6.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/112


P9_TA(2022)0199

Il-każ ta' Osman Kavala fit-Turkija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Mejju 2022 dwar il-każ ta' Osman Kavala fit-Turkija (2022/2656(RSP))

(2022/C 465/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tad-19 ta' Mejju 2021 dwar ir-Rapporti tal-Kummissjoni 2019-2020 dwar it-Turkija (1) u tal-21 ta' Jannar 2021 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, b'mod partikolari l-każ ta' Selahattin Demirtaş u priġunieri oħra minħabba twemmin (2),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tar-Rapporteur Permanenti tal-Parlament għat-Turkija u l-President tad-Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Turkija tal-21 ta' April 2022 dwar is-smigħ finali tal-proċess Gezi u tat-18 ta' Diċembru 2020 dwar id-deċiżjoni tal-qorti dwar Osman Kavala, u d-dikjarazzjoni tal-President tad-Delegazzjoni għall-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Turkija tal-20 ta' Frar 2020 dwar id-detenzjoni ta' Osman Kavala,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Ottubru 2021 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2021)0644) u r-Rapport li jakkumpanjaha tal-2021 dwar it-Turkija (SWD(2021)0290),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2021, u l-konklużjonijiet preċedenti rilevanti kollha tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2021 dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u ta' assoċjazzjoni,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-26 ta' April 2022 dwar il-kundanna tas-Sur Osman Kavala, u d-dikjarazzjonijiet preċedenti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar il-każ tiegħu,

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) tal-10 ta' Diċembru 2019 fil-kawża ta' Kavala vs it-Turkija (28749/18), li saret finali fil-11 ta' Mejju 2020,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa, inkluża r-riżoluzzjoni interim tat-2 ta' Diċembru 2021 dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Kavala kontra t-Turkija, u r-riżoluzzjoni interim tat-2 ta' Frar 2022 dwar l-istess suġġett, li wasslu għat-tnedija ta' proċedimenti ta' ksur kontra t-Turkija minħabba r-rifjut tagħha li timplimenta s-sentenza tal-2019 tal-QEDB u teħles lil Osman Kavala,

wara li kkunsidra r-reazzjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa tat-18 ta' Frar 2020 għas-sentenza dwar Osman Kavala fit-Turkija u r-reazzjoni tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa tad-19 ta' Frar 2020 għall-arrest mill-ġdid ta' Osman Kavala,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) tal-4 ta' Novembru 1950, li t-Turkija hija Stat parti għaliha,

wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-KEDB li jistabbilixxi li “l-Partijiet Għolja Kontraenti jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw is-sentenza finali tal-Qorti (QEDB) fi kwalunkwe każ li jkunu parti fih”, u, għaldaqstant, wara li kkunsidra l-obbligu li t-Turkija timplimenta s-sentenzi kollha tal-QEDB;

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li ġie adottat mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fid-19 ta' Diċembru 1966 u li t-Turkija hija Stat parti tiegħu, u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu dwar l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-13-il Qorti Kriminali Għolja ta' Istanbul rigward il-proċess Gezi tal-25 ta' April 2022,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tat-30 Qorti Kriminali Għolja ta' Istanbul rigward il-proċess Gezi tat-18 ta' Frar 2020,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fil-25 ta' April 2022, it-13-il Qorti Kriminali Għolja ta' Istanbul, ippreseduta mill-Imħallef Mesut Özdemir, ikkundannat lil Osman Kavala, filantropista u difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, għal għomru l-ħabs mingħajr libertà kondizzjonali, u sabitu ħati li pprova jwaqqa' l-gvern, iżda lliberatu minn akkużi ta' spjunaġġ; billi seba' akkużati oħra, inkluż l-arkitett Mücella Yapıcı, l-avukat Can Atalay, il-pjanifikatur tal-belt Tayfun Kahraman, id-direttur tal-Iskola Ewropea tal-Politika ta' Boğaziçi Ali Hakan Altınay, il-fundatur tal-Università Bilgi ta' Istanbul Yiğit Ali Ekmekçi, il-produttur tal-films Çiğdem Mater Utku u l-produttur tal-films dokumentarji Mine Özerden ġew ikkundannati għal 18-il sena ħabs fuq l-istess akkużi; billi l-Qorti ordnat l-arrest immedjat tagħhom fl-awla tal-qorti; billi dawn l-allegazzjonijiet huma politikament motivati u qatt ma ġew sostanzjati, lanqas fis-sentenza tal-25 ta' April 2022;

