6.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 465/65


P9_TA(2022)0140

L-Intelliġenza Artifiċjali f'Era Diġitali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2022 dwar l-intelliġenza artifiċjali f'era diġitali (2020/2266(INI))

(2022/C 465/06)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 4, 16, 26, 114, 169, 173, 179, 180, 181 u 187 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Kumment Ġenerali Nru 25 tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tat-2 ta' Marzu 2021 dwar id-drittijiet tat-tfal fir-rigward tal-ambjent diġitali,

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) dwar l-etika tal-intelliġenza artifiċjali adottata mill-Konferenza Ġenerali tan-NU fil-41 sessjoni tagħha fl-24 ta' Novembru 2021,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (1) u l-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Marzu 2021 dwar strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal (COM(2021)0142),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ottubru 2021 dwar l-istat tal-kapaċitajiet ta' difiża ċibernetika tal-UE (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2021 dwar l-isfidi u prospettivi għas-sistemi multilaterali ta' kontroll tal-armi ta' qerda massiva u ta' diżarm (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data – GDPR) (4),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 (5),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (6),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2021 li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni (COM(2021)0206),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2020 dwar il-governanza Ewropea tad-data (Att dwar il-Governanza tad-Data) (COM(2020)0767),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropea (7),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (8),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali u ta' servizzi diġitali (9),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 tat-13 ta' Lulju 2021 dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1488 (10),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' April 2018 bit-titolu “L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa” (COM(2018)0237),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2018 dwar pjan ikkoordinat dwar l-intelliġenza artifiċjali (COM(2018)0795),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' April 2019 bit-titolu “Nibnu l-Fiduċja fl-Intelliġenza Artifiċjali Ċċentrata Fuq il-Bniedem” (COM(2019)0168),

wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 bit-titolu “L-Intelliġenza Artifiċjali – Approċċ Ewropew għall-eċċellenza u għall-fiduċja” (COM(2020)0065),

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' Jannar 2021 dwar it-tixjiħ – inrawmu solidarjetà u responsabbiltà bejn il-ġenerazzjonijiet (COM(2021)0050),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar Strateġija Ewropea għad-data (COM(2020)0066),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa (COM(2020)0067),

wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-10 ta' Marzu 2020 dwar strateġija industrijali ġdida għall-Ewropa (COM(2020)0102) u tal-5 ta' Mejju 2021 bit-titolu “Aġġornament tal-Istrateġija Industrijali l-Ġdida tal-2020: Nibnu Suq Uniku aktar b'saħħtu għall-irkupru tal-Ewropa” (COM(2021)0350),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 bit-titolu “Pjan ta' Azzjoni dwar l-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 – Tfassil mill-ġdid tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-era diġitali” (COM(2020)0624),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021)0118),

wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Settembru 2021 li tistabbilixxi l-Programm ta' Politika tal-2030 “Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021)0574),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tat-28 ta' Lulju 2020 bit-titolu “Stħarriġ tal-intrapriżi Ewropej dwar l-użu ta' teknoloġiji bbażati fuq l-intelliġenza artifiċjali”,

wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Energy-efficient cloud computing technologies and policies for an eco-friendly cloud market” (Teknoloġiji u politiki tal-cloud computing effiċjenti fl-użu tal-enerġija għal suq tal-cloud li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent)",

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-19 ta' Frar 2020 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-implikazzjonijiet tas-sigurtà u tar-responsabbiltà tal-intelliġenza artifiċjali, tal-internet tal-oġġetti u tar-robotika (COM(2020)0064),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Marzu 2021 dwar l-Istrateġija tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà għad-deċennju diġitali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali tat-8 ta' April 2019 bit-titolu “Ethics guidelines for trustworthy AI” (Linji gwida tal-etika għal IA affidabbli),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali tat-8 ta' April 2019 bit-titolu “A definition of AI: main capabilities and disciplines” (Definizzjoni tal-IA: kapaċitajiet u dixxiplini ewlenin),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar l-Intelliġenza Artifiċjali tas-26 ta' Ġunju 2019 bit-titolu “Policy and investment recommendations for trustworthy AI” (Rakkomandazzjonijiet tal-politika u l-investiment għal IA affidabbli),

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-UNESCO ta' Marzu 2019 bit-titolu “I'd blush if I could: closing gender divides in digital skills through education” (Kieku nista' niħmar: l-eliminazzjoni tad-distakki bejn il-ġeneri fil-ħiliet diġitali permezz tal-edukazzjoni),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali tal-14 ta' Diċembru 2020 bit-titolu “Getting the future right – Artificial intelligence and fundamental rights” (Insawru l-futur b'mod tajjeb – L-intelliġenza artifiċjali u d-drittijiet fundamentali),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tat-22 ta' Mejju 2019 dwar l-intelliġenza artifiċjali,

wara li kkunsidra l-pjattaforma tan-NU għal djalogu dwar l-intelliġenza artifiċjali: Summit Globali dwar l-IA għall-Ġid,

wara li kkunsidra l-Prinċipji dwar l-IA tal-G20 tad-9 ta' Ġunju 2019,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tat-28 ta' Ġunju 2021 dwar l-intelliġenza artifiċjali fis-saħħa u sitt prinċipji ta' gwida għad-disinn u l-użu tagħha,

wara li kkunsidra l-opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017 bit-titolu “L-Intelliġenza Artifiċjali – Il-konsegwenzi tal-intelliġenza artifiċjali fuq is-suq uniku (diġitali), il-produzzjoni, il-konsum, l-impjiegi u s-soċjetà” (11),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti dwar ir-Responsabbiltà u t-Teknoloġiji l-Ġodda – Formazzjoni ta' Teknoloġiji Ġodda tal-21 ta' Novembru 2019 bit-titolu “Liability for Artificial Intelligence and other emerging digital technologies” (Responsabbiltà għall-Intelliġenza Artifiċjali u teknoloġiji diġitali emerġenti oħra),

wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kumitat ad hoc dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (CAHAI) tal-Kunsill tal-Ewropa ta' Diċembru 2020 bit-titolu “Towards Regulation of AI systems – Global perspectives on the development of a legal framework on Artificial Intelligence systems based on the Council of Europe's standards on human rights, democracy and the rule of law” (Lejn ir-Regolamentazzjoni tas-sistemi tal-IA – Perspettivi globali dwar l-iżvilupp ta' qafas legali dwar sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali bbażati fuq l-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Istitut Universitarju Ewropew ta' Ottubru 2020 bit-titolu “Models of Law and Regulation for IA” (Mudelli tal-Liġi u r-Regolamentazzjoni għall-IA),

wara li kkunsidra r-rapport konġunt ta' Trend Micro Research, l-Istitut Interreġjonali ta' Riċerka tan-NU dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja u l-Europol tad-19 ta' Novembru 2020 bit-titolu “Malicious Uses and Abuses of Artificial Intelligence” (Użi Malizzjużi u Abbużi tal-Intelliġenza Artifiċjali),

wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni għall-2019-2024 bit-titolu “A Union that strives for more: my agenda for Europe” (Unjoni li tistinka biex twettaq aktar: l-aġenda tiegħi għall-Ewropa),

wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Lulju 2020 fil-Kawża C-311/18 (Schrems II),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar regoli ta' dritt ċivili dwar ir-robotika (12),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea (13),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar il-Qafas ta' Politika tal-UE dwar is-Sikurezza fit-Toroq 2021-2030 – Rakkomandazzjonijiet dwar il-passi li jmiss lejn “Viżjoni Żero” (14),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2018 dwar sistemi ta' armi awtonomi (15),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2019 dwar politika industrijali Ewropea komprensiva dwar l-intelliġenza artifiċjali u r-robotika (16),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2020 bit-titolu “Proċessi deċiżjonali awtomatizzati: niżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur u l-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi (17)”,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar reġim ta' responsabbiltà ċivili għall-intelliġenza artifiċjali (18),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 dwar drittijiet tal-proprjetà intellettwali għall-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-intelliġenza artifiċjali (19),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2020 b'rakkomandazzjonijiet għall-Kummissjoni dwar qafas tal-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati (20),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali: kwistjonijiet ta' interpretazzjoni u applikazzjoni tad-dritt internazzjonali fil-livell li fih l-UE hija affettwata fl-oqsma tal-użi ċivili u militari u tal-awtorità tal-Istat barra l-ambitu tal-ġustizzja kriminali (21),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2021 bit-titolu “It-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa: it-tneħħija tal-ostakli għall-funzjonament tas-suq uniku diġitali u t-titjib tal-użu tal-IA għall-konsumaturi Ewropej” (22),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar strateġija Ewropea għad-data (23),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2021 dwar l-intelliġenza artifiċjali fl-edukazzjoni, il-kultura u s-settur awdjoviżiv (24),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2021 dwar l-intelliġenza artifiċjali fil-liġi kriminali u l-użu tagħha mill-pulizija u mill-awtoritajiet ġudizzjarji f'materji kriminali (25);

wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni (DĠ IPOL) ta' Ġunju 2021 bit-titolu “Artificial Intelligence diplomacy – Artificial Intelligence governance as a new European Union external policy tool” (Id-diplomazija tal-Intelliġenza Artifiċjali – Il-governanza tal-Intelliġenza Artifiċjali bħala għodda ta' politika esterna ġdida tal-Unjoni Ewropea),

wara li kkunsidra l-istudju tad-DĠ IPOL ta' Mejju 2021 bit-titolu “Challenges and limits of an open source approach to Artificial Intelligence” (L-isfidi u l-limiti ta' approċċ b'sors miftuħ għall-Intelliġenza Artifiċjali),

wara li kkunsidra l-istudju tad-DĠ IPOL ta' Mejju 2021 bit-titolu “Artificial Intelligence market and capital flows – AI and the financial sector at crossroads” (Is-suq u l-flussi ta' kapital tal-Intelliġenza Artifiċjali – l-IA u s-settur finanzarju f'salib it-toroq),

wara li kkunsidra l-istudju tad-DĠ IPOL ta' Ġunju 2021 bit-titolu “Improving working conditions using Artificial Intelligence” (It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali),

wara li kkunsidra l-istudju tad-DĠ IPOL ta' Mejju 2021 bit-titolu “The role of Artificial Intelligence in the European Green Deal” (Ir-rwol tal-Intelliġenza Artifiċjali fil-Patt Ekoloġiku Ewropew),

wara li kkunsidra l-istudju tad-DĠ IPOL ta' Lulju 2021 bit-titolu “Artificial Intelligence in smart cities and urban mobility” (L-Intelliġenza Artifiċjali fil-bliet intelliġenti u l-mobilità urbana),

wara li kkunsidra l-istudju tad-DĠ IPOL ta' Lulju 2021 bit-titolu “Artificial Intelligence and public services” (L-Intelliġenza Artifiċjali u s-servizzi pubbliċi),

wara li kkunsidra l-istudju tad-DĠ IPOL ta' Lulju 2021 bit-titolu “European Union data challenge” (L-isfida tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-data),

wara li kkunsidra l-istudju tad-DĠ IPOL ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Opportunities of Artificial Intelligence” (L-Opportunitajiet tal-Intelliġenza Artifiċjali),

wara li kkunsidra l-istudju tad-DĠ IPOL ta' Ottubru 2021 bit-titolu “Europe's Digital Decade and Autonomy” (Id-Deċennju Diġitali u l-Awtonomija Ewropej),

wara li kkunsidra l-istudju tad-DĠ IPol ta' Jannar 2022 bit-titolu “Identification and assessment of existing and draft EU legislation in the digital field” (L-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti u tal-abbozz tal-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qasam diġitali),

wara li kkunsidra l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka Parlamentari Ewropew (EPRS) ta' Settembru 2020 bit-titolu “Civil liability regime for artificial intelligence – European added value assessment” (Ir-reġim tar-responsabbiltà ċivili għall-intelliġenza artifiċjali – valutazzjoni tal-valur miżjud Ewropew),

wara li kkunsidra l-istudju tal-Unità tal-Prospettiva Xjentifika tal-EPRS ta' Diċembru 2020 bit-titolu “Data subjects, digital surveillance, IA and the future of work” (Is-suġġetti tad-data, is-sorveljanza tad-data, l-IA u l-futur tax-xogħol),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Settembru 2020 bit-titolu “European framework on ethical aspects of artificial intelligence, robotics and related technologies” (Qafas Ewropew dwar l-aspetti etiċi tal-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika u t-teknoloġiji relatati),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Marzu 2020 bit-titolu “The ethics of artificial intelligence: Issues and initiatives” (L-etika tal-intelliġenza artifiċjali: Kwistjonijiet u inizjattivi),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Ġunju 2020 bit-titolu “Artificial Intelligence: How does it work, why does it matter, and what can we do about it?” (L-Intelliġenza Artifiċjali: Kif taħdem, għaliex hija importanti, u x'nistgħu nagħmlu dwarha?),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Lulju 2020 bit-titolu “Artificial Intelligence and Law enforcement – Impact on Fundamental Rights” (L-Intelliġenza Artifiċjali u l-Infurzar tal-Liġi – L-impatt fuq id-Drittijiet Fundamentali),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Ġunju 2020 bit-titolu “The impact of the General Data Protection Regulation (GDPR) on artificial intelligence” (L-impatt tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) fuq l-intelliġenza artifiċjali),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' April 2020 bit-titolu “The White Paper on Artificial Intelligence” (Il-White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Settembru 2021 bit-titolu “Regulating facial recognition in the EU” (Ir-regolazzjoni tar-rikonoxximent tal-wiċċ fl-UE),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Frar 2021 bit-titolu “The future of work: Trends, challenges and potential initiatives” (Il-futur tax-xogħol: Ix-xejriet, l-isfidi u l-inizjattivi potenzjali),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Ġunju 2021 bit-titolu “Robo-advisors: How do they fit in the existing EU regulatory framework, in particular with regard to investor protection” (Il-konsulenti robotiċi: Kif jidħlu fil-qafas regolatorju eżistenti tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tal-investitur?),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Settembru 2021 bit-titolu “China's ambitions in artificial intelligence” (L-ambizzjoni taċ-Ċina fl-intelliġenza artifiċjali),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Ġunju 2021 bit-titolu “What if we chose new metaphors for artificial intelligence?” (X'jiġri jekk nagħżlu metafori ġodda għall-intelliġenza artifiċjali?),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Jannar 2018 bit-titolu “Understanding artificial intelligence” (Nifhmu l-intelliġenza artifiċjali),

wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Lulju 2021 bit-titolu “Tackling deepfakes in European policy” (Nindirizzaw id-deepfakes fil-politika Ewropea),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kumitat Speċjali għall-Intelliġenza Artifiċjali f'Era Diġitali (AIDA) ta' Frar 2021 bit-titolu “Artificial Intelligence and Health” (L-Intelliġenza Artifiċjali u s-Saħħa),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-AIDA ta' Marzu 2021 bit-titolu “Artificial Intelligence and the Green Deal” (L-Intelliġenza Artifiċjali u l-Patt Ekoloġiku),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-AIDA ta' Marzu 2021 bit-titolu “The External Policy Dimensions of IA” (Id-Dimensjonijiet tal-Politika Esterna tal-IA),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-AIDA ta' Mejju 2021 bit-titolu “AI and Competitiveness” (L-IA u l-Kompetittività),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-AIDA ta' Ġunju 2021 bit-titolu “AI and the Future of Democracy” (L-IA u l-Futur tad-Demokrazija),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-AIDA ta' Ġunju 2021 dwar “AI and the Labour Market” (L-IA u s-Suq tax-Xogħol),

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Speċjali għall-Intelliġenza Artifiċjali f'Era Diġitali (A9-0088/2022),

1.    Introduzzjoni

1.

Jinnota li d-dinja tinsab fix-xifer tar-raba' rivoluzzjoni industrijali; jirrimarka li meta mqabbla mat-tliet mewġiet preċedenti, mibdija bl-introduzzjoni tal-istim, l-elettriku, u mbagħad il-kompjuters, ir-raba' mewġa tislet l-enerġija tagħha minn abbundanza ta' data flimkien ma' algoritmi qawwija u kapaċità komputazzjonali; jisħaq li r-rivoluzzjoni diġitali tal-lum hija msawra mill-iskala globali tagħha, il-konverġenza rapida, u l-impatt enormi tal-iskoperti teknoloġiċi rivoluzzjonarji emerġenti fuq l-Istati, l-ekonomiji, is-soċjetajiet, ir-relazzjonijiet internazzjonali u l-ambjent; jirrikonoxxi li bidla radikali ta' din l-iskala tħalli impatti differenti fuq diversi partijiet tas-soċjetà, skont l-objettivi, il-lokazzjoni ġeografika jew il-kuntest soċjoekonomiku tagħhom; jenfasizza li t-tranżizzjoni diġitali trid tissawwar b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u b'tali mod li t-teknoloġiji diġitali jservu lill-umanità;

2.

Josserva li fl-istess ħin, ir-rivoluzzjoni diġitali, skattat kompetizzjoni globali b'riżultat tal-valur ekonomiku tremend u l-kapaċitajiet teknoloġiċi li akkumulaw fl-ekonomiji li jimpenjaw l-aktar riżorsi għar-riċerka, l-iżvilupp u l-kummerċjalizzazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-intelliġenza artifiċjali (IA); jinnota li l-kompetittività diġitali u l-awtonomija strateġika miftuħa saru objettiv ta' politika ċentrali f'diversi pajjiżi; jisħaq li r-realizzazzjoni dejjem akbar fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet li t-teknoloġiji emerġenti jistgħu jaffettwaw l-istat tal-poter ġeopolitiku tal-pajjiżi kollha;

3.

Jirrimarka li l-Ewropa, li għal sekli sħaħ stabbiliet standards internazzjonali, iddominat il-progress teknoloġiku u kienet mexxejja fil-manifattura u fl-implimentazzjoni ta' livell għoli, issa waqgħet lura, u tiżviluppa u tinvesti ħafna inqas mill-ekonomiji ewlenin bħall-Istati Uniti jew iċ-Ċina fis-suq diġitali, filwaqt li tibqa' relattivament kompetittiva fil-produzzjoni tar-riċerka dwar l-IA; jirrikonoxxi r-riskju li l-atturi Ewropej jiġu emarġinati fl-iżvilupp ta' standards u avvanzi globali tat-teknoloġija u tal-valuri Ewropej li qed jiġu kkontestati;

4.

Jenfasizza, l-ewwel nett, li l-għodod diġitali qed isiru dejjem aktar strument ta' manipulazzjoni u abbuż f'idejn xi wħud mill-atturi korporattivi kif ukoll f'idejn il-gvernijiet awtokratiċi għall-finijiet tal-imminar tas-sistemi politiċi demokratiċi, u b'hekk potenzjalment iwasslu għal nuqqas ta' qbil bejn is-sistemi politiċi; jispjega li l-kampanji ta' spjunaġġ diġitali, sabotaġġ, gwerra fuq skala baxxa u ta' diżinformazzjoni huma ta' sfida għas-soċjetajiet demokratiċi;

5.

Jisħaq li n-natura tal-mudelli ta' negozju diġitali tippermetti gradi għolja ta' skalabbiltà u effetti tan-network; jirrimarka li bosta swieq diġitali huma kkaratterizzati minn grad għoli ta' konċentrazzjoni tas-suq, u b'hekk għadd żgħir ta' pjattaformi tat-teknoloġija, li bħalissa huma, fil-biċċa l-kbira tagħhom, ibbażati fl-Istati Uniti, li jmexxu l-kummerċjalizzazzjoni tal-innovazzjonijiet teknoloġiċi rivoluzzjonarji, jattiraw l-aħjar ideat, talent u kumpaniji u jiksbu profittabbiltà straordinarja; iwissi li pożizzjonijiet dominanti fis-suq fl-ekonomija tad-data x'aktarx li jiġu estiżi fl-ekonomija emerġenti tal-IA; jirrimarka li tmienja biss mill-aqwa 200 kumpanija diġitali tal-lum għandhom id-domiċilju tagħhom fl-UE; jisħaq li t-tlestija ta' suq uniku verament diġitali hija tal-akbar importanza f'dak ir-rigward;

6.

Jenfasizza li b'riżultat ta' dan, il-kompetizzjoni globali għat-tmexxija teknoloġika saret prijorità fl-UE; jisħaq li jekk l-UE ma taġixxix malajr u b'kuraġġ, se tispiċċa jkollha ssegwi regoli u standards stabbiliti minn oħrajn u se tirriskja li tesperjenza effetti dannużi fuq l-istabbiltà politika, is-sigurtà soċjali, id-drittijiet fundamentali, il-libertajiet individwali u l-kompetittività ekonomika;

7.

Jargumenta li l-IA hija waħda mit-teknoloġiji emerġenti ewlenin fir-raba' rivoluzzjoni industrijali; jinnota li l-IA tixpruna l-ekonomija diġitali, peress li tippermetti l-introduzzjoni ta' prodotti u servizzi innovattivi, li għandhom is-setgħa li jżidu l-għażla tal-konsumatur u jistgħu jrendu l-proċessi ta' produzzjoni aktar effiċjenti; jiddikjara li sal-2030, l-IA hija mistennija tikkontribwixxi aktar minn EUR 11-il triljun għall-ekonomija globali; jisħaq, fl-istess ħin, li t-teknoloġiji tal-IA jirriskjaw li jnaqqsu l-aġenzija tal-bniedem; jenfasizza li l-IA għandha tkun teknoloġija ċċentrata fuq il-bniedem u affidabbli u la għandha tissostitwixxi l-awtonomija tal-bniedem u lanqas tassumi t-telf tal-libertà individwali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun żgurat li din ir-raba' rivoluzzjoni industrijali tkun inklużiva u ma tħalli lil ħadd jibqa' lura;

8.

Jissuġġerixxi li hemm kompetizzjoni globali għat-tmexxija tal-IA; jirrimarka li t-teknoloġiji tal-IA jwiegħdu li jagħtu valur ekonomiku enormi lil dawk l-ekonomiji li jiżviluppaw, jipproduċu, u jadottaw dawn it-teknoloġiji b'mod li jrendi l-profitti, kif ukoll lil dawk il-pajjiżi li fihom iseħħ dan il-ħolqien ta' valur; jissottolinja li l-IA mhijiex teknoloġija omnipotenti, iżda sett effiċjenti ta' għodod u tekniki li jistgħu jintużaw għall-benefiċċju tas-soċjetà; jispjega li l-mod ta' kif jiffunzjonaw it-teknoloġiji jiddependi minn kif niddisinjawhom; jirrimarka li l-UE ddikjarat l-intenzjoni tagħha li tkun pijuniera f'qafas regolatorju dwar l-IA; jisħaq, madankollu, li huwa kruċjali li l-UE tkun tista' tiddefinixxi l-approċċ regolatorju, inkluż il-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u li taġixxi bħala entità globali li tistabbilixxi l-istandards; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza tal-kompetittività Ewropea fl-IA u l-kapaċità tal-UE li ssawwar ix-xenarju regolatorju fil-livell internazzjonali; jisħaq li ċerti użi tal-IA jistgħu joħolqu riskji individwali u tas-soċjetà li jistgħu jipperikolaw id-drittijiet fundamentali u għalhekk għandhom jiġu indirizzati minn dawk li jfasslu l-politika, u b'hekk l-IA tkun tista' ssir effettivament strument li jservi lin-nies u lis-soċjetà, filwaqt li ssegwi il-ben komuni u l-interess ġenerali;

9.

Jinnota li qafas regolatorju ċar, impenn politiku u mentalità aktar effiċjenti, li ħafna drabi huma neqsin fil-preżent, huma meħtieġa biex l-atturi Ewropej jirnexxu fl-era diġitali u jsiru mexxejja tat-teknoloġija fl-IA; jikkonkludi li abbażi ta' approċċ bħal dan, kemm iċ-ċittadini tal-UE kif ukoll in-negozji jistgħu jibbenefikaw mill-IA u mill-opportunità kbira li toffri biex tingħata spinta lill-kompetittività, inkluż fir-rigward tal-prosperità u l-benesseri; jissottolinja li l-oqfsa regolatorji jridu jitfasslu b'tali mod li ma jiġux imposti ostakli mhux ġustifikati li jipprevjenu lill-atturi Ewropej milli jirnexxu fl-era diġitali, b'mod partikolari għan-negozji ġodda u għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jenfasizza li l-investimenti privati u pubbliċi għandhom jiżdiedu b'mod sostanzjali biex tinħoloq klima li fiha jitfaċċaw u jiżviluppaw aktar stejjer ta' suċċess Ewropej fil-kontinent tagħna;

10.

Jenfasizza li l-progress teknoloġiku rapidu introdott mill-IA huwa dejjem aktar inseparabbli mill-biċċa l-kbira tal-oqsma tal-attività tal-bniedem u se jaffettwa wkoll l-għajxien ta' kull min ma għandux il-ħiliet li jeħtieġ biex jadatta malajr biżżejjed għal dawn it-teknoloġiji l-ġodda; jirrimarka li filwaqt li l-ksib tal-litteriżmu diġitali permezz tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid tista' jgħin biex jiġi indirizzat ħafna mit-tħassib soċjoekonomiku li jirriżulta, dawn l-impatti għandhom jiġu indirizzati wkoll fil-kuntest tas-sistemi tal-benesseri soċjali, tal-infrastruttura urbana u rurali, u tal-proċessi demokratiċi;

11.

Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu riflessi l-objettivi u l-interessi tan-nisa u tal-gruppi vulnerabbli fit-tranżizzjoni diġitali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li n-nisa kienu jammontaw biss għal 22 % tal-professjonisti globali tal-IA fl-2018, problema li sservi biss biex jiġu sostnuti u stabbiliti l-istereotipi u l-preġudizzju; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġu ppreservati d-drittijiet għall-ugwaljanza quddiem il-liġi, il-privatezza, il-libertà tal-espressjoni, u l-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali u politika meta jintużaw it-teknoloġiji tal-IA, speċjalment għall-komunitajiet minoritarji;

2.    Opportunitajiet, riskji u ostakli potenzjali fl-użu tal-IA: sitt studji tal-każ eżaminati mill-Kumitat tal-AIDA

12.

Ifakkar fil-fatt li l-IA hija bbażata fuq software li juża mudelli probabilistiċi u tbassir algoritmiku għal sett ta' objettivi speċifiċi; jirrimarka li t-terminu IA huwa terminu ġeneriku li jkopri firxa wiesgħa ta' teknoloġiji, tekniki u approċċi qodma u ġodda li jinftiehmu aħjar bħala “sistemi ta' intelliġenza artifiċjali”, li tirreferi għal kwalunkwe sistema bbażata fuq il-magni li ħafna drabi jkollha ftit aktar komuni milli tkun iggwidata minn sett partikolari ta' objettivi definiti mill-bniedem, bi gradi differenti ta' awtonomija fl-azzjonijiet tagħha, u involviment fi tbassir, rakkomandazzjonijiet jew teħid ta' deċiżjonijiet ibbażati fuq data disponibbli; jinnota li filwaqt li xi wħud minn dawn it-teknoloġiji diġà qegħdin jintużaw b'mod mifrux, oħrajn għadhom qed jiġu żviluppati jew saħansitra huma biss kunċetti spekulattivi li jistgħu jeżistu jew ma jeżistux fil-futur;

13.

Jirrimarka li hemm differenza sinifikanti bejn l-IA simbolika, l-approċċ ewlieni għall-IA mis-snin 50 sas-snin disgħin, u l-IA b'tagħlim awtomatiku xprunata mid-data, li ilha tiddomina mis-snin 2000; jiċċara li matul l-ewwel mewġa, l-IA ġiet żviluppata billi l-għarfien u l-esperjenza tal-esperti ġew ikkodifikati f'sett ta' regoli li mbagħad ġew eżegwiti minn magna;

14.

Jinnota li fit-tieni mewġa, il-proċessi ta' tagħlim awtomatizzat tal-algoritmi bbażati fuq l-ipproċessar ta' ammonti kbar ta' data, il-kapaċità li jinġabru flimkien l-inputs minn bosta sorsi differenti u li jiffurmaw rappreżentazzjonijiet kumplessi ta' ambjent partikolari, u l-identifikazzjoni tax-xejriet għamlu s-sistemi tal-IA aktar kumplessi, awtonomi u opaki, li jwasslu għal eżiti inqas spjegabbli; jisħaq, għalhekk, li l-IA attwali tista' tinqasam f'bosta sottodominji u tekniki differenti, fejn it-tagħlim profond huwa pereżempju sottoqasam tat-tagħlim awtomatiku, li huwa nnifsu huwa sottoqasam tal-IA;

15.

Jinnota li għalkemm l-IA tal-lum saret ħafna aktar effettiva b'saħħitha mill-IA simbolika, bis-saħħa taż-żidiet sinifikanti fil-kapaċitajiet tal-computing, xorta tista' ssolvi biss il-kompiti ddefiniti b'mod ċar f'oqsma speċifiċi għad-dominju bħal ċess jew rikonoxximent tal-immaġni u l-programmazzjoni tagħha mhijiex iddisinjata biex tagħraf bis-sħiħ l-azzjonijiet li tagħmel is-sistema ta' IA; jenfasizza li s-sistemi tal-IA – għall-kuntrarju ta' x'jissuġġerixxi isimhom – ma għandhomx “intelliġenza” reali; jirrimarka li għalhekk issir referenza għaliha bħala IA “ristretta” jew “dgħajfa” u għadha mhi xejn aktar ħlief għodda li tipprovdi rakkomandazzjonijiet u tbassir; jinnota, pereżempju, li l-karozzi awtonomi joperaw permezz ta' kombinazzjoni ta' diversi sistemi tal-IA ta' kompitu wieħed li flimkien jistgħu jipprovdu mappa tridimensjonali tal-inħawi tal-vettura sabiex is-sistema operattiva tagħha tkun tista' tieħu deċiżjonijiet;

16.

Jenfasizza li ħafna beżgħat marbuta mal-IA huma bbażati fuq kunċetti ipotetiċi bħall-IA ġenerali, is-superintelliġenza artifiċjali u s-singularità li jistgħu, f'termini teoretiċi, iwasslu għal intelliġenza tal-magni li tissupera l-intelliġenza tal-bniedem f'bosta oqsma; jisħaq li hemm dubji dwar jekk din l-IA spekulattiva tistax tinkiseb bit-teknoloġiji u bil-liġijiet xjentifiċi tagħna; jemmen, madankollu, li r-riskji li bħalissa jirriżultaw mit-teħid ta' deċiżjonijiet ibbażat fuq l-IA jeħtieġ li jiġu indirizzati mil-leġiżlaturi peress li huwa tassew ċar li l-effetti dannużi bħad-diskriminazzjoni razzjali u sesswali diġà huma attribwibbli għal każijiet partikolari li fihom l-IA ġiet implimentata mingħajr salvagwardji;

17.

Jissottolinja li l-maġġoranza tas-sistemi tal-IA li qed jintużaw bħalissa huma ta' riskju baxx; jirreferi, pereżempju, għat-traduzzjoni awtomatika, il-“magni Eureka”, il-magni tal-logħob u r-robots li jeżegwixxu proċessi tal-manifattura ripetittivi; jikkonkludi li xi każijiet ta' użu jistgħu jiġu kkategorizzati bħala riskjużi u li każijiet bħal dawn jirrikjedu azzjoni regolatorja u salvagwardji effettivi, jekk dawn ma jkunux diġà stabbiliti;

18.

