|
6.12.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 465/44 |
P9_TA(2022)0138
Strateġija tal-UE għall-promozzjoni tal-edukazzjoni għat-tfal fid-dinja
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Mejju 2022 Lejn strateġija tal-UE għall-promozzjoni tal-edukazzjoni għat-tfal fid-dinja: mitigazzjoni tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 (2021/2209(INI))
(2022/C 465/04)
Il-Parlament Ewropew,
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-20 ta' Novembru 1989, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 26 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, l-Artikoli 13 u 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, adottati fl-2015, u r-Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-2021, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Osservazzjonijiet Ġenerali tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal (1), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Linji Gwida tan-NU għall-Indukrar Alternattiv tat-Tfal tat-18 ta' Diċembru 2009, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Istudju Globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tfal Imċaħħda mil-Libertà tal-11 ta' Lulju 2019, |
|
— |
wara li kkunsidra d-dokument strateġiku tan-Nazzjonijiet Uniti tal-15 ta' April 2020 bit-titolu “The impact of COVID-19 on children” (L-impatt tal-COVID-19 fuq it-tfal), u r-risposta pożittiva għalih immexxija b'mod konġunt mill-UE u mill-Grupp ta' Stati tal-Amerka Latina u tal-Karibew u ffirmata minn 173 pajjiż, |
|
— |
wara li kkunsidra r-risposta politika tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi tad-19 ta' Ottubru 2020 bit-titolu “What is the impact of the COVID-19 pandemic on immigrants and their children?”(X'inhu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-immigranti u wliedhom?), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO kontra d-Diskriminazzjoni fl-Edukazzjoni, adottata fl-14 ta' Diċembru 1960, |
|
— |
wara li kkunsidra l-fuljett tal-UNICEF, tal-UNESCO u tal-Bank Dinji bit-titolu “Mission: Recovering Education in 2021” (Missjoni: Nirkupraw l-Edukazzjoni fl-2021), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 49 tal-Karta tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tal-1967, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal tal-1990, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 17 u 25 tal-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 31 tad-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja tal-2012, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikoli 3(5) u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport ta' April 2021 tal-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu “Leaving No One Behind: Impact of COVID-19 on the Sustainable Development Goals (SDGs)” (Ħadd ma jitħalla lura: l-impatt tal-COVID-19 fuq l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Garanzija Ewropea għat-Tfal, |
|
— |
wara li kkunsidra s-Sena Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tat-Tħaddim tat-Tfal 2021 u l-approċċ ta' tolleranza żero tal-Kummissjoni fir-rigward tat-tħaddim tat-tfal, |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2019 dwar id-drittijiet tat-tfal fl-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal (2), |
|
— |
wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2021 dwar il-kunflitt Sirjan – 10 snin wara r-rewwixta (3), |
|
— |
wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, |
|
— |
wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, |
|
— |
wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A9-0058/2022), |
|
A. |
billi kważi ħames miljun persuna fid-dinja kollha tilfu ħajjithom minħabba l-pandemija tal-COVID-19, u dan wassal lill-gvernijiet tad-dinja kollha jadottaw miżuri straordinarji ħalli jikkontrollaw it-tixrid tal-virus tal-COVID-19, inkluż l-għeluq tal-iskejjel u l-limitazzjoni tal-aċċess għall-faċilitajiet edukattivi; |
|
B. |
billi l-varjanti l-ġodda qegħdin jintensifikaw il-kriżi sanitarja minħabba l-COVID-19, filwaqt li l-kunflitti u l-kriżijiet l-oħra, fosthom il-kriżi tal-klima, ikomplu jqiegħdu lit-tfal tad-dinja kollha f'riskju ogħla li jaqgħu taħt il-livelli minimi ta' kompetenzi; |
|
C. |
billi l-aċċess għall-edukazzjoni huwa dritt fundamentali rikonoxxut fuq livell internazzjonali u huwa indispensabbli għall-eżerċizzju ta' drittijiet fundamentali oħrajn; billi d-dritt għall-edukazzjoni jippresupponi edukazzjoni primarja obbligatorja, universali u aċċessibbli għal kulħadd; |
|
D. |
billi, skont l-istimi tal-UNICEF, aktar minn 168 miljun tifel u tifla tilfu sena skolastika sħiħa minħabba l-għeluq tal-iskejjel kaġun tal-lockdowns tal-COVID-19, filwaqt li d-data tal-UNESCO turi li l-edukazzjoni tħarbtet b'mod sinifikanti għal 800 miljun student fid-dinja, li tilfu żewġ terzi ta' sena akkademika bħala medja; |
|
E. |
billi minn Marzu 2020, madwar 194 pajjiż kienu mġiegħla jagħlqu l-iskejjel fil-pajjiż kollu minħabba l-pandemija tal-COVID-19, u dan laqat aktar minn 1,8 biljun student fid-dinja kollha u ċaħħadhom mill-aċċess għall-edukazzjoni u għal vantaġġi vitali oħrajn li toffri l-iskola; billi, f'ċerti reġjuni, l-iskejjel għadhom magħluqa; billi l-għeluq tal-iskejjel espona dejjem aktar lit-tfal għal vjolenza, abbużi u sfruttament, anki fil-kuntest domestiku tagħhom; billi l-għeluq parzjali u totali tal-iskejjel iħalli impatt l-aktar fuq it-tfal vulnerabbli u emarġinati peress li jżid id-disparitajiet li jeżistu fi ħdan is-sistemi edukattivi u jħarbtilhom l-aspetti kollha tal-ħajja ta' kuljum tagħhom; |
|
F. |
