzjat mill-PESCO ħabbar l-iskjerament ta' esperti taċ-ċibersigurtà biex jgħinu fil-ġlieda kontra l-attakki ċibernetiċi tar-Russja kontra l-entitajiet Ukreni;

AR.

billi l-Boxxla Strateġika li għadha kif ġiet adottata trid tipprovdi l-PSDK bl-ambizzjoni politika u strateġika, il-kapaċitajiet u r-riżorsi meħtieġa biex tiġġenera bidla pożittiva, b'mod partikolari fil-viċinat strateġiku tagħha; billi r-rieda politika fost l-Istati Membri tal-UE hija kruċjali fl-implimentazzjoni tal-Boxxla Strateġika; billi l-għan tal-Boxxla Strateġika huwa li tagħti impatt pożittiv fir-rigward tal-ħeffa u r-robustezza ta' rispons komuni għall-isfidi ġeopolitiċi u globali, filwaqt li jagħti prijorità lil difiża Ewropea ġenwina kontra ambjent ta' theddid emerġenti;

AS.

billi l-Kummissjoni adottat pakkett ġdid ta' assistenza makrofinanzjarja ta' emerġenza ta' EUR 1,2 biljun għall-Ukrajna sabiex tgħin lill-pajjiż jiffaċċja l-isfidi ekonomiċi u ġeopolitiċi attwali u jindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji tiegħu minħabba l-azzjonijiet aggressivi tar-Russja; billi l-Kummissjoni se talloka wkoll EUR 120 miljun addizzjonali lill-Ukrajna, u b'hekk iżżid b'mod sinifikanti l-assistenza bilaterali tagħha lill-pajjiż f'għotjiet din is-sena; billi l-UE se tkompli tinvesti fil-futur tal-Ukrajna permezz tal-Pjan Ekonomiku u ta' Investiment, li għandu l-għan li jikseb sa EUR 6,5 biljun f'investimenti matul il-ftit snin li ġejjin;

AT.

billi l-UE u l-alleati tagħha adottaw pakketti wiesgħa u mingħajr preċedent ta' sanzjonijiet u miżuri b'reazzjoni għall-atti ta' aggressjoni tar-Russja fuq l-integrità territorjali tal-Ukrajna, li jwaqqfu l-aċċess tar-Russja għas-swieq kapitali tal-Punent, jiffriżaw l-assi u jipprojbixxu tranżazzjonijiet fuq tliet banek Russi, kif ukoll jeskludu l-banek ewlenin mis-sistema SWIFT;

AU.

billi s-sanzjonijiet fis-settur tal-enerġija jagħmluha aktar diffiċli u aktar għalja għar-Russja biex ittejjeb ir-raffineriji taż-żejt tagħha; billi l-UE pprojbixxiet l-esportazzjoni, il-bejgħ jew il-provvista ta' inġenji tal-ajru u tagħmir relatat lil-linji tal-ajru Russi, kif ukoll is-servizzi kollha relatati ta' tiswija, manutenzjoni jew dawk finanzjarji; billi l-ispazju tal-ajru għall-inġenji tal-ajru kollha li huma proprjetà tar-Russja, irreġistrati fir-Russja jew ikkontrollati mir-Russja ngħalaq mill-Punent; billi dawn l-inġenji tal-ajru mhux se jibqgħu jkunu jistgħu jinżlu, jitilqu minn jew itiru fuq it-territorju tal-UE u l-alleati tagħha; billi l-Punent qed jespandi l-ambitu tal-kontrolli tal-esportazzjoni fuq oġġetti b'użu doppju biex jillimita l-aċċess tar-Russja għal teknoloġija kruċjali, bħas-semikondutturi jew is-software mill-aktar avvanzat; billi l-UE pprojbixxiet l-aċċess lid-diplomatiċi Russi u l-gruppi relatati u lill-kummerċjanti flimkien mal-istrumenti tal-media Russi li huma proprjetà tal-Istat, Russia Today u Sputnik, kif ukoll is-sussidjarji tagħhom; billi l-ħames pakkett ta' sanzjonijiet tal-UE jinkludi 217-il individwu addizzjonali u 18-il entità u jżid embargo fuq il-faħam mal-lista ta' sanzjonijiet;

AV.

billi s-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja u l-Belarussja jirrappreżentaw turija bla preċedent tal-unità min-naħa tal-Istati Membri tal-UE u wasslu għal ħsara ekonomika sinifikanti lill-pilastri ewlenin tal-ekonomiji tar-Russja u tal-Belarussja, li s'issa rriżulta fil-kollass temporanju tar-rublu, żieda fir-riskju ta' inadempjenzi tal-bonds, l-għeluq temporanju tal-borża ta' Moska, tnaqqis tremend għall-kummerċ taż-żejt Russu, u l-esklużjoni tar-Russja minn firxa wiesgħa ta' organizzazzjonijiet internazzjonali;

AW.

billi s-sanzjonijiet kontra r-Russja qed jagħmlu ħsara reali u jistgħu jwasslu għal reċessjoni; billi r-rublu kkollassa temporanjament, ir-riskju ta' inadempjenza tal-bonds żdied f'daqqa, il-borża ta' Moska ngħalqet u l-kummerċ taż-żejt Russu jinsab fi skontijiet dejjem aktar profondi;

AX.

billi l-Ukrajna applikat formalment għas-sħubija fl-UE fit-28 ta' Frar 2022, u ġiet segwita malajr minn applikazzjonijiet għal sħubija fl-UE mir-Repubblika tal-Moldova u mill-Georgia fit-3 ta' Marzu 2022;

AY.

billi fid-dawl tal-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Istati Membri qed ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' għadd bla preċedent ta' persuni spostati hekk kif l-Ukreni qed jaħarbu lejn postijiet sikuri; billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati qed jistenna li jkun hemm bejn 6 u 8 miljun rifuġjat; billi l-maġġoranza tar-rifuġjati ħarbu lejn Stati Membri ġirien tal-UE, b'mod partikolari l-Polonja, ir-Rumanija, l-Ungerija u s-Slovakkja, kif ukoll lejn il-ġar diġà fraġli tal-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova, li wassal għal pressjoni kbira ħafna biex jiġu pprovduti risistemazzjoni u assistenza; billi l-Kummissjoni attivat il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili biex tappoġġja lill-Ukrajna u lill-pajjiżi tal-fruntieri; billi adottat proposta leġiżlattiva bit-titolu “Azzjoni ta' Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE)”; billi ppreżentat strumenti finanzjarji ewlenin, inklużi EUR 500 miljun mill-baġit tal-UE, l-estensjoni proposta tal-perjodu ta' implimentazzjoni għall-flus disponibbli għall-Istati Membri taħt il-fondi tal-affarijiet interni tal-2014-2020, u l-użu tal-fondi tal-affarijiet interni għall-2021-2027;

AZ.

billi ftit wara l-bidu tal-invażjoni Russa, il-Kunsill Ewropew, għall-ewwel darba, qabel b'mod unanimu dwar l-attivazzjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja (34) li immedjatament tat status protett kif ukoll aċċess għas-saħħa, l-edukazzjoni, ix-xogħol u r-residenza tal-UE liċ-ċittadini u lir-rifuġjati Ukreni kollha u lil dawk kollha li għal żmien twil għexu fl-Ukrajna li qed jaħarbu mill-Ukrajna;

BA.

billi l-Inizjattiva dwar it-Tliet Ibħra (3SI), li tinvolvi 12-il pajjiż fuq il-ġnub tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-UE u madwar 112-il miljun ċittadin li jaħdmu flimkien biex jiżviluppaw in-networks tal-infrastruttura, l-enerġija, it-trasport u dawk diġitali, hija żvilupp kritiku li jista' jiġi estiż biex jinkludi lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant fi sforz biex ikomplu jsaħħu r-rabtiet mal-UE;

BB.

billi l-Parlament Ewropew jappoġġja bis-sħiħ il-Pjattaforma Internazzjonali tal-Krimea, li tnediet f'Awwissu 2021 fi Kyiv mill-Ukrajna, mill-Istati Membri tal-UE u minn sħab internazzjonali oħra biex tiġi żviluppata inizjattiva mill-President tal-Ukrajna; billi l-pjattaforma hija format importanti għall-konsultazzjoni u l-koordinazzjoni mmirati lejn iż-żieda tal-effettività tar-rispons internazzjonali għall-okkupazzjoni illegali li għaddejja tal-Krimea, filwaqt li tafferma mill-ġdid in-nuqqas ta' rikonoxximent tal-annessjoni tagħha u l-ksib tat-tneħħija tal-okkupazzjoni tal-Ukrajna u r-ritorn paċifiku tagħha għall-kontroll tal-Ukrajna; billi l-pjattaforma qed twieġeb għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja billi żżid il-pressjoni internazzjonali fuq il-Kremlin, waqt li tipprevjeni aktar ksur tad-drittijiet u tipproteġi lill-vittmi tar-reġim ta' okkupazzjoni;

BC.

billi r-Russja qed tkompli l-passaportizzazzjoni illegali tagħha ta' ċittadini Ukreni fit-territorji okkupati temporanjament taż-żoni Donetsk u Luhansk tal-Ukrajna;

BD.

billi fis-26 ta' Frar 2022, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fassal abbozz ta' test li jikkundanna l-invażjoni mir-Russja tal-Ukrajna, li ġie rrifjutat mir-Russja u li minnu astjenew iċ-Ċina u l-Emirati Għarab Magħquda;

BE.

billi fit-2 ta' Marzu 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat riżoluzzjoni mhux vinkolanti li titlob waqfien immedjat għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna; billi l-vot għadda b'maġġoranza kbira ta' 140 pajjiż favur, ħames voti kontra u 38 astensjoni;

BF.

billi fis-16 ta' Marzu 2022, il-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali Karim Khan, mar-ritorn tiegħu minn żjara fl-Ukrajna, iddikjara li “jekk l-attakki jiġu mmirati intenzjonalment kontra l-popolazzjoni ċivili: dan huwa reat li l-uffiċċju tiegħi jista' jinvestiga u jressaq quddiem il-liġi”;

BG.

billi fis-7 ta' April 2022, l-Assemblea Ġenerali tan-NU vvutat li tissospendi lir-Russja mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;

BH.

billi b'reazzjoni għall-invażjoni mhux ipprovokata u mhux ġustifikata mir-Russja tal-Ukrajna fi Frar 2022, in-NATO użat eluf ta' forzi ta' difiża addizzjonali tal-art, tal-ajru u marittimi fil-parti tal-Lvant tal-Alleanza; billi l-Alleanza attivat il-Forza ta' Rispons tan-NATO;

BI.

billi n-NATO qed tgħin fil-koordinazzjoni tat-talbiet tal-Ukrajna għall-assistenza u qed tappoġġja lill-alleati tagħha stess fl-għoti ta' għajnuna umanitarja u mhux letali;

BJ.

billi n-NATO kkonfermat mill-ġdid il-Politika tagħha dwar il-Bibien Miftuħa; billi l-alleati tan-NATO qed ipoġġu l-forzi fuq stat ta' allert u jibagħtu vapuri u ġettijiet tal-ġlied addizzjonali għall-iskjeramenti tan-NATO fl-Ewropa tal-Lvant, filwaqt li jsaħħu d-deterrenza u d-difiża alleati;

BK.

billi għadd ta' inġenji tal-ajru Russi mingħajr bdot abbord daħlu fl-ispazju tal-ajru ta' diversi membri tan-NATO qabel ma kkraxxjaw fit-territorji tagħhom, bi ksur ċar tal-ispazju tal-ajru tal-pajjiżi membri tan-NATO;

BL.

billi fit-8 ta' Marzu 2022, il-President Zelenskyy tal-Ukrajna ħabbar li mhux se jkompli jsegwi l-adeżjoni tan-NATO u li l-Ukrajna hija lesta li tikkomprometti l-istatus tar-reġjuni separatisti ta' Luhansk u Donetsk tal-Ukrajna kkontrollati mir-Russja;

BM.

billi l-UE għandha tkun qed twieġeb għat-theddid tal-Kremlin mhux biss b'miżuri ta' sigurtà ibsin bħat-twassil ta' armi lill-Ukrajna biex tgħinha tiddefendi lilha nnifisha, iżda wkoll bl-użu ta' setgħa ta' persważjoni ta' strumenti Ewropej bħall-għoti ta' status ta' kandidat għall-adeżjoni;

BN.

