6.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/151


P9_TA(2022)0205

Is-sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni UE-Moldova

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2022 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni UE-Moldova (2022/2651(RSP))

(2022/C 465/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Moldova u dwar il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra (1), li jinkludi Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva u li daħal fis-seħħ fl-intier tiegħu fl-1 ta' Lulju 2016 (AA/DCFTA),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mar-Repubblika tal-Moldova (2),

wara li kkunsidra l-applikazzjoni għas-sħubija fl-UE tar-Repubblika tal-Moldova, ippreżentata fit-3 ta' Marzu 2022,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Versailles tal-10 u l-11 ta' Marzu 2022,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-29 ta' April 2022 tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Josep Borrell, dwar l-inċidenti ta' sigurtà reċenti fir-reġjun tat-Transnistrija,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi r-Repubblika tal-Moldova ġiet affettwata b'mod sproporzjonat mill-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, prinċipalment minħabba l-wasla ta' aktar minn 450 000 rifuġjat mindu bdiet l-invażjoni – li minnhom kważi 100 000 baqgħu hemm – li huwa l-ogħla numru per capita tal-pajjiżi kollha li rċevew rifuġjati mill-Ukrajna, iżda wkoll minħabba t-telf tal-kummerċ kif ukoll iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tat-trasport;

B.

billi r-Repubblika tal-Moldova ssottomettiet l-applikazzjoni tagħha biex tissieħeb fl-UE fit-3 ta' Marzu 2022, li jafferma d-determinazzjoni fit-tul tal-awtoritajiet Moldovani u ta' parti kbira mill-popolazzjoni biex tavvanza l-integrazzjoni Ewropea tal-Moldova;

C.

billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha pprovdew lir-Repubblika tal-Moldova b'assistenza finanzjarja u in natura biex tlaħħaq mar-riperkussjonijiet tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna, inklużi EUR 13-il miljun f'assistenza umanitarja, EUR 15-il miljun għal appoġġ amministrattiv għall-persuni spostati temporanjament, EUR 15-il miljun biex tiġi appoġġata l-Missjoni tal-UE ta' Assistenza fil-Fruntiera (EUBAM) bejn il-Moldova u l-Ukrajna, u assistenza in natura taħt il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili; billi fil-5 ta' April 2022, l-UE, l-Istati Membri tagħha, il-pajjiżi tal-G7 u stati oħra tal-istess fehma wiegħdu EUR 659,5 miljun fit-tnedija tal-Pjattaforma ta' Appoġġ għall-Moldova; billi l-UE pprovdiet lill-Moldova b'EUR 60 miljun permezz ta' programm ġdid ta' appoġġ baġitarju sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fuq il-persuni l-aktar vulnerabbli;

D.

billi fis-17 ta' Marzu 2022 ġie ffirmat ftehim bejn l-UE u l-Moldova dwar il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri, li jippermetti lill-Frontex tappoġġa lill-awtoritajiet Moldovani fl-attivitajiet ta' kuljum tal-ġestjoni tal-fruntieri u tas-sigurtà tal-fruntieri;

E.

billi mindu bdiet il-gwerra Russa kontra l-Ukrajna kien hemm tħassib dwar operazzjonijiet potenzjali ta' bandiera falza fil-Moldova;

F.

billi fir-reġjun tat-Transnistrija tar-Repubblika tal-Moldova, ir-Russja żżomm mill-anqas 1 500 truppa fuq l-art, issupplimentati minn 5 000 suldat addizzjonali mill-hekk imsejħa forzi armati tat-Transnistrija;

G.

billi fit-22 ta' April 2022 il-Maġġur Ġeneral Rustam Minnekayev, il-viċi kmandant tad-distrett militari ċentrali tar-Russja, iddikjara li wieħed mill-għanijiet tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna li għadha għaddejja huwa li jinħoloq kuritur fuq l-art għar-reġjun tat-Transnistrija; billi l-Maġġur Ġeneral Minnekayev iddikjara wkoll b'mod falz li fit-Transnistrija kienu ġew osservati atti ta' oppressjoni fuq il-popolazzjoni li titkellem bir-Russu;

H.