billi, skont l-UNICEF, terz tat-tfal fid-dinja ma għandux aċċess għall-internet u dan jirrappreżenta ostaklu għall-apprendiment mill-bogħod/diġitali; billi l-bżonn ta' programmi ta' apprendiment u ta' tagħlim mill-bogħod se jibqa' wara t-tmiem tal-pandemija tal-COVID-19, speċjalment fil-pajjiżi milquta minn diżastri naturali u minn kunflitti; billi l-apprendiment elettroniku ħoloq sfidi ġodda għall-għalliema f'termini ta' faċilitazzjoni tal-apprendiment min-naħa tal-istudenti u ta' żamma tal-interazzjoni soċjali; billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri innovattivi adottati b'urġenza biex jiżguraw il-kontinwità tal-apprendiment għat-tfal jirrappreżentaw opportunità biex nirrevedu l-edukazzjoni ħalli tħares aktar lejn il-futur, tkun aktar inklużiva, flessibbli u reżiljenti; billi l-programmi ta' apprendiment mill-bogħod iridu jkunu aċċessibbli għat-tfal kollha, u jqisu l-isfidi soċjoekonomiċi kollha li jistgħu jkollhom quddiemhom it-tfal, kif ukoll in-nuqqas min-naħa tagħhom ta' aċċess għall-internet, għax-xandiriet jew għall-media diġitali; |
|
G. |
billi l-konsegwenzi ekonomiċi li kellha l-pandemija tal-COVID-19 fuq il-ġenituri ħallew, min-naħa tagħhom, impatt fuq is-saħħa, il-benesseri u l-aċċess għall-edukazzjoni ta' wliedhom; billi meta għalqu l-iskejjel il-ġenituri sabu ruħhom mhux ippreparati għall-edukazzjoni mill-bogħod u mid-dar; billi wħud mill-ġenituri li jaħdmu u li ma għandhomx il-mezzi finanzjarji jew alternattivi kienu mġiegħla jħallu lil uliedhom waħedhom id-dar, u oħrajn, l-aktar in-nisa, kellhom jieqfu jaħdmu, b'hekk il-familji sfaw fil-faqar; |
|
H. |
billi aktar minn 90 % tal-pajjiżi introduċa xi forma ta' apprendiment mill-bogħod matul l-għeluq tal-iskejjel minħabba l-emerġenza; billi l-apprendiment mill-bogħod kien ta' benefiċċju l-aktar għat-tfal tal-edukazzjoni primarja u sekondarja, u ħalla lit-tfal tal-edukazzjoni preprimarja f'riskju li ma jkunux ippreparati għall-iskola primarja; |
|
I. |
billi t-tfal tal-iskola fid-dinja diġà tilfu madwar 1,8 triljun siegħa ta' apprendiment bil-preżenza fiżika sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19 u aktar minn 39 biljun ikla fl-iskejjel nqabżu fid-dinja kollha minħabba l-għeluq tal-iskejjel (4); |
|
J. |
billi ferm qabel il-pandemija tal-COVID-19, id-dinja kienet qiegħda diġà taffronta kriżi globali tal-apprendiment ikkawżata mhux biss mill-aċċess ostakolat għall-edukazzjoni minħabba l-faqar, vjaġġi twal lejn u mill-eqreb skola, normi tal-ġeneru dannużi, diskriminazzjoni kontra l-gruppi vulnerabbli, riskji ambjentali u kunflitti, iżda wkoll minn tagħlim li mhux neċessarjament iwassal għall-apprendiment; billi l-pandemija aggravat is-sitwazzjoni kritika tat-tfal f'diversi reġjuni ta' kunflitt, spiss ikkaratterizzati, fost l-oħrajn, minn dejjem aktar insigurtà, minn aktar vulnerabbiltà għall-impatt tat-tibdil fil-klima u minn attakki għall-istituti skolastiċi, b'hekk it-tfal huma esposti għal riskju ogħla li jiġu reklutati fil-kunflitti, u dan jikkostitwixxi ksur gravi tad-drittijiet tat-tfal u tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi 617-il miljun tifel, tifla u adolexxenti fid-dinja kollha ma jirnexxilhomx jilħqu l-livelli minimi ta' kompetenzi f'dawk li huma qari (5) u matematika, minkejja l-fatt li żewġ terzi minnhom imorru l-iskola; |
|
K. |
billi l-COVID-19 ħassret ħesrem ir-riżultati li nkisbu fil-qasam tal-edukazzjoni f'dawn l-aħħar 20 sena; billi 101 miljun tifel u tifla – 9 % ta' dawk fil-klassijiet mill-ewwel sat-tmien sena – niżlu taħt il-livelli minimi ta' kompetenzi f'dak li huwa qari fl-2020 (6); |
|
L. |
billi, sal-2030, madwar 825 miljun tifel u tifla oħra mhux se jilħqu l-età adulta bil-ħiliet ta' livell sekondarju li jeħtieġu għax-xogħol u għall-ħajja; billi miljuni ta' tfal u żgħażagħ li jattendu regolarment l-iskola mhumiex qed jiżviluppaw l-għarfien u l-ħiliet li jeħtieġu biex jirnexxilhom jidħlu fis-suq tal-impjiegi, jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jikkontribwixxu fil-komunitajiet tagħhom; |
|
M. |
billi l-għeluq tal-iskejjel għandu impatt ekonomiku kbir peress li jimpedixxi lit-tfal u liż-żgħażagħ milli jiżviluppaw il-ħiliet neċessarji, jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jippreparaw ruħhom għall-ħajja, li spiss jagħti lok għall-qgħad u, bħala konsegwenza ta' dan, iżid l-inugwaljanza u b'hekk jirriżulta f'inqas opportunitajiet; |
|
N. |
billi skont in-NU, hemm 11-il miljun student tal-iskola primarja u sekondarja fid-dinja kollha f'riskju li ma jerġgħux lura għall-edukazzjoni wara l-għeluq tal-iskejjel minħabba l-COVID-19 (7), u 5,2 miljun minnhom huma bniet; billi aktar ma t-tfal ma jmorrux l-iskola, akbar ikun ir-riskju li jitilqu definittivament mill-iskola; billi din is-sitwazzjoni tirriskja li tikkomprometti r-riżultati li nkisbu fil-qasam tal-edukazzjoni u biex jintlaħqu l-SDGs u, b'mod partikolari, dawk relatati mat-tnaqqis tal-faqar, mas-saħħa u mal-benesseri kif ukoll mal-edukazzjoni ta' kwalità; |
|
O. |
billi l-għeluq tal-iskejjel għandu impatti tal-ġeneru distinti li jirriskja li jwessa' l-inugwaljanzi; billi huwa stmat li l-għeluq tal-iskejjel matul il-kriżijiet jista' jwassal għal żidiet fit-tqala fost it-tfajliet adolexxenti; billi l-bniet li ma jmorrux l-iskola huma esposti b'mod sproporzjonat għar-riskju ta' żwieġ prekoċi u furzat u ta' sfruttament sesswali; billi, skont stimi, żewġ miljun każ ieħor ta' mutilazzjoni ġenitali femminili jaf iseħħu fl-għaxar snin li ġejjin; billi għadd konsiderevoli ta' bniet jista' ma jitħalliex imur lura l-iskola meta jerġgħu jinfetħu l-iskejjel minħabba l-eżistenza ta' ċerti politiki diskriminatorji li jipprojbixxu lit-tfajliet tqal u lill-ommijiet żgħażagħ mill-iskola; |
|
P. |