billi l-PSDK trid tkun ibbażata fuq koordinazzjoni u kooperazzjoni saħansitra aktar mill-qrib mal-qagħda ta' difiża u deterrenza tan-NATO u mal-Politika dwar il-Bibien Miftuħa, b'rispett sħiħ għall-arranġamenti ta' sigurtà tal-Istati Membri tal-UE, minbarra l-ħtieġa ta' koordinazzjoni mill-qrib bejn l-UE u n-NATO sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn il-Boxxla Strateġika tal-UE u l-kunċett Strateġiku li jmiss tan-NATO; billi xi wħud mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għandhom aspirazzjonijiet li jissieħbu fin-NATO;

BO.

billi bejn l-2014 u l-bidu tal-gwerra, l-Istati Uniti pprovdew aktar minn USD 2,9 biljun f'assistenza għas-sigurtà lill-Ukrajna, b'allokazzjoni annwali ta' USD 393 miljun mill-2021, li għamel lill-Ukrajna l-akbar riċevitur uniku ta' għajnuna militari barranija fl-Ewropa, filwaqt li kull sena l-Istati Uniti jħarrġu wkoll erba' brigati tal-forzi armati Ukreni; billi l-Istati Uniti pprovdew tagħmir letali lill-Ukrajna u ħabbru, l-aktar reċentement, pakkett ta' assistenza ta' USD 800 miljun li jinkludi armi tqal, artillerija, droni u munizzjon, li wassal biex l-ammont totali ta' assistenza tas-sigurtà tal-Istati Uniti għall-Ukrajna jaqbeż il-USD 4 biljun u li għadu jiżdied sa mill-bidu tal-gwerra;

BP.

billi fis-27 ta' Jannar 2022, il-Parlament tar-Renju Unit u l-Verkhovna Rada tal-Ukrajna ffirmaw ftehim ta' akkwist militari biex l-Ukrajna tiġi pprovduta bi proġetti ta' investiment fl-2022 sal-2023; billi l-ftehim militari għandu valur totali ta' GBP 1,7 biljun u għandu l-għan li jespandi l-kapaċitajiet navali tal-Ukrajna;

BQ.

billi mid-9 ta' Frar 2022, l-għajnuna ta' emerġenza tar-Renju Unit lill-Ukrajna issa laħqet l-ammont ta' GBP 400 miljun, u billi r-Renju Unit qiegħed elf truppa fuq stat ta' allert għall-iskjerament lejn l-Ewropa tal-Lvant sabiex jipprovdu sigurtà għar-rifuġjati tal-Ukrajna;

BR.

billi r-Renju Unit jipprovdi bini tal-kapaċitajiet u taħriġ mhux letali lil aktar minn 20 000 membru tal-persunal tal-forzi armati Ukreni u forna sistemi ta' difiża; billi r-Renju Unit ipprovda wkoll lill-Ukrajna tagħmir ta' armi letali;

BS.

billi l-Kanada nediet l-Operazzjoni UNIFIER, il-Programm ta' Taħriġ u Kooperazzjoni Militari, u l-Proġett ta' Assistenza għat-Taħriġ tal-Pulizija, li b'mod kollettiv ħarreġ aktar minn 30 000 membru tal-forzi tas-sigurtà u tas-servizzi tal-pulizija tal-Ukrajna u pprovda tagħmir tattiku u armi; billi bejn Jannar u April 2022, il-Kanada impenjat aktar minn CAD 118-il miljun f'tagħmir militari biex tappoġġja lill-Ukrajna u allokat CAD 500 miljun f'għajnuna militari addizzjonali għall-Ukrajna għas-sena fiskali 2022-2023;

BT.

billi n-Norveġja tat armi kontra t-tankijiet u sistemi ta' difiża tal-ajru flimkien ma' pakkett komprensiv ta' għajnuna militari mhux letali bħal ġkieket kontra l-balal, elmi, porzjonijiet ta' ikel fuq il-post u provvisti essenzjali oħra, filwaqt li allokat ukoll aktar minn EUR 40 miljun b'appoġġ għall-Ukrajna;

BU.

billi l-Ġappun ipprovda għajnuna militari mhux letali, inklużi ġkieket kontra l-balal, elmi, ġeneraturi tal-enerġija u ikel, minbarra self ta' USD 100 miljun lill-Ukrajna;

BV.

billi l-Bord Konsultattiv għar-Riforma tad-Difiża, magħmul minn esperti ta' livell għoli mill-Istati Uniti, mir-Renju Unit, mill-Kanada, mill-Polonja, mill-Ġermanja u mil-Litwanja, huwa l-korp konsultattiv internazzjonali tal-ogħla livell fl-Ukrajna;

BW.

billi r-rwol dejjem aktar attiv taċ-Ċina fil-kompetizzjoni fir-reġjun għall-influwenza politika, soċjali u ekonomika qed jikber fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, fejn l-investiment Ċiniż, fosthom permezz tal-Inizjattiva “Belt and Road”, tgħaqqad self irħis li jixpruna l-proporzjonijiet tad-dejn mal-PDG bl-eżitu previst li jkun inadempjenza fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li jwassal għal rikumpens aggressiv, ħafna drabi fil-forma ta' sjieda ta' infrastruttura strateġika u allinjament tal-politika;

BX.

billi l-influwenza ta' pajjiżi terzi, b'mod partikolari l-Iran, fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant hija fil-biċċa l-kbira kkonċentrata fil-Kawkasu tan-Nofsinhar, fejn l-influwenza kulturali, reliġjuża, politika u ekonomika tal-Iran li ilha teżisti qed tkompli tikber, li jwassal għar-riskju li tiġi mminata s-sigurtà u l-istabbiltà ta' xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant minħabba tentattivi ta' qtil marbuta mal-ħaddiema tal-Korp ta' Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-Iran fil-Georgia u fl-Ażerbajġan, u dan joħloq aktar tħassib għall-isforzi tal-UE biex tippromwovi s-sigurtà, l-istabbiltà u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat fost il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

BY.

billi l-kunflitt ta' 44 jum skattat mill-Ażerbajġan biddel fundamentalment l-istatus quo politiku, strateġiku u operazzjonali tal-Kawkasu tan-Nofsinhar, li rriżulta f'eluf ta' mwiet, għexieren ta' eluf ta' persuni spostati u wassal għall-iskjerament mir-Russja ta' madwar 2 000 truppa hekk imsejħa għaż-żamma tal-paċi fil-kuritur ta' Lachin u fi u madwar Nagorno-Karabakh bħala parti mill-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tal-10 ta' Novembru 2020; billi l-ġlied bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja għadu għaddej u l-kunflitt ta' Nagorno-Karabakh ma ġiex solvut; billi r-Russja mhux se tkun tista' ssolvi waħedha kunflitt li beda fl-ispazju post-Sovjetiku; billi n-nuqqas ta' prospettiva strateġika tal-UE u l-inizjattiva diplomatika ppermettew lir-Russja, lit-Turkija, lill-Iran u lil atturi oħra jsaħħu l-influwenza tagħhom fil-Kawkasu tan-Nofsinhar;

BZ.

billi l-pipeline ewlieni biex jipprovdi l-gass lil Nagorno-Karabakh saritlu ħsara u t-territorju kkontestat tħalla mingħajr aċċess għall-provvisti tal-enerġija fit-8 ta' Marzu 2022 bħala riżultat ta' impenji militari kontinwi bejn il-forzi tal-Armenja u tal-Ażerbajġan f'Nagorno-Karabakh;

CA.

billi fil-bidu ta' Jannar 2022, il-forzi tas-CSTO (immexxija mill-militar Russu u li jinkludu wkoll truppi mill-Belarussja u mill-Armenja, fost l-oħrajn) intervenew fil-Każakistan, fuq talba tal-gvern tal-pajjiż, biex jgħinu fit-twaqqif tal-inkwiet ċivili sabiex jiġi żgurat li jkompli jiggverna r-reġim attwali u biex l-organizzazzjoni tintuża biex tappoġġja l-interessi tiegħu;

CB.

billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli ssaħħaħ aktar il-preżenza militari illegali tagħha fit-territorji okkupati tal-Georgia tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar, biex tintensifika l-akkumulazzjoni militari u l-eżerċizzji militari tagħha, biex tinvolvi ruħha f'passaportizzazzjoni u biex iżżid l-“istabbiliment ta' fruntieri” permezz tal-installazzjoni ta' ċnut tal-fildiferru mxewwek u ostakli oħra tul il-Linja ta' Demarkazzjoni Amministrattiva, bil-konsegwenza tad-destabbilizzazzjoni serja tas-sitwazzjoni tas-sigurtà fuq il-post u b'periklu għall-għajxien tal-popolazzjoni fiż-żoni affettwati mill-kunflitti;

CC.

billi s-suċċess ta' kwalunkwe missjoni tal-PSDK jiddependi mir-robustezza tal-mandat tiegħu u mil-livell ta' rieda politika u l-koeżjoni tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi sħab, kif ukoll mir-rieda tal-Istati Membri li jinvestu l-għarfien espert, l-assi, il-persunal u r-riżorsi tagħhom;

CD.

billi l-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija (CPCC) tal-UE se jkollha tikkunsidra kif tipproteġi l-missjonijiet skjerati mmexxija mill-UE u l-persunal ċivili tal-UE kontra tali theddid li qed jiżdied;

CE.

billi jekk il-missjonijiet tal-PSDK iridu jilħqu l-objettivi tal-missjoni tagħhom, il-mandat tagħhom għandu jinkludi kompiti konsultattivi u ta' taħriġ biex ilaħħqu mat-teknoloġiji emerġenti u fixkiela li malajr qed jidħlu fl-ambjent ta' “kunflitt iffriżat”; billi l-missjonijiet tal-PSDK fil-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant iridu jibqgħu fis-seħħ sakemm jitqiesu meħtieġa mill-pajjiżi riċevituri u mill-Istati Membri sabiex jiġi żgurat it-twettiq tal-objettivi tal-missjoni;

CF.

billi l-Kunsill bħalissa qed jiddiskuti għażliet biex tiżdied il-preżenza tal-PSDK fl-Ukrajna;

CG.

billi l-Missjoni ta' Konsulenza tal-UE għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukrajna (EUAM) hija missjoni ċivili mnedija fl-2014, fuq talba tal-Gvern tal-Ukrajna, biex l-UE tappoġġja r-riforma tal-infurzar tal-liġi u tal-istituzzjonijiet tal-istat tad-dritt, u b'hekk terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja fost iċ-ċittadini tal-Ukrajna wara l-avvenimenti vjolenti li seħħew fir-rivoluzzjoni tal-Ukrajna;

CH.

billi l-EUAM identifikat ħames oqsma ta' prijorità, inklużi s-sigurtà nazzjonali u tal-istat, il-kriminalità organizzata u transfruntiera, il-ġustizzja kriminali, is-sikurezza tal-komunità u l-ġestjoni tal-pulizija, u t-trasformazzjoni u l-innovazzjoni diġitali, fl-appoġġ tar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili fl-Ukrajna b'baġit annwali ta' EUR 29,5 miljun u persunal awtorizzat ta' 371 ruħ, inklużi ċittadini Ukreni u persunal minn pajjiżi oħra mhux tal-UE, u mandat li wasal biex jiġġedded fl-2024;

CI.

billi l-EUAM tkopri tliet oqsma ta' operazzjoni: l-għoti ta' pariri strateġiċi għall-iżvilupp ta' dokumenti strateġiċi u ta' leġiżlazzjoni; l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta' riformi permezz ta' pariri prattiċi, taħriġ u tagħmir; u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni biex jiġu żgurati l-koerenza u l-isforzi ta' riforma bejn l-Ukrajna u l-atturi internazzjonali;

CJ.

billi l-EUAM qed twettaq l-attivitajiet tagħha bi sħubija mal-Kunsill tas-Sigurtà nazzjonali u mas-Servizz tal-Intelligence Barranija tal-Ukrajna; billi l-EUAM taħdem mas-sistema tal-qorti tal-Ukrajna permezz tal-prosekuturi tagħha biex tiżgura l-indipendenza u l-effiċjenza tal-prosekuzzjoni; billi l-EUAM tħarreġ u toffri tagħmir lill-forzi tal-pulizija tal-Ukrajna permezz tal-uffiċċji reġjonali tagħha fuq il-post u l-kollaborazzjoni mal-provinċji ġirien; billi l-EUAM tiffoka l-inizjattivi tagħha ta' taħriġ tal-pulizija permezz tal-għoti ta' pariri strateġiċi u “Djalogu dwar is-Sikurezza tal-Komunità” u tħarreġ lill-pulizija lokali f'oqsma ewlenin;