Jinkoraġġixxi dibattitu pubbliku dwar kif għandu jiġi esplorat il-potenzjal enormi tal-IA ibbażat fuq il-valuri fundamentali Ewropej, il-prinċipji tat-trasparenza, l-ispjegabbiltà, il-ġustizzja, l-għoti ta' rendikont, ir-responsabbiltà u l-affidabbiltà, kif ukoll il-prinċipju li l-IA u r-robotika għandhom ikunu ċċentrati fuq il-bniedem u żviluppati biex jikkomplementaw lill-bnedmin; jisħaq li f'għadd sinifikanti ta' oqsma tal-ħajja tal-bniedem, mis-sostenibbiltà sal-kura tas-saħħa, l-IA tista' tipprovdi benefiċċji bħala għodda awżiljarja għall-utenti u l-professjonisti, filwaqt li tawmenta l-kapaċitajiet tal-bnedmin mingħajr ma timpedixxi l-kapaċità tagħhom li jaġixxu u jiddeċiedu b'mod liberu; jisħaq li l-prinċipji u r-rekwiżiti etiċi tal-IA miftiehma għandhom jiġu operazzjonalizzati fid-dominji kollha tal-applikazzjoni tal-IA, filwaqt li jibnu fis-salvagwardji meħtieġa, li se jżidu l-fiduċja taċ-ċittadini, u b'hekk jagħmluhom jħaddnu l-benefiċċji tal-IA;

19.

Jissottolinja li l-livell ta' riskju ta' applikazzjoni tal-IA partikolari jvarja b'mod sinifikanti skont il-probabbiltà u l-gravità tal-ħsara; jenfasizza, għalhekk, li r-rekwiżiti legali għandhom jiġu aġġustati għal dan, f'konformità ma' approċċ ibbażat fuq ir-riskju u filwaqt li jiġi kkunsidrat, meta jkun iġġustifikat, il-prinċipju ta' prekawzjoni; jisħaq li f'każijiet bħal dawn, attwali jew futuri, fejn f'każ ta' użu partikolari, is-sistemi tal-IA joħolqu riskji kbar għad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem, huma meħtieġa sorveljanza sħiħa mill-bniedem u intervent regolatorju u li, minħabba l-veloċità tal-iżvilupp teknoloġiku, ir-regolamentazzjoni għas-sistemi tal-IA ta' riskju għoli jeħtieġ li tkun flessibbli u tibqa' valida fil-futur;

20.

Juri li dan ir-rapport jindirizza sitt studji tal-każ dwar l-IA fid-dettall, li jiddeskrivu l-opportunitajiet offruti mill-IA fis-settur rispettiv, ir-riskji li għandhom jiġu indirizzati u l-ostakli li bħalissa qed jipprevjenu lill-Ewropa milli tisfrutta bis-sħiħ il-benefiċċji tal-IA; jenfasizza li l-istudji tal-każ jirrappreżentaw uħud mill-aktar każijiet ta' użu importanti bħalissa dwar l-IA u, fl-istess ħin, jirriflettu xi wħud mis-suġġetti ewlenin tas-seduti pubbliċi li saru mill-Kumitat tal-AIDA matul il-mandat tiegħu, jiġifieri s-saħħa, il-Patt Ekoloġiku, il-politika esterna u s-sigurtà, il-kompetittività, il-futur tad-demokrazija u tas-suq tax-xogħol;

a)   L-IA u s-saħħa

21.

Iqis li l-analiżi metodoloġika ta' ammonti kbar ta' data, inkluż permezz tal-IA, tista' tisfrutta soluzzjonijiet ġodda jew ittejjeb it-tekniki eżistenti fis-settur tas-saħħa li jistgħu jħaffu r-riċerka xjentifika b'mod enormi, jiġu salvati l-ħajjiet tal-bniedem u tittejjeb il-kura tal-pazjenti billi jiġu offruti trattamenti innovattivi u dijanjożi aħjar u billi jitrawmu ambjenti ta' appoġġ għal stili ta' ħajja tajbin għas-saħħa; jenfasizza li s-sistemi tal-IA jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-aċċessibbiltà, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa, filwaqt li fl-istess ħin jintroduċu vantaġġ kompetittiv għas-setturi Ewropej tal-ICT u tal-kura tas-saħħa jekk ir-riskji inerenti jiġu ġestiti kif xieraq;

22.

Jenfasizza li l-użu tal-IA fis-settur tas-saħħa għandu jiġi ankrat fuq rekwiżiti etiċi b'saħħithom bħall-aċċess ekwu għall-kura tas-saħħa, il-privatezza, ir-responsabbiltà, it-trasparenza, l-ispjegabbiltà, l-affidabbiltà, l-inklużività u r-rappreżentanza ta' settijiet ta' data u s-sorveljanza kostanti mill-bniedem; jisħaq li d-disinn ta' sistemi bbażati fuq l-IA jrid jindirizza r-riskju li r-riżorsi jiġu allokati b'mod żbaljat lil individwi abbażi ta' kategorizzazzjoni difettuża jew preġudikata, prijoritizzazzjoni jew teknoloġija li ma taħdimx tajjeb, li jwasslu għal dijanjożi ħażina, trattament ħażin jew l-ebda trattament; jemmen li għandhom japplikaw l-ogħla standards etiċi għall-applikazzjonijiet kollha tal-kura tas-saħħa u li għandhom jiġu stabbiliti regoli etiċi fi stadju bikri ħafna fl-iżvilupp u d-disinn tagħhom jiġifieri etika ppjanata; jissottolinja li t-teħid awtomatizzat ta' deċiżjonijiet fl-applikazzjonijiet għall-kura tas-saħħa jista' joħloq riskji għall-benesseri tal-pazjenti u għad-drittijiet fundamentali u jisħaq li l-IA għalhekk irid ikollha rwol ta' appoġġ fil-kura tas-saħħa, fejn dejjem għandha tinżamm is-sorveljanza professjonali mill-bniedem; jitlob li l-IA fid-dijanjożijiet mediċi fis-sistemi tas-saħħa pubblika tippreserva r-relazzjoni bejn il-pazjent u t-tabib u tkun konsistenti mal-Ġurament ippokratiku f'kull ħin; jinnota, madankollu, li l-IA ttejjeb il-preċiżjoni tal-iskrinjar u li f'diversi każijiet diġà qed tagħmel dijanjożijiet aħjar minn dawk tat-tobba; huwa tal-fehma li l-oqfsa ta' responsabbiltà eżistenti ma jipprovdux biżżejjed ċertezza tad-dritt u ma jirrispettawx id-dritt tal-pazjenti għal rimedju legali fil-każ ta' dijanjożi ħażina u trattament mhux korrett permezz tal-IA; jilqa' f'dan ir-rigward, il-proposta leġiżlattiva li jmiss dwar ir-responsabbiltà tal-IA; jinnota li huwa importanti li l-professjonisti tal-kura tas-saħħa jiġu protetti bħala utenti tas-sistemi tal-IA, kif ukoll il-pazjenti bħala riċevituri finali, filwaqt li jiġu pprovduti b'informazzjoni suffiċjenti u trasparenti;

23.

Jissottolinja li s-soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA diġà qed jintużaw jew jiġu ttestjati f'ambjenti kliniċi bl-għan li jappoġġjaw id-dijanjożi, il-pronjożi, it-trattament u l-involviment tal-pazjenti, u b'hekk jitħaffef u jittejjeb it-trattament u jitnaqqsu interventi bla bżonn; jinnota, barra minn hekk, li l-IA tista' ttejjeb il-mediċina personalizzata u l-kura tal-pazjent; jinnota li bħalissa l-IA qed tkopri firxa wiesgħa ta' oqsma tas-saħħa, inkluża s-saħħa pubblika, is-servizzi tal-kura, il-kura personali u s-servizzi tas-saħħa; jikkummenta li d-data għandha rwol importanti; huwa tal-fehma li hemm applikazzjonijiet promettenti għall-IA fl-estrazzjoni ta' informazzjoni minn immaġnijiet u f'apparat mediku ieħor biex tiġi infurmata l-analiżi downstream u jinnota li huwa mistenni wkoll li l-algoritmi ta' apprendiment profond jistgħu jrendu qabża kwantitattiva fil-varjetà ta' kompiti kliniċi;

24.

Jenfasizza li t-teknoloġiji tal-IA jistgħu jiġu applikati għar-riċerka, l-iżvilupp u l-produzzjoni bil-massa ta' prodotti farmaċewtiċi u għandhom il-potenzjal li jħaffu l-iżvilupp ta' mediċini, trattamenti u vaċċini ġodda bi spiża aktar baxxa; huwa tal-fehma li l-IA tista' tgħin biex jiġi previst l-eżitu tar-reazzjonijiet għat-trattamenti u tista' tippermetti lit-tobba jaġġustaw l-istrateġiji terapewtiċi skont il-karatteristiċi ġenetiċi jew fiżjoloġiċi individwali b'livelli dejjem akbar ta' preċiżjoni meta jkunu bbażati fuq data ta' kwalità għolja u suppożizzjonijiet sodi, u b'hekk tiżdied l-effettività tal-kura preventiva, dment li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti etiċi kollha fir-rigward tas-sorveljanza professjonali fuq il-validazzjoni klinika tal-IA, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data u l-kunsens infurmat; jinnota li l-big data fis-saħħa tista' tiġi analizzata bl-għajnuna tal-IA biex jitħaffef l-ipproċessar tagħha; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat li l-computing ta' prestazzjoni għolja jkun interoperabbli mal-IA, peress li setturi ekonomiċi ewlenin inklużi l-manifattura, is-saħħa u l-farmaċewtika jiddependu minn computing ta' prestazzjoni għolja;

25.

Jissottolinja li s-soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA għandhom il-potenzjal li jfasslu t-trattamenti u l-iżvilupp tal-mediċini skont il-ħtiġijiet speċifiċi tal-pazjenti u jtejbu l-involviment mal-partijiet ikkonċernati u mal-parteċipanti fis-sistema tal-kura tas-saħħa; huwa tal-fehma li l-IA u l-aċċess għal settijiet ta' data anonimizzati u rappreżentattivi rilevanti, aġġornati u ta' kwalità għolja, f'konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali, jappoġġjaw lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa biex jgħinuhom jipprovdu kura aħjar għall-pazjenti tagħhom u feedback, gwida u appoġġ aktar personalizzati, jippromwovu s-sikurezza tal-pazjent u jagħmlu t-terapija aktar effettiva; jenfasizza li dan jista' jkun partikolarment utli fl-għażla u r-rieżami tal-ammont dejjem akbar ta' għarfien xjentifiku għall-finijiet tal-estrazzjoni tal-informazzjoni rilevanti għall-professjonisti tas-saħħa; jenfasizza li ċ-ċittadini mill-Istati Membri kollha għandhom ikunu jistgħu jikkondividu d-data dwar is-saħħa tagħhom mal-fornituri tal-kura tas-saħħa u l-awtoritajiet tal-għażla tagħhom; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jinħolqu inċentivi għat-titjib tal-ħiliet, it-taħriġ mill-ġdid u fit-taħriġ għal impjieg ieħor għall-ħaddiema b'karrieri fis-settur tas-saħħa;

26.

Isib li l-ġlieda kontra l-COVID-19 aċċellerat kemm ir-riċerka dwar teknoloġiji ġodda kif ukoll l-użu tagħhom, b'mod partikolari l-applikazzjonijiet tal-IA, fit-tfittxija għal titjib fid-detezzjoni tal-każijiet, fir-riċerka dwar il-kura klinika u l-prodotti terapewtiċi u enfasizzat l-utilità tal-IA kif ukoll l-importanza tal-finanzjament u d-data ta' kwalità għolja għall-finijiet tal-monitoraġġ u l-immudellar effiċjenti tal-firxa ta' tifqigħat ta' mard infettiv, f'konformità mal-liġi dwar il-protezzjoni tad-data; jinnota, madankollu, li l-esperjenzi bl-applikazzjonijiet tal-IA matul il-COVID-19 żvelaw xi wħud mil-limitazzjonijiet fl-użu tal-IA fid-dijanjostika medika (26);

27.

Jenfasizza l-potenzjal tas-sistemi tal-IA biex itaffu l-piż fuq is-sistemi tas-saħħa u l-professjonisti tas-saħħa b'mod partikolari u jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet biex jipprovdu kura lill-popolazzjonijiet li qed jixjieħu malajr fl-Ewropa u fid-dinja u jipproteġuhom minn mard perikoluż;

28.

Jenfasizza li l-użu ta' applikazzjonijiet tal-IA sikuri u effiċjenti għall-kompiti amministrattivi li ma jirrikjedux azzjoni mill-bniedem jistgħu jiffrankaw ħafna ħin għall-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li minflok jista' jiġi ddedikat għal żjarat tal-pazjent;

29.

Jisħaq li l-applikazzjonijiet tas-saħħa tal-konsumatur ibbażati fuq l-IA jistgħu jgħinu biex jiġi traċċat l-istatus tas-saħħa ta' individwu permezz ta' apparati ta' kuljum bħall-ismartphones, li jippermettu lill-utenti jipprovdu data volontarjament li tista' tkun il-bażi għal twissijiet u allerti bikrija dwar mard ta' periklu għall-ħajja bħal attakki ta' puplesija jew attakki tal-qalb; jisħaq li l-applikazzjonijiet tas-saħħa bbażati fuq l-IA jistgħu jinkoraġġixxu wkoll imġiba tajba għas-saħħa u jagħtu s-setgħa lil awtokura responsabbli għall-individwi billi jgħammru lill-pazjenti bil-mezzi addizzjonali biex jimmonitorjaw saħħithom u l-istil ta' ħajja tagħhom u billi jtejbu l-preċiżjoni tal-iskrinjar mill-professjonisti tal-kura tas-saħħa; jirrimarka, madankollu, is-sensittività partikolari tad-data personali dwar is-saħħa u r-riskju ta' ksur tad-data jew użu ħażin f'dan ir-rigward, u jissottolinja l-ħtieġa li jiġu applikati standards b'saħħithom taċ-ċibersigurtà għal kwalunkwe applikazzjoni tas-saħħa;

30.

Jisħaq li l-IA fis-settur tas-saħħa hija partikolarment dipendenti minn ammonti kbar ta' data personali, il-kondiviżjoni tad-data, data ta' kwalità għolja, l-aċċessibbiltà tad-data u l-interoperabbiltà tad-data biex jitwettaq il-potenzjal sħiħ tal-IA u tas-saħħa; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ffaċilitata r-rabta tar-rekords tas-saħħa elettroniċi ma' sistemi ta' preskrizzjoni elettronika sabiex jippermettu lill-professjonisti tas-saħħa involuti fil-kura tal-pazjent jaċċessaw l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pazjent, soġġett għall-kunsens tiegħu;

31.

Jilqa' l-ħolqien ta' spazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa sabiex tinbena data ta' kwalità għolja ħafna għall-użu fis-settur tas-saħħa; iqis li l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà tal-infrastruttura ta' computing ta' prestazzjoni għolja mal-ispazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa jiżguraw id-disponibbiltà ta' settijiet ta' data dwar is-saħħa kbar u ta' kwalità għolja, li huma importanti għar-riċerka u t-trattament tal-patoloġiji, speċjalment il-mard rari u l-kondizzjonijiet pedjatriċi;

32.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tinbena l-fiduċja billi tiġi promossa l-interoperabbiltà u aktar kollaborazzjoni bejn professjonisti differenti tal-kura tas-saħħa li jaqdu lill-istess pazjenti; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi offrut taħriġ lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa dwar it-tekniki u l-approċċi tal-IA; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi miġġieled in-nuqqas ta' fiduċja, bħal pereżempju billi jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-anonimizzazzjoni u l-psewdonimizzazzjoni tad-data, u biex iċ-ċittadini, il-professjonisti tas-saħħa u dawk li jieħdu deċiżjonijiet jiġu infurmati aħjar dwar l-użi, il-benefiċċji u r-riskji tal-IA fil-qasam tas-saħħa, kif ukoll l-iżviluppaturi tal-IA jiġu infurmati dwar l-isfidi u r-riskji tal-ipproċessar ta' data sensittiva f'dan id-dominju;

33.

Jemmen, barra minn hekk, li huma meħtieġa standards etiċi u legali vinkolanti u robusti u drittijiet infurzabbli ta' rimedju biex tiġi promossa ekosistema ta' fiduċja fost iċ-ċittadini u tiġi protetta b'mod adegwat id-data dwar is-saħħa minn użu ħażin potenzjali u aċċess illegali; jaqbel mal-Kummissjoni li ċ-ċittadini għandu jkollhom aċċess sigur għal rekord elettroniku komprensiv tad-data dwar saħħithom, u li għandhom iżommu kontroll fuq id-data personali li tikkonċerna saħħithom u jkunu jistgħu jikkondividuha b'mod sigur, bi protezzjoni effettiva għad-data personali u ċibersigurtà b'saħħitha, ma' partijiet terzi awtorizzati; jenfasizza li l-aċċess u t-tixrid mhux awtorizzati għandhom ikunu pprojbiti u li l-protezzjoni tad-data personali tal-pazjenti trid tiġi ggarantita f'konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data;

34.

Jissottolinja, f'dan ir-rigward, ir-riskju ta' deċiżjonijiet preġudikati li jwasslu għal diskriminazzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jisħaq fuq il-ħtieġa, għalhekk, ta' kontrolli imparzjali dwar l-algoritmi u s-settijiet ta' data użati, u tal-promozzjoni ta' aktar riċerka dwar il-metodi u l-preġudizzju inkorporati f'sistemi tal-IA mħarrġa sabiex jiġu evitati konklużjonijiet mhux etiċi u diskriminatorji fil-qasam tad-data dwar is-saħħa tal-bniedem;

35.

Jisħaq li hija meħtieġa applikazzjoni effiċjenti u uniformi tal-GDPR fl-UE kollha sabiex jingħelbu sfidi bħall-inċertezza tad-dritt u n-nuqqas ta' kooperazzjoni fis-settur tas-saħħa; jisħaq li f'xi każijiet dawn l-isfidi jwasslu għal dewmien fl-iskoperti xjentifiċi u għal piż burokratiku fir-riċerka dwar is-saħħa; jisħaq li l-ħolqien ta' spazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa li jiggarantixxi d-drittijiet tal-pazjenti u l-portabbiltà tad-data jista' jżid il-kooperazzjoni u jistimula l-kondiviżjoni tad-data għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-settur tas-saħħa Ewropew;

36.

Jinnota li l-IA tista' tikkontribwixxi għall-progress rapidu ta' teknoloġiji ġodda, bħall-immaġni tal-moħħ, li diġà għandhom applikazzjonijiet importanti fil-mediċina iżda li jinvolvu wkoll riskji sostanzjali għall-aġenzija tal-bniedem u l-espressjoni tad-drittijiet fundamentali mingħajr il-ħtieġa ta' kunsens; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' leġiżlazzjoni dwar id-data newroloġika u jemmen li l-UE għandha tħabrek biex tikseb pożizzjoni dominanti fid-dinja fl-iżvilupp ta' teknoloġiji newroloġiċi sikuri;

b)   L-IA u l-Patt Ekoloġiku

37.

Jenfasizza li ż-żewġ prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni għas-snin li ġejjin huma Ewropa lesta għall-era diġitali u l-Patt Ekoloġiku; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li t-tranżizzjoni diġitali tikkontribwixxi għall-ksib tal-iżvilupp sostenibbli u tippromwovi t-tranżizzjoni ekoloġika; huwa tal-fehma li dan jirrikjedi aċċellerazzjoni tal-innovazzjoni b'mod kompatibbli mal-miri klimatiċi u l-istandards ambjentali tal-UE; jenfasizza li l-applikazzjonijiet tal-IA jistgħu jwasslu benefiċċji ambjentali u ekonomiċi u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' tbassir li jistgħu jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-mira tal-UE li ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050; huwa tal-fehma li l-użu tal-IA għandu l-potenzjal li jnaqqas l-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra b'sa 4 % sal-2030 (27); huwa tal-fehma li skont xi stimi, it-teknoloġiji tal-ICT jistgħu jnaqqsu 10 darbiet aktar l-emissjonijiet ta' gassijiet serra mill-impronta tagħhom stess (28), iżda jirrikonoxxi li dan jirrikjedi għażliet konxji tad-disinn u azzjoni regolatorja; iwissi, fl-istess ħin, li ż-żieda fil-konsum tal-enerġija fil-ħżin tas-settijiet kbar ta' data meħtieġa għat-taħriġ tas-sistemi tal-IA jista' jkollha wkoll effett negattiv; ifakkar fil-fatt li t-traffiku tad-data u l-infrastruttura tal-ICT jikkunsmaw madwar 7 % tal-elettriku tad-dinja llum, ċifra li, mingħajr is-salvagwardji xierqa, hija mbassra li tiżdied għal 13 % sal-2030; iżid li l-użu intensiv tal-materja prima biex jinbnew il-mikroproċessuri u l-apparati ta' teknoloġija avvanzata li jużaw l-IA jista' jikkontribwixxi wkoll għal dan l-impatt negattiv; jissottolinja li sabiex tiġi ggarantita l-“handprint kbira iżda l-impronta żgħira” tal-IA fuq l-ambjent u l-klima, dawn l-impatti ambjentali negattivi diretti u indiretti jeħtieġ li jiġu kkunsidrati u s-sistemi tal-IA jeħtieġ li jiġu ddisinjati biex jippromwovu l-konsum sostenibbli, jillimitaw l-użu tar-riżorsi u l-konsum tal-enerġija, jevitaw operazzjonijiet ta' pproċessar mhux meħtieġa u jipprevjenu ħsara lill-ambjent; jenfasizza li l-indirizzar tal-impatt ambjentali tas-settur tal-ICT jirrikjedi informazzjoni u data rilevanti;

38.

Huwa mħasseb li sitt Stati Membri biss inkludew enfasi qawwija fuq l-applikazzjonijiet tal-IA fl-isforzi tagħhom biex jilħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku; huwa tal-fehma li l-IA tista' tintuża biex tinġabar u tiġi organizzata informazzjoni rilevanti għall-ippjanar ambjentali, għat-teħid ta' deċiżjonijiet u għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-progress tal-politiki ambjentali, pereżempju għal arja aktar nadifa, fejn l-applikazzjonijiet tal-IA jistgħu jimmonitorjaw it-tniġġis u jwissu dwar il-perikli; jenfasizza li dawn is-soluzzjonijiet tal-IA u diġitali jistgħu jintużaw f'diversi setturi biex jiżdiedu s-soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

39.

Jenfasizza l-importanza tas-sistemi bbażati fuq l-IA fl-iżvilupp ta' bliet u villaġġi intelliġenti biex jiġi ottimizzat l-użu tar-riżorsi u tiżdied ir-reżiljenza tal-infrastruttura, inkluż permezz ta' tbassir u tnaqqis tat-traffiku, ġestjoni tal-enerġija intelliġenti, assistenza f'emerġenza u l-iskart, kif diġà huwa l-każ f'diversi bliet u muniċipalitajiet madwar l-UE; jisħaq li s-soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA jistgħu jkomplu jgħinu fil-proċessi ta' ppjanar urban, tal-arkitettura, tal-kostruzzjoni u tal-inġinerija biex inaqqsu l-emissjonijiet, iż-żmien tal-kostruzzjoni, l-ispejjeż u l-iskart;

40.

Jisħaq li t-tranżizzjoni tal-enerġija mhux se sseħħ mingħajr id-diġitalizzazzjoni; jenfasizza li l-IA tista' timmonitorja, tottimizza u tnaqqas il-konsum u l-produzzjoni tal-enerġija, kif ukoll tappoġġja l-integrazzjoni tal-enerġiji rinnovabbli fil-grilji tal-elettriku eżistenti; jissottolinja li l-miters intelliġenti, it-tidwil effiċjenti, il-cloud computing u s-software distribwit flimkien ma' komponent tal-IA għandhom il-potenzjal li jittrasformaw ix-xejriet tal-użu tal-enerġija u jippromwovu użu responsabbli;

41.

Jenfasizza li l-kumplessità dejjem akbar ta' sistema ta' tranżizzjoni tal-enerġija, b'żieda fil-ġenerazzjoni volatili rinnovabbli u bidliet fil-ġestjoni tat-tagħbija, tagħmel iż-żieda fil-kontroll awtomatizzat meħtieġa għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija; jisħaq li l-IA għandha l-potenzjal li tkun ta' benefiċċju għas-sigurtà tal-provvista, speċjalment fl-operat, il-monitoraġġ, il-manutenzjoni u l-kontroll tan-networks tal-ilma, tal-gass u tal-elettriku; jinnota, madankollu, li t-teknoloġiji tal-grilja mtejba bl-IA se jintroduċu miljuni ta' komponenti intelliġenti b'vulnerabbiltajiet komuni, filwaqt li jżidu għadd kbir ta' punti ta' attakk potenzjali man-networks tal-enerġija u jżidu l-vulnerabbiltajiet tal-infrastruttura kritika, jekk ma jiġux stabbiliti dispożizzjonijiet xierqa taċ-ċibersigurtà; huwa tal-fehma li l-grilji intelliġenti jirrikjedu aktar investiment u riċerka;

42.

Isib li l-IA u applikazzjonijiet diġitali oħra għall-mobbiltà u t-trasport għandhom il-potenzjal li jottimizzaw il-flussi tat-traffiku u jtejbu s-sikurezza fit-toroq, inkluż billi jżidu l-effiċjenza tas-sistemi tat-trasport; jirrimarka li l-IA tista' tinforma l-ġestjoni tad-disinn u l-enerġija ta' vetturi effiċjenti fl-użu tal-enerġija; jenfasizza li l-għażliet għal servizzi ta' rkib, ride pooling u car sharing ibbażati fuq applikazzjoni żdiedu b'mod konsiderevoli u l-IA ħafna drabi tintuża f'dawn is-servizzi ta' mobbiltà permezz ta' ppjanar effiċjenti tar-rotta u għażla tal-punt minn fejn jirkeb il-klijent;

43.

Jemmen li l-IA jista' jkollha rwol ta' trasformazzjoni fis-settur agrikolu, billi tappoġġja l-ħolqien ta' metodi ġodda ta' ħsad, inklużi t-tbassir tal-ħsad u l-ġestjoni tar-riżorsi agrikoli; jisħaq li l-agrikoltura hija settur ewlieni li fih l-IA tista' tgħin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-użu tal-pestiċidi, tal-fertilizzanti, tas-sustanzi kimiċi u tal-ilma billi tiffoka l-użu tagħhom fuq l-ammont preċiż u f'erja idjaq; jisħaq ukoll li l-IA tista' tikkontribwixxi għar-restawr tal-bijodiversità billi timmonitorja speċijiet fil-periklu jew issegwi l-attivitajiet ta' deforestazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati linji gwida għall-użu u metodoloġiji ta' valutazzjoni standardizzati biex tiġi appoġġjata l-“IA ekoloġika” f'oqsma bħall-grilji intelliġenti, il-biedja ta' preċiżjoni, u bliet intelliġenti u sostenibbli kif ukoll il-komunitajiet; huwa tal-fehma li l-IA fil-forma ta' biedja ta' preċiżjoni għandha l-potenzjal li tottimizza l-produzzjoni tal-ikel fl-azjenda kif ukoll ġestjoni usa' tal-art billi ttejjeb l-ippjanar tal-użu tal-art, tipprevedi bidla fl-użu tal-art u timmonitorja s-saħħa tal-għelejjel, kif ukoll il-potenzjal li tittrasforma t-tbassir ta' avvenimenti tat-temp estremi;

44.

Jisħaq li l-IA tista' tikkontribwixxi għall-ekonomija ċirkolari billi tagħmel il-proċessi u l-imġiba tal-produzzjoni, tal-konsum u tar-riċiklaġġ aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u żżid it-trasparenza tal-użu tal-materjali, pereżempju fir-rigward tal-akkwist etiku ta' materja prima u tnaqqis fl-iskart; jenfasizza li l-IA għandha l-potenzjal li żżid l-għarfien tan-negozji dwar l-emissjonijiet tagħhom, inklużi fil-ktajjen tal-valur, u b'hekk tgħinhom biex jiġu aġġustati u jintlaħqu l-miri individwali tal-emissjonijiet; jissottolinja li l-għodod diġitali jistgħu jgħinu lin-negozji jimplimentaw il-passi meħtieġa lejn imġiba aktar sostenibbli, speċjalment l-SMEs li altrimenti ma jkollhomx ir-riżorsi biex jagħmlu dan;

45.

Jenfasizza li bħalissa mhuwiex possibbli li l-IA tintuża biex tkejjel bis-sħiħ l-impatti ambjentali; huwa tal-fehma li hemm bżonn ta' aktar studji dwar ir-rwol tal-IA fit-tnaqqis tal-impatti ambjentali; jisħaq li hija meħtieġa aktar data ambjentali sabiex jinkiseb aktar għarfien u jiġi xprunat aktar il-progress permezz ta' soluzzjonijiet tal-IA; jissottolinja li l-użu tal-IA biex id-data dwar l-emissjonijiet tas-CO2 tiġi konnessa sistematikament mad-data dwar ix-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum, il-ktajjen tal-provvista u r-rotot tal-loġistika jista' jiżgura li jiġu identifikati l-attivitajiet li għandhom impatt pożittiv jew negattiv;

c)   Il-politika esterna u d-dimensjoni tas-sigurtà tal-IA

46.

Itenni li l-UE qed tinsisti għal ftehim globali dwar standards komuni għall-użu responsabbli tal-IA, li huwa ta' importanza kbira; jemmen, madankollu, bħala kwistjoni ta' prinċipju, fil-potenzjal tad-demokraziji tal-istess fehma li jaħdmu flimkien biex isawru b'mod konġunt id-dibattitu internazzjonali dwar qafas tal-IA li jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, li jaħdmu flimkien lejn ċerti normi u prinċipji, standards tekniċi u etiċi, u linji gwida għal imġiba tal-Istat responsabbli, speċjalment taħt l-umbrella ta' organizzazzjonijiet intergovernattivi bħan-NU u l-OECD, u b'hekk jippromwovu l-multilateraliżmu, l-iżvilupp sostenibbli, l-interoperabbiltà u l-kondiviżjoni tad-data fix-xena internazzjonali; jappoġġja l-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma Miftuħ tan-NU dwar l-ICT u s-sigurtà internazzjonali; jissottolinja li l-miżuri ta' bini tal-fiduċja huma essenzjali biex jiżdied il-livell ta' djalogu u fiduċja; jappella, għalhekk, għal aktar trasparenza fl-użu tal-IA sabiex jiġi żgurat obbligu ta' rendikont aħjar;

47.

Jilqa' l-inizjattivi multilaterali reċenti biex jiġu żviluppati linji gwida u standards għal użu etikament responsabbli tal-IA bħall-prinċipji tal-OECD dwar l-IA, is-Sħubija Globali dwar l-IA, ir-rakkomandazzjoni tal-UNESCO dwar l-etika tal-IA, is-Summit Globali dwar l-IA għall-Ġid, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa għal qafas legali possibbli dwar l-IA, u l-gwida ta' politika tal-UNICEF dwar l-IA għat-tfal; jilqa' l-ħidma li għaddejja fil-livell internazzjonali dwar l-istandards tal-IA u l-progress li sar bl-istandards tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni dwar l-implikazzjonijiet ta' governanza tal-IA;

48.

Jilqa', barra minn hekk, l-istabbiliment u l-operazzjonalizzazzjoni tal-Kunsill tal-Kummerċ u t-Teknoloġija (TTC) bejn l-UE u l-Istati Uniti; jilqa' l-eżitu tal-ewwel laqgħa tat-TTC f'Pittsburgh; iqis it-TTC bħala forum potenzjali għall-koordinazzjoni globali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti għall-istabbiliment ta' regoli globali għall-IA u standards teknoloġiċi globali li jissalvagwardjaw il-valuri komuni tagħna, għat-tisħiħ tal-investiment, ir-riċerka u l-iżvilupp konġunti, u għal koordinazzjoni politika aktar mill-qrib fl-istituzzjonijiet internazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mat-teknoloġija u l-IA;

49.