billi 129 miljun tifla fid-dinja kollha ma jmorrux l-iskola, inklużi 32 miljun fl-età tal-iskola primarja, 30 miljun fl-età tal-iskola sekondarja tal-ewwel livell u 67 miljun fl-età tal-iskola sekondarja tat-tieni livell; billi inqas minn nofs il-pajjiżi fid-dinja laħaq parità tal-ġeneru fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni primarja; billi l-bidla għall-apprendiment mill-bogħod tpoġġi t-tfal, speċjalment il-bniet, mill-unitajiet domestiċi l-aktar foqra u l-aktar vulnerabbli f'riskju sinifikanti li jitilqu mill-skola b'mod permanenti jew għal żmien twil; |
|
Q. |
billi disgħa mill-10 pajjiżi bl-akbar diffikultajiet fil-qasam tal-edukazzjoni għall-bniet jinsabu fl-Afrika sub-Saħarjana u l-għaxar pajjiż huwa l-Afganistan, fejn it-Talibani ċaħħdu effettivament lill-bniet mill-edukazzjoni wara l-iskola primarja peress li ordnaw il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel sekondarji għas-subien biss; billi l-politika tat-Talibani ftit li xejn ċara u wegħdiet vagi u mhux miżmuma dwar l-edukazzjoni tal-bniet jagħmlu lil miljuni ta' bniet Afgani beżgħana, komprensibbilment, għall-edukazzjoni tagħhom; billi tfaċċaw diversi inizjattivi internazzjonali min-naħa ta' universitajiet u individwi privati biex joffru edukazzjoni mill-bogħod lill-bniet u lin-nisa Afgani; |
|
R. |
billi skont diversi awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-infurzar tal-liġi, it-tfal li ma jmorrux l-iskola, b'mod partikolari l-bniet u t-tfal li ġejjin minn kuntesti żvantaġġati, bħat-tfal ta' minoranzi, it-tfal li jgħixu f'żoni rurali, tfal indiġeni u migranti, fosthom ir-rifuġjati, it-tfal b'diżabbiltà, it-tfal fil-kustodja u t-tfal li tilfu lill-ġenituri u/jew lin-nanniet tagħhom minħabba l-pandemija tal-COVID-19, fost l-oħrajn, huma vulnerabbli b'mod sproporzjonat għall-isfruttament, it-tħaddim tat-tfal u l-vjolenza domestika, inkluż li jkunu preżenti waqt li tiġi kommessa vjolenza, il-bullying online u reati oħrajn bħall-isfruttament u l-abbuż sesswali (8); |
|
S. |
billi, flimkien mal-kostijiet soċjali enormi, skont l-istimi tal-Bank Dinji, l-għeluq globali tal-iskejjel ta' ħames xhur jista' jiġġenera telf fl-apprendiment li għandu valur attwali ta' USD 10 triljun; billi t-telf fl-apprendiment jista' jiswa lill-ekonomiji sa USD 161 miljun kuljum; |
|
T. |
billi l-għeluq tal-iskejjel sfortunatament kien essenzjali biex jiġi limitat it-tixrid tal-COVID-19; billi l-iskejjel huma aktar minn postijiet fejn it-tfal jistgħu jitgħallmu, peress li jikkostitwixxu wkoll postijiet fejn jiltaqgħu u ċentri għas-saħħa mentali u għall-appoġġ psikosoċjali; billi skont l-UNESCO u l-UNICEF, l-għeluq tal-iskejjel ma jolqotx biss id-dritt għall-edukazzjoni iżda wkoll id-dritt għas-saħħa, b'aktar minn 80 miljun tifel u tifla jitilfu t-tilqim primarju bħala riżultat tal-għeluq tal-iskejjel; billi l-għeluq tal-iskejjel ifisser li l-għalliema ma jkunux jistgħu joqogħdu għassa għas-sinjali ta' abbużi jew għall-fatt li l-ġenituri ma jiħdux ħsieb uliedhom b'mod adegwat; billi skont l-Uffiċċju tar-Riċerka tal-UNICEF – Innocenti u l-Programm Dinji tal-Ikel, l-għeluq tal-iskejjel għandu wkoll riperkussjonijiet fuq id-dritt għal nutrizzjoni tajba u għall-aċċess għal ikla kuljum; billi l-programmi tal-ikel fl-iskejjel jistgħu joffru inċentivi għat-tfal l-aktar vulnerabbli biex imorru lura l-iskola; billi l-għeluq tal-iskejjel jolqot serjament il-benesseri mentali tat-tfal peress li t-tfal jistgħu jkunu esposti għall-vjolenza u għall-istress fid-dar; billi l-għeluq tal-iskejjel jista' jkollu konsegwenzi psikosoċjali akuti u dejjiema, inklużi depressjoni, żieda fl-ansjetà u s-suwiċidju, inkwantu t-tfal ikunu mċaħħda mill-kuntatt soċjali; |
|
U. |
billi t-tluq bikri mill-iskola jaċċentwa l-inugwaljanza soċjali u jista' jaffettwa l-istabbiltà u l-prosperità ta' pajjiż, b'hekk jikkomprometti l-futur ta' miljuni ta' tfal tad-dinja u jħalli riperkussjonijiet gravi fuq ġenerazzjoni sħiħa; billi l-edukazzjoni wriet li hi essenzjali fil-ġlieda kontra l-estremiżmu u r-radikalizzazzjoni tat-tfal u taż-żgħażagħ; |
|
V. |
billi skont ir-Rapport tal-UNHCR dwar l-Edukazzjoni tal-2021, nofs it-tfal rifuġjati kollha jibqgħu ma jmorrux l-iskola; billi t-tfal rifuġjati huma esklużi mill-opportunitajiet tal-apprendiment mill-bogħod; billi l-kundizzjonijiet tat-tfal rifuġjati li jgħixu f'kuntesti ffullati, speċjalment dawk li jgħixu fil-kampijiet tar-rifuġjati, spiss jiffaċilitaw it-tixrid tal-virus u jostakolaw l-osservanza tar-regoli sanitarji; billi s-sitwazzjoni tal-COVID-19 fil-kampijiet tikkostitwixxi kriżi għat-tfal, peress li bosta tfal diġà għandhom sistemi immunitarji mdgħajfin jew kundizzjonijiet tas-saħħa preeżistenti fis-snin formattivi tagħhom, fatt li jpoġġihom f'riskju ogħla li jiżviluppaw każijiet aktar severi huma u jsibu tarf dan il-virus letali; billi l-biċċa l-kbira tal-kampijiet tar-rifuġjati ma għandhomx servizzi tas-saħħa idonei biex jirrispondu adegwatament għall-bżonnijiet tat-tfal u ta' familthom; |
|
W. |
billi d-distribuzzjoni mhux uniformi tal-vaċċini kontra l-COVID-19 fid-dinja tolqot b'mod sproporzjonat il-pajjiżi b'introjtu baxx; |
|
1. |
Jirrikonoxxi u jesprimi apprezzament għall-ħidma tal-għalliema, tal-edukaturi ta' kull tip u tal-persunal ta' appoġġ, li adattaw ruħhom malajr għall-pandemija tal-COVID-19 u żguraw it-tkomplija tal-proċess ta' apprendiment għat-tfal u għall-adolexxenti; ifaħħar l-inizjattivi tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili internazzjonali u lokali, taċ-ċittadini privati u tal-impriżi biex jagħtu lit-tfal teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, korsijiet ta' apprendiment mill-bogħod u materjal didattiku ieħor, speċjalment fil-pajjiżi fejn it-tfal għandhom aċċess limitat għall-apprendiment mill-bogħod jew ma għandhom l-ebda aċċess għall-apprendiment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jippromwovu approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tat-tfal fil-konfront tal-isforzi globali intiżi li jtaffu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni, kif ukoll wieħed ibbażat fuq il-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni, b'azzjoni meħuda fl-aħjar interessi tat-tfal u tal-parteċipazzjoni tat-tfal; |