CK.

billi l-EUAM tikkollabora mal-Valutazzjoni tat-Theddid mill-Kriminalità Serja u Organizzata (SOCTA) tal-Europol biex tassisti lill-awtoritajiet tal-Ukrajna f'miżuri ta' bini tal-kapaċitajiet u fil-ġestjoni integrata tal-fruntieri;

CL.

billi l-ħidma tal-EUAM biex tassisti r-riforma tas-Servizz tas-Sigurtà tal-Ukrajna (SSU) tibqa' l-prijorità tagħha u trid tiffoka l-appoġġ tagħha għall-implimentazzjoni tar-riforma biex tiżgura li l-SSU gradwalment jelimina s-setgħat investigattivi ta' qabel il-proċess, jiddemilitarizza s-servizz, ikollu diviżjoni ċara tal-kompetenzi ma' aġenziji oħra tas-sigurtà, jagħmel sorveljanza effettiva, u jnaqqas il-kapaċità tiegħu; billi, jekk jiġi implimentat kif xieraq, l-abbozz ta' Liġi 3196 jistipula li l-SSU jikkonċentra l-isforzi tiegħu fuq il-counter-intelligence, il-kontroazzjoni għat-theddid għas-sigurtà tal-istat, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-istat nazzjonali u l-integrità territorjali, u l-protezzjoni tas-sigrieti tal-istat; billi r-riformi meħtieġa biex jiġi żgurat l-iżvilupp demokratiku jitolbu li l-SSU ssirlu: separazzjoni ċara tal-funzjonijiet, tneħħija mill-investigazzjoni ta' reati ekonomiċi u ta' korruzzjoni (ħlief f'każijiet eċċezzjonali meta dan jiġi awtorizzat mill-Avukat Ġenerali), indipendenza politika, demilitarizzazzjoni u ottimizzazzjoni ulterjuri, trasparenza u responsabbiltà akbar, u enfasi miżjuda fuq il-protezzjoni tal-infrastruttura kritika;

CM.

billi l-assistenza tal-EUAM fl-istabbiliment tal-Bureau tas-Sigurtà Ekonomika (BES), li jimmira l-kriminalità finanzjarja madwar l-Ukrajna, hija sforz ewlieni ta' riforma; billi l-għażla trasparenti tal-persunal tal-BES u x-xoljiment tas-Servizz Fiskali tal-Istat huma kritiċi għat-tnaqqis gradwali tal-influwenza tal-oligarka fuq l-ekonomija tal-Ukrajna; billi l-BES mistenni li jiret setgħat investigattivi ta' qabel il-proċess mill-SSU fl-isfera tas-sigurtà ekonomika u jrid jappoġġja l-isforzi tal-Ukrajna biex tirreżisti l-pressjoni mill-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi;

CN.

billi fl-2020, l-EUAM stabbiliet ir-raba' uffiċċju tagħha fuq il-post f'Mariupol biex tappoġġja l-implimentazzjoni ta' riformi mmexxija ċentralment fil-livell reġjonali u lokali bħat-taħriġ u l-għoti ta' pariri lill-awtoritajiet lokali tal-infurzar tal-liġi, u dan jirrifletti r-rwol dejjem akbar tal-EUAM fit-tisħiħ tar-reżiljenza tal-Ukrajna fil-pajjiż kollu u x-xewqa tal-Ukrajna li tallinja mal-objettivi tal-PSDK; billi l-uffiċċju fuq il-post f'Mariupol ġie evakwat u mbagħad inqered bħala riżultat tal-attakk militari tar-Russja;

CO.

billi bħala riżultat tal-invażjoni mir-Russja tal-Ukrajna, il-persunal internazzjonali kollu kien sfurzat li jiġi evakwat b'mod sikur mill-pajjiż; billi l-Missjoni tkompli żżomm kuntatt mal-kontropartijiet tal-Ukrajna u tibqa' fuq stat ta' allert sakemm jaslu aktar struzzjonijiet mill-kwartieri ġenerali tal-UE;

CP.

billi, bħala riżultat tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-persunal kollu tal-Istati Membri tal-PSDK tal-EUAM Ukrajna ġie evakwat;

CQ.

billi l-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntiera bejn ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna (EUBAM) hija missjoni ċivili li ġiet imnedija fl-2005; billi għandha mandat mhux eżekuttiv li ttejjeb il-kapaċitajiet ta' ġestjoni tal-fruntieri tal-gwardji tal-fruntieri, l-awtoritajiet doganali u l-infurzar tal-liġi fl-Ukrajna u fir-Repubblika tal-Moldova b'baġit annwali ta' EUR 12-il miljun u persunal ta' aktar minn 200 membru, b'mandat li wasal biex jiġġedded f'Novembru 2023;

CR.

billi l-EUBAM tassisti lir-Repubblika tal-Moldova u lill-Ukrajna biex jissodisfaw l-obbligi taż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA), bħala parti mill-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni tagħhom mal-UE, u hija mfassla biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-fruntiera u doganali tal-Moldova u tal-Ukrajna; billi hija inkarigata: mill-ġlieda kontra l-frodi doganali, il-kuntrabandu tad-droga, il-migrazzjoni irregolari u t-traffikar ta' bnedmin; mill-appoġġ għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri; u mill-assistenza għal soluzzjoni paċifika tal-kunflitt tat-Tranżnistrija permezz tal-proċess “5+2”;

CS.

billi l-kuntrabandu tat-tabakk, inklużi prodotti ffalsifikati, kien qed jikkawża telf stmat ta' EUR 10 biljun fis-sena għall-baġits tal-Istat tar-Repubblika tal-Moldova, tal-Ukrajna u tal-Istati Membri; billi mill-2020-2021, l-EUBAM impedixxiet bosta operazzjonijiet ta' kuntrabandu, ħatfet ammonti kbar ta' munizzjon, tabakk, alkoħol, etanol u eroina;

CT.

billi l-EUBAM qed tassisti lis-servizzi tal-fruntiera tar-Repubblika tal-Moldova u tal-Ukrajna fl-iżvilupp ta' indikaturi komuni ġenerali użati għall-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar;

CU.

billi t-Task Force dwar id-Drogi tal-EUBAM tfittex li tinvolvi lis-servizzi sħab tal-Missjoni ma' awtoritajiet oħra tal-infurzar tad-droga fir-reġjun; billi l-EUBAM tikkollabora ma' bosta organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi l-Europol, il-Frontex u l-OSKE permezz tal-Grupp ta' Ħidma tagħha dwar l-Armi, l-Operazzjonijiet Konġunti ORION II u inizjattivi “EU 4 Border Security”;

CV.

billi l-EUBAM kienet avukat konsistenti tal-ftuħ mill-ġdid tal-kurituri tat-trasport internazzjonali li jaqsmu t-Tranżnistrija u tiżviluppa u taġixxi bħala avukat għal miżuri tekniċi għat-tisħiħ tal-fiduċja bejn Chisinau u Tiraspol dwar it-trasport, id-dwana, il-kwistjonijiet veterinarji u fitosanitarji, u kwistjonijiet ta' infurzar tal-liġi;

CW.

billi l-EUBAM tikkontribwixxi għas-soluzzjoni paċifika tal-kunflitt Tranżnistrijan permezz ta' miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja u bħala preżenza ta' monitoraġġ fil-parti Tranżnistrijana tal-fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukrajna;

CX.

billi l-Federazzjoni Russa żżomm l-hekk imsejħa missjoni ta' żamma tal-paċi fit-Tranżnistrija ta' madwar 500 suldat u l-Grupp Operattiv tat-Truppi Russi (OGRT) ta' madwar 1 500 suldat, teżerċita kontroll fuq il-gruppi armati tas-separatisti tat-Tranżnistrija u tospita aktar minn 100 eżerċizzju militari konġunt kull sena mat-Tranżnistrija; billi huwa mħasseb dwar it-tentattivi mis-separatisti minn Tiraspol biex jiksbu rikonoxximent tal-indipendenza tat-Tranżnistrija fl-4 ta' Marzu 2022;

CY.

billi bħala riżultat tal-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, is-sikurezza u s-sigurtà tal-missjoni tal-EUBAM PSDK Moldova huma serjament ipperikolati u jistgħu jwasslu għall-evakwazzjoni eventwali tagħha mill-pajjiż;

CZ.

billi l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea fil-Georgia (EUMM) hija missjoni ċivili li ġiet imnedija fl-2008, wara l-Ftehim ta' Sitt Punti medjat mill-UE li temm il-gwerra bejn il-Georgia u r-Russja; billi fit-13-il sena tal-eżistenza tagħha, l-EUMM irrappreżentat l-impenn politiku qawwi tal-UE fir-reġjun billi kkontribwiet għat-tisħiħ tal-fiduċja u għan-normalizzazzjoni, u pprovdiet stabbiltà fil-prattika fost il-partijiet involuti fil-kunflitt u fir-reġjun usa';

DA.

billi l-EUMM bħalissa tospita 325 membru tal-Missjoni, inklużi aktar minn 200 osservatur ċivili b'baġit allokat ta' EUR 44,8 miljun u mandat li wasal biex jiġġedded f'Diċembru 2022;

DB.

billi l-mandat oriġinali mill-2008 għadu l-istess fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, medjat mill-EU, bejn il-Georgia u r-Russja, li jitlob: li ma jsir l-ebda rikors għall-użu tal-vjolenza, il-waqfien tal-ostilitajiet, l-għoti ta' aċċess għall-għajnuna umanitarja, ir-ritorn tal-forzi armati tal-Georgia għall-kwartieri tas-soltu tagħhom, l-irtirar tal-forzi armati Russi għall-pożizzjonijiet ta' qabel l-ostilità u l-ftuħ ta' diskussjoni internazzjonali dwar is-sigurtà u l-istabbiltà tal-Ossezja tan-Nofsinhar u tal-Abkażja;

DC.

billi r-Russja ma tikkonformax mal-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied bejn il-Georgia u r-Russja, medjat mill-UE, tat-12 ta' Awwissu 2008, peress li żżomm preżenza tal-forzi armati tagħha illegalment, u l-aġenti tas-Servizz Federali tas-Sigurtà (FSB) u l-Gwardji tal-Fruntiera tal-Federazzjoni Russa fir-reġjuni separatisti tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar; billi hija ma tippermettix l-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' sigurtà internazzjonali fil-prattika, u bl-istess mod tipprevjeni lill-EUMM milli tidħol fit-territorji okkupati mir-Russja, li huwa ostakolu kritiku għat-twettiq tal-objettivi tal-missjoni; billi l-mandat tal-EUMM huwa validu fil-Georgia kollha; billi l-EUMM qed tħabbat wiċċha mal-isforzi tat-Russja li tistabbilixxi l-fruntieri, u dan jinvolvi li l-linji ta' demarkazzjoni amministrattiva jiġu mmexxija fit-territorju Georgjan u b'hekk tkompli tiġi estiża l-okkupazzjoni territorjali tal-Georgia;

DD.

billi l-ksur evidenti tal-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied, medjat mill-UE, tat-12 ta' Awwissu 2008 u tal-waqfien mill-ġlied mill-Federazzjoni Russa għadu għaddej u ħafna drabi jintlaqa' b'rispons jew b'sejħiet għal azzjoni limitati mill-Istati Membri, jew bl-ebda rispons, u dan iġib miegħu r-riskju li r-Russja tiġi mħeġġa twettaq aktar azzjonijiet bħal dawn; billi saru arresti illegali fil-Linji ta' Demarkazzjoni Amministrattiva u attivitajiet illegali ta' “stabbiliment ta' fruntieri”;

DE.

billi l-EUMM ma hijiex missjoni ċivili tipika minħabba l-mandat tagħha u tiffoka fuq l-attivitajiet ta' monitoraġġ, il-bini ta' kompetenza ċivili u l-fatt li din tmexxi attivitajiet ta' tisħiħ tal-fiduċja permezz ta' għotjiet żgħar u proġetti mmirati bejn iż-żewġ naħat; billi l-mandat jippermettilha tiffoka fuq it-theddid ibridu, id-drittijiet tal-bniedem, il-minoranzi u l-aspetti ambjentali tas-sigurtà; billi l-EUMM ħolqot Kumitat Konsultattiv dwar il-Gwerra Ibrida u għandha kuntatti regolari mal-Uffiċċju ta' Kollegament tan-NATO u mat-tim li jimplimenta l-Pakkett Sostanzjali bejn in-NATO u l-Georgia;