Jenfasizza r-rwol ewlieni li l-UE jista' jkollha fl-istabbiliment ta' standards globali, bħala l-ewwel blokk fid-dinja li tintroduċi leġiżlazzjoni dwar l-IA; jisħaq li l-qafas legali tal-Unjoni dwar l-IA jista' jagħmel lill-Ewropa tikseb pożizzjoni dominanti fid-dinja fis-settur u għalhekk għandu jiġi promoss madwar id-dinja billi jkun hemm kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali kollha filwaqt li jkompli d-djalogu kritiku u bbażat fuq l-etika ma' pajjiżi terzi li għandhom mudelli u standards alternattivi ta' governanza dwar l-IA;

50.

Josserva li l-Gvern Ċiniż iffirma standards u ftehimiet ta' kooperazzjoni ma' 52 pajjiż permezz tal-Inizjattiva tiegħu “Belt and Road”; iwissi li peress li bosta minn dawn l-istandards, inkluż dwar it-teknoloġiji tal-IA u b'mod partikolari fir-rigward tas-sorveljanza tal-gvern u l-libertajiet individwali, mhumiex konformi mad-drittijiet tal-bniedem u l-valuri tal-UE, l-attiviżmu tal-istandards taċ-Ċina joħloq sfida għall-UE;

51.

Jisħaq li t-teknoloġiji tal-IA, speċjalment dawk li ma ġewx iddisinjati u żviluppati bil-proċeduri espliċiti ta' kontroll stabbiliti u li jintużaw b'mod mhux xieraq u mingħajr sorveljanza f'ċentri ta' kmand militari jew f'faċilitajiet ta' varar bil-missili, jinvolvu riskji partikolarment sinifikanti u jistgħu jeskalaw il-kunflitt reċiproku awtomatizzat;

52.

Jinnota li l-użu tas-sistemi tal-IA fl-iżviluppi relatati mad-difiża jitqies bħala bidla fundamentali fl-operazzjonijiet militari permezz tal-analiżi tad-data, il-kapaċità li tiġi riflessa kumplessità tas-sitwazzjoni akbar, il-potenzjal li tittejjeb il-preċiżjoni fil-mira, li jiġu ottimizzati l-loġistika u jkun hemm involviment f'kunflitti armati b'riskju iżgħar ta' ħsara fiżika lill-popolazzjonijiet ċivili u lill-persunal militari proprju ta' dak li jkun, kif ukoll li tintuża data għall-iżvilupp ta' modi ta' azzjoni bħall-involviment f'kampanja jew kors ta' azzjoni bl-użu ta' strateġiji ta' eżerċizzju militari; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, li dan jista' jwassal għal limitu aktar baxx għall-użu tal-forza, u għalhekk għal aktar kunflitti; jafferma li l-magni ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet bħal dawk li jieħdu l-bnedmin, li jinvolvu l-prinċipji legali ta' distinzjoni, proporzjonalità u prekawzjoni; jafferma li l-bnedmin għandu jibqa' jkollhom il-kontroll tad-deċiżjoni li jutilizzaw u jużaw armi u jibqgħu responsabbli għall-użu tal-forza letali u għal deċiżjonijiet dwar ħajja u mewt; huwa tal-fehma li s-sistemi tal-armi bbażati fuq l-IA għandhom ikunu soġġetti għal standards globali u kodiċi ta' kondotta etika internazzjonali biex isostnu l-użu tat-teknoloġiji tal-IA f'operazzjonijiet militari, b'rispett sħiħ tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt dwar id-drittijiet tal-bniedem u f'konformità mad-dritt u l-valuri tal-Unjoni;

53.

Huwa mħasseb dwar ir-riċerka militari u l-iżviluppi teknoloġiċi li qed jiġu segwiti f'xi pajjiżi fir-rigward ta' sistemi ta' armi awtonomi letali mingħajr kontroll mill-bniedem sinifikattiv; josserva li s-sistemi ta' armi awtonomi letali diġà jintużaw f'kunflitti militari; ifakkar fil-fatt li l-Parlament appella diversi drabi għal projbizzjoni internazzjonali fuq l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' sistemi ta' armi awtonomi letali u li jinbdew negozjati effettivi dwar il-projbizzjoni tagħhom; jisħaq li s-sistemi abilitati bl-IA taħt l-ebda ċirkostanza ma jistgħu jitħallew jissostitwixxu t-teħid ta' deċiżjonijiet mill-bniedem li jinvolvi l-prinċipji legali ta' distinzjoni, proporzjonalità u prekawzjoni;

54.

Jinnota, b'mod partikolari, li t-teknoloġija tal-IA tista' tinvolvi riskji potenzjali bħala mezz ta' kif jitwettqu diversi forom ta' gwerra ibrida u ndħil barrani; jispeċifika li din tista' pereżempju tiġi mmobilizzata biex tiskatta diżinformazzjoni, billi jintużaw bots jew kontijiet foloz tal-media soċjali, biex l-interdipendenza tiġi adattata għall-użu fi gwerra, billi tinġabar informazzjoni siewja jew billi jiġi miċħud l-aċċess għan-network lill-opponenti, biex jinħolqu disturbi fis-sistemi ekonomiċi u finanzjarji ta' pajjiżi oħra, biex jitħammeġ id-dibattitu politiku u jiġu ffavoriti gruppi estremi jew jiġu mmanipulati l-elezzjonijiet għad-destabilizzazzjoni tad-demokraziji;

55.

Jenfasizza li t-teknoloġiji tal-IA jistgħu jinkludu wkoll malware li jaħdem bl-IA, serq tal-identità, avvelenament tad-data jew forom oħra ta' tagħlim awtomatiku kontenzjuż li jikkawża interpretazzjoni ħażina tal-input minn sistemi oħra tal-IA; jindika, b'mod partikolari, iż-żieda fid-deepfakes, li mhumiex neċessarjament attakki ċibernetiċi iżda jwasslu għal dubji dwar l-awtentiċità tal-kontenut diġitali kollu, inklużi vidjos, u għalhekk jirrikjedu attenzjoni partikolari f'termini tar-rekwiżiti tat-trasparenza; iwissi li d-deepfakes jistgħu jikkontribwixxu għal nuqqas mifrux ta' fiduċja pubblika fl-IA, kif ukoll għal polarizzazzjoni soċjopolitika aktar profonda fis-soċjetajiet tagħna;

56.

Jelabora li bl-użu tas-sistemi tal-IA f'ammont sinifikanti ta' infrastruttura kritika ewlenija bħal grilji tal-enerġija u tat-trasport, is-settur tal-ispazju, il-katina alimentari, l-infrastruttura bankarja u finanzjarja u l-faċilitajiet tal-isptarijiet, ħoloq vulnerabbiltajiet ġodda li jirrikjedu miżuri robusti taċ-ċibersigurtà biex jiġi evitat it-theddid; jirrimarka, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-kooperazzjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-azzjoni kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fost l-Istati Membri; jissottolinja l-importanza li titrawwem ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi għat-theddid ibridu;

57.

Iwissi li l-kapaċitajiet tal-IA jistgħu joħolqu wkoll riskji għas-sigurtà, peress li jistgħu jwasslu lill-bnedmin fi stat fejn tant ikollhom fiduċja fl-IA li jafdawha aktar mill-ġudizzju tagħhom stess; jinnota li l-użu ta' approċċ human-in-the-loop bħala mekkaniżmu korrettiv mhuwiex fattibbli fil-każijiet kollha; jinnota li l-esperimenti wrew li dan jista' jżid l-livell ta' awtonomija tal-IA lil hinn mir-rwol ta' appoġġ li għalih kienet imfassla oriġinarjament u jfisser li l-bnedmin jitilfu l-opportunitajiet li jiksbu esperjenza u jirfinaw il-ħiliet u l-għarfien tagħhom tas-sistemi tal-IA; jisħaq, għalhekk, li huma meħtieġa s-sikurezza mid-disinn u s-sorveljanza sinifikanti mill-bniedem abbażi ta' taħriġ xieraq kif ukoll salvagwardji xierqa għas-sigurtà u l-privatezza f'sistemi tal-IA ta' riskju għoli sabiex jingħeleb dan il-preġudizzju tal-awtomatizzazzjoni;

58.

Jenfasizza, madankollu, li l-IA tista' tintuża biex tbassar il-qtugħ tad-dawl u biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta' manutenzjoni bi preċiżjoni kbira; jispeċifika, barra minn hekk, li din tista' tintuża biex jiġu ssintetizzati ammonti kbar ta' data permezz ta' estrazzjoni awtomatizzata tal-informazzjoni jew klassifikazzjoni awtomatizzata tal-informazzjoni u biex jiġu identifikati xejriet speċifiċi; jisħaq li dawn l-elementi jippermettu tbassir u valutazzjoni aħjar tal-livell ta' theddid u tal-vulnerabbiltajiet tas-sistema, proċessi aktar rapidi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, reattività mtejba u l-iżgurar tal-apparati tal-punt tat-tmiem b'mod aktar effettiv;

59.

Jissottolinja, b'mod partikolari, il-potenzjal inerenti li l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jitħallew jidentifikaw u jiġġieldu l-attività kriminali, li huwa megħjun mit-teknoloġija tal-IA; jissottolinja li tali attivitajiet ta' infurzar tal-liġi relatati mill-IA, madankollu, jirrikjedu rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali, sorveljanza demokratika stretta, regoli ċari dwar it-trasparenza, infrastruttura tal-IT b'saħħitha, sorveljanza mill-bniedem, impjegati b'livell għoli ta' ħiliet u aċċess għal data rilevanti u ta' kwalità għolja;

d)   L-IA u l-kompetittività

60.

Jinnota li aktar u aktar prodotti u servizzi tul il-katina tal-valur se jkunu interkonnessi fil-futur qrib, bl-IA u l-awtomatizzazzjoni jkollhom rwol importanti f'bosta proċessi tal-manifattura, operazzjonijiet u mudelli ta' negozju; jissottolinja l-importanza kbira tar-riċerka bażika għall-iżvilupp ta' ekosistemi industrijali tal-IA kif ukoll investiment sostanzjali għall-promozzjoni tal-amministrazzjoni pubblika diġitali u għat-titjib tal-infrastruttura diġitali;

61.

Josserva li minkejja ż-żieda sinifikanti fil-kapital ta' riskju u finanzjament ieħor fi stadju bikri f'dawn l-aħħar sentejn, bosta industriji Ewropej għadhom lura u l-livelli ta' finanzjament attwali fl-UE għadhom insuffiċjenti u għandhom jissaħħu sostanzjalment sabiex jaqblu mad-dinamiżmu ta' ekosistemi ewlenin tal-IA bħal Silicon Valley u bnadi oħra; jenfasizza l-istruttura partikolari tan-network ta' raggruppamenti tal-ekosistema tal-innovazzjoni tal-UE, għall-kuntrarju ta' ekosistemi tal-innovazzjoni ċentralizzati (u appoġġjati mill-Istat);

62.

Jissottolinja li l-IA tista' tkun bidla fundamentali għall-kompetittività tal-industrija tal-UE u għandha l-potenzjal li żżid il-produttività, taċċellera l-innovazzjoni, ittejjeb il-proċessi tal-manifattura u tgħin fil-monitoraġġ tar-reżiljenza tal-ktajjen tal-provvista Ewropej;

63.

Jindika r-riskju ta' tfixkil ta' ktajjen tal-provvista li qed jiġu mfixkla minħabba avvenimenti ta' diżakkoppjament jew katastrofiċi bħall-pandemiji jew fenomeni relatati mat-tibdil fil-klima; jisħaq li l-użu tal-IA jista' jgħin biex jiġu identifikati xejriet ta' tfixkil fil-ktajjen tal-provvista u tiġi infurmata l-manutenzjoni predittiva, li tista' tappoġġja d-diversifikazzjoni tal-fornituri;

64.

Jinnota li l-kumpaniji li bdew it-tfixkil diġitali ħafna drabi ġew ippremjati bi qligħ sinifikanti fis-sehem mis-suq; jinnota li studji reċenti jindikaw li din ix-xejra x'aktarx tirrepeti ruħha b'saħansitra aktar intensità peress li l-kumpaniji li jadottaw l-IA għandhom it-tendenza li jiġbru ammonti kbar ta' data, bil-probabbiltà li dan itejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tagħhom; huwa mħasseb dwar ir-riskji li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni tas-suq għad-detriment tal-SMEs u tan-negozji l-ġodda;

65.

Jenfasizza li din il-prospettiva hija partikolarment ta' tħassib peress li l-akbar kumpaniji tat-teknoloġija eżistenti li x'aktarx se jiddominaw ukoll it-teknoloġiji tal-IA huma gwardjani għas-swieq, filwaqt li jieħdu l-biċċa l-kbira tal-valur li jiġi ġġenerat; jisħaq li minħabba li d-data li tixpruna s-settur tal-IA tinġabar fil-biċċa l-kbira mill-istess kumpaniji kbar tat-teknoloġija, li joffru lill-utenti aċċess għas-servizzi bi skambju għad-data u l-esponiment għar-reklamar immirat, il-pożizzjoni dominanti eżistenti tagħhom fis-suq aktarx, fiha nnifisha, issir xprunatur ta' pożizzjoni aktar dominanti fis-suq; jirrimarka li bosta minn dawn il-kumpaniji tat-teknoloġija għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom barra mill-UE iżda xorta jirnexxilhom jiġbru l-valur iġġenerat mid-data tal-klijenti Ewropej, u b'hekk jiksbu vantaġġ kompetittiv;

66.

Jilqa' l-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni li tappella għall-aġġornament tar-regoli tal-kompetizzjoni biex ikunu adatti għall-era diġitali (29) u jisħaq fuq ir-rwol ewlieni tal-miżuri ex ante, inkluż l-Att futur dwar is-Swieq Diġitali, fil-kontrobilanċjar tal-konċentrazzjoni qabel ma dan jirriżulta; jissottolinja, barra minn hekk, ir-rwol li jista' jkollhom l-istandardizzazzjoni u l-kooperazzjoni regolatorja fl-indirizzar ta' din il-kwistjoni, billi jiġi ffaċilitat l-iżvilupp globali tal-prodotti u s-servizzi irrispettivament mill-post fiżiku tagħhom;

67.

Jissottolinja li l-SMEs u n-negozji ġodda għandhom rwol ċentrali fl-introduzzjoni tat-teknoloġiji tal-IA fl-UE peress li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-kumpaniji kollha u huma sors kritiku ta' innovazzjoni; josserva, madankollu, li negozji ġodda promettenti tal-IA jiffaċċjaw ostakli sinifikanti biex jespandu madwar l-Ewropa minħabba s-suq uniku diġitali mhux komplut u d-diverġenza regolatorja f'bosta Stati Membri, jew, meta jirnexxilhom jespandu, jiġu akkwistati minn kumpaniji kbar tat-teknoloġija; jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-SMEs ħafna drabi jiffaċċjaw nuqqas ta' finanzjament, proċeduri amministrattivi kumplessi u nuqqas ta' ħiliet adegwati u aċċess għall-informazzjoni; jinnota li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-UE fil-passat ippermettew il-biċċa l-kbira tal-akkwiżizzjonijiet barranin ta' kumpaniji Ewropej tal-IA u tar-robotika;

68.

Jisħaq li l-użu intensiv tal-algoritmi, pereżempju għall-iffissar tal-prezzijiet, jista' joħloq ukoll problemi kompletament ġodda speċifiċi għall-IA fi ħdan is-suq uniku; jinnota li l-awtoritajiet tal-antitrust jistgħu, pereżempju, isibuha diffiċli biex juru kollużjoni fil-prezzijiet bejn is-sistemi tal-istabbiliment tal-prezzijiet xprunati mill-IA; iżid jgħid, barra minn hekk, li l-ftit fornituri tal-IA li diġà qed jipparteċipaw fin-negozjar tal-ishma jistgħu jippreżentaw riskju sistemiku għas-swieq finanzjarji, inkluż permezz ta' kollużjoni; jisħaq li l-kollużjoni algoritmika tista' tkun diffiċli ħafna biex tiġi identifikata, peress li s-sistemi bbażati fuq l-IA ma jeħtieġx li jikkomunikaw ma' xulxin bil-mod li l-bnedmin jagħmlu dan għal prattiki kollużivi, li jistgħu jagħmluha impossibbli li tintwera l-intenzjoni ta' kollużjoni; jissottolinja r-riskju li dan joħloq għall-istabbiltà tas-suq u l-ħtieġa li l-UE u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jiżviluppaw strateġiji u għodod xierqa; jenfasizza, barra minn hekk, ir-riskju sistemiku għas-swieq finanzjarji mill-użu mifrux ta' mudelli u sistemi ta' negozjar algoritmiku mingħajr l-ebda interazzjoni umana, li fil-passat amplifika ħafna l-movimenti tas-suq, u li x'aktarx jerġgħu jagħmlu dan fil-futur;

69.

Josserva li bosta kumpaniji tal-IA fl-UE bħalissa jiffaċċjaw inċertezza tad-dritt fir-rigward ta' kif jistgħu jiżviluppaw il-prodotti u s-servizzi tagħhom b'mod assigurat b'riżultat ta' ostakli burokratiċi, koinċidenza bejn il-leġiżlazzjoni eżistenti speċifika għas-settur u n-nuqqas ta' standards u normi stabbiliti tal-IA;

70.

Jenfasizza l-isfida għall-kumpaniji tal-IA f'termini ta' kontroll tal-kwalità u protezzjoni tal-konsumatur; jikkonkludi li t-trasparenza u l-affidabbiltà huma essenzjali biex jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-UE jkollhom vantaġġ kompetittiv, peress li dawn il-kunsiderazzjonijiet fil-futur se jiddeċiedu dwar jekk prodott jew servizz eventwalment jiġix aċċettat mis-suq;

71.

Jinnota li għalkemm 26 % tal-pubblikazzjonijiet ta' riċerka ta' valur għoli dwar l-IA ġejjin mill-Ewropa, erbgħa biss mill-aqwa 30 applikant (13 %) u 7 % tan-negozji involuti fil-privattivi tal-IA madwar id-dinja, huma Ewropej;

72.

Iqis li l-liġijiet tal-UE dwar il-proprjetà intellettwali jirrikjedu armonizzazzjoni u infurzar ċar u trasparenti, u qafas bilanċjat, li jista' jiġi infurzat u prevedibbli biex in-negozji Ewropej, u b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, ikunu jistgħu jiżguraw il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali;

73.

Huwa mħasseb li l-użu mill-SME tal-protezzjoni tal-PI għadu limitat, peress li ħafna drabi l-SMEs ma jużawx il-protezzjoni tal-PI peress li mhumiex konxji bis-sħiħ tad-drittijiet tagħhom u lanqas ma għandhom biżżejjed riżorsi biex jappoġġjawhom; jenfasizza l-importanza tal-informazzjoni u tal-istatistika dwar il-protezzjoni tal-PI fost l-SMEs attivi f'setturi intensivi fl-għarfien u jilqa' l-isforzi, inklużi proċeduri simplifikati ta' reġistrazzjoni u tariffi amministrattivi aktar baxxi, biex jipprovdu lill-SMEs u lin-negozji ġodda b'għarfien aħjar u jiffaċilitaw l-aċċess tagħhom għall-protezzjoni tal-PI; jinnota li sabiex il-kumpaniji tal-UE jiġu megħjuna jipproteġu d-drittijiet tagħhom tal-PI tal-IA, il-pożizzjoni tal-UE bħala entità li tistabbilixxi l-istandards fuq livell globali għandha tissaħħaħ; jisħaq li l-kompetittività u l-attraenza internazzjonali madankollu għandhom l-għeruq tagħhom f'suq intern b'saħħtu u reżiljenti, inkluż fil-protezzjoni u l-infurzar tal-PI;

74.

Jiddikjara li l-analitika tad-data, kif ukoll l-aċċess għal, il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid ta' data mhux personali, diġà huma essenzjali għal bosta prodotti u servizzi xprunati mid-data llum, iżda se jkunu importanti għall-iżvilupp u l-użu tas-sistemi tal-IA li ġejjin; jisħaq, madankollu, li l-biċċa l-kbira tad-data mhux personali ġġenerata fl-UE s'issa ma tintużax, filwaqt li suq uniku għad-data għadu qed jiġi żviluppat;

75.

Jirrimarka l-importanza li jiġu ffaċilitati l-aċċess għad-data u l-kondiviżjoni tad-data, u l-istandards miftuħa u t-teknoloġija b'sors miftuħ bħala mod kif jittejbu l-investimenti u tingħata spinta lill-innovazzjoni fit-teknoloġiji tal-IA fl-UE; jispeċifika li armonizzazzjoni aħjar fuq l-interpretazzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data kif ukoll fuq gwida dwar it-tekniki ta' data mħallta u depersonalizzazzjoni tkun utli għall-iżviluppaturi tal-IA;

76.

Jenfasizza r-rwol li jista' jkollha l-IA fl-assistenza ta' azzjoni ta' infurzar mill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali, b'mod partikolari fl-oqsma tad-dwana u tas-sorveljanza tas-suq; huwa tal-fehma li l-proċeduri kummerċjali u doganali jistgħu jsiru aktar effiċjenti u aktar kosteffettivi permezz tal-IA, billi tiżdied il-konformità u jiġi żgurat li prodotti sikuri biss jidħlu fis-suq uniku; jindika l-eżempju tas-sistema ta' Valutazzjoni u ta' Ġestjoni tad-Dħul tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Fruntieri tal-Kanada (CARM), li tissimplifika ħafna l-proċeduri tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni bl-użu ta' valutazzjoni tar-riskju tal-IA kwalifikat u ġestjoni ta' informazzjoni diġitalizzata simplifikata biex titnaqqas il-ħtieġa ta' spezzjonijiet twal;

e)    L-IA u s-suq tax-xogħol

77.

Jinnota li l-IA qed tinfluwenza dejjem aktar is-suq tax-xogħol, il-post tax-xogħol u l-qasam soċjali u li l-impatti tat-tibdil teknoloġiku fuq ix-xogħol u l-impjiegi huma multidimensjonali; jenfasizza li l-użu tal-IA f'dan il-qasam jagħti lok għal għadd ta' sfidi etiċi, legali u relatati mal-impjiegi; huwa mħasseb li f'termini tas-suq tax-xogħol, id-diġitalizzazzjoni tista' twassal għal riorganizzazzjoni tal-forza tax-xogħol u l-għejbien potenzjali ta' ċerti setturi tal-impjiegi; jemmen li l-adozzjoni tal-IA, jekk tkun ikkombinata mal-infrastruttura ta' appoġġ, l-edukazzjoni u t-taħriġ meħtieġa, tista' żżid il-produttività tal-kapital u tax-xogħol, l-innovazzjoni, it-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi;

78.

Jisħaq li għalkemm l-IA tista' tissostitwixxi xi kompiti, inklużi dawk ripetittivi, tqal, ta' xogħol intensiv ħafna jew perikolużi, din tista' tgħin ukoll fit-titjib tal-ħiliet, iżżid il-kwalità tax-xogħol u toħloq impjiegi ġodda u ta' valur miżjud ogħla, li tħalli aktar ħin għall-istimulazzjoni tal-kompiti u l-iżvilupp tal-karriera; jisħaq li l-IA bħalissa diġà qed tissostitwixxi jew tikkomplementa l-bnedmin f'subsett ta' kompiti iżda li għad ma għandhiex konsegwenzi aggregati sinifikanti tas-suq tax-xogħol li jistgħu jiġu identifikati (30); jisħaq, madankollu, il-potenzjal għal żieda fl-inugwaljanza fl-introjtu jekk l-IA żżid l-okkupazzjonijiet b'livell għoli ta' ħiliet u tissostitwixxi l-okkupazzjonijiet b'livell baxx ta' ħiliet; iżid li kwalunkwe implikazzjoni ekonomika u soċjali li tirriżulta jeħtieġ li tiġi mmitigata b'miżuri, riċerka u prospettiva xierqa u tiġi mħejjija billi jsir investiment fit-taħriġ mill-ġdid u fit-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol b'enfasi fuq gruppi sottorappreżentati bħan-nisa u l-minoranzi, li x'aktarx ikunu l-aktar affettwati minn din it-tranżizzjoni, u billi tiġi promossa d-diversità fil-fażijiet kollha tal-iżvilupp tas-sistemi tal-IA; huwa mħasseb li l-IA tista' tipproduċi proċessi ta' tneħħija tal-ħiliet u toħloq u tintegra xogħol bi ħlas baxx, b'awtonomija baxxa u testendi xogħol atipiku u flessibbli (jew “gig”); jissottolinja li l-ġestjoni algoritmika tista' twassal għal żbilanċi fil-poter bejn il-maniġment u l-impjegati u oskurità dwar it-teħid ta' deċiżjonijiet;

79.

Jenfasizza li l-użu tal-IA joffri opportunità biex titrawwem bidla kulturali sinifikanti fl-organizzazzjonijiet, inkluż permezz ta' sikurezza mtejba fuq il-post tax-xogħol, bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, u li jiġi offrut id-dritt għall-iskonnessjoni u opportunitajiet ta' taħriġ u gwida aktar effettivi għall-impjegati; jindika, f'dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjonijiet tal-OECD li jisħqu li l-awtomazzjoni tista' wkoll tagħti bidu għal tnaqqis fil-ħin tax-xogħol, u b'hekk jittejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u s-saħħa tal-ħaddiema; huwa tal-fehma li l-applikazzjonijiet tal-IA li jagħtu s-setgħa lill-bniedem jistgħu joħolqu wkoll opportunitajiet ġodda ta' impjieg, b'mod partikolari għal dawk li, minħabba restrizzjonijiet bħal diżabilitajiet jew ċirkostanzi ta' għajxien, s'issa kienu marbuta ma' impjiegi b'inqas kwalifiki; jisħaq fuq il-ħtieġa li tintuża l-assistenza tal-IA fuq il-post tax-xogħol biex jingħata ħin lill-bnedmin ħalli jtejbu l-kwalità tal-produzzjoni tagħhom minflok iżidu biss l-ammont ta' xogħol;

80.

Jikkundanna ż-żieda fir-rikors għal sorveljanza bbażata fuq l-IA fuq il-post tax-xogħol, li ħafna drabi sseħħ mingħajr l-għarfien tal-ħaddiema, wisq inqas bil-kunsens tagħhom, b'mod partikolari anke fil-kuntest tat-telexogħol; isostni li din il-prattika ma għandhiex tkun permessa, peress li tabbuża ħafna mid-dritt fundamentali għall-privatezza, għall-protezzjoni tad-data u għad-dinjità tal-bniedem tal-ħaddiem u għad-drittijiet soċjali u tax-xogħol, u għandha wkoll effetti negattivi fuq is-saħħa mentali tal-ħaddiema minħabba l-grad ta' intrużjoni, l-effett ġenerali jew indiskriminat tagħha, u n-nuqqas ta' salvagwardji għall-individwi affettwati;

81.

Huwa mħasseb li riskju simili ta' sorveljanza huwa preżenti wkoll fl-ambjent tal-iskola, bl-adozzjoni dejjem tiżdied ta' sistemi tal-IA fl-iskejjel, li jimminaw id-drittijiet fundamentali tat-tfal; jinnota li l-implikazzjonijiet li għandha l-IA għall-privatezza, is-sikurezza u s-sigurtà tat-tfal jaqgħu fuq spettru wiesa', minn benefiċċji relatati mal-kapaċità li jiġi mifhum it-theddid li jiffaċċjaw it-tfal bi speċifiċità u preċiżjoni akbar, sar-riskji marbuta ma' ksur mhux intenzjonat tal-privatezza; jissottolinja li kemm l-implikazzjonijiet pożittivi kif ukoll dawk negattivi għall-privatezza, is-sikurezza u s-sigurtà tat-tfal jitolbu eżaminazzjoni mill-qrib u salvagwardji korrispondenti; jisħaq ukoll li jeħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni u protezzjoni speċjali lit-tfal meta jiġu żviluppati sistemi tal-IA minħabba n-natura partikolarment sensittiva tagħhom u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi;

82.

Jisħaq li huwa importanti ħafna li l-individwi jiġu pprovduti bi programmi komprensivi ta' żvilupp tal-ħiliet fl-istadji kollha tal-ħajja, sabiex ikunu jistgħu jibqgħu produttivi f'post tax-xogħol li qed jevolvi kontinwament u tiġi evitata l-esklużjoni tagħhom mis-suq tax-xogħol; iqis li l-adattament tal-forza tax-xogħol f'termini ta' edukazzjoni dwar l-IA, tagħlim tul il-ħajja u ħiliet mill-ġdid huwa ta' importanza vitali; jenfasizza li l-kunċetti attwali ta' tagħlim u ta' xogħol għadhom definiti żżejjed mid-dinja prediġitali, li qed jikkontribwixxi għal diskrepanza dejjem akbar fil-ħiliet u għal distakk diġitali ġdid għaċ-ċittadini li ma għandhomx aċċess għal spazju diġitali sigur; jisħaq li t-titjib tal-litteriżmu diġitali jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari dawk dwar l-edukazzjoni, il-kapital uman u l-infrastruttura; jenfasizza l-gwadann inkredibbli fl-għarfien ta' forom ġodda ta' xogħol u tagħlim minħabba l-kriżi tal-COVID-19 li jistgħu jkomplu jiġu esplorati;

83.

Jissottolinja li biex jiġu sfruttati l-benefiċċji kollha tad-diġitalizzazzjoni, l-Unjoni jeħtiġilha tindirizza l-litteriżmu u l-ħiliet diġitali għal kulħadd; jemmen li l-litteriżmu diġitali huwa prekundizzjoni għall-fiduċja taċ-ċittadini fl-impatti tal-IA u s-sensibilizzazzjoni dwarhom; jenfasizza l-importanza li jiġi inkluż taħriġ bażiku fil-ħiliet diġitali u l-IA fis-sistemi edukattivi nazzjonali; jemmen li l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tat-teknoloġija tal-IA fil-qasam tal-lingwi minoritarji jistgħu jwasslu biex jagħtu spinta lill-għarfien u l-użu tagħhom; jisħaq li aktar minn 70 % tan-negozji jirrapportaw nuqqas ta' persunal b'ħiliet diġitali u tal-IA adegwati bħala ostaklu għall-investiment; huwa mħasseb li mill-2019, kien hemm 7,8 miljun speċjalist tal-ICT fl-UE, b'rata ta' tkabbir annwali preċedenti ta' 4,2 %, li hija ferm anqas mill-20 miljun espert li huma meħtieġa għal oqsma ewlenin bħall-analiżi tad-data, kif ipproġettat mill-Kummissjoni;

84.

Huwa mħasseb dwar id-differenza estensiva bejn il-ġeneri f'dan il-qasam, fejn waħda biss minn kull sitt speċjalisti tal-ICT u waħda minn kull tliet gradwati fix-xjenza, fit-teknoloġija, fl-inġinerija u fil-matematika (STEM) hija mara; (31) jinnota bi tħassib li d-distakk bejn il-ġeneri qed jippersisti speċjalment fil-qasam tan-negozji ġodda, fejn fl-2019, USD 92 minn kull USD 100 investiti f'kumpaniji tat-teknoloġija Ewropej marru għand timijiet fundaturi li kienu ffurmati minn irġiel biss; jirrakkomanda inizjattivi mmirati biex jappoġġjaw lin-nisa fi STEM sabiex titnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet f'dan is-settur; jisħaq li dan id-distakk inevitabbilment jirriżulta f'algoritmi preġudikati; jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ tal-pożizzjoni u tal-motivazzjoni tal-bniet lejn karrieri STEM u l-eliminazzjoni tad-differenza bejn il-ġeneri f'dan il-qasam;

f)   L-IA u l-futur tad-demokrazija

85.