|
2. |
Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni hija kwistjoni trasversali rilevanti għad-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli; |
|
3. |
Jilqa' pożittivament l-impenji li saru fil-Konferenza Dinjija tal-UNESCO tal-2021 dwar “Education for Sustainable Development” (L-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli) u l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta' Berlin; jinsisti li trid tiġi żgurata edukazzjoni ta' kwalità għat-tfal kollha bħala faċilitatur għall-SDGs kollha u jenfasizza l-importanza li l-iżvilupp sostenibbli jiġi integrat fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ mill-ewwel snin tat-tfulija sal-edukazzjoni terzjarja u għall-adulti, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni mhux formali u l-apprendiment informali; |
|
4. |
Jinsisti li l-UE tieħu rwol ta' tmexxija bħala potenza edukattiva li tippermetti lill-Istati Membri jeżerċitaw bis-sħiħ il-kapaċità tagħhom li jappoġġaw l-edukazzjoni għat-tfal fid-dinja kollha u jsemmgħu l-opinjonijiet tagħhom dwar din il-kwistjoni; jissottolinja r-rwol ewlieni taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni futura biex toffri opportunità importanti ħalli tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali biex jinbnew sinerġiji fil-qasam tal-edukazzjoni lil hinn mill-Ewropa bil-għan li jiġu żviluppati approċċi u soluzzjonijiet komuni għall-isfidi komuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirdoppja l-isforzi tagħha biex tiddefinixxi strateġija għal dak il-għan, inklużi skema preċiża u objettivi ċari; |
|
5. |
Jisħaq fuq l-importanza fundamentali li jiġi garantit id-dritt għall-edukazzjoni lit-tfal u li kull tifel u tifla jingħataw l-opportunità li jerġgħu jmorru l-iskola u jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi biex jagħtu prijorità lill-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel fil-pjanijiet ta' rkupru tagħhom, inkluż l-appoġġ lill-għalliema biex jgħinu lit-tfal jirkupraw l-apprendiment li tilfu u l-appoġġ għall-benesseri tat-tfal, peress li l-iskejjel huma essenzjali għall-apprendiment, is-sikurezza, is-saħħa, in-nutrizzjoni u l-benesseri ġenerali tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi biex jiżguraw li t-tfal kollha jkunu jistgħu jgawdu mid-dritt tagħhom għall-edukazzjoni primarja u jieħdu azzjoni biex jiżguraw li l-edukazzjoni sekondarja tkun disponibbli u aċċessibbli; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi biex jiżviluppaw u jimplimentaw metodi ta' tagħlim u ta' apprendiment diġitali kif ukoll jiffaċilitaw l-aċċess għall-internet għal kulħadd; |
|
6. |
Iqis li t-titjib fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali, il-protezzjoni u ż-żieda sostanzjali tan-nefqa interna għas-setturi soċjali, partikolarment l-edukazzjoni u s-saħħa, u t-titjib tal-kwalità ta' tali nefqa jridu jingħataw prijorità fil-pjanijiet nazzjonali ta' rkupru u fil-progammi ta' assistenza mmexxija mill-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u tal-UE; jinsisti, f'dan il-kuntest, li jiġu żgurati finanzjamenti u allokazzjonijiet ekwi biex it-tfal żvantaġġati, foqra u emarġinati – b'enfasi partikolari fuq il-bniet – iż-żgħażagħ u l-familji ma jitħallewx lura; jenfasizza li l-aħjar interessi tat-tfal iridu jiggwidaw l-isforzi kollha maħsuba biex itaffu l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-aċċess għall-edukazzjoni u li tali miżuri jridu jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal li jiġu infurmati, emanċipati u jingħataw l-opportunità li jsemmgħu leħinhom; |
|
7. |
Jisħaq fuq il-fatt li huwa essenzjali li titqies is-sitwazzjoni soċjali tal-ġenituri u li jingħata appoġġ lill-familji li l-introjtu tagħhom naqas minħabba l-impatt ekonomiku li ħalliet il-pandemija tal-COVID-19; |
|
8. |
Jirrikonoxxi li l-ksib ta' edukazzjoni ta' kwalità trid tkun prijorità għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tal-UE u tal-Istati Membri; |
|
9. |
Jinnota li l-ispostament furzat iwassal għal għadd dejjem jikber ta' persuni li jgħixu fi strutturi għar-rifuġjati; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa t-trażmissjoni tal-ħiliet fil-kampijiet tar-rifuġjati u appoġġ edukattiv b'saħħtu għar-rifuġjati u għall-persuni spostati sabiex jiġu appoġġati l-integrazzjoni u l-involviment tagħhom f'attivitajiet li jiġġeneraw l-introjtu; |
|
10. |
Jinsab imħasseb dwar l-impatt finanzjarju dejjiemi tal-pandemija fuq il-finanzjamenti għall-edukazzjoni, peress li l-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UNESCO għadhom ma laħqux il-livell limitu ta' 4-6 % tal-PDG jew 15-20 % tan-nefqa pubblika; |
|
11. |
Jenfasizza l-inikwità fl-isforzi biex tiġi indirizzata l-pandemija minħabba aċċess mhux uniformi għall-vaċċini, li jirriżulta f'kapaċitajiet ta' protezzjoni mhux ugwali; jenfasizza li l-pandemija tista' tintemm biss jekk dan isir fuq livell globali u li l-vaċċini jridu jkunu aċċessibbli għal kulħadd; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kontribuzzjonijiet tagħhom u l-effiċjenza ġenerali tal-programm COVAX tan-NU biex jiġi garantit biżżejjed aċċess għall-vaċċini kontra l-COVID-19 għall-pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jistabbilixxu kampanji nazzjonali ta' tilqim kontra l-COVID-19 li jkunu konformi mal-linji gwida stabbiliti mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tas-saħħa pubblika u mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, sabiex jiġi żgurat ritorn rapidu lejn l-iskejjel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-alleati trans-Atlantiċi u mas-sħab internazzjonali tagħhom sabiex jagħtu spinta lill-provvista globali tal-vaċċini kontra l-COVID-19, jiżguraw distribuzzjoni ġusta lill-pajjiżi u lill-popolazzjonijiet li huma l-aktar fil-bżonn, u jimmiraw li jtejbu l-aċċess globali għal prodotti mediċi għall-but ta' kulħadd relatati mal-COVID-19 u jindirizzaw ir-restrizzjonijiet globali fuq il-produzzjoni u l-iskarsezzi fil-provvista; |