DF.

billi l-EUMM tiffaċilita l-laqgħat tal-Mekkaniżmu għall-Prevenzjoni u r-Rispons għall-Inċidenti f'Ergneti u tiżgura r-regolarità ta' dawn il-laqgħat li jindirizzaw is-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-prattika, u li jinkludu l-Gvern tal-Georgia, ir-reġjuni separatisti u l-Federazzjoni Russa; billi, sfortunatament, hemm mekkaniżmu pendenti simili f'Gali, l-Abkażja;

DG.

billi l-EUMM għandha ħtieġa kostanti li tespandi l-fokus analitiku u l-kapaċitajiet tagħha biex tindirizza t-theddid ibridu persistenti u għalhekk tirrikjedi baġit u riżorsi suffiċjenti;

DH.

billi l-EUMM hija mira ta' attivitajiet ta' diżinformazzjoni, speċjalment minn strumenti tal-media u kanali tal-media soċjali bbażati fir-reġjuni okkupati appoġġjati mir-Russja, li jġiegħlu lill-EUMM torganizza r-riżorsi interni tagħha biex tipprovdi l-kooperazzjoni meħtieġa u tesplora modi kif tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni;

DI.

billi l-EUMM kienet qed timmaniġġja “Hotline”, mekkaniżmu għat-tisħiħ tal-fiduċja li jservi bħala kanal ta' komunikazzjoni sinifikanti disponibbli 24 siegħa kuljum bejn il-Gvern tal-Georgia u l-awtoritajiet de facto fl-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar, inklużi l-gwardji tal-fruntiera tal-Federazzjoni Russa skjerati fiż-żewġ reġjuni, dwar inċidenti fuq il-post; billi fl-2021 din il-Hotline ġiet attivata aktar minn 2 100 darba; billi l-EUMM tappoġġja l-formati tan-negozjati u l-kanali ta' komunikazzjoni permezz tal-parteċipazzjoni fid-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra (GID) u billi tippresjedi b'mod konġunt il-laqgħat tal-Mekkaniżmu għall-Prevenzjoni u r-Rispons għall-Inċidenti (IPRM) f'Ergneti;

DJ.

billi fl-24 ta' Ottubru 2019, għall-ewwel darba f'aktar minn għaxar snin, il-gwardji tal-fruntiera tal-FSB qasmu l-Linja ta' Demarkazzjoni Amministrattiva, waqt li żammew taħt detenzjoni l-osservaturi tal-EUMM u ġiegħlu lill-UE tinnegozja l-ħelsien tagħhom;

DK.

billi r-rwol tal-EUMM fl-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji u tas-sigurtà tal-bniedem tal-popolazzjoni lokali f'żoni affettwati mill-kunflitti u fl-iffaċilitar ta' skambji effettivi ta' informazzjoni, pereżempju b'rabta mal-qsim mediku jew mar-rilaxx tal-persuni u tal-EUMM timmonitorja dawk miżmuma fil-Linji ta' Demarkazzjoni Amministrattiva (ABLs), kif ukoll fl-iffaċilitar konġunt ta' diskussjonijiet wiċċ imb wiċċ fil-laqgħat tal-IPRM f'Ergneti, iżid valur kbir għar-rwol importanti li għandha l-EUMM kemm fil-kontribuzzjoni għas-sigurtà, fil-ġestjoni tal-konflitt kif ukoll fit-tisħiħ tal-fiduċja;

DL.

billi l-Georgia hija waħda mill-akbar kontributuri per capita għall-missjonijiet tal-PSDK fl-Afrika;

DM.

billi l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant għadhom vulnerabbli ħafna għan-nuqqas ta' sigurtà tal-enerġija, b'mod partikolari r-Repubblika tal-Moldova u l-Ukrajna, li jesperjenzaw ripetutament rikatti tal-enerġija min-naħa tar-Russja;

DN.

billi l-miżuri tal-UE biex ittaffi n-nuqqas ta' sigurtà tal-enerġija permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija se jsaħħu s-sigurtà u l-istabbiltà fir-reġjun tal-Lvant;

DO.

billi l-Kummissjoni kienet diġà ħadet azzjoni biex tnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq fornitur wieħed billi tiddiversifika l-fornituri tal-gass tagħha; billi, bi tweġiba għall-effetti kkawżati mis-sanzjonijiet imposti fuq ir-Russja, sabiex titwaqqaf id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija Russi, il-Kummissjoni fasslet pjan ġdid biex sal-aħħar tal-2022 tissostitwixxi, 100 biljun metru kubu ta' importazzjonijiet tal-gass mir-Russja permezz ta' importazzjonijiet ogħla ta' gass naturali likwifikat u ta' pipelines minn fornituri mhux Russi, u volumi akbar ta' produzzjoni u importazzjonijiet ta' bijometan u idroġenu rinnovabbli; billi l-pjan għandu l-għan li jnaqqas l-użu tal-fjuwils fossili fid-djar, fil-bini, fl-industriji u fis-sistemi tal-enerġija, u li jagħti spinta lill-effiċjenza enerġetika, iżid is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-elettrifikazzjoni, u jindirizza r-restrizzjonijiet infrastrutturali;

1.

Itenni l-impenn tal-UE u jissottolinja l-appoġġ inekwivoku tagħha għas-sovranità, l-integrità territorjali u l-indipendenza politika tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan il-fruntieri tagħhom rikonoxxuti internazzjonalment u li tappoġġja l-isforzi tagħhom biex jinfurzaw bis-sħiħ dawk il-prinċipji; jissottolinja l-importanza tal-unità u s-solidarjetà tal-Istati Membri f'dan ir-rigward;

2.

Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna mhux provokata u inġustifikabbli u l-azzjonijiet relatati tagħha f'żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tar-reġjuni Donetsk u Luhansk tal-Ukrajna, fil-Krimea annessa illegalment u fil-Belarussja; jisħaq fuq il-punt li l-aggressjoni u l-espansjoni Russi kontinwi tal-attivitajiet militari tagħha fl-Ukrajna għandhom impatt detrimentali fuq is-sigurtà Ewropea u globali; itenni l-pożizzjoni tiegħu li s-sħab u l-alleati għandhom iżidu l-appoġġ militari tagħhom għall-Ukrajna u l-forniment tagħhom ta' armi, li huwa f'konformità mal-Artikolu 51 tal-Karta tan-NU li jippermetti awtodifiża individwali u kollettiva;

3.

Jissottolinja li l-paċi sostenibbli u s-sigurtà tal-bniedem fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant huma essenzjali għall-UE; jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-gwerra ta' aggressjoni mnedija mill-Federazzjoni Russa u l-involviment tagħha kemm fil-gwerra militari kif ukoll f'dik ċibernetika fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant; jitlob li tintemm minnufih il-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna u l-irtirar sħiħ u immedjat tat-truppi Russi kollha mit-territorji kollha okkupati mir-Russja fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u li jintemmu l-ostilitajiet militari kontra l-Ukrajna, li qed iwasslu biex jintilfu l-ħajjiet ta' persuni ċivili u suldati u qed jikkawżaw l-ispostament ta' miljuni ta' persuni, filwaqt li jfixklu l-iżvilupp soċjoekonomiku; jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakk fuq il-faċilitajiet nukleari tal-Ukrajna u l-okkupazzjoni tagħhom mill-forzi Russi u jqis li t-tentattivi tar-Russja li ssaħħaħ l-influwenza malizzjuża tagħha fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant permezz tal-forza u l-koerċizzjoni jridu jfallu; jissottolinja l-importanza tal-unità, is-solidarjetà u l-koerenza tal-Istati Membri f'dan ir-rigward; jitlob li tiżdied il-kooperazzjoni ma' alleati demokratiċi tal-istess fehma sabiex tiġi mmitigata u miġġielda l-influwenza negattiva ta' potenzi ta' pajjiżi terzi fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant;

4.

Jilqa' l-konklużjonijiet tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-2021 u aktar kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; filwaqt li jitqiesu l-isfidi tas-sigurtà li jiffaċċjaw il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari l-gwerra ta' aggressjoni li għaddejja tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-kunflitti fit-tul, l-azzjonijiet militari evidenti, it-theddid ibridu u l-interferenza fil-proċessi demokratiċi, jipproponi li tiżdied il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża u li jiżdiedu l-investiment u l-assistenza fis-sigurtà, fil-qasam militari, fl-intelligence u fil-kooperazzjoni ċibernetika mal-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant;

5.

Jappoġġja koordinazzjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib tad-difiża u s-sigurtà ma' xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; bil-ħsieb li jiġu promossi l-objettivi strateġiċi tas-sigurtà tal-bniedem u l-paċi sostenibbli madwar ir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant u lil hinn minnu, u li tiġi mħeġġa għal dan il-għan l-applikazzjoni ta' approċċ integrat billi jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-PSDK b'rabta mal-għodod ta' politika rilevanti; jappoġġja bis-saħħa l-missjonijiet tal-PSDK li għaddejjin fil-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant; jinsisti ħafna fuq it-tisħiħ tad-dimensjoni tas-sigurtà tal-politika tas-Sħubija tal-Lvant tal-UE, fuq l-iżvilupp ta' sħubijiet strateġiċi ta' sigurtà ma' xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, fuq it-tisħiħ tad-djalogu u l-kooperazzjoni tal-politika barranija u ta' sigurtà, u fuq l-iżvilupp ta' rwol aktar attiv għall-UE fid-dieskalazzjoni tat-tensjonijiet li għaddejjin, il-prevenzjoni ta' kunflitti futuri, miżuri ta' medjazzjoni u għat-tisħiħ tal-fiduċja, kif ukoll fir-riżoluzzjoni tal-konflitti fil-ġlieda kontra t-theddid ibridu, id-diżinformazzjoni u l-propaganda, fl-assistenza u l-kooperazzjoni dwar id-difiża ċivili u fl-appoġġ ta' rieżami komprensiv tas-settur tas-sigurtà fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li jidentifika oqsma ta' difiża u sigurtà li jeħtieġ li jittejbu u jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri jikkoordinaw l-appoġġ tagħhom; iqis li hemm bżonn ta' aktar promozzjoni tal-allinjament u tal-konverġenza gradwali tal-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE u tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, f'konformità mal-impenji tas-sħab mal-UE; jistieden lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jallinjaw mal-politika ta' sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja għall-gwerra tagħha kontra l-Ukrajna;

6.

Jisħaq fuq il-punt li r-riżoluzzjoni paċifika ta' kunflitti li għaddejjin jew li għadhom ma ġewx solvuti fir-reġjun, ibbażata fuq id-dritt internazzjonali u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat, hija kruċjali għall-bini u t-tisħiħ ta' demokraziji reżiljenti u sostenibbli fis-Sħubija tal-Lvant; ifakkar fil-fatt li l-paċi u s-sigurtà jirrikjedu istituzzjonijiet b'saħħithom u pubblikament responsabbli, governanza tajba u rispett għall-istat tad-dritt; iħeġġeġ bis-sħiħ lis-sħab tas-Sħubija tal-Lvant biex ikomplu jinvolvu ruħhom fir-riformi rilevanti, peress li hija biss ir-reżiljenza interna bbażata fuq istituzzjonijiet b'saħħithom u demokratiċi li se tippermetti li tinkiseb ir-reżiljenza meħtieġa għat-theddid estern;

7.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tkompli tippromwovi ambjent li jwassal għas-soluzzjoni tal-kunflitti u li jappoġġja attivitajiet li jippromwovu l-fiduċja u l-kuntatti bejn il-persuni fost il-komunitajiet maqsuma f'kunflitti, li tagħti prijorità lill-isforzi u tespandi l-finanzjament għall-konsolidazzjoni tal-paċi preventiva, inkluża d-diplomazija preventiva, kif ukoll mekkaniżmi ta' twissija bikrija u ta' azzjoni;

8.

Jistieden lill-istati tas-Sħubija tal-Lvant jaħdmu b'mod kostanti biex ikomplu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, peress li dan jiżgura approfondiment tal-kooperazzjoni li diġà tagħti l-frott u se jevita frizzjoni bla bżonn li tista' tirriżulta minn kwistjonijiet bilaterali mhux solvuti;

9.