Jiddikjara li l-IA, minn naħa waħda, għandha l-potenzjal li tgħin fil-bini ta' settur pubbliku aktar trasparenti u effiċjenti, iżda min-naħa l-oħra, li l-iżviluppi tekniċi fil-qasam tal-IA, ħafna drabi xprunati minn loġika ta' tkabbir u profitti, huma rapidi u dinamiċi ħafna, u b'hekk jagħmluha diffiċli għal dawk li jfasslu l-politika li jkollhom fehim suffiċjenti ta' kif jaħdmu l-applikazzjonijiet ġodda tal-IA u x'tip ta' eżiti jistgħu jipproduċu dawk l-applikazzjonijiet, għalkemm għandhom id-dmir li jipprovdu qafas biex jiżguraw li l-IA tikkonforma mad-drittijiet fundamentali u tkun tista' tintuża għall-benefiċċju tas-soċjetà; jenfasizza li l-previżjonijiet tal-esperti dwar l-impatt futur tal-IA jvarjaw ukoll, u jissuġġerixxu li jista' jkun diffiċli anke għalihom li jipprevedu l-eżiti tal-użu ta' teknoloġiji ġodda tal-IA; jargumenta, għalhekk, li din l-inċertezza tagħmilha meħtieġa għal-leġiżlaturi li jqisu kif xieraq il-prinċipju ta' prekawzjoni fir-regolamentazzjoni tal-IA; jemmen li huwa kruċjali li jiġu kkonsultati esperti b'għarfien espert u sfondi differenti sabiex tinħoloq leġiżlazzjoni solida, li tista' taħdem u li tibqa' valida fil-futur; iwissi kontra l-inċertezza tad-dritt bħala waħda mill-akbar impedimenti għall-innovazzjoni; jinnota, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-promozzjoni tal-litteriżmu fl-IA fost iċ-ċittadini, inklużi r-rappreżentanti eletti u l-awtoritajiet nazzjonali;

86.

Iwissi li ċ-ċikli leġiżlattivi għalhekk ħafna drabi ma jkunux sinkronizzati mar-ritmu tal-progress teknoloġiku, u b'hekk iġiegħlu lil dawk li jfasslu l-politika jilħqu l-istess livell u jiffavorixxu r-regolamentazzjoni tal-każijiet ta' użu diġà fis-suq; jirrimarka li approċċ regolatorju sod għall-IA jrid ikun ippreċedut minn analiżi eżawrjenti tal-proporzjonalità u l-ħtieġa, biex jiġi evitat it-tfixkil tal-innovazzjoni u tal-kompetittività tal-kumpaniji tal-UE;

87.

Jisħaq li l-użu tal-IA biex tinkiseb data bijometrika jista' jkun kemm intrużiv kif ukoll dannuż jew ta' benefiċċju għall-individwu, kif ukoll għall-pubbliku ġenerali;

88.

Jinnota bi tħassib li tali teknoloġiji tal-IA joħolqu kwistjonijiet etiċi u legali kruċjali; jinnota li ċerti teknoloġiji tal-IA jabilitaw l-awtomatizzazzjoni tal-ipproċessar tal-informazzjoni għal skala mingħajr preċedent, li jwitti t-triq għal sorveljanza tal-massa u ndħil illegali ieħor u joħloq theddida għad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

89.

Jisħaq li bosta reġimi awtoritarji jużaw is-sistemi tal-IA biex jikkontrollaw, jeżerċitaw sorveljanza tal-massa fuq, jispijaw, jimmonitorjaw u jikklassifikaw liċ-ċittadini tagħhom jew jirrestrinġu l-libertà ta' moviment; jisħaq li kwalunkwe forma ta' punteġġ taċ-ċittadini normattiv mill-awtoritajiet pubbliċi, speċjalment fil-qasam tal-infurzar tal-liġi, tal-kontroll fil-fruntieri u tal-ġudikatura, kif ukoll l-użu tagħha minn kumpaniji privati jew individwi, twassal għat-telf tal-awtonomija u tal-privatezza, tintroduċi riskji ta' diskriminazzjoni u mhijiex konformi mal-valuri Ewropej; ifakkar fil-fatt li teknoloġiji bħas-sorveljanza ċibernetika u r-rikonoxximent bijometriku, li jistgħu jintużaw għal dawn il-finijiet, huma soġġetti għar-Regolament tal-UE dwar il-Kontroll tal-Esportazzjoni; huwa mħasseb ħafna dwar il-kumpaniji tal-UE li jbigħu sistemi bijometriċi li jkunu illegali għall-użu fl-UE lil reġimi awtoritarji f'pajjiżi mhux tal-UE, u jikkundannahom;

90.

Jinnota li l-pjattaformi teknoloġiċi dominanti llum il-ġurnata mhux biss għandhom kontroll sinifikanti fuq l-aċċess għall-informazzjoni u d-distribuzzjoni tagħha, iżda jużaw ukoll it-teknoloġiji tal-IA biex jiksbu aktar informazzjoni dwar l-identità, l-imġiba ta' persuna u għarfien dwar l-istorja tat-teħid ta' deċiżjonijiet tagħha; jemmen li tali tfassil ta' profil kriminali joħloq riskji għas-sistemi demokratiċi kif ukoll għas-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali u l-awtonomija taċ-ċittadini; jisħaq li dan joħloq żbilanċ tal-poter u joħloq riskji sistemiċi li jistgħu jaffettwaw id-demokrazija;

91.

Jirrimarka li l-pjattaformi diġitali jistgħu, inkluż permezz ta' applikazzjonijiet tat-tqegħid fis-suq ibbażati fuq l-IA, jintużaw għal indħil barrani u biex ixerrdu d-diżinformazzjoni u d-deepfakes, billi jaġixxu bħala networks għall-propaganda, għat-trolling u għall-fastidju bil-għan li jimminaw il-proċessi elettorali; jisħaq li t-tagħlim awtomatiku jippermetti, b'mod partikolari, l-użu mmirat tad-data personali biex jiġu mmanipulati l-votanti mhux konxji, billi jinħolqu messaġġi personalizzati u konvinċenti; jisħaq fuq l-importanza ta' obbligi ta' trasparenza b'saħħithom li jkunu infurzati b'mod effettiv;

92.

Jissottolinja li l-IA tista', madankollu, tintuża wkoll biex tnaqqas l-attivitajiet antidemokratiċi u mhux etiċi fuq il-pjattaformi, u bħala mezz biex tiġi llimitata d-distribuzzjoni ta' aħbarijiet foloz u diskors ta' mibegħda, minkejja li t-testijiet tal-kapaċitajiet tagħha li tifhem kontenut speċifiku għall-kuntest s'issa wrew riżultati batuti; huwa mħasseb dwar il-fatt li l-lingwa diviżiva tista' twassal għal involviment akbar tal-utenti, u din hija r-raġuni għaliex it-tneħħija ta' tali lingwa tkun f'kunflitt dirett ma' tali mudell ta' negozju tal-pjattaforma li huwa bbażat fuq il-massimizzazzjoni tal-involviment tal-utenti; huwa tal-fehma li s-soluzzjonijiet li jaħdmu bl-IA jridu jkunu bbażati fuq ir-rispett sħiħ għal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni, u fuq evidenza b'saħħitha favur tagħhom, qabel l-użu eventwali tagħhom;

93.

Jisħaq li l-preġudizzju fis-sistemi tal-IA, speċjalment fir-rigward ta' sistemi ta' apprendiment profond, ħafna drabi jseħħ minħabba nuqqas ta' data għat-taħriġ u l-ittestjar diversa u ta' kwalità għolja, pereżempju fejn jintużaw settijiet ta' data li mhumiex rappreżentattivi biżżejjed tal-gruppi vulnerabbli, jew fejn id-definizzjoni tal-kompitu jew l-istabbiliment tar-rekwiżit stess kienu preġudikati; jinnota li jista' jinħoloq preġudizzju wkoll minħabba nuqqas possibbli ta' diversità fit-timijiet tal-iżviluppatur, filwaqt li jiġu mtennija preġudizzji intrinsiċi, minħabba volum limitat ta' data għat-taħriġ u l-ittestjar, jew fejn żviluppatur tal-IA preġudikat ikun ikkomprometta l-algoritmu; jirrimarka li d-differenzjazzjoni motivata tinħoloq ukoll intenzjonalment sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tat-tagħlim tal-IA taħt ċerti ċirkostanzi;

94.

Jisħaq li l-preġudizzji strutturali preżenti fis-soċjetà tagħna ma għandhomx jiġu ripetuti jew saħansitra jiżdiedu permezz ta' settijiet ta' data ta' kwalità baxxa; jispeċifika f'dan ir-rigward li l-algoritmi jitgħallmu jkunu diskriminatorji daqs id-data li qed jaħdmu biha u, bħala riżultat ta' data ta' taħriġ ta' kwalità baxxa jew preġudizzji u diskriminazzjoni osservati fis-soċjetà, jistgħu jissuġġerixxu deċiżjonijiet li huma diskriminatorji b'mod inerenti, li jikkontribwixxi għall-aggravar tad-diskriminazzjoni fis-soċjetà; jinnota, madankollu, li l-preġudizzji tal-IA xi drabi jistgħu jiġu kkoreġuti; jikkonkludi li huwa għalhekk meħtieġ li jiġu applikati mezzi tekniċi u jiġu stabbiliti saffi ta' kontroll differenti fuq is-sistemi tal-IA, inkluż is-software, l-algoritmi u d-data użati u prodotti minnhom, sabiex jiġi mminimizzat dan ir-riskju; jargumenta li l-IA tista' u għandha tintuża biex tnaqqas il-preġudizzji u d-diskriminazzjoni u tippromwovi d-drittijiet ugwali u bidla soċjali pożittiva fis-soċjetajiet tagħna, inkluż permezz ta' rekwiżiti normattivi dwar settijiet ta' data użati għat-taħriġ tas-sistemi tal-IA; jisħaq li wieħed mill-aktar modi effiċjenti biex jitnaqqas il-preġudizzju fis-sistemi tal-IA huwa li jiġi żgurat, sa fejn ikun possibbli skont id-dritt tal-Unjoni, li jkun disponibbli l-ammont massimu ta' data mhux personali għal skopijiet ta' taħriġ u tagħlim awtomatiku;

g)

Sejbiet rikorrenti fis-sitt studji tal-każ kollha

95.

Jinnota li hemm benefiċċji u opportunitajiet tas-soċjetà ċari assoċjati mal-adozzjoni tat-teknoloġiji tal-IA, li jistgħu jiġu sfruttati biss jekk jiġu indirizzati l-ostakli trażversali fl-UE, f'konformità mad-drittijiet fundamentali, il-valuri u l-leġiżlazzjoni; jiddikjara li s-sovrapożizzjoni tal-leġiżlazzjoni, il-frammentazzjoni tas-suq, l-ostakli burokratiċi, nuqqas ta' infrastruttura diġitali aċċessibbli u ħiliet diġitali fis-soċjetà usa', u investiment insuffiċjenti fir-riċerka u l-iżvilupp jistgħu jiġu osservati b'mod partikolari bħala ostakli għall-applikazzjoni b'suċċess tal-IA fdata fl-oqsma kollha analizzati;

96.

Jikkonkludi wkoll mill-istudji tal-każ eżaminati li hemm ċerti każijiet ta' użu li huma riskjużi jew dannużi, iżda li mhumiex neċessarjament it-teknoloġiji tal-IA speċifiċi nfushom iżda l-oqsma ta' applikazzjoni tagħhom; jirrikonoxxi li r-regolamentazzjoni futura jeħtieġ li tindirizza t-tħassib leġittimu relatat ma' dawn ir-riskji sabiex it-teknoloġiji tal-IA jsibu applikazzjoni wiesgħa fl-UE;

97.

Jiddikjara li huwa importanti li jiġu eżaminati u kkategorizzati r-riskji potenzjali maħluqa mill-IA, l-istudji tal-każ urew li t-teknoloġiji tal-IA jistgħu jipprovdulna kontromiżuri effettivi li jistgħu jimmitigaw jew jeliminaw dawn ir-riskji; jissottolinja li peress li l-IA għadha fl-istadji bikrija tal-iżvilupp tagħha f'kuntest usa' ta' teknoloġiji emerġenti, il-potenzjal reali tagħha kif ukoll ir-riskji mhumiex ċerti; jirrimarka li hemm bżonn li wieħed iħares mhux biss lejn ir-riskji għall-individwi, iżda wkoll lejn il-ħsarat soċjetali usa' u l-ħsara individwali mhux materjali; jenfasizza l-iżbilanċi sinifikanti tas-saħħa fis-suq preżenti fis-swieq tad-data u l-ekonomija tal-IA relatata; jisħaq li l-kompetizzjoni ġusta u t-tneħħija tal-ostakli għall-kompetizzjoni għan-negozji ġodda u l-SMEs huma essenzjali biex jitqassmu b'mod ġust il-benefiċċji potenzjali tal-IA f'termini ekonomiċi u tas-soċjetà, li jidhru li huma sinifikanti kemm fl-UE kif ukoll globalment;

3.    Il-post tal-UE fil-kompetizzjoni globali tal-IA

98.

Josserva kompetizzjoni globali ħarxa tal-IA, fejn l-UE għadha ma laħqitx l-aspirazzjonijiet tagħha; jeżamina fit-taqsimiet li ġejjin il-kompetittività globali tal-UE fir-rigward tal-IA billi jqabbilha ma' dik taċ-Ċina u tal-Istati Uniti, b'enfasi fuq tliet elementi ewlenin: l-approċċ regolatorju, il-pożizzjoni fis-suq u l-investimenti; jirrikonoxxi, madankollu, li s-swieq u l-korporazzjonijiet tranżnazzjonali ma jistgħux jiġu delineati faċilment bejn il-fruntieri nazzjonali, peress li l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji tat-teknoloġija għandhom klijenti, azzjonisti, impjegati u fornituri f'bosta pajjiżi differenti;

a)   Approċċ regolatorju

99.

Jinnota li l-Istati Uniti għadhom ma introduċewx leġiżlazzjoni orizzontali fil-qasam diġitali, u s'issa għamlu enfasi fuq liġijiet speċifiċi għas-settur u li jiffaċilitaw l-investimenti, inkluż permezz ta' miżuri tat-taxxa fuq l-innovazzjoni tas-settur privat, b'mod partikolari fost il-ġganti tat-teknoloġija u l-universitajiet ewlenin tiegħu; josserva li, minkejja l-iżviluppi reċenti li wrew rwol aktar attiv fit-tfassil tal-politika, l-approċċ tal-Istati Uniti s'issa kien jirrifletti l-aktar enfasi fuq l-għoti ta' gwida legali lin-negozji, l-investiment fi proġetti ta' riċerka u t-tneħħija ta' ostakli perċepiti għall-innovazzjoni;

100.

Jisħaq li l-Att Amerikan tal-2019 dwar l-Inizjattiva tal-IA wassal għal allinjament mill-ġdid żgħir, peress li minbarra r-ridirezzjoni tal-finanzjament, it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u t-tisħiħ tal-infrastruttura diġitali, il-Gvern tal-Istati Uniti ħabbar l-iżvilupp ta' standards komuni għal IA affidabbli; jinnota, madankollu, li l-10 prinċipji li jirriżultaw ġew ifformulati b'mod wiesa' ħafna sabiex kull aġenzija tal-gvern tkun tista' toħloq regolamenti speċifiċi għas-settur; jistenna li għalkemm l-amministrazzjoni attwali tal-Istati Uniti qed tippjana li tressaq abbozz ġdid ta' drittijiet biex tillimita l-ħsarat kkawżati mill-IA fl-2022, l-approċċ tal-Istati Uniti se jibqa' xprunat mis-suq;

101.

Jenfasizza li l-President Ċiniż Xi Jinping issottolinja sa mill-2013 l-importanza tat-teknoloġiji fil-ġeopolitika, ir-rwol tal-politiki pubbliċi fid-definizzjoni tal-objettivi fit-tul u l-fatt li t-teknoloġiji tal-IA joffru opportunità biex tiġi mnedija mill-ġdid is-setgħa militari tagħha; jisħaq ukoll li l-Gvern Ċiniż sussegwentement ippreżenta l-pjan Made in China 2025 fl-2015 u l-Pjan ta' Żvilupp tal-IA tal-Ġenerazzjoni li Jmiss fl-2017, li t-tnejn li huma kellhom il-miri ċari li jagħmlu liċ-Ċina l-mexxejja globali fl-IA sal-2030; jinnota li l-white paper taċ-Ċina tal-2018 dwar l-istandardizzazzjoni tal-IA spjegat aktar kif l-ekonomija tas-suq soċjalista tista' tiżviluppa standards internazzjonali u tinvolvi ruħha b'mod strateġiku f'organizzazzjonijiet internazzjonali tal-istandardizzazzjoni; jinnota l-introduzzjoni ta' regoli dwar sistemi ta' rakkomandazzjoni kif ukoll kodiċi tal-etika dwar l-IA fiċ-Ċina;

102.

Josserva li fix-xena globali, iċ-Ċina tippromwovi b'mod attiv is-sħubijiet internazzjonali dwar l-IA bħala mod kif tesporta l-prattiki tagħha stess ta' sorveljanza bbażata fuq l-IA, is-sistema ta' punteġġ għaċ-ċittadini u l-istrateġiji ta' ċensura; jenfasizza li investiment kbir barra mill-pajjiż fl-ambitu tal-inizjattiva “Digital Silk Road” jintuża wkoll bħala mezz biex tinxtered l-influwenza Ċiniża u t-teknoloġija tal-IA tagħha globalment, li jista' jkollu implikazzjonijiet estensivi lil hinn mill-impożizzjoni ta' standards teknoloġiċi jew iż-żamma tal-kompetittività teknoloġika; jikkonkludi li l-approċċ tal-Gvern Ċiniż huwa għalhekk mibni fuq l-użu domestiku tal-IA kif ukoll fuq l-esportazzjoni tat-teknoloġiji tal-IA abbażi ta' standards determinati minn qabel li huma konformi mal-ideoloġija tal-Gvern Ċiniż;

103.

Jinnota li l-Kummissjoni bdiet il-ħidma tagħha fuq ir-regolamentazzjoni tal-IA fl-2018 billi ppubblikat l-istrateġija Ewropea għall-IA u stabbiliet Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli u introduċiet pjan ikkoordinat (32) biex trawwem “l-IA magħmula fl-Ewropa”; jinnota li l-white paper tal-2020 dwar l-IA ipproponiet bosta miżuri u għażliet ta' politika għar-regolament futur dwar l-IA u eventwalment irriżultat fl-Att orizzontali dwar l-IA (33), li ġie ppreżentat flimkien ma' pjan ikkoordinat rivedut dwar l-IA (34) f'Mejju 2021; jirrimarka li minn Ġunju 2021, 20 Stat Membru ppubblikaw strateġiji nazzjonali dwar l-IA, filwaqt li sebgħa oħra jinsabu fl-istadji preparatorji finali tal-adozzjoni tal-istrateġiji tagħhom;

104.

Jenfasizza li fiċ-ċentru tal-approċċ regolatorju tal-UE hemm attenzjoni qawwija għall-iżvilupp ta' suq uniku diġitali Ewropew kif ukoll għal kunsiderazzjonijiet etiċi f'konformità mal-valuri ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi; jirrikonoxxi li l-istabbiliment tal-ewwel qafas regolatorju tad-dinja għall-IA jista' jagħti ingranaġġ lill-UE u vantaġġ ta' min jidħol l-ewwel fl-istabbiliment ta' standards internazzjonali tal-IA bbażati fuq id-drittijiet fundamentali kif ukoll jesporta b'suċċess “IA affidabbli” iċċentrata fuq il-bniedem madwar id-dinja; jissottolinja li dan l-approċċ jeħtieġ li jiġi appoġġjat minn koordinazzjoni u konverġenza regolatorja ma' sħab internazzjonali;

b)   Is-sitwazzjoni tas-suq

105.

Jinnota li ħafna mill-100 kumpanija ewlenin tal-IA globalment għandhom il-kwartieri ġenerali tagħhom fl-Istati Uniti, filwaqt li ftit biss jinsabu fl-UE; jinnota li l-Istati Uniti jinsabu l-ewwel wkoll fl-għadd totali ta' negozji ġodda tal-IA;

106.

Jirrimarka li fi snin reċenti, diversi kumpaniji diġitali Ewropej ġew akkwistati minn ġganti tat-teknoloġija tal-Istati Uniti; jilqa' l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tindirizza akkwisti li jista' jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni effettiva fis-suq diġitali u li tillimita l-akkwiżizzjonijiet killer; jirrimarka, madankollu, li f'xi każijiet, l-akkwist jista' jkun objettiv primarju tal-ħallieqa ta' negozji ġodda u l-finanzjaturi tagħhom, bħala metodu leġittimu wieħed biex jinkisbu benefiċċji mill-ideat tagħhom;

107.

Jisħaq li filwaqt li l-Istati Uniti u ċ-Ċina qed jippruvaw jaċċelleraw l-użu tat-teknoloġiji tal-IA fis-setturi pubbliċi u privati, l-adozzjoni tal-IA fl-UE għadha lura; jiddikjara li fl-2020, 7 % biss tal-kumpaniji tal-UE b'mill-inqas 10 impjegati kienu qed jużaw teknoloġiji tal-IA, b'differenzi sinifikanti fost l-Istati Membri kif ukoll fost setturi kummerċjali differenti;

108.

Huwa mħasseb dwar il-fatt li filwaqt li l-Istati Uniti u ċ-Ċina għandhom kull wieħed suq diġitali unifikat b'sett koerenti ta' regoli, is-suq uniku diġitali tal-UE għadu mhux komplut u għad fadallu ostakli mhux ġustifikati; jisħaq li l-iżvilupp tal-prodotti u s-servizzi tal-IA jista' jkompli jitnaqqas bil-ħidma li għaddejja fuq 27 strateġija nazzjonali differenti tal-IA;

109.

Jindika wkoll il-fatt li l-inkonsistenzi fid-dritt tal-Unjoni, is-sovrapożizzjoni ta' inizjattivi leġiżlattivi differenti, il-kontradizzjonijiet bejn il-liġijiet tal-UE u dawk nazzjonali, l-interpretazzjonijiet legali differenti u nuqqas ta' infurzar fost l-Istati Membri kollha jipprevjenu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jippreżentaw ir-riskju li joħolqu inċertezza tad-dritt għall-kumpaniji Ewropej peress li jistgħu jsibuha diffiċli biex jiddeterminaw jekk l-innovazzjonijiet tagħhom tal-IA humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni;

110.

Jinnota li l-frammentazzjoni tas-suq għall-kumpaniji tal-IA hija aggravata aktar minn nuqqas ta' standards u normi komuni f'xi setturi, inkluż dwar l-interoperabbiltà tad-data; jesprimi dispjaċir għar-riskju regolatorju li jirriżulta mid-dewmien tal-leġiżlazzjoni, bħar-Regolament dwar il-Privatezza online; jenfasizza bħala eżempju l-fatt li l-iżviluppaturi tal-IA tal-UE jiffaċċjaw sfida tad-data li l-kontropartijiet tagħhom tal-Istati Uniti u dawk Ċiniżi ma jiffaċċjawx minħabba s-suq uniku diġitali Ewropew mhux komplut; josserva li ħafna drabi dawn ma jkollhomx biżżejjed data ta' kwalità għolja biex iħarrġu u jittestjaw l-algoritmi tagħhom, u jsibu diffikultà b'nuqqas ta' spazji tad-data settorjali u interoperabbiltà transsettorjali, kif ukoll restrizzjonijiet fuq il-flussi tad-data transfruntiera;

c)   Investimenti

111.

Josserva li l-kumpaniji u l-gvernijiet Ewropej jinvestu ħafna inqas fit-teknoloġiji tal-IA mill-Istati Uniti jew miċ-Ċina; jirrimarka li għalkemm l-investimenti privati fl-industrija tal-IA tal-UE qed jiżdiedu b'mod sinifikanti, l-UE għadha mhix tinvesti biżżejjed b'mod sostanzjali fl-IA meta mqabbla ma' reġjuni ewlenin oħra, peress li l-Istati Uniti u ċ-Ċina jammontaw għal aktar minn 80 % tal-investimenti annwali ta' ekwità ta' EUR 25 biljun fl-IA u fil-blockchain, filwaqt li s-sehem tal-UE jammonta biss għal 7 % jew madwar EUR 1,75 biljun; jisħaq li l-likwidità tas-swieq ta' finanzjament tal-UE għall-kumpaniji tat-teknoloġija għadha nieqsa mill-iskala ta' swieq komparabbli fl-Istati Uniti; jinnota li l-Istati Uniti qed imexxu wkoll fil-kapital ta' riskju u fil-finanzjament ta' ekwità privata, li huwa partikolarment importanti għal negozji ġodda tal-IA, bi EUR 12,6 biljun fl-2019, meta mqabbel ma' EUR 4,9 biljun għaċ-Ċina u EUR 2,8 biljun għall-UE; jinnota li bħala konsegwenza, l-imprendituri Ewropej tal-IA qed jaqsmu l-Atlantiku biex jespandu n-negozji tagħhom fl-Istati Uniti;

112.

Jiddikjara li flimkien ma' inizjattivi nazzjonali, l-investiment pubbliku annwali stmat tal-UE fl-IA ta' EUR 1 biljun (35) huwa ħafna inqas mill-EUR 5.1 biljun investiti kull sena fl-Istati Uniti u sa EUR 6.8 biljun fiċ-Ċina (36); jiddikjara, madankollu, li bejn l-2017 u l-2020, il-finanzjament pubbliku tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-IA żdied b'70 % meta mqabbel mal-perjodu preċedenti, u fl-2019, l-UE investiet bejn EUR 7,9 u 9 biljun fl-IA, li kien 39 % aktar mis-sena preċedenti; jirrikonoxxi u jilqa' l-pjanijiet tal-Kummissjoni li żżid aktar l-investiment permezz tal-programm Ewropa diġitali, Orizzont Ewropa, InvestEU, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, il-Fond Ewropew tal-Investiment, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fit-Telekomunikazzjoni, u diversi programmi ta' politika ta' koeżjoni, li se jkomplu jiġu kkomplementati u msaħħa aktar mill-mira ta' nefqa ta' 20 % għat-tranżizzjoni diġitali fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, kif miftiehem mill-Kummissjoni u l-Istati Membri fl-ambitu tal-Faċilità ta' Rkupru u Reżiljenza; jissottolinja, madankollu, ir-rapport reċenti tal-Bank Ewropew tal-Investiment li jikkwantifika d-diskrepanza fl-investiment fl-IA u t-teknoloġiji blockchain fl-UE ta' madwar EUR 5-10 biljun fis-sena;

113.

Jisħaq li l-kumpaniji tal-IA fl-UE għandhom kompetizzjoni qawwija għall-impjegati kwalifikati, li qed tiggrava minħabba l-fatt li 42 % tal-popolazzjoni tal-UE ma għandhomx ħiliet diġitali bażiċi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi mħarreġ u attirat numru sostanzjalment ogħla ta' gradwati b'edukazzjoni tajba, inkluż nisa, biex jaħdmu fis-settur diġitali;

114.

Josserva li għalkemm l-UE għad għandha komunità eċċellenti ta' riċerkaturi dwar l-IA, l-eżodu ta' mħuħ tar-riċerkaturi tal-UE għadu problema; jisħaq li hemm bżonn ta' miżuri biex jattiraw ir-riċerkaturi ewlenin; jinnota li l-UE nefqet biss 2.32 % tal-PDG tagħha fuq ir-riċerka u l-iżvilupp fl-2020, filwaqt li l-Istati Uniti nefqu 3.08 %; ifakkar fil-fatt li l-Istati Membri jeħtiġilhom iżommu l-impenn tagħhom li jinvestu 3 % tal-PDG tagħhom fir-riċerka u l-iżvilupp, sabiex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-Unjoni fil-qasam diġitali;

115.

Jinnota li l-infrastruttura diġitali tal-UE teħtieġ aġġornament sostanzjali, b'25 % biss tan-nies fl-UE jistgħu jaqbdu ma' network 5G, meta mqabbla ma' 76 % tan-nies fl-Istati Uniti; josserva li l-UE ma għandhiex biżżejjed infrastruttura diġitali ta' prestazzjoni għolja bi spazji tad-data interoperabbli, rati u volumi għoljin ta' trażmissjoni, affidabbiltà u dewmien qasir; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġjati l-ekosistemi tal-IA Ewropej b'raggruppamenti ta' eċċellenza;

d)   Konklużjoni

116.

Jikkonkludi li l-Istati Uniti għadhom il-mexxejja ġenerali fl-IA peress li jinsabu 'l quddiem f'bosta kategoriji, bil-kumpaniji li għandhom il-kwartieri ġenerali fl-Istati Uniti li qegħdin fuq quddiem fl-iżvilupp tat-teknoloġija f'oqsma bħall-cloud computing u l-kapaċitajiet ta' computing ta' prestazzjoni għolja, u anke fir-rigward tal-investiment, l-attirar ta' talent, riċerka u infrastruttura tal-IA; jenfasizza, madankollu, li ċ-Ċina, li ftit snin ilu kienet għadha lura b'mod sinifikanti meta mqabbla mal-Istati Uniti fl-indikaturi kollha, issa malajr qed tlaħħaq; jirrikonoxxi li ż-żewġ pajjiżi għandhom il-vantaġġ ta' suq uniku unifikat u impenn aktar b'saħħtu biex jibqgħu mexxejja fl-IA;

117.

Jisħaq li minkejja l-pożizzjoni b'saħħitha tal-UE fis-software industrijali u r-robotika, l-atturi tal-UE għadhom lura mill-pari tagħhom tal-Istati Uniti u taċ-Ċina f'bosta kategoriji; jissottolinja li l-UE għandha tiżviluppa pjan ambizzjuż għall-IA Ewropea ċċentrata fuq il-bniedem; jinnota li l-UE, madankollu, hija minn ta' quddiem fir-rigward tal-approċċi regolatorji; jirrimarka li strateġija vijabbli tal-UE biex issir aktar kompetittiva fl-IA tinvolvi li ssir enfasi fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, il-ħiliet, l-infrastruttura u l-investiment, filwaqt li fl-istess ħin tipprova tistabbilixxi qafas regolatorju orjentat lejn il-futur, orizzontali u favur l-innovazzjoni għall-iżvilupp u l-użu tal-IA, u simultanjament tiżgura li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u l-istat tad-dritt;

118.

Jissottolinja li Brexit kellu impatt negattiv fuq l-isforzi tal-UE biex issaħħaħ l-impronta globali tal-IA tagħha, peress li r-Renju Unit kien wieħed mill-pajjiżi ewlenin tal-UE fl-IA; jisħaq, madankollu, li r-Renju Unit għandu jibqa' sieħeb ta' valur tal-UE, li jsaħħaħ il-kompetittività taż-żewġ sħab u l-promozzjoni ta' prospetti regolatorji kondiviżi fl-istabbiliment ta' standards globali;

119.

Jikkonkludi li l-UE bħalissa għadha 'l bogħod milli tissodisfa l-aspirazzjoni tagħha li ssir kompetittiva fl-IA fuq livell globali, u tista' tkun f'riskju li taqa' aktar lura f'xi kategoriji; isostni li azzjoni rapida dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE għall-IA deskritt hawn taħt toħloq opportunità biex tinbidel din is-sitwazzjoni;

120.