|
12. |
Iħeġġeġ lill-UE, flimkien mal-Istati Uniti u mal-membri l-oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iżżid il-produzzjoni u l-firxa ta' għażliet ta' provvista biex tiżgura aċċess ekwu għall-metodi dijanjostiċi, il-vaċċini, it-terapiji u prodotti tas-saħħa rilevanti oħra meħtieġa għall-kontroll, il-prevenzjoni u t-trattament tal-COVID-19 u tiżgura li dawn l-objettivi jintlaħqu sat-12-il Konferenza Ministerjali tad-WTO; |
|
13. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi fil-finanzjament u l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet għal “skejjel sikuri”, inkluż l-għoti ta' provvisti ta' prodotti tal-iġjene u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar il-ħasil tal-idejn u miżuri oħrajn ta' iġjene, kif ukoll dwar iż-żamma ta' kontinwità ta' servizzi ta' nutrizzjoni għal tfal u adolexxenti tal-età tal-iskola; jisħaq li l-ikliet fl-iskejjel u l-ilma nadif huma vitali biex jiżguraw li t-tfal jikbru, jiżviluppaw u jirċievu nutrizzjoni peress li joffru inċentiv qawwi għat-tfal – speċjalment il-bniet u dawk mill-komunitajiet l-aktar fqar u l-aktar emarġinati – biex imorru lura l-iskola ladarba jitneħħew ir-restrizzjonijiet; jenfasizza, f'dan ir-rigward, ir-rwol fundamentali li l-għalliema u l-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' ispirazzjoni reliġjuża, il-komunitajiet reliġjużi u l-NGOs, jistgħu jiżvolġu fil-promozzjoni tas-saħħa u fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll fl-appoġġ lit-tfal u l-familji tagħhom biex jegħlbu l-isfidi u d-diffikultajiet li ġġib magħha l-kriżi tas-saħħa, itejbu l-benesseri tagħhom u jipprovdu programmi ta' taħriġ u edukazzjoni; |
|
14. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi fl-istabbiliment ta' pjanijiet ta' mitigazzjoni u ta' ġestjoni tar-riskji edukattivi permezz ta' ppjanar tar-reżiljenza; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati u garantiti ppjanar ta' kontinġenza u pjanijiet ta' risposta għall-kriżijiet minn issa biex jitnaqqas ir-riskju tat-trażmissjoni tal-COVID-19 fl-iskejjel u biex jitnaqqas sal-minimu l-impatt tal-għeluq tal-iskejjel fuq it-tfal u l-familji tagħhom, speċjalment fuq it-tfal l-aktar foqra u l-aktar emarġinati, kif ukoll dawk b'diżabbiltajiet severi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tingħata prijorità lit-tfal f'żoni milquta minn kunflitti u l-aċċess tagħhom għal edukazzjoni ta' kwalità; |
|
15. |
Jissottolinja l-impatt li l-għeluq tal-iskejjel jista' jkollu fuq ir-responsabbiltajiet professjonali tal-ġenituri filwaqt li, fl-istess ħin, jieħdu ħsieb lil uliedhom; jisħaq fuq l-importanza li l-ġenituri li jaħdmu jingħataw riżorsi u gwida xierqa dwar l-edukazzjoni mill-bogħod, l-attivitajiet ekstrakurrikulari u l-metodi ta' appoġġ psikoloġiku biex jibbilanċjaw ix-xogħol mid-dar u t-tagħlim mid-dar; |
|
16. |
Jisħaq fuq l-importanza li jingħata appoġġ edukattiv u psikosoċjali lit-tfal u lill-familji li għandhom l-obbligu ta' awtoiżolament biex jiġi mminimizzat ir-riskju ta' kontaġju, bil-għan li jitnaqqsu l-istress u l-ansjetà fid-dar; |
|
17. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi fil-ħruġ proattiv ta' gwida dwar l-aħjar prattiki fl-apprendiment mill-bogħod, u fl-iżgurar li jintużaw għodod, kurrikuli u teknoloġija xierqa u sikuri u li dawn isiru aċċessibbli għal tfal ta' familji b'introjtu baxx, tfal li jgħixu f'żoni rurali, tfal indiġeni u migranti, tfal emarġinati u tfal b'diżabbiltà jew b'diffikultajiet fit-tagħlim, tfal f'kustodja alternattiva, tfal f'postijiet ta' detenzjoni u tfal li jgħixu f'żoni mbiegħda jew f'ambjenti fejn jiġu mċaħħda mil-libertà jew fejn l-aċċess għall-internet ma jkunx kullimkien; jenfasizza l-potenzjal tal-apprendiment diġitali biex jippermetti lill-istituti edukattivi jilħqu lit-tfal kollha malajr u b'mod mifrux, filwaqt li fl-istess ħin irawmu sħubijiet u jaħdmu ma' firxa wiesgħa ta' atturi mis-soċjetà ċivili kif ukoll mis-settur pubblikui u minn dak privat; jinsisti, madankollu, li l-investiment fl-apprendiment diġitali jrid ifittex li jnaqqas id-distakk diġitali u jrid ikun speċifiku għall-kuntest, konsistenti mal-aħjar interessi tat-tfal u mhux a skapitu tal-appoġġ favur l-infrastruttura u l-persunal tal-edukazzjoni bażika, kif ukoll l-apprendiment wiċċ imb wiċċ; ifakkar, madankollu, li l-aċċess għat-teknoloġiji diġitali għadu ma kienx ekwu jew mifrux matul il-pandemija; iqis li huwa meħtieġ investiment qawwi f'dan is-settur, kemm f'termini ta' taħriġ kif ukoll ta' finanzjament; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu joffru riżorsi edukattivi aċċessibbli u aċċess miftuħ għall-għodod diġitali għall-għalliema, il-ġenituri u l-istudenti; jisħaq, f'dan ir-rigward, li l-privatezza tat-tfal u l-protezzjoni tad-data personali jridu jiġu garantiti b'rabta mal-għodod diġitali kollha u li jrid jitqies, kif xieraq, il-kontenut reattiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru u r-realtajiet differenti tal-ħajjiet tat-tfal; |
|
18. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jżommu finanzjament robust għall-edukazzjoni permezz tal-istrumenti finanzjarji kollha tal-UE disponibbli, skont il-parametru referenzjarju ta' 10 % dwar l-edukazzjoni fl-istrument Ewropa Globali, u sabiex jiżdied il-finanzjament disponibbli bil-għan li tiżdied ir-reżiljenza għall-kriżijiet li għaddejjin bħalissa u għal dawk futuri; |