billi fil-25, fis-26 u fis-27 ta' April 2022 seħħew għadd ta' inċidenti ta' sigurtà fir-reġjun tat-Transnistrija, inkluż attakk bil-granati fuq il-bini tal-hekk imsejjaħ ministeru tas-sigurtà tal-istat f'Tiraspol, splużjonijiet li għamlu ħsara lill-arbli tar-radju fil-villaġġ ta' Maiac, u allegazzjonijiet ta' tiri sparati fl-inħawi tal-maħżen tal-munizzjon ta' Cobasna;

I.

billi l-maħżen ta' Cobasna, li jinsab fir-reġjun tat-Transnistrija fil-fruntiera bejn l-Ukrajna u l-Moldova, fih madwar 22 000 tunnellata ta' munizzjon u tagħmir militari mill-era Sovjetika ssorveljati mill-Grupp Operazzjonali tal-Forzi Russi (OGRF); billi, minkejja l-impenji li saru fl-1999 u għal darb'oħra fl-2021, il-Federazzjoni Russa naqset milli tiżgura l-qerda sħiħa ta' dawn l-armi; billi għad hemm tħassib li dan it-tagħmir jista' jintuża f'kunflitt armat jew f'kapaċità operazzjonali inkella biex tiġi eżerċitata pressjoni fuq l-awtoritajiet Moldovani u Ukreni;

J.

billi r-Russja użat l-esportazzjonijiet tal-gass tagħha lejn il-Moldova bħala għodda biex tavvanza l-interessi ekonomiċi u ġeopolitiċi tal-Kremlin fil-pajjiż, l-aktar reċenti billi ħolqot b'mod artifiċjali kriżi fil-provvista tal-gass fl-aħħar parti tal-2021;

K.

billi l-provvista ewlenija tal-elettriku tal-Moldova tiġi mir-reġjun tat-Transnistrija minn impjant tal-enerġija li huwa proprjetà tal-kumpanija Russa Inter RAO;

1.

Ifaħħar is-solidarjetà kbira murija miċ-ċittadini tar-Repubblika tal-Moldova lejn ir-rifuġjati mill-Ukrajna li qed jaħarbu mill-gwerra ta' aggressjoni tar-Russja, il-qerda tagħha ta' bliet u rħula Ukreni, u t-twettiq tagħha ta' atroċitajiet u delitti tal-gwerra, billi fetħu djarhom biex jilqgħu eluf minnhom; jilqa' l-isforzi li saru mill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Moldova biex jappoġġaw lir-rifuġjati Ukreni;

2.

Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-UE jeħtiġilha turi l-istess grad ta' solidarjetà mal-poplu tal-Moldova u tappoġġa kemm jista' jkun b'mod determinat l-isforzi tal-pajjiż biex ilaħħaq mal-konsegwenzi tal-gwerra ta' aggressjoni Russa;

3.

Ifakkar li l-ġestjoni tas-sitwazzjoni tal-kważi 100 000 rifuġjat li sabu kenn fir-Repubblika tal-Moldova u dawk li jgħaddu minnha tikkostitwixxi piż finanzjarju dejjem akbar għall-istat Moldovan, li diġà jinsab f'sitwazzjoni finanzjarja prekarja minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19 u ż-żieda fil-prezzijiet tal-gass ikkawżata b'mod artifiċjali minn Gazprom;

4.

Jinnota li aktar ma ddum il-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, ir-Repubblika tal-Moldova aktar se tkun teħtieġ assistenza umanitarja, għas-sigurtà u soċjoekonomika; jilqa' l-adozzjoni reċenti mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill ta' EUR 150 miljun f'assistenza makrofinanzjarja (MFA) għar-Repubblika tal-Moldova biex tkopri parti mill-ħtiġijiet ta' finanzjament estern tagħha; jistieden lill-Kummissjoni, b'konsegwenza ta' dan, biex tkompli żżid l-assistenza finanzjarja u teknika għall-Moldova, inkluż permezz ta' proposta ġdida għall-assistenza makrofinanzjarja; jisħaq li proposta ġdida għall-assistenza makrofinanzjarja hija essenzjali, peress li l-pakkett adottat dan l-aħħar tfassal mill-Kummissjoni qabel il-kunflitt fl-Ukrajna; jinsisti li proposta ġdida għall-assistenza makrofinanzjarja għandha tkun magħmula prinċipalment minn għotjiet, aktar milli self, sabiex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-Moldova u tissaħħaħ ir-reżiljenza ġenerali tal-pajjiż; jisħaq li l-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku għar-Repubblika tal-Moldova, li jammonta għal EUR 600 miljun, huwa kruċjali għall-irkupru tal-Moldova;

5.