B.

billi Osman Kavala ġie arrestat u mitfugħ il-ħabs għall-ewwel darba fl-1 ta' Novembru 2017 fuq akkużi relatati mal-protesti ta' Gezi Park fl-2013 u l-attentat ta' kolp ta' stat fl-2016; billi l-proċess Gezi Park beda f'Ġunju 2019; billi s-Sur Kavala ġie akkużat li ffinanzja l-protesti ta' Gezi Park u organizzahom; billi fit-18 ta' Frar 2020, it-30 Qorti Kriminali Għolja ta' Istanbul illiberat lis-Sur Kavala fil-proċess Gezi u ordnat il-ħelsien immedjat tiegħu, filwaqt li kkwotat in-nuqqas totali ta' evidenza konkreta u materjali li tikkonferma li l-allegati delitti kienu twettqu; billi l-Qorti lliberat ukoll lil Mücella Yapıcı, Can Atalay, Tayfun Kahraman, Ali Hakan Altınay, Yiğit Aksakoğlu, Yiğit Ali Ekmekçi, Çiğdem Mater Utku u Mine Özerden; billi s-Sur Kavala kien l-uniku akkużat li kien għadu f'kustodja saż-żmien tal-liberazzjoni tiegħu, peress li nżamm f'arrest preventiv illegali mit-18 ta' Ottubru 2017 fuq akkużi mhux sostanzjati;

C.

billi fit-22 ta' Jannar 2021, it-Tielet Awla Kriminali tal-Qorti Reġjonali tal-Ġustizzja ta' Istanbul, il-Qorti tal-Appell, reġġgħet lura s-sentenzi li lliberaw lis-Sur Kavala u t-tmien akkużati oħra;

D.

billi rreferiet għall-akkużi mressqa kontra l-akkużati fil-kawża, il-Qorti ġġustifikat it-treġġigħ lura tagħha billi indikat li l-biċċiet ta' evidenza bħall-posts tal-media soċjali tal-akkużati, l-istqarrijiet għall-istampa u l-islogans li qalu ma ġewx ikkunsidrati meta ngħatat is-sentenza preċedenti;

E.

billi seba' akkużati, inklużi l-ġurnalist Can Dündar u l-attur Mehmet Ali Alabora, baqgħu barra mill-pajjiż sakemm dam il-proċess; billi l-Qorti sseparat il-kawżi tagħhom minn dawk tad-disa' akkużati li għadhom fil-pajjiż u ħarġitilhom mandati ta' arrest; billi fid-deċiżjoni tagħha tat-18 ta' Frar 2020, il-Qorti rrevokat il-mandati ta' arrest;

F.

billi ftit sigħat biss wara l-liberazzjoni tiegħu u qabel ma setgħet tiġi implimentata l-ordni ta' ħelsien tiegħu, is-Sur Kavala reġa' ġie arrestat u ttrasferit għall-kustodja tal-pulizija fuq talba tal-Kap Prosekutur Pubbliku ta' Istanbul İrfan Fidan skont l-Artikolu 309 tal-Kodiċi Kriminali tat-Turkija fuq akkużi li pprova jimmina l-ordni kostituzzjonali fil-kuntest ta' investigazzjoni parallela li għaddejja bħalissa fir-rigward tal-allegat involviment tiegħu fl-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016;

G.

billi fid-19 ta' Frar 2020, il-President Recep Tayyip Erdoğan tat-Turkija kkundanna s-sentenza tat-30 Qorti Kriminali Għolja ta' Istanbul, fejn iddikjara li l-liberazzjoni tas-Sur Kavala kienet parti minn skema mfittxija minn individwi “li jixtiequ jqajmu rewwixti f'ċerti pajjiżi u jqanqlu l-inkwiet” u rrefera għal dawn l-individwi bħala “għedewwa volontarji tal-Istat u tal-poplu tiegħu”; billi d-dikjarazzjonijiet tal-President Erdoğan, flimkien ma' dawk ta' uffiċjali oħra ta' livell għoli, jimminaw b'mod attiv l-indipendenza tal-ġudikatura Torka;