Jitlob li ssir enfasi aktar b'saħħitha fuq ir-rikonċiljazzjoni u l-bini mill-ġdid tar-rabtiet komunitarji fid-dawl tad-diviżjonijiet preżenti fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, l-involviment attiv mal-atturi tas-soċjetà ċivili, kif ukoll mal-komunitajiet reliġjużi, f'oqsma bħall-analiżi tal-kunflitti lokali, il-medjazzjoni, ir-rikonċiljazzjoni u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali;

10.

Jitlob koordinazzjoni aktar mill-qrib mal-OSKE sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fl-oqsma tat-traffikar ta' bnedmin, il-kontroll tal-armi, il-migrazzjoni strumentalizzata, it-tisħiħ tal-fiduċja u l-iffaċilitar tad-djalogu fost il-partijiet kollha għall-kriżi;

11.

Għadu mħasseb dwar il-ksur kontinwu tal-ilmijiet territorjali u tal-ispazju tal-ajru tal-pajjiżi fil-Baħar Baltiku, fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed u fil-Baħar ta' Azov mir-reġim Russu; jistieden lill-Istati Membri fiż-żona tal-Baħar l-Iswed, fl-isfond tal-gwerra ta' aggressjoni li għaddejja kontra l-Ukrajna, biex iżidu l-kooperazzjoni militari mas-sħab fil-Lvant tal-Baħar l-Iswed (l-Ukrajna, il-Georgia u r-Repubblika tal-Moldova), kemm b'mod bilaterali kif ukoll fi ħdan in-NATO; jissottolinja l-importanza tal-involviment tal-UE u tan-NATO mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant fir-reġjun tal-Baħar l-Iswed, sabiex jiġi żgurat reġjun tal-Baħar l-Iswed sigur u stabbli;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), u jħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex jikkontribwixxu għall-kooperazzjoni fi ħdan il-Pjattaforma Internazzjonali tal-Krimea sabiex jindirizzaw it-theddid ibridu għas-sigurtà usa' tar-reġjun tal-Baħar l-Iswed li jinħoloq minn jew li huwa relatat mal-okkupazzjoni illegali u l-annessjoni tal-Krimea mir-Russja u l-militarizzazzjoni tal-Baħar Iswed u tal-Baħar ta' Azov;

13.

Iqis l-Inizjattiva tat-Tliet Ibħra (3SI) tista' sservi bħala waħda mill-formats għall-użu ta' investiment li jippromwovi s-sigurtà u l-istabbiltà reċiproka fl-infrastruttura kritika u jemmen li din għandha tinfetaħ biex tinkludi l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant fil-qafas tal-politiki u l-programmi Ewropej eżistenti, speċjalment is-Sħubija tal-Lvant; jissottolinja li t-3SI għandha taħdem mill-qrib mal-UE biex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi u l-inizjattivi, u approċċi kunfliġġenti; jappoġġja l-idea li l-UE għandha tieħu t-tmexxija tat-3SI;

14.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jipprovdu aġenda ta' integrazzjoni aktar ambizzjuża għall-Ukrajna, li tista' tinkludi passi prattiċi lejn l-ewwel stadju intermedju tal-integrazzjoni gradwali tal-Ukrajna fis-Suq Uniku tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa, abbażi tal-mertu, l-applikazzjonijiet għall-istatus ta' kandidat tal-Georgia, tal-Ukrajna u tar-Repubblika tal-Moldova;

15.

Jiddikjara l-ħtieġa li l-Membri tal-Kumitati għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ewropew u s-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem jimmonitorjaw is-sitwazzjoni kontinwament;

L-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tal-PSDK fis-Sħubija tal-Lvant

16.

Jilqa' l-fatt li l-Boxxla Strateġika adottata tiddedika fokus adegwat lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, inklużi l-appoġġ lill-Ukrajna fid-dawl tal-aggressjoni Russa u r-reżiljenza ulterjuri fid-dawl tal-provokazzjonijiet u t-theddid Russi; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li tkun ikkoordinata mill-qrib u koerenti mal-Kunċett Strateġiku 2022 tan-NATO li jmiss, speċjalment f'oqsma tal-ġlieda kontra l-aggressjoni Russa, id-difiża ċibernetika u l-ġlieda kontra l-gwerra ibrida, id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni u l-interferenza barranija, peress li l-ambjent Ewropew tas-sigurtà u r-reżiljenza Ewropea ma jistgħux jinkisbu mingħajr is-sigurtà u r-reżiljenza fit-tul tal-ġirien kollha tal-UE; jinnota li l-approċċ tal-UE jrid ikun olistiku, inklużi l-appoġġ għal riformi demokratiċi u ekonomiċi, it-tisħiħ tar-reżiljenza istituzzjonali u tas-soċjetà, u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sigurtà u tad-difiża;

17.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għandhom kemm sħubija fl-UE kif ukoll fin-NATO u li jmexxu inizjattivi differenti ta' bini tal-kapaċità tan-NATO mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex jiżguraw li l-isforzi ta' taħriġ u t-trasferiment tal-aħjar prattiki jkunu kkoordinati mal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC tal-UE) u mas-CPCC; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-missjonijiet tal-PSDK fil-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant iħaddnu koordinazzjoni mill-qrib mal-istrateġija u l-azzjonijiet tan-NATO fir-reġjun;

18.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri parteċipanti fil-PESCO biex ifasslu l-proġetti tal-PESCO għall-ħtiġijiet tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tal-UE, pereżempju billi jiġu żviluppati sistemi ta' komunikazzjoni ta' persuni ċivili u siguri bi kriptaġġ għoli, u, f'konformità mal-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fi proġetti tal-PESCO, biex jiġi kkunsidrat li l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jiġu mistiedna jipparteċipaw; jinnota li l-inklużjoni ta' sħab strateġiċi bħall-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant fi proġetti individwali tal-PESCO tista' tkun fl-interessi strateġiċi tal-UE u tkun ta' benefiċċju reċiproku, peress li l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jiksbu kapaċitajiet uniċi u għarfien espert tekniku, b'mod partikolari fl-indirizzar ta' theddid ibridu u sigurtà ċibernetika; jilqa', f'dan ir-rigward, l-iskjerament tal-esperti tat-Tim ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku ffinanzjati mill-PESCO għall-Ukrajna;

19.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jespandu l-mekkaniżmi ta' appoġġ għall-parteċipazzjoni ulterjuri tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant f'missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari tal-PSDK, meta jkun meħtieġ, fosthom permezz ta' vjaġġi ta' studju u/jew fuq il-post, workshops, taħriġ u korsijiet tal-PSDK, eċċ., dan jgħin biex tiżdied l-interoperabbiltà tas-sħab, jiġu żviluppati proċeduri komuni u azzjonijiet konġunti; ikompli jħeġġiġhom jikkooperaw mal-biċċa l-kbira tas-sħab tas-Sħubija tal-Lvant dwar iċ-ċibersigurtà, inkluża l-kondiviżjoni tal-intelligence reċiproka, u l-assistenza fl-infrastruttura kritika;

20.

Jikkunsidra l-konsultazzjoni ta' xi sħab tas-Sħubija tal-Lvant fl-istadji bikrija tal-ippjanar tal-missjonijiet u/jew tal-operazzjonijiet tal-PSDK, speċjalment dawk il-missjonijiet u/jew l-operazzjonijiet li s-sħab tas-Sħubija tal-Lvant qed jospitaw jew se jkunu qed jospitaw;

21.

Jisħaq fuq l-importanza tal-involviment attiv u r-rwol konsultattiv imsaħħaħ tal-Parlament Ewropew fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-PSDK kif implimentat fir-reġjun tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

22.

Jilqa' l-ftehim fil-Kunsill fit-13 ta' April 2022 dwar it-tielet porzjon ta' appoġġ militari taħt il-Faċilità Ewropea għall-Paċi li jammonta għal EUR 1,5 biljun biex jipprovdi materjal militari letali u tagħmir ta' fjuwil u ta' protezzjoni, u jitlob li dawn jiġu pprovduti minnufih; jisħaq fuq l-importanza għall-UE, minħabba l-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna u l-ambjent ta' sigurtà dejjem aktar diffiċli li qiegħed jaffettwa l-istabbiltà u l-governanza tas-sħab tal-Lvant tagħna, biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni tagħna fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-2 ta' Diċembru 2021 li juża l-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF) biex jipprovdi pakkett ta' EUR 31 miljun lill-Ukrajna, pakkett ta' EUR 12,75 miljun lill-Georgia u pakkett ta' EUR 7 miljun lir-Repubblika tal-Moldova biex jassisti fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tagħhom ta' reżiljenza u difiża, b'mod partikolari l-kapaċitajiet ta' ċibersigurtà, dawk mediċi, tal-inġinerija, dawk mobbli u tal-loġistika, u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni; iħeġġeġ l-użu ulterjuri tal-EPF biex tiżdied il-kapaċità tal-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari dawk li qed jiffaċċjaw aggressjoni armata u dawk li jospitaw missjonijiet tal-PSDK, biex tkompli tindirizza l-ħtiġijiet ta' sigurtà tagħhom f'oqsma ewlenin bħat-tagħmir meħtieġ għall-iskambju tal-intelligence permezz ta' linji ta' komunikazzjoni siguri u l-għodod tekniċi meħtieġa għall-ġlieda kontra l-aggressjoni armata u t-theddid ibridu; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE ttejjeb l-appoġġ materjali u monetarju għall-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u tiffoka wkoll fuq il-bini tal-kapaċitajiet bl-għan li ttejjeb ir-reżiljenza ta' kull pajjiż tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari f'kampanji għall-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni, kif ukoll fid-difiża nazzjonali; jissottolinja li l-UE jeħtieġ li tiżviluppa approċċ integrat sabiex tkun tista' tgħin lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jiffaċċjaw ix-xenarju ta' theddid interkonness reċiproku;

23.

Jissottolinja l-importanza tas-solidarjetà tal-UE u tal-Istati Membri mal-Ukrajna u s-sitwazzjoni ta' sigurtà dejjem aktar prekarja f'għadd ta' pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li kwalunkwe forniment ta' appoġġ għat-tagħmir permezz tal-EPF lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ikun strettament konformi mad-dritt internazzjonali rilevanti rigward il-provvista ta' tagħmir lill-forzi armati, ikun konformi mal-ħtiġijiet tal-objettivi ta' appoġġ tal-UE għall-pajjiż tas-Sħubija tal-Lvant ikkonċernat u jsir – fejn rilevanti – f'koordinazzjoni mal-inizjattivi rispettivi ta' bini tal-kapaċità tan-NATO għall-pajjiżi sħab u l-ippjanar strateġiku sabiex tiġi evitata duplikazzjoni bla bżonn u tiżdied l-effiċjenza; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw strumenti ta' għajnuna militari li jippermettu lil xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jixtru tagħmir mill-produtturi tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-proċeduri amministrattivi sabiex ma jimblukkawx deċiżjonijiet li diġà ttieħdu rigward il-forniment ta' tagħmir lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

24.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-baġit tal-EPF biex l-UE tkun tista' ssaħħaħ ir-reżiljenza u l-kapaċitajiet ta' difiża tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, bħal dawk għall-ġlieda kontra t-theddid ibridu;

25.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu r-reżiljenza militari tal-Ukrajna permezz tal-forniment ta' armi, inklużi armi ta' kontra l-vapuri, kontra l-inġenji tal-ajru u kontra t-tankijiet; jilqa' d-deċiżjoni tal-Istati Membri kollha li pprovdew lill-Ukrajna tagħmir letali sabiex jagħtu spinta lill-kapaċità tal-Ukrajna li tiddefendi s-sovranità u l-integrità territorjali tagħha;

26.

Jilqa' l-istabbiliment ta' “kamra ta' punt ċentrali ta' koordinament” tal-Persunal Militari tal-UE; jirrikonoxxi li l-Polonja saret ċentru loġistiku responsabbli biex jiżgura li l-provvisti materjali u finanzjarji kollha jilħqu l-forzi armati tal-Ukrajna; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaġixxu b'mod urġenti biex iżidu u jippożizzjonaw mill-ġdid il-persunal u l-provvisti fl-Istati Membri tal-UE tal-Lvant, b'mod partikolari tagħmir ta' komunikazzjoni sigur, provvisti mediċi u armi sofistikati;

27.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, bħala parti minn rispons finanzjarju innovattiv għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, biex tivvaluta meta reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali tkun xierqa u biex tirrieżamina, fost politiki oħra, infiq akbar għad-difiża, divestiment mill-idrokarburi Russi, it-tnaqqis tal-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-gwerra għaċ-ċittadini tal-UE u s-serħan mid-dejn, minbarra l-forniment kontinwu ta' għajnuna militari lill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant permezz tal-EPF;

28.