Jispeċifika li peress li l-UE ma għandhiex is-setgħa leġiżlattiva biex tindirizza l-punti kollha elenkati fil-Pjan Direzzjonali tal-UE għall-IA, il-kumitat speċjali jirrakkomanda li jiġu mfittxija diskussjonijiet ulterjuri ta' livell għoli u proċessi politiċi fost l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri sabiex issir ħidma għal approċċ aktar armonizzat għall-IA u l-Istati Membri jiġu megħjuna jikkoordinaw l-isforzi tagħhom; jirreferi f'dan ir-rigward għall-aġenda ta' Liżbona 2000 tal-UE, li, minkejja l-kritika, kellha rwol importanti fit-tmexxija tal-orjentazzjoni tal-politika tal-UE matul 20 sena u fiż-żamma tal-pressjoni fuq l-Istati Membri għar-riforma;

4.    “Ewropa lesta għall-era diġitali” – Pjan direzzjonali biex issir mexxejja globali

a)   Ambjent regolatorju favorevoli

i.   TFASSIL TAL-LIĠIJIET

121.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi biss atti leġiżlattivi fil-forma ta' regolamenti għal liġijiet diġitali ġodda f'oqsma bħall-IA, peress li s-suq uniku diġitali jeħtieġ li jgħaddi minn proċess ta' armonizzazzjoni ġenwina; huwa konvint li minħabba l-iżvilupp teknoloġiku rapidu, il-leġiżlazzjoni diġitali dejjem għandha tkun flessibbli, ibbażata fuq il-prinċipji, newtrali għat-teknoloġija, tibqa' valida fil-futur u proporzjonata, filwaqt li tadotta approċċ ibbażat fuq ir-riskju fejn xieraq, abbażi tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u tipprevjeni piż amministrattiv addizzjonali mhux meħtieġ għall-SMEs, għan-negozji ġodda, għall-akkademja u għar-riċerka; jisħaq, barra minn hekk, fuq l-importanza ta' grad għoli taċ-ċertezza tad-dritt u, konsegwentement, fuq il-ħtieġa ta' kriterji ta' applikabbiltà, definizzjonijiet u obbligi robusti, prattiċi u mhux ambigwi, fit-testi legali kollha rigward il-bejgħ, l-użu jew l-iżvilupp tat-teknoloġiji tal-IA;

122.

Jemmen li l-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar hija element ewlieni biex l-istrateġija tal-UE dwar l-IA tkun ta' suċċess; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir enfasi fuq il-mekkaniżmi ta' rieżami, adattament, implimentazzjoni u infurzar tal-liġijiet diġà eżistenti qabel ma jiġu proposti atti leġiżlattivi ġodda;

123.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt ex ante fil-fond bi tbassir u analiżi tar-riskju adegwati qabel ma toħroġ proposti diġitali ġodda f'oqsma bħall-IA; jenfasizza li l-valutazzjonijiet tal-impatt għandhom ifasslu u jevalwaw b'mod sistematiku l-leġiżlazzjoni eżistenti rilevanti, filwaqt li jipprevjenu kwalunkwe duplikazzjoni jew kunflitt;

124.

Jissuġġerixxi li l-liġijiet ġodda f'oqsma bħall-IA għandhom jiġu kkomplementati bil-promozzjoni ta' standards Ewropej żviluppati mill-partijiet ikkonċernati; huwa tal-fehma li l-UE għandha tistinka biex tevita l-frammentazzjoni u li l-istandards internazzjonali jistgħu jservu bħala referenza utli, iżda li l-UE għandha tagħti prijorità lill-iżvilupp tal-istandards tagħha stess; jenfasizza li tali standards għandhom jirriżultaw minn kompetizzjoni ġusta għall-aħjar standards fl-UE, li l-UE u l-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni għandhom iwieġbu għalihom; jinnota li l-istandards tekniċi u l-istruzzjonijiet tad-disinn jistgħu mbagħad jiġu kkombinati ma' skemi ta' tikkettar bħala mod biex tinbena l-fiduċja tal-konsumatur u billi jiġu pprovduti servizzi u prodotti affidabbli; jisħaq fuq ir-rwol tal-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni tal-UE fl-iżvilupp ta' standards tekniċi tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku; jistieden lill-Kummissjoni tħaffef il-ħruġ ta' mandati ta' standardizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea (37);

125.

Jispjega li pjattaforma ta' ċertifikazzjoni miftuħa tista' tistabbilixxi ekosistema ta' fiduċja li tinvolvi lill-gvernijiet, lis-soċjetà ċivili, lin-negozji u lil partijiet ikkonċernati oħra;

126.

Jitlob lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill itejbu l-kapaċitajiet tagħhom li jittrattaw kunflitti ta' kompetenza interna fir-rigward ta' suġġetti ġenerali bħall-IA, peress li tali kunflitti joħolqu r-riskju li jdewmu l-proċedura leġiżlattiva, b'effetti sekondarji f'termini tad-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni;

ii.   GOVERNANZA U INFURZAR

127.

Jappella għall-koordinazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar konsistenti madwar l-UE tal-leġiżlazzjoni relatata mal-IA;

128.

Jispjega li fora ta' konsultazzjoni bbażati fuq il-partijiet ikkonċernati bħall-Bord għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data, li għandu jiġi stabbilit mill-Att dwar il-Governanza tad-Data, jew l-Alleanza Ewropea dwar l-IA, li tinkludi sħubijiet pubbliċi-privati, bħall-Alleanza Ewropea għad-Data Industrijali, għall-Edge u għall-Cloud huma approċċ ta' governanza promettenti; jelabora li dan l-approċċ jippermetti lill-ekosistema tal-IA tal-UE toperazzjonalizza l-prinċipji, il-valuri, l-objettivi tagħha u tirrifletti l-interessi tas-soċjetà fil-livell tal-kodiċi tas-software;

129.

Jenfasizza li l-“problema tal-pass” tirrikjedi enfasi speċjali fuq l-infurzar ex post effettiv mill-qrati u mill-aġenziji regolatorji kif ukoll approċċi ex ante biex jiġu ttrattati l-isfidi legali ppreżentati mit-teknoloġiji emerġenti; jappoġġja, għalhekk, l-użu ta' ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorji, li jagħti lill-iżviluppaturi tal-IA l-opportunità unika li jesperimentaw b'mod mgħaġġel, aġili u kkontrollat taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti; jinnota li dawn l-ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorji jkunu spazji sperimentali li fihom jiġu ttestjati s-sistemi tal-IA u mudelli ta' negozju ġodda f'kundizzjonijiet tad-dinja reali f'ambjent ikkontrollat qabel ma jidħlu fis-suq;

iii.   QAFAS LEGALI GĦALL-IA

130.

Jenfasizza li objettiv sottostanti tal-istrateġija diġitali tal-UE, kif ukoll dak tal-istrateġija tal-IA huwa li jinħoloq “Approċċ Ewropew” f'dinja diġitalizzata; jiċċara li dan l-approċċ għandu jkun iffukat fuq il-bniedem, afffidabbli, iggwidat mill-prinċipji etiċi u bbażat fuq il-kunċett tal-ekonomija tas-suq soċjali; jissottolinja li l-individwu u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tiegħu għandhom dejjem jibqgħu fiċ-ċentru tal-kunsiderazzjonijiet politiċi u leġiżlattivi kollha;

131.

Jaqbel mal-konklużjoni misluta mill-Kummissjoni fil-White Paper tagħha tal-2020 dwar l-intelliġenza artifiċjali li hemm il-ħtieġa li jiġi stabbilit qafas legali bbażat fuq ir-riskju għall-IA, li b'mod partikolari jkopri standards etiċi ta' livell għoli bbażati fuq it-trasparenza, l-awditabbiltà, u l-obbligu ta' rendikont, flimkien ma' dispożizzjonijiet dwar is-sikurezza tal-prodott, regoli ta' responsabbiltà xierqa u dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdi lin-negozji u lill-utenti b'biżżejjed flessibbiltà u ċertezza tad-dritt u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni biex jitrawmu l-implimentazzjoni u l-innovazzjoni tal-IA;

132.

Jirrimarka l-valur miżjud ta' gwida tat-teħid tal-kunċetti, tat-terminoloġija u tal-istandards żviluppati mill-OECD bħala ispirazzjoni għad-definizzjoni tal-IA fil-leġiżlazzjoni; jisħaq li jekk isir dan, l-UE tingħata vantaġġ fit-tfassil ta' sistema internazzjonali futura ta' governanza tal-IA;

133.

Huwa konvint li mhijiex dejjem l-IA bħala teknoloġija li għandha tiġi regolata, iżda li l-livell tal-intervent regolatorju għandu jkun proporzjonat għat-tip ta' individwu u/jew riskju tas-soċjetà mġarrab mill-użu ta' sistema ta' IA; jissottolinja, f'dan ir-rigward, l-importanza li ssir distinzjoni bejn każijiet ta' użu tal-IA ta' “riskju għoli” u ta' “riskju baxx”; jikkonkludi li l-kategorija preċedenti teħtieġ salvagwardji leġiżlattivi addizzjonali stretti filwaqt li każijiet ta' użu ta' “riskju baxx” jistgħu, f'bosta każijiet, jirrikjedu rekwiżiti ta' trasparenza għall-utenti finali u għall-konsumaturi;

134.

Jispeċifika li l-klassifikazzjoni tas-sistemi tal-IA bħala “riskju għoli” għandha tkun ibbażata fuq l-użu konkret tagħhom u l-kuntest, in-natura, il-probabbiltà, is-severità u l-irriversibbiltà potenzjali tal-ħsara li tista' tkun mistennija li sseħħ bi ksur tad-drittijiet fundamentali u tar-regoli dwar is-saħħa u s-sikurezza kif stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni; jisħaq li din il-klassifikazzjoni għandha tkun akkumpanjata minn gwida u l-promozzjoni tal-iskambju tal-aħjar prattiki għall-iżviluppaturi tal-IA; jisħaq li d-dritt għall-privatezza għandu dejjem jiġi rrispettat u li l-iżviluppaturi tal-IA għandhom jiggarantixxu konformità sħiħa mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

135.

Jissottolinja li s-sistemi tal-IA li x'aktarx jinteraġixxu mat-tfal jew li jaffettwaw lit-tfal b'xi mod ieħor iridu jqisu d-drittijiet u l-vulnerabbiltajiet tagħhom u jissodisfaw l-ogħla standards disponibbli ta' sikurezza, sigurtà u privatezza mid-disinn u b'mod prestabbilit;

136.

Jinnota li l-ambjenti li fihom joperaw is-sistemi tal-IA jistgħu jvarjaw f'ambjent minn negozju għal negozju (B2B) meta mqabbla ma' ambjent minn negozju għall-konsumatur (B2C); jirrimarka li d-drittijiet tal-konsumatur jeħtieġ li jiġu protetti legalment permezz ta' leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur; jisħaq li, filwaqt li l-kumpaniji jistgħu jsolvu sfidi relatati mar-responsabbiltà u sfidi legali oħra malajr u b'mod kosteffettiv permezz ta' mezzi kuntrattwali mas-sħab kummerċjali direttament, il-leġiżlazzjoni tista' tkun meħtieġa biex tipproteġi negozji iżgħar mill-abbuż tas-saħħa tas-suq minn atturi dominanti permezz ta' lock-in kummerċjali jew teknoloġiku, ostakli għad-dħul fis-suq jew problemi ta' informazzjoni asimmetrika; jenfasizza li hemm ukoll il-ħtieġa li jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet tal-SMEs u n-negozji ġodda b'rekwiżiti leġiżlattivi kumplessi, li jpoġġuhom fi żvantaġġ meta mqabbla ma' kumpaniji akbar, li għandhom ir-riżorsi biex iżommu dipartimenti legali u ta' konformità mdaqqsa;

137.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi applikat approċċ ibbażat fuq il-prinċipji għal kwistjonijiet etiċi miftuħa li jitqajmu minn possibbiltajiet teknoloġiċi ġodda li jirriżultaw mill-bejgħ u l-użu ta' applikazzjonijiet tal-IA, inkluż permezz tal-użu ta' prinċipji fundamentali u obbligatorji bħall-prinċipju ta' nuqqas ta' malefiċenza, il-prinċipju tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem u tad-drittijiet fundamentali, u l-protezzjoni tal-proċess demokratiku; jinnota li l-prattiki tajba fl-iżvilupp tal-IA bħall-IA ċċentrata fuq il-bniedem, il-governanza responsabbli u l-prinċipji ta' trasparenza u spjegabbiltà, kif ukoll prinċipji ta' IA sostenibbli li huma allinjati bis-sħiħ mal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli huma komponenti importanti oħra fit-tiswir tal-ekonomija tal-IA;

138.

Jirrikonoxxi li mhux dejjem ikun possibbli li l-algoritmi tal-IA jitneħħielhom il-preġudizzju għalkollox peress li l-objettiv ideali ta' data mingħajr żbalji huwa diffiċli ħafna jew kważi impossibbli li jintlaħaq; jinnota li anke sistema ta' IA li tkun ġiet ittestjata inevitabbilment se tiltaqa' ma' xenarji tad-dinja reali li jistgħu jipproduċu riżultati preġudikati meta tiġi użata f'ambjent li jvarja mill-kompożizzjoni tad-data tat-taħriġ u tal-ittestjar tagħha; jisħaq li l-UE għandha tagħmel ħilitha biex ittejjeb it-trasparenza tas-settijiet u tal-algoritmi tad-data, tikkoopera mill-qrib ħafna mal-iżviluppaturi tal-IA biex jikkontrobilanċjaw u jnaqqsu l-preġudizzji strutturali tas-soċjetà u tikkunsidra regoli obbligatorji tad-diliġenza dovuta tad-drittijiet tal-bniedem fi stadju bikri tal-iżvilupp;

139.

Jelabora li filwaqt li l-obbligi sinifikattivi tat-trasparenza jew tal-ispjegabbiltà għas-sistemi tal-IA jistgħu jkunu ta' għajnuna f'ħafna każijiet, jista' ma jkunx possibbli li dawn jiġu implimentati f'kull każ; jinnota li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u s-sigrieti kummerċjali jridu jiġu protetti minn prattiki inġusti bħall-ispjunaġġ industrijali;

140.

Jiddikjara li l-qafas leġiżlattiv dwar il-proprjetà intellettwali jrid ikompli jinċentiva u jipproteġi lill-innovaturi tal-IA billi jagħtihom privattivi bħala premju għall-iżvilupp u l-pubblikazzjoni tal-kreazzjonijiet tagħhom; huwa tal-fehma li l-liġijiet eżistenti fil-biċċa l-kbira tagħhom jibqgħu validi fil-futur, iżda jipproponi ċerti aġġustamenti, inkluża l-integrazzjoni ta' elementi ta' sors miftuħ, kif ukoll l-użu tal-akkwist pubbliku biex jiġi awtorizzat, fejn xieraq, software b'sors miftuħ għal soluzzjonijiet tal-IA; jipproponi forom ġodda ta' liċenzjar tal-privattivi biex jiġi żgurat li jkunu disponibbli għodod għar-reġjuni u inizjattivi li altrimenti ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji għalihom;

141.

Iqis li awtovalutazzjonijiet tar-riskju ex ante obbligatorji bbażati fuq regoli u standards ċari, kif ukoll valutazzjonijiet tal-impatt tal-protezzjoni tad-data, ikkomplementati minn valutazzjonijiet tal-konformità ta' partijiet terzi b'markatura CE rilevanti u xierqa, flimkien ma' infurzar ex post mis-sorveljanza tas-suq, jistgħu jkunu utli biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-IA fis-suq ikunu sikuri u affidabbli; jemmen li sabiex jiġi evitat li l-SMEs jiġu mbuttati barra mis-suq, għandhom jiġu żviluppati standards u gwida dwar il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-IA bl-involviment mill-qrib tan-negozji ż-żgħar, allinjati internazzjonalment sal-akbar limitu possibbli, li jkunu disponibbli mingħajr ħlas;

142.

Jinnota li sabiex tiżdied is-sikurezza tal-prodott u tittejjeb l-identifikazzjoni tad-difetti, l-iżviluppaturi tal-IA ta' riskju għoli għandhom jiżguraw li jinżammu b'mod sigur rekords aċċessibbli ta' attività algoritmika; iqis li, fejn rilevanti, l-iżviluppaturi għandhom jiddisinjaw sistemi tal-IA ta' riskju għoli b'mekkaniżmi inkorporati – “interrutturi ta' emerġenza” – għall-intervent tal-bniedem biex iwaqqfu b'mod sikur u effiċjenti l-attivitajiet awtomatizzati fi kwalunkwe mument u jiżguraw approċċ human-in-the-loop; iqis li l-produzzjoni u r-raġunament tas-sistema tal-IA għandhom dejjem ikunu jinftiehmu mill-bnedmin;

143.

Jirrikonoxxi l-isfidi legali kkawżati mis-sistemi tal-IA, u li hemm ħtieġa li tiġi kkunsidrata reviżjoni ta' partijiet speċifiċi tar-regoli eżistenti dwar ir-responsabbiltà; iħares 'il quddiem, f'dan ir-rigward, għall-preżentazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar ir-responsabbiltà tal-IA; jisħaq li d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà għall-Prodotti (38) u r-reġimi nazzjonali ta' responsabbiltà bbażata fuq negliġenza jistgħu, fil-prinċipju, jibqgħu l-leġiżlazzjoni ċentrali kontra l-biċċa l-kbira tal-ħsara kkawżata mill-IA; jissottolinja li f'xi każijiet jista' jkun hemm eżiti mhux xierqa, iżda javża li kwalunkwe reviżjoni għandha tqis il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-sikurezza tal-prodotti u għandha tkun ibbażata fuq lakuni identifikati b'mod ċar, filwaqt li tibqa' valida fil-futur u kapaċi li tiġi implimentata b'mod effettiv u tiżgura l-protezzjoni tal-individwi fl-UE;

144.

Jissottolinja li l-qafas legali ma għandux jagħmel lit-tfal soġġetti għall-istess livell ta' responsabbiltà personali bħall-adulti biex jifhmu r-riskju;

145.

Jinnota li ċerti bidliet fid-definizzjonijiet legali ta' “prodott”, inklużi applikazzjonijiet ta' software integrati, servizzi diġitali u dipendenza bejn prodotti differenti, u “produttur”, inkluż operatur back-end, fornitur ta' servizzi u fornitur tad-data, jistgħu jiġu kkunsidrati biex jiġi żgurat li jkun hemm kumpens disponibbli għall-ħsara kkawżata minn dawn it-teknoloġiji; jisħaq, madankollu, li għandu jiġi evitat approċċ wiesa' wisq jew dejjaq iżżejjed għad-definizzjoni ta' “prodott”;

146.

Jirrimarka li, minħabba l-karatteristiċi tas-sistemi tal-IA, bħall-kumplessità, il-konnettività, l-opaċità, il-vulnerabbiltà tagħhom, il-kapaċità li jiġu mmodifikati permezz ta' aġġornamenti, il-kapaċità għall-awtotagħlim u l-awtonomija potenzjali, kif ukoll l-għadd kbir ta' atturi involuti fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni u fl-użu tagħhom, hemm sfidi sinifikanti għall-effettività tad-dispożizzjonijiet tal-qafas ta' responsabbiltà tal-Unjoni u nazzjonali; iqis, għalhekk, li għalkemm ma hemm l-ebda ħtieġa ta' reviżjoni sħiħa tar-reġimi ta' responsabbiltà li jiffunzjonaw tajjeb, huma meħtieġa aġġustamenti speċifiċi u kkoordinati għar-reġimi ta' responsabbiltà Ewropej u nazzjonali biex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha l-persuni li jġarrbu ħsara jew li l-proprjetà tagħhom iġġarrab ħsara jispiċċaw mingħajr kumpens; jispeċifika li filwaqt li s-sistemi tal-IA ta' riskju għoli għandhom jaqgħu taħt liġijiet stretti ta' responsabbiltà, flimkien ma' kopertura obbligatorja tal-assigurazzjoni, kwalunkwe attività, apparat jew proċess ieħor xprunat minn sistemi tal-IA li jikkawżaw dannu jew ħsara għandhom jibqgħu soġġetti għal responsabbiltà bbażata fuq negliġenza; jemmen li l-persuna affettwata għandha madankollu tgawdi minn preżunzjoni ta' negliġenza min-naħa tal-operatur, sakemm dan tal-aħħar ma jkunx jista' juri li mexa mad-dmir tiegħu ta' diliġenza;

iv.   SFIDA TAD-DATA TAL-UE

147.

Jieħu nota tal-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-2020 bit-titolu “Strateġija Ewropea għad-data” u mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-istess suġġett, li tiddikjara li l-ħolqien ta' spazju uniku Ewropew tad-data akkumpanjat mill-iżvilupp ta' spazji tad-data settorjali u enfasi fuq standards komuni huwa kruċjali biex tiġi żgurata l-iskalabbiltà rapida tas-soluzzjonijiet tal-IA fl-UE u lil hinn minnha, kif ukoll biex jiġu żgurati l-awtonomija strateġika miftuħa u l-prosperità ekonomika tal-UE; ifakkar fir-rabta essenzjali bejn id-disponibbiltà ta' data ta' kwalità għolja u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet tal-IA; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati servizzi ta' cloud robusti, affidabbli u interoperabbli fi ħdan l-UE, kif ukoll soluzzjonijiet li jingranaw l-analitika tad-data deċentralizzata u l-arkitettura edge; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara d-drittijiet għall-aċċess, l-użu u l-kondiviżjoni tad-data għad-detenturi ta' data mhux personali maħluqa b'mod konġunt; jisħaq li l-aċċess għad-data jrid isir teknikament possibbli, inkluż permezz ta' interfaċċi standardizzati interoperabbli u software interoperabbli; jisħaq li l-ostakli għall-kondiviżjoni tad-data jwasslu għal inqas innovazzjoni, kompetizzjoni mnaqqsa u t-tkomplija tal-istrutturi oligopolistiċi tas-suq, li jiffaċċjaw riskju qawwi li jsostnu lilhom infushom fis-suq biswit għall-applikazzjonijiet tal-IA;

148.

Jisħaq fuq l-importanza ewlenija li jinfetħu silos tad-data u jitrawwem l-aċċess għad-data għar-riċerkaturi u l-kumpaniji tal-IA kif deskritt fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar l-istrateġija Ewropea għad-data; jisħaq li l-iżbilanċi tas-suq li jirriżultaw mir-restrizzjoni miżjuda tad-data minn kumpaniji privati jżidu l-ostakli għad-dħul fis-suq u jnaqqsu l-aċċess u l-użu ta' data usa', u jagħmluha speċjalment diffiċli għan-negozji ġodda u r-riċerkaturi biex jakkwistaw jew jilliċenzjaw id-data li jeħtieġu biex iħarrġu l-algoritmi tagħhom; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi stabbilita ċ-ċertezza tad-dritt meħtieġa u l-infrastruttura teknika interoperabbli, filwaqt li d-detenturi tad-data fl-Ewropa jiġu mmotivati wkoll biex jagħmlu disponibbli l-ammonti kbar tagħhom ta' data mhux utilizzata; jikkunsidra li l-kondiviżjoni volontarja tad-data bejn in-negozji bbażata fuq arranġamenti kuntrattwali ġusti tikkontribwixxi biex jintlaħaq dan l-għan; jinnota, madankollu, li l-ftehimiet kuntrattwali B2B ma jiggarantixxux neċessarjament aċċess adegwat għad-data għall-SMEs minħabba d-disparitajiet fil-poter ta' negozjar jew fl-għarfien espert; jenfasizza li s-swieq tad-data miftuħa jiffaċilitaw il-kondiviżjoni tad-data billi jgħinu lill-kumpaniji u lir-riċerkaturi tal-IA jakkwistaw jew jilliċenzjaw id-data mingħand dawk li jixtiequ jagħmlu d-data disponibbli fuq tali swieq, li jinkludu katalgi tad-data u jippermettu lid-detenturi tad-data u lill-utenti jinnegozjaw tranżazzjonijiet ta' kondiviżjoni tad-data; jilqa' f'dan il-kuntest ir-regoli dwar is-servizzi ta' intermedjazzjoni tad-data fl-Att dwar il-Governanza tad-Data;

149.

Jilqa' l-inizjattivi tal-federazzjoni Ewropea tal-cloud, bħall-Alleanza Ewropea għad-Data Industrijali, għall-Edge u għall-Cloud, kif ukoll il-proġett GAIA-X, li għandhom l-għan li jiżviluppaw infrastruttura tad-data federata u joħolqu ekosistema li tippermetti l-iskalabbiltà, l-interoperabbiltà u l-awtodeterminazzjoni tal-fornituri tad-data; jinnota li l-ġabra ta' regoli tal-UE dwar il-cloud li tiġbor il-leġiżlazzjoni eżistenti u l-inizjattivi awtoregolatorji tgħin ukoll biex issarraf il-prinċipji u l-valuri komuni tal-UE fi proċessi u kontrolli azzjonabbli għall-prattikanti tekniċi;

150.

Jirrakkomanda li l-interoperabbiltà tad-data tissaħħaħ aktar u li jiġu stabbiliti standards komuni sabiex jiġi ffaċilitat il-fluss tad-data bejn il-magni u l-entitajiet differenti, tittejjeb il-kondiviżjoni tad-data bejn il-pajjiżi u s-setturi u jkun permess il-ħolqien fuq skala kbira ta' settijiet ta' data ta' kwalità għolja; jinnota li l-inkoraġġiment ta' standards miftuħa, is-software b'sors miftuħ, il-liċenzji komuni kreattivi u l-interfaċċi miftuħa għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet (APIs) jista' wkoll ikollhom rwol ewlieni fl-aċċellerazzjoni tal-kondiviżjoni tad-data; jenfasizza r-rwol ta' spazji Ewropej komuni tad-data biex jiffaċilitaw il-moviment liberu tad-data fl-ekonomija Ewropea tad-data;

151.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu li kundizzjonijiet kuntrattwali ġusti jkunu infurzati b'mod aktar qawwi fl-ambitu tar-regoli tal-kompetizzjoni bl-għan li jiġu indirizzati l-iżbilanċi tas-saħħa fis-suq mingħajr ma jinterferixxu mal-libertà kuntrattwali, u li l-awtoritajiet tal-antitrust ikunu mgħammra u jkollhom ir-riżorsi biex jiġġieldu t-tendenzi ta' konċentrazzjoni tad-data; jissottolinja li l-ispazji Ewropej tad-data jippermettu lill-kumpaniji jikkooperaw aktar mill-qrib ma' xulxin, u għalhekk iqis li hemm bżonn ta' aktar gwida u ċarezza tad-dritt għan-negozji dwar il-liġi tal-kompetizzjoni u l-kooperazzjoni dwar il-kondiviżjoni u l-ġbir tad-data; jisħaq li l-kooperazzjoni tad-data, inkluż għat-taħriġ tal-applikazzjonijiet tal-IA jew fl-industrija tal-internet tal-oġġetti (IoT), taħt l-ebda ċirkostanza ma għandha tiffaċilita l-iffurmar ta' kartelli jew toħloq ostakli għal parteċipanti ġodda f'suq; jenfasizza l-importanza li jiġu ċċarati d-drittijiet kuntrattwali tal-iżviluppaturi tal-IA u l-kumpaniji li jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' data permezz tal-użu ta' algoritmi jew magni tal-IoT, u b'mod partikolari d-drittijiet għall-aċċess għad-data, għall-portabbiltà tad-data, biex iħeġġu parti oħra biex tieqaf tuża d-data, u jikkoreġu jew iħassru d-data;

152.

Jistieden lill-Istati Membri, fir-rigward tad-data miżmuma mill-gvern, jimplimentaw malajr id-Direttiva dwar id-Data Miftuħa (39) u japplikaw kif xieraq l-Att dwar il-Governanza tad-Data, billi jagħmlu settijiet ta' data ta' valur għoli disponibbli idealment mingħajr ħlas u jfornuhom f'formati li jinqraw mill-magni u APIs; jisħaq li din l-inizjattiva tnaqqas l-ispejjeż għall-korpi pubbliċi biex ixerrdu u jerġgħu jużaw id-data tagħhom u tgħin lir-riċerkaturi u lill-kumpaniji tal-UE b'mod enormi biex itejbu t-teknoloġiji diġitali tagħhom f'oqsma bħall-IA;

153.

Jappella għal implimentazzjoni uniformi tal-GDPR madwar l-UE billi jiġi applikat b'mod effettiv u rapidu l-mekkaniżmu ta' konsistenza u billi jiġu allinjati l-interpretazzjonijiet nazzjonali differenti tal-liġi; huwa tal-fehma li hemm bżonn ukoll li l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jiġu mgħammra aħjar, inkluż b'għarfien espert tekniku;

154.

Jieħu nota tal-gwida prattika tal-Kummissjoni tal-2019 dwar kif jiġu pproċessati settijiet ta' data mħallta; jirrimarka li n-nuqqas ta' kondiviżjoni ta' settijiet ta' data ħafna drabi għadu l-aħjar għażla għar-riċerkaturi u l-kumpaniji tal-IA minħabba l-inċertezza dwar jekk id-data hijiex anonimizzata biżżejjed;

155.

Iqis li l-Opinjoni 05/2014 tal-Artikolu 29 tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-10 ta’ April 2014 dwar it-tekniki ta' anonimizzazzjoni toffri bħala ħarsa ġenerali utli, li tista' tiġi żviluppata aktar; jistieden lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPB) jadotta linji gwida bbażati fuq każijiet ta' użu speċifiċi u sitwazzjonijiet rilevanti għal tipi differenti ta' kontrolluri u proċessuri tad-data u sitwazzjonijiet ta' pproċessar differenti, inkluża lista ta' kontroll bir-rekwiżiti kollha li jridu jiġu ssodisfati biex id-data ssir anonima biżżejjed; jinnota, madankollu, li t-tekniki tal-anonimizzazzjoni bħalissa mhumiex kapaċi jiggarantixxu protezzjoni sħiħa u kompleta tal-privatezza, peress li l-esperimenti wrew li s-sistemi tal-IA moderni madankollu jirnexxielhom jidentifikaw persuna mill-ġdid;

156.

Jitlob lill-EDPB joħroġ aktar gwida għar-riċerkaturi u l-kumpaniji f'oqsma bħall-IA dwar kif jipproċessaw b'mod effettiv id-data personali barra mill-UE b'mod konformi mal-GDPR;

157.

Jissuġġerixxi l-finanzjament ta' aktar riċerka dwar l-istandardizzazzjoni ta' approċċi ta' “privatezza mid-disinn”, kif ukoll il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet kriptografiċi u tagħlim awtomatiku li jippreserva l-privatezza, peress li huwa kruċjali li jiġi żgurat li tkun tista' tintuża data ta' kwalità għolja biex jitħarrġu l-algoritmi u jitwettqu kompiti tal-IA mingħajr ksur tal-privatezza; jinnota li trusts tad-data, ċertifikazzjonijiet għal applikazzjonijiet tal-IA ta' riskju għoli, sistemi ta' ġestjoni tal-informazzjoni personali u l-użu ta' data sintetika wkoll jidhru promettenti;

158.

Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jingranaw il-proġett tal-OECD stabbilit reċentement dwar l-aċċess fdat tal-gvern għal data personali miżmuma mis-settur privat bħala punt ta' referenza għal dawk li jfasslu l-politika globalment biex jaħdmu lejn soluzzjoni internazzjonali u konverġenza regolatorja tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam; jisħaq, f'dan ir-rigward, li l-fluss liberu tad-data u tal-metadata bejn il-fruntieri internazzjonali, filwaqt li jirrispetta bis-sħiħ l-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, huwa faċilitatur kruċjali għall-innovazzjoni diġitali fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni għalhekk toqgħod lura milli timponi rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni tad-data, ħlief meta dan ikun meħtieġ biex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali, inkluż il-protezzjoni tad-data, jew f'każijiet limitati, proporzjonati u ġustifikati li fihom tali politika tkun fl-interess tal-UE jew tkun meħtieġa biex jiġu sostnuti l-istandards Ewropej;

159.