H.

billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku appella wkoll kontra l-verdetti ta' liberazzjoni u l-Prosekutur Pubbliku Edip Şahiner talab li l-liberazzjonijiet jitreġġgħu lura biex il-proċedura tittawwal b'mod artifiċjali;

I.

billi wara d-dikjarazzjonijiet tal-President Erdoğan, il-Kunsill tal-Imħallfin u l-Prosekuturi (HSK), li huwa responsabbli għall-ħatriet u l-amministrazzjoni ġudizzjarja, fetaħ investigazzjoni dwar it-tliet imħallfin li lliberaw lis-Sur Kavala u lit-tmien koakkużati tiegħu, filwaqt li kkwota nuqqasijiet fis-sentenza tagħhom; billi l-proċedimenti dixxiplinari kontra dawn l-imħallfin jidhru li kkostitwixxew indħil dirett fis-setgħa tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom u seta' kellhom effett dissważiv fuq l-indipendenza tal-membri kollha tal-ġudikatura;

J.

billi f'konformità mal-Liġi tat-Turkija Nru 7188 dwar l-emendar tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali u ċerti liġijiet, suspettat li qed jiffaċċja akkużi ta' terroriżmu jew reati kontra l-Istat jista' jinżamm f'detenzjoni ta' qabel il-proċess għal mhux aktar minn sentejn qabel ma l-kawża tiegħu tgħaddi għall-proċess; billi l-fajl ta' investigazzjoni kontra s-Sur Kavala skont l-Artikolu 309 tal-Kodiċi Kriminali tat-Turkija nfetaħ fil-25 ta' Frar 2018; billi n-nuqqas tal-awtoritajiet Torok li jeħilsu lis-Sur Kavala fil-25 ta' Frar 2020 għalhekk ikkostitwixxa ksur tal-Kodiċi Kriminali tat-Turkija;

K.

billi n-nuqqas tal-Uffiċċju tal-Kap Prosekutur Pubbliku ta' Istanbul li jwettaq interrogazzjoni ġdida wara l-arrest mill-ġdid tas-Sur Kavala juri li ma nstabet l-ebda evidenza ġdida li tissostanzja l-akkużi mressqa skont l-Artikolu 309 tal-Kodiċi Kriminali tat-Turkija mill-ordni ta' rilaxx ex officio tal-11 ta' Ottubru 2019; billi dan in-nuqqas ta' evidenza ġdida kkostitwixxa nuqqas ta' raġunijiet kredibbli għall-arrest mill-ġdid tas-Sur Kavala fuq l-istess akkużi;

L.

billi l-arrest mill-ġdid tas-Sur Kavala huwa eżempju ta' trattament ħażin, kif iddikjarat mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa Dunja Mijatović; billi d-deċiżjoni punittiva għall-arrest mill-ġdid tas-Sur Kavala tikkostitwixxi ksur ċar kemm tad-dritt nazzjonali kif ukoll tad-dritt internazzjonali; billi l-proċess kollu kontra s-Sur Kavala kien sensiela ta' manuvri ġudizzjarji u irregolaritajiet, imtappna minn indħil politiku, u bl-għan ewlieni li tiġi estiża d-detenzjoni tas-Sur Kavala;

M.

billi, fost deċiżjonijiet irrazzjonali oħra, bejn Awwissu 2021 u Frar 2022 il-kawża Gezi ġiet amalgamata mal-hekk imsejjaħ proċess Çarşı, li l-akkużati tiegħu wkoll raw li l-liberazzjoni tagħhom mibdula; billi l-imħallef li ppresjedi t-30 Qorti Kriminali Għolja ta' Istanbul, Mahmut Başbuğ, li talab li l-kawżi jiġu amalgamati, kien l-istess imħallef li ffirma l-amalgamazzjoni fit-13-il Qorti Kriminali Għolja wara li nħatar temporanjament għaliha; billi aktar tard, fi Frar 2022, it-13-il Qorti Kriminali Għolja ddeċidiet li terġa' taqsam il-kawżi għal darb'oħra għall-ebda raġuni apparenti; billi wieħed mill-imħallfin fil-panel tat-13-il Qorti Kriminali Għolja għall-proċess fil-25 ta' April 2022, Murat Bircan, applika biex ikun kandidat għall-Gran Assemblea Nazzjonali għall-partit fil-gvern fl-2018;