Jilqa' l-approvazzjoni tal-Kummissjoni ta' programm ġdid ta' assistenza makrofinanzjarja ta' emerġenza (MFA) għall-Ukrajna li jiswa sa EUR 1,2 biljun li se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istabbiltà makroekonomika u r-reżiljenza ġenerali tal-Ukrajna fil-kuntest maħluq mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-impatt tagħha fuq is-sitwazzjoni ekonomika; jinnota li l-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji Ewropej allokaw aktar minn EUR 17-il biljun f'għotjiet u f'self lill-pajjiż mill-2014;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-monitoraġġ tar-reġimi ta' sanzjonijiet biex tiżgura l-konformità mar-reġimi ta' sanzjonijiet eżistenti;

It-tisħiħ tal-kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet u l-għodod

30.

Jitlob lill-UE kif ukoll lill-alleati tan-NATO biex jisfruttaw kull mezz possibbli biex jappoġġjaw it-tisħiħ tal-kooperazzjoni militari u tas-sigurtà mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, peress li mingħajr dan, is-sigurtà u l-istabbiltà tar-reġjun ma jistgħux jiġu żgurati; jilqa' l-Politika dwar il-Bibien Miftuħa tan-NATO li żżomm relazzjonijiet politiċi u operazzjonali mill-qrib mal-pajjiżi aspiranti kkonċernati, jiġifieri l-Ukrajna u l-Georgia;

31.

Jisħaq fuq l-importanza ta' konsultazzjonijiet intensivi u ta' kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE u n-NATO fir-rigward ta' sitwazzjonijiet li qed jeskalaw bħall-gwerra Russa attwali ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna; jissottolinja li din il-kooperazzjoni għandha tirrispetta l-arranġamenti ta' sigurtà tal-Istati Membri kollha u tkun ibbażata fuq l-unità u s-solidarjetà fost l-Istati Membri, u fuq l-aderenza mal-prinċipji relatati mal-ordni ta' sigurtà Ewropew u mad-dritt internazzjonali eżistenti, inklużi s-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi ġirien; jitlob lill-komunità tranżatlantika biex tingrana u tespandi l-isforzi attwali u futuri biex jiġu miġġielda l-atti diretti u indiretti tar-Russja ta' aggressjoni u attivitajiet immirati kontra l-Ukrajna, il-Georgia u r-Repubblika tal-Moldova;

32.

Jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kooperazzjoni man-NATO, anke permezz tad-Dikjarazzjoni Konġunta li jmiss dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, fl-appoġġ tal-bini tal-kapaċità tad-difiża u s-sigurtà tas-sħab tagħna fil-viċinat tal-Lvant; jilqa' l-kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Uniti, l-UE u l-Istati Membri tagħha u d-diskussjonijiet intensi li qed isiru fin-NATO rigward is-sigurtà tal-Ewropa;

33.

Jistieden lis-SEAE jikkoordina rapporti ta' valutazzjoni, valutazzjonijiet ta' theddid u messaġġi politiċi mal-ambaxxati tal-Istati Membri u mal-Uffiċċji ta' Kollegament tan-NATO fil-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant;

34.

Huwa mħasseb li membru wieħed tan-NATO qed idewwem l-aċċess tal-Ukrajna għall-Aġenzija tal-Appoġġ u l-Akkwist tan-NATO minkejja l-ħtiġijiet urġenti u għal raġunijiet mhux relatati mas-sitwazzjoni attwali;

35.

Huwa mħasseb li stat membru tan-NATO qed jimblokka d-diskussjonijiet bejn in-NATO u l-Ukrajna fil-livell ministerjali, u b'hekk jimpedixxi lil din is-sħubija milli tiżviluppa;

36.

Iħeġġeġ lill-VP/RGħ jiddedika attenzjoni partikolari għas-sigurtà taż-żona tas-Sħubija tal-Lvant fid-djalogu li jmiss bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar is-sigurtà u d-difiża, fid-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-Russja u fid-djalogu bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar iċ-Ċina; jinnota li d-Djalogu dwar is-Sigurtà bejn l-UE u l-Istati Uniti jirrappreżenta opportunità importanti biex jiġi mmassimizzat il-valur miżjud tar-relazzjonijiet tranżatlantiċi fis-sigurtà u d-difiża, u għandu jiddedika biżżejjed żmien u riżorsi biex jittejjeb l-ambjent tas-sigurtà fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant; jinnota li Sħubija tal-Lvant demokratika, stabbli u favur l-Ewropa titqies bħala theddida mir-reġim tal-Kremlin u għalhekk tinsab taħt pressjoni politika u militari, speċjalment l-Ukrajna; ifakkar fil-fatt li l-ordni ta' sigurtà Ewropew ma jistax jiġi diskuss mingħajr il-pajjiżi Ewropej; jissottolinja li l-istabbiltà tar-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant hija essenzjali għas-sigurtà tal-kontinent Ewropew kollu;

37.

Jitlob lill-UE tappoġġja media u ġurnalisti indipendenti ta' kwalità għolja fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant biex isaħħu l-pluraliżmu, il-libertà tal-media u l-istat tad-dritt, jiġġieldu d-diżinformazzjoni u jżidu r-reżiljenza ġenerali tas-soċjetajiet demokratiċi fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

38.

Huwa mħasseb dwar il-manipulazzjoni dejjem akbar tal-informazzjoni, id-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu li jirriżultaw, b'mod partikolari, mir-Russja iżda wkoll minn atturi oħra, li jaffettwaw diversi teatri u missjonijiet tal-PSDK direttament u li jiddestabbilizzaw reġjuni sħaħ;

39.

Jiddeplora l-isforzi tal-awtoritajiet Russi biex iżommu segretezza sħiħa fil-konfront tal-popolazzjoni tagħhom stess dwar il-gwerra ta' aggressjoni li għaddejja kontra l-Ukrajna, b'mod partikolari billi jsejħu l-gwerra ta' aggressjoni kontra l-Ukrajna bħala “operazzjoni speċjali” u billi jtemmu l-libertà tal-istampa u jimponu sanzjonijiet legali ħorox kontra individwi u l-media indipendenti;

40.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jtejbu l-kooperazzjoni mas-sħab tas-Sħubija tal-Lvant, b'mod partikolari fl-oqsma tal-komunikazzjoni strateġika u tal-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, kif ukoll kwalunkwe interferenza barranija malizzjuża, sabiex tinbena r-reżiljenza tal-istat u tas-soċjetà u biex jiġu miġġielda d-dgħufija u l-frammentazzjoni tas-soċjetajiet u tal-istituzzjonijiet;

41.

Jitlob lill-UE tiffaċilita proġetti għall-gvernijiet, għas-soċjetajiet ċivili, għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi u għal atturi oħra tal-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant li se jgħinuhom jiġġieldu d-diżinformazzjoni u t-theddid ibridu, fosthom permezz tal-ħidma importanti tad-diviżjoni tal-SEAE StratCom, mat-task forces tagħha, iċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN tal-UE) u ċ-Ċellola ta' Fużjoni Ibrida, is-Sistema ta' Twissija Rapida, il-kooperazzjoni stabbilita fil-livell amministrattiv bejn is-SEAE, il-Kummissjoni u l-Parlament, in-network immexxi mill-Kummissjoni kontra d-diżinformazzjoni, u t-task force amministrattiva tal-Parlament kontra d-diżinformazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jestendu l-parteċipazzjoni tal-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant biex jinkludu ċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda kontra t-Theddid Ibridu (Hybrid COE);

42.

Jissottolinja l-ħtieġa kruċjali li tingħata spinta lill-kooperazzjoni bejn l-UE u s-sħab tas-Sħubija tal-Lvant fl-oqsma tal-komunikazzjoni strateġika, il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni, kif ukoll kwalunkwe interferenza barranija malizzjuża;

43.

Jitlob lis-SEAE jtejjeb il-kapaċità tad-Delegazzjonijiet tal-UE fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ħalli jesponu l-kampanji ta' diżinformazzjoni li jheddu l-prinċipji demokratiċi kkoordinati mill-atturi tal-istat barrani, speċjalment ir-Russja; jitlob rispons strutturat għal theddid ibridu għall-missjonijiet tal-PSDK bħala kwistjoni ta' urġenza, peress li dan huwa tentattiv biex jiġu deleġittimizzati;

44.

Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jesploraw għażliet ħalli jrawmu l-bini tal-kapaċità ċibernetika tas-sħab tagħna bħall-aġġustament ta' mandati konsultattivi biex jinkludu taħriġ speċjalizzat fil-ġlieda kontra l-attivitajiet tal-gwerra ibrida, u kampanji ta' diżinformazzjoni, analiżi tal-gwerra ċibernetika u tal-OSINT, ħalli jiġi żgurat li l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant isaħħu l-infrastruttura teknika meħtieġa għar-reżiljenza ċibernetika; jinkoraġġixxi t-tnedija ta' missjonijiet ċibernetiċi ċivili; jinnota l-ħidma importanti ta' taħriġ imwettqa mill-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD) fil-qasam tad-difiża ċibernetika u jilqa' l-avvenimenti ta' taħriġ u edukazzjoni mmirati organizzati mill-KESD għas-sħab tas-Sħubija tal-Lvant;

45.

Iħeġġeġ lill-UE żżid il-politiki tagħha dwar iċ-ċibersigurtà, peress li l-gwerra ta' aggressjoni fl-Ukrajna tirrappreżenta potenzjal għoli b'mod allarmanti għal eskalazzjoni bla preċedent, inkluż minn partijiet terzi;

46.

Jirrikonoxxi r-rwol tas-soċjetà ċivili fit-tfassil tal-politika u fis-sorveljanza tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, u jitlob li din tingħata appoġġ u finanzjament kontinwi u, fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, tiġi inkluża fi proġetti importanti sabiex jiġu ffaċilitati responsabbiltà u trasparenza akbar fis-settur tad-difiża u s-sigurtà;

47.

Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jżidu l-viżibbiltà tal-missjonijiet tal-PSDK fis-Sħubija tal-Lvant billi jsaħħu l-komunikazzjoni strateġika tagħha, billi b'mod proattiv jiġġieldu d-diżinformazzjoni kontrihom, billi jinkludu lilhom u, b'mod partikolari, lid-Delegazzjonijiet tal-UE, fil-messaġġi politiċi tagħhom, f'dokumenti aċċessibbli għall-pubbliku u f'impenji mal-istampa internazzjonali;

48.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE ssaħħaħ il-kapaċitajiet istituzzjonali tagħha għall-prevenzjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni, id-djalogu u d-dieskalazzjoni fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant; jissottolinja li l-UE jista' jkollha rwol aktar b'saħħtu fl-istabbiliment ta' miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja u tista' tieħu sehem aktar fl-isforzi ta' rikonċiljazzjoni; jitlob lill-Istati Membri u lis-SEAE jaħdmu wkoll fuq it-tisħiħ tat-taħriġ u tal-bini tal-kapaċitajiet tas-sħab tagħna tas-Sħubija tal-Lvant fil-qasam tal-kontroll tal-armi, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni; ifaħħar l-inizjattiva taċ-Ċentri ta' Eċċellenza tal-UE dwar il-Mitigazzjoni tar-Riskju Kimiku, Bijoloġiku, Radjoloġiku u Nukleari fi Tbilisi f'dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni żżid il-bini tal-kapaċitajiet tas-sħab tas-Sħubija tal-Lvant fit-tisħiħ tar-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi tagħhom permezz ta' attivitajiet ta' taħriġ komuni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki;

49.