|
19. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi fl-iżgurar li t-tfal jiġu ndukrati b'mod xieraq, inkluż billi jiġi stabbilit pjan ta' kontinġenza għall-indukrar tat-tfal orfni jew li jkunu tħallew mingħajr indukrar xieraq minħabba każijiet severi ta' COVID-19 li jirrikjedu r-rikoveru fl-isptar ta' indokraturi adulti; |
|
20. |
Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi rabta bejn attivitajiet possibbli ta' tneħħija tar-riskji mill-investimenti u appoġġ finanzjarju għall-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, b'mod partikolari għall-istabbiliment ta' taħriġ u infrastrutturi xierqa għall-għalliema, fl-ambitu tal-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – Ewropa Globali; |
|
21. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jappoġġaw lill-gvernijiet ta' pajjiżi terzi fil-bini u fl-iżvilupp ulterjuri ta' sistemi edukattivi aktar b'saħħithom reattivi għal kwistjonijiet ta' ġeneru u inklużivi akkumpanjati mill-eradikazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru fuq in-nisa u l-bniet; ifakkar li l-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni ġie stabbilit bħala dritt fundamentali min-NU; jemmen li ż-żieda fl-edukazzjoni tal-bniet u l-appoġġ tal-parteċipazzjoni tan-nisa fl-edukazzjoni u l-karrieri fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) bħala kwistjoni ta' prijorità għandhom ikunu objettiv politiku ċentrali għall-UE u l-komunità internazzjonali tal-iżvilupp; jinsisti, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li l-bniet ikunu jistgħu jlestu l-edukazzjoni tagħhom u jkollhom aċċess għal informazzjoni u servizzi xierqa skont l-età, mingħajr diskriminazzjoni u preġudizzji tal-ġeneru u b'opportunitajiet indaqs biex jilħqu l-potenzjal tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġu indirizzati l-ostakli relatati mal-ġeneru għall-edukazzjoni, bħal liġijiet, politiki u normi soċjokulturali dannużi li jipprevjenu lill-bniet milli jkomplu l-edukazzjoni f'każ ta' tqala, żwieġ jew maternità; jinkoraġġixxi l-indirizzar tal-istereotipi marbuta mal-ġeneru u n-normi soċjokulturali dannużi permezz tal-edukazzjoni, u l-prevenzjoni tal-vjolenza permezz ta' programmazzjoni tal-edukazzjoni sensittiva għall-ġeneru; |
|
22. |
Jikkundanna l-fatt li miljuni ta' bniet fid-dinja m'għandhomx aċċess għall-edukazzjoni, u b'hekk iħalluhom esposti għal dipendenza u f'riskju ogħla ta' vjolenza u sfruttament, speċjalment f'każijiet li fihom in-nisa u l-bniet jiġu sistematikament imċaħħda mill-aċċess għall-edukazzjoni, ix-xogħol u l-ħajja pubblika mill-awtoritajiet fil-poter; jirrifjuta l-użu ħażin u l-istrumentalizzazzjoni ta' kwalunkwe prattika li tiddiskrimina fl-aċċess għall-edukazzjoni u timponi l-għeluq tal-iskejjel; jappella biex jintemmu dawn il-prattiki u jħeġġeġ il-ftuħ mill-ġdid tal-iskejjel kollha għall-bniet u n-nisa; |
|
23. |
Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jippreservaw u jsaħħu aktar ir-riżultati li nkisbu f'dawn l-aħħar 20 sena fl-edukazzjoni għan-nisa u l-bniet fl-Afganistan; iħeġġeġ li jiġi allokat il-finanzjament meħtieġ fi ħdan il-pakkett ta' għajnuna umanitarja tal-UE għall-Afganistan biex l-organizzazzjonijiet internazzjonali u lokali jkunu jistgħu jiffaċilitaw il-ftuħ mill-ġdid ta' faċilitajiet edukattivi għan-nisa u l-bniet u jiżviluppaw programmi ta' apprendiment mill-bogħod bħala miżura temporanja; jappella biex tingħata attenzjoni simili lill-edukazzjoni tat-tfal u ż-żgħażagħ Afgani f'pajjiżi li jospitaw rifuġjati Afgani; |
|
24. |
Jissottolinja li d-dritt għall-edukazzjoni u għall-informazzjon dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, l-ippjanar tal-familja, il-metodi moderni ta' kontraċettivi, l-abort sikur u legali, u l-kura tas-saħħa materna, prenatali u postnatali jridu jiġu garantiti għal kulħadd; |
|
25. |
Jisiteden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-gvernijiet nazzjonali ta' pajjiżi terzi, jiżviluppaw programmi speċifiċi għall-ġestjoni u t-taffija tal-impatt tas-saħħa mentali u dak psikosoċjali mit-tifqigħa tal-COVID-19 fuq it-tfal, l-għalliema u l-komunitajiet tagħhom, u jfasslu kampanji preventivi speċifiċi mmirati lejn it-tfal, il-ġenituri u l-għalliema dwar ir-riskji tal-użu tal-internet, bħall-fastidju, it-traffikar, l-abbuż sesswali u l-bullying online kif ukoll jippromwovu pjanijiet speċjali biex jassistu lit-tfal li kienu vittmi ta' dawn il-prattiki u l-ġenituri tagħhom; |
|
26. |
Jissottolinja l-ħtieġa ta' programmi edukattivi dwar is-sesswalità li jkunu xierqa skont l-età, ibbażati fuq l-elementi konkreti u komprensivi biex titnaqqas il-vulnerabbiltà tal-bniet u t-tfajliet għal twelid bikri u tqala mhux intenzjonata, iż-żwieġ ta' minorenni, il-prostituzzjoni, it-trażmissjoni tal-HIV u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru; |
|
27. |
Jinnota li l-proporzjon ta' studenti ma' professjonisti mħarrġa fir-reġjun sub-Saħarjan għadu għoli, minkejja d-diversi sforzi tal-UE u l-assistenza li tipprovdi; jenfasizza li l-medji reġjonali huma 58 student għal kull għalliem imħarreġ fil-livell primarju, u 43 student għal kull għalliem imħarreġ fil-livell sekondarju; jindika li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw isibuha diffiċli jużaw ir-riżorsi b'mod effiċjenti u li, ħafna drabi, iż-żieda fl-infiq fl-edukazzjoni ma ssarrafx f'aktar apprendiment u kapital uman imtejjeb; jisħaq fuq ir-rwol tal-għalliema fil-livelli kollha fl-iffaċilitar tal-apprendiment, l-importanza tat-teknoloġija għall-apprendiment u l-ġestjoni effiċjenti tal-iskejjel u tas-sistemi edukattivi f'dawn il-pajjiżi; ifakkar li, skont l-UNESCO, hemm bżonn li jiġu impjegati mill-inqas 15-il miljun għalliem biex jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-edukazzjoni fl-Afrika sub-Saħarjana sal-2030, skont l-SDG 4; |