N.

billi, fl-10 ta' Diċembru 2019, il-QEDB iddeċidiet li d-detenzjoni tas-Sur Kavala kienet bi ksur tal-Artikolu 5(1) tal-KEDB minħabba nuqqas ta' suspett raġonevoli, tal-Artikolu 5(4) tal-Konvenzjoni minħabba nuqqas ta' rimedju ġudizzjarju rapidu mill-Qorti Kostituzzjonali, u tal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni, flimkien mal-Artikolu 5(1) tagħha, minħabba n-natura politikament motivata tad-detenzjoni tiegħu, li l-għan tagħha kien li jiġi eżerċitat effett dissważiv fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

O.

billi s-sentenza tal-QEDB tappartjeni kemm għall-akkużi miġjuba kontra s-Sur Kavala skont l-Artikolu 312 tal-Kodiċi Kriminali tat-Turkija għall-allegat involviment tiegħu fil-protesti ta' Gezi Park, kif ukoll l-akkużi miġjuba kontrih skont l-Artikolu 309 tal-Kodiċi Kriminali tat-Turkija għall-allegat involviment tiegħu fil-kolp ta' stat fallut tal-15 ta' Lulju 2016;

P.

billi s-sentenza tal-QEDB talbet li l-awtoritajiet Torok jiżguraw il-ħelsien immedjat tas-Sur Kavala; billi ma sar l-ebda progress għall-ħelsien tiegħu, minkejja s-sentenza vinkolanti tal-QEDB fl-2019 u żewġ riżoluzzjonijiet interim tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa tat-2 ta' Diċembru 2021 u tat-2 ta' Frar 2022, li nedew proċedimenti ta' ksur kontra t-Turkija talli rrifjutat li timplimenta s-sentenza legalment vinkolanti tal-QEDB u l-ħelsien immedjat tas-Sur Kavala, li żied it-tħassib tal-UE dwar l-aderenza tal-ġudikatura Torka mal-istandards internazzjonali u tal-UE;

Q.

billi l-partit fil-gvern Tork ripetutament qed inaqqar l-istat tad-dritt u l-istandards demokratiċi, u tad-drittijiet tal-bniedem, b'ripressjonijiet frekwenti fuq l-avversarji politiċi u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li spiss jiġu akkużati b'akkużi ta' terroriżmu definiti b'mod wiesa';

R.

billi wara diversi Stati Membri tal-UE ħarġu dikjarazzjonijiet li jikkundannaw id-detenzjoni kontinwa ta' Kavala, it-Turkija heddet li tiddikjara għaxra mill-ambaxxaturi tagħhom fit-Turkija persona non grata;

S.

billi t-Turkija, bħala pajjiż kandidat tal-UE, hija meħtieġa tirrispetta l-ogħla standards tad-demokrazija, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-dritt universali għal proċess ġust, u rispett strett għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għal proċess dovut;

T.

billi t-Turkija ilha membru tal-Kunsill tal-Ewropa mid-9 ta' Awwissu 1949, li jorbotha mal-KEDB u mas-sentenzi tal-QEDB;

1.

Jikkundanna, bl-aktar mod qawwi possibbli, is-sentenza reċenti tat-13-il Qorti Kriminali Għolja ta' Istanbul li imponiet sentenza ta' għomor il-ħabs aggravata fuq Osman Kavala wara aktar minn erba' snin u nofs ta' detenzjoni inġusta, illegali u illeġittima u inqas minn tliet xhur wara li l-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa nieda proċedimenti ta' ksur kontra t-Turkija talli rrifjutat li timplimenta s-sentenza legalment vinkolanti tal-QEDB; jemmen li huwa nstab ħati fuq akkużi mhux ġustifikati, għall-iskop ulterjuri li jsikktuh bħala difensur tad-drittijiet tal-bniedem u li jiskoraġġixxu l-vuċijiet kritiċi fit-Turkija; jikkundanna bl-istess mod l-għoti ta' sentenzi lill-koakkużati Mücella Yapıcı, Can Atalay, Tayfun Kahraman, Ali Hakan Altınay, Yiğit Ali Ekmekçi, Çiğdem Mater Utku u Mine Özerden;

2.