Jilqa' l-istabbiliment tal-Pjattaforma ta' Appoġġ għall-Moldova mill-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi tal-G7, is-sħab internazzjonali u l-istati tal-istess fehma, maħsuba biex timmobilizza u tikkoordina l-appoġġ internazzjonali, bħala sinjal ċar tal-impenn tal-Unjoni u tas-sħab tagħha għall-futur Ewropew tar-Repubblika tal-Moldova; iħeġġeġ lis-sħab kollha tal-Pjattaforma biex jiżguraw l-iżborż f'waqtu tal-wegħdiet tagħhom u biex iżidu malajr il-finanzjament f'każ li jinbidlu l-ħtiġijiet tal-Moldova;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tipprovdi appoġġ umanitarju permezz tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili, attivat fil-25 ta' Frar 2022, appoġġ għall-ġestjoni tal-fruntieri permezz tal-Frontex u l-EUBAM rilokata, u appoġġ għat-trasferiment ta' persuni lejn l-Istati Membri tal-UE fil-kuntest tal-Pjattaforma ta' Solidarjetà;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwessgħu l-mandat tal-EUBAM sabiex jirrispondu għall-emerġenza li għaddejja li tirriżulta mill-wasla ta' numri kbar ta' rifuġjati mill-Ukrajna u jiżguraw li l-missjoni tkun tista' tipprovdi appoġġ sinifikanti għall-awtoritajiet fl-akkoljenza tar-rifuġjati;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti addizzjonali bl-għan li jiżguraw il-liberalizzazzjoni sħiħa tat-trasport u l-kummerċ mal-UE, bħas-sospensjoni tad-dazji tal-importazzjoni fuq l-esportazzjonijiet Moldovani kollha lejn l-UE, iż-żieda tal-kwoti għall-prodotti agrikoli Moldovani u l-iffaċilitar tal-aċċess għax-xogħol għall-Moldovani fl-UE, fid-dawl tat-tfixkil fil-ktajjen tal-provvista u fis-swieq tal-esportazzjoni tar-Repubblika tal-Moldova;

9.

Jisħaq fuq ir-rwol importanti li kellha r-Repubblika tal-Moldova s'issa fis-sikurezza u l-istabbiltà tal-fruntiera tal-Lvant tal-UE fil-kuntest tal-kriżi umanitarja kkawżata mill-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna;

10.

Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni kif ukoll lill-awtoritajiet Moldovani biex iqisu l-ħtiġijiet partikolari tan-nisa u t-tfal, li jirrappreżentaw l-maġġoranza vasta tar-rifuġjati mill-Ukrajna li bħalissa qegħdin fil-Moldova; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi speċifiċi ta' appoġġ għar-rifuġjati nisa u tfal f'riskju ta' traffikar, b'mod partikolari appoġġ speċjalizzat għall-vittmi ta' dawn ir-reati kif ukoll tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru;

11.

Jilqa' l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal sħubija fl-UE min-naħa tal-Moldova fit-3 ta' Marzu 2022; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jagħtu status ta' kandidat tal-UE lir-Repubblika tal-Moldova, f'konformità mal-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u abbażi tal-mertu, u, sadanittant, ikomplu jaħdmu lejn l-integrazzjoni tagħha fis-suq uniku tal-UE u jsaħħu l-kooperazzjoni settorjali; jistieden lill-Kummissjoni tlesti malajr il-valutazzjoni tagħha u tipprovdi lill-Moldova bl-assistenza sħiħa tagħha matul dan il-proċess;

12.

Jissottolinja l-fatt, mingħajr ma jfittex li jippreġudika l-kontenut tal-opinjoni tal-Kummissjoni, li l-awtoritajiet Moldovani bla dubju jinsabu fit-triq it-tajba billi jadottaw riformi ewlenin, partikolarment dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, li se jiżguraw li l-pajjiż jikkonforma mal-kriterji ta' Copenhagen li l-pajjiżi tal-adeżjoni jeħtiġilhom jissodisfaw, u li għandhom l-għan li jimplimentaw bis-sħiħ l-AA/DCFTA; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Moldovani biex ikomplu fit-triq tar-riformi tagħhom li se jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini tagħhom u jqarrbu lill-pajjiż lejn l-istandards Ewropej;

13.