|
28. |
Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Istati Membri jappoġġaw lill-awtoritajiet tal-pajjiżi sħab fl-indirizzar tal-isfidi fis-sistemi edukattivi tagħhom bl-għan li dawn ikunu kapaċi jifilħu għal kriżijiet futuri, u jagħmlu s-sistemi aktar reżiljenti u inklużivi, jimplimentaw programmi ta' rkupru tal-apprendiment u jipproteġu l-baġits edukattivi, b'investimenti ddedikati f'edukazzjoni ta' kwalità għolja, bi prezz raġonevoli u inklużiva, inkluż investimenti fit-teknoloġija tal-edukazzjoni, fit-taħriġ tal-għalliema u f'riżorsi oħrajn biex jiġi żgurat li t-tfal u ż-żgħażagħ jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, ikunu preparati għall-ħajja u ma jitilfux opportunitajiet li jidħlu fis-suq tax-xogħol aktar tard f'ħajjithom, filwaqt li jirrispettaw il-bżonnijiet u d-drittijiet edukattivi ta' kull tifel u tifla; jenfasizza li l-programmi ta' apprendiment mill-bogħod imfassla biex jindirizzaw kriżijiet futuri jridu jinkludu materjal didattiku differenti, inkluż materjal stampat, sabiex ikunu aċċessibbli għat-tfal l-aktar żvantaġġati u emarġinati; |
|
29. |
Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-UNESCO: a Global Call for Investing in the Futures of Education (Appell Globali għall-Investiment fil-Futuri tal-Edukazzjoni); iħeġġeġ lill-pajjiżi fid-dinja jikkunsidraw l-edukazzjoni bħala investiment aktar milli spiża; jemmen li assistenza finanzjarja adegwata u effettiva fl-edukazzjoni hija prerekwiżit biex jiġi eliminat il-faqar u jissaħħaħ il-benesseri tal-bniedem, speċjalment fi żmien meta r-riżorsi pubbliċi kulma jmur qed isiru aktar ristretti b'domandi li jikkompetu bejniethom f'setturi milquta ħażin bħas-saħħa u l-edukazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu b'mod sostanzjali l-finanzjament għall-edukazzjoni fl-istrateġiji internazzjonali tagħhom għall-iżvilupp u l-assistenza; |
|
30. |
Jissottolinja li ż-żgħażagħ huma l-aktar riżorsa prezzjuża biex tingħata spinta lill-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; |
|
31. |
Ifakkar li l-komunità globali hija impenjata li ttejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni sal-2030 (SDG 4); |
|
32. |
Jappella biex jiżdiedu l-iskambji edukattivi internazzjonali bejn iż-żgħażagħ fl-Afrika u fl-UE, permezz ta' programmi bħal Erasmus u Erasmus għal Imprendituri Żgħażagħ, bil-għan li jgħinu lill-imprendituri l-ġodda jiksbu l-ħiliet rilevanti għall-ġestjoni tan-negozji; |
|
33. |
Jistieden lill-Istati Membri jqisu l-fatt li l-kriżi tas-saħħa tal-COVID-19 aggravat is-sitwazzjoni ta' dawk miżmuma fil-kampijiet fis-Sirja u jirrimpatrijaw minnufih lit-tfal Ewropej kollha miżmuma f'dawk il-kampijiet, filwaqt li jiżguraw li l-aħjar interess tat-tfal jipprevali bħala l-kunsiderazzjoni primarja; |
|
34. |
Jisħaq fuq l-importanza li t-taħriġ vokazzjonali u l-“programmi kumpensatorji” jiġu inklużi fil-pjanijiet ta' rkupru biex jgħinu lit-tfal u liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi joffru prospettivi futuri mixtieqa għaż-żgħażagħ; |
|
35. |
Jisħaq fuq l-importanza li l-investiment fit-taħriġ u l-edukazzjoni jiġi akkumpanjat minn appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi biex tingħata perspettiva futura aħjar għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' żgħażagħ fl-Afrika u f'reġjuni oħra li qed jiżviluppaw; jinnota l-importanza partikolari tas-sħubija pubblika-privata fil-ksib tal-SDG 8 dwar l-aċċess għal xogħol deċenti; jisħaq fuq l-importanza ta' edukazzjoni sekondarja u taħriġ vokazzjonali li huma essenzjali għall-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u għall-iżvilupp sostenibbli; jinnota wkoll li ż-żieda fil-popolazzjoni taż-żgħażagħ tal-Afrika teħtieġ l-ewwel u qabel kollox l-appoġġ ta' edukazzjoni ta' kwalità u l-progress tat-taħriġ fil-ħiliet vokazzjonali biex jiżdiedu l-mobbiltà u l-aċċess għas-swieq u d-drittijiet; |
|
36. |
Jistieden lill-UE trawwem l-investiment fit-taħriġ vokazzjonali u fl-apprendiment tul il-ħajja u t-tisħiħ tal-istrutturi edukattivi, f'kooperazzjoni mas-settur privat, biex jiġi sfruttat il-kapital uman; |
|
37. |
Jenfasizza l-importanza ta' żvilupp professjonali kontinwu u appoġġ finanzjarju msaħħaħ għall-għalliema, li jagħtihom is-setgħa jindirizzaw it-telf tal-apprendiment fost l-istudenti tagħhom sabiex ikunu jistgħu jirrispondu għall-kundizzjonijiet tas-saħħa soċjali, tal-familja u mentali individwali tagħhom, u biex jinkorporaw it-teknoloġija diġitali fit-tagħlim tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li tinħataf l-opportunità u li jintużaw fondi għall-irkupru mill-COVID-19 u miżuri innovattivi rapidi użati biex jiġi żgurat l-apprendiment mill-bogħod matul il-pandemija bil-għan li tiġi riveduta l-edukazzjoni u jinbnew sistemi li jħarsu aktar 'il quddiem, li jkunu inklużivi, flessibbli u reżiljenti; jemmen li dawn l-approċċi l-ġodda jridu jindirizzaw it-telf tal-apprendiment, jipprevjenu t-tluq bikri mill-iskola u jiżguraw il-benesseri soċjali u emozzjonali tal-istudenti, l-għalliema u l-persunal; |
|
38. |
Jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni mhux formali u ta' dik informali, tal-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza u tal-volontarjat; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lill-pajjiżi terzi fit-titjib tar-rikonoxximent tal-ħiliet personali; jinsisti fuq il-promozzjoni ta' prattiki ta' solidarjetà u ta' mentoraġġ interġenerazzjonali biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi, l-esklużjoni jew it-tluq bikri mill-iskola; |