Jitlob li l-ħelsien immedjat u mingħajr kondizzjonijiet ta' Osman Kavala f'konformità mas-sentenza tal-2019 tal-QEDB, li l-akkużi kollha kontrih jitneħħew immedjatament u li d-drittijiet u l-libertajiet tiegħu jiġu ggarantiti bis-sħiħ, kif ukoll il-ħelsien immedjat tas-seba' koakkużati l-oħra fil-każ; jikkundanna l-fatt li Osman Kavala ġie kontinwament imċaħħad mil-libertà tiegħu minn Ottubru 2017 u jistieden lit-Turkija taġixxi f'konformità mal-obbligi internazzjonali u nazzjonali tagħha;

3.

Jesprimi solidarjetà sħiħa ma' Osman Kavala, il-bqija tal-akkużati fil-proċess Gezi u l-familji tagħhom;

4.

Jinsab imħasseb ħafna dwar id-deterjorament kontinwu tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt fit-Turkija, speċjalment wara l-kolp ta' stat fallut; jistieden lill-awtoritajiet Torok itemmu l-fastidju ġudizzjarju tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-akkademiċi, tal-ġurnalisti, tal-mexxejja spiritwali u tal-avukati;

5.

Jistieden lit-Turkija, bħala Membru tal-Kunsill tal-Ewropa, timplimenta bis-sħiħ is-sentenzi kollha tal-QEDB f'konformità mal-Artikolu 46 tal-KEDB, obbligu assolut li jirriżulta mis-sħubija tat-Turkija fil-Kunsill tal-Ewropa u li huwa minqux fil-kostituzzjoni tat-Turkija; jisħaq li r-rifjut tat-Turkija li timplimenta s-sentenza tal-QEDB dwar il-kawża ta' Osman Kavala jkompli jamplifika t-tħassib tal-UE rigward l-aderenza tal-ġudikatura Torka mal-istandards internazzjonali u Ewropej;

6.

Jikkundanna u jiddeplora l-isforzi u t-tentattivi kontinwi biex tiġi estiża l-priġunerija tas-Sur Kavala, minkejja n-nuqqas ta' kwalunkwe evidenza kredibbli jew tanġibbli, permezz ta' sensiela ta' tattiċi ġudizzjarji evażivi kumplessi inklużi l-amalgamazzjoni u d-diżassoċjazzjoni tal-fajls tal-kawżi u l-irregolaritajiet kostanti f'nuqqas ta' kunsiderazzjoni totali tal-istandards ta' proċess ġust u għas-servizz ta' skop politiku;

7.

Jinsab ixxukkjat bil-fatt li t-13-il Qorti Kriminali Għolja ta' Istanbul tat sentenza ta' għomor il-ħabs aggravata lil Osman Kavala talli allegatament ipprova jwaqqa' l-gvern bil-forza u uża l-vjolenza, bi ksur sfaċċat tal-fatt li l-QEDB kienet diġà ċaħdet speċifikament din l-akkuża fis-sentenzi tagħha;

8.

Jilqa' d-deċiżjonijiet rikorrenti tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa li talbu l-ħelsien tas-Sur Kavala, li wassal għat-tnedija storika tiegħu ta' proċedimenti ta' ksur kontra t-Turkija permezz ta' riżoluzzjonijiet interim f'Diċembru 2021 u Frar 2022 dwar ir-rifjut tal-pajjiż li jirrispetta s-sentenza finali tal-QEDB; jinnota li l-proċedimenti ta' ksur jenfasizzaw il-gravità tal-ksur min-naħa tat-Turkija tal-obbligi tagħha bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa u pajjiż kandidat tal-UE; jistieden lill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura li l-Gvern tat-Turkija jimplimenta s-sentenza tal-QEDB mingħajr aktar dewmien;

9.