Jistieden lill-Kummissjoni twieġeb għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) li l-Ħarsien tal-Privatezza UE-U.S. huwa invalidu billi tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li kwalunkwe deċiżjoni ġdida ta' adegwatezza fir-rigward tal-Istati Uniti tikkonforma bis-sħiħ mal-GDPR, mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u kull aspett tas-sentenza tal-QĠUE, filwaqt li jiġu ssimplifikati wkoll il-flussi tranżatlantiċi tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssegwi taħditiet dwar l-adegwatezza tad-data ma' pajjiżi oħra mhux tal-UE, peress li dan huwa l-aħjar mod biex jiġu promossi l-politiki tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u jiġi permess l-iskambju internazzjonali tad-data;

b)   L-ikkompletar tas-suq uniku diġitali

i.   STRATEĠIJI NAZZJONALI DWAR L-IA

160.

Jistieden lill-Istati Membri jirrieżaminaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom dwar l-IA, peress li diversi minnhom għadhom vagi u ma għandhomx għanijiet ċari, inkluż fir-rigward tal-edukazzjoni diġitali għas-soċjetà kollha kif ukoll kwalifiki avvanzati għall-ispeċjalisti; jirrakkomanda li l-Istati Membri jifformulaw azzjonijiet konkreti, kwantifikabbli u speċifiċi, filwaqt li jippruvaw joħolqu sinerġiji bejniethom;

161.

Jistieden lill-Kummissjoni tgħin lill-Istati Membri jistabbilixxu l-prijoritajiet u jallinjaw kemm jista' jkun l-istrateġiji nazzjonali tagħhom dwar l-IA u l-ambjenti regolatorji sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza madwar l-UE; jirrimarka li, filwaqt li diversità ta' approċċi nazzjonali hija mod tajjeb biex jiġu stabbiliti l-aħjar prattiki, l-iżviluppaturi u r-riċerkaturi tal-IA jiffaċċjaw ostakli kbar jekk ikunu soġġetti għal parametri operattivi u obbligi regolatorji differenti f'kull wieħed mis-27 Stat Membru;

ii.   OSTAKLI GĦAS-SUQ

162.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli l-ħidma tagħha fuq it-tneħħija ta' ostakli mhux ġustifikati għat-tlestija sħiħa tas-suq uniku diġitali, inkluż diskriminazzjoni bbażata fuq il-pajjiż mhux dovuta, rikonoxximent reċiproku mhux komplut tal-kwalifiki professjonali, proċeduri ta' aċċess għas-suq b'piż żejjed, spejjeż tal-konformità regolatorja għoljin bla bżonn u proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità diverġenti, u tindirizza l-użu frekwenti ta' derogi li jirriżulta f'regoli diverġenti fost il-ġuriżdizzjonijiet differenti tal-Istati Membri; jenfasizza li għall-kumpaniji li joperaw f'ambjent transfruntier, ir-regoli madwar l-UE kollha dwar l-IA, b'kuntrast ma' approċċ frammentat pajjiż b'pajjiż, huwa żvilupp milqugħ li se jgħin biex titrawwem pożizzjoni ta' tmexxija Ewropea dwar l-iżvilupp u l-użu tal-IA;

163.

Jistieden lill-Kummissjoni taċċellera l-istabbiliment ta' unjoni reali tas-swieq kapitali; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitjieb l-aċċess għar-riżorsi finanzjarji, speċjalment għall-SMEs, għan-negozji ġodda u għan-negozji li qed jespandu;

164.

Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu konklużi malajr in-negozjati dwar il-fajls leġiżlattivi pendenti mmirati lejn it-tlestija tas-suq uniku diġitali;

165.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura infurzar konsistenti mar-regoli tas-suq uniku;

166.

Jinnota li l-qafas leġiżlattiv il-ġdid għandu jiġi aġġornat bir-reqqa u jiġi allinjat mal-prodotti u s-servizzi diġitali; jipproponi li l-enfasi għandha titqiegħed fuq l-immodernizzar u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri ta' konformità billi jiġu introdotti alternattivi diġitali għal mezzi eżistenti analogi u bbażati fuq il-karta li jippermettu lill-kumpaniji jużaw, pereżempju permezz tal-markatura CE diġitali, it-tikkettar elettroniku jew struzzjonijiet ta' sikurezza diġitalizzati;

167.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja n-negozji offline li jixtiequ joperaw online; iħeġġeġ aktar kampanji ta' informazzjoni mmirati lejn l-SMEs u n-negozji ġodda b'antiċipazzjoni għal leġiżlazzjoni ġdida u futura tal-UE f'dan ir-rigward, kif ukoll żieda fl-infurzar tar-regoli tas-sorveljanza tas-suq bħala mezz biex tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi Ewropej;

iii.   KUNDIZZJONIJIET EKWIVALENTI TA' KOMPETIZZJONI

168.

Huwa konvint li l-oqfsa attwali nazzjonali u Ewropej tal-kompetizzjoni u tal-antitrust jeħtieġ li jiġu riformati sabiex jiġu mmirati aħjar l-abbużi tas-saħħa tas-suq u l-kollużjoni algoritmika fl-ekonomija diġitali, u kwistjonijiet relatati mal-akkumulazzjoni tad-data, kif ukoll biex jiġu indirizzati aħjar ir-riskji ta' monopolji emerġenti ġodda mingħajr ma tiġi kompromessa l-innovazzjoni; jilqa' l-approvazzjoni li jmiss tal-Att dwar is-Swieq Diġitali; jappella għall-konsiderazzjoni speċifikata ta' kwistjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni fil-qasam tal-IA;

169.

Jinnota li tali riforma għandha ssaħħaħ approċċ ibbażat fuq l-evidenza u tqis aktar il-valur tad-data u l-implikazzjonijiet tal-effetti tan-network, tintroduċi regoli ċari għal pjattaformi dominanti fis-suq u żżid iċ-ċertezza tad-dritt għall-kooperazzjoni fl-ekonomija diġitali;

170.

Jistqarr, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għandha tadatta l-prattiki tagħha ta' definizzjoni tas-suq biex tiddefinixxi s-swieq b'mod aktar preċiż u f'konformità mar-realtajiet moderni tas-suq fis-settur diġitali, filwaqt li twettaq analiżi dinamika u tadotta perspettiva fit-tul biex tivvaluta l-eżistenza ta' pressjonijiet kompetittivi;

171.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jżidu l-isforzi tagħhom biex jimmonitorjaw is-swieq diġitali fuq bażi kontinwa, u b'hekk jidentifikaw restrizzjonijiet kompetittivi u ostakli fil-kompetizzjoni, u sussegwentement jimponu azzjonijiet korrettivi aktar ta' spiss fuq kumpaniji li jabbużaw mill-pożizzjoni dominanti tagħhom jew li jimpenjaw ruħhom f'imġiba antikompetittiva;

172.

Jistieden lill-Istati Membri jżidu b'mod sostanzjali l-finanzjament għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u l-kapaċità teknika tagħhom sabiex jiżguraw l-infurzar effettiv u rapidu tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-ekonomija diġitali b'ritmu mgħaġġel u kumplessa; jissottolinja li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom iħaffu l-proċedimenti ta' abbuż u, fejn meħtieġ, japplikaw miżuri interim biex jippreservaw u jippromwovu l-kompetizzjoni ġusta, filwaqt li fl-istess ħin jiggarantixxu d-drittijiet ta' difiża proċedurali tal-kumpaniji;

c)   Infrastruttura ekoloġika diġitali

i.   KONNETTIVITÀ U QAWWA KOMPUTAZZJONALI

173.

Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-ambizzjoni tagħha li tinċentiva 75 % tal-intrapriżi Ewropej biex sal-2030 jadottaw servizzi tal-computing cloud, big data u IA sabiex jibqgħu kompetittivi fuq livell globali u jaċelleraw il-miri tan-newtralità klimatika tagħha biex jiżguraw li dawn jintlaħqu sal-2050; huwa tal-fehma li l-allokazzjoni ta' EUR 2.07 biljun f'finanzjament għall-infrastruttura diġitali fl-ambitu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa mhijiex biżżejjed;

174.

Jisħaq li l-bidla fil-volum u fl-ipproċessar tad-data għall-IA tirrikjedi wkoll l-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ġodda għall-ipproċessar tad-data li jinkludu l-edge, u b'hekk jitbiegħdu minn mudelli ta' infrastruttura ċentralizzati bbażati fuq il-cloud filwaqt li jersqu lejn żieda fid-deċentralizzazzjoni tal-kapaċitajiet tal-ipproċessar tad-data; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-investiment u tar-riċerka fir-raggruppamenti distribwiti tal-computing, fin-nodi tal-edge u fl-inizjattivi diġitali tal-mikrokontrollur; jinnota li t-tranżizzjoni għal użu wiesa' ta' soluzzjonijiet edge tista' tkun aktar intensiva fir-riżorsi, peress li l-benefiċċji tal-ottimizzazzjoni tal-ġbir jintilfu u jisħaq li l-ispiża/il-benefiċċju ambjentali tal-infrastrutturi edge għandhom jiġu eżaminati f'livell sistemiku fi strateġija Ewropea dwar il-cloud, inkluż biex jiġi ottimizzat il-konsum tal-enerġija tal-IA;

175.

Jisħaq li l-IA tirrikjedi hardware b'saħħtu biex ikunu jistgħu jintużaw algoritmi sofistikati, inklużi l-computing ta' prestazzjoni għolja u l-computing kwantistiku u l-IoT; jappella għal żidiet kontinwi fil-finanzjament pubbliku u privat għal soluzzjonijiet innovattivi li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija, inkluż l-ekodisinn tas-software; jappella għall-iżvilupp ta' standards dwar il-kejl tal-użu tar-riżorsi mill-infrastruttura diġitali fil-livell tal-UE, ibbażati fuq l-aħjar prattiki; jinsab imħasseb dwar il-kriżi globali tal-mikroproċessuri u jilqa', f'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għal Att dwar iċ-Ċipep biex titnaqqas id-dipendenza attwali tal-UE fuq fornituri esterni; iwissi, madankollu, dwar ir-riskji futuri ta' kapaċità żejda fis-suq u jwissi dwar il-kunsiderazzjoni bir-reqqa taċ-ċiklu tal-investiment;

176.

Jenfasizza li infrastruttura funzjonali u rapida għall-IA trid tkun ibbażata fuq konnettività diġitali b'veloċità għolja ġusta u sikura, li tirrikjedi t-tnedija tal-5G fiż-żoni urbani kollha sal-2030, kif ukoll aċċess wiesa' għal networks tal-broadband ultraveloċi u politika tal-ispettru b'kundizzjonijiet ta' liċenzja li jiżguraw il-prevedibbiltà, irawmu l-investiment fit-tul u ma jxekklux il-kompetizzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkomplu jimplimentaw is-sett ta' għodod tal-5G; jitlob li d-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża għall-Broadband (40) titqiegħed fil-prattika biex tiffaċilita l-użu tan-network; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali fuq il-5G; jisħaq fuq l-importanza li jiġi miġġieled it-tixrid tad-diżinformazzjoni relatata man-networks 5G bi strateġija ta' komunikazzjoni tal-UE; jirrimarka, f'dan ir-rigward, li dibattitu wiesa' u inklużiv fl-aħħar mill-aħħar se jikkontribwixxi biex tinħoloq il-fiduċja fost iċ-ċittadini fir-rigward tal-azzjonijiet lejn l-iżvilupp kontinwu tan-networks mobbli;

177.

Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi skedi ta' żmien għall-Istati Membri, il-bliet, ir-reġjuni u l-industrija, u ttejjeb il-proċessi ta' approvazzjoni amministrattiva għall-5G; jitlob li f'reġjuni fejn it-tnedija ssir mis-settur pubbliku, isiru disponibbli aktar fondi biex iwasslu l-konnettività b'veloċità għolja fil-komunitajiet remoti u jikkontribwixxu biex jitnaqqas id-distakk diġitali; jappella għal appoġġ għal proġetti ta' broadband u konnettività skont il-qafas finanzjarju pluriennali, b'aċċess aktar faċli għall-awtoritajiet lokali biex jevitaw in-nuqqas ta' użu tal-fondi pubbliċi;

178.

Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-interazzjoni bejn l-IA u l-mewġa li jmiss ta' infrastruttura diġitali, li tippermetti lill-Ewropa tkun fuq quddiem fin-networks tal-ġenerazzjoni li jmiss, inkluż is-6G;

179.

Jappella għal strateġija ċara dwar l-użu tan-network tal-fibra ottika u t-tnedija tal-broadband fiż-żoni rurali, li hija wkoll kruċjali għal teknoloġiji intensivi fid-data bħall-IA; jappella, f'dan ir-rigward għal appoġġ akbar mill-Bank Ewropew tal-Investiment għall-proġetti ta' konnettività fiż-żoni rurali;

180.

Jisħaq li l-investiment sinifikanti meħtieġ għall-implimentazzjoni tan-network u t-tnedija rapida sabiex jintlaħqu l-miri stabbiliti mill-Kumpass Diġitali jirrikjedi ftehimiet ta' kondiviżjoni tal-infrastruttura, li huma wkoll kruċjali għall-promozzjoni tas-sostenibbiltà u għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija; jisħaq li dawn l-isforzi għadhom fil-bidu tagħhom u jeħtieġ li jiġu estiżi aktar;

ii.   SOSTENIBBILTÀ

181.

Iħeġġeġ lill-UE tieħu pożizzjoni ta' tmexxija biex tagħmel l-infrastruttura diġitali ekoloġika newtrali għall-klima u effiċjenti fl-użu tal-enerġija sal-2030 f'konformità mal-miri tal-Ftehim ta' Pariġi u integrata mal-programm ta' politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew; inkluż billi jiġi vvalutat l-impatt ambjentali tal-użu fuq skala kbira ta' sistemi bbażati fuq l-IA, filwaqt li titqies iż-żieda fil-ħtiġijiet tal-enerġija tal-iżvilupp u l-użu tal-IA; jappella għal azzjoni multilaterali globali koordinata biex l-IA tintuża fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali u ekoloġika, kif ukoll fit-telfien tal-bijodiversità;

182.

Iħeġġeġ l-użu tal-IA biex jiġi mmonitorjat il-konsum tal-enerġija fil-muniċipalitajiet u jiġu żviluppati miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

183.

Jirrikonoxxi l-karattru intensiv fid-data u fl-użu tar-riżorsi ta' xi applikazzjonijiet tal-IA fuq skala kbira u l-impatti rispettivi tagħhom fuq l-ambjent; ifakkar fil-fatt li biex l-IA Ewropea tkun sostenibbli u ambjentalment responsabbli, is-sistemi tal-IA għandhom jiġu ddisinjati, żviluppati u użati bl-għan li jinkisbu t-tranżizzjoni ekoloġika, in-newtralità klimatika u l-ekonomija ċirkolari;

184.

Jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva l-użu ta' ċentri tad-data effiċjenti fl-użu tal-enerġija li jistgħu jappoġġjaw in-newtralità tal-karbonju;

185.

Jenfasizza li n-nuqqas attwali ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni taċ-ċentri tad-data jfixkel il-possibbiltà li tittieħed azzjoni pubblika adegwata u jkun hemm ħarsa ġenerali komparattiva tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċentri tad-data; jappella għal żieda sinifikanti fl-għadd ta' valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali mwettqa fuq l-iżvilupp tal-IA; jappella għall-iżvilupp ta' rekwiżiti biex jiġi żgurat li tkun disponibbli evidenza xierqa biex titkejjel l-impronta ambjentali tal-applikazzjonijiet tal-IA fuq skala kbira; jindika l-ħtieġa ta' regoli u linji gwida ċari għall-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali dwar l-IA, inklużi valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja bi kriterji multipli; jappella għal aċċess miftuħ għall-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċentri tad-data, l-iżvilupp ta' standards tal-UE u l-ħolqien ta' tikketti ekoloġiċi tal-UE għall-cloud computing;

186.

Jappella għal pjan ta' ekonomija ċirkolari għat-teknoloġiji diġitali u l-IA u jenfasizza li l-UE għandha tiżgura katina b'saħħitha ta' riċiklaġġ tal-ICT;

187.

Jirrakkomanda li jitrawwem l-użu ta' soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA f'konformità mat-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali fis-setturi kollha, biex jiġu kkoordinati standards sostenibbli għan-negozji u jkun possibbli l-monitoraġġ tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-ġbir ta' informazzjoni dwar l-emissjonijiet u ċ-ċikli tal-ħajja tal-prodotti;

188.

Jistieden lill-Kummissjoni tniedi kompetizzjonijiet u missjonijiet għal soluzzjonijiet tal-IA li jindirizzaw problemi ambjentali speċifiċi u ssaħħaħ dan il-komponent f'Orizzont Ewropa u fil-programm Ewropa diġitali; ifakkar fil-fatt li l-proġetti relatati mal-potenzjal tal-IA biex tindirizza t-tħassib ambjentali għandhom jitwettqu abbażi ta' riċerka u innovazzjoni responsabbli u etiċi;

189.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa kriterji ambjentali u torbot l-allokazzjoni tal-baġit tal-UE, il-finanzjament u l-proċeduri tal-akkwist pubbliku għall-IA mal-prestazzjoni ambjentali tagħhom;

190.

Jistieden lill-Kummissjoni trawwem bliet intelliġenti, li jkopru bini intelliġenti, grilji intelliġenti, karozzi konnessi, pjattaformi mobbli, servizzi pubbliċi u loġistika; jappoġġja l-iżvilupp ta' ġabra komuni tal-aħjar prattiki għal proġetti u applikazzjonijiet; jisħaq li l-bliet intelliġenti jirrikjedu kooperazzjoni tajba bejn il-gvernijiet statali u lokali, kif ukoll fost l-aġenziji u l-partijiet privati tagħhom;

191.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ddefiniti prinċipji biex jiġi żgurat li d-data rilevanti dwar il-klima u s-sostenibbiltà tkun tista' tiġi integrata meta jiġu stabbiliti spazji ġodda tad-data dwar is-sostenibbiltà;

192.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Istati Membri u mas-settur privat biex tistabbilixxi u tappoġġja faċilitajiet ta' ttestjar fejn l-applikazzjonijiet tal-IA jistgħu jiġu ttestjati fuq il-prestazzjoni tas-sostenibbiltà tagħhom u toffri gwida dwar kif tittejjeb l-impronta ambjentali ta' dawn l-applikazzjonijiet; iħeġġeġ l-adattament ta' faċilitajiet ta' ttestjar eżistenti biex jiffokaw fuq każijiet ta' użu fil-produzzjoni ċirkolari;

193.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi infrastruttura tat-trasport sostenibbli li tuża l-IA biex iżżid l-effiċjenza, tnaqqas it-tniġġis u tippromwovi l-adattabilità għall-ħtiġijiet tal-utenti;

d)   Ekosistema ta' eċċellenza

i.   TALENT

194.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq qafas ta' ħiliet fl-IA għall-individwi, li jibni fuq il-qafas ta' kompetenza diġitali, li jipprovdi liċ-ċittadini, lill-ħaddiema u lin-negozji b'opportunitajiet rilevanti ta' taħriġ u ta' tagħlim tal-IA u jtejjeb il-kondiviżjoni tal-għarfien, l-aħjar prattiki u l-litteriżmu tal-media u tad-data bejn l-organizzazzjonijiet u l-kumpaniji kemm fil-livell tal-UE kfir ukoll nazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni taħdem malajr fuq il-ħolqien ta' tali qafas ta' kompetenza billi tibni fuq skemi eżistenti tal-edukazzjoni dwar l-IA; jirrakkomanda li jiġi stabbilit spazju Ewropew tad-data dwar il-ħiliet tal-IA biex jiġi appoġġjat it-taħriġ Ewropew dwar il-ħiliet fil-livelli settorjali u reġjonali fl-Istati Membri kollha; jisħaq li l-akkwist u t-tagħlim tal-ħiliet diġitali u tal-IA jeħtieġ li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, u b'mod partikolari għan-nisa u l-gruppi vulnerabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw korsijiet online bla ħlas li jtejbu t-taħriġ bażiku fl-IA;

195.

Iħeġġeġ l-investiment fir-riċerka biex jiġu mifhuma aħjar ix-xejriet strutturali relatati mal-IA fis-suq tax-xogħol, inkluż liema ħiliet huma f'domanda akbar jew f'riskju ta' nuqqas fil-futur biex jiġu infurmati l-iskemi ta' tranżizzjoni tal-impjegati;

196.

Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' miżuri mmirati u sistematiċi fit-taħriġ professjonali għall-adulti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki inkluż investiment xieraq fit-taħriġ mill-ġdid u fit-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, inkluż billi jinfurmaw liċ-ċittadini dwar kif joperaw l-algoritmi u l-impatt tagħhom fuq il-ħajja ta' kuljum; jappella biex tingħata attenzjoni speċjali lil dawk li tilfu l-impjieg tagħhom jew li huma f'riskju li jitilfuh minħabba t-tranżizzjoni diġitali, bil-għan li jitħejjew biex jaħdmu b'teknoloġiji relatati mal-IA u l-ICT; jistieden lill-Kummissjoni biex tinċentiva u tinvesti fi sħubijiet ta' ħiliet ta' bosta partijiet ikkonċernati biex tittestja l-aħjar prattiki; jirrakkomanda li jiġi mmonitorjat il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità marbuta mal-IA fl-UE;

197.

Jisħaq li l-lakuni diġitali eżistenti jistgħu jingħalqu biss b'miżuri mmirati u inklużivi kemm lejn in-nisa kif ukoll lejn l-anzjani u għalhekk jappella għal investimenti sostanzjali f'miżuri mmirati ta' titjib fil-ħiliet u edukattivi biex jingħalqu tali lakuni diġitali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jrawmu kultura u kundizzjonijiet tax-xogħol ugwali għall-ġeneru f'dan ir-rigward;

198.

Jappella lill-Kummissjoni tippromwovi l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f'kumpaniji li jaħdmu fuq attivitajiet relatati mal-IA u l-ICT, inkluż permezz tal-finanzjament ta' proġetti mmexxija minn nisa fis-settur diġitali u l-promozzjoni ta' numru minimu ta' riċerkaturi nisa li jipparteċipaw f'sejħiet ta' finanzjament ta' riċerka relatata mal-IA u l-ICT;

199.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' talent billi jiġu żgurati t-tkabbir, l-attrazzjoni u ż-żamma tal-aqwa talent; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssegwi l-għan tagħha li jkollha 20 miljun speċjalista tal-ICT impjegati fl-UE; jisħaq li sabiex iżżomm l-aqwa talent tal-IA u tipprevjeni l-eżodu ta' mħuħ, l-UE teħtieġ li tippermetti salarji kompetittivi, kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar, kooperazzjoni transfruntiera u infrastruttura kompetittiva;

200.

Jenfasizza l-valur miżjud li jkun hemm qafas tal-Unjoni simplifikat biex jattira talent internazzjonali fis-settur tat-teknoloġija, sabiex jippermetti l-fluss tat-talent u l-mobilità fi ħdan l-UE u minn barra, itejjeb l-aċċess tat-talent internazzjonali għas-suq tax-xogħol tal-Unjoni u jattira ħaddiema u studenti fuq talba; jenfasizza li huma meħtieġa għodod innovattivi u leġiżlazzjoni ġodda biex jgħinu jqabblu lill-impjegaturi ma' ħaddiema prospettivi tal-ICT, jindirizzaw in-nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol, u jiffaċilitaw ir-rikonoxximent ta' kwalifiki u ħiliet internazzjonali; jirrakkomanda l-ħolqien ta' riżerva ta' talent tal-UE u pjattaforma ta' tqabbil biex iservu ta' punt uniku ta' servizz għat-talenti internazzjonali li jixtiequ japplikaw għal xogħol fl-UE, kif ukoll għall-impjegaturi li jfittxu impjegati potenzjali barra mill-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta Blu tal-UE biex tiżgura li l-Ewropa tibqa' miftuħa għat-talent globali;

201.

Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza d-domanda akbar għal xogħol mill-bogħod bejn il-fruntieri tal-Istati Membri biex tippermetti lill-impjegati tal-UE u internazzjonali jaħdmu mill-bogħod fi Stat Membru differenti minn dak li jkunu qed joqogħdu fih; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, rieżami komprensiv tal-ostakli leġiżlattivi u ostakli oħrajn għax-xogħol mill-bogħod u li dawn jiġu indirizzati fi proposti leġiżlattivi sussegwenti;

202.

Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koeżjoni tal-innovazzjoni fost ir-reġjuni tal-UE u l-Istati Membri, peress li t-talent jista' jkun distribwit b'mod inugwali;

203.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw protezzjoni xierqa tad-drittijiet u l-benesseri tal-ħaddiema, bħan-nondiskriminazzjoni, il-privatezza, l-awtonomija u d-dinjità tal-bniedem fl-użu tal-IA u l-ġestjoni algoritmika, inkluż fir-rigward ta' prattiki ta' sorveljanza mhux xierqa; jisħaq li meta tintuża l-IA fuq il-post tax-xogħol, l-impjegaturi jeħtiġilhom ikunu trasparenti dwar il-mod kif jintuża u l-influwenza tagħha fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol u jisħaq li l-ħaddiema għandhom dejjem jiġu infurmati u kkonsultati qabel l-użu ta' apparati u prattiki bbażati fuq l-IA; jenfasizza l-fatt li l-algoritmi dejjem irid ikollhom sorveljanza mill-bniedem u li d-deċiżjonijiet tagħhom iridu jkunu responsabbli, kontestabbli u, fejn rilevanti, riversibbli; jemmen li għandu jitħeġġeġ it-taħriġ tal-iżviluppaturi tal-algoritmi fi kwistjonijiet etiċi, ta' trasparenza u antidiskriminatorji;

204.

Jappella għal strateġija Ewropea għal użu sikur tal-IA fir-rigward tat-tfal li hija ddisinjata biex tinforma lit-tfal dwar l-interazzjoni mal-IA bil-għan li tipproteġihom mir-riskji u mill-ħsara potenzjali;

205.

Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu l-ħiliet u l-litteriżmu diġitali komponent tal-edukazzjoni bażika u tat-tagħlim tul il-ħajja; jappella għal sistema edukattiva tal-IA ta' prestazzjoni għolja li trawwem il-litteriżmu diġitali, il-ħiliet u r-reżiljenza diġitali minn stadju bikri, li tibda mill-edukazzjoni primarja; jenfasizza li l-iżvilupp ta' kurrikuli effettivi għall-edukazzjoni diġitali jirrikjedi rieda politika, riżorsi suffiċjenti u riċerka xjentifika; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-introduzzjoni ta' korsijiet ta' kompetenza tal-IA u dik komputazzjonali fl-iskejjel, fl-universitajiet u fl-istituzzjonijiet edukattivi Ewropej kollha; jenfasizza li tali żvilupp tal-ħiliet huwa meħtieġ fl-edukazzjoni tal-adulti daqskemm fl-edukazzjoni primarja jew sekondarja; jappella għal inizjattiva ta' politika komprensiva u konsistenti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri dwar il-ħiliet u l-edukazzjoni tal-IA fil-livell tal-UE, kif ukoll għal inizjattiva leġiżlattiva dwar l-IA fuq il-post tax-xogħol;

206.

Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa ta' kurrikuli universitarji multidixxiplinari li jiffokaw fuq il-ħiliet diġitali u tal-IA, inkluż fis-saħħa, u ċentri ta' riċerka transdixxiplinari; jemmen li għandhom jiġu enfasizzati wkoll il-perkorsi lejn edukazzjoni ulterjuri biex jispeċjalizzaw fl-IA (eż. lawrji ta' Master's u PhD, u studju part-time);

207.

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-iżvilupp ta' metodi ta' tagħlim u kurrikuli innovattivi fl-oqsma u fl-ipprogrammar ta' STEM, b'mod partikolari biex isaħħu l-kwalità tal-matematika u l-analiżi statistika għall-għan biex jinftiehmu l-algoritmi tal-IA; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu d-dixxiplini akkademiċi STEM biex jiżdied in-numru ta' studenti f'dawn l-oqsma; jisħaq li dixxiplini oħra li jinteraġixxu mad-dixxiplini STEM se jkunu wkoll kruċjali għall-promozzjoni tal-ħiliet diġitali;

208.

iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu l-parteċipazzjoni tan-nisa fi studji u karrieri relatati mas-suġġetti STEM, l-ICT u l-IA biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż billi tiġi ddefinita mira għall-parteċipazzjoni ta' riċerkaturi nisa fi proġetti STEM u tal-IA;

209.

Jisħaq li l-edukazzjoni diġitali għandha żżid ukoll is-sensibilizzazzjoni dwar aspetti tal-ħajja ta' kuljum li potenzjalment jiġu affettwati mit-tagħlim awtomatiku, inklużi magni ta' rakkomandazzjoni, reklamar immirat, algoritmi tal-media soċjali u deepfakes; jisħaq li r-reżiljenza diġitali tirrikjedi edukazzjoni addizzjonali fil-media biex tgħin fil-kuntestwalizzazzjoni ta' ħiliet diġitali u tal-IA ġodda u għalhekk jappella għal appoġġ lejn korsijiet ġodda u diġà eżistenti tal-litteriżmu aċċessibbli tal-IA għaċ-ċittadini kollha, u approvazzjoni dwarhom;

210.

Jappella għal miżuri biex jiġi żgurat li kull faċilità edukattiva jkollha aċċess għall-broadband, kif ukoll infrastruttura ta' tagħlim diġitali b'saħħitha; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-universitajiet Ewropej u n-networks tagħhom jiġu pprovduti bir-riżorsi komputazzjonali adegwati meħtieġa għat-taħriġ tal-mudelli tal-IA, li qed isiru dejjem aktar għaljin; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-għalliema jkollhom il-ħiliet u l-għodod meħtieġa tal-IA; jappella għal żieda fl-enfasi fuq it-taħriġ tekniku għall-għalliema u l-iżvilupp ta tagħlim u għodod ta' tagħlim innovattivi;

211.

Jitlob investiment f'inizjattivi ta' ħiliet ta' kodifikazzjoni taż-żgħażagħ biex jitrawmu ħiliet tal-IA taż-żgħażagħ u kwalifiki ta' livell għoli, inklużi akkademji tal-kodifikazzjoni, programmi tal-iskejjel tas-sajf u boroż ta' studju speċifiċi għall-IA; huwa tal-opinjoni li t-Traineeships ta' Opportunità Diġitali tal-UE għandhom jiġu estiżi aktar għat-taħriġ vokazzjonali;

ii.   RIĊERKA

212.