|
39. |
Jappella biex jiġu aċċelerati l-iskambji tal-għarfien u l-mobbiltà globali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni kif ukoll bejn u fi ħdan il-pajjiżi u r-reġjuni, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-istorja kumplessa u kkontestata tar-relazzjonijiet dinjija u jenfasizza l-importanza li l-wirt, l-identità kulturali, l-istorja, l-arti u ċ-ċittadinanza globali jiġu promossi permezz tal-edukazzjoni; jinnota l-potenzjal tal-kombinazzjoni tal-iskambji online u l-ivvjaġġar għal dan il-għan; |
|
40. |
Jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati u msaħħa attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni relatati mat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni ambjentali u l-impatt tagħhom fuq it-tfal u l-ġenerazzjonijiet futuri; jappella biex l-edukazzjoni ambjentali ssir komponent ewlieni tal-kurrikuli tal-iskejjel; |
|
41. |
Jenfasizza r-rwol importanti tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel, peress li l-attività fiżika u stil ta' ħajja tajjeb għas-saħħa huma essenzjali għat-titjib tas-saħħa tal-istudenti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lis-SEAE jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiżguraw faċilitajiet sportivi suffiċjenti u sikuri fl-iskejjel u t-taħriġ ta' għalliema tal-isport kwalifikati; |
|
42. |
Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġu sfruttati s-sinerġiji bejn il-kultura u l-edukazzjoni sabiex jissawru soċjetajiet sostenibbli, inklużivi u reżiljenti; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jappoġġaw, f'dan ir-rigward, lill-awtoritajiet nazzjonali huma u jinkludu l-arti u l-kultura fil-kurrikuli tal-iskejjel u fl-attivitajiet ekstrakurrikulari tagħhom sabiex jarrikkixxu l-esperjenzi edukattivi u tat-tagħlim tal-istudenti fil-pajjiżi terzi; |
|
43. |
Iqis li l-gvernijiet nazzjonali – u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali jew lokali kompetenti tagħhom – jeħtiġilhom jikkomunikaw mat-tfal b'mod adattat għalihom bil-għan li jispjegaw il-miżuri meħuda biex jillimitaw it-tixrid tal-COVID-19 ħalli jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar l-impatt, ir-riskji u t-theddid tal-COVID-19 u jinformaw lit-tfal dwar id-drittijiet tagħhom; |
|
44. |
Jisħaq fuq l-importanza li jinkisbu l-ħiliet, b'mod partikolari permezz tat-tagħlim wiċċ imb wiċċ, li se jippermettu lit-tfal jagħmlu progress f'ħajjithom, bħal fil-każ tar-relazzjonijiet personali, il-ħiliet fl-istudju, l-empatija u l-kooperazzjoni; jenfasizza l-importanza li t-tfal ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom f'attivitajiet ta' logħob u ta' divertiment bħala element ewlieni tal-iżvilupp tagħhom, kif rikonoxxut fl-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jappella biex jittieħdu passi bil-għan li tissaħħaħ it-tgawdija ta' attivitajiet kulturali u ta' divertiment għat-tfal, kemm bħala drittijiet fihom infushom kif ukoll bħala mezz biex jittejbu s-saħħa mentali u l-benesseri ġenerali tagħhom; |
|
45. |
Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri kollha tan-NU li għadhom ma għamlux dan biex jirratifikaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, filwaqt li jisħaq fuq l-importanza li dan l-istrument ewlieni tad-drittijiet tal-bniedem isir effettiv fuq livell dinji; |
|
46. |
Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi evalwat, segwit u mmonitorjat b'mod xieraq l-impatt tal-inizjattivi introdotti matul il-kriżi, sabiex jiġu identifikati l-lakuni u n-nuqqasijiet u jiġi determinat kif dawn jistgħu jiġu rimedjati; |
|
47. |
Jimpenja ruħu li jagħmel l-edukazzjoni suġġett fundamentali tad-diskussjonijiet fil-ħidma tad-delegazzjonijiet parlamentari, b'mod partikolari permezz ta' assemblej parlamentari konġunti bħall-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE; |
|
48. |
Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. |
(1) B'mod partikolari, l-Osservazzjoni Ġenerali nru 5 dwar il-miżuri ġenerali ta' implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal; nru 6 dwar it-trattament ta' tfal mhux akkumpanjati u separati barra mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom; nru 10 dwar id-drittijiet tat-tfal fil-ġustizzja għall-minorenni; nru 12 dwar id-dritt tat-tfal li jinstemgħu; nru 13 dwar id-dritt tat-tfal li jkunu liberi minn kull forma ta' vjolenza; nru 14 dwar id-dritt tat-tfal li jkollhom l-aħjar interessi tagħhom meqjusa bħala kunsiderazzjoni primarja; nru 15 dwar id-dritt tat-tfal għat-tgawdija tal-ogħla standard ta' saħħa li jista' jinkiseb; u nru 16 dwar l-obbligi tal-Istat rigward l-impatt tas-settur tan-negozju fuq id-drittijiet tat-tfal.
(2) ĠU C 232, 16.6.2021, p. 2.
(3) ĠU C 474, 24.11.2021, p. 130.
(4) Uffiċċju tar-Riċerka UNICEF, COVID-19: Missing More Than a Classroom – The impact of school closures on children's nutrition (COVID-19: is-sospensjoni tal-lezzjonijiet mhijiex l-unika konsegwenza – l-impatt tal-għeluq tal-iskejjel fuq in-nutrizzjoni tat-tfal), Jannar 2021.
(5) UNESCO, Skeda informattiva nru 46, More Than One-Half of Children and Adolescents Are Not Learning Worldwide (Fid-dinja aktar min-nofs it-tfal u l-adolexxenti ma jmorrux l-iskola), Settembru 2017.
(6) Rapport tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tal-2021, 15 ta' Lulju 2021.
(7) UNESCO, How many students are at risk of not returning to school? (Kemm studenti jinsabu f'riskju li ma jmorrux lura l-iskola?), 30 ta' Lulju 2020.
(8) Stqarrija għall-istampa tad-19 ta' Ġunju 2020 mill-Europol bit-titolu “Exploiting Isolation: sexual predators increasingly targeting children during COVID pandemic” (L-isfruttament tal-iżolament: il-predaturi sesswali jimmiraw dejjem aktar it-tfal waqt il-pandemija tal-COVID).