Jikkundanna t-trattament degradanti u inuman min-naħa tal-awtoritajiet Torok tas-Sur Kavala, li jikser id-drittijiet tiegħu skont il-KEDB, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-liġi nazzjonali Torka, kif ukoll id-dinjità umana tiegħu skont l-Artikolu 17 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tat-Turkija; jistieden lit-Turkija żżomm lura milli tkompli tieħu aktar miżuri ta' intimidazzjoni kontrih u tiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem tiegħu kif minquxa fil-Kostituzzjoni Torka u fid-dritt Ewropew u dak internazzjonali;

10.

Jiddenunzja d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Imħallfin u l-Prosekuturi tat-Turkija li jniedi investigazzjoni dwar it-tliet imħallfin li b'mod kategoriku u inekwivoku lliberaw lis-Sur Kavala; jinsab ixxukkjat dwar kif, min-naħa l-oħra, l-eks Deputat Prosekutur Pubbliku ta' Istanbul Hasan Yılmaz, responsabbli għat-tieni akkuża kontra Kavala, sussegwentement inħatar Deputat Ministru tal-Ġustizzja u membru ex officio tal-Kunsill tal-Imħallfin u l-Prosekuturi;

11.

Jesprimi tħassib serju dwar inċidenti li jissuġġerixxu interferenza ċara mill-gvern fl-affarijiet ġudizzjarji relatati mal-prosekuzzjoni tas-Sur Kavala; jinsab tassew imħasseb dwar in-nuqqas ta' osservanza mill-ġudikatura Torka u mill-awtoritajiet Torok għas-sentenzi tal-QEDB u n-nuqqas ta' konformità dejjem akbar ta' partijiet mill-ġudikatura mas-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali tat-Turkija; jinsisti li l-awtoritajiet Torok jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jindirizzaw l-istat terribbli attwali tal-ġudikatura u jerġgħu jistabbilixxu l-indipendenza tagħha f'konformità mal-Artikolu 6 tal-KEDB, filwaqt li jiżguraw l-imparzjalità tal-korpi ġudizzjarji kollha tat-Turkija u jipproteġuhom minn indħil politiku;

12.

Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jqajmu l-każ tas-Sur Kavala, u l-każijiet l-oħra kollha tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-avukati, tal-ġurnalisti, tal-politiċi u tal-akkademiċi, fost l-oħrajn, li huma soġġetti għal detenzjoni arbitrarja mal-interlokuturi Torok tagħhom, u jipprovdulhom appoġġ diplomatiku u politiku, inklużi l-osservazzjoni tal-proċessi u l-monitoraġġ tal-kawżi; jitlob li delegazzjoni tal-Parlament Ewropew tattendi l-proċess tas-Sur Kavala u tal-koakkużati tiegħu, jekk dan iseħħ; jinnota l-possibbiltà li jitressaq appell kontra l-aħħar sentenza tal-qorti fil-Qorti tal-Kassazzjoni tat-Turkija u fil-Qorti Kostituzzjonali;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-użu ta' għotjiet ta' emerġenza għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

14.

Jissottolinja li s-Sur Kavala u ċittadini Torok oħra f'sitwazzjonijiet simili jistgħu jingħataw ażil politiku fl-UE jekk ikun meħtieġ;

15.

Jinnota li bid-deċiżjoni li jisfidaw b'mod ċar is-sentenzi vinkolanti tal-QEDB dwar il-każ ta' Osman Kavala u oħrajn, il-Gvern Tork attwali qered deliberatament kwalunkwe tama li jerġa' jiftaħ il-proċess ta' adeżjoni tiegħu mal-UE jew jiftaħ kapitoli ġodda u jagħlaq kapitoli miftuħa fiċ-ċirkostanzi attwali; ifakkar lill-Kunsill Ewropew li kwalunkwe titjib fir-relazzjonijiet uffiċjali bejn l-UE u t-Turkija u kwalunkwe progress fl-aġenda pożittiva offruta fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2021, Marzu 2021 u Diċembru 2021 għandhom ikunu dipendenti fuq titjib reali tad-drittijiet ċivili u d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fit-Turkija;

16.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija, u jitlob li din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bit-Tork.

(1)  ĠU C 15, 12.1.2022, p. 81.

(2)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 247.