Jitlob li jsir sinjal politiku ċar u sod fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2022 rigward il-perkors Ewropew tar-Repubblika tal-Moldova;

14.

Jissottolinja li, b'mod simili għall-Ukrajna, il-prospett konkret li tingħaqad mal-UE huwa element essenzjali ta' tama li se jżomm il-moral tal-popolazzjoni Moldovana matul dan il-perjodu ta' insigurtà estrema u ta' tbatija materjali;

15.

Jitlob kooperazzjoni msaħħa bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet Moldovani fl-investigazzjoni tal-frodi bankarja tal-2014 u, b'mod partikolari, fl-iżgurar tar-ripatrijazzjoni tal-assi misruqa u l-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli;

16.

Jitlob lill-UE tipprovdi aktar assistenza amministrattiva u teknika billi toħloq Grupp ta' Appoġġ għall-Moldova, simili għall-Grupp ta' Appoġġ eżistenti għall-Ukrajna (SGUA), li se jżid il-preżenza tal-persunal tal-UE fil-Moldova u jippermetti li l-assistenza tat-tip SGUA tiġi estiża għall-pajjiż; iqis li fid-dawl tal-applikazzjoni reċenti tar-Repubblika tal-Moldova għas-sħubija fl-UE, hemm ħtieġa urġenti li jiġi stabbilit dan il-Grupp ta' Appoġġ;

17.

Jisħaq li mhuwiex aċċettabbli li r-Russja ilha tarma l-provvista tal-gass tagħha biex teżerċita pressjoni politika fuq ir-Repubblika tal-Moldova sabiex tinfluwenza r-rotta politika u l-orjentazzjoni ġeopolitika tal-pajjiż, b'mod partikolari wara l-elezzjonijiet presidenzjali fl-2020 u l-elezzjonijiet parlamentari fl-2021;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw lir-Repubblika tal-Moldova biex tiżgura l-indipendenza enerġetika, il-konnettività, id-diversifikazzjoni u l-effiċjenza tagħha, kif ukoll tħaffef l-iżvilupp ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jistieden lill-awtoritajiet Moldovani jżommu l-impenji tal-pajjiż bħala membru tal-Komunità tal-Enerġija u jimplimentaw it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija tal-UE, b'mod partikolari s-separazzjoni bejn it-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-gass u tal-elettriku;

19.

Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Marzu 2022; jistieden lill-Istati Membri jixtru b'mod konġunt gass naturali, gass naturali likwifikat u idroġenu permezz ta' pjattaforma komuni li hija aċċessibbli wkoll għall-istati tal-Balkani tal-Punent u t-tliet pajjiżi assoċjati tas-Sħubija tal-Lvant; itenni, f'dan il-kuntest, is-sejħa tiegħugħal embargo immedjat fuq il-gass Russu; jistieden lill-awtoritajiet Moldovani u lill-Kummissjoni jaħdmu flimkien biex jipproduċu valutazzjoni ċara tal-ħtiġijiet tal-Moldova għall-ħżin tal-gass għall-perjodu li ġej;

20.

Jilqa' s-suċċess tat-testijiet ta' iżolament imwettqa dan l-aħħar mill-Moldova u mill-Ukrajna biex jiskonnettjaw temporanjament il-grilji tal-elettriku tagħhom minn mar-Russja u l-Belarussja, segwiti mis-sinkronizzazzjoni tagħhom mal-grilja tal-enerġija Ewropea kontinentali; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jużaw il-finanzjament ta' emerġenza ħalli jgħaqqdu malajr lill-Moldova man-network/mal-grilja tal-elettriku tal-UE u jżidu l-appoġġ finanzjarju u tekniku tal-UE meħtieġ biex tiġi żgurata r-reżiljenza tal-Moldova għal tali pressjoni esterna relatata mal-enerġija;

21.