Jitlob lill-UE żżid l-investiment fir-riċerka fl-IA u f'teknoloġiji ewlenin oħra, bħar-robotika, il-computing kwantistiku, il-mikroelettronika, l-IoT, in-nanoteknoloġija u l-istampar 3D; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa u żżomm pjan direzzjonali strateġiku Ewropew għar-riċerka għall-IA li jindirizza l-isfidi interdixxiplinari ewlenin fejn l-IA tista' tkun parti mis-soluzzjoni; jissottolinja li l-investimenti għandhom ikunu diretti lejn każijiet ta' użu li x'aktarx iżidu s-soluzzjonijiet sostenibbli, il-benessri u l-inklużjoni fis-soċjetà;

213.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jonfqu proporzjon ikbar mill-PDG tagħhom fuq riċerka dwar it-teknoloġiji diġitali; iħeġġeġ it-tisħiħ kontinwu tal-programm Orizzont Ewropa, b'mod partikolari s-sħubija tiegħu dwar l-IA, id-data u r-robotika u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni; iħeġġeġ l-espansjoni tal-programm Ewropa diġitali u jqis li l-finanzjament allokat tiegħu ta' EUR 7.6 biljun għandu jiżdied;

214.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi pprijoritizzata r-riċerka fil-livell tal-UE fl-qasam tal-IA; jistieden lill-Kummissjoni tissimplifika l-istruttura tal-finanzjament tar-riċerka, inkluż ir-rekwiżiti u l-proċessi tal-applikazzjoni għal għotja; jisħaq fuq il-ħtieġa li jittejbu l-kwalità u l-konsistenza tar-rieżamijiet tal-proposti u li tiżdied il-prevedibbiltà tal-istrumenti ta' finanzjament u taż-żmien tagħhom biex jiġi appoġġjat l-ippjanar fit-tul, permezz tal-pjan direzzjonali Ewropew għar-riċerka dwar l-IA; jistieden lill-Kummissjoni tiffinanzja aktar applikazzjonijiet fil-qasam tal-IA, billi tgħaqqad strumenti differenti, bħall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, l-Azzjonijiet Marie Curie, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija;

215.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-finanzjament tar-riċerka dwar l-IA li tiffoka fuq IA sostenibbli u soċjalment responsabbli, li tikkontribwixxi biex jinstabu soluzzjonijiet li jissalvagwardjaw u jippromwovu d-drittijiet fundamentali, u jevitaw programmi ta' finanzjament li joħolqu riskju inaċċettabbli għal dawn id-drittijiet, inklużi sistemi ta' finanzjament ta' sorveljanza tal-massa, punteġġ soċjali u sistemi oħra li għandhom il-potenzjal li jwasslu għal impatti soċjali negattivi, kif ukoll teknoloġiji li jikkontribwixxu għall-ħsara ambjentali;

216.

Jinkoraġġixxi li jinħolqu aktar karigi ta' għalliema dwar l-IA fl-universitajiet Ewropej, salarji adegwati għar-riċerka dwar l-IA u l-għoti ta' aktar finanzjament pubbliku sabiex il-ġenerazzjoni attwali u li jmiss ta' riċerkaturi u talent tiġi mħarrġa u tinżamm u jiġi evitat l-eżodu ta' mħuħ; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitnaqqsu l-ostakli burokratiċi għar-riċerkaturi universitarji fl-aċċess ta' fondi faċilment u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għodod biex tiżdied l-interkonnettività diġitali bejn l-universitajiet fi ħdan u bejn l-Istati Membri; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' networks trażversali għall-IA madwar l-universitajiet, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u s-settur privat Ewropej, kif ukoll ċentri ta' riċerka multidixxiplinarji tal-IA dedikati;

217.

Jirrakkomanda li l-universitajiet isaħħu l-finanzjament għal proġetti ta' riċerka applikata li fihom jitqiesu d-dimensjonijiet tal-IA;

218.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasferimenti tal-għarfien bejn ir-riċerka dwar l-IA u l-pubbliku billi tistabbilixxi networks tan-negozju u punti ta' kuntatt mal-professjonisti legali u konsulenti tan-negozju f'universitajiet, kif ukoll billi tistabbilixxi panels taċ-ċittadini, pjattaformi tax-xjenza u tas-soċjetà, u tinvolvi lill-pubbliku fit-tfassil tal-aġendi tar-riċerka dwar l-IA; jissottolinja l-importanza ta' tranżizzjoni bla xkiel mill-akkademja għall-industrija u l-valur miżjud tal-prossimità bejn dawn it-tnejn għal ekosistemi u ċentri industrijali tal-IA ta' suċċess u dinamiċi;

219.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu aċċellerati t-trasferimenti tal-għarfien fl-UE mir-riċerka u x-xjenza għall-applikazzjonijiet tal-IA fl-industrija u fis-settur pubbliku; jilqa' l-ħolqien ta' sħubija pubblika-privata dedikata dwar l-IA; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi ċentri Ewropej tad-data dwar l-IA, żviluppati b'mod konġunt mal-industrija u mas-soċjetà ċivili; jisħaq fuq l-importanza tas-siti tal-ittestjar għall-IA; jagħmel referenza speċifika għall-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, l-Impriża Konġunta Teknoloġiji Diġitali Ewlenin u n-Networks Intelliġenti u l-Impriża Konġunta tas-Sistemi;

220.

Jappella għall-istabbiliment ta' fanali tal-IA appoġġjati fl-ambitu tal-qafas ta' Orizzont Ewropa, li jibnu fuq in-networks eżistenti u futuri ta' ċentri ta' eċċellenza reġjonali tal-IA, bil-għan li tinbena alleanza ta' organizzazzjonijiet għar-riċerka Ewropej b'saħħithom li jkollhom pjan direzzjonali komuni biex tiġi appoġġjata l-eċċellenza fir-riċerka bażika u applikata, jiġu allinjati l-isforzi nazzjonali fl-IA, jitrawmu l-innovazzjoni u l-investimenti, jiġi attirat u jinżamm it-talent fl-IA fl-Ewropa, u jinħolqu sinerġiji u ekonomiji ta' skala; jemmen li l-kunċett ta' fanal għandu l-potenzjal li jattira l-aqwa mħuħ minn pajjiżi oħra, kif ukoll li jattira investiment privat sostanzjali lejn l-Ewropa;

221.

Iżid jgħid li l-fanali tal-IA, f'kooperazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra tar-riċerka u mal-industrija, għandhom ikunu ffinanzjati biżżejjed; jenfasizza l-benefiċċji ta' ambjenti ta' esperimentazzjoni regolatorji kkontrollati sew għall-ittestjar tal-prodotti, tas-servizzi u tal-approċċi tal-IA f'ambjent tad-dinja reali kkontrollat qabel ma jitqiegħdu fis-suq;

222.

Jirrimarka li d-deżinjazzjoni ta' Ċentri Ewropej ta' Innovazzjoni Diġitali (EDIH) fl-ambitu tal-programm Ewropa diġitali hija pass ieħor importanti fil-bini ta' ekosistema tal-IA ta' eċċellenza bbażata fuq raggruppamenti bejn l-universitajiet u l-industrija; jikkritika, madankollu, li l-kriterji għad-deżinjazzjoni tal-EDIH għadhom vagi u b'hekk l-EDIHs madwar l-Ewropa għandhom kapaċitajiet u żvilupp differenti, u li l-interazzjoni ma' ċentri diġitali oħra ddeżinjati mill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija u fl-ambitu tal-qafas Orizzont Ewropa għadha mhijiex ċara; jissuġġerixxi, konsegwentement, li huma meħtieġa aktar koordinazzjoni u sforzi fin-nefqa, kif ukoll l-istabbiliment ta' raggruppament ġenerali li jikkoopera ta' ċentri deċentralizzati tal-IA bbażati fuq qafas madwar l-UE għall-għarfien espert legali, id-data, il-finanzjament u l-inċentivi; jilqa' l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi networks ta' negozji ġodda madwar l-UE u anke lil hinn minnha, bħal Startup Europe u Startup Europe Mediterranean sabiex jitrawmu l-iskambji tal-ideat, tan-negozju, u tal-opportunitajiet ta' networking;

223.

Jipproponi l-espansjoni u l-allinjament tal-inizjattivi eżistenti, bħal-Laboratorju Ewropew għat-Tagħlim u s-Sistemi Intelliġenti u l-Konfederazzjoni tal-Laboratorji għar-Riċerka dwar l-Intelliġenza Artifiċjali fl-Ewropa, u proġetti ewlenin, bħan-Network Uman tal-IA u l-AI4EU, sabiex jiġu promossi għanijiet u proġetti ambizzjużi, kollaborattivi u madwar l-UE kollha ta' riċerka u żvilupp;

e)   Ekosistema ta' fiduċja

i.   IS-SOĊJETÀ U L-IA

224.

Jipproponi, minbarra t-taħriġ issuġġerit dwar l-IA, l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom joħolqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni, inklużi diskussjonijiet pubbliċi fil-livell lokali, bħala mezz addizzjonali biex jintlaħqu, jiġu infurmati u tissaħħaħ il-pożizzjoni taċ-ċittadini biex jifhmu aħjar l-opportunitajiet, ir-riskji u l-impatt soċjetali, legali, u etiku tal-IA biex jikkontribwixxu aktar għall-affidabbiltà u għad-demokratizzazzjoni tal-IA; huwa konvint li dan, b'mod parallel mal-ħolqien ta' qafas legali ċar u sod dwar l-IA ċċentrata fuq il-bniedem u affidabbli, se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tħassib taċ-ċittadini li jista' jkun assoċjat mal-użu mifrux tal-IA fl-Ewropa;

225.

Jappella lill-UE tiżgura li l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użu tal-IA jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet fundamentali u jirrispettaw il-liġi b'mod li tkun tista' tiġġieled il-mekkaniżmi ta' sorveljanza u ma tfixkilx b'mod mhux xieraq l-elezzjonijiet jew tikkontribwixxi għat-tixrid tad-diżinformazzjoni;

226.

Jisħaq li l-gvernijiet u n-negozji għandhom jużaw u jakkwistaw biss sistemi affidabbli tal-IA li huma mfassla, fejn rilevanti, biex jirrispettaw id-drittijiet tal-ħaddiema u jippromwovu edukazzjoni u litteriżmu diġitali ta' kwalità u li ma jżidux id-differenza bejn il-ġeneri jew id-diskriminazzjoni billi jipprevjenu opportunitajiet indaqs għal kulħadd;

227.

Jappoġġja aġġustamenti għal-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur bħala mod ieħor biex tinbena l-fiduċja fl-IA, pereżempju billi l-konsumaturi jingħataw id-dritt li jkunu jafu jekk humiex qed jinteraġixxu ma' aġent tal-IA, li jippermettilhom jinsistu fuq rieżami mill-bniedem tad-deċiżjonijiet tal-IA, u billi jingħataw il-mezzi biex jiġġieldu s-sorveljanza kummerċjali jew ipprezzar personalizzat;

228.

Jisħaq li l-introduzzjoni ta' ċerti teknoloġiji tal-IA fuq il-post tax-xogħol, bħal dawk li jużaw id-data tal-ħaddiema, għandha ssir b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema u mas-sħab soċjali; jirrimarka li l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom għandhom ikunu jistgħu jitolbu informazzjoni mill-impjegaturi dwar x'data tinġabar, fejn tinħażen din id-data, kif tiġi pproċessata din id-data u s-salvagwardji li hemm stabbiliti biex jipproteġuha;

229.

Jistieden lill-UE tiżgura li s-sistemi tal-IA jirriflettu d-diversità kulturali u l-multilingwiżmu biex jiġu pprevenuti l-preġudizzji u d-diskriminazzjoni; jenfasizza li sabiex jiġi indirizzat il-preġudizzju fl-IA, hemm bżonn li tiġi promossa d-diversità fit-timijiet li jiżviluppaw, jimplimentaw u jivvalutaw ir-riskji ta' applikazzjonijiet speċifiċi tal-IA; jisħaq fuq il-ħtieġa li tintuża data diżaggregata skont il-ġeneru fl-evalwazzjoni tal-algoritmi tal-IA u li l-analiżi tal-ġeneru tkun parti mill-valutazzjonijiet tar-riskju kollha tal-IA;

230.

Jissottolinja l-importanza ta' riċerka u monitoraġġ kontinwi dwar l-impatti tal-IA fuq diversi aspetti tas-soċjetà, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE; jissuġġerixxi li jkunu involuti l-Eurostat u aġenziji oħra tal-UE f'dan;

231.

Jenfasizza li, abbażi tar-riżultati tas-sistema ta' monitoraġġ, jista' jitqies fond Ewropew ta' tranżizzjoni biex jgħin fil-ġestjoni, pereżempju, tat-telf ta' impjiegi f'setturi vulnerabbli jew bejn ir-reġjuni;

ii.   Governanza elettronika

232.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta' Tallinn dwar il-Gvern elettroniku, li tqiegħed liċ-ċittadini fiċ-ċentru tas-servizz u jistabbilixxu mekkaniżmi biex jipprovdu servizzi pubbliċi diġitali mingħajr fruntieri, interoperabbli, personalizzati, faċli għall-utent, u minn tarf sa tarf ibbażati fuq l-IA liċ-ċittadini kollha fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika; huwa tal-fehma li l-objettiv għandu jkun li jiġi stabbilit il-forniment ta' servizzi tal-Gvern elettroniku diġitalizzati u bbażati fuq l-IA liċ-ċittadini matul il-ħames snin li ġejjin, filwaqt li xorta jipprovdi interazzjoni umana; ifakkar li l-fondi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza se jkollhom rwol ewlieni f'dan ir-rigward; jistieden lill-korpi pubbliċi jappoġġjaw u jiżviluppaw l-IA fis-settur pubbliku; jilqa' r-reviżjoni tar-Regolament eIDAS (41) u r-rwol tiegħu biex isaħħaħ il-provvista ta' servizzi pubbliċi diġitali; jisħaq li ħadd ma għandu jitħalla jibqa' lura u li dejjem għandhom jiġu pprovduti alternattivi offline;

233.

Jistieden lill-Kummissjoni ġġedded il-pjan ta' azzjoni dwar il-Gvern elettroniku u toħloq sinerġiji mal-programm Ewropa diġitali biex tappoġġja lill-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-adozzjoni tal-IA f'konformità mal-istrateġija Ewropea għal software b'sors miftuħ;

234.

Jenfasizza li l-Gvern elettroniku għandu rwol sinifikanti fl-iżvilupp tal-ekonomija tad-data u l-innovazzjoni diġitali fis-suq uniku diġitali; jinnota li l-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni ta' prattiki tajbin fl-amministrazzjonijiet pubbliċi u bejn il-fruntieri huma partijiet essenzjali mill-implimentazzjoni tal-Gvern elettroniku madwar l-UE; jappella għal proċeduri ta' amministrazzjoni pubblika standardizzati u simplifikati għal skambji aktar effiċjenti fl-Istati Membri tal-UE u fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni;

235.

Jinnota li huma meħtieġa esperti kapaċi għall-iżvilupp ta' servizzi online ta' kwalità għolja; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiżdied ir-reklutaġġ tal-gvern u l-politiki ta' taħriġ għal persuni b'ħiliet diġitali li għandhom għarfien tal-IA;

236.

Jappella għat-tħaffif tal-implimentazzjoni tal-gateway diġitali unika u għall-promozzjoni tal-iżvilupp ta' pjattaformi interoperabbli li joffru servizzi transfruntiera fl-UE, filwaqt li jiġu ssodisfati l-istandards tas-sigurtà komuni fl-Istati Membri kollha; jisħaq li għandha tiġi kkunsidrata espansjoni possibbli lil hinn mis-sett limitat ta' servizzi attwalment inkluż fir-Regolament (UE) 2018/1724 (42) li jistabbilixxi gateway diġitali unika;

237.

Jisħaq li l-pjattaformi ta' konsultazzjoni pubblika tal-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri jżidu l-involviment u l-aċċess għall-informazzjoni diġitali; jirrakkomanda li jsir investiment f'titjib għall-kapaċità tal-utilizzabbiltà u l-aċċessibbiltà, bħall-provvista ta' sommarji u informazzjoni f'diversi lingwi, kif ukoll fil-kummerċjalizzazzjoni dedikata u s-sensibilizzazzjoni mmirata għall-pjattaformi ta' interazzjoni diġitali mal-pubbliku;

238.

Jirrakkomanda l-intensifikazzjoni tad-djalogi interattivi u personali maċ-ċittadini tal-UE permezz ta' konsultazzjonijiet online maċ-ċittadini, formati ta' djalogu mal-partijiet ikkonċernati jew funzjonijiet diġitali għall-ikkummentar dwar il-leġiżlazzjoni u l-inizjattivi tal-UE;

iii.   E-SAĦĦA

239.

Jappella għal disinn iffukat fuq il-bniedem u approċċ ibbażat fuq l-evidenza għall-IA fis-saħħa li jiffoka fuq kura tas-saħħa personalizzata, iffukata fuq il-pazjent, kosteffiċjenti u ta' kwalità għolja, żviluppata f'kooperazzjoni mill-qrib mal-professjonisti tas-saħħa u mal-pazjenti, filwaqt li jinżammu s-sorveljanza mill-bniedem u t-teħid ta' deċiżjonijiet; iħeġġeġ il-prijoritizzazzjoni tal-finanzjament, l-istabbiliment ta' għanijiet strateġiċi, it-trawwim ta' kooperazzjoni u l-adozzjoni ta' applikazzjonijiet tal-IA fil-kura tas-saħħa bħala settur kritiku fejn l-opportunitajiet offruti mill-IA jistgħu joħolqu benefiċċji enormi għas-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini, sakemm ir-riskji inerenti jiġu ġestiti kif xieraq;

240.

Jenfasizza li l-adozzjoni tal-IA fl-ambjenti tal-kura tas-saħħa għandha tiġi promossa bħala għodda biex tassisti u tnaqqas il-piż tal-professjonisti tas-saħħa, sabiex ikunu jistgħu jiffukaw fuq il-kompiti kliniċi tagħhom, u mhux bħala sostituzzjoni tal-professjonisti tas-saħħa jew bħala attur indipendenti fis-sistemi tas-saħħa; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat livell ta' kwalità, sikurezza u sigurtà komparabbli ma' dak li jinsab fil-proċess ta' approvazzjoni regolatorju għall-mediċini, il-vaċċini u l-apparat mediku; jitlob metodu simili għal prova klinika biex tiġi ttestjata l-adegwatezza u jiġi mmonitorjat il-varar tal-IA f'ambjenti kliniċi; huwa tal-fehma li huwa ta' benefiċċju li jiġi evalwat liema servizzi tal-kura tas-saħħa jistgħu jiġu awtomatizzati b'mod etiku u responsabbli;

241.

Iqis li l-aċċess ekwitabbli għall-kura tas-saħħa bħala prinċipju għandu jiġi estiż għal applikazzjonijiet tal-IA relatati mas-saħħa, inklużi sistemi għad-detezzjoni ta' mard, il-ġestjoni ta' kundizzjonijiet kroniċi, il-forniment ta' servizzi tas-saħħa u l-iskoperta ta' mediċini; jenfasizza l-ħtieġa tal-adozzjoni ta' miżuri xierqa biex jiġu indirizzati r-riskji relatati mas-saħħa dwar id-distakk diġitali, il-preġudizzju fl-algoritmi u d-diskriminazzjoni, u l-emarġinalizzazzjoni ta' persuni vulnerabbli jew minoranzi kulturali, li għandhom aċċess limitat għall-kura tas-saħħa;

242.

Ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jew kwalunkwe fornitur ta' servizzi ieħor intitolati biex jaċċessaw l-informazzjoni maħżuna fl-applikazzjonijiet tas-saħħa elettronika ma jitħallewx jużaw dik id-data bil-għan li jwettqu diskriminazzjoni fl-istabbiliment tal-prezzijiet;

243.

Huwa konvint li l-proġetti u l-inizjattivi attwali tal-UE, bħall-EU4 Health, l-ispazji Ewropej tad-data dwar is-Saħħa u l-Pjattaforma Ewropea dwar ir-Reġistrazzjoni ta' Mard Rari, huma passi fit-triq it-tajba, peress li jippermettu lill-Istati Membri jiġbru flimkien ir-riżorsi, iżidu l-kooperazzjoni ta' benefiċċju bejn is-sistemi tas-saħħa, u jippermettu l-iskambju sigur u li jippreserva l-privatezza ta' data ta' kwalità għolja għar-riċerka u l-innovazzjoni;

244.

Jappella għal ankrar legali u pożizzjonament xierqa ta' qafas"L-IA fis-Saħħa" fil-livell tal-Unjoni; jissottolinja li hemm bosta livelli ta' riskju li jevolvu maż-żmien permezz tal-avvanz tat-teknoloġiji tal-IA;

245.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar gwida dwar l-ipproċessar tad-data dwar is-saħħa skont il-GDPR sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-IA għall-benefiċċju tal-individwi, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta armonizzazzjoni aktar rapida u aħjar tal-istandards li jirregolaw l-ipproċessar, inkluż il-kondiviżjoni, l-anonimizzazzjoni u l-interoperabbiltà, tad-data dwar is-saħħa madwar l-Istati Membri;

246.

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-integrazzjoni ta' regoli etiċi f'kull stadju fl-iżvilupp, id-disinn u l-użu tal-applikazzjonijiet tal-IA; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi promossa aktar riċerka dwar il-metodi u l-preġudizzji involuti f'sistema ta' IA mħarrġa sabiex jiġu evitati konklużjonijiet mhux etiċi u diskriminatorji meta jiġu applikati għad-data dwar is-saħħa tal-bniedem; jirrakkomanda l-ħolqien ta' Kodiċi ta' Kondotta tal-UE għall-ipproċessar tad-data dwar is-saħħa f'konformità sħiħa mal-GDPR;

247.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra inizjattiva dwar id-drittijiet newroloġiċi bil-għan li l-moħħ tal-bniedem jitħares mill-interferenza, il-manipulazzjoni u l-kontroll min-newroteknoloġija mħaddma bl-IA; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi aġenda tad-drittijiet newroloġiċi fil-livell tan-NU sabiex id-drittijiet newroloġiċi jiġu inklużi fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod konkret, fir-rigward tad-drittijiet għall-identità, għar-rieda ħielsa, għall-privatezza mentali, għal aċċess ugwali għal avvanzi fit-titjib tal-moħħ, u għall-protezzjoni minn preġudizzji algoritmiċi;

248.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra qafas legali għall-konsultazzjonijiet mediċi online;

249.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' miżuri li jippromwovu aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa u li jtejbu l-użu mill-fornituri tal-kura tas-saħħa ta' soluzzjonijiet tal-IA;

250.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' kooperazzjoni fil-kuntest u t-tħaddim ta' spazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa sabiex titrawwem il-kondiviżjoni tad-data dwar is-saħħa u jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' rekords elettroniċi tas-saħħa f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti applikabbli; iħeġġeġ titjib fil-kwalità tad-data disponibbli għal kull ċittadin tal-UE billi l-għodod diġitali jkunu jistgħu jaħdmu kif suppost (eż. abbażi ta' algoritmi ta' awtotagħlim jew analiżi tal-big data); jirrakkomanda li d-data maħżuna f'konformità mal-GDPR tkun disponibbli għal aktar riċerka, kif ukoll għall-iżvilupp ta' mediċini u trattamenti individwalizzati ġodda;

251.

Jissottolinja li jeħtieġ li jiġu inklużi ħiliet diġitali u tal-IA fl-edukazzjoni tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa, kif ukoll għarfien dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u t-trattament ta' data sensittiva, inkluż il-promozzjoni tal-anonimizzazzjoni tad-data;

252.

Jappella għal gwida fir-rigward tal-applikabbiltà ta' oqfsa ta' responsabbiltà u skemi ta' approvazzjoni armonizzati għal applikazzjonijiet mediċi bbażati fuq l-IA u mediċini żviluppati jew ittestjati permezz tal-IA u t-tagħlim awtomatiku; jisħaq li l-ħsara li tirriżulta minn allokazzjoni insuffiċjenti ta' riżorsi jew nuqqas ta' provvista ta' kura permezz ta' sistemi ta' rakkomandazzjoni tal-IA fis-settur tal-kura tas-saħħa għandha tiġi indirizzata fi kwalunkwe riforma regolatorja futura; jenfasizza li huma meħtieġa l-aħjar prattiki, standards u kriterji xierqa għaċ-ċertifikazzjoni u l-approvazzjoni ta' applikazzjonijiet tal-kura tas-saħħa f'konformità mar-riskji ta' responsabbiltà;

253.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi u tagħmel użu minn mudelli ta' tbassir ċċentrati fuq il-bniedem għall-pandemiji, b'settijiet ta' data differenti li jingħaqdu f'ħin reali biex jinfurmaw it-teħid ta' deċiżjonijiet;

f)   Strateġija industrijali

i.   IPPJANAR U INVESTIMENTI STRATEĠIĊI

254.

Huwa konvint li l-UE għandha tqiegħed l-IA u l-ekonomija tad-data fiċ-ċentru ta' strateġija industrijali diġitali ambizzjuża, bl-għan li l-kumpaniji u l-imprendituri innovattivi jingħataw is-setgħa li jikkompetu għall-aqwa innovazzjonijiet teknoloġiċi u tal-mudelli ta' negozju fl-Ewropa u fid-dinja u li tissaħħaħ l-awtonomija strateġika miftuħa tal-UE filwaqt li jiġu stabbiliti standards legali, etiċi, teknoloġiċi u tas-sigurtà sodi għas-sistemi u l-komponenti kollha tal-IA li huma maħsuba biex jintużaw fis-suq uniku tal-UE;

255.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża l-analiżi tal-IA tal-big data biex tgħin fit-twettiq ta' testijiet tal-istress biex tivvaluta r-reżiljenza tal-ktajjen tal-valur u d-dipendenzi tal-mapep;

256.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq analiżi komprensiva tal-punti tajbin u n-nuqqasijiet biex tiddetermina l-vulnerabbiltajiet tal-UE, tidentifika l-oqsma kritiċi u d-dipendenzi ta' riskju għoli, tistabbilixxi aspettattivi tekniċi u ekonomiċi realistiċi fir-rigward tal-IA u tivvaluta l-effetti fis-setturi kollha tal-industrija Ewropea; jissottolinja li l-Kummissjoni għandha tikkoopera ma' partijiet ikkonċernati rilevanti għal dan il-għan;

257.

Jissuġġerixxi li l-UE għandha, abbażi ta' din l-analiżi, tifformula u tadotta strateġija fit-tul għall-industrija tal-IA b'viżjoni ċara għall-10 snin li jmiss bħala estensjoni tal-Kumpass Diġitali; jispjega li din l-istrateġija għandha tkun ikkomplementata minn sistema ta' monitoraġġ b'indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u aġġornamenti annwali; jisħaq, madankollu, fuq il-ħtieġa li jiġi kkonsolidat u ssimplifikat in-numru kbir ta' inizjattivi individwali mnedija mill-Kummissjoni biex jappoġġjaw l-industrija tal-IA fl-UE, qabel ma jiġu inkorporati fl-istrateġija l-ġdida għall-industrija tal-IA;

258.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra kif l-istrateġija industrijali ġenerali tista' tiġi kkomplementata permezz ta' investiment pubbliku mmirat; jirrimarka, madankollu, li programmi ta' investiment eċċessivi mhux diretti għal teknoloġiji kumplessi jistgħu, f'xi każijiet, jippreżentaw ir-riskju li jfixklu l-allokazzjoni effiċjenti tal-kapital u jistgħu jwasslu għal investiment mhux ippjanat; jisħaq, f'dan il-kuntest, li t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-negozji, tal-imprendituri u tar-riċerkaturi biex jiżviluppaw u jikkummerċjalizzaw soluzzjonijiet tat-teknoloġija tal-IA bbażati fuq l-intrapriża privata huwa parti ewlenija mill-istrateġija industrijali tal-UE, inkluż billi jiġu infurzati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni u jiġi kkompletat is-suq uniku diġitali u l-unjoni tas-swieq kapitali; jissuġġerixxi l-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament, speċjalment strumenti ta' finanzjament ta' riskju, b'mod partikolari għall-finanzjament fi stadju bikri; huwa tal-fehma li l-proporzjon tar-riżorsi ddedikati għall-IA permezz ta' InvestEU u l-programm Ewropa diġitali għandu jiġi rieżaminat u, fejn xieraq, jiżdied b'mod sinifikanti;

259.

Jisħaq fuq il-ħtieġa tal-implimentazzjoni rapida tal-qafas tal-UE adottat reċentement għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani (43) u r-regolament rivedut reċentement dwar ir-reġim tal-UE għall-kontroll tal-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju (44); jiddikjara li l-IA, kif ukoll ir-robotika u infrastruttura diġitali oħra, għandhom jitqiesu bħala settur kritiku; jinnota li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ħruġ ta' teknoloġiji kritiċi għandhom ikunu soġġetti għal infurzar aktar b'saħħtu;

260.

Jisħaq li huwa kruċjali li l-Ewropa tgħammar lilha nnifisha b'infrastruttura diġitali adegwata; jilqa' inizjattivi bħall-Inizjattiva għal Proċessur Ewropew, l-Att dwar iċ-Ċipep li għadu kif ġie propost u l-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew;

ii.   SMES U NEGOZJI ĠODDA

261.

Jipproponi li jiġi pprovdut appoġġ fil-livell tal-UE u tal-gvern lin-negozji l-ġodda tal-IA permezz ta' aċċess għal kapital privat u impjegati bil-ħiliet, il-ħila li jakkwistaw settijiet ta' data ta' kwalità għolja biex jiġu mħarrġa l-algoritmi u l-ħila li jikbru bejn il-fruntieri tal-Istati Membri; jisħaq ukoll li għodda ta' politika pubblika effettiva ħafna biex tappoġġja ekonomija ta' negozji ġodda hija l-infurzar effettiv tad-dritt tal-kompetizzjoni biex jiġu evitati abbużi tas-saħħa dominanti fis-suq u jiġu miġġielda l-ostakli għad-dħul fis-suq; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-UE għandha tamplifika l-isforzi tagħha biex toffri lill-SMEs u lin-negozji ġodda mogħdijiet u servizzi għall-iżvilupp; huwa tal-fehma li dan jista' jinkludi l-introduzzjoni ta' sistema ta' buddies li tgħaqqad lin-negozji esperjenzati orjentati lejn l-IA ma' negozji iżgħar li qed ifittxu li jimplimentaw it-teknoloġija; jisħaq li n-nuqqas ta' kapaċità li jkollhom il-flus għal timijiet legali ta' daqs konsiderevoli ħafna drabi toħloq ostaklu għad-dħul f'ambjenti regolatorji kumplessi għan-negozji ġodda u l-imprendituri; jissottolinja l-ħtieġa li l-SMEs ikollhom aċċess għall-appoġġ legali u tekniku speċifiku; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jitrawmu sħubijiet li fihom jistgħu jikkooperaw il-kumpaniji xprunati mill-IA u dawk li jidħlu fis-suq; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu konsulenza aħjar u appoġġ aktar konkret permezz ta' networks, ċentri diġitali, ħarrieġa tal-IA, mentoraġġ tan-negozju, żjarat fis-sit u kliniki legali; jissottolinja l-importanza ta' programmi ta' skambju bejn in-nies, bħal Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, li għandhom jiġu żviluppati u mħeġġa aktar;

262.

Jissuġġerixxi li jittaffa l-piż amministrattiv għall-SMEs u n-negozji ġodda fl-IA, pereżempju billi jiġu ssimplifikati l-obbligi ta' rappurtar, informazzjoni jew dokumentazzjoni, u billi tiġi pprovduta gwida dwar standards tal-liġi ċivili proċedurali komuni li għandhom jiġu adottati fil-livell nazzjonali; jappella għall-implimentazzjoni rapida tal-gateway diġitali unika biex jiġi stabbilit portal online uniku tal-UE f'lingwi differenti li jkun fih il-proċeduri u l-formalitajiet kollha meħtieġa biex jopera f'pajjiż ieħor tal-UE; jisħaq li l-punti kollha ta' kuntatt uniku stabbiliti fil-livell nazzjonali għandhom ikunu aċċessibbli faċilment permezz tal-gateway diġitali unika u għandhom jipprovdu informazzjoni u joffru servizzi amministrattivi fl-Istati Membri, inkluż fir-rigward tar-regoli dwar il-VAT u rekwiżiti ta' informazzjoni għall-forniment ta' servizzi, permezz ta' terminoloġija aċċessibbli u b'disponibbiltà sħiħa, b'persunal tal-uffiċċju mħarreġ li jipprovdi appoġġ effettiv u faċli għall-utent;

263.