Jilqa' l-Kunċett tal-UE dwar il-wirt kulturali f'kunflitti u kriżijiet; huwa tal-fehma li l-PSDK tista' tagħti kontribut biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mas-sigurtà marbuta mal-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali, u jilqa' l-possibbiltajiet li jiġu esplorati tali sforzi fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant; jinnota li l-inklużjoni tal-protezzjoni tal-wirt kulturali u l-aspett tad-djalogu interkulturali fil-mandat tal-missjoni tkun ta' benefiċċju għall-proċess tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti u għall-konklużjoni ta' ftehimiet sostenibbli;

50.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li t-tranżizzjoni diġitali mwettqa fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant tiġi ssalvagwardjata minn attivitajiet malizzjużi u għalhekk jinkoraġġixxi l-użu ulterjuri tal-inizjattivi ewlenin eżistenti tal-UE għall-bini tal-kapaċità ċibernetika fir-reġjun – CyberEast u EU4Digital – biex jiġi inkluż l-istabbiliment ta' strutturi legali u amministrattivi għaċ-ċertifikazzjoni ta' software u hardware, jiġu kkoordinati Skwadri ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters nazzjonali u korpi forensiċi u investigattivi ċibernetiċi madwar l-Ewropa; jistieden liċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza Industrijali, Teknoloġika u tar-Riċerka fil-qasam taċ-Ċibersigurtà jaħdem mill-qrib mas-sħab tal-Lvant tal-UE biex itejjeb iċ-ċibersigurtà fir-reġjun; jistieden lill-Kunsill jikkollabora mal-Ukrajna biex isaħħaħ iċ-ċibersigurtà reċiproka tagħna u r-reżiljenza reċiproka tagħna għat-theddid ċibernetiku u l-attakki ibridi;

51.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri juru rieda politika u solidarjetà ikbar billi jiskjeraw għadd suffiċjenti ta' persunal imħarreġ sew u kwalifikat għall-missjonijiet tal-PSDK fil-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant, biex jiżguraw li għadd kbir tal-Istati Membri jkunu rrappreżentati fil-missjonijiet fir-reġjun kollu u biex iħeġġu parteċipazzjoni akbar minn pajjiżi mhux tal-UE f'dawn il-missjonijiet, b'mod partikolari pajjiżi li ospitaw missjonijiet tal-PSDK li ntemmu b'suċċess u li għandhom fehim aħjar tal-kuntest lokali; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-pajjiżi sħab tas-Sħubija tal-Lvant fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK f'pajjiżi terzi, f'konformità mal-interessi u l-valuri Ewropej; japprova l-kooperazzjoni ta' għadd akbar ta' Stati Membri mas-sħab tas-Sħubija tal-Lvant fil-qasam tas-sigurtà, bħall-Brigata Litwana-Pollakka-Ukrena;

52.

Jilqa' t-tnedija ta' konsulenti militari għall-Missjonijiet u d-Delegazzjonijiet tal-UE, u jħeġġeġ sforzi biex jissaħħaħ aktar l-għarfien espert dwar is-sigurtà u d-difiża fid-Delegazzjonijiet tal-UE;

53.

Iqis il-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna bħala sejħa għall-azzjoni għad-difiża Ewropea sabiex jiġi żgurat li missjonijiet futuri tal-PSDK fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant jirċievu aktar mezzi, livell ogħla ta' ambizzjoni u mandati rieżaminati biex jiġu indirizzati l-isfidi ffaċċjati, bit-tama li jintlaħqu l-objettivi tal-missjoni;

54.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw kapaċitajiet aktar effiċjenti ta' kondiviżjoni tal-intelligence fi ħdan u bejn il-missjonijiet tal-PSDK, u biex jagħtu enfasi partikolari lill-kollaborazzjoni msaħħa u s-sekondar ta' persunal mill-Europol u mill-Interpol fil-kwartieri ġenerali tal-missjoni tal-PSDK biex jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tal-intelligence bla xkiel;

55.

Jistieden lis-SEAE, lill-MPCC, lis-CPCC u lill-kwartieri ġenerali tal-PSDK irawmu kultura ġdida ta' fehim bejn is-sħab ċivili u militari bbażata fuq relazzjonijiet istituzzjonali mtejba u sensibilizzazzjoni u valutazzjoni kondiviżi fi sforz biex jiġi żviluppat qafas ta' ppjanar u kultura komprensivi;

56.

Iħeġġeġ lill-kwartieri ġenerali tal-missjonijiet tal-PSDK jitolbu sinerġiji aktar mill-qrib maċ-ċentri konġunti nazzjonali ta' taħriġ u evalwazzjoni fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant;

57.

Jistieden lis-CPCC, lill-MPCC, lill-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) u lill-persunal militari tal-UE (EUMS) jiżviluppaw mudell għall-ġenerazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u għarfien espert dwar il-kunċetti ta' ppjanar ta' kampanji jew missjonijiet, b'mod partikolari fir-rigward ta' valutazzjonijiet ta' theddid u riskju, twissija bikrija u prospettiva strateġika, fl-aktar stadju bikri possibbli, ma' sħab essenzjali biex il-kampanja tkun ta' suċċess;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE, b'mod partikolari lis-CPCC u lill-EUMC jadattaw ruħhom aħjar għall-ħolqien ta' gruppi ta' ħidma interaġenzjali permezz tal-eżerċizzji u t-taħriġ; jemmen li l-aċċess tal-PSDK kemm għall-ippjanar, għar-riżorsi kif ukoll għal-loġistika jagħtiha l-potenzjal li tintuża bħala ċentru ta' prattika għar-reżiljenza u l-irkupru tas-soċjetà kemm fid-dawl tad-diżastri kkawżati mill-bniedem kif ukoll dawk naturali;

59.

Jistieden lis-CPCC u lill-MPCC jenfasizzaw l-importanza tal-edukazzjoni ċivili-militari professjonali għall-persunal kollu fil-missjonijiet tal-PSDK; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu lill-persunal fil-missjonijiet tal-PSDK tagħmir u taħriġ xierqa biex isir aktar allert u aktar reżiljenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni testendi l-Programm Militari Erasmus għall-uffiċjali tas-Sħubija tal-Lvant biex jiffinanzjaw l-istudji tagħhom f'akkademji militari madwar l-UE; jitlob lill-UE tesplora l-għażla li tespandi r-rwol tal-KESD biex jiffaċilita t-taħriġ tal-uffiċjali tal-forzi armati u tad-difiża nazzjonali; jinkoraġġixxi parteċipazzjoni aktar konsistenti u strutturata tal-persunal rilevanti fil-korsijiet tal-KESD u l-kooperazzjoni ma' mekkaniżmi bħall-Programm ta' Żvilupp professjonali (PDP);

60.

Jinkoraġġixxi l-espansjoni tal-Programm Militari Erasmus billi jiġu aċċettati uffiċjali mill-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll biex jiġu ffinanzjati l-istudji tagħhom f'akkademji militari madwar l-UE;

61.

Iħeġġeġ lill-kwartieri ġenerali tal-missjoni tal-PSDK jitolbu sinerġiji aktar mill-qrib maċ-ċentri nazzjonali konġunti ta' taħriġ u evalwazzjoni fil-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant, bħal karigi ta' kmand konġunti u eżerċizzji tal-persunal, dwar xenarji possibbli li jinvolvu mexxejja ċivili u militari mill-Istati Membri tal-UE, persunal tal-missjoni tal-PSDK u l-pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant;

62.

Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lis-CPCC u lill-MPC itejbu s-sinerġiji ma' oqsma ta' politika oħrajn u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti bil-ħsieb li jiżdiedu l-isforzi fil-konsolidazzjoni tal-paċi preventiva, fid-diplomazija preventiva, fit-twissija bikrija, fit-tisħiħ tal-fiduċja u fit-titjib tar-reżiljenza taċ-ċittadini kontra d-diżinformazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw li jinvolvu ruħhom f'eżerċizzji konġunti mal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant f'oqsma bħall-eżerċizzji marittimi, l-operazzjonijiet komuni ta' appoġġ bl-ajru u l-appoġġ għall-paċi;

63.

Jesprimi tħassib u jħeġġeġ li jiġu indirizzati l-politiċizzazzjoni prevalenti tal-forzi tad-difiża u l-influwenzi politiċi fuqhom f'xi pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, peress li dan jirriżulta fit-tneħħija jew fit-tnaqqis tal-karigi politikament motivati ta' uffiċjali li ġew edukati u mħarrġa fil-programmi appoġġjati mill-UE, mill-Istati Membri u minn pajjiżi sħab oħra;

64.

Jissottolinja l-importanza li l-UE tippromwovi r-rwol tan-nisa u taż-żgħażagħ fil-konsolidazzjoni tal-paċi fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant u li tavvanza l-Aġendi tan-Nisa, tal-Paċi u tas-Sigurtà u taż-Żgħażagħ, tal-Paċi u tas-Sigurtà fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-aspetti sensittivi għall-ġeneru tal-operazzjonijiet militari u l-missjonijiet ċivili (tfassil, ippjanar, analiżi, bilanċ bejn il-ġeneri tal-persunal, eċċ.), billi jintuża t-taħriġ obbligatorju tal-UE għall-persunal tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u billi jiġu stabbiliti konsulenti dedikati dwar il-ġeneru għal kull missjoni u operazzjoni tal-PSDK;

L-għoti ta' PSDK fiż-żona tas-Sħubija tal-Lvant b'kapaċitajiet politiċi u strateġiċi addizzjonali

65.

Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u b'mod partikolari lis-CPCC biex jiżguraw li l-EUAM iżżomm bħala prijorità tagħha r-riforma tas-Servizz tas-Sigurtà tal-Ukrajna u biex testendi l-ambitu tal-kooperazzjoni mal-SSU dwar iċ-ċibersigurtà, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-theddid ibridu wara li jitneħħa l-istat ta' emerġenza;

66.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE jestendu l-kooperazzjoni tal-EUAM għall-istrutturi kollha kontra l-korruzzjoni li huma involuti fir-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili u biex jinkludu, jew fil-forma ta' taħriġ u struzzjoni jew abbażi tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-istabbiliment b'mod konġunt tal-prijoritajiet futuri, kemm l-apparat tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni tal-istat Ukren, jiġifieri l-Aġenzija Nazzjonali dwar il-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni, kif ukoll il-Qorti Suprema dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrakkomandaw l-inklużjoni f'korsijiet ta' taħriġ kontinwi ta' rappreżentanti tas-servizzi u l-amministrazzjoni tal-Ukrajna, studji ta' każijiet ta' korruzzjoni u analiżijiet tar-raġunijiet għan-nuqqas ta' investigazzjonijiet u n-nuqqas ta' infurzar tar-responsabbiltà għall-awturi, sabiex il-persunal jiġi assistit fi rwoli kontra l-korruzzjoni sabiex jiġi evitat li jerġgħu jsiru l-iżbalji tal-passat; jilqa' l-adattabbiltà tal-missjonijiet tal-PSDK b'reazzjoni għall-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja;

67.

Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lis-CPCC jiżguraw li l-EUAM żżomm il-prijoritizzazzjoni tar-riforma tal-SSU tal-Ukrajna wara l-istat ta' emerġenza biex tiġi żgurata sorveljanza akbar, inqas setgħat investigattivi ta' qabel il-proċess u ċentri ta' detenzjoni u t-tnaqqis u d-demilitarizzazzjoni tal-SSU, b'valutazzjoni trimestrali dwar l-implimentazzjoni;

68.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE jespandu l-appoġġ tagħhom għall-isforzi ta' diġitalizzazzjoni tal-EUAM relatati mar-riforma tas-settur tas-sigurtà ċivili tal-Ukrajna permezz ta' taħriġ u l-forniment ta' teknoloġiji li jappoġġjaw ir-reġistrar tad-data, il-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' preżentazzjoni fil-qorti biex jassistu fit-trasparenza, fit-tisħiħ tal-fiduċja komunitarja u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jilqa' l-impenn tal-EUAM li ssaħħaħ ir-rwol tan-nisa fl-aġenziji tal-infurzar tal-liġi;

69.

Ifakkar li l-mandati estiżi jridu jkunu akkumpanjati minn riżorsi xierqa; huwa mħasseb dwar ir-riskju ta' tixrid jekk l-EUAM tħaddan setturi wesgħin iżda ma jkollhiex mezzi adegwati biex twettaq il-missjoni tagħha; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-komponent professjonali tal-EUAM ma' rappreżentanti speċjali tas-servizzi, sabiex jimplimentaw ir-riformi b'mod effettiv u jipprovdu pariri prattiċi;

70.