Jesprimi tħassib serju dwar l-iżviluppi riċenti fit-territorju tar-reġjun tat-Transnistrija u jikkundannahom bħala atti perikolużi ta' provokazzjoni mwettqa f'sitwazzjoni ta' sigurtà volatili ħafna; jappella għall-kalma sabiex jiġu ppreservati s-sigurtà u l-benesseri tan-nies li jgħixu fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Nistru u fil-pajjiżi ġirien; jilqa', f'dan ir-rigward, ir-reazzjoni kalma u mrażżna tal-awtoritajiet f'Chişinău, li qed jgħinu fil-promozzjoni ta' ambjent li jwassal għal soluzzjoni paċifika u dejjiema tal-kunflitt;

22.

Itenni l-appoġġ b'saħħtu u sod tiegħu għall-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fil-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment tagħha;

23.

Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-theddida għas-sigurtà u l-ambjent tar-reġjun u lil hinn mill-munizzjon maħżun fid-depot ta' Cobasna u jistieden lill-komunità internazzjonali tappoġġa l-isforzi tal-awtoritajiet Moldovani biex ineħħu jew jeqirdu dawn l-armi perikolużi;

24.

Jirrifjuta u jesprimi tħassib dwar id-dikjarazzjoni tat-3 ta' Marzu 2022 mill-awtoritajiet de facto fir-reġjun tat-Transnistrija li tħabbar it-tmiem tal-proċess ta' soluzzjoni u li tagħmel appell imġedded għar-rikonoxximent tal-hekk imsejħa indipendenza tat-Transnistrija; jistieden lill-Federazzjoni Russa tirtira bis-sħiħ u mingħajr kundizzjonijiet il-forzi u l-armamenti militari tagħha mir-reġjun tat-Transnistrija tal-Moldova, f'konformità mat-talbiet ripetuti tal-awtoritajiet Moldovani u fir-rigward tas-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova;

25.

Itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni komprensiva, paċifika u dejjiema tal-kunflitt fit-Transnistrija bbażat fuq is-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Moldova fi ħdan il-fruntieri rikonoxxuti internazzjonalment, li għandha tinkludi status speċjali għat-Transnistrija fi Stat Moldovan vijabbli u ma għandhiex taffettwa l-aspirazzjonijiet Ewropej tal-pajjiż; itenni l-benefiċċji u l-opportunitajiet ekonomiċi għall-kumpaniji u għall-popolazzjoni fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Nistru wara l-applikazzjoni tad-DCFTA għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Moldova;

26.

Jilqa' l-inizjattivi u d-deċiżjonijiet reċenti biex jiżdied l-appoġġ fil-qasam tas-sigurtà, b'mod partikolari permezz tat-tnedija tad-Djalogu Politiku u ta' Sigurtà ta' Livell Għoli bejn l-UE u l-Moldova u miżuri ta' assistenza sostanzjali fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; ifakkar fil-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Moldova fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża u jistieden liż-żewġ naħat jagħmlu użu sħiħ mill-pjattaformi rilevanti; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri joffru assistenza urġenti għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet lill-forzi armati tar-Repubblika tal-Moldova, minħabba l-isfidi għas-sigurtà li tiffaċċja l-Moldova;

27.

Ifaħħar l-azzjonijiet reċenti tal-awtoritajiet Moldovani kontra l-propaganda Russa, inkluża l-projbizzjoni temporanja fuq diversi siti web ta' diżinformazzjoni Russi taħt l-istat ta' emerġenza impost u l-projbizzjoni fuq simboli militari pro-Russi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet Moldovani jżidu l-involviment tagħhom mal-popolazzjoni tar-reġjun tat-Transnistrija tar-Repubblika tal-Moldova;

28.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri jassistu lill-Moldova fiċ-ċibersigurtà u l-komunikazzjonijiet strateġiċi tagħha sabiex ittejjeb ir-reżiljenza tagħha għal attakki possibbli mir-Russja, u tappoġġa l-ħidma tal-ġurnalisti u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jfittxu li jiġġieldu d-diżinformazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri ulterjuri kontra l-indħil barrani u d-diżinformazzjoni u jappoġġaw lill-Moldova f'dan ir-rigward;

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u lill-President, lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova.

(1)  ĠU L 260, 30.8.2014, p. 4.

(2)  ĠU C 404, 6.10.2021, p. 136.