Jinnota li modi potenzjali li bihom l-Istati Membri tal-UE jistgħu jappoġġjaw lill-SMEs u lin-negozji ġodda jinkludu: ħelsien mit-taxxa għal riċerka fid-dettall, aċċess aħjar għal kapaċitajiet tal-kompjuter u settijiet ta' data ta' kwalità għolja u appoġġ għal prospezzjoni tat-teknoloġija u edukazzjoni, taħriġ u taħriġ mill-ġdid fl-IA għall-impjegati;

264.

Jissottolinja li l-SMEs u n-negozji ġodda fl-IA jeħtieġu aċċess aħjar għall-akkwist pubbliku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal mill-ġdid proċeduri ta' applikazzjoni għal sejħiet għall-offerti pubbliċi u għal finanzjament minn programmi tal-UE biex tagħti lin-negozji ġodda u lill-SMEs opportunità ġusta li jingħataw proġetti ta' akkwist pubbliku u għotjiet ta' riċerka u żvilupp; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-programmi GovTech ta' suċċess li appoġġjaw l-involviment tan-negozji ż-żgħar fl-akkwist pubbliku diġitali; jisħaq li l-iskemi ta' opzjoni fuq l-ishma għan-negozji ġodda tal-IA madwar l-Ewropea għandhom jiġu promossi wkoll;

iii.   XENA INTERNAZZJONALI

265.

Jirrimarka li l-UE għandha toħloq u tmexxi b'eżempju alleanza teknoloġika ewlenija internazzjonali b'saħħitha bbażata fuq il-valur, fejn taħdem flimkien ma' sħab tal-istess fehma sabiex tistabbilixxi standards regolatorji komuni, tibbenefika mill-aħjar prattiki fl-oqsma tal-IA, tad-drittijiet tal-privatezza, tal-flussi tad-data u tar-regoli tal-kompetizzjoni, u tirrimedja vulnerabbiltajiet strateġiċi billi tibni fuq l-assi ta' xulxin u tiġbor riżorsi f'oqsma fejn ikun ta' benefiċċju reċiproku li dan isir; jissottolinja li l-UE għandha tappoġġja wkoll b'mod attiv kooperazzjoni internazzjonali msaħħa dwar l-IA etika, affidabbli u ċċentrata fuq il-bniedem f'fora multilaterali u bilaterali rilevanti, pereżempju fi ħdan is-sistema tan-NU, l-OECD, il-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, il-Forum Ekonomiku Dinji u l-G20; jilqa', b'mod partikolari, l-istabbiliment tat-TTC bejn l-UE u l-Istati Uniti, li jelenka l-kooperazzjoni dwar l-istandards tal-IA bħala prijorità ewlenija u jargumenta li, minħabba l-potenzjal strateġiku tiegħu, it-TTC jeħtieġ li jiġi msaħħaħ b'dimensjoni interparlamentari, li tinvolvi lill-Parlament Ewropew u lill-Kungress tal-Istati Uniti;

266.

Jissuġġerixxi li jiġi stabbilit ukoll grupp ta' ħidma tranżatlantiku speċifiku dwar l-IA, li jinkludi rappreżentanti mill-gvernijiet, minn organizzazzjonijiet ta' standardizzazzjoni, mis-settur privat u mis-soċjetà ċivili, biex jaħdmu fuq standards komuni u linji gwida etiċi għall-IA; jipproponi l-istabbiliment ta' pjattaforma fit-tul għall-iskambju dwar l-IA u kwistjonijiet diġitali u kummerċjali importanti oħra bbażati fuq it-TTC attwali, flimkien ma' sħab oħra tal-istess fehma;

267.

Jissottolinja li l-UE għandha tippromwovi użu tal-IA soċjalment responsabbli u etiku u tikkoopera ma' korpi tal-istandardizzazzjoni internazzjonali biex ikomplu jtejbu l-istandards dwar l-etika, is-sikurezza, l-affidabbiltà, l-interoperabbiltà u s-sigurtà; jilqa' l-inizjattivi ta' standardizzazzjoni reċenti mnedija minn atturi bħall-Kumitat Tekniku Konġunt tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni u l-Kummissjoni Elettroteknika Internazzjonali li għandhom l-għan li jarmonizzaw il-kodiċijiet diverġenti tal-IA fuq livell globali; jisħaq, barra minn hekk, li l-Ewropa għandha tippromwovi u tiżviluppa standards, inkluż fl-oqsma tal-manifattura intelliġenti, l-IoT, ir-robotika u l-analitika tad-data; jipproponi li jingħata appoġġ aħjar lill-akkademiċi, lis-soċjetà ċivili u lill-SMEs għall-parteċipazzjoni f'fora ta' standardizzazzjoni;

268.

Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kummerċ Elettroniku tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ biex tiżviluppa politika inklużiva, ta' standard għoli, kummerċjalment sinifikattivi, ibbażata fuq l-evidenza u mmirata ħalli jiġu indirizzati aħjar l-ostakli għall-kummerċ diġitali; jissottolinja li l-ftehim għandu jirrifletti wkoll il-prinċipji ta' governanza tajba u jipprovdi lill-gvernijiet bil-kapaċità li jiġġieldu l-protezzjoniżmu diġitali filwaqt li jipproteġi u jippromwovi l-fiduċja tal-konsumaturi u joħloq valur reali għall-ekonomija globali;

269.

Jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tkompli tindirizza l-ostakli għall-kummerċ mhux ġustifikati, b'mod partikolari ostakoli mhux tariffarji jew restrizzjonijiet tal-aċċess għas-suq għall-kumpaniji tal-IA Ewropej f'pajjiżi terzi; jisħaq li l-politika ta' kummerċ, tal-viċinat u tal-iżvilupp għandha tintuża wkoll b'mod attiv biex issawwar id-dibattitu internazzjonali dwar l-IA u tippromwovi l-prinċipji etiċi Ewropej dwar l-IA;

g)   Sigurtà

i.   L-IA U L-INFURZAR TAL-LIĠI

270.

Jisħaq fuq l-importanza tal-kapaċità tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi li jidentifikaw u jiġġieldu l-attività kriminali, megħjuna mit-teknoloġija tal-IA;

271.

Jisħaq fuq il-potenzjal tal-użu ħażin tal-IA fl-infurzar tal-liġi biex tiġi kkawżata ħsara, inkluż diskriminazzjoni awtomatizzata u trattament mhux legali taċ-ċittadini, filwaqt li jiġu pprovduti ftit mezzi ta' rikors; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw rekwiżiti sinifikattivi ta' sorveljanza mill-bniedem u jiggarantixxu mezzi ta' rikors għal dawk soġġetti għal deċiżjonijiet imwettqa mill-IA;

272.

Jissuġġerixxi li l-UE għandha tipparteċipa fl-approċċi ta' liġi mhux vinkolanti stabbiliti mill-Istitut Interreġjonali ta' Riċerka tan-NU dwar il-Kriminalità u l-Ġustizzja, li żviluppa settijiet ta' għodod operattivi tal-IA u beda sħubija mal-Interpol, li sservi bħala forum uniku għad-djalogu u l-kooperazzjoni dwar l-IA bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-industrija, l-akkademja u s-soċjetà ċivili, f'konformità sħiħa mal-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza;

273.

Jinnota r-rwol tal-Europol fl-iżvilupp, fit-taħriġ u fil-validazzjoni tal-għodod tal-IA għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u ċ-ċiberkriminalità fi sħubija mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u b'rispett sħiħ għall-valuri fundamentali tal-UE, b'mod partikolari n-nondiskriminazzjoni u l-preżunzjoni tal-innoċenza;

274.

Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-riżorsi finanzjarji u umani taċ-Ċentru tal-Innovazzjoni tal-UE għas-Sigurtà Interna; jilqa' l-isforzi tal-Eurojust, l-Aġenzija tal-EU għad-Drittijiet Fundamentali u l-Europol biex jiżviluppaw sett ta' għodod ta' prinċipji ta' obbligu ta' rendikont universali għall-użu tal-IA minn prattikanti tal-ġustizzja u s-sigurtà interna (il-qafas AP4AI); jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju dedikat għal din l-inizjattiva biex tippromwovi l-istandards u l-valuri tal-obbligu ta' rendikont tal-UE fil-qasam tal-IA;

ii.   ĊIBERSIGURTÀ

275.

Jitlob lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni fil-qasam taċ-ċibersigurtà lil-livell Ewropew sabiex l-UE u l-Istati Membri jkunu jistgħu jiġbru flimkien aħjar ir-riżorsi, jikkoordinaw b'mod aktar effiċjenti u jissimplifikaw il-politiki nazzjonali dwar iċ-ċibersigurtà, ikomplu jżidu l-kapaċitajiet tal-bini taċ-ċibersigurtà u s-sensibilizzazzjoni, u jipprovdu malajr għarfien u assistenza teknika dwar iċ-ċibersigurtà lill-SMEs, kif ukoll lil setturi oħra aktar tradizzjonali;

276.

Iħeġġeġ lill-UE tieħu pożizzjoni ta' tmexxija fl-iżvilupp ta' kriptografija b'saħħitha u standards oħra tas-sigurtà li jippermettu l-fiduċja u l-interoperabbiltà fis-sistemi tal-IA; jenfasizza li, biex tinħoloq konverġenza internazzjonali fil-qasam tas-sorveljanza tar-riskju tal-ICT, l-istandards internazzjonali eżistenti għandhom jinbnew u jitqiesu kemm jista' jkun;

277.

Jipproponi l-introduzzjoni ta' rekwiżiti orizzontali taċ-ċibersigurtà bbażati fuq leġiżlazzjoni eżistenti u, fejn xieraq, fuq atti leġiżlattivi orizzontali ġodda sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni u jiġi żgurat approċċ konsistenti taċ-ċibersigurtà fil-gruppi kollha tal-prodotti; jinnota li l-prodotti tal-IA fis-suq uniku diġitali li għandhom il-markatura CE fil-futur jistgħu jirrappreżentaw kemm livell għoli ta' sikurezza fiżika kif ukoll livell ta' reżiljenza ċibernetika adegwat għar-riskju u juru konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE;

278.

Jipproponi li l-Istati Membri jinċentivaw ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għas-sistemi tal-IA permezz ta' politiki tal-akkwist pubbliku, inkluż billi jagħmlu ċerti prinċipji etiċi, tas-sigurtà u tas-sikurezza obbligatorji għall-akkwist ta' applikazzjonijiet tal-IA, b'mod partikolari f'setturi kritiċi;

279.

Jitlob li l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà (ENISA) twettaq valutazzjonijiet settorjali tar-riskju għas-sigurtà, billi tibda minn setturi, kemm pubbliċi kif ukoll privati, involuti fl-użi tal-IA l-aktar ta' riskju għoli u sensittivi, u bl-ogħla potenzjal għal impatti negattivi dwar is-saħħa tal-bniedem, is-sikurezza, is-sigurtà u d-drittijiet fundamentali; jisħaq li l-ENISA, flimkien maċ-Ċentru Ewropew ta' Kompetenza fil-qasam taċ-Ċibersigurtà u n-Network ta' Ċentri Nazzjonali ta' Koordinazzjoni, għandhom jivvalutaw l-inċidenti taċ-ċibersigurtà bl-objettiv li jidentifikaw lakuni u vulnerabbiltajiet ġodda u jagħtu pariri lill-istituzzjonijiet tal-UE f'ħin f'waqtu dwar azzjonijiet korrettivi adegwati;

280.

Iħeġġeġ lill-kumpaniji li jużaw, jiżviluppaw jew jimplimentaw sistemi mħaddma bl-IA attivi fis-suq uniku diġitali biex jiżviluppaw strateġija taċ-ċibersigurtà ċara u evalwata b'mod indipendenti, abbażi tas-sitwazzjoni tar-riskju individwali tagħha; iħeġġeġ l-inklużjoni tas-sistemi tal-IA fl-immudellar tat-theddid u l-ġestjoni tar-riskju għas-sigurtà; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, l-ENISA u l-awtoritajiet nazzjonali jappoġġjaw dan il-proċess;

281.

Jiddikjara li r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-prodotti tal-IA għandhom ikopru ċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom; jenfasizza li jrid ikun ċar ukoll li kull kumpanija fil-katina tal-provvista trid taqdi r-rwol tagħha biex tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' prodotti tal-IA reżiljenti; jirrimarka li r-rekwiżiti l-ġodda għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskju assoċjat fil-grupp ta' prodotti speċifiku u l-grad ta' influwenza fuq il-livell ta' riskju sabiex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati għall-SMEs u n-negozji ġodda;

282.

Jipproponi li l-inizjattivi eżistenti f'ċerti Stati Membri, bħall-Katalgu Ġermaniż tal-Kriterji ta' Konformità tas-Servizzi ta' Cloud tal-IA jew il-programm Malti ta' ċertifikazzjoni tal-IA, jitqiesu għall-iżvilupp ta' skema ta' ċertifikazzjoni fl-UE kollha għall-IA affidabbli;

iii.   DIFIŻA ĊIBERNETIKA

283.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu politika attiva ta' diplomazija ċibernetika Ewropea billi jiddenunzjaw u jattribwixxu attakki ċibernetiċi appoġġjati minn barra, inkluż dawk bl-IA, filwaqt li jingranaw is-sett ta' għodod sħiħ tad-diplomazija tal-UE; jirrakkomanda li s-sett ta' għodod ċibernetiċi tal-UE jinkludi t-terminazzjoni tal-għajnuna finanzjarja u sanzjonijiet kontra dawk il-pajjiżi jew instituri li jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi jew attakki ibridi inklużi kampanji ta' diżinformazzjoni, jew li jisponsorjaw reati ċibernetiċi; jirrikonoxxi li, sa ċertu punt, id-difiża ċibernetika mħaddma mill-IA tkun aktar effettiva jekk ikun fiha wkoll xi mezzi u miżuri offensivi, dment li l-użu tagħhom ikun konformi mad-dritt internazzjonali;

284.

Jissuġġerixxi, barra minn hekk, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet taċ-ċibersigurtà fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, inkluż bl-użu ta' sistemi bbażati fuq l-IA biex tiġi appoġġjata reazzjoni kkoordinata u rapida għall-attakki ċibernetiċi; jirrakkomanda l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-politiki dwar id-difiża ċibernetika f'kull Stat Membru u l-valutazzjoni tal-allokazzjoni tar-riżorsi rilevanti fl-UE;

285.

Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi analizzat l-impatt tal-IA fuq is-sigurtà Ewropea u li jiġu żviluppati rakkomandazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda tas-sigurtà fil-livell tal-UE, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, mas-settur privat, mar-riċerkaturi, max-xjenzjati u mas-soċjetà ċivili;

286.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jippremjaw l-vulnerabbiltà u l-iskoperta u jappoġġjaw awditi ta' prodotti, sistemi u proċessi bbażati fuq l-IA;

iv.   UŻU MILITARI TAL-IA

287.

Jinnota li kwalunkwe użu tal-IA militari jrid ikun soġġett għal mekkaniżmi stretti ta' kontroll u sorveljanza mill-bniedem, prinċipji etiċi u jkollu rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u d-dritt umanitarju; jinnota, barra minn hekk, li l-UE għandha taħdem mas-sħab tagħha tal-istess fehma dwar qafas internazzjonali għal riċerka, żvilupp u użu siguri ta' armi assistiti mill-IA li jsaħħaħ id-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż fil-kuntest tal-liġi tal-kunflitt armat; ifakkar fin-normi u l-prinċipji internazzjonali, bħall-proporzjonalità stabbilita, li jridu jiġu rrispettati meta jiġu żviluppati u jintużaw teknoloġiji militari ġodda;

288.

Jinnota li t-teknoloġiji bbażati fuq l-IA huma komponenti tat-tagħmir u l-istrateġija militari li qed isir aktar importanti; jisħaq li tali użi militari u tas-sigurtà nazzjonali esklużivi għandhom jiġu ttrattati strettament b'mod distint mill-każijiet ta' użu ċivili; ifakkar fil-kwistjonijiet relatati ma' teknoloġiji emerġenti fil-qasam militari li huma ttrattati fil-Grupp ta' Esperti Governattivi dwar it-teknoloġiji emerġenti fil-qasam ta' sistema ta' armi awtonomi letali, inklużi kwistjonijiet relatati mal-IA, u li fih huma rappreżentati l-Istati Membri tal-UE;

289.

Jilqa' l-Boxxla Strateġika futura tal-UE li se tipprovdi qafas u ċertu livell ta' ambizzjoni fl-indirizzar ta' aspetti tas-sigurtà u tad-difiża tal-IA; ifakkar fil-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti fl-ambitu tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u l-Fond Ewropew għad-Difiża li se jippermettu lill-Istati Membri u lill-Unjoni jsaħħu l-investimenti, il-kapaċitajiet u l-interoperabbiltà fil-qasam tat-teknoloġiji l-ġodda, inkluża l-IA;

290.

Jiddikjara li l-UE għandha tikkunsidra l-IA bħala komponent kruċjali tas-sovranità teknoloġika Ewropea;

291.

Jikkonkludi li l-Istati Membri għandhom ikomplu jħarrġu l-persunal militari tagħhom biex jiżguraw li jkollhom il-ħiliet diġitali meħtieġa biex jużaw l-IA f'sistemi ta' kontroll, operazzjonali u ta' komunikazzjoni; jilqa' l-approċċ tal-Fond Ewropew għad-Difiża lejn sistemi ta' armi awtonomi letali u l-Artikolu 10(6) tiegħu; jenfasizza l-importanza tal-Fond Ewropew għad-Difiża biex jappoġġja l-kooperazzjoni transfruntiera bejn il-pajjiżi tal-UE fir-riċerka militari tal-IA, l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' difiża tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku u l-kostruzzjoni tal-infrastruttura meħtieġa, jiġifieri ċentri tad-data b'kapaċitajiet ċibernetiċi b'saħħithom;

292.

Jistieden lill-Kunsill jadotta pożizzjoni konġunta dwar sistemi ta' armi awtonomi li tiżgura kontroll mill-bniedem sinifikattiv fuq il-funzjoni kritika tagħhom; jinsisti fuq it-tnedija ta' negozjati internazzjonali dwar strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi s-sistemi ta' armi kompletament awtonomi; jiddikjara li l-ftehim internazzjonali għandu jiddetermina li l-armi letali kollha tal-IA jridu jkunu soġġetti għal sorveljanza u kontroll sinifikattivi mill-bniedem, li jfisser li l-bniedem jibqa' involut, u b'hekk fl-aħħar mill-aħħar ikun responsabbli għad-deċiżjoni biex tintgħażel u tittieħed azzjoni letali mmirata;

293.

Jappella għal kooperazzjoni aktar mill-qrib man-NATO fil-qasam tad-difiża ċibernetika u jistieden lill-alleati tan-NATO jappoġġjaw l-isforzi multilaterali biex jiġi rregolat l-użu militari tal-IA;

5.    Konklużjoni: sejħa urġenti għal azzjoni!

294.

Jemmen li t-trasformazzjoni diġitali li għaddejja, li fiha l-IA għandha r-rwol ewlieni, waslet għal kompetizzjoni globali għat-tmexxija teknoloġika; jisħaq li s'issa l-UE waqgħet lura bil-konsegwenza li l-istandards teknoloġiċi futuri huma f'riskju li jiġu żviluppati mingħajr biżżejjed kontribut tal-UE, ħafna drabi minn atturi mhux ekonomiċi, li jippreżenta sfida għall-istabbiltà politika u l-kompetittività ekonomika; jikkonkludi li l-UE jeħtieġ li taġixxi bħala entità li tistabbilixxi l-istandards globali dwar l-IA;

295.

Jenfasizza li l-IA, filwaqt li ħafna drabi tiġi ppreżentata bħala theddida imprevedibbli, tista' tkun għodda diġitali b'saħħitha u bidla fundamentali f'bosta aspetti importanti, inkluż billi toffri prodotti u servizzi innovattivi, iżżid l-għażla tal-konsumatur u tagħmel il-proċessi ta' produzzjoni aktar effiċjenti; jinnota li hemm benefiċċji u opportunitajiet ċari mill-adozzjoni tat-teknoloġiji tal-IA għas-soċjetà kollha, inkluż fl-oqsma tal-kura tas-saħħa, is-sostenibbiltà, is-sigurtà u l-kompetittività; jirrimarka li, fl-istess ħin, it-teknoloġiji tal-IA jippreżentaw ir-riskju li jnaqqsu l-aġenzija umana u li jissostitwixxu l-awtonomija tal-bniedem; jisħaq li kemm dawn il-benefiċċji kif ukoll ir-riskji għandhom jiggwidaw u jinfurmaw ir-regolamentazzjoni u l-komunikazzjoni pubblika dwar l-IA;

296.

Jenfasizza li l-UE għandha l-potenzjal li ssawwar id-dibattitu internazzjonali dwar l-IA u tiżviluppa regoli u standards komuni ewlenin fuq livell globali, filwaqt li tippromwovi approċċ għall-IA li jiffoka fuq il-bniedem, affidabbli u sostenibbli, kompletament f'konformità mad-drittijiet fundamentali; jenfasizza, madankollu, li l-opportunità għall-konsolidazzjoni ta' tali approċċ Ewropew distintiv għall-IA fix-xena internazzjonali jirrikjedi azzjoni rapida, li hija r-raġuni għaliex l-UE jeħtieġ li taqbel malajr dwar strateġija tal-IA konġunta u qafas regolatorju; jisħaq li t-tiswir ta' normi u standards internazzjonali tat-teknoloġija jirrikjedi koordinazzjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' sħab demokratiċi tal-istess fehma;

297.

Jisħaq li bħalissa, l-UE għadha 'l bogħod milli tissodisfa l-aspirazzjoni tagħha li ssir kompetittiva fl-IA fuq skala globali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu pprovduti regoli u standards armonizzati, ċertezza tad-dritt u kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni biex jitrawmu l-implimentazzjoni u l-innovazzjoni tal-IA, inkluż billi jitneħħew ostakli amministrattivi mhux meħtieġa għan-negozji ġodda, għall-SMEs u għas-soċjetà ċivili; jirrikonoxxi li bidla radikali ta' din l-iskala tħalli impatt fuq diversi partijiet tas-soċjetà b'mod differenti u jenfasizza li t-tranżizzjoni diġitali trid tkun f'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Parlament, inklużi l-kumitati rilevanti tiegħu, isegwu r-rakkomandazzjonijiet maħruġa fil-Pjan Direzzjonali tal-UE għall-IA;

298.

Jappella għal ambjent regolatorju għall-IA li jipprovdi governanza effettiva u protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, filwaqt li jiffaċilita l-aċċess kompetittiv għas-swieq diġitali għall-atturi ta' kull daqs biex jippromwovu l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku għall-benefiċċju ta' kulħadd; jissottolinja li ekonomija tad-data kompetittiva, aċċessibbli u ġusta, ibbażata fuq standards komuni, hija prerekwiżit għall-iżvilupp u t-taħriġ adegwati tal-IA; jindika, f'dan il-kuntest, ir-riskju ta' konċentrazzjoni tas-suq fl-ekonomija tad-data li testendi fl-ekonomija għall-applikazzjonijiet tal-IA;

299.

Jikkonkludi li l-avvanzi fl-ambizzjonijiet tal-UE f'oqsma bħall-IA jirrikjedu grad ħafna aktar qawwi ta' integrazzjoni u armonizzazzjoni fis-suq uniku diġitali biex jiġi promoss l-iskambju transfruntier u li jiġi ggarantit li l-istess regoli u standards japplikaw madwar l-UE; jisħaq, f'dan ir-rigward, li l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtieġ li jiġġieldu l-abbużi tas-saħħa tas-suq sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni;

300.

Jikkonkludi li jridu jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi żgurat li t-tranżizzjoni diġitali tippromwovi u ma xxekkilx it-tranżizzjoni ekoloġika; jikkonkludi li s-sistemi tal-IA jirrikjedu infrastruttura u kapaċitajiet tal-konnettività robusti; jisħaq li l-infrastruttura diġitali f'konformità mal-Patt Ekoloġiku se timmira lejn is-setturi u l-ktajjen tal-valur kollha u għandha ssegwi l-prinċipji ta' ekonomija ċirkolari; jisħaq li l-IA, madankollu, mhux se tkun funzjonali mingħajr l-użu adegwat tal-infrastruttura diġitali, inklużi l-broadband, il-fibra, in-nodi edge u l-5G; jisħaq fuq l-importanza tal-mitigazzjoni taż-żieda fil-konsum tal-enerġija u fl-użu tar-riżorsi biex tinkiseb infrastruttura diġitali newtrali għall-klima sal-2030;

301.

Jenfasizza li progress teknoloġiku rapidu introdott mill-IA se jaffettwa wkoll l-għajxien ta' dawk kollha li ma għandhomx il-ħiliet biex jadattaw malajr għal dawn it-teknoloġiji l-ġodda; jirrimarka li t-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid jistgħu jgħinu biex jiġi indirizzat ħafna mit-tħassib soċjoekonomiku li jirriżulta, iżda jisħaq li dawn l-impatti għandhom jiġu indirizzati wkoll fil-kuntest tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali, tal-infrastruttura urbana u rurali u tal-proċessi demokratiċi; jikkonkludi li sabiex tiġi promossa l-adozzjoni tal-innovazzjoni fl-IA, tiżdied l-aċċettazzjoni tal-applikazzjonijiet ibbażati fuq l-IA u jiġi evitat milli xi ħadd jitħalla jibqa' lura, huwa meħtieġ li n-nies jingħataw il-mezzi biex jiksbu ħiliet diġitali; jisħaq li sabiex jiżdiedu l-litteriżmu u r-reżiljenza diġitali, l-edukazzjoni bbażata fuq l-ICT u STEM jeħtieġ li tibda fi stadju bikri u tibqa' aċċessibbli tul l-istadji kollha tal-ħajja; huwa tal-fehma li l-inizjattivi biex jiġu stabbiliti ekosistemi ta' eċċellenza tal-IA, jiġi attirat it-talent fl-IA lejn l-UE u jiġi miġġieled l-eżodu ta' mħuħ huma ta' importanza vitali;

302.

Jisħaq fuq l-importanza li jiġu indirizzati l-isfidi għad-drittijiet fundamentali xprunati mill-IA, u b'hekk l-IA tkun tista' ssir effettivament strument li jservi lin-nies u lis-soċjetà u jsegwi l-ġid komuni l-interess ġenerali; Jikkonkludi li sabiex tinbena l-fiduċja fl-IA fost iċ-ċittadini, id-drittijiet fundamentali tagħhom jeħtieġ li jiġu protetti fl-aspetti kollha tal-ħajja, inkluż fil-kuntest tal-użu tal-IA fl-isfera pubblika u fuq il-post tax-xogħol; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu riflessi d-drittijiet, l-objettivi u l-interessi tan-nisa u tal-komunitajiet minoritarji fit-tranżizzjoni diġitali; jisħaq li s-servizzi pubbliċi u l-istrutturi amministrattivi tagħhom jeħtieġ li jmexxu bl-eżempju; jisħaq li l-UE jeħtieġ li taċċellera l-adozzjoni ta' sistemi bbażati fuq l-IA u l-Governanza elettronika sabiex tiffaċilita l-użu sigur tal-IA fl-amministrazzjonijiet pubbliċi; jisħaq barra minn hekk li l-IA tista' tiftaħ soluzzjonijiet ġodda fis-settur tal-kura tas-saħħa, jekk ir-riskji jkunu ġestiti kif xieraq u jkun hemm aċċess ekwu għall-kura tas-saħħa bħala prinċipju li jestendi bis-sħiħ għall-applikazzjonijiet tal-IA relatati mas-saħħa;

303.

Jikkonkludi li l-istrateġija tal-UE dwar l-IA ma għandhiex tinjora kunsiderazzjonijiet militari u ta' sigurtà u tħassib li jirriżulta mill-użu globali tat-teknoloġiji tal-IA; jisħaq li l-kooperazzjoni internazzjonali ma' sħab tal-istess fehma jeħtieġ li tiżdied sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet fundamentali u fl-istess ħin ikun hemm kooperazzjoni biex jiġi mminimizzat it-theddid teknoloġiku ġdid;

o

o o

304.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(2)  ĠU C 132, 24.3.2022, p. 102.

(3)  Testi adottati, P9_TA(2021)0504.

(4)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.

(5)  ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1.

(6)  ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1.

(7)  ĠU L 303, 28.11.2018, p. 59.

(8)  ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149.

(9)  ĠU L 136, 22.5.2019, p. 1.

(10)  ĠU L 256, 19.7.2021, p. 3.

(11)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 1.

(12)  ĠU C 252, 18.7.2018, p. 239.

(13)  ĠU C 307, 30.8.2018, p. 163.

(14)  ĠU C 132, 24.3.2022, p. 45.

(15)  ĠU C 433, 23.12.2019, p. 86.

(16)  ĠU C 449, 23.12.2020, p. 37.

(17)  ĠU C 294, 23.7.2021, p. 14.

(18)  ĠU C 404, 6.10.2021, p. 107.

(19)  ĠU C 404, 6.10.2021, p. 129.

(20)  ĠU C 404, 6.10.2021, p. 63.

(21)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 34.

(22)  ĠU C 15, 12.1.2022, p. 204.

(23)  ĠU C 494, 8.12.2021, p. 37.

(24)  ĠU C 15, 12.1.2022, p. 28.

(25)  ĠU C 132, 24.3.2022, p. 17.

(26)  Roberts, M., Driggs, D., Thorpe, M. et al., “Common pitfalls and recommendations for using machine learning to detect and prognosticate for COVID-19 using chest radiographs and CT scans” (Diffikultajiet komuni u rakkomandazzjonijiet għall-użu tat-tagħlim awtomatiku fl-identifikazzjoni u l-pronjożi tal-COVID-19 permezz ta' radjografi u CT scans tas-sider), Nature Machine Intelligence, 3, pp. 199-217, 15 ta' Marzu 2021.

(27)  Studju tad-DĠ IPOL, Opportunities of Artificial Intelligence (Opportunitajiet tal-Intelliġenza Artifiċjali), Ġunju 2020.

(28)  Dokument ta' ħidma tal-AIDA, Artificial Intelligence and the Green Deal (L-Intelliġenza Artifiċjali u l-Patt Ekoloġiku), Marzu 2021.

(29)  Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-18 ta' Novembru 2021 dwar politika ta' kompetizzjoni lesta għal sfidi ġodda (COM(2021)0713).

(30)  Acemoglu, D., et al., AI and Jobs: (L-IA u l-Impjiegi:) Evidence from Online Vacancies (Evidenza minn Postijiet Vakanti Online), l-Uffiċċju Nazzjonali tar-Riċerka Ekonomika, Diċembru 2020.

(31)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2021 bit-titolu “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021)0118),

(32)  Il-Kummissjoni Ewropea, Pjan Ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (COM(2018)0795).

(33)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) u li jemenda ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni (COM(2021)0206).

(34)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inrawmu approċċ Ewropew għall-Intelliġenza Artifiċjali (COM(2021)0205).

(35)  Data mill-2018.

(36)  Koerner, K., (How) will the EU become an AI superstar? ((Kif) l-UE se tispikka fl-IA?), Deutsche Bank, Marzu 2020.

(37)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

(38)  Id-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta' Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi (ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29).

(39)  Id-Direttiva (UE) 2019/1024 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar id-data miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU L 172, 26.6.2019, p. 56).

(40)  Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta' netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja (ĠU L 155, 23.5.2014, p. 1).

(41)  Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal transazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(42)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 1.

(43)  ĠU L 79 I, 21.3.2019, p. 1.

(44)  ĠU L 206, 11.6.2021, p. 1.