Jitlob l-estensjoni tal-mandat tal-EUAM fil-qasam tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, il-komunikazzjoni strateġika, it-teknoloġija diġitali u ċ-ċibersigurtà sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet tal-gvern tal-Ukrajna li jiġġieldu t-theddid għall-informazzjoni, bħall-użu ta' komunikazzjonijiet biex tiġi mminata l-fiduċja fl-istituzzjonijiet pubbliċi, it-tixrid ta' informazzjoni ħażina u propaganda ostili, il-polarizzazzjoni tas-soċjetà u l-formazzjoni ta' perċezzjonijiet negattivi tal-Ukrajna fid-dinja;

71.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu l-appoġġ tagħhom għall-Ukrajna fl-isforzi tagħha biex tiflaħ għall-aggressjoni Russa u tkompli tirriforma s-settur tad-difiża tagħha, li għaddej minn riformi fundamentali li se jkollhom konsegwenzi fit-tul għall-forzi armati tal-Ukrajna, il-kapaċità tagħhom li jiżguraw is-sigurtà u l-fiduċja pubblika u l-kunfidenza tal-Ukrajna; jistieden lill-Istati Membri jadottaw id-deċiżjoni bħala kwistjoni ta' urġenza wara riżoluzzjoni politika bejn l-Ukrajna u r-Russja biex jniedu missjoni ta' konsulenza u taħriġ militari tal-PSDK biex jassistu lill-Ukrajna topera f'żoni ta' ġlied urbani b'popolazzjoni densa, fil-gwerra asimetrika u ċibernetika, u r-riforma tas-sistema edukattiva militari professjonali tagħha, li hija l-aktar qasam sinifikanti għall-iffaċilitar tal-bidla u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tat-trasformazzjoni tas-sistema ta' difiża;

72.

Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu r-reazzjonijiet pubbliċi tagħhom għal provokazzjonijiet kontra l-EUMM, speċjalment ksur tal-waqfien mill-ġlied; ifakkar li l-EUMM għandha l-mandat li tkopri t-territorju kollu tal-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tal-Georgia u tinsisti fuq aċċess mingħajr xkiel għar-reġjuni tal-Georgia tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsinhar;

73.

Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżguraw li jiġu pprovduti riżorsi adegwati lill-kwartieri ġenerali tal-EUMM, speċjalment kanali siguri ta' informazzjoni u komunikazzjoni, tagħmir għall-viżjoni billejl, immaġni ta' kwalità aħjar u kapaċitajiet imtejba ta' ġbir u analiżi ta' intelligence minn sorsi miftuħa (OSINT);

74.

Jistieden lill-Kunsill iżomm l-EUAM, l-EUMM u l-EUBAM sakemm ikun meħtieġ abbażi ta' valutazzjonijiet regolari tal-implimentazzjoni tagħhom u tal-ħtiġijiet fid-dawl tal-prijoritajiet tal-PSDK, u jappoġġja l-istrutturi tal-mandat rinnovabbli tagħhom biex jiżguraw adattament aktar faċli għal kwalunkwe bidla fil-fatti fil-prattika; jitlob valutazzjoni regolari tal-ħtiġijiet ta' missjonijiet oħra jew komplementari fid-dawl tal-prijoritajiet tal-PSDK;

75.

Itenni l-appoġġ tal-UE għas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova u għall-isforzi fil-qafas tal-proċess ta' negozjati 5+2 biex tinstab soluzzjoni politika paċifika, dejjiema, komprensiva u politika għall-kunflitt tat-Tranżnistrija, ibbażata fuq ir-rispett tas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, bi status speċjali għat-Tranżnistrija, li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, anke fit-territorji li bħalissa ma humiex ikkontrollati mill-awtoritajiet kostituzzjonali; ifakkar li, fit-22 ta' Ġunju 2018, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat riżoluzzjoni li tħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tirtira t-truppi u l-armamenti tagħha mingħajr kundizzjonijiet mit-territorju tar-Repubblika tal-Moldova u li terġa' tafferma l-appoġġ tagħha għall-implimentazzjoni immedjata ta' dik ir-riżoluzzjoni;

76.

Jesprimi tħassib dwar l-iżviluppi riċenti fit-territorju tar-reġjun Tranżnistrijan u jikkundannahom bħala provokazzjonijiet perikolużi f'sitwazzjoni ta' sigurtà volatili ħafna; jitlob il-kalma sabiex jiġu ppreservati s-sigurtà u l-benesseri tan-nies li jgħixu fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Dniester u fil-pajjiżi ġirien;

77.

Jesprimi tħassib serju dwar it-tensjonijiet kontinwi fuq il-fruntiera bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan wara l-kunflitt vjolenti fil-ħarifa tal-2020; jistieden lill-Kunsill u lis-SEAE jkomplu jibnu l-fiduċja, inaqqsu t-tensjonijiet u jaħdmu għal soluzzjoni paċifika bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan; jenfasizza l-importanza tal-iskambju u tar-rilaxx sħiħ tad-detenuti, li jiġi indirizzat id-destin tal-persuni neqsin, li tiġi ffaċilitata t-tneħħija ta' mini għal skopijiet umanitarji, li jiġi żgurat il-moviment sikur u liberu tal-persuni ċivili f'Nagorno-Karabakh, li jiġu megħjuna l-popolazzjonijiet affettwati mill-konflitti, il-kuntatti bejn in-nies, li jiġu appoġġjati l-isforzi ta' rikostruzzjoni u jissottolinja li l-preservazzjoni tal-wirt kulturali u d-djalogu interkulturali tkun ta' benefiċċju għall-proċess tar-riżoluzzjoni tal-konflitti; huwa tal-fehma li l-konsegwenzi ta' dawn l-ostilitajiet u l-preżenza tal-hekk imsejħa “gwardjani tal-paċi” Russi ma għandhomx ikollhom impatt fuq l-iżviluppi politiċi fl-Armenja u l-futur tal-aġenda ta' riforma tal-pajjiż;

78.

Jilqa' l-eżitu tal-laqgħa ta' livell għoli tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-President tar-Repubblika tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev u l-Prim Ministru tar-Repubblika tal-Armenja Nikol Pashinyan fl-14 ta' Diċembru 2021, li fiha ż-żewġ mexxejja affermaw mill-ġdid it-tħejjija tagħhom li jaħdmu fuq kwistjonijiet bilaterali miftuħa u li jniedu negozjati dwar id-demarkazzjoni tal-fruntieri, li għalihom l-UE hija lesta li tipprovdi assistenza teknika; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jippromwovu l-bidu tan-negozjati dwar id-delimitazzjoni u d-demarkazzjoni tal-fruntieri tal-Istat u ftehim sostenibbli li jwassal għal koeżistenza paċifika;

79.

Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex ma jħallux il-kunflitt bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja jsir intrattabbli;

80.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprevjeni kwalunkwe użu jew finanzjament mill-UE ta' teknoloġiji ta' sorveljanza illegali, u jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom mal-Gvern tal-Ażerbajġan biex itemm l-użu ta' tali teknoloġiji ta' sorveljanza illegali u ċibersigurtà repressiva;

81.

Jesprimi tħassib serju dwar azzjonijiet destabbilizzanti u terroristiċi minn ċerti pajjiżi, b'mod partikolari l-Iran, fil-Kawkasu tan-Nofsinhar; jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe att ta' terroriżmu; jilqa' l-kooperazzjoni fis-sigurtà bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u jappoġġja bis-sħiħ l-approfondiment ulterjuri tal-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu; jistieden lis-SEAE jidħol fi djalogu dwar is-sigurtà mal-Armenja, kif diġà għamel mal-Ażerbajġan, mill-aktar fis possibbli; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri biex ma jħallux il-kunflitt bejn l-Ażerbajġan u l-Armenja jibqa' fl-istat li qiegħed;

82.

Jenfasizza r-rwol dejjem akbar li għandha ċ-Ċina fir-reġjun tas-Sħubija tal-Lvant, bħal permezz tal-konklużjoni ta' ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Georgia; jissottolinja l-ħtieġa li l-UE tagħmel valutazzjoni strateġika dwar kif tali rwol dejjem akbar jista' jkollu impatt fuq l-influwenza tal-UE fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-kooperazzjoni magħhom;

83.

Jistieden lis-SEAE jimmonitorja l-preżenza dejjem tikber taċ-Ċina fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, inklużi l-konsegwenzi (u l-konsegwenzi potenzjali) għas-sigurtà interna tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, kif ukoll is-sitwazzjoni ġeopolitika usa';

84.

Jirrikonoxxi li Beijing opponiet is-sanzjonijiet ekonomiċi kontra r-Russja fuq l-Ukrajna, li tgħid li huma unilaterali u mhux awtorizzati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jisħaq li ċ-Ċina għadha ma kkundannatx l-azzjonijiet tar-Russja fl-Ukrajna jew irrikonoxxiet li r-Russja invadiet lill-Ukrajna; jinnota li fiċ-Ċina, it-televixin tal-Istat qed jinjora fil-biċċa l-kbira l-gwerra ta' aggressjoni fl-Ukrajna u jsostni li l-invażjoni kienet it-tort tal-Istati Uniti u tan-NATO;

85.

Jitlob embargo immedjat fuq l-importazzjonijiet Russi taż-żejt, tal-faħam, tal-fjuwil nukleari u tal-gass u li n-Nord Stream I u II jiġu abbandunati għalkollox; jirrimarka li n-Nord Stream II kien jirrappreżenta għodda importanti għar-Russja biex iżżid l-influwenza politika u ekonomika tagħha fuq l-Istati Membri u l-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant; jinnota li hemm potenzjal għoli għall-użu tal-bijofjuwils fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, li jistgħu jużaw aħjar diversi riżorsi tal-enerġija rinnovabbli bħala mezz biex titnaqqas id-dipendenza enerġetika;

86.

Jilqa' r-rieda espressa fl-aktar Summit riċenti tas-Sħubija tal-Lvant f'Diċembru 2021 biex tiġi esplorata kooperazzjoni settorjali mtejba fil-qasam tas-sigurtà tal-enerġija ma' sħab assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant interessati; jindika s-sigurtà tal-klima bħala qasam ta' kooperazzjoni ulterjuri possibbli bejn l-UE u s-Sħubija tal-Lvant;

87.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw l-istabbiliment ta' fond tas-Sħubija tal-Lvant speċifiku għall-klima li jinkludi l-kooperazzjoni transfruntiera u reġjonali, il-protezzjoni tal-bijodiversità, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, ir-riċerka u l-edukazzjoni, u enfasi partikolari fuq il-bini tal-kapaċitajiet f'teknoloġiji ekoloġiċi bbażati fuq l-aħjar prattiki fl-Istati Membri;

o

o o

88.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-aġenziji tal-UE involuti fid-difiża u ċ-ċibersigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3.

(2)  ĠU L 261, 30.8.2014, p. 4.

(3)  ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.

(4)  ĠU L 23, 26.1.2018, p. 4.

(5)  ĠU L 246, 17.9.1999, p. 3.

(6)  ĠU L 209, 14.6.2021, p. 1.

(7)  ĠU L 202, 8.6.2021, p. 1.

(8)  ĠU L 151, 7.6.2019, p. 15.

(9)  ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

(10)  ĠU L 359 I, 11.10.2021, p. 6.

(11)  ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14.

(12)  ĠU L 160, 7.5.2021, p. 106.

(13)  ĠU L 160, 7.5.2021, p. 109.

(14)  ĠU L 160, 7.5.2021, p. 112.

(15)  ĠU L 351 I, 22.10.2020, p. 5.

(16)  ĠU L 246, 30.7.2020, p. 12.

(17)  ĠU L 129 I, 17.5.2019, p. 13.

(18)  ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.

(19)  ĠU L 217, 23.7.2014, p. 42.

(20)  ĠU L 180, 21.5.2021, p. 149.

(21)  ĠU L 248, 17.9.2008, p. 26.

(22)  ĠU L 411, 7.12.2020, p. 1.

(23)  ĠU C 99, 1.3.2022, p. 105.

(24)  ĠU C 15, 12.1.2022, p. 156.

(25)  ĠU C 494, 8.12.2021, p. 54

(26)  ĠU C 465, 17.11.2021, p. 87.

(27)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 78.

(28)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 64.

(29)  ĠU C 404, 6.10.2021, p. 136.

(30)  ĠU C 385, 22.9.2021, p. 40.

(31)  ĠU C 362, 8.9.2021, p. 114.

(32)  ĠU C 388, 13.11.2020, p. 22.

(33)  ĠU C 28, 27.1.2020, p. 57.

(34)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).